L

A

I

K

0

S

 

Home  

Kuntatt

 

Catechesi Tradendæ dwar il-Katekeżi fi żminijietna

 

 

 

 

 

Miġjub għall-Malti minn

Dun Salv Borg

 

Edizzjoni Lumen Christi

1980

 

Reviżjoni tat-test Malti minn

Joe Micallef

 

 

 

EŻORTAZZJONI APPOSTOLIKA

CATECHESI TRADENDÆ

TAL-QDUSIJA TIEGĦU

IL-PAPA ĠWANNI PAWLU II

LILL-

EPISKOPAT, IL-KLERU U L-FIDILI

TAL-KNISJA KATTOLIKA KOLLHA

DWAR IL-

KATEKEŻI FI ŻMINIJIETNA

 

 

 

 

INTRODUZZJONI

 

L-Aħħar amar ta’ Kristu

1.                  Il-Knisja dejjem qieset il-katekeżi bħala wieħed mix-xogħolijiet primarji tagħha, għaliex qabel ma Kristu tela’ għand il-Missier, wara li qam minn bejn l-imwiet, ta lill-Appostli l-aħħar amar – li jagħmlu dixxipli lin-nazzjonijiet kollha u jgħallmuhom iħarsu dak kollu li kien ordnalhom.[1] B’hekk hu afdalhom il-missjoni u s-setgħa li jwasslu lill-umanità dak kollu li semgħu, dak kollu li raw għajnejhom, dak kollu li ħarsu lejh u missew b’idejhom stess, dwar il-Kelma tal-Ħajja.[2] Afdalhom ukoll il-missjoni u s-setgħa li jfissru b’awtorità dak li għallimhom Hu, kliemu u l-azzjonijiet tiegħu, is-sinjali tiegħu u l-kmandamenti tiegħu. Hu tahom l-Ispirtu biex iwettqu din il-missjoni.

Malajr, l-isem tal-Katekeżi ġie mogħti lil dik il-ġabra ta’ sforzi fil-Knisja biex isiru dixxipli, biex tgħin il-popli jemmnu li Ġesù huwa l-Iben ta’ Alla, sabiex filwaqt li jemmnu, huma jkollhom il-ħajja f’ismu[3] u biex tedukahom u tħarriġhom f’din il-ħajja u b’hekk tibni l-Ġisem ta’ Kristu. Il-Knisja ma hediet qatt li tuża s-saħħa kollha tagħha f’din il-ħidma.

 

 

Il-Ħerqa ta’ Pawlu VI

2.                  Il-Papiet l-aktar reċenti taw lill-katekeżi post mill-iżjed prominenti fil-ħerqa tagħhom pastorali. Bil-ħidmiet tiegħu, bil-priedki tiegħu, bl-interpretazzjoni awtoritatttiva tal-Konċilju Vatikan II (meqjus minnu bħala l-aqwa katekiżmu taż-żminijiet tal-lum) u permezz ta’ ħajtu kollha, il-maħbub predeċessur tiegħi Pawlu VI qeda lill-katekeżi tal-Knisja b’mod mill-iżjed eżemplari. Fit-18 ta’ Marzu, 1971, approva d-Direttorju Kateketiku Ġenerali mħejji mis-Sagra Kongregazzjoni għall-Kleru, Direttorju li għadu dokument bażi li jħajjar u jmexxi t-tiġdid kateketiku fil-Knisja kollha. Hu waqqaf il-Kunsill Internazzjonali għall-Katekeżi fl-1975. Hu ddefinixxa b’mod mill-iżjed tajjeb is-sehem u l-importanza tal-katekeżi fil-ħajja u l-missjoni tal-Knisja meta ndirizza lill-parteċipanti fl-Ewwel Kungress Kateketiku Internazzjonali fil-25 ta’ Settembru, 1971[4] u tkellem espliċitament fuq l-istess suġġett fl-Eżortazzjoni Appostolika “Evangelii Nuntiandi”.[5] Hu ddeċieda li l-Katekeżi speċjalment dik indirizzata lit-tfal u liż-żgħażagħ, għandha tkun is-suġġett tar-Raba’ Assemblea Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet,[6] li nżamm f’Ottubru, 1977 u li fiha, għandi l-pjaċir ngħid, ħadt sehem sewwa.

Sinodu mimli frott

3.                  Fit-tmiem ta’ dak is-Sinodu, l-Isqfijiet ippreżentaw lill-Papa dokumentazzjoni mill-iżjed sinjura li kienet tikkonsisti fl-interventi varji li saru matul l-Assemblea, fil-konklużjonijiet tal-“working groups”, fil-Messaġġ li huma, bil-permess tiegħu, kienu bagħtu lill-Poplu ta’ Alla[7] u speċjalment lista imponenti ta’ “Propożizzjonijiet” li fihom huma esprimew l-idea tagħhom dwar in-numru kbir ta’ aspetti tal-katekeżi tal-lum.

Is-Sinodu ħadem f’atmosfera eċċezzjonali ta’ ringrazzjament u ta’ tama. It-tiġdid kateketiku ġie meqjus mis-Sinodu bħala rigal prezzjuż mill-Ispirtu s-Santu lill-Knisja tal-lum, rigal li għalih il-komunitajiet Insara f’kull livell, madwar id-dinja qed iwieġbu b’ġenerożità u b’dedikazzjoni inventiva li kisbet l-ammirazzjoni. Id-dixxerniment mixtieq, imbagħad, jitwassal biex iħalli effett fuq realtà li hi verament ħajja u li tista’ tikseb ħafna ġid mis-saħħa li hi għandha fost il-Poplu ta’ Alla għall-grazzja tal-Mulej u d-Direttivi tal-Maġisteru.

 

 

Skop ta’ din l-Eżortazzjoni

4.                  Venerabbli Ħuti u għeżież Uliedi: hu propju f’din il-klima ta’ fidi u ta’ tama li qed nindirizzalkom din l-Eżortazzjoni Appostolika. Is-Suġġett hu vast ħafna u l-Eżortazzjoni tittratta xi ftit mill-iżjed aspetti tipiċi u deċisivi tiegħu, bħala affermazzjoni tar-riżultati sbieħ miksuba mis-Sinodu. Fil-qofol tagħha, l-Eżortazzjoni terġa’ tuża r-riflessjonijiet li kienu ġew imħejjija minn Pawlu VI, filwaqt li wkoll tuża ħafna d-dokumenti li ħarġu mis-Sinodu. Il-Papa Ġwanni Pawlu I, li ż-żelu u d-doni li kellu bħala katekista għaġġbu lilna lkoll, kien diġà ħadhom f’idejh u kien qed iħejji biex jippubblikahom, meta Alla sejjaħlu malajr għal għandu. Hu ta lil kull wieħed minna eżempju ta’ katekeżi popolari u konċentrata f’dak li hu essenzjali: katekeżi mibnija bi kliem kapaċi jmissu l-qalb. Għalhekk, qiegħed nieħu l-wirt ta’ dawn iż-żewġ Papiet bħala tweġiba għat-talba li ġiet formalment murija mill-Isqfijiet fit-tmiem tar-Raba’ Assemblea Ġenerali tas-Sinodu u li kienet ġiet milqugħa minn Papa Pawlu VI fid-diskors tiegħu ta’ egħluq.[8] Qed nagħmel dan ukoll, biex inwettaq wieħed mid-dmirijiet ewlenin tal-kariga appostolika tiegħi. Il-Katekeżi kienet minn dejjem kura ċentrali fil-ministeru tiegħi ta’ saċerdot u ta’ Isqof.

Jiena nixtieq minn qiegħ qalbi li din l-Eżortazzjoni Appostolika lill-Knisja kollha għandha ssaħħaħ iż-żamma tal-fidi u tal-għixien nisrani, għandha tagħti qawwa ġdida lill-inizjattivi kollha li għandna f’idejna, għandha ġġiegħel kreattività – dejjem bl-għassa meħtieġa – u għandha tgħin billi xxerred fost il-komunitajiet ferħ għat-twassil tal-misteru ta’ Kristu lid-Dinja.


 

I

AĦNA GĦANDNA MGĦALLEM WIEĦED:

ĠESÙ KRISTU

 

 

Daħla f’komunjoni mal-Persuna ta’ Kristu

5.                  Ir-Raba’ Assemblea Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet għamlet ta’ spiss enfasi dwar il-Kristoċentriċità ta’ kull katekeżi awtentika. Aħna nistgħu nużaw hawnhekk il-kelma “Kristoċentriċità” fiż-żewġ tifsiriet tagħha, li ma jomrrux kontra xulxin, jew jeskludu lil xulxin, iżda kull waħda minnhom titlob u tkompli lill-oħra.

L-ewwelnett, għandha l-iskop, li tisħaq fuq il-fatt li fil-qalba tal-katekeżi, aħna nsibu fl-essenza, Persuna: il-Persuna ta’ Ġesù ta’ Nazareth, “l-Iben il-waħdieni tal-Missier... mimli bil-grazzja u l-verità”[9] li bata u miet għalina u li issa wara li qam mill-imwiet, qed jgħix magħna għal dejjem. Dan hu Ġesù li Hu: It-Triq, il-Verità u l-Ħajja”[10] u l-għixien nisrani jikkonsisti f’li timxi wara Kristu, is-“Sequela Christi”.

L-oġġett primarju u essenzjali tal-Katekeżi hu, biex nużaw espressjoni tant għall-qalb ta’ San Pawl kif ukoll tat-Teoloġija ta’ żmienna, “il-misteru ta’ Kristu”. Li tagħmel katekeżi tfisser li b’xi mod tmexxi persuna biex tistudja dan il-misteru fid-dimensjonijiet kollha tiegħu: “Li noħroġ għad-dawl quddiem kulħadd kif Alla temm il-pjan tal-Misteru... B’hekk tkunu tistgħu tifhmu, flimkien mal-Qaddisin kollha, x’inhu l-wisa’ u t-tul, il-għoli u l-fond tal-imħabba ta’ Kristu, tagħrfu kemm din l-imħabba ta’ Kristu tisboq kull għerf, biex timtlew bil-milja kollha ta’ Alla”.[11] Trid għalhekk tikxef fil-Persuna ta’ Kristu l-pjan etern kollu ta’ Alla billi ssib il-milja f’dik il-Persuna. Trid tfittex li tifhem it-tifsira tal-azzjonijiet u l-kelmiet ta’ Kristu, kif ukoll is-sinjali li huwa wettaq, għaliex dawn, fl-istess ħin, jaħbu u jikxfu l-misteru tiegħu. Hekk ukoll, l-iskop definittiv tal-Katekeżi mhuwiex biss li jqiegħed il-poplu f’kuntatt ma’ Kristu iżda f’komunjoni, f’intimità miegħu. Hu biss jista’ jwassalna għall-imħabba tal-Missier fl-Ispirtu li jgħinna naqsmu fil-Ħajja tat-Trinità Imqaddsa.

 

 

Xandir tat-tagħlim ta’ Kristu

6.                  Kristoċentriċità fil-katekeżi tfisser ukoll l-intezjoni li wieħed ixandar mhux it-tagħlim propju tiegħu jew dak ta’ xi mgħallem ieħor, iżda t-tagħlim ta’ Ġesù Kristu, il-Verità li Hu jwassal jew, biex ngħiduha iżjed eżatta, il-Verità li hi Huwa stess.[12] Għalhekk aħna għandna ngħidu li fil-Katekeżi Hu Kristu, il-Verb Inkarnat u l-Iben t’Alla li qed jiġi mgħallem – kull ħaġa oħra qed tiġi mgħallma b’referenza għalih. Hu Kristu waħdu li jgħallem – kull wieħed ieħor li jgħallem, jgħallem bħala l-kelliemi ta’ Kristu u b’xofftejh stess. Kien x’kien il-livell ta’ responsabilità tiegħu fil-Knisja, kull katekist għandu jħabbrek kontinwament li jxandar b’tagħlimu l-ħajja ta’ Ġesù. Huwa ma għandu qatt ifittex li jiġbed fuqu u fuq l-opinjonijiet u l-attitudnijiet tiegħu, l-attenzjoni u l-aċċettazzjoni tal-moħħ u tal-qalb tal-persuna li jkun qed jikkatekizza. Fuq kollox, hu ma għandu qatt jipprova jdeffes l-opinjonijiet u l-għażliet personali tiegħu bħallikieku dawn jesprimu t-tagħlim ta’ Kristu u l-lezzjonijiet ta’ ħajtu. Kull katekist għandu jkun kapaċi li japplika għalih innifsu l-kelmiet misterjużi ta’ Ġesù: “it-tagħlim tiegħi, mhuwiex tiegħi, imma ta’ dak li bagħatni”[13] Hekk għamel San Pawl meta kien qed jittratta l-kwistjoni mill-iżjed importanti: “Irċevejt mingħand il-Mulej it-tagħlim li għaddejt lilkom”.[14] Xi studju assidwu tal-Kelma t’Alla mxandra mill-Magisteru tal-Knisja; x’familjarità profonda ma’ Kristu u mal-Missier; xi spirtu ta’ talb, x’ċaħda tiegħu nnifsu għandu jkollu l-katekist sabiex ikun jista’ jgħid: “dan it-tagħlim mhux tiegħi”.

 

Kristu l-għalliem

7.                  Dan it-tagħlim mhux ġabra ta’ veritajiet astratti. Hu twassil tal-misteru Ħaj ta’ Alla. Il-bniedem li qed jgħallem dan il-Vanġelu, huwa bil-wisq aqwa mill-“imgħallmin” ġo Iżrael, u n-natura tad-duttrina tiegħu tgħaddi għal kollox dak tagħhom minħabba r-rabta unika bejn dak li jgħid, dak li jagħmel u dak li hu. Barra minn hekk, il-Vanġeli jirrakkuntaw ċar okkażjonijiet meta Ġesù “għallem”. “Ġesù għamel u għallem”.[15] B’dawn iż-żewġ verbi, imqegħda fil-bidu tal-ktieb tal-Atti tal-Appostli, San Luqa jgħaqqad u fl-istess ħin jiddistingwi żewġ għanijiet fil-missjoni ta’ Kristu.

Ġesù għallem. Hi x-xhieda li hu ta tiegħu nnifsu. “Jiena kuljum kont inkun magħkom bil-qegħda fit-Tempju ngħallem.”[16] Hi l-osservazzjoni ammirabbli tal-Evanġelisti, mistgħaġba jarawh jippriedka kullimkien, f’kull ħin, jgħallem b’mod u b’awtorità li qatt qabel ma kienu raw bħalha: “In-nies mill-ġdid inġabret madwaru u Hu, kif kienet id-drawwa tiegħu, reġa’ beda jgħallimhom”;[17] “In-nies baqgħu mistgħaġba bil-mod tat-tagħlim tiegħu, għax beda jgħallimhom bħal wieħed li għandu s-setgħa”.[18] Hi wkoll dak li nnotaw l-għedewwa tiegħu meta ppruvaw jisiltu minnha provi biex jakkużawh u jikkundannawh: “Qiegħed ixewwex lill-poplu u jgħallem fil-Lhudija kollha ibda mill-Galilea sa hawnhekk stess”.[19]

 

L-uniku “mgħallem”

8.                  Persuna li tgħallem b’dan il-mod għandha titlu uniku li jġib l-isem ta’ “mgħallem”. Min jaf kemm-il darba, fit-Testment il-Ġdid kollu, speċjalment fil-Vanġeli, Hu ġie mogħti dan it-titlu ta’ mgħallem.[20] Hi ħaġa ċerta li t-Tnax, id-dixxipli l-oħra u l-folol tas-semmiegħa jsejħulu: “Mgħallem” b’toni ta’ ammirazzjoni, fiduċja u ħlewwa.[21] Anke l-Fariżej u s-Sadduċej, id-Dutturi tal-Liġi u l-Lhud in ġenerali qatt ma naqsu jagħtuh dan it-titlu: “Mgħallem”[22] “mgħallem, x’nagħmel biex niret il-ħajja ta’ dejjem?”[23] Iżda fuq kollox, Ġesù nnifsu, f’mumenti mill-iżjed solenni u l-aktar sinifikanti jsejjaħ lilu nnifsu Mgħallem: “Intom issejħuli mgħallem u Mulej u tgħidu sewwa, għax hekk jien”;[24] u hu jipproklama s-singolarità u l-karattru tiegħu ta’ Mgħallem: “L-Imgħallem tagħkom wieħed hu:”[25] il-Kristu. Wieħed jasal biex jifhem għaliex nies ta’ kull xorta, razza u nazzjon, għal elfejn sena sħaħ, permezz tal-lingwi kollha tad-dinja tawh dan l-isem b’venerazzjoni, filwaqt li tennew bil-mod tagħhom dak li qal Nikodemu: “Aħna nafu li inti Mgħallem mibgħut minn Alla”.[26]

Dan ix-xebh ta’ Kristu Mgħallem hu minnufih maestuż u familjari, impressjonanti u assikuranti. Ħareġ mill-pinna tal-Evanġelisti u tant kien issaħħaħ, li ħafna drabi, wara, ġie mdaħħal fl-ikonografija sa minn żminijiet insara bikrija.[27] U issa għandi l-pjaċir indaħħlu jiena wkoll fil-bidu ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet dwar il-katekeżi fid-dinja tal-lum.

 

 

Tagħlim permezz ta’ ħajtu kollha

9.                  Waqt li qed nagħmel hekk, jiena m’inhix qed ninsa li l-maestà ta’ Kristu Għalliem u l-konsistenza u l-perswassività unika tat-tagħlim tiegħu jistgħu jitfissru biss bil-fatt li kliemu, il-parabboli tiegħu u l-argumenti kollha tiegħu qatt ma jinfirdu minn ħajtu u mill-istess eżistenza tiegħu. Hekk ukoll il-ħajja ta’ Kristu kollha kemm hi kienet tagħlim kontinwu: is-skiet tiegħu, il-mirakli tiegħu, il-ġesti tiegħu, it-talb tiegħu, l-imħabba tiegħu għall-poplu, il-ġibda speċjali għaż-żgħar u l-fqajrin, l-aċċettazzjoni tas-sagrifiċċju totali fuq is-Salib għall-fidwa tad-dinja u l-Qawmien tiegħu huma t-twettiq tal-Kelma tiegħu u l-milja tar-Rivelazzjoni. Għalhekk, għall-insara, il-Kurċifiss huwa wieħed mill-iżjed immaġini sublimi u popolari ta’ Kristu l-Għalliem.

Dawn il-ħsibijiet huma msejjsa fuq it-tradizzjonijiet kbar tal-Knisja u kollha kemm huma jsaħħu l-fervur li aħna għandna lejn Kristu, l-Għalliem li juri ‘l Alla lill-bniedem, il-bniedem lilu nnifsu, l-għalliem li jsalva, iqaddes u jmexxi, li jgħix, jitkellem, iqanqal, iqajjem, iċanfar, jiġġudika, jaħfer, li jimxi magħna ta’ kuljum fit-triq tal-istorja; l-għalliem li ġie u għad jiġi fil-glorja.

Hu biss f’komunjoni mill-iżjed profonda miegħu li l-katekist isib dawl u saħħa għal tiġdid awtentiku u mixtieq tal-Katekeżi.


 

II

ESPERJENZA QADIMA DAQS IL-KNISJA

 

 

Il-Missjoni tal-Appostli

10.             L-immaġni ta’ Kristu Għalliem kienet stampata fir-ruħ tat-Tnax, kif ukoll tal-ewwel dixxipli u l-amar: “Morru ... u agħmlu dixxipli min-nazzjonijiet kollha”,[28] ħejjitilhom it-triq ta’ ħajjithom kollha. San Ġwann ta xhieda ta’ dan fil-Vanġelu tiegħu meta tenna l-kelmiet ta’ Ġesù : “Ma nsejħilkomx aktar qaddejja, għax il-qaddej ma jafx x’jagħmel sidu; sejjaħtilkom ħbieb għaliex kull ma smajt mingħand il-Missier jiena għarraftulkom”.[29] Ma kienux huma li għażlu jimxu wara Ġesù; kien Ġesù li għażel lilhom, żammhom miegħu u ħatarhom, saħansitra qabel l-ikla tal-Għid tiegħu, biex imorru u jagħtu frott u l-frott tagħhom jibqa’ għal dejjem.[30] Minħabba f’hekk hu tahom formalment, wara l-Qawmien tiegħu, il-missjoni li jagħmlu dixxipli mill-ġnus kollha.

Il-Ktieb kollu tal-Atti tal-Appostli hu xhieda li huma kienu fidili għas-sejħa tagħhom u għall-missjoni li rċevew. Il-membri tal-ewwel komunità nisranija dehru fiha bħala: “jżommu sħiħ fit-taghlim tal-appostli u fil-għaqda ta’ bejniethom, fil-qsim tal-ħobż u fit-talb”,[31] Bla dubju ta’ xejn, aħna naraw f’dan, immaġini dejjiema tal-Knisja li qed tiġi mwellda u kontinwament mantenuta bil-kelma tal-Mulej, permezz tat-tagħlim tal-appostli, waqt li jiċċelebraw dik il-Kelma fis-Sagrifiċċju Ewkaristiku u jagħtu xhieda tagħha quddiem id-dinja fis-sinjal ta’ karità.

Meta dawk li kienu kontra l-appostli ħassewhom offiżi bil-ħidma tagħhom, dan ġara għaliex “ma felħux jisimgħu (lill-appostli) jgħallmu lill-poplu”[32] u l-ordni li tawhom kienet biex ma jgħallmu xejn f’isem Ġesù.[33] Iżda aħna nafu li l-appostli qiesu li kienet aktar ħaġa sewwa li jisimgħu minn Alla, milli minn nies f’din il-kwistjoni.[34]

 

 

II-Katekeżi fiż-żmien Appostoliku

11.              L-Appostli ma qagħdux jitlajjaw biex jaqsmu mal-oħrajn il-ministeru ta’ l-appostolat.[35] Huma għaddew lis-suċċessuri tagħhom ix-xogħol tat-tagħlim. Huma afdawha wkoll f’idejn id-Djakni sa mill-ewwel mument tat-twaqqif tagħhom: Stiefnu “mimli bil-grazzja u l-qawwa” għallem bla waqfien, immexxi mill-għerf tal-Ispirtu.[36]  L-Appostli ġabru magħhom “ħafna oħrajn” f’din il-ħidma tat-tagħlim[37] u saħansitra nsara komuni, imferrxa ’l hawn u ’l hemm minħabba l-persekuzzjoni, “bdew ixandru l-kelma t-tajba kull fejn marru”.[38] San Pawl kien, b’mod mill-iżjed prominenti, ix-xandàr ta’ dan it-tagħlim, minn Antijokja, sa Ruma, fejn l-aħħar stampa li għandna tiegħu, fl-Atti hi dik ta’ bniedem “li qed jgħallimhom fuq il-Mulej Ġesù Kristu bil-kuraġġ u bla tfixkil”.[39] L-Ittri numerużi tiegħu jkomplu u jinżlu aktar fil-fond ta’ dan it-tagħlim. L-ittri ta’ Pietru, Ġwanni, Ġakbu u Ġuda, huma wkoll, f’kull każ, xhieda tal-katekeżi taż-żmien appostoliku.

Qabel ma tniżżlu bil-miktub, il-Vanġeli kienu l-espressjoni ta’ tagħlim mitkellem, mgħoddi lill-komunitajiet insara u juru fi gradi differenti ta’ ċarezza kateketika istruttiva. Ir-rakkont ta’ San Mattew ġie msejjaħ il-Vanġelu tal-Katekist; u dak ta’ San Mark  il-Vanġelu tal-Katekumenu.

 

 

Is-Santi Padri tal-Knisja

12.              Din il-missjoni ta’ tagħlim li kienet tappartjeni lill-appostli u l-ewwel ħaddiema sħabhom, tkompliet mill-Knisja. Filwaqt li għamlet minnha nnifisha ta’ kuljum dixxiplu tal-Mulej, hi akkwistat it-titlu ta’ “omm” u “Għalliema”.[40] Minn Klement ta’ Ruma sa Origene,[41] iż-żmien post-appostoliku ra t-twelid ta’ xogħlijiet mill-aqwa. Wara niltaqgħu ma’ fatt mill-aqwa: xi wħud mill-Isqfijiet u Rgħajja l-iżjed impressivi, speċjalment fit-tielet u r-raba’ seklu, kienu jqisuha bħala ħaġa mill-iżjed importanti tal-ministeru episkopali tagħhom li jagħtu istruzzjonijiet kateketiċi u jiktbu trattati. Kien iż-żmien ta’ Ċirillu ta’ Ġerusalem u Ġwann Grisostmu, ta’ Ambroġ u Wistin, iż-żmien li ra jiffjorixxi mill-pinna ta’ diversi Padri tal-Knisja, xogħlijiet li għadhom sal-lum iservuna ta’ mudell.

Hi ħaġa impossibbli li nsemmu hawnhekk, anke kieku kellna nagħmlu hekk fil-qosor, il-katekeżi li għenet fit-tixrid u fil-mixja tal-Knisja fid-diversi perijodi tal-istorja, f’kull kontinent u fil-varjetà mill-iżjed wiesa’ ta’ kontesti soċjali u kulturali. Żgur li d-diffikultajiet ma naqsux. Iżda l-kelma tal-Mulej kompliet il-mixja tagħha matul is-sekli; hi ġriet ’il quddiem u ssebbħet dejjem iżjed, biex nużaw il-kelmiet tal-appostlu San Pawl.[42]

 

 

 

Konċilji u Attività Missjunarja

13.              Il-ministeru tal-katekeżi dejjem kiseb enerġija ġdida mill-Konċilji. Il-Konċilju ta’ Trento hu eżempju mill-aqwa ta’ dan li qed ngħidu. Fil-Kostituzzjonijiet u fid-Digrieti tiegħu, dan il-Konċilju qiegħed minn ta’ quddiem nett il-katekeżi. Fih insibu l-oriġini tal-katekiżmu Ruman, li hu magħruf ukoll bl-isem ta’ dan il-Konċilju u li hu biċċa xogħol mill-aqwa bħala ġabra fil-qosor tat-tagħlim nisrani u tat-Teoloġija tradizzjonali għall-użu tas-Saċerdoti. Hu ta spinta ’l quddiem għall-organizzazzjoni mill-aqwa tal-katekeżi fil-Knisja. Fakkar lill-Kleru fid-dmir li huma għandhom li jagħtu istruzzjoni kateketika. Permezz ta’ xogħlijiet ta’ teoloġi qaddisa, bħalma huma San Karlu Borromeo, San Robertu Bellarmino, San Pietru Canisio, ġiegħel li jsiru pubblikazzjonijiet ta’ katekiżmi li kienu verament mudell mill-aqwa għal dak iż-żmien. Jalla l-Konċilju Vatikan II iqajjem fi żmienna entużjażmu u attività ta’ din ix-xorta.

Il-missjonijiet huma wkoll oqsma speċjali għall-applikazzjoni tal-katekeżi. B’hekk il-Poplu t’Alla baqa’ għal madwar elfejn sena sħaħ jeduka lilu nnifsu fil-fidi, b’mod li jaqbel mas-sitwazzjonijiet diversi ta’ dawk li jemmnu u taċ-ċirkustanzi diversi li fihom sabet ruħha l-Knisja.

Il-katekeżi hi intimament marbuta mal-ħajja kollha tal-Knisja. Mhux biss l-estensjoni ġeografika u ż-żieda numerika tagħha, iżda iktar u iktar it-tkabbir interjuri tagħha u l-korrispondenza tagħha mal-pjan ta’ Alla jiddependu essenzjalment mill-katekeżi. Tkun ħaġa sewwa li nuru l-ħafna lezzjonijiet li nistgħu niksbu mill-esperjenzi tal-istorja tal-Knisja li għadna kif semmejna.

 

 

Il-Katekeżi bħala dritt u dmir tal-Knisja

14.              L-ewwelnett, hi ħaġa ċara li l-Knisja minn dejjem qieset lill-katekeżi bħala dmir qaddis u dritt inaljenabbli. Minn naħa l-waħda, hu ċertament dmir li joħroġ mill-amar mogħti mill-Mulej u jserraħ fuq kollox, fuq dawk li fil-Patt il-Ġdid irċevew is-sejħa għall-ministeru ta’ rgħajja. Mill-banda l-oħra, nistgħu nitkellmu wkoll dwar dritt: mil-lat teoloġiku, kull bniedem mgħammed, preċiżament għaliex huwa mgħammed, għandu dritt li jirċievi mill-Knisja, istruzzjoni u edukazzjoni li tgħinu jidħol għall-ħajja verament nisranija; mil-lat tad-drittijiet umani, kull bniedem għandu dritt ifittex il-verità reliġjuża u jintrabat magħha bil-libertà kollha, jiġifleri, “bla ebda ġegħil fl-individwi, fi gruppi soċjali u f’xi setgħa umana”, b’tali mod li f’din il-materja ta’ reliġjon “ħadd ma għandu jiġi mġiegħel imur kontra l-kuxjenza tiegħu jew tagħha jew miżmum li jaġixxi f’konformità magħha”.[43]

Proprju għalhekk, l-attività kateketika għandha tiġi mwettqa f’ċirkustanzi favorevoli ta’ post u ta’ żmien u għandu jkollha aċċess għall-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali u strumenti xierqa, bla ebda diskriminazzjoni mal-ġenituri, dawk li jirċievu l-katekeżi u dawk li jagħtuha. Bħalissa dan id-dritt, qiegħed kull ma jmur, jakkwista iżjed għarfien, tal-inqas fuq il-livell tal-prinċipju importanti, kif wieħed jista’ jara mid-dikjarazzjonijiet u konvenzjonijiet internazzjonali, li kienu x’kienu l-limitazzjonijiet tagħhom, wieħed jista’ jara x-xewqat tal-kuxjenzi ta’ ħafna min-nies tal-lum.[44]  Biss dan id-dritt qed jiġi miċħud minn ħafna stati, sa waslu li, li tagħti katekeżi, tħajjar li tingħata katekeżi u tirċievi katekeżi, saru offiżi li ħaqqhom piena. Jiena bil-qawwa kollha ngħolli leħni f’għaqda mas-Sinodu tal-Isqfljiet kontra kull xorta ta’ diskriminazzjoni fil-qasam tal-katekeżi u fl-istess ħin jiena ntenni appell qawwi lil dawk li jmexxu sabiex iwaqqfu dawn il-limitazzjonijiet għal-libertà umana in ġenerali u għal-libertà reliġjuża in partikulari.

 

 

Prijorità ta’ din il-ħidma

15.              It-tieni tagħlima tikkonċerna l-post li l-katekeżi għandu jkollha fil-programmi pastorali tal-Knisja. Aktar ma l-knisja, kemm fuq livell lokali, kif ukoll fuq livell universali, tagħti prijorità lill-katekeżi, qabel ħidmiet u xogħlijiet oħrajn, li forsi r-riżultati tagħhom huma aktar spettakolari, aktar issib fil-katekeżi tisħiħ tal-ħajja interjuri tagħha bħala komunità ta' dawk li jemmnu u anke tal-attività interjuri tagħha bħala l-Knisja Missjunarja. Hekk kif is-seklu għoxrin jinsab riesaq lejn it-tmiem tiegħu, il-Knisja qed tiġi ordnata minn Alla u mill-ġrajjiet — kull ġrajja hi sejħa tiegħu stess — biex iġġedded il-fiduċja tagħha fl-attività kateketika bħala l-aspett ewlieni tal-missjoni tagħha. Qed tiġi ordnata li toffri lill-katekeżi l-aħjar oqsma fil-popli u fl-enerġija, bla ma toqgħod twarrab l-ebda forza tagħha, l-ebda ħidma jew mezzi materjali, biex torganizzaha aħjar u biex tħejji persuni kwalifikati. Din ma hijiex sempliċi kalkolazzjoni umana, iżda attitudni ta’ fidi. U attitudni ta’ fidi dejjem għandha rabta mal-fedeltà f’Alla, li qatt ma heda jwieġeb.

 

 

Responsabilità maqsuma u differenzjata

16.              It-tielet tagħlima hi li l-katekeżi kienet min dejjem u tibqa’ għal dejjem xogħol li tiegħu l-Knisja trid tkun responsabbli u trid tixtieq li tħoss ruħha responsabbli. Biss il-membri tal-Knisja għandhom responsabbilitajiet differenti, li jiġu mill-missjoni ta’ kull wieħed minnhom. Minħabba l-kariga tagħhom, ir-Rgħajja (l-Isqfijiet) għandhom, f’livelli differenti, ir-responsabbiltà ewlenija li jkabbru, imexxu u jikkordinaw il-Katekeżi. Min-naħa tiegħu, il-Papa jaf sewwa r-responsabbiltà primarja li taqa’ fuqu f’dan il-qasam: minħabba f’hekk iħossu li għandu biex jinkwieta pastoralment, iżda jħoss ukoll prinċipalment, għajn ta’ ferħ u tama. Is-saċerdoti u r-reliġjużi għandhom fil-katekeżi qasam prominenti għall-appostolat tagħhom. Fuq livell ieħor, il-ġenituri għandhom responsabbiltà unika. L-Għalliema, il-ministri differenti tal-Knisja, il-katekisti, kif ukoll l-organizzaturi tal-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali, kollha kemm huma għandhom, fi gradi differenti, responsabbiltajiet preċiżi f’din l-edukazzjoni li hi mportanti għall-ħajja tal-Knisja u li taffettwa l-ħajja tas-soċjetà bħala tali. Ikun żgur wieħed mill-aqwa riżultati tal-Assemblea Ġenerali tas-Sinodu, iddedikata kollha kemm hi lill-katekeżi, li kieku jirnexxila tqajjem fil-knisja sħiħa u f’kull settur tagħha għarfien ħaj u attiv ta’ din ir-responsabbiltà maqsuma u differenzjata.

 

 

Tiġdid kontinwu bilanċjat

17.              Fl-aħħarnett, il-katekeżi teħtieġ tiġi kontinwament imġedda b'ċertu twessigħ tal-idea tagħha, b’reviżjoni tal-metodi li tuża, b’tiftix għal-lingwaġġ adattat, u bl-użu ta’ mezzi ġodda għax-xandir ta’ dan il-messaġġ. Xi kultant it-tiġdid ma jkunx dejjem jiswa l-istess. L-isqfijiet tas-sinodu għarfu realistikament mhux biss l-imxija żgura ’il quddiem fil-vitalità tal-attività kateketika u inizjattivi mwegħda, iżda wkoll il-limitazzjonijiet jew ukoll “nuqqasijiet” f’dak li ġie akkwistat sal-lum.[45] Dawn il-limitazzjonijiet huma partikularment serji meta jipperikulaw l-integrità tal-kontenut. Il-messaġġ lill-Poplu t’Alla jisħaq bi dritt illi “rutina biċ-ċaħda tagħha li ma tilqa’ l-ebda tibdil, improviżazzjoni, li dejjem lesta għal kull sogru, huma t-tnejn perikolużi”.[46]  Rutina twassal għal stat ta’ bla ebda ħajja, letarġija u kull tant paralisi. L-improviżazzjoni twelled it-taħwid fost dawk li jirċievu l-katekeżi u meta dawn huma tfal, fost il-ġenituri nfushom; hi twelled ukoll kull għamla ta’ devjazzjoni, kif ukoll il-qsim u xi kultant il-qerda totali tal-unità. Hi tassew ħaġa mportanti għall-knisja li tagħti prova llum, kif għamlet f’perijodi oħra tal-istorja tagħha, tal-għerf, kuraġġ u fedeltà evanġelika fit-tiftix u fit-tħaddim ta’ metodi ġodda u ta' prospetti ġodda għall-istruzzjoni kateketika.


 

III

KATEKEŻI FL-ATTIVITÀ PASTORALI U
MISSJUNARJA TAL-KNISJA

 

 

Katekeżi bħala tarġa fl-Evanġelizzazzjoni

18.              Il-Katekeżi ma tistax tiġi separata mill-attività pastorali u missjunarja sħiħa tal-Knisja. Madankollu hi għandha karattru speċifiku li kien għal bosta drabi oġġett ta’ inkjesta matul ix-xogħol preparatorju kif ukoll matul il-kors tar-Raba’ Assemblea Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet. Din il-problema tinteressa lill-pubbliku kemm dak ta’ ġol-knisja, kemm dak ta’ barra minnha.

Hawnhekk mhux lok li nagħtu definizzjoni rigorożament formali tal-Katekeżi, li ġiet imfissra biżżejjed fid-Direttorju Kateketiku Ġenerali.[47] Hu xogħol l-ispeċjalisti li jiċċaraw aħjar il-konċett u taqsim tagħħa.

Minħabba ċerti dubji fil-prattika, ejjew inġibu quddiem għajnejna il-punti prinċipali u essenzjali - diġa sabu posthom fis-sod fid-dokumenti tal-Knisja - li huma meħtieġa biex nifhmu eżatt il-katekeżi u li mingħajrhom hemm il-biża’ li ma jirrnexxilniex nifhmu t-tifsira kollha u dak li titlob.

Fi ftit kliem, nistgħu hawnhekk ngħidu li l-Katekeżi hi edukazzjoui tat-tfal, żgħażagħ
u adulti fil-fidi li tiġbor fiha, speċjalment, it-tagħlim tad-Duttrina nisranija mogħtija, biex ngħidu hekk, b’mod organiku u sistemat, b’idea li tqabbad lil dawk li qed jisimgħu, it-triq tal-Ħajja Nisranija. Hekk ukoll, filwaqt li mhix qed tiġi formalment identifikata magħhom, il-Katekeżi hi mibnija fuq ċertu numru ta’ elementi tal-missjoni pastorali tal-Knisja li għandhom aspett kateketiku li jħejju għall-katekeżi, jew inkella li joħorġu minnha. Dawn l-elementi huma:- il-proklamazzjoni inizjali tal-Vanġelu jew il-predikazzjoni missjunarja permezz tal-kerygma biex isaħħaħ il-fidi, l-apoloġetika, jew l-eżami tar-raġunijiet; għat-twemmin, esperjenza ta’ għixien nisrani, ċelebrazzjoni tas-Sagramenti, integrazzjoni fil-komunità ekkleżjali u xhieda appostolika u missjunarja.

Ejjew l-ewwelnett ngħidu li ma hemm l-ebda firda jew tfixkil bejn il-katekeżi u l- evanġelizzazzjoni. Hekk ukoll, dawn it-tnejn ma jistgħux jiġu sempliċement identifikati ma’ xulxin. Anzi huma għandhom rabtiet intimi li permezz tagħhom jintegraw u jkomplu lill-xulxin.

L-Eżortazzjoni Appostolika Evangelii Nuntiandi tat-8 ta’ Diċembru, 1975, dwar l-evanġelizzazzjoni fid-dinja tal-lum, tenniet bi dritt li l-evanġelizzazzjoni - li għandha bħala skop li twassal l-Aħbar it-Tajba lill-Umanità kollha, ħalli kulħadd ikun jista’ jgħix biha - hi realtà rikka, komplessa u dinamika, mibnija minn elementi, jew aħjar mumenti li huma essenzjali u differenti minn xulxin u li jridu jibqgħu jidhru fl-istess ħin.[48] II-Katekażi hu wieħed minn dawn il-mumenti - u wieħed mill-aqwa - fil-proċess kollu ta’ l-evanġelizzazzjoni.

 

 

Il-Katekeżi u l-Proklamazzjoni inizjali tal-Vanġelu

19.              Il-karattru speċifiku tal-katekeżi, kif inhu distint mill-proklamazzioni inizjali tal-Vanġelu li tqanqal konverżjoni, għandu żewġ objettivi, dak li jwassal għall-maturità il-fidi tal-bidu, dak li jeduka lil veru dixxiplu ta’ Kristu, permezz ta’ tagħrif aktar fil-fond u aktar sistemat tal-persuna u tal-messaġġ tas-Sinjur tagħna Ġesù Kristu.[49]

Iżda fil-prattika kateketika, dan l-ordni mudell irid jaċċetta l-fatt li ħafna drabi l-evanġelizzazzjoni inizjali tkun għadha ma saritx. Ċertu numru ta’ tfal, mgħammdin meta kienu għadhom trabi, jiġu għall-katekeżi fil-parroċċa mingħajr ma jirċievu l-ebda inizjazzjoni oħra tal-fidi u naturalment għadhom mingħajr rabta personali espliċita ma’ Ġesù Kristu, huma għandhom biss il-kapaċità li jemmnu, mqegħda fihom mill-magħmudija u mill-preżenza tal-Ispirtu s-Santu: l-oppożizzjoni tiġi malajr maħluqa permezz ta’ preġudizzji tal-ambjent familjari mhux kristjan jew inkella permezz tal-ispirtu pożittiv tal-edukazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, insibu tfal oħrajn li ma ġewx imgħammda u li l-ġenituri tagħhom aċċettaw, bosta żmien wara, li wliedhom jirċievu edukazzjoni reliġjuża; għal raġunijiet prattiċi, l-istadju katekumenali ta’ dawn it-tfal jiġi muri ħafna matul il-kors tal-katekeżi ordinarja. Ħafna pre-adolexxenti u adolexxenti li ġew imgħammda u li ġew mogħtija katekeżi sistematika u s-sagramenti, xorta jdumu jtellgħu u jniżżlu għal żmien twil dwar jekk jikkommettux rwieħhom lil Ġesù Kristu, anke jekk kemm-il darba ma jaslux biex jevitaw l-istruzzjoni reliġjuża, bl-iskuża tal-libertà tagħhom. Fl-aħħarnett, anke l-adulti mhumiex meħlusa mit-tentazzjonijiet ta’ dubju jew ta’ abbandun tal-fidi tagħhom, speċjalment bħala frott tal-ambjent tagħhom nieqes minn kull xorta ta’ twemmin. Dan ifisser li l-“katekeżi” trid ħafna drabi tħabbel moħħha mhux biss li tmantni u tgħallem il-fidi, iżda trid ukoll tħabrek biex issaħħaħ bla qatt ma tieqaf lil din il-fidi, bil-għajnuna tal-grazzja, billi tiftaħ beraħ il-qalb, billi tikkonverti u billi tħejji għal rabta totali ma’ Ġesù Kristu f’dawk kollha li għadhom fuq il-għatba tal-fidi. Dan it-tħabrik għandu, b’ċertu mod, jiddeċiedi t-ton, il-lingwaġġ u l-metodu tal-katekeżi.

 

 

Skop Speċifiku tal-Katekeżi

20.              Madankollu, l-iskop speċifiku tal-katekeżi huwa li jiżviluppa, bl-għajnuna t'Alla, fidi li għadha fl-istat tal-bidu u li jimxi ‘il quddiem fil-milja u li jmantni ta’ kuljum l-ħajja Nisranija tal-fidili, żgħażagħ u xjuħ. Fil-fatt hi kwistjoni li tkabbar, fuq livell ta’ għarfien u ħajja liż-żerriegħa tal-fidi miżrugħa mill-Ispirtu s-Santu mal-proklamazzjoni tal-bidu, u effettivament imwassla permezz tal-magħmudija.

Għalhekk il-katekeżi timmira li tiżviluppa l-għarfien tal-misteru ta’ Kristu fid-dawl tal-kelma t’Alla, ħalli l-umanità tal-persuna kollha kemm hi tiġi integrata b’din il-kelma. Mibdul bil-ħidma tal-grazzja fi kreatura ġdida, in-Nisrani jibda’ jimxi wara Kristu u jitgħallem fil-Knisja kif jaħseb bħalu dejjem iktar, kif jiġġudika bħalu, kif jaġixxi f’konformità mal-kmandamenti tiegħu u jittama kif iridna nagħmlu Hu.

Biex inqegħduha aktar eżatt: fil-proċess kollu tal-evanġelizzazzjoni, l-iskop tal-katekeżi huwa l-istadju ta’ tagħlim u ta’ maturazzjoni, jiġifieri, iż-żmien li fih, in-nisrani li aċċetta bil-fidi l-persuna ta’ Kristu Ġesù bħala l-Mulej wieħed, u tah l-adezjoni sħiħa tiegħu permezz ta’ konversjoni sinċiera tal-qalb, iħabrek li jsir jafu iżjed lil dan Ġesù, li f’idejh telaq lilu nnifsu; li jsir jaf ‘il-misteru’ tiegħu; is-saltna ta’ Alla mxandra minnu, il-ħtiġijiet u l-wegħdiet li nsibu fil-messaġġ tal-Vanġelu u t-toroq li poġġa quddiem kull min jixtieq jimxi warajh.

Hu veru li,  li tkun nisrani jfisser li tgħid “iva” lil Ġesù Kristu, iżda ejjew niftakru li din l-“iva” għandha żewġ livelli: tikkonsisti filli ċċedi għall-kelma t'Alla u tafda fiha. Iżda tfisser ukoll, aktar tard, li tħabbrek biex issir taf aħjar u aħjar it-tifsir profond ta’ din l-kelma.

 

 

II-Ħtieġa ta’ Katekeżi Sistematika

21.              Fid-diskors tiegħu tal-egħluq tar-Raba’ Assemblea Ġenerali tas-Sinodu, il-Papa Pawlu VI feraħ “meta nara kif kulħadd ġibed l-attenzjoni tiegħu għal ħtieġa assoluta ta’ katekeżi sistematika, preċiżament hu propju dan l-istudju riflessiv tal-Misteru Nisrani li jiddistingwi fundamentalment il-katekeżi mill-modi l-oħra kollha li jippreżentaw il-kelma ta’ Alla”.[50]

Minħabba diffikultajiet prattiċi, nixtiequ 'niġbdu l-attenzjoni għal xi wħud mill-karatteristiċi ta’ din l-istruzzjoni: -

-                      trid tkun sistematika, mhux improviżata, iżda programmata biex tilħaq għan preċiż;

-                      trid tittratta dwar dak li hu essenzjal, bla ebda dritt li ssolvi kull kwistjoni jew li tibdel lilha nnifisħa f’tiftix teoloġiku jew esiġeżi xjentifika;

-                      trid tal-inqas, tkun sħiħa, mhux tieqaf ħesrem mix-xandir inizjali (tal-bidu) tal-misteru nisrani bħalma għandna fil-kerygma;

-                      trid tkun inizjazzjoni integrali nisranija miftuħa għall-fatturi kollha tal-ħajja nisranija.

M’inhix qed ninsa l-interess tal-ħafna okkażjonijiet tal-katekeżi marbuta mal-ħajja personali, familjari, soċjali, ekkleżjali - dawn l-okkażjonijiet għandhom jiġu wżati u jiena nerġa’ nitkellem dwarhom f’Kapitlu VI - iżda qed insostni l-ħtieġa għall-istruzzjoni nisranija organika u sistematika minħabba t-tendenzi f’diversi oqsma biex iċekknu l-importanza tagħha.

 

 

Katekeżi u l-esperjenza tal-ħajja

22.              Ikun kollu ta’ xejn li nġelldu l-ortoprassi mal-ortodossija: il-kristjanità hi t-tnejn. Konvinzjonijiet sodi u maħsuba sewwa jwasslu għall-azzjoni kuraġġjuża u ġusta; it-tħabrik biex teduka lill-fidili ħalli jgħixu ta’ dixxipli ta’ Kristu, illum jitlob u jħaffef is-sejbien tal-misteru ta’ Kristu fl-istorja tas-salvazzjoni.

lkun kollu ta’ xejn li tistinka għat-twarrib tal-istudju serju u meqjus tal-messaġġ ta’ Kristu f’isem il-metodu li jikkonċentra fuq l-esperjenza tal-ħajja. “Ħadd ma jista’ jasal li jsib il-verità fuq il-bażi ta’ xi esperjenzi privati sempliċi, jiġifieri mingħajr tifsir adegwat tal-messaġġ ta’ Kristu li hu ‘it-triq, il-verità u l-ħajja’”. (Ġw 14:6)[51]

L-anqas ma għandu jkun hemm tfixkil bejn katekeżi li titlaq mill-ħajja u l-katekeżi tradizzjonali, dottrinali u sistematika.[52] Katekeżi awtentika hi dejjem inizjazzjoni meqjusa u sistematika għar-rivelazzjoni li Alla ta tiegħu nnifsu lill-umanità f’Ġesù Kristu, rivelazzjoni miżmuma fil-fond tal-memorja tal-Knisja u fl-Iskrittura Mqaddsa u kostantement qed tiġi mgħoddija minn ġenerazzjoni għall-oħra permezz ta' “traditio” attiva u ħajja. Din ir-rivelazzjoni mhix iżolata mill-ħajja jew marbuta artifiċjalment magħha. Hi turi nteress fl-iskop aħħari tal-ħajja u ddawwal lill-ħajja kollha bid-dawl tal-Vanġelu, biex tispiraha jew biex tistaqsiha.

Hu proprju għalhekk li nistgħu napplikaw għall-katekeżi espressjoni wżata mill-Konċilju Vatikan II b’referenza speċjali għas-saċerdoti “mgħallmin (tal-bniedem u tal-ħajja tiegħu) fil-fidi”.[53]

 

 

Katekeżi u Sagramenti

23.              Il-katekeżi hi intrinsikament marbuta ma’ l-attività liturġika u sagramentali kollha kemm hi, għaliex hu fis-sagramenti, speċjalment fl-Ewkaristija, li Ġesù Kristu jaħdem fil-milja tiegħu kollha għat-trasformazzjoni tal-bniedem.

Fil-Knisja tal-bidu, il-katekumenat u t-tħejjija għas-sagramenti tal-magħmudija u tal-Ewkaristija kien l-istess ħaġa. Għalkemm f’dawk il-pajjiżi li ilhom għal ħafna snin insara, il-Knisja biddlet id-drawwa tagħha f’dan il-qasam, il-katekumenat qatt ma ġie mneħħi għal kollox; anzi għall-kuntrarju, f’dawn il-pajjiżi, jinsab għaddej minn tiġdid;[54] u qed jiġi wżat ta’ spiss fil-knisja żagħżugħa missjunarja. Kien x’kien il-każ, il-katekeżi dejjem għandha referenza għas-sagramenti. Min-naħa l-waħda, il-katekeżi tħejji għas-sagramenti hi ta’ tip eminenti u kull forma ta’ katekeżi twassal neċessarjament għas-sagramenti tal-fidi. Min-naħa l-oħra, l-użu awtentiku tas-sagramenti għandu jkollu aspett kateketiku. Fi kliem ieħor, il-ħajja sagramentali tiftaqar u ma ddumx wisq li tirrendi lilha nnifisha ritwaliżmu vojt jekk kemm-il darba ma tkunx mibnija fuq tagħrif serju ta’ xi jfissru s-sagramenti. U l-katekeżi ssir intellettwalizzata jekk tonqos li ssir ħajja fil-prattika sagramentali.

 

 

Il-Katekeżi u l-Komunità Ekkleżjali

24.              Fl-aħħarnett, il-katekeżi hi marbuta intimament mal-attività responsabbli tal-knisja u tal-Insara fid-dinja. Bniedem li ta l-adeżjoni tiegħu lil Ġesù Kristu permezz tal-fidi u qed jagħmel dak kollu li jista’ biex isaħħaħ dik il-fidi permezz tal-katekeżi jeħtieġlu jgħix f’komunjoni ma’ dawk li bħalu jkunu qabdu l-istess triq. Il-katekeżi tkun qed tissogra li ssir vojta għal kollox f’każ li l-ebda komunità ta’ fidi u ħajja nisranija ma jaċċettaw lill-katekumenu f’xi stadju tal-katekeżi tiegħu. Proprju minħabba f’hekk, il-komunità ekkleżjali fuq kull livell, għandha żewġ responsabbiltajiet rigward il-katekeżi: hi għandha r-responsabbilità tat-tħejjija tal-membri tagħha, iżda wkoll għandha r-responsabbilità li tilqagħhom f’ambjent fejn ikunu jistgħu jgħixu, dak kollu li jkunu tgħallmu.

Hekk ukoll il-katekeżi hi miftuħa għal dinamiżmu missjunarju. Meta l-katekeżi ssir sewwa, l-Insara jkunu fuq ix-xwiek biex jagħtu xhieda tal-fidi tagħhom, biex jgħadduha lil uliedhom, biex jgħidu biha lill-oħrajn u biex jaqdu b’kull mod lill-komunità umana.

 

 

II-Katekeżi fis-sens wiesa’; neċessità għall-maturità u s-saħħa tal-fidi

25.              Hekk, permezz tal-katekeżi, il-Kerygma tal-Vanġelu (ix-xandira qawwija tal-bidu li biha bniedem għad ġurnata jiġi mirbuħ u mwassal jiddeċiedi li jintelaq f’Ġesù Kristu permezz tal-fidi) tinżel aktar fil-fond, tiżviluppa fil-konsegwenzi impliċiti tagħha, tfisser f’lingwaġġ li jinkludi fih appelli għar-raġuni u tmexxi lejn prattika nisranija fil-Knisja u fid-dinja. Dan kollu mhux inqas evanġeliku mill-Kerygma, minkejja dak kollu li jintqal minn ċerti persuni li jqisu li l-katekeżi neċessarjament tirrazzjonalizza, tinxef u eventwalment toqtol kull ħaġa li hi ħajja, spontanja u vibranti fil-kerygma. Il-veritajiet studjati fil-katekeżi huma l-istess veritajiet li missew il-qalb tal-bniedem meta semagħhom għall-ewwel darba. Il-fatt li nkunu nafuhom aħjar, mhux talli ma ntemmuhomx u nġibuhom fix-xejn, iżda nagħmluhom iżjed ta' sfida u deċisivi għall-ħajja tal-bniedem.

F’dan it-tagħrif li fissirna hawnhekk, il-katekeżi żżomm il-perspettiva pastorali sħiħa li biha ħares lejha s-Sinodu. Dan is-sens wiesa’ tal-katekeżi bl-ebda mod ma jikkontradixxi iżda pjuttost jinkludi u jmur iżjed il-bogħod mis-sens dejjaq li komunement kien mogħti lill-katekeżi fl-espożizzjonijiet didattiċi, jiġifieri t-tagħlim sempliċi ta’ formoli li jistqarru l-fidi.

Fl-analiżi finali, il-katekeżi hi neċessarja kemm għall-maturazzjoni tal-fidi tal-Insara u kemm għax-xhieda tagħhom fid-dinja, hi timmira li twassal lill-Insara biex “insiru ħaġa waħda fil-fidi u fil-għarfien tal-Iben ta’ Alla; insiru raġel magħmul fl-aħjar ta’ żmienu. U hekk isseħħ il-milja ta’ Kristu”.[55] Timmira wkoll li tagħmilhom imħejjija li jagħmlu difiża lil min jitlobhom il-għala tat-tama li għandhom fihom.[56]

 

 

 

 

 


 

IV

L-AĦBAR IT-TAJBA KOLLHA KEMM HI MIKSUBA MILL-GĦAJN TAGĦHA STESS

 

 

Kontenut tal-messaġġ

26.              Billi l-katekeżi hi waqt jew aspett ta’ evanġelizzazzjoni, il-kontenut tagħha ma jistax ikun ħaġa oħra għajr il-kontenut ta’ evanġelizzazzjoni kollu kemm hu. Il-messaġġ - l-aħbar it-tajba tas-Salvazzjoni - li nstama’ darba jew mijiet ta’ drabi u li ġie aċċettat mill-qalb, fil-katekeżi qed jiġi mistħarreġ kontinwament b’riflessjoni u bi studju sistematiku, b’għarfien ta’ riperkussjonijiet tagħha fuq il-ħajja personali tal-bniedem - għarfien li jistenna impenn ikbar - u billi jinseriha f’ħaġa sħiħa organika u armonjuża jiġifieri ħajja nisranija fis-soċjetà u fid-dinja.

 

 

L-għajn

27.              Il-katekeżi dejjem tieħu l-kontenut tagħha mill-għajn ħajja tal-Kelma ta’ Alla mxandra fit-Tradizzjoni u fl-Iskrittura, għaliex ‘‘it-Tradizzjoni Imqaddsa u 1-Iskrittura Mqaddsa jiffurmaw depożitu wieħed qaddis tal-Kelma t’Alla, li ġiet afdata f’idejn il-Knisja” bħalma nsibu fil-Konċilju Vatikan II li wera x-xewqa li '‘il-ministeru tal-Kelma - predikazzjoni pastorali kateketika u kull forma ta’ istruzzjoni nisranija ... (għandu jkun) mantnut b’saħħtu u (għandu) jimxi ’l quddiem fil-qdusija permezz tal-Kelma tal-Iskrittura”.[57]

Li titkellem minn Tradizzjoni u Skrittura bħala għajn tal-katekeżi jfisser li tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-Katekeżi trid tiġi mlaqqma u minfuda mill-ħsieb, mill-ispirtu u mid-dehra minn barra tal-Bibbja u tal-Vanġeli permezz ta’ kuntatt assidwu mat-testi nfushom; iżda hu wkoll ta’ tfakkira illi l-katekeżi għandha x’tirbaħ ħafna u ssir aktar effettiva minħabba 1-qari tat-testi b’iżjed intelliġenza u bil-qalb tal-Knisja u minħabba l-ksib tal-aspirazzjoni mill-elfejn sena ta’ riflessjoni u l-ħajja tal-Knisja.

It-tagħlim, il-Liturġija u l-ħajja tal-Knisja joħorġu minn din il-għajn u jwasslu mill-ġdid lejha, taħt it-tmexxija tal-Isqfijiet u b’mod partikulari, tal-Maġisteru dottrinali afdat f’idejhom mill-Mulej.

 

 

 

 

 

Il-Kredu: espressjoni mill-iżjed eċċezzjonali ta’ Duttrina

28.              Espressjoni mill-iżjed eċċezzjonali tal-wirt ħaj afdat fil-ħarsien tar-rgħajja tal-erwieħ, insibuha fil-Kredu, jew biex ngħiduha b’iżjed mod konkret, fil-Kredijiet li f’waqtiet mill-iżjed kruċjali, ġabru l-fidi tal-Knisja f’sintesi mill-iżjed feliċi. Matul is-sekli, element importanti tal-katekeżi kien iffurmat minn “traditio Symboli” (xandira ta’ ġabra fil-qosor tal-fidi); warajh insibu x-xandir tat-Talba tal-Mulej. Fi żminijietna, dan ir-rit espressiv reġa’ ġie mdaħħal fl-inizjazzjoni tal-katekumeni.[58] Forsi mhix ħaġa sewwa li jsir użu aktar tal-forma addattata tagħha, biex nuru dan l-istadju mill-iżjed importanti li fih dixxiplu ġdid ta’ Ġesù  Kristu jaċċetta b’għajnejh miftuħa u bil-kuraġġ il-kontenut ta’ dak li minn dak il-ħin ’il quddiem ser ikun l-oġġett tal-istudju l-iżjed ħerqan tiegħu?

Fil-Kredu tal-Poplu t'Alla, imxandar fit-tmiem tad-19-il mitt sena mill-martirju tal-Appostli San Pietru u San Pawl, il-predeċessur tiegħi, Pawlu VI, iddeċieda li jlaqqa’ ma’ xulxin l-elementi essenzjali tal-fidi Kattolika, speċjalment dawk li ppreżentaw diffikultajiet ikbar jew dawk li kważi kważi irriskjaw li jiġu mwarrba.[59] Dan għandu jkun punt ċert ta’ riflessjoni għall-kontenut tal-katekeżi.

 

 

Fatturi li qatt ma għandhom jiġu traskurati

29.              Fit-tielet kapitlu tal-Eżortazzjoni Appostolika "Evangelii Nuntiandi”, 1-istess Papa jtenni: “il-kontenut essenzjali u s-sustanza ħajja” tal-evanġelizzazzjoni.[60] Il-katekeżi wkoll trid iżżomm quddiem għajnejha dawn il-fatturi, kif ukoll is-sintesi ħajja li minnha jiffurmaw parti.[61]

Għalhekk, nillimita ruħi sempliċement li nsemmi xi punt jew tnejn.[62] Kulħadd jista' jara, per eżempju, kemm hu importanti li tagħmel lit-tifel, l-adolexxent, lill-persuna miexja lejn il-fidi, jifhmu “dak li jista', jagħraf min hu Alla”;[63] li tkun kapaċi, b’xi mod tgħidilhom "dak li intom tqimuħ bla ma tagħrfuh, inħabbarulkom jien”;[64] li tpoġġilhom quddiemhom[65] il-misteru tal-Kelma t’Alla magħmul bniedem u li ġġib is-salvazzjoni tal-bniedem bil-Għid tiegħu, jigifieri permezz tal-mewt u 1-Qawmien mill-imwiet, kif ukoll bil-priedki tiegħu, bis-sinjali li huwa wettaq u bis-sagramenti tal-preżenza permanenti tiegħu fostna. L-Isqfijiet tas-Sinodu kienu verament ispirati meta talbu biex tittieħed azzjoni ħalli ma jirriduċux lil Kristu għall-umanità biss, jew inkella lill-messaġġ tiegħu għalxejn iżjed 'minn dimensjoni dinjija’; iżda li Hu għandu jiġi magħruf bħala 1-Iben ta’ Alla, il-medjatur li permezz tal-ispirtu qed jiftħilna t-triq għal għand il-Missier.[66]

Hu importanti li nqegħdu quddiem l-għajnejn tal-intelliġenza u tal-qalb, fid-dawl tal-fidi, is-sagrament tal-preżenza ta’ Kristu, kif kostitwit mill-misteru tal-Knisja, li hi 1-assemblea ta’ bnedmin li huma midinbin, u fl-istess ħin li ġew imqaddsa u li jiffurmaw 1-familja ta’ Alla, miġbura flimkien mill-Mulej taħt it-tmexxija ta’ dawk li “l-Ispirtu s-Santu għamilhom ... għassiesa, biex tirgħu l-knisja ta’ Alla”.[67]

Hu importanti li tfisser li l-istorja tar-razza umana, immarkata kif inhi mill-grazzja u mid-dnub, kobor u miżerja, titkompla minn Alla f’Ibnu Ġesù “billi għatta b’xi mod iż-żmien li ġej”.[68]

Fl-aħħarnett, hu importanti li turi fil-beraħ u bil-libertà t-talbiet - talbiet li jinvolvu ċaħdiet proprji, iżda wkoll ferħ - magħmula b’dak li 1-appostlu Pawlu kien jieħu gost isejjaħ “ħajja ġdida”,[69] “ħolqien ġdid”,[70] f’għaqda ma’ Kristu,[71] u “ħajja ta’ dejjem fi Kristu Ġesù”,[72] li hi l-istess ħaġa bħal ħajja fid-dinja, iżda li mgħixa fi ftehim mal-Beatitudnijiet u msejjħa għall-estensjoni u trasfigurazzjoni aktar ’il quddiem.

Għalhekk l-importanza fil-katekeżi tar-rabtiet morali personali għall-ħarsien tal-Vanġelu u tal-attitudnijiet insara kemm jekk erojċi, kemm jekk sempliċi għall-ħajja u d-dinja, dak li aħna nsejħu l-virtujiet insara u evanġeliċi. Għalhekk ukoll fit-tħabrik għall-edukazzjoni tal-fidi, l-attenzjoni tal-katekeżi biex ma taqbiżx, iżda biex iċċara r-realtajiet proprji bħall-attività tal-bniedem għal-liberazzjoni integrali tiegħu,[73] it-tiftix għal soċjetà b’solidarjetà u fraternità akbar, il-ġlieda għall-ġustizzja u għall-bini tal-paċi.

Barra minn hekk, ma għandniex naħsbu li din id-dimensjoni tal-katekeżi hi għal kollox ġdida. Sa minn żmien l-età Patristika, Sant’ Ambroġ u San Ġwann Grisostmu - biex insemmi lilhom biss - taw prominenza lill-konsegwenzi soċjali ta’ dak li jitlob il-Vanġelu. Aktar qrib lejna, il-Katekiżmu ta’ San Piju X ġabar fost dawk id-dnubiet li jgħajtu ħaqq u vendetta quddiem Alla, it-tgħakkis tal-fqar u ċ-ċaħda tal-paga ġusta lill-ħaddiema.[74] Speċjalment sa minn żmien Rerum Novarum il-problemi soċjali nsibuhom fit-tagħlim kateketiku tal-Papiet u tal-Isqfijiet. Ħafna Isqfijiet, tas-Sinodu insistew bi dritt li l-wirt rikk, tat-tagħlim soċjali tal-Knisja, għandu, b’forom approprijati jsib post fl-edukazzjoni kateketika ġenerali tal-fidili.

 

 

Integrità tal-Kontenut

30.              Rigward il-kontenut tal-katekeżi, insibu tliet punti importanti li jeħtieġu attenzjoni speċjali. L-ewwel punt jitkellem dwar l-integrità tal-kontenut. Sabiex l-offerta sagrifikali tal-fidi tiegħu[75] tkun perfetta, il-bniedem li jsir dixxiplu ta’ Kristu, għandu d-dritt li jirċievi “il-kelma tal-fidi”[76] mhux f’forma mutilata, falsifikata jew imnaqqsa, iżda sħiħa intiera, fil-qawwa u saħħa kollha tagħha. Nuqqas ta’ fedeltà fuq xi punt ta’ integrità tal-messaġġ ifisser dgħajfien perikoluż tal-katekeżi u riskjar tar-riżultati li Kristu u l-komunità ekkleżjali għandhom kull dritt jistennew minnu. Hu ċertament mhux b’kumbinazzjoni li l-aħħar amar ta’ Ġesù fil-Vanġelu ta' San Mattew juri ċerta milja: “Lili ngħatat kull setgħa, fis-sema u fl-art ... agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha ... għallmuhom iħarsu dak kollu li ordnajtilkom jien ... Jiena magħkom dejjem ...” Huwa għalhekk li meta bniedem isir jaf għall-ewwel darba “il-qliegh kbir li hemm filli nagħraf lil Kristu Ġesù ”,[77] li ltaqa’ miegħu permezz tal-fidi u li għandu x’aktarx ix-xewqa inkonxja li jsir jafu iżjed fil-wisa’ u aħjar”,[78] ma hemm l-ebda skuża valida għaliex tiċħadlu xi parti minn dak il-għarfien. X’tip ta’ katekeżi jista’ jkun qatt dak li ma jirnexxilux li jagħti post sħiħ lill-ħolqien tal-bniedem u d-dnub, lill-pjan ta’ Alla għar-redenzjoni, lit-tħejjija twila u ta’ mħabba kif ukoll it-twettiq tiegħu, lill-Inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla, lill-Marija, l-Immakulata, lil Omm Alla, id-dejjem Verġni li ttellgħet bil-ġisem u bir-ruħ għall-glorja tas-sema u lis-sehem tagħha fil-misteru tas-Salvazzjoni, lill-misteru tal-ħażen li qed jaħdem fi żmienna[79] u 1-qawwa t’Alla li qed teħlisna minnu, lill-ħtieġa tal-penitenza u tal-axxetika, lill-azzjonijiet sagramentali u liturġiċi, lir-realtà tal-preżenza Ewkaristika lill-parteċipazzjoni fil-ħajja divina, kemm hawn u anke wara din il-ħajja u affarijiet oħra? Għalhekk, ebda katekist denn ta’ dan l-isem ma jista’ legalment, fuq inizjattivi tiegħu nnifsu jagħmel għażla ta’ dak li jidhirlu importanti, fit-tqegħid tal-fidi, f’kuntrast ma’ dak li jidhirlu li mhux importanti, biex b’hekk jgħallem ħaġa u jwarrab oħra.

 

 

Permezz ta’ metodi Pedagoġiċi xierqa

31.              Dan iwassalna għat-tieni punt. Jista’ jiġri li fis-sitwazzjoni preżenti tal-katekeżi, ċerti raġunijiet ta’ metodu jew pedagoġija jissuġġerixxu li l-komunikazzjoni tar-rikkezzi li hemm fil-katekeżi għandu jiġi organizzat b’tali mod u mhux mod ieħor. Barra minn hekk, l-integrità ma’ twarrabx il-bilanċ u l-karattru organiku u ġerarkiku li permezz tagħhom il-veritajiet li ser jiġu mgħallma, in-normi li għandhom jiġu mxandra u l-modi tal-ħajja nisranija li ser jiġu murija, jiġu mogħtija l-importanza proprja ta’ kull wieħed minnhom. Jista’ jiġri wkoll, li tip partikolari ta’ lingwaġġ jidher li għandu jiġi ppreferut għax-xandir tal-kontenut lil xi individwu jew grupp partikulari. L-għażla magħmula tkun waħda valida, sakemm, il-bogħod milli jiġi mġiegħla minn teoriji ftit jew wisq suġġestivi jew bi ftit preġudizzji mmarkati minn ċerti ideoloġiji, tiġi spirata minn impenn umli li żżomm qrib lejn il-kontenut li jrid jibqa’ bla mittiefes. Il-metodu u l-lingwaġġ li jintuża jrid verament ikun mezz li jxandar “il-kliem tal-ħajja ta dejjem”,[80] u “it-triqat tal-ħajja”[81] sħaħ u mhux parti minnhom.

 

 

Dimensjoni Ekumenika tal-Katekeżi

32.              Moviment kbir ċertament ispirat mill-Ispirtu ta’ Ġesù li għal ċertu snin kien qed iġiegħel lill-Knisja kattolika tfittex flimkien ma’ Knejjes Insara oħra jew Reliġjonijiet oħra r-restawrazzjoni ta’ l-unità perfetta mixtieqa mill-Mulej, twassalni għall-mistoqsija dwar il-karattru ekumeniku tal-katekeżi. Dan il-moviment laħaq il-qofol tiegħu fil-Konċilju Vatikan II[82] u minn dak in-nhar ħa estensjoni ġdida fil-Knisja, kif jidher, konkretament, mis-serje impressjonanti ta’ ġrajjiet u inizjattivi, li kulħadd jaf bihom.

Il-katekeżi ma tistax iżżomm għaliha weħidha ’l bogħod mid-dimensjoni ekumenika tagħha, la darba l-fidili ġew mistiedna jaqsmu, dejjem skond il-kapaċità u l-post tagħhom fil-knisja, fil-moviment lejn l-unità.[83]

Il-katekeżi jkollha dimensjoni ekumenika, jekk, filwaqt li ma tieqafx tgħallem li l-milja tal-veritajiet rivelati u tal-mezzi tas-salvazzjoni mwaqqfa minn Kristu tinsab fil-Knisja Kattolika,[84] hi tagħmel hekk b’rispett sinċier ta’ kliem u ta’ għemejjel lejn, komunitajiet ekkleżjali li ma humiex f’komunjoni perfetta mal-Knisja.

F’dan il-kuntest, hu ta’ importanza mill-aqwa li tingħata preżentazzjoni korretta u eżatta tal-knejjes l-oħra u tal-komunitajiet ekkleżjali li l-Ispirtu ta’ Kristu ma jsibhiex bi tqila juża bħala mezzi għas-salvazzjoni; “barra minn hekk, xi wħud u anke bosta mill-elementi importanti u rikkezzi li flimkien jibnu u jagħtu ħajja lill-Knisja nnifisha, jistgħu jeżistu ’l barra mil-limiti tal-Knisja Kattolika”.[85] Fost affarijiet oħra, din il-preżentazzjoni tgħin lill-kattoliċi sabiex ikollhom għarfien iżjed profond tal-fidi tagħhom u jsiru midħla iżjed u jistmaw aħjar lil ħuthom l-Insara l-oħra, u b’hekk iħaffu t-tfittxija li kollha qed jagħmlu għall-għaqda (unità) sħiħa fis-sewwa kollu. Għandha tgħin ukoll lil dawk in-non-kattoliċi sabiex jakkwistaw għarfien aħjar u apprezzament tal-Knisja Kattolika u l-konvinzjonijiet tagħha li tkun "ta’ għajnuna universali għas-salvazzjoni”.

Il-Katekeżi jkollha dimensjoni ekumenika, jekk, barra minn dan kollu, toħloq u tħabbar ix-xewqa vera għall-għaqda. Din issir aktar vera kieku kellha tnebbaħ inizjattivi serji - fosthom l-inizjattiva għal tisfija proprja fl-umiltà u fil-fervur tal-Ispirtu, biex tnaddaf min-nofs it-toroq bl-iskop mhux ta’ targets faċli ta’ paċi iffurmati minn omissjonijiet u konċessjonijiet fuq il-livell tad-duttrina, iżda għall-għaqda perfetta, meta u kif irid il-Muiej.

Fl-aħħarnett, il-katekeżi jkollha dimensjoni ekumenika jekk tipprova tħejji tfal u żgħażagħ kattoliċi, kif ukoll adulti biex jgħixu f’kuntatt ma’ dawk li m’humiex kattoliċi, jaffermaw l-identità kattolika tagħhom filwaqt li jirrispettaw il-fidi tal-oħrajn.

 

 

Kollaborazzjoni Ekumenika fil-qasam tal-Katekeżi

33.              F’sitwazzjonijiet ta’ pluralità reliġjuża, l-Isqfijiet jistgħu jqisu li hi ħaġa sewwa, u anke meħtieġa li jkollhom ċerti esperjenzi ta’ kollaborazzjoni fil-qasam tal-katekeżi bejn il-kattoliċi u l-Insara l-oħra, billi jkomplu l-katekeżi normali, li hu x’inhu l-każ trid tingħata lill-kattoliċi. Esperjenzi bħal dawn għandhom pedament teoloġiku fl-elementi maqsuma bejn l-Insara kollħa.[86] Iżda l-komunjoni tal-fidi bejn il-kattoliċi u l-insara l-oħra m’hijiex sħiħa jew perfetta; f’ċerti każi nsibu diverġenzi mill-iżjed wiesa’. Minħabba f’hekk, din il-kollaborazzjoni ekumenika, hi min-natura tagħħa, limitata: hi qatt ma għandha tkun “riduzzjoni” għall-minimu komuni. Barra minn hekk, il-katekeżi ma tikkonsistix sempliċement fit-tagħlim tad-duttrina: tfisser ukoll inizjazzjoni għall-milja tal-ħajja nisranija filwaqt li twassal għall-parteċipazzjoni sħiħa fis-sagramenti tal-Knisja. Għalhekk, fejn hemm esperjenza ta’ kollaborazzjoni ekumenika fil-qasam tal-katekeżi, wieħed irid joqgħod attent li l-edukazzjoni tal-kattoliċi, fil-Knisja Kattolika, tkun assigurata f’materji ta’ duttrina u ta' ħajja nisranija.

Matul is-sinodu, ċertu numru ta’ Isqfijiet ġibdu l-attenzjoni għal dak li rrefera għaliħ (bħala każijiet dejjem iżjed frekwenti li fihom l-awtorità ċivili u ċirkustanzi oħra jimponu fuq skejjel f’ċerti pajjiżi istruzzjoni komuni fir-reliġjon nisranija, b’kotba komuni, f’perijodi fil-klassi, eċċ. kemm għall-kattoliċi u anke għal dawk li ma humiex. M’hemmx għalfejn ngħidu, din ma hijiex vera katekeżi. Iżda dan it-tagħlim għandu wkoll importanza ekumenika meta tippreżenta duttrina nisranija b’onestà u b’eżattezza. F’każijiet fejn iċ-ċirkustanzi jimponuha, hu importanti, li barra minn dan, katekeżi kattolika speċifika trid tiġi żgurata b’attenzjoni kbira.

 

 

Il-Problema tal-Kotba li jittrattaw dwar diversi reliġjonijiet

34.              Hawnhekk, xieraq li nagħmlu osservazzjoni oħra fuq l-istess linji, iżda minn angolu differenti. Xi kultant l-iskejjel tal-istat jagħtu lill-istudenti tagħhom kotba li għal raġunijiet kulturali (storja, morali jew letteratura) jippreżentaw id-diversi reliġjonijiet, fosthom ir-reliġjon kattolika. Preżentazzjoni oġġettiva ta’ ġrajjiet storiċi tar-relazzjonijiet differenti u tad-diversi reliġjonijiet insara jistgħu jagħtu kontribut għal iżjed għarfien bejniethom. Wieħed irid joqgħod attent li jagħmel kull sforz sabiex jiżgura li l-preżentazzjoni hi verament oġġettiva u ħielsa minn kull influwenza qarrieqa ta’ sistemi ideoloġiċi u politiċi, jew ta’ preġudizzji li jistqarru li huma xjentifiċi. Hu x’inhu l-każ, dawn il-kotba tal-iskola ma jistgħux jiġu meqjusa bħala xogħlijiet kateketiċi: tonqoshom ix-xhieda ta’ dawk li jemmuu li jistqarru l-fidi tagħhom lill-bnedmin oħra li jemmnu, u l-ftehim tal-misteri Insara kif ukoll ta’ dak li hu speċifiku dwar il-Kattoliċiżmu, billi dawn huma magħrufa fil-fidi.


 

V

KULĦADD JEĦTIEĠ LI JIĠI KATEKIZZAT

 

 

L-Importanza tat-Tfal u taż-Żgħażagħ

35.              Is-suġġett magħżul mill-predeċessur tiegħi Pawlu VI għar-Raba’ Assemblea       Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet kien: “Katekeżi fi żminijietna: b’referenza speċjali għall-katekeżi tat-tfal u taż-żgħażagħ”. Iż-żieda fin-numru ta’ żgħażagħ, hi, bla dubju ta’ xejn, fatt mimli tama u fl-istess ħin b’ansjetà għall-parti kbira tad-dinja tal-lum. F’ċerti pajjiżi, speċjalment dawk tat-Tielet Dinja, aktar minn nofs il-popolazzjoni hi taħt il-ħamsa u għoxrin jew tletin sena. Dan ifisser miljuni u miljuni ta’ tfal u ta’ żgħażagħ li qed jitħejjew għall-futur adult tagħhom. U hemm iżjed mis-sempliċi fattur tan-numru: ġrajjiet reċenti, kif ukoll l-aħbarijiet ta’ kuljum, jgħidulna li, għalkemm din il-multitudni bla għadd ta’ żgħażagħ qegħda ’l hawn u ’l hemm, tiġi dominata mid-dubji u mill-biża’, mirkuba mill-ħerba permezz ta’ l-indifferenza jew tad-droga, jew inkella ttentata minn qerda totali u l-vjolenza, xorta waħda tikkostitwixxi, fil-parti l-kbira tagħha, forza kbira, li fost it-taqlib kollu, trid tibni ċ-ċiviltà tal-futur.

Fil-ħidma tagħna pastorali, aħna nsaqsu lilna nfusna: kif sejrin aħna nuru ’l Ġesù  Kristu, Alla magħmul bniedem, lil din il-multitudni ta’ tfal u ta’ żgħażagħ, nuruh, mhux permezz tas-seħer tal-ewwel laqgħa mgħaġġla, iżda permezz ta’ fteħim aħjar li jinżel fil-fond u jiċċara kuljum, fi ftehim miegħu, mal-messaġġ tiegħu, il-pjan ta’ Alla li Hu stess wera, is-sejħa li Hu stess itenni lil kull bniedem u s-Saltna li Hu jixtieq iwaqqaf f’din id-dinja, permezz tal-"merħla żgħira”[87] ta’ dawk li jemmnu fiH, saltna li ssib il-milja tagħha biss, fl-eternità? Kif ser naslu ngħinuhom isiru jafu t-tifsira, l-importanza, il-ħtiġijiet fundamentali, il-liġi tal-imħabba, il-wegħdiet u t-tamiet ta’ din is-saltna?

Hawn ħafna osservazzjonijiet li jistgħu jsiru dwar il-karatteristiċi speċjali li l-katekeżi tassumi fl-istadji differenti tal-ħajja.

 

 

Tfal ċkejknin

36.              Mument wieħed li ħafna drabi ‘hu deċisiv hu dak ta’ meta t-tifel ċkejken ħafna, jirċievi l-ewwel elementi ta’ katekeżi mingħand il-ġenituri tiegħu u mill-ambjent tal-familja. Jista’ jkun li dawn l-elementi ma jkunux iktar minn rivelazzjoni sempliċi ta’ Missier twajjeb u li jista' kollox, li qiegħed fis-Sema u li lejH it-tifel jiġi mgħallem iressaq il-qalb tiegħu. It-talbiet qosra li t-tifel jitgħallem ilissen għandhom ikunu bidu ta’ djalogu ta’ mħabba ma’ dan Alla moħbi u li mbagħad jibda’ jisma’ l-kelma tiegħu. Ma nistax nagħmel enfasi biżżejjed fuq din l-inizjazzjoni bikrija mill-ġenituri nsara, li permezz tagħha l-fakultajiet tat-tifel jiġu ntegrati, f’relazzjoni ħajja ma’ Alla. Din hi biċċa xogħol ta’ importanza mill-aqwa. Tistenna mħabba kbira u rispett profond għat-tifel, li għandu dritt għall-preżentazzjoni sempliċi u vera tal-fidi nisranija.

 

Tfal

37.              Malajr, għat-tifel, fl-iskola u fil-Knisja, l-istituzzjonijiet konnessi mal-parroċċa jew mal-kura spiritwali tal-iskejjel Kattoliċi jew tal-Istat, jasallu mhux biss introduzzjoni f’ċirku soċjali iżjed wiesa’, iżda mument ta’ katekeżi mmirat li ddaħħlu sewwa organikament fil-ħajja tal-Knisja, mument li jinkludi fih tħejjija meħtieġa għaċ-ċelebrazzjoni tas-sagramenti. Din il-katekeżi hi ta’ karattru didattiku, iżda hi ppjanata biex tagħti xhieda tal-fidi. Hi katekeżi tal-bidu, iżda mhux katekeżi frammentarja, billi trid turi, għalkemm b’mod elementari, il-misteri kollha prinċipali tal-fidi u l-effetti tagħhom fuq il-ħajja morali u reliġjuża tat-tifel. Hi katekeżi li tagħti tifsira lis-sagramenti, iżda fi-istess ħin tirċievi mill-esperjenza tas-sagramenti, dimensjoni ħajja li ma tħallihiex biss dottrinali u twassal lit-tifel il-ferħ li jkun xhud ta’ Kristu fil-ħajja ta’ kuljum.

 

 

Adolexxenti

38.              Wara, għandna l-pubertà u l-adolexxenza, bil-kobor u l-perikli kollha li din l-età ġġib magħha. Dan hu ż-żmien li wieħed isir jaf aktar lilu nnifsu kif ukoll jagħraf il-qalba tad-dinja tiegħu; iż-żmien ta’ pjanijiet ġenerużi, iż-żmien li fih is-seħer tal-imħabba jibda jistenbaħ ġewwa fih, bl-impulsi bijoloġiċi ta’ sesswalità, iż-żmien ta’ xewqat li joqgħod ma’ ħaddieħor, iż-żmien ta’ ferħ qawwi partikulari, marbut mas-seħer ta’ kixfa tal-ħajja. Iżda ħafna drabi hu ż-żmien ukoll ta’ mistoqsijiet profondi, ta’ dwejjaq jew anke ta’ tiftix li jġennen, żmien ta’ nuqqas ta' fidi fl-oħrajn u ta’ introspezzjoni perikoluża; iż-żmien, xi kultant, tal-ewwel esperjenza qarsa ta’ tfixkil u diżappunti. Il-katekeżi ma tistax twarrab fil-ġenb dawn l-aspetti ta’ tibdil li jseħħu f’dan il-perijodu delikat tal-ħajja. Katekeżi li kapaċi twassal lill-adolexxent biex jerġa’ jeżamina mill-ġdid ħajtu, biex jiftaħ djalogu, katekeżi li ma twarrabx il-problemi l-aktar kbar tal-adolexxent u l-għotja tiegħu nnifsu, it-twemmin, l-imħabba u l-modi kif tesprimiha, kostitwiti mis-sesswalità - katekeżi bħal din tista’ tkun deċiżiva. L-għarfien ta’ Ġesù Kristu bħala ħabib, mexxej, mudell, kapaċi jiġi ammirat iżda wkoll imitat; il-għarfien tal-messaġġ tiegħu li jagħti tweġiba għall-mistoqsijiet fundamentali, il-għarfien tal-pjan tal-imħabba ta’ Kristu Salvatur, bħala inkarnazzjoni tal-uniku mħabba awtentika u bħala possibilità li tgħaqqad ir-razza umana. Dan kollu jista’ jkun il-bażi ta’ edukazzjoni ġenwina tal-fidi. Fuq kollox il-misteri tal-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù, li permezz tagħhom, skond San Pawl, immerita l-Qawmien glorjuż Tiegħu, jistgħu jitkellmu sewwa mal-kuxjenza tal-adolexxent u ma’ qalbu u jitfgħu dawl fuq l-ewwel tbatijiet tiegħu u fuq it-tbatija tad-dinja li hu kixef.

 

 

Żgħażagħ

39.              Flimkien maż-żgħożija jasal ukoll il-mument tal-ewwel deċiżjonijiet kbar. Għalkemm iż-żgħażagħ jistgħu jakkwistaw l-għajnuna tal-membri tal-familja tagħhom u ta’ ħbiebhom, ikollhom jafdaw fuqhom infushom u fuq il-kuxjenza tagħhom u kulma jmur ikollhom jerfgħu, aktar ta’ spiss u b'mod deċiżiv, ir-responsabbiltà tad-destin tagħhom. It-tajjeb u l-ħażin, il-grazzja u d-dnub, il-ħajja u l-mewt jibdew kulma jmur iqumu kontra xulxin ġo fihom, mhux sempliċement bħala kategoriji morali iżda prinċipalment bħala għażliet fundamentali li jridu jaċċettaw jew iwarrbu b’għajnejhom miftuħa, konxji tar-responsabbiltà tagħhom. Hi ħaġa ċara li l-katekeżi li teħodha kontra l-egoiżmu f’isem il-ġenerożità u li bla ebda simplifikazzjoni żejda u illużorja tippreżenta t-tifsira nisranija tax-xogħol, tal-ġid komuni, tal-ġustizzja, tal-karità, katekeżi fuq il-paċi internazzjonali u l-mixja ’1 quddiem tad-dinjità umana, dwar l-iżvilupp, dwar il-ħelsien (liberazzjoni) kif ġew ippreżentati fid-Dokumenti riċenti tal-Knisja,[88] tkompli timla b’mod xieraq l-imħuħ taż-żgħażagħ b’katekeżi dwar ir-realtajiet strettament reliġjużi li ma għandhomx jiġu mwarrba. B’hekk il-katekeżi takkwista importanza konsiderevoli, billi hu ż-żmien meta l-Vanġelu jista’ jiġi ppreżentat, mifhum u aċċettat bħala kapaċi jagħti tifsira għall-ħajja u b’hekk kapaċi jispira attitudnijiet li ma jistax ikollhom tifsir ieħor, bħal sagrifiċċju tiegħu nnifsu, iċ-ċaħda, ix-xhieda, il-ġustizzja, l-impenn, ir-rikonċiljazzjoni, sens tal-assolut u ta’ dak li ma jidhirx. Dawn huma kollha kwalitajiet li jiddistingwu żagħżugħ minn sħabu l-oħra bħala dixxiplu ta’ Ġesù Kristu.

B’hekk il-katekeżi tħejji għall-impenji nsara mportanti tal-ħajja adulta. Per eżempju: li ċerti vokazzjonijiet għas-saċerdozju u l-ħajja reliġjuża għandhom il-bidu taghhom f’katekeżi mogħtija sewwa matul it-tfulija u l-adolexxenza.

Mit-tfulija sa fuq il-għatba tal-maturità, il-katekeżi hi skola permanenti tal-fidi u ssegwi l-istadji prinċipali tal-ħajja, bħal dawk li jdawwlu it-triq tat-tifel, tal-adolexxent u taż-żagħżugħ.

 

 

L-Adattament tal-Katekeżi għaż-żgħażagħ

40.              Hi ħaġa li tqawwi l-qalb, tinnota, li matul ir-Raba’ Assemblea Ġenerali tas-Sinodu u fis-snin ta’ wara, il-Knisja ħabblet moħħha sewwa dwar il-mod kif tagħti l-katekeżi lit-tfal u liż-żgħażagħ. Jalla din l-attenzjoni li tqajjmet iddum għal żmien fil-ħsieb tal-Knisja. B'dan il-mod, is-Sinodu kien mitqlu deheb għall-Knisja kollha meta fittex li jsib, bi preċiżjoni mill-iżjed possibbli, il-karatteristiċi komplessi taż-żgħażagħ tal-lum, billi wera li dawn iż-żgħażagħ jitkellmu b’lingwaġġ li fih il-Messaġġ ta’ Ġesù kellu jiġi maqlub b’sabar u b’għerf u bla tradiment; billi wera li, minkejja l-apparenzi, dawn iż-żgħażagħ għandhom ġewwa fihom, anke jekk b'mod imħawwad, mhux sempliċement dik li jkunu dejjem lesti jew ħielsa fi kliemhom, iżda x’aktarx xewqa vera li jsiru jafu lil “Ġesù ... li jsejħulu l-Messija”;[89] u billi wera li jekk kemm-il darba l-ħidma tal-katekeżi ser issir b’serjetà u rigorosament, illum hi aktar diffiċli u tgħajjik minn qabel minħabba ostakli u d-diffikultajiet ta' kull xorta li miegħu tiltaqa’; iżda hu wkoll ta’ konsolazzjoni aqwa minħabba l-profondità tat-tweġiba li tirċievi mit-tfal u miż-żgħażagħ. Dan hu teżor li fuqu l-Knisja tista’ u għandha sserraħ moħħha fis-snin li ġejjin.

Xi kategoriji ta’ żgħażagħ li għalihom hu ndirizzat il-katekeżi, jitolbu attenzjoni speċjali minħabba s-sitwazzjoni partikolari tagħhom.

Dawk bi bżonnijiet Speċjali

41.              Jiġu f’moħħna mill-ewwel it-tfal u ż-żgħażagħ bi bżonnijiet speċjali sew fiżikament kif ukoll mentalment. Huma għandhom dritt daqs l-oħrajn ta’ età bħalhom li jagħrfu "il-misteru tal-fidi”. Aktar ma huma kbar id-difetti u d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom, aktar jagħtu mertu għall-isforzi tagħhom u għal dawk tal-għalliema tagħhom. Hi tassew ħaġa sabiħa meta tara lill-Organizzazzjonijiet Kattoliċi, speċjalment dawk dedikati lil żgħażagħ b’diżabiltà, jikkontribwixxu lis-Sinodu l-esperjenzi tagħhom f’dan il-qasam u jieħdu mis-Sinodu xewqa mġedda li l-problema importanti tagħhom tiġi ttrattata aħjar. Huma jixirqilhom li jiġu mogħtija kull inkoraġġiment fil-ħidma tagħhom.

 

 

Żgħażagħ mingħajr ebda għajnuna reliġjuża

42.              Imbagħad, il-ħsibijiet tiegħi iduru fuq in-numru dejjem akbar ta’ tfal u ta’ żgħażagħ li twieldu u qed jiġu mtella' f’xi dar li mhux nisranija, jew tal-inqas f’dar li ma tipprattika 1-ebda reliġjon; iżda li fl-istess ħin dawn jixtiequ jkunu jafu iżjed dwar il-fidi nisranija. Dawn iridu jiġu assigurati minn katekeżi li ddoqq għalihom, sabiex ikunu jistgħu jikbru fil-fidi u jgħixu biha aktar u aktar, minkejja n-nuqqas ta’ għajnuna meta mhux ukoll oppożizzjoni, li magħhom jiltaqgħu fl-ambjenti tagħhom.

 

 

Adulti

43.              Biex inkomplu s-serje ta’ dawk li qed jirċievu l-katekeżi, ma jistax ikun li ma nagħmlux enfasi, hawnhekk, għal wieħed mill-aqwa interessi kostanti li urew l-Isqfijiet fis-Sinodu; interess imqiegħed b’saħħa u b’urġenza minn esperjenzi preżenti fid-dinja kollha: qed nirreferu għall-problema ċentrali tal-katekeżi tal-adulti. Din hi l-forma prinċipali tal-katekeżi, għaliex hi ndirizzata lill-persuni li għandhom responsabbiltajiet mill-aqwa u kapaċità li jgħixu l-messaġġ nisrani fil-forma l-aktar żviluppata tiegħu.[90] Il-komunità nisranija ma tistax twettaq katekeżi permanenti mingħajr il-parteċipazzjoni diretta u kapaċi tal-adulti, kemm bħala dawk li qed jirċievu, kemm bħala promuturi tal-attività kateketika. Id-dinja li fiha ż-żgħażagħ qed jiġu msejjħa biex jgħixu u jagħtu xhieda tal-fidi li l-katekeżi qed tipprova tniżżel fil-fond u tqawwi ġo fihom, hi mmexxija mill-adulti: il-fidi ta’ dawn l-adulti wkoll għandha kontinwament tiġi mdawwla. Imbuttata u mġedda, sabiex tinfed ir-realtajiet temporali taħt il-ħakma tagħhom. Għalhekk, biex il-katekeżi tkun effettiva, trid tkun permanenti u tista’ ssir ta’ bla ebda użu kieku kellha tieqaf fuq il-għatba tal-maturità, billi 1-katekeżi, għalkemm verament taħt forom oħra, turi lilha nnifisha, meħtieġa għall-adulti.

 

 

Kważi Katekumeni

Fost l-adulti li jeħtieġu l-katekeżi, l-interess missjunarju pastorali tagħha jmur fuq dawk li twieldu u kibru f’postijiet li għadhom ma ġewx kristjanizzati u li qatt ma kienu kapaċi jistudjaw fil-fond it-tagħlim Nisrani li ċ-ċirkustanzi tal-ħajja, f’xi mument jew ieħor, laqqgħuhom miegħu. Dan l-interess jinfirex ukoll fuq dawk li fit-tfulija, rċevew katekeżi adattata għall-età tagħhom, iżda imbagħad tbegħdu minn kull prattika religjuża u bħala adulti qed isibu rwieħhom b’tagħrif reliġjuż ta’ tip infantili. Dan l-interess imur ukoll fuq dawk li jħossu l-effetti ta’ katekeżi li rċevew kmieni f’ħajjithom iżda li ġiet mogħtija ħażin, jew assimilata ħażin. Dan l-interess imur ukoll fuq dawk li, għalkemm twieldu f’pajjiż nisrani jew f’ambjenti soċjoloġikament Insara, qatt ma ġew edukati fil-fidi tagħhom u bħala adulti, huma katekumeni veri.

 

 

Forom diversifikati u komplimentari ta’ katekeżi.

45.              Mela, il-katekeżi hija għall-adulti ta’ kull età, inklużi k-anzjani - bnedmin li jixirqilhom attenzjoni partikulari minħabba l-esperjenzi u l-problemi tagħhom - xejn inqas mit-tfal, adolexxenti u miż-żgħażagħ. Nistgħu nsemmu wkoll l-emigranti, dawk li qed iħossu lilhom infushom maqtugħa permezz ta’ żviluppi moderni, dawk li qed jgħixu f’naħat ta’ bliet kbar li ħafna drabi għadhom bla knejjes, bini u organizzazzjonijiet adattati u gruppi oħra bħal dawn. Hi tassew ħaġa mixtieqa li inizjattivi, magħmulin bl-iskop li jagħtu lil dawn il-gruppi formazzjoni Nisranija, b’mezzi approprijati (audio-visual aids, kotba, pamphlets, diskussjonijiet, lectures) għandhom jikbru fin-numru ħalli jgħinu lil ħafna adulti jimlew il-vojt imħolli minn katekeżi insuffiċjenti u nieqsa, biex itellgħu armonikament għal livell aktar għoli l-katekeżi li rċivew meta kienu żgħar, jew inkella jħejju biżżejjed lilhom infushom f’dan il-qasam, sabiex ikunu kapaċi jgħinu lill-oħrajn b’mod mill-iżjed serju.

Hu importanti wkoll li l-katekeżi tat-tfal u taż-żgħażagħ, il-katekeżi permanenti u 1- katekeżi tal-adulti ma għandhom qatt jiġu mifruda b’mod li jsiru kull waħda iżolata għaliha nnifisha. Hu importanti wkoll li ma għandux ikun hemm firda bejniethom. Anzi, għall-kuntrarju, għandha tiġi msaħħa t-tkomplija perfetta ta’ bejniethom:     l-adulti għandhom ħafna x’jagħtu liż-żgħażagħ u lit-tfal fil-qasam tal-katekeżi, iżda jistgħu jirċievu ħafna wkoll mingħandhom sabiex jikbru iktar fil-ħajja tagħhom nisranija.

Għandu jiġi mtenni li ħadd fil-Knisja ta’ Ġesù Kristu ma għandu jħoss lilu nnifsu meħlus milli jirċievi l-katekeżi. Dan jista’ jingħad ukoll għas-seminaristi u reliġjużi żgħażagħ u għal dawk kollha msejjħa għall-ħidma li jkunu rgħajja u katekisti. Huma jkunu jistgħu jwettqu aktar aħjar din il-ħidma jekk huma jkunu studenti umli tal-Knisja, li hi l-akbar donatriċi kif ukoll l-akbar riċevitura tal-katekeżi.


 

VI

XI MODI U MEZZI TAL-KATEKEŻI

 

 

Mezzi ta’ Komunikazzjoni

46.              Sa mit-tagħlim mitqal tal-appostli u l-ittri li kienu f’idejn il-Knejjes sal-mezzi l-aktar moderni tal-lum, il-katekeżi qatt ma waqfet fit-tfittxija tagħha biex issib l-aħjar modi u mezzi għall-missjoni tagħha, flimkien mas-sehem attiv tal-komunitajiet u l-impenn tal-Isqfljiet. Dan l-isforz għandu jitkompla.

Immedjatament qed jiġuni quddiem għajnejja l-possibiltajiet kbar li l-mezzi tal- komunikazzjoni soċjali u dawk ta’ gruppi joffru: televiżjoni, radju, il-gazzetti, diski, tape-recordings - is-serje kollha tal-mezzi awdjoviżivi. Il-kisbiet f’dawn l-oqsma huma tali li jinkoraġġixxu tamiet mill-aqwa. Per eżempju: l-esperjenza turina l-effett miksub minn istruzzjoni mogħtija fuq ir-radju jew TV meta tkun maħduma b’livell estetiku tassew għoli u b’fedeltà rigoruża għall-Maġisteru. Il-Knisja llum għandha ħafna opportunitajiet biex tikkonsidra dawn il-mistoqsijiet, bħal per eżempju, f’Jum il-Mezzi tal-Komunikazzjoni Soċjali - u ma tkunx ħaġa xierqa li nitkellmu dwarhom hawnhekk fit-tul, minkejja l- importanza kbira li għandhom.

 

 

Użu ta’ postijiet, okkażjonijiet u laqgħat

47.              Qed jiġuni quddiem għajnejja wkoll l-okkażjonijiet differenti ta’ valur speċjali li huma eżattament adattati għall-katekeżi: per eżempju pellegrinaġġi djoċesani, reġjonali u nazzjonali li jiksbu ħafna ġid meta jkunu mibnija fuq suġġett magħżul bl-akbar għaqal, bażat fuq il-ħajja ta’ Kristu, tal-Verġni Mqaddsa jew tal-qaddisin. Hemm imbagħad il-missjonijiet tradizzjonali, li ġew imwarrba b’għaġġla liema bħala iżda li ma tqiegħed xejn flokhom għat-tiġdid perjodiku u rigoruż tal-Ħajja nisranija - dawn jeħtieġu li jerġgħu jibdew isiru u anke jiġu aġġornati. Hemm ukoll il-gruppi ta’ studju tal-Bibbja; li għandhom imorru lil hinn mill-esiġenzi u għandhom iwasslu lill-membri biex igħixu l-kelma ta’ Alla. Insibu okkażjonijiet oħra bħal laqgħat ta’ komunitajiet ta’ bażi ekkleżjali, sakemm jaqblu mal-kriterji mqegħda fl-Eżortazzjoni Appostolika Evangelii Nuntiandi.[91] Nista’ nsemmi wkoll gruppi ta’ żgħażagħ li taħt ismijiet u forom diversi iżda dejjem bl-iskop wieħed li jagħmlu lil Ġesù Kristu iktar magħruf u li jgħixu l-Vanġelu, qed jikbru u joktru f’ċerti żoni bħal f’rebbiegħa li tant qed tagħmel ġid lill-Knisja: dawn jinkludu gruppi ta’ l-Azzjoni Kattolika, gruppi ta’ karità u gruppi ta’ meditazzjoni nisranija. Dawn il-gruppi huma għajn ta’ tama kbira għall-knisja ta’ għada. Iżda f’isem Ġesù jiena nħeġġeġ liż-żgħażagħ li jiffurmaw parti minnhom, lill-mexxejja tagħhom u lis-saċerdoti li jiddedikaw iżjed ħin tal-ministeru tagħhom għalihom: jiswa x’jiswa, tħallu qatt lil dawn il-gruppi - li huma ta’ okkażjoni eċċezzjonali biex tiltaqa’ mal-oħrajn, u li huma mbierka b’rikkezza mill-aqwa ta’ ħbiberija u solidarjetà fost iż-żgħażagħ, b’ferħ u b’entużjażmu, b’riflessjoni dwar ġrajjiet u fatti - tħalluhom qatt nieqsa minn studju serju ta’ duttrina nisranija. Jekk jiġrilhom hekk, isibu ruħhom f’periklu - periklu li sfortunatament deher verament bħala periklu reali - li jiddiżappuntaw lill-membri tagħhom kif ukoll lill-Knisja.


 

Il-ħidma kateketika li hi possibbli f’dawn l-ambjenti differenti u f’oħrajn bħalhom, ikollha l-akbar ċans li tiġi aċċettata u tagħti l-frott jekk hi tirrispetta n-natura individwali tagħhom. Billi ssir parti minnhom b’mod sewwa, hi takkwista d-diversità u komplimentarjetà tal-mod kif tittieħed, li tgħinha tiżviluppa l-ġid kollu tagħha, bit-tliet dimensjonijiet tagħha ta’ kelma, tifkira u xhieda - duttrina, ċelebrazzjoni u mpenn fil-ħajja - li l-messaġġ tas-Sinodu lill-Poplu t’Alla tant enfasizza.[92]

 

 

L-Omelija

48.       Dan il-kumment hu aktar validu għall-katekeżi mogħtija fil-qasam tal-liturġija, speċjalment tal-Assemblea Ewkaristika. Filwaqt li tirrispetta n-natura speċifika u l-kadenza proprja ta’ dan il-qasam, l-omelija terġa’ tkompli l-mixja tal-fidi, mibdija mill-katekeżi u twassalha għall-milja naturali tagħha. Fl-istess ħin tinkoraġġixxi lid-dixxipli tal-Mulej, biex jibdew mill-ġdid ta’ kuljum il-mixja spiritwali tagħhom ta’ verità, adorazzjoni u ringrazzjament. Hekk ukoll wieħed jista’ jgħid li t-tagħlim kateketiku wkoll isib il-għajn u l-milja tiegħu fl-Ewkaristija, fiċ-ċirku sħih tas-sena liturġika. Il-predikazzjoni ċentrata fuq it-testi tal-Bibbja, trid b’mod proprju tagħha tagħmilha possibbli li tiffamiljarizza lill-fidili mal-misteri kollha tal-fidi u man-normi tal-Ħajja nisranija. Attenzjoni kbira trid tingħata lill-omelija: ma tridx tkun la twila ħafna u 1-anqas qasira ħafna, trid tiġi mħejjija bil-għaqal, rikka fil-materjal u addattata għal dawk li qed jisimgħuha u riservata għall-ministri ordnati. L-Omelija għandha ssir mhux biss fl-Ewkaristija ta' nhar ta’ Ħadd jew Festa, iżda wkoll fiċ-ċelebrazzjoni ta’ magħmudijiet, liturġija penitenzjali, żwiġijiet u funerali. Dan hu wieħed mill-ġid miksub mit-tiġdid liturġiku.

 

 

Letteratura Kateketika

49.       Fost dawn il-ħafna modi u mezzi – l-attivitajiet kollha tal-Knisja għandhom dimensjoni kateketika - xogħlijiet kateketiċi, mhux talli ma jitilfux mill-importanza essenzjali tagħhom, anzi jakkwistaw tifsir aktar ġdid. Fattur ewlieni tat-tiġdid tal-katekeżi llum hu l-kitba mill-ġdid u l-multiplikazzjoni ta’ kotba kateketiċi li qed iseħħu f’ħafna bnadi tal-Knisja. Numru ta' xogħlijiet li verament irnexxew qed jiġu ppreżentati u jiffurmaw teżor veru għas-servizz tal-istruzzjoni kateketika. Iżda jrid jiġi magħruf b’umiltà u b’onestà li dan it-tkattir hekk rikk ġab miegħu artikli u pubblikazzjonijiet li huma ambigwi u ta’ ħsara liż-żgħażagħ u lill-ħajja tal-Knisja. F’ċerti każi, bix-xewqa li jinstabu l-aħjar forom ta’ espressjoni ta' metodi pedagoġiċi jew biex nimxu mal-moda, wasalna għal ċerti xogħlijiet kateketiċi li jbellgħu liż-żgħażagħ u anke l-adulti, jew billi deliberament jew bla ma jafu qabżu elementi essenzjali għall-fidi tal-Knisja, jew billi taw importanza mill-iżjed żejda lil ċertu temi għas-spejjeż ta’ oħrajn jew, prinċipalment b’ħarsa ġenerali orizzontali ’l bogħod mit-tagħlim tal-Maġisteru tal-Knisja.

Ghalħekk mhux biżżejjed li timmultiplika xoghlijiet kateketiċi. Sabiex dawn ix- xogħlijiet jistgħu jikkorrispondu mal-iskop tagħhom, jeħtieġu ċerti kundizzjonijiet essenzjali:-

a)                  iridu jkunu marbuta mal-ħajja reali tal-ġenerazzjoni li għalihom ikunu qed jiġu ndirizzati, filwaqt li juru rabta mill-qrib mal-ansjetajiet u mal-mistoqsijiet, ġlidiet u tamiet;

b)                  iridu jippruvaw jitkellmu lingwaġġ li jinftiehem mill-ġenerazzjoni in kwistjoni;

c)                  iridu jagħmluha f’moħħhom li jagħtu l-messaġġ sħiħ ta’ Kristu u tal-Knisja tiegħu, bla ma jwarrbu jew jgħawwġu xi ħaġa u li filwaqt li jfissruha, jimxu dejjem mal-linja u struttura li juru dak li hu essenzjali.

d)                  iridu jkollhom bħala skop li jagħtu lil dawk li jużawhom tagħrif aħjar tal-misteri ta’ Kristu, bl-iskop li jwasslu għall-konverżjoni u għall-ħajja f’konformità akbar mar-rieda ta’ Alla.

 

 

Il-Katekiżmi

50.       Dawk kollha li jidħlu għax-xogħol li jippreparaw dawn l-għodda kateketiċi,          speċjalment it-testi tal-katekiżmu, jistgħu jagħmlu dan biss jekk għandhom l-approvazzjoni tal-Isqfijiet li għandhom is-setgħa li jagħtuha u filwaqt li jieħdu l-ispirazzjoni tagħhom mill-iżjed qrib possibbli mid-Direttorju Kateketiku Ġenerali, li għadu l-kejl ta’ referenza.[93]

F’dan ir-rigward, jiena rrid ninkoraġġixxi mill-qalb lill-Konferenzi Episkopali tad- Dinja kollha sabiex bil-paċenzja, iżda fl-istess ħin b’determinazzjoni, jieħdu fuq spallejhom il-ħidma konsiderevoli li trid titwettaq bi fteħim mas-Sede Appostolika sabiex jitħejjew katekiżmi ġenwini li għandhom ikunu fidili għall-kontenut essenzjali tar-rivelazzjoni u aġġjornati fil-metodu u li għandhom ikunu kapaċi li jedukaw għall-fidi soda lill-ġenerazzjonijiet insara tal-futur.

Dan id-daqsxejn ta’ ħsieb dwar il-modi u l-mezzi tal-katekiżmi moderni ma jġibx fix- xejn dawk is-suġġerimenti mressqin mill-Isqfijiet tas-Sinodu. Hi tassew ħaġa li tqawwi 1-qalb meta tiftakar li llum, kull pajjiż qed jara l-kollaborazzjoni siewja għal tiġdid organiku u iżjed sod ta’ dawn l-aspetti tal-katekiżmi. Ma għandu jkun hemm l-ebda dubju li l-Knisja ma ssibx esperti u l-aħjar mezzi biex twieġeb, bil-grazzja ta’ Alla, għall-ħtiġijiet komplessi biex tikkomunika man-nies tal-lum.


 

VII

KIF GĦANDHA TINGĦATA L-KATEKEŻI

 

 

Diversità ta’ Metodi

51.       L-iżvilupp fl-età u dak intellettwali tal-Insara, il-grad ta’ maturità ekkleżjali u spiritwali u l-ħafna ċirkustanzi personali, jitolbu mill-katekeżi li din taddotta metodi mill-iżjed differenti biex tilħaq l-iskop speċifiku tagħha: l-edukazzjoni fil-fidi. Fuq livell iżjed ġenerali, din il-varjetà hi mitluba wkoll mill-ambjenti soċjali u kulturali li fihom il-knisja twettaq l-ħidma kateketika tagħha.

Il-varjetà ta' metodi wżati hija sinjal ta' ħajja u ta’ għejjun. Hekk ħarsu lejha l-Isqfijiet fir-Raba’ Assemblea Ġenerali tas-Sinodu, għalkemm qagħdu attenti u żammew quddiem għajnejhom il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex dik il-varjetà tkun ta’ użu sewwa u mhux dannu għall-għaqda tat-tagħlim ta’ fidi waħda.

 

 

Għal servizz tar-Rivelazzjoni u konverżjoni

52.       L-ewwel mistoqsija ta’ natura ġenerali li tippreżenta lilha nnifisha quddiemna hawnhekk, tikkonċerna l-periklu u t-tentazzjoni li jiġu mħawwda bla bżonn it-tagħlim kateketiku, ma’ tendenzi ideoloġiċi moħbija u m’humiex, speċjalment dawk politiċi u soċjali, jew inkella ma’ għażliet politiċi personali. Meta ideat bħal dawn jirkbu fuq il-messaġġ ċentrali li għandu jixxandar, b’mod li jaslu biex jgħattuh u jqegħduh fit-tieni post jew inkella jużawh biex jilħqu l-iskopijiet tagħhom, il-katekeżi kollha titlef radikalment is-sura tagħha. Is-Sinodu insista fuq il-ħtieġa li l-katekeżi għandha tibqa’ '1 fuq minn tendenzi li jiġbdu biss fuq naħa waħda - biex nevitaw id-“dikotomija” (tqassim f’żewġ klassifikazzjonijiet) - anke fl-oqsma tal-interpretazzjoni teoloġika ta' din il-problema. Hi fuq il-bażi tar-Rivelazzjoni li l-Katekeżi tipprova tmidd il-pass, Rivelazzjoni kif imxandra mill-Maġisteru universali tal-Knisja, fil-forma kemm solenni kemm ordinarja tiegħu. Din ir-rivelazzjoni titkellem dwar Alla Ħallieq u Feddej li Ibnu ġie fostna bil-ġisem tagħna u jidħol mhux biss fl-istorja personali ta’ kull individwu, iżda wkoll fl-Istorja umana nnifisha, billi jsir iċ-ċentru tagħha. Hekk ukoll, din ir-Rivelazzjoni titkellem mill-bidla radikali tal-bniedem u tal-Univers, minn dak kollu li jifforma n-nisġa tal-ħajja umana taħt l-influwenza tal-aħbar it-tajba ta’ Ġesù Kristu. Jekk jitnissel b’dan il-mod, il-katekeżi tkun iżjed il-bogħod minn kull forma ta’ moraliżmu formalistiku, għalkemm tiġbor ġewwa fiha tagħlim morali veru Nisrani. Prinċipalment, hi tmur aktar il-bogħod minn kull xorta ta’ “messjaniżmu” temporali, soċjali, jew politiku. Hi tħabrek li tasal fil-ġewwieni l-aktar fond tal-Bniedem.

 

 

Il-Messaġġ imsaħħaħ fil-Kulturi

53.       Issa niġu għat-tieni mistoqsija. Bħalma għidt ftit ilu lill-membri tal-Kummissjoni Biblika: “it-terminu ‘akkulturazzjoni’ jew 'inkulturazzjoni’ jista' jkun neoloġiżmu, iżda jesprimi sewwa fattur wieħed tal-misteru kbir ta’ l-Inkarnazzjoni”.[94] Nistgħu ngħidu għall-katekeżi, kif ukoll għall-evanġelizzazzjoni in ġenerali, li hu mistenni minnhom it-twassil tas-setgħa tal-Vanġelu sal-qalba tal-kultura u kulturi. Għal dan l-iskop, il-katekeżi tħabrek biex tkun taf dawn il-kulturi u l-komponenti essenzjali tagħhom, hi ssir taf aħjar l-espressjonijiet l-iżjed sinifikanti; hi tirrispetta l-valuri u r-rikkezzi partikolari tagħhom. B’dan il-mod hi tkun tista’ toffri lil dawn il-kulturi t-tagħrif tal-misteru moħbi,[95] u tgħinhom jesprimu mit-tradizzjoni ħajja tagħhom espressjonijiet oriġinali ta' ħajja, ċelebrazzjoni u ħsieb nisrani. Biss irridu nżommu quddiem għajnejna żewġ affarijiet.

L-ewwelnett il-messaġġ tal-Vanġelu ma jistax jiġi iżolat purament u sempliċement mill-kultura li fiha kien ġie inserit l-ewwel darba (id-dinja Bibblika, jew b’mod iżjed konkret, l-ambjent kulturali li fih Ġesù ta’ Nazareth kien igħix), l-anqas ma jista’ jiġi iżolat, bla telf qawwi, mill-kulturi li fihom hu ġie espress matul il-medda tas-sekli; hu ma jinbitx ħabta u sabta minn kull ħamrija kulturali; hu minn dejjem ġie mxandar permezz ta’ djalogu appostoliku li inevitabbilment isir parti minn ċerti djalogi ta’ kulturi.

Mill-banda l-oħra, is-setgħa tal-Vanġelu tbiddel u tirriġenera kullimkien. Meta dik is- setgħa tidħol f’kultura, ma għandniex nistgħaġbu, li hi tagħmel sewwa ħafna mill-elementi tagħha. Ma kienx ikun hemm katekeżi li kieku l-Vanġelu kellu jinbidel meta ġie f’kuntatt mal-kulturi.

Li kieku kellna ninsew dan, konna naslu għal dak li San Pawl, b’saħħa kbira jsejjaħ “il-miġja fix-xejn tas-salib ta’ Kristu”.[96]

Hi kwistjoni għal kollox differenti li tieħu, b’dixxerniment għaqli, ċerti elementi, reliġjużi jew oħrajn, li jiffurmaw parti mill-wirt kulturali tal-grupp uman u tużahom biex tgħin lill-membri tagħha jifhmu aħjar il-misteru nisrani kollu kemm hu. Katekisti ġenwini jafu li l-katekeżi “issir laħam” fil-kulturi u fl-ambjenti different: wieħed jista’ jġib quddiem għajnejh popli bid-differenzi kbar tagħhom, iż-żgħażagħ moderni, il-varjetà bla għadd ta’ ċirkustanzi li fihom il-bnedmin qed isibu ruħhom fihom illum. Iżda huma jirrifjutaw li jaċċettaw il-ftaqir tal-katekeżi permezz taċ-ċaħda jew ħabi tal-messaġġ tagħha, b’adattamenti, anke f’lingwaġġi, li jqegħdu f’periklu "it-teżor sabiħ” tal-fidi,[97] jew b’konċessjonijiet f’materji ta’ fidi u morali. Huma jinsabu konvinti li l-veru katekeżi, eventwalment tagħmel aktar sinjuri dawn il-kulturi, billi tgħinhom imorru ’l bogħod iżjed mill-fatturi definittivi u anke inumani li jinstabu fihom, u billi jikkomunikaw il-milja ta’ Kristu mal-valuri leġittimi tagħhom.[98]

 

 

Is-sehem tad-Devozzjoni Popolari

54.       Kwistjoni oħra ta’ metodu tikkonċerna l-użu fl-istruzzjoni kateketika ta’ elementi validi fil-pjetà popolari. Qed jiġuni quddiem għajnejja d-devozzjonijiet ippratikati mill-fidili f’ċerti reġjuni, b’fervur li jqanqal u b’safa ta’ intenzjoni; anke jekk il-fidi li hemm taħthom teħtieġ li tissaffa u tiġi ikkoreġuta f’ħafna aspetti. Qed inġib quddiem għajnejja ċertu talbiet ħfief biex tifhimhom li ħafna nies sempliċi tant jieħdu gost jirrepetu. Qed naħseb dwar ċerti aspetti ta’ pjetà mwettqa b’xewqa sinċiera li tagħmel penitenza jew li togħġob lil Alla. Fil-fond ta’ ħafna minn dawn it-talbiet u drawwiet, barra elementi li għandhom jiġu mneħħija, hemm ukoll elementi oħra li, jekk jiġu wżati sewwa, jistgħu jgħinu ferm lin-nies biex jimxu ’l quddiem lejn tagħrif dwar il-misteru ta’ Kristu u l-messaġġ tiegħu: l-imħabba u l-ħniena ta’ Alla, l-lnkarnazzjoni ta’ Kristu, is-salib u l-Qawmien tal-fidwa, l-attività tal-Ispirtu f’kull nisrani u fil-Knisja, il-misteru ta’ dak li jiġi wara din il-ħajja, il-veritajiet evanġeliċi li għandhom jiġu pprattikati, il-preżenza tan-Nisrani fid-dinja, eċċ. U għaliex għandna nitolbu lil dawk li ma humiex Insara, kif ukoll elementi anti-insara, filwaqt li niċħdu li nibnu fuq elementi li, għalkemm forsi jridu jiġu riveduti u mtejjba, għandhom xi ħaġa nisranija f’għeruqhom?

 

 

Tagħlim bl-amment

55.       L-aħħar problema metodoloġika, li ta’ l-inqas tajjeb li nagħmlu aċċenn għaliha - problema li ġiet diskussa ħafna drabi fis-Sinodu - hi dik tat-tagħlim bl-amment. Fil-bidu tal-katekeżijiet insara, li jaħbtu maċ-ċivilizzazzjoni li kienet prinċipalment orali, kien jintagħmel ħafna użu mit-tagħlim bl-amment. Minn dak in-nhar sal-lum, il-katekeżi kellha tradizzjoni twila ta’ tagħlim bl-amment tal-veritajiet prinċipali. Aħna lkoll nafu li dan il-metodu jista’ joffri ċerti żvantaġġi, fosthom dan li jwassal għall-assimilazzjoni insuffiċjenti jew xi kultant ineżistenti, filwaqt li tirriduċi t-tagħrif kollu għall-formoli li jiġu ripetuti mingħajr ma jinftehmu tajjeb. Dawn l-iżvantaġġi u l-karatteristiċi diffrenti taċ-ċivilizzazzjoni tagħna, f’ċerti każi jwasslu għaż-żamma sħiħa - skond xi wħud, żamma definittiva, jaħasra, - tat- tagħlim bl-amment tal-katekeżi. Barra minn hekk, ċerti vuċijiet mill-iżjed awtoritattivi semmgħu leħinhom fl-okkażjoni tar-Raba’ Assemblea Ġenerali tas-Sinodu, meta talbu għal restawrazzjoni ta’ bilanċ rett bejn ir-riflessjoni u l-ispontanjetà, bejn djalogu u skiet, bejn xogħol miktub u tagħlim bl-amment. Barra minn hekk, ċerti kulturi għadhom sal-lum jagħtu importanza kbira lit-tagħlim bl-amment.

Iż-żmien meta, f’dawk il-pajjiżi li ma jingħatax fihom tagħlim reliġjuż, qed kulma jmur jinstama’ tgergir dwar il-konsegwenzi xejn fortunati tat-twarrib fil-ġenb tal-fakultà umana tal-memorja, ma għandniex aħna nipprovaw nerġgħu nużaw din il-fakultà b'mod intelliġenti u anke oriġinali fil-katekeżi; aktar u aktar meta ċ-ċelebrazzjoni jew “tifkira” tal-ġrajjiet kbar tal-istorja tas-salvazzjoni teħtieġ tagħrif preċiż dwarhom? Xi tagħlim bl-amment tal-Kliem ta’ Ġesù, ta’ siltiet importanti fil-Bibbja, tal-Għaxar Kmandamenti, tal-formoli tal-professjoni tal-fidi, ta’ testi liturġiċi, ta’ talb essenzjali, ta’ ideat dottrinali ta' ċerta importanza, mhux talli jeħduha kontra d-dinjità ta’ nsara żgħażagħ jew joħolqu ostaklu għad-djalogu personali ma’ Alla, iżda hu bżonn reali, bħalma tennew b’ċerta saħħa l-Isqfijiet tas-Sinodu. Irridu nkunu realisti. Il-blanzuni tal-fidi u tal-pjetà, jekk nistgħu nsejħulhom hekk, ma jikbrux fid-deżert ta’ katekeżi bla tagħlim bl-amment. Dak li hu essenzjali hu li t-testi li qed jiġu mgħallma bl-amment iridu fl-istess ħin jidħlu u bil-mod il-mod jiġu mifhuma fil-fond kollu tagħhom, sabiex isiru għajn ta’ ħajja nisranija fuq livell personali u fuq livell ta’ komunità.

Il-pluralità ta’ metodi fil-katekeżi tal-lum jistgħu jagħtunu sinjal ta’ vitalità u inġenwità. Kien x’kien il-każ, il-metodu magħżul irid fl-aħħar jirreferi għal-Liġi li hi fundamentali għall-ħajja kollha tal-knisja: il-liġi ta’ fedeltà lejn Alla u ta’ fedeltà lejn il-bnedmin f’attitudni waħda ta’ imħabba.


 

 

VIII

IL-FERĦ TAL-FIDI F’DINJA MĦAWWDA

 

 

Twettiq ta’ identità nisranija

56.       Aħna qed ngħixu f’dinja diffiċli li fiha d-dwejjaq ta’ meta naraw l-aqwa ħlejqat tal- bniedem jaħarbu l-bogħod minnu u jduru kontrih, joħolqulna klima ta’ inċertezza.[99] F’din id-dinja, il-katekeżi għandha tgħin lill-Insara sabiex ikunu ‘dawl’ u ‘melħ’[100] għall-ferħ tagħhom stess u ta’ servizz għal kulħadd. Bla dubju ta’ xejn, dan jitlob li l-katekeżi għandha tqawwihom fl-identità tagħhom u għandha kontinwament tifred lilha nnifisha mill-atmosfera ta’ eżitazzjoni, inċertezza u insipidità li hawn madwarha. Ser nurikom xi ftit fost il-ħafna diffikultajiet, li kull waħda minnhom hi sfida għall-fidi, sabiex ngħin lill-katekist jirbaħhom.

 

 

F’dinja indifferenti

57.       Ftit taż-żmien ilu, kien hawn ħafna tpaċpiċ dwar dinja sekolarizzata, l-era post-nisranija. Drawwiet jinbidlu, iżda tibqa’ realtà profonda. Illum l-insara jridu jiġu iffurmati biex igħixu f’dinja, li fil-wisa’ twarrab lil Alla, jew f’materji reliġjużi, fejn flok djalogu eżatt u fratern, li jgħin lil kulħadd, jintilfu f’indifferentiżmu li jbaxxi, meta ma jaqax ukoll f’attitudni rrabjata ta’ “suspett” f’isem il-progress li wettqet fil-qasam tat-“tifsir” xjentifiku. Biex wieħed “iżomm” f’din id-dinja, biex noffru lil kulħadd “djalogu” ta’ salvazzjoni”[101] li fih kull bniedem iħossu rispettat fid-dinjità tiegħu l-iżjed bażika, id-dinjità ta’ persuna li qed tfittex ’1 Alla, neħtieġu katekeżi li ddarri liż-żgħażagħ u lill-adulti tal-komunitajiet tagħna sabiex iżommu sħiħ u konsistenti fil-fidi, li jaċċettaw bil-kelma l-identità nisranija u kattolika, li "jaraw lilu li ma jidhirx”[102] u li jżommu sodi mal-assolutezza ta’ Alla sabiex ikunu xhieda tiegħu f’ċiviltà materjalistika li qegħda tiċħdu.

 

 

Bil-pedagoġija oriġinali tal-fidi

58.       L-oriġinalità irreduċibbli tal-identità nisranija għandha l-pedagoġija għall-fidi bħala korollarju u kundizzjoni xejn anqas oriġinali. Fost il-ħafna xjenzi prestiġjużi tal-bniedem, li llum qed jagħmlu progress liema bħalu, il-pedagoġija hija waħda mill-iżjed importanti. Il-kisbiet ta’ xjenzi oħra - bijoloġija, psikoloġija, soċjoloġija - qed jipprovduha b’elementi mill-aqwa. Ix-xjenza tal-edukazzjoni u l-arti tat-tagħlim qegħdin kontinwament jiġu soġġettati għal studju ġdid, bl-iskop li jagħmluhom iżjed addattati u iżjed effettivi, dejjem fi gradi differenti ta’ suċċess.

Hawn ukoll il-pedagoġija tal-fidi, u 1-ġid li joħroġ minnha għall-katekeżi ma jitkejjilx. Fil-fatt, hi ħaġa naturali li teknika pperfezzjonata u ppruvata għall-edukazzjoni in ġenerali għandha tiġi addattata għas-servizz tal-edukazzjoni fil-fidi. Biss, wieħed irid jagħti każ tal-oriġinalità assoluta tal-fidi. Il-pedagoġija tal-fidi mhix problema ta’ xandir tal-għerf uman, anke dak tal-aqwa grad; iżda hi problema li tikkomunika r-Rivelazzjoni ta’ Alla fil-kumpless kollu tagħha. Matul l-istorja mqaddsa, speċjalment fil-Vanġelu, Alla nnifsu uża pedagoġija li trid tibqa’ mudell għall-pedagoġiji tal-fidi. Teknika tista’ tkun ta’ valur fil-katekeżi sakemm taqdi l-fidi li trid tiġi mxandra u mgħallma, jekk le, ma tkun ta’ ebda valur.

 

 

Lingwaġġ addattat għas-servizz tal-Kredu

59.       Problema li hi qrib din ta’ qabilha hi dik tal-lingwaġġ. Din hi problema taħraq il-lum. Hu ta’ paradoss li tara, li filwaqt studji moderni, per eżempju, fil-qasam tal-komunikazzjoni, semantiċi u simboloġija, jagħtu importanza straordinarja lil-lingwaġġ, il-lingwaġġ qed jiġi wżat ħażin illum u mibdul ma’ mistifikazzjoni ideoloġika, għall-konformità tal-massa fil-ħsieb u biex jirriduċu l-bniedem għal-livell ta’ oġġett.

Dan kollu għandu influwenza sensitiva fil-qasam tal-katekeżi. Għaliex il-katekeżi għandha obbligu mill-aqwa li titkellem b’lingwaġġ addattat għat-tfal u għaż-żgħażagħ tal-lum in ġenerali u għal ħafna kategoriji ta’ bnedmin - il-lingwaġġ tal-istudenti, intellettwali u xjenzjati, il-lingwaġġ ta’ dawk illitterati jew ta’ nies ta’ kultura sempliċi, il-lingwaġġ ta’ persuni bi bżonnijiet speċjali u oħrajn. Santu Wistin iltaqa’ ma’ din l-istess problema u ta sehmu għas-soluzzjoni tagħha fi żmienu bix-xogħol l-iżjed magħruf tiegħu De Catechizandis Rudibus. Fil-katekeżi bħal fit-teoloġija, m’hemm l-ebda dubju li l-kwistjoni tal-lingwaġġ hi minn ta’ quddiem nett. Iżda hawn raġuni tajba li nsemmu hawnhekk li l-katekeżi ma tistax tammetti xi lingwaġġ li jwassal biex jibdel is-sustanza tal-kontenut tal-Kredu, taħt kull xorta ta’ skuża, anke meta tippretendi li hi skuża xjentiflka. Lingwaġġ li jinganna u jidħak b’dak li jkun mhux aħjar. Anzi għall-kuntrarju, il-liġi suprema hi li l-mixjiet kbar fix-xjenza tal-lingwaġġ iridu jkunu kapaċi li jagħtu servizz lill-katekeżi, sabiex jgħinuha verament ħalli “tgħid” jew “tikkomunika” lit-tfal, lill-adolexxent, liż-żgħażagħ u lill-adulti tal-lum il-kontenut sħiħ tad-duttrina bla ebda tgħawwiġ.

 

 

Tiftix u ċertezza ta’ fidi

60.       Sfida aktar moħbija tiġi quddiemi xi kultant mill-istess mod kif nikkonċepixxu l-fidi. Ċerti skejjel filosofiċi ta’ żmienna, li jidhru li qed jeżerċitaw influwenza mill-aqwa fuq ċerti kurrenti teoloġiċi u permezz tagħhom fuq il-prattika personali, iħobbu jisħqu l-fatt li l-attitudni umana fundamentali hi dik li tfittex lill-infinit, tfittxija li qatt ma tilħaq l-iskop tagħha. Fit-teoloġija, din l-idea ta’ affarijiet tiddikjara kategorikament illi l-fidi m’hijiex ċertezza iżda dubjuża, mhix ċarezza, iżda qabża fid-dlam.

Ċertament dawn il-kurrenti ta’ ideat għandhom il-vantaġġ li jfakkruna illi l-fidi tikkonċerna affarijiet li għadhom m’humiex fil-pussess tagħna, billi huma affarijiet mixtieqa; illi sa issa aħna naraw biss “bħallikieku f’mera, imċajpar”;[103] u illi Alla jgħammar dejjem f’dawl li ħadd ma jista’ jersaq lejh.[104] Huma jgħinuna nagħmlu l-fidi nisranija mhux 1-attitudni ta’ wieħed li diġà wasal, iżda mixja ’1 quddiem bħal ta’ Abram. Għaliex wieħed irid jevita li jippreżenta affarijiet li ma humiex ċerti bħal ħaġa ċerta.

Biss ma rridux immorru fl-estrem l-ieħor, kif jiġri ħafna drabi. L-ittra lil-Lhud tgħid illi: “il-fidi hija l-pedament tal-ħwejjeġ li għandna nittamaw; hija l-prova tal-ħwejjeġ li ma jidhrux.”[105] Għalkemm aħna għadna ma akkwistajniex pussess sħiħ tagħha, għandna assigurazzjoni u konvinzjoni. Meta nedukaw lit-tfal, l-adolexxenti u liż-żgħażagħ, ejjew ma nagħtuhomx biss idea mill-iżjed negattiva tal-fidi - bħallikieku kienet xi ħaġa li ma nafu xejn dwarha, tip ta’ għama, dinja ta’ dlam - iżda ejjew nuruhom li t-tfittxija umli iżda kuraġġjuża ta’ dak li jemmen, mhux talli ma għandhiex il-bidu tagħha fix-xejn, fl-ingann proprju, f’opinjonijiet fallibbli jew f’inċertezzi, iżda hi bażata fuq il-Kelma t’Alla li ma jistax jinganna u anqas jiġi ngannat u hi mibnija bla waqfien fuq il-blata soda ta’ din il-Kelma. Hi t-tfittxija tal-Maġi taħt it-tmexxija tal-Kewkba,[106] tfittxija li dwarha Pascal, filwaqt li ssellef il-frażi ta’ Santu Wistin, kiteb profondament:- "Ma kontux toħorġu tfittxuni, li kieku ma sibtunix.”[107]

 

 

Katekeżi u Teoloġija

61.       F’dan il-kuntest, tidher li hi ħaġa importanti għalija li l-konnessjoni li hemm bejn il-katekeżi u t-teoloġija tiġi mifhuma sewwa.

Ovvjament din il-konnessjoni hi profonda u vitali għal dawk li jifhmu l-missjoni li ma tistax timbidel minn ħaġa oħra tat-teoloġija fis-servizz tal-fidi. Għalhekk mhix ħaġa tal-iskantament li kull taħrika fil-qasam tat-teoloġija jkollha l-effetti tagħha li jinħassu fil-qasam tal-Katekeżi. F’dawn iż-żminijiet immedjatament wara l-Konċilju, il-Knisja qed tgħix fi żmien importanti iżda fl-istess ħin wieħed tat-tiftix teoloġiku. L-istess jista’ jingħad mill-ermenewtika fir-rigward tal-eseġeżi.

L-Isqfijiet tas-Sinodu, mill-kontinenti kollha, ħadmu fuq din il-kwistjoni b’termini mill-iżjed ħielsa: huma tkellmu mill-periklu ta’ “bilanċ instabbli” għaddej mit-teoloġija għall-katekeżi u saħqu fuq il-ħtieġa li jagħmlu xi ħaġa dwar din il-diffikultà. Il-Papa Pawlu VI nnifsu tkellem dwar din il-problema bi kliem xejn inqas ħieles fl-introduzzjoni għall-Professjoni Solenni tal-Fidi[108] u fl-Eżortazzjoni Appostolika, li kienet tfakkar il-ħames anniversarju tal-egħluq tal-Konċilju Vatikan II.[109]

Jeħtieġ li ninsistu fuq dan il-punt persważi mill-influwenza li t-tiftix u l-istqarrijiet tagħhom għandhom fuq l-istruzzjoni kateketika, it-teoloġi u l-eseġeti għandhom id-dmir li joqgħodu attenti ħafna li n-nies ma jieħdux bħala ċertezza, dak li, għall-kuntrarju, jappartieni lill-qasam tal-mistoqsijiet ta’ opinjonijiet, jew ta’ diskussjonijiet fost l-esperti. Il-Katekisti, min-naħa tagħhom, għandhom ikollhom l-għerf li jagħżlu mill-qasam tat-tiftix teoloġiku dawk il-punti li jistgħu jitfgħu dawl fuq ir-riflessjoni tagħhom u fuq it-tagħlim tagħhom, filwaqt li jiġbdu, bħat-teoloġi, mill-għejjun veri fid-dawl tal-Maġisteru. Huma ma jridux joqogħdu jħabbtu moħħ it-tfal u ż-żgħażagħ, f’dan l-istadju tal-Katekeżi, b'teoriji strambi, b’mistoqsijiet inutli u b’diskussjonijiet li ma jħallu l-ebda frott, affarijiet li San Pawl ta’ spiss kien jikkundanna fl-ittri pastorali tiegħu.[110]

L-akbar rigal prezzjuż li l-Knisja toffri lil dinja mbellħa u bla kwiet ta’ żmienna hu li tifforma fiha Insara li huma mwettqa f’dak li hu essenzjali u li huma ferħana umilment fil-fidi tagħhom. Il-katekeżi tgħallimhom dan u hi stess tkun l-ewwel waħda li tgawdi minnhom: “Il-bniedem li jrid jifhem lilu nnifsu għal kollox - u mhux sempliċement skond kriterji u qisien immedjati parzjali, ħafna drabi superfiċjali u li jistgħu jilluduh - irid jersaq lejn Kristu bl-ansjetajiet tiegħu, bl-inċertezzi tiegħu, kif ukoll b’dgħjufijietu u dnubietu, b’ħajtu u b’mewtu. Irid, biex ngħid hekk, jidħol fih - fi Kristu - bih innifsu kollu; irid “jagħmel tiegħu” u jagħmel ħaġa waħda miegħu r-realtà sħiħa tal-inkarnazzjoni u tal-Fidwa biex jasal biex jerġa’ jsib lilu nnifsu.”[111]


 

IX

DIN HI BIĊĊA XOGĦOL GĦALINA LKOLL

 

 

Inkoraġġiment lil dawk kollha responsabbli mill-katekeżi

62.       Issa, għeżież ħuti u wliedi, nixtieq li kliemi, li huwa intenzjonat bħala eżortazzjoni serja u ħierġa minn qalbi fil-ministeru tiegħi ta' ragħaj tal-Knisja Universali, iqabbad fi qlubkom, bħall-ittri ta’ San Pawl lil sħabu fil-Vanġeli, Titu u Timotju, jew bħal Santu Wistin meta kiteb lid-djaknu Deo Gratias, meta dan tal-aħħar qata’ qalbu quddiem ix-xogħol ta' katekist, trattat veru ta’ ferħ tal-katekiżmu.[112] Iva, nixtieq niżra’ l-kuraġġ, it-tama u 1-entużjażmu abbundanti fil-qlub ta’ dawk id-diversi bnedmin li f’idejhom hemm l-istruzzjoni reliġjuża u t-tħejjija għall-ħajja fil-ħarsien tal-Vanġelu.

 

 

L-Isqfijiet

63.       Nibda billi ndur lejkom, għeżież ħuti, Isqfijiet: il-Konċilju Vatikan II diġà fakkarkom espliċitament dwar ix-xogħol tagħkom fil-qasam tal-kateketika[113] u anke l-Padri tas-Sinodu tar-Raba’ Sessjoni Ġenerali tas-Sinodu għamlu enfasi kbira dwaru.

Għeżież ħuti, intom hawnhekk għandkom missjoni speċjali fil-Knejjes tagħkom: intom, qabel l-oħrajn, in-nies primarjament responsabbli mill-katekeżi, il-katekeżi per eċċellenza. Flimkien mal-Papa, fl-ispirtu ta’ kolleġġjalità episkopali, intom ukoll responsabbli mill-katekeżi mal-Knisja kollha. Għalhekk aċċettaw dan li għandi x’ngħidilkom mill-qalb.

Jiena naf li l-ministeru tal-lsqfijiet qiegħed ta’ kuljum jikber u jikkomplika ruħu. Elf dmir qed isejħilkom mit-tħejjija ta’ saċerdoti ġodda għall-ħtieġa li intom għandkom li tkunu attivament preżenti qalb il-komunitajiet tagħkom; miċ-ċelebrazzjonijiet ħajja u denja ta’ sagramenti u atti ta’ adorazzjoni għall-interess għall-progress uman u d-difiża tad-drittijiet tal-bniedem. Iżda la tħallu qatt li l-interess li għandu jkollkom biex trawwmu l-katekeżi attiva u effettiva jagħmel wisa’ u jċedi postu għal xi interess ieħor. Dan l-interess iwassalkom sabiex ixxandru personalment lill-fidili tagħkom id-duttrina tal-ħajja. Iżda jrid iwassal ukoll, sabiex tieħdu fuq spallejkom fid-djoċesi tagħkom, bi ftehim mal-pjanijiet tal-Konferenza Episkopali li lilha tappartjenu, it-tmexxija tal-katekeżi, filwaqt li fl-istess ħin issibu u żżommu madwarkom nies kompetenti u li tista’ tafdahom bħala għajnuna għalikom. Is-sehem prinċipali tagħkom ikun li tqajmu u żżommu fil-Knejjes tagħkom ġibda vera mill-aqwa għall- katekeżi, ġibda mill-aqwa mibnija fuq organizzazzjoni pertinenti u effettiva, billi jiġu wżati n-nies meħtieġa - il-mezzi u apparat neċessarju kif ukoll il-mezzi finanzjarji. Ibqgħu ċerti li jekk il-katekeżi tiġi mogħtija sewwa fil-knejjes lokali tagħkom, l-affarijiet l-oħra kollha li tridu twettqu jeħfiefu. Ma għandniex għalfejn ngħidu li għalkemm iż-żelu tagħkom jista’ xi kultant jimponhielkom ix-xogħol xejn sabiħ li tikkundannaw xi devjazzjonjiet u tikkoreġu xi żbalji, aktar ta' spiss irebbħilkom ferħ u konsolazzjoni li taraw il-Knejjes tagħkom joktru u jikbru għaliex il-katekeżi tkun qed tiġi mogħtija lilhom kif irid il-Mulej.

 

 

Saċerdoti

64.       Min-naħa tagħkom, hawnhekk issibu qasam li fih intom tkunu 1-assistenti mmedjati tal-Isqfijiet tagħkom. Il-Konċilju sejħilkom: “għalliema tal-fidi”: [114] ma hemmx triq aqwa biex tkunu dawn l-għalliema, jekk ma tiddedikawx l-isforzi tagħkom kollha għat-tkabbir fil-fidi tal-komunitajiet tagħkom. Kemm jekk għandkom f’idejkom xi parroċċa, jew inkella intom “chaplains” fl-iskejjel primarji, sekondarji jew fl-universitajiet, jew inkella għandkom ir-responsabbilità, ta’ attività pastorali fuq kull livell, jew intom mexxejja ta’ komunitajiet kbar jew żgħar, speċjalment ta’ gruppi ta’ żgħażagħ, il-Knisja tistenna minnkom li ma twarrbu fil-ġenb xejn, għal sforz kateketiku organizzat sewwa u orjentat tajjeb. Id-Djakni u 1-ministri l-oħra, li intom għandkom ix-xorti jkollkom ħdejkom, huma l-assistenti naturali tagħkom. Kull min jemmen għandu dritt għall-katekiżmu: kull kappillan għandu d-dmir li jipprovdih. Jiena nibqa’ nitlob lill-mexxejja ċivili kollha biex jirrispettaw il-libertà tat- tagħlim kateketiku; iżda bil-forzi tiegħi kollha nitlob lilkom, ministri ta’ Ġesù Kristu, la tħallux lill-fidili mingħajr katekiżmu, minħabba n-nuqqas ta’ ħeġġa jew inkella minħabba idea sfortunata li tkun nibtet ġewwa moħħkom. La tħallux li jingħad dan il-kliem: “it-tfal jitolbu l-ikel, iżda ħadd ma tahulhom.”[115]

 

 

Reliġjużi nisa u rġiel

65.       Ħafna istituti reliġjużi ta’ rġiel u ta’ nisa twaqqfu bl-iskop li jagħtu edukazzjoni nisranija lit-tfal u liż-żgħażagħ, speċjalment dawk abbandunati. Matul il-kors tal-istorja reliġjuża, reliġjużi nisa u rġiel kienu mdaħħla sewwa fl-attivitajiet kateketiċi tal-Knisja, meta kienu jwettqu xogħol proprju u effettiv. Fiż-żmien meta hu mixtieq li r-rabtiet bejn ir-Reliġjużi u l-kappillan jikbru u jissaħħu u proprju għalhekk il-preżenza tal-komunitajiet reliġjużi u l-membri tagħhom fi proġetti pastorali tal-Knejjes lokali, jiena minn qiegħ qalbi nħeġġiġkom, lilkom li l-konsagrazzjoni reliġjuża tagħkom tagħmilkom aktar lesti għas-servizz tal-Knisja, biex tħejju ruħkom bl-aħjar mod possibbli għall-ħidma tal-katekeżi skond il-vokazzjonijiet differenti tal-istituzzjonijiet tagħkom u l-missjoni afdata f'idejkom, u biex dan l-interess tkomplu turuh u twettquh kullimkien. Li kien li l-komunitajiet kollha jiddedikaw dak kollu li hu possibbli fl-abbiltà u l-mezzi tagħhom għax-xogħol speċifiku tal-katekeżi.

 

 

 

Katekisti Lajċi

66.       Ninsab fuq ix-xwiek biex niżżiħajr, f’isem il-Knisja, lilkom ilkoll, għalliema lajċi tal-katekiżmu fil-parroċċi, l-irġiel, u f’numru aktar numeruż, in-nisa, mad-dinja kollha, li qed jiddedikaw lilhom infushom għall-edukazzjoni reliġjuża ta’ tant ġenerazzjonijiet. Ix-xogħol tagħkom, ħafna drabi, hu moħbi u baxx, iżda qed isir b’żelu jaħraq u ġeneruż. Hu forma eminenti ta’ appostolat lajk, forma li hi partikularment importanti, speċjalment f’dawk il-postijiet fejn it-tfal u ż-żgħażagħ, għal diversi raġunijiet, ma humiex jirċievu tħejjija reliġjuża addattata fid-dar. Kemm minna rċevejna minn nies bħalkom l-ewwel nozzjonijiet ta’ katekiżmu u t-tħejjija tagħna għas-sagrament tal-qrar, għall-ewwel tqarbina u għall-Griżma. Ir-Raba’ Sessjoni Ġenerali tas-Sinodu ma nsietkomx. Ningħaqad magħha biex ninkoraġġikom tkomplu bil-kollaborazzjoni tagħkom għall-ħajja tal-knisja.

Iżda t-terminu “katekist” jappartieni fuq kollox lill-katekisti fl-artijiet tal-Missjoni. Imwielda f’familji nsara jew li ġew ikkonvertiti f’xi żmien għall-kristjaniżmu, u mgħallma minn missjunarji jew xi katekist ieħor, huma mbagħad ikkonsagraw ħajjithom, sena wara l-oħra, biex jikkatekizzaw lit-tfal u l-adulti f’pajjiżhom stess. Knejjes li tassew qed jikbru fiż-żminijiet tal-lum ma kienux jinbnew mingħajrhom. Jiena nifraħ meta nara l-isforzi li qed tagħmel il-Kongregazzjoni Sagra għall-Evanġelizzazzjoni tal-Popli biex ittejjeb aktar u aktar it-tħejjija ta’ dawn il-katekisti. Jiena nfakkar b’rikonoxxenza lil dawk fostkom li l-Mulej diġà sejħilkom għalih. Jiena nitlob l-interċessjoni ta’ dawk fostkom, li l-predeċessuri tiegħi għollew għall-glorja tal-artali. Jiena minn qiegħ qalbi ninkoraġġixxi lil dawk li qed jaħdmu f’dan il-qasam. Jiena nixtieq nuri din ix-xewqa tiegħi li ħafna oħrajn jimxu warajhom, u jalla jikbru dejjem fin-numru għax-xogħol li hu tant meħtieġ għall-missjonijiet.

 

 

Fil-parroċċa

67.       Nixtieq issa nitkellem dwar l-ambjent proprju li fih dawn il-katekisti normalment jaħdmu. Din id-darba qed nerġa’ nirritorna, filwaqt li nagħti ħarsa ġenerali, għal dawk il- "postijiet” tal-katekeżi, li xi wħud minnhom diġà semmejt fil-Kapitlu VI: il-parroċċa, il-familja, l-iskola u l-organizzazzjonijiet.

Hu veru li l-katekeżi tista’ tingħata kullimkien, iżda nixtieq nagħmel enfasi, bi qbil ma’ ħafna Isqfijiet, illi l-Komunità Parrokkjali għandha tibqa’ tkun l-ewwel mutur u l-post ewlieni tal-katekeżi. Nammetti li f’ħafna pajjiżi, il-parroċċa, ġiet biex ngħid hekk, imbeżża’ mill-fenomeni tal-urbanizzazzjoni. Jista’ jkun li jkun hemm xi wħud li aċċettaw malajr l-idea li l-parroċċa hi ħaġa li għadda żmienha, meta ma jgħidux ukoll li għandha tispiċċa għal kollox, sabiex tagħmel il-wisa’ għal komunitajiet żgħar, iżjed pertinenti u iżjed effettivi. Jaħsbu x’jaħsbu, il-parroċċa għandha l-akbar punt ta’ referenza għall-Popli Insara, anke dawk li ma' jipprattikawx il-fidi. Hekk ukoll, ir-realiżmu u l-għerf, jitolbu li aħna nkomplu matul it-triq li qbadna, filwaqt li jkollna bħala skop ir-restawr tal-parroċċa, kif inhu meħtieġ, b’iżjed strutturi adegwati u fuq kollox, b’forza ġdida, b’integrazzjoni dejjem iżjed kbira fiha ta’ membri kwalifikati, responsabbli u ġenerużi. Meta għidna dan, u wara li ħadna f’konsiderazzjoni d-diversità meħtieġa ta’ postijiet tal-katekeżi, (il-parroċċa bħala tali, familja li nsibu fiha tfal u adolexxenti, kappillaneriji fl-iskejjel tal-Istat, Istituti Kattoliċi ta’ Edu- kazzjoni, Movimenti appostoliċi li jagħtu tagħlim tal-Katekiżmu, clubs miftuħa għaż- żgħażagħ in ġenerali, ‘week-ends’ ta’ formazzjoni spiritwali, eċċ.) hu verament importanti li dawn il-kanali kollha kateketiċi jinġabru għal għan wieħed:           l-istqarrija tal-fidi, fl-istess korp li hi l-Knisja u fl-impenji fis-soċjetà meħuda fl-Ispirtu tal-Vanġelu: "Mulej wieħed, Fidi waħda, magħmudija waħda, Alla u Missier wieħed”.[116] Hu għalhekk li kull parroċċa kbira jew kull grupp ta’ parroċċi bi ftit nies għandhom dmir gravi li jħejju n-nies kompletament billi jagħmluhom dedikati biex jagħtu tmexxija kateketika (saċerdoti, nisa u rġiel reliġjużi u lajċi), li jipprovdu l-apparat meħtieġ għall-katekeżi taħt kull aspett, li jżid u jadatta l-postijiet tal-katekeżi, daqskemm jista’ u hu meħtieġ li jsir; u li jgħasses dwar il-kwalità ta’ formazzjoni reliġjuża tal-gruppi differenti u l-integrazzjoni tagħhom fil-komunità ekkleżjali.

Fil-qosor, bla ma nimmonopolizzaw jew inġiegħlu l-uniformità, il-parroċċa tibqa’ kif diġà għidt, il-post prominenti tal-katekeżi. Hi trid terġa’ ssib s-sejħa tagħha, li għandha tkun dar fraterna u li tilqgħek, fejn dawk li tgħammdu u rċivew il-Griżma jsiru jafu aktar li huma qed jiffurmaw il-Poplu t’Alla. F’dik id-dar, il-ħobż ta’ duttrina tajba u l-Ħobż Ewkaristiku jiġi maqsum lilhom bl-abbundanza fil-post ta’ att wieħed ta’ adorazzjoni;[117] minn dik id-dar qed jiġu mibgħuta kull jum għall-missjoni appostolika tagħhom fiċ-ċentri ta’ attività tal-ħajja tad-dinja.

 

 

Fil-Familja

68.       L-attività kateketika tal-familja għandha karattru speċjali, li f’ċertu sens ma jistax jimtela b’ħaġa oħra. Dan il-karattru speċjali saret enfasi kbira dwaru mill-Knisja, partikularment mill-Konċilju Vatikan II.[118] Edukazzjoni fil-fidi mill-ġenituri, li għandha tibda mill-età l-iżjed tenera tat-tfal,[119] diġà qed tiġi mogħtija meta l-membri tal-istess familja jgħinu lil xulxin jibkru fil-fidi bix-xhieda tal-ħajja tagħhom nisranija, xhieda li ħafna drabi hi mingħajr kliem, iżda li tippersevera ta’ kuljum f’ħajja mgħoddija skond il-Vanġelu. Din il-katekeżi hi aktar inċisiva, meta, matul ġrajjiet tal-familja (bħal per eżempju: meta nirċievu s-sagramenti, iċ-ċelebrazzjoni ta’ festi kbar liturġiċi, it-twelid ta’ tarbija, jew waqt xi mewt) isir minn kollox biex fid-dar stess jiġi mfisser il-kontenut nisrani u reliġjuż ta’ dawn il-ġrajjiet. Iżda dan mhux biżżejjed: ġenituri nsara jridu jistinkaw biex jimxu fuq u jirrepetu dejjem fl- ambjent tal-familja, it-tagħlim l-aktar metodiku li jkunu rċivew band'oħra. Il-fatt li dawn il-veritajiet dwar il-problemi prinċipali tal-fidi u l-għajxien nisrani qed jiġi b’dan il-mod ripetut fi ħdan l-ambjent familjari, imsaħħaħ bl-imħabba u rispett, ħafna drabi għandu jasal biex jinfluwenza lit-tfal b’mod tassew deċisiv għall-ħajja. Il-ġenituri nfushom għandhom japprofittaw ruħhom mill-isforz li dan jitlob minnhom, għaliex fi djalogu kateketiku ta’ din il-għamla, kull individwu jirċievi u jagħti.

Għalhekk il-katekeżi tal-familja tibda qabel, takkumpanja u tagħmel aktar sinjuri 1-forom l-oħra kollha tal-katekeżi. Barra minn hekk, f’dawk il-postijiet fejn leġiżlazzjoni anti-reliġjuża tipprova ċċaħħad l-edukazzjoni tal-fidi, u f'postijiet fejn nuqqas ta’ twemmin l-iżjed wiesa’ jew ta’ sekolariżmu invażiv jagħmlu t-tkabbir reliġjuż prattikament impossibbli, “il-Knisja tad-Dar"[120] tibqa’ dak il-post fejn it-tfal u ż-żgħażagħ jistgħu jirċievu katekeżi awtentika. Għalhekk qatt ma jista’ jkun hemm sforz kbir biżżejjed min-naħa tal-ġenituri nsara biex iħejju għal dan il-ministeru li jkunu l-katekisti tat-tfal tagħhom stess u li jwettqu dan il-ministeru b’żelu bla waqfien. Irid jiġi mogħti inkoraġġiment ukoll lill-individwi u istituzzjonijiet, li f’kuntatt ta’ persuna ma’ persuna, permezz tal-laqgħat, u permezz ta’ kull xorta ta’ mezzi pedagoġiċi jgħinu lill-ġenituri jwettqu l-ħidma tagħhom: is-servizz li qed iwettqu għall-katekeżi ma’ jitħallas b’xejn.

 

 

Fl-iskola

69.       Flimkien ma’ u b’konnessjoni mal-familja, l-iskola tipprovdi katekeżi b’possibiltajiet li ma jistgħux jiġu mwarrba. F’dawk il-pajjiżi, sfortunatament dejjem jonqsu, fejn għadu possibbli l-għoti ta’ edukazzjoni fil-fidi fl-istruttura tal-iskola, il-Knisja għandha d-dmir li tagħmel dak kollu li tista’. Naturalment dan jikkonċerna l-ewwel u qabel kollox lill-iskola kattolika: ma jkunx jixirqilha aktar dan l-isem, jekk, minkejja l-fatt li tkun ibbrillat fil-livell għoli tat-tagħlim li tagħti f’materji mhux reliġjużi, ikun hemm ġustifikazzjoni għat-tgergir kontriha minħabba nuqqas ta’ għaqal jew devjazzjoni fl-edukazzjoni strettament reliġjuża. Ma għandux jingħad li dik l-edukazzjoni dejjem tingħata espliċitament u indirettament. Il-karattru speċjali tal-iskola Kattolika, l-istess skop tagħha, ir-raġuni li għaliha l-ġenituri kattoliċi għandhom jippreferuha, hu preċiżament il-kwalità tal-istruzzjoni reliġjuża integrat fl-edukazzjoni tal-istudenti tagħha. Filwaqt li istituti kattoliċi għandhom jirrispettaw il-libertà tal-kuxjenza, jiġifieri, għandhom jevitaw li jgħabbu l-kuxjenza tagħhom minn sforzi fiżiċi jew morali, speċjalment fil-każ tal-attività reliġjuża tal-adolexxent, huma xorta waħda għandhom id-dmir gravi li joffru tħejjija reliġjuża addattata għal sitwazzjonijiet reliġjużi mill-iżjed wiesa’ ta’ l-istudenti. Għandhom ukoll id-dmir li jgħinuhom jifhmu li, għalkemm is-sejħa ta’ Alla biex jaqduh fl-Ispirtu u fil-verità, skond il-kmandamenti ta’ Alla u l-preċetti tal-Knisja, ma ġġiegħelx bilfors, xorta waħda torbot fil-kuxjenza.

Biss qed jiġuni quddiem għajnejja skejjel ta’ bla ebda reliġjon u skejjel pubbliċi. Nesprimi x-xewqa kbira tiegħi, bi tweġiba għad-dritt ċar tal-persuna umana u tal-familja, u għar-rispett tal-libertà reliġjuża ta’ kull wieħed, li l-istudenti Kattoliċi kollha għandhom ikunu mgħejjuna jimxu ’l quddiem fil-formazzjoni spiritwali tagħhom bl-għajnuna tal-istruzzjoni reliġjuża dipendenti mill-Knisja, iżda li skond iċ-ċirkostanzi ta' pajjiżi differenti, tista’ tiġi mogħtija mill-iskola, jew fl-ambjent tal-iskola, jew ukoll fl-istruttura ta’ ftehim mal-awtoritajiet pubbliċi rigward orarji tal-iskola, jekk il-katekeżi ssir biss fil-parroċċa jew inkella f’xi ċentru pastorali. Fil-fatt, anke f’postijiet fejn jeżistu diffikultajiet oġġettivi, hemm bżonn li tkun ħaġa possibbli li jitranġaw it-'time-tables’ tal-iskola b'tali mod sabiex il-Kattoliċi jkunu jistgħu jinżlu aktar fil-fond tal-fidi tagħhom u tal-esperjenza reliġjuża, flimkien ma’ għalliema kwalifikati, kemm saċerdoti kif ukoll lajċi.

Ikollna nammettu li, barra mill-iskola, ħafna elementi oħra tal-ħajja jgħinu biex jinfluwenzaw il-mentalità taż-żgħażagħ, per eżempju, ir-rikrejazzjoni, l-ambjent soċjali u 1-ambjent tax-xogħol. Biss dawk li jistudjaw għandhom iġorru l-marka tal-istudju tagħhom, għandhom jiġu introdotti għall-valuri kulturali u morali fl-atmosfera tal-iskola fejn qed jiġu mgħallma, u għandhom jiġu iffaċċjati mill-ħafna ideat li jiltaqgħu magħhom fl-iskola. Hu importanti għall-katekeżi li tistudja sewwa dan l-effett tal-iskola fuq l-istudenti, jekk trid iżżomm ruħha f’kuntatt mal-elementi l-oħra tat-tagħrif u l-edukazzjoni tal-istudenti. B’hekk il-Vanġelu jsaħħaħ il-mentalità tal-istudenti fil-qasam tat-tagħlim tagħhom, u 1-armonizzazzjoni tal-kultura tagħhom tinkiseb fid-dawl tal-fidi. Hekk ukoll jiena nagħmel kuraġġ lis-saċerdoti, lir-reliġjużi u lil-lajċi li qed jiddedikaw lilhom infushom sabiex isaħħu l-fidi tal-istudenti tagħhom. Din hi għalija okkażjoni biex nerġa’ ntenni l-konvinzjoni soda tiegħi li, li turi rispett lejn il-Fidi Kattolika taż-żgħażagħ b’tali mod li tħaffef u tgħin l-edukazzjoni tagħha, ċertament jagħmel unur lil kull Gvern, kienet x’kienet is-sistema li fuqha hu mibni jew l-ideoloġija li minnha jieħu l-aspirazzjonijiet tiegħu.

 

 

Fl-organizzazzjonijiet

70.       Fl-aħħarnett, inkoraġġiment għandu jiġi mogħti lill-assoċjazzjonijiet, movimenti u gruppi lajċi, kemm jekk l-iskop tagħhom hu l-prattika tal-pjetà, l-appostolat dirett, karità u ħidma ta’ għajnuna lil ħaddieħor, kemm jekk hi l-preżenza nisranija f’materji temporali. Huma jirnexxilhom jilħqu l-oġġettivi tagħhom aħjar, u jaqdu aħjar lill-knisja, jekk huma jagħtu post importanti fl-organizzazzjoni interna u fil-metodu tagħhom ta’ azzjoni lit-tħejjija reliġjuża serja lill-membri tagħhom. B’dan il-mod kull assoċjazzjoni tal-fidili fil-Knisja, għandha bħala tifsir tagħha, id-dmir li teduka għall-fidi.

Dan qed jagħmel iżjed ċar is-sehem mogħti llum lil-lajċi fil-katekeżi, dejjem taħt it-tmexxija tal-Isqfijiet tagħhom, bħalma saħqu bosta drabi l-Propożizzjonijiet imħollija mis-Sinodu.

 

 

Istituti ta’ Tħejjija

71.       Għandna għax nirringrazzjaw lil Alla għal din il-kontribuzzjoni tal-lajċi, iżda din toħolqilna ukoll sfida lir-responsabbiltà tagħna bħala Rgħajja, billi dawn il-katekisti lajċi jridu jiġu mħejjija sewwa għal dik li, jekk forsi mhix ministeru formalment imwaqqaf, hi tal-inqas funzjoni ta’ impotanza liema bħalha fil-Knisja. It-tħejjija tagħhom tistenna minna li norganizzaw Ċentri u istituti speċjali, li għandhom jiġu mogħtija attenzjoni assidwa mill-Isqfijiet. Dan huwa qasam li fih il-koperazzjoni djoċesana, interdjoċesana, jew nazzjonali, għandha tkun fertili u tħalli l-frott. Hawn ukoll l-għajnuna materjali mogħtija mill-Knejjes sinjuri lil ħuthom il-fqar li jistgħu juru fil-kobor tiegħu l-effett kollu tagħhom; għaliex x’għajnuna aqwa Knisja tista’ tagħti lill-oħra milli tgħinha tikber bħala Knisja bil-forzi tagħha stess?

Nixtieq li lil dawk kollha li qed jaħdmu b’ġenerożità fis-servizz tal-Vanġelu, u li lilhom għadni kif għamiltilhom il-qalb, infakkarhom fl-istruzzjoni mogħtija mill-Predeċessur tiegħi Pawlu VI; “Bħala evanġelizzaturi, irridu noffru ... stampa ta’ bnedmin maturi fil-fidi u kapaċi jsibu punt ta’ għaqda lil hinn mit-tensjonijiet veri, permezz ta’ tfittxija mxierka, sinċiera, diżinteressata għas-sewwa. Iva, id-destin tal-Evanġelizzazzjoni hu ċertament marbut sewwa max-xhieda tal-unità mogħtija mill-Knisja. Din hi għajn ta’ responsabbiltà, iżda wkoll ta’ konfort”. [121]


 

KONKLUŻJONI

 

 

L-Ispirtu s-Santu: l-għalliem minn ġewwa

72.       Fit-tmiem ta’ din l-Eżortazzjoni Appostolika, il-ħarsa tal-qalb tiegħi ddur fuq il- prinċipju li jdawwal kull xogħol kateketiku u lil dawk kollha li jwettqu dan ix-xogħol – l-Ispirtu tal-Missier u tal-Iben, l-Ispirtu s-Santu.

Meta fisser il-missjoni li dan l-Ispirtu kien se jkollu fuq il-Knisja, Kristu uża kelmiet mimlija tifsir:- "Hu jgħallimkom kollox, u jfakkarkom dak kollu li għidtilkom”.[122] Hu żied: “Meta jiġi Hu, l-Ispirtu tal-Verità, iwasslilkom il-verità kollha... hu jħabbrilkom il-ġejjieni”.[123]

B’hekk l-Ispirtu ġie mwiegħed lill-Knisja u lil kull nisrani bħala l-Għalliem minn ġewwa, li fil-fond tal-kuxjenza u tal-qalb, iġiegħel wieħed jifhem dak li jkun sama' u li ma kienx kapaċi jifhem. Santu Wistin, f’dan ir-rigward qal: “Anke bħalissa l-Ispirtu s-Santu jgħallem lill-fidili”, “skond il-kapaċità spiritwali li għandu kull wieħed. Hu jkebbsilhom ’il qalbhom b’xewqa ikbar dejjem skond il-progress li wieħed jagħmel fil-karità li tagħmlu jħobb dak li diġà jaf u jixtieq dak li s’issa għadu ma jafx”.[124]

Iżjed ukoll, il-missjoni tal-Ispirtu hi wkoll li tbiddel lid-dixxipli u tagħmilhom xhieda ta’ Kristu: “Huwa jixhed għalija. U intom ukoll tixhduh”.[125]

Iżda dan mhux kollox. Għal San Pawl, li dwar din il-materja jissintetizza teoloġija li tinsab moħbija matul it-Testment il-Ġdid kollu, li wieħed “hu kollu kemm hu nisrani’, il-ħajja nisranija kollha, il-ħajja ġdida ta’ wlied Alla, hu dak li jikkostitwixxi ħajja skond l-Ispirtu.[126] L-Ispirtu biss jgħinna ngħidu lil Alla: “Abba, Missier”.[127] Mingħajr l-Ispirtu ma nistgħux ngħidu “Ġesù  hu 1-Mulej”.[128] Il-Kariżmi li jibnu lill-Knisja u lill-komunità tal-insara ġejjin mill-Ispirtu.[129]

F’dan il-kontest San Pawl iwissi lil kull dixxiplu: “Imtlew bl-Ispirtu”.[130] Santu Wistin kien espliċitu ħafna: "It-Tnejn li huma (it-twemmin tagħna u l-azzjonijiet tagħna) huma tagħna, minħabba l-għażla tar-rieda tagħna, u safrattant it-tnejn huma rigali ta’ karità u tal-fidi mogħtija lilna mill-Ispirtu”.[131]

Konsegwentement, il-katekeżi, li hi t-tkabbir fil-fldi u l-maturazzjoni ta’ ħajja nisranija fejn il-milja kollha tagħha, hi l-ħidma tal-Ispirtu s-Santu, ħidma li hu waħdu kapaċi jibda u jżomm fil-Knisja.

Dan it-twettiq, mibni fuq it-test li semmejna hawn fuq u fuq testi oħra tat-Testment il-Ġdid, jikkonvinċina dwar żewġ affarijiet.

L-ewwelnett, hi ħaġa ċara li waqt li tkun qed taqdi l-missjoni tagħha li tagħti l-katekeżi, il-Knisja u wkoll kull individwu nisrani li jiddedika ħajtu għal dik il-missjoni fil-Knisja u f’isimha - taf sewwa li hi qed isservi ta’ strument ħaj u li jweġġa’ tal-Ispirtu s-Santu. L-attitudni tal-Knisja għalliema u ta’ kull katekist għandha tkun li ssejjaħ bla waqfien lill-Ispirtu s-Santu, li tingħaqad miegħu, li timpenja ruħha biex issir taf aħjar l-ispirazzjonijiet awtentiċi tiegħu.

It-tieni, ix-xewqa profonda li ssir taf aħjar l-azzjoni tal-Ispirtu u li tafda ruħha f’idejh - fiż-żmien meta "fil-Knisja qed ngħixu staġun mill-iżjed eċċezzjonalment favorevoli tal-Ispirtu”, kif qal il-Predeċessur tiegħi Pawlu VI fl-Eżortazzjoni Appostolika Evangelii Nunitiandi[132] għandha ġġib qawmien kateketiku. Għaliex it-“tiġdid fl-Ispirtu” ikun awtentiku u jkollu frott mill-iżjed abbundanti fil-Knisja, mhux iżjed mill-kariżmi straordinarji li jqajjem, iżda daqskemm imexxi l-akbar numru possibbli ta’ fidili, fil-mixja tagħhom ta’ kuljum, ħalli jwettqu sforz umli, pazjenti u perseveranti sabiex ikunu jafu aħjar u aħjar il-misteru ta’ Kristu u jagħtu xħieda tiegħu.

Jiena nitlob fuq il-Knisja katekizzanti, l-Ispirtu tal-Missier u tal-Iben, u nitolbu jġedded dinamiżmu kateketiku fil-knisja kollha.

 

 

Marija: Omm u Mudell tad-dixxiplu

73.       Li kienet il-Verġni tal-Pentekoste takkwista dan għalina, permezz tal-interċessjoni tagħha. B’sejħa unika, hi rat lil Binha Ġesù  "jikber fil-għerf, fis-snin u fil-Grazzja”.[133] Kif kien ikun f’ħoġorha u aktar tard, meta kien joqgħod jismagħha titkellem matul il-ħajja moħbija ta’ Nazareth, dan l-Iben li kien “l-Iben il-waħdieni tal-Missier”, “mimli bil-grazzja u l-Verità” kien iffurmat minnha fit-tagħrif uman tal-Iskrittura u tal-pjan tas-salvazzjoni ta’ Alla għan-nies tiegħu u fl-adorazzjoni tal-Missier.[134] Min-naħa l-oħra hi kienet l-ewwel waħda mid-dixxipli tiegħu. L-ewwel waħda fiż-żmien għaliex anke meta sabet lil Binha adolexxenti fit-Tempju, hi rċeviet minn għandu tagħlimiet li baqgħet iżżommhom ġewwa qalbha.[135] Hi kienet l-ewwel dixxiplu fuq kulħadd għaliex ħadd ħliefha ma ġie "mgħallem minn Alla”[136] daqshekk fil-fond. Hi kienet kemm “omm u kemm dixxiplu”, bħalma qal Santu Wistin dwarha, meta ssogra jtenni illi d-dixxipulat tagħha kien aktar importanti għaliha mill-maternità tagħħa.[137] Hemm provi oħra tajba li jwettqu l-istqarrija magħmula fis-Sala tas-Sinodu li Marija hi “katekiżmu ħaj” u “l-omm u l-mudell tal-katekisti”.

Jalla l-preżenza tal-Ispirtu s-Santu, permezz tat-talb ta’ Marija, tagħti lill-Knisja entużjażmu li qatt ma deher bħalu qabel fil-ħidma kateketika u li hu essenzjali għaliha. B’hekk hi tkompli twettaq effettivament f’dan il-mument ta’ grazzja, il-missjoni li ġiet mogħtija lilha mill-Imgħallem tagħha: "Morru, mela: agħmlu dixxipli mill-ġnus kollħa”.[138]

Bil-Barka Appostolika tiegħi.

 

 

Mogħtija f’Ruma, f’San Pietru, fis-16 ta’ Ottubru, 1979, it-tieni sena tal-Pontifikat tiegħi.

 

ĠWANNI PAWLU II.


 

[1]        Cfr. Mt 28:19-20.

[2]        Cfr. 1 Ġw1:1.

[3]        Cfr. Ġw 20:31.

[4]        Cfr. AAS 63 (1971), pp. 758-764.

[5]        Cfr. 44; cfr. Ukoll 45-48 u 54: AAS 68 (1976), pp. 34-35, 35-38, 43.

[6]        Skond il-motu Propju: Apostolica Sollicitudo”, tal-15 ta’ Settembru, 1965, is-sinodu tal-Isqfijiet jista’ jinġabar f’Assemblea Ġenerali, f’Assemblea Straordinarja jew f’Assemblea Speċjali. F’din l-Eżortazzjoni Appostolika l-kelmiet “Sinodu”, l-“Isqfijiet tas-Sinodu”, u “is-sala tas-Sinodu” dejjem jirreferu, sakemm mhux muri xorta oħra għar-Raba’ Assemblea Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet dwar il-Katekeżi, li nżamm f’Ruma, f’Ottubru, 1977.

[7]        Cfr. Synodus Episcoporum, De catechesi hoc nostro tempore tradenda praosertim pueris ‘atque iuvenibus, Ad Populum Dei Nuntiius, Civitate Vaticana, 28-X-1977; cfr.: “L’Osservatore Romano”, 30 t’Ottubru, 1977, pp.3-4.

[8]        Cfr. AAS 69 (1977) p.663.

[9]        Ġw 1:14.

[10]      Ġw 14:6.

[11]      Ef 3:9; 18-19.

[12]      Cfr. Ġw 14:6

[13]      Ġw 7:16. Dan hu suġġett għall-qalb tar-Raba’ Vanġelu; cfr. Ġw 3-34; 8:23; 12:49-50; 14:24; 17:8; 14.

[14]      1 Kor 11:23, il-kelma “għaddejt” użata hawn minn San Pawl ġiet ripetuta ta’ spiss fl-Eżortazzjoni Appostolika Evangelii Nuntiandi biex ifissru l-attività li tevanġelizza fil-Knisja, per eżempju 4, 15, 78, 79.

[15]      Atti 1:1.

[16]      Mt 26:55; cfr. Ġw 18:20.

[17]      Mk 10:1

[18]      Mk 1:22; cfr. Ukoll Mt 5:2; 11:1; 13:54; 22:16; Mk 2:13; 4:1; 6:2; Lq 5:3, 17; Ġw 7:14; 8:2; eċċ.

[19]      Lq 23:5

[20]      Fi kważi 50 post fl-Erba’ Vanġeli, dan l-isem, li ntiret mit-tradizzjoni Lhudija kollha kemm hi, iżda hawnhekk ġiet mogħtija tifsira ġdida, li Kristu nnifsu fittex ħafna drabi jenfasizza, hu attribut lil Ġesù.

[21]      Cfr. Fost oħrajn: Mt 8:19; Mk 4:38; 13:1; Ġw 11:28.

[22]      Mt 12:38.

[23]      Lq 10:25; cfr. Mt 22:16.

[24]      Ġw 13:13-14; cfr. Ukoll Mt 10:25; 26:18 u passaġġi paralleli.

[25]      Mt 23:8 Sant’Injazju ta’ Antijokja jieħu din l-affermazzjoni u jikkummenta dan li ġej: “Aħna rċevejna l-fidi, għalhekk qed inżommu iebes, sabiex inkunu magħrufa bħala dixxipli ta’ Ġesù Kristu, l-Għalliem wieħed tagħna” (Epistola ad Magnesios, IX,2, FUNK 1 198).

[26]      Ġw 3:2.

[27]      L-istampa ta’ Kristu bħala għalliem tmur lura sal-Katakombi Rumani. Hi wżata ta’ spiss fil-mużajk tal-arti Romano-Biżantin tat-3 u 4 seklu. Kienet isservi ta’ mottiv artistiku predominanti fl-iskulturi tal-Katidrali Romaneski u Gotiċi tas-Snin tan-Nofs.

[28]      Mt 28:19

[29]      Ġw 15:15

[30]      Cfr. Ġw 15:16

[31]      Atti 2:42

[32]      Atti 4:2

[33]      Cfr. Atti 4:18; 5:28

[34]      Cfr. Atti 4:19

[35]      Cfr. Atti 1:25

[36]      Cfr. Atti 6:8 ff; cfr. Ukoll Filippu jikkatekizza lill-ministri tar-Reġina tal-Etjopiċi: Atti 15:35.

[37]      Cfr. Atti 15:35.

[38]      Atti 8:4.

[39]      Atti 28:31.

[40]      Papa Ġwanni XXIII: Enċiklika Mater et Magistra (AAS 53 (1961) p. 401): il-Knisja hi ‘omm’ għaliex bil-magħmudija, hi, bla waqfien, twelled ulied ġodda u tkattar familja ta’ Alla;  hi ‘għalliema’ għaliex tgħin lil uliedha jikbru fil-grazzja tal-magħmudija tagħhom billi tmantni s-‘‘sensus fidei” permezz ta’ istruzzjonijiet ta’ veritajiet ta’ fidi.

[41]      Cfr. per eżempju: l-ittra ta’ Klement ta’ Ruma lill-Knisja ta’ Korintu, id-Didache, l-Epistola Apostolorum, il-kitbiet ta’ Irinew ta’ Lyons (Demostratio Apostolicae Praedictionis, u Adversus Haereses) ta’ Tertulljanu (De Baptismo) ta’ Klement ta’ Alessandrija (Paedagogus), ta’ Ċiprijanu (Testimonia ad Quirinum), ta’ Origene (Contra Celsum) eċċ.

[42]      Cfr. 2 Tes 3:1

[43]      Konċ. Vat. II: Dikjarazzjoni dwar il-Libertà Reliġjuża Dignitates Humanae 2: AAS 58 (1966), p. 930.

[44]      Cfr. Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (UNO) 10 ta’ Diċ. 1943, art. 18; Il-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (UNO) 16 ta’ Diċ. 1966, art. 4; L-Att Finali tal-Konferenza fuq is-Sigurtà u Koperazzjoni Ewropea para. VII.

[45]      Cfr. Synodus Episcoporum, De catechesi hoc nostro tempore praesertim pueris atque iuvenibus, Ad Populum Dei nuntius, 1: Ioc. cit., pp. 3-4; cfr. “L’Osservatore Romano”, 30 ta’ Ott. 1977. p. 3.

[46]      Ibid., 6; Ioc. Cit, pp. 7-8.

[47]      Sagra Kongregazzjoni tal-Kleru: Directorium Catechisticum Generale, 17-35: AAS 64 (1972), pp. 110-118.

[48]      Cfr. 17-24: AAS 68 (1976) pp. 17-22.

[49]      Synodus Episcoporum, De catechesi hoc nostro tempore tradenda praesertim pueris atque iuvenibus, Ad Populum Dei Nuntius, 1: loc. cit., pp. 3-4.

[50]      L-Indirizz Konklussiv tas-Sinodu, 29 ta’ Ottubru, 1977, AAS 69 (1977), p. 634.

[51]      Ibid.

[52]      Directorium Catechisticum Generale, 40 u 46: AAS 64 (1972), pp. 121 u 124-125.

[53]      Cfr. Digriet dwar il-Ministeru u l-Ħajja tas-Saċerdoti Presbyterorum Ordinis, 6: AAS 53 (1966), p. 999.

[54]      Cfr. Ordo Initiationis Christianae Adultorum.

[55]      Ef 4:13.

[56]      Cfr. 1 Pt. 3:15.

[57]      Kost. Dommatika fuq ir-Revelazzjoni Divina: Dei Verbum 10 u 24: AAS 58 (1966), pp. 882 u 828-829; cfr. ukoll Sagra Kongregazzjoni għall-Kleru Directorium Catechisticum Generale  45 (AAS 64 (1972), p. 124) fejn hemm murija l-għejjun prinċipali u komplimentari tal-katekiżmu.

[58]      Cfr. Ordo Initiationis Christianae Adultorum, 25-26; 183-187.

[59]      Cfr. AAS 60 (1968), pp. 436-445. Barra dawn il-Professjonijiet kbar tal-fidi tal-Maġisteru, innota wkoll il-professjonijiet popolari tal-fidi, li niżżlu għeruqhom fil-Kulturi nsara ta’ ċerti pajjiżi; cfr. dak li għidt liż-żgħażagħ ġo Gniezno, 3 ta’ Ġunju, 1979, rigward il-kanzunetta messaġġ Bogurodzica: “Din mhix biss kanzunetta: hi stqarrija ta’ fidi, simbolu tal-Kredu Pollakk; hi katekeżi kif ukoll dokument ta’ edukazzjoni nisranija. Il-veritajiet prinċipali tal-fidi u l-prinċipji ta’ moralità jinsabu fiha. Din m’hijiex biss oġġett storiku. Hi dokument ta’ ħajja (Ġiet imsejħa wkoll il-katekiżmu polIakk”) AAS 71 (1979), p. 754.

[60]      25; AAS 68 (1976), p.23.

[61]      Ibid. speċjalment 26-39: I.c. pp. 23-25; l-elementi "prinċipali tal-messaġġ nisrani” huma ppreżentati b’mod l-iżjed sistematiku fid-Directorium Catechisticum Generale 47-69 (AAS 64 (1972), pp. 125-141) fejn wieħed isib in-norma għall-kontenut dottrinali essenzjali ta’ katekiżmu.

[62]      lkkonsulta wkoll dwar dan l-punt id-Directorium Catechisticum Generale, 37-46 (l.c. pp. 120-125).

[63]      Rum 1:19.

[64]      Atti 17:23.

[65]      Cfr. Ef 3:3.

[66]      Cfr. Ef 2:18.

[67]      Atti 20:28.

[68]      Konċ Vat. II: Kostituzzjoni Pastorali dwar il-Knisja fid-Dinja tal-lum Gaudium et Spes, AAS 58 (1966) 1056-1057.

[69]      Rum 6:4.

[70]      2 Kor 5:17.

[71]      Cfr. Ibid.

[72]      Rum 6:23.

[73]      Cfr. Papa Pawlu VI: Eżortazzjoni Appostolika Evangelii Nuntiandi, 30-38:AAS 68  (1976), pp. 25-30.

[74]      Cfr. Catechismo Maggiore, Taqsima Ħamsa, Kap. 6, 965-966.

[75]      Cfr. Fil 2:17.

[76]      Rum 10:8.

[77]      Fil 3:8.

[78]      Cfr. Ef 4: 20-21.

[79]      Cfr. 2 Tes 2:7.

[80]      Ġw 6:69; cfr. Atti 5:20; 7:38.

[81]      Atti 2:28, jikkwota Ps. 16:11.

[82]      Cfr. Digriet kollu dwar l-Ekumeniżmu Unitatis Redintegratio: (AAS 57 (1965) pp. 90-112).

[83]      Cfr. Ibid., 5:l.c. p. 96; cfr. ukoll Kon. Vat. II: Digriet fuq l-Attività Missjunarja tal-Knisja Ad Gentes, 15: AAS 58 (1966) pp. 963-965. Sagra Kongregazzjoni tal-Kleru, Directorium Catechisticum Generale, 27:AAS 64 (1972), p. 115.

[84]      Cfr. Konċ. Vat. II: Digriet dwar l-Ekumeniżmu Unitatis Redintegratio, 3-4 AAS (57) (1965), pp. 92-96.

[85]      Ibid., 3 l.c., pp. 93.

[86]      Cfr. Ibid., cfr. ukoll Kost. Dommatika dwar il-Knisja Lumen Gentium, 15: AAS 57 (1965), p. 19.

[87]      Lq 12:32.

[88]      Cfr. per eżempju, Konċ. Vat. II Kost. Pastorali fuq il-Knisja fid-dinja tal-lum, Gaudium et Spes AAS 58 (1966); pp. 1025-1120; Papa Pawlu VI Enċiklika Populorum Progressio: AAS 59 (1967), pp. 257-299; Ittra Appostolika Octagesima Adveniens: AAS 63 (1971) pp. 401-441; Eżortazzjoni Appostolika Evangelii Nuntiandi: AAS 68 (1976) pp. 5-76.

[89]      Mt 1:16.

[90]      Cfr. Konċ. Vat. II: Digriet dwar l-Uffiċċju Pastorali tal-Isqfijiet fil-Knisja Christus Dominus, 14:AAS 58 (1966), p. 679; Digriet dwar l-attività Missjunarja tal-Knisja Ad Gentes, 14: AAS 58 (1966), p. 962-963; Sagra Kongregazzjoni għall-Kleru, Directorium Catechisticum Generale 20,: AAS 64 (1972), p. 112; cfr. ukoll Ordo Initiationis Christianae Adultorum.

[91]      Cfr. 58 AAS 68 (1976), pp. 46-49.

[92]      Cfr. Synodus Episcoporum, De Catechesi hoc nostro tempore tradenda praesertim pueris alque iuvenibus, Ad Populum Dei Nuntius, 7-10: loc. cit. pp. 9-12; cfr. “L’Osservatore Romano" 30 ta’ Ott. 1977, p. 3.

[93]      Cfr. Sagra Kong. għall-Kleru, Directorium Catechisticum Generale, 119-121, 134: AAS 64 (1972), pp. 166-167, 172.

[94]      Cfr. AAS 71 (1979), p. 607.

[95]      Cfr. Rum 16:25; Ef 3:5.

[96]      1 Kor 1:17.

[97]      Cfr. 2 Tim 1:14.

[98]      Cfr. Ġw 1:16; Ef 1:10.

[99]      Cfr. Enċiklika Redemptor Hominis, 15-16: AAS 71 (1979), pp. 286-295.

[100]    Cfr. Mt 5:13-16.

[101]    Cfr. Papa Pawlu VI, Enċiklika Ecclesiam Suam, it-Tielet Parti AAS 56 (1964), pp. 637-659.

[102]     Cfr. Lhud 11:27.

[103]    1 Kor 13:12.

[104]    Cfr. 1 Tim 6:16.

[105]    Lhud 11:1.

[106]    Cfr. Mt 2:1 ff.

[107]    BIaise Pascal, le mystere De Jesus: Pensees, 553.

[108]    Papa Pawlu VI, Sollemnis Professio Fidei, 4; AAS 60 (1968), p. 434.

[109]    Papa Pawlu VI, Eżortazzjoni Appostolika Quinque Iam Anni: AAS 63 (1971), p. 99.

[110]    1 Tim 1:3 ff; 4:lff; 2 Tim 2:14 ff; 4:1-5; Tit 1:10-12; cfr. ukoll Eżortazzjoni Apostolika Evangelii Nuntiandi, 78: AAS 68 (1976), p. 70.

[111]    Enċiklika Redemptor Hominis, 10, AAS 71 (1979) p. 274.

[112]    De catechizandis Rudibus, PL 40, 310-347.

[113]    Cfr. Digriet fuq l-Uffiċċju Pastorali tal-Isqfijiet fil-Knisja Christus Dominus 14; AAS 58 (1966), p. 679.

[114]    Digriet dwar il-Ministeru u l-Ħajja tas-Saċerdoti Presbyterorum Ordinis, 6: AAS 58 (1966), p. 999.

[115]    Lam 4:4.

[116]    Ef 4:5-6.

[117]    Cfr. Konċ. Vat. II: Kost. dwar il-Liturġija Mqaddsa Sacrosanctum Concilium, 35, 52: AAS (1964), pp. 109, 114; cfr. ukoll Institutio Generalis Missalis Romani, ippromulgat b’Digriet tas-Sagra Kong. tar-Riti fis-6 ta' April, 1969, 33, u dak li intqal hawn fuq fil-Kap. VI dwar l-Omelija.

[118]     Sa miż-żminijiet tan-nofs, kunsilli provinċjali nsistew fuq ir-responsabbiltà tal-ġenituri rigward l-edukazzjoni għall-fidi: cfr. is-sitt Konċilju ta’ Arles (813), Kanoni 19; Konċllju ta' Mainz (813); Kan. 45, 47; is-Sitt Konċilju ta’ Pariġi (829), I Ktieb, Kap. 7; MANSI: Sacrorum Conciliorum Nova et Amplissima Collectio, XIV, 62, 74, 542. Fost id-dokumenti l-aktar viċin lejna tal-Maġisteru, innota 1-Enċiklika Divini Ilius Magistri ta’ Piju XI, 31 ta’ Diċ. 1929; AAS 22 (1930), pp. 49-86, il-ħafna diskorsi u messaġġi ta' Piju XII; u fuq kollox it-testi kollha tal-Konċ. Vat. II: Kost. Dommatika dwar il-Knisja Lumen Gentium, 11, 35: AAS 57 (1965), pp. 15, 40; Digriet dwar l-appostolat tal-Lajċi Apostolicam Actuositatem, 11, 30, AAS 58 (1966), pp. 847, 860; Kost. Pastorali dwar il-Knisja fid-dinja tal-lum Gaudium et Spes, n. 52; AAS 58 (1966) p. 1073; u speċjalment id-Dikjarazzjoni dwar l-Edukazzjoni Nisranija Gravissimum Educationis, 3: AAS 58 (1960), p. 731.

[119]    Cfr. Konċ. Vat. II: Dikjarazzjoni dwar l-Edukazzjoni Nisranija Gravissimum Educationis, 3: AAS 58 (1966), p. 731.

[120]    Konċ. Vat. II: Kost. Dommatika fuq il-Knisja Lumen Gentium, 11 AAS 57 (1965), p. 16; cfr. Digriet dwar l-Appostolat tal-Lajċi Apostolicam Actuositatem, 11,: AAS 58 (1966) p. 848.

[121] Eżortazzjoni Appostolika Evangelii Nuntiandi, 77:  AAS 58 (1976), p. 69.

[122]    Ġw 14:26.

[123]    Ġw 16:13.

[124]    In Joannis Evangelium Tractatus, 97, 1:PL 35, 1877.

[125]    Ġw 15:26-27.

[126]    Cfr. Rum 8:14-17; Gal 4:6.

[127]    Rum 8:15.

[128]    1 Kor 12:3.

[129]    Cfr. 1 Kor 12:4-11.

[130]    Ef 5:18.

[131]    Retractationem Liber I, 23, 2:PL 32, 621.

[132]    75: AAS 68 (1976) p. 66.

[133]    Cfr. Lq 2:52.

[134]    Cfr. Ġw 1:14; Lhud 10:5; S.TH. III, Q. 12, a. 2; a. 3, ad 3.

[135]    Cfr. Lq 2:51.

[136]    Cfr. Ġw 6:45.

[137] Cfr. Sermo 25, 7: PL 46, 937-938.

[138] Mt 28:19.

 

 

Segretarjat għal-Lajċi tal-Arċidjoċesi ta' Malta