ITTRA TAL-QDUSIJA TIEGĦU
ĠWANNI PAWLU II
LIS-SAĊERDOTI
GĦAL ĦAMIS IX-XIRKA 1982

 

 

Għeżież ħuti fis-saċerdozju.

Sa mill-bidu tal-ministeru tiegħi ta’ Ragħaj tal-Knisja universali xtaqt li Ħamis ix-Xirka ta’ kull sena jkun jum ta’ għaqda spiritwali magħkom, biex naqsam magħkom it-talb, l-ansjetajiet pastorali, it-tamiet, biex ninkuraġġixxi is-servizz ġeneruż u fidil tagħkom, biex niżżikom ħajr f’isem il-Knisja kollha.

Din is-sena miniex se niktbilkom ittra, imma se nibgħatilkom it-test ta’ talba ddettata mill-fidi u mwielda mill-qalb, biex nindirizzaha lil Kristu flimkien magħkom f’jum it-twelid tas-saċerdozju tiegħi u tagħkom u biex nipproponi meditazzjoni komuni, li minnha hija mdawla u sostnuta.

Jalla kull wieħed minnkom «jerġà jħeġġeġ id-don ta’ Alla li huwa jġib fih minħabba l-impożizzjoni tal-idejn» (cfr. 2 Tm 1, 6), u jiggosta b’ħeġġa l-ferħ li huwa mogħti għal kollox lil Kristu.

Mill-Vatikan, il-25 ta’ Marzu, Sollennità tal-Annunzjazzjoni tal-Mulej, tas-sena 1982, ir-rabà tal-Pontifikat.


TALBA

I

1. Induru lejk, o Kristu taċ-Ċenaklu u tal-Kalvarju, f’dan il-jum li huwa l-festa tas-saċerdozju tagħna.

Induru lejk aħna lkoll – Isqfijiet u presbiteri – miġburin fl-assemblea saċerdotali tal-Knejjes tagħna u flimkien assoċjati fl-għaqda universali tal-Knisja qaddisa u apostolika.

Ħamis ix-Xirka huwa l-jum tat-twelid tas-saċerdozju tagħna. Huwa f’dan il-jum li lkoll kemm aħna twelidna. Bħal ma iben jitwieled minn ġuf ommu, hekk twelidna aħna, o Kristu, mis-saċerdozju uniku u etern tiegħek. Twelidna fil-grazzja u fil-qawwa tal-patt il-ġdid u etern – mill-Ġisem, li «ngħata għalina» (cfr. Lq 22, 19), u mid-Demm, li «għalina lkoll xtered» (cfr. Mt 26, 28).

Twelidna fl-Aħħar Ċena u, fl-istess ħin, f’riġlejn is-Salib fuq il-Kalvarju: hemm, fejn hemm is-sors tal-ħajja l-ġdida u tas-Sagramenti kollha tal-Knisja, hemm ukoll hemm il-bidu tas-saċerdozju tagħna.

Twelidna wkoll flimkien mal-Poplu kollu ta’ Alla fil-patt il-ġdid, li int, l-għażiż tal-Missier (cfr. Kol 1, 13), għamilt «saltna ta’ saċerdoti għal Alla u Missier tiegħek» (cfr. Ap 1 ,6).

Issejjaħna bħala qaddejja ta’ dan il-poplu, li għat-tebernakli eterni ta’ Alla tliet darbiet Qaddis iġib is-«sagrifiċċji spiritwali» tiegħu (cfr. 1 Pt 2, 5).

Is-sagrifiċċju ewkaristiku huwa «sors u quċċata tal-ħajja kollha nisranija» (Lumen Gentium, 11). Dan huwa sagrifiċċju uniku li jiġbor kollox. Dan huwa l-ikbar ġid tal-Knisja. Dan huwa ħajjitha.

Niżżuk ħajr, o Kristu:

II

2. Mulej Ġesù Kristu! Meta fil-jum ta’ Ħamis ix-Xirka kellek tinfired minn dawk li kont «ħabbejt sal-aħħar» (cfr. Ġw 13, 1), inti wegħdthom l-Ispirtu tal-verità. Inti għidt:  «...ikun aħjar għalikom li jien inmur, għaliex jekk ma nmurx, ma jiġix il-Konsulatur; iżda, meta jien inkun mort, jiena nibgħatulkom» (Ġw 16, 7).

Inti mort permezz tas-Salib, billi għamilt lilek innifsek «ubbidjenti sal-mewt» (cfr. Fil 2, 8) u «billi neżżajt lilek innifsek» (cfr. Fil 2, 7) għall-imħabba li biha ħabbejtna sal-aħħar; hekk, wara l-qawmien mill-imwiet tiegħek, ingħata lill-Knisja l-Ispirtu Santu, li ġie u baqà jabita fiha  «għal dejjem» (cfr. Ġw 14, 16).

Dan huwa l-Ispirtu li «bil-qawwa tal-Vanġelu jagħmel żagħżugħa l-Knisja, kontinwament iġeddidha u jmexxija lejn l-għaqda perfetta» miegħek (cfr. Lumen Gentium, 4).

Konxji – kull wieħed minna – li permezz tal-Ispirtu Santu, operanti bis-saħħa tas-Salib u l-Qawmien mill-Imwiet tiegħek, irċivejna s-saċerdozju ministerjali biex naqdu l-kawża tal-fidwa umana fil-Knisja tiegħek, illum nitolbuk, f’dan il-jum hemm qaddis għalina, it-tiġdid kontinwu tas-saċerdozju tiegħek fil-Knisja, appuntu permezz tal-Ispirtu tiegħek li għandu «jagħmilha żagħżugħa» f’kull epoka tal-istorja lil din l-Għarusa għażiża tiegħek, nitolbuk li kull wieħed minna jerġà jsib f’qalbu u jikkonferma bla ma jaqtà b’ħajtu s-sinifikat awtentiku, li l-vokazzjoni saċerdotali tiegħu personali jkollha kemm għalih innifsu kif ukoll għall-bnedmin kollha, sabiex b’mod dejjem iktar matur jara bl-għajnejn tal-fidi d-dimensjoni vera u s-sbuħija tas-saċerdozju, sabiex jippersisti fir-ringrazzjament għad-don tal-vokazzjoni bħala grazzja mhix mistħoqqha, sabiex, waqt li jiżżi ħajr bla jaqtà, jikkonsolida ruħu fil-fedeltà għal dan id-don qaddis, li, propju għaliex huwa għal kollox gratwit huwa tant iktar  meħtieġ.

3. Niżżuk ħajr talli qabbiltna miegħek, bħala ministri tas-saċerdozju tiegħek, waqt li sejjaħtilna biex nedifikaw lil ġismek, il-Knisja, mhux biss permezz tal-amministrazzjoni tas-sagramenti, imma wkoll, u ukoll qabel, bl-aħbar tal-«kelma ta’ fidwa» tiegħek (cfr. At 13, 26), waqt li għamiltna parteċipi tar-responsabiltà tiegħek ta’ Ragħaj.

Niżżuk ħajr talli kellek fiduċja fina, minkejja d-dgħufija u l-fraġilità umana tagħna, waqt li rawwimt fina fil-Magħmudija is-sejħa u l-grazzja tal-perfezzjoni sabiex nakkwistawha jum wara jum.

Nitolbuk li dejjem inkunu nafu nwettqu l-impenji sagri tagħna skont il-metru tal-qalb pura u tal-kuxjenza retta. Li nkunu «sal-aħħar» fidili lejk, li ħabbejtna «sal-aħħar» (cfr. Ġw 13, 1).

Li ma jsibux aċcess f’ruħna dawk il-kurrenti ta’ ideat, li jċekknu l-importanza tas-saċerdozju ministerjali, dawk l-opinjonijiet u tendenzi li jolqtu lin-natura stess tal-vokazzjoni qaddisa u tas-servizz, li għalih int, o Kristu, issejħilna fil-Knisja tiegħek.

Meta nhar Ħamis ix-Xirka, waqt li waqqaft l-Ewkaristija u s-saċerdozju, ħallejt lil dawk li kont ħabbejt sal-aħħar, wegħdthom il-«Konsolatur» il-ġdid (Ġw 14, 16). Agħmel li dan il-Konsolatur - «l-Ispirtu tal-verità» (Ġw 14, 17) – ikun magħna bid-doni qaddisa tiegħu! Jalla jkunu magħna l-għerf u l-intellett, ix-xjenza u l-kunsill, il-qawwa, il-ħniena u l-biżà qaddis ta’ Alla, sabiex inkunu nafu dejjem niddixxernaw dak li jiġina minnek, niddistingwu dak li jiġi mill- «ispirtu tad-dinja» (cfr. 1 Kor 2, 12) jew, saħansitra, mill-«prinċep ta’ din id-dinja» (cfr. Ġw 16, 11).

4. Agħmel li ma «ndejqux» l-Ispirtu tiegħek (cfr. Ef 4, 30):

Agħmel li ma «ndejqux» l-Ispirtu tiegħek:

Oh, agħmel li ma nfaqqrux il-milja u l-għana tal-libertà tagħna, li innobilitajna u wettaqna billi tajna lilna nfusna lilek u billi aċċettajna d-don tas-saċerdozju!

Agħmel li ma nifirdux il-libertà tagħna minnek, li lilek nafu d-don ta’ din il-grazzja ineffabbli!

Agħmel li ma «ndejqux» l-Ispirtu tiegħek!

Ippermettilna li nħobbu b’dik l-imħabba li biha Missierek «ħabb lid-dinja», meta ta lil «Ibnu uniġenitu sabiex kull min jemmen fih ma jmutx, imma jkollu l-ħajja ta’ dejjem» (Ġw 3, 16).

Illum, jum li fih inti stess wegħedt lill-Knisja tiegħek l-Ispirtu tal-verità u tal-imħabba, aħna lkoll, waqt li ningħaqdu ma’ dawk li, waqt l-Aħħar Ċena, kienu l-ewwel li rċivew mingħandek il-permess li jiċċelebraw l-Ewkaristija, ngħajtu:

«Ibgħat l-Ispirtu tiegħek... u ġedded il-wiċċ tal-art» (cfr. Sal 104 [103] ,30), ukoll ta’ dik l-art saċerdotali, li int irrendejt fertili bis-sagrifiċċju tal-Ġisem u tad-Demm, li ta’ kuljum jiġġedded fuq l-altari permezz ta’ jdejna, fil-għalqa tad-dwieli tal-Knisja tiegħek.

III

5. Illum kollox ikellimna dwar din l-imħabba, li biha «ħabbejt lill-Knisja u tajt lilek innifsek għaliha, biex tirrendiha qaddisa» (cfr. Ef 5, 25s).

Permezz tal-imħabba feddejja tad-donazzjoni definittiva tiegħek għamilt il-Knisja l-għarusa tiegħek, waqt li mexxejtha fuq it-toroq tal-esperjenzi terreni, biex tħejjiha għaż-«żwieġ tal-Ħaruf» (cfr. Ap 19, 7) etern fid-«dar tal-Missier» (Ġw 14, 2).

Din l-imħabba sponsali ta’ Feddej, din l-imħabba feddejja ta’ Għarus, tirrendi fruttiferi id-«doni ġerarkiċi u kariżmatiċi» kollha, li bihom l-Ispirtu Santu  «jipprovdi u jmexxi» l-Knisja (cfr. Lumen Gentium, 4).

Huwa leċitu, Mulej, li aħna niddubitaw minn din l-imħabba tiegħek?

Kull min iħalli lilu nnifsu jitmexxa minn fidi ħajja fil-fundatur tal-Knisja jistà forsi jiddubita minn din l-imħabba, li lilha l-Knisja taf il-vitalità spiritwali kollha tagħha?

Huwa forsi leċitu li wieħed jiddubita

Huwa konvenjenti – kontra l-leħen tal-Konċilju Ekumeniku riċenti u tas-Sinodu tal-Isqfijiet – li nkomplu nipproklamaw li l-Knisja jmissha tirrinunzja għal din it-tradizzjoni u għal dan il-wirt?

Mhuwiex iżda dmir tagħna s-saċerdoti li ngħixu b’ġenerożità u ferħ l-impenn tagħna, waqt li nikkontribwixxu bix-xhieda u bil-ħidma tagħna għat-tixrid ta’ dan l-ideal? Mhuwiex dmirna li nkabbru n-numru tal-presbiteri futuri għas-servizz tal-Poplu ta’ Alla, waqt li naħdmu bil-forzi kollha tagħna għall-qawmien tal-vokazzjonijiet u waqt li nsostnu l-azzjonijiet insostitwibbli tas-Seminarji, fejn l-imsejħa għas-saċerdozju ministerjali jistgħu jħejju ruħhom b’mod adegwat għad-don totali tagħhom infushom lil Kristu?

6. F’din il-meditazzjoni ta’ Ħamis ix-Xirka nasal li nagħmel lil ħuti tali mistoqsija, li tmur tant ‘il bogħod, propju għaliex dan il-jum sagru donnu jesiġi minna sinċerità totali u assoluta quddiemek, etern Saċerdot u Ragħaj tajjeb ta’ rwieħna!

Iva. Idejjaqna li s-snin ta’ wara l-Konċilju, bla ebda dubju għonja bi ħmira tajba, ġenerużi b’inizjattivi edifikanti, fertili għat-tiġdid spiritwali tal-kostitwenti kollha tal-Knisja, kellhom jaraw, mill-banda l-oħra, il-qawmien ta’ kriżi u l-manifestazzjoni ta’ firdiet xejn rari.

Imma... nistgħu forsi, fi kwalunkwè krizi, niddubitaw minn imħabbtek? Ta’ dik l-imħabba li biha «ħabbejt lill-Knisja billi tajt lilek innifsek għaliha» (cfr. Ef 5, 25)?

Din l-imħabba u l-qawwa tal-Ispirtu tal-verità mhumiex forsi ikbar minn kull dgħufija umana, ukoll meta din donnha tieħu vantaġġ, billi tippretendi fuq kollox taħt it-timbru ta’ «progress»?

L-imħabba, li int tagħti lill-Knisja, hija ddestinata għall-bniedem dgħajjef u espost għall-konsegwenzi tad-dgħufija tiegħu. Int, madankollu, qatt ma tirrinunzja għal din l-imħabba, li tgħolli lill-bniedem u lill-Knisja, waqt li timponi lill-wieħed u lill-oħra esiġenzi preċiżi.

Nistgħu aħna «inżebilħu din l-imħabba? Ma nżebilħuhiex aħna d-drabi kollha li fihom, minħabba d-dgħufija tal-bniedem, nissentenzjaw li hemm bżonn nirrinunzjaw għall-esiġenzi li din timponi?

IV

7. «Itolbu mela lil sid il-ħsad, sabiex jibgħat ħaddiema fil-ħsad tiegħu...» (cfr. Mt 9, 38).

F’Ħamis ix-Xirka, li huwa jum il-milied tas-saċerdozju ta’ kull wieħed minna, naraw bil-għajnejn tal-fidi l-immensità kollha ta’ din l-imħabba, li fil-Misteru Paskwali kkmandatek biex issir «ubbidjenti sal-mewt» - u f’dan id-dawl naraw ukoll aħjar in-nuqqas ta’ den tagħna.

Ejjew inħossu l-bżonn li ngħidu, illum iktar minn qatt qabel: «Mulej, ma jistħoqqlix...».

Tassew «aħna qaddejja inutli» (Lq 17, 10).

Ejjew, però, nagħmlu l-almu tagħna biex nargħfu dan in-nuqqas ta’ den u l-«inutilità» tagħna b’sempliċità tali li tirrendina bnedmin ta’ tama kbira. “«It-tama mbagħad ma tiddiżappuntax, għaliex l-imħabba ta’ Alla ġiet imsawba fi qlubna permezz tal-Ispirtu Santu, li ingħatalna» (Rm 5, 5).

Dan id-don huwa propju frott ta’ mħabbtek: huwa l-frott taċ-Ċenaklu u tal-Kalvarju.

Fidi, tama u karità għandhom ikunu l-metru adegwat għall-valutazzjonijiet tagħna u għall-inizjattivi tagħna.

Illum, fil-jum tal-istituzzjoni tal-Ewkaristija, aħna nitolbuk bl-ikbar umiltà u bil-ħeġġa kollha, li biha aħna mżejna, li din tkun iċċelebrata mad-dinja kollha mill-ministri msejħa għal dan, sabiex lill-ebda komunità tad-dixxipli u konfessuri tiegħek ma jonqsu dan is-santissmu sagrifiċċju u dan l-ikel spiritwali.

8. L-Ewkaristija hija qabel kollox id-don mogħti lill-Knisja. Don inimmaġinabbli. Is-saċerdozju wkoll huwa don lill-Knisja, in konsiderazzjoni tal-Ewkaristija.

Illum meta wieħed jgħid: il-komunità għandha dritt għall-Ewkaristija, wieħed għandu jiftakar b’mod partikolari li inti rrakkomandajt lid-dixxipli tiegħek li «jitolbu lil sid il-ħsad, biex jibgħat ħaddiema fil-ħsad tiegħu» (cfr. Mt 9, 38).

Jekk wieħed ma «jitlobx» b’ħeġġa, jekk ma jużax il-qawwiet tiegħu kollha sabiex il-Mulej jibgħat lill-Komunità ministri tal-Ewkaristija tajbin, jista dan allura jgħid b’konvinzjoni li «il-komunità għandha dritt»...?

Jekk għandha dritt..., allura għandha d-dritt tad-don! U don ma jistax ikun meqjus bħallikieku ma kienx don. Hemm bżonn li nitolbu bla ma naqtgħu biex ikollna tali don. Hemm bżonn li nitolbuh għarkupptejna.

Jinħtieġ mela – meta nqisu li l-Ewkaristija hija l-ikbar don tal-Mulej lill-Knisja – nitolbu saċerdoti, ġaladarba s-saċerdozju wkoll huwa don lill-Knisja.

F’dan il-Ħamis ix-Xirka, miġburin flimkien mal-Isqfijiet fl-assembleji saċerdotali, nitolbuk, Mulej, sabiex inkunu dejjem imkabbra bil-kobor tad-don, li huwa s-Sagrament ta’ Ġismek u ta’ Demmek.

Agħmel li aħna, f’ubbidjenza interna mal-ekonomija tal-grazzja u mal-liġi tad-don, kontinwament «nitolbu lil sid il-ħsad»; u li l-invokazzjoni tagħna toħroġ minn qalb pura, waqt li jkollha fiha s-sempliċità u s-sinċerità tal-veri dixxipli. Allura int, Mulej, ma twarrabx it-talba tagħna.

9. Hemm bżonn li ngħajtulek b’leħen hekk qawwi, bħal ma jitolbu l-kobor tal-kawża u l-elokwenza tal-bżonnijiet taż-żminijiet. U hekk, tallaba, ngħajtulek.

Bdanakollu, għandna l-għarfien li «linqas nafu x;inhu konvenjenti li nitolbu» (Rm 8, 26). Mhuwiex jewwilla hekk, mill-waqt li nmissu problema li tant tissuperana? Bdanakollu, din hija l-problema tagħna. M’hemm xejn iktar li huwa tagħna bħal dan.

Il-jum ta’ Ħamis ix-Xirka huwa l-festa tagħna.

Ejjew naħsbu fl-istess ħin għal dawk l-oqsma, li «diġa lewn id-deheb lesti għall-ħsad» (Ġw 4, 35).

U għalhekk ikollna fiduċja li l-Ispirtu se jiġi «jgħin id-dgħufija tagħna», hu li «jinterċedi b’insistenza għalina, bi krib inesprimibbli» (Rm 8, 26).

Għaliex huwa dejjem l-Ispirtu li «jirrendi mill-ġdid żagħżugħa l-Knisja, iġġeddidha kontinwament u jmexxiha lejn l-għaqda perfetta mal-Għarus tagħha» (Lumen Gentium, 4).

10. Ma qalulniex li fiċ-Ċenaklu ta’ Ħamis ix-Xirka kienet preżenti Ommok. Madankollu aħna nitolbuk b’mod speċjali għall-interċessjoni tagħha. X’jistà jkunilha iktar għażiż mill-Ġisem u d-Demm ta’ Binha, affdat lill-Appostli fil-Misteru ewkaristiku – il-Ġisem u d-Demm li jdejna saċerdotali joffru bla waqfien fis-sagrifiċċju għall- «ħajja tad-dinja» (Ġw 6, 51)?

Mela, permezz tagħha, b’mod speċjali llum, aħna niżżuk ħajr u permezz tagħha nitolbuk li ġġedded fil-qawwa tal-Ispirtu Santu s-saċerdozju tagħna, li tinfilsa fih b’mod kostanti  ċ-ċertezza umli iżda qawwija tal-vokazzjoni u tal-missjoni, li tikber it-tħejjija għas-servizz sagru.

Kristu taċ-Ċenaklu u tal-Kalvarju! Ilqana lkoll, lilna li aħna s-Saċerdoti tas-Sena tal-Mulej 1982, u qaddisna mill-ġdid bil-misteru ta’ Ħamis ix-Xirka. Ammen.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emauel Zarb