MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU
ĠWANNI PAWLU II
GĦAR-RANDAN 1992

  

Għeżież ħutu, il-ħolqien huwa għal kulħadd.

Fil-viċinanza taż-żmien tar-Randan, żmien li fih il-Mulej Ġesù Kristu jsejħilna b’mod speċjali għall-konverżjoni. Nixtieq indur lejn kull wieħed u waħda minnkom biex nistedinkom biex tirriflettu fuq din il-verità u biex twettqu opri konkreti, li juru s-sinċerità tal-qalb.

Dan l-istess Mulej, li l-ikbar prova ta’ mħabba tiegħu tiġi minna ċċelebrata nhar l-Għid, kien mal-Missier sa mill-bidu u ħejja l-mejda stupenda tal-ħolqien, li għaliha ried jistieden lil kulħadd bla eċċezzjoni (cfr. Ġw 1,3). Il-Knisja fehmet din il-verità murija sa mill-bidu tar-rivelazzjoni u assumietha bħala ideal ta’ ħajja propost lill-bnedmin (cfr. At 2,44-45; 4,32-35). Fi żminijiet iktar riċenti għallmet mill-ġdid, bħala tema ċentrali tal-maġisteru soċjali tagħha, id-destinazzjoni universali tal-ġid tal-ħolqien, kemm dak materjali kif ukoll dak spiritwali. Waqt li assumejt tali tradizzjoni wiesgħa, fl-enċiklika Centesimus annus, li ppubblikajt fl-okkażjoni taċ-ċentinarju tar-Rerum Novarum tal-predeċessur tiegħi il-Papa Ljun XIII, kelli f’moħħi li nippromwovi r-riflessjoni dwar din id-destinazzjoni universali tal-ġid, li hija qabel kwalunkwè forma konkreta ta’ propjetà privata u għandha ddawwal il-veru sens tagħha.

Għalkemm dawn il-veritajiet, ifformulati b’mod ċar, kienu mtennija bosta drabi, huwa ta’ niket li tosserva li d-dinja bil-ġid kollu tagħha – dan l-ispeċi ta’ festin kbir li għalih huma mistiedna l-bnedmin kollha, irġiel u nisa, li eżistew u għad jeżistu – sfortunatament, taħt bosta aspetti jinsab f’idejn minoranza. Il-ġid tal-art huwa stupend, kemm dak li jiġina direttament mill-idejn ġenerużi ta’ Alla, kif ukoll dak li huwa frott tal-opra tal-bniedem, imsejjaħ biex jikkollabora fil-ħolqien bl-intelliġenza u x-xogħol tiegħu. Is-sehem f’dan il-ġid, barra minn dan, huwa meħtieġ sabiex kull esseri uman jistà jilħaq it-twettiq propju tiegħu. Jirriżulta għalhekk ferm iktar ta’ niket li tosserva kemm miljuni ta’ persuni jibqgħu mħollija barra mill-mejda tal-ħolqien.

Nistedinkom għalhekk b’mod speċjali biex tiffissaw l-attenzjoni tagħkom fuq din is-sena kommemorattiva tal-V ċentinarju tal-evanġelizzazzjoni tal-kontinent Amerikan, li bl-ebda mod m’għandu jillimita ruħu għal sempliċi tifkira storika. Il-viżjoni tagħna tal-imgħoddi għandha tkun imsaħħa bl-eżami tas-sitwazzjoni preżenti u b’ħarsa pproġettata lejn il-ġejjieni (cfr. Centesimus Annus, n. 3), waqt li nieħdu ħsieb li niddixxernaw il-preżenza misterjuża ta’ Alla fl-istorja, dwar liema nistaqsu u nsejħu lilna nfusna biex nagħtu tweġibiet konkreti. Ħames sekli ta’ din il-preżenza tal-Vanġelu f’dak il-kontinent għadhom ma wasslux għal distribuzzjoni ekwa tal-ġid tal-art; dan inikkitna b’mod speċjali meta wieħed jaħseb dwar l-ifqar fost il-fqar: il-gruppi indiġeni u, flimkien magħhom, bosta kampeżinos, miġruħa fid-dinjità tagħhom, għaliex imċaħħda wkoll mill-iktar drittijiet elimentari, li jiffurmaw parti wkoll mill-ġid iddestinat għal kulħadd. Is-sitwazzjoni ta’ dawn ħutna titlob ġustizzja mill-Mulej. Huwa għalhekk doveruż li nippromwovo riforma ġeneruża u qalbiena tal-istrutturi ekonomiċi u tal-politiki agrarji, hekk li jkunu assikurati l-prosperità u l-kondizzjonijiet meħtieġa għal eżerċizzju leġittimu tad-drittijiet umani tal-gruppi indiġeni tal-massa kbira ta’ kampeżinos, li ta’ spiss ħafna rajnihom jiġu ttrattati b’mod inġust.

Għal dawn u għal dawk kollha imċaħħda mill-wirt tad-dinja – ġaladarba lkoll aħna wlied Alla, aħwa ta’ xulxin u destinatarji tal-ġid tal-ħolqien – hemm bżonn li nimpenjaw irwieħna bl-ikbar għaġġla u bla tnikkir, biex nagħmlu iva li jaslu li jokkupaw il-post li jmiss lilhom fil-mejda komuni tal-ħolqien. Fiż-żmien tar-Randan kif ukoll matul il-kampanji ta’ solidarjetà – il-kampanji tal-Avvent u l-ġimgħat favur dawk l-iktar mċaħħda mill-wirt – l-għarfien ċar dwar ir-rieda tal-Ħallieq li jqegħdilna l-ġid tal-art għas-servizz ta’ kulħadd għandu jispira x-xogħol għal promozzjoni awtentika u ntegrali tal-bniedem kollu u tal-bnedmin kollha.

F’atteġjament ta’ talb u b’dispożizzjoni disponibbli għandna nisimgħu attentament dak il-kliem: «Hawn jien wara l-bieb u nħabbat» (Ap 3,20). Iva, huwa l-istess Mulej li jħabbat bil-ħlewwa fuq il-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna, mingħajr ma jisfurzana, waqt li jistenniena bis-sabar li niftħulu u jaċċetta li jidħol u joqgħod bil-qiegħda ma’ kull wieħed u waħda minna. M’għandna qatt ninsew li – skont il-messaġġ tal-Vanġelu – Ġesù jikkonsultana permezz ta’ kull wieħed minn ħutna u t-tweġiba tagħna personali se tkun il-kriterju tal-bażi li għalih se jqegħdna fuq il-lemin mal-beati jew fuq ix-xellug mal-misħutin: «Kont bil-ġuħ... kont bil-għatx... kont barrani... kont għeri... marid... il-ħabs» (Mt 25,34ss).

Waqt li nitlob intensament lill-Mulej li jdawwal l-isforzi ta’ kulħadd favur l-iktar foqra u nieqsa, imberikkom bil-qalb kollha fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu Santu. Amen.

Mill-atikan, 29 ta’ Frar 1992

ĠWANNI PAWLU II