MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU ĠWANNI PAWLU II
GĦAR-RANDAN 1993
 

 

«Għandi l-għatx» (Ġw 19,28)

Għeżież ħuti,

1. Fiż-żmien qaddis tar-Randan, il-Knisja terġà mill-ġdid taqbad għal darb’oħra t-tlugħ lejn l-Għid. Immexxiha minn Ġesù waqt li timxi fuq il-passi tiegħu, tistimolana biex magħha naqsmu d-deżert. L-istorja tal-Fidwa tat lid-deżert sens reliġjuż profond. Immexxi minn Mosè u iktar tard mogħti parir minn profeti oħra, il-Poplu magħżul seta, permezz ta’ ċaħdiet u tbatijiet, jagħmel esperjenza tal-preżenza fidila ta’ Alla u tal-ħniena tiegħu; kiel mill-ħobż li niżel mis-sema u qatà l-għatx bl-ilma li gelgel mill-blata; hemm nibtet il-fidi u t-tama tal-Poplu ta’ Alla fil-miġja tal-Messija feddej. Fid-deżert ukoll ippriedka Ġwanni l-Battista, u l-folol ġrew qribu biex, fl-ilma tal-Ġordan, jirċievu l-magħmudija tal-penitenza: id-deżert kien il-post ta’ konverżjoni għall-ilqugħ ta’ Dak li ġie biex jirbaħ il-miżerja u l-mewt marbutin mad-dnub. Ġesù, il-Messija tal-foqra li jimla bil-ġid (cfr. Lq 1,53), inawgura l-missjoni tiegħu billi assuma l-kondizzjoni ta’ dak li għandu l-ġuħ u l-għarx tad-deżert. Għeżież ħuti, nistedinkom biex timmeditaw, matul ir-Randan, il-Kelma tal-ħajja mħollija minn Kristu lill-Knisja sabiex tkun dawl fil-mixja ta’ kull wieħed u waħda mill-membri tiegħu. Agħrfu l-leħen ta’ Ġesù li qed ikellimkom, b’mod speċjali f’dan iż-żmien tar-Randan, fil-Vanġelu, fiċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi, fl-eżortazzjonijiet tar-rgħajja tagħkom. Isimgħu l-leħen ta’ Ġesù li, għajjien u bil-għatx, qrib il-bir ta’ Ġakobb, jgħid lis-Sammaritana: «Tini nixrob» (Ġw 4,7). Ikkontemplaw lil Ġesù msallab fuq is-salib, qed imut, u isimgħu leħnu bilkemm jiftiehem: «Għandi l-għatx» (Ġw 19,28). Illum Ġesù jtenni dan l-appell u jerġà jgħix it-turmenti tal-agonija tiegħu f’ħutna l-iktar foqra. Waqt li jistedinna biex navanzaw billi nipprattikaw ir-Randan fuq it-triq tal-imħabba u tat-tama ndikati minn Kristu, il-Knisja ġġegħlna nifhmu li l-ħajja nisranija tfisser li ninqatgħu mill-ġid żejjed; tgħinna naċċettaw faqar li jilliberana; tiddisponina biex niskopru l-preżenza ta’ Alla u biex nilqgħu lil ħutna b’solidarjetà dejjem iktar attiva f’komunjoni dejjem iktar wiesgħa. Ftakru l-kelma tal-Mulej: «Min ikun ta jixrob imqar tazza ilma frisk biss lil wieħed minn dawn iż-żgħar, għaliex hu dixxiplu tiegħi, fis-sewwa ngħidilkom: ma jitlifx il-premju tiegħu» (Mt 10,42). U mmeditaw bil-qalb kollha u bit-tama dan il-kliem ieħor: «Ejjew, imberkin minn Missieri, …għaliex kont bil-għatx u tajtuni nixrob» (Mt 25,34-35).

2. Matul ir-Randan tal-1993, biex insaħħu s-solidarjetà u l-karità fraterna assoċjaw mar-riċerka spiritwali ta’ dan iż-żmien qawwi tas-sena liturġika, nitlob lill-membri tal-Knisja biex jitfgħu ħarsa attenta fuq in-nisa u fuq l-irġiel għajjiena mid-deżertifikazzjoni drammatika ta’ pajjiżhom u fuq dawk li f’tant reġgjuni tad-dinja, jonqoshom dan il-ġid elementari, imma indispensabbli għall-ħajja, l-ilma.

Ninkwetaw meta naraw illum id-deżert ikompli jestendi ruħu f’artijiet, li sa ftit ilu kienu għonja u fertili. Ma nistgħux ninsew li spiss il-bniedem innifsu kien il-kawża tal-isterilizzazzjoni ta’ artijiet li saru deżertiċi kif ukoll tal-inkwinament ta’ ilmijiet li darba kienu tajba. Meta l-ġid tal-art ma jkunx irrispettat, wieħed jaġixxi b’mod inġust u wkoll kriminali, għaliex il-konsegwenzi jkunu miżerja u mewt għal bosta ħutna rġiel u nisa.

Jinkwetana bil-kbir ukoll li naraw popli sħaħ, miljuni ta’ esseri umani, imwassla għall-faqar estrem, bil-ġuħ u morda għaliex jonqoshom l-ilma tax-xorb. Infatti l-ġuħ u bosta mard huma marbuta b’mod intimu man-nixfa jew mal-inkwinament tal-ilmijiet. Fejn ix-xita hija rari u n-nixxigħat tal-ilma jinxfu, il-ħajja ssir fraġli, tonqos sa ma tispiċċa fix-xejn. Żoni mmensi tal-Afrika huma suġġetti għal dan il-flaġell li niltaqgħu miegħu wkoll f’ċerti reġġjuni tal-Amerka Latina u tal-Awstralja.

Barra minn dan huwa evidenti li żvilupp industrijali anarkiku u l-użu tat-teknoloġiji li jfarrku l-ekwilibri naturali ikkawżaw ħsarat enormi lill-ambjent billi pprovokaw diżastri gravi. Qegħdin nissugraw li nħallu b’wirt lill-ġenerazzjonijiet futuri, f’bosta partijiet tad-dinja, id-dramm tal-għatx u tad-deżert.

Nagħmel appell pressanti sabiex ikunu sostnuti b’ġenerożità l-istituzzjonijiet, l-organizzazzjonijiet u l-opri soċjali li huma mpenjati fl-għajnuna tal-popolazzjonijiet milquta minn karestiji jew mill-għatx u mġiegħla jiffaċċjaw deżertifikazzjoni krexxenti. Inħeġġiġkom ugwalment biex tikkollaboraw ma’ dawk li jisfurzaw biex janalizzaw b’mod xjentifiku l-fatturi kollha tad-deżertifikazzjoni u li jfittxu rimedju.

Jalla l-ġenerożita ta’ wlied il-Knisja maski u femmini u tal-irġiel u n-nisa kollha ta’ rieda tajba, jħaffu t-twettiq tal-profezija ta’ Iżaija: «Joħorġu l-ilmijiet fid-deżert, iġelbnu l-iħmla fl-isteppa, l-art maħruqa ssir marsa, il-post niexef qoxqox jinbidel f’sors ta’ ilma» (35,6-7)!

Bil-qalb kollha, inberikkom fl-Isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu Santu. Amen.

18 ta’ Settembru 1992

IOANNES PAULUS PP. II