IL-ĦNIENA T’ALLA

 

MEDITAZZJONI

MILL-PAPA ĠIOVANNI XXIII

 

 

Din il-kitba qasira hija meditazzjonijiet fuq is-Salm Miserere, l-għanja ta’ ndiema li darba kanta l-profeta David wara d-dnub tiegħu meta ħa lill-mara ta’ ħaddieħor u qatel lil żewgħa.  Dawn il-meditazzjonijiet il-Papa Ġiovanni kiteb f’wieħed mill-irtiri li kien jagħmel ta’ spiss.

 

 

 

IL-ĦNIENA T’ALLA

 

I

“Ikollok ħniena minni, o Alla, skont it-tieba tiegħek.”

 

1.  In-niket tal-popli:  Din il-karba ġejja minn kull naħa tal-Ewropa u minn pajjiżi aktar imbiegħda qiegħda f’widnejja.  Il-gwerra li qed issir fl-art, fl-ibħra u fl-ajru, u li qed teqred tant nies, hija tabilħaqq kastig t’Alla għax il-liġijiet sagri li jmexxu s-soċjetà tal-bniedem ġew miksurin u mkasbra.  Kienu jgħidu, u għadhom igħidu, li Alla għandu jħares lil din jew lil dik l-art, jew li jagħtiha l-għajnuna u r-rebħa, minħabba n-nies twajba li jgħixu fiha, jew minħabba l-ġid li dawn qiegħdin jagħmlu.  Imma aħna ninsew li Alla, għalkemm kien Hu li għamel in-nazzjonijiet, Hu jħalli fid-deċiżjonijiet tal-bnedmin il-mod li bih jimxu l-gvernijiet.  Il-liġijiet li bihom għandha timxi s-soċjetà tal-bniedem Alla qiegħdhom ċari quddiem għajnejn kulħadd:  jinsabu kollha kemm huma fil-Vanġelu.  Imma Hu ma ta l-ebda garanżija ta’ xi għajnuna speċjali u privileġġata lil ħadd, ħlief lill-għaqda tal-fidili, jiġifieri lill-Knisja Mqaddsa bħala Knisja.  U anke lill-Knisja, għalkemm iħarisha mit-telfa tal-aħħar, ma wegħdhiex li ma tgħaddix minn provi u persekuzzjonijiet.

 

Il-liġi tal-ħajja, li hija l-istess kemm għall-erwieħ tal-bnedmin u għan-nazzjonijet, tqiegħed quddiemha l-prinċipji tal-ġustizzja u tal-armonija bejn kulħadd, u titlob ukoll il-limiti fl-użu tal-ġid, tal-pjaċiri u tal-qawwa.  Meta din il-liġi tiġi miksura, allura bilfors jiġu l-miżuri li jbeżżgħu, u tgħib il-ħniena.  L-ebda gvern ma jista’ jaħrab minn dan.  U lil kulħadd tasal is-siegħa tiegħu.  Il-gwerra hija waħda minn dawn il-miżuri tal-biża’.  Mhux Alla dak li jrid il-gwerra, imma huma n-nies u l-istati, permezz ta’ dawk li jirrapreżentawhom.  It-terremoti, l-għarar u l-mard huma l-effett tal-liġijiet għomja tan-natura:  huma liġijiet għomja għax in-natura stess la għandha intelliġenza u anqas libertà.  Imma l-gwerra huma n-nies stess li jriduha, li jriduha b’għajnejhom miftuħa, x’ħin jafu li b’hekk ikunu qed jiksru l-liġijiet l-aktar sagri.  U għalhekk il-gwerra hija ħsara hekk kbira.  Kull min jagħti n-nar għall-gwerra, u min imexxi n-nies għaliha, dan huwa dejjem “il-prinċep ta’ did-dinja, u jkun kontra Kristu, “il-prinċep tal-Paċi”.

 

U waqt li l-gwerra qed tiħrax, dak li l-popli għandhom jagħmlu huwa li jgħidu l-Miserere u jitolbu l-ħniena t’Alla, ħalli dil-ħniena tegħleb il-ġustizzja, u biex il-kotra tal-grazzji jdaħħlu f’sensihom il-kbarat tad-dinja u jfehmuhom biex jagħmlu l-paċi.

 

2.  In-niket ta’ ruħi:  Dak li qiegħed isir fid-dinja, fil-kobor, qiegħed isir ukoll, għalkemm fiċ-ċokon, fir-ruħ ta’ kull bniedem, u fir-ruħ tiegħi wkoll.  Hija biss il-grazzja t’Alla li ma ħallietnix niġi megħlub mill-ħażen.  Hemm xi dnubiet li donnhom qishom figuri:  id-dnub ta’ David, dak ta’ S. Pietru u ta’ S. Wistin.  X’hemm li jiena ma kellix il-ħila li nagħmel, kieku l-id t’Alla ma żammitnix lura minnu?  Minħabba xi nuqqasijiet żgħar kien hemm nies ta’ qdusija kbira li għamlu penitenżi twal u ħorox.  U anke llum fi żminijietna, hemm nies li qed igħixu biss biex jagħmlu penitenza:  issib nies li qegħdin igħixu biex ipattu għall-ħtijiet tagħhom u tad-dinja.  U jiena, li f’kull żmien ta’ ħajti nħossni midneb, m’għandix jiena wkoll ingħaddi l-jiem tiegħi fin-niket.  Kemm hu ta’ min jifhmu u jħossu dak il-kliem li darba qal il-Kardinal Federico:  “Ma nitlobx għall-unuri:  dawn iġiegħluni nitriegħed; il-ftit li naf fuqi nnifsi huwa biżżejjed biex iħawwadni.”

 

Ikun wisq aħjar għalija li nieħu l-Miserere bħala t-talba l-aktar għażiża tiegħi, u ngħidha għad-dnubiet tiegħi nnifsi, milli noqgħod nagħmel paraguni bejni u bejn ħaddieħor.  Il-ħsieb li jien saċerdot u isqof – u għalhekk iddedikat b’mod speċjali għall-konverżjoni tal-midinbin u għall-maħfra  tad-dnubiet – għandu jżid niket akbar lis-sentimenti tiegħi ta’ ħasra, dieqa u biki.  Dan qalu sewwa S. Injazju.  Is-swat li l-qaddisin kienu jagħtu fuqhom infushom, l-irqad tagħhom għall-qiegħa tal-art u fuq l-irmied, biex imutu, kien ifisser dik it-talba kontinwa għall-ħniena li s-saċerdot għandu jkollu biex isir il-vittma tas-sagrifiċċju għad-dnubiet tiegħu nnifsu u għal dawk tad-dinja.

 

3.  Il-ħniena kbira:  Fiż-żminijiet tagħna tinħtieġ ħniena wisq akbar minn dik li Alla s-soltu jagħti.  It-toqol tal-ħażen soċjali u personali huwa hekk gravi li turija kwalunkwe imħabba tagħna lejn Alla mhiex biżżejjed.  Għalhekk aħna nitolbu l-ħniena kbira.  U din hija proporzjonata għall-kobor t’Alla.  “Għax daqs kemm Hu kbir, hekk hija l-ħniena Tiegħu” (Ekklesjastiku 2:23).  Igħidu sewwa li dnubietna huma s-siġġu tal-ħniena t’Alla.  Imma hemm proverbju ieħor aħjar li jgħid li l-isbaħ isem t’Alla huwa dan:  il-ħniena.  U dan għandu jimla qlubna bit-tama filwaqt li għajnejna qed idemmgħu.  “Għax il-ħniena ssaltan fuq il-ġudizzju” (Ġakbu 2:13).  Forsi qisna qed nittamaw iżżejjed.  Iżda qatt ma nistgħu nittamaw iżżejjed meta l-misteru kollu tar-Redenzjoni jiddependi kollu kemm hu minn dan il-prinċipju:  l-eżerċiżżju tal-ħniena hija miraklu tal-predestinazzjoni u tas-salvazzjoni.  “Ikollok ħniena minni, o Alla, skont it-tieba tiegħek.”    

 

II

“Fil-kobor tal-ħniena tiegħek ħassar ħtijieti.”

 

Ingħidu li l-Mulej hu “kollu tieba u ħniena” (Salm III:4; 112:4).  Imma l-ħniena tiegħu mhiex biss sentiment tal-qalb; hija l-milja tal-grazzji.

 

Meta nikkonsidraw kemm grazzji huma:  il-maħfra mqanqla mill-imħabba tal-offiżi li għamilna, l-għotja mill-ġdid tal-grazzja santifikanti li Alla jagħtina bħala ħbiebu, jew bħala wliedu; li d-doni, id-drawwiet tajba u l-virtujiet li għandhom x’jaqsmu ma’ din il-grazzja jerġgħu jieħdu l-ħajja fina; il-jedd li nerġgħu nieħdu li nidħlu fis-sema; li l-meriti li kellna qabel ma dnibna jerġgħu jiswew għalina; iz-zieda tad-doni li jikbru skont ma kemm tikber il-grazzja, sewwa sew kif ir-raġġi tax-xemx jizdiedu fis-sebħ, u kif ix-xmajjar jitwessgħu meta l-għajn tagħhom tfur bl-ilma.

 

III

“Aħsilna mill-ħtija tiegħi, naddafni mid-dnub tiegħi.”

 

Hawn insibu tliet verbi b’dan l-ordni: tħassar, taħsel u tnaddaf.  L-ewwel għandha tiġi mħassra l-ħtija; imbagħad għandha tiġi maħsula tajjeb jiġifieri għandu jitneħħa dak kollu li jorbotna magħha; fl-aħħarnett hemm it-tnaddif; dan ifisser li għandna nobogħdu d-dnub u nagħmlu dak kollu li hu kontra tiegħu: atti ta’ umiltà, tjubija, mortifikazzjoni, eċċ., skont ma jkunu dnubietna.  Dawn it-tliet operazzjonijiet jiġu waħda wara l-oħra; imma hu Alla biss li jista’ jagħmel l-ewwel waħda (iħassar dnubietna).  It-tieni u t-tielet operazzjoni (il-ħasil u t-tnaddif ta’ ruħna) tiġi minn Alla u mill-kooperazzjoni ta’ ruħna.  Ejjew, aħna midinbin imsejkna, nagħmlu d-dmir tagħna:  nindmu u, bil-għajnuna tal-Mulej, ninħaslu u nitnaddfu.  Aħna żguri li Alla jħassar dnubietna:  dan Alla jagħmlu malajr u bla telfien ta’ żmien.  U dan aħna għandna nemmuh mingħajr dubji u qtigħ il-qalb.  “Jiena nemmen fil-maħfra tad-dnubiet.”  Iż-żewġ operazzjonijiet l-oħra, dawk li jiddependu mill-għajnuna tagħna, jinħtieġu żmien, progress u ħidma.  Għalhekk ingħidu:  “Aħsilni dejjem iżjed...u naddafni.”

 

Il-proċess misterjuż tat-tisfija tagħna issir perfettament fil-qrar imqaddes, permezz tad-demm ta’ Kristu li jaħsilna u jnaddafna.  Il-qawwa tad-demm divin, li jiġi applikat lill ruħna, taħdem bil-mod, minn qrara għall-oħra.  “Imma aktar”, u dejjem aktar.  U minn hawn ġejja l-importanza tal-qrara fiha nfisha, bil-kliem tal-assoluzzjoni, u tad-drawwa tal-qrar ta’ spiss għal dawk li taw ruħhom għall-ħajja spiritwali, bħal ma huma s-saċerdoti u l-isqfijiet.  Imma kemm hija ħaġa faċli li, minflok li nagħmlu l-qrara tagħna ta’ kull ġimgħa bid-devozzjoni xierqa, nagħmluha bħala rutina!  L-aħjar mod li bih niksbu l-akbar ġid minn dan l-eserċizzju prezzjuż u divin:  li naħsbu fi Kristu li, skont S. Pawl, ġie maħluq minn Alla biex ikun “l-għerf tagħna, il-qdusija tagħna, u s-santifikazzjoni u r-redenzjoni tagħna” (I Korintin 1:30).

 

Għalhekk meta jiena mmur inqerr, l-ewwelnett għandi nitlob ‘il-Ġesù’ biex ikun il-għerf tiegħi, x’ħin igħini biex inkun kalm, preċiż u dettaljat fl-eżami ta’ dnubieti u tal-gravità tagħhom, biex b’hekk inkun nista’ nħoss indiema sinċiera ta’ dnubieti.  Imbagħad nitlob li jiena stess nagħmel ħaqq minni nnifsi, biex b’hekk nersaq lejn il-konfessur tiegħi bħala mħallef tiegħi stess u nakkuża ruħi sinċerament u b’indiema kbira.  Jalla Ġesù jkun għalija wkoll is-santifikazzjoni perfetta tiegħi meta nbaxxi rasi biex nirċievi l-assoluzzjoni minn idejn il-qassis, li permezz tiegħi tidħol fija, jew tiżdied, il-grazzja santifikanti.  Fl-aħħarnett nitlob li Ġesù jkun ir-redenzjoni tiegħi meta nagħmel il-penitenza żgħira li s-saċerdot jagħtini minflok il-piena kbira li tistħoqqli: penitenza żgħira tabilħaqq, imma tpattija għanja wkoll għax hija magħquda mas-sagrament tad-demm ta’ Kristu, li jidħol u jpatti għalija, li jaħsilni u jnaddafni għall-ġid tiegħi u bil-kooperazzjoni tiegħi.

 

Dan il-kliem “jaħsilni dejjem aktar” għandu jkun il-“motto” sagru tal-qrar tiegħi.  U dan il-qrar huwa l-qies l-iżjed żgur li bih inkejjel il-progress spiritwali tiegħi.

 

IV

“Għax jiena naf bil-ħażen tiegħi, u d-dnub tiegħi dejjem quddiemi.”

 

Il-parir tal-filosfi antiki, “agħraf lilek innifsek”, ilu li sar il-pedament ta’ ħajja onesta u tajba.  Serva ferm għall-eżerċizzju kontinwu tal-umiltà, li hija l-virtù ewlenija tan-nies kbar.  Għan-Nisrani u għall-bniedem tal-Knisja, il-ħsieb li huwa midneb ma għandu ifisser li hu għandu jaqta’ qalbu, imma għandu jfisser sentimenti profondi ta’ rispett lejn il-bnedmin ħutna u lejn l-erwieħ ta’ kulhadd; ifisser mezz ta’ ħarsien kontra l-periklu li nitkabbru b’dak li nagħmlu.  Jekk nibqgħu fil-kamra tal-midneb niedem, waqt li nidħlu daħla sewwa fil-fond ta’ ruħna, mhux biss insibu l-kenn għal ruħna li fehmet tassew lilha nfisha u sabet il-kalma fid-deċiżjonijiet u l-azzjonijiet tagħha, imma nsibu wkoll in-nar li jkebbisna dejjem aktar għall-erwieħ tal-bnedmin b’intenzjoni safja u mingħajr preokkupazzjoni ta’ suċċess li qatt m’għandha tkun fl-apostolat tagħna.

 

David kellu bżonn tal-leħen tal-profeta li ħasdu:  “Dak il-bniedem huwa int!” (2 Samwel 12:7).  Imbagħad id-dnub tiegħu baqa’ dejjem hemm, dejjem quddiem għajnejh, bħala twissija dejjem tidwi:  “Id-dnub tiegħi dejjem quddiemi.”

 

B’għaqal kbir, Patri Segneri jurina li mhemmx bżonn li wieħed jiftakar sewwasew kif kienu dnubietu – din la hi ħaġa ta’ ġid u anqas ta’ siwi —, imma hija ħaġa tajba li niftakru l-ħtijiet tal-imgħoddi bħala twissija, biex nitħeġġu għall-biża’ qaddis u għall-imħabba tal-erwieħ.  Kemm-il darba l-liturġija tfakkarna fid-dnubiet u fil-midinbin!  U fil-liturġija orjentali nsibu dan il-ħsieb aktar milli nisbuh fil-liturġija latina.  Imma huwa ħsieb li huwa espress tajjeb fiż-żewġ liturġiji.  “Id-dnub tiegħi qiegħed dejjem quddiemi”, sewwasew kif id-dnubiet tal-bnedmin kienu quddiem Ġesù fl-agonija tiegħu fil-ġnien tal-Ġetsemani, kif kienu quddiem Pietru fil-kobor tal-awtorità tiegħu ta’ Papa, kif kienu quddiem Pawlu fil-glorja tal-apostolat tiegħu, kif kienu quddiem Wistin fis-sbuħija tal-għerf kbir tiegħu u tal-qdusija ta’ isqof li kien.

 

Jiena nitħassar li dawk in-nies imsejkna li, minflok li jżommu d-dnub tagħhom quddiemhom, jaħbuh warajhom!  Dawn qatt ma jeħilsu mid-dnubiet tal-imgħoddi u tal-futur.

 

 V

“Kontra tiegħek biss jiena dnibt, u dak li hu ħażin f’għajnejk għamilt; b’hekk int tkun iġġustifikat fis-sentenza tiegħek u mingħajr tebgħa jidher il-ħaqq tiegħek.”

 

Id-dnub huwa offiża kontra Alla, u dan biss jagħmel mid-dnub ħażen gravi.  Meta nagħmlu konsiderazzjonijiet oħra fuq id-dnub, dawn isiru sekondarji bosta ħdejn dak li għedna:  li tabbuża minn mara miżżewġa u li toqtol raġel ta’ familja huma ħwejjeġ ta’ importanza żgħira meta tipparagonhom mal-korla t’Alla.  David fehem dan sewwa tassew, u aħna wkoll għandna nifhmu dan sewwa.  Imma diversament taħseb id-dinja!  In-nies iħossuhom imdejqa mhux għax offendew il-Mulej, imma għax sofrew xi disgrazzja, xi telfa jew sfortuna.

 

Imma l-qaddisin ma kinux jifhmuha hekk.  “Mulej ikollok ħniena minni; fejjaq ruħi, għax jien dnibt kontra tiegħek” (Salm 40:5).

