L

A

I

K

0

S

 

Home  

Kuntatt

 

Messaġġ tal-Papa Ġwanni Pawlu II għall-Jum Dinji taż-Żgħazagħ 2005

Dan il-messaġġ ma nqarax mill-Papa San Ġwanni Pawlu II peress li dan il-Papa miet nhar it-2 ta’ April, 2005.

 

 

MESSAĠĠ TAL-PAPA SAN ĠWANNI PAWLU II

GĦALL-ĠURNATA MONDJALI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

LI SARET FIL-BELT TA’ KOLONJA (COLOGNE) FIL-ĠERMANJA

F’AWWISSU 2005.

“ĠEJNA BIEX NADURAWH” (Mt. 2,2)

 

Wisq għeżież żgħażagħ,

1.                  Fl-Aħħar Jum taż-Żgħażagħ, id-XIX Jum maż-Żgħażagħ, aħna mmeditajna fuq dak li xi Griegi li kienu Ġerusalemm għall-Festa tal-Għid qalu: “Nixtiequ naraw lil Ġesù” (Ġw 12:21). U issa ninsabu resqin lejn Kolonja (jew Cologne) fejn f’Awwissu 2005 se niċċelebraw l-XX Ġurnata Mondjali taż-Żgħażagħ.

“Ġejna biex nadurawH” (Mt 2,2). Din hi t-tema tal-laqgħa Mondjali li jmiss taż-Żgħażagħ. Hija tema li tippermetti liż-żgħażagħ ta’ kull kontinent biex jirrikorru b’mod ideali għall-vjaġġ tal-Maġi li skont tradizzjoni devota, jinsabu meqjuma propju f’din il-belt, u li bħalhom jiltaqgħu mal-Messija ta’ kull pajjiż.

Fil-verità, id-dawl ta’ Kristu kien diġà  qed idawwal l-intelliġenza u l-qalb tal-Maġi. ”Huma telqu” (Mt 2,9) jirrakkontalna l-Evanġelista. Telqu b’kuraġġ u għaddew minn toroq li ma kinux jafu. Iżda baqgħu għaddejjin minn vjaġġ twil u mhux faċli. Ma qagħdux jaħsbuha biex iħallu kollox biex jimxu wara l-kewkba li raw fl-Orjent (ara Mt 2,1). Waqt li timitaw lill-Maġi, anke intom, għeżież żgħażagħ, intom imsejħin biex tagħmlu “vjaġġ” mir-reġjuni kollha tad-dinja lejn Kolonja (Cologne). Huwa importanti li mhux biss tippreokkupaw ruħkom fuq l-organizzazzjoni prattika tal-Jum Mondali taż-Żgħażagħ, imma jeħtieġ li tippreokkupaw ruħkom, qabel kollox, fuq il-preparazzjoni spiritwali ta’ din il-ġurnata f’atmosfera ta’ fidi u ta’ smigħ tal-Kelma ta’ Alla.

2.                 “U hekku l-kewkba li kienet quddiemhom, sakemm waslet fejn kellha tasal u waqfet, u f’dan il-post sabu lit-tfajjel” (Mt 2,9). Il-Maġi waslu f’Betlehem għax ħallew lilhom infushom jiġu ggwidati b’doċilità mill-kewkba. Anzi “meta raw il-kewkba, huma ħassew ferħ kbir” (Mt 2,10). Hu importanti, wisq għeżież tiegħi, li titgħallmu kif tagħrfu s-sinjali li bihom Alla jsejħilna u jmexxina. Meta nafu li aħna mmexxijin minnu, il-qalb tagħna tħoss ferħ kbir, ferħ awtentiku u profond li jiġi, akkumpanjat minn xewqa kbira li niltaqgħu miegħu (ma’ Alla) u li jiġi wkoll akkumpanjat minn sforz perseveranti biex nimxu warajH (wara Alla) b’mod doċli.

 

“Meta daħlu fid-dar raw it-tfajjel ma’ ommu Marija“ (Mt 2,14). Mill-ewwel daqqa ta’ għajn, ma jidher xejn straordinarju f’dan il-fatt. Madankollu, dak it-Tfajjel kien differenti mit-tfal l-oħra. Huwa l-Iben il-Waħdieni tal-Missier li “neħħa l-glorja tiegħu” (ara Fil 2,7) u ġie fid-dinja biex imut fuq is-salib. Niżel fostna u sar fqir propju biex jurina l-glorja ta’ Alla, xi ħaġa li nistgħu nikkontemplaw biss fis-sema, il-patrija mbierka tagħna.

 

Min setà jsib sinjal akbar tal-imħabba? Ejjew nibqgħu f’estasi quddiem il-misteru ta’ Alla li jbaxxi lilu nnifsu tant li jieħu l-kundizzjoni umana sakemm joffri lilu  nnifsu bħala vittma fuq is-salib (ara Fil 2,6-8). Fil-faqar tiegħu, huwa ġie biex joffri s-salvazzjoni lill-midinbin u li kif ifakkarna San Pawl. “ Minn għani kif kien, ftaqar għalikom biex intom issiru għonja permezz tal-faqar tiegħu.” (2 Kor 8,9). Kif se naqbdu nroddu ħajr lil Alla għal din it-tjubija bla kundizzjoni li tana?

 

3.                 Il-Maġi ltaqgħu ma’ Ġesù f’Betlehem, kelma li bil-Lhudi tfisser “dar tal-ħobż”. Fil-grotta umli ta’ Betlehem diġà nsibu xi ftit sbul, xi żerriegħa tal-qamħ, li skont ma qalilna Kristu stess, meta tmut tagħti ħafna frott (ara Ġw. 12, 24). Biex jitkellem fuqu stess u fuq il-missjoni salvifika tiegħu, matul il-ħajja pubblika tiegħu huwa jirreferi għall-ħobż. Hu stess qalilna “Jien il-ħobż tal-ħajja”, “Jien il-ħobż li niżel mis-sema” u “ il-ħobż li nagħtikom huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja” (Ġw 6,35.41.51).

Jekk aħna, permezz tal-fidi, nimxu mal-Feddej mill-Presepju, fejn twieled, għall-abbandun totali tiegħu għar-rieda tal-Missier fuq is-salib, aħna nifhmu aħjar il-misteru tal-imħabba tiegħu (ta’ Kristu) li ġie biex jifdi lill-umanità. Il-Bambin, imkebbeb minn Marija u mqiegħed fil-maxtura hu l-Bniedem Alla li għad narawH, imsammar mas-salib. Il-Feddej innifsu hu preżenti fis-Sagrament tal-Ewkaristija. Fl-istalla ta’ Betlehem, hu ħalla li jiġi adorat minn Marija, minn Ġużeppi u mir-rgħajja, fl-Ostja kkonsagrata aħna nadurawH b’mod sagramentali, preżenti fil-Ġisem, fid-Demm, fir-Ruħ u fid-Divinità tiegħu, u joffri ruħu lilna bħala l-ħobż tal-ħajja ta’ dejjem.  Il-quddiesa, għalhekk, issir l-appuntament tal-imħabba ma’ Dak li ta kollox għalina. Tiddejqux, għeżież żgħażagħ, biex tirrispondu għal dak li jistedinna “għall-ikla tal-Mulej” (ara Apok 19,9). IsimgħuH, ppreparaw ruħkom, għaliH b’mod xieraq u ersqu lejn is-sagrament tal-Altar, speċjalment f’din is-sena tal-Ewkaristija (Ottubru 2004-2005) li jien ridt inniedi mal-Knisja kollha.

 

4.                 “U xteħtu mal-art u adurawH” (Mt 2,11). Jekk fit-tifel li Marija tat f’dirgħajn il-Maġi, huma rrikonoxxew u aduraw lill-Mistenni mill-ġnus, u mill-profeti, aħna llum nistgħu nadurawH fl-Ewkaristija, waqt li nirrikonoxxuH bħala l-uniku Ħallieq, l-uniku Mulej u l-uniku Feddej tagħna.

“Fetħu r-rigali tagħhom u offrewlu r-rigali tad-deheb, tal-inċens u tal-mirra.” (Mt 2,11). Ir-rigali li l-Maġi joffru lill-Messija huma simbolu tal-adorazzjoni vera. Permezz tagħhom, il-Maġi riedu jenfasizzaw id-divinità regali ta’ Kristu bl-inċens iqimuH bħala s-saċerdot tar-Rabta l-Ġdida, waqt li offrewlu l-mirra biex jiċċelebraw lill-profeta li kellu jxerred demmu biex iħabbeb lill-umanità mal-bnedmin.

Għeżież żgħażagħ, offru, anke intom lill-Mulej id-deheb tal-eżistenza tagħkom, jiġifieri l-libertà li timxu warajH bil-libertà tal-imħabba, intom u tirrispondu, fedelment għas-sejħa tiegħu, tellgħu lejH l-inċens tagħkom kollu ħeġġa u tifħir fil-glorja tiegħu, offrulu l-mirra, jiġifieri l-affett kollu gratitudni lejH, veru Bniedem, li ħabbna sakemm miet, bħala Bniedem, fuq il-Golgota bħala raġel ħażin.

5.                 Aduraw lill-uniku Alla veru, waqt li tirrikonoxxuH bħala fl-ewwel post tal-eżistenza tagħkom. L-idolatrija hija t-tentazzjoni li l-bniedem li kellu dejjem jiffaċċja. Minkejja dan, hawn nies li jfittxu s-soluzzjoni għall-problemi ta’ ħajjithom billi jużaw prattiċi li huma kontra l-Fidi Nisranija. Hija qawwija fil-bniedem it-tentazzjoni li jemmen f’oġġetti foloz bħas-suċċess u l-poter. Hija ħaġa perikoluża li l-bniedem iwettaq u jqiegħed fil-prattika, ideat imbegħdin minn dak li hu sagru u li jippreżentaw lil Alla bħala forma ta’ enerġija kożmika, jew f’manjieri oħra li ma jaqbdlux mad-duttrina Kattolika.

Għeżież żgħażagħ, iċċedux għal dawn l-illużjonijiet giddieba li b’mod debboli jħallu vojt spiritwali traġiku. Irrifjutaw it-tentazzjoni tar-regħba għall-flus, għall-konsumiżmu u għall-vjolenza sottili li jiddominaw il-mass media.

L-adorazzjoni ta’ Alla l-veru tikkostitwixxi att awtentiku ta’ reżistenza kontra kull forma ta’ idolatrija. Aduraw lil Kristu. Hu l-Blata li fuqha tridu tibnu l-futur tagħkom u dinja aktar ġusta u solidali. Ġesù hu l-Prinċep tal-paċi, il-fonti tal-maħfra u r-rikonċiljazzjoni, li jgħaqqad lil kulħadd bħala aħwa f’familja umana.

6.                 “Irritornaw lejn pajjiżhom minn triq oħra” (Mt 2,12). Il-Vanġelu jippreċiża li, wara li ltaqgħu ma’ Kristu, il-Maġi rritornaw lejn pajjiżhom minn “triq oħra”. Dan it-tibdil fir-rotta tal-Maġi huwa simbolu tal-konverżjoni tagħhom wara li niltaqgħu ma’ Ġesù u tal-konverżjoni kollha li huma msejħa biex jiltaqgħu ma’ Ġesù, li huma msejħa wkoll biex jaduraw tassew lil Dak li jridna nadurawh (ara Ġw 4: 23-44). Dan iwassal biex dak li jkun jew dik li tkun, isir/issir t/jixbah (t/jimita) bil-mod kif jgħix, dak li San Pawl Appostlu jsejjaħlu “sagrifiċċju ħaj, qaddis u milqugħ minn Alla”. L-Appostlu, imbagħad, iħeġġiġna biex ma nintrabtux mal-mentalità tad-dinja, imma li nġeddu l-moħħ tagħna “biex hekk nagħmlu r-rieda ta’ Alla, sabiex inkunu nies tajbin u meqjusa minnu bħala milqugħa u perfetti” (ara Rm. 12, 1-2).

 

Isimgħu lil Kristu u adurawH, fittxu li tagħmlu għażliet kuraġġjużi u xi drabi, anke erojki. Ġesù hu eżiġenti għax irid il-ferħ veru tagħna.

Hu jsejjaħ lil xi wħud biex iħallu kollox warajhom u jsegwuh bil-ħajja tas-saċerdozju u tal-ħajja kkonsagrata. Min iħoss din l-istedina, m’għandux jibżà li jwieġeb “iva” u jagħti ħajtu b’ġenerożità għal din il-ħajja. Iżda minbarra l-vokazzjonijiet tal-konsagrazzjoni, hemm il-vokazzjoni ta’ kull mgħammed u mgħammda. Anke din hi vokazzjoni “għolja” għax anke fil-ħajja Nisranija ordinarja wkoll wieħed jgħix il-qdusija (ara Novo millennio ineunte, Para. 31). Meta wieħed u waħda jiltaqgħu ma’ Kristu u jaċċettaw l-Evanġelu Tiegħu, il-ħajja tinbidel u wieħed u waħda huma mqanqla biex jikkomunikaw l-esperjenza tagħhom lill-oħrajn.

Hemm tant fost in-nies ta’ żmienna li għadhom ma jafux bl-imħabba t’Alla u jfittxu li jimlew lil qalbhom b’affarijiet oħra li m’humiex ta’ valur. Għalhekk, huwa urġenti li nkunu xhieda tal-imħabba, li aħna nesperjenzaw fi Kristu. L-istedina li nieħdu sehem fil-Ġurnata Mondjali taż-Żgħażagħ li anke għalikom, għeżież ħbieb, anke miftuha għalikom li m’intomx mgħammdin u li ma tirrikonoxxux il-Knisja. Mhux tassew veru li anke intom għandkom għatx għall-Assolut u qed tfittxu “xi ħaġa” li hi ta’ valur għall-eżistenza tagħkom?” Inħeġġiġkom bil-qalb biex tirrikorru lejn Kristu u żgur ma tiġux diżappuntati.

7.                 Għeżież żgħażagħ, il-Knisja għandha bżonn ta’ xhieda awtentiċi li jixhdu għall-evanġelizzazzjoni ġdida l-irġiel u nisa li ħajjithom hi mibdula mil-laqgħa tagħhom ma’ Ġesù. Irġiel u nisa li jkunu kapaċi li jesprimu din l-esperjenza li kellha ma’ Kristu biex jikkomunikaw din l-esperjenza lill-oħrajn. Il-Knisja għandha bżonn il-qaddisin, u l-qaddisin biss huma veru kapaċi jġeddu lill-umanità.” Fuq din il-mixja ta’ eroiżmu evanġeliku li aħna tant imxejna fih, tant bnedmin u l-espertiżmu tagħhom, tant inħeġġiġkom biex tirrikorru għalih. Se niltaqgħu f’Kolonja fejn se titgħallmu aktar fuq nies ta’ Qdusija konnessi mal-Ġermanja: San Bonifaċju, l-Appostlu tal-Ġermanja u l-Qaddisin ta’ Kolonja, speċjalment Sant’Ursola, Sant’Albertu l-Kbir, Santa Tereża Benedetta tas-Salib (magħrufa aktar bħala Edith Stein) u l-Beatu Adolph Kolping. Fost dawn nixtieq insemmi b’mod speċjali lil Sant’Albert l-Kbir u Santa Tereża Benedetta tas-Salib li, bl-istess atteġġjament fittxew il-verità b’mod qawwi ġewwa fihom bħal Maġi.

Huma qatt ma qatgħu li jqiegħdu l-kapaċitajiet intellettwali għall-qadi tal-fidi, waqt li dejjem taw xhieda għal fidi u għar-raġuni li huma magħqudin ma’ xulxin u jfittxu l-istess verità.

Wisq għeżież żgħażagħ, intom u timxu b’mod ideali lejn Kolonja, il-Papa se jakkumpanjakom bit-talb tiegħu. Jalla Marija “il-mara tal-Ewkaristija” u Omm tal-Għerf, issostnikom fil-passi tagħkom, iddawwal l-għażliet tagħkom, u tgħallimkom biex tħobbu dak li hu veru, tajjeb u sabiħ. Jalla twassalkom lejn l-Iben tagħha, l-uniku personaġġ li jista’ jissodisfa x-xewqat l-aktar intimi tal-intelliġenza tal-qalb tal-bniedem.

Nagħtikom il-Barka tiegħi!

 

Maħruġ minn Castel Gandolfo fis-6 ta’ Awwissu 2004

ĠWANNI PAWLU II, PAPA  

 

Maqlub għall-Malti minn Joseph Bonello

 

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta