MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II
GĦAR-RANDAN 1995

 

«L-Ispirtu tal-Mulej . . . ikkonsagrani . . . biex inxandar lill-fqajrin messaġġ ta’ ferħ. Bagħatni . . . biex nipproklama . . . lill-għomja il-vista» (Lq 4,18).

Għeżież ħuti!

1. In vista tar-Randan, nixtieq nirrifletti flimkien magħkom dwar il-ħażin oskur li jċaħħad numru ta’ foqra l-possibiltà ta’ progress, ta’ rebħa fuq emarġinazzjoni u tal-vera liberazzjoni. F’dan il-waqt jiġi fi ħsiebi l-anafalbetiżmu. Il-predeċessur meqjum tiegħi, il-Papa Pawlu VI, enfasizza li «l-ġuħ tat-tagħlim mhuwiex inqas ta’ detriment mill-ġuħ tal-affarijiet alimentari. Bniedem analfabeta huwa spirtu nieqes mill-ikel» (Populorum progressio, n. 35).

Tali ġerħa terribbli tikkontribwixxi biex iżżomm moltitudnijiet wiesgħa f’kondizzjonijiet ta’ sottożvilupp, bil-konsegwenzi kollha ta’ miżerja skandaluża li din tqanqal. Xhieda numerużi ġejjin minn diversi kontinenti, kif ukoll il-laqgħat li stajt nagħmel tul il-vjaġġi apostoliċi tiegħi, jikkonfermawli fil-konvenzjoni li hemm fejn jinsab l-analfabetiżmu jirrenjaw iktar minn bnadi oħra l-ġuħ, il-mard, il-mortalità infantili, kif ukoll l-umiljazzjoni, l-isfruttament u bosta tbatijiet ta’ kull xorta.

Bniedem li ma jafx la jaqra u linqas jikteb jisperimenta diffikultajiet kbar biex jadatta ruħu għall-metodi moderni tax-xogħol; ħuwa hu kkundannat għall-injoranza tad-drittijiet u d-dmirijiet tiegħu. Dan huwa tassew fqir. Hemm bżonn li nifhmu li mijiet ta’ miljuni ta’ adulti huma analfabeti, waqt li għaxriet ta’ miljuni ta’ tfal ma jistgħux imorru skola, għaliex mhemm ebda waħda fil-qrib jew għaliex il-faqar tagħhom iżommhom milli jattendu. Hekk jaslu biex isibu ruħhom miżmuma lura fl-iżvilupp ta’ ħajjithom u mċaħħda milli jeżerċitaw id-drittijiet fundamentali tagħhom. Dawn huma folol li jgħollu dirgħajhom lejna, waqt li jitolbuna ġest ta’ fraternità.

2. Nafu sewwa li meta l-persuni, il-familji u l-komunitajiet għandhom aċċess għat-tagħlim, għall-edukazzjoni u għal diversi livelli ta’ formazzjoni, jistgħu jipprogredixxu aħjar f’kull qasam. L-alfalbetiżmu jippermetti lill-persuna li tiżviluppa l-possibiltajiet tagħha, li tiffruttifika t-talenti tagħha riċevuti, li tagħni r-relazzjonijiet propji. Il-Konċilju Vatikan II dwar dan jiddikjara: «Huwa propju tal-persuna umana li ma tistax tilħaq il-livell tal-ħajja tassew u pjenament uman jekk mhux permezz tal-kultura » (Gaudium et spes, 53,1). Il-formazzjoni ntellettwali hija element deċiżiv biex titkabbar tali kultura umana, li tgħin biex inkunu iktar awtonomi u iktar ħielsa. Barra minn hekk tippermetti li niffurmaw aħjar il-koxjenza propja u li nintebħu b’mod sħiħ ir-responsabiltajiet propji fuq il-livell morali u spiritwali. Infatti, kull edukazzjoni vera hija fl-istess ħin spiritwali, intellettwali u morali.

Fost il-kwistjonijiet li jqanqlu ansjetà fi żmienna  li spiss tìgbed l-attenzjoni nsibu l-evoluzzjoni demografika fid-dinja. F’dan il-qasam, din hija l-promozzjoni tal-assunzjoni tar-responsabbiltà min-naħa tal-familji nfushom. Fil-Konċistorju ta’ Ġunju 1994, il-Kardinali b’mod unanimu ddikjaraw li «l-edukazzjoni u l-iżvilupp huma tweġibiet effikaċi biżżejjed għat-tendenzi demografiċi, u mhux l-isfurzar u l-forom artifiċjali kollha ta’ kontroll demografiku» (Dikjarazzjoni tal-Kardinali favur il-protezzjoni tal-familja, 14 ta’ Ġunju 1994). L-istess istituzzjoni familjari tiġi biex tkun imsaħħa meta l-membri tagħha jkunu jistgħu jużaw il-komunikazzjoni miktuba; huma infatti m’għandhomx ikunu suġgetti b’mod passiv għal programmi li  nkella jiġu mposti fuqhom, b’detriment tal-libertà u tal-kontroll responsabbli tal-fertilità propja; huma jistgħu jkunu l-atturi tal-iżvilupp tagħhom.

3. Quddiem il-gravità tal-kondizzjonijiet ta’ ħajja ta’ aħwa rġiel u nisa miżmumin ‘l bogħod mill-kultura kontemporanja, huwa dmir tagħna li nuru solidarjetà magħhom. L-inizjattivi kollha ddestinati biex jiffavorixxu d-dħul għall-ħila li jaqraw u jiktbu huma kondizzjoni primarja biex ngħinu lill-fqir jimmatura l-intelliġenza tiegħu u biex jgħix iktar b’mod awtonomu. L-alfabetiżmu u l-iskolarizzazzjoni huma dover u investiment essenzjali għall-ġejjieni tal-umanità għall-«iżvilupp integrali tal-bniedem kollu u tal-bnedmin kollha», bħal ma enfasizzah tajjeb il-Papa Pawlu VI (Paolo VI, Populorum progressio, n. 42).

F’kull poplu, iktar ma jkun elevat in-numru ta’ persuni li jibbenefikaw minn edukazzjoni suffiċjenti, iktar l-komunità kollha tkun kapaċi taqbad f’idejha id-destini tagħha. Għal dan, l-alfabetiżmu jiffaċilita l-kollaborazzjoni bejn in-nazzjonijiet u l-paċi fid-dinja. Id-dinjità ugwali tal-persuni u tal-popli tesiġi li l-komunità internazzjonali timmobilizza ruħha biex tegħleb l-inugwaljanzi preġudizzjali li għadhom iżommu fl-injoranza miljuni ta’ esseri umani.

4. Għal tali għan, il-ħsieb rikonoxxenti tiegħi imur għal dawk il-persuni u għall-organizzazzjonijiet li huma mpenjati fl-opra ta’ solidarjetà li hija l-alfabetiżmu. Indur, b’mod partikolari, fuq il-qawwiet soċjali u reliġjużi, l-għalliema, u l-istudenti, kif ukoll fuq il-persuni ta’ rieda tajba u nistedinhom biex jaqsmu b’mod iktar qawwi il-ġid materjali u kulturali tagħhom: nagħmlu mod li naġixxu f’tali sens fil-postijiet fejn naħdmu, u nsostnu l-azzjoni tal-organiżmi impenjati b’mod speċifiku fil-promozzjoni tal-alfabetiżmu fil-partijiet differenti tad-dinja.

5. L-approfondiment tal-evanġelizzazzjoni jistà jkun iffavorit mill-progress tal-alfabetizzazzjoni fil-kejl li fih jgħin lil kull wieħed mill-aħwa rġiel u nisa biex jilqà b’mod iktar personali il-messaġġ nisrani u biex itawwal is-smigħ tal-Kelma ta’ Alla permezz tal-qari. Li tirrendi aċċessibbli lil numru ikbar ta’ persuni l-Iskrittura Mqaddsa, fejn hu possibbli bil-lingwa tagħhom, ma jistax għajr jarrikkixxi r-riflessjoni u l-meditazzjoni ta’ dawk li jfittxu s-sens u l-orjentazzjoni tal-ħajja propja.

Inħeġġeġ b’mod vivaċi lir-rgħajja tal-Knisja biex jimpenjaw ruħhom u biex jinkuraġġixxu dan is-servizz kbir lill-umanità. Dan huwa dmir li jgħaqqad l-aħbar tal-Bxara t-Tajba mat-trażmissjoni ta’ għarfien li jippermetti lil ħutna li jassimilaw personalment l-importanza ta’ tali messaġġ, li jiggustaw l-għana u li jiffurmaw parti integranti tal-kultura tagħhom. Kif ma nenfasizzawx li fi żmienna li taħdem għall-alfabetiżmu jfisser tikkontribwixxi għall-bini tal-komunjoni  fuq karità fraterna awtentika u attiva?

6. Nitlob lil Alla, bl-interċessjoni tal-Beata Verġni Marija, Omm Ġesù u Ommna, li jismà leħinna u li jmiss il-qlub, sabiex ir-Randan tal-1995  jimmarka stadju ġdid fil-konverżjoni ppridkata minn Ġesù Sidna, fil-bidu tal-ministeru messjaniku tiegħu, bil-ħarsa diretta lin-nazzjonijiet kollha (cfr. Mt 4,12-17).

B’din it-tama nagħtikom mill-qalb il-Barka Apostolika.

Mill-Vatikan,  7 ta’ Settembru 1994.

 

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb