L

A

I

K

0

S

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta

Home  

Ikkuntattjana

 

L-Eżortazzjoni Appostolika tal-Papa San Ġwanni Pawlu II, Familiaris Consortio

 

"Ir-ragħajja ta’ l-erwieħ għandhom ikunu jafu, f’ġieħ il-verità, jagħżlu sewwa bejn qagħda u oħra.  Hemm differenza bejn dawk li bis-sinċerità kollha għamlu minn kollox biex isalvaw l-ewwel żwieġ u sabu ruħhom abbandunati għal kollox inġustament, u dawk li bi ħtija kbira tagħhom farrku żwieġ validu skond il-liġi tal-Knisja. Hemm imbagħad dawk li fittxew żwieġ ieħor minħabba l-edukazzjoni ta’ wliedhom, u xi kultant huma konvinti, fil-kuxjenza tagħhom, li ż-żwieġ ta’ qabel, imfarrak għal kollox, qatt ma kien validu."  (minn paragrafu 84)

 

 

Ara f'format għall-istampa ...

IL-PAPA ĠWANNI PAWLU II

EŻORTAZZJONI APPOSTOLIKA

FAMILIARIS CONSORTIO

DWAR IL-ĦIDMA TAL-FAMILJA NISRANIJA

FID-DINJA TA’ LLUM

27 Novembru 1981

 
 

DAĦLA

 

1.  Il-Knisja għas-servizz tal-familja

 

IL-FAMILJA fid-dinja ta’ llum, bħal kull istituzzjoni oħra u forsi aktar minn kull istituzzjoni  oħra, intlaqtet mill-ħafna tibdil kbir ta’ malajr li ġarrbu s-soċjetà u l-kultura.   Ħafna familji qegħdin igħixu f’din il-qagħda waqt li għadhom fidili għal dawk il-valuri li huma s-sisien tal-familja.  Ħafna oħrajn waslu f’qagħda li ma jafux x’jaqbdu jgħamlu u jħossu ruħhom mitlufin.  Xi wħud waslu saħansitra biex jiddubitaw u kważi l-anqas jafu fl-aħħar mill-aħħar xi tfisser u x’inhi l-verità tal-ħajja taż-żwieġ u fil-familja.  Oħrajn, imbgħad, isibu ruħhom imfixklin minn ħafna suriet ta’ inġustizzji li ma jħalluhomx jiksbu d-drittijiet ewlenin tagħhom.

 

   Il-Knisja taf li ż-żwieġ u l-familja huma wieħed mill-valuri l-aktar għeżież tal-bniedem.  Għalhekk tixtieq tikellem biex tgħati l-għajnuna tagħha kemm lil dawk li ġa jafu s-siwi taż-żwieġ u tal-familja u jixtiequ jgħixuh bil-fedeltà kollha, kemm lil dawk li mhumiex żguri minn dawn il-valuri u bil-ħerqa kollha qegħdin ifittxu l-verità, u kemm lil dawk li nġustament mhumiex imħollijin li jgħixu kif iridu l-ħajja tagħhom fil-familja.  Il-Knisja, waqt li twettaq lil ta’ l-ewwel, iddawwal lil tat-tieni u tgħin lil ta’ l-aħħar, toffri s-servizz tagħha lil kull bniedem li jrid ikun jaf x’inhu l-għan taż-żwieġ u tal-familja.[1]

 

 B’mod speċjali l-Knisja tkellem liż-żgħażagħ li sejrin jaqbdu t-triq taż-żwieġ u tal-familja, biex turihom prospetti ġodda u tgħinhom jaraw il-ġmiel u l-kobor tas-sejħa għall-imħabba u għas-servizz tal-ħajja.

 

 

2.  Is-Sinodu tal-1980 jkompli l-ħidma tas-Sinodu ta’ qablu

 

Prova ta’ l-interess kbir tal-Knisja għall-familja kien l-aħħar Sinodu ta’ l-isqfijiet li sar f’Ruma mis-26 ta’ Settembru sal-25 t’Ottubru 1980. Dan is-Sinodu kompla l-ħidma taż-żewġ Sinodi ta’ qablu:[2] il-familja nisranija hija l-ewwel komunità msejħa biex tħabbar l-Evanġelju lill-bniedem meta għadu jikber, u twasslu għall-kobor sħiħ bħala bniedem u bħala nisrani, permezz ta’ edukazzjoni u katakeżi progressiva.

Barra dan, l-aħħar Sinodu hu b’xi mod ukoll marbut mas-Sinodu li studja s-saċerdozju ministerjali u l-ġustizzja  fid-dinja tal-lum.  Il-familja, bħala komunità li tagħti edukazzjoni, trid tgħin lill-bniedem ħa jagħraf x’inhi s-sejħa tiegħu u ħa jidħol għar-responsabbiltà li jħabrek għal ġustizzja akbar, billi mill-bidu thejjih  għal relazzjonijiet ma’ bnedmin oħra, relazzjonijiet li jridu jinbnew bil-ġustizzja u l-imħabba.

 

F’għeluq is-Sinodu, l-isqfijiet tawni lista twila ta’ proposti li fihom ġabru l-frott tar-riflessjonijiet tagħhom tul ġranet twal u ta’ ħidma kbira.  Huma talbuni lkoll li nkun jien li nitkellem quddiem il-bnedmin tad-dinja kollha u nurihom  x’ħerqa ħajja għandha l-Knisja għall-familja, u ngħati direttivi f’waqthom għal sforz ġdid ta’ ħidma pastorali f’dan il-qasam hekk ewlieni tal-ħajja tal-bniedem u tal-Knisja.

 

Jiena u naqdi din il-missjoni permezz ta’ din l-Eżortazzjoni, u hekk inwettaq b’mod partikulari l-ministeru appostoliku fdat lili, nixtieq inrodd ħajr lill-membri kollha tas-Sinodu għall-kontribut ta’ tagħliem u ta’ esperjenza hekk ta’ siwi li huma taw, l-aktar fil-Propositiones tagħhom, li jien se nħalli f’idejn il-Kunsill Pontifiċju għall-Famija biex jistudjahom aktar fil-fond, ħalli jidher x’siwi kbir għandhom l-aspetti kollha li jinsabu fihom.

 

3. Is-siwi kbir taż-żwieġ u tal-familja

 

Il-Knisja, imdawwla mill-fidi biex tagħraf il-verità sħiħa tal-ġid kbir taż-żwieġ u tal-familja u t-tifsir l-aktar għoli tagħhom, tħoss għal darb’oħra l-ħtieġa kbira li xxandar l- Evanġelju, jiġifieri  “il-Bxara t-Tajba”  lill-bnedmin kollha kemm huma, bla eċċezzjoni, u l-aktar lil dawk li huma msejħin għaż-żwieġ u qegħdin iħejju ruħhom għalih, lill-miżżewġin, u lill-ġenituri kollha tad-dinja.

 

Il-Knisja hija konvinta li biss meta jilqa’ l-Evanġelju, il-bniedem jara mitmuma għal kollox kull tama li bir-raġun kollu hu jqiegħed fiż-żwieġ u fil-familja.

 

Alla waqqaf iż-żwieġ u l-familja meta ħalaq id-dinja,[3] u ż-żwieġ u l-familja minnhom infushom huma mgħamulin biex isibu l-milja tagħhom fi Kristu,[4] u jeħtieġu l-grazzja tiegħu biex ifiqu mill-ġerħat tad-dnub[5] u jerġgħu lura għall-“bidu” tagħhom,[6] jiġifieri għall-għarfien sħiħ u għat-twettiq sħiħ tal-pjan ta’ Alla.

 

F’dan il-mument tal-ġrajja tal-bniedem, li fih il-familja hi mhedda minn għadd kbir ta’ qawwiet li jridu jeqirduha jew b’xi mod jisfigurawha, il-Knisja, għaliex taf li l-ġid tas-soċjetà u tagħha stess hu marbut b’rabta liema bħalha mal-ġid tal-familja.[7] Tagħraf, b’qawwa u ħerqa akbar, il-missjoni tagħha li tħabbar lil kulħadd il-pjan ta’ Alla għaż-żwieġ u għall-familja.   Fl-istess waqt tħarsilhom il-qawwa tagħhom u turi kemm huma meħtieġa għall-mixi ‘l quddiem tal-bniedem kemm bħala bniedem u kemm bħala nisrani, u b’hekk tgħin għat-tiġdid tas-soċjetà u ta’ l-istess Poplu ta’ Alla.

 

 

 


 

L-EWWEL TAQSIMA

DAWL U DELLIJIET FIL-FAMILJA LLUM

 

 

4. Il-ħtieġa li nkunu nafu x’inhi l-qagħda llum

 

IL-PJAN ta’ Alla għaż-żwieġ u l-familja jolqot ir-raġel u l-mara fil-ħajja li jgħixu kuljum fil-qagħda soċjali u kulturali li fiha jinsabu; għalhekk il-Knisja, biex taqdi l-missjoni tagħha, trid tħabrek biex tagħraf f’liema qagħda jinsabu ż-żwieġ u l-familja llum.[8]

 

Dan l-għarfien il-Knisja ma tistax bl-ebda mod tgħaddi mingħajru jekk trid taqdi l-missjoni tagħha li xxandar l-Evanġelju.  Hu lill-familji ta’ żminijietna li l-Knisja trid twassal l-Evanġelju ta’ Kristu, li qatt ma jinbidel iżda hu dejjem ġdid; huma l-familji fil-qagħda tagħhom fid-dinja ta’ llum li huma msejħin biex jilqgħu u jgħixu l-pjan ta’ Alla għalihom. Mhux biss, iżda dak li l-Ispirtu s-Santu jitlob u jrid, juruhulna wkoll l-istess ġrajjiet ta’ l-istorja tal-bniedem; u għalhekk il-Knisja tista’ tasal biex tifhem aħjar u aktar fil-fond il-misteru (li ħadd ma jasal biex jifhmu għal kollox), taż-żwieġ u tal-familja, ukoll mill-qagħda li fiha jinsabu ż-żgħażagħ, il-miżżewġin u l-ġenituri ta’ llum, u minn dak li jitolbu, dak li jaqtgħalhom qalbhom, u dak li jittamaw.[9]

 

Ma’ dan irridu nżidu riflessjoni oħra  ta’ mportanza kbira fiż-żmien ta’ llum.  Mhux xi darba mit-tant, iżda ta’ sikwit, ir-raġel u l-mara ta’ llum, huma u jfittxu bis-sinċerità kollha tweġiba għall-problemi kbar ta’ kuljum li jiltaqgħu magħhom fil-ħajja tagħhom taż-żwieġ u tal-familja, isibu min iwasslilhom fehmiet u jgħatihom tweġib li jogħġob dak il-ħin, iżda mbagħad jasal biex b’xi mod jew ieħor jagħmel ħsara lill-verità u lid-dinjità tal-persuna tal-bniedem.  Dawn il-fehmiet u dan it-tweġib spiss jaslilhom permezz tel-organizzazzjoni qawwija li tilħaq ‘il kulħadd tal-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali, li b’mod l-aktar fin jaslu biex ma jħallux lil min, b’mod ħieles u bil-ħila tiegħu, jagħraf il-ħaġa kif inhi tassew.

 

Ħafna ġa ntebħu b’dan il-perikolu li qiegħed ihedded il-persuna tal-bniedem u qegħdin iħabirku għall-verità.  Il-Knisja, li tara u tgħarbel kollox fid-dawl ta’ l-Evaġelju, tissieħeb magħhom u toffri s-servizz tagħha għall-verità, għall-libertà u għad-dinjità ta’ kull mara u ta’ kull raġel.

 

5. Fid-dawl ta’ l-Evanġelju

 

Dak li tara u tgħarbel il-Knisja fid-dawl ta’ l-Evanġelju, toffrih biex turi liema hi t-triq li twassal għall-ħarsien u għas-sħuħija tal-verità sħiħa u għad-dinjità kollha taż-żwieġ u tal-familja.

 

Dan il-Knisja tagħmlu bil-qawwa tal-fidi,[10] li hi don li l-Ispirtu s-Santu jagħti lill-fidili kollha;[11] hi għalhekk ħidma tal-Knisja kollha skond id-doni u l-kariżmi ta’ kull xorta, li flimkien mar-responsabilità ta’ kull wieħed u skond din ir-risponsabilità, jaħdmu flimkien biex il-Kelma ta’ Alla tiftiehem aktar u sseħħ tassew.  Il-Knisja għalhekk tara u tgħarbel fid-dawl ta’ l-Evanġelju dak li għandu x’jaqsam maż-żwieġ u mal-famija fid-dinja ta’ llum, mhux biss permezz tar-Ragħajja tagħha, li jgħallmu fl-isem u bis-setgħa ta’ Kristu, imma wkoll permezz tal-lajċi:  Kristu “jagħmilhom xhieda tiegħu u jagħtihom is-sens tal-fidi u l-grazzja tiegħu

(ara Atti 2, 17-18; Apok 19, 10) biex il-qawwa ta’ l-Evanġelju tiddi fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum fil-familja u fis-soċjetà.”[12]  Anzi l-lajċi, minħabba l-vokazzjoni speċjali tagħhom, għandhom id-dmir speċjali li, fid-dawl ta’ Kristu, jgħatu tifsir lill-ġrajja ta’ din id-dinja, għaliex huma msejħin biex idawlu u jmexxu kulma jiġri fid-dinja skond il-pjan ta’ Alla, Ħallieq u Feddej.

 

“Is-sens sopranaturali tal-fidi” [13] ma jinstabx biss u bilfors fil-fatt li il-fidili jkunu jaqblu mal-ħaġa.  Il-Knisja, fil-mixi tagħha wara Kristu, tfittex il-verità li mhux dejjem taqbel mal-fehma tal-kotra l-kbira tan-nies.  Tagħti widen għal-leħen tal-kuxjenza u mhux għax-xewqat tas-setgħani, u hekk tiddefendi l-fqar u l-maħqurin.  Il-Knisja tagħraf is-siwi tar-riċerka soċjoloġika u statistika jekk tkun tiswielha biex tagħraf f’liema qagħda tal-mument trid twettaq il-ħidma pastorali tagħha u biex tkun taf aħjar il-verità; iżda r-riċerka weħidha mhix biżżejjed biex tiqies minnufih bħala tifsira tas-sens tal-fidi.

 

Hu dmir dawk li għandhom il-ministeru appostoliku jaraw li l-Knisja tibqa’ dejjem fil-verità ta’ Kristu u tagħraf dejjem aktar fil-fond din il-verità; għalhekk ir-Ragħajja ta’ l-erwieħ għandhom iħabirku biex dejjem aktar iġibu ‘l quddiem is-sens tal-fidi fl-insara kollha; u bl-awtorità kollha tagħhom għandhom jistħarrġuu jaraw li l-insara jfissru skond il-verità dan is-sens tal-fidi; u għandhom iwasslu lill-insara kollha biex jagħrfu l-verità ta’ l-Evanġelju b’mod dejjem aktar sħiħ.[14]

 

Il-ġenituri u l-miżżewġin insara jistgħu u għandhom jagħtu s-sehem tagħhom, li ħadd ħliefhom ma jista’ jagħtih, biex huma wkoll jaraw u jgħarblu fid-dawl veru ta’ l-Evanġelju kull sura ta’ qagħda u ta’ kultura li fihom ir-raġel u l-mara ta’ llum iridu jgħixu ż-żwieġ u l-ħajja fil-familja tagħhom.  Huma jistgħu jagħmlu dan, għaliex għandhom il-kariżma jew id-don speċjali tagħhom, id-don tas-sagrament taż-żwieġ.[15]

 

 

6. Il-qagħda tal-familja fid-dinja ta’ llum

 

Il-qagħda li fiha tinsab il-familja llum għandha t-tajjeb u l-ħażin tagħha:  it-tajjeb huwa sinjal li s-salvazzjoni ta’ Kristu qiegħeda taħdem fid-dinja;  il-ħażin huwa sinjal taċ-ċaħda tal-bniedem li ma jridtx l-imħabba ta’ Alla.

 

Minn naħa, l-bniedem qiegħed iħoss b’mod aktar ħaj il-libertà personali tiegħu, qiegħed aktar iqis il-kwalità tar-relazzjonijiet bejn persuna u oħra fiż-żwieġ,qiegħed iġib ‘il quddiem id-dinjità tal-mara, u qiegħed iħoss sens kbir tar-responsabbiltà fit-tnissil ta’ l-ulied u fl-edukazzjoni tagħhom.  Qiegħda tingħaraf ukoll il- ħtieġa li relazzjonijiet bejn il-familji jiżvilluppaw aktar għall-għajnuna spiritwali u materjali lil-xulxin; qiegħda terġa tingħaraf il-missjoni propja tal-familja fi ħdan il-Knisja u r-responsabbiltà tagħha għall-bini ta’ soċjetà aktar ġusta.  Iżda mbagħad, min naħa l-oħra, mhumiex neqsin sinjali li xi valuri fundamentali qegħdin jitbaxxew b’mod tassew li jinkwetak:  fehmiet żbaljati, kemm fit-teorija u kemm fil-prattika, dwar l-indipendenza minn xulxin tal-miżżewġin; fehmiet imħawda dwar x’inhi l-awtorità tal-ġenituri fuq l-ulied; id-diffikultajiet li fil-fatt il-familja qiegħda tiltaqa’ magħhom biex twassal dawn il-valuri lil-ħaddieħor; l-użu dejjem aktar jiżdied ta’ l-isterilizzazzjoni, it-tixrid ta’ mentalità favur il-kontraċettivi. 

 

L-għerq ta’ dan id-deni kollu hu spiss il-fatt li tħassret il-fehma u l-esperjenza tal-libertà, li qiegħda titqies mhux bħala l-ħila li tagħraf il-verità tal-pjan ta’ Alla għaż-żwieġ u għall-familja, imma bħala s-setgħa li tagħmel li trid int, mingħajr ħadd ma jindaħallek, u dan għall-ħarsien ta’ l-interessi tiegħek biss kontra dawk ta’ l-oħrajn.

 

Irridu nagħtu kas ukoll tal-fatt li fil-pajjiżi hekk msejħa tat-tielet dinja, lill-familji spiss jonqsuhom il-mezzi l-aktar meħtieġa għall-ħajja, bħalma hu l-ikel, ix-xogħol, id-dar, il-mediċini, u l-aqwa suriet tal-libertà.  Fil-pajjiżi l-aktar għonja, imbagħad, il-ġid żejjed u l-ġenn għall-infiq  addoċċ flimkien ― u din ħaġa li ma tistennihiex ― ma’ ċertu qtiegħ il-qalb u biża’ għall-ġejjieni, jeqirdu fil-miżżewġin il-ġenerożità u l-kuraġġ li jġibu ħajjiet oħra fid-dinja; u hekk il-ħajja spiss titqies mhux bħala barka imma bħala periklu li trid tħares ruħek minnu.

 

Il-qagħda storika tal-familja llum tidher qisha taħlita ta dawl u dellijiet flimkien. 

 

Dan juri li l-istorja mhijiex progress li bilfors iwassal għat-titjib, imma hija ġrajja ta’ libertà, anzi ġlieda bejn libertajiet li huma kontra xulxin, jiġifieri, skond espressjoni magħrufa ta’ Santu Wistin, “ġlieda bejn żewġ imħabbiet: l-imħabba ta’ Alla li tasal għat-tmaqdir tiegħek innifsek, u l-imħabba tiegħek innifsek għat-tmaqdir ta’ Alla”.[16]

 

Minn dan jiġi li biss l-edukazzjoni għall-imħabba, li għandha l-għeruq tagħha fil-fidi, twassal għall-ksib tal-ħila li tagħraf “is-sinjali taż-żminijiet”, li huma l-espressjoni storika ta’ dawn iż-żewġ imħabbiet.

 

 

7.  L-influwenza ta’ din il-qagħda fuq il- kuxjenza tal-fidili

 

L-insara, huma u jgħixu f’dinja bħal din, l-aktar taħt il-pressjoni tal-mass media, mhux dejjem għarfu jżommu ruħhom ħielsa milli jdallmu ċerti valuri ewlenin, u la qiesu u l-anqas qegħdin iqisu fil-kuxjenza tagħhom x’issarraf din il-kultura tal-familja li tixraq lill-bniedem, u l-anqas ħabirku biex ikunu huma stess dawk li jagħtu dehra tal-familja li tixraq lill-bniedem.

 

Fost is-sinjali ta’ din il-qagħda li l-aktar iħassbu, l-isqfijiet tas-Sinodu jsemmu b’mod speċjali t-tixrid dejjem aktar tad-divorzju u żwieġ mill-ġdid ta’ nsara divorzjati, l-aċċettazzjoni taż-żwieġ ċivili biss, ħaġa li tmur kontra l-vokazzjoni ta’ kull min hu mgħammed li “jiżżewweġ fil-Mulej”, iċ-ċelebrazzjoni tas-sagrament taż-żwieġ mingħajr fidi ħajja iżda għal finijiet oħra; iċ-ċaħda tal-liġijiet morali li jirregolaw l-użu tas-sess mill-bniedem u n-nisrani fiż-żwieġ.

 

 

8.  Iż-żmien tagħna jeħtieġ l-għerf

 

Il-Knisja għalhekk hi fid-dmir li taħseb u timpenja ruħha bil-qawwa kollha biex il-kultura l-ġdida li ħierġa tiġi evanġelizzata għal kollox ħa jingħarfu l-aqwa valuri, dawk li huma tassew veri, ħa jkunu mħarsin id-drittijiet tar-raġel u l-mara, u ħa sseħħ il-ġustizzja fl-istess strutturi tas-soċjetà.  B’hekk “id-dehra ġdida tal-bniedem”  ma tbegħdux mill-ħtieġa li jfittex ‘l Alla u tressqu aktar lejH.

 

Biex isseħħ dehra bħal din, ix-xjenza, bl-applikazzjonijiet tekniċi tagħha, tista’ tgħinna ħafna u ħafna.  Iżda x-xjenza, minħabba għażliet politiċi li jiddeċidulha x’għandha tfittex u tistudja u kif għandha tintuża, spiss tmur kontra l-għan veru tagħha, li hu dak li ġġib ‘il quddiem il-persuna tal-bniedem.

 

Hu għalhekk meħtieġ li kulħadd jerġa’ jagħraf li, qabel kollox, jiġu valuri morali, li huma l-valuri tal-persuna tal-bniedem bħala bniedem.  L-aqwa xogħol li jrid isir illum għat-tiġdid tas-soċjetà huwa li wieħed jaghraf mill-ġdid xi tfisser fl-aħħar mill-aħħar il-ħajja u x’inhuwa l-ġid ewlieni tagħha.  Biss meta jkun magħruf li dan il-ġid jiġi qabel kull ħaġa oħra, il-bniedem jista’ jagħmel użu sħiħ minn dak kollu li tagħtih ix-xjenza, ħa jasal għall-veru progress sħiħ tiegħu, fil-verità kollha ufil-libertà u d-dinjità tieghu.  Jeħtieġ li x-xjenza tissieħeb ma’ l-għerf.

 

Nistgħu mela, ngħidu wkoll għall-problemi tal-familja, dak li jgħid il-Konċilju Vatikan II:  “Żmienna, wisq aktar miż-żminijiet ta’ l-imgħoddi, jeħtieġlu l-għerf, biex kull ħaġa ġdida li jsib jew jagħraf il-bniedem tkun tassew tixraq lill-bniedem.  Il-ġejjieni tad-dinja hu f’periklu kbir jekk ma jkunx hemm bnedmin aktar għorrief.[17]

 

Jeħtieġ li l-kuxjenza morali tal-bnedmin tiġi mħarrġa sewwa biex ikollu l-ħila jagħraf x’għandu jagħmel biex ikun dejjem aktar dak li hu skond il-verità tiegħu tal-bidu: u din hi ħaġa li ma jistax ikun li ma ssirx.  Jeħtieġ li l-għaqda ma’ l-Għerf ta’ Alla tal-kultura tal-bniedem terġa’ sseħħ minnufih fi żminijietna.  Kull bniedem għandu sehem minn dan l-Għerf bl-istess egħmil ta’ Alla li ħalqu.  U biss jekk ikunu fidili ma’ din l-għaqda ma’ l-Għerf ta’ Alla, jistgħu l-familji ta’ llum ikollhom influwenza tajba għall-bini ta’ dinja fejn ikun hemm aktar ġustizzja u aktar imħabba bejn l-aħwa.

 

 

9.  Gradwalità u konversjoni

 

Irridu neħduha kontra l-inġustizzja li għandha l-bidu tagħha fid-dnub ― li daħal fil-fond sewwa ta’ l-istrutturi tad-dinja ta’ llum ― u li spiss ifixkel lill-familja li titjieb fiha nfisha u fid-drittijiet ewlenin tagħha; dan nagħmluh billi ninbidlu għal kollox  fil-fehmiet tagħna u f’qalbna, u nimxu wara Kristu msallab billi niċċaħdu mill-imħabba tagħna nfusna: bidla bħal din ma tistax ma tkunx ta’ ġid u ta’ tiġdid għall-istrituri kollha tas-soċjetà.

 

Jeħtieġ li din il-bidla tkompli u tibqa’, u għalkemm titlob li l-bniedem jinfatam minn kull-ħażen f’qalbu u jħaddan it-tajjeb fil-milja kollha tiegħu, fil-fatt isseħħ f’mixi pass pass dejjem ‘il quddiem.  B’hekk jiżviluppa ruħu proċess dejjem sejjer ‘l quddiem li jfittex idaħħal bil-mod il-mod fil-ħajja personali u soċjali kollha kemm hi tal-bniedem kulma jgħati Alla u kulma titlob imħabba sħiħa u kbira.  Meħtieġ għalhekk tagħlim biex kull-nisrani u l-familji u l-popli kollha, u l-istess ċiviltà, huma u jibdew minn dak li ġa ħadu mill-misteru ta’ Kristu, bis-sabar kollu jitwasslu biex jagħrfu dejjem aktar dan il-misteru  ħa jseħħ b’mod aktar sħiħ f’ħajjithom.

 

 

10.  Il-kultura tal-bniedem imħaddan mill-fidi

 

Jaqbel mat-tradizzjoni li nsibu dejjem fil-Knisja li, mill-kultura ta’ kull poplu , hi tieħu dak kollu li jista’ jfisser aħjar l-għana bla qies ta’ Kristu.[18] Hu biss bl-għajnuna tal-kulturi kollha li dan l-għana kollu jista’ jidher aktar ċar u l-Knisja tkun tista’ tikseb għarfien kuljum aktar sħiħ u aktar fil-fond tal-verità, li l-Mulej ġa tahielha kollha kemm hi.

 

Waqt li jinżamm sħih il-prinċipju ta’ l-Evanġelju jaqbel mal-kulturi kollha li jħaddan miegħu u l-prinċipju tax-xirka mal-Knisja universali, irid ikompli jsir studju ta’ ħidma pastorali l-aktar mill-Konferenzi Episkopali u mid-Dikasteri tal- Kurja Rumana l-aktar interessati fil-ħaġa. Dan meħtieġ biex il-fidi nisranija tidħol dejjem aktar fil-kultura tal-bniedem, fil-qasam ukoll taż-żwieġ u tal-familji.

 

Meta l-kultura tal-bniedem tħaddan il-fidi, ikun hemm tiġdid sħiħ tal-patt ma’ l-Għerf ta’ Alla li hu Kristu stess.  Il-Knisja kollha kemm hi tistagħna wkoll b’dawk il-kulturi li , għalkemm neqsin mit-teknoloġija, għandhom għana ta’ għerf tal-bniedem u huma nfurzati minn valuri morali mill-aħjar.  Biex jidher ċar fejn irridu nasslu, u għalhekk biex tkun żgura t-triq meħtieġa, is-Sinodu, bir-raġun kollu, ried iqis l-ewwelnett il-pjan li Alla kellu fil-bidu għaż-żwieġ u għall-familja; ried jerġa’ lura għall-“bidu”, għax hekk għamel Kristu.[19]

 

IT-TIENI TAQSIMA

IL-PJAN TA’ ALLA GĦAŻ-ŻWIEĠ U L-FAMILJA

 

 

 

 

11.  Il-bniedem xbieha ta’ Alla, li hu mħabba

 

ALLA ħalaq il-bniedem xbieha tiegħu:[20] tah il-ħajja għax ħabbu u, fl-istess ħin, ħalqu biex iħobb.

 

Alla hu mħabba[21] u jgħix fih innifsu fil-misteru ta’ l-għaqda fl-imħabba tat-Tliet Persuni.  Alla ħalaq il-bniedem xbieha tiegħu u jibqa’ jżommu ħaj, u jnissel fih is-sejħa u, għalhekk, il-ħila u d-dmir fil-kuxxjenza ta’ l-mħabba u ta’ l-għaqda[22].  L-imħabba hi għalhekk is-sejħa ewlenija u naturali ta’ kull bniedem.

 

Bħala spirtu nkarnat, jiġirieri ruħ li turi dak li hi permezz tal-ġisem, u ġisem li għandu l-ħajja mir-ruħ li ma tmut qatt, il-bniedem hu msejjaħ għall-imħabba, kif inhu kollu kemm hu, fir-ruħ u l-ġisem.  L-imħabba tħaddan il-ġisem tal-bniedem ukoll u l-ġisem għandu sehem fl-imħabba tar-ruħ.

 

Ir-Rivelazzjoni nisranija taf b’żewġ suriet li fihom is-sejħa tal-bniedem għall-imħabba sseħħ fil-milja kollha tagħha: iż-Żwieġ u l-Verġinità.  Kemm iż-żwieġ u kemm il-verġinità, skond is-sura tagħhom, juru fil-fatt il-verità l-aktar għolja tal-bniedem, il-verità li l-bniedem hu “sura xbieha ta’ Alla”. 

 

Minn dan jiġri li s-sesswalità, li permezz tagħha r-raġel u l-mara jingħataw lil xulxin kollhom kemm huma b’egħmil li hu propju u biss tal-miżżewġin, mhijiex biss xi haġa bijoloġika, imma hi ħaġa li tolqot il-bniedem f’dak li hu l-qofol tiegħu.  Is-sesswalità sseħħ  b’mod li xiraq lill-bniedem biss meta hi parti sħiħa ta’ dik l-imħabba li biha r-raġel u l-mara jigħataw lill-xulxin għal dejjem sal-mewt.  L-għoti lil xulxin fiżikament ikun gidba jekk ma jkunx sinjal u frott  ta’ l-għoti tagħhom lil xulxin bħala persuni, meta huma preżenti bil-personalità kollha tagħhom, b’ġisimhom ukoll: jekk persuna żżomm xi  ħaġa għaliha u żżomm id-dritt li tista’ tbiddel il-fehma fil-ġejjieni, dan ġa juri li ma hemx għoti sħiħ lil xulxin.

 

Dan l-għoti sħiħ mitlub mill-imħabba tal-miżżewġin għal xulxin, jaqbel ukoll ma’ dak li hu mitlub minn tnissil responsabbli, li, għax bħala għan  għandu l-bniedem, għax hu tnissil ta’ bniedem, min-natura tiegħu stess hu xi ħaġa wisq aktar minn egħmil bijoloġiku, u jħaddan il-valuri kollha tal-bniedem bħala persuna, valuri li, biex jikbru b’mod xieraq jeħtieġu it-tisħib flimkien għal dejjem tar-raġel u tal-mara.

 

Il-“post” waħdieni fejn dan l-għoti sħiħ iseħħ fil-verità kollha tiegħu hu ż-żwieġ, sew jekk hu l-patt ta’ mħabba fiż-żwieġ, sew jekk hu l-għażla magħmula bil-libertà kollha u b’għarfien sħiħ, mir-raġel u l-mara li jaċċettaw dik l-għaqda fil-qalb, ta’ ħajja u ta’ mħabba li Alla stess irid,[23] u li biss b’dan il-mod turi l-veru tifsir tagħha.  L-istituzzjoni taż-żwieġ mhix indħil bla raġuni tas-soċjetà jew ta’ l-awtorità u l-anqas impożizzjoni minn barra ta’ sura ta’ għaqda, imma hi ħaġa mitluba mill-istess natura tal-patt ta’ mħabba bejn il-miżżewġin, patt li quddiem kulħadd jitħabbar bħala patt waħdieni u għal kollox speċjali li l-miżżewġien iridu jgħixuh b’fedeltà sħiħa għall-pjan ta’ Alla li ħalaq kollox.  Il-libertà tal-bniedem, mhux biss ma tiġix mxekkla minn din il-fedeltà, imma minnha tiġi mħarsa minn kull sura ta’ soġġettiviżmu u ta’ relativiżmu, u msieħba ma’ l-Għerf li joħloq.

 

 

12.  Iż-żwieġ u l-għaqda ta’ Alla u l-bniedem

 

L-għaqda ta’ mħabba bejn Alla u l-poplu tiegħu, insibuha l-aktar fir-Rivelazzjoni u f’dak kollu li ġarrab Israel minħabba  l-fedeltà tiegħu lejn Alla.  Din l-għaqda ta’ mħabba ssib tifsir qawwi fil-patt taż-żwieġ li jseħħ bejn raġel u mara.  Għalhekk il-kelma ewlenija tar-Rivelazzjoni: “Alla jħobb ‘il-poplu tiegħu” titħabbar ukoll bil-kelma ħajja u bil-fatt li bihom raġel u mara juru ‘l xulxin imħabbithom fiz-żwieġ.  Ir-rabta ta’ l-imħabba ta’ bejniethom issir xbieha tal-patt li jgħaqqad ‘l Alla mal-poplu tiegħu.[24]

 

Min–naħa l-oħra, l-istess dnub, li jista’ jgħamel ħsara lill-patt ta’ mħabba fiż-żwieġ,isir xbieha tan-nuqqas ta’ fedeltà tal-poplu lejn Alla tiegħu: l-idolatrija hi prostituzzjoni,[25] l-infedeltà hi addulterju, in-nuqqas ta’ ubbidjenza għall-liġi ta’ Alla hu ċaħda ta’ l-imħabba tal-Mulej għall-poplu li għarras miegħu meta għażlu għalih.  Iżda n-nuqqas ta’ fedeltà ta’ Israel ma qeridx il-fedeltà ta’ dejjem tal-Mulej lejn il-poplu li għarras miegħu, u għalhekk, l-imħabba ta’ àlla li qatt ma tonqos mil-fedeltà, tidher bħala eżempju tal-fedeltà ta’ l-imħabba li għandu jkun hemm bejn il-miżżewġin.[26]

 

 

13.  Ġesù Kristu, l-Għarus tal-Knisja, u s-Sagrament taż-Żwieġ

 

L-għaqda ta’ Alla mal-bniedem tilħaq fl-aħħar il-milja sħiħa tagħha f’Ġesù Kristu, l-Għarus li jħobb u jgħati lilu nnifsu bħala Salvatur tal- bniedem, li lilu jgħaqqad miegħu bħala ġisem tiegħu.

 

Hu juri l-verità ewlinija taż-żwieġ, il-verità tal-“bidu”,[27] u x’ħin jeħles ‘il-bniedem mill-ebusija ta’ qalbu, jagħtih il-ħila li jikseb din il-verità fil-milja kollha tagħha. 

 

Din ir-rivelazzjoni waslet fil-milja sħiħa tagħha fid-don ta’ l-imħabba li l-Verb ta’ Alla ta lill-bniedem, meta ħa n-natura tagħna l-bnedmin, u fis-sagrifiċċju tiegħu nnifsu, li Ġesù Kristu offra fuq is-salib għall-Għarusa tiegħu l-Knisja.  F’dan is-sagrifiċċju jinsab il-pjan sħiħ li Alla fassal fin-natura tar-raġel u l-mara sa mill-ħolqien;[28] għalhekk iż-żwieġ ta’ żewġ persuni mgħammdin isir simbolu veru tal-patt il-ġdid u għal dejjem imwettaq bid-demm ta’ Kristu.  L-ispirtu li l-Mulej isawwab jagħti qalb ġdida u ħila lir-raġel u l-mara biex iħobbu ‘l xulxin bħalma Kristu ħabbna.  L-imħabba tal-miżżewġin tilħaq il-milja li n-natura tagħha stess titlob, meta jaslu għal dik l-imħabba għal xulxin fiż-żwieġ, li hu l-mod propju tagħhom kif jissieħbu f’dik l-imħabba li biha Kristu ta lilu nnifsu fuq is-Salib u li huma msejħin biex jgħixu.

 

Kliem tassew famuż ta’ Tertulljan fisser il-kobor u l-ġmiel tal-ħajja taż-żwieġ fi Kristu: “Kiif nista’ qatt infisser l-hena taz-żwieġ li l-Knisja torbot, twettaq l-offerta, tissiġilla l-barka, iħabbru l-anġli u jwettaq il-Missier?... Kemm hi ta’ l-għaġeb ir-rabta bejn tnejn li jemmnu, li għandhom tama waħda, dixxiplina waħda u servizz wieħed!  It-tnejn aħwa, it-tnejn qaddejja flimkien, u ebda firda bejniethom fl-ispirtu jew fil-ġisem: għaliex huma verament tnejn f’ġisem wieħed, għax fejn il-ġisem hu wieħed l-ispirtu wkoll hu wieħed”.[29]

 

Il-Knisja, hija u tħaddan u timmedita bil-fedeltà kollha l-Kelma ta’ Alla, dejjem għallmet bis-sollennità kollha u għandha tgħallem li ż-żwieġ tal-imgħamdin hu wieħed mis-seba’ sagramenti tal-Patt il-Ġdid.[30]

Bil-magħmudija, ir-raġel u l-mara jissieħbu darba għal dejjem fil-Patt il-Ġdid, fil-Patt ta’ l-egħrusija ta’ Kristu mal-Knisja.  Hu minħabba dan it-tisħib fil-Patt li ma jista’ jitħassar qatt, li l-għaqda tal-qlub fl-imħabba u l-ħajja taż-żwieġ, imwaqqfa mill-Ħallieq[31] togħla ‘l-fuq u tingħaqad fl-imħabba ta’ Kristu għall-Għarusa tiegħu, u titqawwa u tistagħna bil-qawwa tiegħu li ssalva.

 

Għaliex iż-żwieġ ta’ l-insara hu sagrament, il-miżżewġin huma marbutin ma’ xulxin b’mod li qatt ma jista’ jinħall.  Għaliex huma ta’ xulxin, huma, permezz tas-sinjal sagramentali, juri tassew ir-rabta ta’ Kristu mal-Knisja tiegħu.

 

Il-miżżewġin għalhekk ifakkru għal dejjem ‘il-Knisja f’dak li ġara fuq is-Salib: huma għal xulxin u għal uliedhom ix-xhieda ta’ dik is-salvazzjoni, li fiha jagħtihom sehem is-sagrament taż-żwieġ.  Ta’ din il-ġrajja tas-salvazzjoni, iż-żwieġ bħal kull sagrament ieħor, hu tifkira, twettiq u tħabbira.  “Bħala tifkira, is-sagrament jagħtihom il-grazzja u d-dmir li jfakkru l-egħġubijiet kbar ta’ Alla u jagħtu xhieda tagħhom quddiem uliedhom.  Bħala twettiq tas-salvazzjoni, is-sagrament jagħtihom il-grazzja u d-dmir li issa f’dan il-waqt, jagħmlu ma’ xulxin u ma’ uliedhom, dak li titlob l-imħabba li taħfer u tifdi.  Bħala tħabbira, is-sagramenti jagħtihom il-grazzja u d-dmir li jgħixu bit-tama li għad jiltaqgħu ma’ Kristu fil-ġejjieni u biex jagħtu xhieda tagħha”.[32]

 

Bħal kull wieħed mis-seba’ sagramenti, iż-żwieġ ukoll hu veru simbolu tal-ġrajja tas-salvazzjoni, iżda bil-mod speċjali tiegħu.  “Il-miżżewġin jissieħbu fil-ġrajja tas-salvazzjoni, flimkien, bħala koppja, hekk li l-ewwel effett taż-żwieġ (reset sacramentum) mhuwiex il-grazzja sopranaturali fiha nfisha, imma r-rabta nisranija taż-żwieġ, għaqda kollha kemm hi nisranija ta’ żewġ persuni, għaliex turi l-misteru ta’ l-inkarnazzjoni ta’ Kristu u l-misteru tal-patt tiegħu.  U l-mod kif iseħħ it-tisħib fil-ħajja ta’ Kristu hu wkoll speċjali: l-imħabba tal-miżżewġin hija universali, jiġifieri, fiha jidħlu l-elementi kollha tal-persuna ― dak kollu li jitlob ġisem u l-istint, il-qawwa tas-sentimenti u ta’ l-għożża, ix-xewqat ta’ l-ispirtu u tar-rieda.  L-għan ta’ din l-imħabba hi l-għaqda sħiħa tal-persuni, għaqda li, barra l-għaqda f’ġisem wieħed, twassal biex ikun hemm ukoll qalb waħda u ruħ waħda; titlob li l-għaqda tal-miżżewġin bejniethmom ma tinħall qatt u li huma jingħataw lil xulxin bil-fedeltà kollha kollhom kemm huma; u li l-għaqda tagħhom tkun dejjem miftuħa għall-ħajja (Humanae vitae, 9). F’kelma waħda dan kollu mhux ħlief dak li niltaqgħu miegħu fl-imħabba naturali tal-miżżewġin, iżda b’tifsira ġdida, li mhux biss issaffih u tqawwih, imma tgħollih hekk li jkun stqarrija ta’ valuri kollhom kemm huma nsara”.[33]

 

 

14.  L-ulied, id-doni għażiż taż-żwieġ

 

Skond il-pjan ta’ Alla, iż-żwieġ hu l-pedament tal-komunità tal-familja, għax iżwieġ u l-imħabba tal-miżżewġin qegħdin għat-tnissil u l-edukazzjoni ta’ l-ulied, u fl-ulied isibu l-milja tagħhom.[34]

 

L-imħabba, fil-verità tagħha nfisha, hi fuq kollox don; l-imħabba tal-miżżewġin twassalhom għal dak l-“għarfien” ta’ xulxin li jagħmilhom “ġisem wieħed”[35], imma ma tieqafx hemm: twassalhom biex jgħatu l-aqwa don li jistgħu jagħtu, id-don li bih jissieħbu ma’ Alla ħa jagħtu l-ħajja lil bniedem ġdid.  B’hekk il-miżżewġin, huma u jagħtu lilhom infushom lil xulxin, ma jagħtux biss lilhom infushom, iżda xi ħaġa aktar minnhom għax jagħtu l-ulied, li huma xbieha ħajja ta’ mħabbithom, u sinjal li jibqa’, ta’ l-għaqda ta’ bejniethom; l-ulied huma dehra ħajja ta’ l-istat tagħhom ta’ missier u omm, stat li qatt ma jista’ jiġi nieqes.

 

Meta jsiru ġenituri, il-miżżewġin jirċievu mingħand Alla d-don ta’ responsabbiltà ġdida. L-imħabba tagħhom bħala ġenituri jeħtieġ li tkun għall-ulied sinjal li jidher ta’ l-istess imħabba ta’ Alla “li minnu tieħu isimha kull familja fis-sema u fl-art”.[36]

 

Iżda m’għandniex anqas ninsew li, ukoll jekk ma jistax ikun hemm tnissil ta’ ulied, il-ħajja tal- miżżewġin b’hekk m’hix ser titlef is-siwi tagħha.  L-isterilità fiżika tista’ fil-fatt tkun għall-miżżewġin okkażjoni  ta’ servizzi oħra mportanti għall-ħajja tal-bniedem, bħalma hi l-addozzjoni, ħafna suriet ta’ ħidma edukattiva, għajnuna lil familji oħra jew lill-fqar u lit-tfal inkapaċitati.

 

 

15.  Il-familja, xirka ta’ persuni

 

Fiż-żwieġ u fil-familja jseħħu għadd ta’ relazzjonijiet bejn persuni ― relazzjonijiet tal-miżżewġin bejnithom, tal-ġenituri u l-ulied, ta’ l-aħwa bejniethom ― b’dawn ir-relazzjonijiet kull-bniedem jidħol fil-“familja ta’ Alla” li hi l-Knisja.

 

Iż-żwieġ nisrani u l-familja nisranija jibnu l-Knisja: għaliex fil-familja l-bniedem mhux biss tingħatalu l-ħajja u, bil-mod il-mod, permezz ta’ l-edukazzjoni, jiġi mdaħħal fil-komunità tal-bnedmin, imma bit-twelid ġdid fil-magħmudija u bl-edukazzjoni fil-fidi, it-tifel jiġi mdaħħal ukoll fil-familja ta’ Alla.

 

Il-familja tal-bnedmin, mifruda mid-dnub, terġa’ tingħaqad bil-qawwa li tifdi, tal-mewt u l-qawmien ta’ Kristu.[37]  Iż-żwieġ nisrani, għax għandu sehem mil-qawwa li ssalva ta’ din il-ġrajja, hu qisu l-ambjent naturali li fih il-bniedem jiġi mdaħħal f’dik il-familja kbira li hija l-Knisja.

 

Il-kmandamenti li jnisslu u joktru, mogħti lir-raġel u lill-mara fil-bidu, b’hekk jilħaq il-verità sħiħa tiegħu u jseħħ kollu kemm hu.

 

Il-Knisja, fil-familja li titwieled mis-sagrament, issib il-benniena u l-ambjent fejn hi tista’ tidħol fil-ġenerazzjonijiet tal-bniedem, u fejn dawn min-naħa tagħhom ukoll jidħlu fil-Knisja.

 

 

16.  Żwieġ u verġnità jew ċelibat

 

Il-verġnità (jew iċ-ċelibat) għas-saltna ta’ Alla mhux biss ma tmurx kontra d-dinjità taż-żwieġ, imma titlobha u twettaqha.  Iż-żwieġ u l-verġnità (jew iċ-ċelebat) huma żewġ suriet li bihom wieħed juri u jgħix il-misteru waħdieni tal-Patt ta’ Alla mal-poplu tiegħu.  Kull fejn ma hemmx rispett għaż-żwieġ, ma jistax ikun hemm verġnità konsagrata jew ċelibat; kull fejn is-sesswalità tal-bniedem ma titqiesx bħala valur kbir mgħoti mill-Ħallieq, iċ-ċaħda tagħha għas-Saltna tas-Smewiet titlef kull-qawwa tagħha.

 

Bir-raġun kollu jgħid San Ġwann Grisostmu:  “Kull min jikkundanna ż-żwieġ jisraq ukoll il-ġieħ lill-verġnità.  Kull min ifaħħar iż-żwieġ jagħmel il-verġnità aktar ta’ l-għaġeb u aktar għolja.  Dak li jidher tajjeb meta tqabblu mal-ħażin, mhux verament tajjeb; dak li hu xi ħaġa itjeb min dak li hu meqjus tajjeb, hu aktar tajjeb”.[38]

 

Fil-verġnità (u ċ-ċelibat)  il-bniedem qiegħed jistenna, f’ ġismu wkoll, iż-żwieġ eskatoloġiku (fit-tmiem ta’ kollox) ta’ Kristu mal-Knisja, huwa u jgħati lilu nnifsu kollu kemm hu lill-Knisja, bit-tama li Kristu jagħti lilu nnifsu lill-Knisja fil-verità sħiħa tal- ħajja ta’ dejjem.  Il-bniedem li jħaddan il-verġnità (jew iċ-ċelibat) f’ġismu, qiegħed jgħix minn qabel dinja ġdida tal-qawmien mill-imwiet li għad irid iseħħ.[39]

 

B’din ix-xhieda għaż-żwieġ, il-verġnità (jew iċ-ċelibat) iżomm ħaj fil-Knisja l-misteru taż-żwieġ u tħarsu min kull nuqqas u dgħjufija.

 

Il-verġnità (jew iċ-ċelibat), tagħti ħelsien speċjali lill-bnedmin f’qalbu[40] “biex jitħeġġeġ l-imħabba akbar għal Alla u għall-bnedmin kollha”;[41] u tixhed li s-Saltna ta’ Alla u l-ġustizzja tiegħu huma dik il-ġawhra ta’ siewi kbir li wieħed jippreferijha għal kull ħaġa oħra, tiswa kemm tiswa, għalhekk ifittixha bħala l-waħda li għandha xi siwi żgħir u li jibqa’.  Hu għalhekk li l-Knisja, tul il-ġrajja kollha tagħha, dejjem iddefendiet il-fehma li l-verġnità hi aqwa miż-żwieġ, minħabba ir-rabta speċjali li għandha mas-Saltna ta’Alla.[42]

 

Il-bniedem li jħaddan il-verġnità (jew iċ-ċelibat) għal kemm jiċċaħdu mit-tnisil bil-ġisem, jagħti tnissil fir-ruħ, u ikun missier jew omm ta’ ħafna, u hekk igħin biex il-familja ssir perfetta skond il-pjan ta’ Alla.

 

Il-miżżewġin insara għalhekk għandhom id-dritt jistennew minn dawk li jħaddnu l-verġnità (jew iċ-ċelibat) eżempju tajjeb u xhieda ta’ fedeltà għas-sejħa tagħhom sal-mewt.  Kif il-fedeltà ta’ kulltant issir ħaġa iebsa għall-miżżewġin u titlob minnhom sagrifiċju, tgħakkis u ċaħda tagħhom infushom, hekk ukoll jiġri lil min iħaddan il-verġnità (jew iċ-ċelibat); il-fedeltà tagħhom, fil-provi li jista’ jkollhom,għandha ssaħħaħ il-fedeltà tal-miżżewġin.[43]

 

Dawn il-ħsibijiet fuq il-verġnità (jew iċ-ċelibat) jistgħu idawlu u jgħinu lil dawk li, għal raġunijiet li ma jiddependix minnhom, ma setgħux jiżżewġu u aċċettaw il- qagħda tagħhom bi spirtu ta’ servizz.

 

 


 

IT-TIELET TAQSIMA

 

IL-ĦIDMA TAL-FAMILJA NISRANIJA

 

 

17.  Familja, kun dak li int

 

IL-FAMILJA, fil-pjan ta’ Alla l-Ħallieq u l-Feddej, issib mhux biss l-identità tagħha, jiġifieri dak li hi, imma wkoll il-missjoni tagħha, jiġifieri dak li tista’ u għandha tagħmel.  Il ħidma li Alla jrid li tagħmel il-familja fil-ġrajja tal-bniedem tiġi minn dak li hi il-familja:  din il-ħidma trid turi li l-familja hi dejjem miexja ‘l quddiem f’dak kollu li hi.  Kull familja ssib u tagħraf fiha nfisha s- sejħa li ma tistax tinjoraha, sejħa li tgħidilha x’inhi d-dinjità u x’inhuma r-responsabilitajiet tagħha: familja, kun dak li int.

 

Il-familja trid tmur għall-“bidu” tal-ħolqien, jekk trid tkun taf x’inhi u x’għandha tkun fiha  nfisha mhux biss ta’ dak li hi imma ukoll ta’ dak li tagħmel fil-ġrajja tal bniedem.  U għaliex skond il-pjan ta’ Alla, il-familja twaqqfet bħala “komunità intima ta’ ħajja u ta’ imħabba”,[44] il-familja għandha missjoni li dejjem aktar issir dak li hi,jiġifieri, komunità ta’ ħajja u ta’ mħabba bi tħabrik li jsib il-milja tiegħu, bħal kull ħaġa oħra maħluqa u mifdija, fis-Saltna ta’ Alla.  Jekk inħarsu lejn il-familja b’mod li nasslu sa l-għerq tagħha, naslu biex ngħidu li fl-aħħar mill-aħħar, hi l-imħabba li tagħmel il-familja dak li hi u turi x’inhi l-ħidma tagħha mill-imħabba. Għalhekk il-familja għandha l-missjoni li tħares, tgħaraf u tagħti l-imħabba, bħala dehra ħajja tal-imħabba ta’ Alla mal-bniedem u ta’ l-imħabba ta’ Kristu l-Mulej għall-Għarusa tiegħu il-Knisja, u tisħib veru fiha.

 

Kull ħidma partikolari tal-familja hi wirja u twettiq fil-fatt ta’ din il-missjoni fundamentali.  Għandna għalhekk immorru aktar fil-fond u nqisu l-għana ta’ l-għaġeb tal-missjoni tal-familja, u ngħarblu l-ġid kollu li għandha, li hu ġid wieħed, għalkemm ta’ ħafna suriet.

 

U għalhekk is-Sinodu beda bl-imħabba u żammha dejjem quddiemu biex juri x’inhuma l-erba’ ħidmiet ewlenin tal-familja:

 

 i.   twaqqaf komunità ta’ bnedmin.

   ii.   taqdi l-ħajja.

  iii.   tissieħeb fl-iżvillup tas-soċjetà.

  iv.   tissieħeb fil-ħajja u l-missjoni tal-Knisja.

 

 

 

I.  TWAQQAF KOMUNITA’ TA’ BNEDMIN

 

18. L-imħabba hi l-bidu u l-qawwa ta’ l-għaqda

 

Il-familja, li hi mwaqqfa u tieħu l-ħajja mill-imħabba, hi komunità ta’ persuni, ir-raġel u l-mara, il-ġenituri u t-tfal, il-qraba.  L-ewwel ħidma tagħha hi li tgħix bil-fedeltà kollha f’dan l-ispirtu ta’ komunità b’impenn sħiħ li dejjem aktar tissaħħaħ din il-komunità vera ta’ persuni.

 

L-imħabba hija l-bidu stess ta’ din il-ħidma, il-qawwa tagħha li qatt ma tonqos,  u l- għan li fl-aħħar irid jintlaħaq: u kif, mingħajr imħabba, il-familja m’hijiex komunità ta’ persuni, hekk ukoll, mingħajr imħabba, il-familja ma tistax tikber u ssir aktar komunità ta’ persuni.  Dak li ktibt fl-enċiklika Redemptor Hominis igħodd l-aktar u b’mod speċjali għall-familja bħala familja: “Il-bniedem ma jistax jgħix mingħajr l-imħabba. Għalih innifsu hu xi ħaġa li ma jifhimhiex, ħajtu hi bla sens jekk ma jkunx maħbub, jekk ma jsibx l-imħabba, jekk ma ġarrabx l-imħabba u jagħmilha tiegħu, jekk ma jkollux sehem fl-imħabba fil-fond ta’ qalbu.”[45]

 

L-imħabba bejn ir-raġel u l-mara fiż-żwieġ u, b’mod aktar wiesa’ li jiġi minnha, l-imħabba bejn il-membri kollha ta’ l-istess familja ― bejn il-ġenituri u l-ulied, bejn l-aħwa u bejn il-qraba u n-nies kollha tad-dar ― tieħu l-ħajja u titqawwa b’ħeġġa li tinsab fiha stess u ma tonqos qatt: tant li twassal il-familja għall-għaqda dejjem aktar sħiħa u aktar qawwija, għaqda li hi l-pedament u r-ruħ tal-komunità taż-żwieġ u tal-familja.

 

 

19.  Rabta bejn tnejn f’ġisem wieħed li ma jintemm qatt

 

L-ewwel għaqda hi dik li sseħħ u dejjem aktar titqawwa bejn ir-raġel u l-mara. Bis-saħħa tal-patt taż-żwieġ ir-raġel u il-mara “mhumiex  aktar tnejn imma ġisem wieħed”,[46] u huma msejħin biex dejjem aktar jikbru f’din il-għaqda billi min jum għall-ieħor jibqgħu fidili għall-wegħda li għamlu fiż-żwieġ li jingħataw lil xulxin kollhom kemm huma.

 

Din l-għaqda taż-żwieġ tniżżel l-egħruq tagħa fil-fatt naturali li r-raġel u l-mara huma magħmulin għal xulxin, u titmantna bir-rieda personali tagħhom it-tnejn li jaqsmu bejniethom ħajjithom kollha, jiġifieri kull ma għandhom u kulma huma. Din l-għaqda għalhekk hi frott u sinjal ta’ ħtieġa li l-bniedem irid bil-qawwa kollha tiegħu.  Iżda l-Mulej Ġesù, Alla jieħu din il-ħtieġa, iwettaqha, isaffiha, igħolliha,u jwassalha għall-perfezzjoni bis-sagrament taż-żwieġ:l-Ispirtu s-Santu li jingħata fiċ-ċelebrazzjoni tas-Sagrament jagħti lill-miżżewġin  id-don ta’ għaqda ġdida fl-imħabba li hi x-xbieha ħajja u vera ta’ dik l-għaqda, li ma hemmx oħra bħala, u li taghmel il-Knisja l-Ġisem mistiku tal-Mulej Ġesù.

 

Id-don ta’ l-Ispirtu s-Santu hu kmandament ta’ ħajja għall-miżżewġin insara.  Fl-istess ħin hu qawwa li timbuttahom u tħeġġiġhom biex kuljum iqawwu dejjem aktar din l-għaqda bejniethom fil-livelli kollha tagħha ― tal-ġisem, tal-krattru, tal-qalb, tal-fehma, tar-rieda, tar-ruħ[47] ― u hekk juru lill-Knisja u lid-dinja l-għaqda ġdida ta’ mħabba mgħotija bil-grazzja ta’ Kristu.

 

Il-poligamija hi għal-kollox kontra din il-għaqda billi tmur direttament kontra l-pjan ta’ Alla li ġie rivelat sa mill-bidu, għaliex hi kontra l-fatt li r-raġel u l-mara għandhom l-istess dinjità bħala persuni u fiż-żwieġ jagħtu ruħhom lil xulxin b’imħabba sħiħa li ma hemmx bħalha u ebda ħadd ieħor ma għandu x’jaqsam magħha.

 

Il-Koncilju Vatikan II igħid: “Mwaqqaf fis-sod mill-Mulej l-għaqda taż-żwieġ b’mod tassew ċar fid-dinjità indaqs tar-raġel u tal-mara bħala persuni, dinjità li tidher fl-imħabba sħiħa tagħhom għal xulxin”.[48]

 

 

20.  Rabta li ma tinħalx

 

Ir rabta taż-żwieġ mhijiex biss rabta bejn tnejn sal-mewt imma hi wkoll rabta li ma tinħall qatt:  “Din l-għaqda intima ta’ żewġ persuni fiż-żwieġ, li hi don sħiħ tagħhom infushom lil xulxiin, u l-ġid ta’ l-ulied, jitolbu fedeltà sħiħa mill-miżżewġin lejn xulxin, u li din l-għaqda tagħhom ma tinħall qatt”.[49]

 

Hu dmir il-Knisja li bil-qawwa kollha terġa’ xxandar ― kif għamlu l-isqfijiet fis-Sinodu ― it-tagħlim tagħha liż-żwieġ ma jinħall qatt.  Dan it-tagħlim irid jasal ukoll lil dawk kollha li llum iqisu ħaġa iebsa, anzi ħaġa li ma tistax tkun, li wieħed jintrabat ma’ persuna waħda b’rabta għal għomru kollu; lil dawk li nfluwenzati minn kultura li ma tridx fiż-żwieġ rabta li ma tinħall qatt, u li bid-dieher qegħdin iwaqqgħu għaċ-ċajt lill-miżżewġin li jfittxu li jkunu fidili għal xulxin.  Jeħtieġ li terġa’ titwettaq il-Bxara t-Tajba dwar x’inhi verament l-imħabba taż-żwieġ li fi Kristu għandha l-pedament tagħha u hi mwettqa’ minnu.[50]

 

Ir-raġuni ewlenija li ż-żwieġ ma jista’ jinħall qatt qiegħda fl-għoti sħiħ u għal kollox, bir-ruħ u bil-ġisem tal-miżżewġin lil-xulxin; il-ġid tat-tfal ukoll jitlob li ż-żwieġ qatt ma jinħall, iżda, fl-aħħar mill-aħħar, il-verità ta’ dan qiegħeda fil-pjan li Alla wera fir-Rivelazzjoni:  Alla jrid li ż-żwieġ ma jinħall qattu dan iridu bħala frott u sinjal u ħtieġa ta’ dik l-imħabba li Alla għandu għall-bniedem u Kristu għandu għall-Knisja, imħabba li qatt ma tiġi nieqsa. 

 

Kristu ġedded il-pjan ewlieni li Alla naqqax f’qalb ir-raġel u l-mara, u, fiċ-ċelebrazzjoni tas-sagrament taż-żwieġ, jagħti qalb ġdida” hekk li l-miżżewġin mhux biss jistgħu jegħlbu l-“ebbusija tal-qalb”[51] imma wkoll, u fuq kollox, jista’ jkollhom sehem mill-imħabba sħiħa u defenittiva ta’ Kristu, il-Patt il-ġdid u għall-dejjem magħmul bniedem.  Il-Mulej Ġesù hu “x-xhud fidili”[52] u “l-Amen” tal-wegħdiet ta’ Alla; [53]għalhekk bih isseħħ dik il-fedeltà l-aktar għolja li biha Alla jħobb il-poplu tiegħu, ikun xi jkun; hekk ukoll il-miżżewġin insara, huma msejħin biex fiż-żwieġ tagħhom verament jissieħbu f’dik ir-rabta li ma tinħall qatt, li torbot ‘il Kristu mal-Għarusa tiegħu l-Knisja, maħbuba minnu sa’ l-aħħar.[54]

 

Id-don tas-sagrament hu, fl-istess ħin, sejħa u kmandament għall-miżżewġin insara biex jibqgħu dejjem fidili lejn xulxin. Ikunu xi jkunu l-provi u d-diffikultajiet li magħhom jiltaqgħu, huma u jgħamlu, bil-ġenerożità kollha, ir-rieda qaddisa tal-Mulej:”Dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem”.[55]

 

Wieħed mid-dmirijiet l-aktar għeżież u laktar meħtieġa tal-miżżewġin illum hi x-xhieda tas-siwi bla qies tal-fatt li ż-żwieġ ma jinħallx u tal-fedeltà tal-miżżewġin lejn xulxin fiż-żwieġ.  Għalhekk, flimkien ma’ ħuti, l-isqfijiet li ħadu sehem fis-Sinodu, infaħħar u nwettaq dak l-għadd kbir ta’ miżżewġin li, għalkemm jiltaqgħu ma’ ħafna diffikultajiet, iħarsu u jsaħħu dejjem aktar ir-rabta taż-żwieġ li ma tinħall qatt; b’hekk huma jkunu jaqdu, bl-umiltà kollha imma b’kuraġġ kbir, id-dmir mogħti lilhom li jkunu fid-dinja “sinjal” ― sinjal żgħir imma għażiż, xi kultant imġarrab ħafna, imma dejjem imġedded ― ta’ dik il-fedeltà li biha Alla u Ġesù Kristu jħobbu l-bnedmin kollha u kull bniedem, fedeltà li ma tonqos qatt.  Inħossni fid-dmir ukoll li ngħaraf x’siwi għandha x-xhieda ta’ dawk il-miżżewġin li, għalkemm mitluqin mis-sieħeb jew sieħba, imqawwijien mill-fidi u mit-tama nisranija, ma fittxewx żwieġ ieħor: dawn il-miżżewġin ukoll jgħatu xhieda veru ta’ fedeltà, xhieda li d-dinja ta’ llum tant teħtieġ.  Minħabba f’hekk ir-ragħajja tal-erwieħ u l-fidili tal-Knisja għandhom iqawwulhom qalbhom u jgħinuhom.

 

 

21.  Il-komunità aktar wiesgħa tal-familja

 

Ir-rabta taż-żwieġ hi l-pedament li fuqu tinbena l-għaqda aktar wiesgħa tal-familja, dik tal-ġenituri u l-ulied, ta’ l-aħwa subien u bniet bejniethom, tal-qraba u tan-nies l-oħra tad-dar.

 

Din l-għaqda għandha l-egħruq tagħha fir-rabtiet naturali tad-demm u l-laħam, u tiżviluppa ruħha u tilħaq il-perfezzjoni tagħha b’mod li tixraq lill-bnedmin għax toħloq u twassal għall-milja tagħhom ir-rabtiet aktar qawwija u aktar għonja tal-ispirtu: l-imħabba, li tagħti l-ħajja għar-relazzjonijiet tal-membri kollha tal-familja bejniethom bħala persuni, hi l-qawwa li taħdem minn ġewwa biex issawwar u żżomm ħajja l-għaqda u l-komunità tal-familja.

 

Il-familja nisranija hi mbagħad imsejħa biex tgħix sura ta’ esperjenza ta’ għaqda ġdida u ma hemmx bħala, li twettaq  u tagħmel perfetta l-għaqda naturali tal-bnedmin fiż-żwieġ.  Fil-fatt il-grazja ta’ Ġesù Kristu, “il-kbir fost ħafna aħwa”,[56] hi fiha nnfisha, min-natura tagħha stess,u bil-qawwa li għandha fiha, “grazja tal-aħwa”[57] kif isejħilha San Tumas ta’ Aquino. L-ispirtu s-Santu, mogħti fiċ-ċelebrazzjoni tas-Sagrament, hu l-għajn ħajja li ma tonqos qatt, ta’ dik l-għaqda sopranaturali li tiġbor u torbot flimkien lil dawk kollha li jemmnu ma’ Kristu u bejniethom fl-għaqda tal-Knisja t’Alla.  Il-familja nisranija hi dehra ta’ din l-għaqda tal-Knisja u għalhekk twettaqha, u għal dan il-familja tista’ u għandha tisejjaħ “il-knisja tad-dar”.[58]

 

Il-membri kollha tal-familja, kull wieħed skond is-sejħa tiegħu, għandu l-grazzja u d-dmir li jibni, min jum għall-ieħor, l-għaqda bejn il-membri kollha tal-familja, ħalli b’hekk jagħmel il-familja “skola ta’ umanità aktar sħiħa u aktar għanja”:[59] dan isir bil-ħsieb u bl-imħabba taż-żgħar, tal-morda, tax-xjuħ, bil-qadi ta’ kulljum għal xulxin; bil-qsim bejn kulħadd tal-ġid, tal-ferħ u tat-tiġrib.

 

Tagħti qawwa kbira għall-bini ta’ din l-għaqda ewlenija tal-familja, l-edukazzjoni tal-ġenituri u tal-ulied minn xulxin,[60] meta lkoll jagħtu u jieħdu xi ħaġa minn xulxin.  Bl-imħabba, bir-rispettu l-ubbidjenza għall-ġenituri, l-ulied jagħtu s-sehem proprju tagħhom, li hadd ma jista’ jagħtih ħliefhom, għall-bini tal-familja li hi nisranija, li tassew tixraq lill-bniedem.  [61]  Dan ikunu jistgħu jagħmluh aktar malajr jekk il-ġenituri jużaw l-awtorità tagħhom, li ma jistgħu qatt jiċċaħdu minnha, bħala “misteru” veru u proprju, jiġifieri bħala servizz għall-ġid tal-ulied kemm bħala bnedmin kif ukoll bħala nsara, u b’mod speċjali bħala servizz li jgħinhom jiksbu l-libertà li tkun tassew marbuta mar-responsabilitajiet tagħhom. Meħtieġ ukoll li l-ġenituri jagħrfu dejjem id-“don” li wliedhom qegħdin jagħtuhom bla heda. 

 

L-għaqda fil-familja tista’ tinżamm u titjieb biss jekk ikun hemm spirtu kbir ta’ ċaħda u ta’ sagrifiċċju.  Titlob li kulħadd u kull wieħed ikun dejjem lest biex, bil-ġenerożità kollha, jifhem, jagħder, jaħfer, jiftiehem u jitħabbeb.  M’hemmx familja li ma tafx kemm l-egoiżmu, it-tilwim, l-inkwiet, il-ġlied jaħbtu bl-ikrah għall-għaqda tal-familja u xi kultant, jeqirduha: u minn hawn jiġu ħafna suriet ta’ firda fil-ħajja tal-familji.  Izda fl-istess ħin kull fqamilja hi dejjem imsejħa minn Alla, Missier is-sliem u l-paċi, għal dik ir-“rikonċiljazzjoni” li dejjem tagħti l-ferħ u ġġeded lir-ruħ, bl-għaqda li sseħħ mill-ġdid u fir-rabta li terġa tinstab.  Fuq kollox, it-tisħib fis-sagrament tar-rikonċiljazzjoni u fl-ikla tal-Ġisem wieħed ta’ Kristu jagħtu lil-familja nisranija l-grazzja u d-dmir li tegħleb kull xorta ta’ firda u timxi ‘l quddiem lejn il-verità sħiħa tal-għaqda li jrid Alla, u b’hekk tkun twieġeb għax-xewqa kbira tal-Mulej li “lkoll ikunu ħaġa waħda”.[62]

 

 


 

22.  Drittijiet u dmirijiet tal-mara

 

Il-familja, għaliex hi u dejjem trid tkun għaqda u komunità ta’ persuni, issib fl-imħabba l-għajn u l-qawwa li qatt ma tonqos biex tilqa’, turi rispett u tgħin lil kull membru tal-familja fl-għola dinjità tiegħu bħala persuna, jiġifieri bħala xebh ħaj ta’ Alla.  Kif qalu sewwa l-isqfijiet tas-Sinodu, il-kriterju morali, li bih jitqiesu jekk humiex sewwa r-relazzjonijiet bejn il-miżżewġin u bejn il-membri tal-familja, huwa l-mixi ‘l quddiem tad-dinjità u tas-sejħa ta’ kull waħda mill-persuni li jiffurmaw il-familji: dawn ma jistgħux jiksbu l-milja kollha tagħhom infushom lil xulxin.[63]

F’din il-ħaġa, is-Sinodu ried iqis b’attenzjoni speċjali l-mara, fid-drittijiet tagħha u fil-ħidma tagħha fil-familja u fis-soċjetà. Bl-istess mod iridu jitqiesu wkoll, kemm ir-raġel bħala żewġ martu u bħala missier, kif ukoll it-tfal u x-xjuħ.

 

Qabel xejn, wieħed irid iżomm dejjem quddiemu li l-mara għandha l-istess dinjità u l-istess dmirijiet li għandu r-raġel: dan jidher b’mod speċjali fl-għoti tagħhom lil xulxin kollhom kemm huma, u fl-għoti tagħhom it-tnejn lill-uliedhom ― dan jista’ jseħħ tassew biss fiż-żwieġ u l-familja. Dak li l-bniedem bir-raġuni tiegħu jintebaħ bih u jagħrfu, Alla rrivelah bil-Kelma tiegħu:il-ġrajja tas-salvazzjoni hi, fil-fatt, xhieda ċara ta’ dejjem tad-dinjità tal-mara.

 

Meta Alla ħalaq il-bniedem huwa ried li jkunu “raġel u mara”,[64] u lir-raġel u lill-mara Alla tahom l-istess dinjità bħala persuni żejjinhom  bid-drittijiet li ma jistgħux  jiċċaħdu minnhom u bid-dmirijiet li huma proprji tal-bniedem bħala persuna.  Imbgħad Alla wera d-dinjità l-aktar għolja li jista’ jkollha l-mara, meta ħa l-ġisem minn Marija Verġni, u l-Knisja tagħtiha l-ġieh bħala Omm Alla meta ssejħilha l-“Eva l-ġdida” u turiha bħala xempju tal-mara mifdija.  Ir-rispett kollu ħlewwa li Ġesù wera lejn in-nisa li sejjaħ biex imorru warajh u jkunu ħbiebu, id-dehra tiegħu nhar il-Għid filgħodu lil mara qabel deher lid-dixxipli, il-missjoni mogħtija lin-nisa biex iwasslu l-Bxara t-tajba tal-qawmien tiegħu mill-imwiet lid-dixxipli ―  dawn kollha huma sinjali li jwettqu r-rispett speċjali li Ġesu kellu għan-nisa.  U l-Appostlu San Pawl igħid:”Intom ulied Alla ikoll kemm intom, permezz tal fidi fi Kristu Ġesù ... issa ma hemmx iżjed Lhudi u anqas Grieg, ma hemmx ilsir u anqas ħieles, ma hemmx raġel u anqas mara, għax intom ilkoll ħaġa waħda fi Kristu”.[65]

 

 

23.  Il-mara u s-soċjetà

 

Mingħajr ma nindaħlu biex nitkellmu fuq aspetti kollha tal-problema kbira u komplikata tar-relazzjonijiet tal-mara u s-soċjetà, imma nfittxu biss li nsemmu xi punti importanti, ma nistgħux ma ngħidux li, fil-qasam li hu l-aktar speċifiku tal-familja, tradizzjoni soċjali  u kulturali, tista’ tgħid imxerrda ma kulimkien, titlob li l-mara jkollha biss ħidma ta’ miżżewġa  u ta’ omm, u ma tiftħilhiex, kif jixraq,  il-bieb għall-ħidmiet kollha pubbliċi, li, ġeneralment, huma fdati biss lir-raġel.

 

Il-fatt li r-raġel u l-mara għandhom l-istess dinjità u l-istess dmirijiet bħala persuna, hi raġuni biżżejjed biex lill-mara jinfetħilha beraħ il-bieb għall-ħidmiet publiċi. Min naħa l-oħra l-promozzjoni vera tal-mara titlob li jingħaraf is-siwi  tal-ħidma tagħha bħala omm u fil-familja, bħalma jingħaraf is-siwi tal-ħidmiet publiċi u tal-professjonijiet l-oħra kollha.  Fl-aħħar mill-aħħar, dawn il-ħidmiet u dawn il-professjonijiet kollha jridu jkunu f’armonija sħiħa bejniethom biex il-progress soċjali u kulturali jkun tassew u għal kollox jixraq lill-bniedem.

 

Dan jeħfief jekk, kif wera x-xewqa s-Sinodu, “toloġija mġedda tax-xogħol” iddawwal u tistudja fil-fond xi jfisser ix-xogħol fil-ħajja tan-nisrani, u turi x’inhi r-rabta ewlenija tax-xogħol mal-familja, u, għalhekk, x’tifsir għandu x-xogħol fi ħdan il-familja u għat-trobbija ta’ wlied, tifsir li din is-sura ta’ xogħol dejjem kellha u ħadd qatt ma jista’ jiċħdu.[66]  Il-Knisja għalhekk tista’ u għandha tgħin lis-soċjetà ta’ llum billi, bil-qawwa kollha, tinsisti li x-xogħol tal-mara fid-dar għandu jkun magħruf u rrispettat min kulħadd minħabba s-siwi tiegħu, li ħadd ma jista’ jgħaddi mingħajru.  Dan għandu importanza kbira u speċjali fl-edukazzjoni: dan iwassal biex jeqred l-għerq stess u l-bidu ta’ kull diskriminazzjoni bejn xogħol u xogħol, u professjoni u professjoni, meta jidher ċar li kulħadd, f’kull imkien, għandu l-istess drittijiet u dmirijiet bħala persuna. Ix-xbieha ta’ Alla fir-raġel u l-mara mbagħad tiddi b’dawl akbar.

 

Jekk għandna ngħidu li n-nisa għandhom l-istess dritt bħall-irġiel li jkollhom xi uffiċju publiku, is-soċjetà,min-naħa tagħha, trid tkun mibnija b’mod li n-nisa miżżewġa u l-ommijiet ma jkunux fil-fatt imġiegħla joħorġu mid-dar biex jaħdmu, u li l-familji tagħhom ikunu jistgħu jgħixu u jimxu ‘l quddiem kif jixraq ukoll  meta huma jagħtu l-ħidma kollha tagħhom lill-familja ġewwa d-dar.

 

Barra dan irridu nirbħu dik il-mentalità li tqis li l-mara jkollha aktar gieh bix-xogħol barra mid-dar milli bil-ħidma f’darha.  Iżda dan jitlob li l-irġiel jistmaw u verament iħobbu il-mara bir-rispett kollu għad-dinjità tagħha ta’ mara li hi,u li s-soċjetà toħloq u ġġib ‘ilquddiem dawk il-kundizzjonijiet li jgħinu x-xogħol fid-dar.

 

Il-Knisja, hija u tirispetta s-sejħat differenti tar-raġel u l-mara, għandha kemm jista’ jkun,iġġib ‘l quddiem, fl-istess ħajja tagħha, id-dinjità u d-drittijiet indaqs tagħhom, għall-ġid ta’ kulħadd, tal-familja, tas-soċjetà u tal-Knisja.

 

Hi ħaġa ċara li dan kollu jfisser għall-mara mhux li hi għandha tiċċaħħad min-natura tagħha ta’ mara jew li tagħmilha ta’ raġel, imma jfisser li għandha turi li hi mara kollha kemm hi, bil-mod kif iġġib ruħha, sew fil-familja u sew barra l-familja, mingħajr ma twarrab xejn minn dak li f’dan il-qasam jitolbu d-drawwiet u l-kulturi differenti kollha li hemm.

 

 

24.  Offiżi kontra d-dinjità tal-mara

 

Hi ħasra li l-Bxara nisranija dwar id-dinjità tal-mara għandha kontrieha dik il-mentalità qawwija li tqis il-bniedem mhux persuna imma oġġett li tixtri u tbiegħ, biex taqdi l-interessi tiegħek jew għall-gost tiegħek biss.  L-ewwel vittma ta’ din il-mentalità hi l-mara.

 

Din il-mentalità tagħti frott kollu mrar bħalma hu: id-disprezz tar-raġel u tal-mara, il-jasar, il-moħqrija tad-dgħajfin, il-pornografija, il-prostituzzjoni ― u aktar u aktar meta din tkun organizzata ― u dawk id-diskriminazzjonijiet kollha li magħhom tiltaqa’ fil-qasam ta’ l-edukazzjoni, tal-professjoni, tas-salarju u l-bqija.

 

Barra dan, għad hemm ukoll illum f’parti kbira tas-soċjetà tagħna ħafna suriet ta’ diskriminazzjoni li jbaxxu ‘l min ikun.  Dawn is-suriet jolqtu u joffendu bl-ikrah xi kategorija speċjali tan-nisa, bħalma huma l-miżżewġin li m’għandhomx tfal, ir-romol, in-nisa divorzjati, l-ommijiet mhux miżżewġa.

 

L-isqfijiet fis-Sinodu stmerrew dawn id-diskriminazzjonijiet u oħrajn bħalhom bil-qawwa kollha li setgħu; nitolbu għalhekk lil kulħadd biex ikun hemm ħidma pastorali aktar qawwija u aktar soda ħa jintrebħu darba għal dejjem dawn id-diskriminazzjonijiet u jkollha r-rispett kollu li jistħoqilha x-xbieha ta’ Alla li tiddi f’kull bniedem, bla ebda eċċezzjoni.

 

 


 

25.  Ir-raġel miżżewweġ u missier

 

Fi ħdan l-għaqda-komunità taż-żwieġ u tal-familja ir-raġel hu msejjaħ biex igħix id-don u l-ħidma tiegħu bħala miżżewweġ u bħala missier.

 

F’martu, r-raġel għandu jara jseħħ il-pjan ta’ Alla: “Mhux sewwa li Adam jibqa’ waħdu; ħa nagħtih għajnuna tgħodd għalih”;[67] u għandu jgħamel tiegħu l-għajta ta’ Adam: “Sa fl-aħħar din għadma min għadmi, din l-aħam min laħmi”.[68]

 

L-imħabba vera tal-miżżewġin tippretendi u titlob li r-raġel juri rispett kbir lejn id-dinjità tal-mara: “M’intix sidha” ― jikteb San Ambroġ ― “imma żewġha; ma ġietx mogħtija lilek bħala lsira, iżda bħala martek ... Uriha l-attenzjoni li jixirqilha u roddilha ħajr għal imħabitha.”[69] Ma’ martu r-raġel għandu jgħix “sura speċjali ta’ ħbiberija personali”.[70]  In-nisrani mbagħad hu msejjaħ biex iġib ‘il quddiem sura ta’ mħabba ġdida billi juri ‘l martu dik l-imħabba qawwija u kollha rispett, li Kristu għandu għall-Knisja tiegħu.[71]

 

L-imħabba għal martu, meta ssir omm, u l-imħabba għal uliedu, huma għar-raġel it-triq naturali li twasslu biex jifhem x’jiġifieri jkun missier u biex ikun tassew missier.  L-aktar fejn il-kundizzjonijiet soċjali u kulturali malajr jistgħu jwasslu l-missier biex b’xi mod iżomm ruħu ‘l bogħod mill-familja jew almenu biex jaqdi mill-inqas il-ħidma edukattiva tiegħu, jeħtieġ li wieħed iħabrek biex fis-soċjetà terġa’ tibda sseħħ fehma soda li l-post u d-dmir tal-missier fil-familja u għall-familja huma ta’ mportanzali ma hemmx oħra bħala u xejn ma jista’ jeħdilha postha.[72]  L-esperjenza tgħallem li meta jonqos il-missier, jinħoloq ħafna taqlib psikoloġiku u morali u diffikutajiet kbar fir-relazzjonijiet fi ħdan il-familja; hekk ukoll jiġri meta l-preżenza tal-missier fil-familja hi waħda ta’ biża’, speċjalment fejn għadu jeżisti l-fenominu li l-Ispanjoli jseħulu “machismo”, jiġifieri fejn ir-raġel, għax raġel, iħoss ruħu aqwa mill-mara u jabbuża minn dan sa jasal biex ibaxxi għal kollox lil martu u hekk joħnoq l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet xierqa fi ħdan il-familja.

 

Ir-raġel, huwa u juri fil-ħajja tiegħu fid-dinja x-xebh ma Alla bħala Missier,[73] hu mħeġġeġ biex jara l-membri kollha tal-familja tiegħu jimxu ‘l quddiem flimkien.  Hu jaqdi dan id-dmir meta juri s-sens ta’ resposabilità ġeneruża lejn il-ħajja li tnisslet fi ħdan l-omm, meta juri mpenn edukattiv aktar ħerqan flimkien ma’ martu,[74] meta x-xogħol li jagħmel ma jġibx fix-xejn il-familja iżda jsaħħilha l-għaqda u r-rabta tagħha, meta jagħti xhieda ta’ ħajja nisranija fl-aqwa tagħha, li bil-qawwa kollha twassal ‘l ulied għall-esperjenza ħajja ta’ Kristu u l-Knisja.

 

 

26.  Id-drittijiet tat-tfal

 

Fil-familja, li hi komunità ta’ persuni, għandu jkun hemm attenzjoni speċjali għall-ulied, billi jintwera rispett kbir għad-dinjità tagħhom bħala bnedmin, kif ukoll stima kbira għad-drittijiet tagħhom u rieda ġeneruża li tħarishomlhom.  Dan igħodd għal kull iben jew bint, imma wisq aktar għal meta jkunu għadhom żgħar u jeħtieġu kollox minn ħaddieħor, jew għax morda, jew għax batuti jew għax inkapaċitati.

 

Il-Knisja kollha ħerqa turi tħassib kbir u għożża għal kull tarbija li tiġi fid-dinja u hekk taqdi wieħed mid-dmirijiet ewlenin tagħha: għaliex il-familja hi msejħa biex turi u ttenni fil-ġrajja tal-bniedem l-eżempju u l-kmandament ta’ Kristu l-Mulej, li ried iqiegħed it-tfal f’nofs is-saltna ta’Alla.  “Halluhom it-tfal iż-żgħar jiġu għandi ... għax ta’ min hu bħalhom hi s-Saltna ta’Alla”.[75]

 

Intenni dak li għidt fl-assemblea ġenerali tal-ġnus Magħquda fit-12 t’Ottubru 1979 “Nixtieq...nuri x’ferħ huma t-tfal għalina lkoll ―  huma r-rebbiegħa tal-ħajja u l-għarfien minn qabel tal-ġrajja fil-ġejjieni ta’ art twelid kull wieħed minna.  Ebda pajjiż tad-dinja, ebda sistema politika ma tista’ taħseb fuq il-ġejjieni tagħa mingħajr ma thares lejn dawn il-ġenerazzjonijiet ġodda   li mingħand il-ġenituri tagħhom se jiksbu b’wirt kotra ta’ valuri  u ta’ dmirijiet u ta’ tamiet tan-nazzjon tagħhom u tal-familja kollha tal-bnedmin.  It-tħassib għat-tarbija qabel stess ma titwieled, sa mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha, u mbgħad tul is-snin tat-tfulija u taż-żogħżija, hu l-aqwa prova tal-ħtieġa tar-relazzjonijiet tal-bnedmin bejnithom.  U għalhekk x’nistgħu nixtiequ aħjar għal kull nazzjon, għall-bnedmin kollha, għat-tfal kollha tad-dinja, jekk

 

mhux ġejjieni aħħjar, b’rispett veru tad-drittijiet tal-bniedem tul it-tielet elf sena li qed toqrob?”[76]

 

Il-ferħ li bih wieħed jilqa’ kull tarbija li tiġi fid-dinja, l-imħabba u r-rispett li juriha, il-ħsieb li jieħu tagħha b’kull xorta ta’ qadi ― qadi materjali, mill-qalb, edukattiv u spiritwali ― għandhom ikunu s-sinjali  li bihom jingħarfu l-insara, sinjali li qatt ma għandhom jitwarrbu, speċjalment mill-familji insara.  Hekk it-tfal huma u jikbru “fl-għerf, fis-snin u fil-grazzja  quddiem Alla u quddiem il-bnedmin”[77]jagħtu s-sehem siewi tagħhom għall-bini tal-komunità tal-familja u għall-qdusija ta’ l-istess ġenituri tagħhom.[78]

 

 

27.  Ix-xjuħ fil-familja

 

Hemm kulturi li juru qima speċjali u mħabba kbira għax-xjuħ: flok iwarrbuhom mill-familja jew jitqannew bihom bħala xi piż żejjed, ix-xjuħ jibqagħlhom posthom fil-ħajja tal-familja, jibqa’ jkollhom fiha sehem attiv u responsabli ― waqt li jkunu fid-dmir li jirrispettaw l-awtonomija tal-familja l-ġdida.  Fuq kollox, ikunu jaqdu d-dmir li jagħtu xhieda ta’ l-imgħoddi u jkunu għajn ta’ għerf għaż-żgħażagħ u għall-irġiel u n-nisa ta’ għada.

 

Kulturi oħra, għall-kuntrarju, speċjalment minħabba żvilupp addoċċ ta’ l-industrija u tal-ħajja fl-ibliet, waslu u qegħdin jaslu biex iwarrbu x-xjuħ min-nofs, b’mod jew ieħor, li ma jistax ikun li taċċettah.  Dan iġib ħafna tbatijiet kbar għax-xjuħ u faqar spiritwali f’ħafna familji.  Jeħtieġ li l-ħidma pastorali tal-Knisja tqanqal lil kulħadd biex jagħraf u jagħmel użu tajjeb mill-ħidma tax-xjuħ fil-komunità ċivili u ekkleżjastika, u l-aktar fi ħdan il-familja.  Fill-fatt, il-ħajja tax-xjuħ tgħinna biex naraw ċar l-iskala tal-valuri tal-bniedem: turina r-rabta bejn nisel u ieħor tul iż-żminijiet,u, b’mod ta’ l-għaġeb, turina kif fil-poplu ta’ Alla niddependu minn xulxin.  Ix-xjuħ imbagħad għandhom il-kariżma li jmorru ‘l-hemm mil-firda bejn nisel u ieħor qabel stess ma sseħħ il-firda.

 

Kemm tfal sabu ħlewwa u mħabba fil-ħars, fil-kliem, fiż-żegħil tax-xjuħ! U kemm xjuħ jilqgħu bil-qalb il-kliem ispirat ta’ l-iskrittura li “kuruna tax-xjuħ huma l-ulied” (Prov. 17.6)[79]

 

II.  IS-SERVIZZ TAL-ĦAJJA

 

(1)  IT-TNISSIL TAL-ĦAJJA

 

28. Imseħbin ma’ l-imħabba ta’ Alla li ħalaq kollox

 

Alla, bil-ħolqien tar-raġel u l-mara xbieha tiegħu, temm u wassal għall-perfezzjoni egħmil idejh.  Sejħilhom biex b’mod speċjali jissieħbu f’imħabbtu u f’setgħetu wkoll bħala Ħallieq u Missier, biex bit-tisħib ħieles u responsabli tagħhom jingħata d-don tal-ħajja lill-bniedem.  “Berikhom Alla u qalilhom:  ‘Nisslu u tkattru u imlew l-art, u aħkmu fuqha”.[80]

Il-ħidma fundamentali tal-familja hi għalhekk is-servizz għall-ħajja biex tul il-ġrajja kollha tal-bniedem isseħħ il-barka mogħtija fil bidu mil-Ħallieq ta’ kollox u, permezz tat-tnissil, ix-xbieha ta’ Alla tgħaddi minn bniedem għal ieħor.[81]

 

It-tnissil hu frott u sinjal ta’ l-imħabba tal-miżżewġin għal xulxin, ix-xhieda ħajja ta’ l-għoti tagħhom lil xulxin bir-ruħ u l-ġisem: “l-imħabba vera tal-miżżewġin u l-istruttura kollha tal-familja li minnha tiġi, mingħajr ma jitħallew fil-ġenb l-għanijiet l-oħra taż-żwieġ, iwasslu lill-miżżewġin biex b’qawwa liema bħalha tal-qalb, inkunu lesti u nikkopaw ma’ l-imħabba tal

Ħallieq u tal-Feddej, li bihom bla heda jkabbar u jagħni l-familja tiegħu.”[82]

 

Il-frott ta’ mħabba tal-miżżewġin mhux biss it-tnissil ta’ l-ulied, ukoll jekk dan it-tnissil jiftiehem b’mod li jixraq lill-bniedem: l-imħabba tal-miżżewġin tikber u tistgħana mill-frott kollu tal-ħajja morali, spiritwali u sopranaturali li l-missier u l-omm huma msejħin biex jgħatu lil uliedhom u, permezz ta, wliedhom, lill-Knisja u lid-dinja.

 

 

29.  It-tagħlim tal-Knisja dejjem qadim u dejjem ġdid

 

Proprju għax l-imħabba tal-miżżewġin hi tisħib speċjali fil-misteru tal-ħajja u ta’ l-imħabba ta’ Alla stess, il-Knisja taf li għandha l-missjoni speċjali li tgħożż u tħares id-dinjità tassew għolja taż-żwieġ u r-responsabbiltà tassew kbira tat-tnissil tal-ħajja tal-bniedem.

 

B’rabta sħiħa mat-tradizzjoni ħajja tal-komunità tal-Knisja tul il-ġrajja kollha tal-bnedmin, il-Konċilju Vatikan II u l-maġisteru tal-Papa Pawlu VI, taw lil żminijietna Bxara tassew profetika.  Din il-bxara tinsab miġbura l-aktar fl-enċiklika Humanae Vitae li ttenni u xxandar mill-ġdid b’ mod l-aktar ċar id-duttrina u r-regoli dejjem qodma u dejjem ġodda tal-Knisja dwar iż-żwieġ u t-tnissil tal-ħajja tal-bniedem.

 

Għalhekk, fl-aħħar laqgħa tagħhom, l-isqfijiet fis-Sinodu qalu dawn il-preċiżi kelmiet: “Dan is-Sinodu mlaqqa’ fl-għaqda sħiħa ta’ fidi mas-suċċessur ta’ San Pietru, bil-qawwa kollha jħaddan it-tagħlim  tal-Konċilju Vatikan  II (Ara Gaudium et Spes, 50) u tagħlim ta’ l-enċiklika Humanae Vitae, u, b’mod speċjali, li l-imħabba bejn il-miżżewġin trid tkun għal kollox tixraq lill-bniedem, tkun bejniethom biss, u tkun miftuħa għall-ħajja”.[83]

 

 

30.  Il-Knisja żżomm mal-ħajja

 

Id-dutrina tal-Knisja llum trid tixxandar f’qagħda soċjali u kulturali li tagħmilha aktar iebsa biex tiftiehem u fl-istess waqt aktar meħtieġa, u meħtieġa bla telf ta’ żmien, biex iġġib ‘il quddiem il-ġid veru tar-raġel u tal-mara.

 

Il-progress tekniku-xjentifiku, li l-bniedem ta’ żmienna qiegħed dejjem iżid bil-ħakma tiegħu fuq in-natura, mhux biss isaħħaħ it-tama ta’ ġens ta’ bnedmin aħjar, imam ukoll qiegħed iġib qtiegħ il-qalb kbir għall-ġejjieni.  Xi wħud qegħdin jistaqsu lilhom infushom jekk hijiex ħaġa tajba li tgħix jew huwiex aħjar li kieku lanqas tkun twelidt; u għalhekk, qegħdin jiddubitaw hijiex ħaġa xierqa tagħti l-ħajja lil min forsi għad jisħet l-istess ħajja tiegħu f’dinja¸ kiefra, li tagħha lanqas tista’ biss timaġina x’ser ikun it-twerwir.  Oħrajn jaħsbu li huma biss għandhom igawdu mill-vantaġġi tat-teknika u ma jħallux lill-oħrajn igawduhom u jġagħluhom jużaw  mezzi kontraċettivi jew mezzi oħra għar.  Oħrajn ukoll, imxeklin kif inhuma minn mentalità ta’ nfieq addoċċ u ħsiebhom biss li jkabbru dejjem iżjed il-ġid materjali tagħhom, jaslu biex ma jifhmux aktar, u għalhekk ma jridux aktar, l-għana spiritwali ta’ ħajja ġdida ta’ bniedem.  Fl-aħħar mill-aħħar din il-mentalità hi frott in-nuqqas ta’ Alla f’qalb il-bniedem, ta’ Alla li mħabbtu hi aktar qawwija minn kull biża’ li jista’ jkollha id-dinja ― biża’ li jista’ jintrebaħ. 

 

B’hekk twieldet il-mentalità kontra l-ħajja kif jidher mill-ħafna kwistjonijiet ta’ llum: bħala eżempju, insemmu l-paniku mqajjem mill-istudji ta’ l-ekologi u tal-futurologi fuq id-demografija, li xi kultant jeseġeraw il-periklu meta jgħidu li jekk l-għadd tat-tfal li jitwieldu jkun kbir, tonqos u tiddgħajjef il-kwalità tal-ħajja. 

 

Imma l-Knisja temmen bil-qawwa kollha li l-ħajja tal-bniedem, ukoll jekk dgħajfa u batuta, hi don mill-isbaħ tat-tjieba ta’ Alla.  Kontra l-pessimiżmu u l-egoiżmu, li qegħdin idallmu d-dinja, il-Knisja hi favur il-ħajja, u f’kull ħajja ta’ bniedem tara d-dija ta’ dak l-“Amen” li hu Kristu stess.[84]  Għal “Le” li dieħla fid-dinja u qiegħeda tnikkitha, il-Knisja twieġeb bl-“Iva” ħajja tagħha. B’hekk hi tħares il-bniedem u d-dinja minn kulma jheddidlu ħajtu u jdgħajjifhielu.

 

Il-Knisja hi msejħa biex mill-ġdid ixxandar lil kulħadd, b’konvinzjoni aktar ċara u aktar qawwija, ir-rieda tagħha li ġġib ‘il quddiem b’kull mezz u tħares kontra kull theddid il-ħajja tal-bniedem, hi x’inhi l-qagħda tiegħu, hu x’inhu l-mument ta’ l-iżvilupp tiegħu.

 

Hu għalhekk li l-Knisja tikkundanna bħala offiża kbira kontra d-dinjità tal-bniedem u kontra l-ġustizzja, dawk il-ħidmiet kollha tal-gvernijiet u ta’ awtoritajiet oħra publiċi li jridu b’kull mod jillimitaw il-libertà tal-ġenituri dwar kemm ulied għandu jkollhom.  Minn dan jiġi li kull vjolenza  li jagħmlu dawn l-awtoritajiet biex ma jkunx hemm tnissil, kif ukoll l-isterilizzazzjoni u l-abort prokurat għandhom jiġu għal kollox ikkundannati u mwarrba bil-qawwa kollha. Fl-istess ħin ta’ min jistmerr, bħala ħaġa l-aktar inġusta fir-relazzjoniijiet internazzjonali, li l-għajnuna ekonomika mogħtija għall-progress tal-popli tintrabat ma’ programm ta’ kontraċezzjoni, sterilizzazzjoni u abort prokurat.[85]

 

 

31.  Biex il-pjan ta’ Alla jseħħ dejjem aktar

 

Il-Knisja taf ukoll li hemm ħafna problemi kumplikati, li llum f’ħafna pajjiżi jolqtu lill-miżżewġin fid-dmir tagħhom li jnisslu l-ħajja b’sens ta’ responsabbiltà skond il-kuxjenza tagħhom.  Tagħraf ukoll li hemm problema serja dwar  it-tkattir kbir fl-għadd tan-nies, kif jidher f’ħafna partijiet tad-dinja, flimkien mal-problemi morali li dan it-tkattir iġib miegħu.  Iżda l-Knisja tħoss li, jekk wieħed igħarbel fil-fond sewwa l-aspetti kollha ta’ dawn il-problemi, għandu jara mwettqa b’mod ġdid u aktar qawwi, l-importanza tad-duttrina vera tal-Knisja dwar il-pjanifikazzjoni tat-twelid, imfissra mill-Konċilju Vatikan II u mill-enċilklika Humanae Vitae.

 

Għalhekk, flimkien ma’ l-isqfijiet tas-Sinodu, inħoss id-dmir li nagħmel stedina ħerqana lit-teoloġi biex jingħaqdu bil-forzi kollha tagħhom mal-Maġisteru ġerarkiku u jħabirku ħa jfissru aħjar il-pedament bibliku, u l-prinċipji morali ta’ din id-duttrina, kif ukoll kulma għandu x’jaqsam mal-bniedem f’dan it-tagħlim.  U meta t-tagħlim tal-Knisja fuq din il-ħaġa jkun imfisser b’mod ċar u ordnat, wieħed ikun jista’ tassew iwasslu lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba, u jgħin biex kuljum dejjem aktar jiftiehem aħjar u aktar fil-fond.  B’dan il-mod il-pjan ta’ Alla jkun jista’ dejjem aktar iseħħ għas-salvazzjoni tal-bnedmin u għall-glorja tal-Ħallieq.

 

Dwar dan hi meħtieġa ħafna l-ħidma flimkien tat-teoloġi, imqanqla minn rispett ħiereġ mill-qalb, marbuta sħiħa mal-Maġisteru, li biss jistà juri t-triq vera lill-Poplu ta’ Alla.  Din il-ħidma jeħtieġ li sseħħ kemm jista’ jkun malajr, ukoll minħabba r-rabta sħiħa li hemm bejn id-duttrina tal-nisja fuq din il-ħaġa u l-fehma li għandha l-Knisja fuq il-bniedem:  dubji u żbalji dwar iż-żwieġ u l-familja jaslu biex idallmu  sewwa l-verità sħiħa dwar il-bniedem f’qagħda kulturali li hi ġa mħawda ħafna u kollha stmerrija għaliha nfisha.  Is-sehem mitlub mit-teoloġi fil-qadi tad-dmir prorju tagħhom biex idawlu  u jistudjaw aktar fil-fond din id-duttrina,għandu siwi li m’hemmx ieħor bħalu, u huwa servizz speċjali, ta’ mertu kbir għall-familji u għalll-ġens kollu tal-bnedmin.

 

 

32.  Fid-dehra sħiħa tal-bniedem u tas-sejħa tiegħu

 

Fi ħdan kultura li għawġet wisq u saħħansitra tilfet it-tifsir veru tas-sesswalità tal-bniedem, għaliex fatmitha mir-rabta tagħha mal-persuna tal-bniedem, il-Knisja tħoss li għandha missjoni urġenti, li hi biss tista’ tagħmilha, ħa turi li s-sesswalità hi valur u dmir ta’ kull persuna, raġel u mara, maħluqa xbieha t’Alla.

 

Fuq dan il-Konċilju Vatikan II qal b’mod ċar li , “meta tiġi biex tgħaqqad flimkien l-imħabba tal-miżżewġin mat-tnissil tal-ħajja b’mod responsabbli, l-imġieba moralment tajba ma tiddependix biss mill-ħsieb jew raġunijiet tajba li wieħed jista’ jkollu, imma minn kriterji oġġettivi, li għandhom il-pedament tagħhom fin-natura stess tal-persuna tal-bniedem u f’egħmilu; l-għan ta’ dawn il-kriterji hu li jħarsu t-tifsir sħiħ ta’ l-għoti tal-miżżewġin lil xulxin kollhom kemm huma fir-ruħ u l-ġisem u tat-tnissil tal-ħajja tal-bniedem, bħala egħmil ta’ vera mħabba.  Dan kollu ma jistax iseħħ jekk wieħed ma jfittixx li jħares il-virtù tas-safa fiż-żwieġ”[86]

 

Il-Papa Pawlu VI wissa li “dan id-dmir iħaddan il-bniedem kollu kemm hu u b’dak kollu li għalih  hu msejjaħ, li għandu x’jaqsam mhux biss mal-ħajja naturali u ta’ din l-art imma wkoll mal-ħajja sopranaturali li tibqa’ għal dejjem,”[87] u għalhekk seta’ jgħid li d-duttrina tal-Knisja hi mibnija “fuq ir-rabta li ma tinħall qatt, li hemm bejn iż-żewġ tifsiriet ta’ l-att taż-żwieġ.  Bih il-miżżewġin isiru ‘ġisem wieħed’ u jnisslu l-ħajja:  ir-rabta bejn dawn iż-żewġ tifsiriet riedha Alla u  l-bniedem ma jistax iħollha minn jeddu”.[88]  U għalhekk spiċċa biex insista li għandu jitwarrab bħala ħaġa diżonesta fiha nfisha “kull egħmil jew qabel l-att taż-żwieġ jew waqt dan qatt l-att jew  waqt l-iżvilupp tal-konsegwenzi tiegħu, li jsir bil-ħsieb, Bħala għan jew bħala mezz, li ma jkunx hemm tnissil.”[89]

 

Meta l-miżżewġin, bl-użu tal- kontraċettivi, firdu minn xulxin dawn iż-żewġ tifsiriet li Alla l-Ħallieq qiegħed fin-natura stess tar-raġel u tal-mara u fl-egħmil li jwassal għall-għaqda sesswali tagħhom, huma jkunu jġibu ruħhom bħala “arbitri” tal-pjan ta’ Alla, u “jgħawġu” u jbaxxu s-sesswalità tal-bniedem, u b’hekk ibaxxu wkoll kemm lilhom infushom u kemm il-parti l-oħra bħala persuna, għax ibiddlu s-siwi ta’ l-għoti “sħiħ” tagħhom lil xulxin.  Flok it-tifsir naturali ta’ l-għoti sħiħ lil xulxin kollhom kemm huma fir-ruħ u l-ġisem, l-użu tal-kontraċettivi jdaħħal tifsir ieħor għal kollox kuntrarju fih inifsu għal dan it-tifsir naturali ― dak iiġifieri li l-għoti ‘l xulxin mhux kollu kemm hu, mhux sħiħ.  Minn dan jiġi mhux biss li wieħed ikun jiċħad bid-dieher il-ftuħ għall-ħajja, imma wkoll ikun qiegħed jiffalsifika il-verità fiha nfisha ta’ l-imħabba tal-miżżewġin, li fiha nfisha titlob li l-miżżewġin jagħtu ruħhom lil xulxin bħala persuni, fir-ruħ u fil-ġisem.

 

Meta għall-kuntrarju, il-miżżewġin jagħmlu l-att taż-żwieġ fi żminijiet li fihom ma jistax ikun hemm tnissil, huma jkunu qegħdin iħasru r-rabta li qatt ma għandha tiġi nieqsa bejn iż-żewġ tifsiriet ta’ l-att taż-żwieġ, li bih il-miżżewġin isiru “ġisem wieħed” u jnisslu l-ħajja.  B’hekk ikunu jġibu ruħhom bħala “ministri” tal-pjan t’Alla u jkunu “jagħmlu użu” mis-sesswalità tagħhom kif jitlob l-att taż-żwieġ min-natura tiegħu bħala għoti sħiħ tal-miżżewġin lil xulxin, kollhom kemm huma, bla ebda “manipulazzjoni” jew tibdil.[90]

 

Fid-dawl ta’ esperjenza ta’ tant miżżewġin u min dak li jagħtuna ħafna xjenzi tal-bniedem, it-teologi, bl-istudju tagħhom, jistgħu jagħrfu u huma msejħin jaraw sewwa x’differenza antropoloġika u, fl-istess ħin, morali hemm bejn l-użu tal-komtraċettivi u l-użu tas-“safe period”.  Id-differenza hi akbar u aktar fil-fond milli wieħed jaħseb u tħaddan, fl-aħħar mill-aħħar, żewġ fehmiet tal-persuna u tas-sesswalità tal-bniedem li ma jistgħux ikunu jaqblu ma’ xulxin.  L-użu tas-“safe periods” li hu metodu naturali, jitlob li wieħed joqgħod għall-“period” tal-persuna, jiġifieri tal-mara, għalhekk jitlob ukoll djalogu bejn ir-raġel u l-mara b’rispett għal xulxin, b’responsabbiltà flimkien, u b’kontroll fuqhom infushom.  Meta l-miżżewġin bi ftehim bejniethom, jagħżlu li jagħmlu  użu mis-“safe period”, huma jkunu jagħrfu wkoll li l-għaqda ta’ bejniethom hi spiritwali u fl-istess ħin korporali fir-ruħ u fil-ġisem; dan ifisser ukoll li l-miżżewġin qegħdin jgħinu fl-imħabba ta’ xulxin bħala persuni bil-fedeltà kollha li titlob minnhom din l-imħabba.  B’dan il-mod, il-miżżewġin jaraw, mill-esperjenza tagħhom, kif l-għaqda bejniethom fiż-żwieġ tistagħna b’dawk il-valuri ta’ għożża u ta’ mħabba, li huma l-qofol tas-sesswalità tal-bniedem, ukoll fl-aspett fiżiku tagħha.  B’dan il-mod is-sesswalità jkollha ħarsien xieraq u tiġi ‘l quddiem f’dik is-sura vera u sħiħa tagħha li tixraq lill-bniedem.  B’hekk is-sesswalità ma tiġi qatt “użata” bħala “oġġett”, ħaġa li ġġib fix-xejn l-għaqda tal-ġisem u r-ruħ fil-persuna tal-bniedem, u tolqot il-bniedem, ħolqien ta’ Alla, proprju fejn iseħħ il-qofol tar-rabta bejn in-natura u l-persuna fil-bniedem.

 

 

33.  Il-Knisja Għalliema u Omm tal-miżżewġin imġarrba

 

Fil-qassam tal-morali taż-żwieġ ukoll il-Knisja hi Għalliema u Omm.  Bħala Għalliema, qatt ma tedha xxandar ir-regola tal-morali li fuqha għandu jimxi t-tnissil responsabbli tal-ħajja.  Din ir-regola, il-Knisja la għamlitha hi, u lanqas tista’ tiddeċiedi hi tinżammx jew le.  Hija u tobdi l-verità ta’ Kristu, li x-xbieha tagħha tidher fin-natura u d-dinjità tal-persuna tal-bniedem, il-Knisja tfisser din ir-regola tal-morali u tgħallima lill-bnedmin kollha ta’ rieda tajba, mingħajr ma taħbilhom li din ir-regola bl-ebda mod ma trid li tkun imħarsa b’nofs kedda, imma titlob li tkun imħarsa bil-perfezzjoni.

 

Bħala Omm, il-Knisja tersaq qrib il-koppji kollha tal-miżżewġin li jinstabu f’diffikultà minħabba din il-problema ta’ ħajja morali: tagħraf sewwa l-qagħda tagħhom, li spiss hi iebsa ħafna u li, xi kultant, hi mġarrba minn diffikultajiet ta’ kull xorta, mhux biss individwali imma wkoll soċjali. Il-Knisja taf li ħafna miżżewġin jiltaqgħu ma’ diffikultajiet mhux biss biex fil-fatt iħarsu din ir-regola, imma wkoll biex jifhmu l-valuri stess ta’ din ir-regola morali.

 

Imma hi l-istess Knisja waħda li hi Għalliema u Omm.  Għalhekk il-Knisja qatt ma tedha tistieden u tqawwi l-qalb tal-miżżewġin biex id-difikultajiet li jinqalgħu fiż-żwieġ, huma jsolvuhom mingħajr qatt ma jħassru  jew iġibu fix-xejn il-verità. Il-Knisja hi konvinta li l-liġi ta’ Alla dwar it-tnissil tal-ħajja u l-liġi ta’ Alla li trid iġġib ‘il quddiem il-vera mħabba bejn il-miżżewġin qatt ma jistgħu jkunu kontra xulxin.[91]

 

Għalhekk id-dixxiplina tal-Knisja fil-fatt għandha tkun dejjem marbuta u qatt mifruda mid-duttrina tagħha.  Intenni għalhekk bl-istess konvinzjoni dak li qal il-Papa ta’ qabli: “Tintwera sura mill-aqwa ta’ l-imħabba għall-erwieħ meta ma jitnaqqas xejn mit-tagħlim ta’ Kristu għas-salvazzjoni”.[92]

 

Minn naħa l-oħra, id-dixiplina vera tal-Knisja turi kemm taqbel, bl-għerf kollu, ma’ kulma jseħħ meta b’impenn qawwi u sħiħ, tħajjar biex jinħolqu u jissaħħu dawk il-kundizzjonijiet kollha tal-bniedem ― psikoloġiċi, morali u spiritwali, ― li huma għal kollox meħtieġa biex wieħed jifhem u jgħix il-valuri u r-regola morali.

 

Bla dubju ta’ xejn, fost dawn il-kundizzjonijiet irridu ngħoddu l-fehma soda u s-sabar, l-umiltà u l-qawwa tar-ruħ, il-fiduċja, bħala wlied, f’Alla u fil-grazzja tiegħu, it-talb ta’ sikwit u t-tqarbin u l-qrar ta’ spiss.[93] Imwettqin b’dan il-mod il-miżżewġin insara jkunu jistgħu jħossu ħajja fihom il-qawwa speċjali tal-grazzja tas-sagrament taż-żwieġ f’kull ma jseħħ fil-ħajja taż-żwieġ u għalhekk ukoll fis-sesswalità tal-miżżewġin: id-don ta’ l-Ispirtu, milqugħ mill-miżżewġin li jwieġbu għalih, jgħinhom igħixu s-sesswalità tagħhom ta’ bnedmin li huma, skond il-pjan ta’ Alla u bħala sinjal ta’ dik l-imħabba li tgħaqqad u tagħti l-frott tagħha, l-imħabba li biha Kristu jħobb il-Knisja tiegħu.

 

Fost il-kundizzjonijiet meħtieġa hemm ukoll l-għarfien tan-natura tal-ġisem u taż-żminijiet li fihom jista’ jkun hemm tnissil.  Għalhekk jeħtieġ li dan it-tagħrif jasal lill-miżżewġin kollha, u qabel kulħadd, liż-żgħażagħ permezz ta’ edukazzjoni u tagħlim, mogħtijin b’mod ċar, f’waqqtu u bis-serjata kollha, minn koppji ta’ miżżewġin, minn tobba u minn nies esperti.  Dan it-tagħrif għandu jwassal biex jitgħallem jikkontrolla lilu nnifsu: minn hawn  il-ħtieġa tal-virtù tas-safa u ta’ trawwim bla heda f’ħajja ta’ safa. Il-fehma nisranija tas-safa mhijiex iċ-ċaħda tas-sesswalità tal-bniedem u lanqas l-ismerija tagħha: fil-fehma nisranija, is-sesswalità hi aktar qawwa spiritwali li tagħraf tiddefendi l-imħabba mill-perikli ta’ egoiżmu u ta’ l-agressività u tagħraf twassalha biex tilħaq il-milja kollha tagħa.

 

Il-Papa Pawlu VI, b’qawwa ta’ għerf u ta’ mħabba, ma għamilx ħaġ’ oħra għajr ta leħen għall-esperjenza ta’ tant koppji ta’ miżżewġin meta fl-enċiklika tiegħu kiteb: “Mhemx dubju li biex jinħakem l-istint mir-raġuni u r-rieda ħielsa, jeħtieg li jsir sagrifiċċju, ħalli s-sinjali ta’ mħabba li huma proprju tal-ħajja taż-żwieġ, ikunu jaqblu ma’ ordni xierqa; dan hu l-aktar meħtieġ għall-ħarsien tal-kontinenza perjodika, jiġifieri meta wieħed ma jagħmilx l-att taż-żwieġ matul ċerti intervalli taż-żmien.  Din id-dixxiplina, li fiha tidher is-safa proprja tal- miżżewġin, li tagħtiha siwi aktar għoli bħala mħabba bejn bnedmin. Din id-dixxiplina titlob sforz bla heda, iżda minħabba l-ġid li tagħmel, il-miżżewġin biha jiżviluppaw għal kollox lilhom infushom bħala persuni u jistagħnew b’ħafna ġid spiritwali.  Din id-dixxiplina ġġib ħafna frott ta’ hena u sliem fil-ħajja tal-familja; tgħin ħafna biex jinħallu d-diffikultajiet ta’ sura oħra; tqawwi l-għożża u l-attenzjoni tal-miżżewġin għal xulxin; tgħinhom jirbħu l-egoiżmu li hu l-għadu tal-vera mħabba ta’ bejniethom; u ssaħhaħ fihom is-sens tar-responsabiltà.  Fl-aħħarnett tagħti lill-ġenituri awtorità aktar qawwija u aktar sħiħa fl-edukazjoni ta’ wliedhom”[94]

 

34.  Il-mixja ‘l quddiem tal-miżżewġin fil-ħarsien tal-liġi morali

 

Hi ħaġa mportanti ħafna li wieħed ikollu ideja ċara ta’ l-ordni morali , tal-valuri tar-regoli tiegħu.  Din l-importanza tikber aktar ma jikbru u joktru d-difikultajiet biex tħarishom.

 

L-ordni morali, proprju għax juri u jfisser il-pjan ta’ Alla li ħalaq kollox, ma għandux ikun xi ħaġa li tagħmel ħsara lill-bniedem, xi ħaġa li tarmih bħala persuna; għal kuntrarju, l-ordni morali, huwa u jwieġeb għall-ħtiġijiet l-aktar għoljin tal-bniedem maħluq minn Alla, jaqdi ‘l bniedem fil-persuna sħiħa tiegħu ta’ bniedem li hu, b’dik l-imħabba kollha ħlewwa li ssaħrek, li biha Alla stess imexxi, iqawwi u jwassal kull maħluq għall-hena tiegħu.

 

Iżda l-bniedem, imsejjaħ biex jgħix b’sens ta’ responsabiltà l-pjan ta’ Alla kollu għerf u mħabba, hu maħluq biex jgħix il-ġrajja tiegħu, u jibniha minn jum għall-ieħor bil-ħafna għażliet ħielsa li jgħamel.  Għalhekk hu jagħraf, iħobb u jagħmel il-ġid morali huwa u jikber.

 

Il-miżżewġin ukoll, fil-qasam tal-ħajja morali tagħhom huma msejħin biex jimxu dejjem ‘l quddiem, imqawwijin mix-xewqa sinċiera u ħabrieka li jagħrfu dejjem aħjar il-valuri li l-liġi ta’ Alla tħares u ġġib ‘l quddiem, u hu mir-rieda tajba u ġeneruża tagħhom li dawn il-valuri jseħħu fil-fatt fl-għażliet kollha li jagħmlu.  Iżda huma m’għandhomx iħarsu lejn il-liġi biss bħala xi idejal li għandu jintlaħaq biss fil-ġejjieni, imma għandhom iqisuha bħala kmandament ta’ Kristu l-Mulej li jordnalhom jegħlbu, bl-impenn kollu tagħhom, id-difikultajiet li jinqalgħu.  “Għalhekk il-liġi tal-gradwalità mhijiex l-istess ħaġa bħall-gradwalità tal-liġi bħallikieku l-liġi ta’ Alla għandha ħafna suriet u mhijiex imħarsa bl-istess mod kullimkien.  Madankollu kemm tiġi mħarsa jiddependi miċ-ċirkostanzi diversi li fihom ikun jinstab il-bniedem.  Il-miżżewġin kollha huma msejħin għall-qdusija fiż-żwieġ, u dan iseħħ jekk il-bniedem lest li jwieġeb għall-kmandamenti ta’ Alla bis-sinċerità kollha, b’tama sħiħa fil-grazzja ta’ Alla u fir-rieda tiegħu”.[95]

Hekk ukoll il-Knisja, fid-dixiplina tagħha, trid li l-miżżewġin għandhom, qabel xejn, jagħrfu b’mod ċar li t-tagħlim ta’ l-Humanae Vitae qisu għalihom regola li tmexxihom fl-użu tas-sesswalità tagħhom, u għalhekk, bis-siċerità kollha, għandhom iħabirku biex ikun hemm il-kundizzjonijiet meħtieġa li jwasslu għall-ħarsien ta’ din ir-regola.

 

Dan it-tagħlim, kif wera s-Sinodu, iħaddan il-ħajja kollha tal-miżżewġin.  Għalhekk id-dmir tat-tnissil tal-ħajja għandu jkun parti mill-missjoni tal-ħajja nisranija kollha kemm hi, ħajja li mingħajr is-salib ma tistax tasal għall-qawmien,  F’qagħda bħal din wieħed jifhem malajr li, mill-ħajja tal-familja, ma jistax iwarrab iċ-ċaħda tiegħu nnifsu s-sagrifiċju tiegħu għall-oħrajn, anzi jrid jaċċethom bil-qalb biex l-imħabba tal-miżżewġin bejniethom tissaħħaħ dejjem aktar fil-fond ta’ qalbhom u tkun għalihom għajn ta’ ferħ liema bħalu fir-ruħ.

 

Dan il-mixi flimkien jistenna li s-saċerdoti, ir-reliġjużi ul-lajċi li huma mpenjati fil-pastorali tal-familja, iqisu sewwa dan kollu, u jkollhom it-tagħrif u l-edukazzjoni kollha meħtieġa.  Dawn kollha jistgħu jgħinu lill-miżżewġin fil-mixja tagħhom bħala bnedmin u bħala nsara, mixja li minnha nnifisha tagħrrafhom x’inhu d-dnub u, bis-sinċerità kollha, timpennjahom li jħarsu l-liġi morali, u li jfittxu  l-ministeru tar-rikonċiljazzjoni.  Ta’ min iżomm quddiem għajnejh ukoll li l-att taż-żwieġ jimpennja żewġ persuni li huma msejħin biex ikunu ħaġa waħda fil-fehma u l-imġieba; dan jitlob minnhom ħafna sabar, ħafna tjieba u ħafna żmien.  Hu mportanti ħafna, f’din il-ħaġa, li jkun hemm qbil sħiħ bejn is-saċerdot fil-ġudizzju morali u pastorali  li huma jagħtu: dan il-qbil għandu jiġi mfittex bir-reqqa kollha u mħares sewwa, biex il-fidili ma jkollhomx iġarrbu ħafna qtiegħ il-qalb fil-kuxjenza tagħhom.[96]

 

Il-mixi ‘l quddiem tal- miżżewġin jeħfief jekk, b’rispett għat-tagħlim tal-Knisja, u b’fiduċja fil-grazzja ta’ Kristu, megħjunin minn u mseħbin mas-saċerdot u l-komunità ekkleżjali kollha, huma jaslu  biex isibu  u jaraw x’qawwa għandu l-ħelsien u l-mixi ‘l quddiem li tagħtihom l-imħabba vera, li joffrilhom l-Evanġelju u li jordnalhom il-kmandament tal-Mulej.

 

 

35.  Inwasslu għall-konvinzjoni ngħinu bil-fatti

 

Quddiem il-problema ta’ pjanifikazzjoni, skond is-sewwa, tat-twelid tat-tfal li jiġu fid-dinja, il-komunità ekkleżjali, fiż-żmien ta’ llum, trid titgħabba bid-dmir li twassal  għall-konvinzjoni sħiħa u tgħin  bil fatti lil dawk kollha li jridu jgħixu l-ħajja tagħhom ta’ missirijiet u ommijiet b’mod verament responsabli.

 

F’din il-ħaġa, il-Knisja tieħu pjaċir bir-riżultati li x-xjenza qiegħda tikseb fit-tħabrik tagħha jkunu magħrufin aħjar u b’mod aktar preċiż, il-mumenti li fihom il-mara tista’ tnissel, u tħeġġeġ biex dawn l-istudji jiżdiedu u jitwessgħu dejjem aktar.  Iżda l-Knisja ma tistax ma tistedinx, b’ħeġġa dejjem aqwa, lil dawk kollha ― tobba, esperti, “marriage counsellers”, edukaturi, u l-istess miżżewġin ― biex, bil-fatti jgħinu lill-miżżewġin jgħixu mħabbithom f’rispett sħiħ għall-istruttura u għall- għan ta’ l-att taż-żwieġ li bih tintwera.  Dan ifisser impenn akbar, aktar deċisiv u aktar ordnat, biex il-metodi naturali li jirregolaw il-fertilità tal-mara jkunu magħrufin, stmati u wżati.[97]

 

Xhieda tassew siewja tista’ u għandha tingħata minn dawk il-miżżewġin li, permezz ta’ ftehim bejniethom li ma jgħamlux l-att taż-żwieġ f’ċerti ġranet, waslu għall-milja tar-responsabbiltà tagħhom bħala persuni f’kull ma għandu x’jaqsam ma’ l-imħabba u l-ħajja.  Kif kiteb il-Papa Pawlu VI:  “lilhom il-Mulej jafda l-ħidma li juri lill-bnedmin il-qdusija u l-ħlewwa tal-liġi li biha l-imħabba tal-miżżewġin għal xulxin tintrabat  mal-ħidma ta’ għajnuna li huma jagħtu lill-imħabba ta’ Alla li joħloq il-ħajja tal-bniedem”.[98]   

 

(2)  L-EDUKAZZJONI

 

36.  Id-dritt u d-dmir tal-ġenituri fl-edukazzjoni

 

L-obbligu ta’ l-edukazzjoni għandu l-għeruq fis-sejħa li l-miżżewġin kellhom mill-bidu biex jissieħbu fil-ħidma ta’ Alla għall-ħolqien tal-ħajja.  Huma u jgħatu tnissil fl-imħabba u b’imħabba lil persuna ġdida, li fiha nfisha għandha s-sejħa li tikber u tiżviluppa, il-ġenituri, minħabba f’hekk, jitgħabbew bid-dmir li jgħinu l-wild tagħhom bis-serjetà, ħa tgħix ħajja li tkun tixraq lill-bniedem. Kif għallem il-Konċilju Vatikan II: “il-ġenituri, għax taw il-ħajja lil uliedhom, għandhom id-dmir tassew kbir li jedukawhom ukoll: huma għalhekk għandhom jitqiesu bħala l-ewwel u l-ewlenin edukaturi ta’ wliedhom.  Din il-ħidma edukattiva tagħhom hi hekk importanti li, jekk tiġi nieqsa, bilkemm tingħata minn ħaddieħor. Hu dmir il-ġenituri li joħolqu fi ħdan il-familja dak l-ambjent ta’ mħabba u tjieba lejn Alla u l-bnedmin, li tkun ta’ għajnuna għall-edukazzjoni sħiħa ta’ l-ulied kemm bħala individwi u kemm bħala membri tas-soċjetà.  Il-familja hi għalhekk l-ewwel skola fejn wieħed jitghallem il-virtujiet soċjali, li tant huma meħtieġa mis-soċjetajiet kollha.[99]

 

Id-dritt u d-dmir tal-ġenituri fl-edukazzjoni għandu jitqies essenzjali għax hu marbut mat-tnissil tal-ħajja tal-bniedem; orriġinali u ewlieni ħdejn id-dmir li għandhom oħrajn li jagħtu edukazzjoni, għax waħda hi l-imħabba, u ma hemmx oħra bħala, li torbot il-ġenituri ma’ wliedhom; hu dritt u dmir li ma jistax jagħmlu ħaddieħor u l-anqas jista’ jingħata lil ħaddieħor, u għalhekk il-ġenituri la jistghu jiċċaħdu għal kollox minn dan id-dritt tagħhom u lanqas ħaddieħor ma jista’ jeħodulhom bilfors.

 

Barra dawn il-kwalitajiet, ma għandniex ninsew li l-aqwa ħaġa, dik li turi tassew l-edukazzjoni li jagħtu l-ġenituri, hi l-imħabba tal-missier u ta’ l-omm għal uliedhom, imħabba li tilħaq il-milja tagħha fl-edukazzjoni li tingħata biex ittemm u ġġib għall-perfezzjoni s-servizz lill-ħajja: l-imħabba tal-ġenituri minn għajn ta’ ħajja ssir ir-ruħ u għalhekk ir-regola li tagħti bidu u tmexxi l-ħidma kollha edukattiva li fil-fatt tingħata, u tagħniha b’dawk il-valuri ta’ ħlewwa, qawwa, tjieba, servizz, disinteress u spirtu ta’ sagrifiċju, li huma l-frott l-aktar għażiż ta’ l-imħabba.

 

 

37.  Edukazzjoni fil-valuri essenzjali tal-ħajja tal-bniedem

 

Għalkemm isibu ruħhom f’bosta diffikultajiet, li llum kibru ħafna, fil-ħidma edukattiva tagħhom, il-ġenituri, b’fiduċja u kuraġġ, għandhom jedukaw ‘l uliedhom f’dawk li huma valuri essenzjali tal-ħajja tal-bniedem.  It-tfal għandhom jikbru b’mod li jgawdu ħelsien xieraq minn rbit żejjed mal-ġid ta’ l-art, billi jgħixu ħajja sempliċi u mrażżna, tassew konvinti li “l-bniedem jiswa’ aktar minħabba dak li hu milli minħabba dak li għandu.”[100]

 

F’soċjetà, li qiegħda titheżżeż u titfarrak  minħabba tensjonijiet u ġlied li ġej mill-piki bejniethom ta’ nies li jridu jaħsbu biss fl-interessi tagħhom u mehdijin biss bihom infushom, it-tfal iridu jkabbru fihom mhux biss is-sens ta’ ġustizzja vera, li waħdu jwassal għar-rispett tad-dinjità ta’ kull bniedem bħala persuna, imma wkoll, u wisq aktar, is-sens ta’ l-imħabba vera, li twassal għall-qadi ta’ l-oħrajn b’ħerqa tassew sinċiera u bla ebda nteress, u l-aktar ta’ l-iżjed fqar  u ta’ dawk li huma l-iżjed fil-ħtieġa.  Il-familja hi l-ewwel skola, u skola ewlenija, fejn wieħed jitgħallem igħix fis-soċjetà: għax hi komunità ta’ mħabba, il-familja, fl-għoti ta’ xulxin, li jiġi mill-imħabba tal-miżżewġin għal-xulxin, hu xempju u regola ta’  l-għoti ‘l xulxin li għandu jkun hemm bejn l-aħwa u bejn dawk kollha li, għalkemm mhux indaqs fiż-żmien, qegħdin igħixu flimkien fil-familja.  L-għaqda u t-tisħib flimkien, kuljum fid-dar, waqt il-ferħ jew it-tiġrib, hi l-aqwa u l-aħjar dixxiplina li twassal l-ulied biex jidħlu b’mod responsabbli li jagħti l-frott, fil-qasam aktar wiesa’ tas-soċjetà.

 

L-edukazzjoni għall-imħabba bħala l-ghoti ‘l xulxin hi kundizzjoni tassew meħtieġa għall-ġenituri, msejħin biex jagħtu edukazzjoni sesswali ċara u għaqlija lil uliedhom.  F’kultura li tqis kważi għal kollox “bħala ħaġa ta xejn” is-sesswalità tal-bniedem, għaliex tifhimha u tgħixa b’mod li tfaqqarha u ddgħajjifha, għax torbotha biss mal-ġisem u mal-pjaċiri egoistiċi tal-bniedem, is-servizz ta’ edukazzjoni li l-ġenituri  għandhom jgħatu  ‘l uliedhom irid iwassal għall-edukazzjoni sesswali soda li tkun kollha kemm hi u verament personali: jiġifieri turi li s-sesswalità hi ġid tal-persuna kollha kemm hi ― ġisem, sentiment, ruħ ― u tidher, fit-tifsir sħiħ tagħha, meta twassal ‘il-persuna biex tagħti lilha nfisha kollha kemm hi , bir-ruħ u l-ġisem, fl-imħabba.

 

l-edukazzjoni sesswali, li hi dritt u dmir ewlieni tal-ġenituri, għandha dejjem tingħata taht il-ħarsien ħerqan tal-ġenituri, jew fid-dar jew f’ċentri ta edukazzjoni magħżulin u ikkontrollati minnhom.  F’din il-ħaġa wkoll, il-Knisja tinsisti fuq il-liġi tas-sussidjarjetà li l-iskola hi fid-dmir li tħares meta tgħin fl-edukazzjoni sesswali billi din l-edukazzjoni tagħtiha bl-istess  spirtu li jagħtuha  l-ġenituri.

 

F’dan il-qasam ma tista’ titħalla barra bl-ebda mod l-edukazzjoni fis-safa, bħala virtù li twassal għall-veru kobor tal-persunau tagħmilha kapaċi tirispetta u ġġib ‘il quddiem “it-tifsir tal-ġisem fiż-żwieġ”. Il-ġenituri nsara, meta jintebħu b’xi sinjali ta’ vokazzjoni minn Alla, għandhom jagħtu bl-attenzjoni kollha u b’kura speċjali, edukazzjoni għall-verġnità, bħala l-aqwa sura ta’ l-għoti sħiħ tal-bniedem innifsu, sura ta’ għoti li juri t-tifsir sħiħ tas-sesswalità tal-bniedem.

 

Minħabba f’hekk il-Knisja dejjem teħodha bil-qawwa kollha kontra dik-is-sura ta’ tagħlim sesswali, miftum minn kul prinċipju morali, u spiss imxandar, tagħlim li mhuwiex ħlief thejjija għall-esperjenza tal-pjaċiri tal-ġisem, u jwassal ― meta wieħed ikun għadu innoċenti ― għat-telfien tal-hena tal-qalb u għall-bidu tal-mixi fit-triq tal-vizzju.

 

 

38.  Il-missjoni edukattiva u s-sagrament taż-żwieġ

 

Il-missjoni edukattiva tal-ġenituri nsara li, kif għidna, għandha l-egħruq tagħha fit-tisħib tagħhom mal-ħidma ta’ Alla l-Ħallieq, għandha wkoll bidu ieħor proprju tagħha fis-sagrament taż-żwieġ, li lill-ġenituri jikkonsagrahom ħa jgħatu edukazzjoni verament nisranija lil uliedhom.  Dan ifisser li s-sagrament taż-żwieġ isejjaħ lill-ġenituri  biex jissieħbu ma’ l-istess awtorità u ma’ l-istess imħabba ta’ Alla l-Missier u ta’ Kristu r-Ragħaj, kif ukoll mal-imħabba tal-Knisja Omm; jistagħnahom bl-għerf, bil-għaqal u bil-qawwa u b’kull don ieħor ta’ l-Ispirtu s-Santu ħa jgħinu lil uliedhom jikbru bħala bnedmin u bħala nsara.

 

Il-missjon edukattiva tal-ġenituri tikseb, mis-sagrament taż-żwieġ, id-dinjita u s-sejħa li tkun tassew “ministeru” proprju tal-Knisja għas-servizz tal-bini tal-membri tagħha.  Tant hu kbir u jiddi dan il-ministeru edukattiv tal-ġenituri nsara li San Tumas ma ħasibhiex darbtejn biex iqabblu mal-ministeru tas-saċerdoti: “Xi wħud ixandru u jħarsu l-ħajja spiritwali b’ministeru kollu kemm hu u biss spiritwali, u dan hu bis-saħħa tas-sagrament tal-Ordni Sagri; u oħrajn jagħmlu dan għall-ħajja tal-ġisem u għall-ħajja tar-ruħ, u dan iseħħ bis-sagrament taż-żwieġ, li fih ir-raġel u l-mara jingħaqdu flimkien ħa jagħtu l-ħajja lil ulied u jedukawhon fil-qima ta’ àlla.”[101]

 

Il-ġenituri nsara li verament iħossu u jgħixu din il-missjoni li rċevew bis-sagrament-taż-żwieġ, ikollhom minnha l-għajnuna kollha li jeħtieġu biex jiddedikaw ruħhom bil-kalma u l-fiduċja kollha, għall-edukazzjoni ta’ wliedhom.  Dan jagħmluh, fl-istess ħin, b’sens kbir ta’ responsabbiltà quddiem Alla li jsejħilhom u jibgħathom jibnu l-Knisja f’uliedhom.  B’hekk il-familja ta’ l-imgħammdin, miġbura flimkien fil-“knisja tad-dar” mill-Kelma ta’ Alla u s-Sagrament, issir hi wkoll bħall-Knisja universali, għalliema u omm fl-istess ħin.

 

 

39.  L-ewwel esperjenza tal-Knisja

 

Il-missjoni edukattiva titlob li l-ġenituri nsara jagħtu ‘l uliedhom kulma hu meħtieġ biex bil-mod il-mod jaslu għall-kobor sħiħ tagħhom bħala nsara u bħala membri tal-Knisja.  Huma għalhekk għandhom jiftakru f’dak kollu li ingħad hawn fuq dwar l-edukazzjoni ta’ l-ulied, u għandhom jieħdu ħsieb juru lil uliedhom  għal liema tifsir tassew għoli jistgħu jwassluhom il-fidi u l-imħabba ta’ Ġesù Kristu.  Barra dan, il-ħsieb li l-Mulej qiegħed jafdalhom f’idejhom il-kobor ta’ iben ta’ Alla, ta’ wieħed mill-aħwa ta’ Kristu, ta’ tempju ta’ l-Ispirtu s-Santu, ta’ membru tal-Knisja, għandu jqawwi l-ġenituri nsara fil-ħidma tagħhom ħa jwettqu fir-ruħ ta’ wliedhom id-don tal-ġrazzja t’Alla.

 

Il-Konċilju Vatikan II iffiser b’mod eżatt f’hiex tikkonsisti l-edukazzjoni nisranija b’dan il-kliem:  “Ma twassalx biss biex il-persuna tal-bniedem tilħaq il-kobor kollu tagħha... imma fuq kollox tfittex li l-imgħammdin, huma hu jiġu mwasslin bil-mod il-mod ħa jagħrfu l-misteru tas-salvazzjoni, iħossu dejjem aktar fihom il-qawwa tad-don tal-fidi li rċevew: jitgħallmu jqimu ‘l Alla fl-ispirtu u l-verità (Ara Ġw 4, 23), speċjalment fiċ-ċelebrazzjonijiet liturtiġiċi, iħejju ruħhom biex  igħixu l-ħajja proprja tagħhom skond il-bniedem il-ġdid fil ġustizzja u l-qdusija ġejja mill-verità (Ef 4, 22-24), biex hekk ikunu, raġel magħmul, fl-aħjar ta’ żmienu, fil-kobor tal-milja ta’ Kristu ( Ara Ef 4, 13), u jagħtu sehemhom għall- kobor tal-ġisem mistiku ta’ Kristu.  Huma  u jħossu din is-sejħa tagħhom, għandhom jitħarrġu kemm biex jagħtu xhieda għat-tama li hemm fihom (Ara Piet 3, 14) u kemm biex iġibu ‘l quddiem il-progress tad-dinja f’sens nisrani.”[102]   

 

Is-Sinodu wkoll, huwa u jimxi fuq it-tagħlim tal-Konċilju  u jiżviluppah, wera li l-missjoni edukattiva tal-familja nisranija hi tassew ministeru, li bih jingħata u jixxandar l-Evanġelju, tant li l-istess ħajja tal-familja ssir mixi wara Kristu.  “F’familja li tagħraf id-dmir tagħha,” kiteb il-Papa Pawlu VI, “il-membri  kollha huma ħabbara ta’ l-Evanġelju u li kollha jitħabbrilhom l-Evanġelju.”[103]

 

Bil-qawwa ta’ dan il-misteru edukattiv, il-ġenituri, bix-xhieda ta’ ħajjithom, huma l-ewwel ħabbara ta’ l-Evanġelju lil uliedhom.  Barra dan, huma u jitolbu ma’ wliedhom, huma u jgħatu ruħhom għall-qari tal-Kelma ta’ Alla flimkien ma’ wliedhom, huma u jdaħħluhom fil-qalb tal-Ġisem ewkaristiku u ekklesjali ta’ Kristu permezz tas-sagrament tad-dħul fil-ħajja nisranija, jsiru verament u għal kollox ġenituri, għaliex jagħtu tnissil mhux biss għall-ħajja tal-ġisem, imma wkoll għal dik il-ħajja li, permezz tat-tiġdid ta’ l-ispirtu, toħroġ mis-Salib u l-Qawmien ta’ Kristu.

 

Biex il-ġenituri nsara jkunu jistgħu jaqdu sewwa dan il-ministeru edukattiv tagħhom, l-isqfijiet tas-Sinodu wrew ix-xewqa li tithejja Katekiżmu għall-familji, ċar u qasir, b’mod li jista’ jifhmu kulħadd sewwa u malajr.  Il-Konferenzi Episkopali huma bil-ħeġġa kollha mistednin biex iħabirku ħalli jinkiteb dan il-katekiżmu.

 

 

40.  Relazzjonijiet ma’ edukaturi oħra

 

Il-familja hija l-ewwel komunità edukattiva, imma mhijiex hekk waħedha li ma hemmx komunitajiet edukattivi oħrajn: l-istess natura komunitarja tal-bniedem, li tagħmlu ċittadin u membru tal-knisja, titlob ħidma  aktar wiesgħa u aktar ordinata, ħidma li tkun il-frott ta’ għajnuna ‘l xulxin, imqassma tajjeb, minn għadd ta’ edukaturi ta’ suriet differenti.  Dawn kollha meħtieġa, ukoll jekk kull wieħed jista’ u għandu jagħti sehmu skond il-ħila u l-kontribut tiegħu.[104]

 

Il-ministeru edukattiv tal-familja nisranija għandu għalhekk post importanti ħafna fil-pastorali organizzata: dan ifisser li għandu jkun hemm sura ġdida ta’ kollaborazzjoni bejn il-ġenituri u l-komunitajiet insara, bejn il-ħafna gruppi edukattivi differenti u r-ragħajja ta’ erwieħ.  Minħabba dan, fit-tiġdid ta’ l-iskola kattolika għandu jkun hemm attenzjoni speċjali kemm għall-ġenituri tat-tfal u kemm għat-twaqqif ta’ komunità edukattiva mill-aħjar.

 

Għandu jkun imħares għal kollox id-dritt tal-ġenituri li jgħatu dik l-edukazzjoni lil uliedhom li tkun taqbel mat-twemmin reliġjuż tagħhom.

 

L-istat u l-Knisja huma fid-dmir li jgħatu lill-familji kull għajnuna li jistgħu jagħtu, biex jaqdu mill-aħjar id-dmir edukattiv tagħhom.  Għalhekk kemm l-istat u kemm il-Knisja għandhom joħolqu u jġibu ‘l quddiem dawk l-istituzzjonijiet u dawk il-ħidmiet kollha li l-familji bil-raġun kollu jistennew:  u l-għajnuna trid tkun tagħmel tajjeb għan-nuqqas li jkollhom il-familji.  Għalhekk , dawk kollha li fis-soċjetà qegħdin imexxu l-iskejjel ma għandhom qatt jinsew li l-ġenituri ġew imqiegħda minn Alla stess l-ewwel u l-ewlenin edukaturi ta’ wliedhom u li qatt u ħadd ma jista’ jeħdilhom dan id-dritt tagħhom.

 

Flimkien ma’ dan id-dritt u jaqbel miegħu, hemm dmir kbir tal-ġenituri li jħabirku, bil-qawwa kollha, ħa jkollhom relazzjonijiet tajba u effettivi ma’ l-għalliema u l-mexxejja ta’ l-iskejjel.

 

Jekk fl-iskejjel jingħata tagħlim li huwa kuntrarju għall-fidi nisranija, il-familja, flimkien ma’ familji oħra, jekk jista’ jkun permezz ta’ għaqdiet ta’ familji, għandha bil-qawwa kollha u bl-għaqal kollu, tgħin iż-żgħażagħ biex ma jitbegħdux mill-fidi.  F’dan il-każ il-familja tkun teħtieġ għajnuna speċjali mir-ragħajja tal-erwieħ, li ma għandhom qatt jinsew il-ġenituri għandhom id-dritt, li ħadd ma jista’ jiċħadulhom, li jafdaw ‘l uliedhom lill-komunità ekkleżjali.

 

 

41.  Qadi ta’ ħafna suriet favur il-ħajja

 

L-imħabba tal-miżżewġin għal xulxin tidher f’ħafna suriet ta’ servizz għall-ħajja: fosthom it-tnissil tat-tfal u l-edukazzjoni tagħhom huma l-ewwel u l-aqwa servizzi li jagħtu l-ġenituri, tant li hadd ieħor ma jista’ jagħtihom.  Fil-fatt kull egħmil ta’ mħabba għall-bniedem hu xhieda tal-frott spiritwali  li tagħti l-familja, frott li bih il-familja ssir aktar perfetta; dan għaliex kull egħmil ta’ mħabba qisu att ta’ ubbidjenza għal qawwa ta’ l-imħabba li toħroġ mill-qalb u twassal għall-għoti ta’ bniedem lill-ieħor.

 

Dan il-għan, kollu mpenn u ta’ siwi liema bħalu għall-kulħadd, għandu jqanqal b’mod speċjali lil dawk il-miżżewġin li ma jistax ikollhom tfal għax huma mġarrbin minn sterilità fiżika.

 

Il-familji nsara, li bil-fidi tagħhom jagħrfu li il-bnedmin kollha huma lkoll ulied l-istess Missier tas-sema, għandhom juru ġenerożità mat-tfal ta’ familji oħra, u jgħinuhom u jħobbuhom mhux bħala barranin imma bħala membri tal-familja waħda ta’ Alla. B’dan il-mod,il-ġenituri nsara jistgħu jwessgħu mħabbithom u jwassluha ‘l hemm mir-rabtiet tad-demm u l-laħam, billi jsaħħu r-rabtiet li għandhom l-għerq tagħhom fir-ruħ u li jiżviluppaw ruħhom fl-għajnuna bil-fatti lil ulied familji oħra li sikwit ikollhom bżonn ta’ dak li hu l-aktar meħtieġ.

 

Il-familji nsara, tul ħajjithom, għandhom juru li huma dejjem lesti biex jaddotaw u jieħdu ħsieb tfal li tilfu l-ġenituri tagħhom jew ġew abbandunati minnhom: dawn it-tfal jerġghu jsibu l-imħabba kollha  ħeġġa fi ħdan familja, u hekk jagħrfu bl-esperjenza l-imħabba providenzjali ta’ Alla l-Missier, li tagħha jagħtuhom xhieda l-ġenituri nsara; b’hekk jikbru fil-hena u b’fiduċja sħiħa fil-ħajja, u l-familja kollha kemm hi tistagħna b’dawk il-valuri spiritwali li jiġu minn sura ta’ għaqda aktar wiesgħa bejn l-aħwa.

 

 Il-qawwa għat-tnissil tal-familja għandha tkun ħajja li dejjem “toħloq” u tagħti l-frott ta’ l-għaġeb ta’ l-Ispirtu ta’ Alla, li jiftaħ għajnejn ir-ruħ biex jingħarfu x’inhuma l-ħtiġijiet ġodda u t-tbatijiet tas-soċjetà tagħna, u li jimla bil-kuraġġ lil kull min jindaħal  ħa jwieġeb għalihom.  F’dan il-qasam il-familja għandha kamp tassew kbir għall-ħidma tagħha.  Il-lum, aktar minn każijiet ta’ tfal abbandunati, qegħdin iħassbu i-każijiet tat-twarrib, ta’ l-emarġinazzjoni soċjali u kulturali, li qegħdin iġarrbu  bil-qawwa kollha x-xjuħ, il-morda, l-inkapaċitati, id-drogati, dawk li kienu xi darba l-ħabs u oħrajn.

 

Minħabba dan, qiegħed dejjem aktar jikber il-qasam fejn il-familji nsara jistgħu jagħmlu ħidma ta’ missier u ta’ omm: l-imħabba tagħhom, li tagħti wkoll frott fir-ruħ, għandha titqanqal  quddiem każijiet bħal dawn u quddiem tant każijiet oħra ta’ żminijietna. Lil dawn in-nies il-Mulej Ġesù jkompli jitħassarhom mal-familji u permezz tal-familji.

 

 

 

ІІІ.   TISĦIB FL-IŻVILUPP TAS-SOĊJETÀ

 

42.   Il-familja, l-ewwel ċellula ħajja tas-soċjetà

 

Il-familja saret “l-ewwel ċellula ħajja tas-soċjetà”, għaliex “il-Ħallieq ta’ kollox ried li ż-żwieġ ikun il-bidu u l-pedament tas-soċjetà tal-bnedmin.[105]

 

Il-familja hi marbuta b’mod ħaj u ordnat mas-soċjetà għaliex il-familja hi l-pedament tas-soċjetà, u bla heda tkabbar lill-istess soċjetà bil-ħidma tagħha għas-servizz tal-ħajja: mill-familja jitwieldu ċ-ċittadini u fil-familja jsibu l-ewwel skola fejn jitgħallmu l-virtujiet soċjali li jagħtu l-ħajja u jkabbru lis-soċjetà.

 

Għalhekk il-familja, min-natura u s-sejħa tagħha, ma tinqalax fiha nfisha, imma waqt li titgħabba bid-dmirijiet soċjali tagħha tinfetaħ għall-familji l-oħra u għas-soċjetà.

 

 

43.   Il-ħajja tal-familja bħala ħajja ta’ għaqda u tisħib

 

L-għaqda u t-tisħib li għandna nsibu dejjem fil-ħajja ta’ kuljum tal-familja huma l-ewwel u l-aqwa ħaġa, il-ħaġa ewlenija, li  l-familja tagħti lis-soċjetà.

 

Ir-relazzjoni ma’ xulxin tal-membri tal-familja huma relazzjonijiet li jibdew u jitmexxew skond ir-regola, hekk imsejħa, tal-“gratwità”, jiġifieri kull ma jsir bejn il membri tal-familja ma jsirx għall-ħlas jew għall-interess imma mill-qalb.  Din ir-regola tirrispetta u ġġib ‘l quddiem id-dinjità ta’ kulħadd u ta’ kull wieħed bħala persuna u tqis is-siwi ta’ kull wieħed u ta’ kulħadd biss min din id-dinjità: dan juri ruħu bil-mod kif il-membri tal-familja jilqgħu ‘l xulxin bil-qalb, kif jiltaqgħu u jitħaddtu ma’ xulxin, kif iħobbu ‘l xulxin bla ebda ħsieb ta’ qliegħ jew interessi, kif jaqdu ‘l xulxin bil-ġenerożità kollha,u kif ikunu qalb waħda bejniethom.

 

Meta fil-familja din l-għaqda vera bejn il-membri tal-familja timxi ‘l quddiem u tikber dejjem, ikun hemm tassew lewwel skola ta’ ħajja fis soċjetà li ma hemmx oħra bħala, skola li tkun ta’ eżempju  u tħajjar biex jitjiebu dejjem aktar fis soċjetà  r-relazzjonijiet bejn in-nies, relazzjonijiet kollha rispett, ġustizzja, djalogu  u mħabba.

 

 B’dan il-mod, kif fakkru l-isqfijiet tas-Sinodu, il-familja tkun il-post li minnu tibda ħidma li twassal lis-soċjetà biex tkun aktar tixraq lill-bniedem u tħares id-dinjità tal-persuna tiegħu; u tkun ukoll strument mill-aqwa għal din il-ħidma.  Il-familja tagħti sehem qawwi u speċjali għall-bini tad-dinja, meta tagħmel dak li hu meħtieġ biex il-ħajja fi ħdanha tkun tassew tixraq lill-bniedem, u dan speċjalment billi tħares u twassal lil kulħadd il-virtujiet u l-“valuri” tagħhom.  Kif jikteb il-Konċilju Vatikan II, fil-familja “persuni, ta’ etajiet differenti, jiltaqgħu ma’ xulxin u jgħinu ‘l xulxin biex jikbru u jiksbu dejjem aktar l-għerf tal-bnedmin u jitgħalmu jħarsu d-drittijiet personali tagħhom mingħajr ma jonqsu minn dak li tilob minnhom il-ħajja fis-soċjetà.”[106]

 

Is-soċjetà llum, dejjem aktar qiegħda tissogra titlef il-personalità tagħha u ssir biss folla kbira ta’ nies bla ebda rabta bejniethom, u għalhekk qiegħda ssir dejjem aktar ma tixraqx lil-bniedem u qiegħda dejjem aktar ittellef lill-bniedem  id-dinjità tiegħu, ħaġa li ġġib magħha ħafna konsegwenzi ħżiena ta’ “evażjoni” bħalma huma s-sokor, id-droga, u l-istess terroriżmu.  Iżda, minkejja dan, il-familja għad għandha u għad tista’ turi enerġija tassew ta’ l-għaġeb u qawwa liema bħala, biex teħles il-bniedem minn qagħda li fiha hu stess ma jafx min hu fih innifsu, u ġġiegħlu jagħraf li għandu d-dinjità tiegħu personali ta’ bniedem li hu, tagħnih b’sentimenti għoljin li tassew jixirqulu, u twasslu biex jissieħeb fin-niġsa kollha tal-ħajja tas-soċjetà kif inhu fih innifsu, b’dak kollu li għandu u li għamlu dak li hu u mhux ħadd ieħor. 

 

 

44.  Ħidma soċjali u politika

 

Il-ħidma soċjali tal-familja mhijiex biss it-tnissil u l-edukazzjoni ta’ l-ulied, ukoll jekk dan hu l-ewwel mod li bih il-familja turi ruħha.

 

Il-familji, sew jekk kull waħda għal rasha sew jekk kollha flimkien, jistgħu u għandhom jagħtu ruħhom għal ħafna ħidmiet ta’ servizz soċjali, speċjalment affavur tal-foqra jew almenu favur dawk in-nies u dawk il-każijiet li s-servizzi soċjali u l-istituzjonijiet tal-pajjiż ma jirnexxilhomx jilħquhom.

 

Dak li l-familja tagħti lis-soċjetà għandu s-sura proprja tiegħu, u jeħtieġ ikun iktar magħruf u miġjub ‘il quddiem  aktar bis-sħiħ, l-aktar meta t-tfal jibdew jikbru; il-membri kollha tal-familja, kemm jista’ jkun għandhom jagħtu sehemhom f’dan il-qasam.[107]

 

B’mod speċjali ta’ min isemmi l-importanza li qiegħda tikseb dejjem aktar fis-soċjetà ta’ llum l-ospitalità, fis-suriet kollha tagħha, sew jekk tiftaħ darek, u wisq aktar qalbek, għall-ħtiġijiet tal-aħwa, u sew jekk tħabrek b’mod konkret biex kull familja jkollha d-dar tagħha, bħala l-ambjent naturali fejn tkun imħarsa u fejn tikber.  Il-familja nisranija, qabel kull familja oħra, hi msejħa biex twieġeb għat-twissija tal-Appostlu San Pawl:  “Ilqgħu f’darkom ‘l barranin.”[108]  B’hekk il-familja tkun tixbaħ ‘il Kristu u tissieħeb fl-imħabba tiegħu meta tilqa’ għandha l-aħwa fil-bżonn: “Kull min jagħti mqar tazza ilma friska lil xi ħadd minn dawn l-iżgħar għax hu dixxiplu, tassew ingħidilkom, li ma jitliefx il-ħlas tiegħu.”[109]

 

Il-ħidma tal-familja fis-soċjetà tista’ turi ruħha wkoll b’parteċipazzjoni  fil-politika: jiġifieri, il-familji għandhom ikunu l-ewwel li jħabirku biex il-liġijiet u l-istituzzjonijiet tal-pajjiż mhux biss ma jmorrux kontra, imma wkoll isostnu u jidefendu bil-qawwa kollha, id-drittijiet u d-dmirijiet tal-familji.  B’hekk il-familji jaslu biex jagħrfu li għandhom ikunu “protogonisti” ta’ dik li hi magħrufa bħala  “il-politika tal-familja” u jieħdu fuqhom ir-responsabbiltà li jbiddlu għat-tajjeb lis-soċjetà: inkella l-familji jkunu huma l-ewwel vitmi ta’ dik l-ħsara kollha li dwarha ma jkunu għamlu xejn ħlief ħarsu leha qisu ma jimpurtahom xejn minnha.  Is-sejħa tal-Konċilju Vatikan II biex tintrebaħ l-“etika individwalista” tgħodd ukoll għall-familja bħala familja.[110]

 

45.  Is-soċjetà għas-servizz tal-familja

 

r-rabta sħiħa li hemm bejn il-familja u s-soċjetà titlob li l-familja tkun miftuħa għas-soċjetà u għall-iżvilupp tagħha li tissieħeb fis-soċjetà u fl-iżvilupp tagħha; titlob ukoll li s-soċjetà ma tonqos qatt mid-dmir ewlieni tagħha li tħares u tgħin lill-familja.

 

Hi ħaġa żgura li tnejn flimkien, il-familja u s-soċjetà għandhom jgħinu ‘l xulxin, u kull waħda tagħmel dak li ma jistax isir mill-oħra għall-ħarsien u l-progress tal-bnedmin kollha.  Imma s-soċjetà, jew aħjar, l-istat, għandu jagħraf li l-familja hi “soċjetà li għandha d-dritt proprju tagħha u li hu jedd li hu tagħna sa mill-bidu”,[111] u għalhekk l-istat, fir-relazzjonijiet mal-familja, hu fid-dmir li jħares il-prinċipju tas-“sussidjaretà”.

 

Dan iffiser li l-istat ma jistax u lanqas għandu jgħamel hu dawk il-ħidmiet li l-familji jistgħu jagħmlu waħedhom jew magħqudin flimkien; iżda l-istat għandu jgħin u jħajjar kemm jista’ kull inizjattiva responsabli tal-familja.  Konvinti li l-ġid tal-familja hu valur li s-soċjetà ma tistax tgħaddi mingħajru u ma tistax tiċħdu, l-awtoritajiet ċivili għandhom jagħmlu minn kollox biex jiżguraw lill-familji kull għajnuna ― ekonomika, soċjali, edukattiva, politika u kulturali ―li jeħtieġu biex, b’mod jixraq lill-bniedem, jaqdu r-responsabbiltajiet kollha tagħhom.

 

 

46.  Dokument tad-drittijiet tal-familja

 

L-idejali li l- familja u s-soċjetà jaħdmu id f’id biex jgħinu ‘l xulxin ħa jiżvilippaw flimkien, ta’ spiss ma jaqbilx ma’ fatti, xi kultant tassew serji, li juru li l-familja u s-soċjetà huma mifrudin, meta ma jurux ukoll li huma kontra xulxin.

 

Fil-fatt, u s-Sinodu kkundanna dan bla heda, il-qagħda ta’ tant u tant familji f’ħafna pajjiżi, hija mimlija b’diffikultajiet, meta mhijiex ukoll qagħda ta’ min jistmerrha.  F’bosta pajjiżi tiltaqa’ ma’ istiuzzjonijiet u liġijiet li nġustament jinjoraw id-drittijiet tal-familja, tal-persuna tal-bniedem, jeddijiet li ma għandhom jiġu mimsusa minn ħadd; u s-soċjetà flok taqdi ‘l familja, tasal biex theddidha bi vjolenza kbira proprju fil-valuri u l-ħtiġijiet l-aktar fundamentali tagħha.  B’hekk il-familja, li fil-ħsieb ta’Alla hi ċellula li hi l-pedament tas-soċjetà, bi drittijiet u dmirijiet li jiġu qabel dawk ta’ l-istat u ta’ kull komunità oħra, hi liema hi, issib ruħha vitma tas-soċjetà, tat-tul taż-żmien u tal-lajma li bihom is-soċjetà tagħti l-għajnuna tagħha, u aktar u aktar ta’ l-inġustizzji li s-soċjetà tagħmel bid-dieher.

 

Għalhekk il-Knisja tiddefendi fil-miftuħ u bil-qawwa kollha d-drittijiet tal-familja kontra kull abbuż mis-soċjetà u mill-istat, abbuż li ma għandu jagħmlu ħadd.  Fost ħwejjeġ, l-isqfijiet fis-Sinodu fakkru b’mod speċjali dawn id-drittijiet tal-familja:

 

― id-dritt li teżisti u timxi ‘l-quddiem bħala familja, jiġifieri d-dritt ta’ kull bniedem, u l-aktar jekk hu fqir, li jkollu familja u jkollu l-mezzi kollha meħtieġa biex iżommha;

― id-dritt li taqdi d-dmir li tnissel l-ulied u tedukahom;

― id-dritt għall-intimità tal-ħajja taż-żwieġ u tal-familja;

― id-dritt għall-istabilità tar-rabta u ta’ l-istituzzjoni taż-żwieġ;

― id-dritt li temmen u tistqarr il-fidi tagħha u xxandarha;

― id-dritt li trabbi  l-ulied skond it-tradizzjonijiet u l-valuri reliġjuzi u kulturali tagħha, permezz tal-istrumenti, il-mezzi u u l-istituzzjonijiet kollha meħtieġa;

―id-dritt li jkollha sigurtà fiżika, soċjali, politika, ekonomika, u dan speċjalment fejn hemm il-fqar u l-morda;

id-dritt għall-dar xierqa biex wieħed igħix fiha b’mod deċenti l-ħajja tal-familja;

―id-dritt li turi fehmietha u d-dritt li tkun rappreżentata quddiem l-awtoritajiet ċivili, u ekonomiċi, soċjali, kulturali, u quddiem awtoritajiet oħra inqas minn dawn; u dan kemm direttament u kemm permezz ta’ għaqdiet u assoċjazzjonijiet;

― id-dritt li twaqqaf għaqdiet ma’ familji oħrajn, u istituzzjonijiet, biex taqdi l-ħidma proprja tagħha b’mod xieraq u malajr;

― id-dritt li tħares lil dawk li huma taħt l-età permezz ta’ istituzzjonijiet adattati u ta’ liġijiet li jħarsuhom mid-drogi, mill-pornografija, mis-sokor, u l-bqija;

― id-dritt għal rikrejazzjoni onesta li ġġib ‘il quddiem il-valuri tal-familja;

id-dritt tax-xjuħ għal ħajja u għal mewt li tixraq id-dinjità tagħhom bħala persuni;

id-dritt li tmur pajjiż ieħor bħala familja biex issib ħajja ħjar.[112]

 

Is-Santa Sede, hija u tilqa’ dawn it-talbiet ċari tas-Sinodu, se tieħu ħsieb tistudjahom sewwa, u thejji “Dokument tad-Drittijiet tal-Familja”, biex twasslu lill-ambjent u lill-awtoritajiet interessati.

