Home          |          Email          |          Blog          |         Librerija          |

IS-SENA LITURĠIKA  2

 

Iċ-“Ċiklu tal-Milied”,

Il-“Ħdud ta’ matul is-sena sal-Festa ta’ Kristu Sultan.

Minn Dun Ġorġ Schembri

L-ewwel indikazzjoni ta’ festa tal-Milied insibuha f’Ruma fil-Kalendarju ta’ Philocalus tas-sena 354 li jgħid li fil-25 ta’ Diċembru,  VII kalendas Ianuarii, natus est Christus in Betlehem Iudeae.  Intagħżel il-25 ta’ Diċembru probabbilment sabiex l-Insara taż-żmien iwarrbu l-festa paġana ndirizzata lejn il-pjaneta xemx ukoll għax Kristu, fl-Iskrittura, huwa assoċjat magħha kif nisimgħu mill-kliem ta’ Xmun, fil-preżentazzjoni tal-Mulej fit-Tempju li l-miġja tal-Mulej fostna hi bħaż-żjara tax-xemx tielgħa li dawwal il-dawk li jinsabu fid-dlamijiet u dell il-mewt u tmexxi l-passi tagħna fit-triq tas-sliem (Luqa 1:78-79).  Barra minn hekk, l-Evanġelista San Ġwann, fil-Prologu, jistqarr li Ġesu` huwa d-dawl tad-dinja, u min jimxi f’dan id-dawl ma’  jimxix fid-dlam. 

Naraw ukoll li, għall-ewwel, il-festa tal-Milied fil-Punent kienet tinkludi t-tfulija ta’ Ġesu`, iż-żjara tal-Maġi w l-istraġi tal-innoċenti.  Fil-Lvant, iżda, u fi Franza, li mxiet fuq il-Lvant, sal-bidu tar-Raba Seklu, nsibu biss il-festa ta’ l-Epifanija bl-enfasi fuq it-Teofanija, jiġifieri, l-manifestazzjoni ta’ Ġesu` bħala Alla magħmul bniedem. Kien lejn tmiem l-istess seklu, li, fil-Punent (fl-Italja, Spanja w l-Afrika ta’ Fuq), naraw li l-festa ta’ l-Epifanija tiġi mifiruda minn dik tal-Milied li, sadanittant, ġiet ukoll introdotta fil-Lvant, għalkemm il-festa tal-Epifanija, hawnhekk, baqet tingħata iktar importanza.  Madankollu il-Milied, kif jgħidilna Santu Wistin, kien għadu memoria, tifkira, mhux bħal festa tal-Għid li kienet ikkunsidrata bħala sacramentum, jiġifieri, sinjal tanġibbli ta’ realtajiet intanġibbli.  Kien imbagħad lejn tmiem it-Tmien Seklu li l-Papa San Iljun jikkonsidra l-festa tal-Milied bħala sacramentum.  Ta’ min iżid li lejn tmiem ir-Raba Seklu, diġa nsibu l-quddiesa tal-Vġili, waqt li fil-Ħames Seklu, nsibu l-quddiesa ta’ nofs il-lejl fil-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore kif kien qed isir f’Belehem.  Iktar tard, fis-Seklu Sitta, nsibu l-Papa jqaddes quddiesa mas-sebħ f’Santa Anastasja, u quddiesa oħra matul il-jum f’San Pietru. Din l-aħħar quddiesa mit-Tnax il-Seklu l-quddiem bdiet issir f’Santa Maria Maggiore.  Dawn it-tlett quddisiet, sas-Seklu Għaxra, konna nsibuhom fil-knejjes kollha tal-Punent, fejn, l-ewwel quddiesa tħabbar il-messaġġ tat-twelid ta’ Ġesu`, it-tieni quddiesa tħabbar il-qima li tingħatalu mir-ragħajja, waqt li t-tielet tħabbar li t-Tarbija ta’ Betlehem hija l-Verb magħmul bniedem.

Tmient ijiem fuq il-Milied, sa min qabel is-Sitt Seklu kien iddedikat lill-Madonna. Iktar tard ġie ddedikat liċ-ċirċumċiżżjoni ta’ Ġesu`, waqt li, kif nafu, bir-riforma tal-Konċilju Vatikan II,  l-ewwel ta’ Jannar huwa ddedikat kemm l-Maternita` Divina tal-Madonna, liċ-ċirkumċiżżjoni, w l-Isem ta’ Ġesu`, kif ukoll lill-Paċi għax hi x-xewqa tal-Knisja li ngħixu fl-għena w is-sliem (Jum il-Paċi).  Ta’ min iżid li, minn tmiem ir-Raba Seklu, fl-ottava tal-Milied nsibu l-festi ta’ San Stiefnu, San Ġwann l-Evanġeslista w il-Qaddisin Martri Nnoċenti.   Iktar tard  insibu wkoll il-festi ta’ San Silvestru Papa, San Ġakbu w San Tumas ta’ Ċanterbury.  Fil-Lvant, fl-ewwel Ħadd fuq il-Milied, insibu l-festa ta’ Maria w San Ġużepp, li ‘l-Konċilju Vatikan II  ddedikaha lis-Sagra Familja.

Diġa għidna li l-festa ta’ l-Epifanija fil-Lvant kienet iktar importanti mill-festa tal-Milied.  Fil-fatt din ta’ l-aħħar hija pjuttost assoċjata mat-tfulija ta’ Ġesu` u mal-Magħmudija tiegħu festi li fihom jispikka ħafna l-element tad-dawl li huwa Kristu li ġie biex idawwalna waqt li jimmanifesta d-Divinita` tiegħu fl-umanita tagħna.  Għalhekk li fil-Knejjes Orjentali fis-6 ta’ Jannar sa mill-qedem jiġi mbierek l-ilma tal-Magħmudija.  Għalhekk insibu lil min jitgħammed fl-Epifanija.  Għalhekk ukoll li sa mis-Seklu Tmienja fi Franza li minn dejjem segwiet mill-qrib il-Liturġija tal-Lvant naraw il-manifestazzjoni ta’ Kristu fil-qima tal-Maġi, fl-Epifanija, li kellha wkoll il-Vġili, fil-Magħmudija tiegħu u fit-Tieġ ta’ Kana li kien iċċelebrat fl-ottava tal-Epifanija.  Bir-riforma tal-Konċilju Vatikan II żmien il-Milied jagħalaq bil-Magħmudija tal-Mulej li tiġi Ħadd fuq l-Epifanija fejn insibu s-sejħa tal-ġnus għas-salvazzjoni waqt li mistednin jagħtu qima l-Mulej, il-Misteru moħbi li ġie rrevelat lilna bi Kristu.  Naraw b’hekk li l-festa tal-Magħmudija tal-Mulej hija estensjoni tal-Epifanija jew, aħjar, Epifanija oħra għax, fi kliem San Pawl, bid-dehra tal-qawwa ta’ Alla fostna aħna ksibna twelid ġdid u tiġdid fl-Ispirtu s-Santu.

Bħalma l-festi tal-Għid ġew estiżi f’ċiklu li jwassalna kemm sal-Pentekoste u kemm fiż-żmien tar-Randan bħala preparazzjoni għalihom, hekk ukoll il-festi tal-Milied narawhom estiżi f’ċiklu li jagħalaq bil-Magħmudija tal-Mulej u jinkludi wkoll żmien ta’ preparazzjoni għalihom, iż-żmien tal-Avvent. 

Il-kelma Avvent għandha oriġni pagana assoċjata mal-fehma li l-allat, ta’ kull sena, kienu jżuru lid-devoti tagħhom fit-tempji ddedikati lilhom, matul iċ-ċelebrazzjonijiet indirizzati lejhom.  Insibuha wkoll fil-protoċol tal-Qorti Imperjali indirizzata kemm lejn il-jum li fih persuna tassumi s-setgħa ta’ Imperatur, kif ukoll il-jum meta dan jagħżel li jagħmel xi żjara uffiċjali xi mkien.  Niftakru li Imperatur spiss kien jassumi kwalitajiet u titoli assoċjati ma’ l-allat.  Fil-fatt, l-istess Imperatur Kostantinu kien ħareġ muniti li jfakkru jum il-ħatra tiegħu bil-kliem, Adventus Divi Augusti. 

Il-kelma Avvent insibuha mbagħad, lejn tmiem ir-Raba Seklu u fis-seklu ta’ wara f’Gallia (Franza) u fi Spanja meta l-insara ta’ hawn dehrilhom  li kien jinħtieġ żmien qabel il-festi tal-Milied u l-Epifanija li jestendi sa tlett ġimgħat sabiex dawk li kienu ser jitgħammdu fl-Epifanija setgħu ikollhom tħejjija axxetika w reliġjuża xierqa. Fl-istess ħin l-insara magħmmdin kienu mħeġġa biex jattendu l-Knisja mis-17 ta’ Diċembru sal-festa tal-Epifanija u obbligati li jsumu w jagħmlu penitenza, tlett ijiem fil-ġimgħa, mill-festa ta’ San Martin sal-festa tal-Milied.  L-istess kelma Avvent, għalkemm assoċjata maż-żmien ta’ tħejjija għall-festi tal-Milied, insibuha, mill-bidu assoċjata kemm mal-miġja ta’ Kristu fostna, bħala bniedem, biex jinawgura ż-żminijiet messjaniċi kif ukoll mat-tieni miġja tiegħu fil-glorja, fl-aħħar taż-żmien, biex iġib fit-tmiem il-ħidma salvifika tiegħu. Għalhekk, Avvent, Twelid u Epifanija huma intimament marbutin ma’ xulxin.

Ruma bdiet tuża l-kelma Avvent min-nofs is-Seklu Sitta l-quddiem, kif jixhdu l-appendiċi tas-Sagramentarji Ġelasjan u Gregorjan, u iktar tard il-Veronense, fejn insibu talb, in Adventu Domini, li jestendi minn 4 sa’ 6 ġimgħat qabel il-Milied.  Il-quddies tal-Avvent ġie ntrodott bejn is-Sekli Tmienja w Disgħa bħala ntroduzzjoni għaċ-Ċiklu tal-Milied. 

Ta’ min josserva li, mid-devozzjoni lejn it-twelid u d-dehra ta’ Kristu fostna bħala bniedem dak li ta spinta l-Avvent ma’ kienux, għall-bidu, konsiderazzjonijiet liturġiċi iżda il-ħtieġa għall-talb, penitenza w prattiċi axxetiċi (sawm w astinenza).  Kien iktar tard minn Ruma li naraw insistenza sabiex il-Misteru tal-Għid jiġi estiż biex jinkludi aspetti oħra bħat-tħabbira, twelid, tfulija w l-inawgurazzjoni tal-ħajja pubblika ta’ Kristu, bit-Tieġ ta’ Kana w bil-Magħmudija tiegħu fil-Ġordan minn Ġwanni l-Battista.  Barra minn hekk, għalkemm fi Spanja w Gallia, qabel il-festi tal-Milied, jispikka, bħal fir-Randan, l-ispirtu ta’ penitenza, għax l-Avvent, minħabba l-influwenza tal-monaċi, kien ikkunsidrat bħala t-tieni Randan, f’Ruma, iżda, jispikka iżjed l-ispirtu ta’ ferħ waqt li nistennew it-tama hienja tal-miġja tas-Salvatur tagħna, kif tfakkarna wkoll il-Liturġija wara t-talba tal-Missierna, qabel ma’ nitqarbnu.  Huwa, fil-fatt, għalhekk li nibqgħu nsibu l-Alleluia. 

Nistgħu ngħidu li fil-Lituġija tal-Lvant l-Avvent ma’ jeżistiex.  Insibu, minflok, żmien iqsar ta’ preparazzjoni għall-Milied, bħal meta, fir-Rit Biżantin, fil-Ħadd ta’ qabel il-Milied insibu t-tifkira tan-nies qaddisa, ibda minn Adam sa Ġużeppi r-Raġel Ta’ Marija, li għixu skond il-qalb ta’ Alla.  Il-Qaddisin tar-Rabta l-Qadima huma wkoll imħeġġa biex jifirħu bit-twelid tal-Feddej.  Fir-Rit Sirijaku, mbagħad, insibu ħames ġimgħat, imsemmija bħala tat-Tħabbir tal-Feddej,  lill-Żakkarija, lill-Madonna, lill-Eliżabetta fiż-żjara li għamlitilha Marija, fit-twelid tal-Battista, w lill-Ġużeppi.

Fl’aħħarnett, il-Konċilju Vatikan II jidher li jqiegħed l-Avvent kemm bħala l-bidu tas-sena Liturġika, kif ukoll bħala t-tmiem taċ-Ċiklu tal-Ħdud ta’ matul is-sena tal-Knisja għax jgħidilna …Matul il-korsa tas-sena, l-Knisja tesprimi w tiżviluppa l-Misteru kollhu ta’Kristu mill-Inkarnazzjoni w t-Twelid sa’ l-Axxensjoni, il-Pentekoste u l-istennija tat-Tama qaddisa tal-Miġja tal-Mulej (Sacrosanctum Concilium, art.102). Barra minn hekk jiddistingwi bejn l-Inkarnazzjoni w il-Miġja tal-Mulej.  Interessanti wkoll li, kemm f’Ruma u kemm f’Ravenna insibu l-Etimasia, jiġifieri t-Tron vojt tal-Pantocrator (Kristu fil-Glorja), li jfisser, l-istennija ta’ Kristu mill-insara skond it-testi messjaniċi tal-profeti. Għalhekk fil-Liturġija Rumana tal-Avvent jispikkaw il-Profeta Isaija w San Ġwann Battista. 

Ir-riforma liturġika instigata mill-Konċilju Vatikan II, tfassal l-Avvent fuq 4 ġimgħat maqsumin f’żewġ partijiet:  l-ewwel parti tikkonsisti mill-bidu ta’ Diċembru sas-16 ta’ Diċembru, waqt li t-tieni parti tibda mis-17 ta’ Diċembru sal-24 ta’ Diċembru.  L-ewwel parti tenfasiżża pjuttost it-Tieni Miġja ta’ Kristu fil-Glorja biex b’hekk għandna kontinwita` ma’ l-aħħar Ħdud tas-Sena Liturġika li jinkludu s-Sollenita` ta’ Kristu Sultan, għalkemm insibu wkoll aċċenn għall-Ewwel Miġja ta’ Kristu bħala Bniedem kif jindika l-ewwel Prefazju tal-Avvent. It-tieni parti, mbagħad, tenfasiżża iżjed l-Ewwel Miġja ta’ Kristu, kif jindikalna wkoll it-tieni Prefazju tal-Avvent.  Għaldaqstant, fil-Liturġija tal-Kelma tal-Ħdud tal-Avvent, matul is-snin A, B u Ċ, naraw l-ewwel Qari jirreferi għall-Profeziji Messjaniċi, speċjalment ta’ Iżaija, kif ukoll ta’ Ġeremija, Baruk u Sofonija.  Naraw li t-tieni Qari mill-Ittri ta’ San Pawl, San Pietru, San Ġakbu w lill-Lhud, jirreferu kemm għall-ewwel u kemm għat-tieni Miġja ta’ Kristu. L-Evanġelji tal-ewwel Ħadd jirreferu għall-aħħar żmienijiet, tat-tieni w it-tielet, għall-Ġwanni l-Battista, waqt li tar-raba Ħadd għat-tħabbir tal-anġlu lill-Ġużeppi (sena A), w Marija (sena B), u għaż-żjara ta’ Marija l-Santa Eliżabetta.  Fl-aħħar ġimgħa qabel il-Milied insibu referenza qawwija għall-Madonna.  L-istess struttura ta’ temi nsibuhom ukoll fil-Liturġija tas-Siegħat (Brevjar), jiġifieri, nsibuhom kemm fis-siltiet mill-Iskrittura kif ukoll fis-siltiet minn Missirijiet il-Knisja.               

Rajna li s-Sena tal-Knisja hi magħmula miż-żewġ Ċikli Kbar tal-Għid u tal-Milied. Rajna wkoll li dawn iċ-Ċikli huma marbutin flimkien għalkemm jirreferu għall-Misteri tar-Redenzjoni w ta’ l-Inkarnazzjoni, rispettivament, ukoll għaliex, kif nistqarru fil-Kredu, Ġesu`, għalina l-bnedmin u għall-fidwa tagħna ħa l-Ġisem u sar bniedem.  Bejn dawn iċ-Ċikli nsibu ċ-Ċiklu tal-Ħdud ta’ matul is-Sena Liturġika li jirreferu għal dak li wettaq Kristu fil-ħajja pubblika tiegħu sakemm ġie stabbilit fil-leminija tal-Missier minn fejn għandu jerġa jiġi fil-Glorja.  Iċ-Ċiklu tal-Ħdud ta’ matul is-Sena Liturġika jibda mit-tieni wieħed għax, fl-ewwel Ħadd insibu l-Magħmudija ta’ Ġesu` li, kif rajna, liturġikament jagħmel ma’ Żmien il-Milied minħabba l-konnessjoni li għandu ma’ l-Epifanija. Is-siltiet tal-Qari li nsibu fil-Ħdud ta’ wara mhumiex neċessarjament konnessi, għalkemm fl-aħħar Ħdud jispikka l-Qari dwar it-temi Eskatoloġiċi li, ki rajna, nsibuhom ukoll fl-ewwel żewġt Il-Ħdud tal-Avvent biex ikun hemm kontinwita fiċ-ċelebrazzjoni tal-Misteru tal-Għid. 

Ta’ min jinnota li, sabiex insiru midħla ta’ l-Iskrittura, bir-riforma tal-Konċilju Vatikan II, dawn il-Ħdud huma mqassmin fuq tlett snin fejn, f’kull sena jispikkaw l-Evanġelisti, San Mattew San Mark u San Luqa, rispettivament.  Lill-San Ġwann insibuh ħafna ta’ kull sena fiċ-Ċiklu tal-Għid.  L-ewwel Qari w l-Evanġelju tal-Ħdud għandhom tema komuni. Normalment, it-tieni Qari, iżda, mhijiex konnessa magħhom. Il-Qari ta’ matul il-ġimgħa, mbagħad, hu maqsum f’sentejn sabiex joħloq leċtio ċontinua tat-testi Bibbliċi biex, b’hekk, inkomplu nsiru iktar midħla tagħhom.    

Il-Festa ta’ Kristu Sultan, li tiġi  ċċellebrata fl-aħħar Ħadd ta’ Ottubru, timmarka tmiem is-sena liturġija.  Il-Ħadd ta’ wara, jibda’ l-Avvent, żmien ta’ preparazzjoni u mhux biss għaċ-ċelebrazzjoni tal-Milied, imma wkoll biex nilqgħu lil Ġesů f’ħajjitna u nħejju ruħna dejjem aħjar għat-tieni miġja tiegħu.