IL-WERREJ

  1.  Daħla

  2.  Il-Familja: it-triq tal-Knisja

  3.  Is-Sena tal-Familja

  4.  Talb

  5.  Imħabba u ħerqa għall-familji kollha

 

I - IĊ-ĊIVILTÀ TA’ L-IMĦABBA

  6.  “Raġel u mara ħalaqhom”

  7.  Il-patt taż-żwieġ                

  8.  L-għaqda tat-tnejn

  9.  Il-ġenealoġija tal-persuni

10.  Il-ġid komuni taż-żwieġ u tal-familja

11.  L-għoti mill-qalb tiegħek innifsek

12.  Paternità u maternità esponsabbli

13.  Iż-żewġ ċiviltajiet

14.  L-imħabba titlob ħafna

15.  Ir-raba’ kmandament “Weġġaħ lil missierek u lil ommok”

16.  Edukazzjoni  

17.  Familja u soċjetà

 

II - L-GĦARUS MAGĦKOM

18.  F’Kana tal-Galilija

19.  Il-misteru kbir

20.  Omm l-isbaħ imħabba                                                                                                                       

21.  It-twelid u l-perikli

22.  “Ilqajtuni”

23. “Imsaħħin fil-bniedem ta’ ġewwa”                                                                                                  

 

 

Għeżież familji,

 

1.  Iċ-ċelebrazzjoni tas-Sena tal-Familja hi okkażjoni sabiha għalija biex niġi nħabbat il-bieb ta’ kull dar, ħerqan li nsellmilkom b’imħabba li ma bħalha u ngħaddi ftit ta’ żmien magħkom.  Dan qed nagħmlu b’din l-Ittra u nibda bil-kliem ta’ l-Enċiklika Redemptor hominis li ħarġet fl-ewwel ġranet  tal-ministeru tiegħi bħala suċċessur ta’ San Pietru. Fiha kont ktibt  li l-bniedem hu t-triq tal-knisja.

B’dawn il-kelmiet ridt qabel xejn infakkar il-ħafna triqat li minnhom jgħaddi l-bniedem, u fl-istess waqt nuri, bil-qawwa kollha, kemm tixtieq il-Knisja tkun qrib il-bniedem huwa u miexi mit-triqat ta’ ħajtu f’din id-dinja.  Il-Knisja tissieħeb fil-ferħ u t-tamiet, fin-niket u fil-qtigħ il-qalb² tan-nies fil-ħajja tagħhom ta’ kull jum, żgura fuq li żgura li hu Kristu nnifsu li qabbadha timxi minn dawn it-triqat. Kristu ried jafda l-bniedem lill-Knisja bħala “it-triq” tal-missjoni u l-ministeru tagħha.

 

Il-familja – it-triq tal-Knisja

2.   Fost dawn it-triqat kollha il-familja hi l-ewwel waħda u l-aktar importanti.  Hi t-triq ta’ kulħadd. Iżda hi triq partikulari għax m’hemmx oħra bhalha; l-istess bħal kull individwu li hu wkoll ma hemmx ieħor bħalu: hi triq li minnha l-bniedem ma jistax joħroġ.  Tant hu veru dan li bhalha regola l-bniedem jiġi fid-dinja fi ħdan familja, u nistgħu ngħidu li l-bniedem jaf lill-familja l-eżistenza tiegħu bħala individwu.  Meta ma għandux familja, il-bniedem iġarrab tbatija u nuqqas ta’ qsim il-qalb, li jibqgħu jtaqqluh tul ħajtu kollha. Il-Knisja, b’imħabba ħerqana, tersaq qrib dawk kollha li jgħaddu minn qagħdiet bħal dawn, għax taf sewwa x’inhu d-dmir fondamentali li għandu jkollha l-familja.  Il-Knisja taf ukoll li l-bniedem jitlaq minn ħdan il-familja tiegħu biex, fi ħdan il-familja ġdida tiegħu, isseħħ il-vokazzjoni partikulari tiegħu fil-ħajja.

Ukoll għal min jibqa’ għażeb jew xebba, il-familja tibqa’ għalih l-orizzont ta’ l-eżistenza tiegħu, biex ngħidu hekk, tibqa’ dik il-komunità fondamentali li fiha sseħħ in-nisġa tar-relazzjonijiet soċjali kollha tiegħu, minn dawk l-aktar qrib sa dawk l-aktar imbegħda.  Ma nitkellmux ta’ spiss dwar “il-familja tal-bnedmin”, meta nkunu nitkellmu dwar in-nies kollha li qed jgħixu fid-dinja?

     Il-familja għandha l-bidu tagħha f’dik l-istess imħabba li biha Alla l-Ħallieq iħaddan il-ħolqien kollu, kif ġa intqal “fil-bidu” fil-Ktieb tal-Ġenesi (1,1). Fl-Evanġelju Ġesù jwettaq dan b’mod mill-aqwa: “Alla hekk ħabb id-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni” (Ġw 3, 16).  L-Iben il-waħdieni, natura waħda mal-Missier, “Alla minn Alla u Dawl minn Dawl”, daħal fil-ġrajja tal-bniedem permezz ta’ familja.  “Bl-inkarnazzjoni tiegħu, l-Iben ta’ Alla ngħaqad b’ċertu mod ma’ kull bniedem.  Ħadem b’id ta’ bniedem... ħabb b’qalb ta’ bniedem.  Imwieled minn Marija Verġni sar tassew wieħed minna u, minn barra d-dnub, kien jixbaħna f’kollox”[3]    Jekk tassew Kristu juri  “lill-bnedmin x’inhu fih innifsu kollu kemm hu”[4], dan jagħmlu billi jibda mill-familja li fiha għażel li jitwieled  u jikber.  Aħna nafu li s-Salvatur għadda ħajtu kollha, tista’ tgħid, dejjem moħbija f’Nazaret, “jobdi” (Lq 2, 51) bħala “Bin il-Bniedem” lil Marija Ommu u lil San Ġużepp, il-mastrudaxxa.  M’hijiex din l-“ubbidjenza” ta’ iben, li wera Kristu, ġa l-ewwel sinjal ta’ dik l-ubbidjenza “sal-mewt” (Fil 2, 8) li wera lejn il-Missier u li biha feda d-dinja?

Il-misteru divin ta’ l-inkarnazzjoni tal-Verb ta’ Alla għandu rabta li ma bħalha mal-familja kollha tal-bniedem.  Mhux ma familja waħda, dik ta’ Nazaret, imma b’xi mod ma’ kull familja, skond analoġija ma’ dak li jgħid il-Koncilju Vatikan 11 dwar l-Iben ta’ Alla, li fl-inkarnazzjoni tiegħu “għaqqad lilu nnifsu f’ċertu sens ma’ kull bniedem”[5].  Il-Knisja hija u timxi wara Kristu, li “ġie” fid-dinja “biex jaqdi”(Mt 20,28), tqis il-qadi tal-familja bħalha wieħed mid-dmirijiet essenzjali tagħha.  F’dan is-sens kemm il-bniedem u kemm il-familja huma “t-triq tal-Knisja”.

 

Is-Sena tal-Familja

3.   Minħabba dawn ir-raġunijiet il-Knisja laqgħet bil-ferħ id-deċiżjoni ta’ l-Organizzazzjoni tal-Ġnus Magħquda li tiddikjara s-sena 1994 bħala s-Sena

Internazzjonali tal-Familja.  Din l-inizjattiva turi b’mod tassew ċar kemm hi fondamentali l-kwistjoni tal-familja għall-Istati li huma membri tal-Ġnus Magħquda.  Jekk il-Knisja tixtieq tissieħeb f’din l-inizjattiva, dan tridu għaliex hi stess intbagħtet minn Kristu “għand il-ġnus kollha”(Mt.28,19).  Barra dan, mhux l-ewwel darba li l-Knisja għamlet tagħha xi inizjattiva internazzjonali tal-Ġnus Magħquda. Biżżejjed infakkru s-Sena Internazzjonali taż-Żgħażagħ fl-1985.  B’dan il-mod il-Knisja turi li hi preżenti fid-dinja u hekk ittemm ix-xewqa tant għażiża għall-Papa Ġwanni XX111, li kienet l-ispirazzjoni tal-Kostituzzjoni Gaudium et spes tal-Konċilju Vatikan 11.

Nhar il-festa tal-Familja Mqaddsa tas-sena 1993 il-komunità ekklesjali kollha tat bidu għas-“Sena tal-Familja”, bħala pass mill-aktar importanti fit-triq għat-tħejjija tal-Ġublew il-Kbir tas-sena 2000, li jtemm it-tieni elf sena u jagħti bidu għat-tielet elf sena mit-twelid ta’ Ġesù Kristu.  Din is-Sena trid toħodna, bi ħsibijietna u bi qlubna, lejn Nazaret fejn ġiet inawgurata b’mod l-aktar solenni, permezz ta’ ċelebrazzjoni li ppresjediha l-Legat tal-Papa.

Tul din is-Sena, jiswa ħafna li mill-ġdid naraw il-ħafna sinjali ta’ l-imħabba tal-Knisja u tal-ħerqa tagħha għall-familja, imħabba u ħerqa li dehru sa mill-bidu tal-Kristjaneżmu, meta l-familja kienet tissejjaħ il-knisja tad-dar - ecclesia domestica – espressjoni li tfisser ħafna.  Fi żminijietna ukoll qed nużaw ta’ spiss din l-espressjoni li l-Konċilju għamel tiegħu[6], u nittamaw li t-tifsir tagħha jibqa’ dejjem ħaj fil-fehma tan-nies.  Din ix-xewqa ma titlifx il-qawwa tagħha bl-għarfien ta’ l-qagħda li fiha jinsabu l-familji fid-dinja ta’ llum, qagħda xejn ma tixbaħ dik ta’ l-imgħoddi.  Proprju minħabba f’hekk, jidher kemm se jibqa’ jiswa t-titolu li l-Konċilju għażel għall-Kostituzzjoni  Pastorali Gaudium et spes, biex juri x’għandha tagħmel il-Knisja fil-qagħda ta’ llum: “Biex jiġu ′l quddiem iż-żwieġ u l-familja”[7] Punt ieħor importanti ta’ wara l-Konċilju, hi l-Eżortazzjoni Appostolika   Familiaris Consortio ta’ l-1981.  Din l-Eżortazzjoni tqis sewwa l-ħafna esperjenzi komplessi, li magħhom niltaqgħu dwar il-familja, fost tant popli u pajjiżi, esperjenzi li dejjem u kullimkien jibqgħu “it-triq tal-Knisja”.   F’ċertu sens  dan jibqa’ dejjem aktar veru f’dawk il-pajjiżi, fejn il-familja għaddejja minn kriżijiet fiha nfisha jew hi mġarrba minn influwenzi kulturali, soċjali u ekonomiċi kuntrarji għaliha, u qed jheddulha l-għaqda u l-qawwa tagħha fiha nfisha, u huma wkoll ta’ tfixkil u kuntrarji għall-istess twaqqif tagħha. 

 

Talb

4.   F’din l-ittra rrid inkellem mhux familji “meqjusin b’mod astratt”, imma kull familja partikulari f’kull parti tad-dinja, tinsab fejn tinsab, huma x’inhuma l-kulturi u l-ġrajjiet diversi u komplessi tagħha.  L-imħabba li biha Alla “ħabb id-dinja” (ĠW 3,16), l-imħabba li biha Kristu ħabb lil kull wieħed u lil kulħadd “għal l-aħħar” (Ġw 13,1), tagħtina li nistgħu nwasslu dan il-messaġġ lil kull familja, bħala  “ċellula” ħajja ta’ dik il-“familja” kbira u universali tal-ġens kollu tal-bnedmin. Il-Missier li ħalaq id-dinja u l-Verb t’Alla li sar bniedem, il-Feddej tal-bnedmin, huma l-bidu ta’ dan il-ftuħ universali lejn il-popli kollha bħala  aħwa, u jġagħluna nħaddnuhom fit-talba li tibda bil-kelma kollha tjieba: Missierna.

It-talb iġib fostna ′l-Iben ta’ Alla għax “fejn tnejn jew tlieta jkunu miġburin f’ismi hemm inkun jien fosthom” (Mt18,20).Din l-Ittra lill-Familji trid tkun l-ewwelnett talba lil Kristu biex jibqa’ f’kull familja tal-bnedmin, stedina Lilu minn kull familja u b’kull familja żgħira ta’ ġenituri u wlied; biex jgħammar fil-familja kbira tan-nazzjonijiet; biex, flimkien miegħu, aħna lkoll inkunu nistgħu ngħidu tassew “Missierna”.  It-talb għandu jaħkem tul is-Sena kollha tal-Familja fi ħdan il-Knisja, talb mill-familji, talb għall-familji u talb mal-familji.

Ifisser ħafna li proprju fit-talb u bit-talb il-bniedem jasal biex jagħraf b’mod l-aktar sempliċi u, fl-istess waqt, b’mod mill-iktar għoli dak li hu fih innifsu u m’hemmx ieħor bħalu: fit-talb il-“Jien” tal-bniedem aktar malajr jagħraf x’tifsir għoli għandu l-fatt li wieħed ikun persuna. Dan jgħodd ukoll għall-familja, li mhux biss hi ċ-“ċellula” fondamentali tas-soċjetà, imma hi ukoll xi ħaġa partikulari fiha nfisha.  Dan jitwettaq u jissaħħaħ, l-ewwelnett u b’mod fondamentali, meta l-membri kollha tal-familja jiltaqgħu flimkien, huma u jgħidu: “Missierna”.  It-talb ikattar il-qawwa ta’ l-għaqda spiritwali tal-familja u jgħin lill-familja biex ikollha sehem mill- “qawwa” ta’ Alla.  Fil-barka solenni ta’ l-għarajjes fir-Rit taż-Żwieġ iċ-ċelebrant jitlob ′Alla b’dawn il-kelmiet: “Ibgħat fuqhom (il-miżżewġin ġodda) il-grazzja ta’ l-Ispirtu s-Santu u sawwab fi qlubhom l-imħabba tiegħek biex dejjem jibqgħu fidili għar-rabta taż-żwieġ”[8].  Din iż-żjara ta’ l-Ispirtu s-Santu  tagħti qawwa lill-familji fihom infushom u s-setgħa wkoll li tgħaqqadhom flimkien fl-imħabba u l-verità.

  

Imħabba u ħerqa għall-familji kollha

5.   Jalla s-Sena tal-Familja ssir it-talba armonjuża u universali tal- “knejjes tad-dar” u tal-Poplu  kollu ta’ Alla. Jalla din it-talba tilħaq ukoll dawk il-familji li jinsabu f’xi diffikultà jew f’xi tiġrib, neqsin mill-fiduċja u mġarrbin minn firdiet, f’għaqdiet li Familiaris Consortio  issejjaħ “mhux regolari”[9]. Jalla l-familji kollha jkunu jistgħu iħossu l-imħabba u l-ħerqa tat-tgħannieqa ta’ ħuthom.

Tul is-Sena tal-Familja t-talb għandu jkun qabel xejn xhieda li tqawwi l-qalb, mogħtija minn dawk il-familji li qed jgħixu l-vokazzjoni tagħhom, bħala bnedmin u bħala nsara, fil-komunità tad-dar.  Kemm hemm minn dawn il-familji f’kull nazzjon, f’kull djoċesi, f’kull parroċċa!  Bir-raġun kollu nistgħu ngħidu li dawn il-familji huma r-“regola”, ukoll għandna nammettu li hemm mhux ftit familji li jinsabu “f’qagħdiet mhux regolari”.  L-esperjenza turina x’importanza għandha familja li qed tgħix skond ir-regola morali, b’mod li kull min jitwieled u jitrabba fiha jkun jista’ jibda miexi, bla ma joqgħod jaħsibha darbtejn, fit-triq ta’ dak il-ġid li dejjem jinsab miktub f’qalbu. Diżgrazzjatament, għadd ta’ programmi, imwettqin minn mezzi ta’ qawwa kbira, milli jidher, qegħdin illum ifittxu li jfarrku l-familja.  Xi kultant jidher li qed isiru sforzi kbar biex juru bħala ħaġa “normali”, ħaġa li tħajjar, anzi ħaġa tassew sabiħa, qagħdiet li fil-fatt huma “qagħdiet mhux regolari”.  Huma qagħdiet “kontra l-verità u l-imħabba”, verità u mħabba li għandhom jispiraw u jmexxu r-relazzjonijiet bejn l-irġiel u n-nisa.  Dawn il-qagħdiet mhux regolari joħolqu tensjonijiet u firdiet fi ħdan il-familji b’konsegwenzi serji ħafna, l-aktar għat-tfal.  Il-kuxjenza morali tiddallam, u kulma hu veru, tajjeb u sabiħ, jitħassar, u f’lok il-libertà jidħol dak li fil-fatt mhux ħlief jasar.  F’qagħda bħal din, ifisser ħafna, u jġagħlek taħseb sewwa,  kliem San Pawl dwar il-ħelsien li tana Kristu biex ngħixu ta’ nies ħielsa, u dwar il-madmad tal-jasar li jġib id-dnub (ara Gal 5, 1).

Dan juri b’mod ċar ħafna kemm hi f’waqtha u meħtieġa wkoll is-Sena tal-Familja għall-Knisja, kemm ma tistax tgħaddi mingħajr ix-xhieda tal-familji, li qed jgħixu il-vokazzjoni tagħhom minn jum għall-ieħor, kemm jeħtieġ minnufih li l-familja jitolbu u dan it-talb jiżdied u jixtered mad-dinja kollha, b’radd il-ħajr għall-imħabba fil-verità, għall-għoti “tal-grazzja ta’ l-Ispirtu s-Santu”[10], għall-prezenza, fost il-ġenituri u l-ulied, ta’ Kristu l-Feddej u l-Għarus, li ħabbna “għal l-aħħar” (ara Ġw 13, 1): Ħa nkunu żguri fuq li żguri li l-kbira fosthom hi l-imħabba ( 1 Kor 13,13 ), ħa nemmnu li tassew tista’ tirbaħ dak kollu li m’huwiex imħabba.

Jalla tul din is-sena t-talb tal-Knisja, it-talb tal-familji fil- “knejjes tad-dar”, jitla’ bla heda quddiem Alla. Jalla dan it-talb jisimgħu l-ewwel Alla u mbagħad ukoll in-nies kollha kullimkien, biex ma jirbħuhomx id-dubbji u biex dawk kollha li, minħabba d-dgħjufija tagħhom, qegħdin bejn ħalltejn, biex ma jċedux għat-tlellix qarrieqi ta’ dak li hu biss ġid taparsi, bħal dak li jintwera lilna f’kull tentazzjoni.

F’Kana tal-Galilija, fejn Ġesù ġie mistieden għall-ikla ta’ tieġ  u Ommu wkoll kienet hemm, din qalet lill-qaddejja: “Agħmlu kulma jgħidilkom Hu” (Ġw 2,5). Issa li bdejna niċċelebraw is-Sena tal-Familja, il-Verġni Marija qed tgħidilna l-istess kliem.  Dak li qed jgħidilna Kristu, f’dan il-mument partikulari ta’ l-istorja tad-dinja, hu sejħa qawwija għal talba kbira tal-familji u għall-familji.  Il-Verġni Omm Alla tistedinna ningħaqdu, permezz ta’ din it-talba, mas-sentimenti ta’ Binha li jħobb kull familja u l-familji kollha.  Hu wera din l-imħabba fil-bidu tal-missjoni Tiegħu bħala Feddej, bil-preżenża Tiegħu li qaddset it-tieġ f’Kana tal-Galilija, preżenża li għadha sseħħ sa llum.  Ħa nitolbu għall-familji kollha tad-dinja. Ħa nitolbu bi Kristu, Miegħu u fih lill-Missier, “ li minnu tieħu isimha kull familja fis-sema u fl-art” (Ef 3, 15).

 

I - IĊ-ĊIVILTÀ TÀ L-IMĦABBA

 

“Raġel u mara ħalaqhom”

6.   L-univers kollu, hu kemm hu kbir u varjat, id-dinja tal-ħlejjaq kollha ħajjin, kull familja fis-sema u fl-art, tieħu isimha minn Alla l-Missier (ara Ef 3, 14-16).  Dan ngħiduh b’analoġija, u biha naraw, fil-bidu stess tal-Ktieb tal-Ġenesi, ir-realtà tal-paternità u tal-maternità, u għalhekk tal-familja tal-bniedem.  Il-muftieħ li jiftħilna t-tifsir ta’ dan, hu l-principju tas-sura u x-“xbieha” ta’ Alla li l-kliem ta’ l-Iskrittura jsemmi b’mod l-aktar ċar (Ġen 1, 26). Alla ħalaq kollox bil-qawwa ta’ kelmtu: “Ħa jkun hemm...” (v.g. Ġen 1, 3).  Din il-kelma ta’ Alla fil-ħolqien tal-bniedem, b’mod li jfisser ħafna, hi msieħba ma’ dan il-kliem li ġej: “Ħa nagħmlu l-bniedem fuq is-sura u x-xbieha tagħna” (Ġen1,26).  Qabel ħalaq il-bniedem, Alla qisu daħal fih innifsu biex isib is-sura u l-ispirazzjoni fl-eżistenza tiegħu stess, u dan ġa qed turih il-kelma “Aħna”.  Minn dan il-misteru ta’ Alla fil-ħolqien joħroġ il-bniedem: “Alla ħalaq il-bniedem fuq xbihietu, fuq xbihat Alla ħalqu, raġel u mara ħalaqhom” (Ġen 1,27).

Alla jkellem lil dawn il-ħlejjaq ġodda u jberikhom: “Nisslu u oktru, u imlew l-art u aħkmuha” (Ġen 1, 28).   Il-Ktieb tal-Ġenesi juża l-istess kliem li juża qabel meta tkellem dwar il-ħolqien ta’ ħlejjaq oħra ħajjin: “Oktru”.  Iżda hi ħaġa ċara li din il-kelma għandha tifsir analoġiku. Ma għandniex hawn analoġija ta’ tnissil u ta’ paternità u ta’ maternità li għandna nifhmuha fid-dawl tal-kontest kollu?  Mill-ħlejjaq kollha ħajjin fuq l-art, il-bniedem biss ġie maħluq “fuq is-sura u x-xbieha ta’ Alla”.  Il-paternità u l-maternità  tal-bniedem, waqt li bijoloġikament tixbaħ dik tal-ħlejjaq kollha ħajjin fin-natura, għandha, b’mod essenzjali u waħdieni, “xbieha” ta’ Alla, xbieha li hi l-pedament tal-familja bħala komunità ta’ ħajja tal-bniedem, bħala komunità ta’ persuni magħqudin flimkien bl-imħabba (communio personarum).

Fid-dawl tat-Testment il-Ġdid nistgħu naraw kif is-sura primordjali tal-familja għandha nfittxuha f’Alla nnifsu, fil-misteru tal-ħajja tat-Trinità Qaddisa.  L- “Aħna” ta’ Alla hu l-mudell ta’ l- “aħna” tal-bnedmin, u speċjalment dak l-“aħna” tar-raġel u tal-mara, maħluqin fuq is-sura u x-xbieha ta’ Alla.  Kliem il-Ktieb tal-Ġenesi fih dik il-verità dwar il-bniedem li hi mwettqa mill-istess esperjenza tal-ġens kollu tal-bnedmin...Il-bniedem ġie maħluq “sa mill-bidu” raġel u mara: il-ħajja kollha tal-ġens kollu tal-bnedmin – kemm f’komunitajiet żgħar u kemm fis-soċjetà kollha kemm hi – iġġib fiha l-marka ta’ din id-“dwalità primordjali”.  Minn dan jiġi li l-individwi huma jew “raġel” jew “mara”, l-istess kif kull komunità tikseb l-għan waħdieni tagħha meta l-persuni li jagħmluha jilħqu l-kobor sħiħ tagħhom flimkien u b’xulxin.  Dan, milli jidher, ifisser kliem il-Ġenesi: “Raġel u mara ħalaqhom” (Ġen 1, 27).  Hawn ukoll insibu mtennija li r-raġel u l-mara għandhom l-istess dinjità: it-tnejn huma ndaqs bħala persuni.  Il-kostituzzjoni tagħhom, u d-dinjità speċifika li tiġi minnha, turi “sa mill-bidu” liema huma l-kwalitajiet tal-ġid komuni tal-ġens kollu tal-bniedem, f’kull dimensjoni u ċirkostanzi tal-ħajja.  Ir-raġel u l-mara jagħtu għal dan il-ġid komuni s-sehem speċifiku tagħhom.  Sa mill-bidu tas-soċjetà tal-bniedem nistgħu naraw liema huma l-kwalitajiet ta’ xirka u ta’ komplementarjetà.

 

Il-Patt taż-Żwieġ

7.   Il-familja dejjem tqieset bħala l-ewwel tifsira u t-tifsira fondamentali tan-natura soċjali tal-bniedem.  Dan il-mod kif inħarsu lejn il-familja għadu l-istess illum.  Iżda llum aktar qed tingħata importanza ta’ kemm il-familja, bħala l-iċken komunità u l-komunità l-aktar fondamentali tal-bniedem, qed tikseb mill-kontribut personali tar-raġel u l-mara.  Il-familja fil-fatt hi komunità ta’ persuni li s-sura ta’ kif jeżistu u jgħixu flimkien hi sura ta’ xirka: communio personarum.  Hawn ukoll, waqt li nagħrfu li Alla hu għal kollox ′il fuq mill-ħlejjaq kollha tiegħu, għandna naraw ir-relazzjoni li fl-aħħar mill-aħħar għandha l-familja ma’ l-“Aħna” ta’ Alla.  Persuni biss jistgħu jgħixu f’xirka.  Il-familja għandha l-bidu tagħha f’xirka li l-Konċilju Vatikan 11 isejħilha “patt”, li bih ir-raġel u l-mara “jagħtu lilhom infushom lil xulxin u jaċċettaw lil xulxin”.[11]

Il-Ktieb tal-Ġenesi jgħinna naraw din il-veritàmeta jitkellem fuq it-twaqqif tal-familja permezz taż-żwieġ, u jgħid: “ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma’ martu u jsiru ġisem wieħed” (Ġen 2, 24). Fl-Evanġelju Kristu, f’diskussjoni mal- Fariżej, isemmi dan l-istess kliem u jżid; “Għalhekk m’humiex iżjed tnejn, imma ġisem wieħed. Mela dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem” (Mt 19, 6). B’dan il-mod wera mill-ġdid x’rabta jġib dan il-fatt li kien “mill-bidu” (Mt 19, 8), u li jibqa’ dejjem hekk.  Jekk l-Imgħallem dan iwettqu “issa”, dan jagħmlu biex juri b’mod ċar u żgur lil kulħadd, fil-bidu tal-Patt il-Ġdid, li ż-żwieġ ma jinħall qatt u li hu l-pedament tal-ġid komuni tal-familja.

Meta, flimkien ma’ l-Appostlu, ninżlu għarkobbtejna quddiem il-Missier li minnu tieħu isimha kull paternità u kull maternità (ara Ef 3, 14-15), aħna naslu biex nifhmuli l-paternità hi fatt li bih il-familja li ġa bdiet teżisti bil-patt taż-żwieġ, tikseb “it-tifsir sħiħ u speċifiku tagħha”.[12]  Il-maternità bilfors titlob il-paternità kif il-paternità wkoll bilfors titlob il-maternità.  Dan jiġi mid-dwalità mogħtija minn Alla l-Ħallieq lill-bnedmin, “sa mill-bidu”.

Tkellimt dwar żewġ ideat qrib ħafna lejn xulxin iżda mhux l-istess: dwar l-idea ta’ “xirka” u l-idea ta’ “komunità”. Xirka hi dwar relazzjoni personali bejn “Jien” u “Int”, waqt li l-Komunità tmur aktar ‘il bogħod u tersaq lejn “soċjetà”, lejn “aħna”.  Il-familja bħala komunità ta’ persuni hi l-ewwel “soċjetà” tal-bniedem.  Tinħoloq malli jseħħ il-patt taż-żwieġ li jagħti bidu għall-miżżewġin ta’ xirka ta’ mħabba u ħajja li tibqa’ għal dejjem, u tilħaq is-sbuħija tagħha b’mod sħiħ u speċifiku bit-tnissil ta’l-ulied: ix-“xirka” tal-miżżewġin tagħti bidu għall-“komunità” tal-familja .  Il-“komunità” tal-familja hi kollha kemm hi mimlija bl-istess natura tax-“xirka”.  Fost il-bnedmin jista’ qatt ikun hemm “xirka” aqwa minn dik bejn omm u binha li nislitu f’ġufha u mbagħad wellditu?

Fil-familja, meta sseħħ b’dan il-mod, tidher suraġdida ta’ għaqda, li fiha r-relazzjoni ta’ “xirka”bejn il-ġenituri tiħaq is-sbuħija kollha tagħha. L-esperjenza turina li din is-sbuħija hi fl-istess ħin piż u sfida: piż għaliex il-miżżewġin iridu jgħixu fil-milja kollha tiegħu l-patt tagħhom tal-bidu.  L-ulied li jkollhom – u hawn hi l-isfida – għandhom isaħħu dan il-patt, u jagħnu u jniżżlu sa l-għeruq ix-xirka fiż-żwieġ tal-missier u l-omm.  Meta dan ma jseħħx, irridu nistaqsu jekk l-egoiżmu, li wkoll jinsab moħbi fl-imħabba tar-raġel u l-mara bħala effett tal-ġibda għall-ħażen, huwiex aktar qawwi mill-imħabba ta’ bejniethom. Il-miżżewġin kollha għandhom ikunu jafuh dan.  Sa mill-bidu għandu jkollhom qlubhom u ħsibijiethom f’Alla li “minnu tieħu l-isem tagħha kull familja”, biex il-paternità u l-maternità tagħhom jiksbu minn din il-għajn il-qawwa biex bla heda jiġġeddu fl-imħabba.  Il-paternità u l-maternità fihom infushom huma prova partikulari ta’ l-imħabba: bihom nistgħu naraw safejn tasal l-imħabba u kemm hi fil-fond.  Iżda dan ma jseħħx awtomatikament.  Hu dmir fdat kemm lir-raġel u kemm lill-mara.  Fil-ħajja tar-raġel u l-mara flimkien, il-paternità u l-maternità juru “ħaġa ġdida” hekk għolja u ta’ għana hekk kbir li nistgħu nersqu lejhom biss “għarkobbtejna”.

L-esperjenza tgħallimna li l-imħabba tal-bniedem, li min-natura tagħha tinġibed lejn il-paternità u l-maternità, xi kultant tgħaddi minn kriżi kbira u għalhekk tkun mhedda bis-sħiħ.  F’każijiet bħal dawn, wieħed għandu jfittex l-għajnuna minn ċentri għall-pariri fiż-żwieġ u fil-familja fejn, meta hu possibbli, wieħed isib l-għajnuna ta’ psikoloġi u ta’ psikoterapisti mħarrġa sewwa. Fl-istess waqt ma nistgħux ninsew is-siwi li jibqa’ għal dejjem ta’ kliem l-Appostlu: “Ninżel għarkobbtejja quddiem il-Missier li minnu tieħu l-isem kull familja fis-sema u fl-art.  Iż-żwieġ, is-Sagrament taż-Żwieġ hu patt bejn żewġ persuni li jħobbu lil xulxin.  U l-imħabba tissaħħaħ u titħares biss mill-Imħabba, dik l-imħabba li “ssawwbet fi qlubna u permezz ta’ l-Ispirtu s- Santu li ġie mogħti lilna” (Rum 5, 5).  Tul is-Sena tal-Familja, it-talb tagħna m’għandux forsi jkun kollu konċentrat fuq il-mument deċiżiv u kruċjali meta l-miżżewwġin jgħaddu mill-imħabba bejniethom għat-tnissil ta’ l-ulied, u għalhekk għall-paternità u l-maternità?  Mhux dan hu l-propju l-mument meta hu meħtieġ, fuq li meħtieġ, “l-għoti tal-grazzja ta’ l-Ispirtu s-Santu” li tintalab fiċ-ċelebrazzjoni liturġika tas- Sagrament taż-Żwieġ?

L-Appostlu, għarkobbtejh quddiem il-Missier, jitlob biex il-fidili ‘jissaħħu fil-bniedem ta’ ġewwa permezz ta’ l-Ispirtu s-Santu” (Ef 3, 16.  Is-“saħħa minn ġewwa”hi meħtieġa fil-ħajja kollha tal-familja, speċjalment f’mumenti ta’ kriżi, meta l-imħabba li, fir-rit liturġiku tal-kunsens taż-żwieġ, ġiet imfissra b’dan il-kliem: “Inwegħdek li nżomm ruħi fidil lejk... tul ħajti kollha”, tkun għaddejja minn prova tassew iebsa.

 

L-għaqda tat-tnejn

8.   “Persuni” biss għandhom il-ħila jgħidu dan il-kliem, għax huma biss jistgħu jgħixu f’xirka mibnija fuq l-għażla ta’ xulxin, għażla li hi, jew għandha tkun għażla ħielsa u konxja għal kollox.  Il-tieb tal-Ġenesi, meta jitkellem fuq ir-raġel li jħalli lil missieru u lil ommu biex jingħaqad ma’ martu (ara Ġen 2, 24), jitfa’ dawl sħiħ, fuq din l-għażla konxja u ħielsa li tagħti bidu għaż-żwieġ u tagħmel iben ta’ familja raġel, u bint ta’ familja mara.  Kif nistgħu nifhmu sewwa din l-għażla ta’ xulxin, jekk ma nqisux il-verità sħiħa dwar il-persuna, li hi ħlieqa mżejna bir-raġuni u ħielsa?  Il-Konċilju Vatikan 11 meta tkellem fuq ix-xbieha ta’ Alla, juża kliem li jfissru ħafna.  Ma jsemmix biss is-sura u x-xbieha ta’ Alla li ġa għandu kull bniedem, imma jitkellem ukoll, u l-aktar, dwar “sura ta’ xebħ bejn l-għaqda tat-Tliet Persuni f’Alla wieħed u l-għaqda ta’ wlied Alla fil-verità u l-imħabba”.[13]   

Dan il-kliem hekk għani u mimli tifsir l-ewwelnett iwettaq dak li hu l-qofol ta’ l-identità ta’ kull raġel u ta’ kull mara.  Din l-identità hi l-ħila li jgħixu fil-verità u l-imħabba, hi l-ħtieġa tal-verità u l-imħabba bħala dimensjoni essenzjali tal-ħajja tal-persuna.  Il-ħtieġa tal-bniedem għall-verità u l-imħabba tiftħu kemm għal Alla u kemm għall-ħlejjaq: tiftħu lejn bnedmin oħra, lejn ħajja f’“xirka” u b’mod partikulari, lejn iż-żwieġ u l-familja.  Fi kliem il-Konċilju din ix-“xirka” tal-persuni, f’ċertu sens, toħroġ mill-misteru tat-Trinità Qaddisa.  “Aħna”, u għalhekk “ix-xirka taż-żwieġ”, għandha riferenza għal dan il-misteru. Il-familja, li għandha l-bidu tagħha fl-imħabba tar-raġel u l-mara fl-aħħar mill-aħħar toħroġ mill-misteru ta’ Alla.  Dan jaqbel perfettament ma’ l-eżistenza intima tar-raġel u l-mara, mad-dinjità vera li għandhom fihom infushom bħala persuni.                                     

Fiż-żwieġ ir-raġel u l-mara huma hekk marbutin ma’ xulxin li – biex nużaw il-Ktieb tal-Ġenesi – isiru “ġisem wieħed” (Ġen 2, 24).Raġel u mara fil-kostituzzjoni fiżika tagħhom, dawn iż-żewġ persuni, għalkemm fiżikament m’humiex l-istess, għandhom indaqs il-ħila li jgħixu “fil-verità u l-imħabba”.  Din il-ħila, li hi l-karatteristika tal-bniedem bħala persuna, għandha dimensjoni kemm spiritwali u kemm korporali, fl-istess waqt.  Hu permezz tal-ġisem ukoll li r-raġel u l-mara jitħejjew biex iwaqqfu “xirka ta’ persuni” fiż-żwieġ.  Meta jingħaqdu bil-patt taż-żwieġ b’mod li jkunu “ġisem wieħed” (Ġen 2, 24), l-għaqda tagħhom  trid isseħħ “fil-verità u l-imħabba” u hekk turi l-kobor sħiħ proprju ta’ persuni maħluqin fuq is-sura u x-xbieha ta’ Alla.       

Il-familja li toħroġ minn din l-għaqdatikseb fiha nfisha s-saħħa mill-patt bejn il-miżżewġin, li Kristu għolla għad-dinjità ta’ Sagrament. Il-familja tikseb il-karattru tagħha ta’ komunità, il-karatteristika tagħha ta’ “xirka” minn dik ir-rabta fondamentali  tal-miżżewġin li titkompla f’uliedhom.  “Intom lesti tilqgħu bl-imħabba l-ulied li Alla jogħġbu jagħtikom u trabbuhom skond il-liġi ta’ Kristu u tal-Knisja tiegħu?”[14] jistaqsi ċ-ċelebrant waqt ir-Rit taż-Żwieġ.  It-tweġiba li jagħtu l-għarajjes turi kemm hi għolja l-verità ta’ l-imħabba li torbothom flimkien.  Din l-għaqda tagħhom,aktar milli tagħlaqhom fihom infusħom, tiftagħhom lejn ħajja ġdida, lejn persuna oħra.  Bħala ġenituri għandhom il-ħila jagħtu l-ħajja lil xi ħadd bħalhom, mhux biss “għadma minn għadamhom u laħam minn laħamhom” (ara Ġen 2, 23), imma wkoll xbieha u xebħ ma’ Alla – persuna.

Meta l-Knisja tistaqsi: “Intom lesti”, hija tkun tfakkar lill-għarus u lill-għarusa li huma weqfin quddiem il-qawwa li taħlaq ta’ Alla.  Huma msejħin biex ikunu ġenituri, biex jissieħbu mal-Ħallieq fl-għoti tal-ħajja. Tissieħeb ma’ Alla biex iġġib bnedmin ġodda fid-dinja jfisser li tkun qed tagħti sehemek biex iġġib is-sura u x-xbieha ta’ Alla li għandu kull “min hu mwieled minn mara”.                                                                                                                          

 

Il-ġenealoġija tal-persuna

9.   Bix-xirka tal-persuni, li sseħħ fiż-żwieġ, raġel u mara jagħtu bidu għal familja.  Marbuta mal-familja hija l-ġenealoġija ta’ kull individwu: il-ġenealoġija tal-persuna. Il-paternità u l-maternità tal-bniedem għandhom l-għeruq tagħhom fil-bjoloġija, iżda fl-istess waqt ukoll huma ogħla minnha.  L-Appostlu li niżel għarkobbtejh “quddiem il-Missier li minnu tieħu isimha kull paternità ( u kull maternità), fis-sema u fl-art”, f’ċertu sens, jistedinna nħarsu lejn id-dinja kollha tal-ħlejjaq ħajjin, mill-ħlejjaq spiritwali fis-sema sal-ħlejjaq bil-ġisem fuq l-art. Kull ġenerazzjoni għandha l-mudell primordjali tagħha fil-paternità  ta’ Alla. Iżda fil-kaz tal-bniedem, din id-dimensjoni “kosmika” tax-xebħ ma’ Alla m’hijiex biżżejjed biex tfisser tajjeb ir-relazzjoni li hemm bejn il-paternità u l-maternità.  Meta bniedem ġdid jitwieled mill-għaqda fiż-żwieġ ta’ żewġ persuni, dan iġib miegħu fid-dinja xebħ u xbieha partikulari ma’ Alla nnifsu: il-ġenealoġija tal-persuna hi minkuxa fl-istess bjoloġija tat-tnissil.

Meta ngħidu li l-miżżewġin, bħala ġenituri, jissieħbu ma’ Alla l-Ħallieq ħa jnisslu u jagħtu twelid[15] lil bniedem ġdid m’aħniex qed nitkellmu biss dwar il-liġijiet tal-bijoloġija, imma minflok inkunu rridu ninsistu fuq il-fatt li Alla nnifsu hu preżenti fil-paternità u l-maternità tal-bniedem, b’mod għal kollox differenti minn kif hu preżenti fis-suriet l-oħra kollha ta’ tnissil “fuq l-art”. Minn Alla biss tiġi dik “is-sura u xbieha” li huma proprju tal-bniedem, kif seħħ fil-ħolqien. It-tnissil ikompli l-ħolqien[16].

U għalhekk, kemm fit-tnissil u kemm fit-twelid ta’ tarbija ġdida, il-ġenituri jsibu ruħhom wiċċ imb’wiċċ ma “misteru kbir” (ara Ef 5, 32).  Bħall-ġenituri tiegħu, il-bniedem il-ġdid hu msejjaħ biex jgħix bħala persuna, hu msejjaħ għal ħajja “fil-verità u l-imħabba”.  Din is-sejħa m’hijiex biss għal dak li jeżisti fiż-żmien, imma f’Alla hi għall-eternità.  Din hi d-dimensjoni tal-ġenealoġija tal-persuna li, b’mod definittiv, ġiet rivelata lilna minn Kristu, li jitfa’ d-dawl ta’ l-Evanġelju tiegħu fuq il-ħajja u l-mewt tal-bniedem u, għalhekk ukoll fuq it-tifsir tal-familja umana. 

Kif jgħid il-Konċilju, il-bniedem hu “l-kreatura waħdanija fuq l-art li Alla riedha għaliha nfisha”[17].  Il-miġja ta’ bniedem fid-dinja ma ssirx biss skond il-liġijiet tal-bjoloġija, imma tiġi wkoll u direttament mir-rieda ta’ Alla li ħalaq, rieda li hi dwar il-ġenealoġija ta’ wlied il-familji tal-bnedmin. Alla “ried” il-bniedem sa mill-bidu, u Alla “jridu” f’kull att ta’ tnissil u ta’ twelid ta’ bniedem.  Alla “jrid” il-bniedem, bħala esseri li jkun jixbħu, iridu bħala persuna.  Dan il-bniedem, kull bniedem, hu maħluq għalih innifsu minn Alla.  Dan minnu għal persuni kollha, ukoll għal dawk li jitwieldu morda jew handikappati.  Fil-kostituzzjoni personali ta’ kull bniedem hemm miktuba r-rieda ta’ Alla li jrid li kull bniedem,f’ċertu sens, ikun għan għalih innifsu. Alla jagħti l-bniedem lilu nnifsu stess, u jafdah kemm lill-familja tiegħu u kemm lis-soċjetà, bħala responsabbli għalih.  Il-ġenituri, huma u jikkontemplaw bniedem ġdid, jafu jew imisshom jafu sewwa, li Alla “jrid” lil dak l-individwu, “għalih innifsu għal dak li hu fih innifsu”.

Dawn il-kelmiet hekk xotti huma mimlijin b’għana ta’ tifsir. Sa mil-ewwel mument tat-tnissil u mbagħad tat-twelid, dan l-esseri l-ġdid mistenni juri bil-milja kollha tiegħu li hu bniedem, li jsib lilu nnifsu “bħala persuna”[18].  Dan hu minnu kollu kemm hu għal kulħadd, ukoll għal dawk morda b’mard kronika jew b’xi diżabiltà.  Il-vokazzjoni fondamentali tiegħu hi li “jkun bniedem”: “ikun bniedem” skond il-qjies tad-don li ngħatalu, skond it-“talent” li hu l-istess umanità tiegħu, u biss imbagħad skond it-talenti oħra.  F’dan is-sens, Alla jrid li kull bniedem “ikun għalih innifsu”.  Fil-pjan ta’ Alla,il-vokazzjoni tal-persuna tal-bniedem tmur ′l hemm mill-limiti taż-żmien.  Tiltaqa’ mar-rieda tal-Missier, li wera lilu nnifsu fil-Verb magħmul bniedem.  Ir-rieda t’Alla hi li jagħti b’id miftuħa lil kull bniedem sehem mill-istess ħajja tiegħu ta’ Alla. Kif jgħid Ġesù: “Ġejt biex ikollhom il-ħajja, u ħajja bil-kotra” (Ġw 10, 10).

Meta nsemmu d-destin  ta’ l-aħħar tal-bniedem ma nkunux imorru kontra il-fatt li Alla l-bniedem iridu “għalih innifsu?  Jekk il-bniedem ġie maħluq għall-ħajja divina, jistà l-bniedem jeżisti tassew “għalih innifsu”?  Din hi mistoqsija kritika, ta’ tifsir kbir għall-bidu u t-tmiem tal-ħajja tal-bniedem fuq l-art, u importanti ħafna tul ħajtu kollha.  Milli jidher, Alla, meta jiddestina l-bniedem għall-ħajja divina, ma jkunx qed iħallih definittivament jgħix “għalih innifsu”[19].  X’relazzjoni mela hemm bejn il-ħajja tal-persuna u t-tisħib fil-ħajja tat-Trinità Qaddisa?  Iweġibna Santu Wistin  bil-kliem magħruf tiegħu “Qalbna bla mistrieħ sakemm tistrieħ fik”[20].  Din “il-qalb bla mistrieħ” turina li kemm l-ewwel għan u kemm l-għan l-ieħor fil-fatt m’humiex kontra xulxin, imma hemm rabta bejniethom, huma komplimentari għal xulxin, u f’għaqda sħiħa ma’ xulxin.  Mill-istess ġenealoġija tagħha, il-persuna, maħluqa xbieha u sura ta’ Alla, teżisti “għaliha nfisha”, u tilħaq il-kobor sħiħ tagħha bit-tisħib fil-ħajja ta’ Alla.  Dan il-kobor tagħha nfisha hu l-milja tal-ħajja f”Alla, imħabbra minn Kristu (ara Ġw 6, 37-40), li fdiena proprju biex ikun jista’ jkollna sehem fiha (ara Mk 10, 45).

Hu għalihom infushom li l-miżżewġin iridu l-ulied, u fl-ulied huma jaraw kurunament ta’ imħabba tagħhom għal xulxin.  Iridu wlied għall-familja bħala don mill-aktar għażiż[21].  Dan, b’xi mod nifhmuh sewwa.  Madankollu, fl-imħabba tal-miżżewġin, fl-imħabba tal-missier u fl-imħabba ta’ l-omm, għandna nsibu miktuba l-istess verità dwar il-bniedem, li l-Konċilju fisser fi kliem ċar u fil-qosor meta qal li Alla ried li “l-bniedem ikun għalih innifsu”.  Hu meħtieġ, għalhekk, li r-rieda tal-ġenituri tkun taqbel ma’ dik ta’ Alla.  Għandhom ikunu jridu l-kreatura ġdida l-istess kif irida Alla “għaliha nfisha”.  Ir-rieda tagħna l-bnedmin, irridu jew ma rridux, taqa’ taħt il-liġi taż-żmien u tat-tibdil.  Min-naħa l-oħra r-rieda ta’ Alla hi eterna, għal dejjem, kif naqraw fil-ktieb tal-profeta Ġeremija: “Qabel ma sawwartek fil-ġuf, jien għaraftek; qabel ma ħriġt minn ħdan ommok, ikkonsagrajtek” Ġer 1, 5).  B’hekk il-ġenealoġija tal-persuna hi marbuta ma’ l-eternità ta’ Alla, u biss imbagħad mal-paternità u l-maternità tal-bniedem, li jseħħu fiż-żmien.  Fil-mument stess tat-tnissil, il-bniedem hu destinat għall-eternità f’Alla.

 

Il-ġid komuni taż-żwieġ u tal-familja

10.  Il-kunsens taż-żwieġ juru u jsaħħaħ il-ġid komuni taż-żwieġ u tal-familja. “Jien N. nieħu lilek N. b’marti/żewġi, u nwegħdek li nżomm ruħi fidil/a lejk, fir-risq it-tajjeb u l-ħażin, fil-mard u s-saħħa, u nħobbok u nirrispettak tul ħajti kollha”[22].  Iż-żwieġ hu xirka ta’ persuni m’hemmx oħra bħalha, u huwa fuq dan il-pediment li l-familja hi msejħa biex issir komunità ta’ persuni.  Dan hu l-inpenn li l-għarus u l-għarusa jidħlu għalih,”quddiem Alla u quddiem il-Knisja tiegħu”, kif ifakkarhom iċ-ċelebrant, huma u jagħtu l-kunsens lil xulxin[23].  Dawk li jieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjoni huma xhieda ta’ dan l-inpenn għax, b’xi mod, huma qed jirrappreżentaw il-Knisja u s- soċjetà, l-oqsma li fihom il-familja ġdida se tgħix u tikber.

Il-kliem tal-kunsens ifisser il-ġid komuni tal-koppja u tal-familja.  L-ewwel il-ġid komuni tal-miżżewġin: imħabba, fedeltà, gieħ, rabta li tibqa’ sal-mewt - “tul ħajti kollha”.  Il-ġid tat-tnejn, li hu fl-istess waqt il-ġid ta’ kull wieħed, irid imbagħad isir il-ġid ta’ l-ulied.  Il-ġid komuni, min-natura tiegħu stess, jgħaqqad il-persuni individwali u jiżgura wkoll il-ġid ta’ kull waħda.  Jekk il-Knisja, kif ukoll l-Istat, tilqa’ l-kunsens li l-għarajjes juru bil-kliem li semmejna aktar ′il fuq, dan tagħmlu għax il-kunsens hu “miktub fi qlubhom” (ara Rum 2, 15).  Huma l-għarrajjes li jagħtu l-kunsens lil xulxin b’wegħda solenni, jiġifieri billi jwettqu l-verità tal-kunsens tagħhom quddiem Alla.  Bħala nsara mgħammdin huma ministri tas-Sagrament taż-Żwieġ fil-Knisja.  San Pawl jgħallimna li dan l-inpenn tagħhom ma’ xulxin hu “misteru kbir” (Ef 5, 32).

Il-kliem tal-kunsens għalhekk ifisser dak li hu essenzjali għall-ġid komuni tal-miżżewġin, u juri x’għandu jkun il-ġid komuni tal-familja tal-ġejjieni.  Il-Knisja, biex dan joħroġ ċar, tistaqsi lill-għarajjes humiex lesti jilqgħu l-ulied li Alla jibgħatilhom u jrabbuhom bħala nsara.  Din il-mistoqsija tfakkar x’inhu  l-ġid komuni tal-familja li għad ikun hemm, u tħabbar il-ġenealoġija ta’ persuni, li hu parti mill-kostituzzjoni taż-żwieġ u ta’ l-istess familja.  Il- mistoqsija dwar l-ulied u dwar l-edukazzjoni tagħhom għandha rabta fil-fond mal-kunsens taż-żwieġ, mal-wegħda solenni ta’ imħabba, ta’ rispett bejn il-miżżewġin , tal-fedeltà sal-mewt. L-aċċettazzjoni u l-edukazzjoni  ta’ l-ulied – tnejn mill-għaniet ewlenin tal-familja – jiddependu minn kif ser iseħħ l-inpenn.  Il-paternità u ml-maternità jitolbu responsabbiltà li, fin-natura tagħha, m’hijiex biss fiżika, imma wkoll spiritwali, minn dawn ir-realtajiet tgħaddi il-ġenealoġija tal-persuna  li għandha l-bidu minn dejjem tagħha f’Alla u triq twassal lura lejh.

Is-Sena tal-Familja, bħala sena ta’ talb speċjali min-naħa tal-familji, għandha ġġedded u ssaħħaħ l-għarfien ta’ dawn il-veritajiet minn kull familja. X’għana ta’ ħsibijiet mill-Kotba Mqaddsa jistgħu jmantnu dan it-talb!  Flimkien mal-kliem ta’ l-Iskrittura Mqaddsa ,dan it-talb meditat għandu jkollu dejjem ukoll it-tifkiriet personali tal-miżżewġin-ġenituri, ta’ l-ulied u ta’ wlied l-ulied.  Permezz tal-ġenealoġija tal-persuna, ix-xirka taż-żwieġ issir xirka ta’ ġenerazzjonijiet.  L-għaqda sagramentali taż-żewġ miżżewġin, issiġillata minn patt magħmul quddiem Alla, tibqa’ u tissaħħaħ dejjem aktar, ġenerazzjoni wara l-oħra.  Trid issir għaqda fit-talb.  Iżda biex dan kollu jidher b’mod ċar fis-Sena tal-Familja, it-talb jeħtieġ ikun drawwa regolari fil-ħajja ta’ kull jum ta’ kull familja.  It-talb hu radd il-ħajr, tifħir ta’ Alla, talba għall-maħfra, suppliki ta’ invokazzjonijiet.  It-talb tal-familja għandu ħafna x’jgħid lil Alla b’dawn is-suriet kollha ta’ talb.  Għandu ħafna x’jgħid ukoll lill-oħrajn, ibda minn dawk il-persuni f’xirka bejniethom minħabba r-rabtiet tal-familja.

Is-Salmista jgħid: “X’inhu l-bniedem biex tiftakar fih?” (Salm 8, 4).  It-talb hu l-post fejn, b’mod l-aktar sempliċi, tidher it-tifkira ta’ Alla Ħallieq u Missier: mhux biss it-tifkira ta’Alla mill-bniedem, imma wkoll it-tifkira tal-bniedem minn Alla.  B’dan il-mod it-talb tal-familja, bħala komunità, jista’ jsir post fejn il-membri tal-familja jiftakru f’xulxin flimkien: fil-fatt il-familja hi komunità ta’ ġenerazzjonijiet.  Fit-talb għandu jkun hemm kulħadd: il-ħajjin u l-mejtin, u dawk ukoll li għad iridu jiġu fid-dinja.  Il-familji għandhom jitolbu għall-membri kollha tagħhom, minħabba l-ġid li l-familja hi għal kull individwu, u kull individwu hu għall-familja kollha.  It-talb isaħħaħ dan il-ġid proprju għax hu l-ġid komuni tal-familja, anzi jġedded dejjem dan il-ġid.  Fit-talb il-familja ssib lilha nfisha bħala l-ewwel “aħna”, fejn kull membru tal-familja u “Jien” u “Int”, kull membru hu għall-oħrajn żewġha u martu, missier jew omm, iben jew bint, ħija jew oħt, nann jew neputi.

Il-familji kollha li għalihom ktibt din l-ittra huma kollha hekk?  Iva, għadd kbir huma hekk, iżda ż-żminijiet, li fihom qed ngħixu llum, huma mħajrin li jillimitaw il-familja għal żewġ ġenerazzjonijiet.  Spiss dan qed jiġri minħabba li ma hemmx djar biżżejjed, l-aktar fl-ibliet il-kbar. Iżda spiss dan ġej ukoll mill-fehma li b’ħafna ġenerazzjonijiet jgħixu flimkien ikun hemm indħil fil-ħajja privata tal-membri u jagħmel il-ħajja iebsa żżejjed.  M’hux forsidan hu l-veru problema? Il-familji llum ftit għandhom ħajja “umana”. Ma hemmx nies li magħhom tista’ toħloq u taqsam il-ġid komuni, waqt li dan il-ġid, minnu nnifsu, jitlob li jinħoloq u jitgawda ma’ l-oħrajn: bonum est diffusivum sui –“il-ġid minnu nnifsu jxerred lilu nnifsu”[24].

Aktar ma l-ġid hu komuni aktar hu proprju tiegħek innifsek: tiegħi – tiegħek –tagħna. Din hi  l-loġika tal-ħajja li wieħed jgħixha skond il-ġid billi jgħix fil-verità u l-imħabba.  Jekk il-bniedem għandu l-ħila jgħix skond dan il-ħsieb, ħajtu żgur issir “għotja ħierġa mill-qalb, sinċiera”.

    

L-għoti mill-qalb tiegħek innifsek

11.  Il-Konċilju wara li jgħid li l-bniedem hu l-kreatura waħdanija fuq l-art li Alla riedha għaliha nfisha, minnufih imbagħad iżid jgħid li l-bniedem ma jistax isib lilu nnifsu kollu kemm hu jekk mhux bl-għoti tiegħu nnifsu[25].  Dan jista’ jidher li hu kontradizzjoni, iżda fil-fatt m’huwiex.  Iżda hu paradoss mill-isbaħ ta’ l-eżistenza tal-bniedem: eżistenza msejħa biex taqdi l-verità fl-imħabba. L-imħabba twassal lill-bniedem biex jikseb il-kobor sħiħ tiegħu bl-għoti tiegħu nnifsu.  Tħobb ifisser tagħti u tirċievi xi ħaġa, li la tista’ tinxtara u lanqas tinbiegħ, imma tista’ biss tingħata b’xejn minn wieħed lill-ieħor.

Min-natura tiegħu stess l-għoti tal-persuna jitlob li jibqa’ dejjem u ma jittreġġax lura qatt.  Il-fatt li ż-żwieġ ma jinħall qatt, jiġi l-ewwelnett mill-istess natura ta’ l-għotja: l-għotja tagħha stess ta’ persuna lil persuna oħra. Dan l-għoti lil xulxin juri li l-imħabba għandha dejjem il-karatteristika ta’ mħabba ta’ għerusija. Fil-kunsens li jingħata fiż-żwieġ, l-għarus u l-għarusa jsejħu lil xulxin b’isimhom: “Jien N. nieħu lilek b’marti/żewġi u nwegħdek li nżomm ruħi fidil/a lejk... tul ħajti kollha”. Għotja bħal din toħloq obbligu wisq aktar serju u għoli, milli toħloq xi ħaġa li tista’ “tinxtara” b’xi mod u bi prezz,ikun li jkun.  Għarkobbtejhom quddiem il-Missier li minnu tiġi kull paternità u kull maternità, il-ġenituri ta’ għada jaslu biex jintebħu li ġew “mifdija”. Inxtraw bil-għoli, bil-prezz ta’ l-ogħla u l-akbar għotja mill-qalb: id-demm ta’ Kristu, li minnu jieħdu sehem permezz tas-Sagrament.  Il-koronament liturġiku tar-rit taż-żwieġ hi l-Ewkaristija, is-sagrifiċċju tal- “ġisem li ngħata” u tad- “demm li xxerred”, li b’xi mod jitfisser fil-kunsens taż-żewġ għarajjes fiż-żwieġ tagħhom.

Meta raġel u mara jagħtu u jirċievu lilhom infushom lil xulxin, fl-għaqda ta’ ġisem wieħed, il-loġika ta’ dan l-għoti  lil xulxin mill-qalb issir parti minn ħajjithom.  Mingħajr dan, iż-żwieġ ikun ħaġa vojta, waqt li xirka ta’ persuni mibnija fuq din il-loġika issir xirka ta’ ġenituri.  Meta jagħtu l-ħajja lil tarbija,“int” ġdid isir parti mill-orizzont ta’ l-“aħna” tal-ġenituri, persuna li jsejħu b’isem ġdid: “ibna...bintna”.  “Ksibt bniedem bl-għajnuna tal-Mulej” (Ġen 4, 1), qalet Eva, l-ewwel mara ta’ l-istorja: bniedem, mistenni l-ewwel għal disa’ xhur, u mbagħad “rivelat” lill-ġenituri u lil ħutu, bniet u subien. Il-proċess mit-tnissil u l-kobor fil-ġuf ta’ l-omm sat-twelid joħloq spazju fejn il-kreatura ġdida tidher bħala “għotja”: hekk kien dan sa mill-bidu.  Nistgħu narawha mod ieħor din il-kreatura dgħajfa li tiddependi għal kollox mill-ġenituri tagħha u fdata lilhom? It-tarbija għadha titwieled tagħti lilha nfisha lill-ġenituri tagħha, bil-fatt stess li ġiet fid-dinja.  L-eżistenza tagħha hi ġa don, l-ewwel don tal-Ħallieq lill-kreatura.

Fit-tarblja għadha titwieled iseħħ il-ġid komuni tal-familja.  Kif il-ġid komuni tal-miżżewġin iseħħ bl-imħabba ta’ bejniethom, lesta dejjem biex tagħti u tilqa’ ħajja ġdida, hekk il-ġid komuni tal-familja jseħħ permezz ta’ l-istess imħabba tal-miżżewġin, kif tidher fit-tarbija għadha kemm titwieled.  Fil-ġenealoġija tal-persuna hemm miktuba l-ġenealoġija tal-familja, u t-tifkira tagħha tinżamm fin-notazzjonijiet li jitniżżlu fir-reġistri tal-Magħmudija fil-Knisja, ukoll jekk dawn huma biss konsegwenza soċjali tal-fatt li “twieled bniedem fid-dinja” (Ġw 16, 21).

Imma hu veru li bniedem ġdid hu don mogħti lill-ġenituri tiegħu?  Milli jidher, ma hemm xejn li juri dan.  Xi kultant, it-twelid ta’ tarbija jidher li hu biss fatt ta’ statistika li jiġi reġistrat kif jiġu reġistrati fatti demografiċi oħra.  Veru wkoll li t-twelid ta’ tarbija ifisser aktar xogħol għall-ġenituri tagħha, piżijiet finanzjarji, akbar u aktar sikkatura; dan kollu jista’ jwassal biex wieħed jitħajjar ma jkollux twelid ieħor[26].  F’xi ambjenti soċjali u kulturali din it-tentazzjoni qed titqawwa ħafna.  Imma, dan ifisser li t-tarbija m’hijiex don? Li tarbija tiġi fid-dinja biex tieħu biss u ma tagħti xejn?  Dawn huma xi wħud mill-mistoqsijiet li jħawduk u li n-nies ta’ llum isibuha bi tqila biex jaħarbu minnhom.  Tarbija tiġi biex tieħu post għaliha meta, milli jidher, fid-dinja qed jonqsu l-postijiet.  Imma hu tassew veru li tarbija ma ġġib xejn lill-familja u lis-soċjetà?  M’hijiex kull tarbija “biċċa” mill-ġid komuni, li mingħajru l-komunitajiet tal-bnedmin jitfarrku  u jissugraw li jispiċċaw fix-xejn?  Kif nistgħu niċhdu tassew dan?  It-tarbija ssir don lil ħutha subien u bniet, lill-ġenituri u lill-familja kollha.  Ħajjitha ssir don lil dawk li tawha l-ħajja, u li ma jistgħux ma jħossux li tinsab fosthom, u taqsam magħhom il-ħajja tagħhom, u tagħti sehemha għall-ġid komuni tagħhom u tal-komunità tal-familja.  Din il-verità hi ċara fuq li ċara fis-sempliċità u l-għoli  tagħha, hu kemm hu kompless, u forsi wkoll patoloġiku, il-karattru psikoloġiku ta’ ċerti persuni.  Il-ġid komuni tas-soċjetà kollha jinsab fil-bniedem; kif għidna, hu ‘it-triq tal-Knisja”[27].  Il-bniedem hu l-ewwelnett “il-glorja ta’ Alla” – Gloria Dei Vivens homo”, skond il-kliem magħruf ta’ San Irinew[28], kliem li nistgħu naqilbuh bil-Malti wkoll b’dan il-mod: “Il-glorja ta’ Alla hi li l-bniedem jkun ħaj”.  Nistgħu ngħidu li hawn insibu l-ogħla definizzjoni tal-bniedem: il-glorja ta’ Alla hi l-ġid komuni ta’ kulma jeżisti, il-ġid komuni tal-ġens kollu tal-bnedmin.

Iva! Il-bniedem hu ġid komuni:ġid komuni tal-familja u tal-ġens kollu tal-bnedmin, tal-gruppi individwali, u tal-komunitajiet kollha.  Iżda f’din il-ħaġa rridu nagħmlu għażla fil-gradi u fis-suriet, għażla li tfisser ħafna.  Il-bniedem, biex insemmu eżempju, hu ġid komuni tan-Nazzjon tiegħu u ta’ l-Istat li tiegħu hu ċittadin, iżda l-bniedem, b’mod aktar konkret, li ma hemmx ieħor bħalu, hu ġid komuni tal-familja tiegħu. Hu ġid komuni, mhux biss bħala individwu u parti mill-kotra bla qjies tal-bniedem, imma hu aktar ġid bħala “dan l-individwu” Alla l-Ħallieq tah li jeżisti “għalih innifsu”, u, huwa u jidħol fid-dinja, jibqa, fi fdan il-familja, l-“avventura kbira” tiegħu, l-avventura ta’ ħajtu. Dan il-bniedem għandu f’kull mument, id-dritt li jilħaq il-kobor sħiħ tiegħu skond id-dinjità tiegħu ta’ bniedem li hu. U hi din id-dinjità li tagħti lill-persuna postha fost oħrajn, u fuq kollox fil-familja.  Il-familja hi – aktar minn kull realtà oħra tal-bniedem – il-post fejn individwu jista’ jeżisti “għalih innifsu”, billi minn qalbu jagħti lilu nnifsu lill-oħrajn.  Għalhekk il-familja għandha tkun dik l-istituzzjoni soċjali li ma tistax, u lanqas għandha, iċċedi postha lil xi istituzzjoni oħra, għax hi “s-santwarju tal-ħajja”[29].

Il-fatt li tarbija qed titwieled, li “tarbija qed titwieled fid-dinja” (Ġw 16, 21) hu sinjal ta’ l-Għid. Kif naqraw fl-Evanġelju ta’ San Ġwann, Ġesù nnifsu tkellem dwar dan mad-dixxipli qabel il-passjoni u l-mewt tiegħu, meta qabbel in-niket tagħhom għat-tluq tiegħu ma’ l-uġigħ tal-ħlas tal-mara: “il-mara meta tkun se tiled tħossha mdejqa (tkun qed tbati) għax tkun waslet is-siegħa tagħha, iżda meta tkun twieldet it-tarbija ma tiftakarx iżjed l-uġigħ, bil-ferħ li twieled bniedem fid-dinja” (Ġw 16, 21). Is-“siegħa” tal-mewt ta’ Kristu (ara Ġw13, 1) hi hawn imqabbla mas-“siegħa” tal-mara “mdejqa” bl-uġigħ tal-ħlas; it-twelid ta’ tarbija ġdida juri, b’mod l-aktar ċar, ir-rebħa tal-ħajja fuq il-mewt, li seħħet bil-qawmien ta’ Kristu mill-imwiet.  Dan il-paragun jagħtina ħafna fuqhiex naħsbu. Kif il-Qawmien ta’ Kristu hu dehra tal-Ħajja ′l hemm mill-għatba tal-mewt, hekk it-twelid ta’ tarbija hu dehra ta’ ħajja, li hi dejjem imsejħa, permezz ta’ Kristu, għal dik il-milja tal-ħajja li tinsab f’Alla nnifsu: “Ġejt biex ikollkom il-ħajja, u ħajja bil-kotra” (Ġw 10, 10).  Hawnhekk naraw irrivelat lilna t-tifsira l-aktar għolja ta’ kliem San Irinew: “Gloria vivens homo”.

Hi l-verità ta’ l-Evanġelju dwar l-għoti tiegħek innifsek, li mingħajrha ebda persuna ma’ tista’ tagħraf “x’inhi fiha nfisha kollha kemm hi”, li tgħinna nifhmu kemm dan “l-għoti tal-qalb” għandu għeruq ′l isfel ħafna fid-don ta’ Alla l-Ħallieq u l-Feddej, u fil-“grazzja ta’ l-Ispirtu s-Santu”, li fiċ-ċelebrazzjoni tar-rit taż-żwieġ iċ-ċelebrant jitlob li “tissawwab” fuq il-miżżewġin ġodda.  Mingħajr dan it-“tiswib”, tkun ħaġa tqila ħafna biex nifhmu dan kollu u ngħixuh bħala vokazzjoni tal-bniedem. Imma kemm nies dan jifhmuh minnufih, mingħajr ħadd ma jgħidulhom!  Ħafna rġiel u nisa jagħmlu tagħhom din il-verità, malli jaslu biex jaraw li f’din il-verità biss huma jiltaqgħu mal-“Verità u Ħajja” (Ġw 14, 6).  Mingħajr din il-verità, il-ħajja tal-miżżewġin u tal-familja ma jirnexxilhiex tikseb tifsir sħiħ uman.

Hu għalhekk li l-Knisja qatt ma tieqaf tgħallem din il-verità u tagħti xhieda għaliha. Waqt hi, bħala omm, il-Knisja turi li tifhem il-ħafna qagħdiet ta’ kriżi li qed iġarrab lil ħafna familji, u tifhem ukoll id-dgħjufija morali ta’ kull bniedem, hi żgura fuq li zgura li għandha turi fedeltà sħiħa lejn il-verità dwar l-imħabba tal-bniedem. Jekk ma tagħmilx dan, tkun twettaq tradiment kontra tagħha stess.  Jekk nitbegħdu mill-verità li ssalvana, dan ifisser li nkunu nagħlqu “għajnejn qalbna” (ara Ef 1, 18), li għandhom dejjem ikunu miftuħin għad-dawl ta’ l-Evanġelju, dawl li jdawwal il-ġrajjiet kollha tal-bniedem (ara 2 Tim 1, 10).  L-għarfien ta’ l-għoti mill-qalb tiegħek innifsek, għoti li bih il-bniedem “jagħraf x’inhu fih innifsu kollu kemm hu”, għandu jiġġedded kontinwament u mħares sewwa, minħabba l-oppożizzjoni qawwija li l-Knisja qed issib min-naħa ta’ dawk li qed ixandru ċiviltà qarrieqa ta’ progress[30].  Il-familja dejjem turi dimensjoni ġdida tal-ġid tal-bniedem, u hekk toħloq għalihom responsabbiltà ġdida.  Qed nitkellmu dwar dik ir-responsabbiltà għal dak il-ġid komuni partikulari li jħaddan fih il-ġid tal-persuni ta’ kull membru tal-komunità tal-familja.  Hu żgur ġid “iebes” (bonum arduum), iżda ġid li jħajrek.

 

Paternità u maternità responsabbli

12.  Issa hu l-waqt, f’din l-Ittra lill-Familji, li nsemmu żewġ kwistjonijiet li huma marbutin ħafna ma’ xulxin.  L-ewwel kwistjoni, aktar ġenerali hi dwar iċ-ċiviltà ta’ l-imħabba, l-oħra, aktar speċifika, hi dwar parenità u maternità responsabbli. Ghidna ġa li ż-żwieġ joħloq responsabbiltà partikulari għall-ġid komuni, l-ewwel għall-ġid komuni tal-miżżewġin, u mbagħad għall-ġid komuni tal-familja.  Dan il-ġid komuni hu magħmul mill-bniedem, mill-valur tal-persuna, u minn kull ħaġa li turi l-qjies tad-dinjità tiegħu.  Din ir-realtà hi parti mill-bniedem, f’kull sistema soċjali, ekonomiku u politiku.  Fl-ambjent taż-żwieġ  u l-familja, din ir-responsabbiltà “titlob ħafna”, minħabba ħafna raġunijiet.  Il-Kostituzzjoni pastorali  Gaudium et spes, bir-raġun kollu, titkellem dwar kif għandha tiġi ′l quddiem id-dinjità taż-żwieġ u tal-familja.  Il-Konċilju jara dan il-progress bħala dmir, kemm tal-Knisja u kemm ta’ l-Istat.  Iżda f’kull kultura, dan id-dmir jibqa’ dejjem l-ewwel dmir ta’ dawk il-persuni li bir-rabtà taż-żwieġ jiffurmaw familja partikulari.  “Il-paternità u l-maternità responsabbli” jfissru mpenn konkret għall-qadi ta’ dan id-dmir li kiseb karatteristiċi ġodda fid-dinja ta’ llum.

B’mod partikulari l-paternità u l-maternità responsabbli jirrigwardaw direttament il-mument li fih ir-raġel u l-mara jingħaqdu flimkien “f’ġisem wieħed” u jistgħu jsiru ġenituri.  Dan hu l-mument ta’ siwi speċjali, kemm għar-relazzjonijiet personali ta’ bejniethom, u kemm għall-qadi tagħhom lill-ħajja: jistgħu jsiru ġenituri – missier u omm – billi jagħtu ħajja lill-bniedem ġdid.  Iż-żewġ dimensjonijiet ta’ l-għaqda taż-żwieġ – id-dimensjoni unitiva u d-dimensjoni kreattiva – ma jistgħux jiġu mifrudin minn xulxin artifiċjalment, mingħajr ma jagħmlu ħsara lill-ogħla verità ta’ l-għadd taż-żwieġ  fih innifsu[31]. Dan dejjem għallmitu l-Knisja, u s-“sinjali taż-żminijiet”, li naraw llum, qed jagħtuna raġunijiet ġodda biex intennu bil-qawwa kollha dan it-tagħlim.  San Pawl innifsu li kien attent ħafna għall-ħtiġijiet pastorali ta’ żmienu, isemmi, b’mod tassew ċar u bil-qawwa kollha,  il-ħtieġa li jsus “f’waqtu u barra minn waqtu” (2 Tim 4, 2), u ma jibżax mill-fatt li “żmien għat-tagħlim tajjeb mhux qed jibqa’” (ara 2 Tim 4,3).  Kliem San Pawl jafuh sewwa dawk li qed jaraw tajjeb ħafna x’inhuma l-ġrajjiet ta’ żminijietna, u qed jistennew li l-Knisja mhux biss ma twarrabx “it-tagħlim tajjeb”, imma ttennih bil-qawwa kollha, hija u tara fis-sinjali taż-żminijiet ta’ llum, ir-raġunijiet li jistgħu jwasslu biex it-tagħlim tagħha jiftiehem aktar fil-fond.

Xi tagħrif jista’ jinkiseb minn dawk ix-xjenzi, li mill-istudji ta’ l-imgħoddi fl-antropoloġija, żviluppaw f’għadd ta’ xjenzi speċjalizzati, bħalma huma l-bijoloġija, il-psikoloġija, is-soċjoloġija, u l-fergħat kollha tagħhom.  F’ċertu sens dawn ix-xjenzi kollha jduru madwar il-mediċina, li hi xjenza u arti wkoll (ars medica) għall-qadi tal-ħajja tal-bniedem u ta’ saħħtu.  Iżda dawn ir-raġunijiet joħorġu l-ewwel  mill-ħafna suriet ta’ esperjenza tal-bniedem li, f’ċertu sens, tiġi qabel ix-xjenza u tmur warajha.

Permezz ta’ l-esperjenza tagħhom stess, il-miżżewġin jitgħallmu xi tfisser paternità u maternità responsabbli.  Jitgħallmu dan kollu mill-esperjenza ta’ koppji oħra, li jsibu ruħhom fl-istess qagħdiet tagħhom u kemm ikunu aktar miftuħin għal dak li jgħidu x-xjenzi.  Nistgħu ngħidu li, f‘ċertu sens, l-“esperti” jitgħallmu mingħand il-miżżewġin, biex imbagħad ikunu f’qagħda aħjar, ħa jgħallmu lill-koppji miżżewġin it-tifsir ta’ tnissil responsabbli, li juruhom kif jaslu għalih.

Din il-materja ġiet trattata fit-tul fid-dokumenti tal-Konċilju Vatikan II, fl-enċiklika Humnanae vitae, fil- “propositiones” tas-Sinodu ta’ l-Isqfijiet ta’ l-1980, fl-eżortazzjoni Appostolika Familiaris Consortio, u f’dikjarazzjonijiet oħra, sa l-istruzzjoni Donum vitae tal-Kongregazzjoni għad-Duttrina tal-Fidi.  Il-Knisja tgħallem il-verità morali dwar il-paternità u l-maternità responsabbli, u tħarisha mill-fehmiet u t-tendenzi qarrieqa li huma mxerdin ħafna llum.  Għaliex qed tkompli tagħmel dan llum?  M’hijiex tintebaħ bil-problemi li qed iqanqlu dawk li qed jagħtuha l-parir li ċċedi xi ħaġa f’dan il-qasam, u qed jippruvaw ukoll jipperswaduha permezz ta’ pressjonijiet  żejda, meta ma jhedduhiex ukoll?  Il-Maġisteru tal-Knisja  hu spiss mixli li għadu lura, għadu antikwat u magħluq, għal dak li qed inebbaħ l-ispirtu taż-żminijiet ta’ llum, għax qed jinsisti fuq sura ta’ għemil li hu ta’ ħsara għall-ġens tal-bnedmin u wkoll għall-Knisja stess.  Qed jgħidu li l-Knisja, għax qed iżżomm iebes u mhux iċċedi mill-qagħda tagħha, qed titlef il-popolarità u dejjem aktar fidili qed jitbiegħdu minnha.

Imma kif wieħed jista’ jgħid li l-Knisja, u speċjalment il-Kulleġġ ta’ l-Isqfijiet f’xirka mal-Papa, mhux inħossu dawn il-kwistjonijiet hekk urġenti u hekk serji? Kienu proprju dawn il-kwistjonijiet importanti li wasslu l-Papa Pawlu VI biex joħroġ l-enċiklika Humanae vitae.  Is-sisien tat-tagħlim tal-Knisja dwar paternità u maternità responsabbli huma tassew wiesgħa u sodi. Dan wrieh il-Konċilju, l-aktar bit-tagħlim tiegħu dwar il-bniedem, meta tenna li l-bniedem hu “l-kreatura waħdanija fuq l-art li Alla riedha għaliha nfisha”, u li “l-bniedem ma jasalx biex jagħraf x’inhu fih innifsu kollu kemm hu, jekk mhux permezz ta’ l-għoti sħiħ mill-qalb tiegħu nnifsu”[32].  Dan għaliex il-bniedem ġie maħluq fuq is-sura u x-xbieha ta’ Alla, u mifdi mill-Iben waħdieni tal-Missier, li sar bniedem għalina u għas-salvazzjoni tagħna.

Il-Konċilju Vatikan II ħass sewwa l-problema tal-bniedem u tal-vokazzjoni tiegħu, u tenna li l-għaqda taż-żwieġ, l- una caro - “il-ġisem wieħed” – ta’ l-Iskrittura, nistgħu nifhmuha u nfissruha sewwa biss jekk inqisu l-valuri tal-“persuna” u tad-“don”.  Kull raġel u kull mara jilħqu  l-kobor sħiħ tagħhom permezz ta’ l-għoti, mill-qalb tad-don tagħhom infushom.  Għall-miżżewġin, il-mument ta’ l-għaqda fiż-żwieġ hu l-espressjoni tassew partikulari ta’ dan. Hu f’dan il-mument li r-raġel u l-mara, fil-“verità” tagħhom bħala raġel u bħala mara, isiru għotja, don lil xulxin. Kull ħajja fiż-żwieġ hi don u għotja, imma dan jidher, b’mod l-aktar evidenti, meta l-miżżewġin, huma u jagħtu lilhom infushom lil xulxin, jaslu għal dik l-għaqda bejniethom li tagħmilhom “ġisem wieħed” (Ġen 2, 24).  Ikunu mbagħad jgħixu mument ta’ responsabbiltà speċjali wkoll bħala r-riżultat tas-setgħa għat-tnissil, marbuta ma’ l-att taż-żwieġ.  F’dak il-waqt il-miżżewġin jistgħu isiru missier u omm, u hekk jagħtu bidu għall-proess ta’ ħajja umana ġdida, li tibda tiżviluppa fil-ġuf tal-mara.  Jekk il-mara tkun l-ewwel waħda li tintebaħ li saret omm, żewġha, li miegħu ngħaqdet “f’ġisem wieħed”, jagħraf dan meta hi tgħidlu li sar missier.  It-tnejn huma responsabbli tal-paternità u l-maternità tagħhom, l-ewwel potenzjalment, u wara attwalment, bil-fatti. Il-missier ma jistax ma jammettix u ma jaċċettax ir-riżultat ta’ deċiżjoni li ttieħdet minnu wkoll.  Ma jistax jinħeba billi jgħid “Ma nafx”, “Ma ridtx”, jew “Int kont li ridt”.  L-għaqda taż-żwieġ dejjem titlob ir-responsabbiltà tar-raġel u tal-mara, responsabbiltà potenzjali li ssir attwali miċ-ċirkostanzi.  Dan hu minnu, b’mod speċjali għar-raġel , li hu wkoll għandu sehem fil-bidu tal-proċess tat-tnissil, għalkemm jitħalla bogħod minnu bjoloġikament, għax huwa fi ħdan il-mara li l-proċess jiżviluppa bijoloġikament.  Kif jista’ r-raġel ma jaċċettax din ir-responsabbiltà?  Ir-raġel u l-mara flimkien, quddiemhom stess u quddiem l-oħrajn, iridu jaċċettaw ir-responsabbiltà għall-ħajja ġdida li ġiebu fid-dinja.

Din il-konklużjoni jaslu għaliha wkoll ix-xjenzi tal-bniedem. Iżda jeħtieġ studju aktar fil-fond, analiżi tat-tifsir ta’ l-att taż-żwieġ, minħabba l-valuri tal-“persuna” u ta’ l-“għotja” li semmejna aktar ′l fuq.  Dan li għamlet il-Knisja bit-tagħlim tagħha, li ma waqaf qatt u ngħata b’mod partikulari fil-Konċilju Vatikan II.

Fl-att taż-żwieġ, ir-raġel u l-mara huma msejħin biex iwettqu b’mod responsabbli dak l-għoti tagħhom infushom lil xulxin, li għamlu bil-patt taż-żwieġ. Il-loġika ta’ l-għoti sħiħ lil xulxin tissoponi li jkunu miftuħin għat-tnissil: b’hekk iż-żwieġ jissejjaħ biex jikseb kobor akbar bħala familja.  Veru li l-għoti lil xulxin tar-raġel u l-mara m’għandux bħala l-għan waħdieni tiegħu t-tnissil ta’ l-wlied, imma hu fih innifsu xirka bejniethom ta’ mħabba u ħajja.  Trid tiġi dejjem imħarsa l-verità intima tad-don, ta’ l-għotja; “intima” ma tfissirx “soġġettiva”.  Tfisser aktar li l-għotja essenzjalment taqbel mal-verità oġġettiva tar-raġel u l-mara, li jagħtu lilhom infushom lil xulxin.  Il-persuna qatt ma għandha titqies bħala xi mezz ħa jinkiseb xi għan jew bħala mezz għall- “gost u l-pjaċir”.  Il-persuna hi, u għandha tkun, xejn aktar ħlief l-għan ta’ kull att.  Hekk biss l-għemil ikun jaqbel mad-dinjità vera tal-persuna.

Intemm dawn il-ħsibijiet tiegħi fuq din il-materja, hekk importanti u hekk delikata, billi nħeġġeġ, b’mod speċjali u fuq kollox, lilkom, għeżież koppji miżżewġa, u lil dawk kollha li jgħinukom biex tifhmu u tgħixu t-tagħlim tal- Knisja, dwar iż-żwieġ u l-paternità u l-maternità responsabbli.  Qed naħseb b’mod speċjali fil-kappillani u fil-ħafna studjużi, teoloġi, filosofi, kittieba u ġurnalisti, li żammew iebes kontra t-tendenza qawwija lejn il-konformiżmu kulturali li qed jiddomina llum, u huma lesti jmorru, bil-kuraġġ kollu, kontra dan il-kurrent. L-inkoraġġament tiegħi hu wkoll għal għadd dejjem jiżdied ta’ esperti, tobba u edukaturi, li huma veri appostli lajċi, li qed iqisu l-promozzjoni tad-dinjità taż-żwieġ u tal-familja, bħala dmir importanti ta’ ħajjithom.  F’isem il-Knisja, inrodd ħajr lilhom ilkoll. X’kienu jagħmlu s-saċerdoti u l-Isqfijiet u l-istess suċċessur ta’ San Pietru mingħajrkom? Sa mill-ewwel snin tas-saċerdozju  tiegħi, dejjem aktar ikkonvinċejt ruħi minn dan, sa minn meta bdejt noqgħod fil-konfessinarju biex naqsam it-tħassib, il-biża’ u t-tamiet ta’ tant miżżewġin. Iltqajt ma’ każijiet diffiċli ħafna ta’ ribelljoni u ta’ ċaħda, iżda fl-istess ħin ukoll ma’ tant persuni ġenerużi u responsabbli b’mod tassew ta’ l-għaġeb!  Jiena u nikteb din l-Ittra għandi fi ħsiebi dawn il-koppji miżżewġin kollha u ngħannaqhom bl-imħabba u t-talb tiegħi.

 

Iż-żewġ ċiviltajiet

13.  Għeżież familji, il-kwistjoni tal-paternità u l-maternità responsabbli hi parti integrali taċ- “ċiviltà ta’ l-imħabba”, li rrid issa niddiskuti magħkom.  Minn dak li ġa għedt, hi ħaġa ċara li l-familja hi pedament ta’ dik li l-Papa Pawlu VI sejjaħ iċ-“ċiviltà ta’ l-imħabba”[33], frażi li daħlet fit-tagħlim tal-Knisja u li issa jafha kulħadd.  Illum diffiċli timmaġina xi dikjarazzjoni tal-Knisja jew fuq il-Knisja, li ma ssemmix iċ-ċiviltà ta’ l-imħabba.  Il-frażi hi marbuta mat-tradizzjoni tal-“knisja tad-dar” ta’ l-ewwel żminijiet tal-Knisja, imma għandha tifsira partikulari għaż-żmien ta’ llum.  Etimoloġikament il-kelma “ċiviltà” ġejja mill-kelma “civis” – ċittadin, u turi l-importanza tad-dimensjoni ċivika u politika tal-ħajja ta’ kull individwu.  Iżda it-tifsira l-aktar għolja tal-kelma “ċiviltà” m’hijiex sempliċement politika, imma hi aktar “umanistika” jiġifieri parti mill-kultura umana.  Iċ-ċiviltà hi parti mill-istorja tal-bniedem, għaliex twieġeb għall-ħtiġiet spiritwali u morali tal-bniedem.  Maħluq fuq is-sura u x-xbieha ta’ Alla, il-bniedem irċieva d-dinja minn idejn Alla l-Ħallieq, flimkien mad-dmir li jsawwarha fis-sura u x-xbieha tiegħu.  It-twettieq ta’ dan id-dmir ta bidu għaċ-ċiviltà li, fl-aħħar mill-aħħar, m’hijiex ħlief “l-umanizzazzjoni tad-dinja”.

F’ċertu sens ċiviltà tfisser l-istess bħal “kultura”.  Għalhekk wieħed jista’ jitkellem dwar “kultura ta’l-imħabba”,għalhekk aħjar tinżamm il-frażi l-oħra, li hi aktar magħufa.  Iċ-ċiviltà ta’ l-imħabba, fit-tifsira li għandha bħalissa, hi mnebbħa mill-kliem tal-Kostituzzjoni Gaudium et spes tal-Konċilju Vatikan II: tieg ħu” “Kristu...juri lill-bniedem x’inhu fih innifsu kollu kemm hu u jurih x’inhu s-sejħa nobbli tiegħu”[34].  Għalhekk nistgħu ngħidu li ċ-ċiviltà ta’ l-imħabba għandha l-bidu tagħha fir-rivelazzjoni ta’ Alla li hu “Mħabba”, kif jikteb San Ġwann (Ġw 4, 8, 16) u hi deskritta b’mod l-aktar effettiv minn San Pawl fl-innu lill-imħabba li nsibu fl-Ewwel Ittra tiegħu lill-Korintin (Kor 11, 1-13). Din iċ-ċiviltà hi marbuta intimament ma’ l-imħabba li “ssawwbet fina permezz ta’ l-Ispirtu s-Santu li ġie mogħti lilna” (Rum 5, 5 ) u tikber għax jittieħed ħsieb tagħha bla heda, kif l-Evanġelju jfisser b’mod tassew dirett bl-allegorija tad-dielja u l-friegħi tagħha: “Jiena d-dielja vera u Missieri l-bidwi.  Kull fergħa fija li ma tagħmilx frott jaqtagħha, u kull waħda li tagħmel il-frott jiżborha u jnaddafha” (Ġw 15, 1-2).

Fid-dawl ta’ din is-silta, u ta’ siltiet oħra tat-Testment il-Ġdid, nistgħu nifhmu xi tfisser “ċiviltà ta’ l-imħabba”, u għaliex il-familja hi mill-bidu marbuta ma’ din iċ-ċiviltà.  Jekk l-ewwel “triq tal-Knisja” hi l-familja, għandna ngħidu wkoll li ċ-ċiviltà ta’ l-imħabba hi wkoll “it-triq tal-Knisja”, li tgħaddi mid-dinja u ssejjaħ il-familji u l-istituzzjonijiet l-oħra soċjali, nazzjonali u internazzjonali, minħabba l-familji u permezz tal-familji.  Għal ħafna raġunijiet, il-familja tiddependi miċ-ċiviltà ta’ l-imħabba u fiha ssib ir-raġuni għaliex teżisti bħala familja.  Fl-istess waqt il-familja hi ċ-ċentru u l-qalba taċ-ċiviltà ta’ l-imħabba.

Iżda m’hemmx vera mħabba mingħajr l-għarfien li Alla hu “Mħabba” u li l-bniedem hu kreatura waħdanija fuq l-art li Alla ħalaqha “għaliha nfisha”. Maħluq fuq is-sura u x-xbieha ta’ Alla,  il-bniedem ma jistax “isib lilu nnifsu kollu kemm hu”, jekk mhux bl-għoti mill-qalb tiegħu nnifsu.  Mingħajr din il-fehma tal-bniedem, tal-persuna, u tax-“xirka tal-persuni” fil-familja, ma jistax ikun hemm ċiviltà ta’ mħabba; hekk ukoll mingħajr iċ-ċiviltà ta’ mħabba ma jistax ikun hemm din il-fehma tal-persuna u ta’ xirka ta’persuni. Il-familja hi ċ-“ċellula” fondamentali tas-soċjetà.  Imma Kristu – id-“dielja” li minnha l-“friegħi” jitmantnu – hu meħtieġ biex din iċ-ċellula ma tkunx mhedda minn sura ta’ xi tkaċċit kulturali mill-għeruq li jista’ jiġi kemm minn ġewwa u kemm minn barra. Għalkemm min-naħa hemm iċ-“ċiviltà ta’ l-imħabba’, hemm ukoll min-naħa l-oħra l-possibililtà ta’ “ċiviltà kuntrarja” qerrieda, kif qed juru ħafna tendenzi u qagħdiet ta’ llum .

Min jista’ jiċħad li żmienna għaddej minn kriżi kbira li fuq kollox tidher li hi kriżi kbira ta’ verità?  Kriżi ta’ verità tfisser l-ewwelnett kriżi ta’ fehmiet. Il-kelmiet “imħabba”, “libertà”, “għotja bil-qalb”, u wkoll “persuna” u “drittijiet tal-persuna”, għadhom ifissru dak li huma fin-natura tagħhom?  Hu għalhekk li l-enċiklika “Id-dija tal-Verità” (Veritatis Splendor) tfisser ħafna u hi importanti ħafna għall-Knisja u għad-dinja – speċjalment għall-Punent.  Biss jekk il-verità dwar il-libertà u x-xirka tal-persuni fiż-żwieġ u fil-familja tikseb mill-ġdid id-dija tagħha, jibda tassew il-bini taċ-ċiviltà ta’l-imħabba, u mbagħad nkunu nistgħu nitkellmu bil-fatti – kif tkellem il-Konċilju – dwar “il-valorizzazzjoni tad-dinjità taż-żwieġ u tal-familja”[35].

Għaliex hi hekk importanti “id-dija tal-verità?”  L-ewwelnett b’kuntrast: l-iżvilupp taċ-ċiviltà ta’ llum hu marbut mal-progress xjentifiku u teknoloġiku, u dan spiss qed jinkiseb biss fuq naħa waħda u hekk jidher kollu kemm hu positivistiku.  Il-Positiviżmu, kif nafu, iwassal għall-anjostiċiżmu fit-teorija u għall-utilitarjaniżmu fil-prattika u fil-morali.  Illum l-istorja b’xi mod qed tirrepreti ruħha.  L-utilitarjaniżmu hu ċiviltà ta’ produzzjoni u ta’ konsum, ċiviltà ta’ “għodda” u mhux ta’ “persuni”, ċiviltà li fiha l-persuni jintużaw l-istess bħal għodda.  F’din is-sura ta’ ċiviltà ta’ konsum, il-mara tista’ ssir oġġett għall-bniedem, l-ulied tfixkil għall-ġenituri, il-familja istituzzjoni ta’ xkiel għall-libertà tal-membri tagħha.  Biex inkunu konvinti minn dan, biżżejjed naraw x’inhuma ċerti programmi ta’ edukazzjoni sesswali, li daħlu fl-iskejjel, minkejja li ħafna ġenituri ma qablux magħhom u pprotestaw kontrihom; jew tendenzi favur l-abort li għalxejn jippruvaw jinħbew wara dak li jsejħulu “id-dritt ta’ l-għażla” li għandhom il-miżżewġin u, b’mod partikulari, li għandha l-mara.  Dawn huma biss żewġ eżempji, għax nistgħu nsemmu ħafna eżempji oħra.

Ħaġa evidenti li, f’sura kulturali bħal din, il-familja ma tistax ma tħoss li hi mhedda, għaliex f’periklu huma l-istess sisien tagħha.  Kull ħaġa kuntrarja għaċ-ċiviltà ta’ l-imħabba hi wkoll kuntrarja għall-verità kollha dwar il-bniedem, u ssir theddida għalih:  ma tħallihx isib lilu nnifsu kif inhu u jħoss ruħu fiż-żgur bħala miżżewweġ, ġenitur jew iben.  Dak li qed jissejjaħ “sess bla periklu” (safe sex), li qed jiġi mxandar miċ-“ċiviltà tat-teknologija”, fid-dawl tal-ħtiġiet tal-persuna kollha kemm hi, radikalment mhux nieqes mill-perikli, anzi hu perikoluż ħafna.  Hu ta’ periklu kemm għall-persuna, u kemm għall-familja.  U fejn jinsab dan il-periklu?  Hu t-telfien tal-verità dwar il-bniedem fih innifsu u dwar il-familja, flimkien mar-riskju tat-telfien tal-libertà u għalhekk it-telfien ukoll ta’ l-istess imħabba.  “Tagħrfu l-verità”, qal Ġesù,“u l-verità teħliskom” (Ġw 8, 32): il-verità, u l-verità biss, tħejjik għal dik l-imħabba li nistgħu nsejħulha l-“isbaħ imħabba” (ara Sir 24, 24Vulg).

Il-familja ta’ żmienna, bħall-familji ta’ kull żmien, qed tfittex l-“isbaħ imħabba”.  Imħabba li m’hijiex l-“isbaħ imħabba”, imħabba li twassal biss bies tissodisfa l-konkupixxenza, il-ġibda tal-ġisem (ara I Ġw 2, 16), jew tkun biss biex ir-raġel jew il-mara “jużaw lil xulxin”, twassal biex tagħmel il-persuni lsiera tad-dgħjufija tagħhom.  Xi “programmi kulturali” ta’ llum mhux forsi qed iwasslu għal dan il-jasar?  Hemm programmi li “jilagħbu” bid-dgħjufija tal-bniedem u hekk jagħmluh dejjem aktar dgħajjef u bla ħarsien.

Iċ-ċiviltà ta’ l-imħabba ġġib il-ferħ, ferħ, fost ħwejjeġ oħra, minħabba l-fatt li twieled bniedem fid-dinja (ara Ġw 16, 21) u għax għalhekk il-miżżewġin saru ġenituri. Iċ-ċiviltà ta’ l-imħabba tfisser “tifraħ bil-verità” (ara Ġw 13, 6). Iżda ċiviltà ispirata minn mentalità konsumista u kontra t-twelid m’hijiex u qatt ma tista’ tkun ċiviltà ta’ l-imħabba.  Jekk il-familja hi hekk importanti għaċ-ċiviltà ta’ l-imħabba, dan għaliex ir-rabtiet li hemm bejn il-persuni u l-ġenerazzjonijiet fi ħdan il-familja huma qrib ħafna xulxin u qawwijin ħafna. Iżda l-familja tibqa’ dejjem vulnerabbli u tista’ malajr taqa’ f’ħafna perikli li jdgħajfuha jew jeqirdulha għal kollox l-għaqda u l-istabbiltà tagħha.  Minħabba dawn il-perikli, xi familji ma jibqgħux aktar xhieda taċ-ċiviltà ta’ l-imħabba, u jistgħu isiru wkoll iċ-ċaħda tagħha, sura ta’ xhieda kuntrarja.  Familja mfarrka, min-naħa tagħha, tista’ ssaħħaħ sura speċifika ta’ “ċiviltà kuntrarja” bil-qerda ta’ l-imħabba fil-ħafna suriet tagħha, u dan bilfors iġib ħafna konsegwenzi għall-ħajja kollha tas-soċjetà.

 

L-imħabba titlob ħafna

14.  L-imħabba hi li jfaħħar San Pawl fl-Ewwel Ittra lill-Korintin – l-imħabba li taf tistabar u tħenn u kollox tissaporti (I Kor 13, 4, 7) – hi żgur imħabba li titlob ħafna.  Imma proprju f’dan hemm ġmiel u sbuħija: għax titlob ħafna, hi tibni l-veru ġid tal-bniedem u tħallih jixtered fuq l-oħrajn.  Il-ġid u kulma hu tajjeb, jgħid San Tumas, min-natura tiegħu “jrid jinxtered” –est diffusivum sui[36].  L-imħabba hi vera meta  toħloq il-ġid tal-persuni u tal-komunitajiet: toħloq il-ġid  u tagħtih lill-oħrajn.  Dak biss li jitlob ħafna minnu nnifsu stess f’isem l-imħabba, jista’ jitlob l-imħabba ta’l-oħrajn.  L-imħabba titlob ħafna.  Titlob dejjem fil-qagħdiet kollha tal-bniedem; u titlob wisq aktar minn dawk li huma miftuħin għall-Evanġelju.  M’hux dan iħabbar Kristu fil-Kmandament “tiegħu”?  Jeħtieġ li n-nies ta’ llum jerġgħu jsibu din l-imħabba li titlob ħafna, għaliex hi l-pedament sod tal-familja, pedament kapaċi “jiflaħ kollox”.  Skond l-Appostlu l-imħabba ma tkunx kapaċi “tiflaħ kollox” jekk iċċedi għal-“għira”, jew “tintefaħ biha nfisha”, “tagħmel dak li mhux xieraq, u tfittex dak li hu tagħha” (ara I Kor 13, 5-6).  L-imħabba vera, jgħallimna San Pawl, m’hijiex hekk: “L-imħabba kollox temmen, kollox tittama, kollox tissaporti” (I Kor 13, 7). Din hi l-imħabba vera li “tissaporti kollox”.  Fil-ħidma tagħha minn ġewwa, hi l-qawwa u s-saħħa ta’ Alla nnifsu li “hu Mħabba” (I Ġw 4, 8, 16). Taħdem ukoll fihàa l-qawwa u s-saħħa ta’ Kristu, il-Feddej tal-bnedmin u s-Salvatur tad-dinja.

Meta nimmeditaw fuq il-kap 13 ta’ l-Ewwel Ittra lill-Korintin, inkunu nħejju triq li twassalna biex nifhmu malajr u b’mod ċar il-verità sħiħa dwar iċ-ċiviltà ta’ l-imħabba.  Ebda silta oħra mill-Kotba Mqaddsa ma tfisser din il-verità b’mod hekk sempliċi u hekk għoli, daqskemm ifissirha l-innu lill-imħabba.

Il-perikli li għandha l-imħabba, huma perikli wkoll għaċ-ċiviltà ta’ l-imħabba, għaliex iġibu ′l quddiem kulma jista’ jopponiha b’mod effettiv.  Hawn l-ewwel ħaġa li fiha wieħed irid jaħseb hu l-egoiżmu, mhux biss l-egoiżmu ta’ l-individwu, imma wkoll l-egoiżmu tal-koppji, u wisq aktar l-egoiżmu soċjali, dak, biex insemmu eżempju, ta’ klassi jew nazzjon.  L-egoiżmu fis-suriet kollha tiegħu hu direttament u radikament kuntrarju għaċ-ċiviltà ta’ l-imħabba.  Imma għandna naħsbu li l-imħabba hi biss “anti-egoiżmu”?  Din tkun ħaġa tassew fqira u, fl-aħħar mill-aħħar, definizzjoni kollha kemm hi negattiva, ukoll jekk ħafna suriet ta’ egoiżmu jridu jintrebħu biex ikun hemm l-imħabba u ċ-ċiviltà ta’ l-imħabba.  Ikun aħjar nitkellmu fuq “altruwiżmu”, li hu l-kuntrarju ta’ l-egoiżmu.  Iżda wisq aktar għani u aktar sħiħ il-ħsieb ta’ l-imħabba, imfissra minn San Pawl.  L-innu ta’ l-imħabba fl-Ewwel Ittra lill-Korintin jibqa’ l-Magna Charta – il-manifest – ta’ l-imħabba.  F’din il-ħarġa aktar importanti mhux l-azzjonijiet ta’ l-individwu sew egoistiċi u sew altruwistiċi, imma l-aċċettazzjoni radikali tal-fatt li l-bniedem hu persuna, li “jsib lilu nnifsu kollu kemm hu” bl-għotja minn qalbu tiegħu nnifsu.  Hu evidenti li l-għotja hi “ għal ħadd ieħor”: din hi d-dimensjoni l-aktar importanti taċ-ċiviltà ta’ l-imħabba.

Hekk wasalna għall-qalba tal-verità ta’ l-Evanġelju dwar il-libertà. Il-persuna tilħaq il-kobor sħiħ tagħha bl-użu tal-libertà tagħha fil-verità.  Ma għandniex nifhmu l-libertà bħala xi permess li tagħmel kulma trid u jogħġbok, li tagħmel assolutament kollox: il-libertà tfisser l-għotja, id-don tiegħek innifsek, u wisq aktar tfisser sura ta’ dixxiplina interna tad-don tiegħek innifsek. L-għotja m’hijiex biss inizjattiva hielsa ta’ min jagħmilha; hi ukoll sura ta’ dmir.  Dan kollu jseħħ realment fix-“xirka tal-persuni”. Hawn qed insibu ruħna mill-ġdid fil-qalba stess ta’ kull familja.

Jekk inkomplu naħsbu fuq din il-linja, naslu għall-antitesi bejn l-individwaliżmu u l-personaliżmu.  L-imħabba, iċ-ċiviltà ta’ l-imħabba hi marbuta mal-personaliżmu.  Għaliex mal-personaliżmu?  U għaliex l-individwaliżmu jhedded iċ-ċiviltà ta’ l-imħabba?  Il-muftieħ għat-tweġiba  nsibuh fl-espressjoni tal-Konċilju “għotja mill-qalb”, għotja magħmulha bis-sinċerità kollha.  L-individwaliżmu jissopponi użu tal-libertà b’mod li wieħed jagħmel dak li jrid hu, ikun hu nnifsu li jgħid “x’inhi l-verità” ta’ dak li jidhirlu jiswielu jew jogħġbu.  Ma jammettix li ħaddiehor “irid” jew jitlob xi ħaġa minnu, f’isem il-verità oġġettiva.  Ma jrid “jagħti” xejn lil ħaddieħor fuq bażi  ta’ verità, ma jridx ikun “għotja magħmulha bis-sinċerità kollha”.

L-individwaliżmu għalhekk jibqa’ egoċentriku u egoista. Il-vera antitesi bejn l-individwaliżmu u l-personaliżmu toħroġ, mhux biss fuq livell ta’ teorija, imma wkoll, u wisq aktar, fuq il-livell ta’ l-“ethos”. L-“ethos” tal-personaliżmu hu altruwistiku: twassal il-persuna biex tagħti lilha nfisha lill-oħrajn, u tifraħ b’dan l-għoti tagħha nfisha.  Dan hu l-ferħ li dwaru jitkellem Kristu (ara Ġw 15, 11; 16, 20, 22).

Mela dak meħtieġ hu li s-soċjetajiet tal-bniedem, u l-familji li jgħixu fihom, spiss f’ambjent ta’ ġlied bejn iċ-ċiviltà ta’ l-imħabba u dawk kuntrarji għaliha, ifittxu s-sisien sodi tagħhom f’fehma korretta ta’ x’inhu l-bniedem u ta’dak kollu li jwassal biex il-bniedem jilħaq“il-kobor sħiħ tiegħu” bħala bniedem.  Hu żgur kontra ċ-ċiviltà ta’ l-imħabba il-fenomenu hekk imsejjaħ ta’ l-imħabba libera (free love), li hi perikoluża ħafna b’mod partikulari għaliex ġeneralment hi suġġerita bħala mod kif wieħed iwieġeb għas-sentiment “reali” tiegħu, meta fil-fatt teqred l-imħabba.  Kemm familji tfarrku minħabba din l-“imħabba libera”?  Tfittex kull darba tissodisfa kull istint emożjonali “reali” bl-iskuża ta’mħabba “ħielsa” mill-kundizzjonamenti kollha, mhux ħaġ’oħra ħlief tagħmel l-individwu lsir ta’ dawk l-istinti tal-bniedem, li San Tumas isejħilhom “il-passjonijiet tar-ruħ”[37].  “L-imħabba libera” tinqeda bid-dgħjufija tal-bniedem, u tagħtiha ċerta “sura” ta’ rispettabbiltà bl-għajnuna tas-seduzzjoni u ta’ l-opinjoni pubblika.  B’dan il-mod ikun qed isir tentattiv biex “tikkalma” l-kunxjenza bil-ħolqien ta’ “alibi morali”.  Iżda ma jitqisux il-konsegwenzi kollha li jkun hemm, speċjalment meta dawk li jridu jħallsu, huma, barra l-parti l-oħra, it-tfal li jiġu mċaħħdin mill-omm u l-missier, u jiġu kkundannati biex fil-fatt ikunu ltiema ta’ ġenituri ħajjin.

Kif nafu, bħala sisien ta’ utilitariżmu etiku hemm it-tfixxija dejjem sejra għall-hena “mill-aqwa”, għall-“aqwa” hena.  Iżda dan hu hena “utilitarju”, meqjus biss bħala pjaċir u gost minnufih b’vantaġġ ta’ l-individwu, mingħajr ma jkollu x’jaqsam xejn, jew hu kuntrarju, għal dak li oġġettivament jitlob il-ġid veru.

Il-programm ta’ l-utilitariżmu, mibni fuq fehma individwalistika tal-libertà – libertà bla ebda responsabbiltà – hu kontra l-imħabba, ukoll jekk meqjus bħala espressjoni taċ-ċiviltà tal-bniedem kollha kemm hi.  Meta s-soċjetà tħaddan din il-fehma tal-libertà, u sseħibha mal-ħafna fehmiet ta’ dgħjufija tal-bniedem, malajr issir theddida sistematika u permanenti għall-familja.  Hawnhekk, wieħed irid jiftakar fil-ħafna konsegwenzi koroh li jistgħu jiġu verifikati mill-istatistika, ukoll jekk ħafna minn dawn il-konsegwenzi jibqgħu fil-qlub tar-rġiel u nisa, bħala feriti miftuħin u jweġġgħu ħafna.

L-imħabba tal-miżżewġin u tal-ġenituri għandha l-ħila tfejjaq dawn il-ġerħat, sakemm il-perikli li semmejna ma jċaħduhiex mill-qawwa tat-tiġdid, li hu hekk ta’ ġid u ta’ saħħa għall-komunitajiet tal-bniedem.  Din il-ħila tiddependi mill-grazzja t’Alla għall-maħfra u r-rikonċiljazzjoni, li tiżgura wkoll enerġija spiritwali għall-bidu dejjem mill-ġdid.  Għal din ir-raġuni l-membri tal-familja jeħtiġilhom jiltaqgħu ma’ Kristu fil-Knisja, permezz tas-Sagrament meraviljuż tal-Penitenza u r-Rikonċiljazzjoni.

B’dan nistgħu nifhmu kemm hu mportanti t-talb mal-familji u għall-familji, b’mod partikulari għal dawk il-familji mheddin minn firdiet.  Jeħtieġ nitolbu biex il-koppji miżżewġin ikunu jħobbu l-vokazzjoni tagħhom ukoll meta triqthom issir iebsa jew il-mogħdijiet dojoq, kollha tlajja, u qishom ma jistghu jingħelbu qatt; jeħtieġ nitolbu biex f’dan il-waqt ukoll jibqgħu fidili għall-patt tagħhom ma Alla.

“Il-familja hi t-triq tal-Knisja”. F’din l-ittra rridu nħaddnu u nħabbru din it-triq, li twassal għas-saltna tas-sema (ara Mt 7, 14), permezz tal-ħajja taż-żwieġ u tal-familja. Hu mportanti ħafna li “x-xirka tal-persuni” fil-familja tkun tħejjija għax- “xirka tal-Qaddisin”. Hu għalhekk li l-Knisja temmen fl-imħabba li “tissaporti kollox” (I Kor 13, 7) u xxandarha; ma’ San Pawl tagħraf li l-imħabba hi “kbira” fost il-virtujiet kollha (I Kor 13, 130). Kulħadd hu msejjaħ għall-imħabba, kemm il-miżżewġin, u kemm il-familji.  Fil-Knisja kulħadd hu msejjaħ indaqs għall-qdusija perfetta (ara Mt 5, 48)[38].

 

Ir-Raba’ Kmandament: Weġġaħ ′l missierek u ′l ommok

15.  Ir-raba’ kmandament tad-Dekalogu hu dwar il-familja  u r-rabta fiha nfisha – is-solidarjetà tagħha, biex ngħidu hekk.

Ir-raba’ kmandament, fir-formulazzjoni tiegħu ma jsemmix il-familja espliċitament.  Iżda fil-fatt hu dwarha li jitkellem.  Biex juri r-rabta li għandu jkun hemm bejn il-ġenerazzjonijiet, il-Leġislatur divin ma setax isib kliem aktar adatt minn dan: “Weġġaħ” (Eż 20, 12).  Hawn għandna mod ieħor kif infissru x’inhi l-familja. Din il-formulazzjoni ma tgħollix il-familja b’xi mod “artifiċjali”, iżda turi l-importanza tagħha fiha nfisha u d-drittijiet li jiġu minnha.

Il-familja hi komunità li fiha hemm bejn il-persuni, relazzjonijiet li għandhom qawwa kbira: relazzjonijiet bejn iż-żewġ miżżewġin, bejn il-ġenituri u l-ulied, bejn il-ġenerazzjonijiet.  Hi komunità li trid tiġi mħarsa b’mod speċjali.  U Alla ma setax isib ħarsien aħjar minn dan:“Weġġaħ”.

“Weġġaħ lil missierek u lil ommok sabiex jitkattru jiemek fuq l-art li l-Mulej Alla tiegħek jagħtik” (Eż 20, 12).  Dan il-kmandament jiġi wara t-tliet kmandamenti fondamentali dwar ir-relazzjoni ta’ l-individwu u tal-poplu ta’ Israel ma’ Alla: “Shema, Israel...” Isma’, o Israel!  Alla tagħna l-Mulej, il-Mulej waħdu” (Dewt 6, 4).  “Ma jkollokx allat oħra għajri” (Eż 20, 3). Dan hu l-ewwel u l-akbar kmandament, il-kmandament ta’ l-imħabba ta’ Alla “fuq kollox”: lil Alla għandek tħobbu “b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u b’saħħtek kollha” (Dewt 6, 5; ara Mt 22, 37). Ifisser ħafna li r-raba’ kmandament jinsab f’dan il-post partikulari. “Weġġaħ lil missierek u ′l ommok” għaliex għalik huma f’ċertu sens ir-rapprezentanti tal-Mulej; huma dawk li tawk il-ħajja, li tawk l-eżistenza ta’ bniedem fi hdan familja partikulari, nazzjon, u kultura.  Wara Alla huma l-ewwel benefatturi tiegħek. Alla waħdu hu tajjeb, anzi hu l-istess Tjieba, iżda l-ġenituri jipparteċipaw f’din it-tjieba suprema b’mod speċjali.  Għalhekk weġġaħ lill-ġenituri tiegħek!  Hawn għandna ċerta analoġija mal-ġieħ li għandna nagħtu lil Alla.

Ir-raba’ kmandament hu marbut b’rabta li ma bħala mal-kmandament ta’ l-imħabba. Ir-rabta’ bejn il-“ġieħ” u l-“imħabba” hi għolja ħafna.  Il-ġieħ, fil-qofol tiegħu, hu marbut mal-virtù tal-ġustizzja, iżda din, min-naħa tagħha, ma tistax titfisser sewwa jekk ma jkollhiex riferenza għall-imħabba, l-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu. U min hu aktar proxxmu mill-membri tal-familja, ġenituri u wlied?

Is-sistema tar-relazzjonijiet personali li jsemmi r-raba’ kmandament huma fuq naħa waħda biss?  Jorbotna biss li mweġġgħu l-ġenituri tagħna?  Il- kliem tal-kmandament dan jagħtina nifhmu. Iżda indirettament nistgħu nitkellmu dwar il-“ġieħ” li l-ġenituri għandhom jagħtu lil uliedhom.  Tweġġaħ jiġifieri tagħraf. Nistgħu ngħidu b’dan il-mod: “Ħa jmexxik l-għarfien tal-persuna, qabel xejn dik ta’ missierek u ommok, mbagħad tal-membri l-oħra tal-familja”.  Il-ġieħ hu essenzjalment qagħda ta’ nuqqas ta’ egoiżmu.  Nistgħu ngħidu li hu “għotja bis-sinċerità kollha ta’persuna lil persuna”, u f’dan is-sens il-ġieħ jiltaqa’ ma’ l-imħabba.  Jekk ir-raba’ kmandament jitlob li għandu jingħata ġieħ lill-missier u lill-omm, dan jitolbu wkoll għall-ġid tal-familja.  Hu proprju minħabba din ir-raġuni li jimpenja wkoll il-ġenituri.  Intom il-ġenituri, qisu jgħidilhom il-kmandament ta’ Alla, għandkom iġġibu ruħkom b’mod li ħajjitkom tkun tistħoqqilha dan il-ġieħ (u din l-imħabba) min-naħa ta’ wliedkom.  Tħallux il-kmandament ta’ Alla, li jitlob il-ġieħ għalikom, jaqa’ f’vojt morali!  Mela, fl-aħħar mill-aħħar, qegħdin nitkellmu dwar ġieħ għal xulxin. Il-kmandament “Weġġaħ” lil   missierek u lil ommok” indirettament qed jgħid lill-ġenituri: Weġġħu li uliedkom.  Dan il-ġieħ jistħoqquh għax ħajjin, għax huma dak li huma, u dan hu minnu sa mill-ewwel mument tat-tnissil tagħhom.  Ir-raba’ kmandament għalhekk, meta qiegħed ifisser ir-rabtiet intimi li jorbtu l-familja, qiegħed juri l-importanza tas-sisien ta’ l-għaqda tal-familja fiha nfisha.

Il-kmandament ikompli jgħid: “biex jitkattru jiemek fuq l-art li l-Mulej Alla tiegħek jagħtik”.  Il-konġunzjoni “biex” tista’ twasslek biex taħseb li hemm fin-nofs xi kalkolu “utilitarju”: weġġaħhom biex ikollok għomor twil. Hu x’inhu, dan ma jnaqqasx it-tifsir fondamentali ta’ l-imperativ “Weġġaħ”, li min-natura tiegħu ifisser “qagħda ta’ nuqqas ta’ egoiżmu. “Tweġġaħ” qatt ma jfisser “ara x’jaqbillek”.  Min-naħa l-oħra, hu diffiċli ma tammettix li l-ġieħ mogħti lil xulxin mill-membri tal-komunità tal-familja ma jġibx xi vantaġġi. “Il-ġieħ” hu xi ħaġa li tiswa, l-istess kif “tiswa” kull ħaġa tajba.

L-ewwelnett il-familja tikseb il-ġid tal-“fatt li l-membri tagħha qed jgħixu flimkien”.  Dan hu l-aqwa ġid, il-ġid par excellence, taż-żwieġ (għalhekk ma jista’ jinħall qatt) u tal-komunità tal-familja.  Nistgħu nfissruh ukoll bħala l-ġid tas-suġġett li jkun. Kif il-persuna hi suġġett, hekk hi suġġett il-familja, għax hi magħmulha minn persuni, li, marbutin flimkien b’rabta ta’ xirka mill-aktar għolja, jiffurmaw suġġett komunitarju wieħed.  Anzi l-familja hi wisq aktar suġġett minn kull istituzzjoni soċjali oħra: aktar minn nazzjon jew Stat, aktar minn soċjetajiet u l-organizzazzjonijiet internazzjonali.  Dawn is-soċjetajiet, speċjalment in-nazzjonijiet, għandhom is-soġġettività tagħhom proprja, għax jagħtuhielhom il-persuni u l-familji tal-persuni.  Dawn huma osservazzjonijiet kollha kemm huma “fit-teorija”, imfasslin biex “jgħollu” l-familja ma’ l-opinjoni pubblika?  Le, huma osservazzjonijiet li jfissru mod ieħor x’inhi l-familja. U dan ukoll joħroġ mir-raba’ kmandament.

Jeħtieġ li tidher l-importanza ta’ din il-verità u tiftiehem aktar fil-fond: fil-fatt turi l-importanza tar-raba’ kmandament fis-sistema ta’ llum tad-drittijiet tal-bniedem.  L-istituzzjonijiet u s-sistemi  legali jużaw kliem ġuridiku.  Iżda Alla jgħid: “Weġġaħ”.  Id-drittijiet kollha tal-bniedem malajr jinkisru u huma bla saħħa, jekk f’għeruqhom hemm nieqes il-kmandament “Weġġaħ”: fi kliem ieħor, jekk neqsin mill-għarfien ta’ l-individwu, għaliex hu individwu, hu “dan” l-individwu. Waħedhom, id-drittijiet m’humiex biżżejjed.

Ma nesaġerawx jekk intennu li l-ħajja tan-nazzjonijiet, ta’ l-istati u ta’ l-organizzazzjonijiet internazzjonali “tgħaddi” mill-familji, u hi “mibnija” fuq ir-raba’ kmandament tad-Dekalogu. Iż-żmien li fih qegħdin ngħixu, minkejja l-ħafna Dikjarazzjonijiet ġuridiċi li tfasslu, għadha mhedda sewwa mill-aljenazzjoni”.

Dan hu riżultat ta’ prinċipji ta’ l -“illuminiżmu” li jgħid li l-bniedem hu “aktar bniedem” jekk hu “biss” bniedem.  Mhux ħaġa tqila tara kif l-aljenazzjoni minn kull ħaġa li b’ħafna modi tappartieni għall-għana kollu tal-bniedem, qed thedded żminijietna.  U dan jolqot lill-familja.   L-affermazzjoni ta’ x’inhi persuna, nistgħu ngħidu għandha dejjem ikollha riferenza għall-familja, u għalhekk għar-raba’ kmandament.  Fil-pjan ta’ Alla l-familja b’ħafna modi hi l-ewwel skola kif tkun bniedem.  Kun bniedem!  Dan hu l-kmand mogħti fi ħdan il-familja – bniedem bħala iben pajjiżek, ċittadin ta’ l-Istat u, kif ngħidu llum, ċittadin ukoll tad-dinja.  Alla, li ta lill-ġens tal-bniedem ir-raba’ kmandament, hu “twajjeb” mal-bniedem (philanthropos kif kienu jgħidu l-Griegi).  Il-Ħallieq tad-dinja hu Alla ta’ l-imħabba u tal-ħajja: irid li l-bniedem ikollu l-ħajja, u ħajja bil-kotra, kif ħabbar Ġesù (ara ĠW 10, 10), li jkollu l-ħajja l-ewwelnett permezz tal-familja.  Issa jidher ċar li ċ-“ċiviltà ta’ l-imħabba” hi marbuta sewwa mal-familja.  Għal ħafna nies iċ-ċiviltà ta’ l-imħabba għadha sempliċement xi utopja.  Anzi hemm minn jaħseb li l-imħabba ma għandha tintalab minn ħadd u lanqas tiġi mposta: l-imħabba, jgħidulek, trid tkun għażla ħielsa li wieħed jaċċetta u jiċħad. 

F’dan kollu hemm ftit tal-verità. Iżda jibqa’ dejjem il-fatt li Ġesù Kristu ħallielna l-preċett ta’ l-imħabba, l-istess kif Alla ordna fuq is-Sinaj: “Weġġaħ lil missierek u lil ommok”.  Mela l-imħabba m’hijex xi utopja, xi ħolma, imma ngħatat lill-bniedem bħala dmir li jrid jagħmel  bl-għajnuna tal-grazzja ta’ Alla.  Hi fdata lir-raġel u lill-mara fis-Sagrament taż-Żwieġ bħala prinċipju fondamentali ta’ “dmirhom”, u hi l-pedament tar-responsabbiltà li għandhom it-tnejn bejniethom: l-ewwel bħala miżżewġin, u mbagħad bħala missier u omm. Fiċ-ċelebrazzjoni tas-Sagrament taż-Żwieġ il-miżżewġin jagħtu lilhom infushom lil xulxin u jirċievu lilhom infushom mingħand xulxin, huma u jtennu r-rieda tagħhom li jilqgħu bil-ferħ l-ulied u jrabbuhom. Fuq dan tinbena ċ-ċiviltà tal-bniedem, ċiviltà li ma tistax titfisser mod ieħor ħlief bħala ċiviltà ta’ l-imħabba.

Il-familja hi espressjoni ta’ mħabba u għajn ta’ l-imħabba.  Mill-familja jgħaddi l-kurrent ewlieni taċ-ċiviltà ta’ l-imħabba, u fiha ssib “is-sisien soċjali” tagħha.

Missirijiet il-Knisja, fit-tradizzjoni nisranija kollha, tkellmu dwar il-familja bħala “knisja tad-dar”, “knisja żgħira”. B’hekk huma għamlu riferenza għaċ-ċiviltà ta’ l-imħabba, bħala sistema possibbli ta’ ħajja tal-bniedem u ta’ eżistenza flimkien: jiġifieri “ikunu flimkien” bħala familja, ikunu għal xulxin, jagħmlu post f’komunità biex kull persuna tafferma ruħha bħala persuna, bħala “din” il-persuna individwali.  Xi kultant hi kwestjoni ta’ nies ħandikappati fiżikament jew psikoloġikament, li s-soċjetà “progressiva” kieku tixtieq tkun ħielsa minnhom.  Il-familja wkoll tista’ tispiċċa biex tkun sura ta’ soċjetà bħal din.  Dan jiġri meta teħles, kemm jista’ jkun malajr, minn min hu xiħ, ħandikappat jew marid.  Dan jiġri meta jkun hemm nuqqas ta’ fidi f’dak Alla li bih “kulħadd jgħix” (ara Lq 20, 38): u hu msejjaħ għall-milja tal-ħajja.

Iva, iċ-ċiviltà ta’ l-imħabba tista’ tkun: m’hijiex ħolma, utopja.  Imma tista’ tkun hekk biss jekk ikun hemm dejjem riferenza minnufih lejn “il-Missier li minnu tieħu l-isem kull paternità (u kull maternità) fuq l-art” (ara Ef 3, 14-15), li minnu tiġi kull familja tal-bniedem.

 

Edukazzjoni

16.  X’titlob it-trobbija tat-tfal?  Meta niġu biex inwieġbu għal din il-mistoqsija rridu nżommu quddiemna żewġ veritajiet fondamentali, l-ewwel li l-bniedem hu msejjaħ biex jgħix fil-verità u l-imħabba, u mbagħad li kulħadd jilħaq il-kobor sħiħ tiegħu fl-għoti tiegħu nnifsu bis-sinċerità kollha.

Dan hu veru kemm għal dak li jagħti edukazzjoni u kemm għal dak li jirċeviha. L-edukazzjoni hi għalhekk proċess uniku li fih għandha importanza kbira x-xirka ta’ persuni ma’ xulxin u għal xulxin.  Min jagħti l-edukazzjoni hu persuna li “tnissel” f’sens spiritwali.  Fid-dawl ta’ dan, l-edukazzjoni u t-trobbija tat-tfal jistgħu jitqiesu bħala veru appostolat.  L-edukazzjoni hi mezz ħaj ta’ komunikazzjoni, li mhux biss joħloq relazzjoni fil-fond bejn min jagħti u min jirċievi l-edukazzjoni, imma jwassal lit-tnejn biex jaqsmu bejniethom verità u mħabba, dak l-għan aħħari li għalih kulħadd hu msejjaħ minn Alla l-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu.

Il-paternità u l-maternità jissopponu l-eżistenza flimkien u l-influwenza fuq xulxin ta’ suġġetti awtonomi.  Dan hu ċar ħafna fil-każ ta’ omm li tnissel bniedem ġdid.  L-ewwel xhur tal-preżenza tat-tarbija f’ġuf ommha toħloq rabta partikolari li ġa għandha tifsira edukattiva, li hi proprja tagħha.  L-omm ukoll qabel it-twelid tat-tarbija mhux biss issawwar  ġisem it-tarbija, imma b’mod indirett issawwar ukoll il-personalità kollha tat-tarbija.  Ukoll jekk qed nitkellmu dwar proċess li fih hi l-omm li prinċipalment tinfluwenza t-tarbija, ma nistgħux ma nagħtux każ ta’l-influwenza unika li għandha t-tarbija, li għadha ma twelditx, fuq ommha.  F’din l-influwenza fuq xulxin, li tibda tidher fid-dinja mat-twelid tat-tarbija, il-missier ma għandu l-ebda sehem dirett.  Iżda għandu jkun impenjat b’mod responsabbli biex jipprovdi għajnuna u ħarsien tul iż-żmien kollu tat-tqala u, jekk jista’ jkun, fil-mument ukoll tat-twelid.

Iċ-ċiviltà ta’ l-imħabba titlob li r-raġel jagħraf li il-maternità ta’ martu hi don.  Dan għandu importanza kbira ħafna għall-proċess kollu tat-trobbija tat-tfal. Jiddependi ħafna mir-rieda tiegħu li jagħti sehmu f’din l-ewwel fażi tad-don ta’ l-umanità, u jkun impenjat bil-qalb, bħala żewġha u missier, fil-maternità ta’ martu.

L-edukazzjoni mbagħad tkun qabel kollox “għotja” ta’ umanità miż-żewġ ġenituri: flimkien jagħtu l-umanità tagħhom, li laħqet il-kobor sħiħ tagħha, lit-tarbija li twieldet waqt li din tagħtihom umanità ġdida u friska li ġiebet magħha fid-dinja.  Dan jiġri wkoll meta t-tarbija titwieled b’diżabilità fiżika jew mentali: f’dan il-każ il-qagħda tat-tarbija tista’ tagħti ġieħ li ma bħalu lill-kuraġġ speċjali li jridu juru l-ġenituri biex irabbuha.

Bir-raġun kollu għalhekk il-Knisja, waqt ir-Rit taż-Żwieġ, tistaqsi: “Intom lesti tilqgħu b’imħabba l-ulied li Alla jogħġbu jibgħatilkom u trabbuhom skond il-liġi ta’ Kristu u tal-Knisja tiegħu?[39].  Fit-trobbija ta’ l-ulied, l-imħabba tal-miżżewġin  turi ruħha bħala l-imħabba vera tal-ġenituri.

Ix-“xirka tal-persuni”,li turi ruħha bħala mħabba bejn il-miżżewġin fil-bidu tal-familja, issir sħiħa u tilħaq il-kobor sħiħ tagħha fit-trobbija ta’ l-ulied.  Kull individwu, imwieled u mrobbi fi ħdan familja, hu teżor potenzjali li jrid jiġi aċċettat b’responsabbiltà sħiħa, biex ma jonqosx jew jintilef imma, għall-kuntrarju, dejjem aktar jasal għall-kobor sħiħ ta’ l-umanità tiegħu.  Dan ukoll hu proċess ta’ bdil ma’ xulxin, fejn il-ġenituri-edukaturi jiġu, sa ċertu punt, edukati huma wkoll.  Waqt li huma edukaturi ta’ l-umanità għal uliedhom, jitgħallmuha wkoll minn għandhom.  Dan kollu juri ċar x’inhi l-istruttura organika tal-familja u jgħid x’inhi t-tifsira fondamentali tar-raba’ kmandament.

Fit-trobbija tat-tfal l-“aħna” tal-ġenituri, tar-raġel u tal-mara, issir l- “aħna”tal-familja, li titlaqqam mal-ġenerazzjonijiet ta’ l-imgħoddi u hi miftuħa għat-tkabbir tagħha stess.  Hawn jidħlu min-naħa n-nanniet u min-naħa l-oħra n-neputijiet, bil-ħidmiet individwali tagħhom.

Jekk hu veru li l-ġenituri, bl-għoti tal-ħajja, jissieħbu fil-ħidma kreattiva ta’ Alla, huveru wkoll li huma bit-trobbija ta’ wliedhom, jissieħbu wkoll fis-sura paterna (u materna) ta’ Alla.  Skond San Pawl, il-paternità ta’ Alla hi l-ewwel mudell ta’ paternità u ta’ maternità fil-ħolqien (ara Ef 3,14-15) u, b’mod partikulari tal-paternità u tal-maternità tal-bniedem. Ġejna mgħallmin b’mod sħiħ dwar is-sura proprja tat-tagħlim kif jagħtih Alla, mill-Verb etern tal-Missier, li meta sar bniedem irrivela l-kobor sħiħ  u veru ta’ l-umanità tal-bniedem, jiġifieri li jkun iben ta’ Alla.  B’dan il-mod wera ukoll it-tifsir veru ta’ l-edukazzjoni umana. Bi Kristu, kull edukazzjoni fi ħdan il-familja jew barra minna, issir parti mill-pedagoġija ta’ Alla għas-salvazzjoni, pedagoġija li hi għall-individwi u għall-familji, u tilħaq il-qofol sħiħ tagħha fil-Misteru ta’ l-Għid tal-Mewt u l-Qawmien mill-imwiet tal-Mulej.  Mill- “qalba” tal-fidwa tagħna jibda kull proċess edukattiv, li fl-istess ħin hu wkoll edukazzjoni għall-umanità sħiħa.

Il-ġenituri huma l-ewwel edukaturi u l-edukaturi l-aktar importanti ta’ uliedhom u għandhom ukoll kompetenza fondamentali f’dan il-qasam: huma edukaturi, għax huma ġenituri. Huma jaqsmu l-missjoni edukativa tagħhom ma’ individwi oħra u istituzzjoni bħalma hi l-Knisja jew l-Istat, iżda dan dejjem irid isir skond applikazzjoni tajba tal-prinċipju tas-sussidjarjetà.  Dan juri li hi ħaġa leġittima anzi meħtieġa, l-għajnuna li tingħata lill-ġenituri, iżda din l-għajnuna hi fiha nfisha limitata mid-dritt aqwa tal-ġenituri u mill-kapaċitajiet li fil-fatt ikollhom.  Il-prinċipju tas-sussidjarjetà hu għalhekk għall-qadi ta’ l-imħabba tal-ġenituri, huwa u jiltaqa’ mal-ġid tal-familja li tkun.  Il-ġenituri waħedhom ma jistgħux jissodisfaw kulma hu meħtieġ fil-proċess kollu tat-trobbija tat-tfal, speċjalment fejn tidħol l-iskola u l-qasam tas-soċjalizzazzjoni.  Is-sussidjarjetà għalhekk tagħti dak li jkun nieqes fl-imħabba tal-missier u ta’ l-omm, u hekk twettaq in-natura fondamentali tagħha għaliex l-oħrajn kollha, li huma msebbħin fil-proċess ta’ l-edukazzjoni, jistgħu jaqdu r-responsabbiltajiet tagħhom biss f’isem il-ġenituri u bil-kunsens tagħhom u, sa ċertu pont, bl-awtorizzazzjoni tagħhom.

Il-proċess, ta’ l-edukazzjoni, fl-aħħar mill-aħħar, iwassal għall-edukazzjoni tiegħek innifsek, li sseħħ meta l-individwu, wara li jkun laħaq livell adatt ta’ kobor psiko-fiżiku, jibda jeduka lilu nnifsu minn rajh.  Biż-żmien din l-awto-edukazzjoni twassal ′l hemm mir-riżultati li jkunu nkisbu qabel fil-proċess edukattiv, għalkemm jibqa’ jkollha dejjem l-għeruq tagħha fihom. L-adolexxenti jsib ma’ wiċċu nies ġodda u ambjent ġdid, partikolarment għalliema ġodda u sħab ġodda, li jinfluwenzawlu ħajtu u l-influwenza tagħhom tista’ tkun ta’ għajnuna jew ta’ ħsara għalih.  F’dan il-mument hu jitbiegħed xi ftit mill-edukazzjoni li jkun irċieva fil-familja, u xi drabi jieħu qagħda ta’ kritika għall-ġenituri tiegħu.  Minkejja dan, il-proċess ta’ awto-edukazzjoni ma jistax ma jkunx immarkat mill-influwenza edukattiva li l-familja u l-iskola għandhom fuq it-tfal u l-adolexxenti.   Ukoll meta jikbru u jaqbdu triqthom, jibqgħu dejjem intimament marbutin ma’ l-għeruq eżistenzjali tagħhom.

Fid-dawl ta’ dan, nistgħu naraw xi jfiser b’mod ieħor ir-raba’ kmandament Weġġaħ lil missierek u lil ommok (Eż 20, 12).  Għandu rabta liema bħalha mal-proċess kollu ta’ l-edukazzjoni.  Il-paternità u l-maternità, dan l-ewwel fatt u l-fatt fondamentali tad-don ta’ l-umanità, jiftħu prospettivi ġodda u għoljin kemm għall-ġenituri u kemm għall-ulied. It-tnissil skond il-ġisem ifisser il-bidu ta’ “tnissil” ieħor, li jsir pass pass u hu kompless ħafna, u jibqa’ jsir tul il-proċess kollu ta’ l-edukazzjoni.  Il-kmandament tad-Dekalogu jrid li l-ulied jagħtu ġieħ lil ommhom u lil missierhom, iżda, kif rajna aktar ′l fuq, l-istess kmandament irid mill-ġenituri sura ta’ dmir “simetriku”, li jaqbel mad-dmir ta’ l-ulied.  Il-ġenituri għalhekk huma msejħin “iweġġħu” ′l uliedhom, sew jekk għadhom żgħar u sew jekk kibru.  Din il-qagħda hi meħtieġa tul il-proċess kollu ta’ l-edukazzjoni tagħhom, ukoll fiż-żmien li jkunu jmorru l-iskola.  Il-prinċipju ta’ l-għoti tal-ġieħ, jiġifieri r-rispett u l-għarfien li jistħoqqlu kull bniedem, proprju għax hu bniedem, huma l-kundizzjoni fondamentali ta’ kull proċess edukattiv awtentiku.

Fil-qasam ta’ l-edukazzjoni, il-Knisja għandha ħidma speċjali x’tagħmel.  Fid-dawl tat-Tradizzjoni u tat-tagħlim tal-Konċilju, nistgħu ngħidu li din m’hijiex biss kwistjoni dwar għandux wieħed iħalli f’idejn il-Knisja l-edukazzjoni reliġjuża u morali tal-persuna, imma hi dwar il-promozzjoni tal-proċess sħiħ tal-edukazzjoni tal-persuna flimkien mal-Knisja.  Il-familja hi msejħa biex taqdi d-dmir tagħha ta’ edukazzjoni fil-Knisja, u hekk tissieħeb fil-ħajja u l-missjoni tagħha.  Il-Knisja tixtieq fuq kollox taqdi l-missjoni edukatriċi tagħha permezz tal-familja li tikseb il-ħila għal din il-ħidma mis-Sagrament taż-Żwieġ, permezz tal-“grazzja ta’ l-istat” li jagħti s-Sagrament u tal-“kariżma” speċifiku proprju tal-komunità kollha tal-familja.  Żgur li l-ambjent, li fih il-familja għandha ħidma li ħadd ieħor ma jista’ jagħmilha, hu l-ambjent ta’ l-edukazzjoni reliġjuża li twassal il-familja biex issir “knisja tad-dar”.  L-edukazzjoni reliġjuża u l-katekeżi ta’ l-ulied jagħmlu l-familja veru suġġett ta’ evanġelizzazzjoni u ta’ appostolat fi ħdan il-Knisja.  Qed nitkellmu dwar dritt li hu intimament mal-prinċipju tal-libertà reliġjuża. Il-familja u, b’mod aktar speċifiku, il-ġenituri, huma ħielsa fl-għażla ta’ liema sura partikulari ta’ edukazzjoni reliġjuża u morali jridu jagħtu lil uliedhom, skond il-konvinzjonijiet tagħhom. Ukoll meta jafdaw dawn ir-responsabbiltajiet lill-istituti ekklesjastiċi jew lill-iskejjel, immexxijin minn reliġjużi, il-preżenza edukattiva tagħhom trid tibqa’ dejjem attiva u kostanti.

Fl-edukazzjoni m’għandiex tonqos attenzjoni xierqa għall-problema essenzjali ta’ l-għażla tal-vokazzjoni u f’din l-għażla, b’mod partikulari, il-problema tat-tħejjija għaż-żwieġ. Il-Knisja għamlet sforżi kbar biex iġġib ′l quddiem it-tħejjija għaż-żwieġ billi, biex insemmu eżempju, toffri korsijiet ta’ tħejjija għaż-żwieġ lill-għarajjes.  Dan kollu jiswa u hu meħtieġ.  Iżda ma għandniex ninsew li t-tħejjija għall-ħajja fil-ġejjieni bħala koppja miżżewġa hi qabel xejn dmir tal-familja.  Verament biss familji li laħqu kobor sħiħ spiritwalment, jistgħu jidħlu sewwa għal din ir-responsabbiltà.  U għalhekk irridu nsemmu l-ħtieġa ta’ solidarjetà speċjali bejn il-familji.  Dan jista’ jintwera b’għadd ta’ suriet fil-prattika, bħalma huma, biex insemmu xi eżempju, l-assoċjazzjonijiet ta’ familji għall-familji.  L-Istitut tal-familja jissaħħaħ b’sinjali bħal dawn ta’ solidarjetà li jlaqqaw flimkien, mhux biss individwi, imma ukoll komunitajiet, b’inpenn li jitolbu flimkien u li jfittxu tweġib għall-problemi essenzjali tal-ħajja.  M’huwiex dan eżempju tassew jiswa ta’ l-appostolat tal-familji ma’ xulxin?  Importanti ħafna għall-familji li jippruvaw joħolqu rabtiet ta’ solidarjetà bejniethom.  Dan jippermettilhom jgħinu lil xulxin fil-ħidma edukattiva: il-ġenituri jiġu edukati minn ġenituri oħra u tfal minn tfal oħra.  U hekk tinħoloq tradizzjoni partikulari ta’ edukazzjoni, li tikseb il-qawwa tagħha mill-karattru tal-“knisja tad-dar” li hu proprju tal-familja.

L-Evanġelju ta’ l-imħabba hu l-għajn li ma tintemm qatt ta’ kulma jżomm il-familja umana bħala “xirka ta’ persuni”.  Fl-imħabba, il-proċess edukattiv kollu jsib l-għajnuna u t-tifsir definittiv tiegħu, bħala l-frott misjur ta’ l-għoti lil xulxin tal-ġenituri. Bl-isforzi tagħhom, bit-tbatijiet u d-dispjaċiri, li huma parti mill-edukazzjoni ta’ kull persuna, l-imħabba tiġi ppruvata kontinwament.  Biex tirbaħ il-prova li jkollha, il-familja teħtieġ għajn ta’ qawwa spiritwali.  Din l-għajn tinsab biss f’Dak li “ħabb għall-aħħar” (Ġw 13, 1).  Hekk l-edukazzjoni hi kollha kemm hi parti miċ-ċiviltà ta’ l-imħabba.  Tiddependi miċ-ċiviltà ta’ l-imħabba u tgħin bis-sħiħ għall-bini tagħha.

It-talb tal-Knisja, dejjem sejjer u kollu fiduċja, tul is-Sena tal -Familja hu talb għall-edukazzjoni tal-bniedem, biex il-familji jibqgħu sħiħ fid-dmir tagħhom ta’ edukazzjoni, bil-kuraġġ kollu, b’fiduċja u tama, minkejja d-diffikultajiet li xi kultant jidhru tant serji, li wieħed jaħseb li ma jistax jegħlibhom.  Il-Knisja titlob biex il-qawwiet taċ- “ċiviltà ta’ l-imħabba”, li għandhom il-bidu tagħhom fl-imħabba ta’ Alla, joħorġu rebbieħin.  Dawn huma l-qawwiet li l-Knisja bla heda tuża għall-ġid tal-familja kollha tal-bnedmin.

 

Familja u soċjetà

Il-familja hi komunità ta’ persuni u l-iżgħar ċellula soċjali.  Għalhekk hi istituzzjoni fondamentali għall-ħajja ta’ kull soċjetà.

X’tistenna l-familja, bħala istituzzjoni, mis-soċjetà?  L-ewwelnett tistenna l-għarfien ta’ identità tagħha, u li tiġi aċċettata l-qagħda tagħha bħala suġġett fis-soċjetà.  Din is-“suġġettività soċjali” hi marbuta ma’ l-identità proprja taż-żwieġ u l-familja.  Iż-żwieġ, li hu l-bażi ta’ l-istituzzjoni tal-familja, iseħħ b’patt li bih “raġel u mara jwaqqfu bejniethom komunità għal għomorhom”, li min-natura tagħha stess tfittex il-ġid taż-żewġ miżżewġin u t-tnissel u t-trobbija tat-tfal”[40].

Rabta bħal din biss tista’ tingħaraf u titwettaq bħala “żwieġ” fis-soċjetà. Rabtiet oħra bejn persuni, neqsin minn dawn il-kundizzjonijiet, ma jistgħux jiġu magħrufin bħala żwieġ, minkejja xi tendenzi li dejjem qed jiżdiedu u qed joħolqu theddida serja għall-ġejjieni tal-familja u ta’ l-istess soċjetà. Ebda soċjetà tal-bniedem ma tista’ tissogra li jkun hemm permessività fi kwestjoni fondamentali dwar in-natura taż-żwieġ u l-familja.  Permessività morali bħal din ma tistax tonqos li tagħmel ħsara lill-ħtiġiet awtentiċi tal-paċi u l-għaqda bejn il-bnedmin.  Għalhekk wieħed għandu jifhem sewwa għaliex il-Knisja, bil-qawwa kollha, tiddefendi l-identità tal-familja, u tħeġġeġ individwi u istituzzjonijiet responsabbli, speċjalment mexxejja politiċi u organizzazzjonijiet internazzjonali, biex ma jċedux għat-tentazzjonijiet ta’ modernità superfiċjali u qarrieqa.

Bħala komunità ta’ ħajja u ta’ mħabba, il-familji hi realtà soċjali li qiegħda fis-sod sewwa.  Hi wkoll, b’mod kollu kemm hu proprju tagħha, soċjetà sovrana, għalkemm kundizzjonata, b’xi mod.  Din l-affermazzjoni tas-sovranità tal-familja bħala istituzzjoni u l-għarfien tal-ħafna suriet li jikkundizzjonawha naturalment iwasslu għad-diskors dwar drittijiet tal-familja.  F’din il-ħaġa il-Knisja, fl-1983, ippubblikat il-Manifest tad-Drittijiet tal-Familja, li llum ukoll ma tilef xejn mill-importanza tiegħu.

Id-drittijiet tal-familja huma marbutin sewwa mad-drittijiet tal-bniedem: jekk il-familja hi xirka ta’ persuni, il-kobor sħiħ tagħha jiddependi fil-parti l-kbira tiegħu mill-mod kif jiġu applikati id-drittijiet tal-membri tagħha.Xi wħud minn dawn id-drittijiet imissu l-familja b’mod immedjat: fost dawn hemm id-dritt għat-tnissil responsabbli u għall-edukazzjoni ta’ l-ulied.  Drittijiet oħra jmissu l-familja biss b’mod indirett, u fost dawn hemm id-dritt għall-proprjetà, speċjalment għal dik li tissejjaħ il-proprjetà tal-familja, u d-dritt għax-xogħol u dawn huma ta’ importanza speċjali.

Iżda d-drittijiet tal-familja m’humiex sempliċement is-somma tad-drittijiet tal-persuna, għax il-familja hi wisq aktar mis-somma tal-membri kollha tagħha wieħed wieħed.  Hi komunità ta’ ġenituri u wlied u, xi kultant, komunità ta’ ħafna ġenerazzjonijiet. Għalhekk “is-suġġettività”, li għandha l-pedament tagħha fil-pjan ta’ Alla, toħloq u titlob ċerti drittijiet speċifiċi u proprji.  Il-Manifest tad-Drittijiet tal-Familja, fuq il-bażi tal-principji morali msemmija aktar ′l fuq, issaħħaħ l-eżistenza tal-familja fil-qasam soċjali u ġuridiku tas-soċjetà “il-kbira” tan-nazzjon, ta’ l-Istat u tal-komunitajiet internazzjonali. Kull waħda minn dawn is-soċjetajiet “kbar” hi kundizzjonata indirettament mill-eżistenza tal-familja.  B’riżultat ta’ dan, id-definizzjoni ta’ x’inhuma d-drittijiet u d-dmirijiet ta’soċjetajiet “kbar”, b’riferenza għall-familja, huma mportanti ħafna u wkoll problema essenzjali.

L-ewwelnett hemm kważi rabta organika bejn il-familja u n-nazzjon.  Naturalment ma nistgħux nitkellmu dejjem dwar nazzjon fit-tifsir proprju tagħha.  Hemm gruppi etniċi, li mingħajr ma jkunu meqjusa bħala veri nazzjonijiet, sa ċertu pont qed jaqdu d-dmir ta’ soċjetà “kbira”. Fiż-żewġ każi, ir-rabta’ tal-familja mal-grupp etniku jew man-nazzjon, hu qabel xejn mibni f’tisħib fil-kultura tal-grupp jew nazzjon.  F’ċertu sens, il-ġenituri jwelldu lil uliedhom għan-nazzjon ukoll, biex ikunu membri tagħha u jissieħbu fil-wirt storiku u kulturali tagħha.  Sa mill-bidu l-identità tal-familja hi, sa ċertu punt, imsawwra mill-identità tan-nazzjon tagħha.

Il-familja hija u tissieħeb fil-wirt kulturali tan-nazzjon tagħha, tagħti sehemha għal dik is-sovranità speċifika li għandha l-bidu tagħha fil-kultura u l-ilsien proprju tagħha.  Tkellimt fuq dan is-suġġett, fil-konferenza ta’ l-UNESCO fil-laqgħa ta’ Pariġi fl-1980 u, minħabba l-importanza tal-ħaġa, spiss tkellimt fuqha.  Mhux in-nazzjonijiet biss, imma kull familja tilħaq il-kobor spiritwali sħiħ tagħha, permezz ta’ l-ilsien u l-kultura tagħha.  Kieku dan ma kienx veru, kien ikun diffiċli ħafna tfisser il-ħafna ġrajjiet ta’ l-imgħoddi u t’issa, ġrajjiet li jħeġġu u jnikktu, ġrajjiet ta’ ferħ u ta’ telf, jidher ċar kemm il-familja hi parti organika tan-nazzjon, u n-nazzjon tal-familja.

Dwar l-Istat, ir-rabta mal-familja hi ftit jew wisq ukoll l-istess, iżda mhux l-istess għal kollox.  L-Istat fil-fatt jintgħażel min-nazzjon; għandu struttura wisq inqas tixbaħ dik tal-familja għaliex organizzata skond sistema politiku u f’sura aktar “burokratika”.  Iżda l-apparat ta’ l-Istat għandu wkoll, f’ċertu sens, ir-“ruħ” proprja tiegħu, għax jgħix skond in-natura tiegħu ta’ “komunità politika”, ġuridikament strutturata biex iġġib ′l quddiem il-ġid ta’ kulħadd, il-ġid komuni[41].  Marbuta sewwa ma din ir-“ruħ”, hi l-familja, li għandha rabta ma’ l-Istat proprju minħabba l-prinċipji tas-sussidjarjetà.  Fil-fatt il-familja hi realtà soċjali, li m’għandiex f’idejha minnufih il-mezzi kollha meħtieġa biex tilħaq l-għanjiet proprji tagħha, ukoll fl-oqsma ta’ l-edukazzjoni u t-trobbija tat-tfal. Għalhekk l-Istat hu msejjaħ biex jindaħal skond il-prinċipji tas-sussidjarjetà msemmi aktar ′l fuq. Fejn il-familja hi biżżejjed għaliha nfisha, għandha titħalla timxi għal rasha; indħil iżżejjed min-naħa ta’ l-Istat jagħmel ħsara, biex ma ngħidux li jkun nuqqas ta’ rispett u ksur bid-dieher tad-drittijiet tal-familja. Biss f’qagħdiet fejn il-familja m’hijiex biżżejjed għaliha nfisha l-Istat għandu d-dmir u d-dritt li jindaħal.

Barra l-oqsma tat-trobbija u ta’ l-edukazzjoni fil-livelli kollha, l-għajnuna ta’ l-Istat, mingħajr qatt ma twarrab inizjattivi privati, tista’ tidher f’istituzzjonijiet bħal dawk imwaqqfin biex iħarsu l-ħajja u s-saħħa taċ-ċittadini u, b’mod partikulari, bħal dawk li jaħsbu għall-benefiċċji soċjali  tal-ħaddiema.  Il-qgħad fi zmienna hu theddida mill-aktar serja għall-ħajja tal-familja u joħloq tħassib serju għal kull soċjetà.  Hu sfida għall-ħajja politika ta’ kull Stat u qasam għal studju attent tad-duttrina soċjali tal-Knisja.  Għalhekk hemm ħtieġa urġenti ta’ soluzzjonijiet qalbiena, kapaċi jħarsu, ukoll ′l hemm mill-fruntieri nazzjonali, lejn tant familji li għandhom in-nuqqas ta’ xogħol li ifisser qagħda ta’ miżerja tal-biki[42].

Meta nitkellmu dwar xogħol b’riferenza għall-familja, tajjeb li nqisu l-importanza u t-toqol tax-xogħol li jagħmlu n-nisa fi ħdan il-familja[43], xogħol li għandu jkun magħruf  u apprezzat ħafna. It-“toqol” tal-mara li wara li tkun tat twelid lil tarbija, trid tmantniha u tieħu ħsiebha u trabbiha, speċjalment fl-ewwel snin tagħha, u hekk kbir li għandu jitqies daqs li kieku kien xogħol professjonali. Dan għandha ngħiduh  b’mod l-aktar ċar, l-istess kif għandna nfittxu kull dritt ieħor fejn jidħol ix-xogħol.  Il-maternità, b’kull ma ġġib magħha ta’ toqol, trid tkun magħrufa wkoll ekonomikament, almenu daqs ix-xogħol l-ieħor kollu li jsir, biex titmantna l-familja fi żmien hekk delikat tal-ħajja tagħha.

Għandu jsir kull sforz biex il-familja tingħaraf  bħala soċjetà primordjali, u, f’ċertu sens, “sovrana” wkoll.  Is-“sovranità” tal-familja hi meħtieġa għall-ġid tas-soċjetà.  Nazzjon verament sovrana  u qawwija spiritwalment, hi dejjem magħmula minn familji b’saħħithom, familji li jafu x’inhi l-vokazzjoni tagħhom u l-missjoni tagħhom fl-istorja tad-dinja.  Il-familja hi fiċ-ċentru ta’dawn il-problemi u ta’ dawn id-dmirijiet: tpoġġiha f’qagħda subordinata u sekondarja jfisser tħalliha barra mill-pożizzjoni li jistħoqqilha fis-soċjetà u tagħmlilha ħsara kbira, u dan ifisser ħsara kbira għall-kobor veru tas-soċjetà kollha kemm hi.

                                                                                                                                                                                                 

II - L-GĦARUS MAGĦKOM

 

F’Kana tal-Galilija 

18.  Ġesu, huwa u jitkellem darba mad-dixxipli ta’ San Ġwann, semma stedina ta’ tieġ u l-preżenza ta’ l-Għarus fost il-mistednin: “L-għarus għadu magħkom” (Mt 9, 15).  B’hekk hu wera li fil-persuna tiegħu seħħet ix-xbieha ta’ Alla l-Għarus, li ġa kienet intużat fit-Testment il-Qadim biex jiġi rivelat b’mod sħiħ il-misteru ta’ Alla bħala misteru ta’ Mħabba.

Ġesù, meta xebbaħ lilu nnifsu ma’ “Għarus”, wera x’kienet in-natura t’Alla, u wettaq l-imħabba bla qies tiegħu għall-bnedmin.  Iżda l-għażla ta’ din ix-xbieha, titfa’ indirettament dawl fuq il-verità għolja ta’ l-imħabba ta’ l-għerusija. Ġesù, meta għamel użu b’din ix-xbieha, biex jitkellem fuq Alla, wera kemm il-paternità u l-imħabba ta’ Alla jidhru fl-imħabba tar-raġel u il-mara li jingħaqdu fiż-żwieġ.  Ghalhekk fil-bidu tal-missjoni tiegħu, lil Ġesù narawh  f’Kana tal-Galilija jieħu sehem fl-ikla ta’ tieġ, flimkien ma’ Marija u ma’ l-ewwel dixxipli tiegħu (ara Ġw 2, 1-11).  B’dan ried juri kemm tinsab fir-Rivelazzjoni ta’ Alla u fl-istorja tas-salvazzjoni l-verità tal-familja.  Fit-Testment il-Qadim, u l-aktar fil-profeti, insibu kliem mill-isbaħ fuq l-imħabba t’Alla, imħabba ħerqana bħal dik ta’ omm għat-tarbija tagħha, imħabba kollha ħlewwa ta’ għarus għall-għarusa tiegħu, iżda fl-istess waqt imħabba għajjura fuq li għajjura wkoll; qabel xejn m’hijiex imħabba li tikkastiga, imma mħabba li taħfer; imħabba li tersaq lejn il-bniedem kif missier jersaq lejn ibnu l-ħali, imħabba li terfa’ lil dan l-iben u tagħtih sehem mill-ħajja ta’ Alla.  Hi mħabba li tgħaġġeb: xi ħaġa għal kollox ġdida li qatt ma kienet magħrufa qabel mid-dinja pagana.

F’Kana tal-Galilija Ġesù deher qisu l-ħabbȃr tal-verità ta’ Alla dwar iż-żwieġ, tal-verità li fuqha tista’ tafda l-familja tal-bniedem, u hekk tissaħħaħ fost it-tiġrib kollu tal-ħajja.  Ġesù jxandar din il-verità bil-preżenza tiegħu fit-tieġ ta’ Kana u bl-ewwel “sinjal” li jagħmel meta biddel l-ilma fl-inbid.

Ġesù reġa’ ħabbar il-verità dwar iż-żwieġ meta huwa u jitkellem mal-Fariżej, wera kif l-imħabba li tiġi minn Alla, hi mħabba kollha ħlewwa, imħabba ta’ għerusija, għajn ta’ esiġenzi kbar u radikali.  Ma kienx daqshekk esiġenti Mosè li ppermetta li tingħata l-kitba tad-divorzju.  U meta l-Fariżej, fid-diskussjoni tagħhom ma’ Ġesù, semmewlu ′l Mosè, wieġeb minnufih kategorikament: “Ma kienx hekk mill-bidu” (Mt 19, 8).  Hu fakkarhom: “Dak li ħalaq il-bniedem, raġel u mara ħalaqhom, u ried li r-raġel iħalli lil missieru u lil ommu jingħaqad ma’ martu u jsiru ġisem wieħed” (Ġen 2, 24). U temm kliemu b’mod l-aktar loġiku: “Għalhekk m’humiex iżjed tnejn imma ġisem wieħed.  Mela dak li għaqqad Alla ma għandux jifirdu l-bniedem” (Mt 19,6).  Għall-obbjezzjoni tal-Fariżej, li riedu jsaħħnu fehemthom bil-liġi ta’ Mosè, Ġesù wieġeb: “Kien minħabba l-ebusija ta’ qalbkom li Mosè  takom il-permess tibagħtu n-nisa tagħkom. Iżda ma kienx hekk fil-bidu” (Mt 19, 8).

Ġesù jsemmi “l-bidu”, għax fil-bidu stess tal-ħolqien jinsab il-pjan ta’ Alla li fuqu hi mibnija l-familja, u permezz  tal-familja, il-ġrajja kollha tal-ġens kollu tal-bnedmin.  Dak li ż-żwieġ hu fin-natura jsir, bir-rieda ta’ Kristu, Sagrament veru tal-Patt il-Ġdid, issiġillat bid-demm ta’ Kristu l-Feddej.  Miżżewġin u familji, ftakru li bl-għoli kontu mixtrija! (ara I Kor 6,20).

Iżda din il-verità hekk meraviljuża hi diffiċli ħafna għall-bniedem li jaċċettaha u jgħixha.  Għax tistagħġeb li Mosè kellu jċedi għat-talbiet ta’ ġensu, meta l-istess Appostli, wara li semgħu kliem l-Imgħallem, qalulu: “Mela la darba din hi l-kundizzjoni tar-raġel mal-mara, ma jaqbilx li wieħed jiżżewweġ” (Mt 19, 10)!  Iżda Ġesù, għall-ġid tar-raġel u tal-mara, tal-familja u tas-soċjetà kollha, wettaq dak li Alla ried sa mill-bidu.  Fl-istess waqt ipprofitta mill-okkazjoni biex juri s-siwi ta’ l-għażla ta’ min ma jiżżewwiġx f’ġieħ is-saltna ta’ Alla.  Din l-għażla wkoll twassal biex wieħed “inissel”, iżda mod ieħor.  Min din l-għażla għandha l-bidu l-ħajja konsagrata, l-Ordnijiet u l-Kongregazzjonijiet reliġjużi, fil-lvant u fil-punent, kif ukoll id-dixxiplina taċ-ċelibat saċerdotali, skond it-tradizzjoni tal-Knisja Latina.  Mhux veru mela li “ma jaqbilx tiżżewweġ”; iżda l-imħabba għas-saltna ta’ Alla tista’ twassal ukoll biex wieħed ma jiżżewwiġx (ara Mt 19, 12).

Iżda ż-żwieġ jibqa’ l-vokazzjoni ordinarja tal-bniedem u hu mħaddan mill-kotra l-kbira tal-poplu ta’ Alla.  Hu fil-familja li jitħejja l-ġebel ħaj għall-bini tad-dar spiritwali, li fuqu jitkellem l-Appostlu San Pietru (ara I Piet 2, 5).  Il-ġisem tal-miżżewwġin huwa għamara ta’ l-Ispirtu s-Santu (ara I Kor 6, 19).  U għaliex l-għoti tal-ħajja divina jissopponi l-għoti tal-ħajja umana, miż-żwieġ jitwieldu mhux biss ulied il-bnedmin imma wkoll, permezz tal-Magħmudija, l-ulied adottivi ta’ Alla, li jgħixu l-ħajja ġdida li jirċievu minn Kristu permezz ta’ l-Ispirtu s-Santu.

B‘dan il-mod, għeżież ħuti, miżżewġin u ġenituri, l-Għarus hu magħkom.  Kunu afu li hu r-Ragħaj it-tajjeb u intom tagħrfu leħnu.  Kunu afu fejn qed jeħodkom, kif qed jitħabat biex isibilkom mergħat tajba fejn issibu l-ħajja u ħajja bil-kotra, kunu afu kif jiqfilhom lill-ilpup ħattafa biex jaħtfilhom minn ħalqhom in-ngħaġ tiegħu: kull raġel miżżewweġ u kull mara miżżewġa, kull iben u kull bint, kull membru tal-familja tagħkom.  Tafu li hu, ir-ragħaj it-tajjeb, lest biex jagħti ħajtu għall-merħla tiegħu (ara Ġw 10, 11).  Hu jmexxikom minn mogħdijiet li m’humiex il-mogħdijiet iebsa biex tgħaddi minnhom u mimlijin theddid, il-mogħdijiet tal-ħafna ideoloġiji ta’ żminijietna; itenni għad-dinja ta’ llum il-verità kollha kemm hi kif thenniha lill-Fariżej jew kif ħabbarha lill-Appostli, li mbagħad xandruha fid-dinja u ħabbruha lin-nies ta’ żmienhom, Lhud u Griegi.  Id-dixxipli kienu jafu sewwa li Kristu ġedded kollox; li l-bniedem sar “ħolqien ġdid”, mhux aktar Lhudi jew Grieg, ilsir jew ħieles, raġel jew mara, iżda “wieħed” fih (ara Gal 3, 28), imżejjen bid-dinjità ta’ iben adottiv ta’ Alla.  Nhar Għid il-Ħamsin dan il-bniedem irċieva l-Ispirtu Paraklitu, l-Ispirtu tal-Verità: u hekk kellu bidu l-Poplu ġdid ta’ Alla, il-Knisja, it-tħabbira tas-smewwiet ġodda u art ġdida (ara Apok 21, 1).

L-Appostli, li qabel kienu mbeżżgħin ukoll dwar iż-żwieġ u l-familja, intlew bil-kuraġġ.  Fehmu li ż-żwieġ u l-familja huma vera sejħa, ġejja mingħand Alla, appostolat: l-appostolat tal-lajċi. Jiswew ħa jbidlu l-art u jġeddu d-dinja, il-ħolqien kollu u l-ġens kollu tal-bnedmin.

Għeżież familji, intom ukoll tridu turu kuraġġ, lesti dejjem biex tagħtu xhieda ta’ dik it-tama li għandkom (ara I Piet 3, 15), għaliex ir-Ragħaj it-Tajjeb nissilha f’qiegħ qalbkom, permezz ta’ l-Evanġelju.  Għandkom tkunu dejjem lesti biex timxu wara Kristu, lejn il-mergħat li jagħtu l-ħajja u li hu stess ħejja bil-misteru ta’ l-Għid tal-mewt u l-qawmien tiegħu għall-ħajja.

Tibżgħux mill-perikli! Il-qawwa ta’ Alla hi wisq aktar setgħana mid-diffikultajiet tagħkom!  Ferm aqwa mill-ħażen li qed jaħdem fid-dinja hi l-qawwa tas-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni, li mhux ta’ xejn ġie msejjaħ minn Missirijiet il-Knisja bħala “it-tieni Magħmudija”.  Il-qawwa divina tas-Sagrament tal-Konfermazzjoni għandha influwenza  akbar mill-korruzzjoni li hawn fid-dinja llum, il-Konfermazzjoni li twassal għall-kobor sħiħ tal-Magħmudija.  Hu wisq u wisq aktar kbira hi fuq kollox il-qawwa ta’ l-Ewkaristija.

L-Ewkaristija hi tassew Sagrament ta’ l-għaġeb.  Fiha Kristu ħallilna lilu nnifsu bħala ikel u xorb tagħna, għajn ta’ qawwa għas-salvazzjoni.  Ħallilna lilu nnifsu biex ikollna l-ħajja u ħajja bil-kotra (ara Ġw 10,10): il-ħajja li hemm fih u li hu tana bid-don ta’ l-Ispirtu meta qam mill-imwiet wara tlett ijiem.  Il-ħajja li tiġi minnu hi l-ħajja għalina.  Hi għalikom, għeżież miżżewwġin, ġenituri u familji!  Mhux f’kuntest ta’ familja waqqaf l-Ewkaristija fl-Aħħar ikla tiegħu?  Meta tiltaqgħu għall-ikel u tkunu flimkien, Ġesù hu fil-qrib.  U wisq aktar hu l-Għimmanu-el, Alla magħna, meta tersqu lejn il-mejda ta’ l-Ewkaristija.  Jista’ jiġri, kif ġara f’Għemmaus, li tagħrfuh biss fil-“qsim tal-ħobż” (ara Lq 24, 35).  Jiġri wkoll li jkun ilu ħdejn il-bieb iħabbat, jistenna li jinfetaħlu l-bieb biex jidħol u joqgħod jiekol magħna (ara Apok 3, 20).  Fl-Aħħar Ikla tiegħu, il-kliem li ntqal dakinhar għad għandu l-qawwa u l-għerf tas-sagrifiċċju tas-Salib.  Ma hemmx qawwa u għerf ieħor, li bihom nistgħu niġu salvati u bihom ngħinu għas-salvazzjoni ta’ l-oħrajn.  Ma hemmx qawwa oħra u għerf ieħor li bihom intom il-ġenituri tistgħu tedukaw ′l uliedkom u lilkom stess ukoll.  Il-qawwa edukattiva ta’ l-Ewkaristija titwettaq minn nisel għal nisel tul iż-żminijiet.

Ir-Ragħaj it-Tajjeb huwa magħna kullimkien.  Kif kien f’Kana tal-Galilija, Għarus ma’ dawk l-għarajjes,  li fdaw lilhom infushom lil xulxin għal ħajjithom kollha, hekk hu llum magħna bħala tama għalina, qawwa ta’ qalb, għajn ta’ entużjażmu dejjem ġdid, u sinjal tar-rebħa taċ-ċiviltà ta’ l-imħabba.  Ġesù r-Ragħaj it-Tajjeb itennielna Tibżgħux, jiena magħkom. “Jiena magħkom dejjem sa l-aħħar taż-żmien” (Mt 28, 20). Minn fejn din il-qawwa kollha?  Għaliex aħna żguri li int magħna, ukoll jekk qatluk, o iben ta’ Alla, li mitt kif imut kull bniedem?  Għaliex aħna hekk żguri?  Jgħidilna l-Evanġelista: “Ħabbhom għal l-aħħar” (Ġw 13, 1). Mela tħobbna, Int li int l-Ewwel u l-Aħħar, il-Ħaj, Int li kont mejjet u issa tgħix għal dejjem (ara Apok 1, 17-18).

 

Il-misteru l-kbir  

19.  San Pawl jiġbor f’żewġ kelmiet il-ħajja kollha tal-familja: misteru kbir (ara Ef 5, 32).  Dak li jikteb fl-Ittra lill-Efesin dwar dan “il-misteru l-kbir”, ukoll jekk għandu l-għeruq tiegħu fil-Ktieb tal-Ġenesi u fit-tradizzjoni kollha tat-Testment il-Qadim, hu dehra ġdida, li tiġi mbagħad imfissra mill-Maġisteru tal-Knisja.

Il-Knisja żżomm li ż-żwieġ, bħala Sagrament tal-patt bejn il-miżżewġin, hu “misteru kbir”, għax juri l-imħabba ta’ l-għerusija ta’ Kristu għall-Knisja tiegħu.  Jikteb San Pawl:  “Intom l-irġiel ħobbu n-nisa tagħkom, kif Kristu  ħabb il-Knisja u ta ħajtu għaliha.  U dan għamlu biex iqaddisha u jnaddafha bil-ħasil ta’ l-ilma u l-Kelma” (Ef 5, 2526).  Hawn l-Appostlu qed jitkellem fuq il-Magħmudija, li dwarha jitkellem fit-tul fl-Ittra lir-Rumani u juriha bħala tisħib fil-mewt ta’ Kristu, li jwassal għall-tisħib fil-ħajja tiegħu (ara Rum 6, 3-4).  F’dan is-Sagrament min jemmen jitwieled bħala bniedem ġdid għax il-Magħmudija għandha l-qawwa li tagħti ħajja ġdida, l-istess ħajja ta’ Alla  Il-misteru ta’ Alla-bniedem jinġabar, f’ċertu sens, fil-fatt tal- Magħmudija: “Kristu Ġesù Sidna, Bin Alla l-ħaj”, jikteb aktar tard San Irinew, u bħalu jiktbu tant Missirijiet il-Knisja fil-lvant u l-punent – “sar bin il-bniedem biex il-bniedem ikun jista’ jsir bin Alla”[44].

L-Għarus mela hu l-istess Alla li sar bniedem.  Fil-Patt il-Qadim,Jahweh jidher bħala l-Għarus ta’ Israel, tal-poplu magħżul, Għarus maħbub u esiġenti, għajjur u fidil.  Il-mumenti kollha tad-tradimenti ta’ Israel, il-mumenti kollha li fihom Israel tbiegħed minn Alla u ta qima lill-allat oħra, li l-profeti ddeskrivuhom, b’mod l-aktar drammatiku u suġġestiv, ma rnexxilhom qatt jiftħu l-imħabba li biha Alla-Għarus “ħabbhom għal l-aħħar” (ara Ġw 13, 1).

Ix-xirka ta’ għerusija bejn Alla u l-poplu tiegħu titwettaq u tilħaq is-sbuħija tagħha fi Kristu, fil-Patt il-Ġdid, Kristu jiżgurana li l-Għarus hu magħna (ara Mt 9, 15). Hu magħna lkoll, hu mal-Knisja.  Il-Knisja ssir l-Għarusa, Għarusa ta’ Kristu.  Din l-Għarusa, li fuqha titkellem l-Ittra lill-Efesin, tinsab f’kull nin hu mgħammed u hu qisu persuna li turi ruħha quddiem l-Għarus tagħha: “Ħabb il-Knisja u ta’ ħajtu għaliha, biex iressaqha quddiemu, dil-Knisja sabiħa, bla tebgħa, bla tikmix, bla għajb u xejn minn dan, imma qaddisa u bla tmaqdir minn ħadd” (Ef 5, 25-27).  L-imħabba, li biha l-Għarus “ħabb għal l-aħħar” il-Knisja, tagħmel li hi tkun dejjem mill-ġdid qaddisa fil-qaddisin tagħha, ukoll jekk dejjem tibqa’ Knisja ta’ midinbin. Il-midinbin ukoll,” il-publikani u n-nisa tat-triq”, huma msejħin għall-qdusija, kif jgħid Kristu stess fl-Evanġelju (ara Mt 21, 31). Kulħadd hu msejjaħ biex isir Knisja sabiħa, qaddisa u bla tebgħa: “Kunu qaddisin” – jgħid il-Mulej – “għax qaddis jien” (Lev 11,44; ara I Piet I, 16).

Dan hu l-ogħla tifsir tal-“misteru kbir”, it-tifsir intimu tad-don sagramentali fil-knisja, it-tifsir l-aktar għoli tal-Magħmudija u ta’ l-Ewkaristija.  Huma l-frott ta’ l-imħabba li biha Kristu ħabb għal l-aħħar, imħabba li dejjem aktat tixtered, hija u tagħti lil-bnedmin tisħib dejjem akbar fil-ħajja ta’ Alla.

San Pawl, wara li qal: “U intom l-irġiel ħobbu n-nisa tagħkom” (Ef 5, 25), minnufih b’qawwa akbar iżid jgħid: “Hekk għandhom ukoll l-irġiel iħobbu n-nisa tagħhom bħallikieku ġisimhom stess.  Min iħobb lil martu jkun iħobb lilu nnifsu.  Qatt ħadd ma bagħad lil ġismu stess, iżda jmantnih u jieħu ħsiebu, bħalma jagħmel Kristu mal-Knisja, għax aħna lkoll membri tal-Ġisem tiegħu” (Ef 5, 28-30).  U jħeġġeġ lill-miżżewġin b’dan il-kliem: “Oqogħdu għal xulxin fil-biża’ ta’ Kristu” (Ef 5, 21).

Din hi żgur preżentazzjoni ġdida tal-verità eterna dwar iż-żwieġ u l-familja fid-dawl tal-Patt il-Ġdid.  Kristu rrivelaha fl-Evanġelju bil- preżenza tiegħu fit-tieġ ta’ Kana tal-Galilija, bis-sagrifiċċju fuq is-Salib, u bis-Sagramenti tal-Knisja.  Hekk il-miżżewġin isibu fi Kristu dak li lejh iridu jħarsu fl-imħabba tagħhom ta’ għerusija.  San Pawl, huwa u jitkellem fuq Kristu bħala l-Għarus tal-Knisja, jitkellem b’analoġija fuq l-imħabba ta’ għerusija; jagħmel riferenza għall-Ktieb tal-Ġenesi: “Ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma’ martu u jsiru ġisem wieħed” (Ġen 2, 24). Dan hu “l-misteru kbir” ta’ l-imħabba ta’ dejjem, li kien ġa jinsab fil-ħolqien, u ġie rivelat minn Kristu u fdat lill-Knisja.  “Dan il-misteru hu kbir”, - itenni l-Appostlu – “qiegħed ngħid għal Kristu u għall-Knisja” (Ef 5, 32).  Ma nistgħux għalhekk naraw il-Knisja bħala l-Ġisem mistiku ta’ Kristu, bħala sinjal tal-Patt tal-bniedem ma’ Alla fi Kristu, bħala sagrament universali ta’ salvazzjoni, mingħajr ma nsemmu “il-misteru kbir”, marbut mal-ħolqien tal-bniedem bħala raġel u mara, u mal-vokazzjoni tat-tnejn għall-imħabba fiż-żwieġ, u għall-paternità u l-maternità.  Ma hemmx “il-misteru kbir”, li hu l-Knisja u l-umanità ta’ Kristu, mingħajr “il-misteru kbir”, imfisser mill-fatt li l-miżżewġin ikunu “ġisem wieħed” (ara Ġen 2,24; Ef 5, 31-32), jiġifieri mir-realtà taż-żwieġ u tal-familja.

Il-familja stess hi l-misteru kbir ta’ Alla. Bħala “knisja tad-dar”, hi l-għarusa ta’ Kristu.  Il-Knisja Universali, u fil-Knisja universali kull Knisja partikulari, tidher aktar malajr bħala għarusa ta’ Kristu fil-“knisja tad-dar” u fl-imħabba li jgħixu fiha: l-imħabba tal-miżżewġin, l-imħabba tal-missier u l-omm, l-imħabba ta’ l-aħwa, l-imħabba ta’ xirka ta’ persuni u ġenerazzjonijiet.  Nistgħu forsi naħsbu f’xi mħabba tal-bniedem mingħajr l-Għarus, u mingħajr l-imħabba li biha l-Għarus ħabb l-ewwel u għal l-aħħar?  Il-miżżewġin biss, jekk jissiebħu f’din l-imħabba u f’dan “il-misteru kbir”, jistgħu jħobbu għal l-aħħar: jew jissieħbu fih jew ma jafux għal kollox x’inhi l-imħabba, u kemm huma radikali t-talbiet tagħha.  Dan żgur hu għalihom periklu kbir ħafna.

It-tagħlim ta’ l-Ittra lill-Efesin jġħaġġibna bl-għoli tiegħu u bil-qawwa morali tiegħi.  L-Appostlu San Pawl, meta jsemmi ż-żwieġ u indirettament il-familja bħala “il-misteru kbir” fi Kristu u l-Knisja, jista’ jtenni dak li qal qabel lill-irġiel: “Kull wieħed minnkom għandu jħobb lil martu bħalu nnifsu”’ u mbagħad iżid: “U l-mara għandha ġġib rispett lil żewġha” (Ef 5, 33).  Rispett għax tħobb u taf li hi maħbuba.  U bil-qawwa ta’ din l-imħabba li l-miżżewġin jsiru għotja, don lil xulxin.  Fl-imħabba hemm l-għarfien tad-dinjità personali tal-parti l-oħra, hi parti li hi biss, dak li hi u ma hemmx oħra bħalha: kull wieħed minnhom, għax bniedem maħluq, ġie magħżul għalih nnifsu minn Alla fost il-ħlejjaq l-oħra kollha ta’ l-art[45]; iżda kull wieħed, b’att responsabbli u konxju, jagħti lilu nnifsu b’mod ħieles lill-parti l-oħra u lil ulied, li jirċievi mingħand il-Mulej.  San Pawl ikompli l-eżortazzjoni tiegħu, u jorbotha b’mod li jfisser ħafna, mar-raba’ kmandament: “Intom it-tfal, isimgħu mill-ġenituri tagħkom fil-Mulej, għax dan hu s-sewwa: ‘Weġġaħ lil missierek u l-ommok’; dan hu l-ewwel kmandament b’wegħda, sabiex ikollok ir-riżq tul għomrok fuq l-art.  U intom il-missirijiet iġġarbuhomx iżżejjed lil uliedkom, iżda rabbuhom fid-dixxiplina u t-twiddib tal-Mulej” (Ef 6,1-4). L-Appostlu għalhekk jara moħbi fir-raba’ kmandament l-inpenn tar-rispett tar-raġel u l-mara għal xulxin, tal-ġenituri u l-ulied għal xulxin, u hekk jagħraf fih il-prinċipju tas-sbuħija tal-familja.

Din is-sintesi tassew ta’ l-għaġeb ta’ San Pawl dwar il-“misteru kbir”, tidher bħala ġabra fil-qosor, somma, f’ċertu sens, tat-tagħlim dwar Alla u l-bniedem li Kristu wassal għas-sbuħija kollha tiegħu.  Iżda jaħasra l-ħsieb tal-punent bl-iżvilupp tar-razzjonaliżmu ta’ llum qiegħed jitbiegħed bil-mod il-mod minn dan it-tagħlim.  Il-filosofu li fassal il-prinċipju Cogito ergo sum: “Jiena naħseb, mela neżisti”, ta lill-fehma dwar il-bniedem li d-dinja għandha llum, il-karatteristika dwalista li tagħżilha. Hu proprju r-razzjonaliżmu li b’mod radikali jpoġġi fil-bniedem, kontra xulxin, il-ġisem u l-ispirtu u l-ispirtu u l-ġisem.  Iżda l-bniedem hu persuna waħda b’ġisem  u ruħ[46].  Il-ġisem qatt ma’ jista’ jitqies ħaġa materjali biss: hu ġisem spiritwalizzat, l-istess kif l-Ispirtu hu hekk marbut mal-ġisem li jista’ jissejjaħ spirtu “korporizzat”,  L-għajn aktar għanja għall-għarfien tal-ġisem hu l-Verb magħmul bniedem[47]. Kristu jirrivela l-bniedem lill-bniedem innifsu.  Din id-dikjarazzjoni tal-Konċilju Vatikan II hi, f’ċertu sens tweġiba, li ilha ħafna mistennija, tweġiba li l-Knisja tagħti lir-razzjonaliżmu ta’ llum.

Din it-tweġiba  għandha importanza fondamentali għall-għarfien ta’ x’inhi il-familja, speċjalment fiċ-ċiviltà ta’llum li, kif għedna, milli jidher ċaħdet f’tant okkażjonijiet li tkun “ċiviltà ta’ l-imħabba”.  Fi żmienna kien kbir ħafna l-progress li sar fl-għarfien tad-dinja materjali, kif ukoll fil-psikoloġija tal-bniedem, iżda meta niġu għad-dimensjoni aktar għolja, id-dimensjoni metafiżika, il-bniedem tista’ tgħid għadu  ma jaf xejn fuqu nnifsu, u għalhekk il-familja wkoll tibqa’ realtà mhux magħrufa.  Dan qed iseħħ għaliex id-dinja ta’ llum tbiegħdet mill-“misteru kbir” li fuqu jitkellem l-Appostlu.

Il-firda fil-bniedem ta’ l-ispirtu mill-ġisem, wasslet għat-tendenza dejjem tikber li l-ġisem tal-bniedem jitqies mhux skond ix-xebħ speċifiku tiegħu ma’ Alla, imma skond ix-xebħ li għandu ma’ iġsma oħra li jinsabu fin-natura, iġsma li l-bniedem juża bħala materjal fil-ħidma tiegħu għall-produzzjoni ta’ kull ma jista’ jikkonsma u juża.  Iżda kulħadd jista’ jifhem minnufih l-użu ta’ dawn il-kriterji għall-bniedem hu mimli perikli kbar tassew ta’ l-għaġeb.  Meta l-ġisem tal-bniedem jitqies independentament mill-ispirtu u mill-ħsieb, jibda jintuża l-istess kif jiġu użati l-iġsma ta’ l-annimali – dan jiġri, biex insemmi eżempju, fil-manipolazzjoni ta’ l-embrjuni u tal-feti, u b’hekk inkunu sejrin żgur lejn telfa morali tal-biża’.

F’qagħda antropoloġika bħal din, il-familja umana ssib ruħha qiegħda tgħix sura ġdida ta’ manikeiżmu, fejn il-ġisem u l-ispirtu jitqiesu għal kollox kontra xulxin: la l-ġisem ma jgħix bl-ispirtu u lanqas l-ispirtu ma jagħti ħajja lill-ġisem.  U hekk il-bniedem ma jibqax aktar jgħix bħala persuna u bħala suġġett.  Minkejja kull intenzjoni u kull dikjarazzjoni kuntrarja li ssir, il-bniedem isir biss oġġett.  B’dan il-mod nistgħu ngħidu, bħala eżempju, li din iċ-ċiviltà neo-manikea twassal biex is-sesswalità umana titqies aktar bħala qasam għall-manipolazzjoni u l-isfruttament milli għal dak l-istagħġib reali li wera Adam fil-bidu, fis-sebħ tal-ħolqien, huwa u jara ′l Eva quddiemu u wasal biex jgħid: “Din hi għadma minn għadmi, laħam minn laħmi” (Ġen 2, 23).  Hu l-istagħġib li jsib l-eku tiegħu fil-Għanja ta’ l-Għanjiet: “Int straqtli lil qalbi, għarusa tiegħi, int straqtli lil qalbi sa b’ħarsa waħda tiegħek” (Għan 4, 9).  Kemm huma ′l bogħod ċerti fehmiet ta’ llum mill-għarfien ta’ x’inhi l-maskulinità u l-femminilità li tagħtina r-Rivelazzjoni ta’ Alla,  li twassalna biex naraw fis-sesswalità tal-bniedem l-għana tal-persuna li ssib il-veru siwi tagħha fil-familja u turi l-ogħla vokazzjoni tagħha fil-verġinità u fiċ-ċelibat għas-saltna tas-sema.

Ir-razzjonaliżmu ta’ llum ma jiflaħx għall-misteru. Ma jaċċettax il-misteru tal-bniedem, raġel u mara, u lanqas irid jagħraf li l-verità sħiħa tal-bniedem ġiet rivelata f’Ġesù Kristu.  Ma jaċċettax, b’mod partikulari, il-“misteru kbir”, imħabbar fl-Ittra lill-Efesin u jopponih b’mod radikali.  Jammetti, f’sura ta’ deiżmu mhux ċar xejn, li jista’ jkun hemm, u wkoll li jeħtieġ li jkun hemm, xi Esseri suprem jew divin, iżda bl-ebda mod ma jaċċetta l-fatt li Alla sar bniedem biex isalva l-bniedem.  Ir-razzjonaliżmu ma jammettix li Alla hu Feddej, u wisq inqas jammetti li hu l-Għarus, l-għajn primordjali u waħdanija ta’ l-imħabba bejn il-miżżewġin.  Ifisser il-ħolqien u s-sens ta’ l-eżistenza tal-bniedem b’mod radikalment differenti.  Iżda jekk il- bniedem jibda jitlef id-dehra ta’ Alla li jħobbu, ta’ Alla li jsejjaħ il-bniedem permezz ta’ Kristu biex jgħix fih u miegħu, u jekk il-familja ma jistax ikollha aktar sehem fil-“misteru kbir”, b’hekk ma tibqax biss id-dimensjoni materjali tal-ħajja?  Il-ħajja fuq l-art tibqa’ biss ġlieda għall-eżistenza, tfittix bla nifs għall-qligħ, u qligħ ta’ flus qabel kollox.

Il-“misteru kbir”, is-sagrament ta’ l-imħabba u tal-ħajja, li għandu l-bidu tiegħu fil-ħolqien u fil-fidwa, u li jiggarantih Kristu l-Għarus, jitlef l-għeruq l-aktar fondi tiegħu fil-mentalità tan-nies tal-llum.  Il-“misteru kbir” hu mhedded fina u madwarna.  Jalla s-Sena tal-Familja, iċċelebrata mill-Knisja, issir għall-miżżewġin okkażjoni mill-isbaħ ħa jsibu mill-ġdid u jxandru dan il-“misteru kbir” b’kuraġġ u entużjażmu.

 

Omm l-isbaħ imħabba

20.  Il-ġrajja ta’ “l-isbaħ imħabba” tibda bit-Tħabbira tal-Mulej, b’dawk il-kelmiet meraviljużi li l-Anġlu qal lil Marija, imsejħa biex tkun Omm l-Iben ta’ Alla.  Bl-”iva” ta’ Marija, dak li hu “Alla minn Alla, Dawl minn Dawl” isir Bin il-bniedem.  Marija hi Ommu mingħajr ma ttiefset xbubitha, u tibqa’ Verġni li “ma tagħrafx raġel” (ara Lq 11, 34). Bħala Omm-Verġni Marija ssir Omm l-isbaħ imħabba.  Din il-verità hi ġa rivelata mill-kliem ta’ l-Arkanġlu Gabrijel, imma t-tifsir sħiħ ta’ din il-verità jitwettaq u jingħaraf aktar fil-fond fil-mixi ta’ Marija wara Binha f’pellegrinaġġ ta’ fidi[48].

“Omm l-isbaħ imħabba” laqagħha għandu dak, li skond it-tradizzjoni ta’ Israel, kienet ġa mgħarsa miegħu, Ġużeppi, mid-dar ta’ David. Kellu jkollu d-dritt li jqis dik li kienet l-għarusa tiegħu bħala martu u omm uliedu. Iżda Alla ndaħal f’dan il-patt taż-żwieġ b’inizjattiva tiegħu: “Ġużeppi bin David, xejn la tibża’ li tieħu lil Marija b’martek, għax dak li tnissel fiha ġej mill-Ispirtu s-Santu” (Mt 1, 20).  Ġużeppi jaf, jara b’għajnejh li f’Marija tnisslet ħajja ġdida li ma kinitx ġejja minnu, u għalhekk, bħala raġel ġust, li kien iħares il-liġi antika li kienet fil-każ tiegħu tobbliga għad-divorżju, ried iħoll iż-żwieġ tiegħu b’att ta’ mħabba (ara Mt 1, 19).  L-anġlu tal-Mulej jgħarrfu li dan ma kienx se jkun skond il-vokazzjoni tiegħu: kien se jkun kontra l-imħabba ta’ għerusija li kienet torbti ma’ Marija.  Din l-imħabba ta’ għerusija bejniethom, biex tkun kollha kemm hi “l-isbaħ imħabba”, kienet titlob li hu jilqa’ lil Marija u lil Binha f’daru f’Nazaret. Ġużeppi jobdi l-messaġġ ta’ Alla u jagħmel dak li ġie ordnat lilu (ara Mt 1, 24).  U b’Ġużeppi wkoll il-misteru ta’ l-Inkarnazzjoni, u, flimkien miegħu l-misteru tal-Familja Mqaddsa, jinkiteb fil-fond ta’ l-imħabba ta’ għerusija tar-raġel u l-mara, u indirettament fil-ġenealoġija ta’ kull familja umana.  Dak li San Pawl isejjaħlu l-“misteru kbir” jsib fil-Familja Mqaddsa l-ogħla espressjoni tiegħu.  Hekk il-familja tassew issib postha fiċ-ċentru tal-Patt il-Ġdid.  Nistgħu ngħidu wkoll li l-ġrajja ta’ l-“isbaħ imħabba”, f’ċertu sens, bdiet ma’ l-ewwel koppja, dik ta’ Adam u Eva.  It-tentazzjoni li għaliha ċedew u d-dnub tan-nisel li ħareġ minnha ma ċaħħadhomx għal kollox mill-ħila għall-“isbaħ imħabba”.  Dan nifhmuh meta naqraw, bħala eżempju, fil-Ktieb ta’ Tobit, li Tobija u Sara, biex ifissru s-sens tar-rabta tagħhom fiż-żwieġ, isemmu ′l Adam u lil Eva (ara Tob 8, 6).  Fil-Patt il-Ġdid dan jixhdu San Pawl ukoll, huwa u jitkellem dwar Kristu bħala t-Tieni Adam (ara I Kor 15, 45).  Kristu ma ġiex biex jikkundanna l-ewwel Adam u l-ewwel Eva, imma biex jifdihom; ġie biex iġedded dak li fil-bniedem hu don ta’ Alla, dak li fih hu tajjeb u sabiħ għal dejjem ta’ dejjem, dak kollu li fuqu timbena l-“isbaħ imħabba”.  F’ċertu sens, l-istorja ta’ l-“isbaħ imħabba’ hi l-istorja tas-salvazzjoni tal-bniedem.

L-“isbaħ imħabba” dejjem tibda mir-rivelazzjoni tal-persuna minnha nnfisha.  Fil-ħolqien Eva turi ruħha lil Adam, kif Adam juri ruħu lil Eva.  Tul il-ġrajja kollha ta’ l-istorja, il-koppji ġodda kollha dejjem jgħidu lil xulxin: “Nimxu flimkien fil-ħajja”.  Hekk tibda l-familja bħala l-għaqda ta’ tnejn u, bil-qawwa tas-Sagrament, bħala komunità ġdida fi Kristu.  L-imħabba, biex tkun tassew sabiħa, trid tkun don ta’ Alla, imnissel mill-Ispirtu s-Santu fi qlub il-bnedmin u bla heda miżmum ħaj fihom minnu (ara Rum 5, 5).  Il-Knisja, hija u tagħraf dan sewwa, fis-Sagrament taż-żwieġ titlob lill-Ispirtu s-Santu biex iżur qlub il-bnedmin.  L-imħabba, biex tkun tassew l-“isbaħ imħabba”, jiġifieri don minn persuna għal persuna oħra, trid tiġi minn Dak li hu Don u Għotja fih innifsu u għajn ta’ kull don u għotja.

Dan jiġri fl-Evanġelju f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Marija u Ġużeppi li fuq l-għatba tal-Patt il-Ġdid jgħixu mill-ġdid l-esperjenza ta’ l-“isbaħ imħabba”, imfissra fl-Għanja ta’ l-Għanjiet. Ġużeppi jaħseb fuq Marija u jgħidilha: “Għarusa tiegħu” (Għan 4, 9). Marija, Omm Alla, tnissel bil-ħidma ta’ l-Ispirtu s-Santu, li minnu tiġi l-“isbaħ imħabba”, li l-Evangelju bil-ħlewwa kollha jqiegħed fil-kuntest tal-“misteru kbir”.

Meta nitkellmu dwar l-“isbaħ imħabba”, inkunu nitkellmu dwar is-sbuħija u l-ġmiel ta’ l-imħabba, is-sbuħija u l-ġmiel tal-bniedem li, bil-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu, hu kapaċi jkollu din l-imħabba.  Inkunu nitkellmu fuq il-ġmiel tar-raġel u tal-mara, fuq il-ġmiel tagħhom bħala aħwa, bħala għarajjes, bħala miżżewġin.  L-Evanġelju mhux biss juri fiċ-ċar il-misteru ta’ l-“isbaħ imħabba”, imma ukoll il-misteru għoli daqsu tal-ġmiel li, bħall-imħabba, jiġi minn Alla. Minn Alla huma r-raġel u l-mara, persuni msejħin biex ikunu don u l-għotja lil xulxin.  Mid-don ta’ l-Ispirtu li jingħata fil-bidu, l-Ispirtu li “jagħti l-ħajja”, joħroġ id-don ta’ l-għoti lil xulxin bħala raġel u mara, li hu mhux inqas mid-don li jkunu aħwa.

Dan kollu jitwettaq fil-misteru ta’ l-Inkarnazzjoni li, fil-ġrajja tal-bniedem, sar għajn ta’ sbuħija ġdida, li nebbaħ għadd kbir ta’ opri ta’ l-arti mill-aqwa.  Wara l-projbizzjoni severa li bla ebda mod m’għandhom isiru xbihat ta’ Alla li ma jidhirx (ara Dewt 4, 15-20), iż-żmien nisrani, għall-kuntrarju, ta’ l-permess għal ħafna xbihat artistiċi ta’ Alla magħmul bniedem, ta’ Marija Ommu u ta’ Ġużeppi, tal-Qaddisin tal-Patt il-Ġdid u tal-Patt il-Qadim, u tal-ħolqien kollu wkoll mifdi minn Kristu, u hekk ingħata bidu għal relazzjoni ġdida mad-dinja tal-kultura u ta’ l-arti.  Nistgħu ngħidu li dan il-kanoni ġdid ta’ l-arti, li juri attenzjoni kbira lejn l-ogħla dimensjoni tal-bniedem u tal-ġejjiieni tiegħu, għandu l-bidu tiegħu fil-misteru ta’ l-Inkarnazzjoni ta’Kristu, li ġie mnebbaħ mill-misteri ta’ ħajtu: it-twelid tiegħu f’Betlem, il-ħajja moħbija f”Nazaret, il-missjoni pubblika, il-Golgota, il-qawmien mill-imwiet, it-tieni miġja fil-glorja.  Il-Knisja tagħraf sewwa li l-preżenza tagħha fid-dinja ta' llum u, b’mod partikulari, il-kontribut u l-għajnuna tagħha biex jingħaraf il-valur taż-żwieġ  u tal-familja għandhom rabta li ma bħalha ma’ l-iżvilupp tal-kultura; għalhekk il-Knisja hi mħasba sewwa dwar dan.  Hu għalhekk li l-Knisja tħares b’attenzjoni ħerqana lejn fejn ikunu sejrin il-mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali, li bħalha għan tagħhom għandhom mhux biss l-informazzjoni imma wkoll il-formazzjoni tal-kotra l-kbira tan-nies[49].  Il-Knisja, hija u tagħraf sewwa x’influwenza kbira u wiesgħa għandhom dawn il-mezzi, ma tgħejja qatt twissi lil dawk li jaħdmuhom u jaħdmu fihom bil-perikli li jiġu mit-tgħawwiġ tal-verità.  X’verità fil-fatt jista’ jkun hemm fil-films, fix-shows, fil-programmi tar-radju u tat-televiżjoni, fejn jiddominaw il-pornografija u l-vjolenza?  Hu dan servizz tajjeb għall-verità fil-bniedem?  Dawn huma mistoqsijiet li ma jistgħux jaħarbu minnhom dawk li jħaddnu dawn il-mezzi u dawk ukoll li jħejju l-programmi u jbiegħu dak li jħejju.

Din ir-riflessjoni kritika fuq iċ-ċiviltà tagħna, li madankollu turi tant u tant aspetti pożittivi fl-oqsma kemm materjali u kemm kulturali, għandha twassalna biex naraw li, għal ħafna raġunijiet, iċ-ċiviltà tagħha hi waħda marida, u qed toħloq tibdiliet kbar fil-bniedem.  Għax qed jiġri dan?  Qed jiġri għaliex is-soċjetà tagħna nqatgħet mill-verità sħiħa dwar il-bniedem, mill-verità dwar dak li r-raġel u l-mara huma bħala persuni.  Għalhekk m’hijiex kapaċi tifhem b’mod xieraq u adatt, x’inhu tassew id-don u l-għoti ta’ persuni fiż-żwieġ, l-imħabba responsabbli għall-qadi tal-paternità u l-maternità, il-veru kobor tat-tnissil u ta’ l-edukazzjoni.  U allura qed nesaġeraw meta ngħidu li l-mass media, jekk ma jimxux skond prinċipji nsara tajba, ma jkunux jaqdu l-verità fid-dimensjoni essenzjali tagħha?  Din hi traġedja: il-mezzi moderni ta’ komunikazzjoni jista’ jkollhom  it-tentazzjoni li jgħawġu l-messaġġ u jiffalsfikaw il-verità dwar il-bniedem.  Il-bniedem mhux dak tar-reklami, mhux dak li jiġi preżentat lill-mass media ta’ llum.  Hu wisq aktar minn hekk bħala unità psiko-fiżika, wieħed b’ruħ u ġisem, bħala persuna.  Hu wisq aktar minn hekk minħabba l-vokazzjoni tiegħu għall-imħabba li twasslu bħala raġel u mara għad-dimensjoni tal-“misteru kbir”.

Marija kienet l-ewwel waħda li daħlet f’din id-dimensjoni, u daħħlet magħha wkoll lil Ġużeppi l-għarus tagħha.  Saru hekk l-ewwel eżempji ta’ dik l-imħabba li l-knisja ma tieqaf qatt titlob għaż-żgħażagħ, għall-miżżewġin, u għall-familji.  Kemm u kemm minnhom b’ħeġġa kbira qed iwieġbu għal din it-talba!  Kif ma naħsbux fil-folol ta’ pellegrini, żgħażagħ u xjuħ, li jmorru fis-santwarji ta’ Marija, u jerfgħu ħarsithom lejn Omm Alla, lejn il-membri tal-Familja Mqaddsa, fejn jaraw jiddi l-ġmiel kollu ta’ l-imħabba mogħtija minn Alla lill-bniedem?

Fid-diskors tal-muntanja, huwa u jfakkar is-sitt kmandament, Ġesù ħabbar: “Smajtu x’intqal: ‘La tagħmilx adulterju’.  Imma jien ngħidilkom li kull min iħares  lejn mara  u jixtieqha jkun għamel adulterju magħha f’qalbu” (Mt 5, 27-28).  B’riferenza għad-Dekalogu, li l-ħsieb tiegħu hu li jħares is-sbuħija tradizzjonali taż-żwieġ u tal-familja, dan il-kliem ta’ Ġesù hu pass ′l quddiem, pass kbir ħafna. Ġesù jidħol fil-fond tad-dnub ta’ l-adulterju: id-dnub jinsab ġewwa il-bniedem u juri lilu nnifsu bil-mod kif wieħed iħares  u jaħseb, mod maħqum mill-konkupixxenza.  Permezz tal-konkupixxenza l-bniedem ifittex jagħmel tiegħu bniedem ieħor, bniedem li mhux tiegħu, imma li hu ta’Alla.  Kristu, huwa u jkellem lin-nies ta’ żmienu, ikellem ukoll in-nies ta’ kull żmien u ta’ kull nisel; jitkellem b’mod speċjali għall-ġenerazzjoni ta’ żmienna li qed tgħix f’soċjetà maħmuqa mill-konsumiżmu u l-edoniżmu.

Għaliex Kristu fid-diskors tal-muntanja jitkellem b’dan il-mod hekk iebes u esiġenti? It-tweġiba hi ċara fuq li ċara: Kristu jrid iħares l-qdusija taż-żwieġ u tal-familja, irid jiddefendi l-verità sħiħa tal-persuna  tal-bniedem u tad-dinjità tagħha.

Hu biss fid-dawl ta’ din il-verità li l-familja tista’ tkun għal l-aħħar ir-“rivelazzjoni” kbira, l-ewwel sejba, l-ewwel skoperta ta’ l-ieħor, l-iskoperta ta’ xulxin mill-għarajjes, u mbagħad ta’ kull tifel u tifla  li jitwieldu minnhom.  Meta l-miżżewġin jaħilfu lil xulxin li jibqgħu fidili għal xulxin fir-riżq tajjeb u fil-ħażin, u li jħobbu u jirrispettaw lil xulxin tul ħajjithom kollha, dan jistgħu jagħmluh biss meta hemm l-“isbaħ imħabba”.  Il-bniedem ta’ llum dan ma jistax jitgħallmu minn dak li tagħti il-kultura tal-kotra. L-“isbaħ imħabba” wieħed jitgħallimha bit-talb.  It-talb, irid dejjem, biex nużaw l-espressjoni ta’ San Pawl, sura ta’ ħajja moħbija flimkien ma’ Kristu f’Alla: ”ħajjitkom hi moħbija flimkien ma’ Kristu f’Alla” (Kol 3, 3).  F’ħajja moħbija bħal din, jaħdem l-Ispirtu s-Santu, l-għajn ta’ l-“isbaħ imħabba”.  Hu sawwab din l-imħabba fil-qlub ta’ Marija u Ġużeppi, imma jsawwabha wkoll fi qlub il-miżżewġin kollha, li jkunu lesti biex jisimgħu l-Kelma t’Alla u jagħmluha (ara Lq 8, 15).  Il-ġejjieni ta’ kull familja jiddependi minn din l-“isbaħ imħabba”, l-imħabba tal-miżżewġin għal xulxin, tal-ġenituri għal uliedhom, l-imħabba tal-ġenerazzjonijiet kollha.  L-imħabba hi l-għajn vera ta’ l-għaqda u tal-qawwa tal-familja.

 

It-twelid u l-periklu

21.  Ir-rakkont fil-qosor tat-twelid ta’ Ġesù jurina, b’mod li jfisser ħafna, bħallikieku qed iseħħu flimkien, it-twelid u l-perikli li magħhom ried iħabbat wiċċu minnufih Ġesù.  San Luqa jħabbrilna l-kliem profetiku li tenna x-xwejjaħ Xmun, meta t-tarbija Ġesù ġiet preżentata lill-Mulej fit-tempju erbgħin jum wara twelidha.  Jitkellem dwar “dawl” u dwar “sinjal li jmeruh” u lil Marija jħabbrilha “U int ukoll sejf jinfidlek ruħek” (ara Lq 2, 32-35).  San Mattew, min-naħa l-oħra, isemmi t-theddida ta’ Erodi għal Ġesù: mgħarraf mill-Maġi, li ġew mil-lvant biex jaraw is-sultan il-ġdid li kellu jitwieled ara (Mt 2, 2).  Erodi ħaseb li s-setgħa tiegħu  kienet mhedda u, wara li telqu l-Maġi ordna li jinqatlu t-trabi kollha ta’ Betlehem u ta’ l-imħawi tagħha minn sentejn ′l isfel.  Ġesù jeħles, minn idejn Erodi  l-Kbir, bl-indħil speċjali ta’ Alla u bil-ħerqa ta’ missier, ta’ San Ġużepp, li jieħu lil Ġesù, flimkien ma’ ommu  Marija, fl-Eġittu fejn jibqgħu sal-mewt ta’ Erodi.  Imbagħad jerġgħu lura Nazaret pajjiżhom u hemm il-Familja Mqaddsa tibda tgħix iż-żmien twil tal-ħajja moħbija fil-ħarsien eżatt u ġeneruż tad-dmirijiet tagħha ta’ kull jum (ara Mt 2, 1-23; Lq 2, 39-52).

Għandu tifsira profetika kbira l-fatt li Ġesù mit-twelid kellu jsib ruħu quddiem theddid u perikli.  Għadu tarbija hu ġa “sinjal li jmeruh”.  Hi tħabbira profetika wkoll l-istraġi tat-trabi ta’ Betlehem, maqtulin b’ordni ta’ Erodi li, skond il-liturġija antika tal-Knisja, issieħbu fit-twelid u l-passjoni feddejja ta’ Kristu[50].  Bil-“passjoni” tagħhom huma temmew f’ġisimhom “dak li jonqos mit-tbatijiet ta’ Kristu għall-ġisem tiegħu li hu l-Knisja” (Kol 1, 24).

Fl-Evanġelji tat-tfulija għandna mela t-tħabbira tal-ħajja, li sseħħ b’mod ta’ l-għaġeb bit-twelid tal-Feddej, iżda li ssib quddiemha, kontriha theddida għall-ħajja, ħajja li fis-sbuħija kollha tagħha tħaddan il-misteru ta’ l-Inkarnazzjoni u tar-realtà ta’ Kristu, Alla u bniedem.  Il-Verb ħa ġisem (ara Ġw 1, 14), Alla sar bniedem. Missirijiet il-Knisja spiss ifakkru dan il-misteru għoli: “Alla sar bniedem biex aħna nsiru allat[51].  Din il-verità tal-fidi hi fl-istess waqt verità dwar il-bniedem.  Turi b’mod ċar kemm hi serja kull theddida għall-ħajja tat-tarbija f’ġuf ommha.  Hu hawn, proprju hawn, li ninsabu f’qagħda kollha kemm hi kuntrarja għall-“isbaħ imħabba”. Meta wieħed ifittex biss il-gost u l-pjaċir, jasal ukoll biex jeqred l-imħabba, bil-qtil tal-frott tagħha.  F’kultura ta’ gost u pjaċir il-“frott imbierek tal-ġuf” isir f’ċertu sens “frott misħut”.

Kif ma nfakkrux hawnhekk il-ħafna tgħawwiġ li ġarrab dak li hu hekk imsejjaħ l-Istat tad-dritt jew l-Istat kostituzzjonali f’ħafna pajjiżi?  Il-liġi ta’ Alla, fejn tidħol il-ħajja tal-bniedem, hi waħda u kategorika.  Alla jordna: “La toqtolx” (Eż 20, 13). Ebda leġislatur fost il-bnedmin ma jista’ għalhekk jgħid: tista’ toqtol, għandek dritt toqtol, għandek toqtol.  Iżda  dan seħħ fl-istorja ta’ żmienna, meta kisbu s-setgħa, ukoll demokratikament, qawwiet politiċi li għamlu liġijiet li jmorru kontra d-dritt ta’ kull bniedem għall-ħajja, minħabba raġunijiet ta’ saħħa, raġunijiet etniċi u raġunijiet oħra, bla ebda bażi, u żbaljati għal kollox.  Fenomenu mhux inqas serju, għaliex imsieħeb  miegħu għandu l-kunsens u l-aċċettazzjoni ta’ l-opinjoni pubblika, huwa dak tal-liġijiet li ma jirrispettawx id-dritt għall-ħajja sa mill-ewwel mument tat-tnissil.  Kif tista’ taċċetta moralment liġijiet li jippermettu l-qtil ta’ bniedem  għadu ma twelidx, imma li ġa qed jgħix f’ġuf ommu?  Id-dritt għall-ħajja, b’dan il-mod, isir biss prerogattiva tal-kbar, li jinqdew ukoll mill-parlamenti biex iġibu ′l quddiem il-proġetti tagħhom u jfittxu l-interessi tagħhom.

Għandna quddiemna theddida tassew kbira kontra l-ħajja, mhux biss kontra l-ħajja ta’ l-individwi, imma wkoll kontra l-ħajja taċ-ċiviltà kollha kemm hi.  Id-dikjarazzjoni li ċ-ċiviltà ta’ llum saret, taħt xi aspetti, “ċiviltà tal-mewt”, qed isseħħ b’mod tassew li jħasseb.  U mhux forsi profetiku l-fatt li t-twelid ta’ Kristu ġie msieħeb ma’ periklu għall-istess ħajja tiegħu?  Iva l-ħajja wkoll ta’ Dak li hu fl-istess waqt Bin il-bniedem u Bin Alla kienet mhedda, kienet fil-periklu, mill-bidu, u biss b’miraklu Ġesù ħeles mill-mewt.

F’dawn l-aħħar għaxriet ta’ snin qed naraw sinjali li huma ta’ faraġ  għalina, sinjali ta’ kuxjenzi li qed jerġgħu iqumu: qawmien fost l-intellettwali u qawmien ukoll fl-opinjoni  pubblika. Qed tidher l-aktar fost iż-żgħażagħ kuxjenza ġdida ta’ rispett għall-ħajja sa mit-tnissil tagħha, qed jikbru u jixterdu l-movimenti favur il-ħajja, il-“pro life movements”.  Huma ħmira ta’ tama għall-ġejjieni tal-familja u tal-ġens kollu tal-bnedmin.

 

“Ilqajtuni”

22.  Miżżewġin u familji tad-dinja kollha hemm magħkom l-Ispirtu s-Santu.  Dan irid jgħidilkom l-ewwelnett il-Papa, fis-sena li fiha l-Ġnus Magħquda u l-Knisja qed jiddedikaw lill-familja. “Alla hekk ħabb id-dinja li ta lil ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem.  Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq minnha, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu” (Ġw 3, 16-17).  “Dak li jitwieled mill-ġisem hu ġisem, u dak li jitwieled mill-Ispirtu hu spirtu...Jeħtiġilkom titwieldu mill-ġdid” (Ġw 3, 6-7).  Tridu titwieldu mill-“ilma u l-Ispirtu s-Santu” (Ġw 3,5).  Proprju intom il-missirijiet u l-ommijiet, intom l-ewwel xhieda u l-ewwel ministri ta’ dan it-twelid ġdid fl-Ispirtu s-Santu.  Intom li tnisslu wlied għal pajjiżkom fid-dinja, tinsewx li fl-istess waqt qed tnissluhom għal Alla, li jrid it-twelid tagħhom mill-Ispirtu s-Santu, iridhom bħala wlied adottivi f’Ibnu l-waħdieni, “li jagħtina s-setgħa li nsiru wlied Alla” (ara Ġw 1, 12).  L-opra tas-salvazzjoni li tkompli fid-dinja sseħħ permezz tal-Knisja.  Dan kollu hu opra ta’ l-Iben ta’ Alla, ta’ l-Ispirtu s-Santu, li tana s-Saltna tal-Missier u jfakkar lilna, dixxipli tiegħu, li “s-saltna ta’ Alla f’nofskom qiegħda” (Lq 17, 21).

Il-fidi tagħna tgħidilna li Ġesù Kristu, li “qiegħed fuq il-lemin tal-Missier”, għad jiġi jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin..  Min-naħa l-oħra, l-Evanġelista San Ġwann jiżgurana li Ġesù ma ntbagħtx fid-dinja “biex jagħmel ħaqq minnha, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu”(Ġw 3, 17).  Mela x’se jkun il-ħaqq?  Kristu stess iweġibna: “Il-ġudizzju huwa dan, li d-dawl ġie fid-dinja... Min jagħmel is-sewwa jersaq lejn id-dawl, biex juri li hemm Alla f’għemilu” (Ġw 3, 19, 21).  Dan fakkret dan l-aħħar l-enċiklika Veritatis splendor[52].  Allura Kristu hu mħallef?  Għemilek jiġġudikak skond il-verità li taf.  Huwa għemilkom li għad jiġġudikakom, missirijiet u ommijiet, ulied subien u bniet.  Kull wieħed minna jiġi ġġudikat fuq il-kmandamenti, fuq dawk ukoll li fakkarna f’din l-Ittra: ir-raba’, il-ħames, is-sitta u d-disa’; iżda fl-aħħar mill-aħħar kulħadd għad jiġi ġudikat l-aktar fuq l-imħabba li tagħti l-ogħla tifsir u tiġbor fiha l-kmandamenti kollha.  “Fil-għaxija ta’ ħajjitna niġu ġġudikati fuq l-imħabba”[53] – hekk kiteb San Ġwann tas-Salib, Kristu, Feddej u Għarus tal-ġens kollu tal-bnedmin, “għalhekk twieled, għalhekk ġie fid-dinja, biex jixhed għall-verità.  Kull min iħobb il-verità jisma’ leħni” (ara Ġw 18, 37). Hu jkun l-imħallef, iżda bil-mod kif hu stess wera, huwa u jitkellem dwar il-ġudizzju ta’ l-aħħar (ara Mt 25, 31-46).  Il-ġudizzju tiegħu jkun ġudizzju fuq l-imħabba, ġudizzju li jwettaq darba għal dejjem il-verità li l-Għarus kien magħna, forsi mingħajr ma aħna konna nafu.

L-imħallef hu l-Għarus tal-Knisja u tal-ġens kollu tal-bnedmin.  Għalhekk jiġġudika billi jgħid: “Ejjew imberkin minn Missieri... għax kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont barrani u lqajtuni, kont għeri u libbistuni... (Mt 25, 34-36).  Din il-lista tista’ dejjem titwal u fiha jidhru għadd bla qjies ta’ problemi li jolqtu wkoll il-ħajja taż-żwieġ u tal-familja.  Nistgħu nsibu wkoll kliem bħal dan: “Kont tarbija għadni ma twelidx u lqajtuni  għax ħallejtuni nitwieled, kont tarbija abbandunata u kontu għalija familja, kont iltim u adottajtuni u rabbejtuni bħala iben tagħkom”.  U iżjed: “Tajtu lil ommijiet imġarrbin minn dubju taħt pressjoni kbira għajnuna biex jilqgħu tarbija tagħhom li għadha ma twelditx u jħalluha titwieled, tajtu għajnuna lill-familji b’ħafna tfal, lil familji b’ħafna diffikultajiet, biex imantnu u jrabbu ′l ulied li Alla tahom”.  U nibqgħu sejrin hekk dejjem ′l quddiem, u nsemmu kull xorta ta’ ġid morali u  uman li fih tidher l-imħabba.  Araw x’inhu l-ħsad kbir li l-Feddej tad-dinja, li f’idejh il-Missier ħalla l-ġudizzju, għad jiġi jiġbor, ħsad ta’ ġrazzji u għemejjel tajba, li kiber bin-nifs ta’ l-Għarus fl-Ispirtu s-Santu, li ma jieqaf qatt jaħdem fid-dinja u fil-Knisja.  Inroddu ħajr ta’ dan lil Dak li minnu tiġi kull għotja tajba u ta’ ġid.

Nafu wkoll li fis-sentenza tal-ġudizzju ta’ l-aħħar, li jsemmi San Mattew, hemm lista oħra serja u tal-biża’: “Morru minn quddiemi... għax kont bil-ġuħ u ma tmajtunix, kont bil-għatx u ma sqejtunix, kont barrani u ma lqajtunix, kont għeri u ma libbistunix..(Mt 25, 41-43). U f’din il-lista wkoll nistgħu insibu suriet oħra ta’ għemil, li bihom Ġesù jidher bħala mwarrab.  Għalhekk iqis ruħu ħaġa waħda mal-mara jew mar-raġel abbandunati, mat-tarbija li tnisslet u ma riduhiex: “Ma lqajtunix”.  Dan il-ġudizzju wkoll jgħaddi mill-ġrajja tal-familja tagħna, mill-ġrajja tan-nazzjonijiet u tal-ġens kollu tal-bnedmin.  Dan il-“ma lqajtunix” ta’ Kristu, jimpenja wkoll lill-istituzzjonijiet soċjali, lill-Gvernijiet u lill-organizzazzjonijiet internazzjonali.

Pascal darba kiteb: “Ġesù jkun agunija sa l-aħħar tad-dinja”[54]. L-agunija tal-Ġetsemani u l-agunija tal-Golgota huma l-ogħla maninfestazzjoni ta’ l-imħabba. Kemm il-Ġetsemani u kemm il-Golgata juruna l-Għarus, li qiegħed magħna, li jħobbna dejjem mill-ġdid, li”jħobbna għal l-aħħar” (ara Ġw 13, 1).  L-imħabba li hemm fih  u li minnu tmur ′l hemm mill-ġrajjiet personali u familjari, li tmur ′l hemm wkoll mill-istorja kollha tal-bniedem.  Fi tmiem dawn il-ħsibijiet, għeżież ħuti, jien u naħseb f’dak li jista’ jingħad tul din is-Sena tal-Familja f’ħafna postijiet, irrid inġedded magħkom ix-xhieda li ta San Pietru għal Kristu: “Inti għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem” (Ġw 6, 68).  Flimkien ngħidu: “Kliemek ma jgħaddix” (ara Mk 13, 31).  X’jista’ jixtiqilkom  iżjed il-Papa fi tmiem din il-meditazzjoni twila fuq is-Sena tal-Familja?  Nixtiqilkom li ssibu ruħkom ilkoll f’dan il-kliem li hu “spirtu u ħajja”(Ġw 6,43).

 

“Imsaħħin fil-bniedem ta’ ġewwa”

23.  Ninżel għarkobbtejja quddiem il-Missier li minnu tieħu isimha kull paternità  u kull maternità, biex jagħtikom li permezz ta’ l-Ispirtu tiegħu, tissaħħu fil-bniedem ta’ ġewwa” (Ef 3, 16).  Nerġa’ lura bil-qalb għal dan il-kliem ta’ l-Appostlu li għalih ghamilt riferenza fl-ewwel parti ta’ din l-Ittra.  F’ċertu sens huwa kliem li jorbot u jħoll.  Il-familja, il-paternità u l-maternità imorru flimkien.  Fl-istess waqt, il-familja hi l-ewwel ambjent uman fejn jissawwar “il-bniedem ta’ ġewwa”, li dwaru jitkellem l-Appostlu.  Is-saħħa u l-qawwa huma doni tal-Missier u ta’ l-Iben u ta’ l-Ispirtu s-Santu.

Is-Sena tal-Familja tqiegħed quddiemna  u quddiem il-Knisja, dmir mill-aqwa, mhux differenti minn dak li għandha l-familja kull sena u kull jum, imma li f’din is-Sena tal-Familja jikseb tifsir u importanza partikulari.  Bdejna s-Sena tal-Familja f’Nazaret, fil-festa tal-Familja Mqaddsa. Nixtiequ li tul din is-sena mmorru pellegrinaġġ lejn dan il-post ta’ grazzja li, fl-istorja tal-ġens kollu tal-bniedem, sar Santwarju tal-Familja Mqaddsa.  Nixtiequ nagħmlu dan il-pellegrinaġġ biex niksbu mill-ġdid l-għarfien ta’ dak il-wirt tal-verità fuq il-familja, li sa mill-bidu kien it-teżor tal-Knisja.  Hu teżor li beda jinġabar mit-tradizzjoni għanja tal-Patt il-Qadim, laħaq il-kobor sħiħ tiegħu fil-Patt il-Ġdid, u jsib espressjoni sħiħa u simbolika tiegħu fil-misteru tal-Familja Mqaddsa, li fiha l-Għarus divin iwettaq is-salvazzjoni tal-familji kollha.  Minn hemm Ġesù jxandar l-Evanġelju tal-Familja.  Minn dan it-teżor tal-verità jieħdu l-ġenerazzjonijiet kollha tad-dixxipli ta’ Kristu, ibda mill-Appostli li t-tagħlim tagħhom użajnieh ħafna f’din l-Ittra.

Fi żmienna dan it-teżor ġie studjat sewwa u fil-fond fid-dokumenti tal-Konċilju Vatikan II[55].  Analiżi interessanti ħafna nsibuha żviluppata fil-ħafna diskorsi tal-Papa Piju XII lill-miżżewġin[56], fl-enċiklika Humanae vitae tal-Papa Pawlu VI, fl-interventi li saru waqt is-Sinodu ta’ l-Isqfijiet, dedikat lill-familja (1980), u fl-eżortazzjoni appostolika Familiaris Consortio.  Fil-bidu ta’ din l-Ittra jien semmejthom dawn id-dikjarazzjonijiet tal-Maġisteru u, jekk issa qed nerġa’ nfakkarhom, dan qed nagħmlu biex nuri kemm hu wiesgħa u għani t-teżor tal-verità nisranija dwar il-familja.  Iżda x-xhieda miktuba m’hijiex biżżejjed.  Hi aktar importanti x-xhieda ħajja.  Il-Papa Pawlu VI qal li “l-bniedem ta’ llum wisq aktar malajr jagħti widen lix-xhieda milli lill-għalliema, u jekk jagħti widen lill-għalliema jagħtihielhom għax ikunu wkoll xhieda”[57].  Fil-Knisja t-teżor tal-familja ġie fdat, qabel kollox u qabel kulħadd, lill-ommijiet u lill-missirijiet, lil ulied subien u bniet, li permezz tal-familja sabu t-triq tal-vokazzjoni tagħhom, bħala bnedmin u bħala nsara, sabu d-dimensjoni tal-“bniedem ta’ ġewwa” (Ef 3, 16), li dwarha jitkellem l-Appostlu u hekk waslu għall-qdusija.  Il-Familja Mqaddsa hi l-bidu ta’ tant familji qaddisin oħra.Il-Konċilju fakkar li l-qdusija hi l-vokazzjoni universali ta’ l-imgħammdin kollha[58].  Fi żmienna, kif fl-imgħoddi, ma jonqsux “xhieda ta’ l-Evanġelju tal-familja”, ukoll jekk mhux magħrufin u qatt ma ġew kanonizzati mill-Knisja.  Is-Sena tal-Familja hi okkażjoni f’waqtha biex dejjem aktar inkunu nafu li dawn il-familji qaddisin jeżistu u huma ħafna.

L-istorja tad-dinja, l-istorja tas-salvazzjoni timxi ′l quddiem permezz tal-familja.  Fittixt nuri f’dawn il-paġni kif il-familja tinsab fin-nofs tal-ġlieda kbira bejn it-tajjeb u l-ħażin, bejn il-ħajja u l-mewt, bejn l-imħabba u dak kollu li hu kontra l-imħabba.  Inħalli f’idejn il-familja d-dmir li titħabat l-ewwelnett biex tħoll is-setgħat tat-tajjeb, li l-bidu tagħhom jinsab fi Kristu l-Feddej tal-bniedem.  Jeħtieġ li dawn is-setgħat kull familja tagħmilhom tagħha biex, kif intqal fl-okkażjoni ta’ l-elf sena tal-Kristjaneżmu fil-Polonja, il-familja tgħix bil-qawwa ta’ Kristu[59].  Hu għalhekk li din l-Ittra ġiet ispirata mill-eżortazzjoni ta’ l-Appostli, li nsibu fl-Ittri ta’ San Pawl (ara I Kor 7, 1-40;  Ef 5, 21-6,9; Kol 3, 3. 18-25) u f’dawk ta’ San Pietru u ta’ San Ġwann (ara I Piet 3, 1-7; I Gw 2, 12-17). U kemm jixbħu lil xulxin, minkejja d-differenzi tal-qagħdiet storiċi u kulturali, il-qagħdiet ta’ l-insara u tal-familji ta’ dari u ta’ llum?

Din tiegħi mela hi stedina li qed nagħmel b’mod speċjali lilkom,    għeżież miżżewġin, missirijiet u ommijiet, ulied bniet u subien.  Hi stedina lill-Knejjes partikulari kollha biex jibqgħu magħqudin flimkien fit-tagħlim tal-verità appostolika; lil ħuti fl-episkopat; lill-presbiteri; lill-familji reliġjużi u lill-persuni konsagrati; lill-movimenti u lill-għaqdiet tal-lajċi nsara; lill-aħwa li magħhom kollha torbotna l-istess fidi f’Ġesù Kristu, ukoll jekk għadna m’aħniex ilkoll f’xirka sħiħa bejnietna, kif iridna l-Feddej[60]; lil dawk kollha li jħaddnu l-fidi ta’ Abraham, u magħna għalhekk jagħmlu dik ix-xirka kbira ta’ dawk kollha li jemmnu f’Alla wieħed[61]; lil dawk ukoll li trabbew fi tradizzjonijiet spiritwali u reliġjużi oħra, lil kull raġel u mara ta’ rieda tajba.

Kristu li hu “dak li kien fl-imgħoddi, issa u għal dejjem” (Apok 13, 8), ikun magħna waqt li għarkopptejna nitolbu lill-Missier, li minnu tiġi kull paternità u kull maternità u kull familja tal-bnedmin (ara Ef 3, 24-25).  Nitolbu lill-Missier bl-istess talba li hu għallimna, ħa jerġa jagħtina xhieda ta’ dik l-imħabba li biha “ħabbna għal l-aħħar” (9 Ġw 13,1).  Qed inkellem bil-qawwa tal-verità ta’ Kristu lill-bnedmin ta’ żmienna, biex jifhmu x’ġid kbir huma ż-żwieġ, il-familja u l-ħajja; x’periklu kbir joħloq in-nuqqas ta’ rispett u t-twarrib ta’ dawk il-valuri għoljin fuq li għoljin, li fuqhom jinbnew il-familja u d-drittijiet tal-bniedem.  Jalla l-Mulej Ġesù jagħtina dan kollu bil-qawwa u l-għerf tas-Salib (ara I Kor 1, 17-24), biex il-ġens kollu tal-bnedmin ma jċedix għat-tentazzjoni ta’ “missier il-gideb” (Ġw 8, 44), li bla heda jinbotta lejn it-triqat wiesgħa u ħfief li jidhru sbieħ u bla tfixkil imma fil-fatt mimlijin theddid u perikli.  Jalla nkunu nistgħu nimxu dejjem wara Dak li hu “it-triq, il-verità, il-ħajja” (Ġw 14, 6).

Ħa jkun dan, għeżież ħuti, l-impenn tal-familji nsara u tal-ħerqa tal-Knisja, tul din is-Sena, li qed tistagħna b’ħafna grazzji partikulari ta’ Alla.  Il-Familja Mqaddsa, ikona u mudell ta’ kull familja tal-bniedem, tgħin lil kulħadd jimxi fl-ispirtu ta’ Nazaret, tgħin kull familja biex tidħol fil-fond tal-missjoni proprja tagħha, ċivili u ekklesjali, permezz tas-smigħ tal-Kelma ta’ Alla, tat-talb u tal-qsim bħall-aħwa tal-ħajja, Marija, Omm l-isbaħ imħabba, u San Ġużepp, li lilu ġie fdat il-ħarsien tal-Feddej, ikunu magħna dejjem bil-ħarsien tagħhom li ma jonqos qatt.

B’dawn is-sentimenti mbierek kull familja f’isem it-Trinità Qaddisa, il-Missier u l-Iben u l-Ispirtu s-Santu.

 

Ruma, minn San Pietru, fit-2 ta’ Frar, festa tal-Preżentazzjoni tal- Mulej tas-sena 1994, is-sittax il-sena tal-pontifikat.

                                                                 Ioannes  Paulus pp II

 

[1] Ara l-enċiklika Redemptor hominis ta’ l-14 ta’ Marzu 1979: AAS (1979), 284-285

[2] Ara Konċ. Vatikan 11, kost. Pastorali Gaudium et spes, 1.

[3] Gaudium et spes,22.

[4] Ibid.

[5] Ibid.

[6] Ara Konċ. Vatikan 11 kost. Dommatika Lumen gentium, 11.

[7] Kost. Pastorali Gaudium et spes, it-tieni taqsima, kap 1.

[8] Ritwal Ruman, Rit taż-Żwieġ, it-tieni edizzjoni tipika 1991, n. 74, paġ.54

[9] Ara l-eżort app. Familiaris Consortio, 12 ta’ Novembru 1981,1984, AAS 14 (1982) 180-186

[10]Ara Ritwal Ruman, Rit taż-Żwieġ, n.74 paġ.54

[11] Gaudium et spes, 48.

[12] Familiaris Consortio, 69; AAS 74 (1982), 165.

[13] Gaudium et spes, 34.

[14] Ritwal Ruman, Rit taż-Żwieġ, n. 60, paġ. 21.

[15] Ara Familiaris Consortio, 28.

[16] Ara Piju X11 enċiklika Humani generis tat-12 ta’ Awissu 1950: AAS 42 (1950), 574.

[17] Gaudium et spes, 24.

[18] Gaudium et spes, 24.

[19] Ibid.

[20] Confessionis 1, 1: CCL 27, 1.

[21] Ara Gaudium et spes, 50.

[22] Ritwal Ruman, Rit taż-Żwieġ, n. 62, paġ.22.

[23] Ibid. n. 61, paġ. 21

[24] San Tumas ta’ Aquino, Summa Theologiae, q. 5, a. 4, ad 2.

[25] Gaudium et spes, 24

[26] Ara enċiklika Sollicitudo rei socialis tat- 30 ta’ Diċembru 1987, 25: AAS 80 (1988), 543-544.

[27] Enċiklika Redempro hominis tal-4 ta’ Marzu 1979, 14: AAS71 (1979), 884-885; ara enċiklika     Centesimus Annus ta’ l-1 ta’ Mejju 1991, 53: AAS 83 (1991): 859.

[28] Adversus haereses IV, 20, 7 S.Chr. 100/2, 648/649.

[29] Enċklika Centesimus Annus ta’ l-1 ta’ Mejju 1991, 39: AAS 83 (1991), 842

[30] Ara Enċiklika Solicitudo rei socialis tat-30 ta’ Diċembru 1987, 25: AAS 80 (1988), 543-544.

[31] Ara Pawlu VI, enċiklika Humanae vitae tal-25 ta’ Lulju 1968, 12: AAS 60 (1968), 488-489; Katekiżmu tal-Knisja Kattolika n.2366.

[32] Gaudium et spes, 24

[33] Ara l-omelija f’għeluq is-Sena Mqaddsa fil- 25 ta’ Diċembru 1975, AAS 68 (1976), 145.

[34] Gaudium et spes, 22.

[35] Gaudium et spes, 47.

[36]  Summa Theoligiae, I, q. 5, a. 4, ad 2.

[37] Summa Theologiae, I-II, q.22.

[38] Ara Lumen gentium, n.11.

[39] Ritwal Ruman, Rit taż-Żwieġ n. 66, paġ. 21.

[40] Kodiċi tal-Liġi Kanonika kan 1055, 1; Katekiżmu tal-Knisja Kattolika n. 1601.

[41] Ara Gaudium et spes, 41.

[42] Ara enċiklika Centesimus  Annus, 57

[43] Ara enċiklika Laborem exercens, 19

[44]Ara Adversus haereses, III, 10, 2; San Atanasju, De incarnatione Verbi, 54; Santu Wistin, Sermo, 5 u  

    Sermo, 194, 3, 3.  

[45] Ara Gaudium et spes, 24.

[46]Corpore et anima unius”, kif juri sewwa l-kliem  tal-Konċilju: Gaudium et spes, 14

[47] Ibid, 22

[48] Ara Lumen gentium, n. 56-59.

[49]  Ara Istr. Pastorali Aetatis novae, tat-22 ta’ Frar 1992, n. 7.

[50] Fil-Liturġija ta’ l-Innoċenti martri li ġejja mis-seklu V, il-Knisja ssellmilhom bi kliem il-poeta prudenza    (+ c.405) bħala “fjur tal-martri, li bħal ward maħtuf minn riefnu, tlajtu fuq l-artal imqaddes, bil-kuruna u l-palm tar-rebħa”. 

[51] San Atanasju, De incarnatione Verbi, 54.

[52] Ara Veritatis splendor tas-6 ta’ Awissu 1993, n. 84.

[53] Dichos de luz y amor, 59.

[54] B. Pascal, Pensée, Le mystère de Jesus, 553

[55] Ara Gaudium et spes, n. 47-52.

[56] Ta’ min ifakkar fuq kollox id-diskors li sar lil dawk li ħadu sehem fil-laqgħa ta’ l-Unjoni Kattolika tal-qwiebel Taljani, fid-29 ta’ Ottubru 1951 Discorsi e Radiomessi, XIII 333-363.       

[57] Ara d-diskors lil-membri tal-Kunsill tal-Lajċi tat-12 ta’ Ottubru 1974 Aas 66 (1974) 568.

[58] Ara Lumen gentium, 40.

[59] Ara Kard.Stefan Wyszynski, Rodzina Bogiem silna, omelija li saret f’Jasna Gora fl-20 ta’ Awissu, 1961.

[60] Ara Lumen gentium, 15.

[61] Ara Ibid, 16.

 

Ħajr lil Ms Sonia Abela għall-għajnuna tagħha fit-typing tad-dokument.