KELMA TAL-ĦAJJA

                                Jannar 2012

 

 

 

“Jekk intom irxuxtajtu ma’ Kristu, fittxu l-ħwejjeġ tas-sema, fejn Kristu qiegħed fuq il-lemin t’Alla” (Kol. 3, 1).

 

Dan il-kliem miktub minn San Pawl lill-komunità ta’ Kolossi, jgħidilna li teżisti dinja li fiha ssaltan imħabba vera, ftehim sħiħ, ġustizzja, sliem, qdusija u ferħ. F’din id-dinja d-dnub u t-taħsir ma jistgħux jidħlu aktar; hi dinja li fiha r-rieda tal-Missier isseħħ dejjem b’mod sħiħ. Din hija d-dinja ta’ Ġesù. Hu, bil-Qawmien tiegħu mill-mewt, fetħilna beraħ din id-dinja wara li għadda mill-prova iebsa tal-passjoni.

 

“Jekk intom irxuxtajtu ma’ Kristu, fittxu l-ħwejjeġ tas-sema, fejn Kristu qiegħed fuq il-lemin t’Alla”.

 

Aħna, jgħid San Pawl, mhux biss imsejħin biex inkunu ta’ din id-dinja ta’ Kristu, imma diġà nagħmlu parti minnha. Il-fidi tgħidilna li permezz tal-magħmudija aħna ninsabu fi Kristu u għalhekk nieħdu sehem mill-ħajja tiegħu, mid-doni, mill-wirt, mir-rebħa tiegħu fuq id-dnub u fuq is-setgħa tal-ħażen. Infatti aħna rxuxtajna miegħu.

 

Imma aħna m’aħniex ta’ din id-dinja ta’ Kristu b’mod sħiħ kif inhuma l-erwieħ qaddisa li diġà temmew il-vjaġġ tagħhom. Fuq kollox m’aħniex ta’ din id-dinja ta’ Kristu l-ħin kollu u għal dejjem. Diment liSa ma nibqgħu fuq din l-art aħna nibqgħu esposti għal ħafna perikli, diffikultajiet u tentazzjonijiet li jistgħu jġegħluna naħsbuha darbtejn, li jistgħu jwaqqfu l-mixja tagħna, jekk mhux ukoll idawruna lejn toroq oħra qarrieqa.

 

“Jekk intom irxuxtajtu ma’ Kristu, fittxu l-ħwejjeġ tas-sema, fejn Kristu qiegħed fuq il-lemin t’Alla”.

 

Għalhekk nistgħu nifhmu t-talba li San Pawl qiegħed jagħmlilhom: “Fittxu l-ħwejjeġ tas-sema”. Fittxu mhux li toħorġu materjalment minn din id-dinja, imma spiritwalment. Il-liġijiet u l-passjonijiet tad-dinja ħalluhom warajkom biex tħallu l-ħsibijiet u s-sentimenti ta’ Ġesù jmexxukom. Infatti “Il-ħwejjeġ tas-sema” jfissru l-liġijiet tas-sema, il-liġi tas-Saltna tas-smewwiet, li Ġesù ġab fuq din l-art u hu jrid li aħna nwettquhom sa minn issa stess.

 

“Jekk intom irxuxtajtu ma’ Kristu, fittxu l-ħwejjeġ tas-sema, fejn Kristu qiegħed fuq il-lemin t’Alla”.

 

Mela kif se ngħixu din il-Kelma tal-ħajja? Hi tħeġġiġna biex ma nikkuntentawx ruħna b’ħajja medjokri, ħajja mimlija kompromessi u affarijiet magħmula b’nofs qalb, imma biex bil-grazzja t’Alla, ngħixu ħajjitna skont il-liġi ta’ Kristu.

 

Din il-Kelma tħeġġiġna biex ngħixu u nimpenjaw ruħna billi nagħtu xhieda fl-ambjent tagħna għall-valuri li Ġesù ġabilna fuq din l-art: bħalma huma l-ispirtu ta’ ftehim u ta’ paċi, ta’ qadi lil ħutna, ta’ mogħdrija u maħfra, ta’ onestà, ġustizzja, xogħol magħmul sew, fedeltà, safa, rispett għall-ħajja, eċċ.

 

Kif nistgħu naraw, il-programm hu mimli daqskemm hi mimlija l-ħajja imma biex ma nibqgħux fis-sħab ejjew f’dan ix-xahar nobdu dik il-liġi ta’ Ġesù li tiġbor fiha l-liġijiet kollha: f’kull wieħed minn ħutna għandna naraw lil Kristu u naqduh. Mhux fuq dan ħa jkun l-aħħar eżami tagħna?