Katekiżmu tal-Knisja Kattolika dwar il-Piena Kapitali

paragrafu 2267

Fl-Udjenza mogħtija fil-11 ta’ Mejju 2018 lill-Prefett tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, il-Q.T. il-Papa Franġisku approva din il-verżjoni ġdida tan-numru 2267 tal-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, u ordna li tinqaleb fil-bosta ilsna u tiddaħħal fl-edizzjonijiet kollha tal-imsemmi Katekiżmu:

2267. Għal żmien twil, it-tħaddim tal-piena tal-mewt min-naħa tal-awtorità leġittima, wara proċess regolari, kien meqjus bħala tweġiba f’lokha għall-gravità ta’ xi delitti u mezz aċċettabbli, imqar jekk estrem, għall-ħarsien tal-ġid komuni.

Illum qed jikber dejjem iżjed l-għarfien li l-persuna ma titlef qatt id-dinjità tagħha, lanqas wara li tkun wettqet atti kriminali gravi ħafna. Barra minn hekk, xtered għarfien ġdid min-naħa tal-Istat dwar is-sens tas-sanzjonijiet penali. Fl-aħħar nett, qed jiġu applikati sistemi ta’ detenzjoni iżjed effikaċi, li jiggarantixxu l-protezzjoni doveruża taċ-ċittadini, imma, fl-istess waqt, lill-ħati ma jeħdulux għalkollox il-possibbiltà li jirriforma lilu nnifsu.

Għalhekk, il-Knisja, fid-dawl tal-Evanġelju, tgħallem li “l-piena tal-mewt hi inaċċettabbli għax tattakka l-invjolabbiltà u d-dinjità tal-persuna”[1], u tħabrek b’rieda sħiħa biex titneħħa fid-dinja kollha.

***

Dan ir-Reskritt sa jiġi ppromulgat permezz tax-xandir tiegħu fuq L’Osservatore Romano, u jidħol fis-seħħ dakinhar stess, u għalhekk ippubblikat fuq l-Acta Apostolicæ Sedis.

Kardinal Luis F. Ladaria, S.I.

Prefett tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi

Mill-Vatikan1 ta’ Awwissu 2018, Tifkira ta’ Sant’Alfons Marija de’ Liguori.

 

[1] Franġisku, Diskors lill-parteċipanti fil-laqgħa organizzata mill-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Evanġelizzazzjoni Ġdida (11 ta’ Ottubru 2017): L’Osservatore Romano (13 ta’ Ottubru 2017), 5.