IT-TELEVIŻJONI U L-FAMILJA

MESSAĠĠ TAL-PAPA ĠWANNI PAWLU II

GĦAL JUM IL-KOMUNIKAZZJONI SOĊJALI

13 ta’ Mejju 1994

Ħuti għeżież,

 

F’dawn l-aħħar għaxriet ta’ snin, it-televiżjoni ġab taqliba kbira fil-komunikazzjoni, taqliba li laqtet sewwa l-ħajja tal-familji. Illum it-televiżjoni hu għajn ewlenija ta’ aħbarijiet, ta’ informazzjoni u ta’ rikreazzjoni għal għadd kbir fuq li kbir ta’ familji, u qed isawwar l-imġieba u l-fehmiet tagħhom, il-valuri u s-sura ta’ kif iġibu ruħhom.

 

It-televiżjoni jista’ jagħni l-ħajja tal-familja, jista’ jressaq aktar qrib xulxin il-membri kollha tal-familji u jġib ‘il quddiem is-solidarjetà ma’ familiji oħra u mal-komunità wkoll kollha kemm hi. It-televiżjoni jista’ jkattar u jżid it-tagħrif ġenerali tan-nies, imma wkoll it-tagħrif reliġjuż għax permezz tat-televiżjoni jkunu jistgħu jisimgħu l-Kelma ta’ Alla, isaħħu l-identità reliġjuża tagħhom u jwettqu l-ħajja morali u reliġjuża tagħhom.

 

Iżda t-televiżjoni jista’ wkoll jagħmel ħsara lill-ħajja tal-familja meta jxandar valuri u suriet ta’ mġiba li jbaxxu l-bniedem, meta jxandar il-pornografija u dehriet ħajja ta’ vjolenza brutali, meta jħajjar għar-relattiviżmu morali u għax-xettiċiżmu reliġjuż, meta jagħwweġ u jistrumentalizza l-aħbarijiet u l-problemi tal-ġurnata, meta r-reklami li jxandar iqanqlu l-istitnti l-aktar baxxi tal-bniedem u jtella’ sas-sema d-dehriet qarrieqa tal-ħajja li jġibu fix-xejn ir-rispett għal xulxin, il-ġustizzja u l-paċi.

 

Ukoll meta l-programmi televiżivi m’humiex moralment ħżiena fihom infushom, it-televiżjoni dejjem jista’ jħalli effetti ħżiena fil-familji. Jista’ jwassal biex il-membri tal-familja jingħalqu fihom infushom, kull wieħed jew waħda f’dinja għalih, u jġib fix-xejn relazzjonijiet interpersonali awtentiċi, tista’ ġġib ukoll firdiet fil-familji għax tbiegħed minn xulxin il-ġenituri mill-ulied u l-ulied mill-ġenituri.

 

Għaliex it-tiġdid morali u spiritwali tal-familja umana kollha kemm hi, jrid ikollu l-għeruq tiegħu fit-tiġdid ta’ kull familja, is-suġġett tal-Jum Dinji tal-Komunikazzjoni Soċjali għas-sena 1994 – “It-Televiżjoni u l-Familja:  direttivi għall-użu tajjeb tagħha” – hu tassew f’waqtu, speċjalment tul is-Sena Internazzjonali tal-Familja, li matulha l-komunità dinjija qed tfittex kif tista’ ssaħħaħ il-ħajja tal-familja.

 

F’dan il-messaġġ nixtieq l-aktar nuri l-importanza tar-responsabbiltajiet tal-ġenituri, tal-irġiel u n-nisa li jaħdmu fit-televiżjoni, tal-awtoritajiet ċivili u ta’ dawk li għandhom dmirijiet pastorali u edukattivi fil-Knisja. Huma għandhom is-setgħa li jagħmlu t-televiżjoni mezz dejjem aktar effikaċi biex jgħin il-familji jaqdu dmirhom bħala qawwa ta’ tiġdid morali u soċjali. Alla ried iħalli f’idejn il-ġenituri r-responsabbiltà kbira li jgħinu lil uliedhom “ifittxu l-verità sa minn ċkunithom, jgħixu skond il-verità ifittxu dak li hu tajjeb u jġibuh ‘il quddiem” (Messaġġ għal Jum il-Paċi 1991, n. 3). Hu għalhekk dmir il-ġenituri li jwasslu lil uliedhom jaraw is-siwi ta’ “kull ma hu veru, kull ma hu xieraq, kull ma hu ġust, kull ma hu safi, kull ma jiġbed l-imħabba, kull ma jistħoqqlu l-ġieħ” (ara Fil 4:8).

 

Hekk, il-ġenituri barra milli jkunu huma stess li jafu jagħżlu bejn programm u ieħor, ikunu wkoll qed jgħinu lil uliedhom jiksbu drawwa tajba ta’ għażla u jwassluhom għall-kobor sħiħ tagħhom, reliġjuż, morali u uman. Il-ġenituri għandhom ifittxu li jkunu jafu minn qabel x’inhuma l-programmi televiżivi, ħa jagħmlu għażla tajba skond il-kuxjenza,  għall-ġid veru tal-familja tagħhom – jagħżlu li jaraw jew ma jarawx xi programm. Jistgħu jkunu ta’ għajnuna kbira t-tagħrif u l-ġudizzji dwar programmi televiżivi li jagħtu aġenziji reliġjużi u gruppi responsabbli oħra, flimkien ma’ programmi ta’ edukazzjoni soda fl-użu tal-mass media. Il-ġenituri għandhom jiddiskutu l-programmi televiżivi ma wliedhom ħalli jgħallmuhom jagħżlu x’jaraw u kemm jaraw, jgħallmuhom ukoll jagħrfu l-valur ta’ xi programmi u jqisu s-siwi tagħhom, għaliex il-familja “hi mezz privileġġjat li jwassal dawk il-valuri reliġjużi u kulturali li jgħinu lill-persuna tikseb l-identità proprja tagħha” (Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Paċi 1994, n. 2).

 

Xi kultant, biex wieħed jgħallem lit-tfal kif jużaw it-televiżjoni biżżejjed jitfih, għax hemm affarijiet aħjar xi jsiru, għax dan jiħtiġuh membri oħra tal-familja, jew għax tara ħafna televiżjoni jista’ jkun ta’ ħsara. Dawk il-ġenituri li jużaw it-televiżjoni bħala xi baby-sitter elettroniku, ikunu qegħdin jiċċaħħdu mid-dmir u d-dritt ewlieni tagħhom li jkunu l-ewwel edukaturi ta’ wliedhom. Din ir-rabta kbira mat-televiżjoni tista’ ċċaħħad il-membri tal-familja minn kull okkażjoni li jinfluwenzaw lil xulxin billi jitkellmu bejniethom, jaħdmu ma’ xulxin, u jitolbu flimkien. Ġenituri għorrief jafu li minflok programmi televiżivi tajbin jistgħu jagħmlu użu minn mezzi oħra ta’ tagħrif dwar aħbarijiet, ta’ rikreazzjoni, ta’ edukazzjoni u ta’ kultura.

 

Il-ġenituri biex ikunu żguri li t-televiżjoni se jħares id-drittijiet tal-familja, għandhom juru t-tħassib tagħhom lil dawk li jmexxu jew jaħdmu fit-televiżjoni. Xi kultant ikun jaqbel li jingħaqdu ma’ oħrajn f’xi assoċjazzjonijiet ħa jitħarsu l-interessi tagħhom fejn jidħlu l-mass media, dawk li jisponsorjawhom, dawk li jagħtuhom ir-reklami u l-awtoritajiet ċivili wkoll.

 

Kull min għandu x’jaqsam mat-televiżjoni – l-executives u l-managers, il-produtturi u d-diretturi, il-kittieba u r-riċerkaturi, il-ġurnalisti, il-camera-persons u t-tekniċi – kollha kemm huma għandhom responsabbiltajiet kbar quddiem il-familji, għax il-familji huma dawk li l-aktar jaraw it-televiżjoni. Dawk li jaħdmu fit-televiżjoni, fil-ħajja professjonali u personali tagħhom, għandhom jimpenjaw ruħhom favur il-familja, bħala dik il-komunità ta’ ħajja, ta’ mħabba u ta’ solidarjetà li hi l-pedament tas-soċjetà. Huma jgħarfu l-influwenza tat-televiżjoni, għandhom ifittxu li jġibu ‘l quddiem il-valuri morali u spiritwali sodi u jevitaw “kull ma jista’ jagħmel ħsara lill-familja fl-eżistenza tagħha, fl-istabbilità, fil-qies u l-hena tagħha”, jiġifieri “kull sura ta’ erotiżmu u vjolenza, id-difiża tad-divorzju u ta’ qagħdiet anti-soċjali li naraw fost iż-żgħażagħ” (Messaġġ għal Jum il-Komunikazzjoni Soċjali tal-Papa Pawlu VI 1989: n. 2).

 

It-televiżjoni xi kultant ikollu jitratta kwistjonijiet importanti ħafna: id-dgħufija tal-bniedem u d-dnub u l-konsegwenzi tagħhom għall-individwi u għas-soċjetà, in-nuqqasijiet ta’ istituzzjonijiet soċjali kemm governattivi u kemm reliġjużi, problemi tqal dwar it-tifsir tal-ħajja. It-televiżjoni għandu jitratta dawn il-kwistjonijiet b’sens kbir ta’ responsabbiltà – mingħajr sensazzjonaliżmu, imma b’ħerqa kbira għall-ġid tas-soċjetà u b’rispett sħiħ għall-verità: “il-verità teħliskom” qal Ġesù (Ġw 8: 32); u fl-aħħar mill-aħħar kull verità għandha s-sisien tagħha f’Alla, li hu wkoll il-bidu tal-ħelsien u tal-ħila kreattiva tagħna.

 

Hija u taqdi r-responsabbiltajiet pubbliċi tagħha, l-industrija televiżiva għandha ġġib ‘il quddiem u tħares kodiċi morali li jħaddan impenn għall-qadi tal-ħtiġijiet tal-familji u għall-promozzjoni ta’ dawk il-valuri li jwettqu l-ħajja tal-familji. Huma mixtieqa ħafna kunsilli tal-mass media, b’membri magħżulin kemm mill-industrija u kemm mill-pubbliku in ġenerali, biex it-televiżjoni jkun jista’ jwieġeb aħjar għall-ħtiġijiet u l-valuri ta’ dawk li jaraw il-programmi tagħha.

 

Kemm jekk l-istazzjonijiet televiżivi għandhom tmexxija pubblika u kemm jekk għandhom tmexxija privata, dejjem huma strument pubbliku ta’ servizz għall-ġid ta’ kulħadd; m’humiex sempliċiment “qasam” privat ta’ interessi kummerċjali jew strumenti ta’ setgħa jew ta’ propoganda għal xi gruppi soċjali, ekonomiċi jew politiċi; qegħdin hemm biex jaqdu l-ġid tas-soċjetà kollha kemm hi.

 

Bħala “ċellula” fondamentali tas-soċjetà, il-familja jistħoqqilha l-għajnuna u l-ħarsien tal-Istat u ta’ istituzzjonijiet oħra, permezz ta’ miżuri adatti (ara Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Paċi 1994, n. 5). Dan juri li l-awtoritajiet pubbliċi huma responsabbli fejn jidħol it-televiżjoni.

 

Il-Knisja hija u tagħraf l-importanza ta’ bdil ħieles ta’ ideali u tagħrif, hi favur il-libertà tal-kelma u tal-istampa (ara Gaudium et spes, n. 59). Fl-istess waqt il-Knisja tinsisti li “d-drittijiet tal-individwi, tal-familji u tal-istess soċjetà għall-privatezza, għad-deċenza pubblika u għall-ħarsien tal-valuri fondamentali” (Kummissjoni Pontifiċja għall-Komunikazzjoni Soċjali: Pornography and violence in the media: a Pastoral Response, n. 21). L-awtoritajiet pubbliċi huma mistiedna jfasslu u jinfurzaw suriet ta’ mġiba raġjonevoli, li jġibu ‘l quddiem dawk il-valuri umani u reliġjużi li fuqhom timbena l-ħajja tal-familja, u jbiegħdu kull ma jista’ jkunilha ta’ ħsara. Għandhom ukoll iħajru għad-djalogu bejn l-industrija televiżiva u l-pubbliku billi joħolqu strutturi u okkażjonijiet għal dan il-għan.

 

L-organiżmi reliġjużi, min-naħa tagħhom, jistgħu jagħtu servizz li ma  bħalu lill-familji billi jagħtuhom tagħrif dwar il-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali u valutazzjoni tal-films u l-programmi. Fejn il-mezzi jippermettuh, l-organizzazzjonijiet ekklesjali għall-komunikazzjoni soċjali jistgħu wkoll jgħinu l-familji billi jipproduċi u jittrasmettu programmi għall-familji, jew iġibu ‘l quddiem din is-sura ta’ programmi. Il-Konferenzi Episkopali u d-djoċesijiet għandhom idaħħlu, fil-programmi pastorali tagħhom dwar il-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali, “id-dimensjoni tal-familja” fit-televiżjoni (ara Kunsill Pontifiċju għall-Komunikazzjoni soċjali Aetatis novae, 21 u 23).

 

Il-professjonisti tat-televiżjoni, għaliex qed jaħdmu biex jagħtu dehra ta’ ħajja lil għadd kbir ta’ nies li fosthom hemm tfal u żgħażagħ, jistgħu jagħmlu użu mill-ministeru pastorali tal-Knisja, li tista’ tgħinhom biex jaraw il-valur ta’ dawk il-prinċipji morali u reliġjużi li jagħtu tifsir sħiħ lill-ħajja tal-bniedem u tal-familja: “programmi pastorali li jistgħu jiggarantixxu formazzjoni li tibqa’, kapaċi tgħin lil dawn l-irġiel u lil dawn in-nisa – ħafna minnhom jixtiequ jkunu jafu bis-sinċerità kollha x’inhu ġust fl-oqsma tal-etika u tal-morali – biex ikunu jistgħu idaħħluh fil-fond tal-ħidma professjonali u tal-ħajja privata tagħhom” (ibid n. 19).

 

Il-familja li timbena biż-żwieġ hi xirka ta’ persuni ma hemmx oħra bħalha, magħmulha minn Alla biex tkun “il-bidu naturali u fondamentali tas-soċjetà” (Dikjarazzjonijiet Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem art. 16, 3). It-televiżjoni u l-mezzi l-oħra ta’ komunikazzjoni soċjali għandhom qawwa kbira biex iwettqu u jsaħħu din ix-xirka fil-familja, u solidarjetà wkoll mal-familji l-oħra, u spirtu ta’ qadi lis-soċjetà. Hija u turi ħajr għall-kontribut li t-televiżjoni, bħala mezz ta’ komunikazzjoni ta’ u qed jagħti lil din ix-xirka fil-familji u bejn il-familji, il-Knisja – hi wkoll xirka fil-verità u fl-imħabba ta’ Kristu, il-Verb ta’ Alla – tipprofitta mill-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Komunikazzjoni Soċjali 1994, biex tħeġġeġ lill-istess familji, lin-nies tal-midja, u lill-awtoritajiet pubbliċi ħalli jwasslu għall-milja sħiħa tiegħu l-mandat li għandhom li jwettqu u jsaħħu l-ewwel u l-aqwa “ċellula” vitali tas-soċjetà: il-familja.

 

+ Ioannes Paulus pp. II

 

Vatikan – 24 ta’ Jannar 1994