Laikos

 

 Aktar dwar il-Ħniena Divina ...

Santa Fawstina Kowalska, li fil-magħmudija l-ġenituri tagħha tawha l-isem ta’ Helen, twieldet fil-25 ta’ Awissu 1905, fir-raħal ta’ Glogewic ħdejn Lodz, fil-Polonja. Kienet it-tielet minn għaxart itfal. Helen ħasset is-sejħa reliġjuża meta kellha seba’ snin. L-ewwel dehra ta’ Ġesu seħħet waqt li Helena kienet f’ballu ma’ oħtha ikbar minnha u ma xi ħbieb. Dan hu rakkont li hija tat ta’ dak li seħħ f’dik il-lejla fl-1923: “Filwaqt li kulħadd kien qiegħed jiddeverti, ruħi kienet għaddejja minn turmenti kbar. Meta bdejt niżfen, f’daqqa waħda rajt lil Ġesu’ maġenbi, Ġesu’ mifni bl-uġiegħ, imneżża minn ħwejġu, kollu kemm hu miksi b’feriti fil-waqt li qalli: Kemm se indum nissaportik u kemm se ddum tgħidli le u tħallini nistenna?

F’dak il-waqt waqfet il-mużika ħelwa u għebu minn quddiem għajnejja dawk li jiena kont magħhom; bqajna Gesu’ u jiena…”

Helena ħarbet mill-ballu u marret fil-Katidral ta’ San Stansilaw Kostka, fejn inxteħtet fl-art quddiem is-Santissimu Sagrament u tablet lill-Mulej imexxiha Hu dwar dak li kellha tagħmel. Imbagħad Ġesu’ wieġeb: Mur dritt Varsavja. Hemmhekk inti tidħol fil-kunvent. (Djaru Nru 10)

 

Fl-1 ta’ Awissu 1925, fl-eta’ ta’ għoxrin sena, ġiet aċċettata mill-Kongregazzjoni tas-Sorijiet tal-Madonna tal-Ħniena, wara sena taħdem għad-dota. Imbagħad, fil-30 ta’ Awissu 1926 hija bdiet in-novizzjat tagħha, libset il-libsa ta’ soru u ħadet l-isem ta’ Swor Fawstina Kowalska tas-Santissimu Sagrament. Il-membri ta’ din il-Kongregazzjoni jaħdmu għar-rijabilitazzjoni ta’ nisa u xebbiet li jkunu qabbdu t-triq il-ħażina u jieħdu ħsieb it-tfajliet li jkunu f’qagħda perikoluża għall-ħajja morali tagħhom.

Il-ħajja ta’ din is-soru umli kienet għaqda ta’ ħidma li ssir ta’ kuljum, issajjar, toqgħod mal-bieb, tiknes u tieħu ħsieb il-ġnien. Fl-1934, biex timxi max-xewqa tad-direttur spiritwali tagħha, Father Michael Sopocko, Swor Fawstina bdiet tikteb djarju personali li semmiet “Il-Ħniena Divina f’Ruħi” Jiġbor fih dettalji ta’ rivelazzjonijiet kbar u esperjenzi spiritwali straordinarji. Juri kif il-Mulej għażel din is-soru umli u afdalha missjoni li kellha dawn l-għanijiet.

Li tfakkar lid-dinja fil-verita’ li hem fl-Iskrittura, li Alla hu mimli Mħabba u Ħniena għall-umanita’

Li twassal forom ġodda ta’ devozzjoni lejn il-Ħniena t’Alla. Meħudin minn Ġesu’ stess fid-Djarju tagħha;

a.      Ix-xbieha ta’ Ġesu Ħanin (Ħniena Divina)

b.     Festa tal-Ħniena Divina

c.      Novena tal-Ħniena Divina

d.     Kurunella tal-Ħniena Divina

e.      Is-Siegħa ta’ Ħniena Kbira

f.       It-Tixrid ta’ qima lejn il-Ħniena t’Alla

Iġġedded il-ħajja nisranija fi spirtu ta’ fiduċja u ħniena

Biex tħejji lid-dinja għat-tieni miġja ta’ Sidna Ġesu Kristu

Is-snin tal-ħajja reliġjuża tagħha kienu mimlija bi grazzji sopranaturali bħalma huma rivelazzjonijiet, viżjonijiet, pjaġi moħbijin, sehem fil-Passjoni ta’ Kristu, id-don tal-bilokazzjoni, id-don li tkun kapaċi taqra l-erwieħ tan-nies, id-don tal-profezija kif ukoll id-don rari ta’ għerusija, u żwieġ mistiku ma’ Gesu’ relazzjoni ħajja ma’ Alla, ma’ l-omm tagħna tas-sema, l-Anġli, il-Qaddisin, l-erwieħ tal-purgatorju.

Fl-4 ta’ Ġunju 1937, hija kitbet: “llum hija l-Festa tal-Qalb Imqaddsa ta Ġesu’. Matul il-quddiesa ksibt tagħrif dwar il-Qalb ta Ġesu’ u l-kwalita’ tan-nar ta’ mħabba li biha huwa mkebbes għalina, u kif huwa baħar ta’ ħniena. Imbagħad smajt leħen jgħidli:

  

Appostlu tal-Ħniena Tiegħi, xandar mad-dinja kollha l-Ħniena Tiegħi bla qjies. Taqtax qalbek minħabba d-diffikultajiet li magħhom tiltaqa’ int u xxandar il-ħniena Tiegħi. Dawn id-diffikultjiet li jġegħluk tbati daqshekk huma meħtieġa għall-qdusija tiegħek u biex juru bid-dieħer li din il-ħidma hija Tiegħi.

Xandar il-Ħniena Tiegħi. F’għadd ta’okkażjonijiet oħra, l-omm tagħna tas-Sema dehret lil Swor Fawstina, b’rivelazzjonijiet li jidwu l-urġenza tal-messaġġ tal-Ħniena t’Alla. Fil-festa ta’ l-Annunzjata – il-25 ta’ Marzu 1936 – Ommna Marija Santissima qalet lil Swor Fawstina.

Jiena tajt is-Salvatur lid-dinja. Fil-każ tiegħek, int trid tkellem lid-dinja fuq il-Ħniena kbira Tiegħu, u pprepara lid-dinja għat-tieni miġja Tiegħu – li jiġi mhux bħala s-Salvatur Ħanin, iżda bħala l-Imħallef Ġust. O kemm hi kerha dik il-ġurnata, u l-anġli jitriegħdu quddiemna. Tkellem mal-erwieħ fuq din il-Ħniena kbira, waqt li għadd hemm żmien li tingħata l-Ħniena…”

 

F’Diċembru 1936, Ġesu’ qal lil Swor Fawstina:

Kellem lid-dinja fuq il-Ħniena Tiegħi, ħalli kollha jgħarfu l-Ħniena bla qies Tiegħi. Huwa sinjal li l-aħħar żmien qed joqrob. Wara jiġi Jum il-Ħaqq. Sakemm għad hem żmien, ħalliom jerġgħu lejn l-għajn tal-Ħniena Tiegħi: ħallihom jiksbu mid-Demm u l-Ilma li minnufih harġu għalihom…

F’okkażjoni oħra, Santa Fawstina kitbet fid-Djarju tagħha: “jiena naf tajjeb li l-missjoni tiegħi ma tispiċċax ma’ mewti, imma tibqa’sejra. O erwieħ li tiddubitaw, jiena se nwarrab minn quddiem għajnejkom l-għamad li mhux qed iħallikom tagħrfu t-tjieba ta’ Alla, sabiex ma tkomplux tfieru l-Qalb l-iżjed ħelwa ta’ Ġesu’ bin-nuqqas ta’ fiduċja tagħkom. Alla hu Mħabba u Ħniena. Sirt naf li l-imħabba biss tiswa: l-imħabba lejn Alla”.

Il-qdusija ta’ Santa Fawstina tinsab f’li twettaq ir-Rieda t’Alla f’ħajjitha. Hija sejset il-ħajja tagħha ta’ kuljum fuq l-imħabba kbira lejn Ġesu’ Sagramentat, l-imħabba lejn il-Madonna, l-umilta’, is-sempliċita’, l-imħabba safja tal-proxxmu, il-fiduċja sħiħa f’Ġesu’ u l-ħniena Divina Tiegħu.

L-imħabba kbira li Santa Fawstina kellha wasslitha biex tagħti lilha nnifisha kollha kemm hu b’erojiżmu kbir. Ġesu’ għażel din ir-ruħ pprivileġġjata biex tkun vittma ta’ l-Imħabba u vittma tal-Ġustizzja, li Santa Fawstina aċċettat bl-imħabba kollha ta’ qalbha.

 

Santa Fawstina għexet tlettax –il sena fil-Kongregazzjoni. Mietet fil-fwieħa tal-qdusija fil-5 ta’ Ottubru 1938 fl-eta’ ta’ 33 sena minn tuberkolożi mifruxa

Swor Fawstina ġiet beatifikata fit-18 ta’ April 1993 u kkanonizzata fit-30 ta’ April 2000.  Il-Festa tagħha tkun iċċelebrata fil-5 ta’ Ottubru.