Segretarjat għal-Lajċi - Malta

Home          |          Email          |          Blog          |         Librerija          |

IS-SENA LITURĠIKA  1

Minn ‘Jum il-Mulej’ saċ-‘Ċiklu tal-Għid’

Minn Dun Ġorġ Schembri

 

Ser nittrattaw   dan is-suġġett fl-isfond ta’, “x’inhi l-Liturġija?”, “u x’inhu l-kunċett taż-żmien mill-lat Liturġiku?”. Għaldaqstant ser nikkunsidraw kif  jiġi ċċelebrat il-Misteru tal-Għid fil-ħajja tal-Knisja matul il-perijodu ta’ sena.

Agħmlu dan b’tifkira tiegħi …l-appostli w id-dixxipli miġburin madwar Kristu fl-aħħar ċena eventwalment, bl-għajnuna tal-Ispirtu ta’ Alla fihom, isiru konxji li dak li kien qed iwettaq il-Mulej kellu jkompli jiġi attwat minnhom u mis-suċċessuri tagħhom matul ħajjithom biex b’hekk jiġi pperpetwat il-Misteru tal-Għid.

L-episodju ta’ Emmaus, meta żewġ dixxipli ltaqgħu ma’ Ġesu` Rxoxt, u jintebħu bih, għarfuH fil-qsim tal-ħobż,  jagħti bidu sabiex l-appostli w il-komunitjiet ewlenin insara jattwaw kliem Kristu fl-Aħħar Ċena fiċ-ċelebrazzjoni tal-Qsim tal-Ħobż, fl-ewwel jum tal-ġimgħa, l-jum li fih jiltaqgħu mall-Mulej għax qam mill-mewt.  L-ewwel jum tal-ġimgħa marbut ukoll mad-dehriet ta’ Kristu Rxoxt lill-appostli fiċ-ċenaklu biex iwettaqhom u jagħnihom b’setgħat sabiex jirrendu l-Misteru tal-Fidwa preżenti w possibbli fil-ħajja ta’ min isegwi l-Mulej. L-ewwel jum tal-ġimgħa hu marbut ukoll mal-inżul tal-Ispirtu s-Santu fuq l-appostli meta dawn ingħataw il-milja tal-Ispirtu sabiex iwettqu fil-beraħ u bil-kuraġġ dak li talabhom Kristu stess.  Għalhekk għall-komunita nisranija ta’ żmien l-appostli l-ewwel jum tal-ġimgħa ġie ddedikat lill-Mulej bħala “tifkira” ta’ dak li wettaq għall-fidwa tagħna.               

“It-tifkira” bħala preżenza ħajja ta’ Kristu ħaj taħt simboli w xbiehat, preżenza attiva li qegħda twettaq is-salvazzjoni ta’ kull wieħed u waħda minna, sakemm, fl-aħħarnett, niltaqgħu mall-Mulej fil-Glorja. Jum il-Mulej, għalhekk, mhux biss hu Dies Domini, Jum tal-Mulej u għall-Mulej għax hu Jum il-Qawmien mill-mewt tal-Mulej li għadu qed jattwa l-fidwa tagħna fiċ-ċelebrazzjoni tal-Misteru tal-Għid, iżda Dies Dominiċalis, il-Jum li jfakkarna meta, fil-mewt u l-qawmien tagħna, għad niltaqgħu ma’ Kristu fil-Glorja. Mill-bidu nett, għan-nisrani, ż-żmien ta’ ħajtu hu ċċentraliżżat madwar w irregolat miċ-ċelebrazzjoni tal-Misteru tal-Għid kull nhar ta’ Ħadd.

l-ewwel insara jirreferu għall-Misteru tal-Għid bħala ċ-ċelebrazzjoni tal-Qsim tal-Ħobż, Eulogein , Euċaristein, fuq il-linji ta’ ikliet speċjali w festivi Lhud, jiġifieri, l-berakah-berakoth, birkhat ha-Mazon.  Tispikka fost dawn l-ikliet l-Ikla tal-Għid. 

Malajr il-jum partikulari li jfakkar il-qawmien mill-mewt ta’ Kristu jiġi mfakkar b’enfasi bi Triduum Saċrum/Sanċtum, li jikkonsisti fil-mewt (il-Ġimgħa), difna/raqda (is-Sibt), u l-qawmien tal-Mulej (is-Sibt: Vġili tal-Għid).  Vġili tal-Għid: bħala l-qofol, jiġifieri, dies dierum magnum, ppreċedut minn ġranet ta’ sawm (mhux ir-Randan). Għalhekk assoċjat u ddedikat għall-Imgħammdin li jkomplu jifirħu bil-ħajja ġdida li ngħataw mill-Ispirtu s-Santu b’ottava li fiha jiġu spjegati wkoll lilhom il-Misteri li fihom kellhom sehem u li bihom twettqu b’siġill li ma’ jitħassarx.

Il-ferħ tal-Għid tal-ottava estiż b’ċelebrazzjonijiet twal ta’ ħamsin jum, sal-Pentekoste: l-impatt qawwi tas-salvazzjoni fuq id-dinja w fuq il-ħolqien kollhu meta l-Mulej iferra l-ħajja tiegħu fuq il-bnedmin kollha. Il-Pentekoste assoċjat mall-Konfirmazzjoni: l-imgħammed mogħti l-milja tal-Ispirtu biex, bħall-appostli jimtela bil-kuraġġ u s-setgħa sabiex jimpenja lilhu nnifsu għall-Kristu w għall-ħutu l-bnedmin. Il-Pentekost, bil-Vġili, ġie ntrodott fis-seklu Erbgħa, il-famuż seklu li fih , fis-sena 313, l-Imperatur Kostantinu għamel paċi mall-Knisja, waqqaf il-persekuzzjonijiet, u ta bidu sabiex eventwalment il-Kristjaneżmu sar ir-Reliġjon uffiċċjali tal-Imperu tant li l-Knisja minn waħda ppersegwitata saret waħda pprivileġġjata. Bdiet tissejjaħ ukoll Knisja Imperjali.  Il-Vġili tal-Pentekoste kien riservat għall-min ma’ laħaqx jitgħammed fil-Vġili tal-Għid.  Ġie wkoll miżjud b’ottava ddedikata lis-sebgħa doni tal-Ispirtu s-Santu.  Din l-ottava nsibuha mbagħad wara l-Axxensjoni w estiża bħala novena li l-Papa Ljun XIII fl-1897 ddedikaha għall-għaqda fost l-insara.   It-Tlugħ fis-Sema tal-Mulej, li jiġi għaxart ijiem qabel, beda wkoll jiġi ċċelebrat fis-seklu Erbgħa, kompla jinxtered fis-seklu Ħamsa, u ġie miżjud bil-Vġili fis-seklu Sitta. Jispikkaw ukoll fih l-elementi ta’ ferħ u tifħir l-Alla.

 Mill-mewt għandna diġa l-viżjoni ta’ ħajja ġdida w tal-glorja. Il-Misteru tal-Għid, b’hekk qed iħares ukoll lura lejn il-ħolqien, il-waqa tal-bniedem, il-wegħda w il-ħtieġa tal-fidwa w tal-feddej bl-Inkarnazzjoni w ir-Redenzjoni.  Iħares ukoll il-quddiem sas-sebħ tiegħu (Kristu) u tagħna fi ħdan il-Missier.  

Qabel ir-Raba seklu diġa nsibu ġranet ta’ sawm w astinenza fil-ħajja tal-Knisja.  B’mod partikulari nsibu s-sawma l-kbira tat-3 ijiem qaddisa tal-Għid.  Iżda r-Randan nsibuh introdott u jiżviluppa, liturġikament, bejn ir-Raba w il-Ħames seklu bħala żmien ta’ preparazzjoni għall-Għid fuq l-eżempju ta’ Mose` w Elija li tħejjew għall-40 jum sabiex jiltaqgħu mall-Mulej fuq is-Sinaj w il-Ħoreb rispettivament, u fuq l-eżempju ta’ Kristu nnifsu li għadda l-istess żmien fid-deżert qabel ta bidu għall-ħajja pubblika. L-40 jum kienu jintgħaddu mis-6 Ħadd qabel l-Għid, sal-Ħamis qabel it-3 ijiem qaddisa. Iżda kellhom jitnaqqsu l-ġranet tal-Ħdud għax fihom ma’ kienx isir sawm u ġew miżjuda 4 ijiem oħra biex ir-Randan narawh jibda bl-Erbgħa tal-Irmid. 

Żmien ir-Randan jispikka bis-sejħa tal-insara għall-indiema u t-twemmin fil-bxara t-tajba akkumpanjati mit-tgħakkis tagħhom sabiex jindirizzawhom għat-tiġdid spiritwali. Id-dixxiplina tas-sawm u l-astinenza llum hi mħollijja għall-Ras ir-Randan u l-Ġimgħa l-Kbira.  Għall-ewwel iżda kienet indirizzata prinċipalment lejn dawk il-katekumeni li, bħala adulti, kienu qed jitħejjew għall-ħajja ġdida permezz tal-Magħmudija, kif ukoll lejn il-midinbin ‘pubbliċi’ li kellhom jiġu rrikonċiljata ma’ Alla w mal-komunita nisranija f’jum il-Ħamis qabel il-Vġili tal-Għid meta mbagħad setgħu jersqu biex jitqarbnu. Għalhekk, fil-Ħdud tar-Randan, setgħu jattendu għall-Liturġija tal-Kelma, waqt li kienu  jiġu eżaminati sabiex jiġi deċiż jekk kienhux disposti biżżejjed biex jingħaqdu mall-komunita nisranija b’mod iktar sħieħ. Lejn is-Sitt Seklu żdiedu dawk li ġew mgħammda bħala trabi, kif ukoll żdiedet it-tendenza ta’ min ifittex ir-rikonċiljazzjoni ma’ Alla b’mod iktar privat, u għaldaqstant, l-ispirtu tar-Randan ġie estiż lejn l-insara kollha. Dan l-ispirtu kien indikat billi l-inkwatri w ix-xbiehat kienu jitattew bid-drapp vjola.

Tabilħaqq li l-kulur vjola jispikka ħafna f’dan il-perijodu, iżda f’Ħadd il-Palm jispikka l-kulur aħmar peress li qabel konna nsibuh bħala Ħadd il-Passjoni, jiġifieri, l-Ħadd li jagħti bidu għall-ġimgħa l-iktar għażiża li tibda bid-dħul trijunfanti ta’ Ġesu` f’Ġerusalemm, akkumpanjat min-nies ixejru l-friegħi tal-palm u ż-żebbuġ.  L-element ta’ ferħ ma’ jonqosx.  Insibuh fir-Raba Ħadd tar-Randan, f’Ħadd il-Palm, kif ukoll f’Ħamis ix-Xirka, fejn jispikka l-kulur abjad, għax il-Liturġija trid li niftakru li Kristu jagħti bidu għar-rebħa fuq l-għadu tagħna qabel ma’ jingħata f’idejn l-egħdewwa tiegħu, u qabel ma’ bata w miet għalina.

Ħamis ix-Xirka ma’ kienx minn dejjem assoċjat ma’ l-Aħħar Ċena. Għall-ewwel kien marbut mat-tmiem tal-penitenza tal-midinbin pubbliċi, il-għaliex, f’dan il-jum kienu jersqu lejn ir-ragħaj tagħħom biex jinħafrulhom ħtijiethom.  B’hekk, huma li kienu skomunikati minn mall-komunita setgħu issa jiġu komunikati mill-ġdid meta jersqu lejn l-Ewkaristija fil-Vġili tal-Għid.  Il-Ħamis kien ukoll il-jum li fih jiġu kkonsagrati ż-żjut li jkunu ser jintużaw matul is-sena għas-Sagramenti.  Is-Sollennita tal-Ikla tal-Mulej li fiha nfakkru, b’mod partikulari, l-istituzzjoni tal-Ewkaristija, ġiet introdotta u magħduda mat-Triduum Saċrum fis-Seba seklu. Iżda Ħamis ix-Xirka mhijiex  il-qofol tal-Misteru tal-Għid, iżda biss tifkira tal-Aħħar Ċena li tirrendi preżenti ġrajja futura fil-ħajja ta’ Kristu – it-tbatija w il-mewt li wasslitu għall-mument l-iktar deċiżiv, il-qawmien, liema ġrajja w mument għalkemm għaddew, issa f’ħajjitna qed ikunu preżenti w attwati fl-istess tifkira ta’ l-Aħħar Ċena, ċ-Ċelebrazzjoni tal-Qsim tal-Ħobż, l-Ewkaristija.

Għalkemm qed naraw li l-Misteru tal-Għid żviluppa minn Jum il-Mulej għall-Ċiklu magħmul mir-Randan, Għid il-Kbir u żmien il-Għid li jagħalaq bil-Pentekoste, diġa nindunaw li dan il-Misteru fih iktar Misteri, jew, aħjar, hu kompost minn diversi aspetti li għad iridu jiżvillupaw fil-ħajja w is-sena tal-Knisja biċ-Ċiklu tal-Milied u l-Ħdud ta’ matul is-sena.

 

Dak in-nhar stess fl-ewwel jum tal-ġimgħa tnejn mid-dixxipli kienu sejrin lejn raħal jismu Għemmaws, sittin stadju ’l bogħod minn Ġerusalemm, jitħaddtu bejniethom fuq kulma kien ġara.  Huma u jitħaddtu u jistaqsu ’l xulxin, Ġesù nnifsu resaq lejhom u baqa’ miexi magħhom.  Imma għajnejhom kellhom xi jżommhom u ma setgħux jagħrfuh.

U hu qalilhom: “X’intom titħaddtu bejnietkom intom u mexjin?”  U huma waqfu, b’ħarsa ta’ niket fuqhom.  Imbagħad wieħed minnhom, jismu Kleofa, wieġeb u qallu: “Int waħdek f’Ġerusalemm il-barrani li ma tafx x’ġara hemmhekk f’dawn il-jiem?”

“X’ġara?” staqsiehom.  Qalulu: “Fuq Ġesù ta’ Nażaret, li kien profeta, setgħan fl-għemil u fil-kliem quddiem Alla u quddiem il-poplu kollu, kif il-qassisin il-kbar u l-kapijiet tagħna tawh biex ikun ikkundannat għall-mewt u sallbuh.  Aħna konna nittamaw li hu kien dak li kellu jifdi lil Israel; iżda mbagħad fuq kollox, ġa għaddew tliet ijiem fuq din il-ġrajja!  Issa wkoll xi wħud min-nisa tagħna ħasduna, għax marru kmieni ħdejn il-qabar u l-ġisem tiegħu ma sabuhx, u ġew jgħidu wkoll li dehrulhom xi anġli li qalulhom li hu ħaj.  Imbagħad marru ħdejn il-qabar xi wħud minn tagħna u sabu kollox kif kienu qalu n-nisa, imma lilu ma rawhx!”

Imbagħad qalilhom Ġesù: “Kemm intom bla għaqal u moħħkom tqil biex temmnu dak kollu li qalu l-profeti!  U ma kellux il-Messija jgħaddi minn dawn il-ħwejjeġ u hekk jidħol fil-glorja tiegħu?”  U beda minn Mosè u l-profeti kollha ifissrilhom kull ma kien hemm fuqu fl-Iskrittura.

Meta qorbu ħdejn ir-raħal fejn kienu sejrin, hu għamel tabirruħu li se jibqa’ sejjer ’il bogħod.  Iżda huma riedu jżommuh u qalulu: “Ibqa’ magħna, għax issa sar ħafna ħin u l-jum ġa wasal biex jispiċċa.”  Imbagħad daħal joqgħod magħhom.

U waqt li kien fil-mejda magħhom, qabad il-ħobż, qasmu u tahulhom.  Għajnejhom imbagħad infetħulhom u għarfuh, iżda hu kien għab minn quddiemhom.  U wieħed lill-ieħor bdew jgħidu: “Ma kinetx imħeġġa qalbna ġewwa fina waqt li kien qiegħed ikellimna fit-triq u jfissrilna l-Iskrittura?”

Dak il-ħin stess qamu u reġgħu lura Ġerusalemm.  Hemm sabu l-Ħdax u ’l sħabhom miġburin flimkien, u dawn qalulhom: “Il-Mulej qam tassew, u deher lil Xmun!”

U huma wkoll tarrfulhom x’kien ġralhom fit-triq u kif għarfuh fil-qsim tal-ħobż.

Luqa 24:13-35