MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU' 
IL-PAPA ĠWANNI PAWLU II 
GĦAR-RANDAN 1999

Il-Mulej ħejja pranzu għall-popli kollha (cfr Iż 25, 6)

 

Ħuti fi Kristu,

Ir-Randan, li qed naħsbu biex niċċelebraw, huwa don ġdid ta’ Alla. Huwa jrid jgħinna biex nerġgħu niskopru n-natura tagħna ta’ wlied, maħluqa u mġedda permezz ta’ Kristu mill-imħabba tal-Missier fl-Ispirtu Santu.

1. Il-Mulej se jħejji pranzu għall-popli kollha. Dan il-kliem li jispira l-Messaġġ tar-Randan preżenti, jimbuttana l-ewwelnett biex nirriflettu dwar il-premura providenti tal-Missier ċelesti għall-bnedmin kollha. Din diġa tirrifletti ruħha diġa fl-att tal-ħolqien, meta Alla "jara dak kollu li kien għamel, u hekk hu, kienet ħaġa tassew tajba" (Ġn 1, 31). Titwettaq imbagħad fir-rapport privileġġjat mal-poplu ta’ Iżrael, li Alla jagħżel bħala l-poplu tiegħu sabiex jagħti bidu għall-opra tal-fidwa. F’Ġesù Kristu, fl-aħħar, din il-premura providenti tilħaq il-pjenezza tagħha: fiH, il-barka ta’ Abraham tgħaddi lill-popli u aħna rċivejna l-wegħda tal-Ispirtu permezz tal-fidi (cfr (Gal 3, 14).

Ir-Randan huwa ż-żmien favorevoli li fih nuru lill-Mulej gratitudni sinċiera għall-għeġubijiet imwettqa favur il-bniedem fiż-żminijiet kollha tal-istorja u, b’mod partikolari, fir-redenzjoni li in vista tagħha lanqas ma ħafirha lil Ibnu stess (cfr Rom 8, 32).

L-iskoperta tal-preżenza feddejja ta’ Alla fil-ġrajjiet tal-bnedmin tixprunana għall-konverżjoni. Din iġġiegħlna nħossu li aħna lkoll destinatarji tat-tenerezza ta’ Alla u timbuttana biex infaħħruh u biex nigglorifikawh. Ma’ San Pawl nirrepetu:  "Ikun imbierek Alla, Missier Sidna Ġesù Kristu, li berikna b’kull barka spiritwali fis-smewwiet, fi Kristu. Fih huwa għażilna, qabel il-ħolqien tad-dinja, biex inkunu qaddisin u mmakolati fil-preżenza tiegħu fil-karità" (Ef 1, 3-4). Alla nnifsu jistedinna għal itinerarju ta’ penitenza u ta’ purifikazzjoni interna biex inġeddu l-fidi tagħna. Isejħilna bla mistrieħ lejh, u kull darba li nġarrbu t-telfa tad-dnub jurina t-triq tar-ritorn lejn daru, fejn insibu dik il-premura singolari li tagħha għamilna oġġett fi Kristu. Hekk, mill-esperjenza tal-imħabba li l-Missier jurina tiffjorixxi fina l-gratitudni.

2. L-itinerarju tar-Randan iħejjijna għaċ-ċelebrazzjoni tal-Għid ta’ Kristu, misteru tal-fidwa tagħna. Antiċipu ta’ tali misteru huwa l-pranzu li l-Mulej jiċċelebra mad-dixxipli tiegħu nhar Ħamis ix-Xirka, meta joffri lilu nnifsu fl-ispeċi tal-ħobż u tal-imbid. Fiċ-ċelebrazzjoni ewkaristika, bħal ma ktibt fl-Ittra apostolika  Dies Domini, "tattwa ruħha l-preżenza reali, sostanzjali u dejjiema tal-Mulej irxuxtat… u jiġi offrut dak il-ħobż tal-ħajja li huwa simbolu tal-glorja futura" (n. 39).

Il-pranzu huwa sinjal ta’ ferħ, għaliex hemm turi ruħha l-komunjoni qawwija ta’ dawk li jieħdu sehem fih. L-Ewkaristija b’dan il-mod twettaq il-pranzu mħabbar minn qabel mill-profeta Iżaija lill-popli kollha  (cfr Iż 25, 6). Fiha hija preżenti sinifikanza eskatoloġika inevitabbli. Bil-fidi nafu li l-misteru paskwali diġa twettaq fi Kristu; dan madankollu għad irid jitwettaq pjenament f’kull wieħed u waħda minna. L-Iben ta’ Alla bil-mewt u l-qawmien mill-imwiet tiegħu għamlilna r-rigal tal-ħajja eterna, li hawn issib il-bidu tagħha, imma jkollha l-attwazzjoni definittiva tagħha fil-Għid etern tas-sema. Bosta minn ħutna jifilħu jissaportu s-sitwazzjoni ta’ miżerja, ta’ skomdu, ta’ mard tagħhom, biss għaliex għandhom iċ-ċertezza li ġurnata għad ikunu msejħa għall-festa eterna tas-sema. Hekk ir-Randan jorjenta l-ħarsa ‘l hemm mill-preżent, ‘l hemm mill-istorja, ‘l hemm mix-xefaq ta’ din id-dinja, lejn il-komunjoni perfetta u eterna tat-Trinità Mqaddsa.

Il-barka li fi Kristu nirċievu tbatti għalina l-ħajt tat-temporalità u tiftħilna l-bieb tal-parteċipazzjoni definittiva fil-ħajja ta’ Alla. "Beati l-mistednin għall-pranzu tat-tieġ tal-Ħaruf" (Ap 19, 9): ma nistgħux ninsew li ħajjitna ssib, f’dak il-pranzu – antiċipat fis-sagrament tal-Ewkaristija – id-destinazzjoni finali tagħha. Kristu akkwistalna mhux biss dinjità ġdida f’ħajjitna fuq din l-art, imma b’mod speċjali d-dinjità ġdida ta’ wlied Alla, imsejħa biex nieħdu sehem fil-ħajja eterna miegħu. Ir-Randan jistedinna biex negħlbu t-tentazzjoni li nqisu definittivi r-realtajiet ta’ din id-dinja u biex nagħrfu li "pajjiżna huwa fis-smewwiet" (Fil3, 20).

3. Waqt li nikkontemplaw din is-sejħa meraviljuża li, fi Kristu, il-Missier jindirizzalna, ma nistgħux ma nintebħux bl-imħabba li Hu kellu għalina. Din is-sena ta’ tħejjija għall-Ġublew il-Kbir tal-2000 irid jgħinna biex inġeddu l-għarfien li Alla huwa l-Missier li f’Ibnu l-għażiż jikkomunikalna ħajtu stess. Mill-istorja tal-fidwa li Huwa jopra magħna u għalina, nitgħallmu b’qawwa ġdida l-karità (cfr 1 Ġw 4, 10ss), virtù tejologali, li irrakkomandajt li napprofondixxi għall-1999 fl-Ittra Apostolika Tertio millennio adveniente.

L-esperjenza tal-imħabba timbotta lin-nisrani biex jagħmel lilu nnifsu don ħaj, f’loġika ta’ servizz  u ta’ qsim li jiftħu għall-ilqugħ tal-aħwa. Immensi huma l-oqsma li fihom il-Knisja, fil-korsa tas-sekli, tat xhieda, bil-kelma u bl-opri, għall-imħabba ta’ Alla. Ukoll illum jinfetħu quddiemna spazji enormi li fihom il-karità ta’ Alla trid tagħmel lilha nfisha preżenti permezz tal-opra tal-insara. Il-faqar il-ġdid u l-kwistjonijiet il-kbar li jinkwetaw bosta qlub jistennew tweġibiet konkreti u rilevanti. Min hu waħdu, min jinsab fit-truf tas-soċjetà, min hu bil-ġuħ, min hu vittma tal-vjolenza, min m’għandux tama, għandu jkun jistà jisperimenta,  fil-konsiderazzjoni tal-Knisja, it-tjubija tal-Missier ċelesti li, sa mill-bidu tad-dinja, ħaseb f’kull bniedem biex jimlieh bil-barka tiegħu.

4. Hekk, ir-Randan migħux bl-għajnejn imdawrin lejn il-Missier, isir żmien singolari ta’ karità li timmaterjalizza ruħha permezz tal-opri ta’ ħniena korporali u spiritwali. Il-ħsieb imur b’mod speċjali għal dawk imħollija barra mill-pranzu tal-konsumiżmu ta’ kuljum. Jeżistu bosta "Lazzru" li jħabbtu fuq il-bibien tas-soċjetà: dawn huma dawk kollha li ma jipparteċipawx mill-vantaġġi materjali ikkawżati mill-progress. Hemm sitwazzjonijiet persistenti ta’ miżerja li ma jistgħux ma jqanqlux il-kuxjenza tan-nisrani, u jfakkruh id-dmir li jikkumbatti b’urġenza kemm personalment kif ukoll b’mod komunitarju.

Mhux biss lill-individwi huma offruti l-okkażjonijiet biex juru d-disponibiltà tagħhom li jistiednu lill-foqra biex jieħdu sehem fil-ġid tagħhom, imma wkoll l-istituzzjonijiet internazzjonali, il-gvernijiet tal-popli u ċ-ċentri direttivi tal-ekonomija mondjali għandhom jassumu r-responsabiltajiet li jipproġettaw itinerarji kuraġġużi għal tqassim iktar ġust tal-ġid tal-art, kemm fl-intern ta’ Pajjiżi ndividwali kif ukoll fir-rapporti bejn il-popli.

5. Ħuti, waqt li nibdew il-mixja tar-Randan  nindirizzalkom dan il-Messaġġ biex ninkuraġġikom fit-triq tal-konverżjoni, li twassal għal għarfien dejjem iktar sħiħ tal-misteru tal-ġid li Alla jżomm għalina. Marija, Omm tal-ħniena,  iżżomm il-passi tagħna. Hija għarfet u laqgħet l-ewwel waħda l-pjan tal-imħabba tal-Missier, hija emmnet u hija l-"imbierka fost in-nisa" (Lq1, 42). Obdiet fit-tbatija u hekk saret parteċipi, l-ewwel waħda, fil-glorja ta’ wlied Alla.

Marija bil-preżenza tagħha tikkunslana; jalla tkun "sinjal ta’ tama sikura" (Lumen gentium, 68) u tinterċedi quddiem Alla, sabiex iġedded għalina t-tiswib tal-ħniena divina.

Mill-Vatikan, 15 ta’ Ottubru 1998

IOANNES PAULUS PP. II

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb