L

A

I

K

0

S

 

Home  

Kuntatt

 

L-Evanġelju tal-Ħajja, Enċiklika tal-Papa Ġwanni Pawlu II

 

 

Il-Papa Ġwanni Pawlu II

 

 

 

EVANGELIUM VITAE

(L-EVANĠELJU TAL-ĦAJJA)

ENĊIKLIKA TAL-PAPA ĠWANNI PAWLU II

LILL-ISQFIJIET,

PRESBITERI U DJAKNI,

LIR-RELIĠJUŻI RĠIEL U NISA U LIL-LAJĊI

U 'L- BNEDMIN KOLLHA TA’ RIEDA TAJBA

DWAR IS-SIWI U L-INVJOLABBILTÀ

TAL-ĦAJJA TAL-BNIEDEM

 

 

25 ta’ Marzu 1995


 

WERREJ

 

1 Daħla

2. Is-siwi m’hemmx ieħor bħalu tal-persuna umana

3-4. Theddid ġdid għall-ħajja tal-bniedem

5-6 F’xirka mal-Isqfijiet kollha tad-dinja

 

KAP I - Leħen id-demm ta' ħuk qiegħed jgħajjatli mill-art: it-theddid lill-ħajja tal-bniedem

7-9 “Kajjin qam għal ħuh Abel u qatlu” (Ġen 4,8): l-għeruq tal-vjolenza kontra l-ħajja

10-17 “X’għamilt? (Ġen 4,10): l-eklissi tal-valur tal-ħajja

18-20 “Jaqaw jien għassies ta’ ħija?” (Ġen 4,9): fehma ħażina tal-libertà

21-24 “Ikolli ninħeba minn quddiem wiċċek” (Ġen 4,14): l-eklissi tas-sens ta’ Alla u tal-bniedem

25-28 “Ersaqtu lejn id-demm imraxxax” (Lh 12,22.24): sinjal ta’ tama u stedina għall-impenn

 

KAP II - Ġejt biex ikollhom il-ħajja: il-messaġġ nisrani tal-ħajja

29-30 “Il-ħajja dehret u aħna rajnieha” (1 Ġw 1,2): b’ħarsitna lejn Kristu - il- “kelma tal-ħajja”

31 “Qawwieti u għanjieti l-Mulej, għalija sar is-salvazzjoni” (Eż 15,2) :il- ħajja hi dejjem ġid

32-33 “Kien bil-kliem ta’ Ġesù li dan ir-raġel ħa saħħtu” (Atti 3,16): fil- prekarjetà tal-eżistenza tal-bniedem; Alla jwassal għat-tmiem tiegħu s- sens tal-ħajja

34-36 “Imsejħin…biex jieħdu s-sura fuq ix-xbieha ta’ Ibnu” (Rum 8,28-29); il- glorja ta’ Alla tiddi f’wiċċ il-bniedem

37-38 “Min jgħix u jemmen fija ma jmut qatt” (Ġw 11,26): id-don tal-ħajja ta’ dejjem

39-41 “Nitlob kont…tal-ħajja tal-bniedem ieħor bħalu” (Ġen 9,5): venerazzjoni u mħabba għall-ħajja ta’ kulħadd

42-43 “Nisslu u oktru u imlew l-art u aħkmuha (Ġen 1,28): ir-responsabbiltajiet tal-bniedem dwar il-ħajja

44-45 “Int sawwart il-ġewwieni tiegħi” (Salm 139/138,13): id-dinjità ta’ tarbija għadha ma twelditx

46-47 “Bqajt nemmen ukoll meta għidt: Jiena mdejjaq ħafna (Salm 116/115,10): il-ħajja fix-xjuħija u fit-tbatija

48-49 “Kull min iħares il-liġi jgħix” (Bar 4,1): mil-liġi tas-Sinaj għad-don tal- Ispirtu s-Santu

50-51 ''Huma għad iħarsu lejn min nifdu'' (Ġw 19,37): fuq l-għuda tas-Salib iseħħ l-Evanġelju tal-ħajja

 

KAP III – La Toqtolx: il-liġi qaddisa ta' Alla

52 ''Jekk int trid tidħol fil-ħajja ħares il-kmandamenti” (Mt 19,17): Evanġelju kmandament

53-57 “Jiena nitlob kont tal-ħajja tal-bniedem mingħand kull bniedem” (Ġen 9,5): il-ħajja tal-bniedem hi qaddisa u ma tistax tittiefes.

58-63 “Meta kont qiegħed…nintiseġ…raw għajnejk” (Salm 139/138,16): id- delitt kiefer tal-abort

64-67 “Jiena mmewwet u jiena naħji” (Dewt 32,39): id-dramm tal-ewatanasja

68-74 “Jeħtieġ nobdu aktar ‘l Alla milli ‘l bnedmin” (Atti 5,29): il-liġi ċivili u l-liġi morali

75-77 “Ħobb ‘l għajrek bħalek innifsek” (Lq 10,27): il-ħajja ġibha ‘l quddiem

 

KAP IV - Għamiltuh lili: għall-kultura ġdida tal-ħajja umana

78-79 “Intom il-poplu li Alla kiseb għalih biex ixxandru l-għeġubijiet tiegħu” (1 Piet 2,9): il-poplu tal-ħajja u għall-ħajja

80-82 “Dak li rajna, dak li smajna, dan inxandruhulkom” (1 Ġw,1-3): it- tħabbira tal-Evanġelju tal-ħajja

83-86 “Inroddlok ħajr għax tal-għaġeb għamiltni” (Salm 139/138,14): niċċelebraw l-Evanġelju tal-ħajja

87-91 “X’jiswa, ħuti, li wieħed jgħid li għandu l-fidi, jekk ma jurihiex fl-għemil tiegħu?” (Ġak 2,14): il-qadi tal-Evanġelju tal-ħajja

92-94 “Ara, wirt il-Mulej huma l-ulied, ħlas tiegħu u frott il-ġuf” (Salm 127/126,3): il-familja “santwarju tal-ħajja”

95-100 “Għixu ta’ wlied id-dawl li intom” (Ef 5,8): biex isseħħ bidla kulturali

101 “Qegħdin niktbu dan biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ” (1 Ġw 1,4): iċ- ċiviltà tal-ħajja hi għall-belt tal-bnedmin

 

GĦELUQ

103 “Deher sinjali kbir fis-sema: Mara liebsa x-xemx” (Apok 12,1): il- maternità ta’ Marija u l-maternità tal-Knisja

104 “Id-dragun mar quddiem il-mara biex kif tiled lil binha jibilgħu” (Apok 12,4): il-ħajja mhedda mis-setgħat tal-ħażen”

105 “Ma jkunx hemm iżjed mewt” (Apok 21,4): id-dija tal-qawmien

 

 

 


 

DAĦLA

 1. L-Evanġelju tal-ħajja huwa fil-qalba tal-messaġġ ta’ Ġesù. Dan il-messaġġ li l-Knisja tilqgħu kull jum b’imħabba, irid jitħabbar b’fedeltà qalbiena bħala l-Bxara t-Tajba għall-bnedmin kollha ta’ kull żmien u ta’ kull kultura.

 Mas-sebħ tas-salvazzjoni, kien it-twelid ta’ Tarbija li ġie mħabbar bħala l-Bxara t-Tajba: “Qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir, ferħ li se jkun għall-poplu kollu. Illum fil-belt ta’ David twildilkom Salvatur li hu l-Messija, il-Mulej” (Lq 2,10-11). Żgur ta bidu għal dan “il-ferħ kbir” it-twelid tas-Salvatur, iżda fil-Milied deher ukoll it-tifsir sħiħ tat-twelid ta’ kull bniedem, u hekk il-ferħ għat-twelid tal-Messija jidher bħala pedament u s-sħuħija tal-ferħ għal kull tarbija li titwieled (ara Ġw 16,21).

 Ġesù, biex ifisser x’kienet il-qalba tal-missjoni tiegħu ta’ fidwa, qal: ”Jiena ġejt biex ikollkom il-ħajja, u ħajja bil-kotra” (Ġw 10,10). Fil-fatt Ġesù kien qiegħed jitkellem dwar dik il-ħajja “ġdida” u “ta’ dejjem” li hi xirka mal-Missier, u li għaliha kull bniedem hu, bla ħlas ta’ xejn, imsejjaħ fl-Iben, bil-ħidma tal-Ispirtu li jqaddes. Iżda proprju f’din il-“ħajja” li jiksbu tifsir sħiħ l-aspetti u l-mumenti kollha tal-ħajja tal-bniedem.

 

Is-siwi m’hemmx ieħor bħalu tal-persuna umana

 2. Il-bniedem hu msejjaħ għall-milja ta’ Ħajja li tmur ‘l hemm ħafna mid-dimensjoni ta’ ħajtu fid-dinja, għax hi tisħib fil-ħajja stess ta’ Alla.

 L-għoli ta’ din il-vokazzjoni sopranaturali juri l-kobor u s-siwi tal-ħajja tal-bniedem, ukoll fi żmien u fid-dinja. Dan għaliex il-ħajja fi żmien hi kundizzjoni fundamentali, il-bidu u l-parti integrali tal-proċess kollu sħiħ u waħdieni tal-eżistenza tal-bniedem. Proċess li, bla ħsieb u mingħajr ma kien mistħoqq, ġie mdawwal mill-wegħda u mġedded bid-don tal-ħajja divina, li tilħaq il-milja kollha tagħha fil-ħajja ta’ dejjem (ara Ġw 1,1-2). Fl-istess waqt hi proprju din is-sejħa sopranaturali li turi l-karattru relattiv tal-ħajja fid-dinja tar-raġel u l-mara. Fil-fatt, il-ħajja fid-dinja m’hijiex ir-realtà “tal-aħħar”, imma hija r-realtà “ta’ qabel tal-aħħar”: iżda hu x’inhu hi realtà qaddisa li tiġi fdata lilna biex inħarsuha b’sens ta’ responsabbiltà u nwassluha għall-perfezzjoni tagħha bl-imħabba u l-għoti tagħna nfusna lil Alla u lil ħutna.

 Il-Knisja taf li dan l-Evanġelju tal-ħajja fdat lilha mill-Mulej[1], għandu tweġiba persważiva fil-fond tal-qalb ta’ kull persuna, temmen jew ma temminx, għaliex waqt li jisboq bla qies it-tamiet, fl-istess iwieġeb għalihom, b’mod tassew tal-għaġeb. Il-bniedem, minkejja l-ħafna diffikultajiet u l-inċertezzi li jiltaqa’ magħhom, hu sinċerament miftuħ għall-verità u għat-tajjeb, u bid-dawl tar-raġuni, u mhux mingħajr il-ħidma moħbija tal-grazzja, jista’ jasal biex jagħraf fil-liġi naturali miktuba f’qalbu (ara Rum 2,14-15) is-siwi qaddis tal-ħajja tal-bniedem mill-bidu sat-tmiem tagħha, u jtenni d-dritt li għandu kull bniedem li jara rispettat b’mod mill-aqwa dan il-ġid ewlieni tiegħu. Fuq l-għarfien ta’ dan id-dritt hija mibnija l-ħajja tal-bnedmin flimkien u l-istess komunità politika:

 Dan id-dritt, b’mod partikulari, iridu jiddefenduh u jġibuh ‘il quddiem dawk kollha li jemmnu fi Kristu, għax jafu sewwa l-verità, imfakkra fil-Konċilju Vat-ikan II: “Bl-inkarnazzjoni l-Iben t’Alla b’ċertu mod ingħaqad ma’ kull bniedem”[2]. Dan għaliex f’din il-ġrajja tas-salvazzjoni hu rivelat lill-ġens kollu tal-bnedmin mhux biss l-imħabba bla qies ta’ Alla li “hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-Waħdieni” (Ġw 3,16), imma wkoll is-siwi m’hemmx ieħor bħalu ta’ kull persuna umana. U l-Knisja, hija u tgħarbel bla heda l-misteru tal-Fidwa, tagħraf dan is-siwi bi stagħġib dejjem imġedded[3], u tħoss li hi msejħa biex tħabbar lill-bnedmin ta’ kull żmien dan l-“evanġelju”, għajn ta’ tama qatt mirbuħa u hena veru għal kull żmien tal-istorja. L-Evanġelju tal-imħabba ta’ Alla għall-bniedem, l-Evanġelju tad-dinjità tal-persuna, u l-Evanġelju tal-ħajja huma kollha Evanġelju wieħed li jibqa’ dejjem sħiħ.

 Hu għalhekk li l-bniedem, il-bniedem ħaj, hu t-triq ewlenija u fundamentali tal-Knisja[4].

 

Theddid ġdid għall-ħajja tal-bniedem

 3. Kull bniedem, proprju minħabba l-misteru tal-Verb ta’ Alla li sar bniedem (ara Ġw 1,14) hu fdat għall-ħerqa tal-Knisja Omm. Għalhekk kull theddida għad-dinjità u għall-ħajja tal-bniedem ma tistax ma tinħassx fil-qalb stess tal-Knisja, ma tistax ma tolqothiex fil-qofol tal-fidi tagħha fl-Inkarnazzjoni fejjieda tal-Iben ta’ Alla, ma tistax ma timpenjahiex fil-missjoni tagħha li tħabbar l-Evanġelju tal-ħajja fid-dinja kollha u lill-ħolqien kollu (ara Mk 16,15).

Din it-tħabbira llum hi tassew urġenti minħabba l-fatt li qed jitkattar b’mod tassew tal-biżà u jsir dejjem aktar serju t-theddid għall-ħajja tal-persuni u tal-popli, l-aktar meta hi ħajja dgħajfa u bla difiża. Mas-suriet antiki tal-faqar, tal-ġuħ, tal-mard, tal-vjolenza u tal-gwerer, illum żdiedu suriet oħra, suriet li ma kienx hawn bħalhom u li qed jinxterdu b’mod tassew tal-biżà.

 Il-Konċilju Vatikan II f’paġna tassew f’waqtha llum ukoll, bil-qawwa kollha kkundanna l-ħafna delitti u l-ħafna theddid għall-ħajja tal-bniedem. Tletin sena wara, nagħmel tiegħi il-kliem tal-Konċilju, u bl-istess qawwa ntenni l-kundanna f’isem il-Knisja kollha, żgur li b’hekk qed infisser dak li tassew iħoss u dawk li għandhom kuxjenza retta: “Dak kollu li hu kontra l-istess ħajja, bħal kull xorta ta’ qtil ta’ bniedem, il-ġenoċidju, l-abort, l-ewtanasja, l-istess suwiċidju volontarju, dak kollu li jikser l-inegrità tal-persuna umana, bħalma huma l-mutilazzjonijiet, it-torturi tal-ġisem u tal-moħħ, l-isforzi li jsiru biex bil-vjolenza r-rieda tal-bniedem tiġi mġiegħla tagħmel dak li jrid ħaddieħor; dak kollu li joffendi d-dinjità tal-bniedem bħalma huma l-kundizzjonijiet ta’ ħajja li ma jixirqux lill-ħajja tal-bniedem, il-ħabs bla raġuni, id-deportazzjonijiet, il-jasar, il-prostituzzjoni, il-bejgħ ta’ nisa u ta’ tfal; jew kundizzjonijiet ta’ xogħol mill-agħar, kundizzjonijiet li fihom il-ħaddiema jiġu meqjusa biss bħala strumenti għall-qligħ tal-flus u mhux bħala persuni ħielsa u responsabbli: dan kollu, u affarijiet oħra bħalhom, huma kollha affarijiet tal-mistħija u waqt li jħassru ċ-ċiviltà tal-bniedem, iħammġu lil dawk li jġibu ruħhom b’dan il-mod, wisq aktar minn dawk li jġarrbuhom, u joffendu ħafna l-ġieħ tal-Ħallieq[5]”.

 4. Sfortunatament, din il-qagħda hekk ta’ nkwiet, flok ma qed tonqos, dejjem aktar qed tiżdied; mal-prospetti ġodda li ġab miegħu l-progress xjentifiku u tekonoloġiku, tfaċċaw suriet ġodda ta’ theddid għad-dinjità tal-bniedem, waqt li qed turi ruħha u tissaħħaħ qagħda kulturali ġdida, li qed tagħti lid-delitti kontra l-ħajja aspett ġdid u - jekk jista’ jkun - aktar kiefer, li qed iqanqal tħassib ieħor aktar serju: oqsma kbar tal-opinjoni pubblika qed jiġġustifikaw xi delitti kontra l-ħajja f’isem id-dritt tal-libertà tal-individwu, u għalhekk jippretendu mhux biss li jkunu ħielsa minn kull ħtija, imma wkoll li jkollhom il-permess tal-Istat, biex jagħmlu dawn id-delitti bla xkiel ta’ xejn, anzi bl-għajnuna b’xejn tal-istrutturi sanitarji tal-Istat.

 Issa dan kollu jwassal għall-bidla sal-qiegħ fil-mod kif jitqiesu l-ħajja u r-relazzjonijiet bejn il-bnedmin. Il-fatt li l-liġijiet ta’ ħafna pajjiżi, ukoll jekk tbiegħdu mill-prinċipji fundamentali tal-Kostituzzjonijiet tagħhom, aċċettaw li ma jikkastigawx jew saħansitra għarfu bħala għal kollox leġittimi għemejjel bħal dawn kontra l-ħajja, hu fl-istess ħin sinjali li jħasseb u kawża li tfisser ħafna ta’ tiġrif morali tassew serju: għażliet li darba kulħadd kien iqishom bħala delitti u s-sens komun morali kien jirrifjutahom, bil-mod il-mod saru għemejjel rispettati mis-soċjetà. Il-mediċina li mill-vokazzjoni tagħha stess qiegħda għad-difiża u l-ħarsien tal-ħajja tal-bniedem, f’xi oqsma tagħha qed toffri ruħha dejjem aktar bis-sħiħ biex iseħħ dan l-għemil kontra l-persuna, u hekk qed tħassar id-dehra tagħha, tmur kontra tagħha nfisha u tbaxxi d-dinjità ta’ dawk li jeżerċitawha. F’qagħda kulturali u legali bħal din, il-problemi demografiċi, soċjali u familjari li qed jagħfsu fuq għadd kbir ta’ popli fid-dinja, u jitolbu attenzjoni responsabbli u ħabrieka mill-komunitajiet nazzjonali u internazzjonali, qed isibu ruħhom quddiem soluzzjonijiet foloz u qarrieqa, kuntrarji għall-verità u l-ġid tal-persuni u tan-Nazzjonijiet.

 Ir-riżultat ta’ dan kollu hu tassew traġiku: jekk hu gravi ħafna u jinkwetak il-fenomenu tal-qerda ta’ tant ħajjiet ta’ bnedmin li għad iridu jitwieldu jew waslu biex jintemmu, mhux inqas gravi u jħassbek il-fatt li l-istess kuxjenza, kważi mdallma minn tant kundizzjonamenti, qed tbati dejjem aktar biex tagħraf tagħżel bejn it-tajjeb u l-ħażin f’dak li jolqot l-istess valur fundamentali tal-ħajja tal-bniedem.

 

F’xirka mal-Isqfijiet kollha tad-dinja

 5. Il-Konċistorju straordinarju tal-Kardinal li ltaqa’ Ruma mill-4 sas-7 t’April 1991 kien dwar il-problema tat-theddid għall-ħajja tal-bniedem fid-dinja ta’ llum. Wara diskussjoni wiesgħa u fil-fond tal-problema u tal-isfidi li għandha quddiemha l-familja kollha tal-bnedmin, u b’mod partikulari, l-komunità Nisranija, il-Kardinali, b’vot unanimu, talbuni ntenni bl-awtorità tas-Suċċessur ta’ San Pietru, il-valur tal-ħajja tal-bniedem u l-invjolabbiltà tagħha, fid-dawl tal-qagħda ta’ llum tal-attentati li qed jhedduha.

 Ilqajt it-talba, u f’Għid il-Ħamsin tas-sena 1991 ktibt ittra pastorali lil kull wieħed lill-Isqfijiet ħuti biex, fl-ispirtu tal-kolleġġjata episkopali, joffruli l-kooperazzjoni tagħhom biex jitħejja dokument speċifiku[6]. Inħossni grat ħafna lejn l-Isqfijiet li wieġbu u tawni in formazzjoni ta’ siwi, suġġerimenti u proposti. B’dan ukoll taw xhieda tat-tisħib unanimu u konvint tagħhom fil-missjoni duttrinali u pastorali tal-Knisja dwar l-Evanġelju tal-ħajja.

 Fl-istess ittra, ftit ġranet wara ċ-ċelebrazzjoni taċ-ċentinarju tal-enċiklika Rerum novarum, ġbidt l-attenzjoni ta’ kulħadd lejn din l-analoġija singolari “Kif mitt sena ilu kienu l-ħaddiema li ġarrbu l-moħqrija fid-drittijiet fundamentali tagħhom, u l-Knisja bi qlubija liema bħalha iddefendiethom billi ħabbret id-drittijiet sagrosanti tal-persuna tal-ħaddiem, hekk illum, meta kategorija oħra ta’ persuni hi mġarrba fid-dritt fundamentali tal-ħajja, il-Knisja tħoss id-dmir li għandha, bl-istess qlubija, tagħti leħen lil min m’għandux leħen. Hawn għandna dejjem l-għajta evanġelika għad-difiża tal-foqra tad-dinja, ta’ dawk li huma mhedda, mistmerra u maħqura fid-drittijiet tagħhom bħala bnedmin[7].

 Qed ikunu mkasbra fid-dritt fundamentali tagħhom għall-ħajja llum għadd kbir ta’ bnedmin dgħajfa u bla difiża, bħalma huma, b’mod partikulari, it-trabi li għad ma tweldux. Jekk ma kienx permess lill-Knisja, fi tmiem is-seklu li għadda, li żżomm is-skiet quddiem l-inġustizzji li kienu qed iseħħu f’dak iż-żmien, wisq anqas illum ma tista tibqa’ siekta meta mal-inġustizzji soċjali tal-imgħoddi, qed jiżdiedu inġustizzji u moħqrija aktar serji, ukoll jekk qegħdin jitqiesu bħala sinjal ta’ progress, bil-għan li jitwaqqaf ordni ġdid fid-dinja.

 Din l-enċiklika, frott tal-kollaborazzjoni tal-Episkopat ta’ kull pajjiż tad-dinja, trid tkun għalhekk affermazzjoni mill-ġdid, preċiża u soda, tal-valur tal-ħajja tal-bniedem u tal-invjolabbiltà tagħha, u fl-istess waqt appell ħerqan lil kulħadd u lil kull wieħed f’isem Alla: irrispetta, iddefendi, ħobb u aqdi l-ħajja, kull ħajja umana! F’din it-triq biss issib il-ġustizzja, l-iżvilupp, il-ħelsien veru, is-sliem u l-hena!

 Jalla dan il-kliem jilħaq l-ulied kollha tal-Knisja. Jalla jilħaq il-bnedmin kollha ta' rieda tajba li jikkonċernhom il-veru ġid ta' kull bniedem, kif ukoll ix-xorti tas-soċjetà kollha!

 6. F’xirka sħiħa ma’ kull wieħed u waħda minn ħuti fil-fidi, u mqanqal minn ħbiberija sinċiera ma’ kulħadd, irrid nimmedita u nħabbar l-Evanġelju tal-ħajja, dija ta’ verità li ddawwal il-kuxjenzi, dawl safi li jfejjaq il-ħarsa mdallma, għajn dejjem tnixxi ta’ fedeltà u ta’ qlubija biex neħduha kontra l-isfidi dejjem ġodda li nsibu fil-mixi tagħna.

 U waqt li niftakar fl-esperjenza għanja li għexna tul is-Sena tal-Familja, bħallikieku ntemm idealment l-Ittra li ktibt lil kull familja partikulari f’kull pajjiż tad-dinja[8], inħares b’fiduċja mġedda lejn kull komunità tad-dar u nixtiqilha turi mill-ġdid u ssaħħaħ l-impenn ta’ kulħadd għall-għajnuna tal-familja għax illum ukoll - minkejja l-ħafna diffikultajiet u t-theddid kbir - tibqa’ dejjem skont il-pjan ta’ Alla, “is-santwarju tal-ħajja[9].”

 Lill-membri kollha tal-Knisja, il-poplu tal-ħajja u għall-ħajja, nagħmel stedina ħerqana biex flimkien, inkunu nistgħu nagħtu lil din id-dinja tagħna, sinjali ġodda ta‘ tama, bit-tħabrik tagħna ħa jikbru l-ġustizzja u s-solidarjetà u tiġi ‘l quddiem kultura ġdida tal-ħajja tal-bniedem, għall-bini taċ-ċiviltà vera ta’ verità u mħabba.

 

KAP I

LEĦEN ID-DEMM TA’ ĦUK QIEGĦED JGĦAJJATLI MILL-ART :

IT-THEDDID LILL-ĦAJJA TAL-BNIEDEM ILLUM

Kajjin qam għal ħuh Abel u qatlu” (Ġen 4,8). L-għeruq tal-vjolenza kontra l-ħajja.

 7. “Il-mewt mhux Alla għamilha, u lanqas togħġbu l-qerda tal-ħajjin. Hu ħalaq kollox biex jgħix…Iva, Alla ħalaq il-bniedem biex ma jmutx u għamlu xbieha tiegħu nnifsu. Bil-għira tax-xitan daħlet il-mewt fid-dinja u jafu xi tfisser dawk li huma tiegħu” (Għerf 1,13-14; 2,23-24).

 L-Evanġelju tal-ħajja li nstema’ fil-bidu bil-ħolqien tal-bniedem fis-sura u x-xbieha ta’ Alla, għal destin ta’ ħajja sħiħa u perfetta (ara Ġen 2,7), sab kontra tiegħu l-esperjenza kiefra tal-mewt li daħlet fid-dinja u tefgħet id-dell tagħha ta’ nuqqas ta’ tifsir fuq l-eżistenza kollha tal-bniedem. Il-mewt daħlet minħabba l-għira tax-xitan (ara Ġen 3,1.4-5) u d-dnub tal-preġenituri tagħna (ara Ġen 2,17;3,17-19). U daħlet bil-vjolenza permezz tal-qtil ta’ Abel minn ħuh Kajjin. “Kif kienu fir-raba, Kajjin qam għal ħuh Abel u qatlu” (Ġen 4,8).

 Dan l-ewwel qtil ġie ppreżentat lilna bi kliem ta’ qawwa f’paġna tal-Ktieb tal-Ġenesi li għandha tifsira universali: paġna miktuba mill-ġdid kull jum bla waqfien b’mod li dejjem aktar ibaxxi l-bniedem, fil-ktieb tal-ġrajja tal-popli.

 Ejjew naqraw flimkien din il-paġna tal-Iskrittura li minkejja l-istruttura arkajka tas-sempliċità kbira tagħha, tidher tassew mimlija b’ħafna tagħlim.

 Abel kien ragħaj in-nagħaġ u Kajin ħaddiem ir-raba’. Ġara li wara xi żmien Kajjin għamel offerta mill-frott tal-art lill-Mulej. U Abel offra wkoll mill-bikri tal-merħla tiegħu u mill-grass tagħhom. U l-Mulej ħares lejn Abel u l-offerta tiegħu, imma lejn Kajjin u l-offerta tiegħu ma ħarisx, u Kajjin għalhekk saħan sewwa u wiċċu tqarras. U l-Mulej qal lil Kajjin: “Għala sħant u għala għaddast rasek? Jaqaw mhux minnu dak li jekk tagħmel tajjeb terfa’ rasek? Imma jekk ma tagħmilx it-tajjeb id-dnub bħal xitan jissajja wara biebek. U hu x-xewqan għalik imma int tista’ trażżnu”.

 Kajjin qal lil ħuh Abel: “Ħa mmorru fir-raba’”. U kif kienu fir-raba Kajjin qam għal ħuh Abel, u qatlu. U l-Mulej qal lil Kajjin: “Fejn hu ħuk Abel?” U hu wieġbu: “Ma nafx: jaqaw jien għassies ta’ ħija?’’ U l-Mulej wieġbu: “X’għamilt? Leħen id-demm ta’ ħuk qiegħed jgħajjatli mill-art. U issa misħut int mill-art li fetħet fommha u laqgħet id-demm ta’ ħuk minn idejk. Meta inti taħdem l-art ma tagħtikx aktar ġidha. Int tibqa’ tiġġerra maħrub ‘l hemm u ‘l hawn fl-art.” U Kajjin qal lill-Mulej: “Il-kastig tiegħi kbir wisq biex nerfgħu. Ara, int keċċejtni llum minn wiċċ l-art u jkolli ninħeba minn quddiem wiċċek; u nibqa’ niġġerra maħrub ‘l hemm u ‘l hawn fuq l-art; u kull min isibni joqtolni”. U l-Mulej wieġbu: “Mhux hekk! Kull min joqtol lil Kajjin iħallas seba’ darbiet”. U l-Mulej għamel sinjal fuq Kajjin biex kull min isibu ma joqtlux. U Kajjin ħareġ minn quddiem il-Mulej u mar jgħammar f’art Nod, fuq il-Lvant tal-Għeden (ara Ġen 4,2-16).

 8. U Kajjin “saħan sewwa” u “wiċċu tqarras” għaliex “il-Mulej ħares lejn l-offerta ta’ Abel “(Ġen 4,4). Il-Bibbja ma tgħidilniex għaliex lil Alla għoġbu aktar is-sagrifiċċju ta’ Abel minn dak ta’ Kajjin, iżda jurina ċar li għalkemm għażel id-don ta’ Abel, ma qatax id-diskors ma’ Kajjin. Wissieh billi fakkru li hu ħieles quddiem id-deni: il-bniedem bl-ebda mod ma hu predestinat biex jagħmel il-ħażen; iva bħal Adam hu mġarrab mis-setgħa ħażina tad-dnub li bħala bhima selvaġġa tissajja ħdejn bieb qalbu, lesta biex taqbeż fuq il-priża. Iżda Kajjin jibqa’ ħieles quddiem id-dnub. Jista’ u għandu jaħkmu: “Hu xewqan għalik imma inti tista’ trażżnu” (Ġen 4,7).

 Iżda t-twissija t’Alla jegħelbuha l-għira u l-qilla , u hekk Kajjin iqum għal ħuh u joqtlu. Kif naqraw fil-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika,” l-Iskrittura fir-rakkont tal-qtil ta’ Abel minn ħuh, turi li, sa mill-bidu tal-ġrajja tal-bniedem, fih jinsabu l-korla u x-xeħħa, bħala konsegwenzi tad-dnub tan-nisel. Il-bniedem sar għadu ta’ sieħbu[10].

 Ħuh joqtol lil ħuh. Bħalma ġara fl-ewwel fratriċidju, kull qtil qed ikasbar il-parentela “spiritwali” li torbot flimkien il-bnedmin kollha f’familja waħda kbira[11], għax ilkoll għandhom sehem fl-istess ġid fundamentali: dinjità personali ndaqs. Mhux darba wkoll tiġi mkasbra “il-parentela tad-demm u l-laħam” meta, biex insemmi eżempju, t-theddid għall-ħajja ssibu żviluppat fir-relazzjoni tal-ġenituri mal-ulied, kif jiġri fl-abort, jew, fil-kuntest aktar wiesa’ tal-familja u tal-parentela, tkun imħajra jew isseħħ l-ewtanasja.

 Fl-għerq ta’ kull vjolenza kontra l-proxxmu, hemm konċessjoni għal-“loġika” tal-ħażin, jiġifieri ta’ dak li “kien qattiel sa mill-bidu” (Ġw 8,44), kif ifakkarna l-Appostlu San Ġwann: “ Għax l-aħbar li smajtu sa mill-bidu hija din : “li nħobbu lil xulxin. Mhux bħal Kajjin li kien bin il-ħażin, u qatel lil ħuh” (I Ġw 3,11-12). Hekk il-qtil ta’ Kajjin minn ħuh, sa mill-bidu tal-istorja, hu xhieda kollha niket ta’ kif id-deni jikber u jinxtered b’ħeffa liema bħalha li timpres-sjonak: mal-irvell kontra Alla fil-ġenna tal-art tissieħeb il-ġlieda sal-mewt tal-bniedem kontra l-bniedem.

 Wara l-qtil, Alla jindaħal biex jivvendika l-qtil. Quddiem Alla, li jistaqsih xi ġralu Abel, flok juri ruħu ma jafx x’jaqbad jagħmel u jipprova jiskuża ruħu, Kajjin b’arroganza jevita li jwieġeb: “Ma nafx. Jaqaw jien għassies ta’ ħija?” (Ġen 4,9). Ma nafx. B’gidba Kajjin jipprova jaħbi d-delitt. Hekk spiss ġara u għadu jiġri meta l-ħafna suriet ta’ ideoloġiji jservu biex jiġġustifikaw u jaħbu l-ħafna delitti kiefra kontra l-persuna. Jaqaw jien għassies ta’ ħija? Kajjin ma jridx jaħseb fuq ħuh, u jiċħad li jgħix dik ir-responsabbiltà li kull bniedem għandu lejn l-ieħor. Dan waħdu jwasslek biex taħseb fit-tendenzi li naraw illum tal-ħarba mir-responsabbiltajiet tal-bniedem lejn il-bnedmin bħalu: ta’ din il-ħarba sinjali huma, fost oħrajn, in-nuqqas ta’ solidarjetà mal-membri l-aktar dgħajfa tas-soċjetà - bħalma huma l-anzjani, il-morda, l-immigrati, it-tfal - u l-indifferenza li spiss turi ruħha fir-relazzjonijiet bejn il-popli wkoll meta hemm fin-nofs valuri fundamentali, bħalma huma l-għajxien, il-libertà u l-paċi.

 9. Iżda Alla ma jistax iħalli delitt bla kastig: mill-art fejn ġie mxerred, id-demm tal-maqtul irid li ssir ġustizzja minn Alla (ara Ġen 37,26;I s 26,21; Eżek 24,7-8). Minn dan il-kliem tal-Iskrittura, il-Knisja bdiet titkellem dwar “dnubiet li jitolbu vendetta quddiem Alla”, u fost dawn id-dnubiet il-Knisja niżżlet l-ewwel nett l-omiċidju volontarju[12]. Għal-Lhud, l-istess bħalma kien għal ħafna popli tal-qedem, id-demm hu l-għajn tal-ħajja, anzi “d-demm hu l-ħajja” (Dewt 12,23) u l-ħajja, l-aktar dik tal-bniedem, hi ta’ Alla biss: għalhekk min jhedded il-ħajja tal-bniedem, b’xi mod ikun jhedded lil Alla nnifsu.

 Kajjin ġie misħut minn Alla u mill-art ukoll, li ċaħħditu minn ġidha (ara Ġen 4,11-12). U ġie kkastigat: mar fix-xagħri u fid-deżert. Il-vjolenza qattiela tbiddel għal kollox l-ambjent tal-ħajja tal-bniedem. L-art, minn “ġnien tal-Għeden” (Ġen 2,15) post ta’ ġid, ta’ relazzjoni hienja interpersonali u ta’ ħbiberija m’Alla, issir l-“art ta’ Nod” (Ġen 4,16), post ta’ “miżerja”, ta’ solitudni, bogħod minn Alla. Kajjin “ikun jiġġerra maħrub fuq l-art” (Ġen 4,14), imsieħeb dejjem ma’ inċertezzi u nuqqas ta’ stabbiltà.

 Iżda Alla, ħanin ukoll meta jikkastiga, għamel sinjal lil Kajjin biex “kull min isibu ma joqtlux” (Ġen 4,15), jagħtih għalhekk sinjal bil-għan mhux biex jikkundannah għall-istmerrija tal-bnedmin l-oħra, imma biex jiddefendih u jħarsu minn kull min ried joqtlu, forsi biex jivvendika l-qtil ta’ Abel. Lanqas qattiel ma jitlef id-dinjità personali tiegħu u Alla stess jiggarantiha. U proprju hawn jidher il-paradoss kollu tal-misteru tal-ġustizzja kollha ħniena t’Alla, kif jikteb San Ambroġ: “Għaliex sar fratriċidju, jiġifieri l-akbar wieħed fost id-delitti, fil-waqt stess li fih jidħol id-dnub, minnufih kellha tasal ukoll il-liġi tal-ħniena ta’ Alla, biex, jekk il-kastig minnufih jolqot lill-ħati, ma jiġrix li l-bnedmin huma u jikkastigaw, ma jurux tolleranza u tjieba, imma minnufih jagħtu l-kastig lill-ħatja... Alla keċċa ‘l Kajjin minn quddiemu, u, miċħud mill-ġenituri tiegħu, bagħtu qisu eżiljat jgħix f’għamara oħra għaliex għadda minn ħajja ta’ tjieba u ħlewwa għall-ħajja feroċi ta’ bhima selvaġġa. Iżda Alla ma riedx jikkastiga qattiel bi qtil, għax Alla jrid li l-midneb aktar jisgħob bih milli jieħu l-mewt[13]

 

“X’għamilt” (Ġen 4,10) l-eklissi tal-valur tal-ħajja

 10. Il-Mulej qal lil Kajjin: “X’għamilt? Leħen id-demm ta’ ħuk qiegħed jgħajjatli mill-art” (Ġen 4,10), Leħen id-demm imxerred mill-bnedmin ma jieqaf qatt jgħajjat, minn ġenerazzjoni għall-oħra, b’suriet diversi u dejjem ġodda.

 

 Il-mistoqsija: “X’għamilt?” li minnha Kajjin ma setax jaħrab, il-Mulej jagħmilha wkoll lill-bniedem ta’ llum biex dan jagħraf il-kobor u s-serjetà tal-attentati għall-ħajja li bihom hi bla heda mmarkata il-ġrajja tal-bniedem; ifittex x’inhuma l-kawżi li jġibuhom u jsaħħuhom; jaħseb bis-serjetà kollha fuq il-konsegwenzi li dawn l-attentati jkollhom fuq l-eżistenza tal-persuni u tal-popli.

 Xi theddid jiġi mill-istess natura, iżda jsir aktar serju bi traskuraġni ħatja u negliġenza tal-bnedmin li spiss jistgħu isibu rimedju għalihom; theddid ieħor hu frott ta’ qagħdiet ta’ vjolenza, mibegħda, interessi kontra xulxin, li jwasslu lill-bnedmin jaħbtu għall-bnedmin oħra bi qtil, gwerer, straġi u ġenoċidji.

 U kif ma taħsibx fil-vjolenza li qed ssir lill-ħajja ta’ miljuni ta’ bnedmin, speċjalment tfal, li jkollhom jgħixu fil-miżerja, neqsin dejjem mill-meħtieġ għall-ikel, u bil-ġuħ, u dan minħabba t-tqassim ħażin tal-ġid fost il-popli u l-klassijiet soċjali? Jew fil-vjolenza li tinsab moħbija, qabel stess ma turi ruħha fil-gwerer, fil-kummerċ skandaluż tal-armi tal-gwerra, li jgħinu fit-tkattir ta’ tant ġlied imdemmi bl-armi, imxerred mad-dinja kollha? Jew bit-tixrid tal-mewt minħabba t-taqlib addoċċ u bla ħsieb tal-ordni ekoloġiku, jew ix-xandir kriminali tad-droga, jew l-għajnuna biex jiġu ‘l quddiem suriet ta’ sesswalità li, mhux biss ma jistgħux jiġu aċċettati moralment, imma jiftħu wkoll il-bieb għall-perikli serji għall-ħajja? Ma jistax ikun li ssemmi b’mod sħiħ il-ħafna theddid li hawn kontra l-ħajja tal-bniedem, tant huma s-suriet moħbija u le, li għandhom fi żmienna.

 11. Iżda l-attenzjoni tagħna rridu nagħtuha, b’mod partikulari, lil sura oħra ta’ attentati, dawk kontra l-ħajja qiegħda tibda u dawk kontra l-ħajja li waslet fit-tmiem tagħha, li għandhom suriet ġodda jekk inqabbluhom mal-imgħoddi u joħolqu problema ta’ gravità singulari, għaliex, fil-kuxjenza kollettiva tan-nies, qed jitilfu l-karattru ta’ “delitt” u qed jiksbu b’mod paradossali l-karattru ta’ “dritt”, tant li l-Istat qed ikun mistenni jagħtihom għarfien legali u jara li jseħħu fil-fatt bil-ħidma u bl-għajnuna b’xejn tal-uffiċċji tas-saħħa tiegħu. Dawn l-attentati jolqtu l-ħajja tal-bniedem f’qagħda ta’ dgħufija l-aktar kbira, għax nieqsa minn kull ħila li tiddefendi ruħha. Aktar gravi hu l-fatt li dawn l-attentati, fil-kotra l-kbira tagħhom, iseħħu fi ħdan il-familja u bl-opra tal-familja li min-natura tagħha stess hi msejħa biex tkun “is-santwarju tal-ħajja”.

 Kif setgħet isseħħ qagħda bħal din? Irridu nqisu ħafna fatturi. Wara kol-lox, hemm kriżi kbira tal-kultura, li qed toħloq xettiċiżmu dwar il-pedamenti stess tal-għerf u tal-etika, u qed tagħmel dejjem aktar tqal l-isforzi biex jingħaraf b’mod ċar x’inhu l-bniedem u x’inhuma d-dmirijiet u d-drittijiet tiegħu. Ma’ dan iridu jiżdiedu l-ħafna diffikultajiet eżistenzjali u interpersonali li hemm u jridu jitkattru bir-realtà ta’ soċjetà komplessa, fejn il-persuni, il-koppji, il-familji, spiss jitħallew waħedhom bil-problemi kollha tagħhom. U m’humiex neqsin qagħdiet ta’ faqar partikulari, ta’ qtigħ il-qalb u ta’ frustrazzjoni, fejn it-taħbit biex tipprovdi għall-ħajja, l-uġigħ bil-kemm tiflaħ għalih, il-vjolenza, speċjalment dik li biha jkunu mġarrbin in-nisa, jagħmlu għażla għad-difiża u l-promozzjoni tal-ħajja hekk impenjattiva u eżiġenti li xi darba twassal għall-eroiżmu.

 Dan juri, almenu sa ċertu punt, għaliex il-valur tal-ħajja llum qiegħed f’sura ta’ “eklissi”, għalkemm il-kuxjenza ma tieqaf qatt turih bħala valur qaddis li qatt m’għandu jittiefes, kif juri l-fatt stess li xi delitti kontra l-ħajja għandha tibda jew waslet għat-tmiem tagħha qed jinħbew taħt diskorsi dwar is-saħħa ta’ dak li jkun, diskorsi li ma jħallux jidher il-fatt li fl-aħħar mill-aħħar fin-nofs hemm id-dritt għall-ħajja ta’ persuna umana konkreta.

 12. Fil-fatt, jekk il-ħafna aspetti gravi tal-problema soċjali tal-lum b’xi mod nistgħu inqisuhom frott tal-inċertezza morali li tinsab imxerrda kullimkien, u li xi kull tant f’xi wieħed jew l-ieħor ir-responsabbiltà soġġettiva tonqos, mhux inqas veru l-fatt li għandna quddiemna qagħda aktar wiesgħa, li nistgħu inqisuha bħala struttura vera u proprja tad-dnub, karatterizzata minn kultura kontra s-solidarjetà, li f’ħafna każi tidher bħala “kultura tal-mewt”. Qed tinġieb ‘il quddiem minn kurrenti qawwija kulturali, ekonomiċi u politiċi li jħaddnu fehma ta’ soċjetà, effiċjenti kemm jista’ jkun. Jekk inħarsu lejn il-ħaġa f’dan id-dawl, nistgħu, sa ċertu punt, nitkellmu dwar gwerra tas-setgħanin kontra d-dgħajfa: ħajja li titlob li tkun milqugħa, tinħabb u jkollha min jieħu ħsiebha, titqies li ma tiswa xejn, jew li hi xi piż li ma tiflaħx għalih u għalhekk wieħed irid jeħles minnha b’mod jew ieħor. Min bil-mard tiegħu, bil-handicap tiegħu jew biss bl-istess preżenza tiegħu, se jfixkel il-qagħda tajba u d-drawwiet tal-ħajja ta’ dawk li huma aktar ixxurtjati, jibda jitqies bħala għadu li trid tħares ruħek minnu jew teqirdu. U hekk isseħħ sura ta’ “konġura kontra l-ħajja”. U din il-konġura ma timepenjax biss l-individwi fir-relazzjonijiet individwali u familjari tagħhom jew tal-grupp tagħhom, imma tmur wisq aktar ‘il bogħod għax tasal biex tagħmel ħsara u taqleb ta’ taħt fuq, f’livell mondjali, ir-relazzjonijiet bejn il-popli u l-istati.

 13. Biex jeħfief it-tixrid tal-abort intefqu u qed jintefqu flejjes kbar għat-tħejjija ta’ prodotti farmaċewtiċi li jwasslu għall-qtil ta’ fetu fil-ġuf tal-omm mingħajr ma tkun meħtieġa l-għajnuna tat-tabib. F’din ir-riċerka xjentifika, milli jidher, kważi ħsiebha biss li ssib prodotti dejjem aktar sempliċi u effikaċi kontra l-ħajja u fl-istess waqt, prodotti ta’ sura li jkunu jistgħu jħarsu l-abort minn kull kontroll u responsabbiltà soċjali.

 Spiss jingħad li l-kontraċezzjoni li llum hi żgura u jista’ jagħmilha kulħadd, hi l-aħjar rimedju kontra l-abort. Il-Knisja qed tkun mixlija li qed tgħin l-abort għax qed twebbes rasha u tkompli tgħallem li l-kontraċezzjoni hi moralment ħażina. Din l-oġġezzjoni, jekk wieħed iqisha sewwa, jara biss li hi objezzjoni taparsi. Jista’ jkun li ħafna jagħmlu użu mill-kontraċezzjoni bil-ħsieb li aktar tard jevitaw it-tentazzjoni li jirrikorru għall-abort. Iżda n-nuqqas ta’ valuri li jinsabu fil-“mentalità kontraċettiva” - li hi ħaġa għal kollox differenti mill-paternità u l-maternità responsabbli mħaddma b’rispett tal-verità sħiħa tal-att ta’ żwieġ - huma ta’ sura li jqawwu aktar it-tentazzjoni, f’każ li jkun hemm tnissil ta’ ħajja mhux mixtieqa. Fil-fatt il-kultura tal-abort żviluppat b’mod partikolari f’dawk l-ambjenti li jirrifjutaw it-tagħlim tal-Knisja dwar il-kontraċezzjoni. Veru li l-kontraċezzjoni u l-abort, moralment huma żewġ għemejjel speċifikament diversi; il-kontraċezzjoni tmur kontra l-verità sħiħa tal-att ta’ żwieġ bħala l-espressjoni proprja tal-imħabba tal-miżżewġin għal xulxin, waqt li l-abort jeqred il-ħajja tal-bniedem; il-kontraċezzjoni tmur kontra l-virtù tal-kastità fiż-żwieġ, l-abort imur kontra l-virtù tal-ġustizzja u jikser direttament il-kmandament: “La toqtolx”.

 Il-kontraċezzjoni u l-abort, għalkemm ta’ natura diversa u ta’ gravità morali mhux l-istess, għandhom relazzjoni intima bejniethom, qishom frott ta’ siġra waħda. Veru li hemm każi fejn wieħed jasal għall-kontraċezzjoni u għall-istess abort, imbuttat minn ħafna diffikultajiet tal-ħajja, iżda dan qatt ma jista’ jeżentah li ma jagħmilx sforz biex iħares fis-sħuħija kollha tagħha l-Liġi ta’ Alla. Iżda f’każijiet oħra dan l-għemil għandu l-għeruq tiegħu f’mentalità edonistika u f’nuqqas ta’ responsabbiltà quddiem is-sesswalità u jissopponi fehma egoistika tal-libertà li fit-tnissil tara tfixkil għall-iżvilupp tal-personalità proprja. Il-ħajja li tista’ titnissel mill-att ta’ żwieġ b’hekk issir l-għadu li trid teħles minnu ikun x’ikun, u l-abort jibqa’ tweġiba waħda deċiżiva meta tfalli l-kontraċezzjoni.

 Ir-rabta intima li hemm fil-mentalità tan-nies bejn il-prattika tal-kontraċezzjoni u l-prattika tal-abort qed toħroġ dejjem aktar, u dan jurih b’mod li jħasseb l-iżvilupp ta’ prodotti kimiċi, diżpożittivi intra-uterini u vaċċini li qed jitqassmu bl-istess faċilità kif jitqassmu l-kontraċettivi li fil-fatt qed iwasslu għall-abort fl-ewwel passi tal-iżvilupp tal-ħajja ta’ bniedem ġdid.

 14. Il-ħafna suriet fit-teknika tat-tnissil artifiċjali wkoll li, għalkemm jidhru huma għall-qadi tal-ħajja u mhux ftit drabi huma wżati għal dan il-għan, fil-fatt jiftħu t-triq għall-attentati ġodda kontra l-ħajja. Barra l-fatt li ma jistgħux jiġu aċċettati moralment, għax jifirdu t-tnissil mill-kuntest kollu kemm hu uman tal-att ta’ żwieġ[14], spiss ma jirnexxux: ma tirnexxix mhux biss il-fekondazzjoni, imma wkoll ma jirnexxix l-iżvilupp wara tal-embrijun, li jkun qiegħed f’periklu li jmut, ukoll fi żmien qasir ħafna. Barra dan, l-għadd ta’ embrijuni li jiġu prodotti, f’għadd wisq akbar milli meħtieġ, biex jitqiegħdu f’ġuf il-mara, hu kbir ħafna u dawn l-embrijuni hekk imsejħa “żejda” jiġu meqruda jew użati għar-riċerka, li, bl-iskuża tal-progress xjentifiku u mediku, fil-fatt jirriduċu l-ħajja umana għal sempliċi “materjal bioloġiku” li tista’ tagħmel li trid bih.

 Id-djanjosi qabel it-twelid li ma toħloqx problemi morali jekk issir biex jingħad tkunx meħtieġa xi kura għat-tarbija li għadha ma twelditx, spiss qed issir okkażjoni ħa jiġi suġġerit jew iseħħ l-abort. Dan hu l-abort ewġenetiku, li jitqies leġittimu mill-opinjoni pubblika minħabba mentalità - li bi żball titqies li taqbel ma’ “interventi terapewtiċi” meħtieġa - li tilqa’ l-ħajja biss taħt ċerti kundizzjonijiet u li ma taċċettahiex meta hi limitata, ħandikappata jew marida.

 B’din il-loġika xi wħud waslu biex iċaħħdu minn kura ordinarja l-aktar elementari, u saħansitra mill-ikel, trabi li twieldu b’xi handicap kbir jew mard. Din ix-xena tal-lum, barra dan, qed issir aktar tal-biżà, minħabba proposti magħmulin ‘l hawn u ‘l hemm, li jkun ġustifikat l-infantiċidju bl-istess mod kif hu ġustifikat l-abort - hekk qed nerġgħu lura għal żmien il-barbari li konna nittamaw li ħallejnieh warajna darba għal dejjem.

 15. Theddid mhux inqas serju għandhom il-morda li ma hemmx fejqan għalihom u għal dawk li qed imutu f’ambjent soċjali u kulturali li, fejn qed isir aktar diffiċli tilqa’ u ġġarrab it-tbatija, qed titkabbar fuq li titkabbar it-tentazzjoni li tħoll il-problema tat-tbatija billi teqridha mill-għeruq jiġifieri tantiċipa l-mewt meta jidher li jkun aktar jaqbel.

 F’din l-għażla jiltaqgħu spiss flimkien ħafna raġunijiet li jwasslu għal din il-konklużjoni hekk tal-biżà. Fil-marid jista’ jkun deċiżiv is-sens ta’ qtigħ il-qalb, ta’ eżasperazzjoni, ta’ disperazzjoni wkoll, sens li jkun ġej minn tbatijiet kbar u fit-tul. Din il-qagħda tkun ta’ theddida kbira għall-qjies ġa dgħajjef li għandu jkun hemm fil-ħajja personali u familjari tal-individwu, hekk li min-naħa l-marid minkejja l-għajnuna dejjem aktar effikaċi tal-assistenza medika u soċjali, jissogra li jħoss ruħu mgħaffeġ mid-dgħufija proprja tiegħu; min-naħa l-oħra f’dawk li għandhom rabta liema bħalha mal-marid, jista’ jaħdem sens ta’ ħniena għalih, sens żbaljat imma li wieħed jifhmu. Dan kollu jitkabbar minn ambjent kulturali li fit-tbatija ma jara ebda tifsir jew valur, anzi jqisha bħala l-agħar deni, li jrid jiġi mwarrab ikun x’ikun: dan jiġri l-aktar meta hi nieqsa viżjoni reliġjuża li tgħin jingħaraf dak il-pożittiv fil-misteru tat-tbatija.

 Iżda fl-ambjent kulturali kollu kemm hu tal-lum lanqas ma hi nieqsa sura ta’ mġieba “promoteana” tal-bniedem li jidhirlu li jista’ jaħkem il-ħajja u l-mewt, u jiddeċiedi dwarhom, hu stess, waqt li fil-fatt ikun qed jiġi mirbuħ u mgħaffeġ minn mewt imċaħħda għal kollox minn kull sens ta’ tifsir jew ta’ tama. Naraw espressjoni traġika ta’ dan kollu fit-tixrid tal-ewtanasja, f’sura li ma tidhirx dak li hi jew magħmula bil-moħbi u wkoll apertament meta ma hijiex ukoll legalizzata. L-ewtanasja, barra milli tidher bħala għemil ta’ tjieba - taparsi - lejn it-tbatija ta’ min hu mġarrab biha, xi kultant qed tiġi ġustifikata għal raġunijiet utilitarji, jiġifieri biex jiġu evitati spejjeż li ma jwasslu mkien u li huma ta’ piż kbir għas-soċjetà. Għalhekk hi suġġerita l-qerda ta’ trabi malformati, ta’ persuni b’ħandikap kbir, ta’ dawk li ma huma kapaċi għal xejn, tal-anzjani, u l-aktar ta’ dawk li ma jistgħux jieħdu ħsieb tagħhom infushom, u ta’ dawk li waslu fi tmiem ħajjithom. Ma nistgħux nibqgħu siekta quddiem suriet oħra aktar qarrieqa iżda mhux inqas gravi u reali, tal-ewtanasja. Dan jista’ jiġri, biex insemmi xi eżempju, meta, biex ikun hemm aktar organi disponibbli għat-trap-janti, jitneħħew dawn l-organi bla ebda rispett għall-kriterji oġġettivi u adegwati li jiżguraw li seħħet il-mewt ta’ dak li qed joffri l-organi tiegħu.

 16. Fenomenu ieħor ta’ żmienna li spiss hu msieħeb ma’ theddid għall-ħajja, hu l-fenomenu demografiku. Dan juri ruħu f’suriet differenti f’kull parti tad-dinja: fil-pajjiżi għonja u żviluppati wieħed jinnota nuqqas li jħasseb ta’ twelid ta’ trabi meta wkoll ma spiċċax kważi għal kollox dan it-twelid; min-naħa l-oħra fil-pajjiżi l-foqra ġeneralment qed jidher li hemm tkattir kbir ħafna tal-popolazzjoni, li diffiċli wieħed jiflaħ għalih f’ambjent ta’ żvilupp ekonomiku u soċjali inferjuri jew ukoll f’ambjent ta’ nuqqas ta’ żvilupp. Quddiem dan it-tkattir tal-popolazzjoni li l-pajjiżi l-foqra ma jifilħux għalih, fuq livell internazzjonali hu nieqes indħil globali - politika familjari u soċjali serja, programmi ta’ kobor kulturali u ta’ produzzjoni ġusta u tqassim ta’ riżorsi - waqt li għadha dejjem sejra l-politika tat-twelid.

 Il-kontraċezzjoni, l-isterlizzazzjoni u l-abort żgur għandhom jitqiesu bħala kawżi li jgħinu biex f’xi postijiet ikun hemm nuqqas kbir ta’ twelid. Hu faċli, u tista’ tkun it-tentazzjoni, tirrikorri għal dawn il-metodi u għal dawn l-attentati kontra l-ħajja f’qagħda ta’ “splużjoni demografika”, ta’ tkattir kbir ta’ twelid.

 Il-Fargħun ta’ żmien il-qedem, imbeżża’ mill-preżenza u t-tkattir ta’ wlied Israel għaddihom minn kull xorta ta’ moħqrija u ordnalhom joqtlu l-imwielda subien kollha tan-nisa Lhud (ara Eż 1,7-22). Hekk qed jagħmlu llum mhux ftit setgħanin tad-dinja. Huma wkoll qed jibżgħu mill-iżvilupp demografiku li qed iseħħ, qed jibżgħu li dawk li l-aktar qed ikollhom tfal u li huma l-iktar foqra, huma theddida għall-qagħda tal-ġid u hena tal-pajjiżi tagħhom. U għalhekk, flok qed ifittxu li jħollu dawn il-problemi gravi b’rispett għad-dinjità tal-persuni u tal-familji u jħallu bla mittiefes id-dritt ta’ kull bniedem għall-ħajja, jippreferixxu jġibu ‘l quddiem u jimponu, b’kull mezz li għandhom, pjanifikazzjoni sħiħa tat-twelid. L-għajnuna ekonomika li lesti jagħtu, qed tingħata biss - u din hi inġustizzja - jekk tiġi aċċettata politika kontra t-twelid.

 17. L-umanità llum qed tagħtina wirja tassew tal-biżà, jekk inħarsu mhux biss lejn l-ambjenti fejn qed jiżviluppaw l-attentati kontra l-ħajja, imma wkoll lejn l-għadd tagħhom li qatt ma kien daqshekk u lejn il-ħafna għajnuna qawwija li qed tingħatalhom, mill-kunsens wiesgħa tas-soċjetà u minn għarfien legali dejjem aktar ta’ spiss, mis-sehem li qed ikollhom f’dan l-operaturi sanitarji.

 Kif għedt bil-qawwa kollha f’Denver, fl-okkażjoni tat-Tmien Jum Dinji taż-Żgħażagħ. “Maż-żmien it-theddid kontra l-ħajja mhux qed jonqos. Anzi, għall-kuntrarju qed jieħu sura ta’ kobor bla qjies. M’huwiex biss theddid li ġej minn barra, mill-forzi tan-natura jew, tal-“Kajjini” li joqtlu lil “Abeli” iżda huwa theddid programmat b’mod xjentifiku u sistematiku. Is-seklu għoxrin għad jitqies bħala żmien li fih sar attakki qawwija kontra l-ħajja b’għadd ma jieqaf qatt ta’ gwerer u massakru dejjem sejjer tal-ħajja ta’ tant innoċenti. Il-profeti foloz u l-għalliema qarrieqa kellhom l-aqwa suċċess li qatt seta’ jkollhom[15]. Lil hemm minn kull intenzjoni, u dawn jistgħu ikunu ħafna u ta’ ħafna suriet, u jistgħu ukoll jikkonvinċu f’isem is-solidarjetà, fil-fatt għandna quddiemna konġura oġġettiva kontra l-ħajja, li fiha huma mdaħħlin Istituzzjonijiet internazzjonali, impenjati biex iħajru u jġibu ‘l quddiem kampanja vera u proprja għax-xandir tal-kontraċezzjoni u l-isterilizzazzjoni u tal-abort. U fl-aħħarnett ma nistgħux niċħdu li l-mass media huma spiss kompliċi f’din il-konġura huma u jqisu li hi l-opinjoni pubblika dik il-kultura li tqis ir-rikors għall-kontraċezzjoni, għall-isterilizzazzjoni u għall-abort u anke l-ewtanasja bħala sinjal ta’ progress u ta’ rebħa tal-libertà waqt li turi bħala l-għedewwa tal-libertà u tal-progress kull qagħda kollha kemm hi favur il-ħajja.

 

“Jaqaw jien għassies ta’ ħija? (Ġen 4,9); fehma ħażina tal-libertà

 18. Din il-qagħda li ddeskrivejt trid li tkun magħrufa mhux biss mill-fenomeni tal-mewt li jikkaratteriżżawha imma wkoll mill-ħafna kawżi li wasslu għaliha. Il-mistoqsija tal-Mulej: “X’għamilt?” (Ġen 4,10) tidher qisha stedina magħmula lil Kajjin biex imur ‘l hemm mill-qagħda materjali tal-ġest tiegħu ta’ qtil, biex jingħarfu fil-gravità kollha tagħhom ir-raġunijiet li taw bidu għall-ġest u l-konsegwenzi li ġew wara.

 L-għażliet kontra l-ħajja xi kull tant jiġu minn qagħdiet diffiċli jew saħansitra traġiċi ta’ tbatija kbira, ta’ solitudni, ta’ nuqqas sħiħ ta’ prospetti ekonomiċi, ta’ depressjoni u ta’ qtigħ il-qalb għall-ġejjieni. Dawn iċ-ċirkostanzi jistgħu inaqqsu, u jnaqqsu ħafna wkoll, ir-responsabbiltà soġġettiva u għalhekk ukoll il-ħtija ta’ min jagħmel dawn l-għażliet li fihom infushom huma delitti. Iżda llum il-problema tmur ‘l hemm aktar mill-għarfien meħtieġ ta’ dawn il-qagħdiet personali. Din il-problema turi ruħha wkoll fuq livell kulturali, soċjali u politiku, fejn tidher aktar sovversiva u aktar iħasseb fit-tendenza, dejjem aktar aċċettata, li tfisser dawn id-delitti kontra l-ħajja bħala espressjonijiet leġittima tal-libertà individwali li għandhom jiġu magħrufin u mħarsin qishom veri diritti proprji.

 B’dan il-mod wasal għall-punt kruċjali tiegħu, b’ħafna konsegwenzi traġiċi, proċess storiku li wara li skopra l-idea tad-“drittijiet tal-bniedem” - bħala drittijiet inerenti għal kull persuna, qabel stess kull Kostituzzjoni u leġislazzjoni tal-Istati - illum waqa’ f’kontradizzjoni li tgħaġġbek: proprju fi żmien li bis-solennità kollha qed jitħabbru d-drittijiet tal-persuna, bħala drittijiet li qatt ma jistgħu jiġu mittiefsa, u pubblikament jiġi mtenni l-valur tal-ħajja, dan l-istess dritt għall-ħajja qed jiġi mċaħħad jew imkasbar, tal-eżistenza, fil-mument tat-twelid u fil-mument tal-mewt.

 Min-naħa għandna ħafna dikjarazzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem u għadd bla qjies ta’ inizjattivi ispirati minnhom u b’hekk juru li fuq il-livell tad-dinja hemm sensibbilità morali aktar attenta biex tagħraf il-valur u d-dinjità tal-bniedem, bħala bniedem, mingħajr għażla ta’ razza, nazzjonalità, reliġjon, fehma politika u qagħda soċjali.

 Min-naħa l-oħra kontra dan it-tħabbir hekk nobbli naraw bil-fatti iċ-ċaħda traġika tagħhom. Dan hu fatt li jħawwad wisq aktar u hu aktar skandaluż, proprju għax qed iseħħ f’soċjetà li tqis bħala għan ewlieni tagħha u fl-istess waqt it-tifħir tagħha l-istqarrija tal-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem. Kif se tqabbel flimkien dan il-kliem ta’ prinċipju mtenni kemm-il darba, mat-tkattir dejjem sejjer u t-tixrid leġittimat ta’ attentati kontra l-ħajja tal-bniedem? Kif tqabbel dawn id-dikjarazzjonijiet maċ-ċaħda ta’ min hu l-aktar dgħajjef, ta’ min hu l-aktar fil-bżonn, tal-anzjan, ta’ dak li għadu kemm tnissel? Dawn l-attentati jmorru direttament f’direzzjoni kuntrarja għar-rispett tal-ħajja, u huma theddida diretta għall-kultura kollha tad-drittijiet tal-bniedem. Hija theddida li fl-aħħar għandha l-ħila li ġġib fix-xejn it-tifsir ta’ ħajja demokratika flimkien: minn soċjetajiet ta’ nies “qed jgħixu flimkien”, l-ibliet tagħna qed jissugraw ikunu soċjetajiet ta’ mwarrbin, ta’ emarġinati, ta’ mneħhijin u ta’ meqrudin. Jekk inħarsu imbagħad lejn il-ħaġa mad-dinja kollha, kif ma tasalx biex tgħid li l-istess stqarrija tad-drittijiet tal-persuni u tal-popli kif tiġi mtennija fil-laqgħat għolja internazzjonali, tispiċċa biex tkun diskors retoriku biss meta ma jinkixifx ukoll l-egoiżmu tal-pajjiżi sinjuri li jagħlqu l-iżvilupp lill-pajjiżi foqra jew iġegħluhom jaċċettaw projbizzjonijiet assurdi ta’ tnissil, u hekk iqiegħdu l-iżvilupp u l-bniedem kontra xulxin. Mhux ta’ min iqis sewwa wkoll l-istess suriet ekonomiċi spiss milqugħin mill-Istati wkoll għax imbuttati u kkundizjonati minn influwenzi internazzjonali, u hekk ikabbru qagħdiet ta’ inġustizzja u ta’ vjolenza fejn il-ħajja umana ta’ popolazzjonijiet sħaħ tiġi mbaxxija u mkasbra?

 19. Fejn jinsabu l-għeruq ta’ kontradizzjoni hekk paradossali? Nistgħu niltaqgħu magħhom f’għadd ta’ valutazzjonijiet komplessivi ta’ natura kulturali u morali, ibda minn dik il-mentalità li tasal biex tesaġera u tgħawweġ il-fehma ta’ soġġettività u tagħraf li għandu dritt biss min igawdi minn awtonomija sħiħa, jew miexi lejn din l-awtonomija sħiħa, u jkun ħeles minn qagħda ta’ dipendenza sħiħa minn ħaddieħor. Imma kif se tqabbel din il-fehma mal-eżaltazzjoni tal-bniedem bħala esseri “li ma tistax tiddisponi minnu kif trid”? It-teorija tad-drittijiet tal-bniedem hi mibnija fuq il-fatt li l-bniedem ma jistax ikun maħkum minn oħrajn kif jinħakmu l-annimali u l-affarijiet. Ma nistgħux ukoll ma nsemmux dik il-loġika jew mentalità li trid tidentifika d-dinjità personali tal-bniedem mal-ħila li jikkomunika bil-kliem u espliċitament, jew almenu b’mod li jidher li qed jikkomunika. Hi ħaġa ċara li, skont dawn il-premessi, m’hemmx post fid-dinja għal min hu dgħajjef fl-istruttura tal-ħajja, bħalma huma tarbija li għadha ma twelditx jew wieħed qed imut, għax kollu kemm hu soġġett għar-rieda tal-oħrajn u jiddependi għal kollox minnhom u jaf jikkomunika biss bil-lingwaġġ sieket ta’ mħabba kbira. F’dan il-każ jiġri li s-saħħa hi kriterju għall-għażla u għall-ħidma fil-qasam tar-relazzjonijiet interpersonali u fil-ħajja soċjali. Iżda dan hu proprju l-kuntrarju ta’ dak l-Istat immexxi skont il-liġi, irid jgħid storikament, għax din hi komunità li fiha “flok il-qawwa tar-raġuni” tidħol “ir-raġuni tal-qawwa.”

 Fuq livell ieħor, l-għeruq tal-kontradizzjoni li hemm bejn l-affermazzjoni solenni tad-drittijiet tal-bniedem u ċ-ċaħda traġika tagħhom fil-prattika, jinsabu f’fehma tal-libertà li tgħolli għal kollox l-individwu u ma tħallihx ikun solidali u jilqa’ b’mod sħiħ u jaqdi lill-oħrajn. Ukoll jekk hu veru li l-qerda tal-ħajja, li waslet biex titwieled jew biex tintemm, xi kull tant tidher ġejja minn xi sentiment imqarraq ta’ altruwiżmu u ta’ tjieba, ma nistgħux niċħdu li kultura bħal din tal-mewt, turi fehma tal-libertà kollha kemm hi individwalista, li tispiċċa biex tkun “il-libertà ta’ min jiflaħ l-iżjed” kontra d-dgħajfin destinati biex iċedu.

 Hu f’dan is-sens li għandna nifhmu t-tweġiba ta’ Kajjin għall-mistoqsija tal-Mulej: “Fejn hu ħuk, Abel?” “Ma nafx, jaqaw jien l-għassies ta’ ħija?” (Ġen 4,9). Iva, kull bniedem hu “għassies ta’ ħuh” għax Alla jafda l-bniedem lill-bniedem. U huwa mħabba dan li Alla jagħti lil kull bniedem il-libertà, li għandha dimensjoni essenzjali ta’ relazzjoni. Hi don kbir tal-Ħallieq, mogħti għall-qadi tal-persuna, biex tilħaq il-kobor sħiħ tagħha permezz tal-għoti tagħha nfisha miftuħa għall-oħrajn, iżda meta l-libertà ssir xi ħaġa assoluta b’mod individwalistiku, il-libertà titlef dak li fiha nfisha u tmur kontra l-istess vokazzjoni u dinjità tagħha.

 Hemm aspett ieħor aktar fil-fond, li jeħtieġ naraw sewwa: il-libertà tiċħad lilha nfisha u teqred lilha nfisha, u tħejji ruħha biex twarrab lill-oħrajn, meta ma tagħrafx u ma tirrispettax ir-rabta tagħha mal-verità, rabta mitluba mill-istess natura tagħha. Kull darba li l-libertà tkun trid tinqata’ minn kull tradizzjoni u awtorità u tingħalaq u tirrifjuta l-evidenza l-aktar ċara tal-verità oġġettiva u universali, li hi l-pedament tal-ħajja personali u soċjali, il-persuna tispiċċa biex tqis bħala kriterju waħdieni u indiskutibbli, mhux aktar il-verità dwar it-tajjeb u l-ħażin, imma l-opinjoni soġġettiva tagħha, li dejjem tinbidel, meta ma tasalx biex tagħżel bħala kriterju tagħha l-interessi egoistiċi u l-kapriċċi tagħha.

 20. B’din il-fehma tal-libertà, il-ħajja soċjali flimkien tiġi mgħawġa għal kollox. Jekk nifhmu l-promozzjoni tal-“Jien” tiegħi f’sens assolut, bilfors naslu biex niċħdu lill-oħrajn, li nqisuhom bħala għedewwa li rridu niddefendu ruħna minnhom. B’dan il-mod is-soċjetà ssir ġabra ta’ individwi wieħed ħdejn l-ieħor bla ebda rabtiet bejniethom: kulħadd irid jiġi ‘l quddiem hu, u ma jimpurtahx mill-oħrajn, anzi jrid li l-interessi tiegħu biss ikunu quddiem. Iżda quddiem interessi l-istess tal-oħrajn, wieħed irid jara jsibx xi kompromess jekk irid li fis-soċjetà jkollu l-garanzija ta’ dik il-libertà kollha li jista’ jkollu. Tispiċċa b’hekk kull riferenza għall-valuri komuni, għall-verità assoluta għal kulħadd. U l-ħajja komuni tibda miexja fuq ir-ramel jiżloq tar-relativiżmu sħiħ. U hekk kollox isir negozju, kollox isir bi ftehim, sa l-istess l-ewwel dritt fundamentali tal-bniedem, id-dritt għall-ħajja.

 Dan qed jiġri wkoll fil-qasam li hu aktar proprju tal-politika u tal-istat: id-dritt ewlieni għall-ħajja li qatt m’għandu jittiefes, jiġi diskuss jew imċaħħad b’vot mill-parlament jew bir-rieda ta’ parti minnu - li għandha l-maġġoranza - tal-popolazzjoni. Dan frott ħażin tar-relattiviżmu li qed isaltan bla ebda xkiel ta’ xejn : id-”dritt” ma jibqax aktar dritt għaliex m‘għadux aktar mibni fis-sod fuq id-dinjità tal-persuna, imma jkollu joqgħod għar-rieda ta’ min jiflaħ l-iżjed. B’dan il-mod id-demokrazija, minkejja r-regoli kollha tagħha, miexja minn triq li twassal għal totalitariżmu sħiħ. L-Istat mhux aktar id-“dar ta’ kulħadd”, fejn kulħadd jista’ jgħix skont il-prinċipji tal-ugwaljanza sostanzjali, imma jinbidel fi Stat tirann, li jippretendi li jagħmel li jrid bil-ħajja ta’ min hu l-aktar dgħajjef u bla difiża, mit-trabi li għad ma tweldux sax-xjuħ, u dan minħabba l-ġid pubbliku, li fl-aħħar mill-aħħar mhuwiex ħlief l-interess ta’ xi wħud. Kollox jidher li dan qed isir b’rispett sħiħ skont il-legalità, almenu meta l-liġijiet li jippermettu l-abort jew l-ewtanasja jiġu approvati skont l-hekk imsejħin regoli tad-demokrazija. Fil-fatt, quddiemna m’għandniex ħlief dehra traġika ta’ legalità taparsi, u l-ideal demokratiku, li jkun tassew hekk meta jagħraf u jħares id-dinjità ta’ kull persuna umana, iġarrab tradiment fl-istess pedament tiegħu: “Kif jista’ jkun li tkompli titkellem dwar id-dinjità ta’ kull persuna umana meta hu permess li toqtol lil min hu l-aktar dgħajjef u l-aktar innoċenti? F’isem ġustizzja bħal din, li sseħħ fost il-persuni d-diskriminazzjoni l-aktar inġusta hija meta jingħad li xi persuni jistħoqqilhom ikunu mħarsin, waqt li din id-dinjità hi mċaħħda lil xi oħrajn”[16]. Meta jseħħu dawn il-kundizzjonijiet ġa beda l-proċess li jwassal biex tiġi fix-xejn il-vera ħajja flimkien tal-bnedmin, u l-Istat stess jibda jitfarrak.

 It-talba għad-dritt tal-abort, tal-infantiċidju u tal-ewtanasja u l-għarfien legali tagħhom ifisser li qed tagħti lil-libertà tal-bniedem tifsir ħażin u kiefer: dak ta’ setgħa assoluta fuq l-oħrajn u kontra l-oħrajn. Iżda din hi l-qerda tal-libertà vera: “Tassew, tassew ngħidilkom, li kull min jagħmel id-dnub hu lsir tad-dnub” (Ġw 8,34).

 

“Ikolli ninħeba minn quddiem wiċċek” (Ġen 4,14): l-eklissi tas-sens ta’ Alla u tal-bniedem.

 21. Aħna u nfittxu l-għeruq l-aktar fil-fond tal-ġlieda bejn “il-kultura tal-ħajja” u l-“kultura tal-mewt” ma nistgħux nieqfu biss fuq il-fehma qarrieqa tal-libertà li fakkart aktar ‘il fuq. Irridu niġu għall-qalba tad-dramm li qed jgħix il-bniedem tal-lum: l-eklissi tas-sens ta’ Alla u tal-bniedem li hi proprja tal-ambjent soċjali u kulturali maħkum mis-sekolariżmu, li bis-swaba’ tiegħu li jidħlu kullimkien xi kultant jirnexxilu jipperswadi u jgħaddi mill-prova l-istess komunitajiet Insara. Min jiddakkar minn din l-atmosfera malajr isib ruħu mqalleb ‘l hawn u ‘l hemm f’ċirkolu vizzjuż tal-biża’: it-telfien tas-sens ta’ Alla jwassal ukoll għat-telfien tas-sens tal-bniedem, tad-dinjità tiegħu, ta’ ħajtu; min-naħa l-oħra mbagħad il-ksur sistematiku tal-liġi morali, speċjalment f’materja serja bħalma huma r-rispett għall-ħajja tal-bniedem u għad-dinjità tiegħu, toħloq sura ta’ dalma bil-mod il-mod fil-ħila li tintebaħ bil-preżenza ta’ Alla li tagħti l-ħajja u tifdi.

 Għal darb’oħra nistgħu insibu l-ispirazzjoni tagħna fir-rakkont tal-qtil ta’ Abel minn ħuh. Kajjin ikellem lill-Mulej: “Ara, int keċċejtni llum minn wiċċ l-art u jkolli ninħeba minn quddiem wiċċek, u nibqa’ niġġerra naħrab ‘l hawn u ‘l hemm fuq l-art, u kull min isibni joqtolni” (Ġen 4,13-14). Kajjin jaħseb li d-dnub tiegħu ma jistax jinħafirlu mill-Mulej, u d-destin żgur tiegħu se jkun li “jinħeba minn quddiem wiċċ Alla”. Kajjin jirnexxielu jistqarr li d-dnub tiegħu hu “kbir wisq”, dan għaliex jaf li qiegħed quddiem Alla u quddiem il-ġudizzju ġust tiegħu. Fil-fatt, hu biss quddiem il-Mulej li l-bniedem jista’ jagħraf id-dnub tiegħu u jintebaħ bil-gravità tiegħu. L-esperjenza ta’ David, li wara li għamel “dak li hu ħażin quddiem il-Mulej, imċanfar mill-profeta Natan (ara 2 Sam 11-12), qal: “Għax jien nagħrafhom ħtijieti, id-dnub tiegħi dejjem quddiem. Kontrik biss jiena dnibt u dak li hu ħażin f’għajnejk għamilt” (Salm 50 / 51, 5-6).

 22. Minħabba f’hekk, meta jonqos is-sens ta’ Alla, is-sens tal-bniedem ukoll jiġi mhedded u mtebba’ kif jgħid bil-qawwa kollha l-Konċilju Vatikan II: “Il-ħlejjaq mingħajr il-Ħallieq jispiċċaw...Anzi meta l-ħlejjaq stess jinsew lil Alla jiċċaħħdu mid-dawl[17]. Il-bniedem ma jirnexxilux aktar jara lilu nnifsu bħala “ xi ħadd ieħor misterjuż” quddiem il-ħafna ħlejjaq kollha tal-art; iqis lilu nnifsu biss bħala wieħed mill-ħafna esseri ħajjin, bħala organiżmu li, għall-inqas laħaq grad għoli ħafna ta’ perfezzjoni. Magħluq fix-xefaq dejjaq tan-natura fiżika tiegħu, ibaxxi lilu nnifsu b’xi mod għal “xi ħaġa”, u ma jarax aktar il-karattru “traxxendenti” tal-“eżistenza tiegħu bħala bniedem”. U anqas iqis aktar il-ħajja bħala don mill-isbaħ ta’ Alla, realtà “qaddisa” fdata fir-responsabbiltà tiegħu, u għalhekk, biex iħarisha b’imħabba, għall-“venerazzjoni” tiegħu. Il-ħajja ssir biss “xi ħaġa”, li jippretendi li hi kollha kemm hi tiegħu biss, biex jaħkimha u jagħmel biha dak li jrid u jogħġbu.

 Hekk quddiem ħajja li qed titwieled jew quddiem ħajja qed tintemm m’għandux ħila jistaqsi lilu nnifsu dwar is-sens veru tal-eżistenza u lanqas jista’ jagħmel tiegħu b’libertà vera dawn il-mumenti kruċjali tal-“esseri” tiegħu. Ħsiebu biss f’li “jagħmel” u huwa u jirrikorri għal kull sura ta’ tekonoloġija, jaqta’ nifsu jipprogramma, jikkontrolla u jaħkem it-twelid u l-mewt. It-twelid u l-mewt, li jitolbu li wieħed “ jgħixhom”, isiru biss ħaġa li “taċċettaha” jew “tirrifjutaha”.

 Madankollu, meta titwarrab ir-relazzjoni m’Alla, m’għandniex nistagħġbu li s-sens ta’ kull ħaġa joħroġ mgħawweġ sewwa, u l-istess natura minn “mater” (omm) issir “materjali” li tista’ tagħmel li trid bih, miftuħ għal manipulazzjoni. Hawn milli jidher trid twassal ċertu ħsieb tekniku u xjentifiku, li qed jaħkiem fuq il-kultura tal-lum li jiċħad l-istess fehma tal-verità tal-ħolqien li trid tingħaraf jew ta’ xi pjan ta’ Alla li jrid jiġi rispettat. U dan mhux inqas veru meta l-qtigħ il-qalb minħabba l-effetti ta’din “il-libertà bla liġi” jwassal lil xi wħud għall-qagħda kuntrarja ta’ “liġi bla libertà”, kif jiġri, biex insemmu eżempju, f’ideoloġiji li jqisu mhux leġittimu kull indħil fuq in-natura, bħallikieku qed jiddiviniżżawha u hekk juru darb’oħra li mhux qed jagħrfu li n-natura tiddependi mill-pjan ta’ Alla.

 Fil-fatt, il-bniedem, meta jgħix “qisu m’hemmx Alla” mhux biss jitlef il-misteru ta’ Alla imma wkoll il-misteru tad-dinja u l-misteru tal-esseri tiegħu stess.

 23. L-eklissi tas-sens ta’ Alla u tas-sens tal-bniedem iwassal bilfors għall-materjaliżmu prattiku, fejn jitkattar l-individwaliżmu, l-utilitariżmu u l-edoniżmu. Hawn ukoll jidher x’siwi għandu għal dejjem dak li jikteb l-Appostlu:”Billi l-bnedmin ma għoġobhomx jagħrfu sewwa lil Alla, Alla rħielhom fil-fehmiet ħżiena tagħhom, biex għamlu dak li ma jixraqx” (Rum 1,28). Il-valuri ta’ dak li jien ċedew posthom għall-valuri ta’ dak li għandi. L-għan waħdieni li jgħodd hu l-ksib tal-ġid materjali proprju. Dik li hi msejħa l-kwalità tal-ħajja ġeneralment tfisser biss effiċjenza ekonomika, konsumiżmu diżordinat, il-ġmiel fiżiku u l-gost materjali, waqt li qed jintesew id-dimensjonijiet l-aktar għoljin tal-eżistenza - dimensjonijiet relazzjonali, spiritwali u reliġjużi.

 F’qagħda bħal din, it-tbatija, toqol li l-eżistenza tal-bniedem ma jistax jeħles minnu, iżda wkoll mezz possibbli ta’ kobor personali, tiġi “ċensorata”, imwarrba bħal xi ħaġa bla siwi, anzi opposta bħala xi deni li trid teħles minnu dejjem u kullimkien. Meta ma tistax tiġi megħluba u ħajja ta’ hena almenu għall-ġejjieni tgħib fix-xejn, imbagħad milli jidher il-ħajja titlef kull tifsir u fil-bniedem tikber it-tentazzjoni li jippretendi għalih id-dritt li jeqred lilu nnifsu.

 F’dan l-istess ambjent kulturali il-ġisem ma jidhirx bħala realtà kollha kemm hi personali, sinjal u l-post fejn iseħħu r-relazzjonijiet mal-oħrajn, ma’ Alla u mad-dinja. Il-ġisem ikun biss xi ħaġa materjali, kumpless biss ta’ organi, funzjonijiet u enerġiji li tużahom skont il-kriterji biss ta’ gost u ta’ effiċjenza. Hekk ukoll is-sesswalità, depersonaliżżata u strumentaliżżata, minn sinjal, post u lingwaġġ ta’ mħabba, jiġifieri tal-għoti tiegħek innifsek milqugħ mill-ieħor, skont l-għana kollu tal-persuna, issir dejjem aktar okkażjoni u strument biex wieħed jafferma lilu nnifsu u jissodisfa egoistikament ix-xewqat u l-istinti proprji. Hekk jitgħawweġ u jitħassar dak li hi verament is-sesswalità umana u ż-żewġ tifsiriet tagħha, unitiv u prokreattiv, li minnhom infushom huma fin-natura stess tal-att taż-żwieġ, jiġu mifrudin minn xulxin artifiċjalment: B’dan il-mod iseħħ tradiment tal-għaqda fiż-żwieġ u l-fekondità tiġi tiddependi biss minn kif jaħsbuha r-raġel u l-mara. Hekk it-tnissil isir għadu li trid tevita fl-użu tas-sesswalità u, jekk jiġi aċċettat, dan biss għax juri x-xewqa, jew aħjar ir-rieda proprja li jkollhom iben, ikun x’ikun, u mhux għax ifisser li qed tilqa’ lill-ieħor kollu kemm hu, u għalhekk ftuħ għall-għana tal-ħajja li turi t-tarbija.

 F’din il-qagħda materjalistika li għadni kemm fissirt ir-relazzjonijiet interpersonali jġarrbu faqar kbir. L-ewwel li jbatu huma l-mara, il-marid, l-anzjan. Il-kriterju proprju tad-dinjità personali - dak ta’ rispett, ġenerożità u qadi - jinbidel ma’ kriterju ieħor, dak ta’ effiċjenza, funzjonalità, utilità: l-ieħor hu apprezzat mhux għal dak li “hu”, imma għal dak li “għandu, jagħmel u jagħti”. Din hi s-supremazija ta’ min hu aktar b’saħħtu fuq min hu aktar dgħajjef.

 24. Hu fil-qalba tal-kuxjenza morali li sseħħ l-eklissi tas-sens ta’ Alla u tal-bniedem, bil-ħafna konsegwenzi ħżiena tagħha fuq il-ħajja. Fin-nofs hemm qabel xejn il-kuxjenza ta’ kull persuna li, għax hi waħda u ma hemmx oħra bħalha, tinsab quddiem Alla waħedha[18]. Iżda hemm fin-nofs ukoll b’ċertu mod “il-kuxjenza morali” tas-soċjetà: hi li b’xi mod responsabbli mhux biss għax tittollera jew tgħix imġieba kuntrarja għall-ħajja, imma wkoll għax issostni “kultura tal-mewt”, billi tasal biex twaqqaf u ssaħħaħ strutturi veri u proprji tad-dnub, kontra l-ħajja. Il-kuxjenza morali, kemm dik individwali u kemm soċjali, illum tinsab f’periklu kbir u mortali wkoll minħabba l-influwenza li qatt ma tonqos tal-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali: il-periklu ta’ konfużjoni bejn it-tajjeb u l-ħażin, fejn jidħol l-istess dritt fundamentali għall-ħajja. Parti kbira tas-soċjetà tal-lum tixbah dik l-umanità li San Pawl jiddeskrivi fl-ittra lir-Rumani, magħmula “minn bnedmin li jżommu l-verità mjassra fl-inġustizzja” (Rum 1,18): wara li ċaħdu lil Alla ħasbu li jistgħu jibnu l-belt tal-art mingħajru, “moħħhom imtela’ bil-bluha” u “qalbhom bla dehen iddallmet”, (1,21); u “waqt li riedu jagħmluha ta’ għorrief, bliehu” (1,22), u għamlu ħwejjeġ tistħoqqilhom il-mewt, u “mhux biss jagħmlu dan, imma appruvaw lil min jagħmel hekk” (1,32). Meta l-kuxjenza, din l-għajn tiddi tar-ruħ (ara Mt 6,22-23) issejjaħ “tajjeb dak li hu ħażin, u l-ħażin tajjeb” (Is 5,20), ġa qabdet it-triq li twassal għall-korruzzjoni tal-biża’ u għall-għama morali tassew bla qjies.

 Iżda l-isforzi kollha u l-kundizzjonamenti ma jirnexxilhomx joħonqu leħen il-Mulej li jidwi fil-kuxjenza ta’ kull bniedem: hu dejjem minn dan is-santwarju intimu tal-kuxjenza li rridu nitilqu biex nagħtu bidu għall-mixja ġdida ta’ mħabba, ta’ ftuħ u ta’ qadi għall-ħajja tal-bniedem.

 

“Ersaqtu lejn id-demm imraxxax” (ara Lh 12,22.24): sinjal ta’ tama u stedina għall-impenn

 25. “Leħen id-demm ta’ ħuk qiegħed isejjaħli mill-art” (Ġen 4,10). M’huwiex biss leħen id-demm ta’ Abel, l-ewwel innoċenti maqtul, li jsejjaħ lil Alla, għajn u ħarsien ta’ kull ħajja. Hu d-demm ta’ kull bniedem wara Abel li jsejjaħ lil Alla. F’sura kollha kemm hi waħdanija, isejjaħ lil Alla d-demm ta’ Kristu li tiegħu Abel, għall-innoċenza tiegħu, hu xbieha profetika, kif ifakkarna l-kittieb tal-Ittra lil-Lhud: “Imma intom ersaqtu lejn il-muntanja ta’ Sijon, u lejn il-belt ta’ Alla l-ħaj... lejn Ġesù l-Medjatur tal-patt il-ġdid, u lejn id-demm imraxxax tiegħu li jitkellem b’mod aqwa minn dak ta’ Abel” (Lhud 12,22.24).

 Hu d-demm imraxxax. Kien simbolu u sinjal minn qabel tad-demm tas-sagrifiċċji tal-Patt il-Qadim, li bihom Alla fisser ir-rieda li jagħti ħajtu lill-bnedmin billi jsaffihom u jikkonsagrahom (ara Eż. 24,8; Lev. 17,11). Issa, dan kollu jseħħ u jintemm fi Kristu: demmu hu d-demm imraxxax li jifdi, jsaffi u jsalva, hu d-demm tal-Medjatur tal-Patt il-Ġdid, “li jixxerred għall-kotra, għall-maħfra tad-dnubiet” (Mt 26,28). Dan id-demm li ħareġ mill-ġenb minfud ta’ Kristu fuq is-Salib (ara Ġw 19,24), “jitkellem b’mod aqwa mid-demm ta’ Abel”: dan għax ifisser u jitlob “ġustizzja” aktar fil-fond, iżda fuq kollox jitlob ħniena[19] u quddiem il-Missier isir talba għall-aħwa (ara Lh 7,25), u għajn ta’ fidwa perfetta u don ta’ ħajja ġdida.

 Id-demm ta’ Kristu, waqt li juri l-kobor tal-imħabba tal-Missier, juri wkoll kemm il-bniedem hu għażiż f’għajnejn Alla u kemm hi ħajtu ta’ siwi bla qjies. Ifakkarna dan l-Appostlu San Pietru: “Kunu afu li intom kontu mifdijin mill-ħajja tagħkom fiergħa li ħadtu mingħand missirijietkom, mhux b’xi ħaġa li tintemm, bħalma hi l-fidda u d-deheb, imma bid-demm għażiż ta’ Kristu li kien bħal ħaruf bla għajb u bla tebgħa” (I Piet 1,18-19). Min jemmen, proprju huwa u jikkontempla d-demm għażiż ta’ Kristu, sinjal tal-għoti tiegħu ta’ mħabba (ara Ġw 13,1), jitgħallem jagħraf u japprezza d-dinjità kważi divina ta’ kull bniedem u jista’ jesklama b’għaġeb dejjem ġdid u kollu ħajr: “X’siwi mela għandu l-bniedem f’għajnejn Alla la darba stħoqqlu Feddej bħal dan”? (Exsultet tal-Vġili tal-Għid) jekk Alla ta lil Ibnu l-Waħdieni”, biex il-bniedem “ma jmutx, imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem ?(ara Ġw 3,16)[20].

 Barra dan id-demm ta’ Kristu juri lill-bniedem li l-kobor tiegħu, u għalhekk ukoll il-vokazzjoni tiegħu, tinsab fl-għoti sinċier tiegħu innifsu. Proprju għax ġie mxerred bħala don tal-ħajja, id-demm ta’ Kristu m’għadux aktar sinjal ta’ mewt, ta’ firda definittiva mill-aħwa, imma strument ta’ xirka li hi għana tal-ħajja għal kulħadd. Min fis-sagrament tal-Ewkaristija jixrob dan id-demm u jgħammar f’Ġesù (ara Ġw 6,56) hu impenjat fid-dinamiżmu tiegħu stess ta’ imħabba u ta’ għoti ta’ ħajja biex iwassal għall-milja kollha tagħha l-vokazzjoni li għandu kull bniedem mill-bidu għall-imħabba (ara Ġw 1,27;2,18-24).

 U mid-demm ta’ Kristu wkoll li l-bnedmin kollha jiksbu l-qawwa biex jimpenjaw ruħhom favur il-ħajja. Hu proprju dan id-demm ir-raġuni l-aktar qawwija tat-tama, anzi l-pedament taċ-ċertezza assoluta li, skont il-pjan ta’ Alla, ir-rebħa tkun tal-ħajja. “Ma jkunx hemm aktar mewt”, tgħid il-kelma qawwija li toħroġ mit-tron ta’ Alla, f’Ġerusalemm tas-sema, (Apok 21.4) U San Pawl jiżgurana li r-rebħa li ssir illum fuq id-dnub hi sinjal minn qabel tar-rebħa definittiva fuq il-mewt, meta jseħħ kliem l-Iskrittura: “Nbelgħet il-mewt fir-rebħa. Fejn hi, ja mewt, ir-rebħa tiegħek, fejn hi, ja mewt, in-niggieża tiegħek?” (I Kor 15,54-55A)

 26. Fil-fatt, ma jonqsux sinjali li jħabbru minn qabel din ir-rebħa fis-soċjetajiet u l-kulturi tagħna, minkejja li jġibu b’qawwa hekk kbira s-sinjali tal-“kultura tal-mewt”. Tkun qed tingħata dehra ta’ naħa waħda biss, li tista’ twassal għall-qtigħ il-qalb bla frott ta’ xejn, jekk mal-kundanna tat-theddid għall-ħajja ma jissemmewx ukoll dawk is-sinjali pożittivi tal-qagħda tal-ġens kollu tal-bnedmin fiż-żmien ta’ llum.

 Veru li dawn is-sinjali pożittivi spiss isibuha bi tqila li juru lilhom infushom u jiġu magħrufin, forsi wkoll għaliex ma tingħatalhomx attenzjoni biżżejjed mill-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali. Iżda kemm inizjattivi ta’ għajnuna għal min hu l-aktar dgħajjef u bla difiża hemm u qed ikun hemm fil-komunità Nisranija u fis-soċjetà ċivili f’livell lokali, nazzjonali u internazzjonali, bil-ħidma ta’ individwi, gruppi, movimenti u organiżżazzjonijiet ta’ kull xorta!

 Għadhom ħafna dawk il-miżżewġin li b’ġenerożità u responsabbiltà jafu jilqgħu l-ulied “bħala d-don l-aktar għażiż taż-żwieġ”[21]. U lanqas huma nieqsa l-familji li, ‘l hemm mill-qadi tagħhom ta’ kuljum għall-ħajja, jafu jinfetħu biex jilqgħu għandhom trabi abbandunati, tfal u żgħażagħ f’diffikultajiet, persuni imġarrbin b’xi ħandikap, anzjani li baqgħu waħedhom. Mhux ftit ċentri ta’ għajnuna għall-ħajja, jew istituzzjonijiet bħalhom, qed iġibuhom ‘il quddiem persuni u gruppi li, b’dedikazzjoni u b’sagrifiċċji tal-għaġeb, qed joffru għajnuna morali u materjali lill-ommijiet f’diffikultà, għax imġarrbin biex ifittxu l-abort. Qed jitwaqqfu u jixterdu gruppi ta’ volontarji impenjati biex jilqgħu għandhom lil min m’għandux familja, jinsab f’qagħda ta’ nuqqasijiet partikulari jew jeħtieġ ambjent edukattiv li jgħinu jegħleb drawwiet qerrieda u jikseb mill-ġdid is-sens tal-ħajja.

 Il-mediċina li bl-impenn kbir tar-riċerkaturi u tal-professjonisti miexja ‘l quddiem fl-isforzi tagħha biex issib rimedji dejjem akta effikaċi, riżultati li fl-imgħoddi kienu jaħsbu li qatt ma ser jinkisbu, u hekk kbar li qed jiftħu prospettivi għall-ġejjieni li jwiegħdu ħafna, li qed jinkisbu favur il-ħajja qed titwieled, il-persuni li qed ibatu, u l-morda b’xi marda qalila u fi tmiem ta’ ħajjithom. Entitajiet u organizzazzjonijiet ta’ kull xorta qed iżidu l-forzi tagħhom biex iwasslu, f’pajjiżi wkoll milquta mill-miżerja u minn mard endemiku, il-benefiċċju ta’ mediċina l-aktar avvanzata. Hekk ukoll assoċjazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali ta’ tobba qed iħabirku f’ħin waqtu biex iwasslu l-għajnuna lill-popolazzjonijiet imġarrbin b’diżgrazzji naturali, b’diżgrazzji naturali, b’epidemiji jew bi gwerer. Ukoll jekk għadna ‘l bogħod ħafna li jkun hemm vera ġustizzja internazzjonali fit-tqassim tar-riżorsi tal-mediċina, kif ma nistgħux ma nammettux li f’dak li sar sal-lum hu sinjal ta’ solidarjetà li dejjem qed tikber bejn il-popli, ta’ sensibbilità umana morali dejjem tikber, u rispett aqwa għall-ħajja?

 27. Minħabba liġijiet li ppermettew tentattivi, li ‘l hawn u ‘l hemm irnexxew, ta’ liġijiet favur l-ewtanasja, mad-dinja kollha bdew inizjattivi ta’ sensibilizzazzjoni soċjali favur il-ħajja. Meta dawn il-movimenti fi qbil mal-ispirazzjoni awtentika tagħhom, jagħmlu ħidma soda u determinata, mingħajr ma jirrikorru għall-vjolenza, huma jgħinu biex ikun hemm kuxjenjza aktar imxerrda tal-valur tal-ħajja u jħajru għall-impenn aqwa favur il-ħajja u jagħmlu li jseħħ.

 U kif ma niftakrux ukoll f’dawk il-ħafna għemejjel ta’ kuljum ta’ ftuħ, ta’ sagrifiċċji ta’ kura diżinteressata li għadd bla qjies ta’ nies jagħmlu b’imħabba fil-familji, fl-isptarijiet, fid-djar tat-tfal, fid-djar ta’ mistrieħ għall-anzjani, u f’ċentri oħra jew komunitajiet għall-ħarsien tal-ħajja? Il-knisja, hija u tħalli jmexxiha l-eżempju ta’ Ġesù, “is-samaritan it-tajjeb” (ara Lq 10,29-37) u mwettqa bil-qawwa tiegħu, dejjem kienet quddiem nett f’dawn il-ħidmiet ta’ mħabba: tant uliedha, speċjalment reliġjużi rġiel u nisa, ikkonsagraw u għadhom jikkonsagraw ħajjithom lil Alla huma u joffruhielu għall-imħabba ta’ għajrhom, aktar dgħajjef u kollu ħtiġiet. Dan l-għemil jibni fil-fond dik “iċ-ċiviltà tal-imħabba u tal-ħajja” li mingħajrha l-eżistenza tal-persuni u tas-soċjetà titlef dak it-tifsir tagħha li hu kollu kemm hu uman. Ukoll jekk ħadd ma jintebaħ bihom u l-kotra tan-nies ma tkun taf xejn fuqhom, il-fidi tiżgurahom li l-Missier “li jara dak li hu fil-moħbi” (Mt 6,4) mhux biss iħallashom ta’ kollox imma sa minn issa jara li għemilhom jagħti kotra ta’ frott għal kulħadd.

 Fost is-sinjali ta’ tama, irridu ngħoddu li fil-ħafna oqsma tal-opinjoni pubblika qed tikber is-sensibbilità ġdida dejjem aktar kuntrarja għall-gwerra, bħala mezz biex tħoll ġlied bejn il-popli u dejjem aktar ħsiebha li ssib mezzi effikaċi “mhux vjolenti” biex iżżomm lil min irid jattakka bl-armi. F’dan il-qasam ukoll insibu dejjem aktar imxerrda fl-opinjoni pubblika avversjoni għall-piena tal-mewt, ukoll bħala strumenti ta’ “difiża leġittima” soċjali, meta wieħed iqis kull ma għandha s-soċjetà ta’ llum biex trażżan il-kriminalità b’mod li, waqt li jċaħħdu l-kriminali mill-possibbiltà li jagħmlu xi ħsara, ma jċaħħduhomx mill-possibbilità li jifdu lilhom infushom.

 Irridu wkoll nilqgħu bi pjaċir l-attenzjoni kollha li dejjem aktar qed tingħata lill-kwalità tal-ħajja u lill-ekoloġija, li qed naraw l-aktar f’soċjetajiet li mxew ħafna ‘l quddiem. B’mod partikulari jfisser ħafna l-qawmien ta’ riflessjoni etika dwar il-valur tal-ħajja: bis-suċċess u l-iżvilupp dejjem aktar imxerred tal-bioetika qed isibu għajnuna r-riflessjoni u d-djalogu - bejn min jemmen u min ma jemminx kif ukoll bejn dawk kollha li jemmnu iżda ta’ reliġjonijiet differenti dwar problemi etiċi, fundamentali wkoll, li jolqtu l-ħajja tal-bniedem.

 28. Dan ix-xefaq ta’ dawl u dellijiet imissu jgħinna nintebħu aħjar li ninsabu quddiem ġlieda drammatika bla qjies bejn it-tajjeb u l-ħażin, bejn il-mewt u l-ħajja, bejn il-“kultura tal-mewt” u l-“kultura tal-ħajja”. M’għandniex biss “quddiemna din il-ġlieda, imma ninsabu f’”nofsha”: aħna impenjati u mseħbin fiha u għandna responsabbiltà li ma nistgħux neħilsu minnha biex l-għażla li nagħmlu bla kundizzjoni ta’ xejn tkun għażla favur il-ħajja.

 Għandna wkoll tidwi l-istedina, ċara u qawwija, ta’ Mosè: “Ara jiena llum qegħdtlek quddiemek il-ħajja u l-ġid, il-mewt u d-deni...; il-ħajja u l-mewt li jien qegħidt quddiemek, il-barka u s-saħta. Agħżel il-ħajja biex tgħix int u nislek (Dewt 30,15.19). Hi stedina li tgħodd ħafna għalina wkoll. Imsejħin kuljum biex niddeċiedu bejn “kultura tal-ħajja u “kultura tal-mewt. Iżda l-istedina tad-Dewterenomju tmur aktar fil-fond, għaliex tħajjarna għall-għażla proprjament reliġjuża u morali. Hi kwistjoni dwar l-għoti ta’ orjentament fundamentali lill-eżistenza tagħna, u li ngħixu b’fedeltà sħiħa u qbil sħiħ mal-Liġi tal-Mulej. “Nordnalek illum li tħobb il-Mulej Alla tiegħek, li timxi fit-triqat tiegħu, li tħares l-ordnijiet u l-liġijiet u d-digrieti tiegħu...Agħżel il-ħajja biex tgħix int u nislek, billi tħobb il-Mulej Alla tiegħek u tisma’ l-kelma tiegħu u torbot qalbek miegħu, għax din hi ħajtek u t-tul ta’ jiemek” (Dewt 30,16.19-20).

 L-għażla bla ebda kundizzjoni favur il-ħajja tilħaq il-milja tat-tifsir reliġjuż u morali tagħha meta toħroġ, tissawwar u titmantna mill-fidi fi Kristu. Xejn ma jgħinna pożittivament fil-ġlieda bejn il-mewt u l-ħajja, li fiha aħna ninsabu, daqs il-fidi fl-Iben t’Alla li ġie fostna “biex ikollna l-ħajja u ħajja bil-kotra” (Ġw 10,10): hi l-fidi fl-Irxoxt li rebaħ il-mewt, hi l-fidi fid-demm ta’ Kristu, “li jitkellem b’mod aqwa minn dak ta’ Abel” (Lh 12,24)

 Bid-dawl u l-qawwa ta’ fidi bħal din, quddiem l-isfidi tal-qagħda tal-lum, il-Knisja tħoss sewwa l-grazzja u r-responsabbiltà li jiġuha minn Sidha biex tħabbar, tiċċelebra u taqdi l-Evanġelju tal-Ħajja.

KAP II

ĠEJT BIEX IKOLLHOM IL-ĦAJJA:

 IL-MESSAĠĠ NISRANI GĦALL-ĦAJJA

“Il-ħajja dehret u aħna rajnieha” (1 Ġw 1,2): b’ħarsitna lejn Kristu - il-“Kelma tal-ħajja

 29. Quddiem it-theddid gravi u bla qjies kontra l-ħajja fid-dinja tal-lum, nistgħu nħossu ruħna megħluba mill-fehma li bl-ebda mod ma nistgħu nagħmlu xi ħaġa: it-tajjeb qatt ma jista’ jkollu l-qawwa li jirbaħ lill-ħażin.

 Dan hu l-waqt li fih il-Poplu t’Alla u kull min jemmen, hu msejjaħ biex jistqarr, bl-umiltà u l-qlubija kollha l-fidi tiegħu f’Ġesù Kristu, “il-Kelma tal-ħajja” (1 Ġw 1,1). L-Evanġelju tal-ħajja m’huwiex biss xi riflessjoni sempliċi fuq il-ħajja tal-bniedem, ukoll jekk oriġinali u fil-fond, u lanqas biss hu kmandament li jqanqal il-kuxjenzi u jwassal għal tibdiliet li jfissru ħafna fis-soċjetà, u wisq inqas ma hu xi wegħda qarrieqa ta’ ġejjieni aħjar. L-Evanġelju tal-ħajja hu realtà konkreta u personali, għaliex hu tħabbira tal-persuna stess ta’ Ġesù. Lill-Appostlu San Tumas, u fih lil kull bniedem, Ġesù jippreżenta ruħu b’dawn il-kelmiet: “Jiena t-triq, il-verità, u l-ħajja” (Ġw 14,6). Hi l-istess identità li ngħatat lil Marta, oħt Lazzru: “Jiena l-qawmien u l-ħajja, kull min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix, u kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt” (Ġw 11,25-26). Ġesù hu l-Iben li minn dejjem ta’ dejjem jirċievi l-ħajja mingħand il-Missier, (ara Ġw 3,26) u ġie fid-dinja biex lill-bnedmin jagħtihom sehem minn dan id-don: “Jiena ġejt biex ikollkom il-ħajja, u ħajja bil-kotra” (Ġw 10,10).

 U għalhekk mill-kelma, mill-ħidma u mill-persuna ta’ Ġesù, il-bniedem jikseb il-possibiltà li “jagħraf” il-verità sħiħa dwar il-valuri tal-ħajja tal-bniedem; u huwa minn din il-“għajn” li b’mod partikulari, tiġih li “jagħmel” b’mod l-aktar perfett din il-verità (ara Ġw 3,21), jiġifieri jaċċetta u jidħol għall-milja kollha tar-responsabbiltà li jaqdi u jħobb, iħares u jġib ‘il quddiem il-ħajja umana.

 Dan għaliex fi Kristu jitħabbar definittivament u jingħata kollu kemm hu l-Evanġelju tal-ħajja li kien ġa rivelat fit-Testment il-Qadim, anzi, b’xi mod miktuba fil-qalb stess ta’ kull raġel u ta’ kull mara, jidwi f’kull kuxjenza “sa mill-bidu”, jiġifieri mill-istess ħolqien, hekk li, minkejja l-kundizzjonamenti negattivi tad-dnub, jista’ jingħaraf fl-aspetti essenzjali tiegħu mir-raġuni tal-bniedem. Dan jikteb il-Konċilju Vatikan II, Kristu “bil-preżenza u l-manifestazzjoni tiegħu innifsu, bil-kliem u l-għemil, b’sinjali u mirakli, u speċjalment bil-mewt u l-qawmien glorjuż tiegħu mill-imwiet, u fl-aħħar nett bl-għoti tal-Ispirtu tas-sewwa, jimla u jwassal għat-tmiem tagħha r-rivelazzjoni u jwettaqha b’xhieda divina jiġifieri li Alla hu magħna biex jeħlisna mid-dlamijiet tad-dnub u jqajjima għall-ħajja ta’ dejjem”[22].

 30. Mela b’ħarsitna fil-Mulej Ġesù rridu nerġgħu nisimgħu minn għandu “il-Kelma t’Alla” (Ġw 3,34) u nimmeditaw mill-ġdid l-Evanġelju tal-ħajja. Is-sens l-aktar għoli u oriġinali ta’ din il-meditazzjoni dwar il-messaġġ rivelat fuq il-ħajja umana, għarfu sewwa l-Appostlu San Ġwann meta fil-bidu tal-ewwel Ittra tiegħu kiteb: “Dak li kien mill-bidu, jiġifieri l-Verb, il-kelma tal-ħaqq, dan sejrin inxandrulkom. Għax il-ħajja dehret u aħna rajnieha u qegħdin nixhdu għaliha. Qegħdin inxandrulkom il-ħajja ta’ dejjem li kienet għand il-Missier u dehret lilna. Qegħdin inxandrulkom dak li aħna rajna u smajna, biex intom tissieħbu magħna, u l-għaqda tagħna tkun mal-Missier u ma’ Ibnu Ġesù Kristu (1 Ġw 1,1-3).

 F’Ġesù, “il-kelma tal-ħajja”, tiġi mħabbra u titwassal lilna l-ħajja divina u eterna. Bis-saħħa ta’ din it-tħabbira u ta’ dan id-don, il-ħajja fiżika u spiritwali tal-bniedem, ukoll meta għadu jgħix fuq l-art tikseb milja ta’ siwi u ta’ tifsir: dan għaliex il-ħajja divina u eterna hija l-għan li għalih hu msejjaħ u miexi l-bniedem li qed jgħix f’din id-dinja. L-Evanġelju tal-ħajja jħaddan dak kollu li l-esperjenza u r-raġuni tal-bniedem jgħidu dwar is-siwi tal-ħajja, jilqgħuh, jgħolluh u jwassluh, għat-tmiem sħiħ tiegħu.

 

 

 

“Qawwieti u għanjieti l-Mulej, għalija sar is-salvazzjoni” (Eż 15,2): Il-ħajja hi dejjem ġid.

 31. Fil-fatt, il-milja tal-Evanġelju tat-tħabbira tal-ħajja hi ġa mħejjija fit-Testment il-Qadim. Hu proprju fil-ġrajja tal-Eżodu, iċ-ċentru tal-esperjenza tal-fidi fit-Testment il-Qadim li Iżrael jagħraf kemm ħajtu hi ta’ siwi quddiem Alla. Meta kien jidher li Iżrael kien ikkundannat għall-qerda, għax fuq l-imweldin subien kollha tiegħu kien hemm it-theddida tal-mewt (ara Eż 1,15-22), il-Mulej jidhirlu bħala Salvatur, kapaċi jiżgura ġejjieni għal min ma kellux tama. U hekk f’Iżrael jinbet għarfien: ħajtu m’hijiex f’idejn il-Fargħun hekk li jista’ jagħmel minnha u biha dak li jrid u jogħġbu, imma ħajtu hi oġġett ta’ mħabba kollha tjieba u qawwija ta’ Alla.

 Il-ħelsien mill-jasar u l-għoti tal-identità, l-għarfien ta’ dinjità li ma titħassar qatt, hu l-bidu ta’ ġrajja ġdida, fejn l-għarfien ta’ Alla u l-għarfien tiegħu innifsu jmorru pass pass ‘il quddiem flimkien. L-esperjenza tal-Eżodu hi fundamentali u xbieha għall-ġejjieni. Minnha Iżrael jitgħallem li kull darba li jiġi mhedded fl-eżistenza tiegħu, biżżejjed għalih li jirrikorri għand Alla b’fiduċja mġedda biex fih isib għajnuna effikaċi: “Jien sawwartek, int il-qaddej tiegħi, Iżrael, jiena ma ninsik qatt” (Is 44,21).

 Hekk Iżrael, huwa u jagħraf is-siwi tal-eżistenza tiegħu bħala poplu, jimxi ‘l quddiem ukoll fl-għarfien tas-sens u tas-siwi tal-ħajja bħala ħajja. Din hi riflessjoni li tiġi żviluppata b’mod partikulari fil-kotba tal-għerf, li jitilqu mill-esperjenza ta’ kuljum li l-ħajja hi prekarja u mill-għarfien tat-theddid li għandha fuqha. Quddiem il-kontradizzjonijiet kollha tal-eżistenza, il-fidi hi mġiegħla tagħti tweġiba.

 Hu l-problema tat-tbatija li tisfida l-fidi u tgħaddiha mill-prova. Kif ma tilqax it-tnehid universali tal-bniedem fil-meditazzjoni tal-Ktieb ta’ Ġob? Bniedem innoċenti mgħaffeġ taħt it-tbatija u mġiegħel jistaqsi - dan nifhmuh -: “Għaliex jingħata d-dawl lill-imsejken, u l-ħajja lil min qalbu kollha mrar? Lil dawk li jixxenqu għall-mewt bla ma tiġihom, u jħaffru għaliha aktar milli kieku għall-teżor?” (Ġob 3,20-21). Iżda wkoll fid-dlam l-aktar fond, il-fidi tmexxina lejn l-għarfien kollu fiduċja u għall-qima tal-“misteru”: “Jien naf li int tista’ kollox, u ebda ħsieb minn tiegħek ma jfixklu” (Ġob 42,2).

 Bil-mod il-mod ir-rivelazzjoni tgħinna naraw b’mod dejjem aktar ċar, iż-żerriegħa tal-ħajja ta’ dejjem li l-Ħallieq qiegħed fil-qalb tal-bnedmin kollha. “Kollox għamel tajjeb f’waqtu: qiegħed ukoll il-ħsieb tal-eternità fil-qalb tal-bniedem” (Qoħ 3,11). Din iż-żerriegħa ta’ totalità u ta’ milja tistenna li turi ruħha fl-imħabba u li sseħħ, b’don b’xejn ta’ Alla, bit-tisħib fil-ħajja tiegħu ta’ dejjem.

 

“Kien bl-isem ta’ Ġesù li dan ir-raġel ħa saħħtu” (Atti 3,16): fil-prekarjetà tal-eżistenza tal-bniedem alla jwassal għat-tmiem tiegħu s-sens tal-ħajja

 32. L-esperjenza tal-Poplu tal-Patt il-Qadim, tiġgedded f’dik tal-“foqra” li jiltaqgħu ma’ Ġesù ta’ Nażaret. Kif Alla, “li jħobb kull ma jgħix” (Għerf 11,26), kien żgura lil Iżrael f’nofs it-tiġrib kollu tiegħu, hekk l-Iben ta’ Alla, lil dawk kollha li jħossu ruħhom mheddin u mfixklin fl-eżistenza tagħhom, iħabbrilhom li ħajjithom ukoll hi ġid, li l-imħabba tal-Missier tagħtiha sens u valur.

 “L-għomja qegħdin jerġgħu jaraw, iz-zopop jimxu, l-imġiddmin ifiqu, it-torox jisimgħu, il-mejtin iqumu, u l-Bxara t-Tajba qegħda tixxandar lill-fqar” (Lq 7,22). B’dan il-kliem tal-profeta Isaija (35,5-6;61,1) Ġesù juri x’kien it-tifsir tal-missjoni tiegħu: hekk dawk kollha li qegħdin isofru minħabba eżistenza b’xi mod “imnaqqsa”, jisimgħu minn għandu l-bxara t-tajba tal-interess ta’ Alla għalihom, u huma żgurati li ħajjithom ukoll hi don imħares b’għożża f’idejn il-Missier (ara Mt 6,25-34).

 Huma “il-foqra” li b’mod partikulari ssejħilhom predikazzjoni u l-ħidma ta’ Ġesù. Il-folol ta’ morda u mwarrbin li jmorru wara Ġesù jfittxuh (ara Mt 4,23-25) isibu fi kliemu u f’għemilu r-rivelazzjoni tas-siwi kbir li għandha ħajjithom u x’pedament żgur għandhom it-tamiet tagħhom ta’ salvazzjoni.

 Hekk jiġri wkoll fil-missjoni tal-Knisja, sa mill-bidu tagħha. Il-Knisja, hija u tħabbar lil Ġesù bħala dak li “għadda jagħmel il-ġid u jfejjaq lil dawk kollha li kienu maħkuma mix-xitan, għax Alla kien miegħu (Atti 10,38), taf li qed twassal messaġġ ta’ salvazzjoni li jidwi bħala messaġġ ta’ xi ħaġa għal kollox ġdida, proprju f’qagħdiet ta’ miżerja u ta’ faqar fil-ħajja tal-bniedem. Hekk għamel San Pietru meta fejjaq il-magħtub li kien joqgħod jitlob il-karità ħdejn il-bieb tat-tempju jgħidulu s-Sabiħ: “Fidda u deheb m’għandix, imma dak li għandi se nagħtihulek: Fl-isem ta’ Ġesù Kristu ta’ Nazaret, imxi (Atti 3,6). Fil-fidi f’Ġesù, “l-awtur tal-ħajja” (Atti 3,15), il-ħajja mitluqa u titlob l-għajnuna tikseb l-għarfien tagħha nfisha u dinjità sħiħa.

 Il-kliem u l-għemil ta’ Ġesù u l-Knisja tiegħu, m’humiex biss għal min għandu l-mard u t-tbatija jew il-ħafna suriet ta’ emarġinazzjoni soċjali. Jolqtu aktar fil-fond is-sens stess tal-ħajja ta’ kull bniedem fid-dimensjonijiet morali u spiritwali kollha tagħha. Biss min jagħraf li ħajtu hi mmarkata bil-marda tad-dnub fil-laqgħa ma’ Kristu l-Feddej jista’ jsib il-verità u l-awtentiċità tal-eżisten-za tiegħu skont il-kliem stess tas-Salvatur: “Mhux dawk li huma f’saħħithom għandhom bżonn it-tabib, iżda l-morda. Jien mhux lill-ġust ġejt insejjaħ, iżda l-midinbin għall-indiema” (Lq 5,31-32).

 Iżda dak li bħall-għani tal-parabbola tal-Evanġelju jaħseb li se jiżgura ħajtu għax ikollu ġid materjali biss, fil-fatt ikun qed iqarraq bih innifsu: ħajtu qed taħrab minnu, u ma jdumx ma jkun imċaħħad minnha qabel ma jkun wasal għat-tifsir veru tagħha: “Iblah li int! Dan il-lejl stess jitolbuk ruħek lura. U l-ħwejjeġ li ħejjejt għalik ta’ min se jkunu? (Lq 12,20).

 33. Hu fl-istess ħajja ta’ Ġesù, mill-bidu sal-aħħar, li tinsab din id-“djalettika” singulari bejn l-esperjenza tal-prekarjetà tal-ħajja tal-bniedem u l-affermazzjoni tas-siwi tagħha. Dan għaliex il-prekarjetà tal-ħajja ta’ Ġesù turi ruħha sa minn twelidu. Hu milqugħ mill-ġusti, li jingħaqad mal-“iva” li Marija tenniet mill-ewwel u bil-ferħ (ara Lq 1,38). Iżda hemm ukoll, u minnufih, iċ-ċaħda ta’ dinja li tmur kontra tiegħu u tfittex it-tarbija “biex toqtolha” (Mt 2,13), jew ma jimpurtahiex u ma tagħtix kas li qed iseħħ misteru ta’ dik il-ħajja li ġejja fid-dinja, “u ma hemmx post għaliha fil-lukanda” (Lq 2,7). Proprju mill-kuntrast bejn it-theddid u n-nuqqas ta’ sigurtà min-naħa u l-qawwa tad-don ta’ Alla min-naħa l-oħra, tiddi b’qawwa akbar il-glorja li toħroġ mid-dar ta’ Nazaret u mill-maxtura ta’ Betlehem: din il-ħajja li qed titwieled hi salvazzjoni għall-ġens kollu tal-bnedmin (ara Lq 2,11).

 Il-kontradizzjonijiet u l-perikli tal-ħajja jeħodhom kollha kemm huma Ġesù “li għad li kien għani, ftaqar minħabba fikom, biex intom tistagħnew permezz tal-faqar tiegħu” (2 Kor 8,9). Il-faqar li qed jitkellem fuqu San Pawl m’huwiex biss għax tneżża’ minn dak li hu ta’ Alla, imma wkoll għax ried ikollu sehem mill-qagħdiet l-aktar umli u prekarji tal-bniedem (Ara Fil 2,6-7). Ġesù għex f’dan il-faqar tul ħajtu kollha fuq l-art, sal-mument tal-qofol tas-Salib, u ċekken lilu nnifsu u obda sal-mewt, anzi sal-mewt tas-Salib. Għalhekk Alla għollih u tah l-isem li hu fuq kull isem” (Fil 2,8-9). U proprju huwa fil-mewt tiegħu li Ġesù jirrivela l-kobor kollu u l-valur tal-ħajja, għax l-offerta tiegħu innifsu fuq is-Salib issir għajn ta’ ħajja ġdida għall-bnedmin kollha (ara Ġw 12,32). F’dan il-mixi tiegħu fost kontradizzjonijiet u fl-istess telfien ta’ ħajtu, lil Ġesù tmexxih iċ-ċertezza li ħajtu hi f’idejn il-Missier. Għalhekk fuq is-Salib jgħid: “Missier, f’idejk jien nerħi ruħi” (Lq 23,46), jiġifieri ħajti. Tassew kbir hu s-siwi tal-ħajja tal-bniedem, jekk l-Iben t’Alla ħadha għalih u għamilha l-post fejn isseħħ is-salvazzjoni tal-ġenna kollu kemm hu tal-bnedmin.

 

“Imsejħin…biex jieħdu s-sura fuq ix-xbieha ta’ Ibnu” (Rum 8,28-29); il-glorja t’Alla tiddi f’wiċċ il-bniedem

 34. Il-ħajja hi dejjem ġid. Din hi intwizzjoni jew aħjar esperjenza li l-bniedem hu msejjaħ biex jagħraf fil-fond ir-raġuni ta’ dan.

 Għaliex il-ħajja hi ġid? Din il-mistoqsija tinsab fil-Bibbja kollha, u sa mill-ewwel paġni ssib tweġiba effikaċi u tal-għaġeb. Il-ħajja li Alla jagħti lill-bniedem hi oriġinali, mhijiex l-istess jekk inqabbluha mal-ħajja tal-ħlejjaq ħajjin l-oħra kollha, għax il-bniedem, għalkemm ġej mit-trab tal-art (ara Ġen 2,7;3,19; Ġob 34,15:Salm 103/2,14;104/5,29) hu fid-dinja manifestazzjoni ta’Alla, sinjal tal-preżenza tiegħu, sinjal tal-glorja tiegħu (ara Ġen 1,2;Salm 8,6). Dan ried jgħidu bil-qawwa kollha San Irinew ta’ Lyon bil-kliem magħruf tiegħu: “il-bnie-dem li jgħix hu l-glorja ta’ Alla”[23]. Lill-bniedem ingħatalu dinjità mill-aktar għolja li għandha l-għeruq tagħha fir-rabta intima li għandu Alla li ħalqu: fil-bniedem jiddi rifless tal-istess realtà ta’ Alla.

 Dan jgħidu l-Ktieb tal-Ġenesi fl-ewwel rakkont tal-bidu, fejn il-bniedem jitqiegħed fil-quċċata tal-ħidma ta’ Alla fil-ħolqien bħala koronament fi tmiem proċess li jibda minn dak li mhux perfett u jasal għall-kreatura l-aktar perfetta. Fil-ħolqien kollox hu għall-bniedem u kollox hu taħtu. “Imlew l-art u aħkmuha u saltnu…fuq il-ħlejjaq kollha” (1,28), ordna Alla lir-raġel u l-mara. Messaġġ bħal dan joħroġ ukoll mit-tieni rakkont tal-bidu: “Il-Mulej Alla ħa l-bniedem u qiegħ-du fil-ġnien tal-Għeden biex jaħdmu u jħarsu” (Ġen 2,15). B’dan il-mod jiġi mtenni l-primat tal-bniedem fuq kull ħaġa: kollox hu għalih u fdat lir-responsabbiltà tiegħu, waqt li l-bniedem bl-ebda mod ma jista’ jkun imjassar minn min hu bħalu jew imbaxxi biex ikun biss xi ħaġa.

 Fil-ġrajja biblika, l-għażla bejn il-bniedem u l-ħlejjaq l-oħra tidher l-aktar mill-fatt li l-ħolqien tal-bniedem biss hu ppreżentat bħala frott ta’ deċiżjoni speċjali min-naħa ta’ Alla, deċiżjoni li tfisser rabta speċjali u speċifika mal-Ħallieq. “Ħa nagħmlu l-bniedem fuq is-sura u x-xbieha tagħna” (Ġen 1,26). Il-ħajja li Alla joffri lill-bniedem hu don li bih Alla jagħti sehem minn ħajtu lill-bniedem ħolqien tiegħu.

 Iżrael għal żmien twil staqsa s-sens ta’ din ir-rabta partikulari u speċifika tal-bniedem ma’ Alla. Il-Ktieb ta’ Bin Sirak ukoll jagħraf li meta Alla ħalaq il-bnedmin “ilibbishom b’saħħa li tixbah lil tiegħu, u għamilhom skont ix-xbieha tiegħu” (17,30). F’dan, il-kittieb mhux biss jara s-setgħa tal-bniedem fuq id-dinja, imma wkoll l-fakoltajiet spiritwali li huma propju tal-bniedem, bħalma huma r-raġuni, l-għażla bejn it-tajjeb u l-ħażin, ir-rieda ħielsa: “Tahom is-setgħa li jitgħallmu u jifhmu, u wriehom x’inhu t-tajjeb u l-ħażin” (Sir 17,7). Il-ħila li tikseb il-verità u l-libertà huma prerogattivi tal-bniedem għax maħluq fuq ix-xbieha ta’ min ħalqu, Alla veru u ġust (ara Dewt 32,4). Il-bniedem biss, fost il-ħlejjaq kollha li jidhru, “għandu l-ħila jagħraf u jħobb lil min ħalqu”[24]. Il-ħajja li Alla jagħti lill-bniedem hi xi ħaġa wisq aktar mill-ħajja fiż-żmien. Hi ħerqa għall-milja tal-ħajja; hi żerriegħa ta’ eżistenza li tmur ‘l hemm miż-żmien: Iva, Alla ħalaq il-bniedem biex ma jmutx; u għamlu xbieha tiegħu innifsu” (Għerf 2,23).

 

 35. Ir-rakkont Jahvista tal-bidu wkoll juri l-istess konvinzjoni. Ir-rakkont antik jitkellem dwar nifs ta’ Alla li ngħata lill-bniedem biex jgħix. “Il-Mulej Alla sawwar lill-bniedem mit-trab u nefaħlu f’imnifsejh nifs il-ħajja, u l-bniedem sab ruħ ħajja” (Ġen 2,7).

 Dan in-nifs ta’ ħajja, ġej mingħand Alla, jfisser sewwa għaliex il-bniedem qatt ma hu kuntent il-jiem kollha ta’ ħajtu. Maħluq minn Alla, dejjem iġorr fih is-sinjal ta’ Alla li qatt ma jista’ jitħassar, il-bniedem minn rajh jinġibed lejn Alla. Kull bniedem, meta jintebaħ bix-xewqa l-aktar fil-fond ta’ qalbu, ma jistax ikun li ma jagħmilx tiegħu l-kliem tal-verità mtenni minn Santu Wistin. “Ħlaqtna għalik, Mulej, u qalbna bla mistrieħ sakemm tistrieħ fik”[25]

 Ifisser ħafna wkoll in-nuqqas ta’ sodisfazzjon li ġarrbet il-ħajja tal-bniedem fl-Għeden sakemm kellu quddiemu biss id-dinja tal-ħxejjex u tal-annimali (ara Ġen 2,20). Biss id-dehra tal-mara, jiġifieri esseri ta’ “laħam minn laħmu” ta’ “għadma minn għadmu” (ara Ġen 2,23) u li fiha kien jgħammar ukoll in-nifs ta’ Alla l-Ħallieq, setgħet tissodisfa l-ħtieġa ta’ djalogu aktar personali, li tant jiswa għall-eżistenza tal-bniedem. Fl-ieħor, raġel jew mara, hemm ir-rifless ta’ Alla stess, l-għan u l-milja definittiva ta’ kull persuna.

 “X’inhu l-bniedem biex tiftakar fih, bin il-bniedem biex taħseb fih?” (Salm 8,5). Quddiem il-kobor bla qjies tal-univers, il-bniedem hu ħaġa żgħira, iżda proprju minn dan il-kuntrast joħroġ il-kobor tal-bniedem:”Ftit inqas mill-anġli (iżda nistgħu ngħidu wkoll “ftit inqas minn Alla”) għamiltu, bis-sebħ u l-ġmiel żejjintu” (Salm 8,6). Is-sebħ ta’ Alla jiddi f’wiċċ il-bniedem. Fih il-Ħallieq isib il-mistrieħ tiegħu, kif, mistgħaġeb u mqanqal, jikteb ukoll San Ambroġ: “Intemm is-sitt jum u wasal fit-tmiem tiegħu l-ħolqien tad-dinja, meta ssawwar dak il-kapolavur li hu l-bniedem, li jaħkem fuq il-ħlejjaq kollha ħajjin, u qisu l-quċċata tal-univers, u l-ogħla ġmiel ta’ kull ħaġa maħluqa. Imissna nżommu skiet kollu qima, għax il-Mulej strieħ minn kull xogħol tad-dinja. Strieħ imbagħad fl-intimu tal-bniedem, strieħ f’fehemtu u fi ħsiebu: ħalaq il-bniedem imżejjen bir-raġuni, kapaċi jimitah, jipprova jixbhu fil-virtujiet tiegħu, ħerqan għall-grazzji tas-sema. F’dawn il-kwalitajiet jistrieħ Alla li qal: “Fejn hu l-post tal-mistrieħ tiegħi? Fuq l-imsejken u niedem f’qalbu, u fuq minn jitriegħed għal kelmti” (Is 66,1-2). Inrodd ħajr lill-Mulej Alla tagħna għax ħalaq din l-opra hekk tal-għaġeb, biex fiha jsib il-mistrieħ tiegħu”[26]

 36. Iżda l-proġett tal-għaġeb ta’ Alla ġie mdallam bid-dħul tad-dnub fl-istorja. Bid-dnub il-bniedem ħadha kontra Alla u wasal biex iqim il-ħlejjaq: “Taw il-ġieħ u l-qima tagħhom lill-ħlejjaq flok ma tawhom lill-Ħallieq” (Rum 1,25). B’dan il-mod il-bniedem mhux biss ħassar fih innifsu x-xbieha ta’ Alla iżda jkasbarha fl-oħrajn u flok relazzjonijiet ta’ xirka u għaqda, daħħal qagħdiet ta’ suspett, indifferenza, ġlied u saħansitra mibegħda sal-mewt. Meta ma jingħarafx Alla bħala Alla ikun hemm tradiment tas-sens l-aktar għoli tal-bniedem u tiġġarrab ix-xirka bejn il-bnedmin.

 Fil-ħajja tal-bniedem ix-xbieha ta’ Alla terġa’ tiddi u turi ruħha, fil-milja kollha tagħha, bil-miġja bħala bniedem tal-Iben t’Alla: “Hu d-dehra ta’ Alla li ma jidhirx” (Kol 1,15), hu “d-dija tal-glorja ta’ Alla u xbieha tal-essenza tiegħu” (Lh 1,3). Hu x-xbieha perfetta tal-Missier.

 Il-proġett ta’ ħajja mogħti lill-ewwel Adam, isib fl-aħħar it-tmiem tiegħu fi Kristu. Waqt li d-diżubbidjenza ta’ Adam kissret u ħassret il-pjan ta’ Alla dwar il-ħajja tal-bniedem, u daħħlet il-mewt fid-dinja, l-ubbidjenza fejjieda ta’ Kristu hi għajn ta’ grazzja li tissawwab fuq il-bnedmin u tiftaħ għal kulħadd il-bibien tas-saltna tal-ħajja (ara Rum 5,12 21). L-Appostlu San Pawl jgħid: “L-ewwel bniedem, Adam sar ruħ ħajja; l-aħħar wieħed sar spirtu li jagħti l-ħajja” (1 Kor 15,45).

 Kull min jaċċetta li jimxi wara Kristu tingħatalu l-milja tal-ħajja: fihom ix-xbieha ta’ Alla tinradd lura, tiġgedded u titwassal għall-perfezzjoni. Dan hu l-pjan t’Alla għall-bnedmin: biex jieħdu “s-sura fuq ix-xbieha ta’ Ibnu” (Rum 8,29). Hekk biss, fid-dija ta’ din ix-xbieha, il-bniedem jista’ jeħles mill-jasar tal-idolatrija, jista’ jibni mill-ġdid l-għaqda bejn l-aħwa li ġiet fix-xejn, u joħloq mill-ġdid l-identità proprja tiegħu.

 

Min jgħix u jemmen fija ma jmut qatt” (Ġw 11,26): id-don tal-ħajja ta’ dejjem

 37. Il-ħajja li l-Iben t’Alla ġie jagħti lill-bnedmin m’hijiex biss eżistenza fiż-żmien. Il-ħajja, li minn dejjem hija “fih” u li hi “id-dawl tal-bnedmin” (Ġw 1,4), hi t-tnissil minn Alla u t-tisħib fil-milja ta’ mħabbtu: “Lil dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla, dawk li jemmnu f’ismu, li twieldu mhux mid-demm, anqas mill-ġibda tal-ġisem, anqas mir-rieda tal-bniedem, imma minn Alla (Ġw 1,12-13).

 Xi drabi, Ġesù jsejjaħ din il-ħajja, li hu ġie biex jagħti, “il-ħajja”, u xejn aktar, u juri t-tnissil minn Alla bħala kondizzjoni meħtieġa biex jinkiseb l-għan li għalih Alla ħalaq il-bniedem: “Jekk wieħed ma jitwelidx mill-ġdid, ma jarax is-saltna ta’ Alla” (Ġw 3,3). Id-don ta’ din il-ħajja hu l-oġġett proprju tal-missjoni ta’ Ġesù: huwa “dak li niżel mis-sema biex jagħti l-ħajja lid-dinja” (Ġw 6,33), hekk li jista’ jgħid bil-verità kollha: “Min jimxi warajja jkollu d-dawl tal-ħajja” (Ġw 8,12).

 Drabi oħra Ġesù jitkellem dwar “il-ħajja ta’ dejjem”; dan il-kliem mhuwiex biss dwar prospettiva ‘l hemm miż-żmien ta’ issa. “Il-ħajja ta’ dejjem” hi l-ħajja li Ġesù jwiegħed u jagħti, għaliex hi l-milja tat-tisħib fil-ħajja ta’ Dak li hu “ta’ dejjem”. Kull min jemmen f’Ġesù u jixxierek miegħu, għandu l-ħajja ta’ dejjem (ara Ġw 3,15;6,40); għax minn għandu jisma’ l-kliem waħdieni li juri u jagħti l-milja tal-ħajja lill-eżistenza tiegħu; huwa l-“kliem tal-ħajja ta’ dejjem” li San Pietru jxandar fl-istqarrija tal-fidi tiegħu: “Mulej, għand min immorru? Int għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem u aħna emminna u għarafna li inti l-Qaddis ta’ Alla” (Ġw 6,68-69). X’inhi l-ħajja ta’ dejjem jgħidilna Ġesù stess fit-talba saċerdotali li jagħmel lill-Missier: “Din hi l-ħajja ta’ dejjem, li jagħrfu lilek Alla waħdu veru u lil Ġesù Kristu li int bgħatt” (Ġw 17,3). Tagħraf ‘l Alla u lil Ibnu jfisser tilqa’ l-misteru tax-xirka fl-imħabba tal-Missier, tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu fil-ħajja proprja tiegħek li minn issa tinfetaħ għall-ħajja ta’ dejjem bit-tisħib fil-ħajja ta’ Alla.

 38. Il-ħajja ta’ dejjem hi mela l-istess ħajja ta’ Alla u fl-istess waqt il-ħajja ta’ wlied Alla. Min jemmen ma jistax ma jistgħaġibx kull darba mill-ġdid u jħoss li għandu juri ħajr bla qjies quddiem din il-verità mhux mistennija u tassew tal-għaġeb li tiġina mingħand Alla fi Kristu. Min jemmen jagħmel tiegħu dan il-kliem ta’ San Ġwann: ''Araw b’liema għożża ħabbna l-Missier, nistgħu nissejħu wlied Alla u tassew aħna. Għeżież, issa aħna wlied Alla, imma x’se nkunu ‘l quddiem mhux irrivelat lilna. Madankollu nafu li, meta jidher hu, aħna nkunu bħalu” (1 Ġw 3,1-2).

 Hekk tilħaq il-milja kollha tagħha l-verità Nisranija dwar il-ħajja. Id-dinjità tagħha mhux marbuta biss mal-bidu tagħha, għax ġejja minn Alla, imma hi marbuta wkoll mal-għan aħħari tagħha, mat-tmiem tagħha, mad-destin għax-xirka ma’ Alla fl-għarfien u l-imħabba tiegħu. U fid-dawl ta’ din il-verità li San Irinew jiċċara sewwa u jtemm l-eżaltazzjoni tiegħu tal-bniedem: “sebħ ta’ Alla” iva, hu “l-bniedem li jgħix”, iżda “Il-ħajja tal-bniedem hi d-dehra ta’ Alla[27]

 Minn hawn joħorġu minnufih konsegwenzi għall-ħajja tal-bniedem fil-qagħda tiegħu fuq l-art, li fih ġa nibtet u qed tikber il-ħajja ta’ dejjem. Il-bniedem istintivament iħobb il-ħajja għax hi ġid u din l-imħabba ssib raġunijiet oħra u qawwa, wesgħa akbar u ogħla fid-dimensjoni divina ta’ dan il-ġid. Fi prospettiva bħal din l-imħabba li kull bniedem għandu għall-ħajjA mhijiex biss sempliċi tfittix ta’ spazju fejn jista’ juri lilu nnifsu u jkollu relazzjonijiet mal-bnedmin sħabu, imma tiżviluppa ruħha fl-għarfien ferrieħi li jista’ jagħmel l-eżistenza proprja tiegħu l-“post” tal-manifestazzjoni ta’ Alla, tal-laqgħa u tax-xirka miegħu. Il-ħajja li Ġesù jagħtina ma tnaqqasx is-siwi tal-eżistenza tagħna f’dan iż-żmien imma terfagħha u twassalha għad-destin aħħari tagħha: “Jiena hu l-qawmien u l-ħajja, min jgħix u jemmen fija ma jmut qatt” (Ġw 11,25-26)

 

Nitlob kont…tal-ħajja ta’ bniedem ieħor bħalu (Ġen 9,5): venerazzjoni u mħabba għall-ħajja ta’ kulħadd.

 39. Il-ħajja tal-bniedem ġejja mingħand Alla, hi don tiegħu, xbieha u sinjal tiegħu, tisħib fin-nifs tiegħu ta’ ħajja. Mela ta’ din il-ħajja Alla biss hu s-sid, il-bniedem ma jistax jagħmel li jrid biha. Alla dan tennieh lil Noè wara d-dilluvju: “Nitlob kont mingħand kull bniedem, mingħand kull wieħed, tal-ħajja ta’ bniedem ieħor bħalu” (Ġen 9,5). U t-test bibliku jrid ifittex li juri l-importanza tal-fatt li l-qdusija tal-ħajja għandha l-pedament tagħha f’Alla u fil-ħidma tiegħu għall-ħolqien: “Għax skont ix-xbieha tiegħu ħalqu l-bniedem Alla” (Ġen 9,6).

 Il-ħajja u l-mewt tal-bniedem mela huma f’idejn Alla, fis-setgħa tiegħu: “F’idejh il-ħajja ta’ kull min jgħix, f’idejh in-nifs tal-ħajjin kollha” (Ġob 12,10). “Il-Mulej jibgħat il-mewt u jagħti l-ħajja, iniżżel l-imwiet u jtella’” (1 Sam 2,6). Hu biss jista’ jgħidu: “Jiena mmewwet u jiena naħji” (Dewt 32,39).

 Iżda din is-setgħa Alla ma jużahiex biex jhedded kif irid u kif jogħġbu, iżda bħala ħarsien u ħerqa kollha mħabba għall-bniedem. Jekk hu minnu li l-ħajja tal-bniedem hi f’idejn Alla, mhux inqas veru li dawn l-idejn huma kollha mħabba bħal dawk ta’ omm li tilqa’, tmantni u tieħu ħsieb it-tarbija tagħha: “Bħal tarbija f’ħoġor ommha, bħal tarbija miftuma hekk hi ruħi ġewwa fija” (Salm 131/130,2; ara Is 49,15;66,12-13; Ħos 11,4). Hekk fil-ġrajjiet tal-popli u fid-destin tal-individwi Iżrael ma jarax l-effett ta’ xi kawża biss jew ta’ xi destin għama, iżda l-frott ta’ pjan ta’ mħabba li bih Alla jilqa’ dak kollu li tista’ tagħti l-ħajja u jieqaf lis-setgħat tal-mewt li joħorġu mid-dnub: “Il-mewt mhux Alla għamilha u lanqas togħġbu l-qerda tal-ħajjin. Hu ħalaq kollox biex jgħix” (Għerf 1,13-14).

 40. Mill-qdusija tal-ħajja toħroġ l-invjolabbiltà tagħha li tinsab minquxa sa mill-bidu fil-qalb tal-bniedem, fil-kuxjenza tiegħu. Il-mistoqsija: X’għamilt?” (Ġen 4,10) li Alla jagħmel lil Kajjin, wara li dan kien qatel lil ħuh Abel, tfisser l-esperjenza ta’ kull bniedem; fil-fond tal-kuxjenza tiegħu dejjem jiġi mfakkar li l-ħajja hi invjolabbli, ħadd ma jista’ jmissha - la l-ħajja tiegħu u l-anqas dik tal-oħrajn - għax hi realtà li mhijiex tiegħu, għax hi proprjetà u don ta’ Alla Ħallieq u Missier.

 Il-kmandament dwar l-invjolabbiltà tal-ħajja tal-bniedem tidwi fil-qalba tal-“għaxar kelmiet” tal-Patt tas-Sinaj (ara Eż 34,28). Qabel xejn jipprojbixxi l-omiċidju: “La toqtolx (Eż 20,13). “La toqtolx lil min hu sewwa u bla ħtija” (Eż 23,7); jipprojbixxi wkoll - kif ġie ċċarat f’liġijiet oħra ta’ Iżrael, li ġew wara - kull drib ta’ bniedem ieħor (ara Eż 21,12-27). Iva, rridu nammettu li fit-Testment il-Qadim din is-sensibbiltà għall-valur tal-ħajja hi ġa mmarkata ħafna iżda ma tilħaqx il-finezza tad-Diskors tal-Muntanja u dan jidher minn xi aspetti tal-liġijiet ta’ dak iż-żmien li kienu jaħsbu biex jingħataw pieni korporali ħorox u saħansitra l-piena tal-mewt. Iżda l-messaġġ kollu kemm hu, li kellu jwassal għall-perfezzjoni sħiħa tiegħu t-Testment il-Ġdid, hu stedina qawwija għar-rispett tal-invjolabbiltà tal-ħajja fiżika u tal-integrità personali, jilħaq il-qofol tiegħu fil-kmandament pożittiv li jobbliga għall-ħarsien tal-proxxmu bħalek innifsek: “Ħobb l-għajrek bħalek innifsek” (Lq 19,18).

 41. Il-kmandament “La toqtolx” li jinsab, u jinsab aktar fil-fond fil-kmandament pożittiv tal-imħabba tal-proxxmu, ġie mtenni fis-siwi kollu tiegħu mill-Mulej Ġesù. Liż-żagħżugħ għani li staqsieh: “Mgħallem x’tajjeb għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?” Ġesù wieġeb: “Jekk inti trid tidħol fil-ħajja ta’ dejjem ħares il-kmandamenti” (Mt 19,16-17). U jsemmi l-ewwel kmandament “La toqtolx” (Mt 19,18). Fid-Diskors tal-Muntanja Ġesù jrid mid-dixxipli tiegħu ġustizzja aqwa minn dik tal-kittieba u tal-Fariżej, ukoll fejn jidħol ir-rispett għall-ħajja: “Smajt x’intqal lin-nies ta’ dari:”La toqtolx”. Mela jekk xi ħadd joqtol, ikun ħaqqu l-kundanna. Imma jien ngħidilkom li l-kundanna tistħoqq ukoll min jinkorla għal ħuh (Mt 5,21-22).

 Bi kliemu u b’għemilu Ġesù jkompli juri dejjem aktar ċar dak li jitlob pożittivament il-kmandament dwar l-invjolabbiltà tal-ħajja. Dawn l-esiġenzi ġa jinsabu fit-Testment il-Qadim, fejn il-liġijiet kienu jaħsbu sewwa biex tingħata garanzija u ħelsien lill-ħajja dgħajfa u mhedda: il-barrani, l-armla, l-iltim, il-fqir in ġenerali, l-istess ħajja qabel titwieled (ara Eż 21,22;22-26). B’Ġesù dawn l-esiġenzi pożittivi jiksbu qawwa u ħeġġa ġdida u juru ruħhom fil-wesgħa u fl-għoli kollu tagħhom: imorru mill-ħarsien tal-ħajja tal-aħwa (fil-familja, wieħed mill-istess poplu, barrani li jgħammar f’art Israel) sal-barrani, sal-imħabba tal-għadu.

 Il-barrani ma jibqax barrani għal dak li jrid ikun proxxmu ma’ kull min ikun f’xi ħtieġa, u jasal sal-pont li jidħol responsabbli għal ħajtu kif tgħallem, b’mod tassew li jfisser ħafna, l-parabbola tas-samaritan it-tajjeb (ara Lq 10, 25-37). L-għadu wkoll ma jibqax għadu għal min hu fid-dmir li jħobbu (ara Mt 5,38-48;Lq 6,27-35), u “jagħmillu l-ġid”, billi jgħinu fil-ħtiġijet tal-ħajja, bla tnikkir u bla ebda ħsieb ta’ ħlas (ara Lq 6, 34-35). Il-quċċata ta’ din l-imħabba huwa t-talb għall-għedewwa, talb li bih wieħed ikun fi qbil perfett mal-imħabba providenzjali ta’ Alla: “Imma jien ngħidilkom: ħobbu l-għedewwa tagħkom, itolbu għal dawk li jippersegwitawkom biex tkunu wlied Missierkom li hu fis-smewwiet, għax hu jtella’ x-xemx tiegħu sew fuq il-ħżiena u sew fuq it-tajbin, u jniżżel ix-xita tiegħu sew fuq min hu tajjeb u sew fuq min m’huwiex (Mt 5,44-45; ara Lq 6,28.35).

 Hekk il-kmandament ta’ Alla għall-ħarsien tal-ħajja tal-bniedem għandu l-aspett tiegħu l-aktar fil-fond, fil-ħtieġa ta’ venerazzjoni u mħabba lejn kull persuna u lejn ħajjitha. U dan hu t-tagħlim li l-Appostlu San Pawl, huwa u jtenni kliem Ġesù (ara Mt 19,17-18); lill-Insara ta’ Ruma jgħidilhom: La tagħmilx adulterju, la toqtolx, la tisraqx, la tkunx rgħib, u kull preċett ieħor, hu liema hu, kollha jinġabru f’kelma waħda: “Ħobb ‘l għajrek bħalek innifsek”. L-imħabba ma tagħmilx deni lill-proxxmu, mela l-imħabba hi l-milja tal-liġi” (Rum 13,9-10).

 

Nisslu w oktru u imlew l-art u aħkmuha” (Ġen 1,28): ir-responsabbiltajiet tal-bniedem dwar il-ħajja.

 42. Tħares u ġġib ‘il quddiem, tivvenera u tħobb il-ħajja, hu dmir li Alla ried jafda lil kull bniedem, huwa u jistiednu bħala xbieha ħajja tiegħu, biex jissieħeb fis-setgħa li għandu fuq id-dinja: “Berikhom Alla u qalilhom: “Nisslu u oktru, imlew l-art u aħkmuha u saltnu fuq il-ħut tal-baħar, u t-tjur tal-ajru, u l-ħlejjaq kollha li jitkaxkru fuq l-art” (Ġen 1,28).

 It-test bibliku juri ċar kemm hi wiesgħa u kemm għolja s-setgħa li Alla ried jagħti lill-bniedem: L-ewwelnett hi setgħa fuq l-art u fuq il-ħlejjaq kollha, kif ifakkarna l-Ktieb tal-għerf: “Alla ta’ missirijietna, Mulej tal-ħniena…bil-għerf tiegħek sawwart il-bniedem biex isaltan fuq il-ħlejjaq, li int għamilt, u jmexxi d-dinja bil-qdusija u bil-ġustizzja” (Għ 9,1,2-3). Is-Salmista wkoll ifaħħar is-setgħa tal-bniedem bħala sinjal tas-seħħ u l-ġieħ li rċieva mingħand il-Ħallieq: “Qegħedtu fuq l-għemejjel kollha ta’ jdejk, kollox taħt riġlejh; qegħedtlu n-nagħaġ u l-baqar kollha, sal-bhejjem tax-xagħri, l-għasafar tal-ajru u l-ħut tal-baħar, dak li jterraq fil-baħar” (Salm 8,7-9).

 Imsejjaħ biex iħares u jaħdem il-ġnien tad-dinja (ara Ġen 2,15). Il-bniedem għandu responsabbiltà speċifika għall-ambjent tal-ħajja, jiġifieri għall-ħolqien li Alla ħalla għall-qadi tad-dinjità personali tiegħu, ta’ ħajtu, mhux biss għaż-żmien ta’ issa imma wkoll għall-ġenerazzjonijiet li għad iridu jiġu. Hi l-kwistjoni ekoloġika - mill-ħarsien tal-“habitat” naturali ta’ kull sura ta’ annimali u tal-ħafna suriet tal-ħajja, sal-“ekoloġija umana” fis-sens proprju tal-kelma[28] - li fil-paġni tal-Iskrittura ssib indikazzjoni etika qawwija kollha dija għal soluz-zjoni li turi rispett sħiħ għall-ġid kbir li hi l-ħajja, kull ħajja. Fil-fatt, “is-setgħa tal-Ħallieq ta lill-bniedem m’hijiex xi setgħa assoluta, u lanqas nistgħu nitkellmu dwar il-libertà li “tuża u tabbuża” jew tagħmel li trid b’kull ħaġa, kif ifettilek. Il-limitazzjonijiet li l-Ħallieq għamel sa mill-bidu hi simbolikament imfissra mill-projbizzjoni “tal-ikel u l-frott tas-siġar” (ara Ġen 2,16.17); turi b’mod biżżejjed ċar li quddiem in-natura li naraw aħna rridu noqogħdu mhux biss għal-liġijiet bijoloġiċi, imma wkoll għal-liġijiet morali, li qatt ma nistgħu niksru bla ħtija”[29].

 43. Ċertu tisħib tal-bniedem fis-setgħa ta’ Alla juri ruħu wkoll fir-responsabbiltà speċifika li ġiet fdata lill-bniedem dwar il-ħajja proprjament umana. Hi responsabbiltà li tilħaq il-qofol tagħha fl-għoti tal-ħajja permezz tat-tnissil mir-raġel u l-mara fiż-żwieġ, kif ifakkarna l-Konċilju Vatikan II: “Alla stess qal: Mhux sew li l-bniedem jibqa’ waħdu (Ġen 2,18) u sa mill-bidu għamilhom raġel u mara (Mt 19,4), u ried jagħti lill-bniedem ċertu sehem speċjali fl-opra tal-ħolqien: bierek lir-raġel u l-mara u qalilhom: “Nisslu u oktru (Ġen 1,28)”[30].

 Il-Konċilju, huwa u jitkellem dwar “ċertu tisħib speċjali” tar-raġel u l-mara fl-“opra tal-ħolqien” ta’ Alla, ried juri kif it-tnissil ta’ tarbija huwa fatt uman mill-aktar għoli u reliġjuż fuq li reliġjuż għaliex jimpenja l-miżżewġin li jagħmlu “ġisem wieħed” (Ġen 2,24), flimkien ma’ Alla li jinsab preżenti. Kif ktibt l-Ittra lill-Familji “meta bniedem ġdid jitwieled mill-għaqda ta’ żewġ persuni fiż-żwieġ dan iġib miegħu fid-dinja xbieha u xebh partikulari m’Alla nnifsu: mill-bijoloġija tal-persuna hi minquxa fl-istess bijoloġija tat-tnissil. Meta ngħidu li l-miżżewġin, bħala ġenituri, jissieħbu ma’ Alla l-Ħallieq ħa jnisslu u jagħtu twelid lill-bniedem ġdid m’aħniex qed nitikellmu biss dwar il-liġijiet tal-bijoloġija, imma minflok inkunu rridu ninsistu fuq id-dritt li fil-paternità u l-maternità tal-bniedem, b’mod għal kollox differenti minn kif inhu preżenti fis-suriet l-oħra kollha ta’ tnissil fuq l-art”; minn Alla biss tiġi dik “ix-xbieha u s-sura” li huma proprju tal-bniedem, kif seħħ fil-ħolqien. It-tnissil ikompli l-ħolqien”[31].

 Dan jgħallem direttament u bi kliem li jfisser ħafna t-test bibliku meta jsemmi l-għajta ferrieħa tal-ewwel mara “omm il-ħajjin kollha” (Ġen 3,10). Għax għarfet l-indħil ta’ Alla, Eva qalet: “Ksibt bniedem bl-għajnuna tal-Mulej” (Ġen 4,1). Mela fit-tnissil, bl-għoti tal-ħajja mill-ġenituri lil binhom, jingħata bil-ħolqien ta’ ruħ immortali[32], ix-xebh u s-sura ta’ Alla nnifsu. Hekk jgħid il-bidu tal-“ktieb tat-tnissil ta’ Adam”. Meta Alla ħalaq il-bniedem, fi xbieha ta’ Alla għamlu, raġel u mara ħalaqhom, u berikhom u semmiehom bnedmin nhar il-ħolqien tagħhom. U Adam kellu mija u tletin sena meta wiled iben fix-xbieha u s-sura tiegħu u semmieh Set” (Ġen 5,1-3). Hu proprju f’din il-ħidma ta’ mseħbin ma’ Alla, li jagħti lix-xbieha tiegħu kreatura ġdida, li jinsab il-kobor tal-miżżewġin, lesti “biex jagħtu sehemhom lill-Imħabba tal-Ħallieq u l-Feddej, li permezz tagħhom, bla heda jkabbar u jagħni l-familja tiegħu”[33]. Fid-dawl ta’ dan, l-Isqof Antilokju jgħolli “iż-żwieġ qaddis, magħżul u merfugħ ‘il fuq mid-doni kollha tal-art”, u bħala “dak li jnissel il-ġens kollu tal-bnedmin u jsawwar xbihat ta’ Alla”[34].

 Hekk ir-raġel u l-mara magħqudin flimkien fiż-żwieġ huma mseħbin f’ħidma ta’ Alla: permezz tal-att tat-tnissil; id-don ta’ Alla jiġi milqugħ u ħajja ġdida tinfetaħ għall-ġejjieni.

 Iżda barra l-missjoni speċifika tal-ġenituri hemm id-dmir li jolqot lil kulħadd li tiġi milqugħa u moqdija l-ħajja u dan irid jidher l-aktar lejn il-ħajja li tkun f’qagħda ta’ dgħufija mill-akbar. Kristu stess ifakkarna f’dan meta jistedinna nħobbuh u naqduh f’ħutna mġarrbin minn kull xorta ta’ tbatija, bil-ġuħ, bil-għatx, barrani, għeri, marid, il-ħabs. Kull ma jsir lilll-iċken fost dawn iż-żgħar, isir lil Kristu stess (ara Mt 25,31-46).

 

“Int sawwart il-ġewwieni tiegħi” (Salm 139/138,13): id-dinjità ta’ tarbija għadha ma twelditx.

 44. Il-ħajja tal-bniedem issib ruħha f’qagħda ta’ tiġrib kbir meta tidħol fid-dinja u meta toħroġ miż-żmien biex tidħol fl-eternità. Ma jonqsu qatt mill-Kelma ta’ Alla - l-aktar dwar l-eżistenza mhedda mill-mard u x-xjuħija - kliem ta’ stedina għall-ħarsien u r-rispett. Jekk ma hemmx stedina diretta u espliċita għall-ħarsien tal-ħajja tal-bniedem fil-bidu, speċjalment għall-ħajja li għad ma twelditx kif ukoll għall-ħajja qrib il-mewt, dan malajr infissruh mill-fatt li l-ħsieb biss li toffendi, thedded, jew saħansitra tiċħad il-ħajja f’qagħdiet bħal dawn, m’għandux post fl-ambjent reliġjuż u kultura tal-Poplu t’Alla.

 Fit-Testment il-Qadim il-qagħda ta’ dik li ma setax ikollha tfal kienet meqjusa bħala saħta, waqt li l-ħafna wlied kienu jitqiesu bħala l-barka ta’ Alla. “Wirt il-Mulej huma l-ulied, ħlas tiegħu hu frott il-ġuf (Salm 127/126,3; ara Salm 128/12,2-4). F’din il-konvinzjoni hemm ukoll l-għarfien ta’ Israel li kien il-poplu tal-Patt imsejjaħ biex joktor skont il-wegħda magħmula lil Abraham. “Ħares sewwa lejn is-smewwiet u għodd il-kwiekeb. Hekk għad ikun nislek” (Ġen 15,5). Iżda l-aqwa influwenza kienet ġejja miċ-ċertezza li l-ħajja mogħtija mill-ġenituri kienet ġejja mingħand Alla, kif jixhdu tant paġni tal-Iskrittura li jitkellmu b’rispett u mħabba dwar it-tnissil, dwar it-tiswir tal-ħajja fil-ġuf tal-omm, dwar it-twelid u dwar ir-rabta li hemm bejn il-mument li fih tibda l-ħajja u l-għemil ta’ Alla l-Ħallieq.

 “Qabel ma sawwartek fil-ġuf għaraftek, qabel ma ħriġt minn ħdan ommok ikkonsagrajtek” (Ġer 1,5). L-eżistenza ta’ kull bniedem sa mill-bidu tiegħu jinsab fil-pjan ta’ Alla. Ġob, mill-fond tat-tbatijiet tiegħu, jieqaf jikkontempla l-opra ta’ Alla fit-tiswir mirakuluż ta’ ġismu fi ħdan ommu u dan hu għalih ta’ fiduċja kbira, u jiżgurah li hemm proġett ta’ Alla għal ħajtu: “Kienu jdejk li sawruni u għamluni, issa reġa’ bdielek u trid teqridni? Ftakar li għamiltni bħal mit-tafal u lejn it-trab għad treġġagħni. Mhux bħal ħalib sawwabtni u bħall-baqta għaqqadtni, bil-ġilda u l-laħam libbistni u nsiġtni bil-għadam u bl-għeruq? Imbagħad żejjintni bil-ħajja u bi ħrar kbira ħaristhieli?” (Ġob 10,8-12). Kliem ta’ qima kollha mistagħġba għall-indħil ta’ Alla fit-tiswir tal-ħajja fil-ġuf tal-omm, jidwu wkoll is-salmi[35].

 Kif tista’ taħeb li mqar mument wieħed ta’ dan il-proċess hekk tal-għaġeb tal-bidu tal-ħajja ma jaqax taħt il-ħidma kollha għerf u mħabba tal-Ħallieq u mħollija biss għar-rieda tal-kapriċċi tal-bniedem? Żgur dan ma ħasbitux l-omm tas-seba’ aħwa, li tistqarr il-fidi tagħha f’Alla, bidu u garanzija tal-ħajja sa mit-tnissil tagħha u fl-istess waqt pedament tat-tama f’ħajja ġdida wara l-mewt: “Jien ma nafx kif feġġejtu f’ġufi, ma kontx jien li tajtkom in-nifs, lanqas ma kont jien li għaqqadtilkom il-bċejjeċ ta’ ġisimkom. Il-ħlejjaq tad-dinja, li sawwar in-nisel tal-bniedem u fassal il-bidu ta’ kollox, għad iroddilkom in-nifs u l-ħajja fil-ħniena tiegħu bħalma issa intom ma tqisu xejn lilkom infuskom minħabba l-liġijiet tiegħu” (2 Mak 7,22-23).

 45. Ir-rivelazzjoni tat-Testment il-Ġdid twettaq l-għarfien ċert fil-valur tal-ħajja sa mill-bidu tagħha. L-eżaltazzjoni tal-fekondità u l-istennija ħerqana tal-ħajja jidwu fil-kliem li bih Eliżabetta tifraħ għat-tqala tagħha: “Il-Mulej għoġbu jneħħili minn fuqi l-għajb” (Lq 1,25). Iżda wisq aktar hu ċelebrat is-siwi tal-persuna sa mill-ewwel mument tat-tnissil, fil-laqgħa tal-Verġni Marija ma’ Eliżabetta u taż-żewġ trabi li kellhom f’ġufhom. U huma proprju t-trabi li jħabbru l-miġja ta’ żmien il-Messija: fil-laqgħa tagħhom tibda taħdem il-qawwa feddejja tal-preżenza tal-Iben ta’ Alla fost il-bnedmin. “Minnufih”, jikteb San Ambroġ, “beda jinħass il-ġid tal-wasla ta’ Marija u tal-preżenza tal-Mulej. L-ewwel li semgħet it-tislima kienet Eliżabetta, imma kien Ġwanni li ħass il-grazzja l-ewwel; dik semgħet skont l-ordni naturali, l-ieħor qabeż bil-ferħ fejn daħal il-misteru; dik rat lil Marija ġejja, l-ieħor intebaħ bil-miġja tal-Mulej; il-mara rat quddiemha mara oħra, ir-rahan ħass ma’ ġenbu r-rahan, dawk tkellmu fuq il-grazzja, dawn ħaddnu l-grazzja minn ġewwa: għax minn ommijiet, bħal minn żewġ għejun, bdew misteru ta’ tjieba, u l-ommijiet b’għaġeb kbir ħabbru bil-qawwa l-ispirtu ta’ wliedhom. It-tarbija qabżet bil-ferħ u l-omm imtliet bl-Ispirtu s-Santu: l-omm ma mtlietx l-ewwel iżda l-iben, wara li hu stess imtela bl-Ispirtu s-Santu, mela wkoll lil ommu”[36].

 

“Bqajt nemmen ukoll meta għidt: Jiena mdejjaq ħafna” (Salm 116/115,10): il-ħajja fix-xjuħija u fit-tbatija

 46. Tkun ħaġa barra minn żmienha wkoll tistenna mir-rivelazzjoni biblika xi ħaġa dwar l-aħħar mumenti tal-ħajja b’riferenza diretta għall-problema tal-lum, dwar ir-rispett għax-xjuħ morda, u kundanna ċara tat-tentattivi biex bil-vjolenza twassal għat-tmiem tagħhom qabel il-waqt: ninsabu f’ambjent kulturali u reliġjuż li ma kienx imġarrab minn tentazzjoni bħal dik tal-lum, u li rigward l-anzjani kien jagħraf fl-għerf u l-esperjenza tax-xjuħ għana m’hemmx ieħor bħalu għall-familja u s-soċjetà.

 Ix-xjuħija għandha l-ġieħ tagħha u hi mdawra bil-venerazzjoni (ara 2 Mak 6,23). Il-bniedem ġust ma jitlobx biex ikun imċaħħad mix-xjuħija u mit-toqol tagħha, iżda għall-kuntrarju jitlob: “Mulej, inti tama tiegħi; Mulej inti l-fiduċja tiegħi sa minn żgħożiti. Imqar meta nixjieħ u jibjad xagħri, la tinsinix, O Alla, sakemm inxandar għemil idejk lil kull nisel, il-qawwa tiegħek lil kull min għad jiġi” (Salm 71/70,5.18). L-ideal ta’ żmien il-Messija jidher bħala dak iż-żmien li fih lanqas ikun hemm iżjed “ebda xiħ li ma jimteliex bil-għomor” (Is 65,20).

 Iżda fix-xjuħija, kif se teħodha kontra l-fatt li l-ħajja, trid jew ma tridx, qed tonqos ftit ftit. Kif se ġġib ruħek quddiem il-mewt? Min jemmen jaf li ħajtu hi f’idejn Alla: “Mulej, inti żżomm f’idejk xortija” (Salm 26/15,5), u minn idejh jilqa’ wkoll il-mewt: “Dan hu l-ħaqq li Alla għamel ma’ kull bniedem. Għala tieqaf lir-rieda tal-Għoli?” (Sir 41,4). Il-bniedem, kif m’huwiex sid il-ħajja, hekk ukoll m’huwiex sid il-mewt: sew fil-ħajja u sew fil-mewt irid jintelaq kollu kemm hu għar-“rieda tal-Għoli”, għall-pjan tiegħu ta’ mħabba.

 Fil-mard ukoll il-bniedem hu msejjaħ jgħix bl-istess fiduċja f’Alla u jġedded il-fiduċja fundamentali tiegħu fih, “li jfejjaq il-mard kollu” (Salm 103/102,3). Meta kull xefaq tas-saħħa jingħalaq għall-bniedem - hekk li jasal biex jgħajjat: “Jiemi qed jonqsu bħad-dell ta’ filgħaxija u jien bħal ħaxix qiegħed ninxef” (Salm 102/101,12): dak il-ħin ukoll, min jemmen ikollu qalbu qawwija b’fidi li ma tiġġarraf qatt fis-setgħa ta’ Alla, li tagħti l-ħajja. Il-mard ma jġegħlux jiddispra u jfittex il-mewt, imma jġiegħlu jitlob b’tama kbira: “Emmint ukoll meta għidt: Jiena mdejjaq ħafna,” (Salm 116/115,10). “Mulej Alla tiegħi, jien sejjaħtlek u int fejjaqtni, Mulej, tellajtli mill-mewt ‘il ruħi, ħlistni minn dawk li niżlu fil-ħofra” (Salm 30/29,3-4).

 47. Il-missjoni ta’ Ġesù bil-ħafna mard li fejjaq turi kemm Alla għandu għal qalbu l-ħajja korporali wkoll tal-bniedem. “Tabib tal-ġisem u tar-ruħ”[37] Ġesù ntbgħat mill-Missier biex “iħabbar il-Bxara t-Tajba lill-foqra u jdewwi l-qlub miksura” (ara Lq 4,18;Is 61,1). Meta mbagħad bagħat id-dixxipli tiegħu fid-dinja fdalhom missjoni li fiha l-fejqan tal-morda hi msieħba mat-tħabbira tal-Evanġelju: “Intom u sejrin, xandru u għidu li s-Saltna tas-smewwiet waslet. Fejqu l-morda, qajmu l-mejtin, fejqu l-imġiddmin, keċċu x-xjaten” (Mt 10,7-8; Mk 6, 13;16-18).

 Veru li l-ħajja tal-ġisem fil-qagħda tagħha fuq l-art m’hijiex xi ħaġa assoluta għal min jemmen tant li jista’ jiġi mitlub jissagrifikaha għal xi ġid ogħla: kif jgħid Ġesù: “Min irid isalva ħajtu jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi u tal-Bxara t-Tajba jsalvaha” (Mk 8,35). Dwar dan insibu ħafna xhieda fit-Testment il-Ġdid. Ġesù ma jaħsibhiex li jissagrifika ħajtu, u minn rajh, minn ħajtu jagħmel offerta lill-Missier (ara Ġw 10,17); u għal dawk li huma tiegħu (ara Ġw 10,15). Il-mewt ukoll ta’ Ġwanni l-Battista, il-Prekursur tal-Mulej, turi li l-eżistenza fid-dinja mhijiex xi ġid assolut; hi aktar importanti l-fedeltà għall-kelma tal-Mulej, ukoll jekk din tista’ twassal il-ħajja fil-periklu (ara Mk 6,17-29). U San Stiefnu, meta ġie mċaħħad minn ħajtu fiż-żmien, għax xhud fidil tal-qawmien tal-Mulej mill-imwiet, mexa fuq il-passi tal-Imgħallem, u mar jiltaqa’ ma’ dawk li ħaġġruh bi kliem ta’ maħfra (ara Atti 7,59-60), u hekk fetaħ it-triq għall-kotra bla qjies tal-Martri meqjuma fil-Knisja sa mill-bidu.

 Iżda ebda bniedem minn rajh, kif jogħġbu, ma jista’ jagħżel li jgħix jew li jmut: sid ta’ din l-għażla hu biss il-Ħallieq, dak li fih “aħna ngħixu, nitħarrku, u aħna” (Atti 17,28).

 

“Kull min iħares il-liġi jgħix” (Bar 4,1); mil-liġi tas-Sinaj għad-don tal-Ispirtu s-Santu

 48. Il-ħajja għandha fiha miktuba, b’mod li ma jista’ jitħassar qatt, il-verità tagħha. Il-bniedem, huwa u jilqa’ d-don ta’ Alla, irid jimpenja ruħu li jżomm il-ħajja f’din il-verità, li hi essenzjali għaliha. Titbiegħed minn din il-verità jfisser tikkundanna lilek innifsek biex ma tkun tfisser xejn u tkun imġarrab minn kull xorta ta’ dwejjaq, u hekk tista’ tkun ukoll theddida għall-eżistenza tal-oħrajn, għaliex ikun iġġarraf kull ma jiggarantixxi r-rispett u l-ħarsien tal-ħajja f’kull ċirkustanza.

 Il-verità tal-ħajja juriha l-kmandament ta’ Alla. Il-kelma tal-Mulej turi bil-fatti minn liema triq trid tgħaddi l-ħajja biex tħares il-verità proprja tagħha u żżomm id-dinjità tagħha. Mhux biss il-kmandament speċifiku ''La toqtolx” (Eż 20,13; Dewt 5,17) jiżgura l-ħarsien tal-ħajja: il-liġi kollha tal-Mulej hi għall-qadi ta’ dan il-ħarsien, għaliex turi l-verità li fiha l-ħajja ssib it-tifsir sħiħ tagħha.

 Ma nistgħaġbux għalhekk li l-Patt ta’ Alla mal-poplu tiegħu hu hekk marbut mal-ħajja, mal-ħajja wkoll tal-ġisem. Fil-fatt il-kmandament jidher bħala t-triq tal-ħajja; “Jien illum qegħedtlek quddiemek il-ħajja u l-ġid, il-mewt u d-deni. Issa jekk tisma’ mil-liġi tal-Mulej, Alla tiegħek, li qiegħed nordnalek illum li tħobb il-Mulej Alla tiegħek, li timxi fit-triqat tiegħu, u li tħares l-ordnijiet, il-liġijiet u d-digrieti tiegħu, inti tgħix u titkattar, u l-Mulej Alla tiegħek ibierkek fl-art li int sejjer fiha, biex teħodha f’idejk” (Dewt 30,15-16); hawn m’hijiex kwistjoni biss dwar l-art ta’ Kangħan u dwar l-eżistenza tal-poplu ta’ Israel, imma hi wkoll dwar id-dinja tal-lum u ta’ għada u dwar l-eżistenza tal-umanità kollha. Dan għaliex bl-ebda mod ma hu possibbli li l-ħajja tibqa’ dak li hi u sħiħa meta tinqata’ minn dak li hu tajjeb; u dak li hu tajjeb, min-naħa tiegħu, hu essenzjalment marbut mal-kmandament tal-Mulej, jiġifieri mal-“liġi tal-ħajja” (Sir 17,9). It-tajjeb li jrid isir ma jitgħabbiex fuq il-ħajja bħal xi toqol li jagħfas fuqha għaliex ir-raġuni stess tal-ħajja hu proprju dak li hu tajjeb u l-ħajja tinbena biss, billi jsir dak li hu tajjeb.

 Hi mela l-liġi kollha kemm hi li trid tħares il-ħajja tal-bniedem fil-milja kollha tagħha. Dan juri kemm hi ħaġa diffiċli tħares il-kmandament : “La toqtolx” meta ma jiġix imħares “il-kliem l-ieħor tal-ħajja” (Atti 7,38), li miegħu hu marbut dan il-kmandament. Meta mmorru ‘l hemm minn dan ix-xefaq, il-kmandament jispiċċa biex ikun biss sempliċi dmir estern, u malajr wieħed jibda jfittex sa fejn jista’ jwassal, u kemm jista’ jnaqqsu u kemm jista’ jsib eċċezzjonijiet għalih. Biss, jekk wieħed ikun miftuħ għall-milja tal-verità dwar Alla, dwar il-bniedem u dwar l-istorja, il-kliem “La toqtolx” jerġa’ jibda jiddi bħala ġid għall-bniedem fid-dimensjonijiet u r-relazzjonijiet kollha tiegħu. Fid-dawl ta’ dan nistgħu nintebħu bil-milja tal-verità li tinsab fis-silta tad-Dewter-enomju u li biha Ġesù wieġeb għall-ewwel tentazzjoni: ”Mhux bil-ħobż biss jgħix il-bniedem, imma b’kull kelma li toħroġ minn fomm Alla” (Dewt 8,3; ara Mt 4,4).

 Il-bniedem, meta jagħti widen għall-Kelma tal-Mulej, jista’ jgħix skont id-dinjità u l-ġustizzja, u meta jħares il-liġi ta’ Alla l-bniedem jista’ jkollu frott ta’ ħajja u ta’ hena: “Kull min iħarisha jgħix, dawk li jħalluha jmutu” (Bar 4,1).

 49. L-istorja ta’ Iżrael turi kemm hi ħaġa iebsa tħares bil-fedeltà kollha l-liġi tal-ħajja, li Alla kiteb fi qlub il-bnedmin u, fuq is-Sinaj, taha lill-Poplu tal-Patt. Quddiem it-tiftix ta’ triqat ta’ ħajja li m’humiex skont il-pjan ta’ Alla, b’mod partikulari kienu l-profeti li bil-qawwa kollha fakkru li l-Mulej biss hu għajn vera tal-ħajja. Dan jikteb Ġeremija: “Tnejn huma d-dnubiet tal-poplu tiegħi: telqu lili l-għajn tal-ilma ġieri biex ħaffru bjar għalihom, bjar li ma jżommux ilma” (Ġer 2,12). Il-profeti juru b’subgħajhom lil dawk li jixlu għax imaqdru l-ħajja u jiksru d-drittijiet tal-persuni: “Saħqu ras l-imsejkna mat-trab tal-art (Għam 2,7), “imlew dan il-post bid-demm tal-innoċenti” (Ġer 19,4). Fost il-profeti Eżekjel spiss jikkundanna l-belt ta’ Ġerusalemm u jsejħilha “belt id-dmija” (Eżek. 22,2; 24,6-9), “il-belt li f’nofsha xxerred id-demm” (22,3).

 Iżda waqt li jikkundannaw id-delitti kontra l-ħajja, il-profeti kellhom f’moħħhom li jqanqlu tama ta’ bidu ġdid ta’ ħajja, kapaċi jwaqqaf relazzjoni mġedda ma’ Alla u mal-aħwa, billi jiftħu possibbilitajiet ġodda u tal-għaġeb għall-għarfien u t-twettiq ta’ kull ma jitlob minnu nnifsu l-Evanġelju tal-ħajja. Dan jista’ jkun biss bis-saħħa tad-don ta’ Alla li jsaffi u jġedded: “Inrodd fuqkom ilma safi u tissaffew mit-tinġis kollu tagħkom, mill-idoli kollha tagħ-kom insaffikom” (Eż 36,25-26; ara Ġer 31,31-34). Bis-saħħa ta’ din “il-qalb ġdida” nistgħu nifhmu u nwettqu s-sens l-aktar veru u għoli tal-ħajja: dak li tkun don li jseħħ bl-għoti tiegħek innifsek. Hu l-messaġg kollu dija dwar il-valur tal-ħajja li jaslilna bil-figura tal-Qaddej ta’ Jahweh: “Jekk joffri ruħu b’sagrifiċċju ta’ riparazzjoni, Huwa jara nisel, u jtawwal jiemu...wara t-tbatija tiegħu għad jara d-dawl” (Is 53, 10-11).

 Iżda hu fil-ġrajja ta’ Ġesù ta’ Nazaret li sseħħ il-Liġi, u l-qalb ġdida tingħata permezz tal-Ispirtu tiegħu. Dan għax Ġesù ma jiċħadx il-liġi imma jwassalha għall-perfezzjoni (ara Mt 5,17): il-Liġi u l-Profeti jinsabu miġburin fir-regola tad-deheb tal-imħabba għal xulxin (ara Mt 7,12). F’Ġesù l-Liġi, darba għal dejjem issir “Evanġelju”, il-bxara t-tajba tas-setgħa ta’ Alla fuq id-dinja li twassal il-ħajja għall-għeruq tagħha u għall-għan oriġinali tagħha. Hi l-Liġi l-ġdida”: il-liġi tal-Ispirtu li jagħti l-ħajja fi Kristu Ġesù” (Rum 8,2), li fondamentalment turi ruħha b’xebh mal-Mulej li jagħti ħajtu għall-ħbiebu (ara Ġw 15,13) hu l-għoti tiegħek innifsek lil ħutek b’imħabba. “Nafu li għaddejna mill-mewt għall-ħajja għax inħobbu lil ħutna (1 Ġw 3,14). Hi l-liġi tal-verità, tal-ferħ u tal-hena.

 

“Huma għad iħarsu lejn dak li nifdu” (Ġw 19,37): fuq l-għuda tas-Salib iseħħ l-Evanġelju tal-ħajja.

 50. Fi tmien dan il-kap li fih immeditajna l-messaġġ nisrani dwar il-ħajja rrid, flimkien ma’ kull wieħed minnkom, nieqaf ftit nikkontempla lil Dak li nifduh u ġibed kollox lejh (ara Ġw 19,37;12,32). Aħna u nħarsu lejn “il-wirja” tas-Salib (ara Lq 23,48) nistgħu nsibu f’din is-siġra glorjuża tas-Salib it-tmiem u r-rivelazzjoni sħiħa tal-Evanġelju tal-ħajja kollu kemm hu.

 Fl-ewwel sigħat wara nofsinhar tal-Ġimgħa Mqaddsa “waqgħet dalma kbira fuq il-pajjiż kollu għax ix-xemx iddallmet, il-velu tas-santwarju ċċarrat min-nofs” (Lq 23,44-45). Hu s-sinjal ta’ taqliba sħiħa fl-univers, ta’ taqbida bla qjies bejn is-setgħat tat-tajjeb u s-setgħat tal-ħażin, bejn il-ħajja u l-mewt. Aħna wkoll illum ninsabu f’nofs ġlieda drammatika bejn “il-kultura tal-mewt” u l-“kultura tal-ħajja”. Iżda din id-dalma ma tegħlibx id-dija tas-Salib: anzi din id-dija tidher aktar ċara u aktar tiddi u turi ruħha bħala ċ-ċentru, is-sens u l-għan tal-istorja kollha u ta’ kull ħajja umana.

 Ġesù jiġi msallab u jiġi merfugħ ‘il fuq mill-art. Qed jgħix il-waqt tal-ogħla “nuqqas ta’ ħila” tiegħu, u ħajtu tidher li waqgħet għaż-żufjett tal-għedewwa tiegħu, u f’idejn dawk li riedu joqtluh biex jiddieħku bih, iwaqqgħuh għaċ-ċajt u jkasbruh (Ara Mk 15,24-36). Iżda quddiem dan kollu, huwa u jarah “imut b’dak il-mod” iċ-Ċenturjun Ruman għajjat: “Dan il-bniedem kien tassew Bin Alla” (Mk 15,39). Hekk f’dak il-waqt ta’ dgħufija mill-aqwa, tidher l-identità ta’ Bin Alla: fuq is-Salib tidher il-glorja tiegħu.

 Bil-mewt tiegħu, Ġesù jdawwal is-sens tal-ħajja u tal-mewt ta’ kull bnie-dem. Qabel miet talab mingħand il-Missier il-maħfra għal dawk li kienu qed jaħqruh (ara Lq 23,34), u għall-ħalliel li jitolbu jiftakar fih fis-saltna tiegħu jwieġeb: “Tassew ngħidlek illum tkun fil-Ġenna miegħi” (Lq 23,43). Wara mewtu, l-oqbra nfetħu u ħafna iġsma tal-qaddisin li kienu mietu qamu (Mt 27,52). Is-salvazzjoni li tana Ġesù hi don ta’ ħajja u ta’ qawmien mill-imwiet. Tul ħajtu, Ġesù ta s-salvazzjoni wkoll meta fejjaq u bierek lil kulħadd (ara Atti 10,38). Iżda l-mirakli, il-fejqan, l-istess qawmien mill-imwiet, huma sinjali ta’ salvazzjoni oħra, dik tal-maħfra tad-dnubiet, jiġifieri l-ħelsien tal-bniedem mill-marda l-aktar kiefra u l-irfigħ tiegħu għall-istess ħajja ta’ Alla.

 Fis-Salib, jiġġedded u jseħħ, fil-perfezzjoni sħiħa u definittiva tiegħu, il-miraklu tas-serp li Mosè għolla fid-deżert (ara Ġw 3,14-15; Num 21,8-9). Illum ukoll, jekk inħares “lejn Dak li nifdu”, kull bniedem li hu mhedded f’ħajtu jsib tama żgura ta’ ħelsien u ta’ fidwa.

 51. Iżda hemm fatt ieħor li jiġbed il-ħarsa tiegħi u jqajjem il-meditazzjoni mqanqla tiegħi: “Kif ħa l-ħall, Ġesù qal: “Kollox hu mitmum; imbagħad mejjel rasu u radd ruħu“ (Ġw 19,30). U s-suldat Ruman “nifidlu ġenbu b’lanza u minnufih ħareġ demm u ilma” (Ġw 19,34).

 Issa kollox mitmum. “Radd ruħu”, jiġifieri Ġesù miet kif imut kull bniedem; iżda l-kliem jidher li jfisser ukoll “id-don tal-Ispirtu“ li bih ħu fdiena mill-mewt u fetħilna t-triq għal ħajja ġdida.

 Hi l-istess ħajja ta’ Alla li qed tingħata lill-bniedem. Hi l-ħajja li permezz tas-sagramenti tal-Knisja - li tagħhom huma s-simbolu d-demm u l-ilma li ħarġu mill-ġenb minfud ta’ Kristu - li bla heda tingħata lil ulied Alla u hekk tagħmilhom il-poplu tal-Patt il-Ġdid. Mis-Salib, għajn ta’ ħajja, jitwieled u jinxtered “il-poplu tal-ħajja”.

 Il-kontemplazzjoni tas-Salib, b’dan il-mod, twassalna fl-għeruq l-aktar fil-fond ta’ dak li ġara. Ġesù, li huwa u dieħel qal:”Hawn jien ġejt biex nagħmel ir-rieda tiegħek, o Alla (Lh 10,9), obda lill-Missier f’kollox u “ħabb lil tiegħu li kienu fid-dinja, u ħabbhom għall-aħħar” (Ġw 13,1) billi tahom lilu nnifsu kollu kemm hu.

 Hu li “ġie mhux biex ikun moqdi imma biex jaqdi u jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra” (Mk 10,15), fuq is-Salib jilħaq il-quċċata tal-imħabba. “Ħadd ma’ għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu” (Ġw 15,13). Hu miet għalina meta aħna konna midinbin (ara Rum 3,8).

 B‘dan il-mod hu jħabbar li l-ħajja tilħaq il-qofol tagħha, is-sens tagħha u l-milja tagħha meta tingħata.

 Hawnhekk, il-meditazzjoni ssir tifħir u radd il-ħajr u, fl-istess waqt tħajjarna nkunu nixbhu lil Ġesù u nimxu warajh (ara 1 Piet 2,21).

 Aħna wkoll imsejħin biex nagħtu ħajjitna għal ħutna u hekk nilħqu s-sens u d-destin tal-eżistenza tagħna fil-milja tal-verità.

 Dan nistgħu nagħmluh għaliex int, o Mulej, tajtna eżempju u tajtna wkoll il-qawwa tal-Ispirtu tiegħek. Dan nistgħu nagħmluh, jekk kuljum miegħek u bħalek nobdu l-Missier u nagħmlu r-rieda tiegħu.

 Agħtina mela, li nilqgħu, b’qalb kollha tjieba u sinċiera, kull kelma li toħroġ minn fomm Alla: hekk nitgħallmu mhux biss li “ma noqtlux” il-ħajja tal-bniedem, imma nivvenerawha, inħobbuha, u nġibuha ‘l quddiem.

 

 KAP III

LA TOQTOLX

IL-LIĠI QADDISA TA’ ALLA

 

Jekk int trid tidħol fil-ħajja ħares il-kmandamenti” (Mt 19,17): Evanġelju u kmandament

 52. “Resaq wieħed fuq Ġesù u qallu: “Mgħallem x’tajjeb għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?” Ġesù wieġeb: “Jekk int trid tidħol fil-ħajja, ħares il-kmandamenti” (Mt 19,17). L-imgħallem qed jitkellem dwar il-ħajja ta’ dejjem, jiġifieri dwar it-tisħib fil-ħajja stess ta’ Alla. Naslu għal din il-ħajja bil-ħarsien tal-kmandamenti tal-Mulej, mela wkoll bil-ħarsien tal-kmandament: “la toqtolx”. Hu proprju dan l-ewwel kmandament tad-Dekalogu, li Ġesù fakkar liż-żagħżugħ li staqsieh liema kmandamenti kellu jħares. Ġesù wieġeb: “La toqtolx, la tiżnix, la tisraqx…”(Mt 19,18).

 Il-kmandament ta’ Alla qatt ma hu mifrud mill-imħabba tiegħu għalik: hu dejjem don għall-kobor u l-ferħ tal-bniedem. B’dan il-mod hu aspett essenzjali u element, li ma tistax tiċċaħħad minnu, tal-Evanġelju; anzi hu stess hu “evanġelju”, jiġifieri bxara tajba u ħienja. L-Evanġelju wkoll tal-ħajja hu don kbir ta’ Alla u fl-istess waqt dmir impenjattiv għall-bniedem. Joħloq stagħġib u ħajr fil-persuna ħielsa u jistenna li jkun milqugħ, imħares u valorizzat b’sens kbir ta’ responsabbiltà bl-għoti tal-ħajja. Alla jrid li l-bniedem iħobbha l-ħajja, jirrispettaha u jġibha ‘l quddiem. B’dan il-mod, id-don isir kmandament, u l-kmandament hu nnifsu stess don.

 Il-bniedem, xbieha ħajja ta’ Alla, il-Ħallieq riedu bħala sultan u sid. “Alla”, jikteb San Girgor ta’ Nissa, “għamel il-bniedem b’mod li jkun jista’ jaqdi dmiru ta’ sultan fuq l-art…Il-bniedem inħoloq xbieha ta’ Dak li jmexxi l-univers kollu. Kollox juri li, sa mill-bidu, in-natura tal-bniedem kellha fiha s-sinjal tar-regalità…Il-bniedem ukoll re. Maħluq biex jaħkem id-dinja, irċieva x-xebh tas-sultan tal-univers; hu xbieha ħajja li bid-dinjità tiegħu għandu sehem mill-perfezzjoni tal-mudell divin tiegħu”[38]. Imsejjaħ biex inissel u joktor, jimla l-art u jaħkimha (ara Ġen 1,18) il-bniedem hu sultan u sid ta’ kull ħaġa, iżda hu fuq kollox sultan u sid tiegħu innifsu[39], u f’ċertu sens ukoll tal-ħajja li ngħat-atlu, u li hu jista’ jagħti permezz tat-tnissil imwettaq fl-imħabba u fir-rispett tal-pjan ta’ Alla; iżda s-setgħa tal-bniedem mhijiex setgħa assoluta imma setgħa ministerjali: hi rifless veru tas-setgħa waħdanija u infinita ta’ Alla. Għalhekk il-bniedem din is-setgħa jrid jgħixha b’għerf u b’imħabba, b ‘tisħib mal-għerf u l-imħabba bla qjies ta’ Alla. U dan iseħh billi l-bniedem jobdi l-liġi qaddisa ta’ Alla: b’ubbidjenza ħielsa u ferħana (ara Salm 119/118), li tiġi u titmantna mill-għarfien li l-preċetti tal-Mulej huma don tal-grazzja, fdati lill-bniedem dejjem u biss għall-ġid tiegħu, għall-ħarsien tad-dinjità personali tiegħu u għall-hena tiegħu.

 Il-bniedem mhuwiex sid assolut ta’ kull ħaġa, hekk li jista’ jagħmel li jrid biha mingħajr ħadd ma jindaħallu, u wisq inqas hu sid assolut tal-ħajja; iżda hu “ministru” tal-pjan ta’ Alla”[40]; f’din il-ħaġa jinsab il-kobor tal-bniedem li m hemmx ieħor bħalu.

 Il-ħajja hi fdata lill-bniedem bħala teżor li m’għandux jintilef, bħala talent li jrid jitħaddem. U tagħha l-bniedem irid jagħti kont lil Alla (ara Mt 25,14-30; Lq 19,12-27).

 

“Jiena nitlob kont tal-ħajja tal-bniedem mingħand kull bniedem” (Ġen 9,5): il-ħajja tal-bniedem hi qaddisa u ma tistax tittiefes.

 53. “Il-ħajja tal-bniedem hi qaddisa għax sa mill-bidu turi ‘l-ħidma għall-ħolqien ta’ Alla’, u hi dejjem f’relazzjoni speċjali mal-Ħallieq, l-għan waħdieni tagħha. Alla biss hu Sid il-ħajja mill-bidu sal-aħħar: ħadd, f’ebda okkażjoni, ma jista’ jippretendi għalih id-dritt li jeqred direttament bniedem innoċenti”[41]. B’dan il-kliem, l-istruzzjoni Donum Vitae turi x’inhu l-qofol tar-rivelazzjoni ta’ Alla dwar il-qdusija u l-invjolabbiltà tal-ħajja umana.

 L-Iskrittura fil-fatt turi lill-bniedem li l-kmandament “La toqtolx” hu kmandament ta’ Alla (Eż 20,13; Dewt 5,17). Jinsab - kif ġa għedt - fid-Dekalogu, fil-qofol tal-Patt li Alla għamel mal-ġens kollu tal-bnedmin wara l-kastig tad-dilluvju, li saffa d-dinja, dilluvju li ġabu t-tixrid tad-dnub u l-vjolenza (ara Ġen 9,5-6).

 Alla jxandar li hu biss hu s-Sid assolut tal-ħajja tal-bniedem, imsawwar fuq is-sura u x-xbieha tiegħu (ara Ġen 1,26-28). Il-ħajja tal-bniedem għalhekk għandha karattru qaddis li ma jistax jittiefes, u f’dan il-karattru hemm riflessa l-invjolabbiltà tal-Ħallieq. U proprju minħabba dan li Alla hu mħallef iebes għal kull ksur tal-kmandament “La toqtolx”, kmandament li nsibuh fis-sisien stess tal-ħajja flimkien ta’ kulħadd fis-soċjetà. Hu l-“ġoel”, jiġifieri dak li jħares l-innoċenti (ara Ġen 4,9,15;Is 41,14;Ġer 50,34;Salm 19/18,15). B’dan il-mod ukoll Alla juri li ma jiħux pjaċir bil-qerda tal-ħajjin (Għerf 1,13). Ix-xitan biss jista’ jifraħ: minħabba l-għira tiegħu daħlet il-mewt fid-dinja (ara Għerf 2,24). Hu, li hu “qattiel sa mill-bidu”, u wkoll “giddieb u missier il-gideb” (Ġw 8,44), qarraq bil-bniedem u wasslu sad-dnub u l-mewt, billi urihomlu bħala għan u frott il-ħajja.

 54. Il-kmandament “La toqtolx” espliċitament hu negattiv b’qawwa liema bħalha: juri l-aħħar tarf li lil hemm wieħed ma jistax imur. Iżda impliċitament juri qagħda pożittiva ta’ rispett sħiħ u assolut lejn il-ħajja, u jwassal biex iġibha ‘l quddiem u jmexxiha fit-triq tal-imħabba li tagħti, tilqa’ u taqdi. Il-poplu tal-Patt ukoll, għalkemm bil-mod ħafna u fost tant kontradizzjonijiet, kiber ftit ftit f’din it-triq, u hekk tħejja għat-tħabbira kbira ta’ Ġesù li l-imħabba tal-proxxmu hi kmandament jixbah l-imħabba ta’ Alla: “minn dawn iż-żewġ kmandamenti jiddependu l-Liġi kollha u l-profeti” (ara Mt 22,36-40). “Il-kmandament ‘La toqtolx’, u kull preċett ieħor, hu liema hu” - jgħidilna San Pawl - kollha jinġabru f’kelma waħda: ‘Ħobb il-proxxmu tiegħek bħalek innifsek’” (Rum 13,9; ara Gal 5,14). Il-preċett “la toqtolx”, imdaħħal u mwassal għall-perfezzjoni fil-Liġi l-ġdida, jibqa’ kundizzjoni li ma tistax titwarrab biex wieħed “jidħol fil-ħajja” (ara Mt 19,16-19). Dan jidwi wkoll bil-qawwa kollha fi kliem l-Appostlu San Ġwann: “Kull min jobgħod lil ħuh, hu qattiel u intom tafu li ebda qattiel m’għandu fih il-ħajja ta’ dejjem” (1 Ġw 3,15).

 Sa mill-bidu t-Tradizzjoni ħajja tal-Knisja - kif tixhdilna d-Didake, il-kitba nisranija l-aktar antika li mhijiex parti mill-Bibbja - tenniet b’mod l-aktar kategoriku l-kmandament “La toqtolx”. Hemm żewġ triqat, dik tal-ħajja u dik tal-mewt; hemm differenza kbira bejniethom…it-tieni kmandament tad-duttrina: “La toqtolx…teqridx tarbija b’abort u lanqas toqtolha wara li titwieled…It-triq tal-mewt hi din: m’għandhomx ħniena għall-fqir, ma jbatux ma’ min ibati, ma jagħrfux il-Ħallieq tagħhom, joqtlu ‘l uliedhom u bl-abort jeqirdu ħlejjaq ta’ Alla, iwarrbu ‘l bogħod lil min hu f’xi ħtieġa, jaħqru l-imġarrab, huma avukati tal-għonja u mħallfin inġusti tal-foqra, mimlijin b’kull dnub…J’Alla żżommu ruħkom ‘il bogħod, uliedi, minn dawn il-ħtijiet”[42].

 Tul iż-żminijiet l-istess Tradizzjoni tal-Knisja dejjem għallmet il-valur assolut, li jibqa’ dejjem, tal-kmandament “la toqtolx”. Hu magħruf li fl-ewwel żminijiet l-omiċidju kien meqjus bħala wieħed mid-dnubiet l-aktar gravi - flimkien mal-apostasija u l-adulterju - u għalih kienet tintalab penitenza tassew ħarxa u fit-tul, qabel ma qattiel niedem kien jingħata l-maħfra u d-dħul mill-ġdid fix-xirka tal-Knisja.

 55. Dan m’għandux jgħaġġibna: il-qtil ta’ bniedem, li fih hemm ix-xbieha ta’ Alla, hu dnub tassew gravi. Alla biss hu sid il-ħajja. Iżda minn dejjem, quddiem il-ħafna każijiet, spiss drammatiċi li toffrilna l-ħajja individwali u soċjali, il-ħsieb ta’ min jemmen fittex jasal għall-għarfien aktar sħiħ u għoli ta’ dak li dan il-kmandament jipprojbixxi u jordna[43]. Dan għax hemm qagħdiet li fihom il-valuri li tippreżenta lilna l-Liġi t’Alla jidhru taħt forma ta’ paradoss veru. Hu l-każ, biex insemmi eżempju, ta’ difiża leġittima, meta d-dritt li tħares ħajtek u dmir li ma tagħmilx ħsara lil dik ta’ ħaddieħor, jiġu bil-fatti f’qagħda kontra xulxin, hekk li jkun diffiċli ħafna tqabbilhom ma’ xulxin. Hu veru li l-valur fih innifsu tal-ħajja u d-dmir li tħobb lilek innifsek mhux inqas mill-oħrajn, joħolqu veru dritt għad-difiża tiegħek innifsek. L-istess kmandament li jitlob l-imħabba għall-oħrajn, imħabbar fit-Testment il-Qadim u mwettaq minn Ġesù, iqis li l-imħabba għalik innifsek hi l-bażi biex tqabbilhom flimkien: “Ħobb ‘l għajrek bħalek innifsek” (Mt 12,31). Ħadd għalhekk ma’ jista’ jiċċaħħad mid-dritt li jħares u jiddefendi lilu nnifsu għax ftit għandu mħabba għall-ħajja jew għalih innifsu. Iżda dan jista’ jagħmlu biss bil-qawwa ta’ mħabba erojka li turi fil-kobor sħiħ tagħha u tittrasfigura l-imħabba tiegħek innifsek, skont l-ispirtu tal-beatitudnijiet evanġeliċi (ara Mt 5, 38-48) b’offerta radikali li tagħha l-ogħla eżempju tahulna l-istess Mulej Ġesù.

 Min-naħa l-oħra “id-difiża leġittima tista’ tkun mhux biss dritt imma wkoll dmir serju għal min hu responsabbli tal-ħajja ta’ ħaddieħor jew tal-ġid komun tal-pajjiż”[44]. Iżda jista’ jiġri wkoll li l-ħtieġa li lil dak li jhedded il-ħajja tpoġġih f’qagħda li ma jistax jagħmel ħsara, twasslek biex teqirdu. F’każ bħal dan, il-mewt li sseħħ tkun ħtija ta’ min qiegħed lilu nnifsu fil-periklu li jinqatel; dan ukoll fil-każ ta’ min ma jkunx moralment responsabbli tal-qagħda, għax nieqes mill-użu tar-raġuni[45].

 56. Hawn tidħol ukoll il-problema tal-piena tal-mewt, li dwarha, kemm fil-Knisja u kemm fis-soċjetà ċivili, dejjem qed tiżdied it-tendenza li din il-piena tiġi limitata jekk mhux imneħħija għal kollox. Il-problema rridu narawha fid-dawl tal-ġustizzja penali li dejjem aktar għandha tkun taqbel mad-dinjità tal-bniedem u għalhekk, fl-aħħar mill-aħħar, mal-pjan ta’ Alla għall-bniedem u għas-soċjetà. Fil-fatt il-piena li s-soċjetà tagħti “għandha, bħala għan ewlieni tagħha, li ssewwi d-diżordni li ġġib il-ħajja”[46]. L-awtorità pubblika trid issewwi l-ksur tad-drittijiet personali u soċjali billi timponi fuq il-ħati tpattija xierqa għall-ħtija, bħala kundizzjoni biex wieħed jerġa’ jkun jista’ jagħmel użu mil-libertà tiegħu. B’dan il-mod l-awtorità tilħaq l-għan li tiddefendi l-ordni pubblika u s-sigurtà tal-persuni, u toffri wkoll lill-istess ħati stimolu u għajnuna biex jikkoreġi ruħu u jinfeda[47].

 Ħaġa ċara li proprju biex jintlaħqu dawn l-għanijiet kollha, il-qjies u s-sura tal-piena iridu jiġu deċiżi bl-attenzjoni kollha, u m’għandhomx jaslu sal-qerda tal-ħati ħlief biss f’każ ta’ ħtieġa assoluta, jiġifieri meta d-difiża tas-soċjetà bl-ebda mod ma tista’ sseħħ mod ieħor; iżda llum, meta tkun dejjem aktar adegwata l-organizzazzjoni tas-sistema penali, dawn il-każi huma rari ħafna, jekk mhux spiċċaw għal kollox.

 Hu x’inhu jibqa’ dejjem jiswa l-prinċipju li jsemmi l-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika: meta “l-mezzi mhux vjolenti jkunu biżżejjed biex jiġu mħarsa l-ħajjiet tal-bnedmin kontra min jheddidhom u biex jinżamm l-ordni pubbliku u s-sigurtà tal-persuni, l-awtorità għandha tillimita ruħha għal dawn il-mezzi għaliex aktar jersqu lejn dak li jitlob il-ġid komun u aktar jaqblu mad-dinjità tal-persuna umana”[48].

 57. Jekk hi meħtieġa din l-attenzjoni kollha biex tkun rispettata kull ħajja, dik ukoll tal-ħati u dak li jhedded inġustament, il-kmandament għandu valur assolut meta hu dwar persuna innoċenti. U dan wisq aktar meta l-bniedem hu dgħajjef u bla difiża, u biss fil-qawwa assoluta tal-kmandament ta’ Alla jsib difiża radikali mill-kapriċċi u l-arroganza tal-oħrajn.

 Fil-fatt, l-invjolabbiltà assoluta ta’ ħajja umana innoċenti hi verità morali li hi mgħallma espliċitament mill-Iskrittura, hi dejjem milħuqa mit-Tradizzjoni tal-Knisja u mxandra unanimament mill-Maġisteru tagħha. Din l-unanimità hi frott ċar ta’ dak “is-sens sopranaturali tal-fidi” li, mqanqal u mwettaq mill-Ispirtu s-Santu, iħares il-Poplu ta’ Alla milli jiżbalja meta “juri l-kunsens univ-ersali tiegħu f’materja ta’ fidi u ta’ mġieba”[49].

 Quddiem il-fatt li qed jiddgħajjef fil-kuxjenzi u fis-soċjetà l-għarfien li l-qerda diretta tal-ħajja ta’ bniedem innoċenti, speċjalment fil-bidu jew fit-tmiem tagħha, il-Maġisteru tal-Knisja żied l-indħil tiegħu ħa jiddefendi l-qdusija u l-invjolabbiltà tal-ħajja umana. Mal-Maġisteru pontifiċju, li qed jinsisti ħafna fuq din il-ħaġa, dejjem ingħaqad dak episkopali, b’ħafna dokumenti u pastorali fit-tul, sew tal-Konferenzi episkopali u sew ta’ Isqfijiet individwali. U lanqas naqas l-indħil qawwi u ċar fil-qosor tiegħu tal-Konċilju Vatikan II[50].

 Għalhekk bl-awtorità li Kristu ta lil San Pietru u lis-suċċessuri tiegħu, f’xirka mal-Isqfijiet tal-Knisja Kattolika, intenni li l-qtil dirett u voluntarju ta’ bniedem innoċenti hu dejjem għemil immorali mill-aktar gravi. Din id-duttrina, li hi mibnija fuq il-liġi mhux miktuba li kull bniedem, fid-dawl tar-raġuni, isib f’qalbu (ara Rum 2,14-15), hi mtennija wkoll mill-Iskrittura, ġiet mgħoddija minn żmien għal ieħor mit-Tradizzjoni tal-Knisja u mgħallma mill-Maġisteru ordinarju u universali[51].

 L-għażla deliberata li ċċaħħad bniedem innoċenti minn ħajtu hi dejjem ħażina moralment, u lanqas qatt ma tista’ tkun permessa, la bħala għan lanqas bħala mezz ħa jinkiseb xi għan tajjeb. Fil-fatt hi diżubbidjenza gravi tal-liġi morali, anzi ta’ Alla nnifsu, awtur u garanti tal-ħajja; tmur kontra l-virtujiet fondamentali tal-ġustizzja u tal-imħabba. “Xejn u ħadd ma jista’ jippermetti l-qtil ta’ persuna innoċenti, ta’ fetu jew ta’ embrijun, ikun x’ikun, ta’ tarbija jew ta’ persuna adulta, ta’ xiħ, ta’ marid li ma jistax ifiq jew qiegħed imut. U ħadd ma jista’ jitlob dan il-qtil għalih innifsu jew għal xi ħadd ieħor fdat lir-respons-abbiltà tiegħu, lanqas jaċċetta dan il-qtil espliċitament jew impliċitament. Ebda awtorità ma tista’ timponi dan jew tippermettih”[52].

 Fejn jidħol id-dritt tal-ħajja, kull persuna innoċenti hi għal kollox daqs il-bnedmin l-oħra kollha. Din l-ugwaljanza hi l-pedament ta’ kull relazzjoni soċjali vera li, biex tkun tassew hekk, trid tkun mibnija fuq il-verità u l-ġustizzja, bl-għarfien u l-ħarsien ta’ kull raġel u ta’ kull mara bħala persuni u mhux bħala xi ħaġa li wieħed jista’ jagħmel li jrid u li jogħġbu biha. Quddiem il-qerda diretta ta’ persuna innoċenti “la hemm privileġġi u lanqas eċċezzjonijiet. Tkun sid id-dinja jew l-aktar imsejken fuq l-art ma hemmx differenza, kulħadd indaqs fejn jidħol dak li titlob il-moralità”[53].

 

Meta kont qiegħed…nintiseġ…raw għajnejk” (Salm 139/138,16): id-delitt kiefer tal-abort

 58. Fost il-ħafna delitti li l-bniedem jista’ jagħmel kontra l-ħajja, l-abort prokurat għandu karattri li jagħmluh delitt gravi b’mod partikulari u delitt ta’ min jistmerru. Il-Konċilju Vatikan II jgħid li l-abort, flimkien mal-infantiċidju, hu “delitt mill-agħar”[54].

 Iżda llum fil-kuxjenza ta’ ħafna nies l-għarfien tal-gravità tal-abort bdiet tiddallam ftit ftit. Il-fatt li l-abort hu aċċettat mill-mentalità, mid-drawwa u mill-istess liġijiet tal-lum hu sinjal ċar ta’ kriżi tassew tal-biża’ tas-sens morali, li dejjem aktar qed isir mhux kapaċi jagħżel bejn it-tajjeb u l-ħażin, ukoll meta hemm fin-nofs id-dritt fondamentali tal-ħajja. Quddiem qagħda hekk serja bħal din, jeħtieġ wisq aktar kuraġġ biex wieħed jagħraf sewwa x’inhi l-verità u jsejjaħ kull ħaġa dak li tassew hi bla logħob tal-kliem, bla ebda kompromessi fejn ikun jaqbel u bla ebda tentazzjoni li tqarraq bik innifsek. Dwar dan, hi kollha kemm hi kategorika t-twissija tal-profeta: “Gwaj għal dawk li jsejħu tajjeb il-ħażin, u l-ħażin tajjeb; u jibdlu d-dlam mad-dawl, u d-dawl mad-dlam” (Is 5,20). Hu proprju dwar l-abort li niltaqgħu ma’ logħob bid-diskors dejjem aktar imxerred, bħal dak tat-“twaqqif tat-tqala”, diskors li jfittex jaħbi n-natura vera tal-abort u jnaqqas il-gravità tiegħu quddiem l-opinjoni pubblika. Forsi dan il-fenomenu fid-diskors hu wkoll sinjal ta’ kuxjenzi mhux f’sikkithom. Iżda ebda kelma ma hi se tbiddel ir-realtà tal-ħaġa: l-abort prokurat hu qtil deliberat u dirett, isir kif isir, ta’ persuna fil-bidu tal-eżistenza tagħha, fiż-żmien bejn it-tnissil u t-twelid tagħha.

 Il-gravità morali tal-abort prokurat tidher fil-verità sħiħa tagħha meta jingħaraf li l-abort hu omiċidju u, b’mod partikulari, jekk jitqiesu ċ-ċirkostanzi speċifiċi li juru x’inhi. Dak li jinqered hu persuna umana li qiegħda fil-bidu tal-ħajja tagħha, jiġifieri persuna li aktar innoċenti minnha qatt ma jista’ jkun hemm ħaddieħor; qatt ma tista’ tkun persuna li thedded, u wisq anqas li thedded inġustament. Hi dgħajfa, bla saħħa, nieqsa sa mill-iċken sura ta’ difiża li hi l-qawwa tallaba tat-tnehid u l-biki ta’ tarbija għadha titwieled. Hi fdata kollha kemm hi għall-ħarsien u l-kura ta’ dik li qed iġġorrha fi ħdanha. U madankollu, xi kultant, hi proprju din, l-omm, li tiddeċiedi u titlob il-qerda tat-tarbija fi ħdanha u wkoll tasal biex tkun hi stess li teqridha.

 Veru li spiss l-għażla tal-abort għandha għall-omm karattru drammatiku ta’ niket kbir għaliex id-deċiżjoni li teħles mill-frott tal-ġuf tittieħed mhux minħabba raġunijiet kollhom kemm huma egoistiċi jew għax ikun jaqbel, imma għaliex ikun irid jiġi mħares xi ġid importanti ħafna, bħalma hi s-saħħa tal-omm u livell xieraq ta’ ħajja għall-membri l-oħra tal-familja. Xi kultant ikun hemm il-biża’ li t-tarbija li se titwieled tkun f’qagħda ta’ ħajja li ġġiegħel lil wieħed jaħseb li aħjar ma titwelidx. Iżda dawn ir-raġunijiet u oħrajn bħalhom, għalkemm gravi u drammatiċi, qatt ma jistgħu jiġġustifikaw il-qerda deliberata ta’ persuna umana innoċenti.

 59. Mal-omm jiddeċiedu l-mewt ta’ tarbija għadha ma twelditx, spiss ikun hemm persuni oħra. Qabel kulħadd jista’ jkun ħati missier it-tarbija, mhux biss meta espressament jimbotta lil martu biex tagħmel l-abort, imma wkoll meta indirettament jgħinha tieħu din id-deċiżjoni għaliex iħalliha waħedha bil-problemi tagħha tat-tqala[55]; b’dan il-mod il-familja tiġi midruba għall-mewt u pprofanata fin-natura tagħha ta’ xirka ta’ mħabba u fil-vokazzjoni tagħha li tkun “santwarju tal-ħajja”. Lanqas ma nistgħu ma nsemmux li l-omm tkun imħajra għall-abort spiss minn qrabatha stess u mill-ħbieb. Spiss il-mara jkollha pressjoni tant qawwija fuqha li psikoloġikament ikollha ċċedi u tagħmel abort; m’hemmx dubju li f’każ bħal dan ir-responsabbiltà morali taqa’ b’mod partikolari fuq dawk li direttament jew indirettament iġegħluha tagħmel abort. Huma responsabbli wkoll it-tobba u l-operaturi sanitarji meta jużaw il-ħila li jiksbu ħa jġibu ‘l quddiem il-ħajja, jużawha għall-qadi tal-mewt.

 Iżda r-responsabbiltà hija wkoll ta’ dawk li jagħmlu l-liġijiet, li ġiebu ‘l quddiem u approvaw liġi favur l-abort, u, sa fejn il-ħaġa kienet tiddependi minnhom, ta’ dawk responsabbli tal-istrutturi sanitarji, użati biex isir abort. Responsabbiltà mhux inqas gravi hi ta’ dawk li għenu fix-xandir ta’ mentalità ta’ permissiviżmu sesswali u naqsu l-istima għall-maternità, kif ukoll dawk li kien imisshom li jiżguraw li jkun hemm - u dan m’għamluhx - politika familjari u soċjali tajba favur il-familji, speċjalment dawk b’ħafna tfal jew bi problemi edukattivi u ekonomiċi partikulari. Lanqas ma nistgħu ma nqisux sewwa n-nisġa ta’ kompliċità li tasal ukoll sa istituzzjonijiet internazzjonali, fondazzjonijiet u assoċjazzjonijiet li jħabirku sistematikament għal-liġijiet favur l-abort u għax-xandir tiegħu fid-dinja. Hawnhekk l-abort imur ‘l hemm mir-responsabbiltajiet tal-individwi u tal-ħsara li tkun saritilhom: u jikseb sura soċjali qawwija; hi ferita serja ħafna, li biha ġiet midruba s-soċjetà u l-kultura tagħha minn dawk li jmisshom kienu l-bennejja u d-difensuri tagħha. Kif ktibt fl-Ittra lill-Familji “Għandna quddiemna theddida tassew kbira kontra l-ħajja, mhux biss kontra l-ħajja tal-individwi, imma wkoll kontra l-ħajja taċ-ċiviltà kollha kemm hi”[56]. Għandna quddiemna dik li nistgħu ngħidulha “struttura ta’ dnub kontra ħajja umana li għad ma twelditx”.

 60. Xi wħud jippruvaw jiġġustifikaw l-abort għax jgħidu li l-frott tat-tnissil, almenu għal xi ġranet, ma jistax jitqies bħala ħajja umana personali. Iżda fil-fatt “mill-mument li fih issir il-fekondazzjoni tal-bajda tibda teżisti ħajja li la hi dik tal-missier u lanqas dik tal-omm, iżda ta’ esseri uman ġdid li jiżviluppa għalih innifsu. Ma jsirx qatt bniedem jekk ma kienx bniedem sa mill-ewwel. Dwar din l-evidenza li kienet minn dejjem…ix-xjenza ġenetika moderna tikkonferma dan bi provi li jiswew ħafna. Ix-xjenza wrietna li sa mill-ewwel mument hu ffissat il-programm ta’ dak li se jkun dak il-ħaj: persuna individwu bil-karatteristiċi proprji tagħha ġa determinati sewwa. Sa mill-ewwel mument tal-fek-ondazzjoni, tibda l-avventura ta’ ħajja umana li kull waħda mill-kapaċitajiet tagħha trid iż-żmien biex turi ruħha u tkun lesta biex taġixxi”[57]. Ukoll jekk il-preżenza ta’ ruħ spiritwali ma nistgħux nintebhu biha għax ma hemm xejn li juriha, huma l-istess konklużjonijiet tax-xjenza dwar l-embrijun uman, li “jagħtina indikazzjonijiet li jiswew ħafna biex nagħrfu, permezz tar-raġuni tagħna, preżenza personali sa mill-ewwel mument tad-dehra ta’ ħajja umana: kif ma jistax individwu uman ma jkunx persuna umana?”[58]

 Fl-aħħar mill-aħħar tant hi serja l-ħaġa fejn jidħol l-obbligu morali, biżżejjed il-possibbiltà li għandek quddiemek persuna umana biex tiġġustifika projbizzjoni ċara ta’ kull indħil bil-għan li teqred embrijun uman. Proprju minħabba dan, ‘l hemm minn kull dibattitu xjentifiku u ‘l hemm minn kull affermazzjoni filosofika li fiha l-Maġisteru tal-Knisja qatt ma impenju ruħu espressament, il-Knisja dejjem għallmet, u għadha tgħallem, li l-frott tat-tnissil uman, sa mill-ewwel mument tal-eżistenza tiegħu, għandu jkollu rispett sħiħ bla ebda kundizzjoni ta’ xejn, u dan hu dovut moralment għall-esseri uman fil-milja u l-għaqda kollha tiegħu korporali u spiritwali. “L-esseri uman għandu jiġi rispettat u ttrattat bħala persuna sa mit-tnissil tiegħu, u għalhekk, minn dak il-waqt stess, għandhom jingħarfulu d-drittijiet tiegħu bħala persuna, u fosthom qabel xejn id-dritt, li qatt ma jista’ jittiefes, għall-ħajja ta’ kull esseri uman innoċenti[59].

 61. L-Iskrittura ma titkellem qatt dwar abort volontarju u għalhekk ma nsibux fiha kundanna diretta u speċifika tiegħu, iżda turi rispett hekk kbir għall-bniedem fil-ġuf tal-omm li loġikament wieħed għandu jasal biex jgħid li l-kmandament ta’ Alla “La toqtolx” jgħodd ukoll għal tarbija fil-ġuf ta’ ommha.

 Il-ħajja tal-bniedem hi qaddisa u ma tistax tittiefes f’kull waqt tal-eżistenza tagħha, ukoll filwaqt tal-bidu tagħha qabel it-twelid. Il-bniedem sa minn ġuf ommu hu ta’ Alla, li jgħarbel u kollox jagħraf, li jsawru u jinsġu b’idejh, li jarah meta għadu embrijun żgħir bla sura, u fih jara l-adult ta’ għada, li jiemu magħduda u l-vokazzjoni tgiegħu ġa mniżżla fil-“ktieb tal-ħajja” (ara Salm 139/138,1.13-16). Hemm ukoll meta għadu f’ġuf ommu - kif jixhduh ħafna passi tal-Iskrittura[60] - il-bniedem hu personalment oġġett tal-providenza kollha mħabba ta’ Alla l-Missier.

 It-Tradizzjoni nisranija - kif turi tajjeb id-Dikjarazzjoni maħruġa mill-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi dwar il-ħaġa[61] - hi ċara ħafna w unanimi mill-bidu sa żminijietna u tqis l-abort bħala diżordni morali mill-aktar serju. sa mill-ewwel konfront mad-dinja Griega-Rumana, fejn l-abort u l-infantiċidju kienu mxerrdin ħafna, il-komunità Nisranija, bit-tagħlim u bil-prattika tagħha, ħaditha radikalment kontra d-drawwiet hekk imxerrda ta’ dik is-soċjetà, kif ġa wrietna d-Didake[62]. Fost il-kittieba ekkleżjastiċi tad-dinja Griega, Atenagora jfakkar li l-insara jqisu qattiela dawk in-nisa li jieħdu mediċini biex ikollhom abort, għax it-trabi wkoll, “meta għadhom f’ġuf ommhom, huma ġa taħt il-kura tal-Providenza ta’ Alla”[63]. Fost il-Latini Tertulljan jgħallem: “hu omiċidju antiċipat, ma tħallix tarbija titwieled. M’hemmx differenza toqtol tarbija li ġa twieldet u toqtolha malli titwieled. Hu ġa bniedem dak li għad ikun bniedem”[64].

 Tul ġrajja li issa ilha mal-elfejn sena, din id-duttrina kienet dejjem mgħallma minn Missirijiet il-Knisja, mir-Ragħajja u d-Dutturi tagħha. Id-diskussjonijiet xjentifiċi u filosofiċi wkoll dwar il-mument tal-għoti tar-ruħ spiritwali qatt ma wrew eżitazzjoni dwar il-kundanna morali tal-abort.

 62. Il-Maġisteru Pontifiċju ta’ dan l-aħħar reġa’ tenna bil-qawwa kollha dan it-tagħlim komuni. B’mod partikulari Pju XI, fl-enċiklika Casti connubii, warrab fil-ġenb ġustifikazzjonijiet taparsi favur l-abort[65]. Piju XII warrab kull abort dirett, jiġifieri kull għemil li jfittex direttament li jeqred ħajja umana għadha ma twelditx, “kemm jekk dan il-qtil jitqies bħala għan u kemm jekk jitqies bħala mezz għal xi għan”[66]. Ġwanni XXIII tenna li l-ħajja umana hi qaddisa għax “malli tiftaħ, timpenja direttament il-ħidma ta’ Alla fil-ħolqien”[67]. Il-Konċilju Vatikan II, kif ġa fakkart, ikkundanna l-abort b’severità kbira; “Il-ħajja ladarba tnisslet trid tkun imħarsa b’kura liema bħalha: sew l-abort u sew l-infantiċidju huma delitti tassew mistkerrha”[68].

 Id-dixxiplina kanonika tal-Knisja sa mill-ewwel sekli tat sanzjonijiet ta’ piena lil dawk li jittebbgħu bil-ħtija tal-abort, u din id-drawwa, b’pieni ftit jew wisq serji, twettqet tul iż-żminijiet ta’ wara. Il-Kodiċi tad-Dritt Kanoniku tas-sena 1917 kien jagħti l-piena tal-iskomunika għall-abort[69]. U l-liġi kanonika l-ġdida timxi fuq l-istess triq meta tgħid li “min jagħmel abort u jirnexxi jaqa’ fi skomunika latae sententiae” jiġifieri awtomatikament[70]. L-iskomunika jaqgħu fiha dawk kollha li jagħmlu dan id-delitt u jafu bil-piena, dawk ukoll li huma kompliċi fid-delitt għax mingħajrhom l-abort ma kienx jista’ jseħħ[71]. B’din is-sanzjoni mtennija kemm-il darba l-Knisja turi li dan id-delitt hu wieħed mill-aktar gravi u perikolużi, u għalhekk timbotta lil min jagħmlu biex bil-ħerqa kollha jfittex it-triq tal-konverżjoni. Dan għax fil-Knisja tagħti l-iskomunika bħala għan biex min jagħmel ċertu delitt jintebaħ sewwa bil-gravità tiegħu, u hekk tgħinu biex dan jasal għall-konverżjoni xierqa u għall-penitenza.

 Quddiem unanimità bħal din fit-tradizzjoni duttrinali u dixxiplinari tal-Knisja, Pawlu VI seta’ jiddikjara li dan it-tagħlim ma tbiddlix u lanqas ma hu se jinbidel qatt[72]. Għalhekk bl-awtorità li Kristu ta lil San Pietru u lis-suċċessuri tiegħu, f’xirka mal-Isqfijiet - li kemm-il darba kkundannaw l-abort u fil-konsultazzjoni li semmejt aktar ‘il fuq, għalkemm imxerrdin mad-dinja kollha unanimament qablu ma’ din id-duttrina - niddikjara li l-abort dirett jiġifieri mfittex bħala għan jew bħala mezz hu dejjem diżordni morali gravi, għaliex hu qtil deliberat ta’ persuna innoċenti. Din id-duttrina bħala pedament għandha l-liġi naturali u l-Kelma t’Alla miktuba, titwassal mit-Tradizzjoni tal-Knisja u hi mgħallma mill-Maġisteru ordinarju u universali[73].

 Ebda ċirkostanza, ebda għan, ebda liġi tad-dinja ma tista’ qatt tagħmel permess dak li fih innifsu huwa ħażin, għaliex hu kontra l-Liġi t’Alla, miktuba fil-qalba ta’ kull bniedem, tingħaraf mill-istess raġuni u hi mħabbra mill-Knisja. 63. Kif inqisu moralment l-abort għandna nqisu wkoll suriet riċenti ta’ interventi fuq embrijuni umani li, għalkemm bil-għan li fih innifsu hu leġittimu, iwasslu inevitabbilment għall-qtil tagħhom. Hu l-każ ta’ esperimenti fuq l-embrijuni li dejjem qed jiżdiedu fil-qasam tar-riċerka biomedika u huma legalment permessi f’xi Stati.

 Jekk “għandhom jitqiesu bħala permessi interventi fuq embrijuni umani sakemm iħarsu l-ħajja u l-integrità tagħhom u ma joħolqux perikoli sproporzjonati, imma bħala għan għandhom il-fejqan jew titjieb tal-qagħda ta’ saħħithom u li jibqgħu jgħixu individwalment”[74], irridu għall-kuntrarju ngħidu li l-użu ta’ embrijuni jew feti umani għall-esperimenti hu delitt kontra d-dinjità tagħhom ta’ esseri umani li għandhom dritt għall-istess rispett li jistħoqq tarbija li twieldet u li għandu jkollha kull persuna[75].

 L-istess kundanna tistħoqq ukoll lil dak il-proċess li juża l-embrijuni u l-feti umani għadhom ħajjin - xi kultant “prodotti” proprju għal dan l-iskop permezz ta’ fekondazzjoni “in vitro” - sew bħala “materjal bioloġiku” biex jintuża u sew biex ikun hemm organi w tessuti għal trapjanti biex jitfejjaq xi mard. Fil-fatt il-qtil ta’ ħlejjaq umani innoċenti, ukoll jekk b’vantaġġ għall-ħlejjaq l-oħra umani, huwa għemil li bl-ebda mod ma’ jista’ aċcettat.

 Għandu jkun hemm attenzjoni speċjali meta wieħed jiġi biex iqis il-valur morali tat-teknika djanjostika ta’ qabel it-twelid, teknika li tippermetti li jingħarfu kmieni ħafna xi anomaliji li għad ikun hemm fit-tarbija meta titwieled. Fil-fatt din it-teknika, li hi komplessa ħafna, titlob li l-valur morali tagħha jitqies b’mod l-aktar eżatt u sistematiku. Meta din it-teknika ma toħloqx perikli sproporzjonati għat-tarbija jew ukoll biex tgħin ħalli t-tarbija li se titwieled tiġi milqugħa serenament u konsapevolment, din it-teknika hi permessa moralment. Iżda sakemm illum ftit huma l-possibiltajiet ta’ kura qabel it-twelid, spiss jiġri li din it-teknika qed taqdi biss mentalità ewġenetika, li taċċetta abort selettiv biex ma jkunx hemm twelid ta’ trabi imġarrbin minn xi suriet ta’ anomaliji. Mentalità bħal din hi mentalità ta’ mistħija, mentalità ta’ min jistmerrha għax tippretendi tqis il-valur tal-ħajja umana biss skont il-qjies tan-“normalità” u tal-qagħda fiżika tiegħu, u hekk tiftaħ it-triq biex jiġu leġittimati sew l-infantiċidju u sew l-ewatansja.

 Iżda fil-fatt hu proprju l-kuraġġ u l-hena ta’ tant ħutna imġarrbin min-nuqqasijiet serji f’ħajjithom li, meta huma aċcettati u jsibu l-għajnuna li jeħtieġu, jagħtuna xhieda ta’ qawwa tassew kbira tal-valuri veri li juru x’inhi l-ħajja u, minkejja l-qagħda ta’ diffikultà tagħhom jagħmluha għażiża għalihom infushom u għall-oħrajn. Il-Knisja tinsab qrib dawk il-miżżewġin li, bi qtigħ il-qalb u tbatija kbira, jaċcettaw li jilqgħu trabi mġarrbin minn handicaps kbar, u turi wkoll ħajr lil dawk il-familji kollha li jaddottaw lil dawk li ġew abbandunati mill-ġenituri tagħhom, minħabba nuqqasijiet u mard.

 

“Jiena mmewwet u jiena naħji” (Dewt 32,39): id-dramm tal-ewatanasja.

 64. Fit-tarf l-ieħor tal-ħajja, il-bniedem isib quddiemu l-misteru tal-mewt. Illum, bil-progress kollu li sar fil-mediċina u l-ambjent kulturali spiss magħluq għal dak kollu li hu traxxendenti, l-esperjenza tal-mewt qed turi ruħha b’xi karatteristiċi għal kollox ġodda. Fil-fatt meta tinsab minn fuq it-tendenza li tara s-siwi tal-ħajja skont il-qjies biss tal-hena u l-ġid li ġġib u tagħti, it-tbatija tidher bħala tfixkil li ma jistax ikun li toqgħod għalih u għalhekk trid teħles minnu, ikun x’ikun. Il-mewt li titqies bħala xi ħaġa “assurda” meta ħin bla waqt ittemm ħajja għadha miftuħa għall-ġejjieni, mimli esperjenzi interessanti li għad jista’ jkun hemm, issir “ħelsien bi dritt” meta l-eżistenza titqies li saret eżistenza bla sens għax imġarrba mit-tbatija u mhu tistenna xejn aktar ħlief tbatija aktar kiefra.

 Barra dan, il-bniedem huwa u jiċħad jew jinsa r-relazzjoni fundamentali tiegħu m’Alla, jaħseb li hu kriterju u norma għalih innifsu u jippretendi d-dritt li jitlob ukoll lis-soċjetà li tiggarantilu li jkun jista’ jiddeċiedi dwar ħajtu minnu nnifsu, mingħajr ħadd ma jindaħallu, u tgħinu wkoll f’dan. B’mod partikulari l-bniedem li qed jgħix f’pajjiżi żviluppati jħoss li għandu jġib ruħu b’dan il-mod, u huwa hu wkoll imbuttat għal dan mill-progressi dejjem sejrin tal-mediċina u mit-teknika dejjem aktar avvanzata ta’ mediċina. Permezz ta’ sistemi u apparekkjaturi dejjem aktar sofistikati, ix-xjenza u l-prattika medika llum mhux biss jistgħu jħollu każi li qabel kienu jaħsbu li ma se jinħallu qatt, u jtaffu jew ineħħu għal kollox it-tbatija, imma wkoll iżommu u jtawlu l-ħajja f’każijiet ta’ dgħufija kbira ħafna, u jqajmu artifiċjalment persuni li tagħhom il-funzjonijiet bijoloġiċi l-aktar elementari kellhom kollass kbir f’daqqa waħda u jużaw proċeduri speċjali biex jipprovdu organi għat-trapjanti.

 F’qagħda bħal din, tikber dejjem aktar it-tentazzjoni tal-ewtanasja, jiġifieri l-ksib ta’ setgħa fuq il-mewt billi ġġibha qabel il-waqt u hekk iġġib fit-tmiem tagħha “bil-ħlewwa kollha” l-ħajja tiegħek jew ta’ ħaddieħor. Fil-fatt dak li jidher loġiku u uman, jekk inħarsu lejh fil-fond, naraw li hu xi ħaġa assurda u diżumana. Ninsabu hawn quddiem is-sintomi l-aktar li jbeżżgħu tal-“kultura tal-mewt”, li qed tinxtered l-aktar fis-soċjetajiet fejn il-qagħda materjali hi mill-aħjar, u bħala karattru tagħha għandha mentalità ta’ effiċjenza mill-aqwa f’ kollox, u hekk tqis piż kbir li ma tissaportihx l-għadd dejjem jikber ta’ persuni anzjani w dgħajfa. Spiss jiġu maqtugħin mill-familja u mis-soċjetà, organizzati kważi biss skont il-kriterji ta’ effiċjenza fil-produzzjoni skont dawn il-kriterji ħajja li bl-ebda mod ma hi kapaċi tagħti xi ħaġa li ma tiswa xejn aktar.

 65. Jekk irridu nagħtu ġudizzju morali tajjeb fuq l-ewtanasja irridu nibdew billi ngħidu sewwa x’inhi. L-ewatansja, fit-tifsir veru u proprju tagħha, hi għemil jew nuqqas ta’ għemil li minnu nnifsu b’intenzjoni jġib il-mewt bil-għan li tintemm it-tbatija: “l-ewtanasja trid titqies mela skont l-intenzjoni ta’ dak li jkun u skont il-metodi li jintużaw”[76].

 Irridu nagħżlu mill-ewtanasja, id-deċiżjoni ta’ min jirrinunzja għal “trattament terapewtiku aggressiv”, jiġifieri għal dawk l-interventi mediċi li ma jweġbux aktar għall-qagħda vera tal-marid jew għax mhumiex aktar proporzjonati għar-riżultati li wieħed ikun jistenna minnhom jew għaliex huma ta’ piż kbir għall-marid u għall-familja tiegħu. F’qagħdiet bħal dawn meta l-mewt hi fil-qrib u inevitabbli wieħed konxjenzosament “jista’ jirrinunzja għall- trattament li biss b’mod prekarju u b’ħafna tbatija jista’ jtawwallu l-ħajja, iżda qatt ma għandha tieqaf il-kura li normalment tingħata f’dawn il-każi”[77]. Dejjem hemm l-obbligu morali li wieħed ifejjaq lilu nnifsu u jħalli jfejquh, iżda dan l-obbligu jrid jitqies skont qagħdiet konkreti, jiġifieri wieħed irid jara jekk il-mezzi għall-kura li hemm humiex proporzjonati oġġettivament għat-tamiet ta’ fejqan. Ir-rinunzja għal mezzi straordinarji u sproporzjonati mhijiex l-istess ħaġa bħal suwiċidju jew ewtanasja; aktar tfisser aċċettazzjoni tal-qagħda tal-bniedem quddiem il-mewt[78].

 Fil-mediċina tal-lum dejjem aktar qed jiksbu importanza dawk li qed jissejħu “metodi ta’ kura paljattiva” bil-għan li jgħinu wieħed jissaporti t-tbatija fl-aħħar mumenti tal-marda, u fl-istess waqt jassiguraw li l-marid ikun megħjun umanament b’mod xieraq. Il-problema dwar jekk huwiex permess l-użu ta’ tipi varji ta’ analġesiċi u sedattivi biex tittaffa t-tbatija tal-marid tinqala’ meta dawn ikunu ta’ periklu li titqassar il-ħajja tal-marid. Jekk fil-fatt jistħoqqlu kull tifħir min jibqa’ volontarjament li jbati u jirrinunzja għall-interventi li jnaqqsulu jew ineħhulu t-tbatija, biex moħħu ma jiddallamx bl-ebda mod u jkun jista’ jissieħeb, jekk jemmen, b’fehma sħiħa mal-Passjoni tal-Mulej, din l-imġieba “erojka” ma tistax titqies bħala dmir għal kulħadd. Piju XII kien ġa tenna li tiswa jekk tneħħi t-tbatija permezz ta’ narkotiċi, ukoll jekk minħabba f’hekk jonqos l-għarfien u titqassar il-ħajja, “sakemm m’hemmx mezzi oħra u sakemm f’dawn iċ-ċirkostanzi dan ma jkunx ta’ tfixkil għall-ħarsien ta’ dmirijiet reliġjużi u morali oħra”[79]. Dawn għaliex hawn wieħed ma jkunx irid il-mewt jew qed ifittixha, minkejja li għal raġunijiet tajba qed iqiegħed ruħu f’dan il-periklu, irid biss biex itaffi t-tbatija b’mod effikaċi bl-użu ta’ analġesiċi li tipprovdilu l-mediċina. Iżda “wieħed m’għandux iċaħħad lil dak li qed imut mill-għarfien tiegħu innifsu, mingħajr raġunijiet serji”[80]: il-bnedmin huma u resqin lejn il-mewt għandhom ikunu f’qagħda li jistgħu jaqdu d-dmirijiet morali tagħhom u fuq kollox, iħejju ruħhom b’għarfien sħiħ għal-laqgħa definittiva m’Alla.

 Issa li għamilt dawn id-distinzjonijiet f’għaqda sħiħa mal-Maġisteru tal-Papiet li ġew qabli[81], f’xirka mal-Isqfijiet kollha tal-Knisja Kattolika, nikkon-ferma li l-ewtanasja hi ksur gravi tal-Liġi ta’ Alla għax hi qtil deliberat, li moralment ma jistax jiġi aċċettat, ta’ persuna umana. Din id-duttrina hi bbażata fuq il-liġi naturali u fuq il-Kelma t’Alla u hi mwassla mit-Tradizzjoni tal-Knisja u mgħallma mill-Maġisteru ordinarju u universali[82].

 Għemil bħal dan skont iċ-ċirkostanzi għandu l-malizzja proprja tas-suwiċidju jew tal-omiċidju.

 66. Issa s-suwiċidju ma jista’ qatt jiġi aċċettat, l-istess bħall-omiċidju. It-tradizzjoni tal-Knisja dejjem warrbet is-suwiċidju bħala għażla ħażina gravi[83]. Għalkemm xi influwenzi psikoloġiċi, kulturali u soċjali jistgħu iwasslu għal dan l-għemil, li hu radikalment kuntrarju għall-inklinazzjoni naturali ta’ kull bniedem għall-ħajja, jistgħu inaqqsu jew ineħħu r-responsabbiltà soġġettiva, is-suwiċidju oġġettivament hu għemil immorali gravi ħafna, għaliex ifisser iċ-ċaħda tal-imħabba tiegħek innifsek u ċ-ċaħda tad-dmirijiet ta’ ġustizzja u mħabba lejn il-proxxmu, lejn il-komunità li tagħha wieħed hu membru, u lejn is-soċjetà kollha kemm hi[84]. Fir-realtà l-aktar għolja tiegħu, is-suwiċidju hu ċaħda tas-sovranità assoluta ta’ Alla fuq il-ħajja u l-mewt, imħabbra fit-talb tal-għaref antik ta’ Israel: “Int għandek is-setgħa fuq il-ħajja u l-mewt, int twassal sa bieb il-mewt u treġġa’ lura” (Għerf 16,13;ara Tob 13,2).

 Tissieħeb fl-intenzjoni ta’ min irid jagħmel suwiċidju u tgħinu biex jagħmlu permezz ta’ dak li jissejjaħ “suwiċidju assistit”, ifisser tkun kollaboratur u xi drabi wkoll attur ewlieni ta’ inġustizzja li qatt ma tista’ tiġi ġustifikata, lanqas jekk tintalab. “Qatt ma hu permess” - jikteb qisu qed jikteb għal-lum Santu Wistin - “toqtol lil ħaddieħor, ukoll jekk dan ikun iridu; anzi jekk jitolbu, għax jinsab bejn ħaltejn quddiem il-ħajja u l-mewt, u jitlob l-għajnuna biex jeħles lir-ruħ li qed teħodha kontra r-rabtiet tal-ġisem u jixtieq jeħles minnhom; mhux permess lanqas meta l-marid ikun f’qagħda li ma jistax jgħix aktar”[85]. Ukoll meta l-ewtanasja ma tingħatax minħabba r-raġunijiet egoistiċi ta’ min ma jridx jitgħabba b’ħajja li qed tbati, għandha tibqa’ dejjem titqies bħala tjieba qarrieqa, bħala “perversjoni” ta’ tjieba li għandha tħassbek: it-tjieba u l-ħniena vera jwasslu għas-solidarjetà mat-tbatija tal-oħrajn, ma jeqirdux lil dak li ma tiflaħx għal tbatijietu. Wisq aktar kiefer jidher l-għemil tal-ewtanasja meta jsir minn dawk li - bħala qraba - imisshom jgħinu bis-sabar u l-imħabba lil qaribhom, jew dawk li bħala tobba - minħabba l-professjoni speċifika tagħhom - għandhom ifejqu l-marid ukoll fil-mument l-aktar ta’ tbatija fl-aħħar mard tiegħu.

 L-għażla tal-ewtanasja issir aktar gravi, meta tidher bħala omiċidju li oħrajn jagħmlu lill-persuna li bl-ebda mod ma talbitha u li qatt ma kkonsentiet għaliha. Jintlaħaq il-qofol tal-arbitriju u tal-inġustizzja meta xi wħud, tobba jew leġislaturi, jippretendu għalihom is-setgħa li jiddeċiedu min għandu jgħix u min għandu jmut.

 Hawn għandna l-istess tentazzjoni tal-Għeden, li nkunu bħal Alla “nafu t-tajjeb u l-ħażin” (ara Ġen 3,5). Iżda Alla biss għandu s-setgħa li jagħti l-mewt u li jagħti l-ħajja: “Jiena mmewwet u jiena naħji” (Dewt 32,39;ara 2 Slat 5,7: 1 Sam 2,6). Hu jħaddem is-setgħa tiegħu, dejjem u biss, skont pjan ta' għerf u ta’ mħabba. Meta l-bniedem jaħtaf din is-setgħa, mirbuħ mil-loġika tal-bluha u tal-egoiżmu, bilfors jużaha għall-għemil ta’ inġustizzja u għall-mewt. Hekk il-ħajja ta’ min hu l-aktar dgħajjef taqa’ f’idejn min hu l-aktar b’saħħtu, jintilef is-sens tal-ġustizzja u tkun mhedda f’għeruqha l-fiduċja f’xulxin, bażi ta’ kull relazzjoni vera bejn il-bnedmin.

 67. Iżda differenti għal kollox hi t-triq tal-imħabba, tat-tjieba u l-pjetà tassew, li timponilna l-umanità tagħna lkoll u l-fidi ta’ Kristu l-Feddej, mejjet u rxoxt, iddawlilna b’raġunijiet ġodda. It-talba li toħroġ mill-qalb tal-bniedem, huwa u jsib ruħu f’konfront mill-aqwa mat-tbatija u l-mewt, speċjalment meta jiġih il-ħsieb li jċedi għad-disperazzjoni u kważi kważi jinqered fiha, hija talba għas-sħubija, għas-solidarjetà, għall-għajnuna waqt il-prova. Hi talba ta’ għajnuna biex ikompli jittama meta t-tamiet umani kollha jiġu fix-xejn. Kif fakkarna l-Konċilju Vatikan II, “quddiem il-mewt l-enigma umana tilħaq il-qofol tagħha” iżda “l-istint tal-qalb iġiegħlu jiġġudika fis-sewwa meta jistmerr u jwarrab il-ħsieb ta’ qerda totali u li persuntu se tispiċċa għal kollox fix-xejn darba għal dejjem. Iż-żerriegħa tal-eternità li jġorr fih innifsu, żerriegħa li qatt ma tispiċċa li tkun sempliċement materja, tqum kontra l-mewt”[86].

 Din l-istmerrija naturali għall-mewt u din iż-żerriegħa ta’ tama ta’ immor-talità huma mdawlin u jsibu t-tmiem tagħhom fil-fidi Nisranija li twiegħed u tagħti tisħib sħiħ fir-rebħa ta’ Kristu Rxoxt: hi r-rebħa ta’ dak li bil-mewt feddejja tiegħu ħeles il-bniedem mill-mewt, “Il-ħlas tad-dnub” (Rum 6,23), u tah l-Ispirtu, rahan ta’ qawmien u ħajja (ara Rum 8,11). Iċ-ċertezza tal-immortalità fil-ġejjieni u t-tama fil-qawmien imwiegħed jitfgħu dawl ġdid fuq il-misteru tat-tbatija u l-mewt u jnisslu f’min jemmen qawwa tal-għaġeb biex jafda ruħu għall-pjan ta’ Alla.

 L-Appostlu San Pawl ifisser din il-ħaġa ġdida bħala l-fatt li aħna, kollna kemm aħna, aħna tal-Mulej, li jħaddan miegħu kull qagħda tal-bniedem: “Ħadd minna ma jgħix għalih innifsu, u ħadd ma jmut għalih innifsu. Jekk ngħixu ngħixu għall-Mulej, jekk immutu, immutu għal Mulej. Sew jekk ngħixu, mela, u sew jekk immutu aħna tal-Mulej” (Rum 14,7-8). Tmut għall-Mulej, ifisser tgħix mewtek bħala l-ogħla għemil ta’ ubbidjenza lill-Missier (ara Fil 2,8) u tilqa’ s-“siegħa” li ried u għażel hu (ara Ġw 13,1), għax hu biss jista’ jgħid meta jintemm il-mixi fuq l-art. Tgħix għall-Mulej, ifisser tagħraf li t-tbatija, għalkemm fiha nnfisha tibqa’ deni u prova, tista’ dejjem issir għajn ta’ ġid. Issir hekk jekk wieħed jgħixha b’imħabba u għall-imħabba, b‘tisħib mat-tbatijiet stess ta’ Kristu msallab bħala don b’xejn minn Alla u b’għażla personali ħielsa. B’dan il-mod min jgħix tbatijietu fil-Mulej jinbidel dejjem aktar fih (ara Fil 3,10:1 Piet 2,21) u jkun imsieħeb intimament fil-ħidma tiegħu favur il-Knisja u l-ġens kollu tal-bnedmin[87]. Din kienet l-esperjenza tal-Appostlu, u li kull persuna li tbati hi msejħa biex tgħixha mill-ġdid: “Jien issa nifraħ fit-tbatijiet tiegħi minħabba fikom, għax bihom jiena ntemm f’ġismi dak li jonqos mit-tbatijiet ta’ Kristu għall-ġisem tiegħu, li hu l-Knisja” (Kol 1,24).

 

Jeħtieġ nobdu aktar ‘l Alla milli ‘l bnedmin” (Atti 5,29): il-liġi ċivili u l-liġi morali

 68. Waħda mill-karatteristiċi proprji tal-attentati tal-lum kontra l-ħajja tal-bniedem - kif ġa ġie mtenni kemm-il darba - hija t-tendenza li titlob leġittimazzjoni ġuridika għal dawn l-attentati bħallikieku kienu drittijiet li l-Istat, almenu taħt ċerti kundizzjonijiet, għandu jagħraf bħala drittijiet taċ-ċittadini u għalhekk it-tendenza wkoll li tippretendi li dawn iseħħu bl-assistenza żgura u b’xejn tat-tobba u tal-operaturi sanitarji.

 Spiss jaħsbu li l-ħajja ta’ min għadu ma twelidx jew hu tant dgħajjef hi biss ħaġa relattiva: skont loġika proporzjonalistika jew biss ta’ kalkoli, wieħed irid iqis din il-ħajja f’paragun ma’ ġid ieħor. U jsostnu wkoll li biss min isib ruħ bil-fatti u huwa impenjat personalment, jista’ jqis sewwa x’ġid hemm fin-nofs u għalhekk hu biss jista’ jiddeċiedi dwar il-moralità tal-għażla tiegħu. L-istat għalhekk, fl-interess tal-konvivenza fis-soċjetà u biex tinżamm l-armonija soċjali, għandu jirrispetta din l-għażla u jasal ukoll biex jammetti l-abort u l-ewatanasja.

 Drabi oħra jaħsbu li l-liġi ċivili ma tistax tippretendi li ċ-ċittadini kollha jgħixu skont grad ta’ moralità aktar għoli minn dak li huma jagħrfu u jaqsmu mal-oħrajn. Għalhekk il-liġi jmissha dejjem turi kif taħsibha u xi trid il-maġġoranza taċ-ċittadini, u tgħarrfilhom, almenu f’xi każi estremi, id-dritt tal-abort u tal-ewtanasja. Madankollu, il-projbizzjoni u l-kastig tal-abort u tal-ewtanasja f’dawn il-każi bilfors se jwasslu - hekk jgħidu - għat-tkattir tal-abort u tal-ewatansja: u dawn ma jkollhomx il-kontroll soċjali meħtieġ, u jsiru mingħajr kontroll mediku żgur. Jistaqsu wkoll jekk il-fatt li hi tinsisti fuq ħarsien ta‘ liġi li fil-prattika ma tistax timponiha, ma jfissirx fl-aħħar mill-aħħar li tkun iġġib fix-xejn l-awtorità ta’ kull liġi oħra.

 Fl-aħħarnett fehmiet aktar radikali jaslu biex jgħidu li f’soċjetà moderna u pluralistika kull persuna għandha tgawdi awtonomija sħiħa, meta tiġi biex tiddisponi bil-ħajja proprja tagħha u bil-ħajja ta’ min għadu ma twelidx: il-liġi m’għandhiex tagħżel bejn fehmiet morali differenti, u wisq anqas għandha tippretendi li timponi li fehma morali partikolari li tkun ta’ żvantaġġ għal feh-miet oħra.

 69. Hu x’inhu fil-kultura demokratika ta’ żmienna, hi mxerrda ħafna l-opinjoni li l-ordni ġuridiku ta’ soċjetà għandu jillimita ruħu li jinnota u jilqa’ biss il-konvinzjoni tal-maġġoranza u għalhekk għandu jinbena biss fuq dak li l-maġġoranza tagħraf u tgħix moralment. Jekk imbagħad wieħed jasal saħanistra biex jgħid li verità komuni u oġġettiva ma jista’ jkun li tinkiseb qatt fil-fatt, ir-rispett għal-libertà taċ-ċittadini - li fi stat demokratiku huma meqjusin bħala dawk li għandhom tassew is-setgħa - jitlob li fil-livell ta’ leġislazzjoni tingħaraf l-awtonomija ta’ kull kuxjenza u għalhekk meta wieħed jiġi biex jiffissa n-normi, li dejjem huma meħtieġa għall-konvivenza soċjali, għandu jadatta ruħu esklussivament għar-rieda tal-maġgoranza, tkun liema tkun. Hekk ukoll politiku fil-ħidma tiegħu għandu jifred b’mod ċar l-ambjent tal-kuxjenza privata tiegħu minn dak tal-imġieba pubblika tiegħu.

 Hekk naraw żewġ tendenzi li jidhru li huma għal kollox kontra xulxin. Min-naħa kull individwu jrid għalih innifsu awtonomija morali sħiħa fl-għażliet tiegħu u jrid li l-Istat ma jagħmilx tiegħu u ma jimponix ebda fehma etika, imma jillimita ruħu biss li jiggarantixxi spazju mill-aktar wiesgħa għal-libertà ta’ kull wieħed, bil-kundizzjoni waħdanija biss li ma jagħmilx ħsara lill-ispazju ta’ awtonomija li għandu dritt għalih kull ċittadin ieħor. Min-naħa l-oħra jaħsbu li fil-qadi tad-dmirijiet pubbliċi u professjonali, ir-rispett għal-libertà tal-għażla tal-oħrajn timponi fuq kull wieħed li jwarrab il-konvinzjonijiet proprji tiegħu u joqgħod għal dak kollu li jitolbu ċ-ċittadini u li hu magħruf u mħares mil-liġijiet, u jaċċetta bħala regola morali waħdanija, fil-qadi tad-dmirijiet tiegħu, dak li hu stabbilit mill-istess liġijiet. B’dan il-mod ir-responsabbiltà tal-persuna tgħaddi mingħand il-liġi ċivili, u dan ifisser li wieħed ikun qed jirrinunzja għall-kuxjenza morali proprja tiegħu, almenu fil-qasam tal-ħidma pubblika tiegħu.

 70. L-għerq waħdieni ta’ dawn it-tendenzi kollha hu r-relattiviżmu etiku, li jikkaratterizza parti hekk kbira tal-kultura ta’ żmienna. Ma jonqsux dawk li jgħidu li r-relattiviżmu hu kundizzjoni mitluba mid-demokrazija, għax hu biss jiggarantixxi tolleranza u rispett għal xulxin bejn il-persuni u aċċettazzjoni tad-deċiżjonijiet tal-maġġoranza, waqt li n-normi morali, meta jiġu meqjusa bħala oġġettivi u jorbtu ‘l kulħadd, iwasslu għall-awtoritariżmu u għall-intolleranza.

 Iżda hu proprju l-problema dwar ir-rispett għall-ħajja li juri kemm hi ekwivoka u kontradittorja u kemm hi msieħba ma’ effetti tal-biża’ fil-prattika qagħda bħal din.

 Veru li l-istorja tfakkar każi ta’ meta saru delitti f’isem il-“verità”. Iżda delitt mhux inqas gravi u ċaħdiet radikali tal-libertà saru u qed isiru wkoll f’isem ir-“relattiviżmu etiku”. Meta maġġoranza parlamentari jew soċjali tiddekreta bħala leġittima l-qerda, ukoll taħt ċerti kundizzjonijiet, ta’ ħajja umana għadha ma twelditx, forsi ma tkunx tieħu deċiżjoni “tirannika” dwar esseri uman dgħajjef u bla difiża? Il-kuxjenza universali bir-raġun kollu tirreaġixxi quddiem delitti kontra l-umanità, delitti li s-seklu tagħna kellu tagħhom esperjenza tassew ta’ niket. Forsi dawn id-delitti ma jibqgħux delitti jekk, minflok saru minn tiranni bla skrupli, saru għax ġew leġittimati mill-kunsens tal-poplu?

 Iżda d-demokrazija m’għandhiex titqies xi alla hekk li tieħu post il-moralità jew tkun rimedju universali għall-immoralità. Fundamentalment hi biss “sistema”, u għalhekk biss strument u mhux xi għan. Il-karattru “morali” tagħha m’huwiex awtomatiku imma jiddependi mill-fatt jekk id-demokrazija tkunx taqbel jew le mal-liġi morali li għaliha jrid joqgħod, kif trid toqgħod kull imġieba oħra tal-bniedem; tiddependi mill-moralità tal-għanijiet li jridu jintlaħqu u mill-mezzi li bihom tinqeda. Jekk illum qed naraw kunsens kważi universali fil-valur tad-demokrazija dan għandna nqisuh “sinjal” pożittiv “taż-żminijiet”, proprju kif kemm-il darba qal il-Maġisteru tal-Knisja[88].

 Iżda l-valur tad-demokrazija jibqa’ jew jiġi fix-xejn mal-valuri li jinkarna u jġib ‘il quddiem. Fundamentali u bla mittiefsa huma żgur d-dinjità ta’ kull persuna umana, ir-rispett għad-drittijiet li ħadd ma jista’ jmisshomlha u li minnhom qatt ma tista’ tiċċaħħad, u l-ħarsien tal-“ġid komuni” bħala għan u kriterju li jirregola l-ħajja politika.

 Fid-dawl ta’ dawn il-valuri ma jistax ikun hemm ''maġġoranzi” ta’ opinjo-nijiet proviżorji li jistgħu jinbidlu, iżda biss l-għarfien ta’ liġi morali oġġettiva li, għax hi “liġi naturali” miktuba f’qalb il-bniedem, wieħed irid jaraha bħala norma tal-istess liġi ċivili. Meta mbagħad il-kuxjenza kollettiva tas-soċjetà tiddallam traġikament u x-xettiċiżmu jwassal biex wieħed jiddubita mill-istess prinċipji fundamentali tal-liġi morali, l-ordni demokratiku jitheżżeż fil-pedament tiegħu u jsir biss sempliċi mekkaniżmu biex jirregola b’mod empiriku interessi diversi u kontra xulxin[89].

 Xi wħud jistgħu jaħsbu li anke din il-funzjoni, fl-assenza ta' xi ħaġa aħjar minnha, għandha tkun ivvalutata minħabba l-paċi fis-soċjetà. Fil-waqt li wieħed jista' jagħraf element ta' verità f'din il-ħaġa, tkun ħaġa ħafifa tara li jekk ma jkunx hemm morali oggettiva soda, lanqas id-demokrazija ma tkun kapaċi tiżgura li tinżamm il-paċi, għax jekk il-paċi ma tkunx mibnija fuq il-valuri ta' dinjità ta' kull persuna u ta' solidarjetà bejn kulħadd, spiss tkun illużorja. Anke f'sistemi ta' gvernijiet parteċipattivi, sikwit jiġri li r-regolamenti tal-interessi jkunu ta' vantaġġ għal min ikun l-iktar b'saħħtu għax hu jkun kapaċi jimmanuvra mhux biss kif jitħaddem il-poter iżda wkoll kif iġib il-qbil li jrid hu. F'sitwazzjoni bħal din, demokrazija tkun sempliċiment kelma vojta.

 71. Jeħtieġ mela għall-ġejjieni tas-soċjetà u tal-iżvilupp ta’ demokrazija vera li jingħaraf mill-ġdid li hemm valuri morali umani u morali essenzjali li joħorġu mill-verità stess tal-bniedem, u juru u jħarsu d-dinjità tal-persuna, valuri li għalhekk ebda individwu, ebda maġġoranza, ebda Stat ma jistgħu joħolqu, ibiddlu jew jeqirdu, imma għandhom biss jagħrfuhom, jirrispettawhom u jġibuhom ‘il quddiem.

 Jeħtieġ għalhekk insibu mill-ġdid l-elementi fundamentali tar-relazzjoni bejn liġi ċivili u liġi naturali kif tipproponihom il-Knisja, iżda li huma wkoll parti mill-wirt tat-tradizzjonijiet ġuridiċi kbar tal-umanità.

 Veru li l-għan tal-liġi ċivili m’huwiex l-istess u m’huwiex hekk wiesgħa daqs l-għan tal-liġi morali. Iżda l-liġi ċivili, f’ebda qasam tal-ħajja, ma tista’ tieħu l-post tal-kuxjenza u tagħti normi dwar dak li m’hijiex kompetenti fih[90], dwar dak jiġifieri li jrid jiżgura l-ġid komuni tal-persuni, bl-għarfien u l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali tagħhom, bil-promozzjoni tal-paċi u tal-moralità pubblika[91]. L-għan tal-liġi ċivili hu dak li tiggarantixxi li kulħadd jgħix flimkien fis-soċjetà f’ordni sħiħ skont ġustizzja vera, ħalli lkoll inkunu nistgħu “ngħaddu ħajja fil-kwiet u fis-sliem, fit-tjieba u kif jixraq” (1 Tim 2,3). Hu proprju għalhekk li l-liġi ċivili trid tiżgura lill-membri kollha tas-soċjetà r-rispett għal xi drittijiet fundamentali li għandha kull persuna minn twelidha, u li kull liġi pożittiva trid tagħraf u tiggarantixxi. Fost dawn id-drittijiet kollha jiġi l-ewwel u huwa fundamentali d-dritt tal-ħajja ta’ kull esseri uman innoċenti. Jekk xi drabi l-awtorità pubblika ma trażżanx dak li jekk tipprojbih se joħloq ħsara akbar[92], ma tistax lanqas taċċetta li tilleġittima bħala dritt ta’ kull individwu - ukoll jekk dawn l-individwi jkunu maġġoranza fis-soċjetà - l-offiża magħmula lil persuni oħra għax ma tagħrfilhomx dritt hekk fundamentali tagħhom, bħalma hu d-dritt għall-ħajja. It-tolleranza legali tal-abort u tal-ewtanasja m’għandux jitqies bħala għemil ta’ rispett tal-kuxjenza tal-oħrajn, u dan proprju għaliex is-soċjetà għandha d-dritt u d-dmir li tħares lilha nfisha mill-abbużi li jistgħu isiru f’isem il-kuxjenza u bl-iskuża tal-libertà[93].

 Fl-enċiklika Pacem in terris Ġwanni XXIII dwar dan fakkarna li “Fiż-żmien tal-lum is-sħuħija tal-ġid komuni fundamentalment tinsab fid-drittijiet u d-dmirijiet tal-persuna. Għalhekk id-dmirijiet ewlenin tas-setgħat pubbliċi huma l-aktar dawk li jagħrfu jirrispettaw, jikkoordinaw, iħarsu u jġibu ‘l quddiem dawn id-drittijiet, u jagħmlu eħfef il-ħarsien tad-dmirijiet ta’ kulħadd u ta’ kull wieħed. Il-ħarsien tal-qasam li ma jistax jittiefes tad-drittijiet tal-persuna umana u l-għajnuna mogħtija biex jeħfief il-ħarsien ta’ dmirijietha għandu jkun id-dmir essenzjali ta’ kull setgħa pubblika.” Għalhekk kull għemil tas-setgħa pubblika li jkun jew jidher li hu nuqqas ta’ għarfien jew ksur ta’ dawn id-drittijiet tal-persuna hu għemil li jkun kontra n-natura stess ta’ din is-setgħa u għalhekk nieqes minn kull valur ġuridiku.[94]

 72. Flimkien ma’ din it-tradizzjoni tal-Knisja, hemm ukoll id-duttrina dwar il-ħtieġa li jkun hemm qbil bejn il-liġi ċivili u l-liġi morali, kif għal darb’oħra turina l-enċiklika li semmejt ta’ Ġwanni XXIII: “L-awtorità jitlobha l-ordni morali u tiġi mingħand Alla. Meta l-liġijiet u d-digrieti tagħha jkunu kontra dan l-ordni, u għalhekk kontra r-rieda ta’ Alla, m’għandhomx il-qawwa li jorbtu l-kuxjenzi… f’każ bħal dan hi ċara li l-awtorità ma tibqax aktar awtorità, imma ssir abbuż kbir”[95]. Dan hu t-tagħlim ċar ta’ San Tumas ta’ Aquino, li fost affarijiet oħra jikteb: “Il-liġi umana hi liġi għax taqbel mar-raġuni retta u għalhekk ġejja mil-liġi eterna. Iżda meta l-liġi tmur kontra r-raġuni tissejjaħ liġi ħażina u għalhekk ma tibqax aktar liġi u ssir aktar għemil ta’ vjolenza”[96]. U aktar: “Kull liġi magħmula mill-bnedmin hi liġi għax ġejja mil-liġi naturali. Iżda jekk f’xi ħaġa hi kuntrarja għal-liġi naturali imbagħad ma tkunx liġi tajba, iżda taħsir tal-liġi”[97].

 Issa l-ewwel applikazzjoni u l-aktar immedjata ta’ din il-liġi hi dwar il-liġi umana li ma tagħrafx id-dritt fundamentali għall-ħajja, għajn tad-drittijiet l-oħra kollha, dritt proprju ta’ kull bniedem. Hekk il-liġijiet li bħall-abort u l-ewtanasja jilleġittimaw il-qerda diretta ta’ persuna umana, jmorru għal kollox, b’mod li ma jistax jissewwa, kontra d-dritt, li għandu jibqa’ dejjem bla mittiefes, għall-ħajja proprja tal-bnedmin kollha, u għalhekk jiċħdu li kulħadd hu l-istess quddiem il-liġi. Wieħed jista’ jgħid li dan mhux il-każ tal-ewtanasja meta tintalab minn min hu nteressat u kollu kemm hu f’sikktu. Iżda fi stat li jilleġittima talba bħal din u jawtorizza li ssir, isib ruħu f’qagħda li qiegħed jawtorizza omiċidju-suwiċidju, kontra l-prinċipji fundamentali li ħadd ma jista’ jagħmel li jrid u li jogħġbu bil-ħajja, u li trid tkun dejjem imħarsa kull ħajja innoċenti. B’dan il-mod ikun qed jiġi mħejji nuqqas ta’ rispett għall-ħajja u tinfetaħ it-triq għal kull imġieba li teqred il-fiduċja fir-relazzjonijiet soċjali kollha. Il-liġijiet li jawtorizzaw u jġibu ‘l quddiem l-abort u l-ewtanasja għalhekk imorru radikalment mhux biss kontra l-ġid tal-individwu, imma wkoll kontra l-ġid komuni, u għalhekk m’għandhom ebda veru siwi ġuridiku. In-nuqqas ta’ għarfien tad-dritt għall-ħajja, proprju għaliex iwassal għall-qerda tal-persuna li biex taqdiha qiegħda hemm is-soċjetà, hu dak li l-aktar imur kontra l-possibbiltà li jinkiseb il-ġid komuni direttament u b’mod li ma jista’ jissewwa qatt. Minn dan jiġi li meta liġi ċivili tilleġittima l-abort jew l-ewtanasja b’dan il-fatt stess ma tibqax aktar vera liġi ċivili, li tobbliga moralment.

 73. L-abort u l-ewtanasja huma mela delitti li ebda liġi tal-bniedem ma tista’ qatt tilleġittima. Liġijiet bħal dawn mhux biss ma joħolqux ebda obbligu fil-kuxjenza, iżda joħolqu minflok obbligu gravi u preċiż ta’ oppożizzjoni għalihom permezz tal-obbjezzjoni tal-kuxjenza. Sa mill-bidu tal-knisja l-predikazzjoni appostolika fakkret lill-insara d-dmir li jobdu l-awtoritajiet pubbliċi kostitwiti leġittimament (ara Rum 13,1-7; 1 Piet 2,13-14), iżda fl-istess waqt bil-qawwa kollha wissiet li “jeħtieġ aktar nobdu lil Alla milli lill-bniedem (Atti 5,29). Ġa fit-Testment il-Qadim, proprju b’riferenza għal theddid kontra l-ħajja, insibu eżempju li jfisser ħafna ta’ reżistenza għall-ordni inġusta tal-awtorità. Il-qwiebel Lhud marru kontra dak li ordnalhom is-sultan tal-Eġittu, u “ħallew is-subien ħajjin” (Eż 1,17). Imma rridu naraw x’kienet ir-raġuni ta’ din l-imġieba; “il-qwiebel beżgħu minn Alla” (ibid). Hu proprju mill-ubbidjenza għar-rieda ta’ Alla - li Hu biss jistħoqqlu l-biża’ li hi għarfien tas-setgħa assoluta tiegħu - li tiġi l-qawwa u l-kuraġġ li bihom wieħed jeħodha kontra l-liġijiet inġusti tal-bnedmin. Hi l-qawwa u l-kuraġġ ta’ min hu lest imur ukoll il-ħabs jew jinqatel bis-sejf żgur li “F’dan qiegħed is-sabar u l-fidi tal-qaddisin” (Apok 13,10).

 F’każi ta’ liġi li hi intrisikament inġusta, bħalma hi l-liġi li tippermetti l-abort jew l-ewtanasja, qatt ma hu permess li wieħed joqgħod għaliha jew “jieħu sehem f’kampanja ta’ propaganda favur liġi bħal din u lanqas ma għandu wieħed jivvota għaliha”[98].

 Jista’ jkun hemm problema partikulari ta’ kuxjenza f’dawk il-każi fejn il-vot fil-parlament ikun determinanti biex jiffavorixxi liġi aktar restrittiva bil-ħsieb li jitnaqqsu l-aborti awtorizzati, flok liġi oħra aktar permissiva li ġa teżisti jew se tiġi votata. Każijiet bħal dwan m’humiex rari. Hu fatt li waqt li f’xi partijiet tad-dinja għadha sejra kampanja biex ikun hemm liġijiet favur l-abort, spiss megħjunin minn organiżmi internazzjonali qawwija, f’nazzjonijiet oħra - f’dawk l-aktar li ġa għaddew mill-esperjenza qarsa ta’ liġijiet permessivi bħal dawn - qed jidhru sinjali li l-ħaġa qed tiġi maħsuba mill-ġdid. F’każ bħal dak imsemmi hawn fuq, meta mhux possibbli żżomm ‘il bogħod jew tneħħi għal kollox liġi favur l-abort, membru tal-parlament li hu magħruf minn kulħadd bħala personalment għal kollox kuntrarju u b’mod l-aktar ċar għall-abort, jista’ juri ruħu favur proposti li jillimitaw il-ħsara ta’ liġi bħal din u jnaqqsu l-effetti negattivi tagħha fl-oqsma tal-kultura u tal-moralità pubblika. Meta dan isir ma jkunx hemm kollaborazzjoni mhux permessa f’liġi inġusta, imma jkun qed isir tentattiv leġittimu, li wieħed ikun fid-dmir li jagħmlu, biex inaqqas l-aspetti ħżiena tal-liġi.

 74. L-introduzzjoni ta’ liġijiet inġusti spiss twassal bnedmin li huma tal-affari tagħhom moralment, biex isibu ruħhom quddiem problemi ta’ kuxjenzi diffiċli ħafna meta jiġu biex jagħtu l-kollaborazzjoni tagħhom għal dawn il-liġijiet, minħabba li jkunu fid-dmir li jaffermaw id-dritt proprju tagħhom li ma jistgħux ikunu mġegħlin jissieħbu f’għemil moralment ħażin. Xi kultant l-għażliet li jkunu jridu jsiru joħolqu tbatija kbira u jistgħu jitolbu li wieħed jissagrifika qagħda professjonali ta’ prestiġju jew jirrinunzja għal tamiet leġittimi ta’ avvanz fil-karriera tiegħu. F’każijiet oħra jista’ jiġri li wieħed huwa u jagħmel xi għemil li fih innifsu hu indifferenti jew ukoll pożittiv kif previst fl-artikli tal-liġi, li hi kollha kemm hi inġusta, ikun jgħin biex jiġu mħarsa ħajjiet umani mheddin. Iżda min-naħa l-oħra jista’ ġustament ikun hemm il-biża’ li meta wieħed juri ruħu dispost jagħmel dan, mhux biss jista’ jagħti skandlu u jgħin biex tiddgħajjef l-oppożizzjoni għall-attentati kontra l-ħajja, iżda jasal ukoll biex, mingħajr ma jintebaħ, ikun qed iċedi u jaċċetta dejjem aktar liġi permissiva.

 Biex nitfa’ dawl fuq il-kwistjoni morali hekk diffiċli jeħtieġ niftakru fil-prinċipji ġenerali tal-kooperazzjoni f’għemil ħażin. L-insara, u l-bnedmin kollha ta’ rieda tajba, huma msejħin, bi dmir gravi tal-kuxjenza, biex formalment ma jikkollaborawx fl-għemil li, għalkemm permess mil-liġijiet ċivili, huwa kontra l-liġi ta’ Alla. Dan għaliex, skont il-liġi morali, qatt ma hi permessa kollaborazzjoni formali f’dak li hu ħażin. Din il-kollaborazzjoni sseħħ meta l-għemil li jsir, jew mill-istess natura tiegħu jew mis-sura li jieħu f’qagħda konkreta, jitqies bħala parteċipazzjoni diretta f’att kontra l-ħajja umana innoċenti jew sehem fl-intenzjoni immorali ta’ min qed jagħmilha. Din il-kooperazzjoni qatt ma tista’ tkun ġustifikata la biex tirrispetta l-libertà ta’ ħaddieħor u lanqas mill-fatt li l-liġi ċivili tipprevediha u tridha: għall-għemil li kull bniedem jagħmel personalment hemm responsabbiltà morali li minnha ħadd ma jista’ jeħles u li dwarha kulħadd għad irid jiġi ġġudikat minn Alla stess (ara Rum 2,6;14,12).

 Tirrifjuta li tagħti sehmek biex issir inġustizzja hu dmir morali iżda hu wkoll dritt uman fundamentali. Kieku ma kienx hekk, il-persuna umana kienet tkun imġiegħla tagħmel att li fih innifsu ma jaqbilx kollu kemm hu mad-dinjità tagħha, u b’dan il-mod l-istess libertà tagħha, li l-għan u t-tifsir awtentiku tagħha jinsabu fl-orjentament tagħha għall-verità u għat-tajjeb, ikun kompromess radikalment. Mela hawn għandna dritt essenzjali li, proprju għax hu hekk, l-istess liġi ċivili għandha tipprevedih u tħarsu. F’dan is-sens l-operaturi sanitarji, it-tobba, ir-responsabbli tal-isptarijiet, tal-kliniki u tad-djar ta’ kura ikunu jistgħu jirrifjutaw li jkollhom sehem fil-fażi konsultattiva, preparattiva u esekuttiva ta’ għemejjel bħal dawn kontra l-ħajja. Min jagħmel użu mill-objezzjoni tal-kuxjenza għandu jkun ħieles mhux biss minn kastigi penali imma wkoll minn kull ħsara fuq livell legali, dixxiplinarju, ekonomiku u professjonali.

 

“Ħobb ‘l għajrek bħalek innifsek” (Lq 10,27): il-ħajja ġibha ‘l quddiem

75. Il-kmandamenti ta’ Alla għallmuna t-triq tal-ħajja. Il-preċetti morali negattivi, jiġifieri dawk li jgħidu li l-għażla ta’ xi ħidma determinata hi moralment ħażina, għandhom valur assolut għal-libertà umana: jorbtu dejjem u kullimkien bla ebda eċċezzjoni. Juru li l-għażla ta’ ċerta mġieba determinata ma taqbel radikalment xejn mal-imħabba għal Alla u mad-dinjità tal-persuna maħluqa xbieha tiegħu; mela għażla bħal din ma tistax tinfeda mit-tjieba ta’ ebda intenzjoni u ta’ ebda konsegwenza u tmur għal kollox kontra x-xirka bejn il-persuni, u hi kuntrarja għad-deċiżjoni fundamentali li tidderieġi ħajtek lejn Alla[99].

 F’dan is-sens il-preċetti morali negattivi għandhom funzjoni pożittiva mill-aktar importanti; il-“le” li jitolbu bla ebda kundizzjoni ta’ xejn juri sa fejn wieħed jista’ jasal hekk li ‘l isfel minnu l-bniedem ħieles ma jistax jinżel; fl-istess waqt juri l-minimu li jrid jirrispetta u li minnu jrid jitlaq huwa u jtenni l-ħafna “iva” bla għadd, kapaċi jħaddnu ftit ftit ix-xefaq kollu tat-tajjeb (ara Mt 5,48). Il-kmandamenti, u b’mod partikulari l-preċetti morali negattivi, huma l-bidu u l-ewwel pass li hu meħtieġ li jsir fit-triq lejn il-libertà. “L-ewwel libertà”, jikteb Santu Wistin “hi dik li tkun ħieles mid-delitti…bħalma huma l-omiċidju, l-adulterju, iż-żina…is-serq, il-qerq, is-sagrileġġ u l-bqija. Meta wieħed jibda ma jagħmilx dawn id-delitti (u ebda nisrani qatt ma għandu jagħmilhom), jibda jerfa’ rasu lejn il-libertà, iżda dan m’huwiex ħlief il-bidu tal-libertà, mhux il-libertà perfetta”[100]

 76. Il-kmandament “la toqtolx” juri għalhekk minn fejn wieħed għandu jitlaq biex jimxi fil-libertà tassew, li twassalna biex inġibu attivament ‘il quddiem il-ħajja u niżviluppaw qagħdiet determinanti u mġieba għall-qadi tagħha; meta dan nagħmluh inkunu naqdu r-responsabbiltajiet tagħna lejn dawk il-persuni li ġew fdati lilna u nuru bil-fatti u bil-verità l-ħajr lil Alla għad-don kbir tal-ħajja (ara Salm 139/138,13-14).

 Il-Ħallieq ried jafda l-ħajja tal-bniedem għall-ħerqa responsabbli tiegħu innifsu, mhux biex jagħmel li jrid u li jogħġbu biha, imma biex iħarisha b’għerf, u jieħu ħsiebha b’fedeltà kollha mħabba. Alla tal-Patt ried jafda l-ħajja ta’ kull bniedem lill-bniedem ieħor ħuh, skont il-liġi tar-reċiproċità li tagħti lilek innifsek u tilqa’ lill-ieħor. Fil-milja taż-żminijiet, l-Iben ta’ Alla, meta sar bniedem u ta ħajtu għall-bniedem, wera għal liema għoli u sa fejn tista’ twassal din il-liġi ta’ reċiproċità. Bid-don tal-Ispirtu Kristu jagħti kontenut u tifsir ġdid lil-liġi tar-reċiproċità, tal-affidament ta’ bniedem lil ieħor. L-Ispirtu, li jibni x-xirka fl-imħabba, joħloq fost il-bnedmin fraternità ġdida u solidarjetà, rifless veru tal-misteru tal-għoti lil xulxin u tal-laqgħa ta’ xulxin, li huma proprju tat-Trinità Qaddisa. L-istess Spirtu jsir liġi ġdida li tagħti qawwa lil dawk kollha li jemmnu u tħajjar ir-responsabbiltà tagħhom biex jaqsmu bejniethom l-għoti tagħhom infushom u l-aċċettazzjoni tal-oħrajn, huma u jissieħbu fl-istess imħabba ta’ Ġesù Kristu, u skont il-qjies tiegħu.

 77. Minn din il-liġi ġdida jieħu l-ħajja u jissawwar ukoll il-kmandament “la toqtolx”. Għan-nisrani mela jitlob definittivament l-impenn li jirrispetta, li jħobb u jġib ‘il quddiem il-ħajja ta’ kull wieħed minn ħutu, skont ma titlob u skont il-qjies tal-imħabba ta’ Alla f’Ġesù Kristu. “Kristu ta ħajtu għalina, mela aħna wkoll għandna nagħtu ħajjitna għall-aħwa” (1 Ġw 3,16).

 Il-kmandament “la toqtolx”, ukoll f’dak li fih pożittiv dwar ir-rispett, l-imħabba u l-promozzjoni tal-ħajja umana, jorbot kull bniedem. Dan jidwi fil-kuxjenza morali ta’ kull wieħed bħala eku li mhu se jiskot qatt tal-patt tal-bidu li Alla l-Ħallieq għamel mal-bniedem; dan kulħadd jista’ jagħrfu bir-raġuni u jista’ jħarsu bl-għajnuna tal-ħidma misterjuża tal-Ispirtu li jonfoħ fejn irid (ara Ġw 3,8) u jilħaq u jimpenja kull bniedem li jgħix f’din id-dinja.

 Hu għalhekk qadi ta’ mħabba dak il-qadi li l-bnedmin kollha huma mpen-jati li jiżguraw lil għajrhom, biex il-ħajja tkun imħarsa u dejjem tiġi ‘l quddiem, iżda l-aktar meta hi aktar dgħajfa u mhedda. Hija ħerqa mhux personali biss, imma wkoll ħerqa soċjali li kulħadd għandu jgħożż billi jqiegħed, bla ebda kundizzjoni ta’ xejn, bħala pedament ta’ soċjetà mġedda r-rispett għall-ħajja umana.

 Aħna mitlubin inħobbu u nagħtu ġieħ lill-ħajja ta’ kull bniedem u nħabirku b’kuraġġ u perseveranza biex fi żmienna, li juri fih tant sinjali ta’ mewt, titwaqqaf darba għal dejjem kultura ġdida ta’ ħajja, frott tal-kultura tal-verità u tal-imħabba.

 

KAP IV

GĦAMILTUH LILI

GĦALL-KULTURA ĠDIDA TAL-ĦAJJA UMANA

 

Intom il-poplu li Alla kiseb għalih biex ixxandru l-għeġubijiet tiegħu” (1 Piet 2,9): il-poplu tal-ħajja u għall-ħajja. 3

 78. Il-Knisja rċeviet l-Evanġelju bħala tħabbira u għajn ta’ ferħ u salvazzjoni. Irċevietu bħala don ta’ Ġesù, mibgħut mill-Missier, “biex iwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin” (Lq 4,18). Irċevitu permezz tal-Appostli mibgħutin minn Ġesù fid-dinja kollha (ara Mt 16,15;Mt 28,19-20). Il-Knisja li twieldet minn din il-ħidma ta’ evanġelizzazzjoni kuljum tisma’ mtennija fiha t-twissija tal-Appostlu: “Ħażin għalija jekk ma nxandarx l-Evanġelju” (1 Kor 9,16). Dan għax it-tħab-bira tal-Evanġelju” kif jikteb Pawlu VI - “hi l-grazzja u l-vokazzjoni proprja tal-Knisja, l-identità l-aktar għolja tagħha. Il-Knisja qiegħda hemm biex tħabbar l-Evanġelju”.[101]

 Il-ħidma tal-Evanġelju tħaddan id-dinja kollha, hi ħidma dinamika li timpenja l-Knisja kollha, hi u tissieħeb fil-missjoni profetika, saċerdotali u regali tal-Mulej Ġesù. It-tħabbira tal-Evanġelju għalhekk għandha dimensjoni ta’ tħabbira, dimensjoni taċ-ċelebrazzjoni u d-dimensjoni ta’ qadi fl-imħabba, kollha f’rabta liema bħalha bejniethom. Hu għemil kollu kemm hu ekkleżjali li jimpenja l-operaturi kollha tal-Evanġelju, kull wieħed skont il-kariżmi proprji tiegħu u skont il-ministeru proprju tiegħu.

 Dan ukoll jgħodd għat-tħabbira tal-Evanġelju tal-ħajja li hu parti integranti tal-Evanġelju li hu Ġesù Kristu. Ta’ dan l-Evanġelju aħna qaddejja, imwettqin mill-għarfien li aħna rċevejnieh bħala don u li ġejna mibgħutin biex inxandruh lill-bnedmin kollha, “sa truf l-art kollha” (Atti 1,8). Ngħożżu mela fina għarfien umli u kollu ħajr li aħna l-poplu tal-ħajja u għall-ħajja u hekk għandna nidhru quddiem kulħadd.

 79. Aħna l-poplu tal-ħajja għax Alla, għall-imħabba tiegħu bla qjies għalina, tana l-Evanġelju tal-ħajja, u minn dan l-istess Evanġelju aħna ġejna mibdulin u salvati. Ġejna mirbuħin mill-ġdid mill-“imħabba għall-ħajja” (Atti 3,15) bil-ħlas tad-demm għażiż ta’ Kristu (ara 1 Kor 6,20;7,23; 1 Piet 1,19), u permezz tal-ħasil tal-Magħmudija ġejna mlaqqmin fih (ara Rum 6,4;Kol 2,12) bħala friegħi li minn siġra waħda jieħdu l-ħajja u l-qawwa ħa jagħtu l-frott (ara Ġw 15,5). Imġeddin fir-ruħ bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, “il-Mulej li jagħti l-ħajja”, sirna poplu għall-ħajja u aħna msejħin biex inġibu ruħna bħala poplu għall-ħajja.

 Ġejna mibgħutin: li nkunu għall-qadi tal-ħajja, m’huwiex għalina xi ħaġa li biha niftaħru, imma hija dmir li jiġina mill-għarfien li aħna “l-poplu li Alla kiseb għalih biex ixandar l-għeġubijiet tiegħu” (1 Piet 2,9). Fil-mixi tagħna tmexxina u tqawwina l-liġi tal-imħabba: hi l-imħabba, li għajn u xbieha tagħha hu l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem, li “bil-mewt tiegħu ta l-ħajja lid-dinja”.[102]

 Ġejna mibgħutin bħala poplu. L-impenn għall-qadi tal-ħajja jorbot lil kulħadd u lil kull wieħed. Hi responsabbiltà kollha kemm hi “ekkleżjali”, li titlob ħidma flimkien mill-qalb tal-membri kollha tal-komunità nisranija. Iżda d-dmir li jorbot il-komunità kollha ma jnaqqasx u lanqas ineħħi r-responsabbiltà ta’ kull persuna individwali: lil kull persuna l-Mulej ordna li “jkun proxxmu” ta’ kull bniedem: “Mur u agħmel hekk int ukoll” (Lq 10,37).

 Ilkoll flimkien inħossu d-dmir li nħabbru l-Evanġelju tal-ħajja, niċċelebrawh fil-Liturġija u tul ħajjitna kollha, u naqduh bil-ħafna inizjattivi diversi tagħna u bl-istrutturi li bihom ngħinuh u nġibuh ‘il quddiem.

 

 “Dak li rajna, dak li smajna, dan inxandruhulkom” (1 Ġw,1-3): it-tħabbira tal-Evanġelju tal-ħajja.

 80. Dak li kien mill-bidu, dak li aħna smajna, li rajna b’għajnejna, li lejh ħarisna u messew idejna, jiġifieri l-Verb, il-Kelma tal-ħajja, dan sejrin inxandruhulkom, biex intom tissieħbu magħna” (1 Ġw 1,3). Ġesù hu l-Evanġelju waħdieni: Aħna m’għandniex xi ngħidu jew x’nixhdu aktar.

 Hi proprju t-tħabbira ta’ Ġesù li hi t-tħabbira tal-ħajja. Hu “l-Kelma tal-ħajja” (1 Ġw 1,1). Fih “il-ħajja dehret”: (1 Ġw 1,2), anzi hu stess hu “il-ħajja ta’ dejjem li kienet għand il-Missier u dehret lilna” (ibid). Din l-istess ħajja bil-qawwa tad-don tal-Ispirtu s-Santu ngħatat lill-bniedem. Il-ħajja fid-dinja ta’ kull wieħed, maħluqa għall-ħajja fil-milja tagħha, “il-ħajja ta’ dejjem” hekk tikseb ukoll it-tifsir sħiħ tagħha.

 Imdawlin minn dan “l-Evanġelju tal-ħajja, inħossu l-ħtieġa li nxanduh u nagħtu xhieda tiegħu bħala l-ħaġa ġdida li tgħaġġeb u li tagħżlu minn kull ħaġ’oħra, għaliex hu l-istess bħal Ġesù “li ġedded kollox”[103] u rebaħ ix-“xjuħija” li ġejja mid-dnub u twassal għall-mewt[104]: dan l-Evanġelju jmur ‘l hemm minn kulma l-bniedem qatt ma stenna u juri għal liema kobor, bi grazzja, ġiet imtella’ d-dinjità tal-persuna. Hekk jikkontemplaha San Girgor ta’ Nissa: “Il-bniedem bħala esseri ma hu xejn, hu biss trab, ħaxix, frugħa, iżda Alla s-Sid tal-Univers, adottah bħala iben, sar parti mill-familja ta’ dan l-Esseri, li l-kobor u l-qawwa tiegħu ħadd ma jista’ jaraha, jismagħha u jifhimha. B’liema kelma, ħsieb jew ħeġġa nistgħu nfaħħru l-kobor bla qjies ta’ din il-grazzja? Il-bniedem imur ‘l hemm min-natura tiegħu: minn bniedem li jmut isir immortali, minn bniedem li għad jintemm se jibqa’ ma jintemm qatt, minn bniedem ta’ ftit żmien se jsir etern , minn bniedem isir divin”[105].

 Il-ħajr u l-ferħ għal din id-dinjità hekk bla qjies tal-bniedem iġġegħlna lkoll nissieħbu f’dan il-messaġġ: “Qegħdin inxandrulkom dak li rajna u smajna, biex intom tissieħbu magħna” (1 Ġw 1,3). Jeħtieġ li nwasslu l-Evanġelju tal-ħajja fil-qalb ta’ kull raġel u mara, u jndaħħluh fl-irkejjen l-aktar moħbija tas-soċjetà kollha kemm hi.

 81. Qabel xejn irid jitħabbar il-qofol ta’ dan l-Evanġelju. Hu t-tħabbira ta’ Alla, li hu qrib tagħna u li qed isejħilna għal xirka mill-aktar għolja miegħu innifsu, u jagħtina tama żgura tal-ħajja ta’ dejjem; hu affermazzjoni tar-rabta li qatt ma tista’ tinħall li hemm bejn il-persuna u ħajjitha u ġisimha; hu preżentazzjoni tal-ħajja umana bħala ħajja ta’ relazzjoni, don ta’ Alla, frott u sinjal ta’ mħabbtu; hu tħabbira tar-relazzjoni straordinarja li hemm bejn Ġesù u kull bniedem, relazzjoni li tgħinna naraw, fil-wiċċ ta’ kull bniedem, wiċċ Kristu; hu indikazzjoni “tal-għoti mill-qalb tiegħek innifsek” bħala dmir u bħala l-post fejn isseħħ, fil-milja kollha tagħha, il-libertà proprja ta’ kull wieħed..

 Fl-istess waqt titlob ukoll li jkunu magħrufa l-konsegwenzi kollha ta’ dan l-Evanġelju, konsegwenzi li nistgħu niġbruhom fil-qosor: il-ħajja umana, don għażiż ta’ Alla, hi qaddisa u ma tittiefes qatt u għalhekk, b’mod partikulari, bl-ebda mod ma jistgħu jiġu aċċettati l-abort prokurat u l-ewtanasja; il-ħajja tal-bniedem mhux biss ma għandhiex tinqered imma trid tkun imħarsa b’attenzjoni kollha mħabba; il-ħajja tikseb it-tifsir sħiħ tagħha fl-imħabba li tintwera lill-ieħor u li l-ieħor juriha wkoll, u hawn is-sesswalità u t-tnissil tal-bniedem jilħqu l-verità sħiħa tagħhom, f’din l-imħabba t-tbatija wkoll u l-mewt għandhom it-tifsir tagħhom u għalkemm jibqgħu misteru, jistgħu isiru mezz ta’ salvazzjoni. Ir-rispett għall-ħajja jitlob li x-xjenza u t-teknika jkunu dejjem għall-qadi tal-bniedem u għall-iżvilupp sħiħ tiegħu; is-soċjetà kollha kemm hi trid tirrispetta, tħares u ġġib ‘il quddiem id-dinjità ta’ kull persuna umana f’kull waqt u qagħda ta’ ħajjitha.

 82. Biex inkunu tassew poplu għall-qadi tal-ħajja rridu, bil-kuraġġ kollu, u mingħajr qatt ma naqtgħu qalbna, inxandru dawn il-veritajiet sa mill-ewwel tħabbira tal-Evanġelju u mbagħad fil-katekeżi u fis-suriet kollha tal-predikazz-joni, fid-djalogu personali u f’kull ħidma edukattiva. Hu dmir l-edukaturi, l-għalliema, il-katekisti u t-teoloġi juru liema huma r-raġunijiet antropoloġiċi li huma l-pedament tar-rispett li tistħoqq kull ħajja umana u jwettquh. B’dan il-mod, waqt li nuru d-dija ta’ din il-ħaġa ġdida li hu l-Evanġelju tal-ħajja, inkunu nistgħu ngħinu lil kulħadd jagħraf ukoll, fid-dawl tar-raġuni u tal-esperjenza, kif il-messaġġ nisrani jdawwal għal kollox il-bniedem u t-tifsir tal-esseri u tal-eżistenza tiegħu; insibu wkoll mumenti tassew ta’ siwi li fihom nistgħu niltaq-għu u niddjalogaw ma’ min ma jemminx, ilkoll kemm aħna impenjati biex titwaqqaf kultura ġdida ta’ ħajja.

 Imdawrin minn tant ilħna li ma jaqblux ma’ xulxin, waqt li ħafna qed jirrifjutaw id-duttrina vera dwar il-ħajja tal-bniedem, inħossu li qed issir lilna wkoll l-istedina li San Pawl għamel lil Timotju: “Xandar il-kelma, sus wara l-fidili f’waqtu u barra minn waqtu, ċanfar, wissi bis-sabar kollu u bit-tagħlim” (4,2). Din l-istedina għandha tidwi b’qawwa partikulari fil-qlub ta’ dawk kollha li, fil-Knisja, jissieħbu direttament għal raġunijiet diversi, fil-missjoni tagħha ta’ “għalliema tal-verità”. Għandha tidwi qabel xejn permezz tagħna l-Isqfijiet: lilna ntalab l-ewwel li nkunu ħabbara, bla ma negħjew qatt, tal-Evanġelju tal-ħajja; lilna wkoll ġie fdat id-dmir li ngħassu biex b’mod sħiħ u fidil, jitwassal it-tagħlim li hawn f’din l-enċiklika, u nfittxu l-mezzi l-aktar adatti biex l-insara jkunu mħarsin minn kull duttrina oħra kuntrarja għaliha. Għandu jkollna attenzjoni speċjali biex naraw li fil-fakultajiet teoloġiċi, fis-seminarji u fil-ħafna istituzzjonijiet kattoliċi, jiġi mxandar, imfisser u studjat fil-fond l-għarfien tad-duttrina vera[106]. L-istedina ta’ San Pawl għandha tinstema’ mit-teoloġi kollha, mir-ragħajja u minn dawk l-oħra kollha li huma fid-dmir li jgħallmu, jikkatekiz-zaw u jiffurmaw il-kuxjenzi: huma u jagħrfu sewwa d-dmir proprju tagħhom, qatt ma għandhom jaslu biex ikunu responsabbli ta’ tradiment tal-verità u tal-istess missjoni tagħhom, bix-xandir tal-fehmiet personali tagħhom, kuntrarji għall-Evanġelju tal-ħajja kif bil-fedeltà kollha jipproponih u jfissru l-Maġisteru.

 Aħna u nxandru dan l-Evanġelju m’għandniex nibżgħu li se jkollna xi għedewwa u ma nkunux popolari: għalhekk għandna nirrifjutaw kull kompromess u kull logħob bil-kliem li jwassluna biex inkunu naqblu mal-mentalità ta’ din id-dinja (ara Ġw15,19;17,10), bil-qawwa li tiġina minn Kristu li, bil-mewt u l-qawmien tiegħu għall-ħajja, rebaħ id-dinja (ara Ġw 16,33).

 

“Inroddlok ħajr għax tal-għaġeb għamiltni” (Salm 139/138,14): niċċelebraw l-Evanġelju tal-ħajja

 83. Mibgħutin fid-dinja bħala “poplu għall-ħajja” it-tħabbira tagħna trid issir ukoll ċelebrazzjoni vera u proprja tal-Evanġelju tal-ħajja. Anzi hi din l-istess ċelebrazzjoni li bil-qawwa li għandhom ħa jfakkru l-ġesti, ir-riti u s-simboli tagħha, tagħmilha l-post l-aktar ta’ siwi u l-aktar li jfisser il-ġmiel u l-kobor ta’ dan l-Evanġelju.

Għal dan il-għan jeħtieġ l-ewwelnett fina u fl-oħrajn, ngħożżu ħajja kontemplattiva[107]. Din tiġi mill-fidi f’Alla tal-ħajja, li ħalaq kull bniedem u għamlu ħaġa għaġeb (ara Salm 139/138,14). Hi l-ħarsa ta’ min jara l-ħajja fl-għoli kollu tagħha u jintebaħ bid-dimensjonijiet tagħha ta’ gratwità, ta’ ġmiel u ta’ stedina għal-libertà u għar-responsabbiltà. Hi l-ħarsa ta’ min ma jippretendix li jagħmel tiegħu r-realtà, iżda jilqagħha bħala don, huwa u jara f’kull ħaġa r-rifless tal-Ħallieq u f’kull persuna x-xbieha ħajja tiegħu (ara Ġen 1,27;Salm 8,6). Din il-ħarsa ma ċċedix għax tkun tilfet kull fiduċja quddiem marid ibati, imwarrab fil-ġenb u fuq l-għatba tal-mewt; f’dawn il-qagħdiet kollha tħoss li għandha sfida quddiemha biex tfittex it-tifsira tagħhom u proprju f’dawn iċ-ċirkostanzi tkun lesta tara f’wiċċ kull persuna sejħa għall-konfront, għal djalogu, għal solidarjetà.

 Hu l-waqt li kulħadd ikollu din il-ħarsa ħa jkun kapaċi, kollu mimli b’għaġeb reliġjuż, iqim u jagħti ġieh lil kull bniedem, kif kien jistedinna nagħmlu l-mejjet Pawlu VI f’wieħed mill-messaġġ tiegħu għall-Milied[108]. “Mogħti l-ħajja minn din il-ħarsa kontemplattiva, il-poplu l-ġdid tal-mifdijin ma jistax ma jtennix innijiet ta’ ferħ, ta’ tifħir u ta’ radd il-ħajr għad-don ta’ siwi bla qjies tal-ħajja, għall-misteru tas-sejħa li għandu kull bniedem biex jissieħeb fi Kristu fil-ħajja tal-grazzja, f’eżistenza ta’ xirka bla tmiem ma’ Alla , Ħallieq u Missier.

 84. Tiċċelebra l-Evanġelu tal-ħajja jfisser tiċċelebra ‘l Alla tal-ħajja, ‘ l Alla li jagħti l-ħajja. “Aħna għandna niċċelebraw il-Ħajja ta’ dejjem, li minnha tiġi kull ħajja oħra. Minnha jieħu l-ħajja, skont il-qjies tal-kapaċitajiet tiegħu, kull esseri li b’xi mod għandu sehem fil-ħajja. Din il-ħajja divina, li hi ‘l fuq minn kull ħajja oħra, tmantni u tħares il-ħajja. Kull ħajja, kull moviment ta’ ħajja jiġu minn din il-ħajja li hi ‘l fuq minn kull ħajja u minn kull bidu ta’ ħajja. Minnha l-erwieħ jiksbu n-nuqqas ta’ taħsir tagħhom, u permezz tagħha wkoll l-annimali kollha u l-pjanti, li jirċievu biss ħjiel dgħajjef ta’ ħajja. Lill-bnedmin, ħlejjaq magħmulin minn ruħ u ġisem, il-Ħajja tagħti l-ħajja. Jekk imbagħad niġu biex inħalluha, il-Ħajja, għall-imħabba bla qjies li għandha għall-bniedem, tbiddilna u ssejħilna għal għandha. Mhux biss; twegħedna li twassalna, bir-ruħ u bil-ġisem għall-ħajja perfetta, għall-immortalità. Ftit wisq tgħid li din il-Ħajja hi ħajja: hi l-Bidu tal-Ħajja, il-Kawża u l-Għajn waħdanija tal-ħajja. Kull min jgħix għandu jikkontemplaha u jfaħharha: hi l-Ħajja li tfawwar bil-ħajja”[109].

 Aħna wkoll, bħas-Salmist, fit-talba ta’ kuljum, individwali u komunitarja, infaħħru u nbierku lil Alla l-Missierna, li sawwarna fil-ġuf ta’ ommijietna, u rana u ħabbna meta konna għadna nsiru (ara Salm 139/138, 13.15-16) u għalhekk intennu b’ferħ li ma jitfissirx dan il-kliem: “Inroddlok ħajr għax tal-għaġeb għamiltni, tal-għaġeb huma l-għemejjel tiegħek u ‘l ruħi tafha tajjeb” (Salm 139/138,14). Iva, “din il-ħajja li tmut, hi, minkejja t-tiġrib kollu tagħha, il-misteri moħbija tagħha, it-tbatijiet tagħha, id-dgħufija kollha tagħha, li minnha ma tistax teħles, hi xi ħaġa tassew sabiħa, għaġeb dejjem ġdid li jqanqlek, ġrajja li jixirqilha tiġi dejjem kantata bil-hena u l-glorja”[110]. Anzi wisq aktar, il-bniedem u ħajtu ma narawhomx biss bħala wieħed mill-għeġubijiet l-aktar għolja tal-ħolqien: lil bniedem Alla tah dinjità kważi daqs Alla (ara Salm 8,6-7). F’kull tarbija li titwieled u f'kull bniedem li jgħix jew imut, aħna naraw x-xbieha tal-glorja ta’ Alla: din il-glorja niċċelebrawha f’kull bniedem, sinjal ta’ Alla l-ħaj, ikona ta’ Ġesù Kristu.

 Aħna mistednin nuru stagħġib u ħajr għall-ħajja li rċevejna bħala don u nilqgħu, niggustaw u nwasslu lill-oħrajn l-Evanġelju tal-ħajja, mhux biss bit-talb personali u komunitarju, imma l-aktar biċ-ċelebrazzjoni tas-sena liturġika. Hawnhekk għandna niftakru b’mod partikulari fis-Sagramenti, sinjali effikaċi tal-preżenza u tal-ħidma għas-salvazzjoni tal-Mulej Ġesù fl-eżistenza nisranija. Dawn jagħtu lill-bnedmin sehem fil-ħajja divina u jiżgurawlhom il-qawwa spiritwali meħtieġa biex isseħħ, fil-qawwa kollha tagħha, il-verità tal-ħajja, it-tbatija u l-mewt tagħhom. Permezz ta’ għarfien mill-ġdid u apprezzament aħjar tar-riti, iċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi, l-aktar dawk tas-Sagramenti, dejjem aktar qed ifissru aħjar il-verità tat-twelid, tal-ħajja tat-tbatija u tal-mewt, u hekk jgħinuna ngħixu dawk ir-realtajiet bħala tisħib fil-misteru tal-Għid ta’ Kristu, mejjet u rxoxt.

 85. Fiċ-ċelebrazzjoni tal-Evanġelju tal-ħajja jeħtieġ nitgħallmu napprezzaw u nagħrfu wkoll is-siwi tal-ġesti u tas-simboli li jagħnu t-tradizzjonijiet diversi u d-drawwiet kulturali u popolari tal-ġnus. Huma mumenti u suriet ta’ laqgħat li permezz tagħhom, f’pajjiżi u kulturi diversi, jintwera l-ferħ għall-ħajja li titwieled, ir-rispett u l-ħarsien ta’ kull eżistenza umana, il-kura ta’ min qed ibati jew jinsab fil-bżonn; huma mumenti u suriet li bihom wieħed ikun qrib min hu anzjan jew qed imut, jissieħeb fin-niket ta’ min qed jibki xi ħadd għażiż, mumenti li jqawwu t-tama u x-xewqa tal-immortalità.

 Fid-dawl ta’ dan kollu, jien u nilqa’ s-suġġerimenti li għamluli l-Kardinali fil-Konċistorju tal-1991, nissuġġerixxi li kull sena, f’kull nazzjon, jiġi ċċelebrat Jum il-Ħajja kif ġa qed isir b’inizjattiva ta’ xi Konferenzi Episkopali. Jeħtieġ li dan il-Jum jitħejja u jiġi ċċelebrat bit-tisħib sħiħ u ħaj tas-setturi kollha tal-Knisja lokali. Għan fundamentali ta’ dan il-Jum hu li jqajjem fil-kuxjenzi, fil-familji, fil-Knisja u fis-soċjetà ċivili, l-għarfien tat-tifsir u tal-valur tal-ħajja umana f’kull mument u qagħda tagħha, u b’mod partikulari jqiegħed fil-qofol tal-attenzjoni ta’ kulħadd il-gravità tal-abort u tal-ewtanasja, iżda mingħajr ma jiġu ttraskurati mumenti u aspetti oħra tal-ħajja, li minn żmien għall-ieħor jixirq-ilhom li jiġu kkunsidrati bl-attenzjoni kollha, skont kif jissuġġerixxu ċ-ċikostanzi u l-okkażjoni tal-mument.

 86. Bħala parti mill-qima spiritwali li togħġob lil Alla (ara Rum 12,1), iċ-ċelebrazzjoni tal-Evanġelju tal-Ħajja trid li sseħh l-aktar fil-ħajja ta’ kuljum li wieħed jgħixha fl-imħabba għall-oħrajn u fl-għoti tiegħu innifsu lill-oħrajn; imbagħad tkun l-eżistenza tagħna kollha kemm hi li tilqa’ b’mod awtentiku u responsabbli d-don tal-ħajja u tkun tifħir sinċier u rikonoxxenti ta’ Alla li tana dan id-don. Dan ġa qed isir b’tant u tant ġesti ta’ donazzjoni, spiss umli u moħbija, magħmulin minn irġiel u nisa, minn tfal u kbar, minn żgħażagħ u anzjani, b’saħħithom u morda.

 U hawn, f’dan il-qasam, hekk għani b’umanità u mħabba, li jsiru wkoll ġesti erojċi. Huma ċ-ċelebrazzjonijiet l-aktar solenni tal-Evanġelju tal-Ħajja, għax iħabbru d-don kollu kemm hu sħiħ tiegħu innifsu ta’ dak li jkun; huma manifestazzjonijiet jiddu tal-grad l-aktar għoli ta’ mħabba, dak li tagħti ħajtek għal min tħobb (ara Ġw 15,13); huma tisħib fil-misteru tas-Salib, li fih Ġesù juri x’siwi hi għalih il-ħajja ta’ kull bniedem, u kif din isseħħ fil-milja kollha tagħha fl-għoti mill-qalb tiegħu innifsu. Barra l-ġrajjiet li jissemmew ħafna, hemm l-eroiżmu ta’ kuljum, għemejjel żgħar jew kbar, ta’ qsim mal-oħrajn, li jmantnu kultura vera tal-ħajja. Fost dawn l-għemejjel ta’ min japprezza, b’mod partikulari, l-għoti ta’ organi tal-ġisem magħmul f’sura etikament aċċettabbli, biex hekk ikun possibbli li tingħata s-saħħa u saħansitra l-ħajja lil xi marid kull tant bla ebda tama ta’ fejqan.

 Ma’ dan l-eroiżmu ta’ kuljum irridu ngħoddu x-xhieda siekta, iżda li tfisser ħafna u tagħti kotra ta’ frott, ta’ “dawk l-ommijiet qalbiena li jiddedikaw ruħhom bla ebda kundizzjoni ta’ xejn għall-familja tagħhom, li jbatu biex iwelldu ‘l uliedhom, u mbagħad huma dejjem lesti jidħlu għal kull xorta ta’ għeja, u jagħmlu kull sagrifiċċju, biex jagħtuhom l-aħjar ta’ dak li jgħożżu fihom infushom”[111]. Huma u jgħixu din il-missjoni tagħhom, dawn l-ommijiet qalbiena mhux dejjem isibu għajnuna fl-ambjent tagħhom. Anzi, is-suriet ta’ ċiviltà, li spiss iġibu ‘l quddiem u jxandru l-mezzi ta’ komunikazzjoni, bl-ebda mod ma huma ta’ għajnuna għall-maternità. F’isem il-progress u l-modernità juruna bħala valuri li llum spiċca żmienhom il-valuri tal-fedeltà, tal-kastità, tas-sagrifiċċju li fihom kisbu u għadhom jiksbu ġieh għadd bla qjies ta’ miżżewġin u ta’ ommijiet insara...”Inroddulkom ħajr, ommijiet qalbiena għall-imħabba qatt mirbuħa tagħkom! Inroddulkom ħajr għall-fiduċja qalbiena tagħkom f’Alla u f’imħabbtu! Inroddulkom ħajr għas-sagrifiċċju ta’ ħajjitkom...Kristu fil-misteru tal-Għid iroddilkom lura d-don li tajtuh. Dan għax hu għandu s-setgħa li jagħtikom lura l-ħajja li intom offerjtulu”[112].

 

X’jiswa, ħuti, li wieħed jgħid li għandu l-fidi, jekk ma jurihiex fl-għemil tiegħu?” (Ġak 2,14): il-qadi tal-Evanġelju tal-ħajja

 87. Bis-saħħa tat-tisħib fil-missjoni reali ta’ Kristu, l-għajnuna u l-promozzjoni tal-ħajja umana jseħħu permezz tal-qadi tal-imħabba li jidher fix-xhieda personali, fil-ħafna suriet tal-volontarjat, fl-animazzjoni soċjali u fl-impenn politiku. Din hi ħtieġa li, b’mod partikulari, qed tinħass sewwa fiż-żmien tal-lum, meta “l-kultura tal-mewt” hi f’kuntrast hekk qawwi mal-“kultura tal-ħajja”, u spiss tidher li qiegħda minn fuq. Iżda qabel xejn, din hi ħtieġa li tiġi mill-“fidi li taħdem permezz tal-imħabba” (Gal 5,6), kif twissina l-Ittra ta' San Ġakbu: “X’jiswa, ħuti, li wieħed jgħid li għandu l-fidi, jekk ma jurihiex fl-għemil tiegħu?” Jaqaw tista’ ssalva din il-fidi? Jekk ħuk jew oħtok ikunu għarwenin u neqsin mill-ikel ta’ kuljum, u wieħed minnkom jgħidilhom: ‘Morru bis-sliem, isħnu u kulu sa ma tixbgħu’, bla ma jagħtihom dak li hu meħtieġ għall-ġisem, dan x’jiswa? Hekk ukoll il-fidi, jekk tkun waħedha, u ma jkollhiex għemil, tkun mejta” (Ġak 2,14-17).

 Fil-qadi tal-imħabba hemm qagħda li għandha taħjina u tagħżilna: irridu nieħdu ħsieb l-ieħor għaliex hu persuna fdata lilna minn Alla, fir-responsabbiltà tagħna. Bħala dixxipli ta’ Ġesù, aħna msejħin biex inkunu proxxmu għal kull bniedem (ara Lq 10,29-37), bi preferenza speċjali għal min hu bil-ġuħ, għal min hu bil-għatx, għall-barranin, għall-għarwenin, għall-marid, għal min hu fil-ħabs - u wkoll għat-tarbija li għadha ma twelditx jew għall-anzjan qed ibati jew qrib il-mewt - aħna nkunu naqdu lil Ġesù, kif hu stess qalilna: “Kull ma’ għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25,40). Għalhekk ma jistax ikun li ma nħossux li aħna interpellati u ġġudikati mill-kliem f’waqtu llum ukoll ta’ San Ġwann Griżostmu: “Trid tagħti ġieh lill-Ġisem ta’ Ġesù? Tistmellx l-għera tiegħu; tlibbsux hawn fil-knisja u mbagħad tħallih ibati bl-għera u l-ksieħ barra mill-knisja.”[113].

 Il-qadi tal-imħabba lill-ħajja għandu jkun kollu kemm hu konsistenti, ma jista’ qatt ikun preġudikat u lanqas diskriminatorju, għax il-ħajja tal-bniedem ma tistax tittiefes f’ebda mument u qagħda tagħha; hi ġid inviżibbli. Jeħtieġ mela jittieħed ħsieb tal-ħajja kollha u tal-ħajja ta’ kulħadd. Anzi, u mmorru aktar fil-fond, jeħtieġ immorru sal-għeruq tal-ħajja u tal-imħabba.

 Proprju mill-imħabba kbira għal kull raġel u għal kull mara li tul iż-żmin-ijiet, żviluppat storja tal-għaġeb ta’ mħabba, li daħħlet fil-ħajja ekkleżjali u ċivili għadd kbir ta’ strutturi għall-qadi tal-ħajja li jġiegħlu jistgħaġeb lil kull min iħares lejhom bla ebda preġudizzju. Hi storja li, b’sens imġedded ta’ respon-sabbiltà, kull komunità nisranija trid tkompli tikteb b’ħidma pastorali u soċjali ta’ ħafna suriet. Għal dan il-għan għandhom jibdew iseħħu programmi adattati u effikaċi ta’ għajnuna għall-ħajja li qed titwieled, programmi li jkunu b’mod speċjali qrib ħafna dawk l-ommijiet li, wkoll mingħajr l-għajnuna tal-missier, ma jibżgħux iġibu tarbija fid-dinja u jedukawha. L-istess kura jrid ikun hemm għall-ħajja meta waslet fit-tarf tagħha jew qed tbati, speċjalment fl-aħħar mumenti tagħha.

 88. Dan kollu jitlob ħidma edukattiva kollha sabar u kuraġġ li tħeġġeġ lil kulħadd u lil kull wieħed minna jerfa’ t-tagħbija ta’ xulxin (ara Gal 6,2); titlob li bla heda jiġu ‘l quddiem vokazzjonijiet għall-qadi, b’mod partikulari fost iż-żgħażagħ; tistenna li jkun hemm proġetti u inizjattivi konkreti, li jibqgħu, u li jkunu spirati mill-Evanġelju.

 Ħafna huma l-mezzi għal dan il-għan li jridu jiġu ‘l quddiem b’ħila u b’impenn serju. Meta l-ħajja tkun fil-bidu tagħha, għandhom jitwaqqfu ċentri dwar il-metodi naturali li jirregolaw il-fertilità, bħala għajnuna għall-paternità u l-maternità responsabbli, fejn kull persuna, ibda mit-tarbija, tikseb għarfien u rispett għaliha nfisha, u kull għażla titmantna u titmexxa mill-kriterju tal-għoti sinċier lil xulxin. Il-konsulturi għaż-żwieġ u l-familja, ukoll permezz tal-ħidma speċifika tagħhom ta’ pariri u ta’ prevenzjoni, li, fid-dawl ta’ antropoloġija li taqbel mad-dehra nisranija tal-persuna, jagħtu lill-koppji dwar is-sesswalità wkoll, huma servizz ta’ siwi kbir biex jinstab mill-ġdid it-tifsir tal-imħabba u tal-ħajja, u biex iwettqu kull familja u jissieħbu magħha, hi u taqdi l-missjoni tagħha ta’ “santwarju tal-ħajja”. Għall-qadi ta’ ħajja qed titwieled għandu jkun hemm ukoll ċentri ta’ għajnuna għall-ħajja u djar jew ċentri fejn tiġi milqugħa l-ħajja. Permezz tal-ħidma ta’ dawn iċ-ċentri, ħafna ommijiet mhux miżżewġa u koppji li jinsabu f’xi diffikultà, qed isibu raġunijiet u konvinzjonijiet ġodda, għajnuna wkoll biex jegħelbu t-tbatija u l-biża’ li jilqgħu ħajja li tnisslet jew li għadha kemm twieldet.

 Quddiem il-ħajja ta’ tbatija, ta’ mard, ta’ telf ta’ triq, hemm ukoll mezzi oħra bħalma huma l-komunitajiet fejn id-drogati jiġu rekuperati, komunitajiet li jilqgħu persuni taħt l-età jew morda mentali, ċentri ta’ kura u akkoljenza tal-morda bl-AIDS, kooperativi ta’ solidarjetà speċjalment mad-diżabbli; dawn huma espressjoni tfisser ħafna ta’ dak li l-imħabba tista’ toħloq biex tagħti lil kull wieħed tamiet ġodda u possibilitajiet konkreti ta’ ħajja.

 Meta l-ħajja fid-dinja tkun qorbot lejn it-tmiem tagħha, hi l-imħabba wkoll li ssib il-mezzi l-aktar adatti, biex l-anzjani, speċjalment dawk li bl-ebda mod ma jistgħu jgħinu lilhom infushom, u l-morda fl-aħħar marda tagħhom jista’ jkollhom għajnuna li tkun tassew umana, u jsibu tweġiba adatta għall-ħtiġijiet tagħħom u b’mod partikulari, għal qtigħ il-qalb u s-solitudni tagħhom. Id-dmir tal-familja, f’dawn il-każi qatt ma jista’ jiġi mibdul ma’ ebda ħaġ’oħra, iżda l-anzjani jista’ jkollhom ukoll għajnuna kbira mill-istrutturi soċjali ta’ assistenza u, meta meħtieġ b’suriet ta’ kura li jtaffu t-tbatija, bl-għajnuna ta’ servizzi sanitari u soċjali adattati li jagħtu s-servizz taghħom kemm f’istitiuzzjonijiet u djar ta’ kura pubbliċi u kemm fid-djar.

 B’mod partikulari trid titqies mill-ġdid il-ħidma tal-isptarijiet, tal-kliniċi u tad-djar ta’ kura: l-identità ta’ dawn l-istituzzjonijiet mhijiex biss dik ta’ strutturi fejn jittieħed ħsieb tal-morda u tal-moribondi, iżda fuq kollox iridu jkunu ambjenti fejn it-tbatija, l-uġigħ u l-mewt jingħarfu u jitfissru fit-tifsir uman u speċifikament nisrani tagħhom. B’mod speċjali din l-identità trid tidher b’mod aktar ċar u effikaċi fl-istituti tar-reliġjużi jew, b’xi mod jew ieħor, huma marbutin mal-Knisja.

 89. Dawn l-istrutturi u dawn il-postijiet ta’ qadi għall-ħajja u l-inizjattivi l-oħra kollha ta’ għajnuna u ta’ solidarjetà li l-qagħda tkun qed titlob minn mument għall-ieħor, jeħtieġ jitmantnu minn persuni dejjem lesti jgħinu b’ġenerożità kbira u jafu sewwa kemm L-Evanġelju tal-Ħajja hu deċiżiv għall-ġid tal-individwu u tas-soċjetà.

 Għandhom responsabbiltà kollha kemm hi speċjali għalihom l-operaturi sanitari: tobba, spiżjara, infermiera, kappillani, reliġjużi, rġiel u nisa, amministraturi u volontari.

 Il-professjoni tagħhom titlob minnhom li jkunu għassiesa u qaddejja tal-ħajja umana. Fl-ambjent kulturali u soċjali tal-lum, fejn il-prattika tax-xjenza u l-mediċina huma fil-periklu li jitilfu d-dimensjoni etika naturali tagħhom, xi kultant tista’ tiġihom it-tentazzjoni li jinbidlu f’nies li jilagħbu bil-ħajja meta ma jsirux aġenti tal-mewt. Quddiem tentazzjonijiet bħal dawn, ir-responsabbiltà tagħhom kibret fuq li kibret u ssib l-ispirazzjoni l-aktar għolja tagħha u l-għajnuna l-aktar qawwija proprju fid-dimensjoni etika tal-professjoni sanitarja, dimensjoni li hi naturali għaliha u li ħadd ma jista’ jiċħadha; dan kien magħruf mill-ġurament antik ta’ Ippokrate, ġurament għadu jiswa llum ukoll; skont dan il-ġurament kull tabib hu msejjaħ biex jimpenja ruħu li jirrispetta b’mod assolut il-ħajja tal-bniedem u l-qdusija tagħha.

 90. Huma msejħin jagħmlu ħidma speċifika dawk il-persuni impenjati fil-volontarjat; joffru kontribut ta’ siwi kbir fil-qadi tal-ħajja, meta jagħrfu jgħaqqdu flimkien il-ħila professjonali tagħhom ma’ mħabba ġeneruża u gratwita. L-Evanġelju tal-ħajja jimbuttahom biex is-sentimenti ta’ filantropija sempliċi jerfgħuhom u jgħolluhom għall-imħabba ta’ Kristu, biex kuljum fost xogħol iebes u għeja, iġeddu l-għarfien tad-dinjità ta’ kull bniedem; biex jifhmu x’inhuma l-ħtiġijiet tal-persuni u, fejn ikun meħtieġ, isibu triqat ġodda meta l-ħtiġijiet huma aktar urġenti u l-attenzjoni u l-għajnuna huma aktar dgħajfa.

 L-imħabba biex twieġeb għar-realtà u tkun effikaċi titlob li l-Evanġelju tal-ħajja jkun moqdi wkoll minn suriet ta’ ħidma speċjali u minn impenn fil-qasam tal-politika, bħala mezzi għad-difiża u għall-promozzjoni tal-valur tal-ħajja fis-soċjetajiet tagħna, illum dejjem aktar komplessi u pluralistiċi. Individwi, familji, gruppi, u assoċjazzjonijiet, għalkemm b’ħidmiet u f’manjieri diversi, għandhom ir-responsabbiltà li jiffurmaw is-soċjetà u jfasslu proġetti kulturali, ekonomiċi, politiċi u leġislattivi li, b’rispett lejn kulħadd u skont il-prinċipji demokratiċi tal-konvivenza tan-nies flimkien, jgħinu fil-bini ta’ soċjetà fejn id-dinjità ta’ kull persuna tkun magħrufa u mħarsa u l-ħajja ta’ kulħadd tkun difiża u miġjuba ‘l quddiem.

 Dan id-dmir jolqot b’mod partikulari r-responsabbli tal-ħajja pubblika. Imsejħin biex jaqdu l-bniedem u l-ġid komuni, huma fid-dmir li jagħmlu għażliet kuraġġjużi favur il-ħajja, qabel xejn fil-qasam tal-liġijiet. F’sistema demokratika, fejn il-liġijiet isiru u d-deċiżjonijiet jittieħdu bil-kunsens ta’ ħafna, is-sens ta’ responsabbiltà personali jista’ jonqos fil-kuxjenza ta’ kull individwu li għandu awtorità. Iżda din ir-responsabbiltà ħadd ma jista’ jaħrab minnha, l-aktar meta għandu mandat biex jagħmel liġijiet jew jieħu deċiżjonijiet, mandat li jsejjaħlu biex jagħti tweġiba lil Alla, lill-kuxjenza proprja tiegħu, u lis-soċjetà kollha kemm hi, dwar għażliet li jittieħdu kontra l-veru ġid komuni. Għalkemm il-liġijiet m’humiex il-mezz waħdieni biex jiddefendu l-ħajja tal-bniedem, għandhom ħidma verament importanti, u xi kultant determinanti, biex tiġi ‘l quddiem xi mentalità, xi drawwa. Nerġa’ ntenni għal darb’oħra li tikser id-dritt naturali tal-ħajja ta’ persuna innoċenti hi inġusta u għalhekk ma tiswiex bħala liġi. Għalhekk bil-qawwa kollha nġedded l-appell tiegħi lill-politiċi biex ma jagħmlux liġijiet li, għax m’għarfux id-dinjità tal-persuna, jheddu mill-għeruq l-istess konvivenza ċivili.

 Il-Knisja taf li, f’ambjent ta’ demokrazija pluralistika, minħabba l-preżenza ta’ ħafna kurrenti kulturali b’fehmiet differenti, hu diffiċli li sseħħ difiża legali effikaċi tal-ħajja. Iżda l-Knisja, imqanqla miċ-ċertezza li l-verità morali ma jistax ma jkollhiex tweġiba fil-fond ta’ kull kuxjenza, tħeġġeġ lill-politiċi kollha, u tibda minn dawk insara, biex ma jċedux imma jagħmlu għażliet li, waqt li jqisu l-possibiltajiet li jkun hemm fil-fatt, iwasslu biex iseħħ ordni ġust li jiddefendi u jġib ‘il quddiem il-valur tal-ħajja. Hawn irridu ngħidu li mhux biżżejjed tneħħi liġijiet inġusti. Iridu jitwarrbu l-kawżli li jgħinu l-attentati kontra l-ħajja, l-aktar billi tingħata dik l-għajnuna li jmissha tingħata lill-familja u lill-maternità; il-politika familjari għandha tkun il-bażi u l-qawwa li ġġib ‘il quddiem il-politika soċjali kollha. Għalhekk jeħtieġ ikun hemm inizjattivi soċjali u leġislattivi kapaċi jiggarantixxu kundizzjonijiet ta’ libertà vera fl-għażla favur il-paternità u l-maternità; barra dan jeħtieg li tkun maħsuba mill-ġdid il-politika tax-xogħol, dik tal-urbanistika, dik tad-djar u dik tas-servizzi, biex ikun hemm armonija bejn il-ħinijiet tax-xogħol u l-ħinijiet mogħtijin lill-familja u hekk ikun possibbli li wieħed jieħu ħsieb sewwa tat-tfal u tal-anzjani.

 91. Kapitlu importanti fil-politika għall-ħajja hu dak dwar il-problema demografiku. L-awtoritajiet pubbliċi għandhom żgur ir-responsabbiltà li joħolqu “inizjattivi” biex “jirregolaw id-demografija tal-popolazzjoni”[114], iżda dawn l-inizjattivi iridu dejjem iqisu u jirrispettaw ir-responsabbiltà ewlenija, li ma jistgħux jitwarrbu minnha, tal-miżżewġin u tal-familji, u ma jistgħux jagħmlu użu ta’ metodi li ma jirrispettawx il-persuna u d-drittijiet fundamentali tagħha, ibda mid-dritt għall-ħajja ta’ kull esseri uman innoċenti: Għalhekk ma jistax jiġi aċċettat moralment kull inkoraġgiment, meta ma jkunx hemm ukoll impożizzjoni, ta’ mezzi li jirregolaw it-twelid tat-trabi bħalma huma l-kontraċezzjoni, l-isterilizzazzjoni u l-abort. Hemm ħafna triqat oħra biex tinstab soluzzjoni tal-problema demografiku: il-gvernijiet u l-ħafna istituti internazzjonali jridu li l-ewwelnett jaħsbu għall-ħolqien ta’ kundizzjonijiet ekonomiċi, soċjali, mediko-sanitarji u kulturali li jħallu lill-miżżewġin jagħmlu l-għażliet tagħhom dwar it-tnissil tal-ulied b’libertà sħiħa u b’sens ta’ responsabbiltà vera, imbagħad għandhom jagħmlu sforz biex “iżidu l-opportunitajiet u jqassmu b’ġustizzja akbar il-ġid ħalli kulħadd jista’ jkollu sehem xieraq mill-ġid kollu tal-ħolqien. Jeħtieġ li jinħolqu soluzzjonijiet, fuq il-livell tad-dinja ħa jkun hawn vera ekonomija ta’ xirka u ta’ tqassim tal-ġid bejn kulħadd, kemm fuq livell internazzjonali u kemm fuq livell nazzjonali”[115]. Din biss hi t-triq li tirrispetta d-dinjità tal-persuni u tal-familji, barra li tirrispetta wkoll il-wirt kulturali, awtentiku tal-poplu.

 Il-qadi tal-Evanġelju tal-ħajja hu għalhekk wiesa’ ħafna u kompless. Qed jidhrilna dejjem aktar bħala qasam ta’ siwi kbir li jgħin ħafna ħa jkun hemm bil-fatt kollaborazzjoni mal-aħwa tal-Knejjes l-oħra tal-komunitajiet ekkleżjali skont dak l-ekumeniżmu fil-ħidma li l-Konċilju Vatikan II ħeġġeġ għalih bl-awtorità kollha tiegħu[116]. Barra dan, jidher li hu qasam providenzjali għad-djalogu u għall-ħidma ma’ dawk li jħaddnu reliġjonijiet oħra u mal-bnedmin kollha ta’ rieda tajba. Il-ħarsien u l-promozzjoni tal-ħajja m’humiex monopolju ta’ ħadd, imma huma dmir u responsabbiltà ta’ kulħadd. L-isfida li għandna quddiemna, lejliet it-tielet elf sena hi sfida kbira: biss kooperazzjoni bejn dawk kollha li jemmnu fil-valur tal-ħajja tista’ tevita li tiġi mirbuħa ċ-ċiviltà u l-konsegwenzi ta’ dan ħadd ma jista’ jaħseb x’jista’ jkun.

 

“Ara, wirt il-Mulej huma l-ulied, ħlas tiegħu u frott il-ġuf” (Salm 127/126,3): il-familja “santwarju tal-ħajja”.

 92. Fi ħdan “il-poplu tal-ħajja u għall-ħajja” hi deċisiva r-responsabbiltà tal-familja: hi responsabbiltà li toħroġ mill-istess natura tagħha - dik li xirka ta’ ħajja u ta’ mħabba, mibnija fuq iż-żwieġ - u mill-missjoni tagħha li “tħares, turi u twassal l-imħabba” [117]. Fin-nofs hemm l-imħabba stess ta’ Alla, u f’din l-imħabba il-ġenituri huma msejħa biex jissieħbu u b’xi mod ukoll ifissruha, huma u jagħtu l-ħajja u jrabbuha skont il-pjan tiegħu ta’ Missier[118]. U hekk l-imħabba tingħata b’xejn, tiġi milqugħa, issir don: fil-familja kulħadd hu magħruf, rispettat u mogħti ġieh għax hu persuna, u, jekk xi ħadd għandu xi ħtiġiet aqwa, ikollu għajnuna aktar qawwija u aktar attenta.

 Il-familja għandha dejjem sehem fit-tul kollu tal-ħajja tal-membri tagħha, mit-twelid sal-mewt. Hi tassew “santwarju tal-ħajja” post fejn il-ħajja, don ta’ Alla, tiġi milqugħa kif jixraq u mħarsa mill-ħafna theddid li għandha quddiem-ha, u tista’ tiġi ‘l quddiem skont ma jitlob il-kobor veru tal-bniedem[119]. Hu għalhekk li l-ħidma tal-familja għall-bini tal-kultura tal-ħajja hu determinanti u ma tista’ ssir minn ebda ħaddieħor.

 Bħala Knisja tad-dar, il-familja hi msejħa biex tħabbar, tiċċelebra u taqdi l-Evanġelju tal-ħajja. Hi dmir li qabel xejn jorbot il-miżżewġin, imsejħin biex jagħtu l-ħajja, huma u jagħrfu dejjem aktar xi jfisser it-tnissil, bħala fatt privileġġjat li fih jidher li l-ħajja tal-bniedem hi don li jingħata biex imbagħad jiġi mogħti. Fit-tnissil ta’ ħajja ġdida il-ġenituri jintebħu li t-tarbija “jekk hi frott tal-għoti tagħhom lil xulxin fl-imħabba, hi wkoll don mogħti lilhom, don għalihom it-tnejn, don li joħroġ minn don”[120].

 Hu l-aktar permezz tal-edukazzjoni tal-ulied li l-familja taqdi l-missjoni tagħha ta’ ħabbara tal-Evanġelju tal-ħajja. Bil-kelma u bl-eżempju, fir-relazzjonijiet u l-għażliet ta’ kuljum, permezz ta’ ġesti u sinjali konkreti, il-ġenituri jwasslu lil uliedhom għal dak il-ħelsien veru, li jseħħ fl-għoti sinċier tiegħek innifsek, u jrawmu fihom rispett lejn l-oħrajn, sens ta’ ġustizzja, ftuħ mill-qalb, djalogu, servizz ġeneruż, solidarjetà, u kull valur ieħor li jgħinhom biex jgħixu l-ħajja bħala don. Il-ħidma edukattiva tal-ġenituri trid tkun ta’ qadi għall-fidi tal-ulied u ta’ għajnuna għalihom biex iwieġbu għas-sejħa li ssirilhom minn Alla. Hi parti mill-missjoni edukattiva tal-ġenituri li jgħallmu lil uliedhom it-tifsir veru tat-tbatija u tal-mewt u jagħtuhom xhieda ta’ dan: u dan ikunu jagħmluh jekk ikunu attenti għal kull tbatija li jaraw madwarhom, u qabel xejn, jekk ikunu jafu jġibu ‘l quddiem qagħdiet ta’ għajnuna, mal-morda u l-anzjani fil-familja, u jkunu qrib lejhom u jaqsmu magħhom tbatijiethom.

 93. Barra dan, il-familja tiċċelebra l-Evanġelju tal-ħajja bit-talb ta’ kuljum, individwalment u fil-familja: b’dan it-talb il-familja tfaħħar u trodd ħajr lil Alla għad-don tal-ħajja u titlob dwal u qawwa biex tkun tista’ tilqa’ l-mumenti diffiċli u l-mumenti ta’ tbatija mingħajr ma titlef kull tama. Iżda ċ-ċelebrazzjoni li tagħti tifsir lis-suriet l-oħra kollha ta’ talb u ta’ kult hi dik li turi ruħha fil-ħajja ta’ kuljum tal-familja, jekk din tkun ħajja ta’ mħabba u ta’ donazzjoni.

 Hekk iċ-ċelebrazzjoni tinbidel f’qadi tal-Evanġelju tal-ħajja li juri ruħu fis-solidarjetà li tidher fil-familja u madwarha, permezz ta’ attenzjoni ħerqana u kollha mħabba li tidher f’kull għemil żgħir u umli tal-ħajja ta’ kuljum. Sinjal li b’mod tassew partikulari jfisser ħafna s-solidarjetà bejn il-familji, hu l-fatt li bih juru d-dispożizzjoni li jadottaw jew jaċċettaw li jiġu fdati lilhom trabi abbandu-nati mill-ġenituri tagħhom jew li almenu f’qagħdiet ta’ tbatija kbira. Il-vera mħabba tal-missier u tal-omm taf tmur ‘l hemm mir-rabtiet tad-demm u l-laħam u tasal biex tilqa’ wkoll trabi ta’ familji oħra u tagħtihom dak li jeħtieġu għal ħajjithom u għall-iżvilupp sħiħ tagħhom. Fost is-suriet kollha ta’ adozzjoni, jixraq li tissemma wkoll l-adozzjoni mill-bogħod, li hi ta’ min jippreferiha meta t-trabi jiġu abbandunati biss minħabba l-qagħda ta’ faqar kbir tal-familja. Fil-fatt din is-sura ta’ adozzjoni tagħti lill-ġenituri dik l-għajnuna meħtieġa biex imantnu u jrabbu ‘l uliedhom mingħajr ma jqaċċtuhom mill-ambjent naturali tagħhom.

 Is-solidarjetà, fit-tifsira tagħha ta’ “determinazzjoni soda u perseveranti favur impenn għall-ġid komun” [121], titlob li sseħħ ukoll permezz ta forom ta’ parteċipazzjoni soċjali u politika. Għalhekk il-qadi tal-Evanġelju tal-ħajja jitlob li l-familji, l-aktar meta jissieħbu f’assoċjazzjonijiet adatti, jħabirku biex il-liġijiet u l-istituzzjonijiet tal-Istat bl-ebda mod ma jagħmlu ħsara lid-dritt għall-ħajja, mit-tnissil sal-mewt naturali tagħha, imma jħarsuha u jġibuha ‘l quddiem.

 94. L-anzjani għandu jkollhom post speċjali. Waqt li f’xi kulturi l-persuna l-aktar kbira fil-għomor tibqa’ fi ħdan fil-familja b’ħidma dejjem aktar importanti, f’kulturi oħra l-anzjan jitqies bħala piż li ma jiswa għal xejn u għalhekk jitħalla jaħseb waħdu għalih innifsu: f’qagħda bħal din aktar malajr tista’ tiġi t-tentazzjoni tal-ewtanasja.

 L-emarġinazzjoni jew it-twarrib għal kollox tal-anzjani mhux aċċettabli. Il-preżenza tal-anzjani fi ħdan il-familja jew meta almenu l-familja tkun qrib tagħhom għax id-dar tkun żgħira wisq jew għax din il-preżenza ma tkunx possibbli minħabba xi raġunijiet oħra, għandha importanza fundamentali biex jinħoloq ambjent ta’ għajnuna għal xulxin u ta’ komunikazzjoni li tagħni ż-żminijiet kollha tal-ħajja. Għalhekk hu importanti ħafna li tinżamm jew titwaq-qaf mill-ġdid fejn intilef, sura ta’ “patt” bejn il-ġenerazzjonijiet, hekk il-ġenituri anzjani li waslu fi tmiem il-mixja tagħhom ikunu jistgħu jiġu milqugħin mill-ulied u jsibu f’uliedhom dik is-solidarjetà li wrewhom meta kienu jikbru: dan titolbu l-ubbidjenza għall-kmandament ta’ Alla li nweġġħu lil missierna u ‘l ommna (ara Eż 20,12; Lev 19,3). Iżda hemm aktar minn dan. L-anzjan m’għandux biss jitqies bħala oġġett li tieħu ħsiebu, tkun qrib tiegħu u taqdih. Hu wkoll għandu sehem ta’ siwi x'jagħti għall-Evanġelju tal- ħajja. Minħabba t-teżor ta' esperjenzi li jkun nġabar matul is-snin, l-anzjan jista' u għandu jkun sors ta' għerf u xhieda fit-tama u fl-imħabba.

 Jekk hu minnu li “l-ġejjieni tal-umanità jgħaddi mill-familja”[122], għandna nammettu li l-kundizzjonijiet soċjali, ekonomiċi u kulturali tal-lum jagħmlu spiss aktar iebes u tqil id-dmir tal-familja fil-qadi tal-ħajja. “Is-santwarju tal-ħajja”, bħala ċellula tas-soċjetà li tħobb u tilqa’ l-ħajja, biex taqdi l-vokazzjoni tiegħu jeħtieġlu malajr li l-familja wkoll issib għajnuna u tkun imwettqa. Is-soċjetà u l-Istat iridu jiżgurawlha dik l-għajnuna kollha, dik ekonomika wkoll, li teħtieġ biex il-familja tkun tista’ twieġeb b’mod aktar uman u tħoll il-problemi li jkollha. Il-Knisja min-naħa tagħha, ma trid tegħja qatt iġġib ‘il quddiem ħidma pastorali għall-familja, kapaċi tqanqal kull familja biex issib mill-ġdid u tgħix bil-ferħ u l-kuraġġ kollu il-missjoni tagħha quddiem l-Evanġelju tal-ħajja.

 

“Għixu ta’ wlied id-dawl li intom” (Ef 5,8): biex isseħħ bidla kulturali

 95. “Għixu ta’ wlied id-dawl li intom...Fittxu li taraw dak li jogħġob lill-Mulej u tissiħbux fl-għemejjel tad-dlam bla frott” (Ef 5,8.10-11). Fil-qagħda soċjali tal-lum, li bħala sinjal tagħha għandha l-ġlieda qalila bejn “il-kultura tal-ħajja” u l-“kultura tal-mewt”, jeħtieġ li jiġi żviluppat sens kritiku qawwi, kapaċi jagħraf dawk il-valuri li huma veri u l-esiġenzi li huma tssew minnhom.

 Jeħtieġ li jkun hemm malajr mobilżżtazzjoni sħiħa tal-kuxjenzi u sforz etiku minn kulħadd biex titwaqqaf strateġija kbira favur il-ħajja. Ilkoll flimkien irridu nibnu kultura ġdida tal-ħajja: ġdida, għax tkun tista’ teħodha kontra l-problemi ġodda tal-lum dwar il-ħajja tal-bniedem u ssolvihom; ġdida, għax magħmula b’konvinzjoni aktar soda u ħabrieka mill-insara kollha; ġdida għax kapaċi tqajjem ma’ kulħadd konfront kulturali serju u qalbieni. Il-ħtieġa malajr ta’ din il-bidla kulturali hi marbuta mal-qagħda storika tal-lum, iżda għandha l-għeruq tagħha fl-istess missjoni evanġelizzatriċi li hi proprja tal-Knisja. Fil-fatt, l-Evanġelju bħala għandu li “jbiddel minn ġewwa u jġedded il-ġens kollu tal-bnedmin”[123]. Bħall-ħmira li biha togħla l-għaġna kollha (ara Mt 13,33) l-Evanġelju għandu jindiehes fil-kulturi kollha biex jaħjihom minn ġewwa[124], ħalli juru l-verità sħiħa dwar il-bniedem u ħajtu.

 Irridu nibdew billi nġeddu l-kultura tal-ħajja fi ħdan l-istess komunitajiet insara. Spiss ħafna, dawk li jemmnu, ukoll jekk huma mseħbin attivi fil-ħajja tal-Knisja, jaqgħu f’sura ta’ qagħda li tifred minn xulxin dak li titlob il-fidi nisranija u dak li titlob l-etika dwar il-ħajja, u hekk jaslu għal soġġettiviżmu morali u għal ċerta mġieba li ma tistax taċċettaha. Għalhekk irridu nistaqsu lilna nfusna, b’mod l-aktar ċar u bil-kuraġġ kollu, liema kultura tal-ħajja tinsab imxerrda fost l-individwi insara, il-familji, il-gruppi, il-komunitajiet tad-djoċesijiet tagħna. U bl-istess mod ċar u deċiż, irridu naraw x’passi għandna nagħmlu biex naqdu l-ħajja skont il-milja tal-verità tagħha. Fl-istess waqt, irridu nġibu ‘l quddiem konfront serju u fil-fond ma’ kulħadd, ma’ dawk ukoll li ma jemmnux, dwar il-problemi fundamentali tal-ħajja tal-bniedem, fejn jissawwar il-ħsieb, kif ukoll fl-ambjent professjonali u fejn kuljum timxi ‘l quddiem il-ħajja ta’ kull wieħed.

 96. L-ewwel pass fundamentali biex isseħh din il-bidla kulturali hu l-formazzjoni tal-kuxjenza morali dwar il-valur bla qjies li qatt ma jista’ jiġi mittiefes ta’ kull ħajja umana. Hu importanti ħafna nsibu mill-ġdid ir-rabta li ma tista’ tinħall qatt bejn il-ħajja u l-libertà; huma t-tnejn ġid li ma nistgħux nifirdu minn xulxin: meta jitħassar wieħed, l-ieħor jispiċca biex jitħassar ukoll. M’hemmx libertà tassew fejn il-ħajja ma tiġix milqugħa u maħbuba; u m’hemmx il-ħajja sħiħa jekk mhux fil-libertà. Dawn iż-żewġ realtajiet għandhom fihom infushom, b’mod speċifiku, ħaġa li torbothom flimkien b’mod li qatt ma jistgħu jinħallu minn xulxin;il-vokazzjoni għall-imħabba. Din l-imħabba, bħala don sinċier tiegħek innifsek[125], tagħti t-tifsir veru tal-ħajja u tal-libertà tal-persuna.

 Mhux inqas deċisiva hija l-formazzjoni tal-kuxjenza u għarfien mill-ġdid tar-rabta li hi meħtieġa bejn il-libertà u l-verità. Kif għedt kemm-il darba, tifred lil-libertà mill-verità oġġettiva, twassal biex ma tkunx tista’ tqiegħed fuq is-sisien sodi tar-raġuni d-drittijiet tal-persuna u ġġib qagħda fis-soċjetà fejn ikunu minn fuq jew ir-rieda bla rażan tal-individwi jew it-totalitariżmu kiefer tas-setgħa pubblika[126].

 Hu meħtieġ għalhekk li l-bniedem jagħraf il-qagħda tiegħu ta’ kreatura li kellu sa mill-bidu, u li jirċievi mingħand Alla l-esseri tiegħu u ħajtu bħala don u dmir; biss jekk jammetti din id-dipendenza naturali tiegħu dwar l-eżistenza, il-bniedem jista’ jilħaq il-milja ta’ ħajtu u l-libertà tiegħu u fl-istess waqt jirrispetta sal-aħħar il-ħajja u l-libertà ta’ kull persuna oħra. Hawn fuq kollox, jidher li “fiċ-ċentru ta’ kull kultura tinsab il-qagħda li l-bniedem ikollu jieħu quddiem l-ogħla misteru: il-misteru ta’ Alla[127]. Meta wieħed jiċħad ‘l Alla u jgħix qisu Alla ma jeżistix jew ma jagħtix kas tal-kmandamenti tiegħu, jispiċca biex malajr jiċħad jew jikkomprometti wkoll id-dinjità tal-persuna u l-invjolabbiltà ta’ ħajtu.

 97. Mal-formazzjoni tal-kuxjenza hi marbuta sewwa l-ħidma edukattiva, li tgħin lill-bniedem ikun aktar bniedem, iddaħħlu dejjem aktar fil-fond tal-verità, tmexxih lejn rispett dejjem aqwa tal-ħajja u tħejjih biex ikollu relazzjonijiet xierqa mal-persuni.

 B’mod partikulari jeħtieġ li l-edukazzjoni fil-valur tal-ħajja jibda mill-istess għeruq tagħha. Hi ħolma taħseb li tista’ tibni kultura ġdida tal-ħajja umana, jekk iż-żgħażagħ ma jkollhomx l-għajnuna ħa jagħrfu u jgħixu sesswalità, l-imħabba u l-eżistenza kollha tagħhom skont it-tifsir veru li għandhom u fir-relazzjoni intima li hemm bejniethom. Is-sesswalità, li hi għana tal-persuna kollha kemm hi “turi t-tifsir intimu tagħha meta twassal lill-persuna tagħti lilha nnifisha fl-imħabba”[128]. Wieħed mill-fatturi prinċipali li wasslu għall-istmerrija ta’ ħajja qed titwieled, hu l-fatt li s-sesswalità saret xi ħaġa ta’ ebda siwi: il-vera mħabba biss tista’ tħares il-ħajja. Għalhekk ma jistax ikun li ma noffrux, l-aktar liż-żgħażagħ u lill-adolexxenti, edukazzjoni vera fis-sesswalità u fl-imħabba, edukazzjoni li titlob formazzjoni fil-kastità bħala virtù biex il-persuna tilħaq il-kobor sħiħ tagħha u tkun kapaċi tirrispetta t-tifsir “ta’ għerusija” tal-ġisem.

 Il-ħidma ta’ edukazzjoni għall-ħajja titlob il-formazzjoni tal-miżżewġin fi tnissil responsabbli. Din il-formazzjoni, fit-tifsir veru tagħha, titlob li l-miżżewġin joqogħdu għas-sejħa tal-Mulej u jġibu ruħhom bħala nies li qed ifissru fedelment il-pjan tiegħu: dan iseħħ jekk b’qalb kbira jiftħu l-familja tagħhom għall-ħajjiet ġodda, u dejjem jibqgħu f’qagħda ta’ ftuħ u ta’ qadi għall-wkoll meta, minħabba raġunijiet serji, u b’rispett għal-liġi morali, il-miżżewġin jagħżlu li, għal xi żmien jew għal żmien mhux determinat, jiċċaħħdu minn twelid ġdid. Il-liġi morali tobbligahom dejjem jikkontrollaw il-ġibdiet tal-istint u tal-passjonijiet u jirrispettaw il-liġijiet bijoloġiċi fil-persuna tagħhom. Hu proprju dan ir-rispett li, fil-qadi tar-responsabbiltà fit-tnissil, ikuni jistgħu jirrikorru leġittimament għall-metodi naturali li jikkontrollaw il-fertilità: dawn qed ikunu dejjem aktar preċiżi xjentifikament u qed joffru fil-fatt possibiltajiet ta’ għażliet li jaqblu mal-valuri morali. Meta jitqiesu onestament ir-riżultati li nkisbu għandhom jaqgħu l-preġudizzji li għadhom imxerrdin ħafna u jikkonvinċu lill-miżżewġin u lill-operaturi sanitarji u soċjali dwar l-importanza ta’ formazzjoni adatta f’din il-ħaġa. Il-Knisja trid turi l-ħajr tagħha li dawk li b’sagrifiċċju personali u b’dedikazzjoni liema bħalha, li spiss lanqas hi magħrufa, qed jimpenjaw ruħhom fir-riċerka u x-xandir ta’ dawn il-metodi, u fl-istess waqt iġibu ‘l quddiem edukazzjoni fil-valuri morali li jissopponu l-użu tagħhom.

 Il-ħidma edukattiva ma tistax ma tqisx ukoll it-tbatija u l-mewt. Fil-fatt dawn huma parti mill-esperjenza tal-bniedem u huwa kollu għalxejn, barra li hu wkoll żball li jqarraq, taħbihom jew tinjorahom. Għall-kuntrarju kull wieħed għandu jkollu l-għajnuna biex jagħraf il-misteru għoli tat-tbatija u tal-mewt fir-realtà konkreta u tqila tagħhom. L-uġigħ u t-tbatija għandhom ukoll tifsir u valur, meta wieħed jgħixhom f’rabta sħiħa mal-imħabba li tingħata u tiġi milqugħa. Dwar dan, jien ridt li kull sena jiġi ċċelebrat Jum il-Morda - u tajt importanza “lin-natura salvifika tal-offerta tat-tbatija ta’ min qiegħed jgħixha f’xirka ma’ Kristu, għax hi parti essenzjali tal-fidwa”[129]. F-aħhar mill-aħħar il-mewt mhijiex xi avventura bla ebda tama: hi l-bieb tal-eżistenza miftuħa għall-eternità, u għal dawk kollha li jgħixuha fi Kristu, hi esperjenza ta’ tisħib fil-misteru tal-mewt u l-qawmien tiegħu għall-ħajja.

 98. Fi ftit kliem, nistgħu ngħidu li l-bidla kulturali li nixtieq, titlob minn kulħadd il-kuraġġ biex jibda jgħix sura ġdida ta’ ħajja, li turi ruħha filli wieħed iqiegħed bħala pedament ta’ għażliet konkreti - f’livell personali, familjari, soċjali u internazzjonali - skala ġusta ta’ valuri: il-primat tal-fatt li tkun, qabel il-fatt li jkollok[130], il-primat tal-persuna fuq kull ħaġa oħra[131]. Dan l-istil imġedded ta’ ħajja jfisser li wieħed jgħaddi mill-indifferenza għall-interessament fl-oħrajn, u li wieħed flok jirrifjuta lill-oħrajn jibda jilqagħhom: l-oħrajn m’humiex rivali li wieħed irid iħares ruħu minnhom, imma aħwa li magħhom irid juri solidarjetà; irridu nħobbuhom għalihom infushom, għax jagħnuna bl-istess preżenza tagħhom.

 Fil-mobilżżazzjoni għall-kultura ġdida tal-ħajja ħadd m’għandu jħoss li ġie mwarrab: kulħadd għandu xi ħidma importanti x’jagħmel. Flimkien mal-ħidma tal-familja, għandha siwi kbir il-ħidma tal-għalliema u tal-edukaturi. Jiddependi ħafna minnhom jekk iż-żgħażagħ, imrawmin fil-libertà vera, jagħrfu jħarsu fihom infushom u jxandru madwarhom ideali vera ta’ ħajja u jikbru fir-rispett u fil-qadi ta’ kull persuna, fil-familja u fis-soċjetà.

 L-intellettwali wkoll jistgħu jagħmlu ħafna biex tinbena kultura ġdida ta’ ħajja umana. Għandhom dmir partikulari l-intellettwali kattoliċi, imsejħin biex ikunu attivament preżenti fiċ-ċentri ewlenin tal-kultura, fid-dinja tal-iskola u fl-universitajiet, l-ambjenti tar-riċerka xjentifika u teknika, tal-kreattività artistika u tar-riflessjoni umanistika. ħuma u jmantnu l-intelliġenza tagħhom mill-għejun safja tal-Evanġelju, iridu jimpenjaw ruħhom favur kultura ġdida tal-ħajja billi jagħtu kontributi serji, dokumentati u kapaċi jiksbu r-rispett u l-interess ta’ kulħadd minħabba l-merti tagħhom. Proprju għalhekk waqqaft l-Akkademja Pontifiċja għall-Ħajja bil-għan li “tistudja, tagħti tagħrif ukoll dwar il-problemi ewlenin tal-biomediċina u tal-liġi dwar il-promozzjoni u l-ħarsien tal-ħajja, l-aktar fir-relazzjoni diretta li għandhom mal-morali nisranija u mad-direttivi tal-Maġisteru tal-Knisja[132]. Kontribut speċifiku irid jiġi wkoll mill-Universitajiet, speċjalmet dawk Kattoliċi, u miċ-Ċentri, istituti u Kumitati tal-bioetika.

 Kbira u serja ħafna hi r-responsabbiltà tal-operaturi tal-mass media, imsejħin biex iħabirku ħalli l-messaġġ li b’tant qawwa huma jxandru jgħinu l-kultura tal-ħajja. Għandhom għalhekk isemmu eżempji mill-aktar għoljin u jsibu post għal kull xhieda, xi kultant erojka, tal-imħabba għall-bniedem; għandhom bir-rispett kollu jippreżentaw il-valuri tas-sesswalità u tal-imħabba mingħajr ma joqogħdu jfittxu dak li jħassar u jbaxxi d-dinjità tal-bniedem. Huma u jfissru r-realtà ta’ kull ħaġa għandhom jirrifjutaw li jagħtu importanza għal kull ma jista’ jħajjar jew ikabbar sentimenti u qagħdiet ta’ indifferenza, ta’ tmaqdir, ta’ ċaħda għal ħajja. B’ħerqa skrupluża għall-verità tal-fatti, huma mistednin isieħbu flimkien il-libertà tal-informazzjoni, tar-rispett għal kull persuna u sens għoli ħafna ta’ umanità.

 99. Fil-bidla kulturali favur il-ħajja, in-nisa għandhom post tassew deċisiv, m’hemmx ieħor bħalu, fil-ħsieb u fil-ħidma. Lilhom imiss lil jġibu ‘l quddiem “femminiżmu ġdid”, li mingħajr ma jaqgħu fit-tentazzjoni li jfittxu mudelli “maskilisti”, ikunu jafu kif jagħrfu u jfissru l-veru ġenju tal-mara, fis-suriet kollha tal-konvivenza ċivili, bit-tama li jingħelbu s-suriet kollha ta’ diskriminazzjoni, ta’ vjolenza u ta’ sfruttament.

 Intenni l-kliem tal-aħħar messaġġ tal-Konċilju Vatikan II, biex nagħmel din l-istedina lin-nisa: “Agħmlu l-bnedmin mill-ġdid ħbieb mal-ħajja”[133].

 Intom imsejħin biex tagħtu xhieda xi tfisser l-imħabba vera, dak l-għoti tiegħek innifsek u ta’ aċċettazjoni tal-ieħor li jseħħu b’mod speċifiku fir-relazzjoni taż-żwieġ, iżda li għandhom iseħħu wkoll f’kull relazzjoni oħra bejn il-persuni. L-esperjenza tal-maternità tgħin fikom sensibbilità kbira għall-persuna l-oħra u, fl-istess waqt, tagħtikom dmir partikulari: “Il-maternità għandha fiha nnifisha xirka speċjali mal-misteru tal-ħajja, li qed tikber fi ħdan il-mara...Dan il-mod waħdieni ta’ kuntatt mal-bniedem ġdid li qed jissawwar, min-naħa tagħha, toħloq qagħda lejn il-bniedem - mhux biss lejn it-tarbija tagħha imma wkoll lejn kull bniedem - hekk li tagħti karattru speċjali fil-fond lill-personalità kollha tal-mara”[134]. L-omm iġġib fil-fatt bniedem ieħor, tħallih jikber fiha, tagħtih il-wisa’, tirrispettah bħala wieħed ieħor.

 Hekk il-mara tagħraf u tgħallem li r-relazzjonijiet bejn il-bnedmin huma veri, jekk huma miftuħin biex jilqgħu l-persuna l-oħra, jagħrfu u jħobbuha għad-dinjità li tiġiha mill-fatt li hi persuna u mhux minn fatturi oħra bħalma huma l-utilità, il-qawwa u l-intelliġenza, il-ġmiel u s-saħħa. Dan hu l-kontribut fundamentali li l-Knisja u l-umanità jistennew min-nisa. U din hi l-kundizzjoni meħtieġa għal kollox minn qabel biex isseħħ bidla kulturali.

 Għandi ħsieb speċjali għalikom in-nisa li għamiltu abort. Il-Knisja taf biżżejjed kemm fatturi influwenzaw id-deċiżjoni tagħkom u ma għandi l-ebda dubju li f’ħafna każijiet kienet deċiżjoni li ġegħlitkom issofru ħafna, forsi kienet ukoll deċiżjoni drammatika. Aktarx il-ferita li ġarrabtu f’qalbkom għad mhijiex imfejqa. Fil-fatt, dak li sar kien u jibqa’ dejjem ħaġa inġusta għall-aħħar. Iżda taqtgħux qalbkom u titilfux it-tama. Għall-kuntrarju, ippruvaw ifhmu x’ġara u fissruh fil-verità tiegħu. Jekk dan għad m’għamiltuhx, fittxu li tindmu bl-umiltà u l-fiduċja kollha. Missier il-ħniena qed jistenniekom biex jagħtikom il-maħfra tiegħu u s-sliem tiegħu fis-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni. Intom tintebhu li xejn ma hu mitluf u tistgħu ukoll titolbu maħfra lit-tarbija tagħkom li issa hi mal-Mulej. Bl-għajnuna ta’ pariri ta’ persuni ħbieb u kompetenti li huma qrib tagħkom, bit-tbatijiet tagħkom, tistgħu tkunu difensuri mill-aqwa tad-dritt ta’ kulħadd għall-ħajja. Permezz tal-impenn tagħkom favur il-ħajja, li eventwal-ment jiġi mogħti ġieħ bit-twelid ta’ kreaturi ġodda u li intom turuh għax tilqgħu u tieħdu ħsieb min jeħtieġ l-aktar li jkollu xi ħadd qrib tiegħu, tfasslu mod ġdid kif wieħed iħares lejn il-ħajja tal-bniedem.

 100. F’dan l-isforz tagħna għall-kultura ġdida tal-ħajja, għandna l-għajnuna u l-qawwa ta’ min jaf li l-Evanġelju tal-ħajja, bħas-Saltna ta’ Alla jikber u jagħti l-frott bil-kotra (ara Mk 4,26-29). Veru li hi kbira ħafna d-differenza bejn il-mezzi, kotrana u qawwija, li għandhom is-setgħat li qed jaħdmu favur il-“kultura tal-mewt”, u l-mezzi li għandhom il-promoturi tal-“kultura tal-ħajja u tal-imħabba”. Iżda nafu li nistgħu nafdaw fl-għajnuna ta’ Alla, li għalih xejn ma jistax ma jkunx (ara Mt 19,26).

 Jiena żgur minn dan f’qalbi u mqanqal minn ħerqa qalbiena għal kull xorta ta’ raġel u ta’ kull mara, intenni lil kulħadd kull ma għedt lill-familji, impenjati fid-dmirijiet diffiċli tagħhom fost id-diffikulatjiet li qed jhedduhom[135], hi meħtieġa minnufih talba kbira għall-ħajja, talba li titla’ mid-dinja kollha. Permezz ta’ inizjattivi straordinarji u permezz tat-talb tas-soltu, kull komunità nisranija, kull grupp jew assoċjazzjoni, kull familja, u l-qalb ta’ kull min jemmen, għandhom jagħmlu talba ħerqana lil Alla, li ħalaq u jħobb lill-ħajja. Ġesù stess jurina bl-eżempju tiegħu li t-talb u s-sawm huma l-mezzi ewlenin u l-aktar qawwija kontra s-setgħat tal-ħażen (ara Mt 4,1-11), u jgħallem lid-dixxipli tiegħu li xi xjaten ma jitkeċċewx ħlief b’dawn il-mezzi (ara Mk 9,29). Nerġgħu insibu għalhekk l-umiltà u l-kuraġġ li nitolbu u nsumu biex il-qawwa li tiġi mill-Għoli ġgarraf il-ħitan tal-qerq u l-gideb, li jaħbu lil ħutna kollha, irġiel u nisa, in-natura ħażina ta’ mġieba u liġijiet kontra l-ħajja, u tiftħilhom qlubhom għall-fehmiet u ħsibijiet ispirati miċ-ċiviltà tal-ħajja u tal-imħabba.

 

“Qegħdin niktbu dan biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ” (1 Ġw 1,4): l-Evanġelju tal-ħajja qed għall-belt tal-bnedmin

 101. “Qegħdin niktbu dan biex il-ferħ tagħkom ikun sħiħ” (1 Ġw 1,4). Din ir-rivelaz-zjoni tal-Evanġelju tal-ħajja ġiet mogħtija lilna bħala ġid li rridu nwasslu lil oħrajn, biex il-bnedmin kollha jkunu f’xirka magħna u mat-Trinità Qaddisa (ara 1 Ġw 1,3). Lanqas aħna ma nkunu nistgħu ingawdu ferħ sħiħ jekk inżommuh għalina biss u ma nwasslux dan l-Evanġelju lill-oħrajn.

 L-Evanġelju tal-ħajja m’huwiex biss għal dawk li jemmnu, imma hu għal kulħadd. Il-problema tal-ħajja u tal-ħarsien u l-promozzjoni tagħha mhijiex xi prerogattiva tal-insara biss. Ukoll jekk il-fidi tagħtiha dawl u qawwa tal-għaġeb, hi tappartieni għal kull kuxjenza umana li tfittex il-verità u hi attenta u ħosbiena dwar il-ġejjieni tal-umanità. Fil-ħajja żgur hemm valur qaddis u reliġjuż, iżda dan il-valur ma jimpenjax biss lil min jemmen; dan għaliex hu valur li kull bniedem jista’ jagħraf bid-dawl tar-raġuni tiegħu u għalhekk bilfors jinteressa lil kulħadd.

 Għalhekk il-ħidma tagħna ta’ “poplu tal-ħajja u għall-ħajja” titlob li tiġi mfissra b’mod ġust u tiġi milqugħa b’simpatija. Meta l-Knisja tiddikjara li r-rispett, bla ebda kundizzjoni, tad-dritt għall-ħajja ta’ kull persuna innoċenti - mit-tnissil tagħha sal-mewt naturali tagħha - hu wieħed mill-pilastri li fuqhom tistrieħ kull soċjetà ċivili, biss trid iġġib ‘il quddiem Stat uman, Stat li jagħraf l- l-ewwel dmir tiegħu hu l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali tal-persuna umana, speċjalment ta’ dik l-aktar dgħajfa[136].

 L-Evanġelju tal-ħajja hu għall-belt tal-bniedem. Tħabrek favur il-ħajja jfisser tagħti sehmek għat-tiġdid tas-soċjetà permezz tal-bini tal-ġid komun. Dan għaliex ma jistax ikun li tibni l-ġid komun mingħajr ma tagħraf u tħares id-drittijiet għall-ħajja, li fuqu jinbnew u jiżviluppaw id-drittijiet l-oħra kollha tal-bniedem, li qatt ma jista’ jiċċaħħad minnhom. U ma jistax ikollha pedament sod soċjetà li - waqt li xxandar valuri bħalma huma d-dinjità tal-persuna, il-ġustizzja u l-paċi - tmur radikalmet kontra tagħha nfisha meta taċċetta jew tittollera l-ħafna suriet ta’ nuqqas ta’ stima u ta’ vjolazzjoni tal-ħajja umana, speċjalment dik dgħajfa u mwarrba. Ir-rispett biss għall-ħajja jista’ jkun il-pedament u l-garanzija ta’ kull ġid għażiż u meħtieġ tas-soċjetà, bħalma huma d-demokrazija u l-paċi.

 Fil-fatt, ma jistax ikun hemm vera demokrazija, jekk ma tkunx magħrufa d-dinjità ta’ kull persuna u ma jiġux rispettati drittijietha.

 Lanqas ma jista’ jkun hemm sliem tassew jekk il-ħajja ma tiġix imħarsa u miġjuba ‘l quddiem, kif fakkarna Pawlu VI: “Kull delitt kontra l-ħajja hu thed-dida għall-paċi, speċjalment jekk tolqot l-imġieba tal-poplu...waqt li fejn id-drittijiet tal-bniedem huma tassew imxandra, magħrufa u mħarsin pubblik-ament, il-paċi tkun l-ambjent ferrieħi u ħabrieki tal-ħajja tas-soċjetà”[137].

 Il-“poplu tal-ħajja” jifraħ li jista’ jaqsam ma’ tant oħrajn l-impenn tiegħu, biex hekk dejjem aktar jikber fl-għadd “il-poplu għall-ħajja” u l-kultura ġdida tal-imħabba u tas-solidarjetà tikber dejjem aktar għall-veru ġid tal-belt tal-bnedmin.

 

 GĦELUQ

 102. Fl-għeluq ta’ din l-enċiklika, ħarsitna tmur waħedha fuq il-Mulej Ġesù “it-tifel li tweldilna” (ara Is 9,5), biex fih nikkontemplaw il-Ħajja li “dehret” fih (1 Ġw 1,2). Fil-misteru ta’ dan it-twelid, seħħet il-laqgħa ta’ Alla mal-bniedem, u ngħata bidu għall-mixi tal-Iben t’Alla fuq l-art, mixi li jilħaq il-qofol tiegħu bid-don ta’ ħajtu fuq is-Salib; bil-mewt tiegħu rebaħ il-mewt u sar, għall-umanità kollha kemm hi, il-bidu ta’ ħajja ġdida.

 Laqgħet din il-“Ħajja” f’isem kulħad u għall-ġid ta’ kulħadd Marija, l-Omm Verġni, li għalhekk għandha rabtiet personali qrib ħafna mal-Evanġelju tal-ħajja. Il-kunsens ta’ Marija fit-Tħabbira tal-Anġlu u l-maternità tagħha jinsabu fl-għajn stess tal-misteru tal-ħajja li Kristu ġie jagħti lill-bnedmin (ara Ġw 10,10). Permezz tal-aċċettazzjoni u l-imħabba kollha ħerqana li kellha għall-ħajja tal-Verb magħmul bniedem, il-ħajja tal-bniedem ħelset darba għal dejjem mill-kundanna tal-mewt.

 Għalhekk Marija hi “omm dawk kollha li jitwieldu għall-ħajja ġdida bħalma hi l-Knisja li tagħha hi x-xbieha. Hi omm dik il-ħajja li biha kulħadd jgħix. Hija u tnissel il-ħajja, b’xi mod nisslet mill-ġdid lil dawk kollha li jridu jgħixu b’din il-ħajja”[138].

 Il-Knisja, hija u tikkontempla l-maternità ta’ Marija, tagħraf it-tifsir sħiħ tal-maternità proprja tagħha u l-mod kif għandha turiha. Fl-istess waqt l-esper-jenza l-esperjenza tal-Knisja Omma tagħtina dawl aktar għoli biex nifhmu l-esperjenza ta’ Marija, bħala xbieha mhemmx oħra bħalha ta’ aċċettazzjoni u ħarsien tal-ħajja.

 

 “Deher sinjali kbir fis-sema: Mara liebsa x-xemx” (Apok 12,1): il-maternità ta’ Marija u l-maternità tal-Knisja

 103. Ir-relazzjoni li hemm bejn il-misteru tal-Knisja u l-misteru ta’ Marija juri ruħu b’mod tassew ċar fis-“sinjal kbir” imsemmi fl-Apokalissi: “Deher sinjal kbir fis-sema: Mara liebsa x-xemx, bil-qamar taħt riġlejha, b’kuruna ta’ tnax-il kewkba fuq rasha (Apok 12,1). F’dan is-sinjal, il-Knisja tagħraf xbieha tal-misteru tagħha - għalkemm imdaħħla fl-istorja, taf li hi ‘l fuq mill-istorja għax fuq l-art hi “iż-żerriegħa u l-bidu” tas-Saltna ta’ Alla[139]. Dan il-misteru l-Knisja tarah iseħħ b’mod l-aktar sħiħ u eżemplari f’Marija. Hi l-Mara kollha sebħ li fiha l-pjan ta’ Alla seħħ b’perfezzjoni mill-aqwa.

 Il-“Mara liebsa x-xemx” - jgħidilna l-Ktieb tal-Apokalissi - kienet “fit-tqala” (Apok 12,2). Il-Knisja taf sewwa li ġġorr fiha s-Salvatur tad-dinja, Kristu l-Mulej u hi msejħa biex tagħtih lid-dinja, hija u tagħti tnissil ġdid lill-bnedmin għall-istess ħajja ta’ Alla. Iżda qatt ma tista’ tinsa li din il-missjoni tagħha kienet possibbli għaliha minħabba l-maternità ta’ Marija, li nisslet u wildet dak li hu “Alla minn Alla”, “Alla veru minn Alla veru”. Marija hi tassew Omm Alla, it-Theotokos li fil-maternità tagħha tgħolli ħafna l-vokazzjoni għall-maternità li Alla kiteb f’kull mara.. U hekk Marija ssir eżempju għall-Knisja, imsejħa biex tkun “Eva ġdida”, omm dawk kollha li jemmnu, omm “il-ħajjin kollha” (ara Ġen 3,20)

 Il-maternità spiritwali tal-Knisja ma sseħħx - u dan il-Knisja tafu wkoll - jekk mhux permezz tal-“uġigħ tal-ħlas” (Apok 12,2), jiġifieri permezz tat-tensjoni li ma tonqos qatt mas-setgħat tal-ħażen li għaddejjin mid-dinja u jolqtu qlub il-bnedmin, huma u jirreżistu ‘l Kristu. “Kellu l-ħajja fih, u l-ħajja kienet id-dawl tal-bnedmin. Id-dawl jiddi fid-dlam, imma d-dlam ma għelbux” (Ġw 1,4-5).

 Bħall-Knisja, Marija kellha tgħix il-maternità tagħha fit-tbatija: “Ikun sinjal li jmeruh u inti wkoll sejf jinfidlek ruħek” (Lq 2,34-35). Ikun kliem li, fil-bidu stess tal-eżistenza tal-Feddej, Xmun jgħid lil Marija, insibu mfissra fil-qosor iċ-ċaħda ta’ Ġesù, u miegħu dik ta’ Marija, li tilħaq il-qofol tagħha fuq il-Kalvarju. “Wieqfa ħdejn is-Salib ta’ Ġesù” (Ġw 19,25), Marija hi msieħba fid-don li Binha għamel tiegħu innifsu: toffri ‘l Ġesù, tagħtih tnissil darba għal dejjem għalina. L-“iva” tagħha fit-Tħabbira tal-Anġlu, tilħaq il-kobor sħiħ tagħha f’jum is-Salib, meta għal Marija jasal iż-żmien li tilqa’ u tnissel bħala iben lil kull bniedem li sar dixxiplu, u ssawwab fuqha l-imħabba feddejja ta’ Binha. “Kif Ġesù lemaħ lil ommu u d-dixxiplu li kien iħobb, wieqaf ħdejha, qal lil ommu: “Mara, hemm hu Ibnek” (Ġw 19,26).

 

“Id-dragun mar quddiem il-mara biex kif tiled lil binha jibilgħu” (Apok 12,4): il-ħajja mhedda mis-setgħat tal-ħażen

 104.Fil-Ktieb tal-Apokalissi s-“sinjal kbir” tal-“Mara” (12,1) hu msieħeb ma’ “sinjal ieħor fis-sema”: “Dragun kbir minn lewn in-nar” (Apok 12,3), li hu x-xbieha tax-Xitan, is-setgħa personali tal-ħażen, u tas-setgħat kollha tal-ħażen li jaħdmu fid-dinja u jfixklu l-missjoni tal-Knisja.

 F’dan ukoll Marija ddawwal ix-xirka tad-don ta’ dawk li jemmnu: l-ostilità tas-setgħat tal-ħażen hi oppożizzjoni u theddida li, qabel tolqot id-dixxipli ta’ Ġesù, iddur kontra l-Omm. Marija, biex issalva l-ħajja ta’ Binha minn dawk kollha li jibżgħu minnu, għax jaraw fih theddida perikoluża għalihom, kellha taħrab ma’ San Ġużepp u mal-Bambin fl-Eġittu (ara Mt 2,13-15).

 Hekk Marija tgħin lill-Knisja biex tagħraf li l-ħajja hi dejjem f’nofs taqbida ħarxa bejn it-tajjeb u l-ħażin, bejn id-dawl u d-dlamijiet. Id-dragun irid “jibla’ l-Iben għadu kemm jitwieled” (Apok 12,4), xbieha ta’ Kristu, li Marija tnissel “fil-milja taż-żminijiet” (Gal 4,4), u li l-Knisja trid toffri bla heda lill-bnedmin, tul iż-żminijiet kollha. Iżda b’xi mod hi wkoll xbieha ta’ kull bniedem, xbieha ta’ kull tarbija, ta’ kull kreatura dgħajfa u mhedda, għaliex - kif ifakkarna l-Konċilju - “bl-inkarnazzjoni tiegħu l-Iben t’Alla b’ċertu mod ingħaqad ma’ kull bniedem”[140]. Proprju fil-“ġisem” ta’ kull bniedem Kristu jkompli juru ruħu u jidħol f’xirka magħna, hekk li ċ-ċaħda tal-ħajja tal-bniedem, fis-suriet kollha tagħha, hi fil-fatt ċaħda ta’ Kristu. Din hi l-verità li tgħaxxqek u fl-istess ħin timpenjak ukoll u li Kristu jurina u li l-Knisja ma tegħja qatt tħabbrilna: “Kull min jilqa’ tfajjel bħal dan minħabba f’ismi, ikun jilqa’ lili” (Mt 18,5). “Tassew ngħidilkom, kull ma’ għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25,40).

 

“Ma jkunx hemm iżjed mewt” (Apok 21,4): id-dija tal-qawmien

 105. It-Tħabbira tal-Anġlu lil Marija tinġabar f’dawn il-kelmiet li jiżgurawha: “Tibżax, Marija” u “Għal Alla m’hemm xejn li ma jistax ikun” (Lq 1,30.37). Fil-fatt l-eżistenza kollha tal-Verġni Marija hi mħaddna miċ-ċertezza li Alla hu qrib tagħha u msieħeb magħha bit-tjieba providenzjali Tiegħu. Hekk ukoll il-Knisja, li ssib “kenn” fid-deżert, il-post tat-tiġrib, imma wkoll il-post tal-manifestazzjoni tal-imħabba ta’ Alla għall-poplu tiegħu (ara Ħos 2,16). Marija hi l-kelma ħajja ta’ faraġ għall-Knisja fil-ġlieda tagħha kontra l-mewt. Hija u turina l-Iben, tiżgurana li fih is-setgħat tal-mewt huma ġa mirbuħa: “F’taqbida tal-għaġeb mal-Ħajja, inqerdet il-mewt, Qam Sid il-Ħajja mill-qabar, isaltan rebbieħ”[141].

 Il-Ħaruf maqtul jgħix bis-sinjali tal-passjoni fid-dija tal-qawmien. Hu biss jaħkem fuq il-ġrajjiet kollha tal-istorja: u jagħżel is-“siġilli” (ara Apok 5,1-10) u jħabbar, fiż-żmien u ‘l hemm miż-żmien, is-setgħa tal-ħajja fuq il-mewt. F’Ġerusalemm il-ġdida, jiġifieri fid-dinja l-ġdida, lejn fejn miexja l-istorja tal-bniedem, “ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki, jew għajat, jew tbatija ma jkunx hemm iżjed, għax għabu l-ħwejjeġ ta’ qabel” (Apok 21,4).

 U waqt li aħna bħala poplu miexi f’pellegrinaġġ, poplu tal-ħajja u għall-ħajja, nimxu bil-fiduċja kollha lejn “sema ġdid u art ġdida” (Apok 21,1), ndawru ħarsitna lejn Dik li hi għalina “sinjal ta’ tama żgura u ta’ faraġ”[142]

 

O Marija,

żerniq tad-dinja l-ġdida,

Omm tal-ħajjin,

nafdaw f’idejk ir-raġuni għall-ħajja

ħares, o Omm tagħna, lejn dak in-numru kbir

ta’ trabi li ma jitħallewx jitwieldu,

 tal-fqar li għalihom hu diffiċli li jgħixu kif għandu jkun

dawk in-nisa u rġiel vittmi ta’ vjolenza li ma tistax tissejjaħ umana

ta’ xjuħ u morda li jiġu maqtula mill-indifferenza ta’ madwarhom

jew minn dik li hi meqjusa bħala ħniena.

Agħmel li dawk kollha li jemmnu f’Ibnek

ikunu jafu jxandru b’imħabba kbira u bla biżà ta’ xejn

lin-nies ta’ madwarhom

l-Evanġelju tal-ħajja.

Agħtihom il-grazzja li jilqgħu dan bħala don, grazzja,

biex jiċċelebrawh bi gratitudni

tul ħajjithom kollha

u l-kuraġġ li jibqgħu jixhdu dan

biex flimkien ma’ dawk kollha ta’ rieda tajba

jibnu ċiviltà mibnija fuq l-imħabba u l-verità

għat-tifħir ta’ Alla Sid li jħobb il-ħajja.

 

 

 

Minn Ruma, ħdejn San Pietru, il-25 ta’ Marzu, solennità tat-Tħabbira tal-Mulej, tas-sena 1995, fis-sbatax-il sena tal-Pontifikat.

 

Ġwanni Pawlu II

 


 

[1] Fil-fatt l-espressjoni “Evanġelju tal-ħajja” ma nsibuhiex hekk fl-Iskrittura, iżda taqbel sewwa mal-aspett essenzjali tal-messaġġ bibliku.

[2] Kost.past. fuq il-Knisja fid-dinja ta’ llum Gaudium et spes. 22

[3] Ara enċiklika Redemptor hominis (4 ta’ Marzu 1979) n.10

[4] Ara ibid. n.14

[5] Kost. post. fuq il-Knisja fid-dinja ta’ llum Gaudium et spes. 27

[6] Ara Ittra lil ħuti fl-Episkopat dwar l-“Evanġelju tal-ħajja” (19 ta’ Mejju 1991) Insegnament XIV, (1991) 1293-1296

[7] Ibid. 1.c. 1294

[8] Ittra lill-familji Gravissimum sane (2 ta’ Frar 1994), 4

[9] Enc. Centesimus annus (1 ta’ Mejju, 1991) 39

[10] n.2559

[11] Ara San Ambroġ, De Noe, 26, 94-96

[12] Ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, nn.1867 u 2268

[13] De Cain et Abel, II, 10,38

[14] Ara Kogr. għad-Duttrina tal-Fidi, Istr. dwar ir-rispett għall-ħajja umana fil-bidu tagħha uj dwar id- dinjità tat-tnissil, Donum Vitae (22 ta’ Frar 1987)

[15] Diskors waqt is-Sahra ta’ talb għat-Tmien Jum Dinji taż-Żgħażagħ (14 t’Awissu 1994), II,3.

[16] Diskors tal-Papa Ġwanni Pawlu II lil dawk li ħadu sehem f’laqgħa ta’ studju dwar “Id-dritt għall-ħajja u l-Ewropa” (18 ta’ Diċembru, 1987), Insegnamenti, X,3

[17] Kost. past. Gaudium et spes, 36

[18] Ara ibid, 16

[19] Ara San Girgor il-Kbir, Moralia in lob, 13-23

[20] Ġwanni Pawlu II, Ittra app. Redemptor hominis, (4 ta’ Marzu 1979),10

[21] Kost. past. Gaudium et spes, 50

[22] Kost. domm. Dei Verbum, 4

[23] Gloria Dei vivens homo Adv.haereses IV,20,7

[24] Kost. past. fuq id-dinja ta’ llum Gaudium et spes,12

[25] Confessiones I, 1

[26] Haexameron VI, 75.76

[27]Vita autem hominis visio Dei”, Adv, haer., IV, 20,7

[28] Ara Ġwanni Pawlu II Centesimus annus (1 ta’ Mejju 1991), 38

[29] Ġwanni Pawlu II enċikl. Sollicitudo rei socialis (30 ta’ Diċembru 1987),34

[30] Kost. past. Gaudium et spes, 50

[31] Ittra lill-Familji Gratissimum sane (2 ta’ Frar 1994;9: ara Piju XII enċikl. Humani generis (12 ta’ Aww 1950).

[32] Animas enim a Deo immediate creari catholica fides nos retinere iubet: Piju XII enċikl. Humani generis (12 ta’ Awwissu 1950).

[33] Kost.past. gaudium et spes 30; ara Ġwanni Pawlu II eżort. post-sinodali Familiaris consortio (22 ta’ Novembru 1981, 28

[34] Omeliji II, 1

[35] Ara Salmi 21/22,10-11;71/70,6;139/138,13-14

[36] Expositio Evangelii secundum Lucam II, 22-23

[37] San Injazju ta’ Antijokja Ad Ephesios, 7,2

[38] De hominis opificio 4

[39] Ara San Ġwann Damaxxenu, De fide orthdoxia, II, 12, iċċitat minn San Tumas ta’ Aquino, fis-Summa Theologiae, I-II Prol.

[40] Pawlu VI enċikl. Humanae Vitae (25 ta’ Lulju 1968).13

[41] Ara Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, Istr. dwar ir-rispett għall-ħajja umana fil-bidu tagħha u dwar id- dinjità tat-tnissil,Dunum vitae (22 ta’ Frar, 1987), Introd., 5; ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika

[42] Didake I, 1:II, 1-2;V,1 u 3: ara Epistula Barnabae, XIX,5

[43] Ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika 2263 - 2269; ara Katekiżmu tal-Konċilju ta’ Trento, III, 327-352

[44] Katekiżmu tal-Knisja Kattolika n.2265

[45] Ara San Tumas ta’ Aquino, Summa Theologiae II - Iiq.64a. 7; San Alfons M.de Liguori, Theologia moralis 1, II tr.4 c.1 dub.3

[46] Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, n.2266

[47] Ara ibid

[48] n.2267

[49] Kost. domm. Lumen gentium, 12

[50] Ara Kost. past. Gaudium et spes, 27

[51] Ara Kost. domm. Lumen gentium, 25

[52] Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi. Dikj. dwar l-ewtanasja Iura et bona (5 ta’ Mejju, 1980), II

[53] Enċikl. Veritatis splendor (6 ta’ Awwissu 1993), 96

[54] Kost. past. Gaudium et spes: 51: Abortus necnon infanticidium nefanda sunt crimina

[55] Ittra ap. Mulieris dignitatem (15 ta’ Awwissu 1988), 14

[56] Gratissimam sane (2 ta’Frar 1994), 21

[57] Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, Dikjarazzjoni dwar l-abort (18 ta’ Novembru 1974),12-13

[58] Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi Istr. dwar ir-rispett lejn ħajja umana fil-bidu tagħha u d-dinjità tat- tnissil, Donum vitae (22 ta’ Frar 1987) I, I

[59] ibid

[60] Hekk il-profeta Ġeremija: “Ġietni l-kelma tal-Mulej u qalli:’Qabel sawwartek fil-ġuf għaraftek, qabel ma ħriġt minn ħdan ommok ikkonsagrajtek: jien qegħidtek profeta fost il-ġnus” (1,4-4). Is-salmista min- naħa tiegħu jgħid dan lill-Mulej: “Fuqek intlaqt sa minn twelidi sa minn ġuf ommi int ħadtni” (Salm 71/71,6;ara Is 46,3;Ġob 10, 8-12;Salm 22/21,10-11). L-evanġelista San Luqa wkoll fl-episodju tal- laqgħa taż-żewġ ommijiet, Eliżabetta u Marija u taż-żewġ ulied, Ġwanni u Ġesù, għadhom f’ġuf ommijiethom (ara 1,39-45) juri kif it-tarbija tintebaħ bil-wasla tal-Bambin u taqbeż fil-ferħ.

[61] Ara Dikjarazzjoni fuq l-abort prokurat (18 ta’ Novembru 1974)

[62] “La teqridx tarbija bl-abort u lanqas toqtolha wara li titwieled”, v.2

[63] Apoloġija favur l-insara, 35

[64] Apologeticum IX,8

[65] Ara Enċik. Casti connubii( 31 ta’ Diċembru1930), II

[66] Diskors lill-għaqda Mediko-Bijoliġika “San Luqa” (12 ta’ Novembru 1944). Discorsi e radiomessaggi VI;ara

 Diskors lill-Għaqda Taljana tal-Qwiebel (29 ta’ Ottubru 1951): II

[67] Enċik. Mater et magistra (15 ta’ Mejju 1961)3

[68] Kost. past. Gaudium et spes 51

[69] Ara kan 2350§1

[70] Codex Iuris Canonici kan 1398;ara l-Kodiċi tal-Kanoni għall-Knejjes Orjentali kan 1450§2

[71] Ara ibid kan 1329 u wkoll il-Kodiċi tal-kanoni tal-Knejjes Orjentali kan. 1417

[72] Ara Diskors lill-Ġuristi Taljani (9 ta’ Diċembru 1972);enċik, Humanae vitae (25 ta’ Lulju 1968) 14

[73] Ara Kost. domm. Lumen gentium, 25

[74] Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi, Istr. dwar ir-rispett lejn il-ħajja umana fil-bidu tagħha u d-dinjità tat- tnissil Donum vitae (22 ta’ Frar 1987)

[75] Manifest tad-drittijiet tal-familja (22 ta’ Ottubru 1983) art 4b

[76] Kongregazzjoni għad-duttrina tal-Fidi Dikjar. dwar l-ewtanasja Iura et bona (5 ta’ Mejju 1980)

[77] Ibid IV

[78] Ibid

[79] Diskors lill-grupp internazzjonali ta’ tobba (24 ta’ Frar 1947)III; ara Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi.

 Dikjar. dwar l-ewtanasja Iura et bona, II

[80] Piju XII. Diskors lill-grupp internazzjonali ta’ tobba (24 ta’ Frar 1957), II

[81] Ara Piju XII, Diskors għall-grupp internazzjonali ta’ tobba (24 ta’ Frar 1957); Kongregazzjoni tas-Sant’ Uffiċju Decretum de directa insontium occisione (12 ta’ Diċembru 1940); Pawlu VI, Messaġġ fuq it-televiżjoni Franċiża, “Kull ħajja hi qaddisa” (27 ta’ Jannar 1971). Insegnamenti IX (1971),57-58; Diskors lill-International College of Surgeons (1 ta’ Ġunju 1972); Konċ. Vat. II Kost. past. Gaudium et spes 27

[82] Ara Kost. domm. Lumen gentium, 25

[83] Ara Santu Wistin De civitate Dei I; San Tumas ta’ Aquino Summa Theologia II - II q.6 a.5

[84] Ara Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi Dikjar. dwar l-ewtanasja Iura et bona (5 ta’ Mejju 1980)I; Katekiżmu tal-Knisja Kattolika n.2281-2283

[85] Epistula 204,5

[86] Kost. past. Gaudium et spes, 18

[87] Ara Ġwanni Pawlu II ittra appos. Salvifici doloris (11 ta’ Frar 1984) 14-24

[88] Ara Ġwanni Pawlu II enċikl. Centesimus annus (1 ta’ Mejju 1991) 46; Piju XII, messaġġ bir-radju għall- Milied (12 ta’ Diċembru 1944)

[89] Ara Ġwanni Pawlu II enċikl. Veritatis splendor n.97 u 99

[90] Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi Istr. dwar ir-rispett tal-ħajja umana fil-bidu tagħha u d-dinjità tat- tnissil Donum vitae (22 ta’ Frar 1987): III

[91] Ara Dikjar. Dignitatis humanae 7

[92] Ara San Tumas ta’ Aquino, Summa Theologiae, I-II q.96 a.2

[93] Ara Dikjar. Dignitatis humanae, 7

[94] Enċikl. Pacem in terris (11 ta’ April 1963)II; iċ-ċitazzjoni li hemm fiha ttieħdet mill-messaġġ bir-radju ta’ Għid il-Ħamsin 1941 (1 ta’ Ġunju) ta’ Piju XII. Dwar dan, l-enċiklika f’nota tagħmel riferenza għall-enċikl ta’ Piju XII Mit brenneder sorge (14 ta’ Marzu 1937), għall-enċik.,. Divini Redemptoris (19 ta’ Marzu 1937) u għall-messaġġ bir-radju għall-Milied ta’ Piju XII (24 ta’ Diċembru 1942)

[95] Enċikl. Pacem in terris (11 ta’ April 1963)

[96] Summa Theologiae I-II q.93 a.3 and 2 um.

[97] Ibid. I-II q.95 a.2 San Tumas jiċċita lil Santu Wistin (Non videtur esse lex quae iusta non fuerit” (De libero

 arbitrio) I, 5,11

[98] Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi. Dik dwar l-abort prokurat (18 ta’ Novembru 1974)

[99] Ara Katekiżmu tal-Knisja Kattolika nn.1753-1755; Ġwanni Pawlu II enċikl. Veritatis splendor (6 ta’ Awwissu

 1993) 81-83

[100] In Johannis evangelium Tractatus 41,10;ara Ġwanni Pawlu II Veritatis splendor (6 ta’ Awwissu 1993) 13

[101] Eżort. app. Evangelii nuntiandi (18 ta’ Diċembru 1975),14: AAS 68 (1976), 13

[102] Ara Missal Ruman Talba taċ-ċelebrant qabel jitqarben

[103] Ara San Irinew: Omnen novitatem attulit semetipsum afferns qui fuerat annuntiatus Adv. haer.IV, 34,1

[104] Ara San Tumas ta’ Aquino: Peccator inveterascit recedens a novitate Christi: In Psalmos Davidis lectura 6,5

[105] De beatitudinibus, Sermo VII

[106] Ara Ġwanni Pawlu II Enċikl. Veritatis splendor (16 ta’ Awwissu 1993) 116:AAS 85 (1993),1224

[107] Ara Enċikl. Centesimus annus (1 ta’ Mejju 1991), 37 AAS 83 (1991) 840

[108] Ara messaġġ għall-Milied 1967: (AAS60(1968), 40.

[109] (Psewdo) Djonigi l-Areopagita, De divinis nominibus, VI, 1-3 PG 3, 856-857.

[110] Pawlu VI, Pensiero alla morte, Istituto Paolo VI, Brescia, 1988, p.24

[111] Ġwanni Pawlu II, omelija fil-beatifikazzjoni ta’ Isidoro Bakanja, Eliżabetta Canori Mora u Gianna Beretto

 Molla (24 ta’ April 1944): L'Osservatore Romano, 25-26 April 1994, 5. 

[112] ibid.

[113] In Matthaeum homiliae, 50,3 PG 58, 508. 

[114] Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, n.2372

[115] Ġwanni Pawlu II, Diskors fir-IV Konferenza ġenerali tal-Episkopat Latino-Amerikan f’Santo Domingo (12 ta’ Ottubru 1992), 15

[116] Ara Digr. dwar l-ekumeniżmu, Unitalis redintegratio, 12;Kost. past. dwar il-Knisja fid-dinja tal-lum, Gaudium et spes, 90

[117] Ġwanni Pawlu II, Eżort. post-sinodali, Familiaris consortio (22 ta’ Novembru 1981),17 AAS 74 (1982), 100. 

[118] Ara Kost.past. Gaudium et spes, 50

[119] Ġwanni Pawlu II, enċikl. Centesimus annus (1 ta’ Mejju 1991), 39: AAS 83 (1991), 842. S

[120] Ġwanni Pawlu II, Diskors lill-Isqfijiet li ħadu sehem fis-Simposju tal-Isqfijiet tal-Ewropa dwar il-qagħda tal-

 lum quddiem it-twelid u l-mewt: sfida għall-“evanġelizzazzjoni” (17 ta’ Novembru 1989), 5. L-ulied it-

 tradizzjoni biblika turihom bħala don ta’ Alla (ara Salm 127/126,3) bħala sinjal tal-barka ta’ Alla għall-

 bniedem fil-bidu tal-mixi tiegħu (ara Salm 126/127,3-4)

[121] Ġwanni Pawlu II, enċikl. Sollicitudo rei socialis (30 ta’ Diċembru 1987), 38 AAS 80 (1988), 565-566. 

[122] Ġwanni Pawlu II, Eżort. app. post-sinodali Familiaris consortio (22 ta’ Novembru 1981), 85

[123] Pawlu VI, Eżort. app. Evangelii nuntiandi (8 ta’ Diċembru 1975), 18 AAS 68 (1976), 17. 

[124] Ara ibid., 20

[125] Ara Kost. past. Gaudium et spes, 24

[126] Ara Enċikl. Centesimus annus (1 ta’ Mejju 1991), 17;enċikl. Veritatis splendor (8 ta’ Awwissu 1993),95-101: AAS 85 (1993), 1208-1213.

[127] Ġwanni Pawlu II, enċikl. Centesimus annus (1 ta’ Mejju 1991), 24: AAS 83 (1991), 822. 

[128] Ġwanni Pawlu II, Eżort app. post-sinodali Familiaris consortio (22 ta’ Novembru 1981), 37: AAS 74 (1982), 128.

[129] Ittra li biha twaqqaf il-Jum Dinji tal-Morda (13 ta’ Mejju 1992), 2: Insegnamenti XV, 1 (1992), 1410. 

[130] Ara Gaudium et spes, 35; Pawlu VI, enċikl. Populorum progessio (26 ta’ Marzu 1967), 15: AAS 59 (1967), 265. 

[131] Ara Ġwanni Pawlu II, Ittra lill-familji, Gratissimum sane (2 ta’ Frar 1994), 13: AAS 86 (1994), 892. 

[132] Ġwanni Pawlu II, Motuproprju Vitae mysterium (11 ta’ Frar 1994), 4: AAS 86 (1994), 386-387

[133] Messaġġ tal-Konċilju lill-ġens kollu tal-bnedmin (2 ta’ Diċembru 1965); Lin -nisa

[134] Ġwanni Pawlu II, ittra app. Muglieris dignitatem, (15 ta’ Awwissu 1988), 18: AAS 80 (1988), 1696.

[135] Ara Ġwanni Pawlu II, Ittra lill-familja, Gratissimum sane (2 ta’ Frar 1994), 5: AAS 86 (1994), 872. 

[136] Ġwanni Pawlu II, Diskors lil dawk li ħadu sehem f’laqgħa dwar id-dritt għall-ħajja u l-Ewropa (8 ta’

 Diċembru 1987), Insegnamenti X, 3

[137] Messaġġ għal Jum il-Paċi 1977 :AAS 68 (1976), 711-712. 

[138] B. Gwerriku D’Igny, In Assumptione B. Mariae, Sermo I,2 PL 185, 188. 

[139] Kost. domm. Lumen gentium,5

[140] Kost. post. Gaudium et spes, 22

[141] Missal Ruman, Sekwenza tal-Għid il-Kbir

[142] Kost. domm. Lumen gentium, 68

 

 

Ħajr lil Ms Carmen Galea għar-reviżjoni tat-test Malti

Traduzzjoni oriġinali publikata mill-Media Centre Publications

 

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta