MESSAĠĠ TAL-QDUSIJA TIEGĦU
ĠWANNI PAWLU II
GĦAR-RANDAN 1985 

 

Din is-sena wkoll nixtieq inkellimkom, fl-okkażjoni tar-Randan, dwar is-sitwazzjoni anzjuża maħluqa fid-dinja minħabba l-ġuħ. Meta mijiet ta' miljuni ta' bnedmin jonqoshom l-ikel, meta miljuni ta' tfal jiġu b'mod irrimedjabli mmarkati għall-bqija ta' ħajjithom, waqt li eluf minnhom imutu, jien ma nistax niskot, ma nistgħux nibqgħu siekta jew b’idejna fuq żaqqna.

Nafu li bosta għajnuniet jintbagħtu lill-vittmi ta’ din l-iskarsezza alimentari min-naħa tal-gvernijiet, minn organizzazzjonijiet internazzjonali u assoċjazzjonijiet: disgrazzjatament, iżda, mingħajr ma kulħadd jistà jirċievi dak li jistà jġibilhom is-salvezza tagħhom. Imma ma jistax isir sforz deċiż biżżejjed biex ikun deċiżiv, għall-għan li jiġu miġġielda b’riżolutezza ikbar il-kawżi ta’ dan il-flaġell li qed jinferixxi fuq skala mondjali?

Bla dubju, il-kawżi naturali, bħall-elementi u l-perijodi twal ta’ nixfa, huma illum inevitabbli, imma l-konsegwenzi tagħhom ikunu spiss inqas gravi, jekk il-bnedmin ma jżidux l-iżbalji tagħhom u, kultant, l-inġustizzji tagħhom. Realment isir dak kollu possibbli biex ikunu evitati, talinqas parti, l-effetti fatali tal-elementi, kif ukoll biex ikun assikurat lil kulħadd it-taqsim ġust u mgħaġġel tal-affarijiet tal-ikel u tal-għajnuna? Hemm, imbagħad, mill-banda l-oħra, xi sitwazzjonijiet mhux aċċettabbli; qed naħseb dwar dawk il-bdiewa li ma jirċevux ir-retribuzzjoni ġusta tax-xogħol fatikuż tagħhom; jew inkella dawk il-bdiewa mwarrba mill-artijiet fertili tagħhom min-naħa ta’ bnedmin jew ta’ gruppi, li jgeddsu fortuni a skapitu tal-ġuħ u tat-tbatijiet tal-oħrajn. U kemm kawżi u sitwazzjonijiet oħra ta’ ġuħ jistgħu jiġu kkwotati!

Fl-istess dar, jistgħu xi wħud jieklu sa ma jixbgħu waqt li ħuthom subien u bniet jiġu esklużi mill-mejda? Li taħsbu f’min ibati mhux biżżejjed. F’dan iż-żmien tar-Randan, il-konverżjoni tal-qalb timpenjana biex ngħaqqdu s-sawm mat-talb, waqt li nirrinfriskaw bil-karità ta’ Alla dawk il-ġesti li l-esiġenzi tal-ġustizzja lejn il-proxxmu jispirawna.

«Tiġini ħniena minn din il-folla» (Mk 8,2) qal Ġesù qabel il-multiplikazzjoni tal-ħobż bl-iskop li jtaffi l-ġuħ ta’ dawk li għal iktar minn tlett ijiem kienu segwewh biex jisimgħu kelmtu. Il-ġuħ tal-ġisem mhuwiex l-unika ħaġa li minnha tbati l-umanità: ħafna minn ħutna rġiel u nisa għandhom ukoll il-ġuħ u l-għatx tad-dinjità, tal-libertà, tal-ġustizzja, tan-nutriment għall-intelliġenza propja u għar-ruħ propja: hemm deżerti għall-ispirtu u għall-qalb!

Kif nuru b’mod konkret il-konverżjoni tagħna u l-atteġġjament ta’ penitenza tagħna f’dan iż-żmien li jħejjijna għall-Għid? L-ewwelnett, skont ir-responsabiltajiet kultant kbar, ma nikkollaboraw assolutament xejn ma’ dak li jistà jqanqal il-ġuħ lil wieħed biss minn ħutna fl-umanità, kemm jekk ikunu qrib jew imbegħdin eluf ta’ kilometri: u, kultant għamilnieh bla ma fittixna rimedju.

Fil-pajjiżi li jbatu minħabba l-ġuħ u minħabba l-għatx, l-insara jipparteċipaw fl-għajnuniet l-iktar urġenti u fit-taqtigħa kontra l-kawżi ta’ tali diżastri, li tagħhom huma vittmi flimkien ma’ nieshom. Ngħinuhom waqt li naqsmu ż-żejjed tagħna u saħansitra il-meħtieġ tagħna: din hija, fis-sewwa, il-prattika tas-sawm. Nieħdu sehem b’ġenerożità fl-għajnuniet deċiżi tal-Knejjes lokali tagħna. Niftakru dejjem li li taqsam huwa għoti lill-oħrajn ta’ dak li Alla iddestina għalihom u li lilna ġie biss fdat. Li nirregalaw fraternament waqt li nħallu lilna nfusna niġu spirati mill-imħabba li tiġi mingħand Alla, huwa kontribut biex nissodisfaw il-ġuħ tal-ġisem, biex nitimgħu l-erwieħ u nferrħu l-qlub.

«Kollox tagħmlu bejnietkom fil-karità… Il-grazzja tal-Mulej Ġesù tkun magħkom!» (1Kor 16,14.23).

20 ta’ Frar 1985

IOANNES PAULUS PP. II