 

 

47.  Il-grazzja u r-responsabbiltà tal-familja nisranija

 

Id-dmir soċjali eżatt ta’ kull familja hu dmir li jorbot, b’mod ġdid u naturali, il-familja nisranija, li bħala pedament għandha s-sagrament taż-żwieġ.  Is-sagrament taż-żwieġ iħaddan dak kollu li tfisser u ġġib magħha l-imħabba tal-miżżewġin bħala persuni bir-ruħ u l-ġisem, iżda s-sagrament lill-miżżewġin u lill-ġenituri nsara jagħtihom ukoll qawwa u jimpennjahom biex jgħixu l-vokazzjoni tagħhom ta’ lajċi, u għalhekk biex “ifittxu s-Saltna ta’ Alla huma u jaqdu l-ħidma tagħhom fid-dinja skond ir-rieda ta’ Alla”.[113]

 

Il-ħidma soċjali u politika tal-familja ssir parti minn dik il-missjoni regali jew ta’ qadi, li fiha jissieħbu l-miżżewġin insara bis-saħħa tas-sagrament, huma u jirċievu, fl-istess waqt, kmandament li minnu ma jistgħux jeħilsu, u grazzja li tgħinhom u tqawwihom.

 

B’hekk il-familja nisranija hi msejħa biex tagħti ‘l kulħadd xhieda ta’ qalb kbira bla ebda nteress hija u tiddedika ruħha għall-problemi soċjali, l-aktar billi “turi preferenza” mal-foqra u mal-minsija.  Il-familja nisranija, hija u timxi ‘l quddiem wara l-Mulej permezz ta’ mħabba speċjali għall-foqra kollha, għandha tieħu ħsieb b’mod speċjali ta’ dawk li qegħdin ibatu l-ġuħ, ta’ dawk li ma għandhom xejn, tax-xjuħ, tal-morda, tad-drogati, u ta’ dawk li ma għandhomx familja tagħhom li tieħu ħsiebhom.

 

 

48.   Għal ordni internazzjonali ġdid

 

Minħabba li ħafna problemi soċjali llum huma mxerdin mad-dinja kollha, il-familja qiegħda tara li l-ħidma tagħha għall-progress tas-soċjetà, qiegħda titwessa’ b’mod għal kollox ġdid: illum jeħtieġ ikun hemm koperazzjoni wkoll biex jinkiseb ordni internazzjonali ġdid, għaliex biss meta jkun hemm koperazzjoni sħiħa mad-dinja kollha, ikunu jistgħu jiġu studjati u tinstab soluzzjoni għall-problemi kbar u serji tal-ġustizzja fid-dinja, tal-libertà tal-popli u tal-paċi fost il-bnedmin.

 

L-għaqda spiritwali tal-familji nsara, bl-għeruq tagħha fl-istess fidi u tama li lkoll iħaddnu u mqawwija bl-imħabba, hi fiha nfisha qawwa li minnha joħorġu, jixterrdu u jiżviluppaw il-ġustizzja, ir-rikonċiljazzjoni, l-imħabba bejn l-aħwa, u l-paċi bejn il-bnedmin.  Bħala “Knisja żgħira”, il-familja nisranija hi  msejħa biex, bħall-“Knisja universali”, tkun sinjal ta’ għaqda għad-dinja u b’hekk taqdi d-dmir profetiku tagħha li tagħti xhieda tas-Saltna u tal-paċi ta’ Kristu, li lejhom id-dinja kollha hi miexja.

 

Il-familji nsara jistgħu jagħmlu dan permezz tal-ħidma edukattiva tagħhom, billi uliedhom jagħtuhom eżempji ta’ ħajja mibnija fuq il-valuri tal-verità, tal-libertà, tal-ġustizzja u ta’ l-imħabba; dan jgħamluh b’ħidma sħiħa u responsabbli għall-kobor tas-soċjetà u ta’ l-istituzzjonijiet tagħha, kobor li jkun tassew jixraq lill-bniedem; u wkoll billi jgħinu, b’mod jew ieħor, lil dawk l-assoċjazzjonijiet li bħala għan speċjali tagħhom għandhom il-problemi ta’ l-ordni internazzjonali.

 

 

 

 

IV. IT-TISĦIB FIL-ĦAJJA U L-MISSJONI TAL-KNISJA

 

49.  Il-familja fil-misteru tal-Knisja

 

Fost il-ħidmiet tal-familja nisranija hemm ukoll il-ħidma ekkleżjali: jiġifieri, il-familja nisranija hi msejħa għas-servizz tal-bini tas-Saltna ta’ Alla fil-ġrajja tal-bnedmin, permezz tat-tisħib tagħha fil-ħajja u l-missjoni tal-Knisja.

 

Biex nifhmu aħjar fuq hiex jinbena dan it-tisħib, x’inhu u minn x’hiex jingħaraf, jeħtieġ nistudjaw sewwa l-ħafna rabtiet li hemm bejn il-Knisja u l-familja nisranija, rabtiet li jagħmlu l-familja “Knisja żgħira, il-Knisja tad-dar” (Ecclesia domestica);[114] dawn ir-rabtiet iwasslu wkoll biex il-familja turi, kif tista’, li hi xbieha ħajja li verament tirrappreżenta l-misteru stess tal-Knisja.

 

Fuq kollox hi l-Knisja Omm li tnissel, billi taqdi l-missjoni tagħha ta’ salvazzjoni li rċeviet mingħand il-Mulej.  Bit-tħabbira tal-kelma ta’ Alla, il-Knisja turi lill-familja nisranija x’inhi l-identita tagħha, jiġifieri  twassalha tagħraf dak li tassew hi u li għandha tkun, skond il-pjan ta’Alla, biċ-ċelebrazzjoni tas-sagramenti, il-Knisja tagħni u twettaq il-familja nisranija bil-grazzja ta’ Kristu ħa titqaddes għas-sebħ tal-Missier; bit-tħabbira mġedda tal-kmandament ġdid ta’ l-imħabba, il-Knisja tqanqal il-familja nisranija u tmexxiha fis-servizz ta’ l-imħabba, biex tkun tixbaħ u b’ħajjitha ġġedded dik l-istess imħabba li biha l-Mulej Ġesù jagħti lilu nnifsu u jissagrifika ruħhu għall-bnedmin kollha.

 

Min-naħa tagħha, l-familja nisranija tinsab hekk ‘il ġewwa fil-misteru tal-Knisja, li tissieħeb, kif taf hi, fil-missjoni tas-salvazzjoni li hi l-missjoni vera tal-Knisja: il-miżżewġin u l-ġenituri nsara, bil-qawwa tas-sagrament, “għandhom fl-istat ta’ ħajjithom u fil-mod kif jgħixuh, il-veru don tagħhom f’nofs il-poplu ta’ Alla.”[115]Għalhekk huma mhux biss “jirċievu l-imħabba ta’ Kristu u hekk isiru wkoll komunità “mifdija” imma huma wkoll imsejħin biex “iwasslu” lill-aħwa din l-istess imħabba ta’ Kristu u hekk issir ukoll komunità “li tifdi”. B’dan il-mod, il-familja nisranija, waqt li hija s-sinjal u l-frott ta’ ħidma sopranaturali tal-Knisja, issir ukoll simbolu, xhieda, u tisħib fil-ħidma tal-Knisja bħala Omm.[116]

 

 

50. Ħidma ekkleżjali proprja w oriġinali

 

Il-familja nisranija hi msejħa biex tieħu sehem ħaj u responsabbli fil-missjoni tal-Knisja bil-mod prioprju w oriġinali tagħha:jiġifieri billi tagħti ruħha, bil-ħidma kollha tagħha, għas-servizz tal-Knisja u tas-soċjetà, bħala komunità ntima ta’ ħajja u ta’ mħabba.

 

Jekk il-familja nisranija hi komunità fejn ir-rabtiet li hemm huma mġedda minn Kristu  permezz tal-fidi u s-sagramenti, it-tisħib tagħha fil-missjoni tal-Knisja jrid isir f’għamla ta’ komunità: għalhekk il-ġenituri għandhom jgħixu s-servizz tagħhom għal-Knisja u għad-dinja bħala koppja, u l-ġenituri u l-ulied għandhom jgħixuh bħala familja. Fil-fidi, iridu jkunu “qalb waħdau ruħ waħda”[117] permezz ta’ spirtu wieħed ta’ appostolat li jqawwihom, u ta’ ħidma flimkien li timpenjahom f’kull egħmil ta’ servizz lill-komunità ekkleżjali u ċivili.

 

Il-familja nisranija mbagħad tibni s-Saltna ta’ Alla fil-ġrajja tal-bniedem permezz ta’ dawk il-fatti li jiġru kuljum u li għandhom x’jaqsmu mal-kunċizzjoni tal-ħajja tagħha u juru x’inhi ― Hu għalhekk li s-sehem tal-familja nisranija fil-missjoni profetika, saċerdotali u regali ta’ Ġesù Kristu u tal-Knisja tiegħu jidher u jseħħ fl-imħabba tar-raġel u l-mara għal-xulxin fiż-żwieġ u tal-ġenitri u l-ulied għal xulxin fil-familja.  Din l-imħabba jgħixuha fl-għana kollu tal-valuri tagħha u ta’ dak kollu li tilob bħala mħabba li hi totali u sħiħa, li hi waħda u ma hemmx bħalha, u li tistenna fedelta’ sħiħa u li tnissel frott.[118]  L-imħabba u l-ħajja huma għalhekk il-qofol tal-missjoni fejjieda tal-familja fil-Knisja u għall-Knisja.

 

Dan ifakkru l-Konċilju Vatikan II meta jikteb:”Kull familja għandha taqsam l-għana spiritwali kollu tagħha mal-familji l-oħra b’idejn miftuħa.  Għalhekkil-familja nisranija, li għandha l-bidu fiż-żwieġ, li hu xbieha tar-rabta ta’ mħabba ta’ Kristu mal-Knisja u t-tisħib f’din l-imħabba, għandha tħabbar lill-bnedmin kollha x’inhi tassew il-Knisja u li Kristu jinsab tassew fostna fid-dinja: dan tagħmlu bl-imħabba tal-miżżewġin bejniethom, bil-għad sabiħ tat-tfal, bir-rabta bejn kulħadd u bil-fedeltà għal xulxin, u bl-għajnuna ta’ kulħadd wieħed lill-ieħor.”[119]

 

Issa li tqiegħed fis-sod dan il-pedament għat-tisħib tal-familja nisranija fil-missjoni tal-Knisja, hu l-waqt li nuru kif isir dan it-tisħib f’għaqda ma’ Ġesù Kristu, Profeta, Qassis u Sultan ― tliet aspetti ta’ rejaltà waħda ― billi nitkelmu fuq il-familja nisranija (1) bħala komunità li temmen u tħabbar l-Evanġelju, (2) bħala komunità fi djalogu ma Alla, (3) bħala komunità għall-għajnuna tal-bniedem.

 

 

 

(1)  IL-FAMILJA NISRANIJA, KOMUNITÀ LI TEMMEN U TĦABBAR L-EVANĠELJU

 

 

51.  Il-fidi, li twassal biex naraw u nagħrfu l-pjan ta’ Alla għall-familja

 

Il-familja nisranija, meta tissieħeb fil-ħajja u l-missjoni tal-Knisja, u bi tjieba kbira bla heda tisma’ l-Kelma ta’Alla u xxandarha bil-fiduċja kollha,[120] tgħix il-ħidma profetika tagħha hija u tisma’ u tħabbar il-Kelma ta’ Alla: hekk kuljum issir dejjem aktar komunità li temmen u tħabbar l-Evanġelju.

 

Mill-miżżewġin u mill-ġenituri nsara wkoll hi mistennija l-ubbidjenza tal-fidi:[121] huma msejħa biex jilqgħu l-Kelma ta’ Alla, li tħabbrilhom ħaġa tassew ta’ l-għaġeb ― il-Bxara it-Tajba ― tal-ħajja tagħhom bħala miżżewġin u bħala membri tal-familja, li bi Kristu tqadset u tqaddes.  Dan għaliex bil-fidi biss huma jistgħu, b’ferħ u radd ta’ ħajr, jaraw u jistgħaġbu għal liema dinjità Alla għoġbu jgħolli ż-żwieġ u l-familja, billi għamilhom sinjal tal-patt ta’ mħabba bejn Alla u l-bnedmin, bejn Kristu u l-Knisja,l-għarusa tiegħu, u l-post fejn dan il-patt ta’ mħabba jseħħ.

 

L-istess thejjija għaż-żwieġ nisrani hi ġa mixi fil-fidi: għaliex hi okkażjoni mgħotija lill-għarajjes biex jerġgħu jsibu u jagħrfu sewwa l-fidi li rċevew fil-Magħmudija u li tmantniet fihom bi trobbija nisranija.  B’dan il-mod jagħrfu u bir-rieda sħiħa tagħhom jilqgħu s-sejħa li jimxu wara Kristu u jaqdu il-ministeru tagħhom fis-saltna ta’ Alla bħala miżżewġin.

 

Il-mument ewlieni li fih il-miżżewġin juru l-fidi tagħhom hu ċ-ċelebrazzjoni tas-sagrament taż-żwieġ, li l-qofol tan-natura tiegħu hu t-tħabbira, fil-Knisja tal-Bxara t-Tajba tagħom.  Hi l-Kelma ta’ Alla li “turi” u “ttemm” il-pjan kollu għerf u mħabba  tiegħu għall-miżżewġin, imsejħin għal tisħib veru, f’misteru, ma l-istess imħabba li Alla għandu għall-bnedmin kollha kemm huma.  Jekk iċ-ċelebrazzjoni  tas-sagrament taż-żwieġ hija fiha nfisha tħabbira tal-Kelma ta’ Alla, kull min qiegħed jieħu sehem fiċ-ċelebrazzjoni, hu x’inhu l-mod tas-sehem tiegħu, ikun qiegħed jagħmel “stqrrija ta’ fidi” , fi ħdan il-Knisja u mal-Knisja, li hi l-komunità ta’ dawk li jemmnu.

 

Din l-istqarrija tal-fidi tibqa’ sejra tul il-ħajja kollha tal-miżżewġin u tal-familja: Alla li jsejjaħ lill-miżżewġin “għaż”-żwieġ, ikompli jsejħilhom “fiż”-żwieġ.[122] B’dak li jiġri, bil-problemi, bid-diffikultajiet, bil-ġrajjiet tal-ħajja ta’ kuljum, Alla, bil-mod il-mod, jurihom u jgħidilhom “x’jitlob” verament it-tisħib tagħhom fl-imħabba ta’ Kristu għall-Knisja skond il-qagħda partikolari ― familjari, soċjali u ekjeżjali ― li fiha jkunu jinsabu.

 

Il-komunità tal-miżżewġin u tal-familja għandhom “flimkien” jagħrfu l-pjan ta’ Alla u jobduh billi, fl-Ispirtu ta’ Kristu, bejn il-miżżewġin u bejn il-ġenituri u t-tfal, isseħħ l-imħabba tagħhom bħala bnedmin.

 

Għalhekk, kemm il-Knisja universali, il-“Knisja ż-żgħira tad-dar” jeħtieġu bla heda u bil-qawwa kollha t-tħabbira ta’ l-Evanġelju: minn dan jiġi d-dmir ta’ edukazzjoni fil-fidi li qatt ma għandha tonqos.

 

 

52.  Il-ministeru tat-tħabbir ta’ l-Evanġelju fil-familja

 

Il-famija nisranija ssir komunità li tħabbar l-Evanġelju daqs kemm għandha ħila tilqa’ l-Evanġelju u tikber fil-fidi.  Nisimgħu mill-ġdid lill-Papa Pawlu VI: “Il-familja, bħall-Knisja, trid tkun post fejn jitħabbar u minn fejn jixxandar l-Evanġelju.  Għalhekk fil-familja li tagħraf din il-missjoni tagħha, kull wieħed mill-membri tagħha jħabbar l-Evanġelju u jitħabbarlu l-Evanġelju.  Il-Ġenituri mhux biss iwasslu l-Evanġelju ‘l-uliedhom, imma ukoll jistgħu jilqgħu mingħand uliedhom l-istess Evanġelju kif jgħixuh fil-qofol tiegħu kollu.  Familja bħal din tasal biex tħabbar l-Evanġelju lill-ħafna familji oħra fl-ambjent li fiħ tgħix”.[123]

 

Kif ittenna fis-Sinodu, fejn iġedded l-appell li kont għamilt f’Puebla, ix-xandir ta’ l-Evanġelju fil-ġejjieni se jkun jiddependi  fil-qofol tiegħu mill-“Knisja tad-dar”.[124]  Din il-missjoni appostolika tal-familja għandha l-egħruq tagħha fil-Magħmudija, u mill-grazja tas-sagrament taż-żwieġ, il-familja tirċievi qawwa ġdida biex tagħddi l-fidi lill-oħrajn u biex tqaddes u tbiddel is-soċjetà tal-lum skond il-pjan ta’ Alla.

 

Il-familja nisranija, l-aktar illum, għandha sejħa speċjali biex tagħti xhieda tal-patt ta’ l-Għid ta’ Kristu, billi bla heda xxerred il-ferħ ta’ l-imħabba u s-sħuħija tat-tama, li tagħha trid tagħti kont: “il-familja nisranija xxandar b’leħen għoli kemm il-virtujiet ta’ issa ta’ s-Saltna ta’ Alla u kemm it-tama tal-ħajja ta’ hena bla qies”.[125]

 

Il-ħtieġa tal-katakeżi fil-familja tidher b’qawwa tassew  kbira f’ċertu ċirkostanzi li bihom il-Knisja qiegħda titnebbaħ b’sobgħa kbira: “Fejn liġijiet kontra ir-reliġjon jaslu biex saħansitra jipprojbixxu l-edukazzjoni fil-fidi; fejn in-nuqqas tal-fidi qiegħed jikber ħafna u s-sekulariżmu dejjem aktar dieħel ‘l ġewwa, ma jistax ikun li tikber il-ħajja reliġjuża; f’dawn iċ-ċirkostanzi tibqa’ biss dik li nistgħu nsejħulha l-“Knisja tad-dar”: hawn biss it-tfal u ż-żgħażagħ ikunu jistgħu jitgħallmu tajjeb il-katekiżmu.”[126]

 

53.  Servizz fil-Knisja

 

Il-ministeru tat-tħabbir ta’ l-Evanġelju mill-ġenituri nsara hu ministeru proprju tagħhom li ebda ħaddieħor ma jista’ jagħmlu: għandu l-istess tifsir li għandha il-ħajja fil-familja, minsuġa kif inhi, mill-imħabba u s-sempliċità, bil-mod prattiku kif tgħix u mix-xhieda li tagħti kuljum.[127]

 

Il-familja trid trawwem ‘l ulied għall-ħajja, biex kull wieħed igħix, fil-milja kollha tagħha, il-ħidmali għalija jkun imsejjaħ skond il-vokazzjoni li tiġih minn Alla. Il-familja, li hi miftuħa għal dawk il-valuri kollha li huma ‘l fuq mill-ħajja ta’ kuljum fid-dinja, li taqdi bil-ferħ lill-aħwa, li twettaq b’fedeltà sħiħa dmirijietha, li tagħraf li kuljum qiegħda tissieħeb fil-misteru tas-Salib  glorjuż ta’ Kristu, hi l-ewwel u l-aħjar post li titrabba vokazzjoni għall-ħajja kkonsagrata għas-Saltna ta’ Alla.

 

Il-ġenituri għandhom ikomplu jaqduh il-ministeru tat-tħabbir ta’ l-Evanġelju u tal-katekeżi, ukoll tul is-snin li fihom l-ulied jikbru u jaslu fiż-żogħzija, meta, kif jiġri spiss, jibdew jiddubitaw, jekk ma jaslux biex jiċħdu għal kollox il-fidi nisranija li tgħallmu fl-ewwel snin ta’ ħajjithom.  Kif fil-Knisja l-ħidma tat-tħabbir ta’ l-Evanġelju qatt ma tinfired  mit-tbatija li jġarrab l-appostlu, hekk ukoll, fil-familja nisranija, l-ġenituri jridu bil-qawwa kollha iżda b’hena ta’ qalb, jeħduha kontra d-difikultajiet li magħhom jiltaqgħu xi kultant f’uliedhom stess, huma u jaqdu dan il-ministeru tagħhom.

 

Ma għandniex ninsew li s-servizz mogħti mill-miżżewġin u mill-ġenituri nsara għall-Evanġelju hu, fin-natura tieghu stess, servizz ekkleżjastiku, jiġifieri għandu postu fil-ħidma kollha tal-Knisja bħala komunità li jitħabbrilha u li tħabbar l-Evanġelju.  Għaliex għandu l-egħruq tiegħu u ġej mill-missjoni waħdanija tal-Knisja, u għaliex bħala għan għandu l-bini tal-Ġisem waħdieni ta’ Kristu,[128] il-ministeru tat-tħabbir ta’ l-Evanġelju u tal-katekeżi mwettaq mill-“Knisja tad-dar”, għandu dejjem ikollu rabta sħiħa u , b’sens kbir ta’ responsabbiltà, għandu jkun jaqbel għal kollox mal-ministeri l-oħra li jkun hemm u li jkunu qegħdin jaħdmu fi ħdan il-komunità tal-Knisja, sew fuq livell ta’ djoċesi u sew fuq livellta’ parroċċa għat-tħabbir ta’ l-Evanġelju u għall-katekeżi.

 

 

54.  Xandru l-Evanġelju lill-ħolqien kollu

 

Ix-xandir ta’ l-Evanġelju, imqawwi minn ġewwa b’ħeġġa u ħerqa missjunarja, hu xandir sat-truf kollha tad-dinja: hu t-tweġiba għall-ordni ċara ta’ Kristu li ħadd ma jista’ jmeriha: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Bxara t-Tajba lill-ħolqien kollu.”[129]

 

Il-fidi tal-familja nisranija u l-missjoni li għandha li xxandar l-Evanġelju għandhom din l-istess qawwa missjunarja Kattolika.  Is-sagrament taż-żwieġ, li jġedded u jtenni d-dmir tal-ħarsienu tax-xandir tal-fidi li għandu l-egħruq tiegħu fil-Magħmudija u l-Griżma,[130] jagħmel il-miżżewġin u l-ġenituri nsara xhieda ta’ Kristu “sa truf l-art kollha”,[131] u veri “missjunarji” ta’ l-imħabba u tal-ħajja.

 

Xi sura ta’ ħidma missjunarja tista’ titwettaq fi ħdan il-familja stess.  Dan jiġri meta xi membru tal-familja ma jemminx jew ma jgħix il-fidi kif għandu jgħixha. F’dan il-każ qrabathom għandhom jagħtuh xhieda tal-fidi tagħhom imwettqa bl-imġieba ta’ ħajjithom, li tqanqlu u tqawwih fil-mixi tiegħu lejn għaqda sħiħa mill-ġdid ma’ Kristu l-Feddej.[132]

Imqawwija mill-ispirtu missjunarju fi ħdanha stess, “il-Knisja tad-dar” hi msejħa biex tkun sinjal jiddi tal-preżenza ta’ Kristu u tal-imħabba tiegħu wkoll għal dawk “li huma ‘l-bogħod”, għall-familji li għad ma jemmnux, u għall-istess familji nsara li mhumiex jgħixu kif għandhom il-fidi li rċevew: hi msejħa biex “bl-eżempju  u x-xhieda tagħha” iddawwal”’il dawk li qegħdin ifittxu l-verità.”[133]

 

Kif fil-bidu tal-ġrajja nisranija Akwila u Prixxilla kienu koppja ta’ miżżewġin missjunar-ja,[134] hekk illum il-Knisja tagħti xhieda tat-tiġdid bla heda tagħha u tal-qawwa tagħha li tagħti l-frott  permezz ta’ miżżewġin u familji nsara li, almenu għal xi żmien,  imorru fl-artijiet tal-missjoni ħa jxandru l-Evanġelju, billi jaqdu ‘l-bnedmin għall-imħabba ta’ Kristu.

 

Il-familji nsara jgħinu b’mod speċjali lill-kawża missjunarja tal-Knisja billi jrawmu vokazzjonijiet missjunarji fost uliedhom[135] u, b’mod aktar ġenerali, billi jedukaw u “jħejju ‘l-uliedhom sa minn żogħżithom ħa jagħarfu kemm Alla jħobb ‘il-bnedmin kollha”[136]

 

 

(2)  IL-FAMILJA NISRANIJA KOMUNITÀ FI DJALOGU MA’ ALLA

 

 

55.  Is-santwarju tal-Knisja fid-dar

 

It-tħabbir ta’ l-Evanġelju, milquha bil-fidi, tilħaq il-milja tagħha fiċ-ċelebrazzjoni tas-Sagramenti.  Il-Knisja, komunità li temmen u xxandar l-Evanġelju, hi ukoll poplu saċerdotali, jiġifieri mżejjen bid-dinjità u msieħeb fis-setgħa ta’ Kristu l-Qassis il-Kbir tal-Patt il-ġdid u għal dejjem.[137]

 

Il-familja nisranija wkoll tidħol fil-Knisja, li hi poplu saċerdotali: permezz tas-sagrament taż-żwieġ, li fih għandha l-egħruq u li minnu titmantna, hi tikseb bla heda il-ħajja mingħand il-Mulej Ġesù u, imsejħa minnu, hi mpenjata fid-djalogu ma’ Alla permezz ta’ ħajja sagramentali, ta’ l-offerta tagħha stess u tat-talb.

 

Din il-ħidma saċerdotali li l-familja tista’ u għandha tagħmel f’qagħda sħiħa mal-knisja kolla, permezz ta’ dak kollu li fil-fatt jiġri fil-ħajja ta’ kull jum ta’ żwieġ u tal-familja: b’dan il-mod il-familja nisranija hi msejħa biex titqaddes u biex tqaddes il-komunità tal-Knisja u tad-dinja.

 

56.  Iż-żwieġ ― sagramentali għall-qdusija ta’ xulxin tal-miżżewġin  u att ta’ qima lill-Alla

 

L-għajn ewlenija u l-mezz speċjali tal-qdusija tal-miżżewġin u tal-familja hu s-sagrament taż-żwieġ li jġedded u jġib ‘il-quddiem il-grazzja qaddisa tal-Magħmudija.  Bil-qawwa tal-misteru tal-mewt u tal-qawmien għall-ħajja ta’ Kristu, li fih iż-żwieġ nisrani jdaħħal mill-ġdid lill-bniedem, l-imħabba tal-miżżewġin tissaffa u titqaddes: “Il-Mulej jgħoġbu jfejjaq , iġib ‘il quddiem u jgħolli din l-imħabba b’don speċjali ta’ grazzja u mħabba.”[138]

Id-don ta’ Ġesù Kristu ma jispiċċax maċ-ċelebrazzjoni tas-sagrament tażwieġ, iżda jibqa jwettaq ‘il-miżżewġin tul ħajjithom kollha.  Dan ifakkru bid-dehen il-Konċilju Vatikan II, meta jgħid li Ġesù Kristu ”jibqa’ magħhom biex, kif hu stess ħabb ‘il-Knisja u ta ruħu għaliha, hekk ukoll il-miżżewġin ikunu jistgħu iħobbu ‘l xulxin bil-fedeltà kollha, għall-dejjem, b’għoti sħiħ ‘l xulxin...  Għal dan il-għan il-miżżewġin huma mqawwija u b’xi mod ikkonsagrati, b’sagrament speċjali biex iħarsu  d-dmirijiet u d-dinjità ta’ l-istat tagħhom.   Huma u jaqdu d-dmirijiet tagħhom ta’ miżżewġin u fil-familja bil-qawwa ta’ dan is-sagrament, imqawwijin bl-Ispirtu ta’ Kristu li bih ħajjithom hi mimlija tama, fidi u mħabba, il-miżżewġin insara dejjem aktar  jersqu għall-perfezzjoni tagħhom infushom u għall-qdusija ta’ xulxin, u għalhekk it-tnejn flimkien jersqu għas-sebħ ta’ Alla”.[139]

 

Is-sejħa ta’ kulħadd għall-qdusija hi sejħa li hi magħmula wkoll lill-miżżewġin u lill-ġenituri nsara: is-sura tagħha għalihom hi dik li  juri s-sagrament taż-żwieġ li jkun ġie ċelebrat u li huma jgħixu konkretament fill-ħajja tagħhom ta’ kuljum bħala miżżewġin u fil-familja.[140]  Minn hawn tiġi l-ħtieġa u l-grazzja ta’ spiritwalità tassew għolja għal-miżżewġin u għall-familja li ssib l-ispirazzjoni tagħha fil-ħolqien, fil-patt taż-żwieġ, fis-Salib, fil-qawmien mill-imwiet u fis-sinjal li hu taż-żwieġ.  Fuq dan kollu tkellem aktar minn darba is-Sinodu.

 

Iż-żwieġ nisrani, bħas-sagramenti l-oħra kollha, hu “għall-qdusija tal-bnedmin, għall-bini tal-Ġisem ta’ Kristu u, flaħħarnett, għall-qima ta’ Alla”;[141] hu fih innifsu egħmil liturġiku għall-glorja ta’ Alla f’Ġesù Kristu u fil-Knisja.  Huma u jiċċelebrawh,, il-miżżewġin insara jistqarru l-ħajr tagħhom lil Alla għad-don liema bħalu li tahom biex ikunu  jistgħu jgħixu, fil-ħajja taghhom fiż-żwieġ u l-familja, l-istess imħabba ta’ Alla għall-bnedmin u tal-Mulej Ġesù Kristu għall-Għarusa tiegħu il-Knisja.

 

U kif mis-sagrament lill-miżżewġin jiġihom id-don u d-dmir li kuljum jgħixu l-qdusija li rċevew, hekk ukoll mis-sagrament jiġuhom il-grazzji u l-impenn morali li jbiddlu ħajjithom kollha f’”sagrifiċju spiritwali”[142] li ma jintemm qatt.  Jgħoddu wkoll għall-miżżewġin u għall-ġenituri nsara, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħajja tagħhom kif tkun fid-dinja u fiż-żmien, dan il-kliem tal-Konċilju: “Hekk ukoll l-lajċi, bħala adoraturi li qegħdin jaħdmu bi qdusija kullimkien, jikkonsagraw id-dinja  lil Alla.”[143]

 

57.  Żwieġ u Ewkaristija

 

Id-dmir tal-qdusija tal-familja nisranija għandu l-bidu tiegħu fil-Magħmudija u jilħaq il-milja tiegħu fl-Ewkaristija, li magħha għandu rabta sħiħa ż-żwieġ nisrani.  Il-Konċilju Vatikan II  ried ifakkar ir-relazzjoni speċjali li hemm bejn l-Ewkaristija u ż-żwieġ meta ordna li ż-żwieġ, bħala regola, għandu jiġi ċċelebrat fil-Quddiesa.[144]  Hu għall-kollox meħtieġ li din ir-relazzjoni bejn iż-żwieġ u l-Ewkaristija terġa tkun mgħarufa u tiftiehem sewwa, jekk irridu nifhmu u ngħixu bil-ħeġġa kollha l-grazzji u r-responsabbiltajiet taż-żwieġ u tal-familja nisranija.

 

L-Ewkaristija hi l-istess għajn taż-żwieġ nisrani. Is-Sagrifiċċju ta’ l-Ewkarisitija juri l-patt ta’ l-imħabba ta’ Kristu għall-Knisja tiegħu, kif ġiet siġillata bid-demm tiegħu fuq is-Salib.[145]  Hu f’dan is-sagrifiċċju tal-Patt il-Ġdid u għall-dejjem, miżżewġin insara jsibu dak il-għerq li minnu joħroġ, u fih jidher u bla heda jitqawwa, il-patt tagħhom ta’ miżżewġin.  Bħala tiġdid tas-sagrifiċċju ta’ mħabba ta’ Kristu għall-Knisja tiegħhu, l-Ewkaristija hi għajn ta’ mħabba.  U fid-don Ewkaristiku ta’ l-imħabba l-familja ssib il-pedament u r-ruħ ta’ l-għaqda” u tal-“missjoni” tagħha: il-ħobż Ewkaristiku jagħmel mill-membri kollha tal-komunità tal-familja ġisem wieħed, dehra ta’ l-għaqda aktar wiesgħa tal-Knisja u tat-tisħib fiha; it-tisħib fil-Ġisem “mogħti” u fid-Demm “imxerred” ta’ Kristu jsir għajn li qatt ma tonqos tal-ħeġġa missjunarja w appostolika tal-familja nisranija.

 

58.  Is-sagrament tal-konverżjoni u tar-rikonċiljazzjoni

 

Jibqa’ dejjem meħtieġ fid-dmir għall-Qdusija tal-familja nisranija, li tilqa’s-sejħa ta’ l-Evanġelju għall-konverżjoni, sejħa magħmula lill-insara kollha, li mhux dejjem jibqgħu fidili għat-“tiġdid” ta’ dik il-Magħmudija li għamlithom”qaddisin”.  Il-familja nisranija wkoll mhux dejjem iġġib ruħha skond il-liġi tal-grazzja u tal-qdusija tal-Magħmudija, imħabbra mill-ġdid fis-sagrament taż-żwieġ.

 

L-indiema u l-maħfra ‘l xulxin fi ħdan il-familja nisranija, li ssibhom fil-ħajja ta’ kulljum, għandhom il-mument sagramentali proprju tagħhom fil-penitenza nisranija, dwar il-miżżewġin hekk kiteb il-Papa Pawlu VI fl-enċiklika Humanae Vitae: “U jekk jerġgħu jaqgħu fid-dnub, ma għandhomx jaqtgħu qalbhom, imma jirrikorru, bl-umiltà kollha u b’perseveranza sħiħa, għall- ħniena t’Alla li tingħata bil-kotra fis-sagrament tal-penitenza”.[146]

 

Iċ-ċelebrant ta’ dan is-sagrament tikseb qawwa speċjali fil-ħajja tal-familja.  Bil-fidi, il-miżżewġin u l-membri kollha tal-familja jifhmu li d-dnub imur mhux biss kontra patt ma’ Alla imma wkoll kontra l-patt tal-miżżewġin bejniethom u kontra l-għaqda  tal-familja; u bis-sagrament tal-penitenza huma jaslu għall-laqgħa ma’ Alla, “għani bil-ħniena”[147] li huwa u jurihom imħabba li hi aqwa mid-dnub,[148] jibni mill-ġdid u jtejjeb il-patt taż-żwieġ u l-għaqda tal-familja.

 

 

59.  It-talb fid-dar

 

Il-Knisja titlob għall-familja nisranija u tħarriġha biex tgħix, bil-ġenerożità kollha, ħajja li taqbel mad-don u d-dmir saċerdotali li rċeviet mingħand Kristu, il-Qassis il-kbir.  Fil-fatt, fiż-żwieġ sagrament, meta l-miżżewġin igħixu s-saċerdozju tal-fidi li jseħħ bil-Magħmudija, ikun għalihom u għall-familja tagħhom il-pedament tas-sejħa u tal-missjoni tagħhom, li bih ħajjithom kuljum tinbidel f’”sagrifiċċji spiritwali li jogħġbu ‘l-Alla permezz ta’ Ġesù Kristu”;[149] u dan iseħħ mhux biss biċ-ċelebrazzjoni ta’ l-Ewkaristija u bl-offerta tagħhom infushom lil Alla, imma wkoll b’ħajja ta’ talb, bid-djalogu ta’ talb mal-Missier b’Ġesù Kristu fl-Ispirtu s-Santu.

 

It-talba fil-familja għandha l-karattru speċjali tagħha: hi talba flimkien, tar-raġel u l-mara flimkien, tal-ġenituri u l-ulied flimkien.  L-għaqda fit-talb, hi fl-istess ħin, frott u ħtieġa ta’ dik l-għaqda li tiġi mis-sagramenti tal-Magħmudija u taż-żwieġ.  Għall-membri tal-familja nisranija, b’mod speċjali, jista’ jingħad il-kliemli bih il-Mulej Ġesù wiegħed li jkun preżenti fostna: “Ngħidilkom ukoll li jekk tnejn minnkom fuq l-art igħollu leħenhom flimkien biex jitolbu xi ħaġa, Missieri li hu fis-smewiet jagħtielhom, għax fejn tnejn jew tlieta jkunu miġbura f’ismi, hemm inkun jien f’nofshom”.[150]

 

It-talba tal-familja bħala oġġett proprju tagħha, għandha l-istess ħajja tal-familja li, fiċ – ċirkustanzi kollha tagħha, hi dejjem meqjusa bħala sejħa ta’ Alla li titwettaq bħala t-tweġiba ta’ l-ulied għas-sejħa tal-Missier:  ferħ u tbatija, tamiet u niket, twelid u egħluq is-snin, anniversarji taż-żwieġ tal-ġenituri, vjaġġi, tluq ‘il bogħod għal żmien u miġjiet lura, għażliet importanti u deċiżivi, il-mewt ta’ min hu għażiż.  Dawn kollha juru li Alla jindaħal b’imħabbtu fil-ġrajja tal-familja.  Huma wkoll l-aħjar mumenti għar-radd ta’ ħajr lil Alla, għat-talb, għall-fiduċja sħiha fil-familja fil-Missier ta’ kulħadd li hu fis-smewiet.  Id-dinjità u r-responsabbiltà tal-familja nisranija bħala Knisja tad-dar, wieħed jista’ jgħixhom biss bl-għajnuna bla heda ta’ Alla, li żgur qatt ma tiġi nieqsa jekk tintalab bl-umilta u l-fiduċja.

 

 

60.  Għalliema tat-talb

 

Minħabba d-dinjità u l-missjoni tagħhom, il-ġenituri nsara għandhom id-dmir proprju li jgħallmu ‘l uliedhom jitolbu, u, bil-mod iwassluhom ħa jagħrfu l-misteru ta’ Alla u jitkellmu għal rashom ma’ Alla.  “Huwa fil-familja nisranija, mogħnija bil-grazzja u bil-missjoni taż-żwieġ sagrament, li l-ulied sa minn tfulithom l-aktar li għandhom jitgħallmu jintebħu b’Alla u jqimuh u jħobbu ‘l għajrhom skond il-fidi li rċevew fil-Magħmudija”.[151]

 

Element fundamentali li xejn ma jista’ jeħodlu postu fl-edukazzjomi għat-talb, hu l-eżempju bill-fatti tal-ġenituri u x-xhieda tal-ħajja tagħhom; huwa biss huma u jitolbu ma’ wliedhom li l-missier u l-omm iwettqu s-saċerdozju regali tagħhom u jinżlu sal-fond tal-qalb ta’ wliedhom u jħallu hemm sinjali li, jiġri x’jiġri wara, xejn mhu se jħassarhom.  Nisimgħu mill-ġdid l-appell li l-Papa Pawlu VI għamel lill-ġenituri: “Ommijiet, tgħallmu intom lil uliedkom it-talb tan-nisrani?  Thejjuhom flimkien mas-saċerdoti għas-sagrament ta’ l-ewwel snin ta’ ħajjithom: għall-qrar, għall-ewwel tqarbina, u għall-griżma?  Iddaruhom, meta jimirdu, jaħsbu fi Kristu qiegħed ibati, u jitolbu l-Madonna u l-qaddisin?  Tgħiduh ir-rużarju d-dar?  U intom, missirijiet, tafu titolbu ma wliedkom, mal-komunità kollha tal-familja, almenu xi darba?  L-eżempju tagħkom ta’ tjieba fil-ħsieb u fl-egħmil, imwieżen bit-talb flimkien, jiswa daqs kemm huwa lezzjoni għall-ħajja u att ta’ qima ta’ siwi liema bħalu.  B’hekk tkunu ddaħlu s-sliem fid-djarkom:  Pax huix domui ― Is-sliem lil din id-dar!  Ftakru: hekk tibnu l-Knisja!”[152]

 

 

61.  Talb liturġiku u privat

 

Bejn it-talb tal-Knisja u t-talb ta’ kull nisrani hemm rabta sħiħa u ħajja, kif tenna ċar il-Konċilju Vatikan II.[153]  Issa għan importanti tat-talb tal-Knisja tad-dar huwa li b’mod naturali, iwassal l-ulied biex jissieħbu fit-talba liturġika proprju tal-Knisja kollha, kemm billi jhejjihom għaliha u kemm billi jdaħħal fil-ħajja ta’ kull membru fil-familja, tal-familja stess u tas-soċjetà, it-talba liturġika tal-Knisja.  Minn hawn tiġi l-ħtieġa tat-tisħib, bil-mod il-mod, tal-membri kollha tal-familja nisranija fl-Ewkaristija, l-aktar fil-ħdud u l-festi, tat-tisħib tagħhom ukoll fis-sagramenti l-oħra, u l-aktar f’dawk tad-dħul fil-ħajja nisranija tal-ulied.  Id-direttivi tal-Konċilju jagħtu okkażjonijiet oħra ta’ talb lill-familja nisranija, li ġiet magħduda fost dawk il-gruppi li lilhom saret rikomandazzjoni biex flimkien jiċċelebraw il-Liturġija tas-Siegħat.[154]  Il-familja nisranija għandha tieħu ħsieb ukoll tiċċelebra fid-dar, f’sura adatta għan-nies tad-dar, iż-żminijiet liturġiċi u l-festa tas-sena.

 

Biex thejji u tkompli fid-dar il-kult ċelebrat fil-Knisja, il-familja nisranija trid tagħmel użu mit-talb privat, li hu ta’ ħafna suriet: dawn is-suriet kollha jixhdu l-għana ta’ l-għaġeb li bih l-Ispirtu s-Santu jqanqal it-talb nisrani, u jissodisfaw il-ħtiġijiet kollha u l-għaqdiet kollha tal-ħajja ta’ min igħolli ħsibijietu lejn il-Mulej.  Barra t-talb ta’ fil-għodu u ta’ fil-għaxija, hemm irrikmandat ukoll kif iwissu l-isqfijiet tas-Sinodu, il-qrar u l-meditazzjoni tal-Kelma ta’ Alla, it-thejjiha għas-sagramenti, id-devozzjoni lejn il-Qalb ta’ Ġesù, il-ħafna devozzjonijiet lejn il-Verġni Marija, il-barka qabel l-ikel u l-ħarsien tad-devozzjonijiet popolari.

 

B, rispett sħiħ għal-libertà tà wlied Alla, il-Knisja dejjem ħajret u għadha tħajjar lill-insara għal xi devozzjonijiet b’ċerta ħerqa u nsistenza.  Fost dawn insemmu r-Rużarju.  “Irridu issa, biex inkomplu dak li għamlu l-papiet ta’ qabilna, nirikmandaw bil-ħeġġa kollha r-Rużarju fi ħdan il-familja…  Hi ħaġa żgura li r-Rużarju għandna nqisuh bħala waħda mill-aqwa ‘talbiet flimkien’ li l-familja nisranija hi mistiedna li tgħid, u ta’ qawwa kbira.  Inħobbu naħsbu u bil-ħrara kollha nittamaw li meta l-laqgħa fil-familja tinbidel f’mumenti ta’ talb, ir-Rużarju jkun it-talba li tingħad l-aktarta’ spiss u bil-qalb”.[155] B’hekk, il-vera devozzjoni lejn il-Madonna, li tidher fir-rabta sħiħa u fix-xebħ bil-qalb kollha ma’ l-imġieba spiritwali tal-Verġni Mqaddsa, issir strument mill-aqwa li jżomm sħiħa l-għaqda fl-imħabba tal-fmilja u jġib ‘l quddiem l-ispiritwalità tal-miżżewġin u tal-familja.  Marija, Omm Kristu u Omm il-Knisja, hi wkoll b’mod speċjali Omm il-familji nsara, Omm il-knejjes tad-dar.

 

 

62.  Talb u ħajja

 

Ma għandna qatt ninsew li t-talb hu għal kollox meħtieġ għall-bini tal-ħajja nisranija, fil-milja u l-qofol kollu tagħha; anzi t-talb hu parti mill-istess natura tagħna l-bnedmin: hu “l-ewwel esspressjoni tal-verità tal-bniedem fih innifsu, l-ewwel kundizzjoni meħtieġa ħa jkun hemm vera libertà ta’ l-ispirtu”.[156]

 

Dan li t-talb mhuwiex ħarba mir-responsabbilitajiet tal-ħajja ta’ kuljum, imam jagħti qawwa akbar lill-familja nisranija biex tidħol biss sħiħ għar-responsabbiltajiet tagħha bħala l-ewwel ċellula u l-pedament tas-soċjetà tal-bnedmin, u taqdihom fil-milja kollha tagħhom.  B’hekk, it-tisħib tassew fil-ħajja u l-missjoni tal-Knisja fid-dinja jkun sħiħ daqs kemm tkun sħiħa l-fedeltà u l-ħeġġa fit-talb li bih il-familja nisranija tingħaqad mad-Dielja ħajja li hi Kristu l-Mulej.[157]

 

B’għaqda sħiħa ma’ Kristu, li tieħu l-ħajja mill-liturġija, bl-offerta tagħha stess, u bit-talb, il-familja nisranija tagħti l-frott tagħha hija u taqdi l-bniedem fil-mixi tiegħu ‘l quddiem, qadi li ma jistax ma jwassalx għal bidla sħiħa fid-dinja.[158]

 

(3)  IL-FAMILJA NISRANIJA, KOMUNITÀ GĦALL-QADI TAL-BNIEDEM

 

63.  Il-kmandament ġdid ta’ l-imħabba

 

Il-Knisja, poplu profetiku-saċerdotali-regali. Għandha l-missjoni li twassal il-bnedmin kollha biex jilqgħu bil-fidi l-Kelma ta’ Alla, u jiċċelebrawha u jagħtu xhieda tagħha bis-sagramenti u bit-talb, u fl-aħħarnett, juruha verament fil-ħajja tagħhom skond id-don u l-kmandament ġdid ta’ l-imħabba. 

 

Il-familja nisranija ma ssibx il-liġi tagħha miktuba fxi ktieb tal-liġijiet, imma ssiba fil-ħidma personali tal-Ispirtu s-Santu, li jagħti l-ħajja lin-nisrani u jmexxih; din hi l-”liġi ta’ l-Ispirtu, li jagħti l-ħajja fi Kristu Ġesù”,[159] “l-imħabba ta’ Alla li ssawbet fi qlubna permezz ta’ l-Ispirtu s-Santu li kien mogħti lilna”.[160]  Dan jiswa kemm għall-miżżewġin u kemm għal-familja nisranija.  Mexxej u regola tagħhom hu l-Ispirtu ta’ Ġesù , imsawwab fi qlubhom biċ-ċelebrazzjoni tas-sagrament taż-żwieġ.  Iż-żwieġ, huwa u jkompli l-Magħmudija fl-ilma u l-Ispirtu s-Santu, itenni l-liġi ta’ l-mħabba ta’ l-Evanġelju u bid-don ta’ l-ispirtu s-Santu, jonqoxha fil-fond tal-qalb tal-miżżewġin insara: imħabbithom, imsoffija u mifdija, hi frott ta’ l-Ispirtu li jaħdem fi qlub dawk li jemmnu, u li fl-istess ħin, hu l-kmandament fondomentali ta’ dik l-ħajja morali li huma mistennija jgħixu bil-libertà responsabbli tagħhom.

 

Il-familja nisranija b’hekk titħeġġeġ u titmexxa mill-liġi l-ġdida ta’ l-Ispirtu, u hi msejħa, f’rabta sħiħa mal-Knisja stess li hi poplu regali, biex tgħix “is-servizz” tagħha  ta’ mħabba, għal Alla u għall-aħwa.  Kif Kristu jwettaq is-setgħa tiegħu ta’ sultan billi jaqdi l-bnedmin,[161]hekk in-nisrani jikseb it-tifsir veru tat-tisħib tiegħu fis-setgħa proprja ta’ Kristu Sultan meta jissieħeb ma’ Kristu fl-ispirtu u fl-imġieba tiegħu ta’ servizz għall-bnedmin: “Din is-setgħa Kristu għaddiha lid-dixxipli, biex huma wkoll ikollhom il-libertà regali u, biċ-ċaħda tagħhom infushom u b’ħajja qaddisa, jirbħu fihom infushom is-saltna tad-dnub (Ara Rum. 6,12); anzi, huma jaqdu ‘l Kristu fl-oħrajn ukoll, bl-umiltà kollha u s-sabar, iwasslu ‘l ħuthom għand is-Sultan, li min jaqdih ikun fil-fatt qed isaltan.  Il-Mulej jixtieq li s-saltna tiegħu tixtered permezz tal-lajċi nsara wkoll, is-saltna tiegħu “ta’ verità u ta’ ħajja, ta’ qdusija u ta’ grazzja, ta’ ġustizzja, imħabba u sliem”; u f’din is-saltna l-istess ħlejjaq jinħelsu mill-jasar tat-taħsir biex jiksbu l-ħelsien tal-glorja ta’ wlied Alla (Ara Rum. 8, 21)”.[162]

 

 

64.  Tara x-xbieha ta’ Alla f’kull wieħed minn ħutek

 

Il-familja nisranija, imħeġġa u mqawwija mill-kmandament il-ġdid ta’ l-imħabba, tilqa’, turi rispett u taqdi ‘l kull bniedem, u dejjem tqisu fid-dinjità tiegħu ta’ bniedem li hu u ta’ iben ta’ Alla.

 

Dan għandu jseħħ l-ewwelnett bejn il-miżżewġin u fi ħdan il-familja, u fil-ġid tagħhom ilkoll, permezz ta’ impenn tagħhom kuljum biex dejjem aktar isseħħ l-għaqda sħiħa u vera ta’ bejniethom bħala persuni, għaqda mibnija fuq l-imħabba bejnithom u mqawwija minnha.  Dan imbgħad għandu jiżviluppa ruħu fil-qasam aktar wiesgħa tal-komunità ekkkleżjali, li tagħha hi membru l-familja nisranija.  Bis-saħħa tal-imħabba li jkun hemm fi ħdan il-familja, il-Knisja tista’ u għandha tieħu sura aktar tixbaħ is-sura ta’ dar, jiġifieri aktar familjari, billi ġġib ‘il-quddiem sura ta’ mġieba fir-relazzjonijiet ma’ kulħadd aktar tgħodd għall-bnedmin u aktar tixraq lill-aħwa.

 

L-imħabba ma tħaddanx biss l-aħwa fil-fidi, għaliex “kull bniedem huwa ħija”; f’kull bniedem, u l-aktar jekk fqir u marid, batut, maħqur inġustament, l-imħabba taf tilmaħ wiċċ Kristu u wieħed mill-aħwa li jeħtieġ ikun maħbub u moqdi.

 

Jekk wieħed irid li l-familja taqdi ‘l-bniedem bl-ispirtu tal-Evanġelju, jeħtieġ li malajr iseħħ dak li jitlob il-Konċilju Vatikan II: “Biex ħidma bħal din ta’ mħabba tkun meħlusa min kull sura ta’ suspett u tidher li hi tassew hekk, wieħed irid jara f’għajru x-xbieha ta’ Alla, li f’suritha ġie maħluq, u jrid jara l-Mulej Ġesù, li lilu propjament jingħata dak li  jingħata lil min hu fil-bżonn”.[163]

 

Il-familja nisranija, hija u tibni l-Knisja fl-imħabba, taqdi l-bniedem u lid-dinja, waqt li verament tkun iġġib dik li “ il-promozzjoni tal-bniedem”, li imfissra fil-qasir fil-Messaġġ tas-Sinodu lill-familji: “Hu dmirkom trabbu ‘l-bnedmin fl-imħabba u tedukawhom biex f’kull ma jgħamlu fir-relazjonijiet kollha tagħhom mal-bnedmin l-oħra, jagħmluh bl-imħabba, ħalli l-imħabba għall-komunità kollha kemm hi tkun imqanqla minn sens ta’ ġustizzja u ta’ rispett għall-oħrajn u tagħraf ir-responsabbiltajiet tagħha lejn kollha kemm hi s-soċjetà”.[164]

 


 

IR-RABA’ TAQSIMA

 

IL-PASTORALI TAL-FAMILJA: ŻMIEN, STRUTTURI, OPERATURI, QAGĦDIET

 

 

 

I.  IŻ-ŻMIEN TAL-PASTORALI TAL-FAMILJA

 

65.  Il-Knisja tissieħeb mal-familja fil-mixi tagħha

 

Bħal kull ħaġa li tgħix, il-familja wkoll hi msejħa biex tikber u tiżviluppa ruħha.  Wara t-thejjija fl-egħrusija u ċ-ċelebrazzjoni tas-sagrament taż-żwieġ, il-koppja miżżewġa tibda l-mixi tagħha kuljum ‘ il quddiem ha jseħħ, bil-mod il-mod, il-valuri u d-dmirijiet taż-żwieġ innifsu.

 

Fid-dawl tal-fidi u bil-qawwa tat-tama, il-familja nisranija wkoll f’għaqda mal-Knisja, tissieħeb bil-ħajja li tgħix fil-mixi tal-bniedem lejn id-dehra sħiħa u sħuħija tas-Saltna ta’ Alla.

 

Għalhekk jeħtieġ li b’mod aktar ċar naraw x’inhi l-ħidma pastorali tal-Knisja għall-familja. Jeħtieġ li jsir kull sforz biex il-pastorali tal-familja tissaħħaħ u timxi ‘l quddiem, billi titqies bħala ħidma li trid issir qabel ħidmiet oħra, għax hi ħaġa żgura li x-xandir tal-Evanġelju fil-ġejjieni se jkun jiddependi fil-qofol tiegħu mill-“Knisja tad-dar”.[165]

 

Il-ħerqa pastorali tal-Knisja ma tasalx biss sal-familji nsara li huma l-aktar fil-qrib tagħha, imma trid twessagħha għall-qies tal-Qalb ta’ Ġesù, u turi ħerqa akbar għall-familji kollha, huma x’inhuma, u l-aktar għal dawk li jinsabu f’qagħdiet diffiċli jew ħżiena.  Għal kull familja, il-Knisja għandu jkollha kelma kollha verità, tjieba, mogħdrija, tama u simpatija fid-diffikultajiet tagħhom, li xi kultant ikunu tassew tal-biki.  Lill-familji kollha l-Knisjagħandha toffrilhom l-għajnuna tagħha, bla ebda interess, ħalli kull familja tista’ tasal biex tkun dak li Alla l-Ħallieq ried li tkun il-familja sa “mill-bidu”, u li Kristu ġedded bil-grazzja tiegħu ta’ salvazzjoni.

 

Il-ħidma pastorali tal-Knisja trid timxi bil-mod il-mod, mal-familja, pass pass hija u titwaqqaf u timxi ‘l quddiem.

 

 

66.  It-thejjija

 

Fi żminijietna, aktar minn fi żminijiet oħra, hi meħtieġa t-thejjija taż-żgħażagħ għaż-żwieġ u għall-familja.  F’xi pajjiżi għandhom l-istess familja li, skond drawwiet mill-qedem, jagħtu liż-żgħażagħ il-valuri tal-ħajja taż-żwieġ permezz ta’ ħidma progressiva ta’ edukazzjoni.  Imma t-tibdil kollu li sar fis-soċjetajiet kważi kollha, illum jitlob li mhux il-familja biss , imma wkoll is-soċjetà u l-Knisja jagħtu sehemhom fit-thejjija xierqa taż-żgħażagħ għar-responsabbilitajiet tagħhom ta’ għada.  Ħafna aspetti ħżiena li naraw illum fil-ħajja tal-familja ġejjin mill-fatt li fiċ-ċirkostanzi ġodda tal-lum,  iż-żgħażagħ mhux biss insew l-ordni veru li hemm fost il-valuri tal-ħajja, imma lanqas huma żgur kif għandhom iġibu ruħhom, ma jafux x’jaqbdu jagħmlu quddiem id-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom u kif jirbħuhom.  Iżda l-esperjenza tgħallimna li dawk iż-żgħażagħ li jkunu mhejjija għall-ħajja tal-familja, jirnexxu aħjar mill-oħrajn.

 

Dan jiswa aktar għaż-żwieġ nisrani, li bil-qawwa tiegħu jinfluwenza l-qdusija ta’ tant u tant irġiel u nisa.  Għalhekk il-Knisja trid iġġib ‘il quddiem programmi ta’ thejjija għaż-żwieġ dejjem aħjar u aktar qawwija biex twarrab, kemm jista’ jkun, id-diffikultajiet kollha li magħhom jiltaqgħu l-koppji, u aktar u aktar biex tgħin ħalli żwiġijiet li tassew jirnexxu jiżdiedu dejjem.

 

It-thejjija mill-bogħod tibda mat-tfulija, permezz ta’ dik l-edukazzjoni għaqlija li tingħata fi ħdan il-familja liż-żgħar biex jaslu ħalli huma stess jagħrfu lilhom infushom bħala bnedmin imżejna bi psikoloġija komplikata u ta’ għana liema bħala, u bil-personalità proprja tagħhom, bit-tajjeb u l-ħażin kollu tagħhom.  Huwa ż-żmien li jitnissel fihom ir-rispett għal kull valur veru tal-bniedem, sew f’dak li għandu x’jaqsam mar-relazzjonijiet bejn persuna u oħra, u sew f’dak li għandu x’jaqsam mar-relazzjonijiet soċjali: ma’ dan irid jiżdied dak kollu li dan ifisser għat-tiswir tal-karattru, għall-ħakma u għall-użu tajjeb tal-inklinazzjonijiet li wieħed ikollu għall-mod kif wieħed iħares u jiltaqa’ ma’ persuni tas-sess l-ieħor, u l-bqija.  Meħtieġa wkoll, u l-aktar għall-insara, formazzjoni soda spiritwali u kateketika, li turi li ż-żwieġ huwa vokazzjoni u missjoni, mingħajr ma titwarrab fil-ġenb l-possibiltà li wieħed jagħti ruħu kollu kemm hu lil-Alla  fil-vokazzjoni u missjoni, mingħajr ma titwarrab fil-ġenb il-possibiltà li wieħed jagħti ruħu kollu kemm hu lil Alla fil-vokazzjoni għall-ħajja reliġjuża jew saċerdotali.

 

Fuq dan il-pedament tinbena aktar tard, u bil-mod il-mod, it-thejjija fil-qalb li ― fi  żmien f’waqtu u b’katekeżi adatta, bħallikieku katekumenat ― hi thejjija speċjali għas-sagramenti bħallikieku wieħed qiegħed isibhom mill-ġdid.Din il-katekeżi ġdida ta’ dawk kollha li qegħdin ihejju ruħhom għaż-żwieġ nisrani hi għal kollox meħtieġa biex iż-żwieġ jiġi ċelebrat b’dawk id-dispożizzjonijiet morali u spiritwali meħtieġa, u l-miżżewġin imbgħad jgħixu b’dawn id-dispożizzjonijiet.  L-edukazzjoni reliġjuża taż-żgħażagħ trid tissieħeb, fi żmien f’waqqtu u skond il-ħtiġijiet taċ-ċirkostanzi li fil-fatt ikun hemm, ma’ thejjija għall-ħajja ta’ tnejn flimkien: b’din it-thejjija jaslu biex jaraw iż-żwieġ bħala relazzjoni bejniethom tar-raġel u l-mara, relazzjoni li jridu jġibu dejjem aktar ‘il-quddiem, u jitħajru jifhmu aħjar il-problemi tas-seswalità fiż-żwieġ u tar-responsabbiltà tagħhom bħala ġenituri permezz ta’ tagħrif mediko-bijoloġiku meħtieġ għal dan; jitgħallmu wkoll kif għandhom jedukaw sewwa l-ulied u kif jiksbu dak li hu meħtieġ  bħala pedament għall-ħajja xierqa fil-familja, bħalma huma: xogħol fiss, flus biżżejjed,  amministrazzjoni  għaqlija tal-flus, tagħrif dwar kif iżżomm id-dar,u l-bqija.

 

Fl-aħħarnett m’għandhiex  titħalla barra t-thejjija għall-appostolat tal-familja, għall-għaqda bħal aħwa, għall-ħidma flimkien mal-familji l-oħra, u għal tisħib attiv fi gruppi, assoċjazzjonijiet, movimenti u inizjattivi li bħala skop ikollhom dak il-ġid kollu tal-familja li jixraq lill-bniedem u lin-nisrani.

 

It-thejjija immedjata għaċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ trid issir fl-aħħar xhur u gimgħat li jiġu qabel iż-żwieġ, biex jingħata qisu tifsir ġdid, materjal ġdid u sura ġdida għal dak li jissejjaħ l-eżami taż-żwieġ mitlub mill-liġi tal-Knisja.  Din it-thejjija, li f’kull każ hi dejjem meħtieġa għal dawk l-għarajjes li juru li għadhom neqsin ħafna mit-tagħlim nisrani u mill-prattika tal-ħajja nisranija, u qegħdin jiltaqgħu ma’ ħafna diffikultajiet dwar dan.

 

Fost it-tagħrif li għandu jingħata f’din il-mixja tal-fidi, li tixbaħ il-katekumenat, għandu jkun hemm tagħrif aktar fil-fond dwar il-misteru ta’ Kristu u tal-Knisja, dwar xi tfisser l-grazzja u r-responsabbiltà taż-żwieġ, u dwar it-thejjija meħtieġa biex l-għarajjes jieħdu sehem tassew ħaj u attiv fiċ-ċelebrazzjoni tal-liturġija taż-żwieġ.

 

Tul iż-żmien kollu tat-thejjija għaż-żwieġ ― li fissirna biss fuq fuq ―  għandhom iħossu ruħhom impennjati kemm il-familja nisranija u kemm il-komunità ekkleżjali.  Ta’ min jittama li l-Konferenza Episkopali, bħalma qegħdin juru interess li joħolqu inizjattivi f’waqthom biex jgħinu lill-kappiliani ħalli dawn ikunu żguri mit-thejjija xierqa ta’ l-għarajjes, għandhom juru wkoll interess biex ihejju Direttorju pastorali tal-familja.  F’dan id-direttorju, qabel xejn, għandu jkun hemm almenu dak kollu li għandu jiġi mgħallem dwar iż-żwieġ u l-familja f’dawn il-“Korsijiet ta’ thejjija għaż-żwieġ”, it-tul tagħhom u l-metodi li għandu jintuża, b’mod li jkun hemm bilanċ sħiħ bejn l-aspetti kollha tat-tagħlim li jingħata dwar iż-żwieġ matul il-kors; dutrina, pedagoġija, tagħrif legali  u mediku; kollox għandu jitqassam b’mod li dawk li qegħdin ihejju ruħhom għaż-żwieġ, aktar milli jkattru t-tagħrif tagħhom,  iħossu ruħhom imħeġġin biex jidħlu bil-qawwa kollha ta’ ħajjithom fil-komunità ekkleżjali.

 

Ma għandna qatt innaqsu l-ħtieġa u l-obbligu ta’ din it-thejjija immedjata għaż-żwieġ ― u dan jiġri jekk nibdew neżentaw minnha malajr; iżda b’ dan kollu, din it-thejjija trid tiġi ppreżentata lill-għarajjes u trid issirilhom b’mod li, jekk xi wħud jittraskurawha, dan ma għandux ifixxkel iċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ tagħhom.

 

 

67.  Iċ-ċelebrazzjoni

 

Bħala regola, iż-żwieġ nisrani jitlob ċelebrazzjoni liturġika li, b’sura soċjali u komunitarja, turi n-natura verament ekkleżjali u sagramentali taż-żwieġ bejn tnejn imgħamdin.

 

Bħala sinjal sagramentali ta’ qdusija, iċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ ― .għax hi parti mil-li-Liturġija li hi l-qofol ta’ kull ħidma tal-Knisja u għajn tal-qawwa kollha tagħha li tqaddes [166] ― trid minnha nfisha tkun tiswa, tkun xierqa u tqaddes.  Quddiemna hawn għandna qasam tassew wiesa’ għall-ħerqa pastorali tagħna biex iseħħ għal kollox kulma titlob in-natura stess taż-żwieġ mgħolli għad-dinjità ta’ sagrament, u fl-istess ħin tiġi mħarsa d-dixxiplina tal-Knisja dwar dak li għandu x’jaqsam mal-kunsens ħieles  tal-miżżewġin, ma’ l-impedimenti, mal-forma  kanonika u mar-rit stess taċ-ċelebrazzjoni.  Ir-rit għandu jkun sempliċi u dinjituż skond ir-regolamenti mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti tal-Knisja li, skond iċ-ċirkostanzi taż-żmien u ta’ l-imkien, bi qbil sħiħ mar-regolamenti mogħtijin mis-Sede Appostolika,[167] għandhom id-dritt ukoll, jekk jidhrilhom, fiċ-ċelebrazzjoni liturġika taż-żwieġ, idaħħlu dawk id-drawwiet proprja ta’ kull kultura li jiswew ħafna biex juru t-tifsir uman u reliġjuż tar-rabta taż-żwieġ, sakemm ma jkollhom xejn li ftit qabel mal-fidi u l-imġieba nisranija.

 

Bħala sinjal , iċ-ċelebrazzjoni liturġika trid issir b’mod li tkun ukoll, bil-mod kif jarawha n-nies, tħabbira tal-Kelma ta’ Alla u stqarrija tal-fidi tal-komunità ta’ dawk li jemmnu.  L-impenn pastorali juri ruħhu hawn mill-mod kif tiġi mhejjija bl-għaqal u l-għerf kollu “l-Liturġija tal-Kelma” u t-thejjija fil-fidi ta’ dawk  kollha li jieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjoni u, fost kulħadd, ta’ l-istess għarajjes.

 

Bħala sinjal sagrament tal-Knisja, iċ-ċelelebrazzjoni liturġika taż-żwieġ għandha tgħaqqad il-komunità nisranija kollha bit-tisħib sħiħ, attiv u responsabbli ta’ kull min ikun preżenti, skond il-post u d-dmir li jkollu kull wieħed:l-għarajjes, is-saċerdot, ix-xhieda, il-qraba, il-ħbieb, il-fidili l-oħra, il-membri kollha tal-ġemgħa li turi u tgħix il-misteru ta’ Kristu u tal-Knisja tiegħu.

 

Għaċ-ċelebrazzjoni taż-żwieg nisrani f’postijiet b’kulturi u tradizzjonijiet li ġejjin mingħand il-missirijiet, wieħed għandu jimxi skond il-prinċipji msemmija hawn fuq.

 

 

68.  Iċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ u t-tħabbira ta’ l-Evanġelju lill-imgħammdin li ma jemmnux

 

Iċ-ċelebrazzjoni tas-sagrament taż-żwieġ titlob li tingħata attenzjoni speċjali għad-dispożizzjonijiet morali  u spiritwali tal-għarajjes, u speċjalment għall-fidi tagħhom: għalhekk hawn wieħed irid iqis sewwa d-diffikultà li fiha jsibu ruħhom, mhux darba u tnejn, ir-ragħajja tal-Knisja llum,f’soċjetà sekolarizzata. 

 

Il-fidi ta’ dawk li jitolbu ż-żwieġ fil-Knisja tista’ tkun ta’ ħafna gradi u huwa dmir ir-ragħajja ta’ l-erwieħ li jaraw x’fidi għandhom, isaħħuhielhom u jqawwuhielhom.  Imma għandhom ukoll jifhmu r-raġunijiet li jwasslu l-Knisja li tippermetti ż-żwieġ fil-knisja wkoll ta’ min mhux imhejji biżżejjed.

 

Is-sagrament taż-żwieġ għandu karattru speċjali u proprju tiegħu: hu sagrament ta’ ħaġa li hi parti mill-ġrajja tal-ħolqien, għaliex r-rabta taż-żwieġ twaqqfet minn Alla li ħalaq kollox, sa “mill-bidu”.  Id-deċisjoni ta’ raġel u mara li jiżżewġu skond dan il-kmandament ta’ Alla, jiġifieri  id-deċisjoni li jintrabbtu bil-kunsens tagħhom fiż-żwieġ,  li minnu mhu ser jerġgħu qatt lura tul ħajjithom kollha b’imħabba li ma tinħall qatt u b’fedeltà sħiħa lejn xulxin,  fiha nfisha tfisser verament, għalkemm il-miżżewġin mhux dejjem jintebħu b’dan għal kollox, li huma lesti biex jobdu u jagħmlu r-rieda ta’ Alla, ħaġa li ma tistax isseħħ mingħajr il-grazzja.  Huma għalhekk bdew mexjin fit-triq tas-salvazzjoni, u ċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ u t-thejjija immedjata għalih jistgħu jwasslu  dan il-mixi tagħhom għat-tmiem tiegħu, meta għandhom intenzjoni tajba.

 

Min naħa l-oħra hu veru wkoll li f’xi postijiet, raġunijiet ta’ karattru soċjali aktar milli ta’ karattru reliġjuż, iġiegħelu lill-għarajjes jitolbu żwieġ fil-knisja. Ma għandniex għax nistagħġbu b’dan.  Iż-żwieġ mhux ħaġa li tinteressa biss ‘il min se jiżżewweġ.  Fih innifsu ż-żwieġ hu fatt soċjali, li jorbot lill-miżżewġin quddiem is-soċjetà. Minn dejjem iċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ kienet festa li tlaqqa’ flimkien qraba u ħbieb.  Hi għalhekk ħaġa ċara li, flimkien ma’ raġuni jiet personali, ikun hemm ukoll raġunijiet soċjali li jġiegħlu ‘l-għarajjes jitolbu ż-żwieġ fil-knisja.

 

Iżda ma għandniex ninsew li dawn l-għarajjes, bis-saħħa tal-magħmudija tagħhom, huma verament marbutin mal-Patt ta’ l-għaqda ta’ Kristu ma’ l-Għarusa tiegħu l-Knisja u li, minħabba l-intenzjoni tajba tagħhom, diġà jilqgħu l-ħsieb ta’ Alla dwar iż-żwieġ; għalhekk, almenu impliċitament, jaċċettaw dak li l-Knisja trid meta tiċċelebra ż-żwieġ.  Il-fatt biss li fit-talba ta’ l-għarajjes għal żwieġ fil-knisja ikun hemm ukoll raġunijiet ta’ karattru soċjali, mhuwiex raġuni biżżejjed biex kappillan jirrifjutalhom iċ-ċelebrazzjoni. Fl-aħħar mill-aħħar, kif għamel il-Konċilju Vatikan II, is-sagramenti, bil-kelma u bir-riti tagħhom, jagħtu ħajja u jsaħħu l-fidi,[168] dik il-fidi li ġa lejha mexjin l-għarajjes minħabba l-intenzjoni tajba tagħhom, li żgur mhux se tonqosha l-għajnuna u l-qawwa tal-grazzja ta’ Kristu.

 

Tkun ħaġa ta’ periklu kbir li tipprova tfassal kriterji dwar il-grad ta’ fidi li għandu jkollhom l-għarajjes biex iż-żwieġ tagħhom jiġi ċelebrat fil-knisja.  L-ewwel periklu hu dak li wieħed jieħu deċiżjoni mingħajr raġunijiet biżżejjed jew deċiżjoni li twassal biex wieħed jagħmel diskriminazzjoni bejn il-wieħed u l-ieħor; hemm ukoll il-periklu li jinħoloq dubju dwar kinux igħoddu  jew le ż-żwieġijiet li jkunu ġa saru, u dan ikun ta’ ħsara kbira għall-komunitajiet ta’ l-insara u għal ħafna qtiegħ il-qalb ieħor bla bżonn għall-kuxjenza tal-miżżewġin; nistgħu naslu wkoll biex nibdew niddubitaw humiex  sagrament ħafna miż-żwiġijiet ta’ ħutna nsara li huma mifrudin mill-għaqda sħiħa tal-Knisja Kattolika, u din hi ħaġa li tmur għal kollox kontra t-tradizzjoni tal-Knisja.

 

Iżda mbagħad, meta l-għarajjes, minkejja kull ma jkun sar, juru ċar u bid-dieher li ma jridux dak li l-Knisja trid fiċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ ta’ min hu mgħammed, il-kappilan ma jistax jippermetti ċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ fil-knisja.  Ukoll jekk kontra qalbu, hu fid-dmir li jagħraf xi tkun sewwa l-qagħda u jfiehem lill-għarajjes li, meta l-ħaġa tkun hekk, ma tkunx il-Knisja , imma jkunu huma stess qegħdin joħolqu tfixkil għaċ-ċelebrazzjoni kif jixtiquha.

 

Hawn nerġgħu naraw kemm tassew hija meħtieġa llum, qabel u wara ż-żwieġ, l-evaġelizzazzjoni u l-katekeżi, li għandha tingħata mill-komunità kollha nisranija, sabiex kull raġel u kull mara li jiżżewġu, jiċċelebraw iż-żwieġ tagħhom mhux biss sewwa, ħa jkun validu, imma wkoll b’mod tajjeb, biex jagħtihom il-grazzja tiegħu.

 

69.  Il-pastorali ta’ wara ż-żwieġ

 

Il-kura pastorali ta’ familja li bdiet teżisti regolament, mhijiex ħaġ’oħra ħlief l-impenn tal-membri kollha tal-komunità ekkleżjali tal-post li jgħinu l-koppji tal-miżżewġin ħalli dawn jagħrfu u jgħixu s-sejħa u l-missjoni ġdida tagħhom.  Biex il-familja dejjem aktar issir tassew komunità ta’ mħabba, jeħtieġ li l-membri kollha tagħha jkunu megħjunin u mħarġin biex,  bir-responsabbiltà kollha, iħollu l-problemi ġodda li jinqalgħulhom, jaqdu lil xulxin u jissieħbu flimkien bil-ħrara kollha fil-ħajja tal-familja.

 

Dan jgħodd l-aktar għall-familji l-ġodda li, għax isibu ruħhom quddiem valuri u responsabbiltajiet ġodda aktar malajr, u l-aktar fl-ewwel snin taż-żwieġ, jiltaqgħu ma’ għadd ta’ twegħir bħalma huma d-diffikultà li jistgħu jsibu biex jadattaw ruħhom  għall-ħajja flimkien jew id-diffikultajiet li jistgħu jinqalgħulhom mat-twelid ta’ l-ulied.  Il-miżżewġin żgħażagħ għandhom jilqgħu bil-qalb u bil-għaqal kollu jaċċettaw l-għajnuna kollha tjieba, għaqlija u ġeneruża ta’ miżżewġin oħra, li jkunu ilhom żmien jafu x’inhi l-ħajja taż-żwieġ u tal-familja.  Hekk fi ħdan il-komunità ekkleżjali, li hi familja kbira magħmula minn ħafna familji, il-familji nsara kollha jgħinu ‘lxulxin, billi kull waħda tgħin lill-oħrajn mill-esperjenza tagħha u bid-doni wkoll li jkollha tal-fidi u tal-grazzja.  Imqanqla minn spirtu vera ta’ appostolat, din l-għajnuna, tal-familji lil xulxin għandha tkun mod mill-eħfef u mill-aqwa, li kulħadd jista’ jagħmlu, biex jaslu għand kulħadd u għand kull wieħed dawk il-valuri nsara li minnhom trid tibda u għalihom trid tasal kull ħidma pastorali.  B’dan il-mod il-familji żgħażagħ ma jkunux biss jiċievu, imma wkoll, bl-għajnuna li tingħatalhom, ikunu jgħinu ‘l-familji l-oħra li ġew qabilhom ħa jikbru fix-xiehda tal-ħajja tagħhom u f’dak li jagħmlu bil-ħeġġa kollha.

 

Fil-ħidma pastorali mal-familji żgħażagħ, il-Knisja trid tħabbrek b’mod speċjali li tgħallimhom igħixu l-imħabba tagħhom fiż-żwieġ bir-responsabbiltà kollha skond ma titlob l-għaqda ta’ bejniethom u s-servizz lill-ħajja; trid turihom ukoll kif iqabblu flimkien il-hajja tagħhom fid-dar mal-ħidma ġeneruża u bla heda tagħhom għall-bini tal-Knisja u tas-soċjetà tal-bnedmin.  U meta mbagħad, mat-twelid tat-tfal, il-koppja ssir verament familja, il-Knisja trid tibqa’ qrib il-ġenituri biex huma jilqgħu ‘l uliedhom u jħobbuhom bħala don li rċevew mingħand Sid il-ħajja: dan jiġri meta l-ġenituri jilqgħu bil-ferħ it-taħbit li jkollhom biex jaqdu ‘l uliedhom huma u jikbru bħala bnedmin u bħala nsara.

 

 

II.  L-ISTRUTTURI TAL-PASTORALI TAL-FAMILJA

 

Il-ħidma pastorali tal-Knisja hija dejjem dehra bil-fatti ta’ x’inhi tassew il-Knisja, kif tinsab impenjata biex taqdi l-missjoni tagħha ta’ salvazzjoni. Il-pastorali tal-familja wkoll ―għamla mportanti u speċjali tal-pastorali tal-Knisja ― għandha l-bidu tagħha fil-Knisja stess u hi l-Knisja li twettaqha, permezz tal-istrutturi tagħha u ta’ dawk li jaħdmu fi ħdanha.

 

 

70.  Il-komunità ekkleżjali u b’mod speċjali l-parroċċa

 

Il-Knisja, li hi fl-istess ħin komunità mifdija u li tagħti l-fidwa, irridu dejjem inħarsu lejha kemm bħala l-Knisja universali u kemm bħala Knisja tal-post: il-Knisja tal-post tidher u sseħh fid-djoċesi li, għal raġunijiet pastorali, tinqasam f’komunitajiet iżgħar li fosthom, minħabba l-importanza partikulari tagħha, trid tissemma’ b’mod speċjali l-parroċċa.

 

L-għaqda mal-Knisja universali ma xxejjinx, imma twettaq u ġġib ‘il quddiem il-qawwa u l-oriġinalità tal-ħafna knejjes lokali: fihom dejjem trid tibda u timxi ‘l quddiem bil-qawwa kollha l-ħidma pastorali tal-familja.  Għalhekk kull Knisja lokali u, b’mod speċjali kull komunità parrokjali, għandha tagħraf aktar il-grazzja u r-responsabbiltà li għandha mingħand il-Mulej biex tkattar il-pastorali tal-familja.  Jeħtieġ li kull pjan ta’ pastorali organizzata, f’kull livell, ma jwarrabx fil-ġenb il-pastorali tal-familja.

 

Hu fid-dawl ta’ din ir-responsabbiltà li għandna nifhmu kemm hi mportanti t-thejjija xierqa ta’ dawk kollha li jkunu mpennjati direttament f’din l-għamla ta’ appostolat.  Is-saċerdoti reliġjużi (patrijiet u sorijiet), sa minn żmien il-formazzjoni tagħhom, għandhom jiġu mħarġin u mrawmin, bil-mod il-mod u kif jixraq, ħa jaqdu dan id-dmir.  Fost inizjattivi oħra nieħu pjaċir insemmi l-fatt li dan l-aħħar f’Ruma, fl-Università Puntifiċja tal-Lateran, twaqqaf Istitut Superjuri għall-istudju tal-problemi tal-familja.  F’xi djoċesijiet oħra wkoll twaqqfu istituti bħal dan: l-Isqfijiet għandhom iħabirku biex għadd kemm jista’ jkun kbir ta’ saċerdoti, qabel tiġi mogħtija lilhom ir-responsabbiltà li jmexxu l-parroċċa, ikunu għamlu korsijiet speċjalizzati fuq dan l-appostolat.  F’xi postijiet oħra, korsijiet ta’ formazzjoni jsiru regolament minn Istitut Superjuri għall istudji reliġjużi u pastorali.  Dawn l-inizjattivi ta’ min jinkoraġġihom, igħinhom, ikattarhom, u jiftaħhom ukoll, kif għandu jkun, għal-lajċi li joffru l-ħidma profesjonali tagħhom (medika, legali, psikoloġika, soċjali u edukattiva) għall-ġid tal-familja.

 

 

71.  Il-familja

 

Iżda fuq kollox wieħed għandu jagħraf x’post speċjali f’dan il-qasam għandha l-missjoni tal-miżżewġin u tal-familji nsari, bis-saħħa tal-grazzja li jirċievu mis-sagrament.  Din il-missjoni trid tkun  għall-ġid tal-Knisja u tas-Saltna ta’ Alla, fil-ġrajja tal-bniedem.  Dan hu mitlub bħala sinjal ta’ ubbidjenza minnufih għal Kristu l-Mulej.  Kristu bis-saħħa taż-żwieġ ta’ l-imgħammdin mgħolli għad-dinjità ta’ sagrament, jagħti lill-miżżewġin insara l-missjoni speċjali ta’ appostli, waqt li jibgħathom bħala ħaddiema fl-għalqa tiegħu tad-dwieli u, b’mod għal kollox speċjali, fil-qasam tal-familja.

 

Huma jagħmlu din il-ħidma f’għaqda sħiħa u flimkien mal-membri l-oħra tal-Knisja li wkoll jimpenjaw ruħhom għall-familja,  billi jgħatu l-frott tad-doni u l-ministeri tagħhom.  Dan l-appostolat l-ewwel li jsir u fi ħdan l-istess familja ta’ dak li jkun, bix-xhieda tal-ħajja li jgħixu skond il-liġi ta’ Alla fis-suriet kollha tagħha, bit-trobbija nisranija li tingħata lill-ulied billi jgħinuhom jikbru fil-fidi, jedukawhom fis-safa, u jħejjuhom għall-ħajja; billi  jħarsuhom mill-perikli ta’ l-ideoloġija u ta’ tiġrif morali li spiss ihedduhom; billi jdaħħluhom, pass pass u b’mod responsabbli, fi ħdan il-komunità ekkleżjali u ċivili; billi jgħinuhom u jgħatuhom parir fl-għażla tal-vokazzjoni tagħhom; billi l-membri kollha tal-familja jgħinu ‘l xulxin ħalli lkoll jikbru bħala bnedmin u bħala nsara.

 

l-appostolat tal-familja mbagħad, b’egħmejjel ta’ mħabba spiritwali u materjali jilħaq familji oħra, speċjalment lil dawk il-familji li l-aktar jeħtieġu għajnuna: lill-fqar, ‘il-morda, ‘l-ixjuħ,’l-inkapaċitati, ‘l-iltiema, lir-romol, ‘il-miżżewġin mitluqin waħedhom, ‘l-ommijiet mhux miżżewġa, ‘il dawk li,minħabba l-qagħda iebsa li fiha jinsabu, jiġihom il-ħsieb li jeħilsu minn frott il-ġuf tagħhom, u l-oħrajn.

 

 

72.  L-assoċjazzjonijiet tal-familji u għall-familji

 

Fi ħdan il-Knisja, li dejjem hi responsabbli tal-ħidma pastorali tal-familja, ta’ min isemmi wkoll il-ħafna gruppi ta’ nsara li fi ħdanhom jidher il-ministeru tal-Knisja ta’ Kristu, u b’xi mod jgħixu bih.  Ta’ min għalhekk wieħed jagħraf u jifhem kemm jiswew il-ħafna komunitajiet ekkleżjali, il-ħafna gruppi u il-ħafna movimenti mpjennjati mod jew ieħor, għal raġuni jew oħra, fuq aktar minn livell wieħed, fil-pastorali tal-familja ― kollha skond il-kwalitajiet, u l-għan, u l-ħila u l-metodi tagħhom.

 

Is-Sinodu għalhekk għaraf b’mod ċar x’ġid jagħtu fl-oqsma ta’ l-ispiritwalità, tal-formazzjoni u tal-appostolat dawn l-assoċjazzjonijiet.  Ikun dmir tagħhom iqajmu fost l-insara sens ta’ solidarjetà għal xulxin, iġibu ‘l quddiem imġieba ta’ ħajja taqbel ma’ l-Evanġelju u mal-fidi tal-Knisja, isawru l-kuxjenza ta’ dak li jkun skond il-prinċipji nsara u mhux skond il-fehmiet tan-nies tal-mument, iħajru għall-egħmejjel ta’ mħabba għal xulxin u għall-oħrajn, b’qalb miftuħa għal kulħadd, b’mod li jagħmlu l-familja nisranija għajn ħajja ta’ dawl u ħmira għall-oħrajn.

 

Nixtieq wkoll li, b’ħerqa kbira għall-ġid ta’ kulħadd, il-familji nsara jimpennjaw ruħhom bil-ħeġġa kollha, f’kull livell, f’assoċjazzjonijiet oħra li mhumiex tal-Knisja.  Xi wħud minn dawn l-assoċjazzjonijiet għandhom, bħala għan, li jgħożżu, jagħaddu lill-oħrajn u jħarsu dawk il-valuri morali u kulturali tal-popli tagħhom, iġibu ‘l quddiem il-persuna tal-bniedem, jgħatu ħarsien mediku, legali u soċjali lill-omm u lit-tarbija, iħarsu b’mod xieraq id-dinjità tal-mara u jeħduha kontra kull ħaġa li jxejjinhielha, ikabbru l-ispirtu ta’ solidarjetà bejn kulħadd, jifhmu sewwa l-problemi li għandhom x’jaqsmu mal-pjanifikazzjoni tal-familja permezz ta’ metodi naturali li jaqblu mad-dinjità tal-bniedem u mat-tagħlim tal-Knisja.  Oħrajn għandhom bħala għan li jibnu dinja aktar ġusta u aktar tixraq lill-bniedem, iġibu ‘l quddiem liġijiet ġusti li bihom jista’ jseħħ ordni soċjali tajjeb b’rispett sħiħ għad-dinjità u għal-libertà xierqa ta’ l-individwu u tal-familja, kemm fuq l-ivell nazzjonali u kemm fuq livell internazzjonali, jaħdmu id f’id ma’ l-iskola u ma’ istituzzjonijiet oħra biex tingħata lill-ulied edukazzjoni sħiħa.

 

 

 

 

II. L-OPERATURI TAL-PASTORALI TAL-FAMILJA

 

 

Barra l-familja ― li magħha ssir ħidma pastorali ― ta’ min isemmi wkoll l-operaturi l-oħra ewlenin, jiġifieri dawk kollha li jagħmlu ħidma importanti f’dan il-qasam.

 

73.  L-isqfijiet u s-saċerdoti

 

L-isqof hu l-ewwel wieħed responsabbli tal-ħidma pastorali tal-familja fid-djoċesi.  Bħala Missier u Ragħaj hu għandu jkollu ħerqa speċjali għal dan il-qasam, verament ewlieni, tal-ħidma pastorali.  L-isqof għandu juri interess personali u ħerqa kbira għal din il-ħidma pastorali, jsib ħin għaliha, jieħu ħsieb f’idejn min jafdaha u jgħin materjalment; imma fuq kollox għandu jagħti l-għajnuna tiegħu personali lill-familji u lil dawk kollha li, fl-istrutturi djoċesani kollha, igħinuh fil-pastorali tal-familja.  Għandu fuq kollox ikollu għal qalbu li d-djoċesi tiegħu tkun dejjem aktar vera “familja djoċesana”, xempju u għajn ta’ tama għall-familji kollha tagħha.  It-twaqqif tal-Kunsill Pontifiċju għall-familja għandu jitqies bħala sinjal ta’ importanza li qiegħed nagħti għall-pastorali tal-familja fid-dinja, u fl-istess ħin strument mill-aħjar biex jgħinha u jġibha ‘l quddiem f’kull livell

 

L-isqfijiet għandhom ifittxu b’mod speċjali l-għajnuna tas-saċerdoti li dmirhom ― kif qal sewwa s-Sinodu ― hu parti essenzjali tal-ministeru tal-Knisja favur ż-zwieġ u l-familja.  L-istess għandu jingħat għal dawk id-djakni li se jkollhom fdat lilhom dan il-qasam tal-pastorali.

 

Ir-responsabbiltà tagħhom mhijiex biss dwar problemi morali u liturġiċi, imma wkoll dwar problemi ta’ karattru personali u soċjali.  Huma jridu jqawwu qalb il-familja fid-diffikultajiet u t-tbatijiet tagħha, jissieħbu mal-membri tagħha, biex jgħinuhom jaraw ħajjithom fid-dawl ta’ l-Evanġelju.  Mhijiex ħaġa żejda tgħid li minn missjoni bħal din, jekk magħmulha bl-għaqal kollu u bi spirtu veru ta’ appostolat, il-ministru tal-Knisja jikseb ħeġġa ġdida u enerġija spiritwali għall-istess vokazzjoni tiegħu u għall-eżerċizzju tal-ministeru tiegħu.

 

Is-saċerdot jew id-djaknu, imhejjijin f’waqthom u bis-serjetà kollha għal dan l-appostolat għandhom dejjem iġibu ruħhom mal-familji bħala missirijiet, bħala aħwa bħala ragħajja u għalliema, billi jwasslulhom l-għajnuna tal-grazzja u  jdawluhom bil-verità.  It-tagħlim u t-twissijiet tagħhom għalhekk għandhom ikunu dejjem jaqblu mal-Maġisteru awtentiku tal-Knisja, b’mod li jgħinu lill-Poplu ta’ Alla jikseb sens veru tal-fidi biex imbagħad igħixa bil-fatti.  Din il-fedeltà lejn il-Maġisteru tgħin lis-saċerdoti biex bil-qawwa kollha jfittxu li jkun hemm qbil sħiħ bejniethom fil-ġudizzji li jgħamlu, biex ma joħolqux kriżijiet ta’ kuxjenza għall-insara.

 

Ir-ragħajja u l-lajċi fil-Knisja huma mseħħbin fil-missjoni profetika ta’ Kristu: il-lajċi bix-xhieda li jgħatu tal-fidi tagħhom bil-kliem u bil-ħajja nisranija li jgħixu; ir-ragħajja, huma u jgħażlu f’din ix-xhieda  dak li ġej mill-vera fidi minn dak li ma jaqbilx biżżejjed mad-dawl  tal-fidi; il-familja, bħala komunità nisranija, bit-tisħib u x-xhieda speċjali tagħha għall-fidi.  B’hekk iseħh djalogu bejn ir-ragħajja u l-familji.  It-teoloġi u l-esperti fil-problemi tal-familja  jistgħu jgħinu ħafna f’dan id-djalogu billi jfissru sewwa dak li hemm fil-Maġisteru tal-Knisja u dak li tagħti l-esperjenza tal-ħajja tal-familja.  B’dan il-mod it-tagħlim tal-Maġisteru jiftiehem aħjar u titwitta t-triq biex jiżviluppa ruħhu dejjem aktar.  Iżda tajjeb li  wieħed jiftakar li huwa l-Maġisteru ġerarkiku li għandu jgħid xinhi r-regola prossima u obbligatorja fid-dutrina tal-fidi ukoll dwar il-problemi tal familja. Relazzjonijiet ċari bejn it-teoloġi, l-esperti tal-problemi tal-familja u l-Maġisteru igħinu mhux ftit biex tkun magħrufa sewwa l-fidi  u biex ikun  hemm ― fi ħdan il-fidi ― plurariżmu xieraq.

 

 

74.  Reliġjużi ― patrijiet u sorijiet

 

Il-kontribut li jistgħu jagħtu lill-appostolat tal-familja r-reliġjużi, irġiel u nisa, u dawk kollha li b’xi mod jew ieħor ikkonsagraw ħajjithom lil Alla, joħroġ mill-konsagrazzjoni li tagħmilhom “quddiem l-insara kollha... sinjal ta’ dik l-għaqda ta’ mħabba tassew ta’ l-għaġeb li ried Alla u li għad tidher fil-milja kollha tagħha fiż-żmien li għad jiġi, li biha l-Knisja, fi Kristu, għandha l-Għarus waħdieni tagħha”;[169] tagħmilhom xhieda wkoll ta’ dik l-imħabba għal kulħadd li, minħabba s-safa mħaddan għas-Saltna tas-smewwiet, twassalhom biex ikunu dejjem aktar lesti ħalli, bil-ġenerożità kollha, jingħataw għall-qadi ta’ Alla u għall-ħidma tal-appostolat.

 

Minn hawn il-fatt li reliġjużi, irġiel u nisa, u membri ta’ Istituti sekulari jew ta’ Istituti oħra ta’ perfezzjoni, waħedhom jew flimkien ma’ oħrajn, jistgħu jagħtu servizz mill-aħjar lill-familji, l-aktar billi jieħdu ħsieb  it-tfal zgħar, speċjalment tfal li l-ġenituri tagħhom abbandunawhom jew ma riduhomx, u t-tfal iltiema, fqar u nkapaċitati; billi jżuru l-familji u jduru bil-morda; billi jwaqqfu relazzjonijiet ta’ rispett u mħabba ma familji neqsin minn wieħed mill-ġenituri, jew li jinsabu f’diffikultajiet jew imfarrkin; billi jofru l-ħidma tagħhom ħa jgħallmu u jgħatu pariri liż-żgħażagħ fit-thejjija tagħhom għaż-żwieġ u lill-koppji miżżewġa għat-tnissil ta’ l-ulied b’mod verament responsabbli; billi jżommu djarhom miftuħa biex jilqgħu, bis-sempliċità kollha u bil-qalb, il-familji ħalli dawn isibu għandhom is-sens ta’ Alla, il-gost tat-talb u tal-ġabra, l-eżempju ta’ ħajja ta’ mħabba u ta’ ferħ bejn l-aħwa bħala lkoll membri tal-familja l-kbira ta’ Alla.

 

Irrid inżid eżortazzjoni aktar ħerqana għas-superjuri ta’ l-istituti ta’ ħajja konsagrata lil Alla biex iqisu ― dejjem f’rispett sħiħ għall-kariżma proprju tagħhom sa mill-bidu ― l-appostolat tal-familja bħala ħidma mill-ewlenin tagħhom, ħidma li l-kundizzjonijiet ta’ llum qegħdin jitolbu li jsir mingħajr aktar dewmien.

 

 


 

75.  Lajċi speċjalizzati

 

Jistgħu jagħtu għajnuna mhux ftit lill-familja dawk il-lajċi speċjalizzati (tobba, avukati u nutara, psikoloġi, assistenti soċjali, “counsellors” u oħrajn), li ghal rashom  jew impennjati f’għadd ta’ assoċjazzjonijiet jew inizjattivi, idawlu l-familji, jagħtuhom pariri, imexxuhom u jqawwulhom qalbhom.  Għalihom tgħodd ħafna lezortazzjoni li kont għamilt lill-Konsulturi nsara tal-familji: “L-impenn tagħkom tassew jistħoqqlu jissejjaħ missjoni, tant huma għoljin l-għanijiet li tfittxu u tant jiswew għall-ġid tas-soċjetà u ta’ l-istess komunità nisranija r-riżultati li jiġu minnhom...  Dak kollu li jirnexxielkom tagħmlu biex tgħinu l-familji għad ikollu qawwa li, mhux biss jagħmel lil min tilħqu, imma jagħmel ġid ukoll lil ħafna nies oħra u jħalli l-efett tiegħu fis-soċjetà kollha. Il-ġejjieni tad-dinja u tal-Knisja jgħaddi mill-famija”.[170]

 

76.  Dawk li jiżaw u dawk li jaħddmu l-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali

 

Għandi kelma speċjali għal dawk in-nies li jużaw jew iħaddmu l-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali; li għandhom importanza kbira fil-ħajja ta’ llum.  Kulħadd jaf li dawn il-mezzi “għandhom effett, u xi kultant effett tassew kbir, mhux biss fuq il-qalb u l-fehma, imma wkoll fuq l-imġieba u r-reliġjon ta’ min jużahom”[171] u l-aktar taż-żħażagħ.  Dawn il-mezzi għalhekk jistgħu ikunu ta’ ġid għall-ħajja u l-imġieba tal-familja u għall-edukazzjoni ta’ l-ulied, iżda fl-istess ħin jaħbu fi ħdanhom “theddid u perikli li mhumiex ta’ min jitraskurahom”,[172] u għalhekk jistgħu jsiru mezzi ―  xi kultant mezz manuvrat bħila kbira u b’mod sistematiku, kif spiss jiġri f’ħafna pajjiżi tad-dinja ― biex ixerrdu ideoloġiji li jifirdu l-bnedmin u fehmiet mgħawġa dwar il-ħajja, il-familja, ir-reliġjon, u l-moralità, fehmiet li ma jirrispettawx id-dinjità vera u s-sejħa tal-bniedem.

 

Dan hu periklu tassew serju, għaliex “il-ħajja ta’ llum kif qegħdin jgħixuha n-nies ― speċjalment fin-nazzjonijiet l-aktar industrijalizzati ―spiss twassal biex ifarfru minn fuq spallejhom ir-responsabbiltajiet tagħhom għall-edukazzjoni tat-tfal u taż-żgħar tagħhom, għaliex qegħdin isibuha ħaġa ħafifa jimlewlhom il-ħin kollu tagħhom l-aktar bit-televissjon fid-dar u b’ċertu pubblikazzjonijiet li jħallulhom f’idejhom”.[173] Minn hawn “id-dmir... li l-aktar it-tfal u ż-żgħar jiġu mħarsa mit-theddid li jiġihom mill-mass media”, billi l-użu ta’ dawn il-mezzi fil-familja ikun regolat sewwa.  Il-familji wkoll għandu jkollhom għal qalbhom li jfittxu għall-uliedhom  rikrejazzjonijiet oħra aktar tajbin, aktar edukattivi li jkunu ta’ għajnuna għall-formazzjoni fiżika, morali u spiritwali tagħhom “ħalli l-ħin liberu tat-tfal ikun użat aħjar u stmat aktar, u jmexxi għat-tajjeb l-enerġija kollha tagħhom”.[174]

 

Minħabba li l-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali għandhom influwenza kbira ― daqs l-iskola u l-ambjent ― fuq il-formazzjoni tat-tfal, il-ġenituri, bħala nies li qegħdin jagħmlu użu mill-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali, għandhom bil-għaqal kollu jagħmlu użu tajjeb minnhom.  Dan jagħmluh bill ma jeseġerawx fl-użu tagħhom, jagħrfu jagħżlu t-tajjeb mill-ħażin, igħassu fuqhom bil-għaqal kollu, ħalli jaraw x’influwenza qegħdin ikollhom dawn il-mezzi fuq uliedhom.  Huma għandhom jikkontrollaw l-użu tagħhom b’mod li jkunu jistgħu “jedukaw il-kuxjenza ta’ uliedhom biex dawn ikunu jistgħu jagħtu ġudizzju ċar u oġġetiv fuq dak li jaraw u jisimgħu, ġudizzju li jwassalhom biex jagħżlu jew iwarrbu l-programmi li jkun hemm”.[175]

 

Bl-istess impenn, il-ġenituri għandhom ifittxu li jinfluwenzaw l-għażla u t-thejjija tal-programmi stess, billi jżommu kuntatt ― permezz ta’ inizjattiv f’waqthom ―ma dawk li huma responsabbli  tal-produzzjoni u tax-xandir tal-programmi, biex ikunu żguri li ma jiġux imwarrba b’abbuż jew imgħawġin bi ħsieb, dawk il-valuri ewlenin tal-bniedem li huma parti mill-ġid ta’ kulħadd fis-soċjetà, iżda għall-kuntrarju, jiġu mxandra programmi tajbin biex juru, il-problemi tal-familja u s-soluzzjoni xierqa għalihom.  Għal dan il-għan, il-Papa Pawlu VI kiteb: “Dawk li jgħamlu dawn il-programmi għandhom ikunu jafu x’inhu dak li titlob il-familja u jirispettawh: dan xi kultant jitlob minnhom kuraġġ tassew, u dejjem sens kbir ta’ responsabbiltà.  Huma fid-dmir li jevitaw kullma jista’ jagħmel ħsara lill-familja fl-eżistenza tagħha, fis-sħuħija tagħha, fil-paċi u l-hena tagħha.  Kull offiża magħmula lill-valuri ewlenin tal-familja ― kemm jekk hu erotiżmu jew vjolenża, kemm jekk hu difiża tad-divorzju, jew l-imġieba ta’ xi żgħażagħ kontra s-soċjetà ― hi offiża magħmula lill-veru ġid tal-bniedem”.[176]

 

Jiena stess, f’okkażjoni oħra, għidt li l-familji “iridu jafdaw mhux ftit fuq ir-rieda tajba, fuq l-onestà, fuq is-sens ta’ responsabbiltà, ta’ kull minn jaħdem fil-mass media: edituri, kittieba, produtturi, diretturi, kittieba ta’ drammi, korrispondenti, kummentaturi, atturi”.[177]  Għalhekk hu dmir ukoll tal-Knisja li tkompli tieħu ħsieb dawn l-operaturi, hija u tqawwi l-qalb u tgħin, fl-istess ħin, lil dawk il-kattoliċi li jħossu li huma msejħin, u għandhom il-kwalitajiet meħtieġa biex jimpennjaw ruħhom f’qasam li jitlob għaqal kbir u huwa mportanti ħafna.

 

 

IV.  IL-PASTORALI TA’ FAMILJI F’QAGĦDIET DIFFIĊLI

 

77.  Ċirkostanzi partikolari

 

Hu meħtieġ ukoll impenn pastorali aktar ġeneruż, aktar għaqli w inteliġenti fuq l-eżempju tar-Ragħaj it-tajjeb, ma’ dawk il-familji li ― spiss kontra r-rieda tagħhom jew għax magħfusin min ħtiġijiet ta’ kull xorta ― jinsabu f’qagħdiet fihom infushom diffiċli ħafna.

 

Għalhekk jeħtieġ insemmu xi kategoriji partikolari ta’ familji li jeħtieġu mhux biss għajnuna għalihom, imma jistennew ħidma aktar qawwija fuq l-opinjoni pubblika u l-aktar fuq l-istrutturi kuturali, ekonomiċi u ġuridiċi tas-soċjetà biex, kemm jista’ jkun,jiġu mwarrba l-kawżi kbar tal-qagħda ħażina tagħhom.

 

Dawn il-kategoriji huma, biex insemmu xi eżempji, il-familji li jħallu pajjiżhom biex ifittxu xogħol f’pajjiż ieħor, il-familji ta’dawk li jkollhom  iżommu ruħhom bogħod mill-familja għal żminijiet twal, bħas-suldati, baħħara, udawk li għal xi raġuni jew oħra dejjem iridu jmorru minn post għal ieħor; il-familji tal-ħabsin, tar-rifuġjati, ta’ l-eżiljati; il-familji ta’ dawk li, fi bliet il-kbar tad-dinja, qegħdin isibu ruħhom imwarrbin għal kollox; il-familji li ma għandhomx dar fejn joqogħdu; il-familji bla qraba jew fejn wieħed mill-ġenituri hu nieqes, jew drogati; il-familji ta’ dawk li jagħtuha għax-xorb, ta’ dawk li sabu ruħhom imqaċċtin mill-ambjent kulturali u soċjali tagħhom jew f’periklu li jqaċċtu, il-familji li jġarrbu diskriminazzjoni minħabba raġunijiet politiċi jew raġunijiet oħrajn; il-familji mifruda minħabba l-ideoloġiji; il-familji li mhix ħaġa ħafifa għalihom li jżommu kuntatt mal-parroċċa; il-familji li jġarrbu vjolenza u trattament ħażin minħabba twemminhom; il-familji ta’ ġenitri taħt l-età; ix-xjuħ li ta’ spiss huma mġegħlin igħixu ħajja waħedhom, mingħajr ma għandhom biżżejjed biex jgħixu.

 

Il-familja ta’ l-emigranti, speċjalment dawk tal-ħaddiema u tal-bdiewa, għandhom isibu kullimkien fil-Knisja art twelidhom.  Dan hu dmir li jaqbel man-natura tal-Knisja, għaliex hi sinjal ta’ għaqda fid-diversità.  Kemm jista’ jkun dawn il-familji għandu jkollom l-għajnuna ta’ saċerdoti ta’ l-istess rit, kultura u lsien tagħhom.  Hu dmir tal-Knisja wkoll tappella lill-kuxjenza tan-nies u lill-dawk kollha li għandhom l-awtorità fil-ħajja soċjali, ekonomika u politika biex il-ħaddiema jsibu xogħol f’art twelidhom, biex ikollhom salarju ġust, biex il-familji ma jdumux ma jinġabbru flimkien, biex jitqiesu skond ma huma fid-dawl tal-kultura tagħhom biex ikollhom l-istess trattament bħall-oħrajn, u wliedhom ikollhom kull opportunità li jirċievu edukazzjoni professjonali u jeżerċitaw il-professjoni tagħhom, u biex ikollhom ukoll dik l-art li jeħtieġu  biex jaħdmu u jgħixu.

 

Problema diffiċli hi dik ta’ familji  mifrudin fihom infushom minħabba ideoloġiji.  F’dan il-każ hi meħtieġa ħidma pastorali tassew speċjali.  Qabel xejn, bil-għaqal kollu, wieħed irid iżomm kuntatt ma’ familji bħal dawn.  Dawk li jemmnu għandhom jiġu msaħħin fil-fidi u megħjunin biex jgħixu ħajja nisranija.  U jekk min hu fidil għat-twemmin kattoliku qatt ma jista’ jċedi fuq dan, id-djalogu man-naħa l-oħra jaqbel dejjem li jibqa’ sejjer.  Għandhom jitkattru s- sinjali tar-rispett  u ta’ l-imħabba, bit-tama sħiħa li tibqa’ sseħħ il-għaqda bejniethom.  Jiddependi ħafna wkoll mir-relazzjonijiet bejn il-ġenituri u l-ulied.  Madankollu l-ideoloġiji maqtugħin mill-fidi jistgħu jqanqlu ‘l min jemmen fil-familja biex jikber fil-fidi u jagħti  xhieda ta’ mħabba.

 

Mumenti diffiċli oħra, li fihom il-familja tkun teħtieġ l-għajnuna tal-komunità ekkleżjali u tar-ragħajja tagħha, jistgħu jkunu: iż-żgħożija ta’ wlied bla kwiet u kollha protesti xi kultant qawwija ħafna; iż-żwieġ ta’ wlied, li jaqtagħhom mill-familja li fija twieldu u trabbew; in-nuqqas ta’ ftehim jew in-nuqqas ta’ mħabba ma’ dawk li huma meqjusin l-aktar għeżież; it-tluq ‘il bogħod jew ma’ ħaddieħor jew il-mewt ta’ wieħed mill-miżżewġin, ħaġa li tagħti bidu għat-tiġrib ta’ min jormol jew ta’ familja li ma tibqax dik li kienet fil-bidu minħabba li xi ħadd fiha jfarrakha jew iġib bidla kbira fiha.

 

U l-Knisja lanqas tista’ tittraskura ż-żmien tax-xjuħija, bit-tajjeb u l-ħażin kollu tagħha: fix-xjuħija l-imħabba tal-miżżewġin bejniethom tagħmel egħruq aktar fil-fond għax tissaffa u titjieb miż-żmien twil ta’ fedeltà li qatt ma ġiet nieqsa; il-miżżewġin xjuħ jistgħu joffru lill-oħrajn, f’sura ġdida, it-tjieba kollha u l-għerf kollu li kisbu tul iż-żmien u s-saħħa kollha li jkun baqgħalhom, minn-naħa l-oħra  x-xjuħ jistgħu jġarrbu l-piż tal-fatt li jisfaw waħedhom, piż aktarx li jiġi mhux tassew ikunu waħedhom, imma għax jaħsbu li kulħadd qiegħed jinsihom u ħadd ma għadu jħobbhom, u dan għaliex uliedhom jew qrabathom jabbandunawhom jew ma jeħdux ħsiebhom biżżejjed.  Ix-xjuħ jistgħu jbatu jew jimirdu, għax tibda tonqoshom saħħithom bil-mod il-mod, għax isibu ruħhom iridu kollox minn ħaddieħor, għax jibdew iħossu ruħhom ta’ piż għall-għeżież tagħhom, għax iħossu qrib it-tmiem ta’ ħajjithom.  Huma dawn l-okkażjonijiet li fihom ― kif taw x’jifhmu l-isqfijiet fis-Sinodu ― wieħed ifiehem aktar malajr u jħajjar għall-għixien ta’ dawk l-aspetti l-aktar għoljin ta’ l-ispiritwalità taż-żwieġ u tal-familja, li joħorġu mis-siwi tas-Salib u tal-qawmien ta’ Kristu, għajn ta’ qdusija u ta’ hena bla qies fil-ħajja ta’ kuljum, fid-dawl tal-veritajiet tal-ħajja ta’ dejjem li għandha tiġi.

 

F’dawn il-qagħdiet kollha qatt ma għandu jonqos it-talb, għajn ta’ faraġ, ta’ qawwa u ta’ manteniment tat-tama nisranija.

 

 

78.  Iż-żwiġijiet imħalta

 

L-għadd dejjem jikber ta’ żwiġijiet ta’ kattoliċi ma’ mgħammdin oħra, u ta’ nsara  ma’ min mhux mgħammed, jitlob ukoll ħidma pastorali speċjali fid-dawl  tad-direttivi u r-regolamenti, li jinsabu fl-aħħar dokumenti tas-Santa Seda u f’dawk li ħejjew il-Konferenzi Episkopali, biex jiġu applikati dawn id-direttivi skond iċ-ċirkustanzi tal-post li jkun.

 

 Il-koppji li qegħdin igħixu żwieġ imħallat għandhom ħtiġijiet speċjali li nistgħu niġbruhom fi tliet punti:

 

Iridu jinżammu l-ewwelnett quddiem għajnejna id-dmirijiet ġejjin mill-fidi tal-parti kattolika, dwar dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ l-istqarrija tal-fidi tagħha, u d-dmir li għandha, minħabba dan, li taħseb, skond ma tista’, biex tgħammed u trabbi l-ulied fil-fidi kattolika.[178]

 

Wieħed irid iżomm quddiem għajnejh ukoll id-diffikultajiet partikulari tar-relazzjonijiet tal-mara u r-raġel bejniethom f’dak li għandu x’jaqsam mar-rispett għal-libertà reliġjuża tat-tnejn: din tista’ tiġi mhedda kemm permezz ta’ pressjoni żejda biex parti tibdel il-fehmiet reliġjużi tagħha, u kemm permezz ta’ tifxkil li jsir ‘il-parti li turi  b’mod ħieles dawn il-fehmiet bil-prattika tar-reliġjon.

 

Dwar il-forma kanonka u liturġika taż-żwieġ, l-Ordinarji jistgħu jagħmlu l-użu kollu li jridu mill-fakultajiet li għandhom skond il-ħtieġa li tkun.

 

Meta jitqiesu l-ħtiġijiet speċjali li jkun hemm, wieħed għandu jżomm dan quddiem għajnejh:

 

fit-thejjija għal żwieġ bħal dan, għandu jsir kull sforz xieraq biex id-duttrina kattolika dwar iż-żwieġ  u dak li jitlob iż-żwieġ tiftiehem sewwa, u biex wieħed ikun żgur li fil-ġejjieni mhux se jinħolqu la dik il-pressjoni u la dak it-tfixkil li semmejna hawn fuq;

Hu importanti ħafna li, bl-għajnuna tal-komunità, il-parti kattolika tissaħħaħ fil-fidi u jkollha verament għajnuna biex tasal li tiftiehem sewwa u tgħix il-fidi nisranija, b’mod li ssir  tassew xhud ta’ min jemmnu fi ħdan il-familja, bl-eżempju tal-ħajja li tgħix u l-imħabba li turi lill-parti l-oħra u lill-ulied.

 

Iż-żwieġijiet bejn kattoliċi u mgħammdin oħra, minkejja s-sura speċjali tagħhom, għandhom ħafna kwalitajiet li jeħtieġ li wieħed  jara s-siwi tagħhom u jiżviluppahom, kemm minħabba l-valuri tagħhom fihom infushom, kemm minħabba l-għajnuna li jistgħu jagħtu lill-moviment ekumeniku. Dan hu tassew minnu meta l-miżżewġin it-tnejn iħarsu bir-reqqa d-dmirijiet reliġjużi tagħhom.  Il-Magħmudija tagħhom u l-qawwa tal-grazzja, f’dawn iż-żwiġijiet, huma għall-miżżewġin il-pedament u r-raġuni biex juru fehma waħda bejniethom fil-qasam tal-valuri morali u spiritwali.

 

Għal dan il-għan, biex tidher ukoll l-importanza ekumenika ta’ żwieġ bħal dan li miżżewġin jgħixuh sħaħ fil-fidi tagħhom, wieħed għandu jfittex ― għalkemm dan mhux dejjem ikun ħaġa ħafifa ― li jkun hemm ħidma flimkien bejn il-ministru kattoliku u dak mhux katoliku, sa minn żmien it-thejjija għaż-żwieġ u fiż-żwieġ stess.

 

Dwar it-tqarbin tal-parti mhux kattolika, wieħed irid jimxi skond id-direttivi mogħtijin mis-Segretarjat għall-għaqda ta’ l-insara.[179]

 

F’ħafna postijiet fid-dinja llum wieħed jinnota li qiegħed jikber in-numru ta’ żwiġijiet ta’ kattoliċi ma’ min mhux mgħammed.  Ħafna drabi il-parti mhux kattolika tħaddan reliġjon oħra u l-fehmiet tagħha jeħtieġulhom kull rispett, skond il-prinċipji tad-Dikjarazzjoni Nostra Aetate tal-Konċilju Vatikan II dwar ir-relazzjonijiet tal-Knisja mar-reliġjonijiet mhux insara.  Iżda f’ħafna żwiġijiet oħra, l-aktar fis-soċjetajiet sekolarizzati, il-persuna mhux mgħammda ma tkun tħaddan ebda reliġjon.  Għal dawn iż-żwiġijiet jeħtieġ li l-Konferenzi Episkopali u kull isqof jagħtu  direttivi pastorali xierqa, biex iħarsu l-fidi tal-parti kattolika u l-istqarrija ħielsa tagħha, u l-aktar dwar dak li għandu x’jaqsam mad-dmir tal-parti kattolika li tagħmel kulma tista’ biex l-ulied jitgħammdu fil-Knisja kattolika u jirċievu edukazzjoni kattolika.  Il-parti kattolika għandu jkollha kull għajnuna biex fi ħdan il-familja tagħha tagħti xhieda ħajja ta’ fidi u ta’ ħajja kattolika.

 

 

79.  Ħidma pastorali f’każijiet mhux regolari

 

Is-Sinodu tal-isqfijiet, fil-ħerqa li kellu biex iħares lill-familji fid-dimensjoni kollha tagħha u mhux fl-aspett reliġjuż biss, ma naqasx li jqis bil-għaqal kollu xi qagħdiet li fid-dawl tar-reliġjon, u kultant skond il-liġi ċivili wkoll, mhumiex regolari, qagħdiet li, fiż-żmenijiet tal-lum li fihom qiegħed isir tant tibdil mgħaġġel fil-kultura tal-bniedem, qegħdin jixterdu ħafna fost il-kattoliċi bi ħsara mhux żgħira għall-istess familja u għas-soċjetà, li tagħha l-familja hi ċellula ewlenija.

 

80.  (a)  Żwiġijiet bi prova

 

L-ewwel qagħda mhux regolari li se nsemmu hija dik li nistgħu nsejħu ta’ “żwieġ bi prova”, ħaġa li llum ħafna jippruvaw juruha bħala xierqa, għaliex għandha xi siwi fiha.  L-istess raġuni tal-bniedem tagħtina x’nifhmu kemm ma jistax ikun li tiġi milqugħa ħaġa bħal din, għaliex ir-raġuni stess turina li ma tantx jista’ jikkonvinċih il-fatt li tagħmel “prova” jew “esperiment” fuq bniedem li, minħabba d-dinjità tiegħu ta’ bniedem li hu, jekk se tingħatalu l-imħabba, din għandha tinghata biss u dejjem lilu, bla ebda limiti la ta’ żmien u lanqas ta’ ċirkustanzi.

 

Min-naħa tagħha l-Knisja ma tistax tammetti rabtiet ta’ din is-sura għal ħafna raġunijiet oħra speċjali li ġejjin mill-fidi.  Minn naħa waħda, l-għoti tal-ġisem fl-att taż-żwieġ hu veru simbolu tal-għoti tal-persuna kollha kemm hi, bir-ruħ u l-ġisem: għoti bħal dan, fil-ħajja kif iridha Alla, ma jistax iseħh jekk ma jkunx hemm dik l-imħabba vera, li tiġi minn Kristu.  Min-naħa l-oħra, iż-żwieġ bejn tnejn mgħammdin hu veru simbolu tal-għaqda ta’ Kristu mal-Knisja, għaqda li mhijiex għal ftit taż-żmien jew “bi prova” imma għaqda għal dejjem, b’fedeltà sħiħa; bejn tnejn mgħammdin ma jistax ikun hemm ħlief żwieġ li ma jinħall qatt.

 

Qagħda bħal din, bħala regola, ma ssibilhiex tarf jekk min ikun, sa minn tfulitu, bl-għajnuna tal-grazzja ta’ Kristu, u bla biża’ ta’ xejn, ma ġiex imrawwem biex jaħkem fuq il-ġibdiet tal-ġisem malli jibda jħosshom u biex iżomm ma’ l-oħrajn relazzjonijiet ta’ vera mħabba.  Dan ma jinkisibx minghajr edukazzjoni għall-vera mħabba u għall-użu tajjeb tas-sesswalità b’mod li twassal lill-bniedem, fil-milja kollha tiegħu ta’ bniedem li hu, u għalhekk ukoll f’dak kollu li għandu x’jaqsam ma’ ġismu, għall-milja kollha tal-misteru ta’ Kristu.

 

Tkun ħaġa tajba kieku wieħed jitkixxef x’qiegħed iwassal għal dan, ukoll mill-aspett psikoloġiku tal-ħaġa, biex tinstab kura adatta għalih.

 

 

81.  (b)  Għaqdiet bla ebda rabta

 

Dawn huma għaqdiet bla ebda rabta magħrufa uffiċjalment la mill-istat u l-anqas mill-Knisja.  Dan il-fenomenu ― li miegħu wkoll niltaqgħu ta’ spiss ― ma jistax ma jiġbidx l-attenzjoni tar-ragħajja ta’ l-erwieħ, ukoll għaliex ir-raġunijiet jistgħu jkunu ta’ ħafna xorta, u li kieku wieħed jagħmel xi ħaġa biex jegħlibhom, jista’ jnaqqas ħafna l-konsegwenzi ta’ dan il-fenomenu.

 

Xi wħud isibu ruħhom imġegħlin ifittxu għaqda bħal din minħabba qagħdiet diffiċli ekonomiċi, kulturali u reliġjużi: jekk jiżżewġu jistgħu jġarrbu ħsarat kbar, jitilfu l-vantaġġi ekonomiċi li jkollhom, ibatu diskriminazzjoni u l-bqija.  X’uħud imbagħad ifittxu din is-sura ta’ għaqda bi spirtu ta’ stmerrija, ta’ protesta, ta’ twarrib tas-soċjetà, tal-familjari u ta’ l-ordni politiku-soċjali li jkun, jew biss għall-gost u l-pjaċir.  Uħud imbagħad huma mġagħlin ifittxu għaqda bħal din mill-injoranza u l-faqar kbir tagħhom li fih, xi kultant, jinsabu minħabba qagħdiet verament inġusti jew ukoll għaliex ikunu għad ma żviluppawx il-psikoloġija tagħhom u għalhekk ma jkunux żguri minnhom infushom u jibżgħu jintrabtu b’rabta għal dejjem li ma tinħall qatt.  F’xi pajjiżi mbagħad id-drawwiet tal-post iridu li jkun veru żwieġ biss wara li r-raġel u l-mara jkunu marru jgħixu flimkien għal xi żmien u tkun twieldet l-ewwel tarbija.

 

Kull waħda minn dawn ir-raġunijiet toħloq għall-Knisja problemi pastorali serji, minħabba l-konsegwenzi kbar li jġibu, sew reliġjużi u sew morali (it-telfien tas-sens reliġjuż fid-dawl tal-patt ta’ Alla mal-poplu tiegħu, iċ-ċaħda tal-grazzja tas-sagrament, l-iskandlu kbir li jagħtu) u sew ċivili (tiqered l-idea tal-familja; jiddgħajjef is-sens ta’ fedeltà lejn is-soċjetà wkoll; l-ulied jista’ jkollhom kriżijiet psikoloġiċi, jaħkem l-egoiżmu).

 

Hu dmir ir-ragħajja tal-erwieħ u tal-komunità ekkleżjali li jagħrfu dawn l-qagħdiet u x’ġagħalhom iseħħu, kull każ għalih; javviċinaw bil-għaqal u  bir-rispett kollu lil min qiegħed jgħix f’din il-qagħda, ifehmuhom bis-sabar kollu u jikkoreġuhom b’imħabba kbira, jagħtuhom xhieda ta’ vera ħajja tal-familja, u hekk iwittulhom it-triq biex jasslu ħa jirregolaw il-qagħda tagħhom.  Imma fuq kollox trid issir ħidma kbira biex ma jinħoloqx qagħdiet bħal dawn, billi fl-edukazzjoni reliġjuża u morali li tingħata liż-żgħażagħ jitrawwem is-sens tal-fedeltà, jingħatalhom tagħrif dwar l-istrutturi u l-kondizzjonijiet meħtieġa għal din il-fedeltà, li mingħajra ma hemmx libertà vera, u jkollhom l-għajnuna meħtieġa ħa jikbru spiritwalment u jaslu biex jifhmu x’għana bla qies, sew naturali u sew spiritwali, hemm verament fiż-żwieġ sagrament.

 

Il-Poplu ta’ Alla għandu wkoll jagħmel ħiltu ma’ l-awtoritajiet ta’ l-istat biex iżommu iebes għal dawn it-tendenzi li jwasslu għat-tiġrif tas-soċjetà u huma ta’ ħsara għad-dinjità, għas-sigurtà u għall-ġid ta’ kull ċittadin, u biex iħabirku wkoll ħalli l-opinjoni pubblika ma tasalx biex ma tqisx biżżejjed is-siwi u l-importanza ta’ l-istituzzjoni taż-żwieġ u tal-familja.  U għaliex f’ħafna postijiet, minħabba l-faqar kbir kawżat minn strutturi ekonomiko-soċjali inġusti u mhux adatti, iż-żgħażagħ ma jistgħux jiżżewġu kif xiraq, is-soċjetà u l-awtoritajiet ċivili għandhom igħinu ż-żwiġijiet leġittimi billi jiggarantixxu s-salarju familjari, jagħtu direttivi dwar djar adatti għall-ħajja tal-familja u joħolqu kundizzjonijiet xierqa għax-xogħol u għall-ħajja.

 

 

 

82.  (ċ)  Kattoliċi miżżewġin bi żwieġ ċivilil biss

 

Qiegħed jikber dejjem aktar l-għadd ta’ kattoliċi li, minħabba raġunijiet ideoloġiċi jew prattiċi, qegħdin jippreferixxu ż-żwieġ ċivili u jwarrbu jew iħallu għal aktar tard iż-żwieġ reliġjuż.  Il-qagħda tagħhom ma għandniex  inqisuha bħal dik  ta’ dawk li qegħdin  igħixu flimkien bla ebda rabta bejniethom, għaliex f’dan il-każ hemm almenu sura ta’ mpenn u stat ta’ ħajja li jista’ jibqa’, ukoll jekk f’każijiet bħal dawn spiss ma jkunx nieqes il-ħsieb tad-divorzju jekk ikun il-każ.  Dawn il-koppji, għaliex qegħdin ifittxu għarfien pubbliku ta’ rabta ta’ bejniethom, juru li jridu, flimkien mal-vantaġġi, jaċċettaw ukoll id-dmirijiet.  B’danakollu, ir-rabta tagħhom il-Knisja ma tistax taċċettaha.

 

Il-ħidma pastorali trid tasal biex iġġiegħel lil dawn l-insara jifhmu li l-għażla li għamlu tal-ħajja għandha tkun taqbel mal-fidi li jistqarru; il-ħidma pastorali li trid tagħmel kulma jista’ jkun biex dawn in-nies jirregolaw il-qagħda tagħhom fid-dawl tal-prinċipji nsara.  Ir-ragħajja ta’ l-erwieħ, waqt li jittrattaw dawn in-nies bl-imħabba kollha, u jħeġġuhom biex jinteressaw ruħhom fil-ħajja tal-komunità li fiha jinsabu, ma jistgħu qatt jammettuhom għas-sagramenti.

 

 

83.  (d)  Separati u divorzjati mhux miżżewġin mill-ġdid

 

Ħafna raġunijiet , bħalma huma n-nuqqas ta’ ftehim bejn il-miżżewġin jew in-nuqqas ta’ ħila li jkollhom relazzjonijiet personali bejniethom u l-bqija, jistgħu jwasslu biex jitfarrak żwieġ validu li mbagħad forsi ma jissewwa qatt. Hu x’inhu, is-separazzjoni għandha dejjem titqies bħala l-aħħar soluzzjoni, meta kull soluzzjoni oħra tidher li hi għallxejn.

 

Min isib ruħu f’qagħda ta’ separazzjoni, u l-aktar jekk dan ma jkunx ħtija tiegħu, aktarx se jsib  ruħu għal kollox waħdu, barra ħafna diffikultajiet oħra li jista’ jkun hemm.  F’każ bħal dan il-komunità ekkleżjali għandha kemm tista’ tieqaf ma’ dak li jkun; turih stima kbira, tqawwilu qalbu, tifhmu u tgħinu verament biex ikun jista’ jibqa’ fidil għaż-żwieġ tiegħu minkejja l-qagħda iebsa li fiha jkun jinsab; tgħinu jqawwi fih il-ħtieġa tal-maħfra li hi proprja tal-imħabba nisranija u żżomm dejjem lest biex jerġa’ jibda l-ħajja taż-żwieġ ta’ qabel, jekk tiġih l-okkażjoni.

 

Fl-istess qagħda jsib ruħhu min iġarrab divorzju, iżda, għaliex jaf li żwieġ validu ma jitħassar qatt, ma jitħajjarx għal żwieġ ieħor u minflok jimpennja ruħu biss biex jaqdi dmirijietu fil-familja skond ma titlob il-ħajja nisranija. F’każ bħal dan l-eżempju tal-fedeltà tiegħu u l-imġieba tiegħu skond l-ispirtu nisrani, tikseb valur kbir ta’ xhieda quddiem id-dinja u l-Knisja; f’dan il-każ hi wisq aktar meħtieġa mill-Knisja xhieda ta’ mħabba u ta’ għajnuna li ma tieqaf qatt; nies bħal dawn jistgħu jersqu għas-sagramenti bla ebda tfixkil.

 

 

84.  (e)  Divorzjati miżżewġin mill-ġdid

 

Iżda minn dak li qiegħed jiġri kuljum jidher li min ifittex id-divorzju għandu aktarx fi ħsiebu żwieġ ieħor, iżda mhux bir-rit tal-Knisja kattolika.  Din hi pjaga li, bħal pjagi oħra, qiegħeda tixtered dejjem aktar ukoll fost il-kattoliċi u għalhekk hi problema li trid tiġi studjata mingħajr aktar telf ta’ żmien.  L-Isqfijiet fis-Sinodu studjaw direttament din il-problema.  Il-Knisja, imwaqqfa biex twassal għas-salvazzjoni lill-bnedmin kollha u l-aktar  ‘l-imgħammdin, ma tistax titlaq għar-rashom lil dawk li, wara li kienu ntrabtu biż-żwieġ sagrament, kellhom ifittxu żwieġ ieħor.  Għalhekk il-Knisja għandha tħabrek bla ma tieqaf biex twasslilhom il-mezzi tagħha għas-salvazzjoni tagħhom.

 

Ir-ragħajja ta’ l-erwieħ għandhom ikunu jafu, f’ġieħ il-verità, jagħżlu sewwa bejn qagħda u oħra.  Hemm differenza bejn dawk li bis-sinċerità kollha għamlu minn kollox biex isalvaw l-ewwel żwieġ u sabu ruħhom abbandunati għal kollox inġustament, u dawk li bi ħtija kbira tagħhom farrku żwieġ validu skond il-liġi tal-Knisja. Hemm imbagħad dawk li fittxew żwieġ ieħor minħabba l-edukazzjoni ta’ wliedhom, u xi kultant huma konvinti, fil-kuxjenza tagħhom, li ż-żwieġ ta’ qabel, imfarrak għal kollox, qatt ma kien validu.

 

Flimkien mas-Sinodu, inħeġġeġ ir-ragħajja tal-erwieħ u l-komunità kollha tal-fidili biex jgħinu lid-divorzjati, billi b’imħabba ħerqana juruhom li mhumiex mifrudin mill-Knisja, u jistgħu , anzi għandhom, bħala mgħammdin, jieħdu sehem fil-ħajja tal-Knisja.  Huma mħeġġin jisimgħu l-Kelma ta’ Alla, imorru għall-Quddies, jipperseveraw fit-talb, ikattru l-egħmejjel tagħhom ta’ mħabba u jgħinu ħa jissaħħu l-inizjattivi favur il-ġustizzja tal-komunità li fiha jinsabu, iqawwu fihom l-isprtu u l-egħmejjel ta’ penitenza biex hekk kuljum jitolbu ‘l Alla l-grazzja tiegħu.  Il-Knisja titlob għalihom, twettaqhom bħala omm, turihom ħniena u ssaħħaħhom fil-fidi u t-tama.

 

Iżda l-Knisja ssostni d-drawwa tagħha, mibnija fuq l-iskrittura, li ma tippermettix li d-divorzjati miżżewġin mill-ġdid jersqu għat-tqarbin.  Minnhom ġej li ma jistgħux jersqu jitqarrbnu, għax il-qagħda u l-kundizzjoni tagħhom hi fiha nfisha għal kollox kuntrarja għall-għaqda ta’ mħabba ta’ Kristu għall-Knisja tiegħu, imħabba li tfisser u sseħh fl-Ewkaristija.  Hemm imbagħad raġuni pastorali oħra serja ħafna: jekk dawn id-divorzjati jkunu jistgħu jitqarbnu,il-fidili jistgħu jitqarrqu u jitħawdu dwar it-tagħlim tal-nisja fuq iż-żwieġ li ma jinħall qatt.

 

Ir-rikonċijazzjoni permezz tas-sagrament tal-penitenza ― rikonċiljazzjoni li tiftħilhom it-triq għat-tqarbin ―tista’ tigħata biss lil dawk li, sogħbenin għax kisru s-sinjal tal-Patt u tal Fedeltà lejn Kristu, lesti jgħixu bis-sinċerità kollha, ħajja li ma tmurx aktar kontra l-fatt li ż-żwieġ ma jitħassar qatt.  Dan il-fatt ifisser li r-raġel u l-mara li għall-raġunijiet serji ― bħalma hi, l-edukazzjoni tat-tfal ― ma jistgħux jinfirdu minn xulxin, “jimpennjaw ruħhom li jgħixu ħajja ta’ kontinenza sħiħa, jiġifieri jiċċaħdu minn kull att ta’ żwieġ bejniethom”.[180]

 

Fl-istess ħin ir-rispett li għandu jkun hemm għas-sagrament taż-żwieġ, ir-rispett li għandu jintwera lill-koppja u lil qrabatha, kif ukoll ir-rispett lejn il-komunità tal-fidili, ma jippermettu qatt lil ebda kappillan, tkun xi tkun ir-raġuni jew huma x’inhuma r-raġunijiet pastorali, li jagħmel xi ċeremonja favur divorzjati li se jerġgħu jiżżewġu.  B’dan ikun qieghed jagħti l-impressjoni li qiegħeda ssir ċelebrazzjoni ta’ żwieġ ieħor validu u għalhekk iwassal għall-fehmiet qarrieqa li żwieġ validu jista’ xi darba jinħall.

 

Meta timxi hekk il-Knisja tkun qiegħda tistqarr il-fedeltà tagħha lejn Kristu u lejn il-verità tiegħu: fl-istess ħin tkun qiegħda ġġib ruħha bħal omm ma’ dawn uliedha, speċjalment ma’ dawk li, bla ħtija tagħhom, isibu ruħhom abbandunati minn żwieġhom.

 

Bil-qawwa kollha, il-Knisja temmen li, dawk ukoll li tbiegħdu mill-kmandamenti tal-Mulej u qegħdin jgħixu f’qagħda bħal din, jistgħu jiksbu mingħand Alla l-grazzja tal-konverżjoni u tas-salvazzjoni, jekk jibqgħu sħaħ fit-talb, fil-penitenza  u fl-imħabba.

 

 

85.  (f)  Dawk bla familja

 

Nixtieq inżid kelma oħra fuq dawk in-nies li, minħabba l-qagħda li fil-fatt isibu ruħhom fiha ― spiss mingħajr ma riduha ― inqishom qegħdin b’mod speċjali qrib il-Qalb ta’ Kristu u jistħoqqilhom għalhekk verament l-imħabba u l-ħerqa tal-Knisja u tar-ragħajja ta’ l-erwieħ.

 

Hemm fid-dinja ħafna u ħafna nies li bl-ebda mod ma jistgħu jgħidu li huma membri  ta’ dik li verament hi familja.  Oqsma kbar ta’ bnedmin qegħdin jgħixu f’qagħda ta’ faqar kbir, qagħda fejn it-taħlit tas-sessi, in-nuqqas tad-djar, il-mod li bih iseħħu r-relazzjonijiet bejn raġel u mara, mod xejn regolari u bla ebda rbit, in-nuqqas sħiħ  tal-kultura, iwasslu biex wieħed ma jkunx jistà verament jitkellem fuq familja.  Imbagħad hemm nies oħrajn li għal raġuni jew oħra, sfaw waħedhom fid-dinja.  Iżda għal dawn kollha wkoll hemm il-“bxara t-tajba tal-familja”.

 

Ġa tkellimt favur dawk li qegħdin jgħixu  f’faqar kbir u semmejt il-ħtieġa li bla dewmien, bi tħabrik qalbieni, jinstabu soluzzjonijiet, fuq livell politiku wkoll, li jaslu biex igħinuhom jegħlbu din il-qagħda li tbaxxihom għal kollox.  Hu dmir li jolqot is-soċjetà kollha kemm hi, iżda b’mod speċjali lil min għandu awtorità, minħabba s-setgħa li għandu u r-responsabbiltà li ġġib magħha; jolqot ukoll lill-familji li għandhom juru mogħdrija kbira u rieda sħiħa li jgħinu.

 

Dawk li ma għandhomx il-familja naturali tagħhom, jeħtieġ jinfetħulhom dejjem aktar beraħ il-bibien ta’ dik il-familja kbira li hi il-Knisja, li turi ruħha fil-fatt bħala familja kemm fid-djoċesi, kemm fil-parroċċi u kemm fil-komunitajiet żgħar ta’ gruppi ta’ nsara, u fil-movimenti ta’ l-appostolat.  Ħadd ma hu nieqes mill-familja fid-dinja: il-Knisja hi dar u familja għal kulħadd, speċjalment għal dawk li huma “mħabbtin u mtaqqlin”.[181]

 


 

EGĦLUQ

 

 

Fikom, miżżewġin, fikom missirijiet u ommijiet tal-familja; fikom, ġuvintur u xebbiet, li intom il-ġejjieni u t-tama tal-Knisja u tad-dinja, li għad tkunu l-qofol, kollkom ħeġġa u qawwija, tal-familja fit-tielet elf sena li ġejjin;

 

fikom, ħuti, meqjuma fl-episkopat u fis-saċerdozju, fikom għeżież reliġjużi rġiel u nisa, erwieħ ikkonsagrati lil Alla, li tagħtu xhieda lill-miżżewġien ta’ x’se tkun fl-aħħar verament l-imħabba għal Alla;

 

fikom ilkoll, bnedmin ta’ rieda tajba, li għal raġuni jew oħra, intom imħassbin dwar ix-xorti tal-familja;

 

fikom, b’ħerqa liema bħala, jiena naħseb fi tmiem din l-eżortazzjoni appostolika tiegħi.

 

 

IL-ĠEJJIENI TAL-BNIEDEM JIDDEPENDI  MILL-FAMILJA

 

 

Hu għalhekk meħtieġ, u dan minnufih, li kull bniedem ta’ rieda tajba jimpennja ruħu ħa jsalva u jġib ‘l quddiem il-valuri u l-ħtiġijiet tal-familja.

 

U nħossni fid-dmir li għandi  nitlob lil ulied il-Knisja sforz speċjali f’dan il-qasam.  Huma, li  bil-fidi tagħhom jagħrfu bis-sħiħ il-pjan tal-għaġeb ta’ Alla, għandhom raġuni aqwa biex ikollhom għal qalbhom x’inhi verament il-familja f’dan iż-żmien tagħna ta’ prova u ta’ grazzja.

 

Huma għandhom iħobbu b’mod speċjali ‘l-familja.  Dan hu ordni li jitlob minn għandhom ħidma konkreta bis-sħiħ.

 

Tħobb ‘il-familja jfisser tagħraf tirrispettalha l-valuri tagħha u dak kollu li tista’ tagħmel billi dejjem aktar iġġibhom ‘il quddiem.  Tħobb ‘l familja jfisser tagħraf il-perikli u d-deni li qegħdin ihedduha, biex tegħlibhom.  Tħobb ‘il-familja jfisser tħabrek li toħolqilha ambjent li jgħinha tiżviluppa.  U barra dan, hi sura mill-aqwa ta’ mħabba li terġa’ tagħti lill-familja nisranija tal-lum, spiss imġarba min-niket u qtiegħ il-qalb minħabba d-difikultajiet li żdidulha, fiduċja sħiħa fiha nfisha, fl-għana tagħha li tikseb min-natura u mill-grazzja, fil-missjoni li Alla fdalha.  “Jeħtieġ li l-familji ta’ żmienna jogħlew ‘il fuq!  Jeħtieġ jimxu wara Kristu!”[182]

L-insara għandhom ukoll id-dmir li jxandru bil-ferħ u bil-konvinzjoni l-“bxara t-tajba” fuq-il-familja, li teħtieġ għal kollox tisma’ dejjem mill-ġdid u tifhem dejjem aktar fil-fond il-kliem veru li juriha x’inhi, x’qawwa għandha fiha nfisha, x’inhi l-importanza tal-missjoni tagħha fil-“Belt tal-bniedem” u “fil-Belt ta’ Alla”.

 

Il-Knisja taf liema hi t-triq li l-familja trid tgħaddi minnha ħa tasal fil-qalb tal-verità sħiħa tagħha.  Din il-verità l-Knisja tgħallmitha fl-iskola ta’ Kristu u fl-iskola ta’ l-istorja, imfissra fid-dawl ta’ l-Ispirtu s-Santu.  Din il-verità, il-Knisja ma timponiha fuq ħadd, imma tħoss  fiha nfisha l-ħtieġa li bla heda tgħarrafha ‘l kulħadd bla biża’, anzi b’fiduċja u tama kbira, waqt li taf li “l-Bxara t-Tajba” tħaddan ukoll is-Salib.  Iżda hu biss permezz tas-Salib li l-familja tista’ tasal għall-milja ta’ dak li ‘hi’ u għall-perfezzjoni ta’ mħabbitha.

 

Nixtieq fl-aħħarnett nistieden lill-insara kollha biex jaħdmu bil-qalb u bil-kurraġġ flimkien mal-bnedmin kollha ta’ rieda tajba li qegħdin igħixu r-responsabbiltà tagħhom fis-servizz tal-familja. Dawk kollha li jgħatu ruħhom għall-ġid tal-familja fi ħdan il-Knisja, imħeġġin minnha u f’isimha, kemm jekk huma  individwi jew  gruppi, movimenti  jew assoċjazzjonijiet, spisss isibu  msebħin magħhom nies u istituzzjonijiet oħra bl-istess idejal tagħhom.  B’fedeltà sħiħa għall-valuri tal-Evanġelju u tal-bniedem, b’rispettt sħiħ għal pluraliżmu xieraq ta’ inizjattivi, din il-ħidma  flimkien tista’ tgħin biex  il-promozzjoni tal-familja ssir aktar malajr b’mod aktar sħiħ.

 

U issa, jiena u nagħlaq dan il-messaġġ pastorali, li bħala għan għandu li jiġbed l-attenzjoni ta’ kulħadd fuq id-dmirijiet ― iebsa iżda li jsaħħru ― tal-familja nisranija, nixtieq nitlob il-patroċinju tal-Familja Mqaddsa ta’ Nazaret .

 

Skond il-pjan moħbi ta’ Alla, fi ħdanha għex mhux magħruf għal ħafna snin l-iben ta’ Alla: il-familjia ta’ Nazarett hi għalhekk il-bidu u l-eżempju tal familji nsara kollha.  Hi dik il-Familja, m’hemmx oħra bħalha fid-dinja, li għexet ħajja mhux magħrufa fis-skiet f’raħal żgħir tal-Palestina, ġarrbet il-faqar, il-persekuzzjoni, l-eżilju, u sebbħet lil Alla b’mod tassew għoli u safi li ma hawnx mod ieħor bħalu. Din il-familja  mhix sejra ma tgħinx lill-familji nsara, anzi l-familji kollha tad-dinja, biex jifilhu jġarrbu l-qtiegħ il-qalbu t-tiġrib tal-ħajja, biex b’fedeltà sħiħa jaqdu d-dmirijiet tagħhom ta’ kuljum, biex ikunu qalbhom miftuħa għall-ħtiġijiet ta’ l-oħrajn, waqt li jaqdu bil-ferħ il-Pjan ta’ Alla għalihom.

 

Jalla San Ġużepp,” ir-raġel ġust”, Haddiem dejjem sejjer, li ħares b’mod l-aktar xieraq lil dawk li ġew fdati lilu bħala rahan, iħares, jiddefendi u jdawwal ‘il-familja kollha.

 

Jalla l-Verġni Marija, bħalma hi Omm il-Knisja, tkun ukoll Omm “il-Knisja tad-dar” u bl-għajnuna tagħha ta’ omm, kull familja ssir verament “Knisja ċkejkna” li turi u tgħix il-misteru  tal-Knisja ta’Kristu. Tkun hi, il-Qaddejja tal-Mulej, eżempju għal-familji biex jilqgħu bl-umiltà l-ġenerożità kollha r-rieda ta’ Alla.  Tkun hi, l-Omm imnikkta ħdejn is-Salib, li tfarraġ fit-tbatija u tixxotta d-dmugħ ta’ dawk li qegħdin ibatu minħabba d-diffikultajiet tal-familji tagħhom.U Kristu l-Mulej, Sultan tal-ħolqien kollu u Sultan tal-familji, ikun f’kull familja nisranija bħal ma kien f’Kana ħa jagħtiha dawl, hena, ferħ, u qawwa. Fil-jum solenni iddedikat lilu bħala Sultan, nitlob biex kull familja tagħraf tagħti sehemha bil-ġenerożità kollha ħa tasal fid-dinja s-Saltna tiegħu, “saltna ta’ verità u ta’ħajja, u sliem”,[183]saltna li lejha miexja l-ġrajja tal-bniedem.

 

L Ġesù , lill-Marija u lil Ġużeppi nafda kull familja. F’idejhom inħalli u lil qalbhom nafda din l-eżortazzjoni.  Ikunu huma li jwassluha lilkom, ħuti u wliedi għeżież; jkunu huma li jiftħulkom qlubkom għad-dawl li l-Evanġelju jxerred fuq kull familja.

 

Lil kulħadd u lil kull wieħed u waħda minnkom, waqt li niżgurakom mit-talb tiegħi, nagħti minn qalbi l-Barka Appostolika, fl-isem tal-Missier u ta’ l-Iben u ta’ l-Ispirtu s-Santu .

 

Mogħtija f’Ruma, minn San Pietru, nhar is-27 ta’ Novembru, solennità ta’ Sidna Ġesù Kristu, Sultan tal-Ħolqien kollu, fis-sena 1981, ir-raba’ tal-Pontifikat.

 

 

Joannes Paulus PP II


 

[1]   Ara Gaudium et Spes, n.52

[2]   Ara l-omelija tal-Papa Ġwanni Pawlu II  fil-ftuħ tas-Sinodu tal-isqfijiet, nhar is-26 ta’ Settembru

 1980, n.2

[3] Ara Ġen. 1-2

[4]   Ara Ef. 5

[5]   Ara Gaudium et Spes, n.47 u l-ittra tal-Papa Ġwanni Pawlu II tal-15 ta’ Awissu 1980,

  Appropinquatiam,1

[6] Ara Mt. 19,4

[7] Ara Gaudium et Spes, n.47

[8]  Ara d-diskors tal-Papa Ġwanni Pawlu II lill-kunsill tas-segretarjat Ġenerali tas-Sinodu ta’ l- 

 Isqfijiet nhar it-23 ta’ Frar 1980

[9]   Ara Gaudium et Spes, n.4

[10] Ara Lumen  Gentium,  n.12

[11] Ara 1 Ġw. 2, 20

[12] Lumen Gentium, n.35

[13] Ara Lumen Gentium, n.12; Dikjarazzjoni tal-Konsagrazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi,

 Myterium Ecclesiae, 2

[14] Ara Lumen Gentium, n.12; Dei Verbum, n.10

[15] Ara l-omelija tal-Papa Ġwann Pawlu II fil-ftuħ tas-Sinodu ta’ l-isqfijiet

 fis-26 ta’ Settembru 1980,  n.3

[16] Ara S. Wistin De Civitate Dei,XIV, 28

[17] Gaudium et Spes, n.15

[18] Ara Ef. 3,8; Gaudium et Spes , n.44; Ad Gentes, n.15 u22

[19] Ara Mt. 19,4ss

[20] Ara Ġen. 1, 26s  

[21] 1 Ġw. 4, 8

[22] Ara Gaudium et Spes, n.12

[23] Ara Ibid, n. 48

[24] Ara v.g. Hos, 2, 21; Ġer. 3, 6-13; Is. 54

[25] Ara Ezek. 16, 25

[26] Ara Hos. 3

[27] Ara Ġen. 2, 24. Mt. 19, 5

[28] Ara Ef. 5, 32s

[29] Ara Tertulljan, Ad Uxorem, II, VII, 6-8

[30] Ara Konc. Trid., sess. XXIV, can. 1

[31] Ara Gaudium et Spes, n. 48

[32] Diskors tal-Papa Ġwanni II  nhar it-3 ta’ Novembru 1979 lis-“centre de liaison des Equipes de  

  Recherche”,3

[33] Ibid. 4

[34] Ara Gaudium et Spes, n. 50

[35] Ara Ġen. 2, 24

[36] Ef. 3, 15

[37]  Ara Gaudium et Spes, n.78

[38]  S. Ġwann Grisostmu, De Virġinitate, X

[39] Ara Mt. 22, 30

[40] Ara I Kor. 7, 32-35

[41] Perfectae Caritatis, n. 12

[42] Ara Papa Piju XII, enċ.  Sacra Virginitas, II

[43] Ara l-ittra tal-Papa Pawlu VI sat-8 ta’ April 1979, Novo Incipiente, n. 9

[44] Gaudium et Spes, n. 48

[45] Enċ. Redemptor Hominis, 10

[46] Mt. 19, 6; ara Ġen. 2, 24

[47] Ara diskors tal-Papa Ġwann II lill-miżżewġin f’Kinshasa fit-3 ta’ Mejju 1980, n. 4

[48] Gaudium et Spes, 49; ara diskors tal-Papa Ġwann Pawlu II f’Kinshasa, n. 4

[49] Gaudium et Spes, n. 48

[50] Ara Ef. 5, 25

[51] Mt.19, 8

[52] Apok. 3, 14

[53] Ara 2 Kor. 1, 20

[54] Ara Ġw. 13, 1

[55] Mt. 19, 6

[56] Rum. 8, 29

[57] “Fraterna Gratia”, Summa Theologica,II-IIae, 14,2,ad 4 um

[58] Lumen Gentium, n. 11; Apostolicam Actuositatem, n.11

[59] Gaudium et Spes, n. 3-5

[60] Ara Ef. 6, 1-4; Kol. 3, 20s

[61] Ara Gaudium et Spes,n. 48

[62] Ġw. 17, 21

[63] Ara Gaudium et Spes, n. 24

[64] Ġw. 1, 27

[65]  Gal.  3, 26-28

[66] Enċ. Laborem Exercens, n. 19

[67] Ġw.2, 18

[68] Ġw. 2, 23

[69] S.Ambroġ, Hexameron, V. 7. 19

[70] Enċ. Humanae  Vitae, n. 9

[71] Ara Ef. 5, 25

[72] Ara l-omelija tal-Papa Ġwann Pawlu II lill-haddiema ta’ Terni nhar id-29 ta’ Marzu 1981, n. 3-5

[73] Ara Ef. 3, 15

[74] Ara Gaudium et Spes, n. 52

[75] Lq. 18, 16; Ara Mt. 19,14; Mk. 10,14

 

[76] Diskors tal-Papa Ġwann Pawlu II lill-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda nhar

  it-12 ta’ )ttubru1979, n. 21

[77] Lq. 2, 52

[78] Ara Gaudium et Spes, n. 48

[79] Dikors tal-Papa Ġwann Pawlu II nhar il-15 ta’ Settembru 1980 lill-parteċipanti fl-“International

 Forom on Active Ageing,” n.5

[80]   Ġen.1, 28

 

 

 

 

 

[81] AraĠen. 5, 1s

[82] Gaudium et Spes. 50

[83] Proposito 22. Il-konklużjoni tan-n. 11 tal-Enċ. Humanae Vitae tghid hekk: ”Meta l-Knisja titlob 

  lil-bnedmin li josservaw ir-regoli tal-liġi naturali nterpretati mid-duttrina kostanti tagħha, il-nisja tgħallem li kull att taż-żwieġ ma għandux jagħalaq it-triq għat-trasmissjoni tal-ħajja (ut quilibet matrmonii usus ad vitam humanam procreandam per se destinatus permaneat)

[84] Ara 2. Kor. 1,19; Apok., 3, 14

[85] Ara l-Messaġġ  tas-Sinodu tal-isqfijiet lill-familji tal-lum (24 ta’ Ottubru 1980),  5

[86]  Gauium et Spes, n. 51

[87]  Enċ. Humanae Vitae, n. 7

[88]  Ibid., n. 12

[89]  Ibid., n. 14

[90]  Ibid., n. 13

[91] Ara Gaudium et Spes, n. 51

[92] Enċ. Humanae Vitae, n. 29

[93] Ara ibid n. 25

[94] Ibid. n. 21

[95] Omelija tal-Papa Ġwann Pawl II f’għeluq is-Sinodu nhar il-25 ta’ Ottubru1980, n. 8

[96] Enċ. Humanae Vitae. N. 28

[97] Ara diskors tal-Papa Ġwann Pawl II id-delegati tas-“Centre de liaison des Equipes de Recherche”

 nhar it-3 ta’ Novembru 1979, n.9; Ara wkoll id-diskors lill-parteċipanti għall-Ewwel Kungress  fuq

 il-Famija ta’ l-Afrika u ta’ l-Ewropa nhar il-15 ta’ Jannar 1981

[98] Enċ. Humanae Vitae, n. 25

[99] Gravissimum Educationis, n. 3

[100]   Gadium et Spes, n. 35

[101] Summa Contra Gentiles, IV, 58

[102]  Gravissimum Educationis, n. 2

[103]  Evanġelii Nuntiandi, n. 71

[104]  Ara Gravissimum Educationis n. 3

[105] Apostolicam Actuositatem, n. 11

[106] Gaudium et Spes, n.52

[107] Ara Apostolicam Actuositatem, n.11

[108] Rum. 12, 13  

[109] Mt. 10. 42

[110] Ara Gaudium et Spes, n.30

[111] Dignitatis Humanae, n.5

[112] Propositio 42

[113] Lumen Gentium, n.31

[114] Ara Lumen Genitum , n. 11; Apostolicam Actuositatem, n. 11; diskors tal-Papa Ġwann Pawlu II

  għall-ftuħ tas-VI Sinodu tal-isqfijiet nhar is-26 ta’ Settembru 1980, n. 3

[115] Lumen Genitum, n. 11

[116] Ibid., n. 41

[117] Ara Atti 4, 32

[118] Ara Enċ.  Humanea Vitae, n. 9

[119] Gaudium et Spes, n. 48

[120] Ara Dei Verbum, n. 1

[121] Ara Rum. 16, 26

[122] Ara Enċ. Humanae Vitae, n.25

[123] Evangelii Nutiandi, n. 71

[124] Ara Diskors lill-Assemblea Ġenerali tal-isqfijiet tal-Amerka Latina nhar it-28 ta’ Jannar 1979, IVa

[125] Lumen Gentium, n. 35

[126] Catechesi Tradendae, n. 68

[127] Ibid., n. 36

[128] Ara I Kor. 12,4ss, Ef. 4, 12s

[129] Mk. 16,15

[130] Ara Lumen Gentium, n. 11

[131] Atti 1,8

[132] Ara I Piet. 3,1s

[133] Ara Lumen Gentium, n. 35; Apostolicam Actuositatem, n. 11

[134] Ara Atti 18; Rum. 16, 3 s

[135] Ara Ad Gentes, n. 39

[136] Apostolicam Actuositatem, n. 30

[137] Ara Lumen Gentium, n. 10

[138] Faudium et Spes, n. 49

[139] Ibid., n. 48

[140] Ara Lumen Gentium, n. 41

[141] Sacrosanctum Concilium, n. 34

[142] Ara I Piet. 2, 5; Lumen Gentium, n. 34

[143] Lumen Getium, n. 34

[144] Sacrosanctum Concilium, n. 78

[145] Ara Ġw. 19, 34

[146] Enċ. Humanae Vitae, n.25

[147] Ef. 2, 4

[148] Enċ.Dives in Misericordia, n. 13

[149] Ara I Piet. 2,5

[150] Mt. 18. 19 s

[151] Gravissimum Educationis, n. 3; ara Catechesi Tradendae, n. 36

[152]  Diskors fl-udjenza ġenerali tal-11 ta’ Awwissu 1976

[153] Ara Sacrosanctum Concilium, n. 12

[154] Ara Institutio Generalis de Liturgia Horarum, n. 27

[155] Marialis Cultus, n 52-54

[156]  Diskors tal-Papa Ġwann Pawlu II fis=santwarju tal-Mentorella nhar id-29 ta’ Ottubru 1978

[157]  Ara Apostolicam Actuositatem, n. 4

[158]  Ara diskors tal-Papa Ġwann II lill-isqfijiet tat-XII-il qasam pastoral ital-USA

 nhar il-21 ta’ Settembru 1978

[159]  Rum. 8, 2

[160]  Rum. 5, 5

[161] Ara Mk. 10, 45

[162] Lumen Gentium, n. 36

[163] Apostolicam Actuositatem, n. 8

[164] Messaġġ tal-Isqfijiet tas-Sinodu lill-familji ta’ llum, n. 12

[165] Ara d-diskors tal-Papa Ġwann II lit-III Assemblea Ġenerali tal-isqfijiet tal-Amerika Latina

   nhar it-28 ta’ Jannar 1979, IVa

[166] Ara Sacrosanctum Concilium, n. 10

[167] Ara Ordo Celebrandi Matrimonium, n. 17

[168] Ara Sacrosanctum Concilium, n. 59

[169] Perfectae Caritatis, n. 12

[170] Diskors tal-Papa nhar id-29 ta’ Novembru 1980, n. 3-4

[171] Messaġġ tal-Papa Pawlu VI għat-III Jum Dinji tal-Komunikazzjoni Soċjali

[172] Messaġġ tal-Papa Ġwann Pawlu II għall-Jum Dinji tal-komunikazzjoni Soċjali

   nhar 1 ta’ Mejju  1980

[173] Messaġġ tal-Papa Ġwann Pawlu II għall-Jum Dinji tal-Komunikazzjoni Soċjali

   nhar l-10 ta’ Mejju 1981

[174] Ibid.

[175] Messaġġ tal-Papa Pawlu VI għat-III Jum Dinji tal-Komunikazzjoni Soċjali

[176] Ibid.

[177] Messaġġ għall-Jum Dinji tal-Komunikazzjoni Soċjali, 1980

[178] Ara l-motuproprju tal-Papa Pawlu VI Matrmonia mixta, n. 4-5; 

   ara diskors tal-Papa Ġwann Pawlu  II lill-parteċipanti għas-sessjoni

   plenarja tas-Segretarjat għall-għaqda ta’ l-insara nhar it-13 ta’ Novembru 1981

[179] Istruzzjoni In quibus rerum circumstantis tal-15 ta’ Ġunju 1972 u n-nota tas-17 ta’Ottubru 1973

[180] Omelija tal-Papa f’għeluq is-Sinodu fil-25 ta’ Novembru 1980, n. 7

[181] Ara Mt. 11, 28

[182] Ittra tal-Papa Ġwann Pawlu II Appropinquat iam tal-15 ta’ Awissu 1980, n. 1

[183] Prefazju tal-Quddiesa ta’ “Kristu Sultan tal-ħolqien kollu”