Laikos

 

Aktar minn Ġwanni Pawlu II


 

Mill-Papa Ġwanni Pawlu II


IL-PAPA ĠWANNI PAWLU II
ENĊIKLIKA REDEMPTORIS MATER
dwar
IL-VERĠNI MQADDSA MARIJA
FIL-ĦAJJA TAL-KNISJA PELLEGRINA FID-DINJA
25 Marzu 1987


DAĦLA

1. Omm il-Feddej għandha post preċiż fil-pjan tas-salvazzjoni, għaliex “meta waslet il-milja taż-żminijiet, Alla bagħat ‘il Ibnu, imwieled minn mara, imwieled taħt il-liġi, biex jifdi lil dawk li kienu taħt il-liġi, biex ikollna l-adozzjoni ta’ wlied. U għax intom ulied, Alla bagħat l-Ispirtu ta’ Ibnu f’qalbna jgħajjat ‘Abba Missier!’” (Gal 4,4-6).
B’dan il-kliem ta’ l-Appostlu San Pawl, li bih il-Konċilju Vatikan II beda jitkellem dwar il-Verġni Marija, jiena wkoll irrid nibda r-riflessjoni tiegħi dwar is-sehem tal-Verġni Marija fil-misteru ta’ Kristu u dwar il-preżenza ħajja tagħha, ta’ eżempju mill-aqwa, fil-ħajja tal-Knisja. Għaliex dan il-kliem fl-istess waqt ifakkar l-imħabba tal-Missier, il-missjoni ta’ l-Iben, id-don tal-Ispirtu s-Santu, il-mara li minnha twieled il-Feddej, u l-adozzjoni tagħna bħalha wlied Alla fil-misteru tal-“milja taż-żmien” .
Din il-“milja” turi l-waqt, magħżul sa minn dejjem, li fih il-Missier bagħat lil Ibnu biex “kull min jemmen fih ma jintilifx imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 3,16); turi l-mument qaddis li fih “il-Verb li kien ma’ Alla … sar bniedem u għammar fostna “ (Ġw 1,1.14) u sar ħuna; turi l-mument li fih l-Ispirtu s-Santu, li ġa kien sawwab il-milja tal-grazzja f’Marija, ix-xebba ta’ Nażaret, sawwar fil-ġuf safi tagħha n-natura ta’ Kristu bħala bniedem. Din il-“milja” turi l-waqt li fih Dak li hu minn dejjem daħal fiż-żmien, u ż-żmien innifsu ġie mifdi, u, mimli bil-misteru ta’ Kristu, sar darba għal dejjem”żmien ta’ salvazzjoni”. U fl-aħħarnett, din il-“milja” turi l-bidu misterjuż tal-mixja tal-Knisja. Fil-Liturġija l-Knisja ssellem lill-Verġni Marija ta’ Nażaret bħala l-bidu stess tal-Knisja , għaliex fit-tnissil bla tebgħa tal-Verġni Marija tara mfissra, u mħabbra minn qabel fil-membru l-aktar għoli tagħha, il-grazzja tas-salvazzjoni ta’ l-Għid, u għaliex, fuq kollox, il-Knisja fl-Inkarnazzjoni tiltaqa’ ma’ Kristu u ma’ Marija marbutin flimkien b’rabta li ma tinħall qatt: ma’ Dak li hu s-Sid u r-Ras tal-Knisja, ma’ Dik li meta qalet l-ewwel fiat tal-Patt il-Ġdid ħabbret il-qagħda tal-Knisja bħala Għarusa u Omm.

2. Imqawwija bil-preżenza ta’ Kristu (ara Mt 28,20), il-Knisja timxi ‘l quddiem matul iż-żminijiet sat-tmiem ta’ kollox ħa tiltaqa’ mal-Muilej huwa u ġej. Iżda f’dan il-mixi tagħha minnufih – “il-Knisja tgħaddi mill-istess triq li minnha għaddiet il-Verġni Marija, li mxiet dejjem ‘il quddiem fil-mixja tagħha tal-fidi u baqgħet iżżomm sħiħa, bil-fedeltà kollha, ir-rabta tagħha ma’ Binha sa fuq is-salib.”
Qiegħed nieħu dan il-kliem hekk għoli u li jfakkarna f’ħafna veritajiet, mill-Kostituzzjoni Lumen gentium, li fl-għeluq tagħha tagħtina fil-qasir, iżda b’mod l-aktar ċar, it-tagħlim tal-Knisja dwar l-Omm ta’ Kristu, miqjuma mill-Knisja bħala l-Omm l-aktar għażiża tagħha u b]ala xbieha tagħha fil-fidi, tama u mħabba.
Ftit wara l-Konċilju, il-Papa Pawlu VI, ried jitkellem aktar fit-tul dwar il-Verġni Marija, Fl-enċiklika Christi Matri u mbagħad fiż-żewġ esortazzjonijiet appostoliċi Signum magnum u Marialis cultus fisser liema huma l-pedamenti u liema l-kriterji tal-qima speċjali li l-Knisja tagħti lill-Verġni Marija; tkellem ukoll dwar il-ħafna suriet ta’ devozzjoni lejn il-Verġni Marija – devozzjonijiet liturġici, popolari u private li jaqblu mal-ispirtu tal-fidi.
3. Ir-raġuni li wasslitni biex nitkellem jiena wkoll dwar il-Verġni Marija hu l-fatt li qiegħda toqrob is-sena 2000, meta l-ġublew tat-tieni elf sena wara t-twelid ta’ Kristu għandu jwassalna biex nitfgħu wkoll ħarsitna lejn Ommu. F’dawn l-aħħar snin, ħafna semmew leħenhom biex jgħidu lit kun ħaġa xierqa jekk, bi tħejjija għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-elfejn sena wara t-twelid ta’ Kristu, ikun hemm ġublew ieħor ħa jfakkar it-twelid tal- Verġni Marija.
Għalkemm ma jistax ikun li wieħed jgħid b’mod eżatt twieldet il-Verġni Marija, il-Knisja dejjem għarfet li l-Verġni Marija dehret fuq ix-xefaq tal-ġrajja tas-salvazzjoni qabel Kristu . Hu minnu li meta “l-milja taż-żminijiet” kienet tassew fil-qrib – il-miġja tal-Għimmanu-el għas-salvazzjoni- Dik li sa minn dejjem kienet intgħażlet biex tkun Ommu, ġa kienet tgħix fid-dinja. Il-fatt li l-Verġni Marija kienet fid-dinja “qabel” Kristu turihulna kull sena l-Liturġija tal-Avvent. Għalhekk jekk inqabblu dawn is-snin li fihom qegħdin nersqu lejn tmiem l-elfejn sena wara Kristu u lejn il-bidu tat-tielet elf sena, maż-żmien tal-imgħoddi li fih kien mistenni l-Feddej, nifhmu sewwa għaliex f’dan iż-żmien ta’ issa nixtiequ naħsbu b’mod speċjali f’dik li bħala “Kewkba ta’ filgħodu” (Stella Matutina) bidet tiddi fil-“lejl” taż-żmien li fih kienet mistennija l-miġja – l-“Avvent”- tal-Feddej. Għaliex kif din il-kewkba, flimkien mas-“sebħ” tiġi qabel it-tlugħ tax-xemx, hekk il-Verġni Marija, mill-mument tat-tnissil tagħha bla tebgħa ġiet qabel il-miġja tal-Feddej, ix-“Xemx tielgħa tal-ġustizzja” fil-ġrajja tal-bniedem fid-dinja .
Il-preżenza tagħha f’nofs Israel – preżenza hekk siekta tant li tista’ tgħid li ħadd ma ntebaħ biha min-nies ta’ żmienha – kienet tiddi b’qawwa kbira quddiem Dak li hum inn dejjem, li ried isieħeb din “il-bint ta’ Sijon” (ara Sof 3,4; Żak 2, 10), moħbija għal għajnejn il-bnedmin, fil-pjan tiegħu ta’ salvazzjoni li kien iħaddan il-ġrajja kollha tal-bniedem. Bir-raġun kollu, mela, fi tmiem dawn l-elfejn sena, aħna l-insara, li nafu li l-pjan provvidenzjali tat-Trinità Qaddisa huwa l-qofol tal-verità tar-rivelazzjoni u tal-fidi, inħossu l-ħtieġa li nuru bil-qawwa kollha kif Omm Kristu, b’mod ma hemmx ieħor bħalu, hi preżenti fil-ġrajja tad-dinja, u l-aktar f’dawn l-aħħar snin qabel is-sena 2000.

4. Il-Konċilju Vatikan II iħejjijna għal dan billi, bit-tagħlim tiegħu, jurina lil Omm Alla fil-misteru ta’ Kristu u tal-Knisja. Jekk hu minnu, kif jgħallem l-istess Konċilju , li “biss fil-misteru tal-Verb magħmul bniedem jiddawwal il-misteru tal-bniedem”, dan il-prinċipju għandna napplikawh b’mod speċjali lil dik “il-bint tal-bniedem” eċċezzjonali, lil dik il-“mara” straordinarja li saret Omm Kristu. Biss fil-misteru ta’ Kristu jidher b’mod l-aktar ċar il-misteru tagħha. Il-Knisja sa mill-bidufittxet li tfissru b’dan il-mod: il-misteru tal-Inkarnazzjoni kien ta’ għajnuna għall-Knisja biex tidHol aktar fil-fond u tara b’mod aktar ċar il-misteru ta’ Omm il-Verb magħmul bniedem. Il-Konċilju ta’ Efesu (431) kellu importanza deċisiva f’din il-ħaġa, għaliex ma’ tulu, b’ferħ kbir tal-insara, il-verità li l-Verġni Marija hi Omm Alla ġiet imwettqa b’mod l-aktar solenni, bħala verità tal-fidi tal-Knisja. Marija hi Omm Alla (Theotokos) għaliex bis-setgħa tal-Ispirtu s-Santu nisslet fil-ġuf tagħha ta’ verġni u tat lid-dinja lil Ġesù Kristu, l-Iben ta’ Alla li hu ħaġa waħda mal-Missier . “L-Iben ta’ Alla… imwieled minn Marija Verġni… sar tassew wieħed minna”, bniedem bħalna. Hekk, permezz tal-misteru ta’ Kristu, fuq ix-xefaq tal-fidi tal-Knisja, jiddi fil-mija kollha tiegħ l-misteru ta’ Ommu. Min-naħa l-oħra, id-domma li l-Verġni Marija hi Omm Alla, għall-Konċilju ta’ Efesu u għall-Knisja, kienet qisha tissiġilla d-domma tal-Inkarnazzjoni, li biha l-Verb sar tassew bniedem bħalna, fl-għaqda tal-persuna divina tigħu, mingħajr ma ħassar fih in-natura ta’ bniedem.

5. Il-Konċilju Vatikan II, huwa u jurina lill-Verġni Marija fil-misteru ta’ Kristu, isib ukoll it-triq biex nifhmu aktar fil-fond il-misteru tal-Knisja. Marija, bħalha Omm Kristu, hi b’mod speċjali marbuta mal-Knisja, li “l-Mulej għamilha Ġisem tiegħu” . Il-kliem tal-Konċilju dwar il-verità li l-Knisja hi l-Ġisem ta’ Kristu (skont it-tagħlim tal-ittri ta’ San Pawl), iressaq b’mod li jfisser ħafna din il-verità lejn il-verità li l-Iben ta’ Alla “bis-setgħa tal-Ispirtu s-Santu twieled minn Marija Verġni”. Il-verità tal-Inkarnazzjoni b’xi mod titkompla fil-misteru tal-Knisja – il-Ġisem ta’ Kristù. U wieħed ma jistax jaħseb dwar il-verità tal-Inkarnazzjoni mingħajr ma jaħseb ukoll f’Marija, Omm il-Vern magħmul bniedem.
Iżda jien, f’dawn ir-riflessjonijiet tiegħi, irrid l-ewwelnett nikkontempla l-“mixja tal-fidi” li fiha “mxiet ħafna ‘l quddiem il-Verġni Marija” waqt li żammet dejjem u bil-fedeltà kollha r-rabta tagħha ma’ Kristu . B’dan il-mod ir-rabta doppja li torbot lil Omm ta’ Alla ma Kristu u mal-Knisja tikseb tifsir storiku. U din m’hijiex biss xi ħaġa li għandha x’taqsam mal-ħajja tal-Verġni-Omm, mal-mixja personali tagħha fit-triq tal-fidi, u mas-“sehem aħjar tagħha fil-misteru tas-salvazzjoni, imma hi wkoll ħaġa li għandha x’taqsam mal-ġrajja tal-oplu kollu ta’ Alla, ta’ dawk kollha li qegħdin jieħdu sehem f’din il-mixja tla-fidi.
Dan jgħidu l-Konċilju meta x’imkien ieħor jgħid li l-Verġni Marija “marret l-ewwel” u hekk saret “xbieha tal-Knisja f’dak li għandu x’jaqsam mal-fidi, mal-imħabba u mal-għaqda perfetta ma’ Kristu” . Meta l-Konċilju jgħid li Marija marret l-ewwel bħala xbieha jew eżempju, il-Konċilju dan jgħidu b’riferenza għall-misteru tal-Knisja fiha nfisha, hija u tagħmel u tttemm il-missjoni tagħha ta’ salvazzjoni, billi tgħaqqad fiha nfisha – kif għamlet Marija – il-kwalitajiet ta’ ommu verġni. Il-Knisja hija dik il-verġni li “żżomm sħiħa u safja l-kelma li tat lill-Għarus tagħha”, u “ssir hi wkoll omm” għaliex “tagħti twelid ġdid għall-ħajja ta’ dejjem l-ulied li jitnisslu bis-setgħa tal-Ispirtu s-Santu u jitwieldu minn Alla” .

6. Dan kollu jseħħ tul proċess storiku kbir, li hu mxebbaħ ma’ “mixja”. Il-mixja tal-fidi turi mixja fir-ruħ, jiġifieri hi ġrajja tar-ruħ. Iżda hi wkoll ġrajja tal-bnedmin kollha, li f’din id-dinja jridu jgħixu ħajja li fiha kollox jgħaddi, ħajja li hi parti mid-dimensjoni storika tagħhom. Fir-riflessjonijiet li ġejjin, irrid niġbor ħsibijieti l-ewwelnett fuq dak li hu ta’ issa, li fih innifsu għadu mhux storja, iżda qiegħed ukoll isawwar bla heda l-istorja, ukoll bħala storja ta’ salvazzjoni. Hawn quddiemna għandna dehra tassew wiesgħa li fiha l-Verġni Marija tibqa’ dejjem timxi l-ewwel quddiem il-Poplu ta’ Alla. Il-mixja tal-fidi tagħha, mixja tassew eċċezzjonali, hi mixja li lejha jridu dejjem iħarsu biex ikunu jafu humiex mexjin sewwa, kemm il-Knisja, u kemm l-individwi u l-komunitajiet, u kemm il-ġnus u n-nazzjonijiet, u b’xi mod, il-bnedmin kollha wkoll. Hi ħaġa tassew iebsa tħaddan u tqies il-wiesgħa kollu ta’ din il-mixja.
Il-Konċilju jinsisti li fl-Omm ta’ Alla ġa seħħet il-milja eskatoloġika tal-Knisja: “Fil-Verġni Marija, il-Knisja ġà laħqet il-perfezzjoni li biha hi bla tebgħa u bla tikmixa (ara Ef 5,27)”; fl-istess waqt il-Konċilju jgħid ukoll li “id-dixxipli ta’ Kristu għandhom iħabirku biex jikbru fil-qdusija billi jegħelbu d-dnub; għalhekk jgħolluħarsithom lejn Marija li tiddi għax-xirka kollha tal-magħżulin bħala eżempju ta’ kull virtù.” Il-mixja tal-fidi ntemmet għall-Omm l-Iben ta’ Alla; fil-glorja ma’ ġenb Binha fis-sema, Marija ġà qasmet l-għatba bejn il-fidi u d-dehra “wiċċ imb’wiċċ (I Kor 13, 12). Iżda, fl-istess ħin, għalkemm laħqet il-milja eskatoloġika tagħha, Marija tibqa’ l-“Kewkba tal-baħar” (Maris stella) għal dawk kollha li għadhom mexjin il-mixja tal-fidi. Jekk jerfgħu għajnejhom lejha minn din id-dinja fejn qegħdin jgħixu, dan jagħmluh għaliex “hi tat lid-dinja l-Iben li Alla qiegħdu bħala “l-ewwel imwieled fost ħafna aħwa” (Rum 8,29) , għaliex “fit-tnissil u l-kobor” ta’ dawn il-ħafna aħwa hi “tagħti sehemha b’imħabba ta’ omm” .

L-EWWEL TAQSIMA

MARIJA FIL-MISTERU TA’ KRISTU

1. Mimlija bil-grazzja


7. “Imbierek Alla u Missier Sidna Ġesù Kristu li mliena b’kull xorta ta’ barka spiritwali fis-smewwiet fi Kristu” (Ef 1,3). Dan il-kliem tal-Ittra lill-Efesin jurina l-pjan li kellu minn dejjem Alla l-Missier, il-pjan tas-salvazzjoni tal-bniedmin fi Kristu. Huwa pjan universali li jolqot il-bnedmin kollha maħluqin fuq is-sura u xbieha ta’ Alla (ara Ġen 1,26). Kif kulħadd kien imdaħħal fil-ħidma ta’ Alla fil-ħolqien “fil-bidu”, hekk kulħadd hu mdaħħal minn dejjem fil-pjan ta’ Alla għas-salvazzjoni, li għandu jiġi rivelat kollu kemm hu fil-“milja taż-żminijiet” bil-miġja tal-aħħar ta’ Kristu. Alla, li hu l-“Missier ta’ Sidna Ġesù Kristu” – dan hu kliem li jiġi wara fl-istess Ittra lill-Efesin – għażilna fih sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja, biex inkunu qaddisa u bla tebgħa quddiemu fl-imħabba. Iddestinana li nkunu għalih ulied adottivi permezz ta’ Ġesù Kristu; hekk għoġob lir-rieda tegħu, li biha mliena fil-Maħbub tiegħu. Fih għandna l-fidwa bid-demm tiegħu, il-maħfra tad-dnubiet, skont il-għana tal-grazzja tiegħu” (Ef 1, 4-7).
Il-pjan ta’ Alla għas-salvazzjoni – li ntwera lilna fis-sħuħija kollha tiegħu bil-miġja ta’ Kristu – hu pjan li jibqa’ għal dejjem. U skont it-tagħlim li nsibu fl-Ittra li għadna kemm semmejna u f’ittri oħra ta’ San Pawl (ara Kol 1,12-14; Rum 3,24; Gal 3,13; Kor 5,18-29), hu pjan marbut għal dejjem ma’ Kristu. Iħaddan lil kulħadd, imma għandu post speċjali għal dik il-“mara” li hi Omm Dak li lilu l-Missier fdalu l-opra tas-salvazzjoni. U l-Konċilju Vatikan II jgħallem li din il-“mara” ġiet imħabbra minn qabel fil-wegħda li saret lill-ewwel bniedem wara l-waqgħa tiegħu fid-dnub – skont il-Ktieb tal-Ġenesi (ara 3,15) – “Hi wkoll dik ix-xebba li kellha ssir omm u tnissel iben u ssemmih Għimmanu-el” skont il-kliem tal-profeta Isaija (ara 7,14) . B’dan il-mod it-Testment il-Qadim iħejji dik “il-milja taż-żminijiet” meta Alla “bagħat ‘il Ibnu, imwieled minn mara… biex ikollna l-adozzjoni ta’ wlied”. Il-miġja fid-dinja tal-Iben ta’ Alla hi ġrajja li nsibu mniżżla fl-ewwel kapitli tal-Evanġelji ta’ San Luqa u ta’ San Mattew.

8. Il-Verġni Marija tidħol definitivament fil-misteru ta’ Kristu permezz tal-ġrajja tat-Tħabbira tal-Anġlu. Din ġrat f’Nażaret, f’ċirkostanzi preċiżi tal-ġrajja tal-poplu ta’ Israel, il-poplu li kien l-ewwel wieħed li rċieva l-wegħdiet ta’ Alla. L-Anġlu li niżel mis-sema jgħid lill-Verġni Marija: ”Sliem għalik, mimlija bil-grazzja. Il-Mulej miegħek” (Lq 1,28). Marija “tħawdet ħafna għal dan il-kliem u bdiet taħseb bejnha u bejn ruħha x’setgħet tfisser dik it-tislima” (Lq 1,29), x’setgħu ifissru dawk il-kelmiet tal-għaġeb, u l-aktar il-kliem ”mimlija bil-grazzja” (kecharitoméne) .
Jekk irridu, flimkien ma’ Marija, naħsbu fuq dan il-kliem, u b’mod speċjali fuq il-kliem “mimlija bil-grazzja”, għandna nsibu kliem li jwieġeb għalih b’mod li jfisser ħafna, fl-Ittra lill-Efesin li semmejna aktar ‘il fuq. U jekk wara t-tħabbira tal-Anġlu tas-sema, ix-Xebba ta’ Nażaret issejħet “imbierka fost in-nisa” (ara Lq 1,42) dan ġara minħabba l-barka li “Alla l-Missier” imliena “fis-smewwiet fi Kristu”. Hija barka spiritwali li hi għall-popli kollha, li fiha nfisha għandha l-milja kollha u hi għal kulħadd (“kull barka”), u ġejja minn dik l-imħabba li, fl-Ispirtu s-Santu, tgħaqqad flimkien il-Missier u l-Iben, li hu tal-istess natura tal-Missier. Hi wkoll, fl-istess waqt, barka msawba, permezz ta’ Gesù Kristu, fuq il-grajja kollha tal-bniedem sal-aħħar taż-zmien: fuq il-bnedmin kollha. Izda din il-barka b’mod speċjali u eċcezzjonali tolqot lill-Verġni Marija, għaliex Elisabetta sellmitilha bħala “l-imbierka fost in-nisa.”
Dawn iż-żewġ tislimiet juru li f’ruħ il-“Bint ta’ Sijon” dehret b’xi mod, “il-glorja tal-grazzja”, ta’ dik il-grazzja li l-“Missier … ta lill-Ibnu l-maħbub”. L-Anġlu sellem lill-Verġni Marija “mimlija bil-grazzja”, qisu dan kien l-isem veru tagħha. Ma sejħilhiex bl-isem li bih kienet magħrufa fid-dinja: Miryam (Marija), imma b’dan l-isem il-ġdid: mimlija bil-grazzja. X’ifisser dan l-isem? Għaliex l-Anġlu sellem b’dan il-mod lil Marija?
Fi kliem il-Kotba Mqaddsa, il-kelma “grazzja” tfisser don speċjali li, skont it-Testment il-Ġdid, għandu l-bidu tiegħu proprju fil-ħajja intima ta’ Alla wieħed fi Tliet Persuni, Alla li hu Mħabba (ara 1 Ġw 4,8). Frott ta’ din l-imħabba hija l-“għażla” li dwarha titkellem l-Ittra lill-Efesin. Min-naħa ta’ Alla, din l-għażla hi r-rieda ta’ dejjem ta’ Alla li jsalva l-bniedem billi jagħtih sehem mill-istess ħajja tiegħu (ara 2 Piet 1,4) fi Kristu: hi salvazzjoni permezz ta’ tisħib fil-ħajja soprannaturali. L-effett ta’ dan id-don ta’ dejjem, ta’ din il-grazzja tal-għażla tal-bniedem minn Alla, hu qisu żerriegħa ta’ qdusija, jew għajn li tfawwar fir-ruħ bħala don ta’ Alla nnifsu, li permezz tal-grazzja jagħti ħajja u qdusija lil dawk li jagħżel. B’dan il-mod isseħħ dik il-“barka” tal-bniedem “b’kull xorta ta’ barka spiritwali”, li biha kull bniedem ikun “iben adottiv ta’ Alla … fi Kristu”, f’Dak li minn dejjem hu l-“Iben il-Maħbub” tal-Missier.
Meta naqraw li l-Anġlu sellem lil Marija “mimlija bil-grazzja”, l-Evanġelju, fejn jinġabru flimkien rivelazzjonijiet u wegħdiet tal-imgħoddi, jgħinna nifhmu li fost “kull xorta ta’ barkiet spiritwali … fi Kristu”, din kienet “barka” speċjali. Fil-misteru ta’ Kristu, Marija tinsab sa “minn qabel il-ħolqien tad-dinja” bħala dik li l-Missier “għażel” bħala Omm Ibnu bħala bniedem. U – u din hi xi ħaġa aqwa – flimkien mal-Missier, l-Iben għażilha, u fdaha għal dejjem lill-Ispirtu tal-qdusija. B’mod tassew speċjali u eċċezzjonali, Marija hi marbuta ma’ Kristu, u bl-istess mod hi maħbuba dejjem f’dan l-Iben il-Maħbub, l-Iben li hu tal-istess natura tal-Missier, u li fih tinġabar il-milja kollha tal-“glorja tal-grazzja”. Fl-istess waqt Marija tibqa’ għal kollox miftuħa għad-“don li jiġi mis-sema (ara Ġak 1,17). Kif jgħallem il-Konċilju, Marija “hi l-ewwel fost il-fqar u ċ-ċkejknin tal-Mulej, li bil-fiduċja kollha jistennew u jirċievu mingħandu s-salvazzjoni” .

9. Jekk it-tislima u l-isem “mimlija bil-grazzja” jfissru dan kollu, meta nqisu t-tislima tal-Anġlu, naraw li jfissru qabel xejn l-għażla ta’ Marija bħala Omm l-Iben t’ Alla. Iżda fl-istess ħin, il-kliem “mimlija bil-grazzja” jfissru wkoll il-kobor bla qjies tal-ġenerożità soprannaturali ta’ Alla li minnha gawdiet Marija għax intgħażlet u ġiet destinata biex tkun Omm Kristu. Jekk din l-għażla kienet fondamentali ħa jseħħ il-pjan ta’ Alla għas-salvazzjoni tal-bnedmin, u jekk l-għażla minn dejjem fi Kristu u s-sejħa għad-dinjità ta’ wlied adottivi ta’ Alla huma għal kulħadd, l-għażla tal-Verġni Marija hi kollha kemm hi eċċezzjonali u ma kienx hemm oħra bħalha. Għalhekk Marija għandha post tassew singulari fil-misteru ta’ Kristu, post li ma hemmx ieħor bħalu.
L-Anġlu tas-sema qalilha: ”Tibżax, Marija, għax int sibt grazzja quddiem Alla. Ara se tnissel fil-ġuf u jkollok iben u ssemmih Ġesù. Hu jkun kbir, u jkun jissejjaħ Bin l-Għoli” (Lq 1,30-32). U meta l-Verġni Marija, kollha mħawda minħabba din it-tislima tal-għaġeb, tistaqsi: “Kif jista’ jkun dan, ladarba jiena verġni?”, l-Anġlu jwettqilha kliemu u jfissirhomlha. Gabrijel qalilha: “L-Ispirtu s-Santu jiġi fuqek u l-qawwa ta’ Alla tixħet id-dell tagħha fuqek u għalhekk dak li jitwieled minnek ikun qaddis u jissejjaħ Bin Alla” (Lq 1,35).
It-tħabbira tal-Anġlu hi għalhekk ir-rivelazzjoni tal-misteru tal-Inkarnazzjoni proprju kif beda jseħħ fid-dinja. Id-don ta’ Alla nnifsu u tal-ħajja intima tiegħu għas-salvazzjoni, mogħti direttament lill-bniedem imma b’xi mod ukoll lill-ħolqien kollu, fil-misteru tal-Inkarnazzjoni hu don mill-iktar għoli. Dan tassew hu don għoli ħafna fost id-doni tal-grazzja li ngħataw tul il-ġrajja tal-bniedem u tal-ħolqien kollu: Marija, hi “mimlija bil-grazzja” proprju għaliex fiha seħħet u ntemmet l-Inkarnazzjoni tal-Verb, l-għaqda f’persuna waħda tal-Iben ta’ Alla man-natura tagħna l-bnedmin. Bħalma jgħid il-Konċilju, Marija hi: “l-Omm tal-Iben ta’ Alla, u għalhekk hi l-bint għażiża tal-Missier u tempju tal-Ispirtu s-Santu. Minħabba dan id-don ta’ grazzja hekk għolja hi bil-wisq aqwa mill-ħlejjaq kollha, fis-sema u fl-art” .

10. L-Ittra lill-Efesin, meta titkellem dwar il-“glorja tal-grazzja” li biha “Alla l-Missier” ..... imliena f’Ibnu l-Maħbub”, iżżid: “Fih għandna l-fidwa fid-demm tiegħu” (Ef 1,7). Skont it-twemmin imfisser f’dokumenti solenni tal-Knisja, din “il-ġrajja tal-grazzja” tidher f’Omm Alla mill-fatt li “ġiet mifdija b’mod mill-iktar għoli” . Minħabba l-għana ta’ grazzja tal-Iben il-Maħbub u għall-merti ta’ Dak li ried ikun Binha, Marija ġiet meħlusa mill-wirt tad-dnub tan-nisel . B’hekk, sa mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha – jiġifieri sa minn meta bdiet teżisti – kienet ta’ Kristu, imsieħba fil-grazzja tiegħu ta’ salvazzjoni u ta’ qdusija, u f’dik l-imħabba li għandha l-bidu tagħha fil-Maħbub, f’Iben il-Missier Etern, li bl-inkarnazzjoni sar Binha wkoll. Għalhekk, bis-setgħa tal-Ispirtu s-Santu, fl-ordni tal-grazzja, li hi tisħiħ fin-natura ta’ Alla, Marija tirċievi l-ħajja mingħand Dak li lilu hi stess, fl-ordni tat-tnissil tad-dinja, tatu l-ħajja bħala ommu. Il-Liturġija ma tibżax issejħilha “Omm dak li ħalaqha” . U sellmilha b’dak il-kliem li Dante Alighieri jqiegħed f’fomm San Bernard: “bint Ibnek” . U għax Marija tirċievi din “il-ħajja ġdida” b’milja li taqbel mal-Imħabba tal-Iben għal Ommu, u għalhekk taqbel ukoll mad-dinjità tagħha ta’ Omm Alla, l-Anglu fit-tħabbira tiegħu, sejħilha”mimlija bil-grazzja”.

11. Fil-pjan tat-Trinità Qaddisa għas-salvazzjoni, bil-misteru tal-Inkarnazzjoni seħhet fuq li sehħet il-wegħda li Alla għamel lill-bniedem wara l-ewwel dnub, wara dak id-dnub li bl-effetti tiegħu hi mgħobbija l-ġrajja kollha tal-bniedem fid-dinja (ara Ġen 3,15). Imma, ara, jiġi fid-dinja Iben, “nisel ta’ mara” li jgħaffeġ il-ħażen tad-dnub fl-istess bidu tiegħu: “hu jgħaffeġ ras is-serp”. Kif naraw minn kliem il-protoevanġelju, ir-rebħ ta’ “nisel il-mara” mhux se sseħh mingħajr taqbida qalila, taqbida li trid tibqa’ sejra tul il-grajja kollha tal-bniedem. Il-“mibgħeda’, imħabbra fil-bidu , hi mwettqa fl-Apokalissi (il-ktieb dwar l-aħħar ġrajjiet tal-Knisja u tad-dinja) fejn jerġa’ jidher is-sinjal tal-“mara”, din id-darba “liebsa x-xemx” (Apok 12,2).
Marija, Omm il-Verb magħmul bniedem tinsab f’nofs din il-mibgħeda, f’nofs din it-taqbida, li hi msieħba mal-ġrajja kollha tal-bniedem fid-dinja u mal-istess ġrajja tas-salvazzjoni. F’nofs din it-taqbida, Marija li hija waħda “mill-fqar u ċ-ċkejknin tal-Mulej,” għandha fiha nfisha, b’mod li ebda membru ieħor tal-familja tal-bnedmin ma għandu, il-“glorja tal-grazzja” li l-Missier “tana f’Ibnu l-maħbub,” u minn din il-grazzja jiġu l-kobor u l-ġmiel tal-għaġeb kollu tagħha. B’hekk il-Verġni Marija tibqa’ quddiem Alla, u quddiem il-familja kollha tal-bnedmin ukoll, bħala sinjal li ma jitbiddel u lanqas jitħassar qatt tal-għażla li dwarha titkellem l-Ittra ta’ San Pawl: “fi Kristu ... għażilna... sa minn qabel il-ħolqien tad-dinja” (Ef 1, 4.5.). din l-għażla hi aqwa minn kull tiġrib tal-ħażen u tad-dnub, mill-“mibgħeda kollha li tidher fil-ġrajja kollha tal-bniedem. F’din il-ġrajja l-Verġni Marija tibqa’ dejjem sinjal ta’ tama żgura.

2. Mbierka dik li emmnet

12. Minnufih wara l-ġrajja tat-tħabbira tal-Anġlu, l-evanġelista San Luqa jmexxina wara l-passi tal-Verġni ta’ Nażaret lejn “belt tal-Lhudija” (Lq 1,39). Skont l-għorrief din il-belt hi l-belt moderna ta’ Għajn Karim, fil-għoljiet, ftit ‘il bogħod minn Ġerusalemm. Il-Verġni Marija marret hemm “tħaffef”, biex iżżur lill-qariba tagħha Elisabetta. Ir-raġuni għaliex marret iżżurha nsibuha wkoll fil-fatt li l-Arkanġlu Gabrjel, meta ħabbar lil Marija, semmielha wkoll b’mod speċjali lil Elisabetta, li fi xjuħitha kellha iben minn żewġha Żakkarija, bil-qawwa ta’ Alla: “il-qariba tiegħek Elisabetta, fi xjuħitha, hi wkoll nisslet iben fil-ġuf, u ġa għandha sitt xhur dik li għaliha kienu jgħidu li ma jistax ikollha tfal għax għal Alla ma hemm xejn li ma jistax isir” (Lq 1,36-37) L-Anġlu mis-sema tkellem dwar dak li kien seħħ f’Elisabetta biex iwieġeb għall-mistoqsija ta’ Marija: “Kif ikun dan ladarba jiena verġni?” (Lq 1,34). Dan se jiġi proprju bil-“Qawwa tal-Għoli”, l-istess kif ġara f’Elisabetta, anzi wisq aktar minn hekk.
Imqanqla mill-imħabba, Marija, għalhekk, marret f’dar il-qariba tagħha. Kif daħlet Marija għandha, Elisabetta wieġbet għat-tislija tagħha u ħasset it-tarbija taqbeż fil-ġuf u “mtliet bl-Ispirtu s-Santu” u nfexxet f’għajta kbira u qalet: “Imbierka inti fost in-nisa u mbierek il-frott tal-Guf tiegħek”; (ara Lq 1, 40-42). L-għajta jew tislima ta’ Elisabetta ’l quddiem saret parti mis-Sliema, u kompliet it-tislima tal-Anġlu, u hekk saret waħda mit-talbiet li l-aktar jingħadu fil-Knisja. Iżda wisq aktar ifisser il-kliem ta’ Elisabetta fil-mistoqsija li għamlet wara: “U minn fejn ġieni dan li Omm il-Mulej tiġi għandi?” (Lq 1, 43). It-tarbija hu Ġwanni l-Battista li ħdejn ix-xmara Ġordan kellu juri lin-nies lil Ġesù bħala l-Messija.
Il-kliem kollu tat-tislima ta’ Elisabetta jfisser ħafna, iżda jidher l-aħħar kelmiet tagħha għandhom importanza fondamentali. “Hienja dik li emmnet li se jseħħ kull ma bagħat jgħidilha l-Mulej” (Lq 1, 45) . Dan il-kliem jista’ jintrabat mal-kliem tat-tislima tal-Anġlu “mimlija bil-grazzja”. Dawn iż-żewġ testi huma essenzjalment marjoloġiċi, jiġifieri juru verità dwar Marija li verament daħlet fil-misteru ta’ Kristu proprju għaliex “emmnet”. Il-milja tal-grazzja mħabbra mill-Anġlu tfisser id-don ta’ Alla nnifsu, Il-fidi ta’ Marija, imħabbra minn Elisabetta fiż-żjara lilha ta’ Marija, turi kif il-Verġni ta’ Nażaret wieġbet għal dan id-don.

13. Kif jgħallem il-Konċilju, “l-ubbidjenza tal-fidi” (Rum 16,26: ara Rum 1,5; Kor 10, 5-6) hi ubbidjenza lejn Alla li jirrivela l-misteri tal-fidi, ubbidjenza li biha l-bniedem minn rajh jafda lilu nnifsu kollu kemm hu lil Alla . Din l-ubbidjenza tal-fidi seħħet b’mod l-aktar perfett f’Marija. Il-mument “deċisiv” kien it-tħabbira tal-Anġlu, u kliem Elisabetta hu proprju dwar dan il-mument: “hienja dik li emmnet” .
Fit-tħabbira tal-Anġlu Marija rħiet lilha nfisha kollha kemm hi f’idejn Alla, qagħdet għalih “bil-qawwa kollha tal-fehma u r-rieda tagħha,” u wriet “l-ubbidjenza tal-fidi” tagħha lejn Dak li kellimha permezz tal-Anġlu tiegħu . Wieġbet għalhekk bil-“jien” kollu tagħha ta’ bniedma u ta’ mara, u din it-tweġiba tal-fidi tagħha kienet tħaddan kemm kooperazzjoni sħiħa “mal-grazzja ta’ Alla li tingħata qabel u tkompli tgħin”, u kemm ftuħ sħiħ għall-ħidma tal-Ispirtu s-Santu, “li bla heda jwassal għall-perfezzjoni l-fidi bid-doni tiegħu” .
Il-kelma ta’ Alla l-ħaj, imħabbra mill-Anġlu lil Marija, kienet dwarha: “Ara inti se tnissel fil-ġuf u jkollok iben (Lq 1,31). Għax laqgħet din it-tħabbira, Marija saret “Omm il-Mulej”, il-misteru tal-Inkarnazzjoni seħħ fiha. “Il-Missier ta’ kull ħniena ried li qabel isseħħ l-Inkarnazzjoni dik li kellha tkun Omm l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem tagħti l-kunsens tagħha” . Marija tagħtu dan il-kunsens, wara li semgħet kull ma kellu jgħidilha l-Anġlu. Qalet: “Ara, jien il-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek: (Lq 1, 38). Il-fiat ta’ Marija – “ħa jkun minni” – kien deċisiv min-naħa tal-bniedem, biex iseħħ il-misteru ta’ Alla. Hemm qbil sħiħ ma’ kliem l-Iben li, skont il-kittieb tal-Ittra lil-Lhud, qal lill-Missier huwa u dieħel fid-dinja: “Sagrifiċċju u offerta int ma ridtx, imma ġisem int ħejjejt għalija...Hawn jien, ġejt biex nagħmel ir-rieda tiegħek, O Alla” (Lh 10, 5-7). Il-misteru tal-Inkarnazzjoni seħħ meta Marija qalet il-fiat tagħha: “ħa jkun minni skont kelmtek”, il-fiat li bih, sakemm kien jiddependi minnha skont il-pjan ta’ Alla, ix-xewqa ta’ Binha setgħet isseħħ.
Marija qalet il-fiat tagħha bil-fidi. Bil-fidi ntelqet f’idejn Alla bla ebda kondizzjoni u “tat ruħha kollha kemm hi bħala qaddejja tal-Mulej għall-qadi tal-persuna u l-ħidma ta’ Binha” . U dan l-Iben – kif jgħallmu Missirijiet il-Knisja – nisslitu fil-fehma tagħha qabel nisslitu fil-ġuf tagħha, u dan proprju bil-fidi. Bir-raġun kollu għalhekk Elisabetta tfaħħar lil Marija: “Hienja dik li emmnet li jseħħ kull ma bagħat jgħidilha l-Mulej”. Dan il-kliem kien ġà sseħħ. Il-Verġni Marija ta’ Nażaret tfaċċat fuq l-għatba tad-dar ta’ Elisabetta u Żakkarija bħall-Omm l-Iben ta’ Alla. “Omm il-Mulej tiġi għandi!”

14. Il-fidi ta’ Marija nistgħu nqabbluha mal-fidi ta’ Abraham li San Pawl isejjaħlu “missierna fil-fidi” (ara Rum 4,12). Fil-pjan tas-salvazzjoni, kif irrivelat minn Alla, il-fidi ta’ Abraham hi l-bidu tal-Patt il-Qadim; il-fidi ta’ Marija fit-tħabbira tal-Anġlu, wara li stqarret il-verġinità tagħha (“kif ikun dan ladarba jiena verġni?”) emmnet li bil-qawwa tal-Għoli, bis-setgħa tal-Ispirtu s-Santu, kellha tkun Omm l-Iben ta’ Alla, skont ma ħabbrilha l-Anġlu: “Dak li jitwieled minnek ikun qaddis u jissejjaħ Bin Alla” (Lq 1,35).
Iżda kliem Elisabetta: “Hienja dik li emmnet” ma jgħoddx biss għall-waqt tat-tħabbira tal-Anġlu. Veru li t-tħabbira tal-Anġlu kienet il-mument li fih il-fidi ta’ Marija laħqet il-qofol tagħha hija u tistenna ‘l Kristu, iżda t-tħabbira tal-Anġlu hija wkoll il-mument tal-bidu tal-mixja tagħha lejn Alla, il-mixja sħiħa tagħha tal-fidi. U f’din il-mixja b’mod tassew għoli u ta’ qlubija liema bħalha – anzi bi qlubija aqwa ta’ fidi – isseħħ l-“ubbidjenza” tagħha għall-kelma li Alla irrivelalha. “L-ubbidjenza tal-fidi” ta’ Marija, tul din il-mixja tagħha, turi xebh tassew tal-għaġeb mal-fidi ta’ Abraham. Bħall-patrijarka tal-Poplu ta’ Alla, Marija, tul il-mixja tal-fiat tagħha bħala bint u omm, “ittamat u emmnet ukoll meta ma kienx hemm ebda tama”. Speċjalment f’ċertu mumenti ta’ din il-mixja tagħha, l-hena mogħti lilha “għax emmnet” jidher b’mod tassew ħaj. Temmen jiġifieri “titlaq lilek innifsek” għall-verità tal-kelma ta’ Alla l-ħaj, għax taf u, bl-umiltà kollha, tagħraf kemm ħadd ma jista’ jgħarbel il-ġudizzji ta’ Alla u jifhem it-triqat tiegħu (Rum 11,33) Il-Verġni Marija, li, għax din kienet ir-rieda ta’ dejjem ta’ Alla l-Għoli, sabet ruħha f’nofs it-triqat ta’ Alla li ma nifhmuhomx u f’nofs il-ġudizzji tiegħu li ħadd ma jista’ jgħarbilhom, qagħdet għalihom fid-dawl dgħajjef tal-fidi, u, b’mod sħiħ u minnufih, laqgħet bil-qalb kull ma kien hemm fil-pjan ta’ Alla.

15. Meta fit-tħabbira tal-Anġlu Marija semgħet dwar l-Iben li tiegħu kellha tkun l-Omm u li kellha ssemmih Ġesù (jiġifieri Feddej), saret taf ukoll li “l-Mulej Alla se jagħtih it-tron ta’ David missieru,” u li “se jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb, u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu.” (Lq 1,32-33). F’dan kienet it-tama kollha ta’ Israel. Il-Messija mwiegħed għandu jkun “kbir” u l-Anġlu jħabbar li “Hu jkun kbir” – kbir kemm għax jissejjah Bin il-Għoli u kemm għaliex se jieħu l-wirt ta’ David. Kellu mela jkun sultan, kellu jsaltan “fuq dar Ġakobb”. Marija kienet kibret fost dawn it-tamiet tal-poplu tagħha: setgħet tobsor, waqt it-tħabbira tal-Anġlu, x’tifsir essenzjali kellu l-kliem tal-Anġlu? U kif kellu jiftiehem il-kliem li “s-saltna tiegħu ma kienx se jkun hemm tmiem għaliha?
Għalkemm bil-fidi Marija setgħet dak il-ħin tagħraf li hi l-Omm il-Messija-sultan, madankollu wieġbet: Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej, ħa jkun minni skont kelmtek” (Lq 1,38). Sa mill-ewwel mument, Marija stqarret “l-ubbidjenza tal-fidi” għax qagħdet għal kollox għat-tifsir li ngħata lill-kliem tat-Tħabbira minn Dak li minnu kienu ġejjin: minn Alla stess.

16. Aktar tard, ftit aktar ’il quddiem fit-triq tal-“ubbidjenza tal-fidi”, Marija semgħet kliem ieħor: il-kliem li qalilha x-xwejjaħ Xmun fit-tempju ta’ Ġerusalemm. Għaddew erbgħin jum mit-twelid ta’ Ġesù, meta, skont il-preċetti tal-liġi ta’ Mosè, Marija u Ġużeppi “ħadu ‘l Ġesù Ġerusalemm biex jippreżentawh lill-Mulej” (Lq 2,22). It-twelid ta’ Ġesù ġara f’qagħda ta’ faqar mill-akbar. Nafu minn San Luqa li, minħabba ċ-ċensiment li kienu ordnaw l-awtoritajiet ta’ Ruma, Marija marret Betlehem ma’ Ġużeppi u, għax ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda, tat it-twelid lil Binha fi stalla u qegħditu f’maxtura (Lq 2,7).
Bniedem ġust, li kellu l-biża’ ta’ Alla, jismu Xmun, jidher fil-bidu tal-“mixja” tal-fidi ta’ Marija. Kliemu, imnebbaħ mill-Ispirtu s-Santu (ara Lq 2,25-27) iwettaq il-verità tat-tħabbira tal-Anġlu. Naqraw li laqa’ fuq dirgħajh it-tarbija li lilha – skont l-ordni tal-Anġlu – kien ingħatalha l-isem ta’ Ġesù (ara Lq 2,21). Kliem Xmun jaqbel mat-tifsira ta’ dan l-isem li jfisser Salvatur: “Alla hu salvazzjoni”. Xmun, dar lejn Alla u qal: “Ghaliex għajnejja raw is-salvazzjoni tiegħek li int ħejjejt għall-popli kollha, dawl biex idawwal il-ġnus u l-glorja tal-poplu tiegħek Israel” (Lq 2, 30-32). Iżda fl-istess waqt Xmun ikellem lil Marija b’dan il-kliem: “Ara din it-tarbija se ġġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Israel, għax se jkun sinjal li jmeruh biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta’ ħafna” u żied jgħid direttament lil Marija: “u inti sejf jinfidlek ruħek!” (ara Lq 2,34-35) Kliem Xmun jagħtu dawl ġdid lit-tħabbira li Marija semgħet mingħand l-Anġlu: Ġesù hu s-Salvatur, hu dawl li jdawwal il-bnedmin kollha. Mhux dan li ntwera b’xi mod fil-lejl tal-Milied meta r-rgħajja marru l-istalla (ara Lq 2, 8-20)? U dan ma deherx b’mod aktar ċar bil-miġja tal-Magi mil-Lvant (ara Mt 2, 1-2)? Iżda fl-istess waqt, sa mill-bidu tal-ħajja tiegħu, Iben Marija, u Ommu miegħu, raw bl-esperjenza tagħhom stess, kemm kien veru l-kliem l-ieħor ta’ Xmun: “se jkun sinjal li jmeruh” (Lq 2,34). Kliem Xmun qiesu tieni tħabbira lil Marija, għax qed iħabbrilha l-qagħda storika li fiha Binha kellu jtemm il-missjoni tiegħu jiġifieri mġarrab bin-niket u mhux mifhmum. Jekk din it-tħabbira min-naħa wettqet il-fidi ta’ Marija fil-wegħdiet ta’ Alla għas-salvazzjoni, min-naħa l-oħra wrietha li kellha tgħix l-ubbidjenza tal-fidi tagħha fit-tbatija, ma’ ġenb Salvatur li kellu jbati, u li maternità tagħha kellha tkun misterjuża u kollha niket. U għalhekk, ara, wara ż-żjara tal-Magi li ġew mil-Lvant u wara li taw qima lil Ġesù (inxteħtu fl-art jadurawh”), Marija flimkien mat-tarbija Ġesù, kellha taħrab lejn l-Eġittu, imħarsa minn Ġużeppi, għaliex “Erodi se jfittex it-tifel biex joqtlu” (ara Mt 2,13). U sa ma miet Erodi kellhom jibqgħu fl-Eġittu (ara Mt 2,15).

17. Meta l-familja mqaddsa reġgħet lura Nażaret, wara l-mewt ta’ Erodi, beda żmien twil ta’ ħajja moħbija. Hi li “emmnet li jseħħ kull ma bagħat jgħidilha l-Mulej” (Lq 1,45) kienet tgħix il-verità ta’ dan il-kliem minn jum għall-ieħor. U kuljum ma’ ġenbha kellha l-Iben li tagħtu l-isem ta’ Ġesù; bih ħdejha żgur sejħitlu b’dan l-isem, ħaġa li ma kellhiex tgħagġeb lil ħadd, għax dan l-isem kien ilu jingħata f’Israel. Madankollu, Marija kienet taf li Dak li kellu l-isem ta’ Ġesù ġie msejjaħ mill-Anġlu, Bin i-Għoli (ara Lq 1,32). Marija kienet taf li nisslitu u tagħtu t-twelid “mingħajr ma kienet tagħraf raġel,” bis-setgha tal-Ispirtu s-Santu, bil-qawwa tal-Għoli li xeħtet id-dell tagħha fuqha (ara Lq 1,35), l-istess kif bħal fi żmien Mosè u l-patrijarki sħabha kienet tgħatti l-preżenza ta’ Alla (ara Es 24,16;40,34-35; I Slat 8,10-12) Għalhekk Marija kienet taf li l-Iben li taghtu t-twelid bla ma ttiefset xbubitha kien tassew “il-Qaddis”, “Bin Alla”, li dwaru kellimha l-Anġlu.
Tul is-snin tal-ħajja moħbija ta’ Ġesù fid-dar ta’ Nażaret, il-ħajja ta’ Marija wkoll kienet moħbija ma’ Kristu f’Alla (ara Kol3,3) permezz tal-fidi. Għaliex il-fidi hi kuntatt mal-misteru ta’ Alla. Kuljum il-Verġni Marija kienet kontinwament f’kuntatt mal-misteru għoli ta’ Alla magħmul bniedem, misteru li jisboq kull ma ġie rivelat fil-Patt il-Qadim. Mill-mument tat-tħabbira tal-Anġlu l-Omm Verġni kienet daħlet fit-“tiġdid” radikali tar-rivelazzjoni ta’ Alla minnu nnifsu u saret taf bil-misteru. Hi l-ewwel waħda fost “dawk iċ-ċkejknin” li dwarhom Gesù kellu darba jgħid: “Missier ... int dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin” (Mt 11,28) Għaliex “ħadd ma jagħraf l-Iben jekk mhux il-Missier” (Mt 11, 27). Kif setgħet mela Marija “tagħraf l-Iben”? Żgur ma tagħrfux kif jagħrfu l-Missier, iżda hi l-ewwel waħda fost dawk li lilhom il-Missier ried jgħarraf l-Iben (ara Mt 11,26-27; I Kor 2,11). Sa mill-mument tat-tħabbira tal-Anġlu ġie mgħarraf lilha l-Iben, li l-Missier biss kien jafu għal kollox, għax nisslu sa “mil-lum” (ara Salm 2, 7) ta’ dejjem. Marija, Ommu, hi f’kuntatt mal-verità ta’ Binha bil-fidi u permezz tal-fidi biss. Hi hienja għax “emmnet” u baqgħet temmen jum wara l-ieħor fost it-tiġrib u d-diffikultajiet tat-tfulija ta’ Ġesù, u mbagħad ukoll tul is-snin tal-ħajja moħbija f’Nażaret, meta “kien jobdihom” (Lq 2,51), jibdi lil Marija u lil Ġużeppi wkoll, għax dan kien jaqdi d-dmir ta’ missier għalih quddiem il-bnedmin, tant li iben Marija kien magħruf bħala “bin il-mastrudaxxa” (Mt 13,55).
Omm dak l-Iben, għalhekk, hija u tiftakar f’kull ma ntqalilha fit-tħabbira tal-Anġlu u f’kull ma seħħ wara, iġġorr fiha t-“tiġdid” radikali tal-fidi: il-bidu tal-Patt il-Gdid. Dan hu l-bidu tal-Evanġelju, jiġifieri tal-Bxara t-tajba ta’ ferħ. Iżda mhux ħaġa iebsa f’dan il-bidu tara toqol u għeja partikulari tal-qalb, flimkien ma’ sura ta’ “lejl tal-fidi” – biex nuża frażi ta’ San Ġwann tas-Salib – qisu xi “velu” li minnu trid tgħaddi biex tersaq lejn Dak li ma jidhirx u tgħix f’ħajja intima mal-misteru. U proprju b’dan il-mod li Marija, għal ħafna snin, għexet ħajja intima mal-misteru ta’ Binha, u mxiet il-mixja tagħha tal-fidi, waqt li Ġesù kien “jikber fil-għerf ... u fil-grazzja quddiem Alla u quddiem il-bnedmin” (Lq 2, 52) L-imħabba ta’ Alla għalih kienet dejjem aktar tidher għall-għajnejn il-bnedmin. U l-ewwel waħda fost il-bnedmin maħluqa li ngħata lilha li tagħraf ‘il Kristu kienet proprju Marija li, ma’ Ġużeppi, kienet tgħix ma’ Kristu fid-dar ta’ Nażaret.
Iżda, imbagħad, wara li Ġesù nstab fit-tempju, għall-mistoqsija ta’ ommu: “Għaliex għamiltilna hekk?” Ġesù, it-tfajjel ta’ tnax-il sena, wieġeb: “Ma tafux li jien għandi nkun f’dak li hu ta’ Missieri?” u l-evanġelista jżid jgħid: “Huma (Marija u Ġużeppi) dan kliemu ma fehmuhx” (Lq 2, 48-50). Mela Ġesù kien jaf li “ħadd ma jagħraf l-Iben jekk mhux il-Missier” (Mt 11,27), tant li dik ukoll, li lilha ġie rivelat il-misteru sħiħ tiegħu bħala Bin Alla kienet tgħix fl-intimità ta’ dan il-misteru bil-fidi biss! Hija u tgħix qrib Binha taħt saqaf wieħed, u tħares bil-fedeltà kollha “r-rabta tagħha ma’ Binha”, kienet timxi ‘l quddiem fil-mixja tagħha tal-fidi, kif jgħallem il-Konċilju bil-qawwa kollha . Hekk ukoll, tul il-ħajja pubblika ta’ Kristu (ara Mk 3, 21-35), minn jum għall-ieħor kienet isseħħ fiha t-tislima ta’ Elisabetta nhar iż-żjara tagħha: “Hienja dik li emmnet”.

18. Din it-tislima tilħaq il-qofol tagħha meta Marija kienet ħdejn is-salib ta’ Binha (ara Ġw 19,25). Il-Konċilju jgħidilna li dan ma seħħx “mingħajr il-ħsieb ta’ Alla”: “ingħaqdet sal-qiegħ ma’ Binha l-waħdani fit-tbatijiet tiegħu u ssieħbet fis-sagrifiċċju tiegħu bil-qalb tagħha ta’ omm, hija u tilqa’, bl-imħabba kollha, li jkun offert bħala vittma dak li lilu tat it-twelid”; b’dan il-mod il-Verġni Marija żammet sħiħa r-rabta tagħha ma’ Binha sa fuq is-salib . Kienet rabta permezz tal-fidi – ta’ dik l-istess fidi li biha laqgħet kliem l-Anġlu fil-mument tat-tħabbira tiegħu. Dak il-ħin kienet semgħet ukoll il-kliem: “Hu jkun kbir... u l-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu” (Lq 1,32-33).
U issa, wieqfa ħdejn is-salib, Marija hija x-xhud, biex nitkellmu ta’ bnedmin li aħna, taċ-ċaħda sħiha ta’ dan il-kliem. Fuq l-għuda tas-salib Binha kien qiegħed imdendel f’agunija, bħala wieħed ikkundannat. “Kien imżeblah u mwarrab mill-bnedmin, bniedem li bata,,, bniedem imżeblah u aħna xejn ma qisnieh”: bniedem meqrud (ara Is 53,3-5). Kemm mela kienet kbira, kemm qalbiena l-ubbidjenza tal-fidi li wriet Marija quddiem il-ġudizzji ta’ Alla li qatt ma nistgħu ngħarbluhom! Kif “intelqet għal kollox f’idejn Alla” u offrietlu l-qima sħiħa tal-fehma u tar-rieda tagħha lil Dak li triqatu ħadd ma jifhimhom! (ar Rum 11, 33) u kemm ukoll kienet qawwija l-ħidma tal-grazzja fir-ruħ tagħha, kif xterdet għal kollox fiha l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu u d-dawl u s-setgħa tiegħu!
Permezz ta’ din il-fidi ingħaqdet b’mod l-aktar perfett ma’ Kristu meta hu tneżża minn kollox. Għaliex Kristu Ġesù “għad li kellu n-natura ta’ Alla, ma qagħadx ifittex tiegħu li hu daqs Alla, imma xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir, u deher minn barra bħala bniedem”, u proprju fuq il-Golgota “ ċekken lilu nnifsu billi obda sal-mewt anzi sal-mewt tas-salib” (ara Fil 2,5-8) Ħdejn is-salib Marija permezz tal-fidi ssieħbet ma’ Binha fil-misteru tal-biża’ ta’ meta ċekken lilu nnifsu. Din hi forsi l-ikbar kenosis tal-fidi fil-ġrajja tal-bniedem. Permezz tal-fidi l-Omm tissieħeb fil-mewt ta’ Binha, fil-mewt li biha fdiena; iżda b’kuntrast mal-fidi tad-dixxipli li ħarbu, il-fidi ta’ Marija kienet iktar imdawla. Fuq il-Golgota, Ġesù permezz tas-salib wera darba għal dejjem li hu kien sinjal li jmeruh, “is-sinjal li jmeruh” imħabbar minn Xmun. Fl-istess waqt fuq il-Golgota seħħ ukoll il-kliem li Xmun kien qal lil Marija: “int ukoll sejf jinfidlek ruħek” .

19. Iva, veru “hienja dik li emmnet”. Dan il-kliem li ntqal minn Elisabetta wara t-tħabbira tal-Anġlu, hawn ħdejn is-salib qisu qed jiġi mtenni b’qawwa aktar kbira, u l-qawwa li tinsab fih issir xi ħaġa li tidħol ‘il ġewwa sewwa. Mis-salib, jiġifieri mill-qalba tal-misteru tal-fidwa, toħroġ u tinxtered il-barka tal-fidi. Tmur sa “l-bidu”, u bħala tisħib fis-sagrifiċċju ta’ Kristu – l-Adam il-ġdid- issir b’xi mod kuntrast mad-diżubbidjenza u man-nuqqas ta’ fidi, li dehru fid-dnub ta’ Adam. Hekk jgħallmu Missirijiet il-Knisja u b’mod speċjali San Irinew, li hu ċitat fil-Kostituzzjoni Lumen gentium: “L-għoqda li ġabet id-diżubbidjenza ta’ Eva nħallet mill-ubbidjenza ta’ Marija: dak li l-verġni Eva rabtet bin-nuqqas ta’ fidi tagħha, Marija ħallietu bil-fidi tagħha” . Fid-dawl ta’ dan il-paragun bejn Eva u Marija, Missirijiet il-Knisja – kif jgħid il-Konċilju – isejħu lil Marija “Omm il-ħajjin’ u spiss jitkellmu dwar “il-mewt li ġiet permezz ta’ Eva u l-ħajja li ġiet permezz ta’ Marija” .
Fil-kliem:”hienja dik li emmnet”, nistgħu għalhekk naraw qisu muftieħ li jiftħilna l-verità l-aktar għolja dwar Marija, dwar dik li l-Anġlu sellmilha “mimlija bil-grazzja”. Għax “mimlija bil-grazzja”, Marija hi minn dejjem ta’ dejjem preżenti fil-misteru ta’ Kristu, u, permezz tal-fidi, hi ssieħbet f’dan il-msiteru tul iż-żmien kollu ta’ ħajjitha fid-dinja. Hi mxiet ‘il quddiem fil-mixja tagħha tal-fidi, u fl-istess ħin, b’mod sieket, imma dirett u effettiv, ġabet fost il-bnedmin il-misteru ta Kristu. U dan għandha tagħmlu. Permezz tal-misteru ta’ Kristu, hi wkoll tinsab fi ħdan il-familja tal-bnedmin. Hekk permezz tal-misteru ta’ Binha, il-misteru tal-Omm jidher ċar.

3. Hemm hi ommok

20. L-Evanġelju ta’ San Luqa jsemmi l-mument li fih waħda mara għolliet leħenha minn qalb il-folla u qalet lil Ġesù: “Hieni l-ġuf li ġiebek u s-sider li rdajt” (Lq 11.27) Dan il-kliem hu kliem ta’ tifħir għal Marija bħala Omm Ġesù skont il-ġisem. Aktarx li dik il-mara lil Marija ma kinitx tafha; għax meta Ġesù beda l-ħidma messjanika tiegħu, Marija ma marritx miegħu, imma baqgħet f’Nażaret. Wieħed jista’ jgħid li l-kliem ta’ dik il-mara mhux magħrufa ħareġ b’xi mod lil Marija mill-moħba tagħha.
B’dak il-kliem, f’nofs il-folla, idda għal xi mument, l-Evanġelju tat-tfulija ta’ Ġesù. Dan hu l-Evanġelju li fih Marija tidher bħala l-omm li tnissel fi ħdanha lil Ġesù, tagħtih it-twelid u treddgħu; l-omm li tredda’ li dwarha tkellmet il-mara minn fost il-folla. Minħabba din il-maternità, Ġesù, l-Iben ta’ Alla l-Għoli, (ara Lq 1,32) hu wkoll veru bin il-bniedem. Hu “bniedem” bħal kull bniedem ieħor, hu l-Verb li sar bniedem (ara Ġw 1,14). Hu ġisem u demm Marija.
Iżda għall-hena, imxandar minn dik il-mara għal omm Gesù bħala bniedem, Gesù wieġeb b’mod li jfisser ħafna: “Imma tassew ngħidlek wisq aktar hienja dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jħarsuha!”. (Lq 11,28). Gesù ried iwarrab l-attenzjoni tal-folla minn maternità li tiftiehem biss mir-rabta tal-ġisem, biex iwassalha għar-rabtiet misterjużi tal-ispirtu li joħorġu mis-smigħ u l-ħarsien tal-kelma ta’ Alla.
Dan il-moviment lejn il-qasam tal-valuri spiritwali jidher aktar ċar fi tweġiba oħra ta’ Ġesù li naqraw fl-Evanġelji sinottiċi kollha. Meta lil Ġesù qalulu li ommu u ħutu kienu barra u riedu jarawh, hu wieġeb: “Ommi u ħuti huma dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jagħmlu dak li jgħid hu” (Lq 8, 20-21). Dan qalu “huwa u jdawwar ħarstu fuq dawk li kien hemm madwaru bilqiegħda”, kif naqraw f’San Mark (Mk 3,34), jew, kif jgħidilna San Mattew (12,49), “huwa u jmidd idu lejn id-dixxipli tiegħu.”
Dan il-kliem qisu jaqbel mat-tweġiba li Ġesù, ta’ tnax-il sena, ta lil Marija u lil Ġużeppi meta sabuh wara tlett ijiem fit-tempju ta’ Ġesuralemm.
Issa wara li Ġesù ħalla Nażaret u beda l-ħajja pubblika tiegħu fil-Palestina kollha, kien kollu kemm hu u kien biss f’dak li hu ta’ Missieru (ara Lq 2,49). Kien jidher iħabbar is-Saltna: is-“Saltna ta’ Alla” u “dak li hu ta’ Missieru”, li jżidu dimensjoni ġdida u tifsir ġdid lil kull ma hu tal-bniedem, u għalhekk lil kull rabta tal-bniedem, f’dak li għandu x’jaqsam mal-għanijiet u d-dmirijiet li għandu kull bniedem. F’din id-dimensjoni ġdida, rabta bħal dik ta’ “l-aħwa” tfisser xi ħaġa aktar mir-“rabta tal-aħwa skont il-ġisem”, li tiġi mill-fatt li dawn l-aħwa ġejjin kollha mill-istess ġenituri. Il-maternità wkoll fid-dimensjoni tas-saltna ta’ Alla u fid-dawl tal-paternità ta’ Alla nnifsu tieħu tifsir ieħor. Fil-kliem li jsemmilna San Luqa, Ġesù jgħallimna proprju din it-tifsira ġdida tal-maternità.
B’dan Ġesù qiegħed jitbiegħed minn Ommu skont il-ġisem? Tgħid irid iħalliha moħbija u mhux magħrufa kif hi għażlet li tkun? Jekk dan jidher li kien it-ton tal-vuċi ta’ Gesù, b’dan kollu wieħed għandu jinnota li meta kellem lid-dixxipli dwar maternità oħra ġdida, hu kien qiegħed jitkellem proprju dwar Marija b’mod tassew speċjali. Mhijiex forsi Marija l-ewwel waħda fost dawk li jisimgħu l-kelma ta’ Alla u jagħmlu dak li jgħid hu? U għalhekk l-hena li Gesù semma bħala tweġiba għall-kliem il-mara li tkellmet minn fost il-folla, ma għandux jitqies li ntqal l-ewwelnett għal Marija? Żgur li Marija jistħoqqilha kull hena għax saret Omm Gesù skont il-ġisem (“Hieni l-ġuf li ġabek u s-sider li rdajt”), iżda Marija jistħoqqilha kull hena wkoll u b’mod speċjali għaliex ġa sa mit-tħabbira tal-Anġlu semgħet il-kelma ta’ Alla u laqgħetha, għax emmnitha, għaliex obdiet lil Alla, u għaliex għożżet il-kelma ta’ Alla f’qalbha u kienet taħseb fuqha bejnha u bejn ruħha (ara Lq 1,38.45; 2,19.51) u għamlitha bil-ħajja kollha tagħha. Għalhekk nistgħu ngħidu l-hena li bih Gesù wieġeb għall-hena li xtaqet minn fost il-folla mara mhux magħrufa, m’huwiex kontra dan il-hena, għalkemm hekk qisu jidher, imma, fil-persuna tal-Verġni Marija, li sejħet lilha nfisha “l-qaddejja tal-Mulej” (Lq 1,38) hu hena wieħed. Jekk hu minnu li kull nisel isejjaħli hienja (ara Lq 1,48), nistgħu ngħidu li dik il-mara mhux magħrufa kienet l-ewwel waħda li mingħajr ma kienet taf tenniet il-kliem profetiku tal-Magnificat ta’ Marija biex tagħti bidu għall- Magnificat ta’ matul iż-żminijiet.
Jekk, permezz tal-fidi, Marija ġabet l-Iben li taha l-Missier bis-setgħa tal-Ispirtu s-Santu, bla ma ttiefset xbubitha, b’dik l-istess fidi sabet u laqgħet dik id-dimensjoni l-oħra tal-maternità li Gesù wera tul il-missjoni messjanika tiegħu. Nistgħu ngħidu li din id-dimensjoni tal-maternità kienet għand Marija sa mill-bidu, jiġifieri sa mill-mument tat-tnissil u tat-twelid ta’ Binha. Sa minn dak il-mument kienet “dik li emmnet”. Iżda meta l-missjoni messjanika ta’ Binha dehret aktar ċara għall-għajnejha u għall-ispirtu tagħha hi stess, bħala omm, infetħet aktar għal din id-dimensjoni ġdida tal-maternità, li kellha tkun is-“sehem” tagħha ma’ Binha. Ma qalitx hi sa mill-bidu:”Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej ħa jsir minni skont kelmtek” (Lq 1,38)? Permezz tal-fidi Marija kompliet tisma’ l-kelma u taħseb fuqha, u f’din il-kelma dejjem dehret aktar ċara, b’mod li jisboq kull għerf (Ef 3,19), ir-rivelazzjoni li Alla l-ħaj għamel tiegħu nnifsu. Għalhekk Marija bħala Omm, b’xi mod, saret l-ewwel “dixxiplu”, l-ewwel waħda li qisu qalilha:”Imxi warajja”, qabel stess ma għamel din l-istedina lill-Appostli jew lil xi oħrajn (ara Ġw 1,43).

21. F’din il-ħaġa għandha qawwa kbira dik is-silta mill-Evanġelju ta’ San Ġwann li jurina lil Marija fil-festa tat-tieġ ta’ Kana. Hemm Marija tidher bħala Omm Gesù fil-bidu tal-ħajja pubblika tiegħu: “Sar tieġ f’Kana tal-Galilija u omm Gesù kienet hemm. Gesù kien mistieden għat-tieġ hu wkoll flimkien mad-dixxipli tiegħu” (Ġw 2,1-2). Mis-silta jidher li Gesù u d-dixxipli tiegħu ġew mistiedna flimkien ma’ Marija, bħallikieku ġew mistiedna minħabba fiha; l-Iben milli jidher ġie mistieden minħabba f’Ommu. Nafu sewwa x’ġara minħabba din l-istedina, jiġifieri sar “l-ewwel wieħed fost is-sinjali” li għamel Gesù – l-ilma mibdul fi nbid – sinjal li ġagħal lill-evanġelista jgħid li Gesù “bih wera l-glorja tiegħu u d-dixxipli tiegħu emmnu fih” (Ġw 2,11).
Marija marret għat-tieġ ta’ Kana bħala Omm Gesù, u b’mod li jfisser ħafna tat sehemha biex iseħħ l-ewwel wieħed fost is-sinjali ta’ Gesù li juru s-setgħa messjanika ta’ Binha. Naqraw: “Billi ma kienx fadal iżjed inbid, omm Gesù qaltlu: ‘Ma għandhomx inbid’. U Gesù qalilha: ‘Aħna x’għandna x’naqsmu, mara. Is-siegħa tiegħi għadha ma waslitx’ (Ġw 2,3-4). Fl-Evanġelju ta’ San Ġwann “is-siegħa” tfisser il-waqt magħżul mill-Missier li fih l-Iben itemm il-ħidma tiegħu u jiġi glorifikat (ara Ġw 7,30; 8,20; 12, 23.27; 13,1; 17,1; 19,27). Ukoll jekk it-tweġiba ta’ Gesù tinħass bħala ċaħda (aktar u aktar jekk inqisu l-mod kif wieġeb Gesù: “Is-siegħa tiegħi għadha ma waslitx”, aktar milli nqisu t-talba ta’ ommu), b’dan kollu Marija resqet lejn il-qaddejja u qaltilhom: “Agħmlu kull ma jgħidilkom hu” (Ġw 2,5). Imbagħad Gesù qal lill-qaddejja biex jimlew bl-ilma l-ġarar tal-ħaġar, u l-ilma sar inbid, aħjar mill-inbid li sserva l-ewwel lill-mistednin.
Xi ftehim fil-fond kien hemm bejn Gesù u ommu? Kif nistgħu ngħarblu l-misteru tal-għaqda spiritwali intima li kien hemm bejniethom? Imma l-fatti jitkellmu ċar. Hi ħaġa żgura li din il-ġrajja ġa tfisser b’mod l-aktar ċar id-dimensjoni ġdida, it-tifsira ġdida, tal-maternità ta’ Marija. Il-maternità tagħha għandha tifsir li ma jinsabx biss fil-kliem ta’ Gesù u fl-episodji li jsemmu l-Evanġelji sinottiċi (Lq 11, 27-28 u Lq 8,19-21; Mt 12, 46-50; Mk 3, 31-35). F’dawn is-siltiet Gesù jrid jagħmel kuntrast bejn il-maternità li tiġi mill-fatt tat-twelid, u l-maternità ( u l-fraternità wkoll) li hi fid-dimesjoni tas-Saltna ta’ Alla, fil-ħidma ta’ salvazzjoni tal-paternità ta’ Alla. Iżda f’San Ġwann id-deskrizzjoni tal-ġrajja ta’ Kana turina dak li tassew deher bħala sura ġdida ta’ maternità, skont l-ispirtu u mhux skont il-ġisem, jiġifieri l-ħerqa tal-Verġni Marija għall-bnedmin, li twassal biex tersaq lejhom b’ħafna suriet skont il-ħtiġijiet u n-nuqqasijiet tagħhom. F’Kana tal-Galilija ntwera aspett wieħed biss tal-ħtiġiet veri tal-bnedmin, aspett li jidher żgħir u ftit importanti (“Ma għandhomx inbid”). Imma għandu tifsir simboliku kbir: l-għajnuna li tingħata lill-bnedmin fi ħtiġijiethom tfisser ukoll li dawk il-ħtiġijiet daħlu fi ħdan il-missjoni messjanika u l-qawwa salvifika ta’ Kristu. U għalhekk għandna medjazzjoni: Marija tidħol bejn Binha u bejn il-bnedmin fil-verità tal-ħtiġijiet, tan-nuqqasijiet u tat-tbatijiet tagħhom. Tidħol ”fin-nofs” jiġifieri tagħmilha ta’ medjatriċi mhux bħala xi waħda barranija imma bħala omm, għax taf li bħala omm tista’ turi lil Binha ħtiġijiet tal-bnedmin, u “għandha d-dritt” tagħmel dan. Il-medjazzjoni tagħha għalhekk għandha sura ta’ talba: Marija “titlob” għall-bnedmin. U dan mhux kollox. Bħalha omm tixtieq ukoll li s-setgħa messjanika ta’ Binha tidher, dik il-qawwa salvifika tiegħu biex tgħin il-bnedmin fid-disgrazzji tagħhom, biex teħlishom mid-deni li b’ħafna suriet, żgħar u kbar, itaqqlulhom ħafna ħajjithom. Proprju kif il-profeta Isaija ħabbar dwar il-Messija b’dik is-silta magħrufa li Kristu qara lin-nies ta’ beltu f’Nażaret: “biex inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin... inħabbar il-ħelsien lill-imjassrin u d-dawl mill-ġdid lill-għomja.....” (ara Lq 4, 18)
Element ieħor importanti fil-ħidma ta’ Marija bħala omm narawh fil-kliem li qalet lill-qaddejja:”Agħmlu kull ma jgħidilkom hu”. Omm Kristu turi ruħha bħala dik li tgħid x’inhi r-rieda ta’ Binha billi tgħid x’għandu jsir ħalli tidher il-qawwa salvifika tal-Messija. F’Kana, minħabba t-talba ta’ Marija u l-ubbidjenza tal-qaddejja, Gesù ta bidu għas-“siegħa tiegħu”. F’Kana Marija dehret bħala dik li emmnet f’Gesù. Il-fidi tagħha wasslet għall-ewwel “sinjal” tiegħu biex tkebbes il-fidi fid-dixxipli tiegħu.

22. Nistgħu ngħidu li f’din is-silta tal-Evanġelju ta’ San Ġwann għandna l-ewwel dehra tal-verità dwar il-ħerqa ta’ omm tal-Verġni Marija. Din il-verità sabet postha wkoll fit-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II. Hija ħaġa importanti naraw kif il-Konċilju jfisser is-sehem ta’ Marija bħala omm f’rabta mal-medjazzjoni ta’ Kristu. Għalhekk naqraw: “Il-ħidma ta’ Marija bħala omm favur il-bnedmin bl-ebda mod ma ddallam jew tnaqqas il-medjazzjoni ta’ Kristu, imma għall-kuntrarju turi l-qawwa tagħha,” għaliex “wieħed hu l-medjatur bejn Alla u l-bniedem, il-Bniedem Kristu Gesù” (I Tim 2,5). Din il-ħidma ta’ omm tal-Verġni Marija tiġi, skont ma jogħġob lil Alla, “mill-għana bla qjies tal-merti ta’ Kristu: hi mibnija fuq il-medjazzjoni tiegħu, tiddependi għal kollox minnha, u tikseb minnha l-qawwa kollha tagħha” . Hu proprju f’dan is-sens li l-ġrajja ta’ Kana tal-Galilija tagħtina qisu tħabbira tal-medjazzjoni ta’ Marija, li hija kollha kemm hi orjentata lejn Kristu u li twassal għar-rivelazzjoni tal-qawwa salvifika tiegħu. Mill-kliem tal-Evanġelju ta’ San Ġwann jidher ċar li hija medjazzjoni ta’ omm. Kif ixandar il-Konċilju, Marija saret “Ommna fl-ordni tal-grazzja”, Din il-maternità fl-ordni tal-grazzja tiġi mill-maternità tagħha bħala Omm Alla, għaliex, skont il-pjan tal-provvidenza ta’ Alla, l-omm li rabbiet il-Feddej divin, Marija, saret “sieħba ta’ ġieh m’hemmx ieħor bħalu u l-qaddejja l-aktar umli tal-Mulej”, li “tat sehemha fil-ħidma tal-Feddej biex jagħti mill-ġdid il-ħajja soprannaturali lill-erwieħ bl-ubbidjenza, il-fidi, it-tama u l-imħabba mħeġġa tagħha” . U “din il-maternità ta’ Marija fl-ordni tal-grazzja....tibqa’ għal dejjem sa ma jseħħ it-tmiem ta’ dejjem tal-magħżulin kollha”

23. Jekk id-deskrizzjoni li jagħmel San Ġwann tal-ġrajja ta’ Kana turi l- maternità ħerqana ta’ Marija fil-bidu tal-ħidma messjanika ta’ Kristu, silta oħra mill-istess Evanġelju twettaw din il-maternità fil-pjan salvifiku tal-grazzja fil-mument meta dan il-pjan laħaq il-qofol tiegħu, jiġifieri meta seħħ is-sagrifiċċju tas-salib ta’ Kristu, il-misteru tal-Għid tiegħu. Id-deskrizzjoni li jagħmel San Ġwann hi qasira ħafna: Kien hemm wieqfa ħdejn is-salib ta’ Ġesù ommu u oħt ommu, Marija ta’ Kleofa, u Marija ta’ Magdala. Mela kif Gesù lemaħlil ommu u lid-dixxiplu li kien tant iħobb wieqaf ħdejha, qal lil ommu: “Mara, hemm hu ibnek”. Imbagħad qal lid-dixxiplu ‘Hemm hi ommok’. U minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu” (Ġw 19,25-27).
Hawn żgur naraw dehra tat0tħassib speċjali tal-Iben għal Ommu, li qiegħed iħalli f’niket kbir. Iżda “t-testment tas-salib ta’ Kristu” jgħid aktar minn hekk. Ġesù qiegħed juri rabta ġdida bejn l-Omm u l-Iben, huwa u jwettaq bis-solennita’ kollha l-verità u r-realtà sħiħa tagħha. Nistgħu ngħidu li għalkemm ġa ntwera li Marija kienet omm il-bnedmin kollha, issa dan qiegħed jingħad b’mod aktar ċar u qiegħed iseħħ. Jidher mis-sħuħija tal-misteru tal-Għid tal-Mulej. Omm Kristu li tinsab proprju fil-qofol ta’ dan il-misteru – misteru li jħaddan kull individwu u l-familja kollha tal-bnedmin – tingħata bħala omm lil kull individwu u lill-familja kollha tal-bnedmin. Il-bnedmin ħdejn is-salib huma Ġwanni, “id-dixxiplu li kien iħobb” . Iżda m’huwiex waħdu. Il-Konċilju, jimxi skont it-tradizzjoni u ma jaħsibhiex darbtejn biex isejjaħ lil Marija Omm Kristu u omm il-familja kollha tal-bnedmin: għaliex hi “min-nisel ta’ Adam hi ħaġa waħda mal-bnedmin kollha.... anzi, hi tassew omm il-membri kollha ta’ Kristu...għax hi tat sehemha b’imħabba ħalli fil-Knisja jitnisslu l-insara”
Għalhekk din il-“maternità ġdida” ta’ Marija, li tnisslet mill-fidi, hija l-frott tal-“imħabba ġdida” li wasslet għall-kobor sħiħ tagħha ħdejn is-salib, bit-tisħiħ tagħha fl-imħabba salvifika ta’ Binha.

24 Hekk insibu ruħna fil-waqt li qed isseħħ il-wegħda li hemm fil-protoevanġelju: “nisel il-mara jisħaq ras is-serp” (ara Ġen 3,15). Bil-mewt tiegħu għas-salvazzjoni tagħna Ġesù Kristu rebaħ id-deni tad-dnub u l-mewt fl-għeruq tiegħu. Ifisser ħafna li Ġesù huwa u jkellem lil ommu minn fuq is-salib, isejħilha “mara” u jgħidilha: “Mara, hemm hu ibnek”. Hekk ukoll sejħilha fit-tieġ ta’ Kana (ara Ġw 2,4). Kif nistgħu niddubitaw li proprju issa, fuq il-Golgotha, din il-kelma ma tidħolx fil-qalba tal-misteru ta’ Marija, u tilħaq il-post m’hemmx ieħor bħalu, li Marija għandha fil-pjan kollu tas-salvazzjoni? Kif jgħallem il-Konċilju, f’Marija l-bint glorjuża ta’ Sijon, “wara tul twil ta’ żmien li fih kienet mistennija li sseħħ il-wegħda, iż-żmien intemm u seħħ patt ġdid, meta l-Iben ta’ Alla sar minnha bniedem bħalna fil-misteru tal-ġisem tiegħu bies jista’ jeħles il-bniedem mid-dnub” .
Il-kliem li qal Ġesù minn fuq is-salib ifissru li l-maternità ta’ dik li tat it-twelid lil Kristu, tkompli “b’mod ġdid” fil-Knisja u permezz tal-Knisja, li tagħha San Ġwann kien is-simbolu u kien jirrapreżentaha. B’dan il-mod, dik li bħala l-“mara” li dwarha jitkellem il-Ktieb tal-Ġenesi (3,15) fil-bidu u l-Apokalissi (12,1) fi tmiem il-ġrajja tas-salvazzjoni. Skont il-pjan ta’ dejjem tal-Provvidenza ta’ Alla, il- maternità divina ta’ Marija trid tissawwab fuq il-Knisja kif turi t-Tradizzjoni li tgħid il-maternità ta’ Marija bħala omm il-Knisja tirrifletti u twessa’ l-maternità tagħha bħla Omm l-Iben ta’ Alla .
Skont il-Konċilju, il-mument stess tat-twelid tal-Knisja u tad-dehra sħiħa tagħha quddiem id-dinja jagħtina ħjiel ta’ kif twessat il-maternità ta’ Marija: “Għaliex għoġob lil Alla li ma jurix bis-solennità kollha l-misteru tas-salvazzjoni tal-bnedmin kollha qabel ma bagħat l-Ispirtu mwiegħed minn Kristu, naraw lill-Appostli, qrib nhar Għid il-Ħamsin, qalb waħda flimkien jitolbu ma’ xi nisa u ma’ Marija Omm Ġesu u ma’ qrabatu” (Atti 1,14). Naraw ukoll lil Marija titlob id-don tal-Ispirtu, li kien ġa tefa’ d-dell tiegħu fuqha nhar it-tħabbira tal-Anġlu” .
Għalhekk fil-pjan salvifiku tal-grazzja li seħħ bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu, hemm qbil singulari bejn il-mument tal-Inkarnazzjoni tal-Verb u l-mument tat-twelid tal-Knisja. Dik li tgħaqqad flimkien dawn iż-żewġ mumenti hi Marija, Marija ta’ Nażaret u Marija fil-kamra ta’ fuq f’Ġerusalemm. F’dawn iż-żewġ mumenti, il-preżenza ta’ Marija, siekta imma essenzjali, juru t-triq tat-“twelid mill-Ispirtu s-Santu”. Hekk dik li tinsab fil-misteru ta’ Kristu bħala omm, tinsab ukoll, bir-rieda tal-Iben u bis-setgħa tal-Ispirtu s-Santu, fil-misteru tal-Knisja. Fil-Knisja wkoll Marija tkompli tinsab bħala omm kif jidher mill-kliem li ntqal fuq is-salib: “Mara hemm hu ibnek!” “Hemm hi ommok!”

IT-TIENI TAQSIMA

L-OMM TA’ ALLA F’NOFS IL-KNISJA
FIL-MIXI TAGĦHA FID-DINJA

1. Il-Knisja, il-Poplu ta’ Alla, tinsab f’nofs il-ġnus kollha tal-art

25, Il-Knisja timxi ‘l quddiem qisha f’art barranija, fost il-persekuzzjonijiet tad-dinja u l-faraġ ta’ Alla, tħabbar is-Salib u l-Mewt tal-Mulej sa ma jiġi (ara I Kor 11, 26) . « Israel skont il-ġisem, li kien jiġġerra bħala wieħed eżiljat fid-deżert, kien ġa l-Knisja ta’ Alla (ara 2 Esd 13,1; Num 20, 4 ; Dewt 23, 1ss) : hekk ukoll Israel il-ġdid ... hu msejjaħ il-Knisja ta’ Kristu (ara Mt 16,18) għax xtraha għalih b’demmu (Atti 20,28), imlieha bl-Ispirtu tiegħu, u taha dawk il-mezzi li jgħoddu għaliha bħala għaqda soċjali li tidher. Alla ġabar flimkien qishom ħaġa waħda lil dawk kollha li jħarsu bil-fidi lejn Kristu bħala l-awtur tas-salvazzjoni u l-bidu tal-għaqda u s-sliem, u għamilhom il-Knisja, biex għal kull wieħed u għal kulħadd tkun is-sinjal li jidher tal-għaqda salvifika ».
Il-Konċilju Vatikan II jitkellem dwar il-Knisja fil-mixi tagħha fid-dinja u jara f’dan il-mixi analoġija mal-mixi ta’ Israel fid-deżert fi żmien il-Patt il-Qadim. Dan il-mixi għandu wkoll sura li tidher għax iseħħ bħala ġrajja fiż-żmien u flimkien fejn ikun. Dan għaliex il-Knisja « hi msejħa biex tinxtered sat-truf kollha tal-art u tidħol fil-ġrajja tal-bnedmin, iżda fl-istess ħin hi ‘l fuq minn kull żmien u ‘l fuq mit-truf kollha tal-popli». B’dan kollu s-sura essenzjali ta’ dan il-mixi tal-Knisja hi sura spiritwali hu mixi permezz tal-fidi, bil-qawwa ta’ Kristu rxoxt , mixi fl-Ispirtu s-Santu mogħti lill-Knisja bħala Dak li jagħti faraġ bla ma jidher (parakletos) (ara Ġw 14,26 ; 15,26 ;16,7). Il-Knisja « timxi ‘l quddiem, fost tiġrib u niket, imsaħħa bil-qawwa tal-grazzja ta’ Alla, imwegħda lilha mill-Mulej, biex ... immexxija mill-Ispirtu s-Santu, qatt ma tieqaf tiġġedded sakemm, permezz tas-salib, tasal għal dak id-dawl li ma jgħib qatt » .
Hu proprju f’dan il-mixi jew pellegrinaġġ tal-Knisja tul iż-żmien u kullimkien, u aktar u aktar fil-ġrajja ta’ kull ruħ, Marija tinsab bħala dik li hi « hienja għax emmnet », bħala dik li mxiet ‘il quddiem fil-mixja tal-fidi, imsieħba fil-misteru ta’ Kristu, b’mod li ebda ħadd ieħor ma kien imsieħeb fih. Il-Konċilju jżid jgħid li « Marija daħlet fil-fond sewwa tal-ġrajja tas-salvazzjoni u biex ngħidu hekk, ġabret fiha nfisha u rriflettiet il-veritajiet l-aktar għoljin tal-fidi. » Fost dawk kollha li jemmnu hi qisha « mera » li tirrifletti b’mod l-aktar għoli u safi « l-għemejjel kbar ta’ Alla » (Atti 2,11)

26. Mibnija minn Kristu fuq is-sisien tal-Appostli, il-Knisja għarfet b’mod sħiħ dan l-għemejjel kbar ta’ Alla nhar Għid il-Ħamsin meta dawk li kienu miġburin fil-kamra ta’ fuq « imtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu u bdew jitkellmu b’ilsna oħra, skont ma l-Ispirtu kien jagħtihom li jitkellmu » (Atti 2,4). Minn dak il-waqt ukoll tibda l-mixja tal-fidi, il-mixi tal-Knisja fil-ġrajja tal-individwi u tal-ġnus. Nafu li fil-bidu ta’ dan il-mixi kien hemm Marija. Narawha fost l-Appostli fil-kamra ta’ fuq, « titlob id-don tal-Ispirtu s-Santu » .
B’xi mod il-mixja tagħha tal-fidi hi aktar fit-tul. L-Ispirtu s-Santu kien ġà niżel fuqha u saret l-għarusa għażiża tiegħu fit-tħabbira tal-Anġlu għax laqgħet il-Verb ta’ Alla veru, u « offrietlu l-qima sħiħa tal-fehma u r-rieda tagħha, hija u tilqa’ minn rajha l-verità li hu rrivelalha » ; anzi ntelqet kollha kemm hi f’idejn Alla permezz tal-« ubbidjenza tal-fidi » , li biha wieġbet lill-Anġlu : « Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek ». Il-mixja li għamlet Marija, li narawha titlob fil-kamra ta’ fuq, kienet għalhekk aktar fit-tul minn dik ta’ dawk li kienu miġburin magħha : Marija « mxiet l-ewwel », « marret qabilhom » . Il-Mument ta’ Għid il-Ħamsin f’Ġerusalemm, kien tħejja kemm bil-mument tat-tħabbira f’Nażaret, u kemm bis-salib. Fil-kamra ta’ fuq il-mixja ta’ Marija tiltaqa’ mal-mixja tal-Knisja fil-fidi. Kif ?
Fost dawk li kienu jitolbu fil-kamra ta’ fuq, iħejju ruħhom biex imorru fid-dinja kollha wara li jirċievu l-Ispirtu, kien hemm xi wħud li kien sejħilhom Ġesù ftit ftit mill-bidu tal-missjoni tiegħu f’Israel. Ħdax minnhom għamilhom Appostli u lilhom Ġesù għadda l-missjoni li kien fdalu l-Missier. « Kif il-Missier bagħat lili hekk jien nibgħat lilkom » (Ġw 20,21), qal lill-Appostli wara li qam mill-imwiet. U erbgħin jum wara, qabel reġa’ lura għand il-Missier, żied jgħidilhom : « Meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu ... tkunu xhieda tiegħi... sa truf l-art » (Atti 1,8). Din il-missjoni tal-Appostli bdiet malli ħallew il-kamra ta’ fuq f’Ġerusalemm. Il-Knisja titwieled u tikber bix-xhieda li Pietru u l-Appostli l-oħra jagħtu ta’ Kristu msallab u rxoxt (ara Atti 2,313-34 ; 34,15-18 ; 4,10-12 ; 5, 30-32).
Marija ma rċevietx direttament din il-missjoni appostolika. Ma kinitx fost dawk li Ġesù bagħat « fid-dinja kollha jgħammdu l-ġnus kollha (ara Mt 28,19) meta tahom din il-missjoni. Imma Marija kienet fil-kamra ta’ fuq fejn l-Appostli kienu qed iħejju ruħhom għal din il-missjoni bil-miġja tal-Ispirtu tal-verità : kienet magħhom. Fosthom Marija kienet « titlob » bħala « omm Ġesù » (ara Atti 1,13-14) omm Kristu msallab u rxoxt. U dak l-ewwel grupp ta’ dawk li bil-fidi kienu jħarsu « lejn Ġesù bħala l-awtur tas-salvazzjoni », kienu jafu li Ġesù kien Bin Marija, u li hi kienet Ommu, u li bħala ommu, sa mill-mument tat-tnissil u t-twelid tiegħu kienet ix-xhud waħdanija tal-misteru ta’ Ġesù, dak il-misteru li quddiemhom deher u ġie mwettaq bis-salib u l-qawmien mill-imwiet. Hekk sa mill-bidu nett il-Knisja « ħarset » lejn Marija permezz ta’ Ġesù, l-istess kif « ħarset » lejn Ġesù permezz ta’ Marija. Għaliex għall-Knisja ta’ dak iż-żmien u ta’ kull żmien, Marija hi x-xhud waħdanija taż-żmien tat-tfulija ta’ Ġesù u tal-ħajja moħbija f’Nażaret, meta « kienet tgħożż f’qalbha dawn il-ħwejjeġ, u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha » (Lk 2,19 ; ara Lq 2,51).
Iżda fuq kollox, fil-Knisja ta’ dak iż-żmien u ta’ kull żmien, Marija kienet u hi dik li hi « hienja għax emmnet, » hi kienet l-ewwel waħda li emmnet. Mill-mument tat-tħabbira tal-Anġlu u tat-tnissil tal-Iben t’Alla fil-ġuf tagħha, mill-mument tat-twelid fl-għar ta’ Betlehem, Marija mxiet pass pass wara Ġesù fil-mixi tagħha tal-fidi bħala omm. Imxiet warajh tul is-snin tal-ħajja moħbija f’Nażaret, imxiet warajh ukoll tul iż-żmien wara li ħalla daru, meta beda « jagħmel u jgħallem » (ara Atti 1,1) f’nofs Israel, u, fuq kollox, marret warajh fl-esperjenza traġika tal-Golgota. U issa, waqt li Marija kienet mal-Appostli fil-kamra ta’ fuq, f’Ġerusalemm, fil-bidu tal-Knisja, il-fidi tagħha, li twieldet mill-kliem tat-tħabbira tal-Anġlu, ġiet imwettqa.
Dak in-nhar l-Anġlu kien qalilha : « Int se tnissel fil-ġuf u jkollok iben u ssemmih Ġesù. Hu jkun kbir ... u jsaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb, u ma jknunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu. » Dak li ġara fuq il-Kalvarju dallam din il-wegħda, iżda l-anqas ħdejn is-salib ma naqset il-fidi ta’ Marija. Baqgħet dik li kienet, li, bħal Abraham, « meta ma kellha ebda tama, ittamat » (ara Rum 4,18). Iżda biss wara l-qawmien mill-imwiet deher x’kienet tassew it-tama u bdiet isseħħ il-wegħda. Għaliex Ġesù qabel reġa’ lura għand il-Missier, kien qal lill-Appostli : « Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha ... Ara jien magħkom dejjem sal-aħħar taż-żmien » (Mt 28, 19-20). Hekk tkellem dak li deher bħala rebbieħ fuq il-mewt, bħala dak li kellu s-saltna li, kif qal l-Anġlu, « ma jkunx hemm tmiem għaliha ».

27. Issa mal-ewwel bidu tal-Knisja, fil-bidu tal-mixja twila bil-fidi li bdiet nhar l-Għid il-Ħamsin f’Ġerusalemm, Marija kienet ma’ dawk kollha li kienu ż-żerriegħa ta’ « Israel il-ġdid ». Kienet fosthom bħala xhud ewlieni tal-misteru ta’ Kristu. U l-Knisja kienet titlob magħha, u fl-istess waqt kienet tħares lejha fid-dawl tal-Verb magħmul bniedem. Kellu jkun dejjem hekk. Għaliex meta l-Knisja tidħol aktar fil-fond tal-misteru għoli tal-inkarnazzjoni, taħseb b’qima u devozzjoni kbira f’Omm Kristu . Marija hi marbuta mal-misteru ta’ Kristu b’rabta li ma tistax tinħall, u hi marbuta mal-misteru tal-Knisja sa mill-bidu tagħha, mill-jum li fih twieldet il-Knisja. Fid-dawl ta’ dak li l-Knisja hi sa mill-bidu, ta’ dak li għandha dejjem aktar tkun f’kull żmien, f’nofs il-ġnus kollha tal-art, hemm Dik li « emmnet li jseħħ kull ma bagħat jgħidilha l-Mulej » (Lq 1,45). Hi proprju l-fidi ta’ Marija li turi l-bidu tal-Patt il-Ġdid u għal dejjem ta’ Alla mal-bniedem f’Ġesù Kristu : il-fidi qalbiena tagħha, tiġi qabel ix-xhieda appostolika tal-Knisja u tibqa’ dejjem fil-qalba tal-Knisja, moħbija bħala wirt speċjali tar-rivelazzjoni ta’ Alla. Dawk kollha li minn żmien għal żmien jilqgħu x-xhieda appostolika tal-Knisja għandhom sehem minn dan il-wirt moħbi u b’xi mod għandhom sehem mill-fidi ta’ Marija.
Kliem Elisabetta : « Hienja dik li emmnet » ikompli jissieħbu ma’ Marija wara Għid il-Ħamsin; jissieħbu magħha f’kull żmien, fejn kull għarfien tal-misteru ta’ Kristu għas-salvazzjoni jinxtered, permezz tax-xhieda appostolika u tal-qadi tal-Knisja. U hekk isseħħ il-profezija tal-Magnificat : Kull nisel jibda jsejjaħli hienja għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar, qaddis hu l-isem tiegħu » (Lq 1, 48-49). Għaliex l-għarfien tal-misteru ta’ Kristu jwassalna biex imbierku ‘l Ommu, bis-sura ta’ qima speċjali għat-Theotokos. U f’din il-qima hemm dejjem barka għall-fidi ta’ Marija, għaliex il-Verġni ta’ Nazaret kienet imbierka l-aktar minħabba din il-fidi, skont ma qalet Elisabetta. Dawk li, f’kull żmien, fost il-ħafna ġnus u nazzjonijiet tad-dinja, jilqgħu bil-fidi l-misteru ta’ Kristu, il-Verb magħmul bniedem u l-Feddej tad-dinja, mhux biss iduru bil-qima lejn il-Verġni Marija u kollhom fiduċja jirrikorru għandha bħala Omm, imma wkoll ifittxu fil-fidi tagħha għajnuna għall-fidi tagħhom. U huwa proprju dan it-tisħib kollu mħabba fil-fidi ta’ Marija li jagħtiha post speċjali fil-misja tal-nisja bħala Poplu ġdid ta’ Alla fid-dinja kollha.

28. Kif jgħid il-Konċilju : « Marija, kellha sehem intimu fil-ġrajja tas-salvazzjoni ...., għalhekk meta jipprietkaw dwarha u jqimuha, hi ssejjaħ lill-insara lejn Binha u s-sagrifiċċju tiegħu, u lejn l-imħabba tal-Missier. » Għalhekk il-fidi ta’ Marija, skont ix-xhieda appostolika tal-Knisja, b’xi mod tkompli ssir il-fidi tal-Poplu ta’ Alla fil-mixi tiegħu: il-fidi tal-individwi u tal-komunitajiet, tal-ambjenti u tal-ġemgħat, tal-gruppi kollha li hemm fil-Knisja. Hi fidi li titwassal kemm bil-fehma u kemm bil-qalb, u tinkiseb u terġa’ tinkiseb bit-talb. Għalhekk « il-Knisja hija u taqdi l-ħidma appostolika tagħha bir-raġun kollu tħares lejn dik li nisslet lil Kristu, ikkonċeput mill-Ispirtu s-Santu u mwieled minn Marija Verġni, biex bil-Knisja Kristu jkun jista’ jitwieled u jikber fi qlub l-insara wkoll. »
Illum, aħna u resqin f’din il-mixja tal-fidi lejn it-tmiem tat-tieni elfejn sena wara Kristu, il-Knisja, permezz tat-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II, tistedinna nħarsu lejn dak li tara fiha stess, bħala « il-Poplu wieħed ta’ Alla ... miġbur minn fost il-ġnus kollha tal-art », u tfakkarna fil-verità li l-insara kollha, « għalkemm imxerrdin mad-dinja kollha huma xirka waħda flimkien, fl-Ispirtu s-Santu. » Nistgħu għalhekk ngħidu li f’din ix-xirka, il-misteru ta’ Għid il-Ħamsin iseħħ bla heda. Fl-istess ħin, l-Appostli u d-dixxipli tal-Mulej, fost il-ġnus kollha tal-art, qegħdin « jitolbu flimkien ma’ Marija, Omm Ġesù (Atti 1,14). Għaliex huma f’kull żmien « sinjal tas-saltna » li mhijiex ta’ din id-dinja , u jafu wkoll li f’din id-dinja jridu jinġabru madwar is-Sultan li lilu l-ġnus kollha ngħataw b’wirt (ara Salm 2,8), li lilu l-Missier tah « it-tron ta’ David missieru », biex « isaltan għal dejjem fuq dar Ġakobb u ma jkunx hemm tmiem għas-saltna tiegħu. »
Tul dan iż-żmien ta’ sahra, il-Verġni Marija, bl-istess fidi, li għamlitha hienja, speċjalment mill-mument tat-tħabbira tal-Anġlu, hi fil-missjoni tal-Knisja hi mal-Knisja fil-ħidma tagħha biex twaqqaf is-saltna ta’ Binha fid-dinja. Din il-preżenza ta’ Marija tidher illum f’ħafna suriet, kif dehret f’ħafna suriet tul il-ġrajja kollha tal-Knisja. U l-ħidma tagħha tidher f’ħafna oqsma: fil-fidi u t-tjieba ta’ kull nisrani; fit-tradizzjonijiet tal-familji nsara jew « knejjes tad-dar », fil-komunitajiet parrokkjali u missjunarji, fl-istituti reliġjużi u fid-djoċesijiet, fis-santwarji kbar li bid-dija tagħhom jiġbdu mhux biss individwi u gruppi mill-pajjiżi fejn jinsabu, imma wkoll xi kull tant nazzjonijiet sħaħ, u wkoll kontinenti sħaħ, ħerqana li jiltaqgħu ma’ Omm il-Mulej, ma’ dik li hienja għax emmnet, li hi l-ewwel fost dawk kollha li jemmnu u għalhekk hi Omm l-Għimmanu-el. Din is-sejħa tal-art tal-Palestinsa, il-pajjiż spiritwali tal-insara kollha, għaliex hi l-pajjiż tas-Salvatur tad-dinja u ta’ Ommu Marija. Din hi s-sejħa ġejja minn ħafna knejjes f’Ruma u mad-dinja kollha li nbnew tul iż-żminijiet mill-fidi tal-insara. Din hi s-sejħa ġejja minn ċentri bħala Guadalupe, Lourdes, Fatima u oħrajn li jinsabu f’ħafna pajjii. U fost dawn kif ma nsemmix dak dak li jinsab f’pajjiżi, Jasna Gora ? Wieħed jista’ jitkellem dwar « ġeografija » speċifika tal-fidi u d-devozzjoni Marjan, li tiġbor fiha dawk iċ-ċentri kollha ta’ pellegrinaġġi fejn il-Poplu ta’ Alla jmur biex jiltaqa’ ma’ Omm Alla biex, fil-preżenza ta’ dik l-Omm li hi « hienja għax emmnet », ifittex li jsaħħaħ il-fidi tiegħu. Għaliex fil-fidi ta’ Marija, l-ewwel fit-tħabbira tal-Anġlu u mbagħad għal kollox ħdejn is-salib, infetaħ mill-ġdid fi ħdan il-familja kollha tal-bnedmin qasam fir-ruħ, li l-Missier ta’ dejjem jimla « b’kull barka spiritwali », il-qasam tal-« Patt il-Ġdid u għal dejjem. » Dan il-qasam hu fil-Knisja, li, fi Kristu, hi « sagrament jew sinjal tal-għaqda intima ma’ Alla, u tal-għaqda tal-bnedmin kollha flimkien. »
Fil-fidi li Marija stqarret bħala « qaddejja tal-Mulej » fit-tħabbira tal-Anġlu u li fiha dejjem « marret l-ewwel » quddiem il-Poplu ta’ Alla fil-mixi tiegħu f’din id-dinja, il-Knisja tħabrek bil-qawwa kollha u bla heda biex twassal il-bnedmin kollha għall-bidu ġdid fi Kristu r-Ras, fl-għaqda tal-Ispirtu tiegħu.

2. Il-mixja tal-Knisja u l-għaqda tal-Insara

29. Fid-dixxipli kollha tal-Mulej, l-Ispirtu jqanqal ix-xewqa li jkunu magħqudin flimkien fis-sliem, kif irid Kristu, bħala merħla waħda taħt ragħaj wieħed. Il-mixi tal-Knisja, l-aktar fi żmienna, hu mmarkat bis-sinjal tal-ekumeniżmu: l-insara qed ifittxu biex jaraw kif tista’ terġa’ seħħ l-għaqda, li Kristu talab mingħand il-Missier għad-dixxipli tiegħu jum qabel il-Passjoni: Ħa jkunu huma wkoll ħaġa waħda fina. “Kif inti fija, Missier u jiena fik, ħa jkunu ħaġa waħda fina biex hekk id-dinja temmen li inti bgħattni” (Ġw 17,21). L-għaqda bejn id-dixxipli ta’ Kristu hi, mela, sinjal kbir mogħti biex ikebbes il-fidi fid-dinja, waqt li l-firdiet huma ta’ skandlu.
Għaliex issa qed tidher aktar ċara u ma’ kullimkien il-ħtieġa li sseħħ kemm jista’ jkun malajr l-għaqda tal-insara kollha, il-moviment ekumeniku, fil-Knisja Kattolka, laħaq l-aqwa espressjoni tiegħu fil-ħidma tal-Konċilju Vatikan II. Jeħtieġ li l-insara, fihom infushom u fil-komunitajiet tagħhom, jidħlu aktar fil-fond f’din l-“ubbidjenza tal-fidi” li tagħha Marija hi l-ewwel u l-aqwa eżempju. U għaliex Marija “tiddi fid-dinja ... bħala sinjal ta’ tama żgura u ta’ faraġ għall-Poplu ta’ Alla fil-mixi tiegħu”, “jimla b’ferħ u faraġ kbir lill-Konċilju, il-fatt li fost l-aħwa mhux magħqudin ukoll, b’mod speċjali fost l-insara tal-lvant, hemm min jagħti ġieh xieraq lil Omm il-Mulej u s-Salvatur.

30. L-insara jafu li l-għaqda bejniethom isseħħ verament jekk timbena fuq l-għaqda tal-fidi. Iridu jsibu soluzzjoni għal ħafna nuqqas ta’ ftehim fit-tagħlim dwar il-misteru tal-Knisja u l-ministeri tagħha, u, xi kultant ukoll, dwar is-sehem ta’ Marija fl-opra tas-salvazzjoni. Id-djalogu li nbeda bejn il-Knisja Kattolka u l-komunitajiet ekklesjali tal-punent qiegħed bil-mod il-mod jasal biex jikkonċentra fuq dawn iż-żewġ aspetti tal-misteru tas-salvazzjoni li ma jistgħux jinfirdu minn xulxin. Jekk il-misteru tal-Verb magħmul bniedem jgħinna biex ikollna ħjiel żgħir tal-misteru tal-maternità divina, u jekk, imbagħad, il-kontemplazzjoni ta’ Omm Alla twassalna biex nifhmu aktar fil-fond il-misteru tal-Inkarnazzjoni, għandna ngħidu l-istess ħaġa dwar il-misteru tal-Knisja u s-sehem ta’ Marija fl-opra tas-salvazzjoni. Studju aktar fil-fond ta’ Marija u tal-Knisja, għax idawlu ‘l xulxin, għandu jwassal lill-insara li jridu jagħmlu dak li Kristu jgħidilhom – kif tgħidilhom jagħmlu Ommhom (ara Ġw 2,5) – biex jimxu ‘l quddiem flimkien f’din “il-mixja tal-fidi”, Marija, li ħadha xbieha ta’ din il-mixja, trid twassalhom għal dik l-għaqda li jrid il-Mulej wieħed tagħhom u li tant jixtiequ dawk kollha li qed jagħtu widen sewwa għal dak li illum “l-Ispirtu qiegħed jgħid lill-knejjes” (ara Apok 2,7; 11,17)
Sadattant, hu sinjal sabiħ ta’ tama l-fatt li dawn il-knejjes u komunitajiet ekklesjali qed jaqblu mal-Knisja Kattolka dwar punti fondamentali tat-twemmin nisrani, ukoll dwar dak li għandu x’jaqsam mal-Verġni Marija. Għaliex huma jagħrfuha bħala Omm il-Mulej u jqisu li din hi parti mill-fidi tagħna fi Kristu, veru Alla u veru bniedem. Inħarsu lejha bħala dik li ħdejn is-salib laqgħet bħala binha lil dixxiplu l-maħbub tal-Mulej, dak li min-naħa tiegħu laqagħha bħala ommu.
Mela għaliex m’għandniex aħna lkoll inħarsu lejha bħala l-Omm tagħna lkoll, li titlob għall-għaqda tal-familja kollha ta’ Alla u li “timxi l-ewwel” qabilna lkoll fil-fila twila ta’ daawk kollha li jagħtu xhieda tal-fidi tagħhom f’Mulej wieħed, l-iben ta’ Alla, li tnissel fil-ġuf safi tagħha bis-setgħa tal-Ispirtu s-Santu?
31. Min-naħa l-oħra nixtieq nagħmel enfasi fuq kemm huma magħqudin flimkien fl-imħabba u t-tifħir tat-Theotokos il-Knisja Kattolka, il-Knisja Ortodossa, u l-Knejjes antiki tal-Lvant. Mhux biss li “d-dommi fondamentali tal-fidi nisranija dwar it-Trinità u l-Verb t’Alla magħmul bniedem mill-Verġni Marija ġew definiti f’Konċilji ekumeniċi li saru fil-Lvant”, imma wkoll fil-kult liturġiku tagħhom “il-Knejjes tal-Lvant jagħtu l-akbar ġieh, b’innijiet mill-isbaħ, lil Marija, dejjem Verġni ... l-Omm l-aktarqaddisa ta’ Alla” .
Ħutna ta’ dawn il-knejjes għaddew minn ġrajjiet komplessi ħafna imma kienu dejjem ġrajjiet li fihom urew xewqa mħeġġa ta’ impenn nisrani u ta’ ħidma appostolika, minkejja l-ħafna persekuzzjonijiet li waslu wkoll sat-tixrid tad-demm. Huma ġrajjiet ta’ fedeltà lejn il-Mulej, vera “mixja tal-fidi” f’kull post u f’kull żmien, li ma’ tulu l-insara tal-lvant dejjem ħarsu b’fiduċja liema bħalha lejn Omm il-Mulej, u qimuha bit-tifħir tagħhom, u talbuha bla heda. Fil-mumenti diffiċli tal-ħajja nisranija mġarrba tagħhom, “sabu kenn taħt il-ħarsien tagħha”, u kienu jħossu li kellhom l-għajnuna qawwija tagħha. Il-Knejjes li jħaddnu t-tagħlim tal-Konċilju ta’ Efesu jxandru lil Marija bħala l-Omm tassew ta’ Alla għaliex Sidna Ġesù Kristu, imnissel mill-Missier qabel kull żmien bħala Alla, fl-aħħar taż-żminijiet, għlina u għas-salvazzjoni tagħna, ried bħala bniedem jitwieled minn Marija, il-Verġni Omm Alla” . Il-Missirijiet riei u t-tradizzjoni biżantina huma u jikkontemplaw lill-Verġni Marija fid-dawl tal-Verb maħmul bniedem, fittxew li jidħlu fil-fond ta’ dik ir-rabta li tgħaqqad lil Marija, bħala Omm Alla, ma’ Kristu u l-Knisja: il-Verġni Marija hi dejjem preżenti fil-verità kollha tal-misteru tas-salvazzjoni.
It-tradizzjonijiet kopti u eġizzjani twasslu għall-kontemplazzjoni tal-misteru ta’ Marija minn San Ċirillu ta’ Lixandra, u mbagħad huma wkoll iċċelebraw dan il-misteru b’ġħadd mill-isbaħ ta’ innijiet. Il-ġenju poetiku ta’ San Efrem tas-Sirja, li jissejjaħ “iċ-ċetra tal-Ispirtu sSantu”, lissen bla ma qatt għejja, innijiet f’ġieħ Marija, u ħalla sinjal ħaj ta’ dan fit-tradizzjoni kollha tal-Knisja tas-Sirja.
Fil-paneġeriku tiegħu dwar it-Theotokos, San Girgor ta’ Narek wieħed mill-aqwa glorji tal-Armenja, b’ispirazzjoni poetika mill-aqwa, daħal fil-fond tal-aspetti kollha tal-misteru tal-Inkarnazzjoni u kull aspett kien għalih okkażjoni biex jgħanni u jgħolli d-dinjità straordinarja u l-ġmiel mill-aqwa tal-Verġni Marija, Omm il-Verb magħmul bniedem.
Ma nistagħġbux għalhekk li Marija għandha post privileġġjat fil-qima tal-Knejjes antiki tal-lvant permezz ta’ kotra ta’ festi u innijiet li ma hemmx aqwa minnhom.

32. Fil-Liturġija biżantina, fis-sigħat kollha tal-Uffiċċju divin, it-tifħir tal-Omm hu marbut mat-tifħir tal-Iben u mat-tifħir li, permezz tal-Iben jingħata lill-Missier fl-Ispirtu s-Santu. Fl-Anafora jew talba ewkaristika ta’ San Ġwann Griżostmu minnufij wara l-epiklesi, il-ġemgħa tlissen innu ta’ ġieh Omm Alla:”Hi ħaġa xierqa li nxandru li inti hienja, Omm Alla, int li int l-aktar ta’ ġieh mill-Kerubini u wisq aktar glorjuża mis-Serafini. Int, li mingħajr ma ttiefset xbubitek, tajt it-twelid lill-Verb ta’ Alla. Int tassew Omm Alla”
Dan it-tifħir li jingħata lil Marija f’kull ċelebrazzjoni tal-Liturġija tal-Ewkaristij, sawwar il-fidi, it-tjieba u t-talb tal-insara. Tul iż-żminijiet dan it-tifħir intiseġ mal-ħajja spiritwali tagħhom kollha, u ġab ħafna ‘l quddiem fosthom id-devozzjoni lejn “Omm Alla, Qaddisa kollha kemm hi.”
33. Din is-sena hi t-tnax-il mitt sena wara t-tieni Konċilju ta’ Nicea (787). Dan il-Konċilju, li temm il-kontroversja li kien hemm dwar il-qima tax-xbihat imqaddsa, iddefinixxa li, skont it-tagħlim tal-Missirijiet qaddisa tal-Knisja, kienu jistgħu jiġu esposti għall-qima tal-insara, flimkien mas-salib, ix-xbihat ta’ Omm Alla, tal-Anġli u tal-Qaddisin, fil-knejjes, fid-djar u fit-triqat. Din id-drawwa baqgħet imħarsa fil-lvant kollu u fil-punent ukoll. Xbihat tal-Verġni Marija jinżammu bl-ikbar ġieh fid-djar u fil-knejjes. F’dawn ix-xbihat Marija tidher f’ħafna suriet: bħala tron ta’ Alla li terfa’ lill-Mulej u tagħtih lill-bnedmin (Theotokos); bħala t-triq li twassal għand Kristu u turih (Hodegetria); bħala dik li qiegħda titlob f’qagħda ta’ talb u bħala sinjal tal-preżenza ta’ Alla fil-mixi tal-insara sa ma jasal jum il-Mulej (Deisis); bħala dik li titfa l-ħarsien tagħha fuq il-ġnus kollha (Pokrov); bħala Verġni kollha ħniena u ħlewwa (Elousa). Ġeneralment hi mpinġija b’Binha, it-tfajjel Ġesù, fuq dirgħajha; din ir-relazzjoni tal-Iben ma’ Ommu li ssebbaħ lil Marija. Xi kultant tgħannqu magħha bi ħlewwa liema bħalha (Glykophilousa); drabi o]ra hi figura jeratika, mitlufa kollha kemm hi fil-kontemplazzjoni ta’ dak li hu Sid il-ġrajjiet ( Ara Apok4, 9-14).
Ta’ min isemmi hawn ix-xbiha tal-Madonna ta’ Vladimir, li kienet imsieħba mal-mixja tal-fidi tal-ġnus tal-pajjiż antik tar-Rus. Qed toqrob l-ewwel elf sena tal-konversjoni għat-twemmin nisrani ta’ dawn l-artijiet hekk nobbli: huma artijiet ta’ nies umli, ta’ għorrief u ta’ qaddissin. Ix-xbihat (l-ikoni) għadhom miqjuma fl-Ukranja, fil-Bjelorussja u fir-Russja taħt għadd ta’ titoli. Huma xbihat li jixhdu l-fidi u l-ispirtu ta’ talb ta’ dawk il-ġnus, li jħossu l-presenza u l-ħarsien ta’ Omm Alla. F’dawn l-ikoni l-Verġni Marija tiddi bħala xbieha tal-ġmiel liema bħalu ta’ Alla, l-għamara tal-Għerf ta’ dejjem, il-figura ta’ waħda li titlob, eżempju ewlieni ta’ kontemplazzjoni, xbieha ta’ glorja; hi li wkoll tul ħajjitha fid-dinja kellha għerf spiritwali li jisboq ir-raġuni tal-bniedem u li bil-fidi tagħha kisbet l-għerf l-aktar għoli. Niftakar ukoll fl-ikone tal-Verġni Marija fiċ-Ċenaklu titlob mal-Appostli huma u jistennew il-miġja tal-Ispirtu s-Santu: ma tistax din l-ikone tkun sinjal ta’ tama għal dawk kollha li fi djalogu baħwa, jixtiequ jidħlu aktar fil-fond tal-ubbidjenza tal-fidi tagħhom?

34. Dan l-għana kollu ta’ tifħir, li nbena mill-ħafna suriet tat-tradizzjoniji kbira tal-Knisja, jista’ jgħinna biex inħaffu l-jum li fih il-Knisja tista’ tibda mill-ġdid tieħu nifs sħiħ miż-“żewġ pulmuni” tagħha. Il-lvant u l-punent. Kif għidt ta’ spiss, dan hu meħtieġ wisq aktar illum. Ikun ta’ għajnuna effettiva biex jiġi aktar ‘l quddiem id-djalogu li ġà qed iseħħ bejn il-Knisja Kattolka u l-knejjes u l-komunitajiet ekklesjali tal-punent. Ikun ukoll mezz biex il-Knisja fil-mixi tagħha tkanta u tgħix aktar perfett il-Magnificat tagħha.


3. Il-Magnificat tal-Knisja fil-mixi tagħha

35. F’dan il-mument tal-mixi tagħha, il-Knisja, għalhekk, qed tfittex biex mill-ġdid issib dik l-għaqda ta’ dawk kollha li jistqarru l-fidi fi Kristu, biex turi l-ubbidjenza tagħha għal Sidha, li talab gdin l-għaqda qabel bata. “Il-Knisja timxi ‘l quddiem qisha f’art barrnija ..., fis-Salib u l-Mewt tal-Mulej sa ma jiġi” Il-Knisja timxi ‘l quddiem fost tiġrib u niket, imsaħħa bil-qawwa tal-grazzja ta’ Alla, imwegħda lilha mill-Mulej, biex, minkejja li l-ġisem dgħajjef, hi qatt ma tonqos minn fedeltà sħiħa imma tibqa’ l-Għarusa xierqa ta’ Sidha u mmexxija mill-Ispirtu s-Santu qatt ma tieqaf tiġġedded, sakemm, permezz tas-salib, tasal għal dak id-dawl li ma jgħib qatt”.
L-Omm Verġni hi dejjem mal-Poplu ta’ Alla fil-mixi tiegħu lejn id-dawl. Dan jidher b’mod speċjali fil-kantiku tal-Magnificat, li ħareġ mill-fond tal-fidi ta’ Marija fiż-Żjara lil Elisabetta, kantiku li ma jieqaf qatt li jiġi mtenni fil-qalb tal-Knisja tul iż-żminijiet. Dan narawh mill-fatt li kuljum dan il-kantiku jingħad fil-Liturġija tal-Għasar u f’ħafna okkażjonijiet oħr ta’ devozzjoni sew ta’ individwi u sew ta’ komunitajiet
Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej,
u l-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi,
għax hu xe għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu,
Iva, minn issa ‘l quddiem
Kull nisel jibda jsejjaħli hienja.
Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar,
qaddis hu l-isem tiegħu.
Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien
fuq dawk li jibżgħu minnu.
Hu wera l-qawwa ta’ driegħu,
xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.
Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom,
u għolla ċ-ċkejknin.
Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ,
u l-għonja baghathom ‘il barra b’xejn.
Ħa ħsieb Israel, qaddej tiegħu,
għax ftakar fil-ħniena tiegħu
bħalma wiegħed lil missirijietna –
b’riżq Abaraham u nislu għal dejjem” (Lq 1, 46-55)

36. Meta Elisabetta sellmet lill-qariba żagħżugħa tagħha minn Nażaret, Marija wieġbet bil-Magnificat. Fit-tislima tagħha, elisabetta l-ewwel sejħet lil Marija “hienja” minħabba l-“frott tal-ġuf tagħha”, u mbagħad sejħitilha hienja minħabba l-fidi tagħha (ara Lq 1, 42,45). Dawn iż-żewġ tislijiet huma marbutin direttament mat-tħabbira tal-Anġlu. Issa, fiż-żjara, meta t-tislima ta’ Elisabetta tagħti xhieda għal dak il-waqt importanti, il-fidi ta’ Marija tinħass u tintwera b’mod ġdid. Dak li kien baqa’ moħbi fil-fond tal-“ubbidjenza tal-fidi” fit-tħabbira tal-Anġlu, issa joħroġ barra qisu fjamma ċara u ħajja tal-ispirtu. Il-kliem li qalet Marija fuq il-g]atba tad-dar ta’ Elisabetta huwa stqarrija ispirta ta’ din il-fidi tagħha, li biha, it-tweġiba tagħha għall-kelma li ġiet rivelata lilha, hi elevazzjoni, b’ferħ reliġjuż u poetiku, tagħha nfisha kollha kemm hi lejn Alla. F’dan il-kliem għoli, li fl-istess ħin hu sempliċi ħafna u kollu kemm hu ispirat mill-Kotba mqaddsa tal-poplu ta’ Israel , tidher tiddi l-esperjenza personali ta’ marija u l-estasi tal-qalb tagħha. Fih jiddi raġġ tal-misteru ta’ Alla, is-sebħ tal-Qdusija tiegħu bla qjies, l-imħabba tiegħu ta’ dejjem, li bħala don li ma jitreġġa qatt lura, jidħol fil-ġrajja tal-bniedem.
Marija hija l-ewwel waħda li għanda sehem f’din ir-rivelazzjoni ġdida ta’ Alla u f’dan l-għoti ġdid ta’ Alla f’din l-istess rivelazzjoni. Għalhekk hi xxandar: “Għax is-Setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar qaddis hu l-isem tiegħu”. Kliemhajuri ferħ fl-ispirtu li mhux ħafif li tfisser: “L-Ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-salvatur tiegħi”. Dan għaliexl-ogħla verità sew dwar Alla u sew dwar is-salvazzjoni tal-bniedem rajniha ċar fi Kristu li hu fl-istes ħin medjatur u l-milja tar-rivelazzjoni . Fil-ferħ kollu tagħha Marija ssib ruħha fil-qalba ta’ din il-milja ta’ Kristu. Hi taf li l-wegħda magħmula lil missirijiet, u l-ewwel “lil Abraham u lil nislu għal dejjem”, qed isseħħ fiha stess. Għalhekk qed tagħraf li fiha stess bħala Omm Kristu jinsab miġbur il-pjan kollu tas-salvazzjoni, li fih, f’kull żmien jidher dak li, bħala Alla tal-patt, “jiftakar fil-ħniena tiegħu.”

37. Il-Knisja li sa mill-bidu sawret il-mixi tagħa fid-dinja fuq il-mixja tal-Omm ta’ Alla, bla heda ttenni warajha l-Magnificat. Mill-fond tal-fidi tal-Verġni Marija fit-tħabbira tal-Anġlu u fiż-żjara lil elisabetta, il-Knisja tikseb il-verità Alla tal-Patt: Alla li jista’ kollox u għamel “ħwejjeġ kbar” għall-bniedem: “Qaddis hu l-isem tiegħu”. Fil-Magnificat il-Knisja tara mqaċċat mill-għeruq dak id-dnub li naraw fil-bidu tal-ġrajja tar-raġel u l-mara fid-dinja, id-dnub tan-nuqqas ta’ fidi u ta’ “ftit fidi” f’Alla. B’kuntrast mas-“suspetti” li “,issier il-gideb” żara’ f’qalb Eva, l-ewwel mara, Marija, li t-tradizzjoni s-soltu ssejjaħ “Eva l-ġdida,” u l-vera “Omm il-ħajjin”, bil-qawwa kollha xxandar il-verità dwar Alla fid-dawl kollu tagħha: Alla qaddis li jista’ kollox, li sa mill-bidu hu l-għajn ta’ kull don, dak li “għamel ħwejjeġ kbar” fiha u fil-ħolqien kollu wkoll. Fil-ħolqien Alla ta l-eżistenza lil kull ma hu. Meta ħalaq il-bniedem, tah id-dinjità li jkun sura u xbieha tiegħu, b’mod speċjali, fost il-ħlejjaq kollha tal-art. Barra dan, fix-xewqa tiegħu li jagħti, Alla ta lilu nnifsu f’Ibnu stess, minkejja d-dnub tal-bniedem: “Alla hekk ħabb id-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni” (Ġw 3,16). Marija hi l-ewwel xhuid ta’ din il-verità tal-għaġeb, li sseħħ għal kollox b’kull ma għamel u qal (ara Atti 1,1). Binha u, b’mod definitiv, bis-salib u l-qawmien teigħu mill-imwiet.

Il-Knisja, li wkoll ”fost tiġrib u niket qatt ma tieqaf ittenni ma’ Marija kliem il-Magnificat “hi mwettqa” bil-verità ta’ Alla, imħabbra dak in-nhar b’sempliċità tassew tal-għaġeb. Fl-istess ħin, permezz ta’ din il-verità dwar Alla, il-Knisja tistieq iddawwal it-triqat iebsa u spiss imħawda tal-ħajja tal-bniedem fid-dinja. Il-mixi tal-Knisja, għalhekk, qrib it-tmiem tat-tieni elf sena wara Kristu, jitlob impenn ġdid għall-missjoni tagħha. Mixja wara Dak li qal għalih innifsu”(Alla) ikkonsagrani biex inwassal il-Bxara t-tajba lill-fqajrin” (ara Lq 4, 18), il-Knisja fittxet minn dejjem u għada tfittex illum li taqdi din l-istess missjoni.

L-imħabba preferenzjali tal-Knisja għall-fqar tinsab miktuba b’mod tal-għaġeb fil-Magnificat ta’ Marija. Alla tal-Patt, imfaħħar bil-ferħ tal-ispirtu tal-Verġni ta’ Nazaret, huwa wkoll dak li “niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom u għolla ċ-ċkejknin ... mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ u l-għonja bagħathom ‘il barra b’xejn ... xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom ... u l-ħniena tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu”. Marija hi mimlija bl-ispirtu tal-“fqar ta’ Jahweh” li, fit-talb tas-salmi jistennew mingħand Alla s-salvazzjoni tagħhom u jqiegħdu l-fiduċja kollha tagħhom fih (ara Salmi 25, 31, 35, 55). Marija verament til-miġja tal-“Messija tal-foqra” (ara Is 11, 4; 61,1). Il-Knisja, mill-fond tal-qalb ta’ Marija, mill-fosn tal-fidi tagħha mfissra fil-Magnificat tikseb qawwa biex dejjem aktar iġġedded fiha nfisha l-għarfien li l-verità dwar Alla li jsalva, l-għarfien dwar Alla li hu l-bidu ta’ kull don, ma tistax tinfired mid-dehra tal-imħabba preferenzjali tiegħu għall-foqra u ċ-ċkejknin, mill-imħabba li, mfakkra fil-Magnificat, aktar tard dehret f’dak li għamel u għallem Ġesù.
Il-Knisja għalhekk taf – u fi żmienna dan l-għarfien jissaħħaħ ħafna – mhux biss li dawn iż-żewġ elementi li jinsabu fil-Magnificat ma jistgħux jinfirdu minn xulxin, imma taf ukoll li hemm id-dmir li tkun imħarsa sewwa l-importanza li “l-fqar” u “l-għażla favur il-fqar” għandhom fil-kelma ta’ Alla l-ħaj. Dawn huma affarijiet u problemi li huma marbutin sewwa mat-tifsira tal-libertà u tal-ħelsien. “Marija tiddependi għal kollox minn Alla u hi kollha kemm hi miġbuda lejh, u, ħdejn Binha, hi x-xbieha l-aktar perfetta tal-ħelsien u tal-libertà tal-familja kollha tal-bnedmin u tal-univers kollu. Lejha bħala Omm u Xbieha għandha tħares il-Knisja biex tifhem, fis-sħuħija kollha tagħha, il-missjoni li għandha .


IT-TIELET TAQSIMA

IL-MEDJAZZJONI TA’ OMM

1. Marija, il-qaddejja tal-Mulej

38. Il-Knisja taf u ma’ San Pawl tgħallem li hemm medjatur wieħed:”Wieħed hu Alla u wieħed hu l-medjatur bejn Alla u l-bniedem, il-Bniedem Kristu Ġesù, li ta lilu nnifsu bħala prezz ta’ fidwa għal kulħadd” (1 Tim 2, 5-6). “Il-ħidma ta’ Marija bħala omm favur il-poplu bl-ebda mod ma ddallam jew tnaqqas il-medjazzjoni waħdanija ta’ Kristu, iżda għall-kuntrarju turi l-qawwa tagħha”: hi medjazzjoni fi Kristu.
Il-Knisja taf u tgħallem li “l-influwenza għas-salvazzjoni li għandha l-Verġni mqaddsa fuq il-familja kollha tal-bnedmin, għandha l-bidu tagħha ... fir-rieda ta’ Alla, u tiġi mill-kotra bla qjies tal-merti ta’ Kristu, tistrieħ fuq il-medjazzjoni tiegħu, tiddependi għal kollox minnha, u tikseb il-qawwa kollha tagħha minnha. Bl-ebda mod ma tfixkel ir-rabta diretta tal-insara ma’ Kristu; anzi ġġibha ‘l quddiem” . Din l-influwenza għas-salvazzjoni hi mqawwija mill-Ispirtu s-Santu, li, kif tefa’ d-dell tiegħu fuq il-Verġni Marija meta ta li tkun Omm Alla, hekk ukoll bla heda jżomm sħiħa l-ħerqa tagħha għall-aħwa ta’ Binha.
Fil-fatt, il-medjazzjoni ta’ Marija hi marbuta b’mod intimu ħafna mal-maternità tagħha. Għandha l-karattru speċjali ta’ medjazzjoni ta’ omm, li tagħżilha mill-medjazzjoni tal-ħlejjaq l-oħra li b’ħafna modi għandhom sehem mill-medjazzjoni waħdanija ta’ Kristu u jiddependu minnha, għalkemm il-medjazzjoni ta’ Marija hi wkoll medjazzjoni parteċipata . Hu fatt li, għalkemm hu veru li ebda ħliqa ma tista’ titqabbel mal-Verb magħmul bniedem u Salvatur, fl-istess waqt hu veru wkoll li l-medjazzjoni waħdanija tas-Salvatur ma teskludix, anzi toħloq fost il-ħlejjaq kooperazzjoni ta’ ħafna suriet, li hi parteċipazzjoni minn għajn waħdanija. Hekk it-tjieba waħdanija ta’ Alla hi fil-fatt tissawwab b’ħafna modi fil-ħlejjaq tiegħu .
It-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II juri l-verità tal-medjazzjoni ta’ Marija bħala tisħib jew parteċipazzjoni fl-għajn waħdanija li hi l-medjazzjoni ta’ Kristu nnifsu. Għlahekk naqraw: “Il-Knisja ma tiddubitax tistqarr din il-funzjoni subordinata ta’ Marija. Hi ġġarrabha l-ħin kollu u tirrikmandaha għall-qlub tal-fidili, biex qalbhom qawwija b’din l-għajnuna ta’ omm, ikunu jistgħu jingħaqdu aktar fil-qrib mal-medjatur u l-Feddej”. Din il-ħidma hi fl-istess ħin speċjali u straordinarja. Ġejja mill-fatt li hi Omm Alla, u nistgħu nifhmuha u ngħixuha fil-fidi biss jekk nagħrfu l-verità sħiħa tal-maternità tagħha. Għaliex Marija ntgħażlet minn Alla biex tkun fid-dinja Omm l-Iben li għandu l-istess natura tal-Missier, u “sieħba ġeneruża” tiegħu fl-opra tal-fidwa, hi “l-omm tagħna lkoll fl-ordni tal-grazzja” . Din il-ħidma hi d-dimensjoni vera tal-preżenza tagħha fil-misteru tas-salvazzjoni ta’ Kristu u tal-Knisja.

39. Fid-dawl ta’ dan irridu nqisu darb’oħra l-fatt fondamentali tal-ġrajja tas-salvazzjoni, jiġifieri l-Inkarnazzjoni tal-Verb fil-mument tat-tħabbira tal-Anġlu. Ifisser ħafna li Marija, hija u tagħraf ir-rieda ta’ Alla l-Għoli fi kliem l-Anġlu u hija u toqgħod għall-qawwa tiegħu qalet: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej, ħa jkun minni skont kelmtek” (Lq 1,38). L-ewwel waqt tas-sottomissjoni għall-“medjazzjoni waħdanija bejn Alla u l-bniedem” – il-medjazzjoni ta’ Ġesù Kristu – huwa l-fatt li l-Verġni ta’ Nazaret aċċettat li tkun Omm Alla. Marija aċċettat l-għażla ta’ Alla biex, bis-setgħa tal-Ispirtu s-Santu, issir Omm l-Iben ta’ Alla. Nistgħu ngħidu li din l-aċċettazzjoni ta’ Marija li tkun Omm Alla hi fuq kollox il-frott tal-għoti sħiħ tagħha lil Alla bħala verġni, Marija aċċettat l-għażla li tkun Omm l-Iben ta’ Alla, imqanqla minn imħabba ta’ għerusija, imħabba li tikkonsagra lil Alla l-bniedem kollu kemm hu. Bil-qawwa ta’ din l-imħabba, Marija xtaqet li tkun dejjem u f’kollox “mogħtija lil Alla” f’ħajja ta’ verġinità. Il-kliem: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej”, juri li, mill-bidu nett, Marija aċċettat u fehmet li l-maternità tagħha kienet id-don sħiħ tagħha, id-don tal-persuna tagħha għall-qadi tal-pjan tas-salvazzjoni tal-Għoli. U sa l-aħħar nett għexet is-sehem sħiħ tagħha ta’ omm fil-ħajja ta’ Ġesù Kristu, Binha b’mod li kien jaqbel sewwa mas-sejħa tagħha għall- verġinità.
Il-maternità ta’ Marija, mimlija kollha kemm hi mill-qagħda tagħha ta’ għarusa bħala “l-qaddejja tal-Mulej”, hi l-ewwel dimensjoni fondamentali ta’ dik il-medjazzjoni li l-Knisja tistqarr u xxandar dwarha u bla heda tirrikmanda lill-qlub tal-insara, għaliex il-Knisja għandha fiduċja kbira fiha. Għandna nagħrfu li qabel kulħadd kien Alla stess, il-Missier etern, li ried jafda lilu nnifsu lill-Verġni ta’ Nazaret, billi taha lil Ibnu fil-misteru tal-Inkarnazzjoni. L-għażla tagħha għall-uffiċċju għoli u għad-dinjità ta’ Omm l-Iben ta’ Alla fl-ordni ontoloġiku, hi marbuta mal-verità taż-żewġ naturi fil-persuna waħda tal-Verb ( l-unio hypostatica). Dan il-fatt fondamentali, jiġifieri li Marija hi Omm l-Iben ta’ Alla, hu sa mill-bidu ftuħ sħiħ għall-persuna ta’ Kristu, għall-ħidma kollha tiegħu, għall-missjoni kollha tiegħu. Il-kliem: “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej”, huwa xhieda tal-ispirtu miftuħ ta’ Marija: hi tgħaqqad perfettament fiha nfisha l-imħabba proprja tal-verġni u l-imħabba karatteristika tal-omm, u jingħaqdu fiha flimkien qishom saru ħaġa waħda.
B’dan il-mod Marija mhux biss issir “l-omm li trabbi” Bin il-Bniedem imma ssir ukoll “sieħba ġeneruża tassew singulari” tal-Messija u l-Feddej. Kif ġa għidt, hi mxiet ‘il quddiem fil-mixja tagħha tal-fidi, u f’din il-mixja sa ħdejn is-salib, fl-istess waqt, seħħet il-kooperazzjoni tagħha ta’ omm fil-missjoni kollha tas-Salvatur bl-għemil u t-tbatijiet tagħha. Tul it-triq ta’ din kooperazzjoni mal-opra ta’ Binha, il-Feddej, il-maternità ta’ Marija wkoll għaddiet minn bidla singulari, għax saret aktar mimlija bi “mħabba mħeġġa” għal dawk kollha li fosthom Kristu kien qed jagħmel il-missjoni tiegħu, “imħabba mħeġġa” li fittxet tikseb f’għaqda ma’ Kristu, it-tiġdid tal-“ħajja sopranaturali tal-erwieħ”. Marija daħlet bil-mod proprju tagħha f’dik il-medjazzjoni waħdanija “bejn Alla u l-bniedem”, li hi l-medjazzjoni tal-Bniedem Kristu Ġesù. Jekk kienet hi l-ewwel waħda li ġarrbet fiha nfisha l-effetti sopranaturali ta’ din il-medjazzjoni – fit-tħabbira l-Anġlu sellmilha “mimlija bil-grazzja” – għandha ngħidu li b’din il-milja tal-grazzja u bil-ħajja sopranaturali tagħha hi ġiet imhejjija minn qabel b’mod speċjali biex tikkopera ma’ Kristu, il-medjatur waħdieni tas-salvazzjoni tal-bniedem. U din il-kooperazzjoni hi proprju din il-medjazzjoni subordinata għall-medjazzjoni ta’ Kristu.
Fil-każ ta’ Marija għandna medjazzjoni speċjali u eċċezzjonali, mibnija fuq il-fatt li hi “mimlija bil-grazzja”, li hi mfissra wkoll mir-rieda sħiħa tagħha li tkun “il-qaddejja tal-Mulej”. Bi tweġiba għal din ir-rieda ta’ Ommu, Ġesù Kristu hejjieha biex tkun dejjem aktar u għal kollox “omm fl-ordni tal-grazzja” tal-poplu kollu. Dan jidher, almenu indirettament minn ċerti partikolari żgħar imsemmija mill-Evanġelji sinottiċi ( ara Lq 11,28; 8,20-21; Mk 3,32-35; Mt 12, 47-50) u aktar u aktar mill-Evanġelju ta’ San Ġwann ( ara 2, 1-12; 19, 25-27) li ġa semmejt. Ifisser ħafna dwar dan, il-kliem li qal Ġesù fuq is-salib lil Marija u lil San Ġwann.

40. Wara l-ġrajja tal-qawmien mill-imwiet u tat-tlugħ tal-Mulej fis-sema, Marija marret fil-kamra ta’ fuq flimkien mal-Appostli tistenna Għid il-Ħamsin, u kienet hemm bħala Omm tal-Mulej li qam mill-imwiet. Ma kinitx biss dik li “mxiet ‘il quddiem fil-mixja tal-fidi” u baqgħet fidila għar-rabta tagħha ma’ Binha sa fuq is-salib, imma kienet ukoll il-qaddejja tal-Mulej li Binha ħalla bħala Omm f’nofs il-Knisja fil-bidu tagħha. “Hemm hi ommok”. B’hekk bdiet tiżviluppa rabta speċjali bejn din l-Omm u l-Knisja. Għaliex il-Knisja fil-bidu tagħha kienet frott is-salib u l-qawmien mill-imwiet ta’ Binha. Marija li sa mill-bidu tat ruħha kollha kemm hi, bla ebda kundizzjoni, għall-persuna u l-ħidma ta’ Binha, ma setgħetx ma tagħtix lill-Knisja sa mill-bidu nett lilha nfisha kollha kemm hi bħala omm. Wara t-tluq ta’ Binha, il-maternità tagħha tibqa’ fil-Knisja bħal medjazzjoni ta’ Omm; hija u tidħol għal uliedha kollha, l-Omm tikkopera fil-ħidma għas-salvazzjoni ta’ Binha, il-Feddej tad-dinja. Fil-fatt il-Konċilju jgħallem li l-“maternità ta’ Marija fl-ordni tal-grazzja ... tibqa’ sejra bla ma qatt tieqaf sa ma sseħħ għal kollox il-ġemgħa tal-magħżulin” . Bil-mewt ta’ Binha għall-fidwa tagħna, il-medjazzjoni bħala omm tal-qaddejja tal-Mulej ħadet dimensjoni universali, għaliex l-opra tal-fidwa tħaddan il-familja kollha tal-bnedmin. B’hekk tidher b’mod singulari, il-qawwa tal-medjazzjoni waħdanija u universali ta’ Kristu “bejn Alla u l-bniedem”, Il-kooperazzjoni ta’ Marija għandha sehem, għalkemm ta’ karattru subordinat, l-universalità tal-medjazzjoni tal-Feddej, il-medjatur waħdieni. Dan jidher ċar mill-kliem tal-Konċilju msemmi aktra “il fuq.
“Għaliex,” inkomplu naqraw, “hi, meta ġiet imtella’ fis-sema, ma warbitx fil-ġenb din il-ħidma ta’ salvazzjoni, imma b’kull mod ta’ interċessjoni tibqa’ tiksbilna d-doni tal-salvazzjoni ta’ dejjem” . B’dan il-karattru ta’ interċessjoni li deher l-ewwel darba f’Kana tal-Galilija, il-medjazzjoni ta’ Marija tkompli fil-ġrajja tal-Knisja u fid-dinja. Naqraw li Marija “bl-imħabba tagħha ta’ omm tieħu ħsieb ħut Binha li għadhom mexjin fid-dinja mdawrin minn ħafna perikoli u diffikultajiet, sa ma jaslu għall-hena tas-sema pajjiżhom” . B’dan il-mod il-maternità ta’ Marija tkompli bla hedafil-Knisja bħala medjazzjoni ta’ interċessjoni u l-Knisja turi l-fidi tagħha f’din il-verità billi titlob lil Marija taħt it-titoli ta’ Avukata, Awsiljatriċi, Adjutriċi u Medjatriċi.

41. Bil-medjazzjoni tagħha, dipendenti minn dik tal-Feddej, Marija tgħin b’mod speċjali għall-għaqda tal-Knisja li għadha miexja fid-dinja mar-realtà eskatoloġika u eterna tax-Xirka tal-Qaddisin, għax ġa tinsab imtellgħa fis-sema. Il-verità li Marija ġiet imtellgħa s-sema, definita mill-Papa Piju XII, ġiet imtennija mill-Konċilju Vatikan II li jfisser il-fidi tal-Knisja b’dan il-mod: “Miżmuma ħielsa minn kull ħtija tad-dnub tan-nisel, il-Verġni bla tebgħa, ġiet mgħollija għall-glorja tas-sema bir-ruħ u l-ġisem, malli temmet il-ħajja tagħha fid-dinja. Ġiet mgħollija mill-Mulej bħala Sultan tal-ħolqien kollu, biex tkun dejjem aktar bħal Binha, is-Sid tas-sidien (ara Apok 19, 16), ir-rebbieħ fuq id-dnub u l-mewt” . B’dan it-tagħlim Piju XII kien qed jorbot mat-Tradizzjoni li ġiet imfassra f’ħafna suriet tul il-ġrajja tal-Knisja sew fil-lvant u sew fil-punent.
Bil-misteru ta’ Marija mtellgħa s-sema, seħħu darba għal dejjem f’Marija l-effetti kollha tal-medjazzjoni waħdanija ta’ Kristu l-Feddej tad-dinja u l-Mulej li qam mill-imwiet: “Ilkoll jiksbu l-ħajja fi Kristu. Imma kulħadd skont kif imissu: jibda l-ewwel frott li hu Kristu; wara, dawk li huma ta’ Kristu” (I Kor 15, 22-23). Fil-misteru ta’ marija mtellgħa s-sema hemm imfissra l-fidi tal-Knisja li tistqarr li Marija “hi marbuta ma’ Kristu b’rabta hekk sħiħa li ma tista’ tinħall qatt,” għaliex, kif bħala Verġni u Omm kienet marbuta miegħu b’mod singulari fl-ewwel miġja tiegħu, hekk bil-kollaborazzjoni tagħha miegħu li ma tieqaf qatt, hi tibqa’ dejjem marbuta miegħu tistenna t-tieni miġja tiegħu: “mifdija b’mod tassew għoli minħabba l-meriti ta’ Binha” hi għandha wkoll id-dmir speċifiku ta’ omm bħala medjatriċi ta’ ħniena, fit-tieni miġja tiegħu, meta dawk kollha li huma ta’ Kristu jieħdu l-ħajja u “jinqered l-aħħar għadu: il-mewt” (I Kor 15,26).
Marbuta ma’ din l-esaltazzjoni tal-“bint nobbli ta’ Sijon” għax imtellgħa s-sema, hu l-misteru tal-glorja ta’ dejjem tagħha. Dan għaliex Omm Kristu hi glorifikata bħala “Sultana tal-ħolqien kollu” . Dik li fit-tħabbira tal-Anġlu sejħet lilha nfisha “qaddejja tal-Mulej”, tul ħajjitha fid-dinja baqgħet dejjem fidila għal dak li dan il-kliem kien ifisser. B’dan uriet li kienet veru “dixxiplu” ta’ Kristu, li dejjem qal bil-qawwa kollha li l-missjoni tiegħu kienet missjoni ta’ qadi: “Bin il-Bniedem ġie mhux biex ikun moqdi imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra” (Mt 20, 28). B’dan il-mod Marija saret l-ewwel waħda fost dawk kollha li “jaqdu ‘l Kristu fl-oħrajn, u bl-umiltà u s-sabar, iwasslu lil ħuthom għand dak is-Sultan li jekk taqdih tkun issaltan” u hekk kisbet għal kollox dik “il-qagħda ta’ l-ibertà regali” li hi proprja tad-dixxipli ta’ Kristu: taqdi jiġifieri ssaltan!
“Kristu obda sal-mewt u għalhekk Alla għollih” (ara fil 2, 8-9) u daħal fis-sebħ tas-saltna tiegħu; kollox hu mqiegħed taħtu sabiex hu jitqiegħed taħt Alla li jkun “qegħidlu kollox taħtu sabiex Alla jkun kollox f’kollox” (ara I Kor 15, 27-28) .
Marija, il-qaddejja tal-Mulej, għandha sehem f’din is-Saltna ta’ Binha . Il-glorja tal-qadi ma tintemmx b;eżaltazzjoni tagħha: imtellgħa s-sema ma tieqafx mill-qadi tagħha għas-salvazzjoni, li juri l-medjazzjoni tagħha ta’ omm “sakemm isseħħ fil-milja kollha tagħha l-ġemgħa tal-magħżulin” . Hekk dik li fid-dinja żammet sħiħ fil-għaqda ma’ Binha sa fuq is-salib, tibqa’ magħquda miegħu, “issa li kollox tqiegħed taħtu sa ma hu stess jitqiegħed ma’ kollox taħt il-Missier innifsu”. B’hekk, imtellgħa s-sema, Marija tlibbset, biex ngħidu hekk, bir-realtà kollha tax-xirka tal-Qaddisin, u l-istess għaqda ma’ Binha hi kollha kemm hidiretta għall-milja sħiħa tas-Saltna meta “Alla jkun kollox f’kollox”.
F’din il-fażi wkoll il-medjazzjoni ta’ Marija bħala omm tibqa’ tiddependi, tibqa’ subordinat għal dak li hu medjatur waħdieni, sa ma jseħħ kollox fil-“milja taż-żminijiet” jiġifieri “sa ma kollox jiġġedded fi Kristu” (ara Ef 1, 10).

2. Marija fil-ħajja tal-Knisja u fil-ħajja ta’ kull nisrani

42. Il-Konċilju Vatikan II, huwa u jorbot mat-Tradizzjoni, tefa’ dawl ġdid fuq il-ħidma ta’ Omm Kristu fil-ħajja tal-Knisja. “Bid-don ... tal-maternità divina, Marija hi magħquda ma’ Binha, il-Feddej, u mal-grazzji singulari u mal-ħidma kollha tiegħu, u hi wkoll magħquda mal-Knisja: Omm Alla hi xhieda tal-Knisja fil-fidi, fl-imħabba u fl-għaqda perfetta ma’ Kristu” . Ġa rajna, kif sa mill-bidu Marija baqgħet ,al-appostli tistenna Għid il-Ħamsin, u kif, bħala dik li kienet “hienja għax emmnet”, hi tinsab f’nofs il-Knisja fil-mixi tagħha fid-dinja tul iż-żminijiet tagħha u bħala xbieha tat-tama li ma tqarraqx (ara Rum 5,5).
Marija emmnet li jseħħ kull ma ntqalilha min-naħa tal-Mulej. Bħala verġni emmnet li se tnissel u jkollha iben:”il-Qaddis” li jissejjaħ “Bin Alla”, bl-isem ta’ “Ġesù” (jiġifieri Alla li jsalva). Bħala qadejja tal-Mulej, baqgħet dejjem fidila għall-persuna u l-missjoni ta’ Binha. Bħala Omm, “temmen u tobdi ... tat lid-dinja Iben il-Missier u dan għamlitu, hi li kienet verġni, taħt id-dell li tefa’ fuqha l-Ispirtu s-Santu.”
Għalhekk Marija hi mweġġħa b’qima speċjali mill-Knisja. “Sa minn żminijiet l-aktar fl-imgħoddi, il-Verġni Marija ġiet meqjuma bħala Omm Alla,” dik li fit-tiġrib u l-ħtiġijiet kollha, lejha l-fidili dejjem irrikorrew jitolbu l-ħarsien tagħha. Din il-qima hi kollha kemm hi qima speċjali: hemm fiha u turi r-rabta kbira ta’ Omm Kristu mal-Knisja. Bħala Verġni u Omm Marija tibqa’ fil-Knisja bħala “xbieha għal dejjem”. Nistgħu ngħidu għalhekk, u speċjalment taħt dan l-aspett, jiġifieri bħala eżempju, u jew aħjar bħala “xbieha”, Marija, li tinsab fil-misteru ta’ Kristu, tibqa’ dejjem ukoll fil-misteru tal-Knisja. Għaliex il-Knisja wkoll hi msejħa “verġni u omm” u dan il-kliem għandu tifsir bibliku għoli u ġustifikat mit-teoloġija.

43. Il-Knisja hi “wkoll issir omm meta tilqa’ l-kelma t’Alla bil-fedeltà kollha”. Bħal Marija li l-ewwel emmnet għax laqgħet il-Kelma ta’ Alla mwassla lilha fit-tħabbira tal-Anġlu u baqgħet fidila lejha tul it-tiġrib kollu li għaddiet minnu sa ħdejn is-salib, hekk ukoll il-Knisja saret omm meta, hija u tilqa’ l-kelma ta’ Alla bil-fedeltà kollha, “bix-xandir tal-Kelma u bil-Magħmudija tagħti ħajja ġdida għal dejjem lil ulied li jitnisslu mill-Ispirtu s-Santu u jitwieldu minn Alla”. Din il-karatteristika “materna” tal-Knisja hi mfissra b’mod tassew ħaj mill-Appostlu tal-ġnus meta kiteb:”Uliedi għal darba oħra qegħed inħoss l-uġigħ tal-ħlas sakemm Kristu jissawwar fikom” (Gal 4, 19). Dan il-kliem ta’ San Pawl hu ħjiel tassew interessanti li l-Knisja tal-ewwel żminijiet kienet tintebaħ bil-maternità tagħha, maternità marbuta mal-qadi appostoliku tagħha tal-familja kollhatal-bnedmin. Gintebħet b’dan il-Knisja setgħet u għadha tista’ tara l-misteru tal-ħajja tagħha u tal-missjoni tagħha msawwar fuq l-eżempju ta’ Omm l-Iben “ li hu l-kbir fost ħafna aħwa” (Rum 8, 29).
Nistgħu ngħidu li l-Knisja tgħallmet minn Marija l-maternità tagħha: għarfet x’inhi d-dimensjoni materna tal-vokazzjoni tagħha, li essenzjalment marbuta man-natura sagramentali tagħha, “hija u tikkontemplal-qdusija mistika ta’ Marija u hija u tkun tixbahha fl-imħabba u fil-qadi bil-fedeltà kollha tar-rieda tal-Missier” . Jekk il-Knisja hija s-sinjal u l-mezz li bih isseħħ l-għaqda intima ma’ Alla, hi din minħabba l-maternità tagħha, għaliex, hija u tirċievi l-ħajja mill-Ispirtu, “tnissel” għall-ħajja ġdida fi Kristu lil ulied il-bnedmin. Għax kif Marija hi għall-qadi tal-misteru tal-Inkarnazzjoni, hekk il-Knisja hi dejjem għall-qadi tal-misteru tal-adozzjoni ta’ wlied Alla permezz tal-grazzja.
Hekk ukoll, il-Knisja, hija u timxi fuq l-eżempju ta’ Marija, tibqa’ l-verġni fidila tal-għarus tagħha:”Il-Knisja wkoll hi verġni, li żżomm sħiħa u safja l-fedeltà li wegħdet lill-Għarus tagħha” . Għaliex il-Knisja hi l-Għarusa ta’ Kristu, kif jidher ċar mill-Ittri ta’ San Pawl (ara Ef 5, 21-23; 2 Kor 11,2) u minn kif isejħilha San Ġwann “l-Għarusa tal-Ħaruf” (Apok 21,9). Jekk il-Knisja bħala Għarusa żżomm il-fedeltà mwegħda lil Kristu, din il-fedeltà, ukoll jekk fit-tagħlim tal-Appostlu hi xbieha tal-fedeltà fiż-żwieġ (ara Ef 5, 23-33) tiswa wkoll bħala eżempju tal-għoti sħiħ lil Alla fiċ-ċelibat “għas-saltna tas-sema” fil-verġinità konsagrata lil Alla (ara Mt 19, 11-12; 2 Kor 11,12). Proprju din verġinità, fuq l-eżempju tax-xebba ta’ Nazaret, hi l-bidu ta’ frott spiritwali speċjali: hi l-għajn tal-maternità fl-Ispirtu s-Santu.
Imma l-Knisja tgħożż ukoll il-fidi li rċeviet mingħand Kristu. Bħal Marija li kienet tgħożż u taħseb bejnha u bejn ruħha kull ma kellu x’jaqsam ma’ Binha (ara Lq 2, 19,51) il-Knisja hi marbuta li żżomm sħiħ il-kelma ta’ Alla u , b’għażla u għaqal, tistħarreġ l-għana tagħha biex tagħti xhieda għaliha bil-fedeltà kollha quddiem il-bnedmin kollha ta’ kull żmien

44. Għaliex ir-rrelazzjoni ta’ Marija mal-Knisja għandha tittieħed bħala eżempju, il-Knisja titlaqa’ magħha u tfittex li tkun tixbaħha. “Hija u tħabrek biex tixbaħ Omm Sidha, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, il-Knisja tħares is-safa tagħha ta’ verġni u l-fidi sħiħa tagħha, it-tama soda u l-imħabba sinċiera tagħha” .Marija għalhekk tinsab fil-misteru tal-Knisja bħala mudell. Iżda l-misteru tal-Knisja hu wkoll l-għoti ta’ ħajja ġdida għal dejjem lill-ġnus. Din il-maternità tagħha fl-Ispirtu s-Santu. U hawn Marija mhux biss hi mudell u xbieha tal-Knisja, imma hi wisq aktar minn hekk. Għaliex ”b’imħabba ta’ omm tgħin fit-tnissil u l-kobor” ta’ wlied il-Knisja Omm. Il-maternità tal-Knisja sseħħ mhux biss skont il-mudell u x-xbieha ta’ Omm Alla imma wkoll bil-“koperazzjoni” tagħha. Il-Knisja tieħu ħafna minn din il-koperazzjoni, jiġifieri mill-medjazzjoni ta’ omm li hi l-karatteristika ta’ Marija, għaliex sa minn din id-dinja hi tat il-koperazzjoni tagħha għat-twelid mill-ġdid u għall-kobor ta’ wlied il-Knisja, bħala Omm dak l-Iben li “l-Missier qiegħed bħala l-kbir fost ħafna aħwa”.
Tat il-koperazzjoni tagħha b’imħabba ta’ omm kif jgħallem il-Konċilju Vatikan II. Hawn naraw is-siwi veru tal-kliem li Ġesù qal lil ommu fil-ħin tas-salib: “Mara, hemm hu ibnek”, u lid-dixxiplu: “Hemm hi ommok” (Ġw 19, 26-27). Hu kliem li jgħid x’inhu l-post ta’ Marija fil-ħajja tad-dixxipli ta’ Kristu, u juru – kif ġa għidt – maternità ġdida ta’ Omm il-Feddej: maternità spiritwali, li ħarġet mill-qalba tal-misteru tal-Għid tal-Feddej tad-dinja. Hi maternità fl-ordni tal-grazzja, għax titlob id-don tal-Ispirtu li jqajjem ulied ġodda lil Alla, mifdijin mis-sagrifiċċju ta’ Kristu: dak l-ispirtu li Marija flimkien mal-Knisja rċeviet nhar Għid il-Ħamsin.
Il-maternità ta’ Marija, b’mod partikulari, jgħarrfuha u jġarrbuha l-ġnus insara fl-Ikla qaddisa – iċ-ċelebrazzjoni liturġika tal-misteru tal-fidwa – fejn hemm Kristu, il-ġisem veru tiegħu mwieled minn Marija Verġni.
It-tjieba tal-poplu nisrani dejjem għarfet sewwa r-rabta kbira li hemm bejn id-devozzjoni lejn il-Verġni Marija u l-adorazzjoni tal-Ewkaristija; dan hu fatt li narawh fil-Liturġija kemm tal-lvant u kemm tal-punent, fit-tradizzjonijiet tal-familji reliġjużi, fil-movimenti moderni tal-ispiritwalità, f’dawk ukoll ta’ fost iż-żgħażagħ, u fis-santwarji marjani. Marija tmexxi lill-insara lejn l-Ewkaristija.

45. Il-maternità fl-essenza tagħha hi dwar il-persuna. Il-maternità dejjem twaqqaf relazzjoni waħdanija, mhemmx oħra bħalha, bejn żewġpersuni; bejn omm u iben u bejn iben u omm. Ukoll meta mara hi omm ta’ ħafna wlied, ir-relazzjoni personali tagħha ma’ kull wieħed minn uliedha hi l-essenza prorpja tal-maternità. Għaliex kull iben jitnissel b’mod uniku li ma jiġġeddidx, u dan hu veru kemm għall-omm u kemm għall-iben. Kull iben hu mħaddan bl-istess mod u b’dik l-imħabba ta’ omm li fuqha jimbena l-iżviluoo u l-kobor sħiħ tal-iben bħala bniedem.
Nistgħu ngħidu li l-maternità “fl-ordni tal-grazzja” tħares din l-analoġija ma’ dak li fl-“ordni tan-natura” jikkaratterizza l-għaqda ta’ omm ma’ binha. Fid-dawl ta’ dan, hi aktar ħaġa ħafifa għalina nifhmu għaliex fl-aħħar xewqat ta’ Kristu fuq il-Golgota hu uża s-singulr biex ifisser il-maternità ġdida ta’ Omm b’riferenza għall-bniedem wieħed: “Hemm hi ommok.”
Nistgħu ngħidu wkoll li dan l-istess kliem juri sewwa r-raġuni tad-dimensjoni marjana tal-ħajja tad-dixxipli ta’ Kristu. Dan hu veru mhux biss għal San Ġwann, li f’dak il-ħin kien ħdejn is-salib flimkien ma’ Omm l-Imgħallem tiegħu, imma hu veru wkoll għal kull dixxiplu ta’ Kristu, għal kull nisrani. Il-Feddej jafda d-dixxiplu lil ommu, u fl-istess ħin jaghtihielu bħala ommu. Il-maternità ta’ Marija, li ssir wirt il-bniedem, hi don; Don li Kristu stess jagħti personalment lil kull individwu. Il-Feddej jafda lil Marija lil Ġwanni għaliex jafda lil Ġwanni lil Marija. Ħdejn is-salib jingħata bidu għal dak l-għemil speċjali li bih il-familja kollha tal-bnedmin tiġi fdata lil Omm Kristu, għemil li fil-ġrajja tal-Knisja seħħ u tfisser b’ħafna modi: l-istess Appostlu u evanġelista, wara li semma’ l-kliem li Ġesù minn fuq is-salib qal lil ommu u lilu stess, iżda jgħid: “U minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu” (Ġw 19,27). Dan il-kliem żgur ifisser li ġie mogħti d-dmir li jkun iben u hu għalherkk tgħabba bir-responsabbiltà ta’ Omm l-Imgħallem maħbub tiegħu. U għaliex Marija ngħatat lilu personalment bħala omm, dan il-kliem ifisser, għalkemm indirettament, ir-relazzjoni intima bejn iben u ommu. U dan kollu jista’ jinġabar fil-kelma “jafda”. Din il-kelma tfisser it-tweġiba ta’ mħabba ta’ xi ħadd, u, b’mod partikulari, tal-imħabba ta’ Omm.
Id-dimensjoni marjana tal-ħajja ta’ dixxiplu ta’ Kristu hi mfissra b’mod speċjali proprju mill-fatt li kull iben hu fdat lil Omm Kristu, u dan seħħ bl-aħħar xewqat tal-Feddej fuq il-Golgota. In-nisrani huwa u jafda lilu nnifsu lil Marija bħala binha, bħall-appostlu San Ġwann, “jilqa’ għandu” l-Omm Kristu u jdaħħalha f’kull ma għandu x’jaqsam mal-ħajja kollha tiegħu fir-ruħ, jiġifieri fil-“Jien” tiegħu bħala bniedem u bħala nisrani: “ħadha għandu.” Hekk in-nisrani jfittex jitħaddan “mill-imħabba ta’ omm” li biha Omm il-Feddej “tieħu ħsieb ħut Binha” ”u tagħti sehemha fit-tnissil u kobor tagħhom” skont il-qjies tad-don li jingħata lil kull wieħed minnhom bis-setgħa tal-Ispirtu ta’ Kristu. B’dan il-mod ukoll isseħħ dik il-maternità fl-Ispirtu li saret il-ħidma ta’ Marija ħdejn is-salib u fil-kamra ta’ fuq.

46. Din ir-relazzjoni tal-iben mal-omm, li twassal lil iben biex jafda għal kollox fl-omm, mhux biss għandha l-bidu tagħha fi Kristu, imma nistgħu ngħidu wkoll, li hi orjentata lejn Kristu. Nistgħu ngħidu li Marija tkompli tgħid lil kull individwu l-kliem li qalet f’Kana tal-Galilija: “Agħmlu kull ma jgħidilkom hu”, Għaliex hu, Kristu, hu l-medjatur waħdieni bejn Alla u l-bniedem: hu “t-triq, il-verità, u l-ħajja” (Lq 14,6) hu dak li l-Missier ta lid-dinja, biex il-bniedem “ma jintilifx imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem” (Ġx 3,16). Il-Verġni ta’ Nazaret saret l-ewwel “xhud” ta’ din l-imħabba salvifika tal-Missier u tixtieq ukoll tibqa’ l-qaddejja umli ta’ din l-imħabba dejjem u kullimkien. Għal kull nisrani, għal kull bniedem, Marija hi dik li “emmnet” l-ewwel, u proprju bil-fidi tagħha bħala Għarusa u Omm tixtieq taħdem fuq dawk li jafdaw lilhom infushom lilha bħala wliedha. U hi ħaġa magħrufa sewwa li aktar ma wliedha jibqgħu sħaħ u jimxu ‘l quddiem f’din il-qagħda, aktar qrib trwassalhom Marija lejn “l-għana ta’ Kristu li ebda moħħ ma jista’ jifhmu” (Ef 3,8). U bl-istess mod jgħarfu dejjem aktar ċar id-dinjità tal-bniedem fil-mija kollha tagħha u t-tifsir sħiħ tas-sejħa tiegħu, għaliex “Kristu ... juri sewwa lill-bniedem x’inhu l-bniedem fih innifsu”.
Din id-dimensjoni marjana tal-ħajja nisranija tikseb importanza speċjali jekk inqisu l-mara u l-qagħda tagħha bħala mara. Il-fatt li tkun mara (il-femminilità) toħloq relazzjoni speċjali ma’ Omm il-Feddej, fatt li jista’ jiġi studjat aktr fil-fond f’xi mkien ieħor. Hawn irrid biss ngħid li l-figura ta’ Marija titfa dawl kbir fuq il-mara bil-fatt stess li Alla, fil-grazzja sublimi tal-Inkarnazzjoni ta’ Ibnu, ried jafda lilu nnifsu għall-qdi, ħieles u attiv, ta’ mara. Nistgħu għalhekk ngħidu li l-mara, jekk tħares lejn Marija, tara fiha kif għandha tgħix ta’ mara bid-dinjità kollha tagħha u tikseb il-veru mixi ‘l quddiem tagħha. Fid-dinjità ta’ Marija, il-Knisja tara f’wiċċ il-mara rifless dak il-ġmiel li juri s-sentimenti l-aktar għoljin li qalb ta’ bniedem tista’ tħaddan: għoti sħiħ tagħha nfisha fl-imħabba; qawwa biex tiflaħ għat-tbatijiet l-aktar kbar; fedeltà bla qjies u ħidma bla mistrieħ; ħila li tlaqqa’ flimkien l-għarfien sħiħ ta’ dak li jkun qed jiġri f’xi ħadd ma’ kliem ta’ inkoraġġiment u għajnuna.

47. Fil-Konċilju l-Papa Pawlu VI ipproklama bis-solennità kollha li Marija hi Omm il-Knisja, “jiġifieri li Marija hi omm il-poplu nisrani kollu, sew tal-fidili u sew tar-ragħajja tagħhom”. Aktar tard, fl-1968, fil-Professjoni tal-Fidi magħrufa bħala l-“Kredu tal-Poplu ta’ Alla” tenna din il-verità bi kliem aktar qawwi: “Nemmnu li l-Omm l-aktar qaddisa ta’ Alla, l-Eva l-ġdida, Omm il-Knisja, tkompli fis-sema l-ħidma tagħha ta’ omm mal-membri ta’ Kristu, billi tagħti sehemha fit-tnissil u l-kobor tal-Hajja ta’ Alla fl-erwieħ tal-mifdijin” .
It-tagħlim tal-Konċilju wera bil-qawwa kollha li l-verità dwar il-Verġni Marija, Omm Kristu, hi għajnuna effettiva biex tingħaraf aktar fil-fond il-verità dwar il-Knisja. Huwa u jitkellem dwar il-Kostituzzjoni Lumen gentium, li kienet għadha kemm ġiet approvata mill-Konċilju, il-Papa Pawlu VI qal: Min ikun jaf it-tagħlim kattolku veru dwar l-Imqaddsa Verġni Marija ikollu f’idejh il-muftieħ biex jifhem il-misteru ta’ Kristu u tal-Knisja.” Marija hi fil-Knisja bħala Omm Kristu u fl-istess waqt bħala Omm li lilha Kristu, fil-misteru tal-fidwa, fdalha l-familja kollha tal-bnedmin fil-persuna t’ San Ġwann. Hekk, bil-maternità ġdida tagħha fl-Ispirtu, Marija tħaddan lil kull wieħed u lil kulħadd fil-Knisja, lil kull wieħed u lil kulħadd bil-Knisja. B’dan il-mod Marija, Omm il-Knisja, hi wkoll mudell għall-Knisja. Anzi, kif il-Papa Pawlu VI xtaq u talab, il-Knisja”trid tikseb mingħand il-Verġni Omm Alla l-imitazzjoni l-aktar vera u l-aktar perfetta ta’ Kristu.”
Minħabba din ir-rabta speċjali li tgħaqqad Omm Kristu mal-Knisja, jidher aktar ċar il-misteru tal-“mara” li, sa mill-ewwel kapitli tal-Ktieb tal-Ġenesi sal-Ktieb tal-Apokalissi hi msieħba mar-rivelazzjoni tal-pjan ta’ Alla għas-salvazzjoni tal-bniedem. Għaliex Marija, li hi fil-Knisja bħala Omm il-Feddej, tissieħeb, bħala omm, f’dik “it-taqbida kontra s-setgħat tad-dlamijiet” dejjem sejra fil-ġrajja tal-bniedem. U għaliex il-Knisja f’Marija tara “l-mara liebsa x-xemx” (apok 12,1) nistgħu ngħidu li “fil-Verġni Mqaddsa l-Knisja ġà kisbet dik il-perfezzjoni li biha hi “mingħajr tebgħa jew tikmix”. Għalhekk meta l-insara jerfgħu bil-fidi għajnejhom lejn Marija, tul il-mixi tagħhom fid-dinja, huma “jħabirku biex jikbru fil-qdusija” . Marija, il-bint glorjuża ta’ Sijon, tgħin lil uliedha kollha, huma fejn huma, u huma x’inhuma, biex fi Kristu jsibu t-triq li twassalhom f’dar il-Missier.
Hekk il-Knisja, tul ħajjitha kollha, iżżomm rabta ma’ Omm Alla, rabta li tħaddan, fil-misteru tas-salvazzjoni, l-imgħoddi, illum u l-ġejjieni, u tqimha bħala l-omm spiritwali tal-familja kollha tal-bnedmin u l-avukata tal-grazzja.

3. It-tifsira tas-Sena Marjana

48. Hi proprju din ir-rabta speċjali tal-familja kollha tal-bnedmin ma’ din l-Omm, li wasslitni biex inxandar Sena Marjana fil-Knisja, f’dan iż-żmien qabel jintemmu t-tieni elfejn sena mit-twelid ta’ Kristu. Kien hemm fl-imgħoddi inizjattiva bħal din meta Piju XII fl-1954, xandar ukoll Sena Marjana, biex juri l-kobor tal-qdusija eċċezzjonali ta’ Marija Omm Kristu kif dehret fil-misteru tat-tnissil tagħha bla tebgħa (verità li ġiet definita mitt sena qabel) u tal-misteru tagħha mtellgħa s-sema.
Issa, jiena u nimxi fuq dak li għallem il-Konċilju Vatikan II, nixtieq nuri sewwa l-presenza speċjali ta’ Omm Alla fil-misteru ta’ Kristu u tal-Knisja tiegħu. Din hi dimensjoni fondamentali li toħroġ mill-Marjoloġija tal-Konċilju, li issa ilu li ntemm aktar minn għoxrin sena ilu. Is-sinodu straordinarju tal-isqfijiet li sar fl-1985 ħeġġeġ lil kulħadd biex jimxi bil-fedeltà kollha fuq it-tagħlim u d-direttivi tal-Konċilju. Nistgħu ngħidu li dawn iż-żewġ fatti – Il-Konċilju u s-Sinodu – jiġbru fihom dak li l-Ispirtu s-Santu stess irid “jgħid lill-Knisja” f’dan il-mument tal-istorja.
Fid-dawl ta’ dan kollu, is-Sena Marjana trid iġġib ‘il quddiem u trid twassal għall-qari mill-ġdid u aktar attent ta’ dak li l-Konċilju qal dwar il-Verġni Marija Omm Alla fil-misteru ta’ Kristu u l-Knisja tiegħu, is-suġġett li fuqu qed titkellem din l-enċiklika: qiegħda titkellem mhux biss dwar duttrina ta’ fidi imma wkoll dwar ħajja ta’ fidi, u għalhekk dwar vera spiritwalità Marjana, fid-dawl tat-Tradizzjoni, u speċjalment dwar dik l-ispiritwalità li għaliha jħeġġiġna l-Konċilju . Barra dan, l-ispiritwalità Marjana, flimkien mad-devozzjoni li sseħibna, issib għajn ta’ għana bla qjies bl-esperjenza storika ta’ ħafna individwi u tal-ħafna komunitajiet insara mxerrdin fost il-ħafna popli u nazzjonijiet tad-dinja. Hawn irrid infakkar, fost ħafna xhieda u għalliema ta’ din l-ispiritwalità, il-figura ta’ San Alwiġi Marija Grignon de Montfort li jipproponi konsagrazzjoni lil Kristu peremzz ta’ Marija, bħala mezz mill-aqwa għall-insara biex jgħixu bil-fedeltà kollha l-wegħdiet ta\għhom tal-Magħmudija. Nieħu pjaċir nara li fi żmienna wkoll mhumiex neqsin suriet ġodda ta’ din l-ispiritwalità u devozzjoni.
Għandna ħafna punti li lejhom nistgħu nħarsu u magħhom nintrabtu f’din is-Sena Marjana.

49. Is-Sena Marjana tiftaħ fis-solennità ta’ Għid il-Ħamsin, fis-7 ta’ Ġunju li ġej. Għaliex mhux biss irridu nfakkru li Marija “ġiet qabel” id-dħul ta’ Kristu fil-ġrajja tal-familja tal-bnedmin, imma rridu ngħidu wkoll bil-qawwa kollha, fid-dawl ta’ Marija, li mill-mument li fih seħħ il-misteru tl-Inkarnazzjoni, il-ġrajja tal-bniedem daħlet fil-milja taż-żmien, u li l-Knisja hija s-sinjal ta’ din il-milja. Vħala l-Poplu ta’ Alla, il-Knisja bdiet mixja bil-fidi lejn il-ħajja ta’ dejjem, fost il-popli u n-nazzjonijiet kollha, nhar Għid il-Ħamsin. Omm Kristu, li kienet preżenti fil-bidu ta’ “żmien il-Knisja”, meta ngħaqdet fit-talb mal-Appostli u d-dixxipli ta’ Binha waqt li kienu jistennew il-miġja tal-Ispirtu s-Santu, “ġiet qabel” il-Knisja f’dan il-mixi tagħha fil-ġrajja tal-bniedem. Hi wkoll dik li, proprju bħala qaddejja tal-Mulej, tikkopera bla heda fl-opra tas-salvazzjoni mitmuma minn Kristu Binha.
Għalhekk permezz ta’ din is-Sena Marjana l-Knisja hi msejħa biex mhux biss tiftakar f’kull ma hemm fl-imgħoddi li jagħti xhieda tas-sehem li Omm Kristu, bħala omm, tat għall-opra tas-salvazzjoni fi Kristu l-Mulej, imma hi msejħa wkoll biex, min-naħa tagħha thejji għall-ġejjieni t-triq għal din kooperazzjoni. Għaliex it-tmiem tat-tieni elfejn sena wara Kristu qed jiftaħ prospetti ġodda.

50. Kif ġa għidna, ħafna fost ħutna l-mifrudin jagħtu ġieh u jiċċelebraw Omm il-Mulej, speċjalment l-insara tal-lvant. Dan hu dawl marjan li jdawwal l-ekumeniżmu. B’mod speċjali rrid nerġa’ nfakkar li tul is-Sena Marjana jaħbtu l-elf sena tal-Magħmudija ta’ San Vladimir, Granduka ta’ Kiev (988). Dan kien il-bidu tal-fidi nisranija f’dawk l-artijiet li dak iż-żmien kienu jissejħu l-artijiet ta’ Rus, u mbagħad f’artijiet oħra wkoll tal-Ewropa tal-lvant; minn dawn l-artijiet, imbagħad, bil-ħidma tax-xandir tal-Evanġelju, it-twemmin nisrani xtered ‘l hemm mill-Ewropa, sal-artijiet tat-tramuntana tal-Asja. Nixtiequ għalhekk ningħaqdu fit-talb, speċjalment din is-sena, ma’ dawk kollha li qegħdin jiċċelebraw l-elf sena ta’ din il-Magħmudija, sew Ortodossi u sew Kattolċi, aħna u ntennu u nwettqu mal-Konċilju dawk is-sentimenti ta’ ferħ u ta’ fraġ li nħossu għaliex ‘l-insara tal-lvant, li b’ħerqa mħeġġa u devozzjoni sħiha fittxew dejjem li jagħtu ġieh lil Omm Alla, dejjem Verġni”. Għalkemm għandna nġarrbu l-effetti li jweġġgħu ta’ dik il-firda li seħħet xi għaxriet ta’ snin wara (1054), nisstgħu ngħidu li quddiem Omm Kristu aħna nħossu li aħna tassew aħwa fi ħdan il-poplu Messjaniku, li l-familja kollha ta’ Alla fid-dinja hi msejħa li tkun. Kif ħabbart fil-bidu ta’ din is-sena:”Nixtiequ nwettqu mill-ġdid dan il-wirt universali tal-ulied kollha ta’ din id-dinja.”
Meta ħabbart din is-Sena ta’ Marija, għidt ukoll li din is-sena tintemm is-sena ta’ wara din, nhar is-solennità tal-Verġni Marija mtellgħa s-sema, biex nuri bil-qawwa kollha “s-sinjal kbir fis-sema”, li dwaru jitkellem il-Ktieb tal-Apokalissi.
B’dan il-mod nixtieq ukoll inwieġeb għall-eżortazzjoni tal-Konċilju, li jħares lejn Marija “bħala sinjal ta’ tama żġura u faraġ għall-Poplu ta’ Alla fil-mixi tiegħu.” Il-Konċilju jagħmel din l-eżortazzjoni bil-kliem li ġej:”Jalla l-insara kollha jitolbu bla heda lil Omm Alla u Omm il-bnedmin kollha. Jalla jitolbuha biex kif hi kienet ta’ għajnuna bit-talb tagħha għall-Knisja fil-bidu, hekk issa, li tinsab imtella’ fis-sema ‘l fuq mill-Anġli u l-Qaddisin kollha, hi tidħol għalina ma’ Binha, fix-xirka tal-Qaddisin kollha. Jalla tagħmel dan sa kemm il-familji kollha tal-popli, kemm jekk għanhom il-ġieh tal-isem nisrani, u kemm jekk għadhom ma jafux bil-Feddej tagħhom, ikunu magħqudin ferħana flimkien fis-sliem u fl-għaqda tal-Poplu wieħed ta’ Alla, għas-sebħ tat-Trinità Qaddisa, Alla wieħed fit-tliet Persuni.”

GĦELUQ


51. Fost l-antifoni f’ġieh il-Verġni Marija li bihom il-Knisja kuljum ittemm il-Liturġija ras-Sigħat, hemm din l-antifona :

“Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej,
int biex li jagħti għas-sema,
int kewkba tal-baħar, Marija !
Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna,
Għajnuna tal-poplu maħtur;
Li b’għaġeb nissilt lil min ħalqek “.

“ B’għaġeb “ din il-kelma tal-antifona turi l-għaġeb tal-fidi li hu msieħeb fil-misteru ta’ Marija bħala Omm Alla. B’xi mod dan jiġri fil-qalba tal-ħolqien kollu, u , direttament, fil-qalba tal-Poplu kollu ta’ Alla, fil-qalba tal-Knisja. Kemm mar ‘il quddiem Alla, il-Ħallieq u s-Sid ta’ kollox, biex “juri lilu nnifsu” lill-bniedem! Kif għeleb b’mod hekk tal-għaġeb “il-bogħod” bla qjies li kien jifred il-Ħallieq mill-ħlejjaq tiegħu! Jekk fih innifsu Alla jibqa’ mhux magħruf u mhux mifhum, wisq aktar jibqa’ mhux magħruf u mhux mifhum fil-verità tal-Inkarnazzjoni tal-Verb, li sar bniedem minn Marija Verġni.
Jekk sa minn dejjem Alla ried isejjaħ il-bniedem biex ikollu sehem min-natura tiegħu ta’ Alla (ara Piet 1,4) nistgħu ngħidu li ried minn qabel din id-“divinizazzjoni” tal-bniedem skont il-qagħda tiegħu fil-ġrajja tad-dinja, u għalhekk ukoll wara d-dnub kien lest biex, bi prezz għoli ħafna, iġedded il-pjan etern tiegħu ta’ mħabba, billi Ibnu, li hu tal-istess natura tiegħu, “isir bniedem”. Il-ħolqien kollu, u aktar direttament, il-bniedem ma jistax ma jistagħġibx b’dan id-don li fih il-bniedem kiseb sehem, fl-Ispirtu s-Santu:”Alla hekk ħabb id-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni” (Ġw 3,16).
Fil-qalba ta’ dan il-misteru, f’nofs dan l-għaġeb tal-fidi, hemm Marija. Bħala l-Omm maħsuba tl-Feddej, kienet l-ewwel waħda li ġarrbet dan l-għaġeb. “B’għaġeb nissilt lil min ħalqek.”

52. Il-kliem tal-antifona liturġika jfissru wkoll il-verità tal-bidla kbira li l-misteru tal-Inkarnazzjoni ġab għall-bniedem. Hi bidla fil-ġrajja kollha tal-bniedem, mill-bidu tagħha, bidu li ġie rivelat lilna fl-ewwel kapitli tal-Ktieb tal-Ġenesi sal-aħħar tagħha, fid-dawl tat-tmiem tad-dinja, li dwaru Kristu ma qalilniex la l-jum u lanqas il-ħin (Mt 25, 13). Hi bidla dejjem sejra u qatt ma tintemm bejn waqgħat u qawmien, bejn il-bniedem tad-dnub u l-bniedem tal-grazzja u l-ġustizzja. Il-Liturġija, speċjalment dik tal-Avvent, hi fil-qalba stess ta’ din il-bidla u tfisser dan l-“illum u issa,” dejjem sejjer, meta tgħid: “Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna, għajnuna tal-poplu maħtur”.
Dan il-kliem jgħodd għal kull individwu, għal kull komunità, għan-nazzjonijiet u l-popli, għall-ġenerazzjonijiet u ż-żmenijiet kollha tal-ġrajja tal-bniedem, għaż-żmien tagħna wkoll, għal dawn l-aħħar snin tal-elf sena resqin lejn it-tmiem tagħhom: “Kun magħna għajnuna tal-poplu maħtur.”
Din it-talba li qiegħda ssir lil marija, “l-Omm ħelwa ta’ Kristu l-Feddej”, it-talba li qed issir lil Kristu li, permezz ta’ Marija, daħal fil-ġrajja tal-bniedem. Sena wara l-oħra l-antifona titlissen f’ġieh marija hija u tfakkar il-mument li fih seħħet dik il-bidla essenzjali u storika li hi dejjem sejra mingħajr ma qatt terġa’ lura: il-bidla mill-“waqgħa” għall-“qawmien”.
Il-bnedmin għamlu skoperti tal-għaġeb u kisbu riżultati straordinarji fl-oqsma tax-xjenza u tat-teknoloġija. Imxew ħafna ‘l quddiem fit-triq tal-progress u taċ-ċiviltà, u fi żminijietna nistgħu ngħidu li l-bnedmin irnexxilhom iħaffu l-pass tal-istorja. Imma l-bidla fondamentali, dik li nistgħu nsejħu “oriġinali”, hi dejjem imsieħba mal-mixi tal-bniedem, u tul il-ġrajja kollha tal-istorja tal-bniedem hi msieħba ma’ kull individwu u mal-bnedmin kollha. Hi l-bidla mill-“waqgħa” għal qawmien”, mill-mewt għall-ħajja. Hi wkoll sfida dejjem sejra għall-kuxjenza tal-popli, sfida għall-bniedem fil-ġrajja kollha tiegħu; sfida biex ifittes it-triq ħalli “ma jaqax” f’mogħdijiet dejjem qodam u dejjem ġodda, u sfida biex iqum mill-“waqgħa” jekk ikun waqa’.
Hija u miexja ‘l quddiem mal-bnedmin kollha lejn il-mument li fih it-tieni elf sena tiltaqa’ mat-tielet elf sena, il-Knisja min-naħa tagħha, flimkien max-xirka kollha ta’ dawk li jemmnu u f’għaqda sħiħa mal-bnedmin kollha ta’ rieda tajba tilqa’ l-isfida kbira li hemm fl-antifona tal-Madonna: “Ħarisna mill-waqgħa, kun magħna”, biex, jekk naqgħu, inqumu mill-ġdid, u titlob kemm lill-Feddej u kemm lil Ommu hija u tgħidilhom: “Ħarisna”. Għaliex kif tixhed din it-talba, il-Knisja f’Marija tara l-Omm qaddisa ta’ Alla fil-misteru salvifiku ta’ Kristu u fil-misteru tagħha stess. Hi tara lil Marija b’għeruq fil-fond tal-ġrajja tal-bniedem, fis-sejħa ta’ dejjem tal- bniedem skont il-pjan providenzjali li Alla għamel għall-bniedem sa minn dejjem ta’ dejjem. Hi tara lil Marija preżenti bħala omm tissieħeb fil-ħafna problemi komplikati li llum qed iġarrbu l-ħajja tal-individwi, tl-familji u tan-nazzjonijiet; taraha tgħin lill-poplu nisrani fit-taqbida dejjem sejra bejn it-tajjeb u l-ħażin, biex tara “li ma jaqax”, u, jekk jaqa’, “iqum mill-ġdid.”
B’qalbi kollha nittama li l-ħisibijiet li hawb f’din l-enċiklika jkunu jistgħu jservu wkoll ħa jġeddu din id-dehra fil-qlub ta’ dawk kollha li jemmnu.
Bħala isqof ta’ Ruma, lil dawk kollha li għalihom ktibt dawn il-ħsibijiet, nibgħat il-bewsa tal-paċi, it-tislima tiegħi u l-barka tiegħi fil-Mulej Ġesù Kristu. Amen.
Mogħtija f’Ruma, minn San Pietru, fil-25 ta’ Marzu 1987 fis-solennità tat-tħabbira tal-Mulej fis-sena 1987, id-disa’ sena tal-Pontifikat.

Joannes Paulus PP II