MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU
ĠWANNI PAWLU II
GĦAR-RANDAN 2003

  

Għeżież Ħuti!

1. Ir-Randan, żmien "qawwi" ta’ talb, ta’ sawm u ta’ impenn lejn dawk li huma fil-bżonn, joffri lil kull nisrani l-possibiltà li jħejji lilu nnifsu għall-Għid b’dixxerniment serju ta’ ħajtu, billi jiffaċċja b’mod speċjali mal-Kelma ta’ Alla, li ddawwal l-itinerarju ta’ kuljum ta’ dawk li jemmnu.

Din is-sena, bħala gwida għar-riflessjoni tar-Randan, irrid nipproponi sentenza meħuda mill-Atti tal-Appostli: "Hemm iktar ferħ fli wieħed jagħti milli fli jirċievi" (20,35). Din mhix sejħa morali sempliċi, linqas amar li jilħaq lill-bniedem minn barra. L-inklinazzjoni għar-rigal hija  inerenti fil-fond ġenwin tal-qalb umana: Kull persuna tħoss ix-xewqa li tidħol f’kuntatt mal-oħrajn, u twettaq pjenament lilha nfisha meta minn rajha tirregala lilha nfisha lill-oħrajn.

2. L-epoka tagħna, diżgrazzjatament, hija nfliwenzata minn mentalità partikolarment sensibbli għall-influwenzi tal-eġoiżmu, dejjem lest li jqum mill-ġdid fir-ruħ umana. Fil-qasam soċjali, kif ukoll f’dak tal-‘media’, il-persuna hija spiss imħeġġa minn messaġġi li, f’forma insistenti, miftuħa u sottili, ifaħħru l-kultura tal-effimeru u tal-edonistiku. Minkejja li waqt li ma tonqosx attenzjoni għall-oħrajn f’okkażjoni ta’ diżastri ambjentali, ta’ gwerer u ta’ emerġenzi oħra, mhuwiex ġeneralment faċli li tiżviluppa kultura tas-solidarjetà. L-ispirtu tad-dinja jibdel it-tensjoni nterna mad-don diżinteressat tiegħu għall-oħrajn u jimbotta biex jissodisfa l-interessi partikolari propji. Ix-xewqa li jgeddes il-ġid hija dejjem inċentivata iktar. Bla ebda dubju, huwa naturali u ġust li kull wieħed, permezz tal-użu tat-talenti propji u l-eżerċizzju tax-xogħol propju, jisforza biex jikseb dak li għandu bżonn biex jgħix, imma  l-kilba esaġerata tal-pussess iżżomm lill-krejatura umana milli tinfetaħ għall-Ħallieq u għal dawk simili għalih. Kemm huma validi għal kull żmien il-kliem ta’ Pawlu lil Timotju: "Ir-rabta mal-flus, infatti, hija l-għerq ta’ kull ħażen; minħabba x-xewqa sfrenata tagħhom uħud aljenaw irwieħhom mill-fidi u b’idejhom stess itturmentaw irwieħhom b’ħafna niket " (1 Tm 6,10)! 

L-isfruttament tal-bniedem, l-indifferenza għat-tbatijiet tal-oħrajn, il-vjolazzjoni tan-normi morali huma biss xi wħud fost il-frott tal-kilba għall-qligħ. Quddiem l-ispettaklu ta’ dwejjaq tal-faqar dejjiemi li jolqot tant parti mill-popolazzjoni mondjali, kif wieħed ma jistax jagħraf li l-profitt imfittex akkost ta’ kollox u n-nuqqas ta’ attenzjoni attiva u responsabbli għall-ġid komuni tikkonċentra f’idejn il-ftit kwantità kbira ta’ riżorsi, waqt li l-bqija tal-umanità ssofri fil-miżerja u fl-abbandun?

Waqt li nagħmel appell lil dawk li jemmnu u lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba, irrid intenni l-prinċipju ovvju fih innifsu, ukoll jekk rarament meqjus: hemm bżonn li nfittxu mhux il-ġid ta’ ċirku privileġġjat ta’ ftit, imma t-titjib tal-kondizzjonijiet tal-ħajja ta’ kulħadd. Fuq dan is-sies biss wieħed jistà jibni dik l-ordni nternazzjonali, rejalment ittimbrata mill-ġustizzja u s-solidarjetà, li hija l-awgurju ta’ kulħadd.

3. "Hemm iktar ferħ fli wieħed jagħti milli fli wieħed jirċievi". Waqt li jaqbel mat-talba ħerqana nterna biex jagħti lilu nnifsu lill-oħrajn mingħajr ma jistenna xejn, dak li jemmen jisperimenta sodisfazzjoni intern profond.

L-isforz tan-nisrani li jippromwovi l-ġustizzja, l-impenn tiegħu għad-difiża tad-dgħajfin, l-azzjoni tiegħu umanitarja biex jipprovdi l-ħobż lil min hu nieqes minnu u biex jikkura l-morda billi jippreżenta ruħu f’kull emerġenza u bżonn, jiksbu qawwa minn dak it-teżor ta’ mħabba singolari u ineżawribbli li huwa d-don totali ta’ Ġesù lill-Missier. Dak li jemmen huwa mbuttat biex isegwi l-passi ta’ Kristu, veru Alla u veru bniedem, li, fil-qbil perfett mar-rieda tal-Missier, neżza u umilja lilu nnifsu (cfr Fil 2,6 ss) waqt li ta lilu nnifsu lilna b’imħabba diżinteressata u totali, sa ma miet fuq is-salib. Mill-Kalvarju jinfirex b’mod elokwenti l-messaġġ tal-imħabba trinitarja għall-esseri umani ta’ kull żmien u post.

Josserva Santu Wistin li Alla biss, il-Ġid Prezzjuż, huwa kapaċi li jirbaħ il-miżerja tad-dinja. Il-ħniena u l-imħabba lejn il-proxxmu għandhom għalhekk igelglu minn rapport ħaj ma’ Alla u lilU jagħmlu riferiment kostanti, minħabba li  fli nkunu qrib Kristu li jistrieħ il-ferħ tagħna (cfr De civitate Dei, Lib. 10, cap. 6; CCL 39, 1351 ss).

4. l-Iben ta’ Alla ħabbna l-ewwel, waqt li "konna midimbin" (Rm 5,8), bla ma ppretenda xejn, mingħajr ma għamlilna ebda kondizzjoni a priori. Quddiem din l-osservazzjoni, kif nistgħu ma narawx fir-Randan l-okkażjoni propizja għal għażliet qalbiena ta’ altruwiżmu u ta’ ġenerożità?  Din toffri l-arma prattika u effikaċi tas-sawm u tal-karità biex nissieltu kontra l-attakkament  eċċessiv mal-flus. Li niċċaħdu mhux biss miż-żejjed, imma wkoll minn xi ħaġa iktar biex inqassmuha lil min hu fil-bżonn, tikkontribwixxi għal dik iċ-ċaħda tiegħek innifsek li mingħajrha mhemmx prattika awtentika ta’ ħajja nisranija.  Waqt li jsostni lilu nnifsu b’talb ma jaqtax, l-imgħammed juri wkoll il-prijorità effettiva li Alla jlibbes mill-ġdid fl-eżistenza propja.

Din hija l-imħabba ta’ Alla mgħoddija f’qalbna li trid tispira u tittrasforma l-esseri tagħna u l-operazzjoni tagħna. Ma jistax in-nisrani jqarraq bih innifsu li jistà jfittex il-ġid tal-aħwa, jekk ma jgħixx il-karità ta’ Kristu. Ukoll hemm fejn jirnexxilu jimmodifika fatturi soċjali mportanti jew politiċi negattivi, kull riżultat jibqà tranżitorju mingħajr il-karità. L-istess possibiltà li tagħti lilek innifsek lill-oħrajn hija don u toħroġ mill-grazzja ta’ Alla. Bħal ma jgħallem San Pawl, "huwa Alla li jqanqal fikom ir-rieda u l-opra skont il-pjanijiet twajba tiegħu " (Fil 2,13).

5. Għall-bniedem tallum, sikwit mhux imxebbà minn eżistenza vojta u tgħaddi malajr u fit-tiftix tal-ferħ u tal-imħabba awtentiċi, Kristu ppropona l-eżempju propju billi stieden biex insegwuh. Lil min jisimgħu Huwa jitlob li joffri l-ħajja għall-aħwa. Minn tali  impenn joħorġu t-twettiq sħiħ ta’ dak li jkun u l-ferħ, bħal ma juri l-eżempju elokwenti ta’ dawk l-irġiel u ta’ dawk in-nisa li, waqt li jħallu s-sikurezzi tagħhom ma jaħsbuhiex li jissagrifikaw ħajjithom bħala missjunarji fil-partijiet differenti tad-dinja. Dan tixhdu d-deċiżjoni ta’ dawk iż-żgħażagħ li, imħeġġa mill-fidi, ħaddnu l-vokazzjoni saċerdotali jew reliġjuża biex ipoġġu ruħhom għas-servizz tal-"fidwa ta’ Alla". Dan jippruvah in-numru dejjem jikber ta’ voluntiera, li b’disponibiltà immedjata jiddedikaw ruħhom għall-foqra, għall-anzjani, għall-morda u għal dawk li jinsabu f’sitwazzjonijiet ta’ bżonn.

Riċentement assistejt għal gara meritorja ta’ solidarjetà għall-vittmi tal-għargħar fl-Ewropa, tat-terremot fl-Amerika Latina u fl-Italja, tal-epidemiji fl-Afrika, tal-eruzzjoni vulkanika fil-Filippini, mingħajr ma ninsew iż-żoni l-oħra tad-dinja imdemma mill-mibegħda jew mill-gwerra.

F’dawn iċ-ċirkustanzi il-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali jiżvolġu servizz sinifikattiv, billi jirrendu iktar diretta l-parteċipazzjoni u iktar ħajja d-disponibiltà biex jiġi sostnut min ikun jinsab fit-tbatija u fid-diffikulta.  Kultant  mhuwiex l-imperattiv nisrani tal-imħabba li jimmotiva l-intervent favur l-oħrajn, imma kumpassjoni naturali. Min jassisti lil dawk fil-bżonn igawdi iżda dejjem mit-tjubija ta’ Alla. Fl-Atti tal-Appostli naqraw li d-dixxipla Tabita tiġi salvata, għaliex għamlet xi ġid lill-proxxmu (cfr 9,36 ss). Iċ-ċenturjun Kornelju jikseb il-ħajja eterna minħabba l-ġenerożità tiegħu (cfr ivi 10,1-31).

Is-servizz lil dawk fil-bżonn jistà jkun għall-"imbegħda" triq providenzjali għal-laqgħa ma’ Kristu, għaliex il-Mulej iħallas ‘il hemm mill-qies kull rigal magħmul lill-proxxmu (cfr Mt 25,40).

Nawgura mill-qalb li r-Randan ikun ghal dawk li jemmnu perijodu propizju biex ixerrdu u jixhdu l-Vanġelu tal-karità f’kull post, ġaladarba l-vokazzjoni għall-karità tirrapreżenta l-qalb ta’ kull evanġelizzazzjoni awtentika. Nitlob għal dan il-għan  l-interċessjoni ta’ Marija, Omm il-Knisja. Tkun hi li takkumpanjana fl-itinerarju tar-Randan. B’tali sentimenti tal-qalb imberikkom ilkoll b’imħabba. 

Mill-Vatkcan, 7 ta’ Jannar 2003

IOANNES PAULUS II

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb