L-ITTRA TAL-PAPA ĠWANNI PAWLU II
LIS-SAĊERDOTI

ĦAMIS IX-XIRKA 1997

 

1. Iesu, Sacerdos in aeternum, miserere nobis!

Għeżież Saċerdoti,

Waqt li nsegwi t-tradizzjoni li nindirizzalkom il-kelma fil-jum li fih intom tinġabru madwar l-Isqof tagħkom, biex tfakkru b’mod ferrieħi l-istituzzjoni tas-saċerdozju fil-knisja, inġedded b’mod speċjali s-sentimenti tiegħi ta’ gratitudni lill-Mulej għaċ-ċelebrazzjonijiet ġubilari li fil-jiem 1 u 10 ta’ Novembru tas-sena l-oħra, raw tant Aħwa Saċerdoti jieħdu sehem fil-ferħ tiegħi. Nirringrazzja lil kulħadd tassew mill-qalb.

Ħsieb partikolari jmur għal dawk is-Saċerdoti, li s-sena l-oħra, bħali, iċċelebraw il-50 anniversarju tal-Ordinazzjoni tagħhom. Ħafna minnhom ma qatgħux qalbhom, minkejja s-snin u d-distanza, li jiġu Ruma biex jikkonċelebraw mal-Papa il-ġublew tad-deheb.

Nirringrazzja lill-Kardinal Vigarju, lill-Isqfijiet kollaboraturi tiegħu, lill-presbiteri u lill-fidili tad-Dijoċesi ta’ Ruma, li wrew b’modi differenti l-għaqda tagħhom mas-Suċċessur ta’ Pietru, billi faħħru lil Alla għad-don tas-saċerdozju. Ir-rikonoxxenza tiegħi tinfirex fuq is-Sinjuri Kardinali, fuq l-Arċisqfijiet u fuq l-Isqfijiet, fuq is-Saċerdoti, l-Ikkonsagrati irġiel u nisa u fuq il-Fidili kollha tal-Knisja għad-don tal-viċinanza tagħhom, tat-talb tagħhom u għat-Te Deum ta’ ringrazzjament, li kantajna flimkien.

Barra minn dan nixtieq niżżi ħajr lill-Kollaboraturi kollha tal-Kurja Romana għal dak kollu magħmul sabiex dan il-ġublew tad-deheb tal-Papa jkun jistà jservi biex iqanqal mill-ġdid l-għarfien tad-don u misteru kbir tas-saċerdozju. Nitlob b’mod kostanti lill-Mulej biex ikompli jkebbes ix-xrara tal-vokazzjoni saċerdotali fir-ruħ ta’ tant żgħażagħ.

F’dawk il-jiem, spiss mort, bil-ħsieb u bil-qalb, fil-kappella privata tal-Arċisqfijiet ta’ Krakovja, fejn fl-ewwel ta’ Novembru 1946 l-indimentikabbli Metropolita ta’ Krakovja Adam Stefan Sapieha, imbagħad Kardinal, qiegħed fuqi jdejh, waqt li għaddieli l-grazzja sagramentali tas-saċerdozju. B’emozzjoni erġajt lura b’mod spiritwali fil-Katidral ta Wawel, li fih iċċelebrajt l-ewwel Quddiesa Mqaddsa, l-għada tal-Ordinazzjoni. Fil-jiem ġubilari, ħassejna b’mod partikolari l-preżenza ta’ Kristu Sommu Saċerdot, waqt li mmeditajna l-kliem tal-liturġija: « Hawn hu l-qassis il-kbir li f’jiemu għoġob lil Alla u kien misjub ġust ». Ecce Sacerdos magnus. Dan il-kliem isib l-applikazzjoni tiegħu fi Kristu nnifsu. Huwa hu l-Qassis il-Kbir tal-Patt il-Ġdid u Etern, l-uniku Saċerdot, li minnu aħna kollha s-saċerdoti niksbu l-grazzja tal-vokazzjoni u tal-ministeru. Nifraħ għall-fatt li fiċ-ċelebrazzjonijiet għall-ġublew tal-Ordinazzjoni tiegħi, is-saċerdozju ta' Kristu setà jiddi fil-verità tiegħu ineffabbli bħala don u misteru favur il-bnedmin taż-żmenijiet kollha, sal-konsumazzjoni tas-sekli.

Ħamsin sena mill-Ordinazzjoni saċerdotali, kuljum, bħal dejjem, indawwar ħsiebi fuq il-kontemporanji tiegħi, kemm dawk ta’ Krakovja kif ukoll dawk tal-knejjes kollha tad-dinja, fuq dawk li ma ngħatawx iċ-ċans li jaslu għal tali ġublew. Nitlob lil Kristu, Saċerdot etern, li jirregalalhom b’wirt il-premju etern, billi jilqagħhom fil-glorja ta’ Saltnatu.

2. Iesu, Sacerdos in aeternum, miserere nobis!

Qed niktbilkom din l-ittra, għeżież Ħuti, matul l-ewwel sena ta’ tħejjija mmedjata għall-bidu tat-tielet millennju: Tertio millennio adveniente. Fl-Ittra apostolika li tibda b’dan il-kliem, enfasizzajt is-sinifikat tal-passaġġ mit-tieni għat-tielet millenju wara t-twelid ta’ Kristu u stabbilejt li l-aħħar tliet snin qabel l-2000 ikunu ddedikati lit-Trinità Mqaddsa. L-ewwel sena, inawgurata sollennement fl-ewwel Ħadd li għadda tal-Avvent, hija ċċentrata fuq Kristu. Infatti, huwa hu, l-Iben etern ta’ Alla magħmul bniedem u mwieled minn Marija Verġni, li jmexxina lejn il-Missier. Is-sena li jmiss se tkun iddedikata lill-Ispirtu Santu Paraklitu, imwiegħed minn Kristu lill-Appostli fil-waqt tal-passaġġ tiegħu minn din id-dinja għal għand il-Missier. Fl-aħħarnett, is-sena 1999 se tkun iddedikata lill-Missier, għand min l-Iben irid iwassalna fl-Ispirtu Santu, il-Konsulatur.

Irridu b’dan il-mod intemmu t-tieni millennju b’tifħir korali lis-Santissima Trinità. F’tali itinerarju se ssib diwi it-triloġija ta’ Enċikliki li, bil-grazzja ta’ Alla, ingħata lili li nippubblika fil-bidu tal-Pontifikat: Redemptor hominis, Dominum et vivificantem Dives in misericordia, u li nħeġġiġkom, għeżież Ħuti, biex timmeditaw mill-ġdid tul il-kors tat-triennju. Fil-ministeru tagħna, b’mod speċjali f’dak liturġiku, għandu jkun dejjem preżenti l-għarfien li ninsabu fil-mixja lejn il-Missier, iggwidati mill-Iben fl-Ispirtu Santu. Appuntu għal tali għarfien isejħilkom il-kliem li bih tintemm kull talba: « F’ġieħ Sidna Ġesù Kristu, Ibnek, li hu Alla, u jgħix u jsaltan miegħek, fl-għaqda mal-Ispirtu Santu, għal dejjem ta’ dejjem Amen ».

3. Iesu, Sacerdos in aeternum, miserere nobis!

Din l-invokazzjoni hija meħuda mil-Litaniji lil Kristu Saċerdot u Vittma, li kienu jiġu reċitati fis-Seminarju ta’ Krakovja fil-jum ta’ qabel l-Ordinazzjoni saċerdotali. Ridt ninkludihom fl-appendiċi tal-ktieb Don u misteru, ippubblikat fl-okkażjoni tal-ġublew saċerdotali tiegħi. Imma rrid nenfasizza wkoll fl-ittra preżenti, għaliex jidhirli li jispjegaw b’mod għani u profond is-saċerdozju ta’ Kristu u l-irbit tagħna miegħu. Dawn huma bbażati fuq testi tal-Iskrittura Mqaddsa, b’mod partikolari fuq l-Ittra lil-Lhud, imma mhux biss. Meta per eżempju, nitolbu: Iesu, Sacerdos in aeternum secundum ordinem Melchisedech, immorru mill-ġdid b’mod ideali fit-Testment il-Qadim, fis-Salm 110 [109]. Nafu sewwa xi tfisser għal Kristu tkun saċerdot skont Melkisedek. Is-saċerdozju tiegħu esprima ruħu fl-offerta ta’ ġismu propju, « magħmula darba għal dejjem» (Lh 10, 10). Billi offra ruħu bħala sagrifiċċju mdemmi fuq is-salib, Huwa stess waqqaf it- « tifkira » bla tixrid ta’ demm għaż-żminijiet kollha, taħt l-ispeċi tal-ħobż u tal-imbid. U taħt tali speċi Huwa afda dan is-Sagrifiċċju tiegħu lill-Knisja. Hekk mela l-Knisja – u fiha kull saċerdot – tiċċelebra l-uniku Sagrifiċċju ta’ Kristu.

Niftakar b’mod intensiv is-sentimenti li qanqlu fija l-kliem tal-konsagrazzjoni ppronunzjati għall-ewwel darba flimkien mal-Isqof li kien għadu kemm ordnani, kliem li tennejt il-jum ta’ wara, fil-Quddiesa Mqaddsa ċċelebrata fil-Kripta ta’ San Leonardu. U minn dak iż-żmien tant u tant drabi – huwa diffiċli li tgħoddhom – dawn il-kliem sagramentali dwew fuq xuftejja, biex jirrendu preżenti, taħt l-ispeċi tal-ħobż u tal-imbid, lil Kristu fl-att feddej li jissagrifika lilu nnifsu fuq is-salib.

Ejjew nikkuntemplaw flimkien, mill-ġdid għal darb’oħra, dan il-misteru sublimi. Ġesù ħa l-ħobż u tah lid-dixxipli tiegħu waqt li qal: « Ħudu u kulu minnu lkoll: dan huwa ġismi... ». U wara ħa f’idejh il-kalċi mimli bl-imbid, bierku, tah lid-dixxipli tiegħu waqt li qal: « Ħudu u ixorbu minnu lkoll: dan huwa l-kalċi ta’ demmi għall-Patt il-Ġdid u Etern, imxerred għalikom u għal kulħadd għall-maħfra tad-dnubiet ». U żied: « Agħmlu dan b’tifkira tiegħi ».

Kif jistgħu, dawn il-kliem meraviljużi, ma jkunux il-qalb tħabbat ta’ kull ħajja saċerdotali? Nirrepetuhom kull darba bħallikieku kienet l-ewwel darba! Nagħmlu mod li ma jkunu qatt imtennijin bi drawwa. Huma jesprimu l-attwalizzazzjoni l-iktar sħiħa tas-saċerdozju tagħna.

4. Waqt li niċċelebraw is-Sagrifiċċju ta’ Kristu, inkunu b’mod kostanti konxji tal-kliem li naqraw fl-Ittra lil-Lhud: « Kristu, li ġie bħala Qassis il-Kbir tal-ġid futur, [...] daħal darba għal dejjem fis-santwarju mhux bid-demm tal-mogħoż u tal-għoġġla imma b’demmu stess, wara li kien kisbilna fidwa eterna. Infatti, jekk id-demm tal-mogħoż u tal-għoġġla u l-irmied ta’ għoġla, imxerrda fuq dawk li huma nfettati, iqaddsuhom, billi jippurifikawhom fil-ġisem, kemm iktar id-demm ta’ Kristu, li bi Spirtu etern offra lilu nnifsu mingħajr tebgħa lil Alla, jippurifika l-kuxjenza tagħna mill-opri mejtin, biex inservu lil Alla ħaj? Minħabba dan Huwa hu medjatur ta’ patt ġdid » (Lh 9, 11-15).

L-invokazzjonijiet tal-Litaniji lil Kristu Saċerdot u Vittma mill-ġdid jgħaqqdu, b’xi mod, ma’ dan il-kliem jew ma’ ieħor tal-istess Ittra:

Iesu,
Pontifex ex hominibus assumpte,

 . . . pro hominibus constitute, 
Pontifex confessionis nostrae,
 . . . amplioris prae Moysi gloriae,
Pontifex tabernaculi veri,
Pontifex futurorum bonorum,
 . . . sancte, innocens et impollute,
Pontifex fidelis et misericors,
 . . . Dei et animarum zelo succense, 
Pontifex in aeternum perfecte,
Pontifex qui ( . . .) caelos penetrasti . . .

Waqt li nirrepetu dawn l-invokazzjonijiet, aħna naraw bl-għajnejn tal-fidi dak li dwaru titkellem l-Ittra lil-Lhud: Kristu li permezz ta’ demmu stess jidħol fis-santwarju etern. Bħala saċerdot ikkonsagrat għal dejjem mill-Missier Spiritu Sancto et virtute, issa « qagħad fuq il-lemin tal-Majjesta fl-għoli tas-smewwiet » (Lh 1, 3). U minn hemm jinterċedi għalina bħala Medjatur - semper vivens ad interpellandum pro nobis -, biex ifasslilna l-mixja ta’ ħajja ġdida, eterna: Pontifex qui nobis viam novam initiasti. Huwa jħobbna u xerred demmu biex jaħsel id-dnubiet tagħna: Pontifex qui dilexisti nos et lavisti nos a peccatis in sanguine tuo. Ta lilu nnifsu għalina: tradidisti temetipsum Deo oblationem et hostiam.

Kristu jintroduċi fis-santwarju etern is-sagrifiċċju tiegħu nnifsu, li huwa l-prezz tar-redenzjoni tagħna. L-offerta, jiġifieri l-vittma, hija nseparabbli mis-saċerdot. Għinuni biex nifhem aħjar dan kollu propju l-Litaniji lil Kristu Saċerdot, reċitati fis-Seminarju. Nerġà lura b’mod kostanti għal din il-lezzjoni fundamentali.

5. Illum huwa Ħamis ix-Xirka. Il-Knisja kollha tinġabar spiritwalment fiċ-Ċenaklu, hemm fejn inġabru l-Appostli flimkien ma’ Kristu għall-Aħħar Ċena. Naqraw mill-ġdid fil-Vanġelu ta’ Ġwanni il-kliem ippronunzjat minn Kristu fid-diskors tat-tluq. Fost it-tant għana ta’ dan it-test, irrid nieqaf fuq is-sentenza li ġejja ndirizzata minn Ġesù lill-Appostli: « Ħadd m’għandu mħabba ikbar minn din: tagħti ħajtek għal ħbiebek. Intom ħbiebi, jekk tagħmlu dak li jien nordnalkom. Ma nsejħilkomx iktar qaddejja, għaliex il-qaddej ma jafx dak li jagħmel sidu; imma sejjaħtilkom ħbieb, għaliex dak kollu li smajt mingħand Missieri kollu għarraftulkom » (Ġw 15, 13-15).

« Ħbieb »: hekk Ġesù sejjaħ lill-Appostli. Hekk irid ukoll isejjaħ lilna, li, grazzi għas-Sagrament tal-Ordni Sagri, aħna parteċipi fis-Saċerdozju tiegħu. Nisimgħu dan il-kliem bi tqanqil kbir u umiltà. Dan jiġbor fih il-verità. Qabel xejn il-verità dwar il-ħbiberija b’mod iktar elokwenti, imma wkoll verità dwarna nfusna li nippareċipaw fis-Saċerdozju ta’ Kristu, bħala ministri tal-Ewkaristija. Setà Ġesù jesprimilna l-ħbiberija tiegħu b’mod iktar elokwenti milli jippermettilna, bħala saċerdoti tal-Patt il-Ġdid, li noperaw f’ismu, in persona Christi Capitis? Propju dan iseħħ fis-servizz kollu saċerdotali tagħna, meta namministraw is-sagramenti u b’mod speċjali meta niċċelebraw l-Ewkaristija. Nirrepeu l-kliem li Hu ppronunzja fuq il-ħobż u l-imbid u, permezz tal-ministeru tagħna, titwettaq l-istess konsagrazzjoni imwettqa minnu. Jistà jkun hemm espressjoni tal-ħbiberija iktar sħiħa minn din? Din tqiegħed lilha nfisha fiċ-ċentru stess tal-ministeru saċerdotali tagħna.

Kristu jgħid: « Mhux intom għażiltu lili, imma jien għażilt lilkom u ħejjejtkom biex tmorru u twasslu l-frott u l-frott tagħkom jibqà » (Ġw 15, 16). Fi tmiem l-Ittra preżenti, noffrilkom dan il-kliem bħala awgurju. Fil-jum kommemorattiv tat-twaqqif tas-sagrament tas-saċerdozju nagħmlu l-awgurju lil xulxin, għeżież Ħuti, li nkunu nistgħu inmorru u nwasslu l-frott, bħall-Appostli, u li l-frott tagħna jibqà.

Marija, Omm ta’ Kristu Qassis il-Kbir u Etern, bil-protezzjoni assidwa tagħha iżżomm il-passi tal-ministeru tagħna, speċjalment meta t-triq issir iebsa u l-għejja l-iktar li tagħfas. Il-Verġni fidila tinterċedi għalina quddiem Binha, sabiex ma jonqosniex il-kuraġġ li nagħtuh xhieda fid-diversi oqsma tal-apostolat tagħna, waqt li nikkollaboraw miegħu, sabiex id-dinja jkollha l-ħajja u jkollha din bl-abbundanza (cfr. Ġw 10, 10).

Fl-isem ta’ ristu, b’imħabba profonda imberikkom ilkoll.

Mill-Vatikan, 16 ta’ Marzu, il-Hames Ħadd tar-Randan, tas-sena 1997, id-dsatax tal-Pontifikat.

ĠWANNI PAWLU II

 

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb