Laikos

Ara Evangelii Gaudium bil-Malti ...

 

Katekeżi dwar l-Eżortazzjoni Appostolika tal-Papa Franġisku

‘Evangelii Gaudium’ (Il-Ferħ tal-Vanġelu)

Kitba ta' Joe Galea

 

1. IL-FERĦ NISRANI

L-‘Evangelii Gaudium’ (Il-ferħ tal-Vanġelu) hi Eżortazzjoni Appostolika li l-Papa Franġisku rregala lill-Knisja f’Novembru tal-2013. Il-Papa jibda l-eżortazzjoni ‘Evangelii Gaudium’ billi jgħid li fid-dinja tal-lum hemm ir-riskju li, meta ma nibqgħux nisimgħu l-leħen t’Alla, ma ngawdux mill-ferħ ħelu tal-imħabba tiegħu u qalbna ma tibqax tħabbat bil-ħeġġa biex tagħmel il-ġid. Ir-riskju jiġi mill-attrazzjonijiet fid-dinja tal-lum, bħall-ġenn għall-infiq żejjed u t-tfittxija għall-pjaċir u għad-divertiment. Dan jolqot ukoll lill-persuni li għandhom il-fidi imma li ssibhom mimlija rabja ġo fihom, li jkunu mdejqa u bla ħeġġa biex itejbu l-ħajja tal-oħrajn. Żgur li din mhix l-għażla ta’ ħajja li jixtieq Alla.

 

Il-Papa Franġisku jistieden lill-Insara, huma fejn huma u hi x’hini l-qagħda li jinsabu fiha, ħalli ma jistennewx aktar biex iġeddu l-laqgħa personali tagħhom ma’ Kristu. Il-Papa jħeġġiġna biex illum stess nieħdu deċiżjoni li se nħallu lil Ġesù jidħol iktar fil-ħajja tagħna għax nafu li Ġesù qed ifittixna bla heda kuljum. 

 

Ħadd m’għandu jaħseb li din l-istedina mhix għalih, għax kull persuna hi mistiedna għall-ferħ li jaf iġib il-Mulej. Meta nagħmlu pass imqar ċkejken lejn Ġesù, niskopru li diġà qed jistenniena b’dirgħajh miftuħa biex jilqagħna għandu. Dan għax iridna ngħollu rasna ’l fuq u nibdew mill-ġdid. Hu jagħmel dan bi ħlewwa li qatt ma tqarraq bina u li qiegħda dejjem hemm biex tagħtina l-ferħ mill-ġdid. 

 

Il-Papa jfakkarna li fil-Bibbja nsibu ħafna stediniet għall-ferħ li jkollu min jimxi fit-triq it-tajba. Bdew fit-Testment il-Qadim u żdiedu fi żmien Ġesù. Eżempju minnhom hu dak li jwasslilna l-profeta Isaija, li jirreferi għall-Messija mistenni u kollu hieni jsellimlu: “Int kattart il-ġens, kabbart il-hena”. Iżaija jħeġġeġ lil dawk li jgħixu fit-triq tal-Mulej biex jilqgħu lill-Messija bil-kant meta lill-poplu jgħidlu biex jaqbeż u jgħanni bil-ferħ. L-anġlu Gabriel jgħid lil Marija biex tifraħ. Hekk għamel Ġwanni fil-ġuf ta’ ommu Eliżabet. Fil-Magnificat Marija tipproklama: “L-ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla, is-Salvatur tiegħi”. Ġesù semma ħafna l-ferħ, bħal meta qal lill-Appostli: “Għad nerġa’ narakom u qalbkom tifraħ, u l-ferħ tagħkom ħadd ma jeħodhulkom”. 

 

Fi ftit kliem, l-Aħbar it-Tajba hi tħabbira ta’ ferħ. Dan il-ferħ għandu jimla lil qalbna u b’karità Nisranija għandna nfittxu li ngħadduh lill-oħrajn.

 

2. MA JKOLLNIEX WIĊĊ TA’ FUNERAL

F’din it-tieni parti tal-Eżortazzjoni Appostolika ‘Evangelii Gaudium’ (Il-ferħ tal-Vanġelu), il-Papa Franġisku jurina kemm hi ħaġa sabiħa li dak li hemm tajjeb fina nwassluh lill-oħrajn. Billi t-tajjeb minnu nnifsu għandu t-tendenza li jixtered, kull esperjenza ta’ verità u ta’ ġmiel fina tista’ tgħallem u tferraħ lill-oħrajn. It-tajjeb jiżviluppa u jrabbi l-għeruq meta jinqasam mal-oħrajn. Din hi wkoll responsabbiltà, kif jgħid San Pawl: “Ħażin għalija jekk ma nxandarx l-Evanġelju” (1 Kor 9, 16). Meta t-tajjeb tagħna naqsmuh mal-oħrajn inkunu qed insaħħuh fina stess. Xi drabi jkun hemm bżonn li, biex ningħataw lill-oħrajn, ikollna nħallu “x-xatt żgur tagħna”. Ix-“xatt” ifisser il-ħajja komda u meta nagħżlu li ningħalqu fina nfusna.

 

Importanti li dak li aħna rċevejna permezz tal-fidi fi Kristu nwassluh bil-ferħ lill-oħrajn. Togħġobni l-espressjoni tal-Papa meta jgħid li min iwassal l-Aħbar tal-Vanġelu “m’għandux ikollu l-ħin kollu wiċċ ta’ funeral”. U jgħidilna li hemm bżonn niksbu mill-ġdid dak “il-hena ħelu li jagħtina l-qawwa, anki meta jkollna niżirgħu fid-dmugħ”. Dan għaliex id-dinja ta’ żminijietna, li qiegħda tfittex kultant bi qsim il-qalb u kultant bit-tama, jirnexxilha tirċievi l-Aħbar it-Tajba “mhux mingħand ħabbara bla ħeġġa, qalbhom maqtugħa, bla sabar u anzjużi, iżda mingħand ħbieb tal-Vanġelu li huma ta’ ħajja mkebbsa bil-ħeġġa, li rċevew il-ferħ ta’ Kristu.”

 

Filwaqt li bl-ikbar ġenerożità nħabirku ħalli nwasslu l-ferħ tal-Vanġelu kif ukoll il-fidi tagħna lill-oħrajn, irridu nifhmu li din il-missjoni mhix inizjattiva tagħna, imma tal-Mulej. Kristu, li hu l-ewwel ħabbar, qed isejħilna biex naħdmu id f’id miegħu; għalhekk jagħtina l-qawwa tal-Ispirtu tiegħu li b’mod misterjuż idawwalna u jqanqal fina l-ħeġġa biex inwasslu l-imħabba tiegħu. Il-Papa jitlobna nwasslu l-Vanġelu b’mod dejjem ġdid, imma mingħajr ma ninqatgħu mill-għeruq tagħna. B’hekk ma ninsewx l-istorja ħajja li qed tħaddanna fiha bħala dixxipli ta’ Kristu u tmexxina ’l quddiem. Il-memorja hi element importanti fil-fidi tagħna, tant li Ġesù għażel li jħallilna l-Ewkaristija bħala tifkira ħajja tiegħu ta’ kuljum fil-Knisja. Il-ferħ tat-tħabbira tal-Vanġelu jilma dejjem fuq l-isfond ta’ memorja li hi grazzja minn Alla u għandna nitolbuhielu. Anke l-Appostli qatt ma nsew dak il-waqt li fih Ġesù mess lil qalbhom fl-Aħħar Ċena.

 

Aħna nifirħu meta nġeddu l-memorja ta’ nies li influwenzaw lil ħajjitna hekk li seta’ xxettel fina dan il-ferħ tal-Vanġelu. Dawk li daħħluna fil-ħajja tal-fidi setgħu jinkludu persuni sempliċi u qrib tagħna, bħall-ġenituri, in-nanniet, is-saċerdoti u l-katekisti. Il-memorja tagħhom tiffriska l-fidi tagħna.

 

3. IL-LINGWAĠĠ TAD-DUTTRINA

Huwa xogħol importanti tal-Knisja, permezz tal-Papiet megħjunin mill-Kardinali, mill-Isqfijiet u mit-teoloġi, li jistudjaw id-duttrina u jaraw kif se jwassluha lin-nies skont iż-żmien li jkun. Dan hu li jispjega l-Papa Franġisku fl-Eżortazzjoni Appostolika ‘Evangelii Gaudium’ (Il-Ferħ tal-Vanġelu).

 

Il-Knisja hi attenta għat-tibdil li bilfors jinħass mas-snin, meta t-taqlib fid-dinja jħalli l-marka tiegħu u, speċjalment meta l-lingwaġġ ma jibqax l-istess. Il-verità hi waħda u l-Knisja tgħallem dejjem l-istess prinċipji filwaqt li tiżgura li s-sustanza tad-duttrina ma tinbidilx. Imma t-tagħlim tal-Knisja jrid jiġi mwassal bil-lingwaġġ tal-lum. Jekk ma jkunx hekk, hemm ir-riskju li n-nies ma jifhmux sew dak li l-Knisja trid twasslilhom. Għalhekk li l-Papa Franġisku jgħid li: “l-espressjoni tal-verità jista’ jkollha diversi suriet, u t-tiġdid tas-suriet ta’ espressjoni hu meħtieġ biex nistgħu ngħaddu lill-bniedem tal-lum il-messaġġ tal-Vanġelu fit-tifsira tiegħu li ma tinbidilx”.

 

Għax il-Vanġelu hu tant għal qalb il-membri tal-Knisja inkariġati biex iwassluh lill-oħrajn, dawn ifittxu li l-ġmiel tal-Vanġelu jinftiehem tajjeb u li jiġi milqugħ minn ħafna. Dan mhux faċli, għax it-tagħlim tal-Knisja qatt mhu ħa jirnexxilna nġibuh jinftiehem mod ħafif u daqshekk ieħor jiġi apprezzat minn kulħadd u bla problemi ta’ xejn. Imma jekk wieħed ikun qed jgħix ġenwinament il-Vanġelu li qed ixandar, ħajtu tkun xhieda ta’ mħabba li tqanqal il-qlub tal-oħrajn u twassalhom biex igawdu l-ġid tal-Vanġelu.

 

Fl-istudju kontinwu tagħha, il-Knisja tagħraf x’hemm fiha li mhux direttament marbut mal-qalba tal-Vanġelu, bħal xi drawwiet li niżżlu għeruqhom sew mal-mixja tal-istorja. Mal-mogħdija taż-żmien, il-messaġġ ta’ dawn id-drawwiet jista’ ma jibqax jinftiehem b’tali mod li ma jħallix l-ġid mixtieq. Jista’jkun hemm ukoll regoli tal-Knisja li qdew l-iskop tagħhom għal tul ta’żmien imma llum m’għadhomx meħtieġa. Il-Papa jikkwota lil San Tumas ta’ Aquino li l-preċetti li Kristu u l-Appostli taw lill-poplu ta’ Alla “huma tassew ftit”. U ma nistgħux ninsew dak li jgħallem il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika li l-ħtija ta’ xi żbalji li nagħmlu tista’ tonqos jew tispiċċa minħabba injoranza, nuqqas ta’ attenzjoni, vjolenza, biża’, drawwiet u fatturi oħra.

 

Għalhekk il-Knisja, mingħajr ma tnaqqas xejn mill-valuri tal-Vanġelu, trid takkumpanja lill-membri tagħha bi ħniena u paċenzja. Il-Papa jgħid li Alla jaħdem b’mod misterjuż f’kull persuna, lil hinn mid-difetti u l-waqgħat tagħha. Jogħġobni l-eżempju li jġib il-Papa dwar il-mogħdrija li għandhom juru s-Saċerdoti meta jfakkarhom li: “Il-konfessjonarju m’għandux ikun kamra tat-tortura imma l-post tal-ħniena tal-Mulej li tant iħobbna.”

 

4. L-IDOLATRIJA TAL-FLUS

Fl-Eżortazzjoni Appostolika ‘Evangelii Gaudium’ (Il-Ferħ tal-Vanġelu), il-Papa jgħid li l-gvernijiet tal-pajjiżi jaħdmu għal tkabbir ekonomiku, għal suq ħieles u għal tnaqqis ta’ taxxi biex jinċentiva l-intrapriżi. Imma ma jaħdmux daqshekk għall-ugwaljanza u l-inklużjoni soċjali. Bħala eżempju jsemmi anzjan li nstab mejjet għas-sirda tat-triq u li ma deherx fl-aħbarijiet; imbagħad tidher aħbar li l-ishma fis-suq naqsu b’żewġ punti. Huwa fatt li hemm min jarmi l-ikel waqt li kotra kbira ta’ nies qed ibatu l-ġuħ. Madwar id-dinja, partijiet kbar tal-popolazzjoni huma esklużi u emarġinati, bla xogħol u bla futur. Il-Papa din isejħilha l-logħba tal-kompetittività u l-liġi ta’ min hu l-iżjed b’saħħtu, fejn il-qawwi jibla’ lill-iżjed dgħajjef.

 

Il-Papa jgħid li waħda mill-kawżi ta’ din is-sitwazzjoni nsibuha fir-relazzjoni li ħloqna mal-flus, fejn qed naċċettaw bla inkwiet ta’ xejn il-ħakma tagħhom fuqna u fuq is-soċjetà tagħna. Il-flus qed ikunu importanti iktar mill-bniedem. Ħloqna idoli ġodda hekk li fi żmienna l-qima tal-għoġol antik tad-deheb sabet verżjoni ġdida u bla ħniena fl-idolatrija tal-flus u fid-dittatura tal-ekonomija. Id-dinja tal-kummerċ ġagħlet lill-bniedem tal-lum jaħseb li l-aqwa bżonn tiegħu hu l-konsum.

 

Qed nassistu għal sitwazzjoni fejn il-ftit jistagħnew b’mod esaġerat filwaqt li l-ħafna jsibu ruħhom dejjem aktar imbiegħda mill-ġid ta’ dawn il-ftit li għaddejjin tajjeb. Dan jiġri għax il-kumpaniji jiddefendu l-awtonomija assoluta tas-suq u jispekulaw bla ħniena. Ma jaċċettawx id-dritt tal-kontroll mill-entitajiet li xogħolhom hu li jħarsu l-ġid komuni. Hemm ukoll id-djun u l-interessi, li jbiegħdu lill-pajjiżi milli jissudaw l-ekonomija tagħhom u ma jħallux liċ-ċittadini milli jgħxu ħajja diċenti. Ma’ dan kollu mbagħad inżidu l-korruzzjoni u l-evażjoni egoista tat-taxxa minn min jiflaħ l-aktar, li llum issibhom imxerrdin mad-dinja kollha. Il-kilba għall-poter u għall-ġid ma tafx b’limiti. F’din is-sistema, li kapaċi tqaċċat kulma ssib fi triqitha biex tista’ takkwista iżjed, kull ħaġa li hi dgħajfa, bħalma hu l-ambjent, tispiċċa li m’għandhiex min jiddefendiha kontra l-interessi ta’ min hu b’saħħtu.

 

Wara dan l-atteġġjament hemm moħbija ċ-ċaħda tal-etika u ċ-ċaħda ta’ Alla. Fuq it-tagħlim tal-Vanġelu, il-Papa jfakkar li l-għonja għandhom jgħinu lill-foqra, jirrispettawhom u jagħtuhom opportunità ta’ ħajja li tixirqilhom. Iħeġġiġhom biex juru solidarjetà diżinteressata biex id-dinja terġa’ lura għal sistemi ta’ ekonomija u finanzi li huma mdawla minn etika favur il-bniedem. Jikkwota wieħed mill-għorrief tal-qedem: “Li ma taqsamx il-ġid tiegħek mal-foqra jfisser li tkun qed tisraqhom u ċċaħħadhom mill-ħajja. Il-ġid li għandna f’idejna mhuwiex tagħna, imma tagħhom”.

 

5. IL-VANĠELU FIL-BELT

Il-Papa Franġisku fl-Eżortazzjoni Appostolika ‘Evangelii Gaudium’ (Il-Ferħ tal-Vanġelu) jgħid li ħafna qed iħossuhom delużi fil-Knisja u m’għadhomx jidentifikaw ruħhom mat-tradizzjoni Kattolika. Qed jiżdiedu l-ġenituri li ma jgħammdux lil uliedhom u ma jgħallmuhomx jitolbu. Ħafna qed jitilqu mill-Knisja Kattolika biex jingħaqdu ma’ reliġjonijiet oħra. Fost ir-raġunijiet ta’ indifferenza reliġjuża hemm in-nuqqas ta’ djalogu fil-familji, l-effett tal-mezzi ta’ komunikazzjoni, teoriji żbaljati dwar il-verità, l-aljenazzjoni għal infiq bla kontroll u n-nuqqas ta’ ħidma pastorali fil-komunità. Naraw li fl-aħħar għexieren ta’ snin, kien hemm qtugħ fit-trasmissjoni tal-fidi.

 

Il-Papa jgħid li filwaqt li dan japplika b’mod partikulari għan-nies li jgħixu fl-ibliet, dawk li joqogħdu fl-irħula mhumiex meħlusin minn din il-kultura, li qed titwassal b’kumdità bil-mezzi ta’ komunikazzjoni. Il-Knisja trid issib metodi ġodda kif twassal il-Vanġelu fl-ibliet. Hi sfida għall-Knisja biex tilħaq l-ibliet bir-rigal tal-Vanġelu. Fl-istess waqt il-Papa jqis lill-ibliet bħala post ipprivileġġjat għat-tħabbir tal-Vanġelu, imma biex ikun effettiv dan irid isir b’mod ġdid. Il-Papa jissuġġerixxi li l-Knisja tal-post għandha tfittex kif jistgħu jinħolqu spazji ta’ talb u ta’ komunjoni b’karatteristiċi ġodda li kapaċi jiġbdu iżjed l-għajn u li għandhom tifsira għan-nies li jgħixu fl-ibliet. Programm u stil wieħed uniformi u riġidu ta’ evanġelizzazzjoni mhumiex tajbin għar-realtà tal-belt

 

Il-bliet fihom innifishom ma jagħmluhiex faċli għat-tħabbir u l-għejxien tal-Vanġelu. Id-djar u l-appartamenti iktar jinbnew biex jiżolaw u jipproteġu milli biex jorbtu u jgħaqqdu lin-nies flimkien. Ix-xandir tal-Vanġelu għandu jkun il-qafas li fuqu titwaqqaf mill-ġdid id-dinjità tal-persuni, għax Ġesù anki fil-bliet jixtieq li jsawwab il-grazzja tiegħu. Is-sens magħqud u sħiħ tal-ħajja umana li jipproponi l-Vanġelu hu l-aħjar soluzzjoni għall-ħajja aħjar tan-nies fil-belt.

 

L-ibliet fihom attrazzjoni għal dak li jagħmel ħsara lill-bniedem. Il-Papa jgħid li ma nistgħux nagħlqu għajnejna għat-traffikar tad-droga, għal bosta xejriet ta’ korruzzjoni u ta’ kriminalità li huma komuni fl-ibliet, għall-abbuż u l-isfruttar tal-minuri u għat-telqa tal-anzjani u l-morda. Fl-ibliet hemm persuni u gruppi li qed ifittxu biex ikollhom għajnuna u sens fil-ħajja tagħhom. Alla jinsab ukoll fid-djar tal-ibliet, fit-toroq u fil-pjazez tagħhom u jeżisti wkoll qalb in-nies tal-belt, hekk li l-preżenza tiegħu tista’ tgħin biex ikun hemm solidarjetà, fraternità, sens ta’ verità u ta’ ġustizzja. Din il-preżenza m’għandhiex tibqa moħbija imma trid tiġi murija fix-xhieda tan-nies tal-post.

 

6. IL-GWERER TA’ BEJNIETNA

Il-Papa Franġisku, fl-Eżortazzjoni Appostolika ‘Evangelii Gaudium’ (Il-Ferħ tal-Vanġelu), li qed nirriflettu fuqha din is-sena, isemmi n-nuqqas ta’ mħabba li teżisti fil-komunitajiet. Ikun hemm diżgwid anke fi gruppi tal-Knisja, għax xi wħud ma jħossux li huma parti mill-Knisja sħiħa, bil-varjetà sabiħa li għandha fi ħdanha, imma jqisu ruħhom ta’ dan il-grupp jew tal-ieħor. Minflok ma jaħdmu għall-veru ġid tal-Knisja, ifittxu l-interessi tal-grupp tagħhom. Meta dan l-ispirtu tad-dinja jidħol ‘il ġewwa, xi wħud ma jibqgħux fil-Knisja biex imbagħad joqogħdu jqajmu inkwiet u kontroversji.

 

Allura l-Papa jgħid li jixtieq jitlob b’mod speċjali lill-Insara tal-komunitajiet kollha tad-dinja biex ikunu xhieda ta’ komunjoni fraterna li ssir dawl li jiġbed lill-oħrajn għat-tajjeb. Hekk kulħadd ikun jista’ jammira l-mod kif il-membri tal-komunitajiet iqawwu qalb xulxin u jieħdu ħsieb xulxin. Il-Papa jfakkar fi kliem Kristu: “Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġifieri, jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom” (Ġw 13,35). Dan hu li talab bil-ħrara Ġesù lill-Missier: “Ħa jkunu lkoll ħaġa waħda fina biex hekk id-dinja temmen” (Ġw 17,21). Il-Papa jitlobna noqogħdu attenti mit-tentazzjoni tal-għira, u ndaħħlu f’rasna li aħna lkoll qegħdin fuq l-istess dgħajsa u mexjin lejn l-istess port. Nitolbu l-grazzja li nifirħu bil-frott ta’ xulxin, li hu l-frott ta’ kulħadd.

 

Il-Papa jagħmel appell mill-qalb lil dawk li jħossuhom miġruħa minn firdiet antiki u li diffiċli jaċċettaw il-maħfra u r-rikonċiljazzjoni għax jaħsbu li l-Knisja hi b’għajnejha magħluqa għall-uġigħ tagħhom. Imma jekk huma jaraw ix-xhieda ta’ komunitajiet fraterni u rikonċiljati, din dejjem hi dawl li jiġbed lejh. Il-Papa jgħid li jħossu mweġġa’ ħafna meta jara kif f’xi komunitajiet Insara, u saħansitra bejn persuni kkonsagrati, jitħalla wisa’ għal bosta xejriet ta’ mibegħda, firda, għira u xewqa li l-persuni jimponu l-ideat tagħhom, hu x’inhu l-prezz, u sa persekuzzjonijiet li qishom ġuri bla ħniena. Il-Papa jistaqsi: “Lil min irridu nevanġelizzaw b’din l-imġiba?

 

Nitolbu lill-Mulej ifehimna l-liġi tal-imħabba. Kemm hu ta’ ġid għalina li nħobbu lil xulxin, minkejja kollox! It-twissija ta’ Pawlu tgħodd għal kull wieħed u waħda minna: “Tħallix il-ħażen jirbħek, iżda irbaħ il-ħażen bit-tajjeb” (Rum 12,21). U mill-ġdid: “Ma negħjew qatt nagħmlu l-ġid” (Gal 6,9). Kollha għandna s-simpatiji u l-antipatiji tagħna, u forsi propju bħalissa aħna rrabjati għal xi ħadd. Tal-inqas ngħidu lill-Mulej: “Mulej, jien irrabjat għal dan, għal din. Nitolbok għalih u għaliha”. Li nitolbu għall-persuna li magħha kellna xi ngħidu hu pass sabiħ lejn l-imħabba, u hu att ta’ evanġelizzazzjoni. Ma nħallux lil min jisirqilna l-ideal tal-imħabba fraterna!

 

7. L-OMELIJA TAL-QUDDIESA

Fl-Eżortazzjoni Appostolika tiegħu ‘Evangelii Gaudium’ (Il-Ferħ tal-Vanġelu), iI-Papa Franġisku jitfa’ dawl fuq l-omelija tal-Quddiesa li għandha valur speċjali minħabba l-kuntest Ewkaristiku tagħha, li jagħmilha aqwa minn kull xorta oħra ta’ katekeżi. Il-Papa jgħid li l-omelija hi mument privileġġat bejn Alla u l-komunità Nisranija għax tibni fuq id-djalogu li diġà hu miftuħ bejn Alla u l-poplu tiegħu.

 

Imma biex l-omelija tħalli l-ġid jeħtieġ li jkun hemm valutazzjoni serja min-naħa tal-Knisja. Il-Papa jfakkar li t-tħabbira tal-kelma fil-liturġija, speċjalment fil-Quddiesa, mhijiex ħin ta’ meditazzjoni u ta’ katekeżi, imma hi taħdita bejn Alla u l-persuni li qed titħabbrilhom il-ġrajja meraviljuża ta’ kif Alla mexa mal-bniedem.

 

Bl-esperjenza twila tiegħu fil-komunikazzjoni mal-pubbliku, il-Papa jagħti xi pariri lis-saċerdoti dwar l-omelija. Jgħid li min qed jipprietka jrid jifhem il-qalb tal-komunità tiegħu biex ifittex fejn hi ħajja u mħeġġa x-xewqa għal Alla, u anke fejn dan id-djalogu ta’ mħabba seta’ safa fgat jew ma setax jagħmel frott. Għax spiss jiġri li dawk li qed jisimgħu jbatu biex isegwu l-omelija, filwaqt li s-saċerdoti jkollhom diffikultà biex iwasslu sew il-messaġġ li jixtiequ. Din hi ħaġa ta’ swied il-qalb għax l-omelija tista’ tkun tabilħaqq esperjenza qawwija u ta’ ferħ tal-Ispirtu; tista’ tkun laqgħa mimlija faraġ mal-kelma t’Alla u għajn kostanti ta’ tiġdid u ta’ maturità.

 

Il-Papa jissuġġerixxi li l-omelija għandha tkun qasira u tevita li tidher qisha xi konferenza jew lezzjoni tad-duttrina. Anke jekk is-saċerdot jaf ikun kapaċi jżomm in-nies attenti għal tul ta’ ħin, x’aktarx li l-kelma tiegħu tispiċċa ssir iktar importanti miċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa. Omelija twila ddgħajjef lil żewġ karatteristiċi taċ-ċelebrazzjoni liturġika, li huma l-armonija bejn il-partijiet tagħha u r-ritmu tagħha. Dan jitlob li l-kelma tas-saċerdot ma tiħux spazju żżejjed, biex tħalli lill-Mulej jgħajjex lill-fidili bil-preżenza tiegħu fiċ-ċelebrazzjoni liturġika. L-omelija lanqas m’għandha tkun xi spettaklu ta’ divertiment, imma għajnuna li tagħti ħeġġa u tifsira liċ-ċelebrazzjoni kollha.

 

Stedina mill-qalb tal-Papa lis-saċerdoti hi li fl-omelija għandhom jitkellmu bħalma omm titkellem ma’ wliedha fil-ħajja ta’ kuljum, li jkunu qrib tan-nies, li jużaw ton ġentili fil-vuċi, li juru ħlewwa fl-istil ta’ kif iwasslu l-kelma u li l-ġesti li jużaw juru ċertu ferħ. Anke meta l-omelija xi kultant tkun tidher tedjanti, jekk fiha jinħass dan l-ispirtu ta’ ħlewwa, dejjem sa tħalli l-frott, l-istess kif il-pariri ta’ omm li xi kultant idejqu ’l uliedha, maż-żmien iħallu l-ġid f’qalb l-istess ulied.

 

Il-Papa jtenni l-konvinzjoni tiegħu li l-Mulej tassew jedha jiddjaloga mal-poplu tiegħu u allura s-saċerdoti li qed iwasslu l-omelija jridu jfittxu mod kif in-nies li qed jassistu għall-omelija tagħhom iħossu dan il-gost qaddis.

 

8. IR-RUĦ SOĊJALI TAL-VANĠELU

Il-Papa Franġisku, fl-Eżortazzjoni Appostolika ‘Evangelii Gaudium’ (Il-Ferħ tal-Vanġelu), jitkellem dwar l-aspett soċjali li fih il-Vanġelu, li hu stedina għal titjib fil-ħajja tagħna u sejħa għall-ħidma ta’ karità bejnietna. Hu ċar fil-Vanġelu li Alla sar bniedem mhux biss biex jifdina imma biex bit-tagħlim u bil-ħajja tiegħu jagħti xhieda ta’ kif għandna ngħixu f’solidarjetà li tant teħtieġ id-dinja tal-lum.

 

Il-Papa jfakkarna li l-Mulej dejjem jara kif jagħmel biex jindiehes f’kull sitwazzjoni tagħna hekk li jidħol fis-sqaqien soċjali kollha ħalli jqanqal għall-imħabba u l-kura ta’ xulxin. Il-Vanġelu ma jħalliniex nikkuntentaw biss b’relazzjoni personali m’Alla imma wkoll li naqsmu dak li pprovdielna mal-oħrajn. Lanqas ma jrid li ħajjitna tirriduċi ruħha f’ġabra ta’ ġesti żgħar li kultant nagħmluhom ma’ min hu fil-bżonn. Faċli li b’hekk inserrħu l-kuxjenza tagħna; inkunu qed ngħixu karità fuq Vanġelu mfassal à la carte.

 

Il-Vanġelu jistedinna għall-fraternità u għall-ġustizzja. Jiftħilna għajnejna li l-Inkarnazzjoni ma waqfitx, għax Ġesù għadu jittallab il-ħniena: “Kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi. (Mt 25,40) Is-solidarjetà tagħna hi tweġiba għall-ħniena li Alla wera magħna: “Ħennu, bħalma hu ħanin MissierkomTiġġudikawx, u ma tkunux iġġudikati; tikkundannawx, u ma tkunux ikkundannati; aħfru, u ssibu l-maħfra; agħtu, u jingħatalkom. Bl-istess kejl li tkejlu intom jitkejjel lilkom lilkom.” (Lq 6,36-38) Din l-aħħar frażi hi ripetuta f’Mattew (7,2) għax aħna ma nistgħux nonqsu mid-dmirijiet tagħna lejn il-batut u qisu ma ġara xejn.

 

Il-Papa jinkuraġġixxi l-laqgħat u d-diskussjonijiet li jsiru bil-għan li tingħata ruħ soċjali lis-soċjetà ta’ żmienna, imma hemm bżonn ta’ azzjonijiet konkreti biex il-prinċipji soċjali ma jitqegħdux fil-ġenb, għax jibqgħu ma jċaqalqu xejn. Għalhekk il-Knisja għandha dritt li turi l-fehmiet tagħha fuq dak kollu li jolqot il-ħajja tal-bnedmin. Ir-reliġjon mhix qiegħda biss biex tipprepara l-erwieħ għall-Ġenna u għalhekk m’għandhiex tkun magħluqa bejn il-persuni bla ma jkollha ebda effett fuq il-ħajja soċjali u nazzjonali. Il-Knisja trid taħdem biex issaħħaħ l-istituzzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tesprimi ruħha fuq il-ġrajjiet li jinteressaw lin-nies. 

 

Il-Papa jġib l-eżempju ta’ San Franġisk ta’ Assisi u ta’ Santa Teresa ta’ Calcutta, li ma fittxewx il-kumdità tagħhom, ma kinux individwalisti, imma kellhom fidi awtentika b’xewqa profonda li jħallu d-dinja aħjar milli sabuha. Huma mudell ta’ kif irridu nħobbu l-umanità, bit-traġedji u l-qtigħ il-qalb tagħha, bix-xewqat u t-tamiet tagħha, bil-valuri u d-dgħufijiet tagħha. 

 

9. SOLIDARJETÀ MAL-IMWARRBIN

Il-Papa Franġisku għandu ħafna għal qalbu l-“għażla preferenzjali tal-Knisja għall-foqra”. Tant hu hekk li jitkellem fit-tul dwar din l-għażla fl-Eżortazzjoni Appostolika ‘Evangelii Gaudium’ (Il-Ferħ tal-Vanġelu). Il-Papa jfakkar li Kristu għex fqir u kien dejjem qrib tal-foqra u l-imwarrbin.

 

Bħala individwi u bħala komunità aħna msejħa biex inkunu għodda f’idejn Alla biex nagħtu ħajja aħjar lill-foqra ħalli jkunu jistgħu jintegraw ruħhom fis-soċjetà. Dan jitlob li nkunu attenti għal fejn hemm il-faqar u nħaffu biex nagħtu l-għajnuna kif nistgħu. Mingħajr solidarjetà mal-foqra ma jistax ikollna relazzjoni tajba m’Alla, kif jikteb San Ġwann: “Mela jekk wieħed għandu biex jgħix fid-dinja u jara ’l ħuh fil-bżonn u jagħlaq qalbu għalih, kif tista’ l-imħabba ta’ Alla tgħammar fih?” (1 Ġw 3:17)

 

Il-Papa jgħid li l-kelma “solidarjetà” tilfet xi ftit mill-qawwa tagħha u xi kultant tinftiehem ħażin, għax solidarjetà tfisser wisq aktar minn xi azzjoni ta’ karità ’l hawn u ’l hemm. Is-solidarjetà titlob li noħolqu mentalità ġdida biex il-ġid ma jkunx biss tal-ftit, imma jservi aħjar għall-ġid komuni. Il-fatt li nies twieldu f’post li għandu inqas riżorsi jew inqas żvilupp ma jiġġustifikax li jgħixu b’inqas dinjità minn oħrajn. Dawk li huma iżjed xortihom tajba għandhom iċedu xi wħud mill-jeddijiet tagħhom biex b’ġenerożità jqiegħdu l-ġid tagħhom għas-servizz tal-oħrajn.

 

Ma niqfux biss fuq li jiġi żgurat l-ikel jew il-manteniment xieraq lil kulħadd, imma wkoll f’dik li hi prosperità fl-aspetti diversi tagћha, bħall-edukazzjoni, l-aċċess għas-servizzi tas-saħħa, u speċjalment ix-xogħol, għax hu hemm li l-bniedem jesprimi u jikber fid-dinjità li jagħti lil ħajtu. Meta jingħata paga xierqa, wieħed jista’ jkollu aċċess għal ġid ieħor, li qiegħed hemm biex jintuża minn kulħadd.

 

Il-Papa jikkwota lill-Papa Emeritu Benedittu XVI, li jfisser x’inhi l-“għażla favur il-foqra”. Hi xhieda speċjali ta’ dak li għandu jiġi l-ewwel fl-eżerċizzju tal-imħabba Nisranija. Kristu sar fqir għalina, biex bil-faqar tiegħu nistagħnew aħna. Aħna msejħin biex niskopru lil Kristu fil-foqra, noffrulhom il-vuċi tagħna favur il-kawżi tagħhom, inkunu ħbieb tagħhom, nisimgħuhom, nifhmuhom u nilqgħu l-għerf misterjuż li Alla jrid iwasslilna permezz tagħhom.

 

Fost is-sitwazzjonijiet ta’ faqar, il-Papa jsemmi dawk in-nisa li huma doppjament foqra għax imwarrba, ittrattati ħażin jew bi vjolenza, mingħajr possibbiltà li jħarsu l-jeddijiet tagħhom. Hemm ukoll it-trabi li għadhom fil-ġuf, li huma l-aktar innoċenti u ma jistgħux jiddefendu ruħhom. Il-Papa jammira l-eroiżmu fil-ħajja ta’ kuljum tal-familji foqra fid-difiża u l-għożża tal-qraba tagħhom u jassigurahom bl-impenn tal-Knisja, li żżommhom dejjem fi ħsiebha u f’qalbha.

 

10. MARIJA, IL-KEWKBA TAL-EVANĠELIZZAZZJONI ĠDIDA

Il-Papa Franġisku jagħlaq l-Eżortazzjoni Appostolika Evangelii Gaudium (Il-Ferħ tal-Vanġelu) b’Marija bħala “l-Omm tal-evanġelizzazzjoni ġdida”. Ġesù, fuq is-salib, tana lil ommu bħala rigal għax ma riedx li aħna nimxu mingħajr omm. Hekk, bħala mudell, għandna l-ikona femminili u f’din ix-xbieha ta’ omm naqraw il-misteri kollha tal-Vanġelu.

 

Il-Papa jagħmel lista’ ta’ episodji mill-Vanġelu fejn Marija turi li hi l-omm tat-tħabbira tal-kelma t’Alla. Hi taf tibdel għar tal-annimali f’dar għal Ġesù, bi ftit faxex fqajra u ħafna ħlewwa. Hi l-qaddejja umli tal-Mulej li tifraħ waqt li tfaħħar ’l Alla bil-Magnificat. Hi l-mara li l-ħin kollu attenta li ma jmurx jonqos l-‘inbid’ fil-ħajja tagħna. Hi dik b’qalbha minfuda mis-sejf, li tista’ tifhem l-uġigħ kollu tagħna. Bħala omm ta’ kulħadd, hi sinjal ta’ tama għall-ġnus li qed ibatu l-uġigħ tal-ħlas sakemm jasal żmien isbaħ fejn tirbaħ il-ġustizzja. Marija hi l-missjunarja li tersaq qrib tagħna biex tissieħeb magħna f’ħajjitna, u bl-imħabba tagħha ta’ omm tiftħilna qalbna għall-fidi. Hi l-omm li timxi magħna, tissielet magħna u xxerred fostna bla waqfien l-imħabba ta’ Binha.

 

Illum aħna nieqfu b’ħarsitna fuq Marija, biex tgħinna nxandru lil kulħadd il-messaġġ tas-salvazzjoni u biex id-dixxipli ġodda jsiru evanġelizzaturi ħabrieka. F’dan il-pellegrinaġġ ta’ evanġelizzazzjoni ma jonsqux il-waqtiet ta’ qtigħ il-qalb, ta’ dubju u ta’ tbatija, bħalma ġarrbet Marija fis-snin ta’ Nazaret, meta Ġesù kien għadu jikber.

 

Il-Papa jgħid li l-ħidma ta’ evanġelizzazzjoni li twettaq il-Knisja għandha stil Marjan. Għax kull darba li nħarsu lejn Marija nkunu qed nemmnu mill-ġdid fil-qawwa tal-ħlewwa u tal-imħabba. F’Marija naraw kif l-umiltà u l-ħlewwa mhumiex virtujiet ta’ min hu dgħajjef imma ta’ min hu qawwi. Inħarsu lejha u naraw fiha dik li faħħret lil Alla għax “niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom” u “l-għonja bagħathom ’il barra b’xejn” (Lq 1,53).

 

Marija hi l-istess waħda li tara li jkun hemm dik il-ħeġġa familjari fit-tiftix tagħna tal-ġustizzja. Hi wkoll dik li tgħożż f’qalbha “dawn il-ħwejjeġ kollha u taħseb fuqhom bejnha u bejn ruħha” (Lq 2,19). Marija tikkontempla l-misteru t’Alla fid-dinja, fl-istorja u fil-ħajja ta’ kuljum ta’ kull persuna. Hi l-mara li titlob u taħdem f’Nazaret, u hi wkoll l-Omm tagħna tas-Sokkors, dik li ħalliet ir-raħal tagħha biex “marret tħaffef” (Lq 1, 39) tgħin lill-oħrajn. Din l-attitudni ta’ kontemplazzjoni u ta’ mixja lejn l-oħrajn tagħmel minnha mudell għall-Knisja fl-evanġelizzazzjoni tagħha.

 

Il-Papa Franġisku jispiċċa l-Eżortazzjoni ‘Il-Ferħ tal-Evanġelju’ b’talba sabiħa lil Marija, ‘il-kewkba tal-evanġelizzazzjoni ġdida’, biex tgħinna nkunu dawl ħalli l-ferħ tal-Vanġelu jasal sa truf l-art u l-ebda periferja ma tisfa mċaħħda mid-dawl tiegħu.