Laikos

Aktar dwar is-Sinodu tal-Isqfijiet ...

 

MIXJA SINODALI

 

Dan l-aħħar fl-aħbarijiet smajna li qed isir Sinodu. Xi tfisser “Sinodu”?

 

Is-Sinodu tal-Isqfijiet ilaqqa’ flimkien lil rappreżentanti tal-Isqfijiet mid-dinja kollha biex, f’għaqda sħiħa mal-Papa, jiddiskutu temi importanti għall-ħajja tal-Knisja. Kien Papa Pawlu VI li waqqaf is-Sinodu tal-Isqfijiet fl-1965, lejn it-tmiem tal-Konċilju Vatikan II, u dan baqa’ jiltaqa’ regolarment kull sentejn jew tlieta.

 

Is-Sinodu tal-Isqfijiet li se jsir fl-2023 għandu bħala tema: “Lejn Knisja Sinodali: Komunjoni, Parteċipazzjoni, Missjoni”. Il-Papa Franġisku ried li bi tħejjija għal dan is-Sinodu, minn Ottubru 2021 issir mixja sinodali fil-Knisja kollha, għalhekk f’kull djoċesi, biex ħafna nies ikunu jistgħu jagħtu s-sehem tagħhom fuq is-suġġetti indikati – jgħidu x’jaħsbu u x’inhuma l-esperjenzi u l-proposti tagħhom. B’dan il-mod, jintlaħaq aktar l-iskop ta’ Knisja li timxi flimkien.

 

F’Malta, dan il-proċess beda ftit aktar kmieni, f’Ġunju tas-sena li għaddiet, bit-tnedija tad-dokument ta’ tiġdid ekkleżjali “Knisja Waħda Vjaġġ Wieħed”. Bħala parti minn din il-mixja flimkien, matul din is-sena 2021 saret u qed issir riflessjoni partikulari fuq “Knisja li tisma’”, b’numru ta’ laqgħat online, minħabba l-pandemija, u bis-sehem ta’ ħafna. F’Novembru għandha tiltaqa’ wkoll l-Assemblea Djoċesana, li tiltaqa’ kull sena, u li hi dejjem esprjenza pożittiva. Għalhekk, aħna qegħdin tassew inseriti f’din il-mixja li nieda l-Papa Franġisku.

 

Ta’ min isemmi wkoll kemm huwa ta’ soddisfazzjon li bejn l-1999 u l-2003, f’Malta sar is-Sinodu Djoċesan, li hu tip ieħor ta’ Sinodu – mhux tal-Isqfijiet imma Sinodu li jsir fid-djoċesi, bis-sehem ta’ kulħadd.  Dan is-Sinodu Djoċesan kien tassew esperjenza ta’ “mixja flimkien”. Nistgħu nifhmu ħafna dak li l-Papa Franġisku jixtieq għall-Knisja universali għax aħna għexnieh fuq livell lokali madwar għoxrin sena ilu u nafu kemm din il-mixja flimkien ħalliet frott.

 

 

BIEX NIFHMU AĦJAR IS-SINODALITÀ

 

1.     Is-sinodalità: sejħa tal-Ispirtu ta’ Alla

 

Hu l-Ispirtu ta’ Alla li jġedded kontinwament il-Knisja u jsejħilha tipprattika s-sinodalità bħala mod kif tgħix u taġixxi, waqt li tippromovi s-sehem tal-imgħammdin kollha u tal-persuni ta’ rieda tajba, kull wieħed u waħda skont l-età, l-istat ta’ ħajja u l-vokazzjoni tiegħu. Il-kolleġġjalità li tgħaqqad flimkien lill-isqfijiet mal-Papa Franġisku fl-għożża kbira għall-Poplu ta’ Alla hi msejħa tiġi mirquma u tistagħna permezz tal-prattika tas-sinodalità fuq kull livell.

 

2.     Is-sinodalità hi mixja flimkien

 

San Ġwann Kriżostmu jgħid: “Knisja u Sinodu huma sinonimi” – għax il-Knisja mhix ħlief il-merħla ta’ Alla li tul il-mogħdijiet tal-istorja timxi flimkien lejn Kristu l-Mulej. Is-sinodalità tikkaratterizza kemm il-ħajja u kemm il-missjoni tal-Knisja, li hi l-Poplu ta’ Alla magħmul minn żgħażagħ u anzjani, irġiel u nisa ta’ kull kultura u xefaq, u l-Ġisem ta’ Kristu, li fih aħna membri ta’ xulxin.

 

3.     Is-sinodalità tenfasizza r-relazzjonijiet fil-Knisja

 

Huwa mir-relazzjonijiet – ma’ Kristu, mal-oħrajn, fil-komunità – li tgħaddi l-fidi. Anki fid-dawl tal-missjoni, il-Knisja hi msejħa li jkollha wiċċ li jqiegħed fiċ-ċentru s-smigħ, l-akkoljenza, id-djalogu, f’mixja li tibdel il-ħajja ta’ min jieħu sehem fiha. Knisja sinodali hi Knisja li tisma’, għax taf li s-smigħ hu iktar milli sempliċi tisma’ b’widnejk. Hu smigħ reċiproku fejn kulħadd għandu x’jitgħallem, wieħed jisma’ lill-ieħor; u kulħadd jisma’ lill-Ispirtu s-Santu, l-“Ispirtu tal-verità” (Ġw 14:17), biex jagħraf dak li Hu “jgħid lill-Knejjes” (Apok 2:7)

 

4.     Is-sinodalità turi ruħha fis-smigħ u d-djalogu bejn il-ġenerazzjonijiet

 

L-istil ta’ dawn il-mixjiet ekkleżjali għandu jiġbor fih is-smigħ fratern u d-djalogu bejn il-ġenerazzjonijiet, bl-għan li jaslu flimkien għal direzzjoni pastorali partikularment attenti għall-persuni emarġinati u għal dawk li għandhom ftit jew xejn kuntatt mal-komunitajiet ekkleżjali.

 

5.     Is-sinodalità tfisser apprezzament tal-kariżmi, parteċipazzjoni, korresponsabbiltà

 

Karatteristika ta’ dan l-istil ta’ Knisja hi l-valorizzazzjoni tal-kariżmi li l-Ispirtu jagħti skont il-vokazzjoni u r-rwol ta’ kull wieħed u waħda mill-membri tiegħu, permezz tal-korresponsabbiltà. B’dan il-mod, nistgħu nimxu lejn Knisja parteċipattiva u korresponsabbli, li kapaċi tagħraf il-valur tal-għana tal-varjetà li minnha magħmula, u tilqa’ bil-gratitudni anki s-sehem tal-lajċi, fosthom żgħażagħ u nisa, dak tal-ħajja kkonsagrata femminili u maskili, u dak tal-gruppi, għaqdiet u movimenti. Ħadd ma għandu jitwarrab jew iwarrab.

 

6.     Is-sinodalità tgħinna nevitaw il-klerikaliżmu

 

Is-sinodalità tgħinna nevitaw il-klerikaliżmu, li hu marbut mal-poter u jeskludi lil bosta mill-proċessi deċiżjonali. Tgħinna nevitaw ukoll il-klerikalizzazzjoni tal-lajċi, li tagħlaqhom flok toħroġhom f’impenn missjunarju fid-dinja.

 

7.     Is-sinodalità tfisser li nsaħħu l-proċessi ta’ dixxerniment komunitarju

 

L-esperjenza li “nimxu flimkien” bħala Poplu ta’ Alla tgħinna nifhmu dejjem aħjar is-sens tal-awtorità bħala servizz, kif uriena Ġesù.  Hemm bżonn ukoll li wieħed issaħħaħ il-proċessi ta’ dixxerniment komunitarju li tgħinna naqraw is-sinjali taż-żminijiet fid-dawl tal-fidi u taħt il-gwida tal-Ispirtu, bis-sehem tal-membri kollha tal-komunità, ibda minn min jinsab fil-periferija.

 

8.     Is-sinodalità torjenta l-Knisja lejn il-passaġġ mill-“jien” għall-“aħna” ekkleżjali

 

Il-ħajja sinodali tal-Knisja tgħin lill-Knisja tagħmel il-passaġġ tal-ħruġ mill-“jien” mifhum b’mod individwalistiku għall-“aħna” ekkleżjali, fejn kull ‘jien’ jista’ jgħix u jimxi mal-aħwa bħala suġġett responsabbli u attiv fil-missjoni waħdanija tal-Poplu ta’ Alla.  L-istess passaġġ, bil-qawwa tal-Ispirtu u t-tmexxija tar-ragħajja, għandha tagħmlu l-komunità Nisranija, imsejħa biex ma tkunx magħluqa fiha nfisha, mehdija biha nfisha, imma toħroġ lejn il-bnedmin kollha.

 

9.     Is-sinodalità ssaħħaħ id-djalogu mal-bnedmin kollha ta’ rieda tajba

 

Is-sinodalità tiftaħ lill-Knisja għal djalogu mad-dinja li fiha tgħix. F’dinja mmarkata mid-diversità tal-popli u mill-varjetà tal-kulturi, li “nimxu flimkien” hu importanti biex insaħħu l-inizjattivi ta’ solidarjetà, ta’ integrazzjoni, ta’ promozzjoni tal-ġustizzja, u biex nuru kemm hu sabiħ li niltaqgħu flimkien u ninbnew flimkien bħala l-familja ta’ Alla. B’dan il-mod għandna nkunu mdawlin mill-prinċipji tat-tagħlim soċjali tal-Knisja: id-dinjità tal-persuna, id-destinazzjoni universali tal-ġid, l-għażla preferenzjali favur il-foqra, il-primat tas-solidarjetà, l-attenzjoni għas-sussidjarjetà, l-għożża tad-dar komuni tagħna.

 

10.  Is-sinodalità: meħtieġa formazzjoni speċifika

 

Hi meħtieġa formazzjoni speċifika għas-sinodalità. Din ma tiġix waħedha u ħafna drabi teħtieġ konverzjoni tal-qalb u tal-attitudnijiet. Għalhekk hu importanti li nistrutturaw mixjiet ta’ formazzjoni komuni fejn wieħed jista’ jagħmel esperjenza prattika tas-sinodalità.

 

 

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju