Laikos

 

▪ Ara l-vidjo tal-Innu ...

INNU TA’ MERĦBA LILL-PAPA FRANĠISKU

 

Merħba bik Papa Franġisku

sieħeb twajjeb tal-bnedmin

li tal-merħla ħadt ir-riħa

taħseb int, fiha f’kull ħin.

 

Bik jifirħu Malta w’Għawdex

int Missier għalina, tant għażiż

li tfakkarna t-teżor ngħożżu

ta’ twemmin sabiħ u qaddis.

 

RIT:                 Ejja f’dil-gżira ta’ Pawlu

kun għaliha bħala Missier;

tal-Imsallab roxx fuqna l-ħniena

fuq il-Malti u l-istranġier.

 

F’dan il-jum qed nilqgħuk fostna

taħt il-mant t’Ommna l-Għawdxin

fejn mill-qedem sibna l-faraġ

meta sfajna imġarrbin.

 

Int ta’ Pietru trieġi d-dgħajsa

qalb il-ħalel u tant taħbit

mal-barrani u mal-imsejken

tridna nimxu lkoll id f’id.              RIT.

 

Kelmtek safja tkun għalina

B’pinnur qalb bosta rjieħ

biex fost ħafna ilħna mqarrqa

nagħrfu ‘l Kristu, r-Ragħaj sabiħ.

 

Int minn Ruma ġejt tkellimna

Ħalli aħna widen nagħtuk sħiħ

biex għal ġensna żżernaq għodwa

li mill-ġdid troddilna l-ġieħ.         RIT.

 

Kliem: Dun Geoffrey G Attard

Mużika: Mro. Franco Cefai

24/02/2022