ITTRA TAL-QDUSIJA TIEGĦU
ĠWANNI PAWLU II
LIS-SAĊERDOTI
GĦAL ĦAMIS IX-XIRKA 1986

 

 

1. Hawn aħna mill-ġdid fil-viċinanza ta’ Ħamis ix-Xirka, il-jum li fih Ġesù Kristu waqqaf l-Ewkaristija u, fl-istess ħin, is-saċerdozju tagħna ministerjali. Il-Kristu, «billi kien ħabb lil tiegħu li kienu fid-dinja, ħabbhom sal-aħħar» (Ġw 13,1). Ta’ Ragħaj it-Tajjeb li kien, kien wasal biex jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu (cfr. Ġw 10,11), biex isalva lill-bnedmin, biex jirrikonċiljahom mal-Missier u jintroduċihom f’ħajja ġdida. U diġa lill-Appostli kien offrilhom bħala ikel lil Ġismu, mogħti għalihom, u Demmu, imxerred għalihom.

Kull sena, dan il-jum huwa kbir għall-insara kollha. Fuq l-eżempju tal-ewwel dixxipli, huma jiġu biex jikkumunikaw mal-Ġisem u mad-Demm ta’ Kristu fil-liturġija ta’ filgħaxija, li ġġedded iċ-Ċena. Jirċievu mingħand is-Salvatur it-testment tal-imħabba fraterna li għandha tispira ħajjithom kollha, u jibdew jishru miegħu, biex jingħaqdu fil-Passjoni tiegħu. Intom stess tlaqqgħuhom u tmexxu t-talb tagħhom.

Imma dan il-jum huwa kbir b’mod speċjali għalina, għeżież ħuti saċerdoti. Hija l-festa tas-saċerdoti. Dan huwa l-jum li fih twieled is-saċerdozju tagħna, li huwa sehem fl-uniku Saċerdozju ta’ Kristu Medjatur. F’dan il-jum, is-saċerdoti tad-dinja kollha huma mistiedna biex jikkonċelebraw l-Ewkaristija flimkien mal-Isqfijiet tagħhom u biex iġeddu madwarhom il-wegħdiet tal-impenji saċerdotali tagħhom fis-servizz ta’ Kristu u tal-Knisja tiegħu.

F’din l-okkażjoni inqiegħed lili nnifsi b’mod partikolari viċin kull wieħed minnkom. U, bħal kull sena, b’sinjal tal-għaqda sagramentali tagħna fl-istess saċerdozju, imbuttat mill-istima ta’ mħabba li għandi lejkom u mid-dmir li nwettaq lil ħuti kollha fis-servizz tagħhom lill-Mulej, nibgħatilkom din l-ittra biex ngħinkom tħeġġu mill-ġdid id-don tal-għaġeb li ngħatalkom bit-tqegħid tal-idejn (cfr. 2Tm 1,6). Dan is-saċerdozju ministerjali, li huwa l-parti tagħna, kif ukoll il-vokazzjoni tagħna u l-grazzja tagħna. Dan jimmarka ħajjitna kollha bis-siġill tas-servizz l-iktar meħtieġ u l-iktar esiġenti li jeżisti: is-salvazzjoni tal-erwieħ. Aħna barra minn hekk immexxija minn multitudni ta’ predeċessuri.

L-eżempju nkomparabbli tal-Kurat ta’ Ars

2. Wieħed minn dawn jibqà ferm preżenti fil-memorja tal-Knisja, u se jkun imfakkar b’mod partikolari din is-sena, fl-okkażjoni tat-tieni ċentinarju mit-twelid tiegħu: San Ġwann Marija Vianney, il-Kurat ta’ Ars.

Nixtiequ lkoll niżżu ħajr lil Kristu, il-Prinċep tar-Rgħajja, għall-mudell straordinarju ta’ ħajja u ta’ servizz saċerdotali, li l-Qaddis Kurat jippreżenta lill-Knisja kollha u qabel kollox lilna s-saċerdoti.

Kemm fostna ħejjew ruħhom għas-saċerdozju, jew jeżerċitaw illum id-dmir diffiċli tagħhom ta’ kappillani, waqt li jżommu taħt għajnejhom il-figura ta’ San Ġwann Maria Vianney! L-eżempju tiegħu ma jistax jintilef fil-baħħ. Aħna ninħtieġu daqs qatt qabel ix-xhieda tiegħu, l-interċessjoni tiegħu biex niffaċċjaw is-sitwazzjonijiet ta’ żminijietna, li fihom, minkejja ċertu numru ta’ sinjali ta’ tama, l-evanġelizzazzjoni hija kkuntratata minn lajċizzazzjoni krexxenti, li fiha barra li nittraskuraw l-axxesi soprannaturali, ħafna jitilfu minn quddiem għajnejhom il-prospettivi tas-Saltna ta’ Alla u spiss, ukoll fil-pastorali, jipprejokkupaw rwieħhom wisq b’mod esklussiv tal-aspett soċjali u tal-oġġettivi temporali. Il-Kurat ta’ Ars kellu jiffaċċja, fis-seklu li għadda, diffikultajiet li kellhom forsi mod ieħor kif jippreżentaw lilhom infushom, imma li b’daqshekk ma kinux inqas kbar. Bil-ħajja u bl-azzjoni, huwa bena, għas-soċjetà ta’ żmienu, bħal sfida evanġelika, li ġabet frott skwiżit ta’ konverżjoni. Mhemm ebda dubju li hu jippreżenta wkoll għalina llum tali sfida evanġelika kbira.

Nistedinkom mela biex timmeditaw dwar is-saċerdozju tagħna quddiem dan ir-ragħaj straordinarju, li wera t-twettiq sħiħ tal-ministeru saċerdotali u fl-istess ħin il-qdusija tal-ministru.

Intom tafu li Ġwanni Maria Vianney miet f’Ars fl-4 ta’ Awissu 1859, wara madwar erbgħin sena ta’ dedikazzjoni eżasperanti. Kellu tlieta u sebgħin sena. Mal-wasla tiegħu, Ars kien raħal minsi tad-dijoċesi ta’ Lyon, illum ta’ Belley. Fi tmiem ħajtu, hemm kienu jmorru nies minn Franza kollha, u l-fama ta’ qdusija tiegħu, wara mewtu, ġibdet minnufih l-attenzjoni tal-Knisja universali. San Piju X ibbejatifikah fl-1905; Piju XI ikkanonizzah fl-1925, u mbagħad, fl-1929, iddikjarah Patrun tal-kappillani tad-dinja kollha. Fiċ-ċentinarju tal-mewt tiegħu, il-Papa Ġwanni XXIII kiteb l-Enċiklika «Sacerdotii nostri primordia» biex jippreżenta lill-Kurat ta’ Ars bħala mudell ta’ ħajja u ta’ axxesi saċerdotali, mudell ta’ ħniena u ta’ kult ewkaristiku, mudell ta’ żelu pastorali, u dan fil-kuntest tal-bżonnijiet ta’ żmienna. Hawn irrid biss niġbed l-attenzjoni tagħkom dwar xi aspetti essenzjali li jgħinuna biex niskopru mill-ġdid u biex ngħixu aħjar is-saċerdozju tagħna.

Ir-Rieda tenaċi tiegħu biex iħejji ruħu għas-saċerdozju

3. Il-Kurat ta’ Ars huwa qabel kollox mudell ta’ rieda għal dawk li qed iħejju ruħhom għas-saċerdozju. Is-serje ta’ bosta provi setġħu qatgħulu qalbu: l-effetti tat-tempesta rivoluzzjonarja, in-nuqqas ta’ tagħlim tal-ambjent rurali tiegħu, in-nuqqas ta’ rieda ta’ missieru, il-bżonn ta’ kontribuzzjoni fix-xogħol tar-rabà, ir-riskji tas-servizz militari, u fuq kollox, minkejja l-intelliġenza ntuwitiva tiegħu u s-sensibilta ħajja tiegħu, id-diffikultà kbira biex jifhem u biex jimmemorizza, u allura jsegwi il-korsijiet tat-tejoloġija u tal-Latin u fl-aħħarnett, minħabba din ir-raġuni, tkeċċija mis-seminarju ta’ Lyon. Madankollu billi kienet ġiet magħrufa l-awtentiċità tal-vokazzjoni tiegħu, ta’ 29 sena huwa setà jiġi ordnat saċerdot. B’persistenza fix-xogħol u fit-talb, huwa rebaħ l-ostakli u l-limiti kollha, hekk allura bħal iktar tard, waqt il-ħajja tiegħu saċerdotali, kien iħejji b’mod metikoluż il-priedki tiegħu jew kien, filgħaxija, ikompli l-qari tal-opri ta’ tejoloġi jew ta’ awturi spiritwali. Sa minn żgħożitu kien imħeġġeg minn xewqa kbira ta’ «akkwiżizzjoni tal-erwieħ għat-twajjeb Alla» bħala saċerdot, u kien sostnut mill-fiduċja tal-kappillan ġar ta’ Ecully, li, billi ma ddubitax il-vokazzjoni tiegħu, inkariga ruħu għal parti sewwa mit-tħejjija tiegħu. X’eżempju ta’ kuraġġ għal dawk li, illum, jagħrfu l-grazzja li huma msejħin għas-saċerdozju!

Il-profondità ta’ mħabbtu għal Kristu u għall-erwieħ

4. Il-Kurat ta' Ars huwa mudell ta’ żelu saċerdotali għar-rgħajja kollha. Is-sigriet tal-ġenerożità tiegħu tinsab bla ebda dubju fl-imħabba tiegħu lejn Alla, migħuxa bla qies, bi tweġiba kostanti għall-imħabba murija fi Kristu msallab.

Huwa jsejjes ix-xewqa tiegħu li jagħmel kollox biex isalva l-erwieħ, mifdija minn Kristu bi prezz hekk kbir, u biex ireġġagħhom lura mill-ġdid għall-imħabba ta’ Alla. Niftakru waħda mis-sentenzi monumentali li tagħha huwa kellu s-sigriet: «Is- saċerdozju huwa l-imħabba tal-Qalb ta’ Ġesù». Huwa dejjem kien jerġà lura fil-priedki u fil-katekeżi tiegħu fuq din l-imħabba: «O Alla tiegħi nippreferi nmut inħobbok, milli ngħix waqt wieħed mingħajr ma nħobbok. …Inħobbok, o Salvatur divin tiegħi, għaliex int issallabt għalija, …sabiex iżżommni msallab għalik» (Nodet, p. 44).

Minħabba Kristu, huwa jfittex li jikkonferma lilu nnifsu pjenament għall-esiġenzi radikali li Ġesù jipproponi fil-Vanġelu lid-dixxipli li huwa jibgħat fuq missjoni: talb, faqar, umiltà, ċaħda tagħhom infushom, penitenza voluntarja. U bħal Kristu, huwa wkoll iħoss għan-nagħaġ tiegħu mħabba li twasslu għal dedikazzjoni pastorali estrema u għas-sagrifiċċju tiegħu nnifsu. Rarament ragħaj kien tant koxjenti tar-responsabiltajiet tiegħu, iddivorat mix-xewqa li jaħtaf lill-fidili tiegħu mid-dnub jew mill-bruda. «O Alla tiegħi, tini l-konverżjoni tal-parroċċa tiegħi: naċċetta li nbati dak kollu li trid int, għaż-żmien kollu ta’ ħajti».

Għeżież ħuti saċerdoti, mitmugħa mill-Konċilju Vatikan II, li affettwa b’mod ferrieħ il-konsagrazzjoni tas-saċerdot fil-kwadru tal-missjoni pastorali tiegħu, infittxu d-dinamiżmu taż-żelu tagħna pastorali, ma’ San Ġwann Maria Vianney, fil-Qalb ta’ Ġesù, f’imħabbtu għall-erwieħ. Jekk aħna ma nimlewx mill-istess nixxiegħa, il-ministeru tagħna jissogra li jagħmel ftit li xejn frott!

Il-frott tal-għaġeb u multiplu tal-ministeru tiegħu

5. Fil-każ tal-Kurat ta’ Ars il-frott kien wieħed li jgħaġġbek, jixbaħ ftit dak ta’ Ġesù fil-Vanġelu. Lil Ġwanni Maria Vianney, li jikkonsagralu l-qawwiet tiegħu kollha u qalbu kollha, is-Salvatur, b’ċertu mod, jirregalalu l-erwieħ. Jafdahomlu, b’mod abbundanti.

L-ewwelnett il-parroċċa tiegħu – li mal-wasla tiegħu kienet tgħodd biss 230 persuna – din tiġi trasformata b’mod profond. Huwa fatt li, f’dak ir-raħal, kien hemm mhux ftit indifferenza u ftit li xejn prattika reliġjuża fost il-bnedmin. L-Isqof kien wissa b’dan il-mod lil Ġwanni Maria Vianney: «Ma tantx hemm imħabba ta’ Alla f’dik il-parroċċa: int din se ġġibha». Imma f’qasir żmien, ferm iktar ‘il hemm minn raħlu, il-Kurat sar ragħaj ta’ multitudni li ġiet mir-reġġjuni kollha, minn diversi partijiet ta’ Franza u minn Pajjiżi oħra. Jgħidu li kienu 80,000 fis-sena 1858! Kultant kien ikollhom jistennew diversi jiem qabel ma jiltaqgħu miegħu u biex iqerru. Dak li jiġbed mhuwiex tant il-kurżità u linqas il-fama ġustifikata tal-mirakli tiegħu u tal-fejqan straordinarju, li wara kollox il-Qaddis kien jixtieq li jibqgħu moħbija. Kienet ferm iktar il-premonizzjoni ta’ laqgħa ma’ Qaddis, sorprendenti għall-penitenza tiegħu, hekk familjari ma’ Alla fit-talb, straordinarju għall-paċi tiegħu u l-umiltà tiegħu f’nofs is-suċċessi popolari, u fuq kollox hekk preċettiv fil-korrispondenza għad-dispożizzjonijiet interni tal-erwieħ fil-ħelsien mill-piżijiet tagħhom, speċjalment fil-konfessjonarju. Iva, Alla għażel bħala mudell għar-rgħajja wieħed li setà jidher f’għajnejn il-bnedmin fqir, dgħajjef, bla difiża u vili (cfr. 1Kor 1,27-29). Huwa kkumpensah bl-aħjar doni tiegħu bħala gwida u tabib tal-erwieħ.

Waqt li wkoll nagħrfu grazzja partikolari mogħtija lill-Kurat ta’ Ars, m’għandniex forsi hawn is-sinjal ta’ tama għar-rgħajja li llum isofru minn ċertu deżert spiritwali?

Id-diversi inizjattivi apostoliċi orjentati lejn l-essenzjal

6. Ġwanni Maria Vianney ikkonsagra lilu nnifsu essenzjalment għat-tagħlim tal-fidi, għall-purifikazzjoni tal-kuxjenzi, u dawn iż-żewġ ministeri kienu jiltaqgħu fl-Ewkaristija.Mhemmx bżonn li llum ukoll naraw f’dan it-tliet ċentri tas-servizz pastorali tas-saċerdot? Jekk l-iskop huwa bla dubju dak li nlaqqgħu l-poplu ta’ Alla madwar il-misteru ewkaristiku permezz tal-katekeżi u tal-penitenza, kuntatti oħra apostoliċi, skont iċ-ċirkustanzi, huma wkoll meħtieġa: kultant hija sempliċi preżenza, forsi għal snin twal, bix-xhieda siekta tal-fidi fl-ambjenti mhux insara: jew ukoll il-viċinanza għall-persuni, għall-familji u għall-preokkupazzjonijiet tagħhom; kultant tkun aħbar ewlenija li ġġiegħel iqumu mill-ġdid għall-fidi lil dawk li ma jemmnux u lill-bierda; tistà tkun ukoll ix-xhieda tal-karità u tal-ġustizzja maqsuma mal-lajċi nsara, hekk li tirrendi iktar kredibbli l-fidi waqt li titqiegħed fil-prattika. Minn hawn serje sħiħa ta’ attivitajiet jew ta’ opri apostoliċi, li jħejju jew ikomplu l-formazzjoni nisranija. L-istess Kurat ta’ Ars studja biex jibda xi inizjattivi addattati għal żmienu u għall-parruċċani tiegħu. Bdanakollu, l-attivitajiet saċerdotali tiegħu kollha kienu ċċentrati fuq l-Ewkaristija, il-katekeżi u s-sagrament ta’ rikonċiljazzjoni.

Is-sagrament tar-rikonċiljazzjoni

7. Hija bla dubju d-dedikazzjoni nstankabbli għas-sagrament tal-penitenza, dik li rrivelat il-kariżma ewlwnija tal-Kurat ta’ Ars u ħolqot għal titlu ġust il-fama tiegħu. Huwa sewwa li tali eżempju jwassalna llum biex nagħtu mill-ġdid lill-ministeru tar-rikonċiljazzjoni l-importanza kollha li tixraqlu u li s-Sinodu tal-Isqfijiet tal-1983 enfasizza bl-iktar mod ġust.

Mingħajr il-mixja ta’ konverżjoni, ta’ penitenza u ta’ talba ta’ maħfra li l-ministri tal-Knisja għandhom jinkuraġġixxu u jilqgħu b’mod mimli enerġija, it-tant mixtieq aġġornament huwa ddestinat biex jibqà superfiċjali u illużorju.

Il-Kurat ta’ Ars kien jieħu ħsieb qabel kollox li jifforma lill-fidili fix-xewqa tal-indiema. Kien jenfasizza s-sbuħija tal-maħfra divina. Ħajtu kollha saċerdotali u l-forzi tiegħu ma kinux forsi kkonsagrati għall-konverżjoni tal-midimbin? Madankollu, huwa fil-konfessjonarju li timmanifesta ruħha fuq kollox il-ħniena ta’ Alla. Huwa sadattant ma kellu ebda ħsieb li jżomm ‘il bogħod mill-penitenti li kienu jiġu minn kull parti u li għalihom kien spiss jikkonsagra għaxar siegħat kuljum, kultant ħmistax jew iktar ukoll. Għalih kienet bla dubju l-ikbar fost il-prattiċi axxetiċi, «martirju»: fiżikament, speċjalment, fis-sħana, fil-bard jew fl-atmosfera soffokanti; kif ukoll moralment, għaliex kien ibati huwa nnifsu għad-dnubiet mistqarra u iktar minħabba n-nuqqas ta’ ndiema: «Nibki għal dak li intom ma tibkux għalih». Maġemb dawn l-indifferenti, li huwa kien jilqà mill-aħjar li setà u li kien jagħmel minn kollox biex iqajjem fihom l-imħabba ta’ Alla, il-Mulej kien jikkonċedilu li jirrikonċilja midimbin niedma kbar, u wkoll li jiggwida lejn il-perfezzjoni erwieħ li kien ikollhom ix-xewqa ħajja. Kien b’mod speċjali hawn li Alla kien jitolbu li jieħu sehem fir-Redenzjoni.

Illum aħna erġajna skoprejna, aħjar milli fis-seklu li għadda, l-aspett komunitarju tal-penitenza, tat-tħejjija għall-maħfra, u tal-azzjoni tal-grazzja wara l-maħfra. Imma l-maħfra sagramentali titlob dejjem laqgħa personali ma’ Kristu msallab permezz tal-medjazzjoni tal-ministru tiegħu. Spiss, sfortunatament, il-penitenti ma jiffullawx b’fervur madwar il-konfessjonarju, bħal fi żminijiet tal-Kurat ta’ Ars. Issa, il-fatt stess li numru kbir minnhom, għal raġunijiet varji, donnhom jastjenu totalment mill-qrar, huwa sinjal li huwa urġenti li niżviluppaw il-pastorali kollha tas-sagrament tal-penitenza, waqt li nressqu lill-insara biex jiskopru mill-ġdid l-esiġenzi ta’ relazzjoni vera ma’ Alla, is-sens tad-dnub, li minħabba fih ningħalqu għall-Ieħor u għall-oħrajn, il-bżonn li nikkonvertu u li nirċievu, permezz tal-Knisja, il-maħfra bħala don gratwit ta’ Alla u, fl-aħħarnett, il-kondizzjonijiet li jippermettu li niċċelebraw sewwa s-sagrament, waqt li negħlbu l-preġudizzji fir-rigward tiegħu, il-biżat foloz u l-proċedura abitudinarja. Tali sitwazzjoni titlob fl-istess ħin li aħna nibqgħu disponibbli sewwa għal dan il-ministeru tal-maħfra, lesti li niddedikaw il-ħin u l-kura meħtieġa, u anzi, nasal li ngħid iktar, li ntuh il-prijorità imqabbel ma’ attivitajiet oħra. Il-fidili hekk jaslu li jifhmu l-valur li, fuq l-eżempju tal-Kurat ta’ Ars, aħna ntuhom.

Bla dubju, bħal ma ktibt fl-Eżortazzjoni post-sinodali dwar il-penitenza, il-ministeru tar-rikonċiljazzjoni jibqà bla ebda dubju ta’ xejn l-iktar diffiċli u l-iktar delikat, l-iktar fatikuż u l-iktar esiġenti, speċjalment meta s-saċerdoti jkunu ftit. Huwa jissuġġerixxi wkoll, fil-konfessur, kwalitajiet umani kbar, u b’mod speċjali ħajja spiritwali ntensa u sinċiera:  huwa meħtieġ li s-saċerdot jirrikorri huwa nnifsu b’mod regolari għal dak is-sagrament.

Kunu dejjem konvinti, għeżież ħuti saċerdoti: dan il-ministeru tal-ħniena huwa wieħed mill-isbaħ u mill-iktar konsolanti. Jippermettilkom li tilluminaw il-kuxjenzi, li taħfrulhom u li terġgħu ittuhom qawwa fl-isem tal-Mulej Ġesù, li tkunu għalihom tobba u konsulenti spiritwali; dan jibqà «il-manifestazzjoni insostitwibbli u verifika tas-saċerdozju ministerjali».

Ewkaristija: oblazzjoni fil-Quddiesa, komunjoni, adorazzjoni

8. Iż-żewġ sagramenti tar-rikonċiljazzjoni u tal-Ewkaristija huma strettament magħqudin bejniethom. Mingħajr konverżjoni mġedda b’mod kostanti u l-ilqugħ tal-grazzja sagramentali tal-maħfra, is-sehem fl-Ewkaristija ma jistax jasal għall-effett feddej sħiħ. Bħal ma Kristu beda l-ministeru tiegħu bl-«Ikkonvertu u emmnu fil-Vanġelu» (Mk 1,15), hekk il-Kurat ta’ Ars kien jibda ġeneralment kull jum tiegħu bil-ministeru tal-maħfra. Imma hu kien kuntent li jorjenta lill-penitenti tiegħu rikonċiljati lejn l-Ewkaristija.

L-Ewkaristija kienet tassew fiċ-ċentru ta’ ħajtu spiritwali u tal-pastorali tiegħu. Kien jgħid: «L-opri tajba kollha magħqudin flimkien ma jiswewx daqs is-sagrifiċċju tal-Quddiesa, għaliex huma opri tal-bnedmin, waqt li l-Quddiesa Mqaddsa hija opra ta’ Alla» (Nodet, p. 108). Huwa hemm li jsir preżenti s-sagrifiċċju tal-Kalvarju għall-Fidwa tad-Dinja. B’mod evidenti, s-saċerdot irid jgħaddi d-don ta’ kuljum tiegħu nnifsu mal-oblazzjoni tal-Quddiesa: «Saċerdot mela jagħmel sewwa li joffri lilu nnifsu lil Alla f’sagrifiċċju kull filgħodu!» (Nodet, p. 107). «L-Imqaddes Tqarbin u s-Sagrifiċċju Mqaddes tal-Quddiesa huma ż-żewġ atti l-iktar effikaċi biex tinkiseb il-konverżjoni tal-qlub» (Nodet, p. 110).

Barra minn dan il-Quddiesa kienet għal Ġwanni Maria Vianney il-ferħ kbir u l-konfort ta’ ħajtu ta’ saċerdot. Ta’ kuljum kien iqiegħed impenn kbir, minkejja l-influss tal-penitenti, biex iħejji ruħu b’mod sieket għal iktar minn kwarta. Kien jiċċelebra b’ġabra, waqt li jesprimi b’mod ċar l-adorazzjoni tiegħu fil-waqtiet tal-Konsagrazzjoni u tat-Tqarbin. B’realiżmu huwa kien osserva: «Il-kawża tar- rilassatezza tas-saċerdot hija li ma joqgħodx attent għall-Quddiesa!» (Nodet, p. 105).

Il-Kurat ta’ Ars kien partikularment milqut mill-permanenza tal-preżenza reali ta’ Kristu fl-Ewkaristija. Kien solitament quddiem it-tabernaklu li kien jgħaddi sigħat twal ta’ adorazzjoni, qabel jisbaħ jew filgħaxija; lejh kien spiss idur waqt l-omeliji tiegħu waqt li mqanqal kien jgħid: «Huwa jinsab hemm!» Kien ukoll għal dan il-mottiv li hu, hekk fqajjar fil-kanonika tiegħu, ma kienx jaħsibha li jonfoq ħafna biex isebbaħ il-knisja tiegħu. Riżultat apprezzabbli kien il-fatt li l-parroċċani tiegħu ma damux ma kisbu d-drawwa li jmorru jitolbu quddiem is-Santissmu Sagrament, waqt li skoprew, permezz tal-imgieba tal-Kurat tagħhom, il-kobor tal-Misteru tal-fidi.

Fir-rigward ta’ tali xhieda, naħsbu dwar dak li l-Konċilju Vatikan II jgħidilna llum rigward is-saċerdoti: «Huwa fil-kult ewkaristiku li jiġi pprattikat b’mod speċjali l-ministeru sagru tagħhom». U iktar reċenti, is-Sinodu straordinarju (Diċembru 1985) fakkar: «Il-Liturġija għandha tiffavorixxi u ġġiegħel jiddi s-sens tas-sagru. Għandha tkun ispirata b’riverenza, b’adorazzjoni u bi glorifikazzjoni ta’ Alla… L-Ewkaristija hija s-sors u l-quċċata tal-ħajja kollha nisranija».

Għeżież ħuti saċerdoti, l-eżempju tal-Kurat ta’ Ars jistedinna għal- eżami serju tal-kuxjenza. Liema post nagħtu, fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, lill-Quddiesa? Għadha hija l-istess bħal fil-jum tal-ordinazzjoni tagħna – dan kien l-ewwel att tagħna ta’ saċerdoti! -, il-bidu tal-azzjoni apostolika tagħna u tal-qdusija personali tagħna? Liema kura se nieħdu biex nitħejjew għaliha? Fiċ-ċelebrazzjoni tagħha? Fit-talb quddiem is-Santissmu Sagrament? Fi-tmexxija tal-fidili tagħna?  Fl-għemil tal-Knejjes tagħna bħala d-Dar ta’ Alla, li lejha l-preżenza divina tattira lil dawk ta’ żmienna li spiss għandhom l-impressjoni ta’ dinja nieqsa minn Alla?

Il-predikazzjoni u l-katekeżi

9. Il-Kurat ta’ Ars kien ukoll joqgħod b’sebà għajnejn li ma jittraskura xejn fil-ministeru tal-Kelma, assolutament meħtieġ biex iħejji għall-fidi u għall-konverżjoni. Kien saħansitra jasal li jgħid: «Sidna, li huwa l-istess verità ma jqisx inqas Kelmtu milli Ġismu» (Nodet, p. 126). Magħruf il-ħin li kien jiddedika, speċjalment fil-bidu, fit-tħejjija iebsa tal-priedki tal-Ħadd. Wara, huwa wasal biex jesprimi ruħu b’mod iktar spontanju, dejjem b’konvinzjoni waħba, ħajja, bi xbihat u paraguni meħudin mill-esperjenza ta’ kuljum, dejjem  suġġestivi għall-fidili. Ukoll il-katekeżi għat-tfal kienu jiffurmaw parti importanti tal-ministeru tiegħu, u l-kbar kienu jingħaqdu b’mod volontarju mat-tfal biex japprofittaw minn dik ix-xhieda bla taqbil, li kienet titferra mill-qalb.

Kellu l-kuraġġ li jesponi l-ħażin fil-forom kollha tiegħu; mingħajr tlaqliq, ġaladarba dan kien imur kontra s-salvazzjoni eterna tal-fidili tiegħu: «Jekk ragħaj jibqà sieket meta jara lil Alla offiż u l-erwieħ jirrovinaw ruħhom, gwaj għalih!».

Il-ministeru speċifiku tas-saċerdot

10. San Ġwann Maria Vianney joffri tweġiba elokwenti lil dawk li jibqgħu dubjużi dwar l-identità tas-saċerdot, li wrew ruħhom tul il-korsa tal-aħħar għoxrin sena. Issa donnu li qegħdin naslu għal pożizzjonijiet iktar ekwilibrati.

Is-saċerdot dejjem isib, u b’mod immutabbli, is-sors tal-identità tiegħu fi Kristu Saċerdot. Mhix id-dinja li tiffissa l-istatut tiegħu, skont il-bżonnijiet u l-ideat tar-rwoli soċjali. Il-qassis huwa ttimbrat bis-siġill tas-Saċerdozju ta’ Kristu, biex jipparteċipa għall-funzjoni tiegħu ta’ uniku Medjatur u Redentur.

Minħabba din ir-rabta fundamentali, jinfetaħ għas-saċerdot kamp immens tas-servizz għall-erwieħ, għas-salvazzjoni tagħhom fi Kristu u fil-Knisja. Servizz li għandu jkun kompletament ispirat mill-imħabba għall-erwieħ, b’xebħ ta’ Kristu li joffri ħajtu għalihom. Alla jrid li l-bnedmin kollha jkunu salvi, li ebda wieħed minn dawk iż-żgħar ma jintilef (cfr. Mt 18,14). «Is-saċerdot għandu jkun dejjem lest biex iwieġeb għall-bżonnijiet tal-erwieħ», kien jgħid il-Kurat ta’ Ars (Nodet, p. 101). «Huwa mhuwiex għalih innifsu, huwa għalikom» (Nodet, p. 102).

Is-saċerdot huwa għal-lajċi: huwa janimahom u jsostnihom fl-eżerċizzju tas-saċerdozju komuni tal-imgħammdin – enfasizzar hekk tajjeb mill-Konċilju Vatikan II -, u li jikkonsisti fl-għemil mill-ħajja ta’ offerta spiritwali, fl-ogħti ta’ xhieda lill-ispirtu nisrani fil-familja, fl-għemil mgħobbi bl-impenji temporali, u fis-sehem fl-evanġelizzazzjoni tal-aħwa. Madankollu, is-servizz tas-saċerdot huwa ta’ ordni oħra. Huwa hu ordnat biex jaġixxi f’isem Kristu-Mexxej, biex idaħħal il-bnedmin fil-ħajja l-ġdida inawgurata minn Kristu, biex jirrendihom parteċipi fil-misteri tiegħu – Kelma, maħfra, ħobż tal-ħajja – biex ilaqqagħhom f’Ġismu, biex jgħinhom jiffurmaw minn ġewwa, biex jgħixu u biex jaġixxu skont il-pjan feddej ta’ Alla. F’kelma waħda, l-identità tagħna ta’ saċerdoti turi ruħha fit-tiftiħ «krejattiv» tal-imħabba għall-erwieħ ikkomunikat minn Kristu Ġesù.

It-tentattivi ta’ lajċizzazzjoni tas-saċerdot huma ta’ ħsara għall-Knisja. Dan ma jfisser xejn affattu li s-saċerdot jistà jibqà bogħod mill-prejokkupazzjonijiet umani tal-lajċi: għandu jkunilhom viċinissmu, bħal Ġwanni Maria Vianney, imma ta’ saċerdot, dejjem fi prospettiva li hija dik tas-salvazzjoni tagħhom u tal-progress tas-Saltna ta’ Alla. Huwa hu x-xhud u d-distributur ta’ ħajja differenti minn dik terrena.

Huwa essenzjali għall-Knisja li l-identità tas-saċerdot tkun ippriservata, bid-dimensjoni vertikali tagħha. Il-ħajja u l-personalità tal-Kurat ta’ Ars huma stampa partikularment imdawla u qawwija.

Il-konfigurazzjoni intima lil Kristu u s-solidarjetà tiegħu mal-midimbin

11. San Ġwann Maria Vianney ma kkuntentax ruħu li jwettaq b’mod ritwali l-atti tal-ministeru tiegħu. Hija l-propja qalb u l-propja ħajja li huwa kien ifittex li jaddatta għal Kristu.

It-talb kien ir-ruħ ta’ ħajtu: talb sieket, kontemplattiv, ġeneralment fil-knisja tiegħu, f’riġlejn it-tabernaklu. Permezz ta’ Kristu, ruħu tkun nieqsa mit-Tliet Persuni divini, li lilhom fit-testment, jagħti lill-«imsejkna ruħu». «Kien iżomm għaqda kostanti ma’ Alla f’nofs ħajtu okkupata b’mod estrem». U ma kien jittraskura la l-Uffiċċju divin u linqas ir-Rużarju.

Kien idur b’mod spontanju lejn il-Verġni.

Il-faqar tiegħu kien wieħed straordinarju.

Kien litteralment jinżà għall-foqra.  U kien jaħrab l-unuri. Il-kastità kienet tispikka f’ħarstu. Kien jaf il-prezz tal-purità biex «mill-ġdid isib s-sors tal-imħabba li huwa Alla». L-ubbidjenza lil Kristu kienet tittraduċi ruħha, għal Ġwanni Maria Vianney, fl-ubbidjenza lill-Knisja u b’mod speċjali lill-Isqof. Kien jinkarna ruħu fl-aċċettazzjoni tal-inkarigu tqil ta’ kappillan, li spiss kien ibeżżgħu.

Imma l-Vanġelu jinsisti b’mod speċjali fuq iċ-ċaħda ta’ dak li jkun, fuq l-aċċettazzjoni tas-salib. Ħafna slaleb jippreżentaw ruħhom lill-Kurat ta’ Ars fil-korsa tal-ministeru tiegħu: kalunji tan-nies, nuqqas ta fehim ta’ vikarju jew ta’ sħabu, kontradizzjonijiet, u wkoll lotta misterjuża kontra l-qawwiet infernali, u kultant saħansitra t-tentazzjoni tad-disperazzjoni f’nofs ta’ lejl tal-ispirtu.

Bdanakollu, huwa ma kienx jikkuntenta ruħu li jaċċetta dawn il-provi mingħajr ma jgerger: kien jidħol għall-mortifikazzjoni, billi jissottometti ruħu għal sawm kontinwu u għall-manjieri oħra aktarx goffi li «jirriduċu lil ġismu għall-jasar», kif jgħid San Pawl.

Imma dak li hemm bżonn naraw sewwa f’din il-penitenza, li sfortunatament is-seklu tagħna tilef id-drawwa, huma l-mottivi: l-imħabba ta’ Alla u l-konverżjoni tal-midimbin. Hekk imur jistaqsi lil wieħed minn ħutu li qatà qalbu: «Tlabt..., ħriġt tokrob..., imma somt, shart?...» (Nodet, p. 193).

Wieħed jilħaq hawn it-twissija ta’ Ġesù lill-Appostli: «Din ir-razza ta’ xjaten ma titkeċċiex jekk mhux bit-talb u bis-sawm» (Mt 17,21).

Fl-aħħarnett, Ġwanni Maria Vianney kien iqaddes lilu nnifsu biex ikun iktar imħarreġ sewwa biex iqaddes lill-oħrajn. Bla dubju ta’ xejn, il-konverżjoni tibqà s-sigriet tal-qlub, ħielsa mid-deċiżjoni tagħhom, u s-sigriet tal-grazzja ta’ Alla. Bil-ministeru tiegħu, is-saċerdot ma jistax ma jilluminax il-persuni, jiggwidahom lejn il-konfessjonarju u jirregalalhom is-sagramenti. Dawn is-sagramenti huma iva atti ta’ Kristu, li l-effett tagħhom ma jistax jitnaqqas mill-imperfezzjoni jew mill-indenjità tal-ministru. Imma r-riżultat jiddependi wkoll mid-dispożizzjonijiet ta’ dak li jirċevihom u dawn huma ffavoriti bil-kbir mill-qdusija personali tas-saċerdot, mix-xhieda mogħtija tiegħu, kif ukoll mill-bdil misterjuż ta’ merti fix-xirka tal-qaddisin. San Pawl kien jgħid: «Inkompli f’ġismi dak li jonqos għat-tbatijiet ta’ Kristu, favur ġismu li huwa l-Knisja» (Kol 1,24). Ġwanni Maria Vianney ried b’xi mod jaħtaf lil Alla l-grazzji tal-konverżjoni, mhux biss bit-talb tiegħu, imma bis-sagrifiċċju ta’ ħajtu kollha. Ried iħobb lil Alla għal dawk li ma kinux iħobbuh u saħansitra jwettaq il-biċċa l-kbira tal-penitenza li huma ma kinux jagħmlu.

Kien tassew ir-ragħaj solidali mal-poplu midneb tiegħu.

Għeżież ħuti saċerdoti, ma nibżgħux minn dan l-involviment personali – indikat mill-axxesi u ispirat mill-imħabba – li Alla qed jitlobna biex neżerċitaw sewwa s-saċerdozju tagħna. Ejjew niftakru dwar ir-riflessjoni riċenti tas-Santi Padri sinodali: «Donnu li fid-diffikultajiet attwali Alla jrid jgħallimna b’mod iktar profond il-valur, l-importanza u r-rwol ċentrali tas-salib ta’ Ġesù Kristu». Fis-saċerdot, il-Kristu jgħix mill-ġdid il-Passjoni tiegħu għall-erwieħ. Ejjew niżżu ħajr lil Alla, li jippermettilna b’dan il-mod li nieħdu sehem fir-Redenzjoni ta’ qalbna u ta’ ġisimna!

Għal dawn ir-raġunijiet kollha San Gwann Maria Vianney ma jaqtax li jkun xhud, dejjem ħaj, tal-verità dwar il-vokazzjoni u dwar is-servizz saċerdotali. Huwa jfakkarna dwar it-ton konvint li bih hu għaraf jitkellem dwar il-kobor tas-saċerdot u dwar il-bżonn assolut tiegħu. Is-saċerdoti, dawk li jħejju ruħhom għas-saċerdozju u dawk li għad jissejħu jinħtieġu li jiffissaw ħarsithom fuq l-eżempju tiegħu u li jsegwuh. Il-fidili nfushom iħossu aħjar, grazzi lilu, il-misteru tas-saċerdozju tas-saċerdoti tagħhom. Le, il-figura tal-Kurat ta’ Ars ma tinżel qatt!

Għeżież ħuti saċerdoti, intom konvinti sewwa mill-importanza tal-aħbar tal-Vanġelu, li l-Konċilju Vatikan II qiegħed fl-ewwel post fost il-funzjonijiet tas-saċerdot. Intom tisfurzaw ruħkom permezz tal-katekeżi, tal-predikazzjoni u taħt forom oħra li jinqdew ukoll bil-Mass-media, ħalli jaslu sal-qlub tan-nies ta’ żmienna, bl-istennijiet u bl-inċertezzi tagħhom, biex iqanqlu u jitimgħu l-fidi. Bħall-Kurat ta’ Ars u skont l-eżortazzjoni tal-Konċilju, iddedikaw ruħkom biex tgħallmu l-Kelma ta’ Alla fiha nfisha, li ssejjaħ lill-bnedmin għall-konverżjoni u l-qdusija.

Konklużjoni: għal Ħamis ix-Xirka

12. Għeżież ħuti jalla dawn ir-riflessjonijiet iħeġġu mill-ġdid l-ferħ tagħkom li intom saċerdoti, ix-xewqa tagħkom li tkunu hekk b’mod iktar profond! Ix-xhieda tal-Kurat ta’ Ars tiġbor fiha mill-ġdid bosta rikkezzi oħra li ta’ min japprofondihom. Nerġgħu lura b’mod iktar wiesà fuq dawn it-temi fl-okkażjoni tal-pellegrinaġġ li jien stess se jkolli l-ferħ li nwettaq f’Ottubru li ġej ġewwa Ars biex nonora t-tieni ċentinarju tat-twelid ta’ Ġwanni Maria Vianney.

Qed nibgħatilkom din l-ewwel meditazzjoni, għeżież ħuti, għas-sollennità ta’ Ħamis ix-Xirka. F’kull waħda mill-komunitajiet dijoċeżani tagħna se ninġabru, f’dak il-jum tat-twelid tas-saċerdozju tagħna, biex inġeddu l-grazzja tas-sagrament tal-Ordni Sagri, biex inħeġġu mill-ġdid l-imħabba li tikkaratterizza l-vokazzjoni tagħna. Nisimgħu lil Kristu li jirrepetilna bħal ma għamel lill-Appostli: «Ħadd ma għandu mħabba ikbar minn din: li tagħti ħajtek għal ħbiebek… Ma nsejħilkomx iktar qaddejja…, sejjaħtilkom ħbieb» (Ġw 15,13-15).

Quddiem Dak li jimmanifesta l-Imħabba fil-milja tagħha, aħna nġeddu l-impenji tagħna saċerdotali, Saċerdoti u Isqfijiet.

Nitolbu għal xulxin, kull wieħed għal ħuh, u kull wieħed għal kulħadd.

Ejjew nitolbu lis-Saċerdot etern li t-tifkira tal-Kurat ta’ Ars tgħinna nħeġġu mill-ġdid iż-żelu tagħna għas-servizz tiegħu.

Nitolbu lill-Ispirtu Santu biex isejjaħ għas-servizz tal-Knisja bosta saċerdoti bit-temperament u bil-qdusija tal-Kurat ta’ Ars: ukoll fl-epoka tagħna għandna bżonn kbir, u xejn inqas kapaċi li jiffjorixxu tali vokazzjonijiet..

U aħna nafdaw is-saċerdozju tagħna lill-Verġni Marija, Omm is-saċerdoti, li għandha Ġwanni Maria Vianney kien jirrikorri bla waqfien b’imħabba ħelwa u b’fiduċja assoluta. Kien dan, għalih, mottiv iktar biex jiżżi ħajr: «Ġesù Kristu – kien jgħid – wara li kien tana dak kollu li setà jagħtina, ried ukoll jagħmilna werrieta ta’ dak li hu kellu l-iktar għażiż, jiġifieri l-Imqaddsa Ommu » (Nodet, p. 252). Minn naħa tiegħi, nerġà nikkonfermalkom l-imħabba kollha tiegħi u, flimkien mal-Isqof tagħkom, nibgħatilkom il-Barka Apostolika tiegħi.

Mill-Vatikan, is-16 ta’ Marzu, il-ħames Ħsdd tar-Randan, tas-sena 1986, it-tminn sena tal-Pontifikat.

ĠWANNI PAWLU II

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb