ITTRA TAL-QDUSIJA TIEGĦU
ĠWANNI PAWLU II
LIS-SAĊERDOTI
GĦAL ĦAMIS IX-XIRKA 1985

 

 

Għeżież ħuti Saċerdoti!

1. Fil-liturġija ta’ Ħamis ix-Xirka ningħaqdu b’mod partikolari ma’ Kristu li huwa s-sors etern u ma jaqtà xejn tas-saċerdozju tagħna fil-Knisja. Huwa biss huwa s-saċerdot tas-sagrifiċċju propju, bħal ma huwa wkoll l-vittma (hostia) ineffabbli tas-saċerdozju propju fis-sagrifiċċju tal-Golgota.

Waqt l-Aħħar Ċena, huwa ħalla lill-Knisja dan is-sagrifiċċju tiegħu – is-sagrifiċċju tal-Patt il-ġdid u etern – bħala Ewkaristija: is-Sagrament ta’ Ġismu u ta’ Demmu taħt l-ispeċi tal-ħobż u tal-imbid «skont il-mod ta’ Melkisedek».

Meta jgħid lill-Appostli: «Agħmlu dan b’tifkira tiegħi!» (Lq 22,19; 1Kor 11,24s) huwa jwaqqaf il-ministri ta’ dan is-Sagrament fil-Knisja, li fiha għaż-żminijiet kollha għandu jkompli, jiġġedded u jattwa ruħu s-sagrifiċċju minnu offrut għall-fidwa tad-dinja, u lil dawn l-istess ministri jordna li joperaw – bis-saħħa tas-saċerdozju sagramentali tagħhom – minn floku: «in persona Christi».

Dan kollu, għeżież Ħuti, minħabba s-suċċessjoni apostolika jasal għandna pparteċipat fil-Knisja. Ħamis ix-Xirka huwa kull sena l-jum tat-twelid tal-Ewkaristija, u huwa, fl-istess ħin, il-milied tas-saċerdozju tagħna, li huwa qabel kollox ministerjali u fl-istess ħin ġerarkiku. Huwa ministerjali għaliex bis-saħħa tal-Ordni sagri neżerċitaw fil-Knisja dak is-servizz li huwa mogħti biex iwettquh biss is-Saċerdoti, qabel kollox is-servizz tal-Ewkaristija. Huwa wkoll ġerarkiku, għaliex dan is-servizz jippermettilna, waqt li nservu, li niggwidaw pastoralment il-komunitajiet singuli tal-Poplu ta’ Alla, f’għaqda mal-Isqfijiet, li wirtu mill-appostli is-setgħa u l-kariżma pastorali fil-Knisja.

2. Fil-jum solenni ta’ Ħamis ix-Xirka il-komunità tas-Saċerdoti – jiġifieri l-presbiterju – ta’ kull Knisja, nibdew minn dik ta’ Ruma, tagħti espressjoni partikolari lill-għaqda tagħha fis-saċerdozju ta’ Kristu. U wkoll f’dan il-jum jiena nindirizza –issa mhux għall-ewwel darba f’għaqda ma’ Ħuti l-Isqfijiet – lilkom li intom ħuti u ħutna fis-saċerdozju ministerjali ta’ Kristu, f’kull post tad-dinja, f’kull nazzjon u poplu, lingwa u kultura. Bħal ma diġa ktibt darb’oħra, waqt li naddotta l-kliem magħruf ta’ Santu Wistin, intennilkom: «Vobis sum episcopus» u, fl-istess ħin, «vobiscum sum sacerdos». Fil-jum solenni ta’ Ħamis ix-Xirka flimkien magħkom ilkoll, għeżież ħuti, inġedded – bħal kull Isqof fil-Knisja propja – bl-iktar profonda umiltà u gratitudni l-għarfien tar-realtà tad-Don, li permezz tal-Ordinazzjoni saċerdotali sar parti tagħna – parti ta’ kull wieħed u ta’ kulħadd – fil-presbiterju tal-Knisja universali (cfr. Ps 16,5).

Is-sentiment tal-gratitudni umli irid sena wara l-oħra jħejjijna dejjem aħjar għall-multiplikazzjoni ta’ dak it-talent li l-Mulej sawwab fuqna fil-jum tat-tluq tiegħu, sabiex inkunu nistgħu nippreżentaw ruħna quddiemu fil-jum tat-tieni miġja tiegħu, aħna, lil min qal:  «ma nsejħilkomx iktar qaddejja,… imma sejjaħtilkom ħbieb… Mhux intom għażiltu lili, imma jien għażilt lilkom u ħtartkom, sabiex tmorru u tieħdu l-frott u l-frott tagħkom jibqà» (Ġw 15,15s).

3. Waqt li nagħmel referenza għal dan il-kliem tal-Imgħallem tagħna, li jiġbor fih l-iktar awguri meraviljużi għall-jum tat-twelid tas-saċerdozju tagħna, nixtieq inmiss, f’din l-Ittra għal Ħamis ix-Xirka, waħda mill-problemi li neċessarjament niltaqgħu magħhom tul it-triq tal-vokazzjoni saċerdotali tagħna, kif ukoll tal-missjoni apostolika.

Dwar din il-problema titkellem b’mod iktar wiesà l- «Ittra liż-Żgħażagħ», li qed ninkludi mal-messaġġ annwali preżenti għal Ħamis ix-Xirka. Is-sena kurrenti 1985, fuq inizjattiva tal-Organizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda, qed tkun infatti ċċelebrata fid-dinja kollha s-Sena Internazzjonali taż-Żgħożija. Jien dehrli li din l-inizjattiva ma setgħetx tibqà fit-truf tal-Knisja, bħal ma ma baqgħux inizjattivi nobbli oħra ta’ karattru nternazzjonali, bħal per eżempju, l-inizjattiva tas-Sena tal-persuni anzjani, jew inkella dik tal-persuni b’diżabiltà u, oħrajn simili. F’dawn l-inizjattivi kollha il-Knisja la tistà u inqas għandha tibqà fit-truf, għar-raġuni essenzjali li dawn jinsabu fil-qalba tal-missjoni tagħha u tas-servizz tagħha, li huwa li tibni lilha nfisha u tikber bħala komunità ta’ kredenti, bħal ma turi tant tajjeb il-Kostituzzjoni dommatika «Lumen Gentium» tal-Konċilju Vatikan II. Bil-mod tagħha, kull waħda minn dawn l-inizjattivi twettaq ukoll ir-realtà tal-preżenza tal-Knisja fid-dinja kontemporanja, ħaġa li għaliha l-aħħar Konċilju ta espressjoni maġistrali fil-Kostituzzjoni pastorali «Gaudium et Spes».

Nixtieq, għalhekk, ukoll fl-ittra ta’ Ħamis-Xirka ta’ din is-sena, nesprimi diversi ħsibijiet dwar it-tema taż-żgħażagħ fix-xogħol pastorali tas-Saċerdoti u, b’mod ġenerali, fl-apostolat propju tal-vokazzjoni tagħna.

4. Ġesù Kristu huwa wkoll f’dan iż-żmien il-mudell l-iktar perfett. Id-djalogu tiegħu maż-żagħżugħ, li nsibu fit-test tat-tliet Vanġeli sinottiċi (cfr. Mt 19,16-22; Mk 10,17-22; Lq 18,18-23), jikkostitwixxi sors ineżawribbli ta’ riflessjoni dwar din it-tema. Għal dan is-sors se nirreferi jien b’mod speċjali fl-«Ittra liż-Żgħażagħ» ta’ din is-sena, imma għaliha tajjeb ukoll li nirrikorru biex taqdina b’mod speċjali meta naħsbu dwar l-impenn tagħna saċerdotali u pastorali fir-rigward taż-żgħażagħ. Ġesù Kristu hemm bżonn li f’dan jibqà għalina s-sors ewlieni u fundamentali ta’ ispirazzjoni.

It-test talVanġelu jindika li ż-żagħżugħ kellu aċcess faċli għal Ġesù. Għalih l-Imgħallem ta’ Nażżaret kien xi ħadd, li lejh setà jdur b’fiduċja: xi ħadd, li miegħu setà jafda l-mistoqsijiet essenzjali tiegħu; xi ħadd, li mingħandu kien jistenna tweġiba vera. Dan kollu għalina wkoll huwa ndikazzjononi ta’ mportanza fundamentali. Kull wieħed minna għandu jiddistingwi ruħu għal aċċessibiltà simili għal dik ta’ Kristu: hemm bżonn li ż-żgħażagħ ma jsibux diffikultà fl-avviċinament għas-saċerdot, waqt li jagħrfu fih l-istess ftuħ, benevolenza u disponibiltà fil-konfront tal-problemi li jinkwetawhom. Saħansitra, meta minħabba temperament jkunu ftit jew wisq riservati, jew magħluqin fihom infushom, kemm bżonn li l-imġieba tas-saċerdot, tiffaċilitalhom is-superament tar-reżistenzi li jitqanqlu minħabba tali fatt. Mill-bqija, permezz ta’ diversi toroq wieħed jistabilixxi u jifforma il-kuntatt li jistà wara kollox jiġi definit bħala «djalogu ta’ salvazzjoni». Dwar din it-tema s-saċerdoti, impenjati fil-pastorali taż-żgħażagħ, jistgħu huma stess jgħidu ħafna; nixtieq, mela, nirreferi sempliċement għall-esperjenzi tagħhom. Importanza speċjali għandha naturalment l-esperjenza tal-Qaddisin, u nafu li ma jonqsux fost il-ġenerazzjonijiet tas-Saċerdoti «r-rgħajja qaddisin taż-żgħażagħ».

L-aċċessibiltà tas-Sacerdot fir-rigward taż-żgħażagħ tfisser mhux biss faċilità ta’ kuntatt magħhom, fit-tempju u barra minnu, kulfejn iż-żgħażagħ iħossu ruħhom miġbuda b’mod konformi għall-karitteristiċi tajbin tal-età tagħhom (hawn per eżempju naħseb dwar, it-turiżmu, l-isport, kif ukoll b’mod ġenerali għall-isfera tal-interessi kulturali). L-aċċessibiltà, li tagħha jagħtina eżempju l-Kristu, tikkonsisti f’xi ħaġa iktar. Is-Saċerdot, mhux biss minħabba t-tħejjija ministerjali tiegħu, imma wkoll minħabba l-kompetenza miksuba fix-xjenzi tal-edukazzjoni, għandu jispira fiduċja fiż-żgħażagħ bħala persuna ta’ fiduċja tal-problemi tagħhom ta’ karattru fundamentali, tal-kwistjonijiet li jolqtu l-ħajja spiritwali tagħhom, tal-interrogattivi ta’ kuxjenza. Iż-żagħżugħ, li jersaq lejn Ġesù ta’ Nazzaret, jistaqsi b’mod dirett: «Mgħallem tajjeb, xi rrid nagħmel biex nakkwista l-ħajja ta’ dejjem?» (Mk 10,17).

L-istess domanda tistà tiġi magħmula b’mod differenti, mhux dejjem b’mod daqstant espliċitu; spiss din tiġi magħmula b’mod dirett u apparentement distakkat. Madankollu, id-domanda, rappurtata mill-Vanġelu tiddetermina, sa ċertu punt, spazju wiesà, fil-qasam li fih jiżviluppa ruħu d-djalogu pastorali tagħna maż-żgħożija. Bosta problemi jidħlu f’dan l-ispazju, jidħlu f’numru kbir interrogattivi possibbli u risposti possibbli, għaliex il-ħajja umana, b’mod speċjali waqt iż-żgħożija, hija versatili fl-għana tagħha ta’ interrogattivi, u l-Vanġelu, minn naħa tiegħu, huwa għani b’possibiltajiet ta’ tweġiba.

5. Jinħtieġ li s-Saċerdot f’kuntatt maż-żgħażagħ ikun jaf jisma u jaf iwieġeb. Jinħtieġ li jew il-wieħed jew l-ieħor minn dawn l-atti jkun frott tal-maturità nterna tiegħu; hemm bżonn li dan isib konferma f’koerenza ċara bejn ħajja u tagħlim, iktar minn hekk, hemm bżonn li dan ikun frott ta’ talb, ta’ għaqda ma’ Kristu Sidna, u ta’ ħlewwa għall-azzjoni tal-Ispirtu Santu.  Hawn naturalment hija mportanti struzzjoni adegwata, imma, qabel kollox, importanti huwa s-sens ta’ responsabiltà quddiem il-verità u quddiem il-kelliem. Id-djalogu rappurtat mis-Sinottiċi, jipprova qabel kollox li l-Imgħallem, li lejh idur dak iż-żagħżugħ kelliem, għandu f’għajnejh kredibiltà u awtorità speċjali: l-awtorità morali. Iż-żagħżugħ jistenna mingħandu l-verità, u jaċċetta t-rweġiba bħala espressjoni ta’ verità li tobbliga. Din il-verità tistà tkun esiġenti. M’għandux ikollna biżà li nesiġu ħafna miż-żgħażagħ. Jistà jkun li xi ħadd jitlaq «imdejjaq», meta jidhirlu li ma jistax jiffaċċja xi esiġenza jew oħra;  madankollu, tali dwejjaq jistgħu wkoll ikunu «feddejja». Kultant iż-żgħażagħ ikollhom jgħaddu ‘l quddiem permezz ta’ tali dwejjaq feddejja, biex gradatament jaslu għall-verità u għal dak il-ferħ li din tagħti.

Iż-żgħażagħ, mill-bqija, jafu li l-veru ġid ma jistax ikun «irħis», li jrid ikun  «jiswa». Huma jippossiedu certu stint b’saħħtu, fejn jidħlu l-valuri. Jekk l-art tar-ruħ għadha ma cedietx għall-korruzzjoni, huma jirrejaġixxu b’mod dirett skont dan il-ħaqq b’saħħtu. Jekk mill-banda l-oħra jekk it-taħsir morali diġa ppenetra, ikun hemm bżonn li terġà tissaħħaħ l-art, u dan ma jkunx possibbli li jsir jekk ma jingħatawx tweġibiet veri u ma jkunux ipproponuti valuri veri.

Fil-mod tal-aġir ta’ Kristu hemm ħaġa tassew istruttiva. Meta ż-żagħżugħ idur lejh («Mgħallem twajjeb»), Ġesù sa ċertu punt «iwarrab fil-ġemb», sabiex iwieġbu: «Twajjeb huwa biss Alla» (cfr. Mt 19,17; Mk 10,18; Lq 18,19). Fil-fatt, fil-kuntatti kollha tagħna maż-żgħażagħ dan donnu jidher b’mod partikolari mportant. Aħna hemm bżonn li nkunu daqs qatt qabel impenjati b’mod personali, hemm bżonn li naġixxu bin-naturalezza kollha tal-interlokotur, tal-ħabib, tal-gwida; u, fl-istess ħin, ma nistgħux, linqas għal waqt wieħed biss noskuraw lilu «li huwa biss hu twajjeb», dak li huwa nviżibbli u fl-istess ħin huwa daqs qatt qabel preżenti: «Interior intimo meo», bħal ma jgħid Santu Wistin. Waqt li naġixxu bil-mod l-iktar naturali, «in prima persona», ma nistgħux ninsew li l-«prima persona» f’kull djalogu ta’ fidwa jistà jkun huwa biss li waħdu jsalva u waħdu jqaddes. Kull kuntatt tagħna maż-żgħażagħ, il-pastorali fi kwalunkwè forma – ukoll dik l-iktar «profana» b’mod estern – għandha sservi bl-umiltà kollha biex tiftaħ u biex  twessà l-ispazju għal Alla, għal Ġesù Kristu, sabiex «Missieri jopera dejjem u jien ukoll nopera» (Ġw 5,17).

6. Fit-tifsil evanġeliku tal-konversazzjoni ta’ Kristu maż-żagħżugħ hemm espressjoni li jmissna nassimilaw b’mod partikolari. L-evanġelista jgħid li Ġesù «waqt li ffissa lejh ħabbu» (Mk 10,21). Hawn inmissu l-punt tassew nevralġiku. Li kieku kellna ninterrogaw lil dawk li, fost il-ġenerazzjonijiet tas-Saċerdoti, għamlu l-iktar għaż-żgħażagħ eżistenti, għas-subien u għall-bniet – lil dawk li wettqu maġġorment frott dejjiemi fix-xogħol maż-żgħażagħ – nikkonvinċu lilna nfusna li l-ewwel sors u l-iktar profond tal-effett tagħhom kienet dik il-«fissazzjoni b’imħabba» ta’ Kristu.

Hemm bżonn li nidentifikaw sewwa din l-imħabba tar-ruħ saċerdotali tagħna. Din hija sempliċement l-imħabba «tal-proxxmu»: l-imħabba tal-bniedem fi Kristu, li tirrigwarda lil kull wieħed u waħda,  li nagħrfu lil kulħadd. Din l-imħabba mhix –fir-rigward taż-żgħożija – xi ħaġa esklussiva, bħallikieku għandix ma nqisx lill-oħrajn u, allura, per eżempju l-kbar, l-anzjani jew il-morda. Iva, l-imħabba għaż-żgħażagħ tippossiedi l-karattru tagħha evanġeliku biss meta tirriżulta mill-imħabba lejn xi ħadd u għall-kulħadd. Fl-istess ħin, din, inkwantu mħabba, tippossiedi l-karatteristika speċifika tagħha u, wieħed jistà jgħid, kariżmatika. Din l-imħabba tirriżulta minn simpatija partikolari lejn dak li hija ż-żgħożija fil-ħajja tal-bniedem. Iż-żgħażagħ bla ebda dubju ta’ xejn jippossiedu ġibda kbira, propju tal-età tagħhom, imma kultant għandhom ukoll mhux ftit debbolizzi u difetti. Il-ġuvni  tal-Vanġelu, li miegħu tkellem Kristu, jippreżenta ruħu minn banda bħala Iżraelita fidil għall-kmandamenti ta’ Alla, imma wara jidher bħala bniedem ikkondizzjonat wisq mill-għana tiegħu u marbut iżżejjed ma’ ġidu.

L-imħabba għaż-żgħażagħ – din l-imħabba li hija attribut indispensabbli ta’ kull edukatur onest u ta’ kull ragħaj tajjeb – taf sewwa kemm il-preġji kif ukoll id-difetti, propji taż-żgħożija u taż-żgħażagħ. Fl-istess ħin, din l-imħabba – l-istess bħall-imħabba ta’ Kristu – permezz tal-preġji u d-difetti tilħaq b’mod dirett lill-bniedem: tilħaq bniedem, li jkun jinsab fil-fażi tal-ħajja estremament importanti. Huma tassew bosta l-ħwejjeġ li jiffurmaw u jiddeċiedu f’din il-fażi (kultant b’mod irriversibbli). Min kif tkun iż-żgħożija jiddependi b’mod sewwa l-futur tal-bniedem, jiġifieri l-futur ta’ persuna umana konkreta u irripetibbli. Iż-żgħożija, mela, fil-ħajja ta’ kull bniedem hija fażi ta’ responsabiltà partikolari. L-imħabba għaż-żgħażagħ hija, qabel kollox, l-għarfien ta’ din ir-responsabiltà u d-disponobiltà fil-qsim tagħha.

Tali mħabba hija tasew dizinteressata. Hija tqanqal fiduċja fiż-żgħażagħ. Dawn, anzi, jkollhom bżonn enormi tagħha fil-fażi tal-ħajja li jkunu għaddejjin minnha. Kull wieħed minna, saċerdoti, għandu jkun imħejji b’mod speċjali għal tali mħabba gratwita. Wieħed jistà jgħid li l-axxeżi kollha tal-ħajja saċerdotali, ix-xogħol ta’ kuljum fuqu, l-ispirtu ta’ talb, l-għaqda ma’ Kristu, il-fiduċja f’Ommu jsibu propju f’dan il-punt l-verifika tagħhom ta’ kuljum. L-imħuħ taż-żgħażagħ huma kultant tassew kritiċi. Minħabba f’hekk, hija mportanti fis-saċerdot it-tħejjija ntellettwali. Fl-istess ħin, iżda, l-esperjenza twettaq li huma ferm iktar importanti t-tjubija, id-dedikazzjoni u wkoll il-fermezza: il-kwalitajiet tal-karattru u tal-qalb.

Naħseb, għeżież ħuti, li kull wieħed minna jmissu jitlob b’mod insistenti lill-Mulej Ġesù li l-kuntatt tiegħu maż-żgħażagħ ikun essenzjalment sehem minn dik il-ħarsa li biha hu «iffissa» liż-żagħżugħ interlokotur tiegħu fil-Vanġelu, u sehem minn dik l-imħabba li biha hu «ħabbu». Imissna wkoll nitolbu b’mod insistenti, sabiex din l-imħabba saċerdotali, diżinteressata, tikkorrispondi b’mod konkret mal-istennijiet taż-żgħożija kollha, kemm dik maskili kif ukoll dik femminili, tas-subien u tal-bniet. Ikun, infatti kemm ikun iddiversifikat l-għana kkostitwit mill-maskulinità u mill-femminilità għall-iżvilupp ta’ persuna umana konkreta u rripetibbli. Fir-rigward ta’ kull wieħed u ta’ kull waħda aħna hemm bżonn li nitgħallmu minn Kristu dik l-imħabba, li biha huwa stess «ħabb».

7. L-imħabba tirrendi kapaċi li wieħed jipproponi l-ġid. Ġesù «iffissa b’imħabba» liż-żagħżugħ interlokotur tiegħu fil-Vanġelu u qallu: «Imxi warajja» (Mt 19,21; Mk 10,21; Lq 18,22). Dan il-ġid, li nistgħu nipproponu liż-żgħażagħ, ikun dejjem esprimut f’din l-eżortazzjoni: Imxi wara l-Kristu! Aħna m’għandniex ġid ieħor x’nipproponu. Imxi wara l-Kristu tfisser qabel kollox, fittex li ssib mill-ġdid lilek innifsek bħala bniedem. Infatti, il-Kristu huwa propju dak li – bħal ma jgħallem il-Konċilju - «żvela ... għal kollox il-bniedem lill-bniedem u gegħelu jinnota l-vokazzjoni l-iktar għolja tiegħu» (Gaudium et Spes, 22).

U mela: imxi wara l-Kristu! Dan ifisser! Fittex li ssib mill-ġdid dik il-vokazzjoni, li Kristu wera lill-bniedem: dik il-vokazzjoni li fiha jwettqu lilhom infushom il-bniedem u d-dinjità propja tiegħu.  Biss fid-dawl ta’ Kristu u tal-Vanġelu tiegħu nistgħu nifhmu għal kollox xi jrid jingħad bil-bniedem inħoloq xbiha u xebħ ta’ Alla nnifsu. Bil-mixi warajh biss, nistgħu nimlew din ix-xbiha eterna b’kontenut ta’ ħajja konkreta. Dan il-kontenut huwa multiformi; bosta huma l-vokazzjonijiet u d-dmirijiet tal-ħajja, li fil-konfront tagħhom iż-żgħażagħ iridu jippreċiżaw il-propja triq tagħhom. Madankollu, fuq kull waħda minn dawn it-toroq iridu jwettqu vokazzjoni fundamentali: li tkun bniedem! Li tkun hekk ta’ nisrani! Li tkun bniedem «fil-qies tad-don ta’ Kristu» (Ef 4,7).

Jekk fi qlubna saċerdotali jkun hemm l-imħabba għaż-żgħażagħ, inkunu nafu ngħinuhom fir-riċerka għat-tweġiba għal dak li huwa l-vokazzjoni tal-ħajja ta’ kull wieħed u ta’ kull waħda minnhom. Inkunu nafu ngħinuhom, waqt li nħallulhom il-libertà sħiħa ta’ tiftix u ta’ għażla, waqt li fl-istess ħin nuruhom il-valur essenzjali – fis-sens uman u nisrani – ta’ kull waħda minn dawn l-għażliet.

Inkunu wkoll nafu nkunu magħhom, ma kull waħda u ma kull wieħed, f’nofs il-provi u t-tbatijiet, li minnhom bla ebda dubju ż-żgħożija mhix nieqsa. Iva, kultant huma ftit jew wisq esaġerati. Dawn huma tbatijiet u provi ta’ ġeneru differenti, huma delużjonijiet u diżinganni, huma propju kriżijiet: iż-żgħożija hija sensibbli b’mod partikolari u mhux dejjem imħejjija għad-daqqiet, li ssawwathom bihom il-ħajja. Illum it-theddida għall eżistenza umana fil-livell ta’ soċjatajiet sħaħ, anzi tal-umanità kollha kemm hi, tikkawża b’mod ġust inkwiet f’bosta żgħażagħ. Hemm bżonn li ngħinuhom f’dan l-inkwiet biex jiskopru l-vokazzjoni propja. Hemm bżonn, fl-istess ħin, li nsostnuhom u nikkonfermawhom fix-xewqa li jbiddlu d-dinja, li jirrenduha iktar umana u iktar fraterna. Dan mhux biss kliem imma hu r-realtà kollha tat- «triq», li l-Kristu jindika għal dinja magħmula propju hekk. Tali dinja hija msejħa fil-Vanġelu s-Saltna ta’ Alla. Is-Saltna ta’ Alla hija, fl-istess ħin, il-vera  «saltna tal-bniedem»: hija d-dinja l-ġdida, li fiha titwettaq l-awtentika  «regalità tal-bniedem».

L-imħabba hija kapaċi tipproponi l-ġid. Meta Kristu jgħid liż-żagħżugħ: «Imxi warajja», f’dak il-każ evanġeliku konkret hija sejħa biex «iħalli kollox» u biex jaqbad it-triq tal-appostli tiegħu. Id-djalogu ta’ Kristu maż-żagħżugħ huwa l-prototipu ta’ tant djalogi differenti, li fihom tinfetaħ quddiem ruħ żagħżugħa l-prospettiva tal-vokazzjoni saċerdotali jew reliġjuża. Imissna, għeżież ħuti sacerdoti u rgħajja, inkunu nafu nidentifikaw sewwa dawn il-vokazzjonijiet. «Il-ħsad – tassew – huwa kbir imma l-ħaddiema huma ftit!». ‘L hawn u ‘l hemm huma ftit ħafna! Nitolbu aħna stess lil «sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema fil-ħsad tiegħu» (Mt 9,37s). Nitolbu aħna stess, nitolbu lill-oħrajn biex jitolbu għal dan. U, fuq kollox, infittxu li b’ħajjitna noħolqu punt konkret ta’ riferenza għall-vokazzjonijiet saċerdotali u reliġjużi: mudell konkret. Iż-żgħażagħ għandhom bżonn indispensabbli ta’ tali mudell konkret, biex jiskopru fihom infushom il-possibiltà li jsegwu triq simili. F’dan il-qasam is-saċerdozju tagħna jistà jagħmel frott b’mod singulari. Aħdmu għal dan, u itolbu sabiex id-Don, li rċivejtu, jsir sors ta’ donazzjoni għall-oħrajn: propju għaż-żgħażagħ!

8. Jistà jingħad u jinkiteb bosta iktar dwar din it-tema. L-edukazzjoni u l-pastorali taż-żgħażagħ huma oġġett ta’ bosta studji sistematiċi u ta’ bosta pubblikazzjonijiet. Waqt li niktbilkom fl-okkażjoni ta’ Ħamis ix-Xirka, għeżież ħuti Saċerdoti, nixtieq nillimita ruħi biss għal xi ħsibijiet. Nixtieq, f’ċertu sens, «nindika» waħda mit-temi li terġà tidħol fl-għana multipla tal-vokazzjoni tagħna u tal-missjoni saċerdotali. Dwar l-istess tema tgħid ferm iktar l-«Ittra liż-Żgħażagħ», li flimkien ma’ din inqiegħed għad-dispożizzjoni tagħkom, sabiex tkunu tistgħu tinqdew biha b’mod speċjali fis-sena kurrenti taż-żgħożija.

Fil-liturġija l-qadima li s-saċerdoti anzjani għadhom jiftakru, il-Quddiesa mqaddsa kienet tibda b’talba f’riġlejn l-altar, u l-ewwel kliem tas-salm kienu jdoqqu hekk: «Introibo ad altare Dei - ad Deum, qui laetificat iuventutem meam» («Nersaq lejn l-altar ta’ Alla, lejn Alla li jferraħ żgħożiti»).

Nhar Ħamis ix-Xirka aħna lkoll nerġgħu lura għas-sors tas-saċerdozju tagħna – fiċ-Ċenaklu. Ejjew nimmeditaw kif dan twieled fil-qalb ta’ Ġesù Kristu waqt l-Aħħar Ċena. Ejjew nimmeditaw ukoll kif hu twieled fil-qalb ta’ kull wieħed minna.

F’dan il-jum, għeżież ħuti, nixtieq nawgura lilkom ilkoll u nawgura lil kull wieħed – indipendentement mill-età u mill-ġenerazzjoni li tagħmlu parti minnha – li «id-dħul ħdejn l-altar ta’ Alla (kif jesprimi ruħu s-Salm) ikun għalikom (is-sors taż-żgħożija soprannaturali tal-ispirtu, li jiġi minn Alla nnifsu). Dan «iferraħna biż-żgħożija» tal-misteru etern tiegħu f’Ġesù Kristu. Bħala Saċerdoti ta’ dan il-misteru feddej, aħna nieħdu sehem fis-sorsi stess taż-żgħożija ta’ Alla: ta’ din «in-novità ta’ ħajja» ineżawribbli, li mal-Kristu tissawwab fil-qlub umani.

Jalla ssir, għalina lkoll u, permezz tagħna, għall-oħrajn u, b’mod speċjali, għaż-żgħażagħ sors ta’ ħajja u qdusija. Dawn l-awguri jiena nqiegħed fil-qalb ta’ Dik, li dwarha naħsbu waqt li nkantaw: «Ave verum Corpus, natum de Maria Virgine. Vere passum, immolatum in Cruce pro homine. Esto nobis praegustatum mortis in examine».

Bl-imħabba kollha ta’ qalbi u b’barka apostolika mġedda, għall-konsolazzjoni tal-ministeru tagħkom.

Mill-Vatkcan, il-31ta’ Marzu, nhar Ħadd il-Palm «de Passione Domini», tas-sena 1985, is-sebà tal-Pontifikat.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb