Laikos

 

ATT TA’ KONSAGRAZZJONI LILL-QALB BLA TEBGĦA TA’ MARIJA

25 ta' Marzu 2022

 

O Marija, Omm ta’ Alla u Omm tagħna, f’din is-siegħa tat-tiġrib aħna lejk induru. Inti Omm, li tħobbna u tafna: għalik xejn mhu moħbi minn dak li għandna għal qalbna. Omm tal-ħniena, tant drabi aħna doqna l-ħlewwa tiegħek kollha providenza, il-preżenza tiegħek li troddilna s-sliem, għax int dejjem tmexxina lejn Ġesù, il-Prinċep tas-sliem.

 

Imma aħna tlifna t-triq tal-paċi. Insejnieha l-lezzjoni tat-traġedji tal-aħħar seklu, is-sagrifiċċju tal-miljuni li mietu fil-gwerer dinjija. Warrabna l-impenji li ħadna bħala Komunità tan-Nazzjonijiet u qed nittradixxu l-ħolm tal-popli għall-paċi u t-tamiet taż-żgħażagħ. Imradna bir-regħba, ingħalaqna fl-interessi nazzjonalistiċi tagħna, ħallejna l-indifferenza tnixxfilna qalbna u l-egoiżmu jipparalizzana. Ippreferejna ninjoraw lil Alla, ngħixu mal-qerq tagħna, inħeġġu l-aggressività, nisħqu ħajjiet u nġemmgħu armi, u nsejna li aħna ħarriesa tal-proxxmu tagħna u tal-istess dar komuni. Bil-gwerra aħna ħarbatna l-ġnien tal-Art, bid-dnub weġġajna l-qalb ta’ Alla Missierna, li jridna lkoll aħwa. Sirna indifferenti lejn kulħadd u kollox, ħlief lejna nfusna. U mriegħxa ngħidu: Aħfrilna, Mulej!

 

Qalb il-miżerja tad-dnub, it-taħbit u d-dgħufijiet tagħna, il-misteru tal-ħażen u tal-gwerra, int, Omm qaddisa, tfakkarna li Alla ma jitlaqniex waħidna, imma jibqa’ jmexxina bi mħabbtu, għax jixtieq jaħfrilna u jerġa’ jerfagħna fuq saqajna. Kien hu li tana lilek u qiegħed fil-Qalb bla tebgħa tiegħek kenn għall-Knisja u għall-umanità. Bi tjieba divina int tinsab magħna, u mqar qalb l-idjeq liwjiet tal-istorja tmexxina bi ħlewwa.

 

Għalhekk lejk induru, inħabbtu fuq il-bieb tal-Qalb tiegħek, aħna, l-ulied għeżież tiegħek li f’kull żmien int ma tehdiex iżżur u tistieden għall-konverżjoni. F’din is-siegħa mudlama ejja biex tidħol għalina u tfarraġna. Tenni lil kull wieħed u waħda minna: “Forsi mhux hawn qiegħda jiena, l-Omm tiegħek?”. Inti taf kif tħoll l-għoqiedi tal-qalb tagħna u ta’ żmienna. Fik inqiegħdu l-fiduċja tagħna. Aħna żguri li int, speċjalment fis-siegħa tal-prova, ma tistmerrx it-talbiet tagħna u tindukrana.

 

Hekk għamilt f’Kana tal-Galilija, meta għaġġilt is-siegħa tal-indħil ta’ Ġesù u hekk introduċejt l-ewwel sinjal tiegħu fid-dinja. Meta l-festa kienet għoddha nbidlet fi mrar, int għidtlu: “M’għandhomx inbid” (Ġw 2:3). Tennih dan mill-ġdid lil Alla, ja Omm tagħna, għax illum spiċċalna l-inbid tat-tama, għeb il-ferħ, ġiet fix-xejn il-fraternità. Tlifna l-umanità tagħna, kasbarna l-paċi. Sirna kapaċi għal kull vjolenza u qerda. Għandna bżonn urġenti tal-intervent tiegħek ta’ omm.

Ilqa’, mela, Omm tagħna, din it-talba tagħna.

 

Int, Kewkba tal-baħar, tħalliniex niġġarrfu fit-tempesta tal-gwerra.

Int, Arka tal-patt il-ġdid, nebbaħ proġetti u toroq ta’ rikonċiljazzjoni.

Int, “art tas-Sema”, reġġa’ lura l-ftehim li jrid Alla fid-dinja.

Eqred il-mibegħda, rażżan il-vendetta, għallimna l-maħfra.

Eħlisna mill-gwerra, ħares lid-dinja mit-theddida nukleari.

Sultana tar-Rużarju, erġa’ qanqal fina l-ħtieġa li nitolbu u li nħobbu.

Sultana tal-familja tal-bnedmin, uri lill-popli t-triq tal-fraternità.

Sultana tal-paċi, ġib il-paċi fid-dinja.

 

Ja Omm tagħna, ħa jċaqlaq il-biki tiegħek il-qlub iebsa tagħna. Ħa jkun id-dmugħ li għalina xerridt dak li jwarrad mill-ġdid dan il-wied imnixxef mill-mibegħda tagħna. U waqt li l-istorbju tal-armi madwarna ma jehdiex, ħa tkun it-talba tiegħek li ġġibilna l-paċi. B’dirgħajk ta’ omm żiegħel int b’dawk li qed ibatu u jaħarbu taħt il-piż tal-bombi. Bit-tħaddina tiegħek ta’ omm farraġ int lil dawk li jkollhom iħallu djarhom u pajjiżhom. Ħa tkun il-Qalb muġugħa tiegħek li tqanqalna bil-ħniena u ssuqna biex niftħu l-bibien tagħna u nieħdu ħsieb tal-umanità miġruħa u mormija.

 

Omm Qaddisa ta’ Alla, xħin kont taħt is-salib, Ġesù, kif lemaħ lid-dixxiplu ħdejk, qallek: “Hawn hu ibnek” (Ġw 19:26): hekk hu fdalek lil kull wieħed u waħda minna. Imbagħad lid-dixxiplu, lil kull wieħed u waħda minna, hu qal: “Hawn hi ommok” (v. 27). Omm tagħna, aħna issa nixtiequ nilqgħuk fil-ħajja tagħna u fl-istorja tagħna. F’din is-siegħa l-umanità, mifnija u mħawda, tinsab miegħek taħt is-salib. U għandha bżonn tafda fik, tikkonsagra ruħha lil Kristu permezz tiegħek. Il-poplu Ukren u l-poplu Russu, li bi mħabba jqimuk, issa jirrikorru għandek, waqt li l-Qalb tiegħek tħabbat għalihom u għall-popli kollha mifnija mill-gwerra, mill-ġuħ, mill-inġustizzja u mill-miżerja.

 

Aħna, għalhekk, Omm Alla u Omm tagħna, solennement nafdaw u nikkonsagraw lilna nfusna, lill-Knisja u lill-umanità kollha, b’mod speċjali r-Russja u l-Ukrajna, lill-Qalb bla tebgħa tiegħek. Ilqa’ dan l-att tagħna li qed inwettqu b’fiduċja u mħabba, agħmel li tieqaf il-gwerra, rodd il-paċi lid-dinja. L-“Iva” li ħarġet mill-Qalb tiegħek fetħet il-bibien tal-istorja għall-Prinċep tas-sliem; aħna għandna fiduċja mill-ġdid li, permezz tal-Qalb tiegħek, il-paċi għad tasal. Lilek għalhekk nikkonsagraw il-ġejjieni tal-familja umana kollha, il-ħtiġijiet u x-xewqat tal-popli, il-biżgħat u t-tamiet tad-dinja.

Permezz tiegħek ħa tissawwab fuq l-Art il-Ħniena divina, waqt li t-tokki ħelwin tal-paċi jerġgħu jimmarkaw il-jiem tagħna. O Mara tal-“iva”, li fuqek niżel l-Ispirtu s-Santu, reġġa’ fostna l-armonija ta’ Alla. Aqta’ l-għatx tal-qalb tagħna, int li int “għajn ħajja tat-tama”. Int li nsiġt l-umanità ta’ Ġesù, agħmel minna bennejja tal-komunjoni. Int li mxejt fit-toroq tagħna, mexxina tul il-mogħdijiet tas-sliem.

 

Amen.

 

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 

il-qari sar minn Lelio Spiteri u Laurie Anne Camilleri