Laikos

 

PELLEGRINAĠĠ APPOSTOLIKU

F’LORETO U ASSISI

4 TA’ OTTUBRU 1962

 

DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI XXIII

FIS-SANTWARJU TA’ LORETO*

 

Il-Ħamis 4 ta’ Ottubru 1962

 

Motivi ta’ qima reliġjuża qanqlu lill-Papiet u persunaġġi illustri ta’ kull seklu biex jagħmlu waqfa ta’ talb f’din il-Bażilika ta’ Loreto, li togħla fuq il-meded tal-għoljiet Piceni lejn il-baħar Adrijatiku. Imħeġġa minn fidi ħerqana f’Alla u minn qima lejn l-Omm ta’ Ġesù u tagħna, huma ġew hawn f’pellegrinaġġ, xi drabi fi żminijiet diffiċli u ta’ tensjoni kbira għall-Knisja. Biżżejjed infakkru, fost l-oħrajn, lill-Papiet Piju II, Pawlu III, dak li beda l-Konċilju ta’ Trento, Piju VI u Piju VII, Girgor XVI u Piju IX, u barra minn dawn San Karlu Borromeo, San Franġisk ta’ Sales, u qaddisin u beati oħra, biex nieħdu biss ħjiel ta’ inkuraġġiment edifikanti.

 

Lejlet il-Konċilju Vatikan II, hawn hu s-Suċċessur umli ta’ Pietru li qed iżid ġest diskret mal-ħafna li saru qablu. Il-pellegrinaġġ appostoliku tal-lum lejn dan is-santwarju antik u meqjum irid jissiġilla t-talbiet li f’kull tempju tad-dinja, tal-Lvant u tal-Punent, u fis-satriet imqaddsa tat-tbatija u tal-penitenza, għolew lejn Alla għall-andament hieni tal-laqgħa kbira ekumenika; u jrid jissimbolizza wkoll il-mixja tal-Knisja lejn il-kisbiet ta’ dik il-ħakma spiritwali, magħmula f’isem Kristu, li hu dawl tal-ġnus (Lq 2:32); ħakma li hi servizz għall-imħabba fraterna, nifs ta’ sliem, progress ordnat u universali.

 

L-att ta’ qima lill-Madonna ta’ Loreto, li qed nagħmlu llum, jeħodna lura bil-ħsieb lejn 62 sena ilu, meta ġejna hawn għall-ewwel darba, lura minn Ruma, wara li konna ksibna l-Indulġenzi tal-Ġublew imsejjaħ mill-Papa Ljun. Kien l-20 ta’ Settembru 1900. Fis-sagħtejn ta’ waranofsinhar, wara li rċivejna t-Tqarbin imqaddes, stajtna niftħu qalbna fit-talb twil u mqanqal.

 

Għal seminarista żagħżugħ x’hemm iżjed ta’ ħlewwa milli jieqaf jitkellem mal-għażiża Ommu tas-Sema? Imma ċ-ċirkustanzi ta’ niket ta’ dawk iż-żminijiet, li kienu xerrdu fl-arja vena sottili ta’ stmerrija lejn dak kollu li kien jirrappreżenta l-valuri tal-ispirtu, tar-reliġjon, tal-Knisja Mqaddsa, bidlu fi mrar dak il-pellegrinaġġ, malli smajna t-tqassis fieragħ fil-pjazza. Għadna niftakru sal-lum il-kelmiet tagħna ta’ dakinhar, aħna u nerġgħu naqbdu l-vjaġġ lura: “Madonna ta’ Loreto, jiena nħobbok ħafna, u nwiegħdek li nibqa’ fidil lejk u seminarista iben twajjeb tiegħek. Imma hawn ma terġax tarani”.

 

Imma rġajna lura bosta drabi, wara dakinhar, ħafna snin wara. U llum arana hawn, mal-familja tal-kollaboraturi l-aktar intimi tagħna; arana milqugħa f’festa kbira ta’ kuruna mill-isbaħ ta’ erwieħ magħżula: mill-President tar-Repubblika Taljana, mill-Missjoni nobbli tal-Gvern Taljan u minn rappreżentanzi minn kull qasam u provenjenza, u dan iġagħalna nemmnu li hawn ukoll, f’din iċ-ċirkustanza eċċezzjonali, il-karatteristika magħrufa li tiġbed ammirazzjoni hija dik tal-kattoliċità u tal-universalità.

 

* * *

 

Il-laqgħa tal-lum, taħt il-ħarsa mbierka ta’ Marija, tissuġġerilna tliet ħsibijiet, li l-istess Bażilika, glorifikazzjoni tal-moħba ta’ Nazaret, talludi għalihom u tiċċelebra l-ġmiel tagħhom. Il-misteru tal-Inkarnazzjoni tal-Verb u tal-ħajja moħbija tiegħu huwa kollu kemm hu għanja ta’ ġieħ lill-familja, ta’ ġieħ lix-xogħol tal-bniedem.

 

1. L-Inkarnazzjoni tal-Verb hi motiv ta’ talb fis-siegħa tal-Angelus Domini, irreċitat mill-erwieħ qaddisa, imxerrda mad-dinja. Din il-kontemplazzjoni, li magħha aħna tant familjari, minn hawn b’mod partikulari trid tikseb qawwa biex tistieden lill-bnedmin jirriflettu fuq dik it-tgħanniqa tas-Sema mal-art, li hija l-għan tal-Inkarnazzjoni u tal-Fidwa; u għalhekk, b’mod konkret, hija l-iskop ukoll tal-Konċilju Ekumeniku, li jrid jifrex dejjem iżjed ir-raġġi ta’ ġid tagħha fuq l-oqsma kollha tal-ħajja soċjali.

 

Il-fatt kbir storiku tal-Inkarnazzjoni, li jiftaħ it-Testment il-Ġdid u jagħti bidu għall-istorja Nisranija, jixraqlu wisq li jiġi msellem mill-qnipen tad-dinja kollha tliet darbiet kuljum; u hu wisq naturali li knejjes u kappelli, sa din il-Bażilika insinji, jiġu kkonsagrati lit-tifkira tal-ewwel Misteru tal-Ferħ, li sar għajn ta’ meditazzjoni u ta’ fehmiet tajba.

 

Fil-fatt, aħna lkoll pellegrini fuq din l-art, bis-sħana ta’ talba fuq xofftejna, li, imqar fl-espressjonijiet imtennija tagħha, hi komuni għal kulħadd: resqin lejn pajjiżna! Hemm fuq hi d-destinazzjoni tal-mixja ta’ kuljum, ix-xenqa ta’ kull nifs tagħna: is-smewwiet jinfetħu fuq rasna, u l-messaġġier tas-Sema jġedded it-tifkira tal-għaġeb kbir li bih Alla sar bniedem, u l-bniedem sar ħu l-Iben ta’ Alla.

 

Il-misteru tal-Inkarnazzjoni jikkonsagra t-tletin sena ta’ ħajja li qatta’ Ġesù fis-skiet ta’ Nazaret flimkien ma’ Marija u ma’ Ġużeppi.

 

U kif mill-Inkarnazzjoni terġa’ tibda l-mixja tal-bniedem lejn is-Sema pajjiżna, u l-irfigħ tiegħu għan-nobbiltà ta’ werriet tas-Sema, minn dik il-ħajja moħbija togħla l-għanja ta’ ġieħ lid-dinjità u l-kobor tal-familja, ta’ ġieħ lid-dmir qaddis tax-xogħol u tan-nobbiltà tiegħu.

 

2. Il-familja. Proprju meta ġejna Loreto fl-1900, fid-dinja kienu jidwu s-sejħat għoljin tal-mibki Papa Ljun XIII għall-qdusija taż-żwieġ, għad-dixxiplina tad-dar, għar-responsabbiltà tal-ġenituri fl-edukazzjoni tal-ulied, għall-ħarsien tal-valuri mqaddsa taċ-ċiviltà Nisranija. L-eżempju ħaj, li saħaq b’tant qawwa fuqu dak il-Predeċessur kbir tagħna, kien ġej sewwasew mill-Familja Mqaddsa ta’ Nazaret, bil-lezzjonijiet tagħha ta’ qima, ta’ mħabba, ta’ sagrifiċċju. Ma’ Ġesù u ma’ Ommu Marija, kellna allura quddiemna lil San Ġużepp, li hu wkoll saflaħħar ħa l-post li fdatlu l-Providenza fil-viżjoni wiesgħa tas-sekli u fl-iżvilupp tal-għaġeb tal-Ġisem Mistiku.

 

Dan hu t-tagħlim li joħroġ minn Nazaret: familji qaddisa; imħabba mbierka; virtujiet tad-dar, li jwarrdu fis-sħana ta’ qlub imħeġġa, ta’ rieda ġeneruża u tajba. Il-familja hija l-ewwel taħriġ ta’ ħajja Nisranija, l-ewwel skola ta’ qawwa u ta’ sagrifiċċju, ta’ integrità morali u ta’ sens ta’ dmir. Hija l-iskola li fiha jitrawmu vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi, u anki intrapriżi appostoliċi għal-lajkat Nisrani; il-parrroċċa tieħu dinjità ġdida u fiżjonomija waħdanija, u tistagħna b’ħajja ġdida ta’ erwieħ imġedda, li jgħixu fil-grazzja tal-Mulej. Il-Konċilju Ekumeniku anki għal dan irid ikun sejħa solenni għall-kobor tal-familja, u għad-dmirijiet li jmissu magħha. Uliedi l-għeżież, ilqgħu dan bħala l-ewwel għerf tal-kelmiet tagħna, li qed isejħulkom biex tqisu dejjem iżjed fil-fond, fid-dawl tal-Familja Mqaddsa, id-dmirijiet għolja li tistenna minnkom il-Knisja.

 

3. Ix-xogħol: din hija t-tielet tagħlima ta’ Nazaret. Dwar il-ħajja moħbija ta’ Ġesù ftit li xejn nafu; imma dwar ix-xogħol ta’ dawk it-tletin sena nafu biżżejjed. Fuq l-eżempju ta’ Ġesù, għoxrin seklu ta’ Kristjaneżmu għenu lill-bniedem jagħraf min hu b’mod sħiħ, u refgħuh għall-għarfien tad-dinjità tiegħu.

 

Jista’ jkun hemm xogħol esklussivament intellettwali, li xorta waħda jrid jitwieżen mill-qawwiet fiżiċi tal-bniedem. Imma ma jeżistix xogħol purament materjali: in-nifs tal-Ispirtu, li bih Alla qiegħed fil-bniedem ix-xbieha u s-sura tiegħu (ara Ġen 1:26.), irid jagħti l-ħajja lil dak kollu li joħroġ mill-bniedem: l-istrumenti tal-biedja, il-magni tal-għaġeb tat-teknoloġija, l-għodod tat-tiftix mirqum. B’differenza, il-materja tista’ tieħu post il-bniedem, u tisraqlu l-ħakma fuq l-istess liġijiet li hu rnexxielu jiskopri. Meta huwa l-bniedem li għandu jaħkem il-kożmu, skont l-amar antik: “Imlew l-art, u aħkmuha” (Ġen 1:28).

 

Fil-fatt huwa msejjaħ biex jikkopera mal-pjanijiet ta’ Alla Ħallieq, u dan il-kobor tat-taħbit tal-bniedem, imqar l-iċken wieħed, hu mfakkar u mgħolli mill-ħidma ta’ Ġesù fil-ħanut tax-xogħol ta’ Nazaret.

 

Ħuti u wliedi l-għeżież.

 

Ta’ kull nhar ta’ Ħadd – ġa għidnieh dan – fl-Angelus ta’ nofsinhar mit-tieqa tagħna tal-Palazz Appostoliku fil-Vatikan, ikun hemm fi Pjazza San Pietru ġemgħa ta’ erwieħ, li hi kawża ta’ tant faraġ u tant għaxqa.

 

Għal-leħen tal-Papa, li jtenni kommoss: Angelus Domini nuntiavit Mariæ, il-folla, ġejja mid-dinja kollha, tagħmel eku: Et concepit de Spiritu Sancto. L-art hekk tingħaqad mal-hena tas-Sema f’taħbita waħda ta’ mħabba u ta’ ġieħ lill-Feddej Divin, u lill-Omm imbierka tiegħu u tagħna.

 

Ħa jkun dan is-Santwarju ta’ Loreto, li fih, fuq l-eżempju tal-Predeċessuri tagħna, irridu mill-ġdid ninkurunaw ix-xbieha devota Marjana, dejjem bħal tieqa miftuħa fuq id-dinja, sejħa minn ilħna mistura, li jxandru t-tqaddis tal-erwieħ, tal-familji, tal-popli; ħa jkun hu wkoll f’fehma waħda perfetta mal-leħen tal-Knisja, fi tħabbira hienja tal-Vanġelu, biex il-ġnus jgħixu lkoll bħal aħwa ma’ xulxin, għal ġustizzja iżjed ġeneruża, għal ugwaljanza iżjed elokwenti, sabiex fuq kollox u fuq kulħadd jilmaw id-doni tal-ħniena tal-Mulej.

 

Bħala rahan ta’ dawn il-wegħdiet paterni, u konferma tat-tjieba tagħna, jinżel fuqkom, hawn preżenti u fuq id-djar tagħkom, fuq dawk li qed isegwu din iċ-ċerimonja permezz tar-radju u tat-televiżjoni, fuq iċ-ċkejknin, fuq il-morda, fuq il-foqra, id-don tal-Barka Appostolika tagħna, mera mdawla tal-għoġba divina. O Marija, o Marija, Omm ta’ Ġesù u Omm tagħna! Hawn ġejna dalgħodu biex nitolbuk bħala l-ewwel kewkba tal-Konċilju, li wasal biex jibda; bħala d-dawl it-tajjeb fil-mixja tagħna, li tħares fiduċjuża lejn il-laqgħa kbira ekumenika, li fiha tittama d-dinja kollha.

 

Ftaħnielek qalbna, o Marija; il-qalb li ma nbidlitx mal-medda tas-snin, sa mill-ewwel laqgħa fil-bidu tas-seklu: l-istess qalb imqanqla ta’ dakinhar, l-istess ħarsa tallaba, l-istess talba.

 

Fil-kważi sittin sena tas-saċerdozju tagħna, kull pass tagħna fit-toroq tal-ubbidjenza kien immarkat mill-ħarsien tiegħek, u xejn iżjed ma tlabniek jekk mhux li tiksbilna mill-Iben Divin tiegħek il-grazzja ta’ saċerdozju qaddis u li jqaddes.

 

Anki s-sejħa għall-Konċilju għamilnieha – dan inti tafu, ja Omm – f’espressjoni ta’ ubbidjenza għal pjan li dehrilna tabilħaqq jaqbel mar-rieda tal-Mulej.

 

Illum, għal darb’oħra, u f’isem l-episkopat kollu, lilek, Omm l-aktar ħelwa, li nsellmulek bħala Auxilium Episcoporum, nitolbuk għalina, Isqof ta’ Ruma, u għall-Isqfijiet kollha tad-dinja, li tiksbilna l-grazzja li nidħlu fl-awla konċiljari tal-Bażilika ta’ San Pietru kif daħlu fiċ-Ċenaklu l-Appostli u l-ewwel dixxipli ta’ Ġesù: qalb waħda, taħbita waħda ta’ mħabba għal Kristu u għall-erwieħ, fehma waħda li ngħixu u li ningħataw għas-salvazzjoni tal-individwi u tal-popli.

 

Hekk, għall-interċessjoni tiegħek ta’ Omm, fis-snin u fis-sekli li ġejjin, jista’ jingħad li l-grazzja ta’ Alla ġiet qabel, sieħbet u inkurunat il-wieħed u għoxrin Konċilju Ekumeniku, u sawbet fl-ulied kollha tal-Knisja Mqaddsa ħeġġa ġdida, ġenerożità ikbar u fehmiet iktar sodi.

 

Għall-ġieħ ta’ Alla li jista’ kollox: Missier, Iben u Spirtu s-Santu; għall-merti tad-Demm prezzjuż ta’ Kristu, li l-ħakma paċifika tiegħu twarrad il-ħelsien u l-grazzja fil-ġnus kollha, fiċ-ċiviltajiet u l-istituzzjonijiet kollha, fil-bnedmin kollha. Amen. Amen.

 

*A.A.S., vol. LIV (1962), n. 12-13, pp. 723-727.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard