ITTRA TAL-QDUSIJA TIEGĦU
ĠWANNI PAWLU II
LIS-SAĊERDOTI
GĦAL HAMIS IX-XIRKA 2002

 

Għeżież Saċerdotii!

1. B’qalb sinċiera ndur lejkom, kif inhi tradizzjoni, għall-jum ta’ Ħamis ix-Xirka, billi kważi niffriża lili nnifsi flimkien magħkom fuq dik il-mejda taċ-Ċenaklu li fih Sidna Ġesù ċċelebra flimkien mal-Appostli l-ewwel Ewkaristija: rigal magħmul lill-Knisja kollha, rigal li, minkejja taħt il-veli sagramentali, jirrendih preżenti «verament, realment, sostanzjalment» (Conc. Trid., DS 1651) f’kull tabernaklu u fil-latitudnijiet kollha. Quddiem din il-preżenza speċjalissima, minn dejjem il-Knisja tbaxxi ruħha f’adorazzjoni: «Adoro te devote, latens Deitas»; minn dejjem tħalli lilha nfisha tinġarr mill-elevazzjoni spiritwali tal-qaddisin u, bħala Għarusa, tinġabar f’effużjoni ta’ fidi u mħabba: «Ave, verum corpus natum de Maria Virgine».

Għad-don ta’ din il-preżenza speċjalissima, li jiġi ripropost fl-att sagrifikali suprem u jirrendih ikel għalina, Ġesù rabat, propju fiċ-Ċenaklu, dmir speċifiku tal-Appostli u tas-suċċessuri tagħhom. Minn dak iż-żmien, li tkun appostlu ta’ Kristu, bħal ma huma l-Isqfijiet u l-presbiteri li jipparteċipaw mill-missjoni tagħhom, ifisser li tkunu awtorizzati biex taġixxu in persona Christi Capitis. Dan isir b’mod l-iktar għoli kull darba li jkun iċċelebrat  il-pranzu sagrifikali tal-ġisem u tad-demm tal-Mulej. Dak il-ħin is-saċerdot kważi jislef lil Kristu il-wiċċ u l-leħen: «Agħmlu dan b’tifkira tiegħi» (Lq 22, 19). 

X’vokazzjoni tal-għaġeb din tagħna, għeżież Huti saċerdoti! Tassew nistgħu ntennu mas-Salmista: «X’se ntih jien lill-Mulej għal dak kollu li tani? Ngħolli l-kalċi tas-salvazzjoni u isem il-Mulej insejjaħ» (Sal 116, 12-13).

2. Fir-ri-meditazzjoni ferrieħa ta’ dan id-don, irrid din is-sena nieqaf magħkom fuq aspett tal-missjoni tagħna, fuq liema diġa s-sena l-oħra, f’din iċ-ċirkustanza, ġbidtilkom l-attenzjoni. Inħoss li dan jixraqlu li jkun approfondit ulterjorment. Qiegħed nirreferi għall-missjoni li l-Mulej tana li nirrapreżentawh mhux biss fis-Sagrifiċċju ewkaristiku, imma wkoll fis-sagrament ta’ Rikonċiljazzjoni.

Bejn iż-żewġ Sagramenti hemm konnessjoni ntima. L-Ewkaristija, mimlija bl-ekonomija sagramentali, hija wkoll is-sors: is-Sagramenti kollha f’ċertu sens joħorġu minnha u jwasslu għaliha. Dan jgħodd b'mod speċjali għas-Sagrament iddelegat biex  «jagħmilha ta’ medjatur» għall-maħfra ta’ Alla, li jilqà mill-ġdid fi ħdanu lill-midneb niedem. Huwa minnu, infatti,  li galadarba ripreżentazzjoni tas-Sagrifiċċju ta’ Kristu, l-Ewkaristija hija wkoll id-dmir li tbegħdna mid-dnub. F’dan ir-rigward ifakkarna,  il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika: «L-Ewkaristija ma tistax tgħaqqadna ma’ Kristu mingħajr ma nippurifikaw ruħna, fl-istess ħin, mid-dnubiet imwettqa u tippreservana minn dawk futuri» (n. 1393). Madankollu, fl-ekonomija tal-grazzja magħżula minn Kristu, din l-enerġija purifikatriċi tiegħu, waqt li topera b’mod dirett il-purifikazzjoni tad-dnubiet venjali, hija tfittixha biss b’mod indirett għal dawk mejta, li jippreġudikaw b’mod radikali ir-rapport tal-fidil ma’ Alla u l-komunjoni tiegħu mal-Knisja. «L-Ewkaristija – mill-ġdid jgħidilna il-Katekiżmu – mhix ordnata għall-maħfra tad-dnubiet mejta. Dan huwa propju s-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni. Il-propju tal-Ewkaristija huwa mill-banda l-oħra li jkun is-sagrament ta’ dawk li huma fil-komunjoni sħiħa mal-Knisja» (n. 1395). 

Waqt li ttenni din il-verità, il-Knisja bla dubju ma tridx tnaqqas ir-rwol tal-Ewkaristija. L-intenzjoni tagħha hi li tilqà s-sinifikat fir-rigward tal-ekonomija sħiħa sagramentali, hekk bħal ma hi kienet iddisinjata mill-għerf feddej ta’ Alla. Din, wara kollox, hija il-linja b’mod l-iktar sod indikata mill-Appostlu, meta lill-Korintin kitbilhom: «Min b’mod mhux xieraq jiekol il-Ħobż u jixrob minn dan il-kalċi tal-Mulej,  ikun ħati tal-Ġisem u tad-Demm tal-Mulej. Kull wieħed, għalhekk, jeżamina lilu nnifsu u mbagħad jiekol minn dan il-ħobż  u jixrob minn dan il-kalċi; għaliex min jiekol u jixrob mingħajr ma jagħraf il-Ġisem tal-Mulej, jiekol u jixrob il-kundanna tiegħu nnifsu » (1 Kor 11, 27-29). Huwa fid-dawl ta’ din it-twissija pawlina l-prinċipju li skontu «min jaf li kkommetta dnub gravi, għandu jirċievi s-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni qabel ma jersaq għat-Tqarbin» (CCC, n. 1385).

3. Fit-tifkira ta’ din il-verità, inhoss ix-xewqa, għeżież Ħuti fis-Saċerdozju, li nistedinkom b’qawwa, bħal ma diġa għamilt is-sena l-oħra, biex tiskopru personalment u biex tgħinu biex tkun skoperta s-sbuħija tas-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni. Dan għal diversi raġunijiet ilu jsofri għal xi għaxriet ta’ snin minn ċerta kriżi, li għaliha iktar minn darba rriferejt, billi ridt li dwarha jirrifletti saħansitra s-Sinodu tal-Isqfijiet, li mbagħad ġbart l-indikazzjonijiet tagħhom fl-Eżortazzjoni apostolika Reconciliatio et paenitentia. Mill-banda l-oħra, ma nistax ma niftakarx b’ferħ intimu s-sinjali pożittivi li, b’mod speċjali fis-Sena tal-Ġublew, urew kif dan is-Sagrament, ippreżentat u ċcelebrat b’mod adegwat, jistà jkun riskopert b’mod wiesà ukoll miż-żgħażagħ. Tali riskoperta hija żgur iffavorita  mill-esiġenza tal-komunikazzjoni personali, illum magħmula dejjem iktar diffiċli mir-ritmi frenetiċi tas-soċjetà teknoloġika, imma propju għal dan maħsusa dejjem iktar bħala bżonn vitali. Bla dubju ta’ xejn, għal dan il-bżonn wieħed jistà jakkomoda ruħu b’diversi modi.  Imma kif jistà wieħed ma jagħrafx li s-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni, minkejja li ma nħalltuhx mat-terapiji differenti ta’ tip psikoloġiku, joffri kważi b’sovrabbondanza tweġiba sinifikattiva ukoll għal din l-esiġenza? Dan jagħmlu billi jqiegħed lill-penitent f’rapport mal-qalb ħanina ta’ Alla permezz tal-wiċċ ħabib ta’ wieħed mill-aħwa. 

Iva, tassew kbir huwa l-għerf ta’ Alla, li, bl-istituzzjoni ta’ dan is-Sagrament, ipprovda wkoll għal bżonn profond u inaljenabbli tal-qalb umana. Ta’ dan l-għerf imissna nkunu interpreti amorevoli u lluminati permezz tal-kuntatt personali li aħna msejħin biex nistabilixxu ma’ tant ħutna rġiel u nisa fiċ-ċelebrazzjoni tal-Penitenza. Għal dan il-għan, nixtieq intenni li ċ-ċelebrazzjoni  personali hija l-forma ordinarja tal-amministrazzjoni ta’ dan is-Sagrament, u biss f’«każi ta’ bżonn gravi», huwa leġittmu li nirrikorru għall-forma komunitarja bi stqarrija u assoluzzjoni kollettiva. Huma magħrufa sewwa l-kondizzjonijiet mitluba għal tali ġeneru ta’ assoluzzjoni, waqt li tajjeb niftakru li qatt m’aħna eżentati mill-qrara ndividwali suċċessiva tad-dnubiet gravi, li l-fidili jridu jimpenjaw ruħhom li jagħmlu sabiex tkun valida l-assoluzzjoni (cfr CCC, n.1483). 

4. Niskopru b’ferħ u fiduċja dan is-Sagrament. Ngħixuh qabel xejn għalina stess, bħala esiġenza profonda u grazzja dejjem mistennija b’mod ġdid, biex tagħti qawwa u impetu lill-mixja tagħna ta’ qdusija u lill-ministeru tagħna.

Fl-istess ħin nisfurzaw lilna nfusna biex inkunu ministri awtentiċi tal-ħniena. Infatti nafu li f’dan is-Sagrament, bħal fl-oħrajn kollha, waqt li nixhdu grazzja li tiġi mill-għoli u topera bis-saħħa tagħha nfisha, aħna wkoll imsejħin biex inkunu strumenti attivi tagħha. Fi kliem ieħor – u dan jimliena b’responsabiltà – Alla jorbot ukoll fuqna, fuq id-disponibiltà u l-fedeltà tagħna biex iwettaq l-għeġubijiet tiegħu fil-qlub. Fiċ-ċelebrazzjoni ta’ dan is-Sagrament, forsi wkoll iktar minn f’oħrajn, huwa mportanti li l-fidili jagħmlu esperjenza ħajja tal-wiċċ ta' Kristu r-Ragħaj it-Tajjeb.

Ippermettuli għalhekk li nittrattjeni magħkom dwar din it-tema, kważi billi nidher fil-postijiet li fihom kuljum – fil-Katidrali, fil-Parroċċi, fis-Santwarji u f’kull post ieħor – tattwaw l-amministrazzjoni ta’ dan is-Sagrament. Jiġuni f’moħħi l-paġni evanġeliċi li b’mod iktar dirett jippreżentawlna l-wiċċ tal-ħniena.  Kif nistà ma nmurx bil-ħsieb għal-laqgħa tokkanti tal-iben il-ħali mal-Missier ħanin?  Jew ix-xbiha tan-nagħġa l-mitlufa u misjuba, li r-Ragħaj jerfà fuq spallejh kollu kuntent? It-tgħanniqa tal-Missier, il-ferħ tar-Ragħaj it-Tajjeb, għandhom ikunu mixhuda minn kull wieħed minna, għeżież konfratelli, fil-waqt li fih niġu mitluba biex nagħmlu ruħna, għal penitent, il-ministri tal-maħfra.

Madankollu biex inqiegħdu aħjar fuq in-nar xi dimensjonijiet speċifiċi ta’ dan il-kollokwiju speċjalissmu ta’ fidwa li hija l-qrara sagramentali, irrid illum nassumi bħala «ikona bibblika» l-laqgħa ta’ Ġesù ma’ Żakkew (cfr Lqc 19, 1-10). Infatti jidhirli li dak li jseħħ bejn Ġesù u l-«kap tal-pubblikani» ta’ Ġeriku jixbaħ f’aspetti differenti ċ-ċelebrazzjoni tas-Sagrament tal-ħniena. Waqt li nsegwu dan ir-rakkont qasir, imma hekk qawwi, irridu kważi neżaminaw, fl-atteġġjamenti u fil-leħen ta’ Kristu, dawk l-isfumaturi kollha ta’ għerf uman u soprannaturali li wkoll aħna għandna nfittxu li nesprimu, sabiex is-Sagrament ikun migħux bl-aħjar mod.

5. Ir-rakkont, bħal ma nafu, jippreżenta l-laqgħa bejn Ġesù u Żakkew kważi bħala fatt kumbinazzjoni. Ġesù jidħol f’Ġeriku u jaqsamha akkumpanjat mill-folla (cfr Lq 19,3). Żakkew donnu jitqanqal, bit-tlugħ tiegħu fuq is-siġra, kważi mqanqal mill-kurżità. Kultant il-laqgħat ta’ Alla mal-bniedem għandhom propja dehra ta’ kumbinazzjoni. Imma  xejn mhu «kumbinazzjoni» fuq in-naħa ta’ Alla. Imqiegħda kif aħna fir-realtajiet pastorali iktar differenti, nistgħu kultant naqtgħu qalbna jew niddemotivaw ruħna mill-fatt li, għall-ħajja sagramentali, tant insara ma jagħtux l-attenzjoni meħtieġa, imma spiss, meta jersqu għas-Sagramenti, dan jagħmluh b’mod superfiċjali. Min għandu l-esperjenza tal-qrar, ta’ kif wieħed jersaq għal dak is-Sagrament fil-ħajja regolari, kultant jistà jkun skunċertat quddiem il-fatt li xi fidili jaslu biex iqerru mingħajr ma anqas biss ikunu jafu xi jridu. Għal xi wħud fosthom l-għażla li jmorru jqerru tistà tkun iddettata biss mill-bżonn li jkunu mismugħa. Għal oħrajn, mill-esiġenza li jingħataw parir. Għal oħrajn ukoll, mill-bżonn psikoloġiku li jkunu meħlusin mill-oppressjoni tas-«sens ta’ ħtija». Għal ħafna, ikun hemm il-bżonn awtentiku li jerġgħu jistabilixxu rapport ma’ Alla, imma jqerru mingħajr ma  jkunu jafu sewwa l-impenji li dan jinħtieġ, u wkoll billi jagħmlu eżami tal-kuxjenza  ta’ kafkaf, minħabba nuqqas ta’ formazzjoni dwar l-implikazzjonijiet ta’ ħajja morali ispirata mill-Vanġelu. Liema konfessur ma għaddiex minn esperjenza bħal din? 

Iva, dan huwa l-każ ta’ Żakkew. Kollox huwa tal-għaġeb f’dak li jseħħ. Li kieku ma kienx hemm, f’ċertu punt, is-«sorpriża» tal-ħarsa ta’ Kristu, hu forsi kien jibqà spettatur sieket tal-mogħdija tiegħu fost it-toroq ta’ Ġeriku. Ġesù kien jgħaddi maġembu, mhux minn ġo ħajtu. Huwa nnifsu ma kienx jissuspetta li l-kurżità li kienet qanqlitu għal ġest hekk singolari, kienet diġa frott ta’ ħniena li ppreċedietu, ġibditu, u f’kemm ilna ngħidu bidlitu fl-intimu ta’ qalbu  . 

Għeżież tiegħi Saċerdoti, waqt li naħsbu dwar tant penitenti tagħna nerġgħu naqraw dik l-indikazzjoni stupenda ta’ Luqa dwar l-atteġġjament ta’ Kristu: «Meta wasal fuq il-post, Ġesù għolla ħarstu u qallu: “Żakkew, inżel minnufih, għaliex illum irrid niġi għandek f’darek”» (Lq 19,5).

Kull laqgħa tagħna ma’ fidil li jitlobna li jqerr, ukoll jekk b’mod superfiċjali, għaliex ma jkunx motivat b’mod adegwat u ppreparat, jistà dejjem ikun, bil-grazzja sorprendenti ta’ Alla, dak il-«post» qrib is-siġra li fih Kristu għolla ħarstu lejn Żakkew. Kemm l-għajnejn ta’ Kristu ppenetraw ir-ruħ tal-pubblikan ta’ Ġeriku huwa għalina mpossibbli li nkejlu. Nafu, iżda li huma dawk,  l-istess għajnejn li jiffissaw lil kull wieħed u waħda mill-penitenti tagħna. Aħna fis-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni, aħna strumenti ta’ laqgħa soprannaturali b’liġijiet propji, li għandna biss nirrispettaw u nissekondaw. Naħseb li kienet għal Żakkew esperjenza skonvolġenti li jismà lilu nnifsu jissejjaħ b’ismu. Dak l-isem kien, minn bosta kompajżani tiegħu, mgħobbi b’disprezz. Issa jisimgħu ppronunzjat b’aċċent ta’ ħlewwa, li kien jesprimi mhux biss fiduċja, imma familjarità, u kważi urġenza ta’ ħbiberija. Iva, Ġesù jkellem lil Żakkew bħal ħabib antik, forsi minsi, imma mhux minħabba f’hekk  intilfet l-fedeltà tiegħu, u għalhekk jidħol, bi pressjoni ħelwa tal-imħabba, fil-ħajja u fid-dar tal-ħabib misjub mill-ġdid: «Inżel minnufih, għaliex illum irrid niġi għandek f’darek» (Lq 19,5). 

6. Jolqot, fir-rakkont ta’ Luqa, it-ton tal-lingwaġġ: kollu hu hekk personalizzat, hekk delikat, hekk ta’ mħabba! Dawn mhumiex perijodi tokkanti ta’ umanità. Hemm, ġo dan it-test, urġenza  inerenti, li Ġesù jesprimi bħala rivelatur definittiv tal-ħniena ta’ Alla. Huwa jgħid: «jeħtieg li niġi għandek f’darek», jew, biex nittraduċu b’mod iktar litterali: «hemm bżonn li nieqaf gewwa darek» (Lq 19, 5). Waqt li nsegwu l-mappa misterjuża tat-toroq lilu ndikati mill-Missier, Ġesù sab f’mixjietu ukoll lil Żakkew. Hdejh Huwa jieqaf bħallikieku għal laqgħa prevista sa mill-bidu. Id-dar ta’ dan il-midneb waslet biex issir, b’inkejja ta’ bosta tgergir tal-faqar uman, post ta’ rivelazzjoni, ix-xenarju ta’ miraklu tal-ħniena. Bla dubju, dan ma setax iseħħ, kieku Żakkew ma ħallx lil qalbu mill-irbit tal-egoiżmu u mill-għoqod tal-inġustizzja magħmula mill-frodi. Imma l-ħniena diġa waslitlu bħala offerta b’xejn u sovrabbundanti. Il-ħniena waslet qablu!

Dan huwa dak li jsir f’kull laqgħa sagramentali. Ma rridux naħsbu li huwa l-midneb, bil-mixja awtonoma tiegħu ta’ konverżjoni, li jaqla l-ħniena għalih innifsu. Għall-kuntrarju, hija l-ħniena li timbuttah fuq it-triq tal-konverżjoni. Il-bniedem, minnu nnifsu, mhu kapaċi għal xejn. U ma ħaqqu xejn. Il-qrar, qabel ma jkun mixja tal-bniedem lejn Alla, huwa port ta’ Alla fid-dar tal-bniedem. 

Nistgħu mela nsibu ruħna, f’kull qrara, quddiem l-iktar kategoriji differenti ta’ persuni. Minn ħaġa rridu nkunu konvinti: qabel l-istedina tagħna, u iktar qabel mill-kliem tagħna sagramentali, l-aħwa li jitolbu l-ministeru tagħna jkunu diġa mkebba minn ħniena li taħdimhom minn ġewwa. Alla ħares mhux ukoll permezz ta’ kliemna u r-ruħ tagħna ta’ rgħajja, dejjem attenti għal kull persuna, kapaċi li nintebħu bil-problemi u li nakkumpanjaw bi ħlewwa il-mixja, billi nittrasmettulhom fiduċja fit-tjubija ta’ Alla, li jirnexxilna li nagħmlu lilna nfusna kollaboraturi tal-ħniena li tilqà u tal-imħabba li ssalva.

7. «Hemm bżonn li nieqaf ġewwa darek». Infittxu li nippenetraw b’mod iktar profond f’dan il-kliem. Dan huwa dikjarazzjoni. Qabel ma jindika għażla mwettqa minn Kristu, dan jiddikjara r-rieda tal-Missier. Ġesù jippreżenta ruħu bħal wieħed li għandu mandat preċiż. Huwa nnifsu għandu «liġi» x’josserva: ir-rieda tal-Missier, li Huwa jwettaq b’tali mħabba, li jagħmilha l-«ikel» tiegħu (cfrĠw 4, 34). Il-kliem li bih Ġesù jdur fuq Żakkew mhuwiex biss mod kif jistabilixxi rapport, imma l-aħbar ta’ proġett iddisinjat minn Alla.

Il-laqgħa sseħħ fl-orizzont tal-Kelma ta’ Alla, li tagħmel kollox wieħed mal-Kelma u l-Wiċċ ta’ Kristu. Huwa dan ukoll il-bidu meħtieġ ta’ kull laqgħa għaċ-ċelebrazzjoni tal-Penitenza. Ġwaj jekk kollox jirriduċi ruħu għal komunikattivi umani  tattiċi! L-attenzjoni għal-liġijiet tal-komunikazzjonijiet umani tistà tkun utli, u m’għandhiex titwarrab fil-ġemb, imma kollox irid ikun imsejjes fuq il-kelma ta’ Alla. Minħabba dan ir-rit tas-Sagrament jpprevedi wkoll li l-penitent jiddikjara din il-Kelma. 

Dan huwa partikular mhux ta’ min jittraskurah, ukoll jekk mhux ta’ attwazzjoni faċli. Il-konfessuri jagħmlu esperjenza kontinwa ta’ kemm huwa diffiċli turi l-esiġenzi ta’ din il-Kelma lil min ma jagħrafhiex għajr b’mod superfiċjali. Bla dubju, il-waqt li fih wieħed jiċċelebra s-Sagrament, mhuwiex il-waqt l-iktar addattat biex jikkumpensa għal din il-kondizzjoni. Jeħtieġ li għal din wieħed jipprevedi, b’għerf pastorali, fil-fażi ta’ tħejjija preċedenti, billi joffri dawk l-indikazzjonijiet fundamentali li jippermettu lil kull wieħed li jkejjel lilu nnifsu mal-verità tal-Vanġelu. Ikun xi jkun il-konfessur ma jonqosx li jinqeda bil-laqgħa sagramentali biex jipprova jwassal lill-penitent biex b’xi mod jagħraf il-konformità ħanina ta’ Alla, li lilu joffri idu mhux biex isawtu imma biex isalvah.

Mill-bqija, kif jistà wieħed jaħbi d-diffikultajiet oġġettivi li l-kultura dominanti fi żmienna toħloq f’dan ir-rigward? Ukoll insara maturi huma minnha mhux rari imtellfa fl-impenn tagħhom ta’ sintonija mal-kmandamenti ta’ Alla u mal-orjentamenti  speċifikati, fuq il-bażi tal-kmandamenti, tal-maġisteru tal-Knisja. Dan huwa l-każ ta’ tant problemi ta’ etika sesswali u familjari, ta’ bijoetika, ta’ morali professjonali u soċjali, imma dan huwa l-każ ta’ problemi rigward d-dmirijiet marbuta mal-prattika reliġjuża u mas-sehem fil-ħajja ekkleżjali. Huwa meħtieġ għal dan xogħol kateketiku li mhux possibbli titfà fuq il-konfessur fil-waqt tal-amministrazzjoni tas-Sagrament. Ikun tajjeb li wieħed ifittex li jagħmel pjuttost tema ta’ approfondiment bi tħejjija għall-qrar. Għal tali skop jistgħu jkunu ta’ għajnuna kbira, ċelebrazzjonijiet penitenzjali, imħejjija b’mod komunitarju u konklużi mbagħad bil-qrar individwali. 

Biex nindikaw tajjeb dan kollu, l-«ikona bibblika» ta’ Żakkew toffri mill-ġdid indikazzjoni mportanti. Fis-Sagrament, qabel ma’«il-kmandamenti ta’ Alla», niltaqgħu, f’Ġesù, ma’ «l-Alla tal-Kmandamenti». Għal Żakkew Ġesù jippreżenta lilu nnifsu: «Hemm bżonn li nieqaf ġewwa darek». Huwa hu d-don għal Żakkew, u huwa fl-istess ħin hu «il-liġi ta’ Alla» għal Żakkew. Meta jiltaqà ma’ Ġesù bħala don, allura wkoll l-aspett l-iktar esiġenti tal-liġi jakkwista l-«ħmira» propja tal-grazzja, skont dik id-dinamika soprannaturali li ġegħlet lil Pawlu jgħid: «Jekk tħallu lilkom infuskom tiġu ggwidati mill-Ispirtu, ma tkunux iktar taħt il-liġi» (Gal 5,18). Kull ċelebrazzjoni tal-penitenza għandha tqanqal fir-ruħ tal-penitent l-istess sorpriża ta’ ferħ li l-kliem ta’ Kristu qanqal f’Żakkew, li «bl-għaġġla niżel u laqgħu mimli ferħ» (Lq 19,6).

8. Il-preċedenza u s-sovrabbondanza tal-ħniena m’għandhomx, iżda, jġegħluna ninsew li hi hija biss il-premessa tas-salvazzjoni, li tasal biex titwettaq fil-qies li fih issib tweġiba min-naħa tal-esseri uman. Il-maħfra mogħtija fis-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni, infatti, mhix att estern, xorta ta’  «indennità» ġuridika, imma vera u propja laqgħa tal-penitent ma’ Alla, li terġà tistabilixxi r-rapport ta’ ħbiberija imkisser bid-dnub. Il-«verità» ta’ dan ir-rapport tesiġi li l-bniedem jilqà t-tgħanniqa ħanina ta’ Alla, billi jegħleb kull reżistenza dovuta għad-dnub. 

Huwa dan li jseħħ f’Żakkew. Waqt li ħassu ttrattat ta’ «iben», huwa jibda jaħseb u jġib ruħu ta’ iben, u dan jurih billi jiskopri l-aħwa. Taħt il-ħarsa amorevoli ta’ Kristu, qalbu tinfetaħ għall-imħabba tal-proxxmu. Minn atteġġjament ta’ għeluq, li kien wasslu biex iħaxxen bwietu mingħajr ma jagħti każ tat-tbatija tal-oħrajn, jgħaddi għal atteġġjament ta’ kondiviżjoni, li jesprimih f’vera u propja «diviżjoni» tal-patrimonju tiegħu: in-«nofs tal-ġid» lill-foqra. L-inġustizzja, imwettqa għad-dannu tal-aħwa bil-frodi, hija msewwija b’restituzzjoni kwadripla: «Jekk iffrodajt lil xiħadd, nirritornalu kollox għal erbà darbiet» (Lq19,8). Huwa biss f’dan il-punt li l-imħabba ta’ Alla tilħaq l-iskop tagħha, u s-salvezza titwettaq: «Illum is-salvazzjoni daħlet f’din id-dar» (Lq 19,9).

Din il-mixja tas-salvazzjoni, espressa b’mod hekk ċar fl-episodju ta’ Żakkew, għandha toffrilna, għeżież Saċerdoti, l-orjentazzjoni biex niżvolġu b’ekwilibriju  pastorali sapjenti d-dmir diffiċli tagħna fil-ministeru tal-qrar. Minn dejjem huwa jħoss xi mbuttaturi opposti ta’ żewġ eċċessi: is-severità u l-laxkezza. Tal-ewwel ma jagħtix każ tal-ewwel parti tal-episopdju ta’ Żakkew: il-ħniena antiċipanti, li timbotta lejn il-konverżjoni u tivvalorizza wkoll l-iktar progressi żgħar fl-imħabba, għaliex il-Missier irid jagħmel l-impossibbli biex isalva lill-iben mitluf. «Bin il-bniedem infatti ġie biex ifittex u jsalva dak li kien mitluf» (Lq 19,10). It-tieni eċċess, il-laxkezza, ma tagħtix każ tal-fatt li s-salvazzjoni sħiħa, dik mhux biss offruta imma riċevuta, dik li tassew tfejjaq u tirkupra, timplika konverżjoni tassew għall-esiġenzi tal-imħabba ta’ Alla. Li kieku Żakkew laqà lill-Mulej ġo daru mingħajr ma wasal għal atteġġjament ta’ ftuħ għall-imħabba, għat-tpattija tal-ħażen imwettaq, għal intenzjoni ferma ta’ ħajja ġdida, ma kienx jirċievi fl-intimu l-maħfra li l-Mulej b’tant ħeġġa kien offrielu. 

Hemm bżonn li nkunu dejjem attenti biex inżommu l-ekwilibriju ġust biex ma naqgħu fl-ebda wieħed minn dawn iż-żewġ estremi. Ir-rigoriżmu jisħaq u jbiegħed.  Il-laxkezza toħloq influwenza negattiva u tqarraq. Il-ministru tal-maħfra, waqt li jinkarna l-wiċċ tar-Ragħaj it-Tajjeb għall-penitent, irid f’daqs ugwali jesprimi l-ħniena antiċipata u l-maħfra fejjieqa u paċifikanti. Huwa a bażi ta’ dawn il-prinċipji li s-saċerdot huwa ddelegat biex jiddixxerna, fid-djalogu mal-penitent, jekk huwa huwiex lest għall-assoluzzjoni sagramentali.  Bla ebda dubju, id-delikatezza tal-laqgħa mal-erwieħ, f’waqt hekk intimu u spiss imweġġà, jimponi tant diskrezzjoni. Jekk ma jidhirx mod ieħor, is-saċerdot għandu jissupponi li, waqt li jqerr id-dnubiet, il-penitent ikun qed iħoss dispjaċir awtentiku bl-intenzjoni relattiva li jirranġa ruħu. Tali intenzjoni għandha tkun ulterjorment imsejsa fuq jekk il-pastorali tar-rikonċiljazzjoni sagramentali tkunx taf tħejji sussidji addattati, billi tassikura waqtiet ta’ tħejjija għas-Sagrament li jgħinu lil dak li jkun biex jimmatura ġewwa fiħ għarfien suffiċjenti ta’ dak li jkun ġie biex jitlob. Huwa ċar madankollu li, fejn jidher ovvju l-kuntrarju, il-konfessur għandu d-dmir li jgħid lill-penitent li hu jkun għadu mhux lest għall-assoluzzjoni. Jekk din tingħata lil min jiddikjara b’mod espliċitu li ma jridx jirranġa ruħu, ir-rit jirriduċi ruħu għal illużjoni pura, anzi jkollha t-togħma ta’ att kważi maġiku, kapaċi forsi li jqanqal dehra ta’ paċi, imma bla dubju mhux il-paċi profonda tal-kuxjenza, iggarantita mit-tgħanniqa ta’ Alla. 

9. Fid-dawl ta’ dak migħud, jidher ukoll aħjar għaliex il-laqgħa personali bejn il-konfessur u l-penitent hija forma ordinarja tar-rikonċiljazzjoni sagramentali, waqt li l-formalità tal-assoluzzjoni kollettiva għandha karattru eċċezzjonali. Kif inhu magħruf, il-prassi tal-Knisja waslet gradwalment għaċ-ċelebrazzjoni privata tal-penitenza, wara sekli li fihom kienet iddominat il-formula tal-penitenza pubblika. Dan l-iżvilupp mhux biss ma biddilx is-sustanza tas-Sagrament – u ma setax ikun mod ieħor! – imma approfondixxa l-espressjoni u l-effett. Dan seħh mhux mingħajr l-assistenza tal-Ispirtu Santu, li f’dan ukoll svolġa id-dmir li jwassal lill-Knisja «għall-verità kollha kemm hi» (Gv16, 13). 

Fil-fatt, il-forma ordinarja tar-Rikonċiljazzjoni mhux biss tesprimi sewwa il-verità tal-ħniena divina  u tal-maħfra li toħroġ minnha, imma tillumina l-istess verità tal-bniedem  f’wieħed mill-aspetti fundamentali tiegħu: l-oriġinalità ta’ kull persuna, li minkejja li tgħix f’ambjent ralazzjonarju u komunitarju, ma tħalli qatt lilha nfisha tiddejjaq fil-kondizzjonijiet ta’ massa bla forma. Dan jispjega l-eku profond li jqanqal fir-ruħ il-fatt li tiġi msejħa b’isimha. Li nafu li magħrufa u milqugħa f’dak li aħna, fil-kwalitajiet tagħna l-iktar personali jġegħlna nħossuna tassew ħajjin. L-istess pastorali għandha tqis b’ikbar konsiderazzjoni dan l-aspett biex tibbilanċja b’mod iktar għaref il-waqtiet assemblejari li fihom hija enfasizzata l-komunjoni ekkleżjali u dawk tal-attenzjoni għall-esiġenzi tal-persuna ndividwali. Il-persuni jistennew, ġeneralment, li jkunu magħrufa u segwiti, u propju permezz ta’ din il-viċinanza jħossu iktar qawwija l-imħabba ta’ Alla. 

F’din il-prospettiva, is-sagrament tar-Rikonċiljazzjoni jippreżenta ruħu  bħala waħda mir-rotot privileġġjati ta’ din il-pedagoġija tal-persuna. Hawn ir-Ragħaj it-Tajjeb, permezz tal-wiċċ u l-leħen tas-saċerdot, jersaq qrib kull wieħed, biex jiftaħ miegħu djalogu personali magħmul minn smigħ, parir, konfort, maħfra. L-imħabba ta’ Alla hija tali li, mingħajr ma tieħu lill-oħrajn, taf tikkonċentra ruħha fuq kull wieħed. Min jirċievi l-assoluzzjoni sagramentali għandu jkun jistà jħoss il-fervur ta’ din il-konsiderazzjoni personali. Għandu jisperimenta l-intensità tat-tgħanniqa paterna offruta lill-iben il-ħali: «Inxteħet fuq għonqu u biesu» (Lq 15, 20). Għandu jkun jistà jismà dak il-leħen sħun ta’ ħbiberija li jilħaq il-pubblikan Żakkew waqt li sejjaħlu b’ismu għal ħajja ġdida (cfr Lq 19,5). 

10. Minn hawn ukoll il-bżonn ta’ tħejjija adegwata tal-konfessur għaċ-ċelebrazzjoni ta’ dan is-Sagrament. Dan għandu jiżvolġi ruħu b’mod li jkun jistà jħeġġeġ, ukoll fil-forom esterni taċ-ċelebrazzjoni, id-dinjità tiegħu ta’ att liturġiku, skont in-normi indikati mir-rit tal-Penitenza. Dan ma jeskludix il-possibiltà ta’ adattamenti pastorali ddettati miċ-ċirkustanzi, hemm fejn jiġu ssuġġeriti minn esiġenzi veri tal-mixja tal-penitent, fid-dawl tal-prinċipju klassiku li jagħraf is-suprema lex tal-Knisja fis-salus animarum. Inħallu, għalhekk, lilna nfusna niġu ggwidati mill-għerf tal-Qaddisin, inkomplu nimxu b’kuraġġ ukoll fis-suġġeriment tal-qrar għaż-żagħżagħ. Ninsabu f’nofshom, nafu nagħmlu maġembhom ħbieb u missirijiet, kunfidenti u konfessuri. Huma għandhom bżonn li jsibu fina l-irwol wieħed u l-ieħor, id-dimensjoni l-waħda u l-oħra.

Imbagħad m’għandniex għalfejn inżommu lura milli tassew inżommu l-formazzjoni tejoloġika tagħna aġġornata, speċjalment meta nqisu l-isfidi etiċi l-ġodda, basta nżommu dejjem ankrati mad-dixxerniment tal-maġisteru tal-Knisja.  Kultant jiġri, dwar diffikultajiet etiċi ġodda ta’ attwalità, li l-fidili joħorġu mill-qrar b’ideat aktarx imħawda, ukoll minħabba li ma jsibux fil-konfessuri l-istess linja ta’ ġudizzju. Fil-fatt, dawk li jiżvolġu f’isem Alla u dak tal-Knisja dan il-ministeru delikatissmu  għandhom id-dmir preċiż li ma jikkultivawx, u ferm iktar li ma jurux fis-sede sagramentali, valutazzjonijiet personali li ma jaqblux ma dak li l-Knisja tgħallem u xxandar. Ma jistax wieħed  b’imħabba  jonqos mill-verità minħabba nuqqas ta’ ftehim ta’ simpatija.  Ma ingħatax lilna li noperaw tnaqqis għall-arbitriju tagħna, minkejja l-itjeb intenzjonijiet. Huwa dmir tagħna li nkunu xhieda ta’ Alla, billi nagħmlu lilna nfusna interpreti ta’ ħniena li ssalva ukoll billi turi lilha nfisha bħala ħaqq fuq id-dnub tal-bniedem. «Mhux kull min jgħidli: Mulej, Mulej, jidħol fis-saltna tas-smewwiet, imma dak li jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li jinsab fis-smewwiet » (Mt 7,21). 

11. Għeżież Saċerdoti! Tridu tħossuni tassew qribkom, waqt li tinġabru madwar l-Isqfijiet tagħkom, f’dan il-Ħamis ix-Xirka tas-sena 2002. Ilkoll għixna impetu ekkleżjali mġedded fit-tbexbix tal-millenju l-ġdid, taħt l-emblema tar- «ripartenza minn Kristu» (cfr Novo millennio ineunte, 29 ss.). Kienet ix-xewqa ta’ kollha kemm aħna li dan jaħbat ma’ żmien ġdid ta’ fraternità u ta’ paċi għall-umanità kollha. Għall-kuntrarju rajna jixxerred demm ġdid. Erġajna konna xhieda ta’ gwerer. Nisimgħu b’dispjaċir it-traġedja tal-firda u tal-mibegħda li jħarbtu r-rapporti bejn il-popli.

F’dan il-waqt, ukoll, għalkemm saċerdoti, ninsabu personalment ixxukkjati bil-kbir bid-dnubiet ta’ xi wħud minn ħutna li ttradew il-grazzja rċevuta bl-Ordinazzjoni, waqt li ċedew għall agħar manifestazzjonijiet tal-mysterium iniquitatis li jopera fid-dinja. Hekk iqumu skandli gravi, bil-konsegwenza li jitfgħu dell tqil ta’ suspett fuq is-saċerdoti meritevoli l-oħra kollha, li jiżvolġu l-ministeru tagħhom b’onestà u koerenza, u kultant b’karità erojka. Waqt li l-Knisja tesprimi l-propja konsiderazzjoni għall-vittmi u tisforza biex twieġeb skont il-verità u l-ġustizzja għal kull sitwazzjoni miżerabbli, aħna lkoll – waqt li nagħrfu d-debbolizza umana, imma waqt li nafdaw fil-qawwa fejjieqa tal-grazzja divina – aħna msejħin biex inħaddnu l-«mysterium Crucis» u biex nimpenjaw ruħna iktar fir-riċerka tal-qdusija. Hemm bżonn nitolbu sabiex Alla, fil-providenza tiegħu, iqanqal fil-qlub qawmien ġdid ġeneruż ta’ dawk l-ideali ta’ donazzjoni sħiħa lil Kristu li jinsabu fil-bażi tal-ministeru saċerdotali. 

Hija propju l-fidi fi Kristu li tagħtina l-qawwa biex inħarsu b’fiduċja lejn il-ġejjieni. Nafu, infatti, li l-ħażen  jinsab, minn dejjem, fil-qalb tal-bniedem, u biss meta l-bniedem, milħuq minn Kristu, iħalli lilu nnifsu «jintrebaħ» minnU, li jsir kapaċi li jdawwal madwaru l-paċi u l-imħabba. Bħala ministri tal-Ewkaristija u tar-Rikonċiljazzjoni sagramentali, aħna għandna b’titolu speċjalissmu d-dmir li nferrxu fid-dinja tama, tjubija u paċi.

Nawguralkom li tgħixu fil-paċi tal-qalb, f’komunjoni profonda bejnietkom, mal-Isqof u mal-komunità tagħkom, dan il-jum santissmu li fih niftakru, mal-istituzzjoni tal-Ewkaristija, it-«twelid» saċerdotali tagħna.  Bil-kliem indirizzat minn Kristu lill-Appostli fiċ-Ċenaklu wara l-Qawmien mill-Imwiet u waqt li nitlob lill-Verġni Marija, Regina Apostolorum e Regina pacis, inħaddankom ilkoll fi tħaddina fraterna:  Paċi, paċì lilkom kollha u lil kull wieħed minnkom. L-Għid it-Tajjeb! 

Mill-Vatikan, is-17 ta’ Marzu, il-ħames Ħadd tar-Randan tas-sena 2002, l-erbgħa u għoxrin tal-Pontifikat.

ĠWANNI PAWLU II

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb