ITTRA TAL-QDUSIJA TIEGĦU
ĠWANNI PAWLU II
LIS-SAĊERDOTI
GĦAL ĦAMIS IX-XIRKA 1984

 

 

Għeżież ħuti fil-grazzja tas-saċerdozju.

Waqt li nersqu lejn Ħamis ix-Xirka, jum li fih kull wieħed minna huwa mistieden biex mill-ġdid jaħseb bi gratitudni mqanqla dwar id-don inestimabbli magħmul lilna minn Kristu, inħoss il-bżonn li ndur fuqkom biex nixhdilkom l-imħabba sinċiera u l-urġenza ħajja li bihom insegwi, fil-ħsieb u fit-talb, ix-xogħol ta’ kuljum tagħkom fis-servizz tal-merħla tal-Mulej.

Nhar it-23 ta’ Frar li għadda kelli l-ferħ li niċċelebra l-Ġublew tar-Redenzjoni flimkien ma’ numru kbir ta’ saċerdoti, li ltaqgħu f’Ruma minn kull parti tad-dinja. Din kienet esperjenza tassew sabiħa, li qanqlet f’qalbi emozzjopni profonda, li d-diwi tagħha se jdum fija b’intensità li ma tinbidilx. Fix-xewqa li nirrendi parteċipi b’xi mod ta’ dik il-ġrajja ta’ għaqda lill- «amministraturi tal-misteri ta’ Alla» kollha (1 Kor 4, 1), ħsibt li nibgħatilkom it-test tal-omelija minni magħmula f’dik iċ-ċirkostanza.

Jalla dak li ghidt dakinhar iġib lil kull wieħed minnkom konfort spiritwali, waqt li jħeġġeg mill-ġdid f’qalbkom l-intenzjoni li tipperseveraw b’mod ġeneruż fil-vokazzjoni ta’ ministri tal-imħabba ħanina ta’ Alla. Issostnikom ukoll il-barka tiegħi li b’imħabba partikolari nagħtikom fi Kristu Ġesù.

Mill-Vatikan, is-7 ta’ Marzu 1984.

ĠWANNI PAWLU PP. II


1. «L-Ispirtu tal-Mulej Alla fuqi, / għaliex il-Mulej ikkonsagrani bid-dlik, / bagħatni biex inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin, / biex ninfaxxa l-ġrieħi tal-qlub maqsumsa, / biex inxandar il-libertà tal-ilsiera, / il-ħelsien mill-kalzri tal-priġunieri, / biex niddigrieta s-sena tal-ħniena tal-Mulej» ( 61, 1-2).

Għeżież ħuti fil-grazzja tas-sagrament tas-saċerdozju!

Sena ilu dort lejkom bl-Ittra għal Ħamis ix-Xirka tal-1983, waqt li tlabtkom biex tħabbru  flimkien miegħu u mal-isqfijiet tal-Knisja, is-Sena tar-Redenzjoni: il-Ġublew straordinarju, is-sena tal-ħniena tal-Mulej.

Illum nixtieq niżżikom ħajr għal dak li għamiltu, sabiex din is-sena, li tfakkar l-1950 anniversarju tal-redenzjoni, issir tassew «is-sena tal-ħniena tal-Mulej», Is-Sena Mqaddsa. Fl-istess ħin, waqt li niltaqà magħkom f’din iċ-ċelebrazzjoni, li fiha jilħaq il-quċċata l-pellegrinaġġ tagħkom f’Ruma fl-okkażżjoni tal-Ġublew, nixtieq inġedded u napprofondixxi flimkien magħkom l-għarfien tal-misteru tar-redenzjoni, li huwa s-sors ħaj u vivifikanti tas-saċerdozju sagramentali, li fih jieħu sehem kull wieħed minna.

Fikom, hawn miġbura, mhux biss mill-Italja, imma wkoll minn Pajjiżi u kontinenti oħra, jiena nara s-saċerdoti kollha: il-presbiterju kollu kemm hu tal-Knisja universali.  U ndur lejkom ilkoll bl-inkiraġġimrent u bl-eżortazzjoni tal-Ittra lill-Efesin: «Ħuti, inħeġġiġkom . . . biex iġġibu ruħkom b’mod xieraq tal-vokazzjoni li rċivejtu» (Ef 4, 1).

Hemm bżonn li aħna wkoll, imsejħa biex inservu lill-oħrajn fit-tiġdid spiritwali tas-Sena tar-Redenzjoni, niġġeddu, permezz tal-grazzja ta’ din is-Sena, filvokazzjoni bejata tagħna.

2. «Inkanta bla waqfien il-grazzja tal-Mulej».

Dan il-versett tas-Salm responsorjali (Sal 89 (88), 2) tal-liturġija tallum ifakkarna li aħna b’mod għal kollox speċjali aħna «ministri ta’ Kristu u amministraturi tal-misteri ta’ Alla» (1 Kor 4,1), li aħna bnedmin tal-ekonomija divina tal-fidwa, li aħna «strument» onorevoli tal-grazzja, jew aħjar tal-azzjoni tal-Ispirtu Santu fil-qawwa tas-salib u l-qawmien mill-imwiet ta’ Kristu.

X’inhi din l-ekonomija divina, x’inhi l-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu, grazzja li huwa ried jorbot b’mod sagramentali ma’ ħajjitna saċerdotali u mas-servizz tagħna saċerdotali, ukoll jekk imwettaq minn bnedmin hekk fqajra, hekk indenji? Il-grazzja – bħal ma jesprimi s-Salm tal-liturġija tallum – huwa xhieda tal-fedeltà ta’ Alla nnifsu għal dik l-imħabba eterna, li biha huwa ħabb il-ħolqien, u b’mod partikolari lill-bniedem, f’Ibnu etern.

Is-Salm jgħid: «Għaliex għidt: il-grazzja tiegħi tibqà għal dejjem; il-fedeltà tiegħu hija bbażata fis-smewwiet» (Sal 89 (88), 3).

Din il-fedeltà ta’ mħabbtu – tal-imħabba ħanina – hija wara kollox il-fedeltà tal-Patt, li Alla kkonkluda, sa mill-bidu, mal-bniedem, u li ġedded bosta drabi, alavolja l-bniedem bosta drabi ma baqax lejali għalih.

Il-grazzja mela hija don pur tal-imħabba, li fl-imħabba nfisha biss, u f’xejn iktar, ma jsib ir-raġuni u l-motivazzjoni tiegħu.

Is-salm jeżalta l-Patt, li Alla għamel ma’ David u fl-istess ħin, grazzi għall-kontenut messjaniku, huwa jirrivela kif dak il-patt storiku huwa biss stadju u  aħbar bil-quddiem tal-patt perfett f’Ġesù Kristu: «Huwa jsejjaħli: Inti missieri, Alla tiegħi u blata tas-salvazzjoni tiegħi» (Ivi  27).

Il-grazzja, ġaladarba don, hija s-sies tal-elevazzjoni tal-bniedem għad-dinjità ta’ bin addottiv ta’ Alla fi Kristu, Iben uniġenitu.

«Il-Fedeltà u l-grazzja tiegħi jkunu miegħu u f’ismi togħla l-qawwa » (Ivi  25).

Propju din il-qawwa, li ġġeegħlna nsiru ulied Alla (dawk l-ulied li dwarhom jitkellem il-prologu tal-Vanġelu ta’ Ġwanni), il-qawwa feddejja kollha tiġi msawba fuq l-umanità fi Kristu, fir-redenzjoni, fis-salib u fil-qawmien mill-imwiet, U aħna – qaddejja ta’ Kristu – aħna l-amministraturi.

- Saċerdot: bniedem tal-ekonomija feddejja.

- Saċerdot: bniedem magħġun mill-grazzja.

- Saċerdot: amministratur tal-grazzja!

3. «Inkanta bla waqfien il-grazzji tal-Mulej».

Propju din hija l-vokazzjoni tagħna. F’dan tikkonsisti d-dimensjoni, l-oriġinalità tal-vokazzjoni saċerdotali. Din issib għeruqha b’mod speċjali fil-misdsjoni ta’ Kristu stess, ta’ Kristu-Messija.

«. «L-Ispirtu tal-Mulej Alla fuqi, / għaliex il-Mulej ikkonsagrani bid-dlik, / bagħatni biex inwassal il-bxara t-tajba lill-fqajrin, / biex ninfaxxa l-ġrieħi tal-qlub maqsumsa, / biex inxandar il-libertà tal-ilsiera, / il-ħelsien mill-kalzri tal-priġunieri, / biex niddigrieta s-sena tal-ħniena tal-Mulej» ( 61, 1-2).

Propju fl-untimu ta’ din il-missjoni messjanika ta’ Kristu-Saċerdot issib għeruqħa wkoll il-vokazzjoni u l-missjoni tagħkom: vokazzjoni u missjoni tas-saċerdoti tal-Patt il-ġdid u etern, Din hija l-vokazzjoni u l-missjoni tal-ħabbara tal-bxara t-tajba;

- ta dawk li għandhom jinfaxxaw il-ġrieħi tal-qlub umani;

- ta’ dawk li għandhom ixandru l-ħelsien f’nofs il bosta dwejjaq, f’nofs il-ħażen li b’tant modi «jżomm» priġunier lill-bniedem;

- ta’ dawk li għandhom ifarrġu.

Din hija l-vokazzjoni u l-missjoni tagħna ta’ qaddejja. Din hija vokazzjoni u missjoni, għeżież ħuti, li tiġbor fiha servizz kbir u fundamentali fir-rigward ta’ kull bniedem!  Ħadd ma jistà jwettaq tali servizz minflokna. Ħadd ma jistà jieħu postna. Hemm bżonn li nilħqu bis-Sagrament tal-Patt il-Ġdid u Etern l-għeruq infushom tal-eżistenza umana fid-dinja.

Imissna, jum wara jum, nintroduċu fiha d-dimensjoni tar-redenzjoni u tal-Ewkaristija.

Hemm bżonn li nsaħħ l-għarfien tal-filjolanza divina permezz tal-grazzja. U liema prospettiva iktar għolja, u liema destin iktar eċcellenti  minn dan jistà jkun hemm għall-bniedem?

Imissna, fl-aħħarnett, namministraw ir-realtà sagramentali tar-rikonċiljazzjoni ma’ Alla u tat-Tqarbin imqaddes, li fihom niltaqgħu mal-aspirazzjoni l-iktar profonda tal-qalb tal-bniedem «bla xabgħa».

Tassew, id-dlik saċerdotali tagħna huwa nkluż b’mod profond fl-istess dlik messjaniku ta’ Kristu.

Is-saċerdozju tagħna huwa ministerjali. Iva, aħna jmissna naqdu! U «taqdi» jfisser li twassal lill-bniedem fis-sisien infushom tal-umanità tiegħu, fl-istess mudullun l-iktar profond tad-dinjità tiegħu.

Irrid propju nidwi – permezz tas-servizz tagħna – dak «il-kant ta’ tifħir minflok qalb imdejqa», biex nutilizza għal darb’oħra l-kliem tat-test ta’ Iżaija (61,3).

4. Għeżież, maħbubin ħuti! Aħna nsibu mill-ġdid, jum wara jum, u sena wara sena, il-kontenut u s-sustanza, tassew ineffabbli, tas-saċerdozju tagħna fil-profondità tal-misteru tar-redenzjoni. U jien nawgura li għal dan isservi b’mod speċjali s-Sena kurrenti tal-Ġublew straordinarju!

-Niftħu dejjem b’mod iktar wiesà għajnejna – il-ħarsa tar-ruħ – biex niskopru aħjar xi jfisser tiċċelebra l-Ewkaristija, is-sagrifiċċju ta’ Kristu nnifsu,  afdat lil xuftejna u lil idejna ta’ saċerdoti fil-komunità tal-Knisja.

-Niftħu dejjem b’mod iktar wiesà għajnejna – il-ħarsa tar-ruħ – biex nifhmu aħjar xi jfisser taħfer id-dnubiet u tirrikonċilja l-kuxjenzi umani ma’ Alla infinitament qaddis, ma’ Alla tal-verità u tal-imħabba.

-Niftħu dejjem b’mod iktar wiesà għajnejna – il-ħarsa tar-ruħ – biex nifhmu aħjar xi jfisser topera «in persona Christi», f’isem Kristu. Topera bil-qawwa tiegħu, jew aħjar bil-qawwa li, fl-aħħar minn l-aħħar, issib l-għeruq tagħha fl-art feddejja tar-redenzjoni.

-Niftħu barra minn dan b’mod iktar wiesà għajnejna – il-ħarsa tar-ruħ – biex nifhmu aħjar x’inhu l-misteru tal-Knisja. Aħna bnedmin tal-Knisja!

«Ġisem wieħed, spirtu wieħed, bħal ma waħda biss hija t-tama li għaliha sfajtu msejħa, dik tal-vokazzjoni tagħkom; Mulej wieħed, fidi waħda, Magħmudija waħda. Alla wieħed missier kulħadd, li hu fuq kulħadd, li jaġixxi permezz ta’ kulħadd u li hu preżenti f’kulħadd» (Ef 4, 4-6).

Mela: fittxu «li żżommu l-għaqda tal-Ispirtu permezz tar-rabta tal-paċi» (Ef 4, 3).Iva. Propju dan jiddependi, b’mod partikolari, minnkom: «Żommu l-għaqda tal-Ispirtu»!

F’epoka ta’ tensjonijiet kbar, li jregħdu l-korp terren tal-umanità, is-servizz l-iktar importanti tal-Knisja jitnissel mill-«għaqda tal-Ispirtu», sabiex mhux biss ma ġġarrabx hija stess firda minn barra, imma tirrikonċilja u tgħaqqad, ukoll, lill-bnedmin f’nofs l-avversitajiet li jinġabru madwarhom u fihom infushom fid-dinja tallum.

Ħuti! Lil kull wieħed minnkom «ingħatat il-grazzja skont il-qies tad-don ta’ Kristu . . . bl-iskop li tibnu il-ġisem ta’ Kristu» (Ef 4, 7.12). Ejjew inkunu fidili għal din il-grazzja! Ejjew inkunu fidili b’mod erojku għal din il-grazzja!

Ħuti! Id-don ta’ Alla kien kbir għalina, għal kull wieħed minna! Tant li kull saċerdot jistà jiskopri fih innifsu s-sinjali ta’ preferenza divina.

Kull wieħed jippreserva b’mod fundamentali d-don tiegħu fl-għana kollha tal-espressjonijiet tiegħu: ukoll id-don tal-għaġeb taċ-ċelibat volontarju kkonsagrat lill-Mulej – u minnu riċevut – għall-qdusija tagħna u għall-kostruzzjoni tal-Knisja.

5. Ġesù Kristu jinsab f’nofsna, u jgħidilna: «Jiena r-ragħaj it-tajjeb» (Ġw 10, 11.14).

Huwa propju hu li  «ħatar» rgħajja lilna wkoll. U huwa hu li jiġġerra mal-bliet u l-irħula kollha (cfr. Mt 9, 35), kulfejn aħna mibgħuta biex inwettqu is-servizz tagħna saċerdotali u pastorali.

Huwa hu, Ġesù Kristu, li jgħallem . . .jippriedka l-vanġeli tas-saltna u jfejjaq kull marda u diżabilità tal-bniedem (cfr. Mt 9, 35), kulfejn aħna mibgħuta għas-servizz tal-Vanġelu u l-amministrazzjoni tas-sagramenti.

Huwa propju hu, Ġesù Kristu, li jħoss ħniena b’mod kontinwu tal-folol u ta’ kull bniedem għajjien u sfinit, bħal «nagħġa bla ragħaj» (cfr. Mt 9, 36). Għeżież ħuti!. F’din il-laqgħa liturġika tagħna nitolbu lil Kristu ħaġa waħda biss: li kull wieħed minna jkun jaf jaqdi aħjar, b’mod iktar ċar u effikaċi, il-preżenza tiegħu ta’ Ragħaj f’nofs il-bnedmin fid-dinja tallum!

Din hija, fl-istess ħin, ħaġa tant importanti għalina, sabiex ma tiġinhiex it-tentazzjoni tal-«inutilità», jiġifieri t-tentazzjoni li nħossuna żejda. Għaliex dan mhuwiex minnu.  Aħna bżonnjużi iktar minn qatt qabel, għaliex Kristu huwa bżonnjuż iktar minn qatt qabel! Ir-Ragħaj it-Tajjeb huwa meħtieġ iktar minn qatt qabel!

Aħna għandna f’idejna – propju «idejna vojta» - il-qawwa tal-mezzi ta’ azzjoni li tana l-Mulej.

Aħsbu dwar il-kelma ta’ Alla, li taqtà iktar minn xabla li taqta miż-żewġ naħat (cfr. Eb 1, 12); aħsbu fit-talb liturġiku, b’mod partikolari dak tas-sigħat, li fihom Kristu stess jitlob magħna u għalina; u aħsbu fis-sagramenti, b’mod partikolari dak tal-Penitenza, tassew mejda ta’ fidwa għal tant kuxjenzi, port li lejh jiġbdu tant bnedmin ukoll ta’ żmienna. Hemm bżonn li s-saċerdoti jagħtu mill-ġdid importanza kbira lil dan is-sagrament, fir-rigward ta’ ħajjithom spiritwali kif ukoll dik tal-fidili.

Hija ħaġa ċerta, ħuti maħbubin: bl-użu tajjeb ta’ dawn il-«mezzi foqra» (imma divinament qawwija) intom se taraw jiffjorixxu fi triqtkom il-meravilji tal-ħniena bla tarf.

Ukoll id-don tal-vokazzjonijiet ġodda!

B’tali għarfien, f’din it-talba komuni, nisimgħu mill-ġdid il-kliem li l-Imgħallem indirizza lid-dixxipli: «Il-ħsad huwa kbir, imma l-ħaddiema huma ftit! Itolbu, mela, lil sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema fil-ħsad tiegħu!» (Mt 9, 37-38).

Kemm huwa attwali dan il-kliem ukoll fl-epoka tagħna!

Ejjew mela nitolbu! U titlob magħna l-Knisja kollha! U jalla f’din it-talba  juri ruħu l-għarfien, imġedded tal-Ġublew, tal-Misteru tar-Redenzjoni.

Fi tmiem din il-laqgħa, hekk għażiża għal qalbi. Nixtieq inġedded lilkom ilkoll it-tislima kordjali tiegħi fil-Mulej u r-ringrazzjament sinċier tiegħi.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb