MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU
ĠWANNI PAWLU II
GĦAR-RANDAN 1996

 

«Agħtuhom jieklu intom stess» (Mt 14, 16)  

Għeżież ħuti! 

1. Il-Mulej qed isejħilna mill-ġdid għal darb’oħra biex insegwuh fl-itinerarju kwareżimali, mixja proposta ta’ kull sena lill-fidili kollha sabiex iġeddu t-tweġiba tagħhom personali u komunitarja għall-vokazzjoni tal-Magħmudija u jġibu l-frott ta’ konverżjoni. Ir-Randan huwa mixja ta’ riflessjoni dinamika u krejattiva, li tmexxi għall-penitenza biex issaħħaħ kull għan ta’ mpenn evanġeliku; mixja ta’ mħabba li tiftaħ ir-ruħ ta’ dawk li jemmnu lill-aħwa, waqt li tipproġettahom lejn Alla. Ġesù jitlob lid-dixxipli tiegħu biex jgħixu u jxerrdu l-karità, il-kmandament il-ġdid, li jirrapreżenta s-sommarju maġistrali tad-Dekalogu divin afdat lil Mosè fuq il-Muntanja Sinai. Fil-ħajja ta’ kuljum ingħatalna li niltaqgħu ma nies bil-ġuħ, bil-għatx, morda, emarġinati, migranti. Matul iż-żmien tar-Randan aħna mistiedna biex inħarsu b’iżjed attenzjoni lejn wiċċhom sofferenti; uċuh li jixhdu l-isfida tal-faqar ta’ żmienna. 

2. Il-Vangelu jenfasizza li l-Feddej iħoss kumpassjoni singulari għal dawk li jinsabu f’diffikultà; ikellimhom dwar is-Saltna ta’ Alla u jfejjaq fil-ġisem u fl-ispirtu lil dawk li jinħtieġu kura. Jgħid, imbagħad, lid-dixxipli: «Agħtuhom jieklu intom stess». Imma huma jintebħu li ma kellhomx għajr ħames ħobżiet u żewġ ħutiet. Ukoll aħna, llum, bħal dik id-darba l-Appostli f’Betsajda, niddisponu minn meżżi bla dubju ta’ xejn insuffiċjenti biex inwieġbu b’mod effikaċi għal madwar tminn mitt miljun persuna bil-ġuħ jew mhux mitmugħa, li fuq l-għatba tas- sena Elfejn għadhom jissieltu għas-sopravivenza tagħhom.

X’se nagħmlu mela? Inħallu l-affarijiet kif inhuma, waqt li nirrassenjaw ruħna għall-impotenza? Dan huwa l-interrogattiv li dwaru nixtieq niġbed l-attenzjoni, fil-bidu tar-Randan, l-attenzjoni ta’ kull fidil u tal-komunità ekkleżjali kollha kemm hi. Il-folla tal-imġewħin, magħmula minn tfal, nisa, xjuħ, migranti, rifuġjati u diżokkupati, tgħolli lejna l-għajta ta’ niket tagħha. Huma qegħdin jitolbuna, waqt li jittamaw li jkunu mismugħa. Kif nistgħu ma nirrendux attenti  widnejna u viġilanti qlubna, waqt li nibdew inqiegħdu għad-dispożizzjoni dawk il-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet li Alla qiegħed f’idejna? Ilkoll mistgħu nagħmlu xi ħaġa għalihom, billi kull wieħed u waħda minna  iġorr il-kontribut tiegħu. Dan jitlob  bla dubju xi sagrifiċcji, li jissuġġerixxu konverżjoni interna u profonda. Hemm bżonn bla dubju li nerġgħu niflu l-inġibiet konsumistiċi, nikkonbattu l-edoniżmu, nopponu għall-indifferenza u għad-delega tar-responsabiltajiet.

3. Il-ġuħ huwa dramm enormi li jolqot lill-umanità: isir mill-ġdid iktar urġenti li nammettu u li noffru sosten konvint u ġeneruż lill-Organizzazzjonijiet u Movimenti differenti, li qamu biex itaffu t-tbatijiet ta’ min jissogra l-mewt minħabba l-iskarsezza tal-ikel, billi jiffavorixxi lil dawk li mhumiex milħuqa minn programmi governattivi jew internazzjonali. Hemm bżonn li nsostnu t-taqtigħa kontra l-ġuħ kemm fil-Pajjiżi inqas avanzati daqs kemm fin-Nazzjonijiet industrijalizzati bil-kbir, fejn, sfortunatament, qiegħda kull ma tmur tikber id-differenza li tifred l-għonja mill-fqar.

Id-dinja hija mogħnija bir-riżorsi meħtieġa biex taqtà l-ġuħ tal-umanità kollha kemm hi. Hemm bżonn li nkunu nafu nużawhom b’intelliġenza, billi nirrispettaw l-ambjent u r-ritmi tan-natura, waqt li niggarantixxu l-ekwità u l-ġustizzja fl-iskambji kummerċjali u distribuzzjoni tal-għana li tieħu ħsieb id-dmir tas-solidarjetà. Xi ħadd jistà joġġezzjona li din hija utopija kbira u li ma tistax titwettaq. It-tagħlim u l-azzjoni soċjali tal-Knisja juru, iżda, il-kuntrarju: hemm fejn il-bnedmin jikkonvertu għall-Vanġelu, tali proġett ta’ qsim u ta’ solidarjetà jsir realtà straordinarja.

4. Fil-fatt, waqt li minn banda naraw jinqerdu kwantitajiet kbar ta’ prodotti meħtieġa għall-ħajja tal-bniedem, mill-banda l-oħra nintebħu b’niket fillieri twal ta’ persuni li jistennew meta jmisshom quddiem l-imwejjed tal-fqar jew madwar il-konvojs tal-Organizzazzjonijiet umanitarji intenzjonati biex iqassmu għajnuna ta’ kull xorta. Ukoll fil-bliet moderni, fil-ħin tal-għeluq tas-swieq lokali, mhix ħaġa rari li tara nies mhux magħrufa li jbaxxu biex jiġbru l-iskart tal-merkanzija mitluqa fuq il-post.

Quddiem tali xeni. Sintomi ta’ kontradizjonijiet profondi, kif ma tħossx f’ruħek sentiment ta’ ribelljoni intima? Kif wieħed ma jħossx lilu nnifsu mqanqal minn impuls spontanju ta’ karità nisranija? Is-solidarjetà awtentika, madankollu, ma tiġix f’daqqa; huwa biss permezz ta’ xogħol ta’ formazzjoni paċenzjuż u responsabbli mwettaq sa miċ-ċokon, li hija ssir ilbies mentali tal-persuna u tħaddan l-oqsma differenti tal-attività u tar-responsabiltà. Jinħtieġ proċess ġenerali ta’ sensibilizzazzjoni kapaċi tinvolvi s-soċjetà kollha. Għal tali proċess il-Knisja Kattolika, f’kollaborazzjoni mal-Konfessjonijiet reliġjużi l-oħra, sejra toffri l-kontribut kwalifikanti tagħha. Dan huwa sforz fundamentali ta’ promozzjoni tal-bniedem u qsim fratern, li mbagħad ma jistax ma jarax impenjati wkoll lill-foqra stess, skont il-possibiltajiet tagħhom.

5. Għeżież Ħuti! Waqt li nafdalkom dawn ir-riflessjonijiet, sabiex tiżviluppawhom b’mod individwali u komunitarju taħt it-tmexxija ta’ ħsibijietkom, inħeġġiġkom biex twettqu ġesti sinifikattivi u konkreti, kapaċi li jimmultiplikaw dawk il-ftit ħobżiet u ħutiet li minnhom jiddisponu.  Hekk wieħed ikun qed jikkontribwixxi b’mod validu biex jiffaċċja il-bżonn ta’ min għandu l-ġuħ u dan ikun mod awtentiku ta’ għixien tal-perijodu providenzjali tar-Randan, żmien ta’ konverżjoni u ta’ rikonċiljazzjoni.

F’tali intenzjonijiet impenjattivi hemm xi ssostnina u tissapportjana il-Barka Apostolika, li volontarjament nagħti lil kull wieħed u waħda minnkom, waqt li nitlob lill-Mulej il-grazzja ta’ mixja ġeneruża, permezz tat-talb u l-penitenza, lejn iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Għid.  

Minn Castel Gandolfo, 8 ta’ Settembru, It-Twelid ta’ Marija Santissima, tas-sena 1995, is-sbatax-il sena tal-Pontifikat tiegħi. 

 

IOANNES PAULUS PP. II

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb