Sit uffiċjali tas-Segretarjat għal-Lajċi - Malta

Home          |          Email          |          Blog                 Librerija          |                                                            

IS-SENA LITURĠIKA  3

Sollenitajiet u festi oħra

Minn Dun Ġorġ Schembri

Ta’ min jinnota li, l-ewwel żewġt iħdud wara l-Pentekoste huma ddedikati lit-Trinita` Qaddisa u l-Corpus Domini.  Dawn is-Sollenitajiet ġew introdotti fil-ħajja tal-Knisja fil-Medioevu meta bdew jiżdiedu l-festi tal-qaddisin u jintilef is-sens tal-Misteru tal-Għid u l-interess fil-qari tal-Iskrittura. Għalhekk, pjuttost, huma ta’ natura dottrinali u mhumiex strettament liturġiċi.  Fil-fatt, kull azzjoni liturġika hija Trinitarja, waqt li l-festa ta’ Corpus Domini nsibuha liturġikament fiċ-ċerimonja ta’ Ħamis ix-Xirka.

Riġward il-festi tal-Madonna, l-Konċilju Vatikan II jgħidilna li, meta l-Knisja tiċċelebra kull sena iċ-Ċiklu dwar il-Misteru ta’ Kristu hija tqim b’imħabba speċjali l-Marija S.sma, Omm Alla li hi maqgħuda b’għaqda li ma’ tistax tinħall fl-opra tal-Fidwa ta’ Binha.  Fiha l-Knisja tilmaħ u tammira l-ogħla frott tal-Fidwa u bil-ferħ tikkontemplaha bħala mudell bla ħtija l-dik li hi nnfisha tixtieq utittama li tkun (Saċrosanċtum Ċonċilium, art.103).  Imkien ieħor jgħidilna wkoll li, bl-imħabba tagħha ta’ Omm, Marija tħares u tieħu ħsieb lill-aħwa tal-Mulej, Binha … Għalhekk il-Knisja tagħtiha qima tħat it-titoli ta’ Avukata, Awżiljatriċi, Medjatriċi… 

Dawn wieħed, iżda, għandu jifhimom b’mod li ma’ għandhomx inaqqsu jew iżidu d-dinjita w l-effikaċja ta’ Kristu, l-Uniku Medjatur (Lumen Gentium, art.62). Il-Madonna għandha post uniku fil-Misteru ta’ Kristu w tal-Knisja il-għaliex hi mifdija bi grazzja speċjali, maħbuba mill-Missier, għamara tal-Ispirtu s-Santu u membru l-iktar eċċellenti w singulari w fl-istess hin xbieha w mudell esemplari tal-Knisja.  Insibu wkoll ħafna referenzi għaliha kemm fl-Iskrittura, kemm fil-kitbiet ta’ Missirijiet il-Knisja, kif ukoll fid-dokumenti tal-Knisja.  Għalhekk il-festi tagħha huma ta’ natura Liturġika u/jew devozzjonali, u ma’ għandhomx jonqsu kemmildarba jibqgħu nkwadrati fil-Misteru tal-Għid, ma’ neżaġerawhomx u ma’ nħalluhomx jaqgħhu f’ sentimentaliżmu żejjed.

Rigward il-festi tal-Qaddisin, jeħtieġ li niftakru li l-Qaddisin huma sinjali w xhieda ta’ Evanġelju ħaj u mudelli sabiex in-nisrani jagħaġen ħajtu fuqhom.  Għalhekk induru lejhom bħala l-aħwa viċini tagħna li huma maqgħudin magħna fl-imħabba tagħna lejn Alla w il-Mibgħut tiegħu. Nitolbuhom jidħlu għalina minħabba s-solidarjeta ta’ bejnietna. Inħarsu lejhom fil-kuntest ta’ waħda mill-karatteristiċi essenzjali tal-Knisja, jiġifieri, kif nistqarru fil-Kredu, li hi Qaddisa.  Minħabba f’ hekk l-istess Knisja, bi gratitudni lejn il-Grazzja rebbieħa ta’ Kristu Salvatur u Medjatur, tara fil-Qaddisin sinjal viżibbli w effettiv tal-grazzji tiegħu kif jgħidulna l-Prefazji tal-Qaddisin u l-Martri, rispettivament…u l-ġieħ li inti tagħtihom għall-merti tagħhom hu ġieħ mogħti lill-istess doni tiegħek, u …għax Int turi l-qawwa tiegħek fid-djufija tagħna. 

Tabilħaqq, għalkemm il-Konċilju ta’ Trentu rriforma l-Liturġia u warrab ħafna superstizzjonijiet li kienu marbuta ma’ ħafna minn ħajjet il-qaddisin, ma’ rnexxilhux, iżda, jiskopri mill-ġdid li l-qofol tal-Liturġija jikkonsisti fiċ-ċelebrazzjoni tal-Misteru tal-Għid li kien ġie traskurat b’ħafna quddies votiv (għall-ħtiġijiet) jew indirizzat lejn il-Qaddisin.  Kien il-Konċilju Vatikan II fuq studju tal-Moviment Liturġiku li jinsisti dwar dan. Madanakoll hu iċ-Ċelebrazzjoni tal-Misteru tal-Għid fis-sena tal-Knisja ma’ għanhux sempliċement jitqies li matul is-sena tagħha l-Knisja qed tesponi w tesprimi il-biografija ta’ Kristu, iżda qegħda tirrendieh preżenti w tipperpetwah bħala ġrajja ta’ salvazzjoni  li minnha qed ingawdu sabiex il-ħajja ġdida li għalieha ġejna msejħin fil-Magħmudija tkun tista sseħħ fina sakemm naslu ferħanin fil-milja tagħha meta niltaqgħu ma’ Kristu fi ħdan il-Missier.  Kull ma’ jfixkel jew ibegħedna minn din il-perspettiva ta’ ħajja mhuwiex Liturġiku. Mhu lanqas konformi ma’ l-isem ta’ Nsara li aħna. 

Il-Madonna għandha post uniku fil-Misteru ta’ Kristu u tal-Knisja l-għaliex hi mifdija bi grazzja speċjali, maħbuba mill-Missier, għamara tal-Ispirtu s-Santu u membru l-iktar eċċellenti u singulari u fl-istess hin xbieha u mudell esemplari tal-Knisja. 

Il-festi tal-Qaddisin, jeħtieġ li niftakru li l-Qaddisin huma sinjali u xhieda ta’ Evanġelju ħaj u mudelli sabiex in-nisrani jagħaġen ħajtu fuqhom.  Għalhekk induru lejhom bħala l-aħwa viċini tagħna li huma maqgħudin magħna fl-imħabba tagħna lejn Alla u l-Mibgħut tiegħu. Nitolbuhom jidħlu għalina minħabba s-solidarjeta ta’ bejnietna.