 

Hemm ħsieb ieħor:  “Dak li hu ħażin jiena f’għajnejk għamiltu.”  Id-dnub, anke meta wieħed jagħmlu kontra l-proxxmu u kontra tiegħu nnifsu, jikser direttament il-liġi t’Alla.  Imma jsir ħaġa aktar gravi għax jiġi magħmul quddiem l-għajnejn t’Alla.  “Alla jarani”:  dan il-kliem in-nanniet umli tagħna kienu jiktbuh fuq ir-rakkmu rozz tagħhom, u għadu jidher mal-ħitan qodma tad-djar tagħna.  Huwa kliem li jservi biex ifakkarna nkunu onesti fl-għemil tagħna.  Kemm hija verità sabiħa din li tfakkarna li Alla jinsab kullimkien, li l-ħarsa tiegħu tippenetra saħansitra fl-irkejjen l-aktar moħbija tal-ħajja privata tagħna!  Wieħed jista’ jikteb trattat sħiħ ta’ tagħlim spiritwali fuq din il-verità, verità li minnha toħroġ is-sbuħija l-aktar safja ta’ tant erwieħ qaddisa, erwieħ ċari daqs il-kristall, safjin daqs l-ilma tal-bir, erwieħ li la qarqu b’ħaddieħor u anqas bihom infushom (għax mhux l-ewwel darba li aħna nqarrqu bina nfusna, li hija ħaġa li tilħaq l-ogħla bluha).  Dawn in-nies kienu jagħmlu t-tajjeb anke x’ħin kienu jafu li ħaddieħor kien jgħaddihom b’nies ta’ bla siwi.  “In-nies igħaddu biż-żmien is-sempliċità tal-bniedem tajjeb!”  Xi kliem sabiħ huwa dan meħud minn S. Girgor il-Kbir!

 

VI

“Għax jiena twelidt fil-ħtija, u fid-dnub ġabitni ommi.”

 

Dan il-kliem qisu xi skuża, imma David fehem bih il-verità tad-dgħajfien tiegħu.  Hawn David għandu f’moħħu l-liġi tad-dnub oriġinali, dnub li minnu jitkellem S. Pawl u li t-teologi jsejħu “marda tan-natura.”  Hija l-liġi li nħossu f’ġisimna, kuntrarja għal-liġi tal-ispirtu.  Għalhekk David ma qalx dan il-kliem biex jaħrab il-verità, biex iġib xi skuża, jew biex jiġġustifika lilu nnifsu.

 

Għandna nagħrfu li l-ħażen huwa fina għax, għalkemm it-tentazzjoni tiġi minn barra, fina hemm il-grazzja li nirbħuha, u din il-grazzja hija aktar qawwija mit-tentazzjoni.  “Ix-xjaten?”, kien igħidilna l-Professur Tabarelli meta kien ifissrilna t-trattat De Gratia fl-Apollinare.  “Ix-xjaten huma aħna!  Għax aħna responsabbli ta’ għemilna”, kien ikompli jgħid.  Fuq il-każ ta’ David, sewwa qal S. Wistin:  “Meta l-mara kienet fil-bogħod, ix-xewqat tar-raġel kienu fil-qrib.  Dak li xtaq jara, u l-kawża tad-dnub tiegħu, kienu band’oħra.”

 

Dak li nafu fuq il-miżerja tagħna għandu jkun għalina, tobba tal-erwieħ, ir-raġuni li għaliha għandna nitħassru, nerfgħu u nagħmlu l-qalb lill-oħrajn, u mhux li niskużaw lilna nfusna.

 

Għanda r-responsabbiltà gravi li nieħdu il-grazzja li Alla jagħtina biex inrażżnu n-natura tagħna.  Fin-natura fqajra tagħna hemm moħbija inklinazzjonijiet ħżiena għall-ambizzjoni, suppervja, xeħħa, korla, regħba, qerq u skużi.  Kif igħid Segneri, dawn kollha huma ġewwa fina qishom ġemgħa kbira ta’ bhejjem feroċi, orsijiet, ilpup, tigri, iljuni u leopardi.  Dawn ma jistgħux jagħmlulna ħsara sakemm il-bieb jibqa’ magħluq u jżommhom lura.  Ikunu qishom mhumiex hemm:  il-grazzja tagħlaqhom ġewwa u żżommhom.  Imma jekk il-bieb jintrefa’, dawn il-bhejjem feroċi jimxu wara l-istint naturali tagħhom u jfittxu jaqtgħu il-ġuħ tagħhom!  “Jiena nqiegħed Salvatur, ħajt u sur” (Iżaija 26:1).  Issa jekk il-grazzja (il-ħajt u s-sur) taqa’, x’diżastru jkun hemm għall-imsejken Nisrani, għall-imsejkna saċerdoti!  “Għax jiena twelidt fil-ħtija, u fid-dnub ġabitni ommi.”  Mhux ommijietna twajba li ġabuna fid-dinja, imma l-omm tal-bnedmin kollha li dinbet fil-bidu.

 

    VII

“Għax inti tħobb il-verità:  il-ħwejjeġ moħbija tal-għerf tiegħek int urejtni.”

 

L-ewwelnett is-Salmista ried jagħti raġun lill-kliem li Alla qallu permezz tal-profeta:  “b’hekk int tkun iġġustifikat fis-sentenza tiegħek”.  Imbagħad ried ifaħħar it-trijonf tal-ġudizzju t’Alla:  “u mingħajr tebgħa jidher il-ħaqq tiegħek”.

 

Issa s-Salmista qiegħed igħid li Alla jħobb il-verità.  Fil-fatt, il-verità tinsab f’Alla bħala fil-għajn tagħha, u Alla huwa kollu kemm hu verità; sewwasew kif Ġesù, il-Kelma t’Alla, qal:  “Jiena hu l-verità.  Kieku dil-kelma ma ħarġitx minn fomm Alla magħmul bniedem, kieku kienet tkun bħal dikjarazzjoni ta’ wieħed miġnun.  Il-gvernatur Ruman baqa’ mħawwad b’din id-dikjarazzjoni ta’ Kristu u staqsieh:  “X’inhi l-verità?

 

Il-verità, igħid Patri Segneri, hija virtù għolja li tmiss iċ-ċirkostanzi tal-ħajja, u skont in-natura ta’ dawn iċ-ċirkostanzi hi tieħu isem partikolari.  Fl-iskejjel tissejjaħ għerf, fid-diskors veraċità, fl-imġieba l-virtù li turi dak li int, fil-konversazzjoni tissejjaħ sinċerità, fil-għemil tjubija, fin-negozju onestà, fil-pariri nuqqas ta’ qerq, fil-wegħdiet li wieħed jagħmel tissejjaħ lealtà, fis-swali tal-qorti tieħu t-titlu nobbli ta’ ġustizzja.  Mela din hija l-verità tal-Mulej “li tibqa’ għal dejjem” (1 Ġwanni 2:17).

 

L-imħabba tal-verità!  Fil-jum tal-konsagrazzjoni tiegħi ta’ isqof il-Knisja tagħtni missjoni speċjali rigward din l-imħabba tal-verità:  “Hu (l-isqof) għandu jagħżel l-umiltà u l-verità u ma jibdilhom qatt mal-kumplamenti jew mat-theddid.  M’għandux jibdel id-dawl mad-dlam, jew id-dlam mad-dawl; m’għandux isejjaħ dak li hu ħażin tajjeb, u dak li hu tajjeb ħażin.  Għandu jitgħallem mill-għorrief u mill-injuranti, biex hekk jieħu t-tajjeb ta’ kulħadd.”  U jien nirringrazzja ’l Mulej li tagħni nklinazzjoni tajba li ngħid il-verità, dejjem u f’kull ċirkostanza u quddiem kulħadd, b’mod ħelu u bl-edukazzjoni kollha, s’intendi, imma bil-kalma kollha u mingħajr biża’ ta’ xejn.  Xi nuqqasijiet żgħar ta’ ċkuniti ħallew f’qalbi biża’ kbira li nidħaq b’xi ħadd jew li nqarraq bih.  Issa li qiegħed nikber u nixjieh, irrid noqgħod attent b’mod speċjali rigward dan:  li nħobb il-verità, bil-għajnuna t’Alla!  Din il-wegħda għamiltha kemm-il darba u ħliftha fuq il-Vanġelu.

 

Ir-rivelazzjoni ta’ ċerti ħwejjeġ oskuri u moħbija tal-għerf t’Alla tiġi weħidha.  L-imħabba tal-verità tfisser tfulija li tibqa’, dejjem żagħżugħa u ferħana.  U l-Mulej juri l-ogħla misteri tiegħu lit-tfal u jaħbihom lill-għorrief u lil dawk li d-dinja tgħodd bħala ta’ moħħ kbir.

 

    VIII

“Naddafni bl-issopo, u nindaf: aħsilni, u aktar mis-silġ nibjad.”

 

Dawn il-kelmiet għandhom x’jaqsmu maċ-ċerimonja li l-liġi ta’ Mosè fil-purifikazzjoni tal-imġiddmin.  Dawn kienu jmorru quddiem is-saċerdot li kien idaħħal qattgħa issopo (bil-Malti: zuf) fid-demm tal-annimal maqtul għas-sagrifiċċju, imbagħad kien ibexxex dak id-demm fuq l-imġiddmin u wara jaħsilhom minn rashom sa saqajhom bl-ilma pur.  F’dan insibu x-xbieha tad-dnubiet li jħammġu ’l ġisem u jtebbgħu lir-ruħ.  L-issopo hija pjanta zgħira fid-dieher, imma kbira fil-qawwa.  Tikber fuq il-blat u tagħmel l-għeruq tagħha fil-blat ukoll.  Il-bniedem għandu bżonn ta’ tindifa bħal din.  Iżaija kellu raġun meta ra lil Ġesù bħala Dak kellu jnaddafna.  Iżaija qal:  “Hu (Ġesù) sejjer inaddaf lil ħafna nazzjonijiet (bl-issopo)” (Iżaija 52:15).  Fit-tixbieħa li uża David aħna nistgħu naraw mhux biss ċerimonja li kellha x’taqsam mal-liġi ta’ Mosè, imma aktar u aħjar it-tindifa doppja li Alla għamel għall-bnedmin kollha permezz taż-żewġ sagramenti tal-magħmudija u tal-qrar.  Dak li jnaddafna huwa l-istess Redentur tagħna.  L-artal tas-sagrifiċċju huwa żgħir, bħall-issopo, imma d-demm tiegħu huwa mimli qawwa, imbexxex mill-ġenerosità t’Alla fuq l-iġsma u l-erwieħ ta’ dawk li jemmnu għall-purifikazzjoni tagħhom.  Dan huwa riġal kbir li jingħata kuljum lid-dinja kollha fiż-żewġ sagramenti tar-rekonċiljazzjoni (qrar) u tas-salvazzjoni (magħmudija).  Permezz ta’ dawn is-sagramenti din id-dinja msejkna tiġi mnaddfa u tqum mill-ġdid aktar bajda mis-silġ.  U jien irrid ninqeda dejjem aktar b’dan il-vers meta mmur għall-qrar tiegħi ta’ kull ġimgħa:  “Naddafni, Mulej, bl-issopo, u jiena nindaf.”

 

Nixtieq li Alla jnaddafni mill-imħabba lejja nnifsi li, kif igħid Segneri, hija marbuta ma’ tliet ħwejjeġ:  mar-rieda tiegħi li dejjem tfittex tagħmel li jogħġobha; mal-fama tiegħi li ma tħallini nsofri l-ebda tmaqdir; u mal-kumditajiet li nħobb li jwarrbuni mit-tbatija u jġiegħluni nitlef iż-żmien.

 

Dan ifakkarni wkoll fl-ilma mbierek li jitfa’ fuq in-nies is-saċerdot fil-parroċċi qabel il-quddiesa kantata ta’ nhar ta’ Ħadd.  Imma din saret ħaġa li drajnieha u ma nagħtux każ tagħha.  Iżda għandna niftakru fit-tifsir spirtwali ta’ dawn iċ-ċerimonji u nfissruhom tajjeb lill-fidili.  M’għandniex ninsew l-miġja ta’ Kristu bħala “l-Qassis il-Kbir tal-ġid li jrid jagħtina” li “permezz ta’ demmu qed jerfagħlna r-redenzjoni ta’ dejjem u b’hekk inaddaf dawk li huma fidili lejh.

 

IX

“Meta tismagħni, int tagħtini l-ferħ u ħena; u l-għadam li int umiljajt jithenna.”

 

Malli nkunu nafu li qlajna l-maħfra, “il-Mulej warrab id-dnub tiegħek”, aħna nimtlew bil-ferħ u l-hena.  Dan ħassejnieh ta’ spiss, meta wara l-qrara nqumu minn għarkobbtejna quddiem il-konfessur, speċjalment meta nkunu f’xi rtir jew f’xi okkażjonijiet solenni ta’ ħajjitna.  Insibu l-ferħ f’moħħna u l-hena f’qalbna:  dawn iż-żewġ sentimenti jinħassu wkoll fis-saħħa u l-enerġija ġdida li bihom jerġa’ jieħu r-ruħ ġisimna:  “u l-għadam li int umiljajt tihenna”.  U fil-Bibbja hemm xi biċċiet oħra li jerġgħu ifakkruna f’dan:  Iżaija jgħidilna, “Qalbkom tibda taqbeż u tifraħ” (Iżaija 60:5), u fi Ktieb il-Qwiel naqraw, “Qalb  ferħana tagħmel ħajja hienja” (Proverbi 15:13).

 

Il-misteru tal-ferħ spiritwali, li huwa l-karatteristika tal-erwieħ qaddisa, jidher hawn fis-sbuħija kollha tiegħu.  Il-Mulej jħallina mħassbin fuq is-salvazzjoni eterna tagħna, imma jagħtina xi sinjali li sejrin insalvaw, u dawn huma biżżejjed biex jagħtuna l-kalma u jimlewna bil-ferħ.

 

“Huwa l-Ispirtu (s-Santu) stess li jagħti xhieda lil ruħna li aħna sirna wlied Alla” (Rumani 8:16).  Jien nistaqsi: forsi hija ħaġa żgħira li aħna nħossu li sirna wlied Alla?  Din il-fiduċja, li ħafna drabi tkun f’qalbna mingħajr ma nafu għaliex, hija l-għajn tal-ferħ tagħna, il-pedament l-aktar sod li bih naqdu sewwa lill-Mulej.  Dak li hu essenzjali hu li din ix-xewqa tkun dejjem sekondarja u aċċidentali, li din ix-xewqa li nservu ’l Alla tagħtina l-ferħ ta’ qalbna:  imħabba tenera, ħlewwa u hena.  Meta nifhmu kemm Alla ħabbna u kemm aħna xejn, dan iferraħna u jsewdilna qlabna fl-istess ħin.  Imma dan is-swied il-qalb jonqos u jqawwielna qalbna għall-apostolat tagħna, għax-xogħol sublimi u nobbli li nxandru ’l Ġesù, li nġiegħlu ’l min iħobbu u jservih, biex b’hekk jitwarrbu dnubiet tad-dinja.

 

Il-ħsieb li nitqaddes, li huwa bħal tbissima fil-provi u s-slaleb tiegħi, huwa dejjem f’moħħi.  Il-kalma ta’ ruħi mibnija fuq il-kliem u l-wegħdiet ta’ Kristu, qed tipproduċi fija kwiet u kalma liema bħalhom li jistgħu jidhru fil-wiċċ, fil-kliem u l-għemil tiegħi:  espressjoni ta’ mħabba li tirbaħ kollox.  B’hekk inħossu saħħa ġdida, kemm fil-ġisem kif ukoll fir-ruħ:  ħlewwa fir-ruħ u qawwa fil-ġisem (Proverbi 16: 24).  Li ngħixu fil-paċi mal-Mulej, li nafu li qlajna l-maħfra u min-naħa tagħna li naħfru ’l ħaddieħor, dan jagħti lil ruħna “l-ikla” (= l-hena) li minnha jitkellem is-Salmista, u jġib fuq xofftejna l-kliem tal-Magnificat (l-għanja ta’ tifħir li l-Madonna għanniet lil Alla wara li kienet taf li saret ommu).

 

X

“Warrab wiċċek minn dnubieti; ħassar kollha kemm huma ħtijieti.”

 

It-talba tas-sultan niedem issa terġa’ tibda, issir aktar ġenerali u titlob maħfra mid-dnubiet kollha l-imgħoddija mhux biss mid-dnub li ġiegħel lis-sultan jikteb il-Miserere.  Hawn David isemmi l-wiċċ t’Alla:  il-korla Tiegħu li tidher fuq għajnejħ u wiċċu!  Aħna għad naraw wiċċu, fl-aħħar jum tagħna, u dawk il-midinbin li ma jridux jindmu jkollhom il-biżà u d-disperazzjoni ta’ dejjem.

 

Jien għandi nirripeti dan il-vers biex nuri dejjem aħjar l-indiema ħajja tiegħi.  Ħadd m’għandu jibża jsejjaħ lilu nnifsu midneb.  Tassew li min jesaġera jgħarraq kollox, u tassew li kull wieħed għandu jgħid dak li jħoss fil-kuxjenza; imma billi aħna dejjem għandna bżonn tal-maħfra t’Alla, hija ħaġa sewwa li nitolbu l-ħniena t’Alla u li dejjem ikollna fiduċja fiha.  “Qalb misħuqa u umiljata, o Alla, int qatt ma twarrab.”  David kien lest biex igħid dan.  U aħna m’għandniex inħallu fil-ġenb kliem bħal dan li jesprimi l-indiema umli tagħna. 

 

XI

“Oħloq fija, o Alla, qalb safja, u ruħ qaddisa ġedded fija.”

 

Il-qalb tfisser ir-rieda, u r-ruħ tfisser il-fehma.  Għalhekk neħtieġu rieda ppurifikata u fehma ġdida.

 

Jaħasra! kemm rabtiet u tentazzjonijiet jitqabdu kontra r-rieda tagħna, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mas-sentimenti tagħna:  affarijiet, persuni u ċirkostanzi!  Il-ġibda lejn xi ambjenti, kultant f’xi laqgħa ta’ okkażjoni, tipprova r-rieda tagħna b’mod qares.  Il-qalb ma ssibx għajnuna fiha nfisha.  Meta r-rieda tiġi mfisda, imdgħajfa mill-affarijiet superfliwi, jeħtiġilna nagħmluha tidher fiha.  Il-qalb ta’ Pawlu, il-qalb ta’ Wistin saru qlub ġodda.  O kbir Alla, x’miraklu kbir kien dak!  U meta l-qlub ta’ dawn it-tnejn bdew it-triq ġdida, qatt ma reġgħu lura minnha, qatt aktar ma waqgħu.  Fis-siegħa ta’ mewthom kienu għadhom ibsin daqs l-azzar.

 

Ruħ qaddisa tfisser li tfhem x’inhu l-aktar importanti li temmen u li tagħmel, u din il-fehma tista’ tabilħaqq issir ġdida.  Biex dan isir, wieħed għandu jifhem tajjeb il-fini tal-opri tiegħu u, fil-prattika, liema opri għandu jagħmel.  Din ir-riforma jeħtieġ li tkun ġejja mir-ruħ u li tkun riforma tassew profonda, “ġewwa fiha”, biex hekk tidher ukoll fl-estern, jiġifieri fl-aspetti kollha tal-ħajja:  riforma fid-diskors, fil-ħars, f’dak li nisimgħu u naqraw.  Din issir arti fl-għajxien tagħna u mod ta’ ħajja ġdida.  

 

XII

“La twarrabnix minn quddiemek; u la tneħħix l-ispirtu mqaddes tiegħek minni.”

 

Il-kastig l-aktar kbir li David seta’ jagħti lill ibnu Absalom, dak li kien ittradih, kien “li hu ma jarax wiċċu aktar”.  Għalhekk nifhmu tajjeb għaliex hu talab lil Alla li ma jwarrbux minn quddiem wiċċu.  Li Alla ma jħarisx lejn dnubietna (li jaħfirhomlna) hija ħaġa, imma hija ħaġ’oħra li jwarrab lill-midneb minn quddiemu.  Il-misteru tal-wiċċ t’Alla għandu jħassibna u jwerwirna!  Min-naħa l-oħra, wieħed għandu jifhem xi jfisser il-ferħ ta’ ruħ salva meta tidher quddiem il-wiċċ tal-Mulej.  Li kieku Alla jagħtina l-grazzja li ma niġix imwarrab minnu fl-aħħar ta’ ħajti!  Jalla Hu jkun ħanin miegħi u jilqagħni, anke jekk jien l-aħħar u l-iżgħar fost kulħadd, biex hekk ikolli x-xorti ngawdih għal dejjem.

 

U rrid nitħaddet fuq ħaġ’oħra:  il-presenza tal-Ispirtu s-Santu fir-ruħ fidila lejn Alla.  Fejn ninsab, mingħajr kotba u kommentarji, ma nistax infittex jekk “bl-ispirtu mqaddes t’Alla” għandix nifhem it-Tielet Persuna tas-Ss.ma Trinità.  Imma jidhirli li iva.  Il-ħidma tal-grazzja fir-ruħ tista’ tiġi mfissra b’dan il-kliem:  “aħna niġu għandu u ngħammru miegħu” (Ġwanni 14:23).  Dawn li jgħammru mal-bniedem huma t-Tliet Persuni divini.  Kull waħda minn dawn il- Persuni tiġi bil-kwalitajiet speċjali tagħha.  L-Ispirtu s-Santu huwa l-Mulej u Dak li jagħti l-ħajja; huwa wkoll dak li jqaddes lir-ruħ.  U n-Nisrani mhux forsi t-tempju tal-Ispirtu s-Santu?  X’ġid kbir ta’ benefiċċji jingħata lir-ruħ meta l-Ispirtu tal-Mulej jgħammar fiha!  S. Pawl igħodd dawn id-doni:  huma erbgħa u għoxrin u jibdew bil-paċi u l-hena.

 

XIII

“Roddli l-ferħ tas-salvazzjoni tiegħek, u saħħaħni bi spirtu perfett.”

 

Agħtini ċ-ċertezza kollha hena li int sejjer issalvani:  fiduċja ta’ serħan fis-Salvatur tiegħi.  S. Ġirolmu jittraduċi tajjeb “il-ferħ ta’ Ġesù tiegħek” minflok “il-ferħ tas-salvazzjoni tiegħek”.  Dan huwa l-ferħ veru ta’ ruħ li qalgħet il-maħfra (l-ewwel frott tal-miġja tal-Ispirtu s-Santu fiha):  li wieħed iħossu magħdud mal-magħżulin tas-Sema.  U dan kollu jsir bil-meriti ta’ Ġesù li xerred demmu biex jifdi din ir-ruħ u biex jimliha bil-qawwa u l-ħajja tiegħu.  Din il-fiduċja m’għandhiex titbiegħed mill-biża’, għax aħna nġibu t-teżor tal-grazzja f’reċipjent li malajr jinkiser: theżżiża żgħira li malajr ixxengilna u reċipjent jerġa’ jinkiser.  Imsejknin midinbin li aħna!  Imma jekk aħna nagħmlu mill-aħjar li nistgħu, il-Mulej ikompli jagħtina l-grazzja tiegħu, il-grazzja li biha nħossu li aħna tiegħu għal dejjem, dak li jġiegħlna niggustaw il-kumpanija eterna ma’ Ġesù li hija lesta għalina f’dak il-jum twil li fih ix-xemx qatt ma tinżel.  U l-ħsieb biss li s-Salvatur tagħna huwa Ġesù stess (David għanna fil-lament tiegħu kemm fuq il-Ġdid kif ukoll fuq l-Antik Testment) jimla l-qalb tiegħi b’ferħ il-ġurnata kollha kemm hija!  L-ewwel insara kienu jesprimu din id-dottrina bix-xbieha tal-ħuta, IKTYS — “Ġesù Kristu, Iben t’Alla, Salvatur”; u kienu jqiegħdu dan is-sinjal fuq l-oqbra tagħhom fil-katekombijiet bħala rahan tal-qawmien tal-ġisem, u wkoll bħala simbolu tal-misteru ewkaristiku, misteru li kienu igħarrfuh biss lil dawk li kien jidħlu fir-reliġjon nisranija.  X’inhu aktar għażiż għalija, qassis u isqof, mill-kuntatt tiegħi ta’ kuljum ma’ dan is-sagrament hekk kbir li hu r-rahan tal-glorja li ġejja fuqi?

 

U x’inhu “l-ispirtu perfett”?  Dan l-ispirtu perfett huwa l-kondizzjoni meħtieġa biex nżommu sħiħa t-tama hienja u ċerta li mmoru s-Sema.  Huwa li nkomplu nilqgħu l-grazzji li Alla dejjem jagħtina, grazzji li bihom ir-ruħ tħossha maqluba lejn dak li hu tajjeb mingħajr ma terġa’ lura, sewwasew kif inhuma l-qaddisin fis-Sema.  Meta jsir dan, ir-ruħ tkun “ikkonfermata” fil-grazzja, don wisq rari li Alla jagħtih mingħajr ma r-ruħ tkun taf ħalli hija tibqa’ nċerta minnu u hekk tibqa’ tissaħħaħ b’ħafna virtujiet li għandhom l-għeruq tagħhom f’din l-inċertezza:  Biża’ safi, attenzjoni fuq l-imġieba, umiltà, talb, u virtujiet oħra.

 

David ukoll talab għal dan id-don, li hu sejjaħ “spirtu perfett”, jiġifieri, mhux spirtu kwalunkwe, spirtu li kien jixraq lil sultan hekk nobbli, spirtu għoli, mingħajr interessi u egoiżmu, spirtu ta’ ħerqa għal Alla u l-glorja tiegħu.  S. Pawl ukoll talab għalih meta kien irażżan ġismu bil-mortifikazzjonijiet u s-swat, bil-biża’ li “waqt li jippridka lill-oħrajn, jien ma mmurx nintilef” (I Korintin 9:27).  Jiena wkoll nitlob għal dan l-ispirtu, O Mulej, nitlob għalih ma’ David u Pawlu, għalkemm inħossni bħala żgħir ħdejhom.  Jiena wkoll nitlob għal dan id-don bħala vantaġġ kbir, don li jikkonferma l-opinjoni baxxa li għandi tiegħi nnifsi u tax-xejn tiegħi, don li jimlini b’xewqa safja għalik, għalik li mitt għalija u li għandek id-dritt tal-ħajja tiegħi (2 Korintin 5:15).

 

XIV

“Jiena ngħallem it-triqat tiegħek lill-ħżiena, u l-midinbin jerġgħu lura lejk.”

 

Is-saċerdozju tiegħi ma jfissirx biss sagrifiċċju għad-dnubiet tad-dinja u tiegħi nnifsi, imma wkoll apostolat tal-verità u tal-imħabba.  Jiena għal dan ġejt imsejjaħ.  Meta niftakar li ftit ħdimt s’issa u kemm-il darba ħafirli l-Mulej għan-nuqqasijiet imgħoddija tiegħi, jien inħossni li għandi nimtela’ b’fervur dejjem akbar. 

 

“It-toroq tal-Mulej huma l-verità u l-ħniena.”  U f’dan jien għandi nsir kbir.  Jiena m’għandix inkun surmast tal-politika, tal-istrateġija, tal-għerf uman:  hemm surmastrijiet kbar ta’ dan kollu.  Jien mgħallem tal-ħniena u l-verità.  U meta ngħallem dawn, jiena nkun qed ngħin ħafna għall-ordni tas-soċejtà.  Dan igħiduh ukoll is-Salmi:  “Il-ħniena u l-verità ltaqgħu:  il-ġustizzja u l-paċi taw bewsa ’l xulxin” (Salm 84:11).  It-tagħlim tiegħi għandu ikun fil-kliem u l-eżempju:  mela prinċipji sodi u twissijiet minn fommi u ħajja ta’ kuraġġ fl-imġieba tiegħi quddiem kulħadd:  Kattoliċi, Ortodossi, Torok u Lhud.  “Il-kelma tqanqal imma l-eżempju jiġbed.”

 

“Il-midinbin jerġgħu lura lejk.”  Il-problema tal-konverżjoni tad-dinja li ħalliet ir-reliġjoni u ’l Alla huwa wieħed mill-misteri li qegħdin itaqqlu ħafna r-ruħ.  Pero’, is-soluzzjoni ta’ din il-problema ma tmissx lili imma lit-toroq moħbijin t’Alla.  Fuq spallejja u fuq spallejn tal-qassisin u l-Kattoliċi kollha jagħfas id-dmir solenni li naħdmu lkoll id f’id għall-konverżjoni tad-dinja ħażina u għar-ritorn tal-eretiċi u x-xismatiċi lejn l-għaqda tal-Knisja, u li nippridkaw ’il Kristu lil-Lhud li qatluh.  Aħna m’aħniex responsabbli tar-riżultat ta’ dil-ħidma.  L-uniku faraġ tagħna, u dan hu biżżejjed għas-serħan ta’ moħħna, hu li nafu li Ġesù s-Salvatur jixtieq aktar minna s-salvazzjoni tal-erwieħ:  Hu jrid isalvahom bil-kooperazzjoni tagħna, imma hija l-grazzja tiegħu biss li tista’ ssalvahom.  U l-grazzja tiegħu ma tonqos qatt meta jasal il-ħin tal-konverżjoni tagħhom.  Dan il-ħin ikun waħda mill-isbaħ sorpriżi ta’ ferħ lill-erwieħ igglorifikati tagħna fis-Sema.

 

XV

“Warrabni mid-demm, o Alla, Alla tas-salvazzjoni tiegħi, biex il-ġustizzja tiegħek ifaħħar ilsieni.”

 

L-għażiż Patri Segneri jiddedika mhux anqas minn ħmistax-il paġna ta’ tifsir li fihom igħid ħwejjeġ sbieħ imma b’mod għoli ħafna.  Fil-fehma tiegħi, dan it-tifsir għandu jkun aktar sempliċi u prattiku.  X’inhu dan “Id-demm” li fuqu jitkellem is-Salmista waqt li jitlob ’il Alla biex iwarrbu minnu?  Fuq it-tifsir eseġetiku (tal-għorrief) tiegħu jien ma naf xejn.  Imma meta nħares lejn dil-kelma minn dak li naf jien, nara fiha dan li ġej: 

 

(1)  Il-ġibdiet li hemm fina ġejjin mix-xewqat tal-ġisem, ir-riżultat tal-“mard tan-natura tagħna”, tad-demm imħassar li l-bniedem wiret fil-bidu tiegħu mal-waqgħa ta’ Eva.  Meta wieħed ikun għalaq is-sittin sena bħali u miexi lejn is-sebgħin, il-kobor jitfi fih — għalkemm mhux għal kollox — it-tqanqil ħażin.  Huwa pjaċir kbir tosserva s-silenzju u s-serħan tal-ġisem, li issa xjaħ u sar indifferenti għat-tentazzjonijiet li kienu jagħtuh fastidju fis-snin taż-żgħożija u tal-irġulija mimlija saħħa li kelli.  Imma wieħed għandu joqgħod dejjem attent.  Il-Bibbja titkellem fuq l-iblah, fuq ix-xwejjaħ żmagat, waħda mit-“tliet ħwejjeġ li jiena nobgħod.” (Ekklesjastiku 23:3-4).

 

(2)  Ir-rabta żejda tal-membri tal-familja li, meta taqbeż il-limiti tal-karità, issir toqol u tfixkil.  Il-liġi tal-apostolat u tas-saċerdozju hija fuq il-liġi tal-ġisem u tad-demm.  Għalhekk jien għandi nħobb il-familja u l-qraba tiegħi u ngħinhom meta jkunu fil-faqar, għax dan huwa dmir li ħadd ma jista’ jiċħad speċjalment għal dak li tant igħin lill-barranin.  Imma għandi nagħmel dan bil-prudenza, bi spirtu safi ta’ saċerdot, sewwa u mingħajr preferenzi.  Il-qraba l-aktar marbutin miegħi, ħuti u n-neputijiet irġiel u nisa, huma kollha — bi ftit eċċezzjonijiet — Insara tal-eżempju; u b’dan inħoss hena kbira.  Imma ma tkunx ħaġa xierqa għalija li nindaħal fl-affarijiet u s-slaleb tagħhom b’mod li nitwarrab mid-doveri tiegħi bħala qaddej tal-Vatikan, u bħala isqof!

 

(3)  Li nħobb lil pajjiżi hija ħaġa tajba u tista’ tkun ħaġa qaddisa wkoll, imma tista’ wkoll titħassar f’nazzjonaliżmu.  Dan jista’ jkun ta’ ħsara kbira għad-dinjità tal-ministeru tiegħi ta’ isqof u għalhekk għandi nżomm ruħi ’l fuq minn kull tilwim bejn in-nazzjonijiet.  Id-dinja tixrob il-velenu tan-nazzjonalizmu żejjed u marid, mibni fuq bażi ta’ razza u demm, li ma jaqbilx mat-tagħlim tal-Vanġelu.  F’dan il-każ, li huwa ta’ mportanza kbira għalija, jiena nitlob b’mod speċjali:  “warrabni min-nies li jridu d-demm, o Alla.”  U hawn toqgħod sewwa t-tislima:  “O Alla tas-salvazzjoni tiegħi”.  Għax Ġesù s-Salvatur tagħna miet għan-nazzjonijiet kollha mingħajr distinzjoni ta’ razza u demm, u sar l-ewwel fost l-aħwa tal-familja ġdida tal-bnedmin, familja mibnija fuq il-Vanġelu tiegħu. 

 

B’liema entużjażmu u libertà l-fomm tas-saċerdot u tal-isqof, hekk maħlul mir-rabtiet tal-art, jista’ jippriedka lil kulħadd il-kmandament tal-Mulej, u jfaħħar il-ġustizzja, il-ħniena u l-paċi f’isem il-Missier li hu Alla tal-virtujiet kollha, f’isem l-Iben li hu Alla tas-salvazzjoni, u f’isem l-Ispirtu s-Santu li hu Alla tal-Paċi, “Il-liġijiet tiegħek huma l-għanja tiegħi f’dan il-post ta’ pellegrinaġġ” (Salm 119:54).  “Ejjew infaħħru ’l Mulej bil-ferħ:  ejjew ngħannu ħienja lil Alla Salvatur tagħna” (Salm 94:1).

 

   

XVI

“Mulej, inti tiftaħli xufftejja, u fommi jxandar it-tifħir tiegħek.”

 

Dan il-vers huwa l-aktar wieħed għażiż tas-Salm kollu.  It-talba ta’ filgħodu tas-saċerdot, “is-sagrifiċċju tat-tifħir”, tiftaħ b’dan il-kliem.  Huwa kliem mimli poeżija u ħlewwa!  Is-saċerdot huwa surmast ukoll, u xufftejh għandu jindukraw il-verità.  Kemm tkun ħaġa sabiħa li nibdew il-priedki tagħna, id-diskorsi, u kull għamla ta’ tagħlim b’dan il-kliem:  “Mulej, huwa int li tiftaħli xufftejja”!  Wara din invokazzjoni jiġi l-Offiċju Divin, imqassam f’sigħat divers matul il-jum u l-lejl.  U dan l-Offiċju jagħti t-ton lill-ministeru kollu tal-Kelma, li huwa x-xandir tal-Aħbar it-Tajba (il-Vanġelu), esaltazzjoni tal-verità tar-reliġjon u innu ta’ tifħir lill-Mulej.

 

Meta Patri Segneri jasal għal dan il-vers, hu jaqbeż it-tifsir kollu tal-għorrief u jistieden lir-ruħ kontemplativa biex tilmaħ f’din id-dikjarazzjoni ta’ tifħir l-akbar opra tal-Mulej li fiha Hu xeħet il-milja tal-qawwa divina tiegħu:  it-twaqqif tal-Knisja li seħħ għaxar sekoli wara ż-żmien ta’ David, għalkemm l-istess David kien lemaħ mill-bogħod din il-knisja bħala l-kapolavur t’Alla mibni permezz ta’ Kristu.  Infatti, f’post ieħor tal-Bibbja jingħad:  “Kbir huwa l-Mulej, u kbir għandu jkun it-tifħir tiegħu”  (Salm 48:1).  Imma fejn?  Fuq l-art, fil-baħar, fis-sema, fin-nar, fis-smewwiet, fil-kwiekeb, fix-xemx?  Le, imma “fil-belt ta’ Alla tagħna, fuq l-għolja mqaddsa tiegħu” (Salm 48:2).   Dan it-tifsir huwa wkoll ta’ S. Robert Bellarmino li kiteb:  “Fost il-ħwejjeġ li Alla rrivelalna m’hemmx waħda akbar, jew li minnha naslu niskopru l-kobor t’Alla, biex hekk inkunu nistgħu nfaħħruh b’qalbna kollha, mit-twaqqif tal-Knisja.”  Wara li Segneri jfakkarna f’dan il-punt, hu jissokta jgħidilna li David għażel dan is-suġġett għall-kant tiegħu għax hu xtaq ifaħħar ’l Alla b’kemm kellu ħila biex ipattilu għall-benefiċċji u l-maħfra li kien qala’ minn għandu.  Dan it-twaqqif tal-Knisja kellu jkun l-akbar opra taż-żminijiet kollha, u meta David ra dan mill-bogħod fl-ispirtu tiegħu ta’ profeta li kien, ried ikollu l-unur li jxandru:  “Ilsieni jxandar it-tifħir tiegħek.”

 

Meta niftakru li dan il-kliem jerġa’ jingħad fil-Matutin kollu f’isem il-Knisja, aħna nitolbu għaliha u għad-dinja kollha.  U meta nkomplu niftakru li dan il-kliem jiġi ripetut minn numru bla qies ta’ xufftejn, miftuħin mill-grazzja li huma talbu, allura dil-verżjoni tikber, issir ħajja u ssib il-milja tagħha.  M’għandniex inħarsu lejn il-Knisja bħala monument tal-imgħoddi imma bħala ħaġa ħajja.  U l-Knisja mhix bħal xi palazz li jimbena f’sena waħda.  Hija bħal belt kbira li għad ġurnata tinfirex mad-dinja kollha:  “L-Għolja ta’ Sijon ġiet imwaqqfa fil-ferħ tal-art kollha; il-belt tas-Sultan Kbir tasal sat-tramuntana mbiegħda” (Salm 48:3).  Il-bini beda għoxrin seklu ilu, imma għadu meqjum kullimkien.  U waqt li l-Knisja qiegħda tikber, hekk nazzjonijiet ġodda jifirħu bis-smigħ tal-Vanġelu:  “U meta l-pagani semgħu dan, ħassuhom ferħana” (Atti 13:48).  Il-kommentatur twajjeb jagħlaq it-tifsir ta’ dan il-vers bi ħsieb sabiħ li jerfa’ l-moħħ tas-saċerdot fil-qari tal-Brevjar tiegħu:  Kull wieħed għandu jieħu sehem fil-bini tal-Knisja Mqaddsa.  Min għandu x-xogħol li jippriedka din il-missjoni bħala messaġġier tal-Vanġelu, dan għandu jgħid lill-Mulej:  “Mulej, inti tiftaħli xufftejja, u fommi jxandar it-tifħir tiegħek.”  Dak is-saċerdot li m’għandux ħidma missjunarja jmissu jixtieq igħin fl-apostolat, u waqt li jaqra s-Salmi fil-kamra tiegħu, huwa wkoll għandu jgħid: “Mulej, inti tiftaħli xufftejja”, għax anke fil-kamra tiegħu, fil-komunjoni tal-imħabba, għandu jqisha tiegħu dik il-vuċi li qiegħda xxandar il-Vanġelu f’imkejjen oħra:  “għax it-tifhir lil Alla (is-suġġett ta’ dan il-vers) mimli aktar b’misteri milli bi kliem”.

 

XVII

“Għax kieku int xtaqt xi sagrifiċċju, jien żgur kont noffrihulek:  imma s-sagrifiċċji tal-ħruq lilek ma jogħġbuk.”

 

Dan il-kliem juri r-rieda tajba ta’ David li joffri kull kwalità ta’ sagrifiċċju.  Il-ħsieb tad-dnub li kien għamel għadu jagħfas fuq qalbu.  Billi hu fehem il-kobor tad-delitt doppju tiegħu (li seraq il-mara ta’ raġel ieħor, u li qatel raġel innoċenti:  u dam sena sħiħa biex jifhem dan), issa qiegħed iħoss li bil-mewt biss jista’ jpatti għad-dnub tiegħu.  Dan kienet titlob il-liġi ta’ Mosè.  Imma billi l-profeta  Natan żgurah, “Il-Mulej warrab id-dnub tiegħek, u int ma tmutx”, issa jaf li għandu jieħu xi sagrifiċċju lil Alla li jiswa flok il-mewt:  li jeqred kollox quddiem il-maestà offiża t’Alla.  Għalhekk il-liġi kienet titlob is-sagrifiċċju.  U billi David kien għani ferm, il-liġi kienet titlob minnu aktar minn annimal wieħed maħruq, jew offerta aktar kbira tal-kreaturi tal-art.  Imma l-Mulej ma riedux joffri dil-għamla ta’ sagrifiċċji mitlubin minn Alla għal-Lhud li kienu ħarġu mill-Eġittu fejn huma kienu jaħdmu fit-tiben, il-art u l-ġebel.  Għal wieħed li minnu kellu jiġi Kristu, għal raġel skont il-qalb t’Alla, dawn il-forom ta’ qima ma kinux nobbli biżżejjed.  Għalhekk Alla ma riedhomx minnu, u ma kienx sejjer jieħu ġost bl-offerta ta’ bhejjem maħruqa.  Imma David għamel sewwa meta wera r-rieda tajba tiegħu li joffrihom biex b’hekk almenu juri lilu nnifsu lest li jobdi l-kmandament t’Alla.

 

Aħna għandna nkunu dejjem lesti biex noffru lilna nfusna bħala sagrifiċċju ħaj, sewwasew kif irid Alla minn kull wieħed minna u skont kif irid Hu minn kull wieħed minna:  din hija lezzjoni kbira u twissija għalija.  Din hi d-devozzjoni leali u sinċiera.  Mhux biżżejjed li wieħed iħoss id-dmugħ tal-faraġ nieżel m’għajniejh waqt it-talb, imma tinħtieġ rieda dejjem lesta li nagħmlu dak li jrid Alla, hu x’inhu dak li jrid minna.  “Qalbi hija lesta, o Alla, qalbi hija pronta”, fil-ftit u fil-ħafna, li nagħmel dak li Alla jrid minni u li nifhem dak li hu ma jridx minni biex jiena ma nagħmlux.  U kemm-il darba aħna nitqarrqu f’dan!  Il-gost tagħna nfasslu manjieri li bihom inservu ’l Alla li fil-fatt m’humiex ħlief mezzi li bihom nisfugaw dak li nħobbu aħna, l-ambizzjoni tagħna u l-kapriċċi li għandna.  “Is-suppervja ta’ qalbek qarrqet bik, bik li qiegħed tgħix fil-għoli” (Abadija 3).  Int li suppost taqdi ’l Alla anqas ma taf tagħmel pass wieħed ’il barra mit-toqba tiegħek biex, bħall-brimba, issib kenn fit-tempesti li għaddejjin fuqna; b’danakollu int konvint li tista’ ittir bħal ajkla jekk igħidulek biex taqbeż il-muntanji u l-ibħra.  Fit-tjubija tiegħek int, mingħajr ma ridt, qarraqt bik innifsek.  Ħalli r-rieda tajba tiegħek tidher fil-għemil li tagħmel biex taqdi r-rieda t’Alla li hu jgħarrafhielek ġurnata wara l-oħra, u turihiex din ir-rieda tajba tiegħek fl-immaġinazzjoni ta’ ħwejjeġ għolja.

 

XVIII

“Il-veru sagrifiċċju lil Alla hija ruħ miksura; qalb niedma u umiljata, o Alla, int ma tistmerr qatt.”

 

Is-sagrifiċċju li aktar jogħġob ’il Alla hija ruħ maħbuta mill-provi, maħbuta tassew u doppjament għax it-turment tar-ruħ ħafna drabi jissieħeb mas-sofferenza tal-ġisem, billi kemm ir-ruħ kif ukoll il-ġisem ħadmu flimkien meta għamlu l-ħażen.  Jekk nikkonsidraw din id-dottrina barra mill-każ ta’ David, il-midneb niedem, jiġi quddiem għajnejna l-misteru tas-Salib u ta’ kull tbatija, misteru li huwa t-triq l-aktar żgura lejn il-perfezzjoni meħtieġa minn qassis u minn isqof.

 

Fl-irtir li għamilt f’Rustchuk f’Mejju tal-1930 dħalt sewwa fil-qalba ta’ din id-dottrina li darb’oħra kienet dehret tant ċara quddiem għajnejja meta kont għarkobbtejja quddiem l-artal ta’ S. Karlu Borromeo f’Ruma waqt li kont qiegħed niġi kkonsegrat isqof.  Niftakar li kont qomt minn quddiem dak l-artal bi ħsieb ċar:  ħassejt, għallinqas f’ruħi, li kont qed nixbaħ lil Ġesù Msallab.  “Agħmel li nħobb is-Salib tiegħek”.  Din l-invokazzjoni għandi nirrepetiha ta’ spiss.  S’issa batejt ftit ħafna.  Il-karattru ferħan tiegħi, li huwa rigal kbir minn Alla, żammni ’l bogħod minn dak in-niket li jkollhom l-erwieħ ħaddiema u ġenerużi li, bħal fjamma, jħossuhom kollha nar fil-ħidma mimlija żelu għall-erwieħ ta’ ħaddieħor.  Imma għandi nistenna li qabel ma nispiċċa dil-ħajja umli tiegħi Alla sejjer jibgħatli provi li jġiegħluni nsofri b’mod speċjali.  Tajjeb.  Hawn jiena lest għalihom:  basta li l-Mulej jagħtini l-qawwa li nerfagħhom b’kalma, dinjità u ħlewwa.  Waqt li qed naqra l-ħajja ta’ Madre Maria Alfonsa, li kienet l-aħħar Maestra tan-Novizzi tas-Sorijiet ta’ Sijon, li magħhom issa qiegħed alloġġjat, sibt li l-ispirtu ta’ dan l-Istitut huwa “abnegation souriante” (“caħda ferrieħa”).  Dan il-kliem qiegħed tajjeb ferm għalija!  Jiena dejjem pront għas-sagrifiċċju tar-ruħ li għandi nerfa’ bl-umiltà, fi spirtu ta’ penitenza b’qalb niedma — “b’qalb imfarrka fl-irmied” kif jingħad fuq l-akbar nies tat-Testment il-Qadim u kif naqraw fuq il-qaddisin tal-Ġdid Testment.  Huwa biżżejjed li niftakru fuq S. Franġisk t’Assisi li t-talba tiegħu kienet dejjem l-istess:  “O Ġesù, ikollok ħniena minni għax jiena midneb.”  Biex nikseb dan l-ispirtu ta’ ndiema rrid noqgħod attent u ferventi meta nqaddes, fil-quddiesa li teħodni bil-ħsieb lejn il-ġnien tal-Ġetsemani, lejn is-santwarju moħbi tas-sofferenzi ta’ Kristu.  Jiena wkoll sejjer insib dawn il-provi fis-slaleb ta’ kuljum li għalihom għandi nsib risposta perfetta billi neħodhom minn idejn Alla, bis-sabar, rassenjazzjoni u ġustizzja, dinjità u paċi.

 

XIX

“Ieqaf ma’ Sijon, o Mulej, fit-tjubija tiegħek, ħalli jimbnew is-swar ta’ Ġerusalemm.”

 

L-interpretazzjoni tal-Bibbja hawn issib l-isbaħ okkażjoni li toqgħod tifli t-tifsir (litterali, spiritwali u morali) ta’ dan il-vers.  Il-profeta u sultan, David, waqt li jħossu niedem għad-dnub tiegħu u lest għas-sagrifiċċju, qiegħed iħares lejn il-futur u jitlob li dan il-futur ikun glorifikazzjoni sħiħa għall-ħanin Alla tiegħu.  Qiegħed jitlob biex Alla jieqaf mad-dar tiegħu mibnija fuq l-għolja ta’ Sijon, ħalli jkun jista’ jibni s-swar tal-belt irjali; imma dan huma xbieha u profezija tal-miġja ta’ Kristu Salvatur:  “It-tjubija u l-ħniena kollha mħabba ta’ Alla s-Salvatur tagħna issa dehret fostna”, igħid S. Pawl (Titus 3:4).  Sijon kellha tara fiha d-dinastiji tas-slaten ta’ Ġuda, dawk is-slaten li wara ċedew posthom lil Kostantinu u mbagħad lis-saltna reliġjuża tal-Papiet, saltna mibnija fuq is-sod u li qatt ma tispiċċa.  Ġerusalemm hija l-Knisja Mqaddsa li tgħammar f’kull naħa tad-dinja u li għandha swar l-aktar sodi u qawwija, swar li jiġu minfuda lil hawn u lil hemm, imma li jerġgħu jimbnew u jissaħħu dejjem aktar qawwijin minn qabel.  Minn din Ġerusalemm spiritwali, li hija l-Knisja Militanti, aħna ndawru għajnejna lejn Ġerusalemm tas-Sema, li hija l-Knisja Trionfanti, li qed tistenniena fl-aħħar taż-żminijiet.  L-aħħar noti tal-Miserere li kiteb David jagħtu t-ton għall-viżjoni tal-Apokalissi ta’ S. Ġwann li fiha wara li jiddeskrivi “l-viżjoni ta’ hena u paċi”, jagħlaq kollox bit-talb “Ejja, Sinjur Ġesù” (Apokalissi 22:20).

 

Il-qalb imsejkna tiegħu titgħaxxaq u titqanqal b’din is-sbuħija tal-għaġeb li tħeġġiġna biex nagħmel dak kollu li nista’ ħalli ngħin ix-xandir tal-ispirtu ta’ Ġesù mill-Għolja ta’ Sijon, u ħalli nifrex u nsaħħaħ is-swar ta’ Ġerusalemm, fil-qadi tal-Knisja Mqaddsa kif il-Providenza trid minni li, għalkemm jiena l-anqas wieħed fost l-isqfijiet u r-rappreżentanti tal-Vatikan, m’iniex anqas minn ħaddieħor nixtieq li nagħmel unur lis-sejħa tiegħi.

 

Dawn is-snin ta’ ħajja li baqagħli rrid li jkunu l-isbaħ snin tiegħi ta’ għajnuna kbira, effettiva u denja fix-xogħol li qed tagħmel il-Knisja Kattolika, mill-għoljiet ta’ Sijon sas-swar ta’ Ġerusalemm.  Nixtieq li Ġesù jilqa’ għallanqas l-intenzjoni tajba tiegħi u jberikha bil-grazzja u t-tjubija tiegħu.

 

 XX

“Imbagħad igħoġbok tilqa’ s-sagrifiċċju tal-ġustizzja, tal-vittmi u tal-offerti maħruqin kollha.  Imbagħad iqiegħdulek għoġġiela fuq l-artal tiegħek.”

 

Dan jitkellem fuq is-sagrifiċċju kbir u veru li Ġesù offra għalina meta “ta lilu nnifsu għalina, bħala offerta u sagrifiċċju lil Alla, kollu fwieħa u ħlewwa” (Efesin 5:2).

 

Mitluf fil-kontemplazzjoni, David ra dan mill-bogħod:  ra l-veru sagrifiċċju tal-ġustizzja u tat-tpattija għal kulħadd, sagrifiċċju li mill-quċċata tal-għolja mqaddsa li qiegħda bejn Sijon u Moriah (il-Kalvarju) kellu jikkompleta s-sagrifiċċji l-oħra kollha mad-dinja.  Dan is-sagrifiċċju kellu wkoll jimla b’qawwa divina s-sagrifiċċji l-oħra li matul is-sekoli kellhom jiġu offerti minn miljuni ta’ nies li, miġbudin b’imħabba ta’ ħniena lejn is-Salib, kienu sejrin joffru l-penitenzi u s-sofferenzi tagħhom bħala membri tal-Ġisem Mistiku ta’ Kristu.

 

Mas-sagrifiċċju tas-Salib jixraq ukoll li nikkontemplaw dawn “il-vittmi u offerti”.  Dawn huma l-appostli, il-konfessuri, il-martri u l-qaddisin ta’ kull żmien.  Huma wkoll il-verġni li ħajjithom hi u tibqa’ l-glorja tal-Knisja Mqaddsa, kollha fervur, sagrifiċċju u demm.  “Hu laqagħhom bħal offerta maħruqa tas-sagrifiċċju” (Ktieb il-Għerf 3:6).  Din hija għolja ta’ vittmi u offerti, sikwit moħbija u mhux magħrufa, li tintrefa’ lejn Alla bħala tpattija u talba għad-dinja kollha.  U xi jfissru l-għoġġiela mqiegħda fuq l-artal?  L-interpreti jaqblu li huma x-xbieha tal-Ewkaristija Mqaddsa li biha s-sagrifiċċju tas-Salib jiġi mġedded mistikament, verament u għal dejjem.  X’unur kbir huwa dak għal qassis jew isqof li fil-ministeru li ġie fdat lilu joffri l-vittma divina fuq l-artal jum wara l-ieħor!  Imma x’responsabbilità wkoll quddiem is-Sema u l-art!

 

Gesù, Sinjur tiegħi, jiena nieħu kenn fix-xejn tiegħi, jiena nitlob għall-ħniena u l-maħfra tan-nuqqasijiet tiegħi, jiena nġedded il-konsakrazzjoni ta’ ħajti lill-qima tiegħek, lil imħabbtek, lill-artal tiegħek.  “Ikollok ħniena minni, o Alla, ikollok ħniena minni.”

 

Ħajr lil Myriam Buttigieg