MA’ PIETRU U PAWLU WARA L-IMGĦALLEM

 

Mixja ta’ talb bi tħejjija għall-Ġublew tas-saċerdoti

 

Daħla

 

Ħadd ma jista’ jeħlisha t-tentazzjoni li nibqgħu mwaħħlin fl-attiviżmu frenetiku tas-soċjetà li ngħixu fiha, li tidher li trid tittrasforma lill-bniedem f’ xi ħadd dejjem jiġri wara l-ħin, iktar milli ‘pellegrin fl-istorja’, l-anqas aħna s-saċerdoti. Maħkumin mill-elf ħaġa li ‘trid issir’ nirriskjaw li ninsew min aħna: jiġifieri, dixxipli mexjin wara l-Imgħallem, xhieda tat-tama li ma tiddiżappuntax. Irġiel magħżula u msejħin biex ikunu miegħu, biex jintbagħtu fid-dinja biex iwasslu l-aħbar it-tajba tal-Vanġelu (ara Mk 3, 13-16); irġiel magħżula minn fost il-bnedmin u maħtura, minħabba l-bnedmin, biex jieħdu ħsieb l-affarijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ Alla (ara Lhud 5:1).

 

Il-mixja proposta hawnhekk lejn iċ-ċelebrazzjoni tal-Ġublew saċerdotali tagħna – fl-okkażjoni tas-Solennità tal-Qalb ta’ Ġesù f’Ġunju 2025 – hija opportunità biex nerġgħu lura lejn il-prinċipju u l-pedament ta’ dak li aħna għall-Mulej u, flimkien miegħu, għall-poplu kollu ta’ Alla.

 

Hija mixja ta’ ċelebrazzjoni magħmula minn erba’ ‘mumenti’ fil-mixja tagħna wara l-Imgħallem, billi nieħdu bħala eżempju l-appostli Pietru u Pawlu. Fuq l-eżempju ta’ dawn l-irġiel straordinarji li nsejħulhom bħala l-“kolonni tal-Knisja”, u fid-dawl tal-maġisteru, se ngħixu mill-ġdid is-sejħa tagħna, il-professjoni tagħna tal-fidi, il-provi li għaddejna minnhom u l-ħajja ta’ xhieda li huma komuni għal kull bniedem imsejjaħ għall-ministeru saċerdotali.

 

Dan il-materjal huwa għodda għas-servizz tas-saċerdoti djoċesani, li jistgħu jiltaqgħu mal-isqof tagħhom għal ċelebrazzjonijiet komunitarji – hawnhekk qed nipproponu materjal ta’ rilevanza universali – iżda jista’ wkoll jintuża minn saċerdoti individwali għal mumenti ta’ riflessjoni u talb personali. Bħall-għajnuniet kollha, dan il-materjal jista’ jiġi emendat u rranġat skont il-ħtiġijiet ta’ kull komunità lokali.

 

Bit-tama li hawnhekk issibu għajnuna konkreta għal kull saċerdot, ejjew nimxu flimkien lejn iċ-ċelebrazzjoni tal-Ġublew meta nġeddu l-wegħdiet saċerdotali tagħna, ċerti li ġejna magħżulin “sabiex inkunu għat-tifħir tal-glorja tiegħu, aħna li sa mill-bidu konna nittamaw fi Kristu (Ef 1:12).”

 

 

 

 

 

1.  IS-SEJĦA

 

Kant

 

Daħla

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Ammen

 

Is-sliem, l-imħabba u l-fidi mingħand Alla l-Missier u l-Mulej Ġesù Kristu jkunu magħkom ilkoll.

U miegħek ukoll

 

Ejjew niftħu qalbna għat-tama li ma tqarraqx bina.

 

Missier li inti fis-smewwiet,

il-fidi li inti tajtna

f’Ibnek Ġesù Kristu, ħuna,

u l-fjamma tal-imħabba

imkebbsa fi qlubna mill-Ispirtu s-Santu,

jerġgħu jqajmu fina t-tama ħienja

tal-miġja tas-Saltna tiegħek.

Jalla l-grazzja tiegħek tibdilna

f’ħaddiema bieżlin li jiżirgħu ż-żerriegħa tal-Evanġelju.

Jalla din iż-żerriegħa tkun il-ħmira li tibdel minn ġewwa lill-umanità u lill-univers,

fl-istennija ħienja ta’ smewwiet ġodda u art ġdida,

meta tidher il-glorja tiegħek għal dejjem,

wara li jkunu megħluba s-setgħat tal-Ħażen.

Jalla l-grazzja ta’ dan il-Ġublew

tagħmel minna Pellegrini tat-Tama,

imxennqin għall-ġid tas-sema.

Jalla din il-grazzja xxerred fuq id-dinja kollha

il-ferħ u s-sliem tal-Feddej tagħna.

Lilek O Alla, int l-Imbierek għal dejjem,

tifħir u glorja għal dejjem.

Ammen.

 

 

 

 

 

 

 

Għeżież ħuti,

F’din is-sena ta’ tħejjija għall-ġublew tas-saċerdoti, ejjew nimxu aħna wkoll bħala pellegrini tat-tama, permezz tat-talb, fuq l-eżempju u l-passi tal-qaddisin appostli Pietru u Pawlu.

 

Ejjew nerġgħu lura għall-għeruq tas-sejħa tagħna, inġeddu r-rabta tagħna mal-Mulej, nitolbu maħfra għad-dgħufijiet kollha tagħna fil-mument tal-prova, sabiex b’ħeġġa mġedda inkunu nistgħu nagħtu xhieda ta’ l-Imgħallem u l-Mulej tagħna, li huwa t-tama waħdanija tad-dinja. Fil-fraternità saċerdotali, ejjew flimkien nitolbu maħfra, ngħinu lil xulxin fl-infedeltajiet żgħar u kbar tagħna lejn l-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu.

Ħin ta’ skiet

 

Mulej, inti li ħfrit lil Pietru li nidem, ikollok ħniena minna.

Kyrie eleison

 

Kristu, li minn Pawlu għamilt strument magħżul, ikollok ħniena minna.

Christe eleison

 

Mulej, li għamilt lill-appostli Pietru u Pawlu bħala kolonni tal-fidi, ikollok ħniena minna.

Kyrie eleison

 

Alla li jista’ Kollox, iħenn għalina, jaħfrilna dnubietna u jwassalna fil-ħajja ta’ dejjem.

Ammen

 

Nitolbu.                                                                                                                             Kolletta

 

Missier qaddis, li mingħajr ebda merti tagħna, sejjaħtilna għall-komunjoni mas-saċerdozju etern ta’ Kristu Ibnek u għas-servizz tal-Knisja kollha, agħtina li nkunu xandâra mansweti u u kuraġġużi tal-Vanġelu u li nwasslu l-misteri tiegħek b’fedeltà. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen

 

 

 

 

 

 

 

 

Qari mill-Ktieb ta’ l-Atti tal-Appostli                                                               (22,6-16)

 

“Kif kont sejjer, meta wasalt qrib Damasku, f’daqqa waħda għall-ħabta ta’ nofsinhar dawl kbir mis-sema idda madwari. Waqajt mal-art, u smajt leħen jgħidli, ‘Sawl, Sawl, għaliex qiegħed tippersegwitani?’ Jien weġibt, ‘Min int, Mulej?’ U hu qalli, ‘Jien Ġesù ta’ Nazaret, li int qiegħed tippersegwitah.’ Dawk li kienu miegħi raw id-dawl, imma ma semgħux il-leħen ta’ min kien ikellimni. Imbagħad jien għedt, ‘X’għandi nagħmel, Mulej?’ U l-Mulej qalli, ‘Qum u mur Damasku. Hemm jgħidulek kulma għandek tagħmel.’ Billi ma stajtx nara minħabba d-dija ta’ dak id-dawl, mexxewni minn idi dawk li kienu miegħi, u hekk wasalt Damasku.

“Hemmhekk kien hemm wieħed, jismu Ħananija, raġel sewwa skont il-Liġi, li kellu fama tajba mal-Lhud li kienu joqogħdu hemm; ġie għandi, resaq fuqi u qalli, ‘Sawl, ħija, ħu d-dawl.’ Dak il-ħin stess bdejt nara u nħares lejh. Imbagħad hu qalli, ‘Alla ta’ missirijietna għażlek biex tagħraf ir-rieda tiegħu, tara lil dak li hu l-Ġust u tisimgħu jkellmek b’fommu stess. Għax int għad trid tixhed għalih quddiem il-bnedmin kollha fuq dak li rajt u smajt. U issa x’int tistenna? Qum! Tgħammed u nħall minn dnubietek, int u ssejjaħ ismu.’

 

Il-Kelma tal-Mulej.

Irroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Salm Responsorjali                                                                                               Salm 138(139)

 

Inwieġbu flimkien: Mulej, int tgħarbilni u tagħrafni.

 

Mulej, int tgħarbilni u tagħrafni;

int taf meta noqgħod u meta nqum,

int tagħraf mill-bogħod ħsibijieti.

Int tagħraf il-mixi u l-waqfien tiegħi;

triqati kollha inti tafhom sewwa.  R/.

 

L-għerf tiegħek tal-għaġeb, ma nwassalx għalih;

għoli wisq, u ma nlaħħaqx miegħu.

Fejn immur ’il bogħod mill-ispirtu tiegħek?

Jew fejn nista’ naħrab minn quddiem wiċċek?

Jekk nitla’ fis-smewwiet, hemm int;

jekk nimtedd f’qiegħ l-art, int hemm ukoll. R/.

 

Jekk nilbes il-ġwienaħ tas-sebħ,

u mmur ngħammar fi truf il-baħar,

hemm ukoll tilħaqni idek,

u taqbadni l-leminija tiegħek. R/.

 

Għax int sawwart il-ġewwieni tiegħi,

u f’ġuf ommi inti nsiġtni.

Irroddlok ħajr, għax b’mod tal-għaġeb għamiltni:

tal-għaġeb huma l-għemejjel tiegħek.

U ’l ruħi inti tafha tajjeb. R/.

 

Ma kienx moħbi għadmi minnek,

meta kont qiegħed insir fis-satra

u nintiseġ fil-qigħan tal-art.

Raw għajnejk l-għemejjel tiegħi:

kollha nkitbu fil-ktieb tiegħek;

u jiemi kienu ġa magħduda

meta ebda wieħed ma kien għad hemm. R/.

 

Kemm huma tqal ħsibijietek għalija, o Alla!

Kemm hu bla tarf l-għadd tagħhom!

Li kelli ngħoddhom, huma aktar mir-ramel;

xħin nasal fl-aħħar, inkun għadni fil-bidu miegħek. R/.

 

Għarbilni, o Alla, u agħraf qalbi;

iflini, u kun af ħsibijieti.

Ara iniex miexi fi triq ħażina,

u mexxini fit-triq ta’ dejjem. R/.

 

 

 

 

 

 

Kant għall-Evanġelju

 

Hallelujah, hallelujah

Tibżax, minn issa ‘l quddiem tkun taqbad in-nies.

Hallelujah

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa    (5, 1-11)

 

Darba l-kotra bdiet tross fuqu biex tisma’ l-kelma ta’ Alla. Hu kien qiegħed f’xatt l-għadira ta’ Ġennesaret. U ra żewġ dgħajjes qegħdin max-xatt; is-sajjieda kienu niżlu minn fuqhom u kienu qegħdin jaħslu x-xbiek. Tela’ fuq waħda minnhom, li kienet ta’ Xmun, u talbu jaqla’ kemmxejn ’il barra mill-art; imbagħad qagħad bilqiegħda u beda jgħallem lin-nies mid-dgħajsa. Meta temm li kellu jgħid, qal lil Xmun: “Aqdef ’il barra fil-fond, u kalaw ix-xbiek tagħkom għas-sajd.” Wieġbu Xmun u qallu: “Mgħallem, għamilna lejl sħiħ nitħabtu u ma qbadna xejn. Imma, la qiegħed tgħid int, ħa nkala x-xbiek.” Hekk għamlu, u qabdu kotra hekk kbira ta’ ħut li x-xbiek tagħhom kien għoddu nqasam. Għalhekk għamlu sinjal lil sħabhom li kienu fid-dgħajsa l-oħra biex jiġu jgħinuhom. Dawk ġew, u mlew iż-żewġ dgħajjes hekk li għal ftit ma għerqux.

 

Xmun Pietru, kif ra dan, inxteħet f’riġlejn Ġesù u qallu: “Tbiegħed minni, Mulej, għaliex jiena raġel midneb!” Għax baqgħu tassew mistagħġba, kemm hu u kemm dawk kollha li kienu miegħu, għal dik il-qabda ħut li qabdu. U hekk ukoll ġralhom Ġakbu u Ġwanni, ulied Żebedew, li kienu sħab Xmun. Imbagħad Ġesù qal lil Xmun: “Tibżax; minn issa ’l quddiem tkun taqbad in-nies.” Meta mbagħad ressqu d-dgħajjes mal-art, telqu kollox u marru warajh.

 

Il-Kelma tal-Mulej

Tifħir lilek, Kristu

 

Ħin ta’ skiet

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Talba korali

 

O Ġesù, Ragħaj Divin,

li sejjaħt lill-Appostli

biex tagħmel minnhom sajjieda tal-bnedmin,

Iġbed lejk il-qlub mixgħula u ġenerużi tagħna,

biex tagħmel minna dixxipli u ministri tiegħek.

Int, o Mulej,

dejjem ħaj biex tidħol għalina,

iftaħ għalina x-xefaq tad-dinja kollha,

fejn l-għajta siekta u mimlija wġigħ ta’ tant aħwa

Qegħda titlob id-dawl tal-Fidi u l-barka tat-Tama.

Filwaqt li nwieġbu għas-sejħa tiegħek,

Għamel minna l-melħ tal-art u d-dawl tad-dinja,

biex inħabbru l-ħajja sabiħa tal-Evanġelu.

Ifrex, Mulej, is-sejħa ta’ mħabba tiegħek

fuq ħafna qlub disponibbli u ġenerużi;

nissel f’kulħadd ix-xewqa ta’ perfezzjoni evanġelika

u ta’ dedikazzjoni għas-servizz tal-Knisja u ta’ ħutna.

Ammen

 

Meħuda mill-ewwel messaġġ għall-ewwel jum dinji tal-Vokazzjonijiet,

San Pawlu VI, 1964

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Mill-Eżortazzjoni Appostolika Pastores Dabo Vobis ta’ San Ġwanni Pawlu II

 

“Ejjew u taraw” (Ġw 1,39). Din hi t-tweġiba li Ġesù ta liż-żewġ dixxipli ta’ San Ġwann Battista, li staqsewh fejn kien joqgħod. F’dan il-kliem insibu t-tifsir tal-vokazzjoni.

 

Il-Knisja hi mistiedna tidħol fil-fond tat-tifsir oriġinali w personali tas-sejħa għall-mixi wara Kristu fil-ministeru saċerdotali u tar-rabta li ma tista’ qatt tinħall bejn il-grazzja t’Alla u r-responsabbiltà tal-bniedem, rabta li tinsab u turi ruħha fiż-żewġ kelmiet li spiss issibhom flimkien fl-Evanġelju: “Ejja u imxi warajja” (ara Mt 19, 21). Il-Knisja hi mistiedna tifhem u tagħraf dak id-dinamiżmu li hu proprju tal-vokazzjoni, u tintebaħ bit-tliet mumenti li fihom tiżviluppa fil-fatt; l-ewwel tfittex 'il Ġesù, imbagħad tmur warajh, u fl-aħħar tibqa’ miegħu.

 

Iva, il-ħerqa għall-vokazzjonijiet hi ħerqa naturali w essenzjali tal-pastorali tal-Knisja, u r-raġuni hi l-fatt li l-vokazzjoni turi, b’xi mod, “x’inhi” l-Knisja, u x’inhi l-ħidma tagħha. L-istess isem tal-Knisja - ecclesia - turi l-aspett vokazzjonali intimu tagħha, għaliex il-Knisja hi “ġemgħa”, il-ġemgħa ta’ dawk li ssejħu. Alla laqqa’ l-ġemgħa ta’ dawk kollha li jħarsu bil-fidi lejn Ġesù, l-awtur tas-salvazzjoni u l-bidu tal-għaqda u s-sliem , u waqqaf il-Knisja biex tkun għal kulħadd u għal kull wieħed is-Sagrament li jidher ta’din l-għaqda ta’ salvazzjoni”[1].

 

Il-ġrajja ta’ kull vokazzjoni saċerdotali, kif hi madankollu l-ġrajja ta’ kull vokazzjoni nisranija, hi l-ġrajja ta’ djalogu, li ma jitfissirx bil-kliem, bejn Alla u bejn il-bniedem, bejn l-imħabba t’Alla li jsejjaħ u l-bniedem ħieles li jwieġeb 'l Alla bl-imħabba. Dawn iż-żewġ elementi tal-vokazzjoni, li ma jistgħu qatt jiġu mifrudin minn xulxin: id-don kollu kemm hu b’xejn t’Alla u l-libertà responsabbli tal-bniedem, jiddu b’mod tassew effikaċi fl-erba’ kelmiet li bihom l-evanġelista San Mark jirrakonta s-sejħa tat-Tnax: “Ġesù tela’ fuq l-għoljiet u sejjaħ hdejh dawk li ried u huma resqu lejh” (Mk 3,13). Min-naħa għandna d-deċiżjoni ħielsa ta’ Ġesù, u min-naħa l-oħra għandna t-Tnax li “jmorru wara” Ġesù. Din hi dejjem l-iskema, is-snin fondamentali ta’ kull vokazzjoni; dik tal-profeti, tal-Appostli, tas-saċerdoti, tar-reliġjużi, tal-lajċi, ta’ kull persuna.

 

Żgur li l-vokazzjoni hi misteru hekk għoli li ma nistgħux nifhmuh, u jħaddan fih ir-relazzjoni li Alla jwaqqaf ma’ kull bniedem, kull wieħed kollu kemm hu u ma hemmx ieħor bħalu, misteru li jingħaraf u jinħass bħala sejħa li tistenna tweġiba fil-fond tal-kuxjenza tal-bniedem, “dak is-santwarju fejn il-bniedem hu kollu kemm hu waħdu m’Alla, li jsemma’ leħnu fil-fond tiegħu”[2]. Iżda dan ma jwarrabx fil-ġenb l-aspett komunitarju w ekkleżjali tal-vokazzjoni: il-Knisja wkoll tinsab tassew u taħdem fil-vokazzjoni ta’ kull saċerdot.

 

Il-Knisja trid kuljum tilqa’ l-istedina li għaliha l-Mulej iħajjarha bil-ħlewwa kollha huwa w jgħidilha: “Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu (Mt 9,38). Hija w tobdi dan il-kmand tal-Mulej il-Knisja tkun qed tagħmel qabel kollox stqarrija umli tal-fidi, hija w titlob għall-vokazzjonijiet, waqt li tagħraf kemm dawn huma meħtieġa malajr għal ħajjitha w għall-missjoni tagħha, tagħraf li huma don ta’Alla w għalhekk trid titlobhom b’fiduċja kbira bla ma qatt tieqaf.

 

(Siltiet minn 33 – 38)

 

Kant

 

 

 

Talba korali

 

Għall-Knisja qegħdin infittxu

saċerdot li jkun kapaċi jerġa’ jitwieled fl-Ispirtu kuljum.

 

Għall-Knisja qegħdin infittxu bniedem li ma jibżax minn għada

U lanqas jibża’ mil-lum,

mingħajr kumplessi mill-passat.

 

Għall-Knisja qegħdin infittxu bniedem li ma jibżax jibdel l-affarijiet,

li ma jbiddilx biex ikun biddel,

u li ma jitkellimx biex ikun tkellem.

 

Għall-Knisja qegħdin infittxu bniedem li kapaċi jgħix mal-oħrajn

jaħdem magħhom

jibki magħhom

jidħaq magħhom

iħobb magħhom

u joħlom magħhom.

 

Għall-Knisja qegħdin infittxu bniedem

Li jkun kapaċi jitlef mingħajr ma jħossu mkisser,

li jiddubita mingħajr ma jitlef il-fidi,

li jġib il-paċi fejn ikun hemm l-inkwiet

u nuqqas ta’ kwiet fejn hemm il-paċi.

 

Għall-Knisja qegħdin infittxu bniedem

Li jaf juża jdejh biex ibierek u biex juri t-triq lill-oħrajn.

 

Għall-Knisja qegħdin infittxu bniedem bla ħafna mezzi,

imma li għandu ħafna x’jagħmel,

bniedem li fil-kriżijiet ma jmurx ifittexx xi xogħol ieħor,

imma li jara kif se jaħdem aħjar.

 

Għall-Knisja qegħdin infittxu bniedem

li jaf isib il-libertà tiegħu

billi jgħix u jaqdi

u mhux billi jagħmel dak li jogħġbu.

 

Għall-Knisja qegħdin infittxu bniedem

li jixxennaq għal Alla,

li jħobb lill-Knisja

iħobb lin-nies

iħobb il-faqar ta’ Ġesù,

iħobb l-ubbidjenza ta’ Ġesù.

 

Għall-Knisja qegħdin infittxu bniedem

li ma jħawwadx it-talb ma’ kliem li mdorri jgħid,

l-ispiritwalità mas-sentimentaliżmu,

il-vokazzjoni ma’ dak li jħobb jagħmel,

il-qadi mal-kumdità tiegħu.

 

Għall-Knisja qegħdin infittxu bniedem li kapaċi jmut għaliha,

imma li jkun iktar kapaċi jgħix għall-Knisja;

bniedem li kapaċi jsir ministru ta’ Kristu,

profeta ta’ Alla, bniedem li jitkellem b’ħajtu.

 

Don Primo Mazzolari

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Minn kitba tal-Beatu Pino Puglisi

 

“Għandna bżonn vokazzjonijiet għas-servizz tal-komunikazzjoni, għas-servizz tax-xandir tal-Kelma, għas-servizz missjunarju, għas-servizz fil-kura soċjali u fil-kura tas-saħħa, għas-servizz tal-fqar u l-persuni b’diżabilità, tal-emarġinati u d-drogati, tal-priġunieri u ta’ dawk li ħarġu mill-ħabs, taż-żgħażagħ u tal-anzjani, tal-ħaddiema u ta’ dawk bla xogħol. Għandna bżonn vokazzjonijiet għas-servizz politiku u amministrattiv. Iżda fuq kollox għandna bżonn nies li jpoġġu lilhom infushom għas-servizz tal-vokazzjoni tagħhom, jiġifieri nies li jkunu għas-servizz ta’ ħuthom, li jpoġġu lilhom infushom maġenb kull persuna fi vjaġġ gradwali ta’ dixxerniment. Nies li għal dan il-għan kapaċi jagħtu pariri, fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla, biex kulħadd jifhem x’inhi l-vokazzjoni tiegħu u x’servizz irid jagħti”. “L-akbar ġid li kull wieħed minna jista’ jagħmel għal ħuh huwa li ngħinuh jiskopri s-sejħa tiegħu biex imbagħad ikun jista’ jimxi fis-sejħa tiegħu. Jiġifieri li tifhem x’inhu l-pjan t’Alla għalih biex ikun jista’ jgħixu”. “Aħna lkoll bħall-wiċċ uniku ta’ Kristu. Ejjew naħsbu dwar il-mużajk ta’ Ġesù li wieħed jista’ jara fil-Katidral ta’ Monreal. Kull wieħed minna huwa bħal biċċa minn dan il-mużajk kbir. Ilkoll kemm aħna jeħtieġ li nifhmu fejn hu postna. U rridu ngħinu wkoll lill-oħrajn biex jifhmu fejn hu posthom sabiex il-wiċċ wieħed ta’ Kristu jkun iffurmat sew , jiddi bil-glorja tiegħu”.

 

Talb fis-skiet

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Ċelebrant:

 

Għeżież ħuti,

Il-vokazzjoni ministerjali tagħna hija msejsa fuq is-sejħa komuni għall-qdusija tal-poplu ta’ Alla, permezz tal-magħmudija. Aħna ġejna magħżulin minn fost il-bnedmin u mqegħdin  għall-bnedmin f’dak li għandu x’jaqsam ma’ Alla (ara Lhud 5:1). Konxji minn dan id-don u waqt li qed nippreparaw għall-ġublew tagħna, ejjew inġeddu l-grazzja li biha sirna parti mill-poplu rjali, profetiku u saċerdotali, u nwegħdu li naqduh b’ħajjitna kollha.

 

Għalhekk ejjew, bl-umiltà kollha, nitolbu lil Alla, Missierna, biex ibierek dan l-ilma li se nroxxu fuqna b’tifkira tal-magħmudija tagħna. Il-Mulej innifsu jġedded ħajjitna u jagħmilna dejjem fidili għad-don tal-Ispirtu li rċevejna, sabiex b’kariżmi differenti, nibnu l-Knisja waħda tiegħu.

 

Infaħħruk, O Alla ħallieq ta’ kollox,

Li permezz tal-ilma u tal-Ispirtu

Inti ħlaqt il-bniedem u l-ħolqien kollu.

Glorja lilek, Mulej!

 

Infaħħruk, O Kristu,

Li minn ġenbek minfud fuq is-salib

Ħarġu s-Sagramenti tas-salvazzjoni tagħna.

Glorja lilek, Mulej!

 

Infaħħruk, Spirtu s-Santu li mill-ġuf tal-fonti tal-Magħmudija

Inti tajtna twelid ġdid bħala ħlejjaq ġodda.

Glorja lilek, Mulej!

 

O Alla li tista’ kollox

Li permzz tas-sinjali qaddisa tal-fidi tagħna

Inti ġġedded l-għeġubijiet tal-ħolqien u tal-fidwa,

bierek X dan l-ilma

ħalli dawk kollha li twieldu mill-ġdid fil-Magħmudija

ikunu ħabbâra u xhieda tal-Għid li dejjem jiġġedded fil-Knisja tiegħek.

Bi Kristu Sidna.

Ammen.

 

Iċ-Ċelebrant ibierek lill-Assemblea

 

 

 

Ċelebrant:

 

O Alla li tista’ kollox, Missier Sidna Ġesù Kristu, li ħelisna mid-dnub u tana ħajja ġdida mill-ilma u mill-Ispirtu s-Santu, iħarisna bil-grazzja tiegħu sal-ħajja ta’ dejjem.

Bi Kristu Sidna.

Ammen

 

Omelija

 

Talba tal-komunità

 

Ċelebrant: L-aħwa għeżież, ejjew noffru l-intenzjonijiet tagħna ta’ talb lill-Mulej, ċerti mill-ħniena infinita tiegħu li sejħina biex nimxu warajh.

 

Qarrej: Nitolbu flimkien u ngħidu: Mgħallem, isma’ t-talba tagħna.

 

1. Nitolbu għall-Knisja. Sabiex dejjem terġa’ jiskopri l-għana infinita tas-saċerdozju komuni li ħadna fil-Magħmudija u jsaħħaħha sabiex, fid-diversità tal-kariżmi u l-ministeri, tikber l-għaqda tal-ġisem mistiku ta’ Kristu. Nitolbu.

 

2. Nitolbu għas-soċjetà ċivili u għal dawk imsejħin biex imexxuha. Sabiex ir-rispett lejn kull persuna, il-kura u l-promozzjoni tal-ħajja ikunu fiċ-ċentru tal-ħidma tagħhom, u sabiex tingħata kull attenzjoni għal dawk il-persuni li jinsabu fil-periferija, imwarrbin u miċħudin. Nitolbu.

 

3. Nitolbu għall-familji. Jalla f’kull dar ikun hemm kuljum l-imħabba reċiproka li tagħmel kull familja bħala Knisja domestika, li fiha tikber kull vokazzjoni għas-saċerdozju u għall-ħajja konsagrata. Nitolbu.

 

4. Nitolbu għaż-żgħażagħ.  Sabiex anke f’dan iż-żmien ta’ ħajjithom ikunu lesti u disponibbli li jisimgħu u jilqgħu l-leħen ta’ Ġesù li jsejħilhom biex ikunu miegħu ħalli  joffru lid-dinja x-xhieda ta’ ħajja mogħtija fis-servizz u fid-don tagħhom infushom. Nitolbu.

 

5. Nitolbu għas-saċerdoti. Jalla l-Ispirtu tal-Mulej li għażilhom minn fost il-bnedmin u mqegħdin fost il-bnedmin f’dak li hu ta’ Alla, jiffurmahom kontinwament fl-iskola tal-Imgħallem. Nitolbu.

 

6. Nitolbu għal dawk li qed ibatu. Jalla l-għajnuna tal-komunità Nisranija tkun strument tal-providenza tal-Missier li qatt ma jħalli lil uliedu waħedhom. Nitolbu.

 

7. Ejjew nitolbu għalina miġbura hawn. Jalla din is-sena ta’ tħejjija, permezz tat-talb, għall-Ġublew li jmiss tkun opportunità biex nikkonfermaw ruħna fil-vokazzjoni li rċevejna billi nimxu bit-tama fit-toroq li l-Mulej qed ifassal għall-Knisja Tiegħu. Nitolbu.

 

Ċelebrant:  Mulej, għajn u gwida ta’ kull vokazzjoni, sostnina bil-qawwa tal-Ispirtu tiegħek u għatina li, matul iż-żmien, qatt ma jkun hemm nuqqas ta’ ħaddiema għall-ħsad tal-Missier. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen

 

 

 

Barka

 

Alla, il-bidu u l-mexxej tal-Knisja,

Iħariskom dejjem bil-grazzja tiegħu,

sabiex tkunu tistgħu taqdu b’fedeltà il-missjoni tagħkom.

Ammen.

 

Jagħmilkom qaddejja u xhieda tal-verità u l-imħabba,

u ministri fidili tar-rikonċiljazzjoni.

Ammen.

 

Jagħmel minnkom rgħajja awtentiċi,

li jqassmu l-ħobż u l-kelma tal-ħajja lil dawk li jemmnu

biex jikbru dejjem aktar fl-għaqda tal-Ġisem ta’ Kristu.

Ammen.

 

U fuqkom ilkoll hawn preżenti tinżel il-barka ta’ Alla li jista’ kollox:

Il-Missier u l-Iben u l-Spirtu s-Santu.

Ammen.

 

Għatu glorja lill-Mulej b’ħajjitkom u morru fil-paċi.

Irroddu ħajr lil Alla.

 

Kant tal-għeluq

 

 

 

 

 

 

2. Il-professjoni tal-fidi

 

Kant

 

Daħla

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Ammen

 

Is-sliem, l-imħabba u l-fidi mingħand Alla l-Missier u l-Mulej Ġesù Kristu jkunu magħkom ilkoll.

U miegħek ukoll

 

Ejjew niftħu qalbna għat-tama li ma tqarraqx bina.

 

Missier li inti fis-smewwiet,

il-fidi li inti tajtna

f’Ibnek Ġesù Kristu, ħuna,

u l-fjamma tal-imħabba

imkebbsa fi qlubna mill-Ispirtu s-Santu,

jerġgħu jqajmu fina t-tama ħienja

tal-miġja tas-Saltna tiegħek.

Jalla l-grazzja tiegħek tibdilna

f’ħaddiema bieżlin li jiżirgħu ż-żerriegħa tal-Evanġelju.

Jalla din iż-żerriegħa tkun il-ħmira li tibdel minn ġewwa lill-umanità u lill-univers,

fl-istennija ħienja ta’ smewwiet ġodda u art ġdida,

meta tidher il-glorja tiegħek għal dejjem,

wara li jkunu megħluba s-setgħat tal-Ħażen.

Jalla l-grazzja ta’ dan il-Ġublew

tagħmel minna Pellegrini tat-Tama,

imxennqin għall-ġid tas-sema.

Jalla din il-grazzja xxerred fuq id-dinja kollha

il-ferħ u s-sliem tal-Feddej tagħna.

Lilek O Alla, int l-Imbierek għal dejjem,

tifħir u glorja għal dejjem.

Ammen.

 

 

 

 

 

 

 

Ħuti għeżież,

 

Fil-mixja tagħna lejn il-Ġublew li jmiss, bħala pellegrini tat-tama, ejjew nimxu fuq il-passi tal-qaddisin appostli Pietru u Pawlu.  Wara li rriflettajna fuq l-għeruq tal-vokazzjoni ministerjali tagħna, ejjew illum nġeddu l-professjoni tal-fidi tagħna fi Kristu Ġesù, l-Imgħallem u l-Feddej tagħna. Fil-fraternità saċerdotali ejjew nitolbu lill-Mulej maħfra flimkien, sabiex ikollu ħniena minna.

Ħin ta’ skiet

 

Mulej, inti ma ġejtx biex tikkundanna imma biex taħfer, Kýrie, eléison.

Kýrie, eléison.

 

Kristu, li tagħmel festa lil kull midneb li jindem, Christe, eléison.

Christe, eléison.

 

Mulej, inti taħfer ħafna lil min iħobb ħafna, Kýrie, eléison.

Kýrie, eléison.

 

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox, jaħfrilna dnubietna u jwassalna għall-ħajja ta’ dejjem.

Ammen

 

Kolletta

 

Nitolbu.

Mulej Alla tagħna, li tmexxi lill-poplu tiegħek permezz tal-ministeru tas-saċerdoti, għatihom li jkunu perseveranti biex jaqdu r-rieda tiegħek, sabiex fil-ministeru u fil-ħajja tagħhom ikunu jistgħu jagħtuk glorja fi Kristu. Hu li Hu Alla, u li miegħek jgħix u jsaltan, flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Qari mill-Ittra lil-Lhud                                                                                          (11,1-2,8-19)

 

Ħuti, il-fidi hija pedament tal-ħwejjeġ li għandna nittamaw, hija l-prova tal-ħwejjeġ li ma narawx. In-nies tal-imgħoddi għoġbu lil Alla sewwasew għax kellhom il-fidi.

 

Kienet il-fidi li ġagħlet lil Abraham jobdi s-sejħa ta’ Alla, meta dan qallu biex imur f’art li kien se jagħtih b’wirt; u telaq, bla ma kien jaf fejn kien sejjer. Kienet il-fidi li ġagħlitu jgħammar fl-art imwiegħda, qisu barrani f’art barranija, u jgħix taħt it-tined flimkien ma’ Iżakk u Ġakobb, li kienu werrieta miegħu tal-istess wegħda; għax hu kien iħares ’il quddiem, lejn il-belt mibnija fis-sod, li l-imgħallem u l-bennej tagħha huwa Alla.

 

Kienet ukoll il-fidi li biha Sarah, mara mdaħħla fiż-żmien, setgħet titqal, għax hija għarfet li ta’ kelmtu kien dak li għamlilha l-wegħda. Kien għalhekk li minn bniedem wieħed, li kien tista’ tgħid mejjet, twieldu nies bil-kotra daqs il-kwiekeb tas-sema u daqs ir-ramel ta’ xatt il-baħar, li ħadd ma jista’ jgħoddu.

 

Kollha bil-fidi mietu dawn in-nies. Kienu għadhom ma ħadux dak li kien imwiegħed, iżda huma rawh mill-bogħod u sellmulu, waqt li għarfu li huma kienu barranin u għorba fuq l-art. Tabilħaqq, dawk li jitkellmu b’dan il-mod juru ċar li huma qegħdin ifittxu pajjiż għalihom. Li kieku kellhom fi ħsiebhom il-pajjiż li minnu kienu ħarġu, kellhom żmien biżżejjed biex jerġgħu lura fih. Imma issa huma jixtiequ pajjiż aħjar, jiġifieri, dak tas-sema. Huwa għalhekk li Alla ma jistmellx jissejjaħ Alla tagħhom, għax hu ħejja belt għalihom.

 

Kienet il-fidi li ġagħlet lil Abraham joffri ’l Iżakk meta Alla ġarrbu; u kien se joffri lil ibnu l-waħdieni sewwasew dak li kien ħa l-wegħdiet, hu li Alla kien qallu: “Minn Iżakk int għad ikollok nisel.” Huwa fehem li Alla kellu s-setgħa saħansitra li jqajjem mill-mewt; u, fis-sens ta’ tixbiha, ħadu tabilħaqq lura mill-mewt.

 

Il-Kelma tal-Mulej.

Irroddu ħajr lil Alla.

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Salm Responsorjali                                                                        (minn Salm26)

 

Inwieġbu flimkien: Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi.

 

Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi;

minn min għandi nibża’?

Il-Mulej hu l-kenn tiegħi;

quddiem min għandi nitwerwer?  R/.

 

Ħaġa waħda tlabt lill-Mulej,

ħaġa waħda nfittex:

li ngħammar f’dar il-Mulej

tul il-jiem kollha ta’ ħajti;

biex nitgħaxxaq bil-ħlewwa tal-Mulej

jien u nħares lejn it-tempju tiegħu.  R/.

 

Isma’, Mulej, leħen l-għajta tiegħi,

ħenn għalija u weġibni.

jien wiċċek infittex, Mulej.

la taħbix wiċċek minni.   R/.

 

Nemmen li għad nara t-tjieba tal-Mulej f’art il-ħajjin.

Ittama fil-Mulej, żomm sħiħ u qawwi qalbek;

ittama fil-Mulej.  R/.

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Kant għall-Evanġelju

 

Hallelujah, hallelujah

Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi,

U s-setgħat tal-infern ma jegħlbuhiex.

Hallelujah

 

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew                                                            (Mt 16, 13-19)

 

F’dak iż-żmien, meta wasal fl-inħawi ta’ Ċesarija ta’ Filippu, Ġesù staqsa lid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Min jgħidu n-nies li hu Bin il-bniedem?” U huma weġbuh: “Xi wħud, Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, Ġeremija jew wieħed mill-profeti.” Imma intom min tgħidu li jien?” staqsiehom. U qabeż Xmun Pietru u qallu: “Inti l-Messija, Bin Alla l-ħaj.” U Ġesù wieġbu u qallu: “Hieni int, Xmun bin Ġona, għax mhux bniedem tad-demm u l-laħam uriek dan, imma Missieri li hu fis-smewwiet. U jiena ngħidlek: Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi, u s-setgħat tal-infern ma jegħlbuhiex. Jiena nagħtik l-imfietaħ tas-Saltna tas-Smewwiet, u kulma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kulma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet.”

 

Il-Kelma tal-Mulej

Tifħir lilek, Kristu!

 

Skiet

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Talba alternata bejn żewġ kori

 

O Kristu, l-uniku medjatur tagħna, aħna għandna bżonnok:

Biex ngħixu f’komunjoni ma’ Alla l-Missier;

Biex miegħek, Int li Int Iben waħdieni u l-Mulej tagħna,

Insiru ulied adottivi tiegħu,

Biex nitwieldu mill-ġdid mill-Ispirtu s-Santu.

 

Għandna bżonnok,

Int li Int l-uniku mgħallem ta’ dawk il-veritajiet

li huma moħbija imma meħtieġa għall-ħajja,

biex inkunu nafu min aħna u d-destin tagħna, u l-mod kif niksbuh.

 

Għandna bżonnok, Feddej tagħna,

biex insiru konxji tad-dgħufija tagħna u biex infejquha;

Biex inkunu nistgħu nagħrfu t-tajjeb mill-ħażin u jkollna t-tama tal-qdusija;

biex niċħdu dnubietna u jkollna l-maħfra tagħhom.

 

Għandna bżonnok, Inti li Inti ħuna l-kbir u l-ikbar fost il-bnedmin,

biex niskopru mill-ġdid:

ir-raġunijiet veri tal-fratrnità fost il-bnedmin,

il-pedamenti tal-ġustizzja, it-teżori tal-imħabba,

U l-ogħla ġid li hija l-paċi.

 

Għandna bżonnok, inti li ġġorr fuqek l-uġigħ tagħna,

Biex inkunu nafu t-tifsira tat-tbatija

u biex nagħtuha valur - biha inpattu u biha insalvaw.

 

Għandna bżonnok, Int li Int Rebbieħ fuq il-mewt,

biex teħlisna mid-disperazzjoni u miċ-ċaħda

u biex ikollna dawk iċ-ċertezzi li qatt ma jittraduna.

 

Ilkoll flimkien:

Għandna bżonnok, o Kristu,

Mulej, Alla magħna, biex minnek nitgħallmu l-vera imħabba

U biex, matul it-triq iebsa ta’ ħajjitna,

nimxu bil-ferħ u bil-qawwa tal-imħabba tiegħek,

sa ma naslu għall-aħħar laqgħa tagħna miegħek,

aħna li nħobbuk, u li qed nistennewk,

Int, li Int l-Imbierek għal dejjem.  Ammen

 

(meħuda minn ittra Pastorali lid-Djoċesi ta’ Milan, San Pawlu VI, 1955)

 

Mill-Eżortazzjoni Appostolika Pastores Dabo Vobis ta’ San Ġwanni Pawlu II

 

Hija w taqdi l-missjoni profetika tagħha, il-Knisja tħoss li ma tistax twarrab fil-ġenb id-dmir urġenti li tħabbar u tagħti xhieda tat-tifsir nisrani tal-vokazzjoni, anzi tal-“Evanġelju tal-vokazzjonijiet”. Il-Knisja f’dan il-qasam tagħraf ukoll kemm hu urġenti llum kliem l-Appostlu:”Ħażin għalija jekk ma nxandarx l-Evanġelju” (1 Kor 9,16). Din it-twissija hi l-ewwelnett għalina r-ragħajja, u, flimkien magħna, hi wkoll għall-edukaturi kollha fil-Knisja. Il-predikazzjoni u l-katekeżi iridu dejjem juru dimensjoni vokazzjonali, li hi naturali għalihom: il-Kelma ta’ Alla iddawwal lil min jemmen biex iqis il-ħajja tiegħu bħala tweġiba għas-sejħa ta’ Alla u tissieħeb miegħu biex jilqa’ bil-fidi d-don tal-vokazzjoni personali.

 

Iżda dan mhux biżżejjed għalkemm hu importanti w essenzjali: meħtieġa “predikazzjoni diretta dwar il-misteru tal-vokazzjoni fil-Knisja, dwar il-valur tas-saċerdoti ministerjali, u dwar il-ħtieġa urġenti tal-vokazzjonijiet għall-Poplu ta’ Alla” . Katekeżi organika mogħtija b’mod xieraq lill-membri kollha tal-Knisja, barra li twarrab id-dubju li jkun hemm u tneħħi fehmiet mgħawġa w unilaterali dwar il-ministeru saċerdotali, tiftaħ qlub dawk li jemmnu ħa jistennew id-doni ta’ Alla, u toħloq kundizzjonijiet favorevoli għat-twelid ta’ vokazzjonijiet ġodda. Wasal iż-żmien li nitkellmu bil-kuraġġ kollu dwar il-ħajja tas-saċerdot bħala valur ta’ siwi bla qjies u bħala sura l-ġmiel tagħha, sura privileġġjata tal-ħajja nisranija. L-edukaturi, u fuq kollox is-saċerdoti, ma’ għandhom jibżgħu juru b’mod ċar u qawwi li l-vokazzjoni għas-saċerdozju hi ħaġa li verament tista’ tkun għal dawk iż-żgħażagħ li jidher li għandhom id-doni u l-kwalitajiet meħtieġa għaliha. Wieħed m’ għandu jibża’ li jkun qiegħed jinfluwenzahom iżżejjed jew jillimitalhom il-libertà tagħhom; anzi proposta xierqa, f’ waqtha, tista’ twassal biex tqanqal fiż-zgħażagħ tweġiba ħielsa w vera. Fl-aħħar mill-aħħar, il-ġrajja tal-Knisja hi l-ġrajja ta’ ħafna vokazzjonijiet li nibtu wkoll fi tfal żgħar, u turi sewwa kemm hi provvidenzjali l-kelma ta’ saċerdot li jkun qrib it-tfal u ż-żgħażagħ: mhux biss il-kelma, imma wkoll li jkun qrib tagħhom, jiġifieri xhieda ferrieħa bil-fatt kapaċi tqanqal ħafna mistoqsijiet u twassal ukoll għal deċiżjonijiet effettivi.

 

(kap 38)

 

Kant

 

 

 

 

 

 

Talba korali:

 

O Ġesù, qassis il-kbir u ta’ dejjem, ħares lis-saċerdot tiegħek

Fil-Qalb Imqaddsa Tiegħek.

 

Żomm bla tebgħa lil idejh midlukin

li jmissu l-Ġisem Imqaddes Tiegħek ta’ kuljum.

Ħares ukoll xufftejh iħammru bid-Demm Prezzjuż Tiegħek.

 

Żomm il-qalb tiegħu safja

Qalb immarkata mill-karattru saċerdotali tiegħek.

Għamel li jikber fil-fedeltà u l-imħabba lejk u ħarsu  mit-taħsir tad-dinja.

 

Flimkien mas-setgħa li jibdel il-ħobż u l-inbid, agħtih ukoll is-setgħa li jibdel il-qlub.

 

Bierku u agħmel li l-ħidma tiegħu tħalli frott

u meta jasal il-waqt agħtih ukoll il-kuruna tal-ħajja ta’ dejjem.

Ammen

 

(Santa Tereża ta’ Lisieux)

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Omelija tal-Papa Benedittu Sittax fis-Solennità tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù,

11 ta’ Ġunju 2010

 

Is-saċerdot mhux sempliċiment xi ħadd li għandu kariga, bħal dawk li kull soċjetà teħtieġ biex ikunu jistgħu jitwettqu fiha ċerti uffiċċji. Iżda hu jagħmel xi ħaġa li l-ebda bniedem ma jista’ jagħmel waħdu: ilissen f’isem Kristu l-kelma tal-maħfra  tad-dnubiet u b’hekk ibiddel, bis-setgħa li ġejja minn Alla, is-sitwazzjoni ta’ ħajjitna. Ilissen il-kliem ta’ radd il-ħajr fuq l-offerti tal-ħobż u l-imbid, li huma kliem ta’ transustanzazzjoni – kliem li jagħmlu lilu nnifsu preżenti, Hu li Hu l-Irxoxt, Ġismu u Demmu, kliem li jibdlu l-elementi tad-dinja: kliem li jiftaħ beraħ id-dinja kollha għal Alla u jgħaqqadna miegħu.

 

Mela is-saċerdozju mhux sempliċiment “uffiċċju”, imma sagrament: Alla juża sempliċi bniedem biex permezz tiegħu jkun preżenti għall-bnedmin u jaġixxi f’isimhom. Kemm hu kbir dan il-kuraġġ ta’ Alla, li jafda lilu nnifsu f’idejn il-bnedmin; li minkejja li jaf id-dgħufijiet tagħna, iqis lill-bnedmin li huma kapaċi jaġixxu u jkunu preżenti minfloku – dan il-kuraġġ ta’ Alla huwa tassew tal-għaġeb, u huwa moħbi fil-kelma “saċerdozju”. Il-fatt li Alla jqisna kapaċi għal dan; il-fatt li b’dan il-mod huwa jsejjaħ lill-bnedmin għas-servizz tiegħu u b’hekk jintrabat magħhom: huwa propju dan li ridna nirriflettu u nifhmu mill-ġdid matul din is-sena. Ridna nerġgħu nqajmu fina l-ferħ ta’ kemm Alla hu tant qrib tagħna, u l-gratitudni tal-fatt li Hu jafda lilu nnifsu f’idejn id-dgħufija tagħna; u li Hu jmexxina u jsostnina kuljum. B’hekk ridna wkoll nerġgħu nuru liż-żgħażagħ li din il-vokazzjoni, din il-komunjoni ta’ servizz għal Alla u ma’ Alla, fil-fatt teżisti – anzi, huwa Alla qed jistenna l-“iva” tagħna.

 

Qegħdin niċċelebraw il-festa tal-Qalb ta’ Ġesù u permezz tal-liturġija, biex ngħidu hekk, nidħlu u niskopru din il-qalb ta’ Ġesù, li fil-mewt tiegħu infetħet mil-lanza tas-suldat Ruman. Iva, qalbu hija miftuħa għalina – u b’dan tinfetaħ għalina l-qalb ta’ Alla nnifsu. Il-liturġija tinterpreta għalina l-lingwaġġ tal-qalb ta’ Ġesù, li tkellimna, fuq kollox, li Alla huwa r-Ragħaj tal-bnedmin, u b’dan il-mod turina li s-saċerdozju ta’ Ġesù għandu l-għeruq fil-fond ta’ qalbu; u b’hekk turina li dan il-pedament jibqa’ għal dejjem, u huwa l-kriterju ta’ kull ministeru saċerdotali, li għandu dejjem ikun ankrat fil-qalb ta’ Ġesù u li għandu l-bidu tiegħu fih.

 

Ir-ragħaj juri t-triq it-tajba lil dawk fdati lilu. Hu jimxi quddiemhom u jmexxiehom. Ejjew ngħidu dan b’mod differenti: il-Mulej jurina kif għandna nkunu bnedmin. Jgħallimna l-arti ta’ kif inkunu bnedmin. X’għandi nagħmel biex nevita li naqa’, biex nevita li naħli ħajti f’ħajja bla sens? Din hija proprju l-mistoqsija li kull bniedem irid jagħmel lilu nnifsu u li tgħodd f’kull waqt ta’ ħajjitna. U kemm jeżisti dlam madwar din il-mistoqsija llum! Għal darb’oħra niftakru fil-kliem ta’ Ġesù, li ġietu ħniena min-nies, għax kienu bħal nagħaġ mingħajr ragħaj. Mulej, ikollok ħniena minna wkoll! Urina t-triq! Mill-Evanġelju nafu dan: Hu nnifsu huwa t-triq. Li ngħixu ma’ Kristu, li nimxu warajh – dan ifisser li nsibu t-triq it-tajba, biex ħajjitna tikseb tifsira u biex xi darba nkunu nistgħu ngħidu: “Iva, kienet xi ħaġa tajba li jiena għext”.

 

Il-poplu ta’ Iżrael huwa grat lejn Alla, għax Hu wera l-mod ta’ kif ngħixu permezz tal-Kmandamenti. Is-Salm il-kbir 119 (118) huwa espressjoni unika ta’ ferħ għal dan il-fatt: m’aħniex mexjin fid-dlam. Alla wriena x’inhi t-triq, kif nistgħu nimxu sewwa. Dak li jgħidu l-Kmandamenti huwa miġbur fil-qosor fil-ħajja ta’ Ġesù li sar għalina mudell ħaj. Għalhekk nifhmu li dawn l-indikazzjonijiet mingħand Alla mhumiex ktajjen, imma huma t-triq li jurina Hu. Nistgħu nkunu ħenjin minħabba dawn il-kmandamenti, u nifirħu għax narawhom quddiemna bħala realtà ħajja permezz ta’ Kristu. Hu stess għamilna ħenjin. Fil-mixja flimkien ma’ Kristu nesperjenzaw il-ferħ tar-Rivelazzjoni, u bħala saċerdoti rridu nikkomunikaw lin-nies il-ferħ għax lilna intweriet it-triq it-tajba tal-ħajja.

 

Imbagħad hemm il-kelma dwar il-“wied mudlam” li minnu l-Mulej imexxi lill-bniedem. It-triq ta’ kull wieħed minna xi darba se twassalna fil-wied mudlam tal-mewt fejn ħadd ma jista’ jakkumpanjana. Imma Hu se jkun hemm. Kristu nnifsu niżel fil-lejl mudlam tal-mewt. Anke hemmhekk hu ma jħalliniex waħedna. Imexxina hemm ukoll. “Jekk ninżel f’qiegħ l-art, inti hemm,” jgħid Salm 139 (138). Iva, int preżenti anki fl-aħħar taqtiegħa, u għalhekk is-Salm responsorjali tagħna jgħid: anke hemm, fil-wied mudlam, ma nibżax. Meta nitkellmu dwar dan il-wied mudlam, iżda, nistgħu naħsbu wkoll fil-widien mudlama ta’ tentazzjoni, ta’ qtigħ il-qalb u provi li kull persuna umana trid tgħaddi minnhom. Anke f’dawn il-widien mudlama tal-ħajja Hu qiegħed hemm. Iva, Mulej, fid-dlam tat-tentazzjoni, fis-sigħat tad-dlam li fihom id-dwal kollha donnhom jintfew, urini li int qiegħed hemm. Għinna lilna s-saċerdoti, sabiex inkunu qrib in-nies fdati f’idejna fl-iljieli mudlama tagħhom. Sabiex inkunu nistgħu nuruhom id-dawl tiegħek.

 

“Il-ħatar tiegħek u l-għasluġ tiegħek huma jwennsuni”: ir-ragħaj għandu bżonn il-ħatar kontra l-bhejjem salvaġġi li jridu jidħlu qalb il-merħla, kontra l-ħallelin li jfittxu l-priża tagħhom. Minbarra l-ħatar għandu bżonn ukoll l-għasluġ li jitwieżen fuqu u jgħinu biex jaqsam mogħdijiet iebsa. Dawn iż-żewġ ħwejjeġ jagħmlu sehem ukoll mill-ministeru tal-Knisja, fil-ministeru tas-saċerdot. Il-Knisja trid tuża wkoll il-ħatar tar-ragħaj, il-ħatar li bih tħares il-fidi kontra t-tagħlim falz, kontra l-kurrenti li jbiegħdu lill-merħla. Preċiżament l-użu tal-ħatar jista’ jkun servizz ta' mħabba. Illum nistgħu naraw li m’għandha x’taqsam xejn mal-imħabba meta tiġi tollerata imġieba mhux xierqa għall-ħajja saċerdotali. Hekk ukoll kif mhix kwistjoni ta’ mħabba jekk l-ereżija, it-tgħawwiġ u t-tnaqqir tal-fidi jitħallew jinfirxu, bħallikieku l-fidi hi xi ħaġa li vvintajna aħna stess! Bħallikieku m’għadhiex rigal mingħand Alla, il-fidi hija l-ġawhra għażiża li ma nistgħux inħallu min jaħtafhielna. Fl-istess ħin, iżda, il-ħatar dejjem irid isir għasluġ, il-bastun tar-ragħaj – bastun li jgħin lill-bnedmin biex ikunu jistgħu jimxu f’mogħdijiet diffiċli wara l-Mulej.

 

Fl-aħħar tas-Salm tissemma’ l-mejda mħejjija, iż-żejt li bih tindilek ir-ras, il-kalċi mfawwar, u li ngħammru fid-dar tal-Mulej. Fis-Salm dan l-ewwelnett jesprimi l-ferħ meta nkunu fil-preżenza ta’ Alla fit-tempju, li nkunu l-mistednin tiegħu, li huwa hu stess li jgħaddi jservina, u li ngħammru miegħu.  Għalina li nitolbu dan is-Salm ma’ Kristu u mal-Ġisem tiegħu li hu l-Knisja, din it-tama tikseb wisa’ u fond akbar. F’dan il-kliem naraw, biex ngħidu hekk, antiċipazzjoni profetika tal-misteru ta’ l-Ewkaristija li fih Alla nnifsu jistedinna meta joffrilna lilu nnifsu bħala ikel – bħal dak il-ħobż u dak l-inbid mill-itjeb li, hu waħdu jista’ jaqta’ l-ġuħ u l-għatx ġewwieni tal-bniedem. Kif nistgħu ma nkunux ħenjin meta għad jasal dak il-jum aħna nkunu mistednin għall-mejda t’Alla u ngħixu miegħu? Kif nistgħu ma nkunux ħenjin meta Hu kkmandana: “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi”? Kif nistgħu ma nkunux ħenjin meta Hu ħalliena nħejju l-mejda ta’ Alla għall-bnedmin, nagħtuhom Ġismu u Demmu, u noffrulhom id-don prezzjuż tal-preżenza tiegħu stess? Iva, nistgħu nitolbu flimkien bil-qalb il-kliem tas-Salm: “It-tjieba u l-ħniena jkunu miegħi l-jiem kollha ta’ ħajti” (23 [22], 6).

 

Fl-aħħar ejjew nagħtu ħarsa fil-qosor lejn iż-żewġ antifoni tat-tqarbin li tipproponielna llum il-Knisja fil-liturġija tagħha. L-ewwel nett hemm il-kelma li biha San Ġwann itemm ir-rakkont tat-tislib ta’ Ġesù: “Suldat nifidlu ġenbu b’lanza u minnufih ħareġ demm u ilma” (Ġw 19,34). Qalb Ġesù hija minfuda mil-lanza. Din il-qalb miftuħa ssir għajn: l-ilma u d-demm li joħorġu jirreferu għaż-żewġ Sagramenti ewlenin li bihom tgħix il-Knisja: il-Magħmudija u l-Ewkaristija. Mill-ġenb minfud tal-Mulej, minn qalbu miftuħa toħroġ l-għajn ħajja li nixxiet tul is-sekli, u hija din l-għajn li tagħmel il-Knisja. Il-qalb miftuħa hija n-nixxiegħa ġdida ta’ ħajja; f’dan il-kuntest, Ġwanni żgur ħaseb ukoll fil-profezija ta’ Eżekjel li jara xmara toħroġ mit-tempju l-ġdid, xmara li tagħti frott u ħajja (Eż 47): Ġesù nnifsu hu t-tempju l-ġdid, u l-qalb miftuħa tiegħu hija l-għajn li minnha toħroġ ħajja ġdida, ħajja li tiġi kkomunikata lilna fil-Magħmudija u l-Ewkaristija.

 

Madankollu, fil-liturġija tas-Solennità tal-Qalb ta’ Ġesù hemm kelma oħra fl-antifona tat-tqarbin, u tixbaħ lil din, meħuda mill-Evanġelju ta’ Ġwanni: “Min jieħdu l-għatx, jiġi għandi u jixrob. Kif tgħid l-Iskrittura, min jemmen fija minnu joħorġu xmajjar ta’ ilma ħaj” (ara Ġwanni 7:37f). Permezz tal-fidi nixorbu, biex ngħid hekk, mill-ilma ħaj tal-Kelma ta’ Alla. B’dan il-mod il-bniedem li jemmen isir hu nnifsu għajn li tagħti ilma ħaj lill-art għatxana. Dan narawh fil-qaddisin. Narawh f’Marija li, bħala mara kbira ta’ fidi u mħabba, saret għajn ta’ fidi, ta’ imħabba u ta’ ħajja matul is-sekli. Kull nisrani u kull saċerdot għandu jsir għajn li jagħti l-ħajja lill-oħrajn, u dan billi jibda minn Kristu. Jeħtieġ nagħtu l-ilma tal-ħajja lid-dinja bil-għatx. Mulej, nirringrazzjawk għax int ftaħt qalbek għalina; meta permezz tal-mewt u l-qawmien tiegħek sirt għajn tal-ħajja. Għatina l-ħajja, għatina li ngħixu bik int li int l-għajn vera, u għatina li aħna wkoll inkunu għejjun li nagħtu l-ilma tal-ħajja lil dan iż-żmien li qed ngħixu fih.

 

 Nirringrazzjawk tal-grazzja tal-ministeru saċerdotali. Mulej, berikna u bierek lil dawk kollha li jinsabu bil-għatx u għadhom qed ifittxu. Ammen.

 

Skiet għal ħin ta’ riflessjoni

 

Ċelebrant:

 

Għeżież ħuti,

 

Meta aħna weġibna għas-sejħa tal-Mulej Ġesù, aħna qbadna t-triq biex nimxu warajh u wegħidnieh li nħarsu, u li ngħaddu lill-oħrajn il-fidi tagħna. Din il-fidi hija simbolizzata mid-dawl li ingħatalna fil-jum tal-magħmudija tagħna. Il-Mulej irxoxt, li għażilna sa minn ġuf ommna, l-ewwel sejħilna għall-eżistenza, u mbagħad sejħilna biex nimxu warajh, huwa d-dawl tad-dinja, “il-belt mibnija fuq il-muntanja”.

Konxji ta’ dan id-don, u waqt li qed nippreparaw għall-ġublew tagħna, ejjew nerġgħu nirċievu dan id-dawl u nġeddu l-istqarrija tal-fidi tagħna, il-wegħdiet tal-magħmudija tagħna, li permezz tagħhom aħna għażilna lil Kristu l-Mulej.

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Jinxtegħlu x-xemgħat mill-blandun

u jitqassmu lis-saċerdoti preżenti.

Imbagħad, iċ-ċelebrant jistieden lil dawk preżenti

biex jagħmlu l-istqarrija tal-fidi

u jġeddu l-wegħdiet tal-magħmudija.

Inqumu bilwieqfa

 

Tiċħdu lid-dnub, biex tgħixu fil-ħelsien ta’ wlied Alla?

IVA NIĊĦAD.

 

Tiċħdu lill-qerq tal-ħażen biex id-dnub ma jaħkimx fuqkom?

IVA NIĊĦAD.

 

Tiċħdu lix-xitan, li jqanqal u jħajjar għad-dnub?

IVA NIĊĦAD.

 

Temmnu intom f’Alla, il-Missier li jista’ kollox, li ħalaq is-sema u l-art?

IVA NEMMEN.

 

Temmnu f’Ġesù Kristu, Ibnu l-waħdieni, Sidna, li twieled minn Marija Verġni, bata, miet u difnuh, qam mill-imwiet, u qiegħed fil-lemin tal-Missier?

IVA NEMMEN.

 

Temmnu fl-Ispirtu s-Santu, fil-Knisja Mqaddsa Kattolika, fi-xirka tal-qaddisin, fil-maħfra tad-dnubiet, fil-qawmien mill-imwiet u fil-ħajja ta’ dejjem?

IVA NEMMEN.

 

U Alla li jista’ kollox, Missier Sidna Ġesù Kristu, li ħelisna mid-dnub u tana ħajja ġdida mill-ilma u l-Ispirtu s-Santu, iħarisna bil-grazzja tiegħu u jwassalna fil-ħajja ta’ dejjem.

Ammen.

 

Noqogħdu bilqiegħda

 

OMELIJA

 

 

 

 

 

 

 

Talb tal-komunità

 

Ċelebrant:

Ħuti għeżież, ejjew nagħmlu t-talb tagħna lill-Mulej, ċerti mill-ħniena tiegħu bla tarf, hu li sejjaħna biex nimxu warajh.

 

Qarrej: Nitolbu flimkien u ngħidu: Mgħallem, isma’ t-talba tagħna.

 

1.Għall-Knisja kollha, li permezz tagħha l-leħen tal-Mulej li jsejjaħ lil kulħadd għad-dixxipulat għadu jinstema’ sal-lum. Nitolbu sabiex bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu l-Knisja tkompli turi s-sejħa ewlenija tal-bnedmin kollha, li jkunu l-ulied maħbubin tal- Missier. Nitolbu.

 

2.Għall-Papa, l-isqfijiet u s-saċerdoti: biex ikunu rgħajja ġenerużi, kapaċi jagħtu ħajjithom għall-aħbar it-tajba ta’ Kristu, u jsiru mudell ta’ min jimitahom. Nitolbu.

 

3.Għall-persuni konsagrati kollha, irġiel u nisa: sabiex il-grazzja tiegħek tgħinhom jgħixu bis-sħiħ il-vokazzjoni tagħhom u jkunu jafu jiġbdu oħrajn biex jgħixu l-istess sigriet tal-ferħ tagħhom. Nitolbu.

 

4.Għall-missjunarji: sabiex, mgħejjunin mit-talb tagħna, dejjem isibu s-saħħa u l-kuraġġ biex iwasslu l-Bxara t-Tajba f’kull parti tad-dinja, speċjalment fil-periferiji tal-eżistenza umana. Nitolbu.

 

5.Għall-koppji miżżewġin: sabiex, fil-ħajja tal-familja, isibu twettiq fil-vokazzjoni tagħhom għall-hena, u joħolqu art fertili li fiha jitwieldu u jikbru l-vokazzjonijiet. Nitolbu.

 

6.Għaż-żgħażagħ: sabiex jitgħallmu dwar il-vokazzjoni tagħhom permezz ta’ dawk li jmexxuhom u jedukawhom, jiskopru r-riżorsi u l-valuri li jeħtieġu biex jagħtu ħajjithom b’ferħ u fiduċja. Nitolbu.

 

7. Għalina lkoll li qed inħejju biex ngħixu l-Ġublew: sabiex inkunu pellegrini ta’ tama fit-toroq tad-dinja, imħaddnin mas-salib ta’ Kristu u magħqudin fl-imħabba ta’ aħwa. Nitolbu.

 

Ċelebrant:

Mulej Ġesù Kristu, inti d-dawl tagħna, żomm il-fidi tagħna soda u għinna fil-mixja tagħna ta’ kuljum. Isma’ t-talb umli li joħroġ mill-qalb tal-Knisja tiegħek, u ilqa’ r-radd ta’ ħajr tagħna u kun int li twettaq it-tama tagħna. Int, li int Alla, u li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen

 

Barka

 

Alla, li minnu tieħu isimha kull familja,

isaħħaħkom fil-bniedem ta’ ġewwa skont il-għana tal-glorja tiegħu.

Ammen.

 

Jagħtikom li timxu b’qalb ġeneruża

fit-triq tal-kmandamenti tiegħu u fil-ferħ ta’ Kristu Sidna,

flimkien ma’ dawk li afdalkom f’idejkom bħala nagħaġ tal-merħla tiegħu.

Ammen.

 

Bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu,

jalla dejjem u kullimkien

tkunu tistgħu tagħtu r-raġuni għat-tama li hemm fikom.

Ammen.

 

U lilkom ilkoll li tinsabu hawn miġbura, iberikkom Alla li jista’ kollox:  il-Missier, u l-Iben, u l-Spirtu s-Santu.

Ammen.

 

Bierku lill-Mulej b’ħajjitkom. Morru fis-sliem.

Irroddu ħajr lil Alla.

 

Innu tal-għeluq

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

3. Il-prova

 

Kant

 

Daħla

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Ammen

 

Il-Mulej, li jmexxi lil qalbna għall-imħabba u s-sabar ta’ Kristu, ikun magħkom ilkoll.

U miegħek ukoll

 

Ejjew niftħu qalbna għat-tama li ma tqarraqx bina.

 

Missier li inti fis-smewwiet,

il-fidi li inti tajtna

f’Ibnek Ġesù Kristu, ħuna,

u l-fjamma tal-imħabba

imkebbsa fi qlubna mill-Ispirtu s-Santu,

jerġgħu jqajmu fina t-tama ħienja

tal-miġja tas-Saltna tiegħek.

Jalla l-grazzja tiegħek tibdilna

f’ħaddiema bieżlin li jiżirgħu ż-żerriegħa tal-Evanġelju.

Jalla din iż-żerriegħa tkun il-ħmira li tibdel minn ġewwa lill-umanità u lill-univers,

fl-istennija ħienja ta’ smewwiet ġodda u art ġdida,

meta tidher il-glorja tiegħek għal dejjem,

wara li jkunu megħluba s-setgħat tal-Ħażen.

Jalla l-grazzja ta’ dan il-Ġublew

tagħmel minna Pellegrini tat-Tama,

imxennqin għall-ġid tas-sema.

Jalla din il-grazzja xxerred fuq id-dinja kollha

il-ferħ u s-sliem tal-Feddej tagħna.

Lilek O Alla, int l-Imbierek għal dejjem,

tifħir u glorja għal dejjem.

Ammen.

 

 

 

 

 

 

 

Għeżież ħuti,

Filwaqt li aħna wkoll nimxu bħala pellegrini tat-tama lejn il-Ġublew li jmiss, ejjew  nimxu fuq il-passi tal-qaddisin appostli Pietru u Pawlu. Bħalhom, filwaqt li, permezz tal-fidi tagħna, inwieġbu b’mod ġeneruż għas-sejħa tal-Mulej, aħna nafu li qed inġorru id-don f’ġarar foqra tal-fuħħar (ara 2 Kor 4.7) u nġorru t-toqol tad-dgħufija  tagħna speċjalment fis-siegħa tat-tentazzjoni u l-prova. Għaldaqstant, b’qalb niedma u sobgħiena ejjew nitolbu maħfra għal dnubietna.

 

Ħin qasir ta’ skiet

 

Kant meħud minn Taizè (jew ritornell ieħor):

 

Misericordias Domini, in aeternum cantabo

 

1:        Nitolbuk maħfra għal dawk id-drabi meta ma konniex sodi fir-rieda tagħna u għal meta ttraskurajna r-responsabbiltajiet tagħna. R/.

 

2:        Nitolbuk maħfra għal dawk id-drabi meta ma mxejniex b’umiltà vera u għal meta ma qdejniex lill-oħrajn b’imħabba. R/.

 

1:        Nitolbuk maħfra għall-indifferenza li biha ħarisna lejn dawk fil-bżonn, u nkwetajna biss fuq il-bżonnijiet tagħna. R/.

 

2:        Nitolbuk maħfra talli ma ħarisniex l-ambjent li ngħixu fih u lanqas ma ħeġġiġna lill-oħrajn. R/.

 

1:        Nitolbuk maħfra ta’ meta konna arroganti, frott tas-suppervja tagħna, u hekk bdilna l-awtorità ta’ qadi f’awtorità ta’ poter. R/.

 

2:        Nitolbuk maħfra għal dawk id-drabi meta ma kellniex il-kuraġġ nagħtu xhieda għalik, għax bżajna li nitilfu l-popolarità. R/.

 

1:        Nitolbuk maħfra għat-tfixkil li għamilna fid-djalogu u fil-laqgħat ma’ aħwa ġodda, u talli ma fittixniex l-għaqda akkost ta’ kollox. R/.

 

2:        Nitolbuk maħfra għal kull darba li ma batejniex għall-verità u tkellimna b’attitudni ta’ ġudizzju jew kritika. R/.

 

1:        Nitolbuk maħfra ta’ meta ma fdajniex f’dawk li jmexxuna, u ma wrejniex imħabba ta’ wlied u ubbidjenza koresponsabbli. R/.

 

2:        Nitolbuk maħfra għal dawk id-drabi meta, minħabba n-nuqqas ta’ fidi tagħna, stennejna l-grazzi jew xi tip ta’ rikonoxximent għall-isforzi tagħna. R/.

 

1:        Nitolbuk maħfra għax it-tama tagħna hija dgħajfa, u ta’ kemm hi faċli li naqtgħu qalbna quddiem id-diffikultajiet. R/.

 

2:        Nitolbuk maħfra għal meta ma għexniex l-ispirtu ta’ faqar evanġeliku, u meta ma fittixniex l-ewwel is-Saltna u l-ġustizzja tagħha. R/.

 

1:        Nitolbuk maħfra għal dawk il-mumenti fejn il-ħajja taċ-ċelibat tagħna ma kienetx sinjal ta’ paternità. R/.

 

2:        Nitolbuk maħfra ta’ meta ma konniex grati għad-don tal-ħajja u tal-ministeru, u ta’ meta ma lqajniex kull ħaġa bħala opportunità ta’ grazzja. R/.

 

 

Kolletta

 

Nitolbu.

O Alla, li għallimt lill-ministri tal-Knisja tiegħek

biex ifittxu mhux li jkunu moqdija,

iżda li jaqdu lill-aħwa kollha;

imliehom bil-ħeġġa fil-ħidma tagħhom,

għinnhom jagħtu s-servizz tagħhom b’qalb ħelwa,

u żommhom sħaħ sal-aħħar fit-talb.

B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna li hu Alla

U miegħek jgħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu,

għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen.

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin                                           (2, 1-10)

 

Ħuti, Intom li kontu mejtin bi dnubietkom u ħtijietkom, li fihom darba mxejtu skont ix-xejra ta’ din id-dinja, skont il-kap tas-saltna tal-ajru, tal-ispirtu li bħalissa qiegħed jaħdem fost dawk li ma jisimgħux… Aħna wkoll għexna darba mgħarrqa fil-passjonijiet ta’ ġisimna; konna nagħmlu l-opri tar-rieda tal-ġisem u fehmietna; konna minna nfusna wlied il-korla, bħall-bqija tal-bnedmin. Imma Alla, għani fil-ħniena tiegħu, bis-saħħa tal-imħabba kbira li biha ħabbna, meta aħna konna mejta minħabba fi dnubietna, tana ħajja ġdida flimkien ma’ Kristu - bi grazzja intom salvi. Qajjimna miegħu u qegħedna fis-smewwiet ma’ Kristu Ġesù, biex juri fiż-żminijiet li ġejjin l-għana bla qjies tal-grazzja tiegħu bit-tjieba li wera magħna fi Kristu Ġesù. Intom salvi bil-grazzja, permezz tal-fidi; u dan mhux bis-saħħa tagħkom, imma b’don ta’ Alla; mhux bl-opri, biex ħadd ma jiftaħar. Aħna ħolqien tiegħu, maħluqa fi Kristu Ġesù biex nagħmlu l-opri tajba li Alla ħejjielna minn qabel li għandna nagħmlu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

Irroddu ħajr lil Alla

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Salm Responsorjali                                                                                                      Salm 90

 

Inwieġbu flimkien:  Il-fedeltà tal-Mulej tibqa’ għal dejjem.

 

Mulej, int kont għalina

kenn minn nisel għal nisel.

Int traġġa’ l-bnedmin lejn it-trab,

u tgħidilhom: “Erġgħu lura, intom bnedmin!”  R/.

 

Elf sena huma għalik

bħal jum ta’ lbieraħ li għadda,

jew bħal sahra tal-lejl.  R/.

 

Int taħsadhom, u jsiru bħal ħolma.

Huma bħall-ħaxix li jinbet filgħodu;

filgħodu jwarrad u jħaddar,

filgħaxija jidbiel u jinxef.

Għalhekk għallimna ngħoddu jiem ħajjitna,

sabiex aħna nimxu bil-għaqal. R/.

 

Dur lejna, Mulej! Kemm se ddum?

Ħenn għall-qaddejja tiegħek.

Imliena kmieni bit-tjieba tiegħek,

biex nifirħu u nithennew ħajjitna kollha. R/.

 

Ħa tkun fuqna l-grazzja ta’ Alla Sidna!

Wettqilna inti x-xogħol ta’ jdejna,

wettaq, iva, xogħol idejna. R/.

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Kant għall-Evanġelju

 

Hallelujah. Hallelujah.

Kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem.

Hallelujah.

 

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa                                                                 (12, 32-48)

 

F’dak iż-żmien Ġesù qal lid-dixxipli:  “Le, merħla ċkejkna, tibżgħu xejn, għax Missierkom għoġbu jagħtikom is-Saltna! Bigħu ġidkom u agħtuh karità u fittxu għalikom infuskom boroż li ma jitmermrux, teżor li ma jiġix nieqes fis-sema, fejn la l-ħalliel ma jersaq u lanqas il-kamla ma tħassar. Għax fejn hemm it-teżor tagħkom, hemm tinsab qalbkom ukoll.”

 

“Żommu ġenbejkom imħażżma u l-imsiebaħ tagħkom mixgħula; kunu bħal nies jistennew lil sidhom lura mill-festa tat-tieġ, biex malli jiġi u jħabbat jiftħulu minnufih. Henjin dawk il-qaddejja li meta jiġi sidhom isibhom jishru! Tassew ngħidilkom, li hu jitħażżem, iqegħedhom madwar il-mejda, u jgħaddi quddiemhom iservihom. U kieku kellu jiġi fil-ħin tat-tieni sahra, jew tat-tielet, u jsibhom xorta waħda fuq dmirhom, henjin huma! Kunu afu dan, li kieku sid id-dar kellu jkun jaf xħin ikun ġej il-ħalliel ma kienx se jħalli min jinfidlu l-ħajt ta’ daru.  Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem.”

 

“Mulej,” qallu Pietru, “din il-parabbola qiegħed tgħidha għalina, jew għal kulħadd?” Wieġbu l-Mulej: “Int min tgħid li hu l-qaddej fidil u għaqli? Min hu dak li s-sid iqiegħdu fuq in-nies tad-dar biex jagħtihom sehemhom f’ħin l-ikel? Hieni dak il-qaddej li sidu jiġi u jsibu jagħmel dan. Ngħidilkom is-sewwa, li jafdalu ġidu kollu f’idejh. Imma nagħmlu mod li dak il-qaddej jibda jgħid f’qalbu, ‘Sidi jiddawwar ma jiġi,’ u jaqbad isawwat lill-qaddejja kollha, irġiel u nisa, u jiekol u jagħtiha għax-xorb u s-sokor; sid dak il-qaddej jasal f’jum meta ma jkunx jistennieh, f’siegħa li fiha jieħdu għal għarrieda, u jagħmlu bċejjeċ u jagħtih dak li ħaqqhom in-nies li mhumiex fidili. U dak il-qaddej li jkun jaf xi jrid sidu, u madankollu ma jħejjix jew ma jagħmilx li jrid sidu, swat kbir jaqla’. Min imbagħad, bla ma jkun jaf xi jrid sidu, jagħmel xi ħaġa li jkun ħaqqha s-swat, dan ftit jissawwat. Għax lil min tawh ħafna, ifittxu li jieħdu ħafna mingħandu; u min ħallewlu ħafna f’idejh, iżjed jippretendu mingħandu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

It-tifħir lilek, Kristu!

 

Ħin ta’ skiet

 

 

Talba korali

Qarrej:                  O Alla ta’ dejjem u li tista’ kollox,

Bil-merti ta’ ibnek u permezz tal-imħabba Tiegħek għalih,

Ikollok ħniena mis-saċerdoti tal-Knisja Mqaddsa.

Minkejja d-dinjità tal-uffiċċju tagħhom, huma dgħajfa bħal kulħadd.

Permezz tal-ħniena tiegħek bla tarf,

kebbes f’qalbhom in-nar ta’ imħabbtek.

Għinnhom u tħallix li s-saċerdoti tiegħek jiddgħajfu,

jew jitilfu l-vokazzjoni tagħhom.

 

Flimkien:            O Ġesù, nitolbuk:

Ikollok ħniena mis-saċerdoti tal-Knisja tiegħek

li jaqduk bil-fedeltà,

li jmexxu l-merħla tiegħek u jagħtuk glorja.

Ikollok ħniena minn dawk li huma ppersegwitati,

fil-ħabs, abbandunati,

jew imkissrin bit-tbatija.

Ikollok ħniena mis-saċerdoti berdin

jew dawk li l-fidi tagħhom dgħajfa.

Ikollok ħniena mis-saċerdoti li ħallew is-saċerdozju,

u minn dawk morda jew moribondi,

ikollok ħniena minn dawk li jinsabu fil-purgatorju.

 

Qarrej:                 Mulej Ġesù, nitolbuk

Isma’ t-talb tagħna,

Ikollok ħniena mis-saċerdoti, għax huma tiegħek!

Dawwalhom, saħħaħhom, u sabbarhom.

O Ġesù, nafdaw f’idejk lis-saċerdoti tad-dinja kollha,

imma l-iżjed speċjalment lil dawk li għammduna

u tawna s-Sagrament tal-maħfra,

lil dawk li offrew għalina s-Sagrifiċċju Qaddis tal-Quddiesa 

u dawk kkonsagraw l-Ostja Mqaddsa biex imantnu lil ruħna.

 

Flimkien:             Nafdaw f’idejk lis-saċerdoti:

dawk li għenuna meta konna fid-dubju,

dawk li ddittaw il-mogħdijiet tagħna,

dawk li mexxewna fl-isforzi tagħna,

dawk li sabbruna fit-tbatijiet tagħna.

Għalihom ilkoll, bi gratitudni,

nitolbu l-għajnuna tiegħek u l-ħniena tiegħek.

Ammen.

(Talba miktuba minn Monsinjur Kiung, Isqof ta’ Shanghai, meta kien fil-ħabs)

 

Minn diskors ta’ San Ġwann XXIII lill-Prelati u s-Saċerdoti, 12 ta’ Marzu 1959

 

Is-saċerdot huwa l-ewwel u qabel kollox bniedem ta’ Alla, “vir Dei”. Hekk jarak il-poplu Nisrani u hekk jixtieqek il-Mulej. Għalhekk ipprova fassal ħajtek fuq dawk il-ħsibijiet puri li din id-definizzjoni tqanqal f’qalbek. Meta tgħid ‘bniedem ta’ Alla’, kull ħaġa li mhix ta’ Alla hija eskluża mis-saċerdot. Is-Saċerdot veru hu dak li bħal Abraham, jagħżel li jkun “parer bagnarum gentium”, jitlaq kollox u għal dejjem biex isegwi l-leħen divin. Fil-fatt, intqal lilu: “Egredere de terra tua, de cognatione tua, et de domo patris tui et veni in terram, quam monstrabo tibi” Fuq din l-art imwiegħda, għas-saċerdot veru, jitgħolla s-salib. Hu ma jfittex xejn ħlief lil Kristu, “et hunc crucifixum”.

 

Alla li hu etern u li ma jidhirx, wera lilu nnifsu f’Ġesù; u s-saċerdot irid ikollu għajnejh imħarrġin biex jista’ jiskopri lill-“Mediator Dei et hominem” li juri t-triq lejn il-Missier. “Tanto tempore vobiscum sum et non cognovistis me?... Qui videt me, videt et Patrem.” Jalla l-ħajja tagħkom, permezz tal-ħeġġa ta’ mħabbitkom lejh, tkun għalhekk mimlija bir-riħa tfuħ ta’ Kristu, li jmexxina lejn il-Missier. Din hija l-bażi vera ta’ ħajja saċerdotali mimlija paċi intima u xewqa għall-erwieħ. Għalhekk ngħidilkom: “Amor Christi et amor silentii”. Jalla Ġesù Kristu jkun l-uniku ħabib u konsolatur tagħkom, fis-sahriet quddiem it-Tabernaklu, jew fuq il-mejda tal-istudju, fil-ħsieb tal-fqar u l-morda, fil-ministeru tal-predikazzjoni qaddisa. Fittxu lilu biss, billi tħarsu lejn dak li hu uman fid-dawl Tiegħu, u biex tirbħu ħafna erwieħ għalih. Ħudu fuqkom il-madmad ħelu u t-toqol ħafif tiegħu, billi tipprattikaw il-virtujiet li għandha tħaddan kull persuna fil-ħajja kkonsagrata: billi tiddedikaw ruħkom għalih u għall-erwieħ, ħidma bla heda għall-Knisja, billi tħaddmu l-14-il opra ta’ ħniena, permezz tal-ubbidjenza fil-pront u sinċiera lejn l-Isqof, u b’rispett mimli ħlewwa fil-ħwejjeġ qaddisa.

 

Lil Ġesù ma nsibuhx f’ħajja mxerrda, anke jekk ikollna l-aktar raġunijiet qaddisa fil-ministeru tagħna biex niġġustifikaw din it-tip ta’ ħajja. Huwa għalhekk li rrakkomandajtilkom: “Amor silentii”. Is-skiet iħares il-virtujiet kollha, speċjalment il-kastità u l-karità; u huwa l-garanzija ta’ ħidma pastorali effettiva. (...)

 

Nirrakkomandalkom imħabba kbira oħra, li trid tibdel ħajjitkom: l-imħabba lejn l-erwieħ. Naf sew li dan huwa l-ideal tagħkom, imma taħsbux li din it-twissija hija żejda. Tajjeb wieħed jagħmel din il-konsiderazzjoni li tnikket lir-rgħajja tal-erwieħ: għaliex, wara tant sforzi u sagrifiċċji, wara li nkunu żrajna qatigħ, il-frott li naħsdu ħafna drabi jkun daqshekk skars? Għaliex, minkejja li nużaw il-mezzi kollha tal-appostolat, l-ulied “mejta” tal-Knisja ma nqajmjuhomx, bħalma ġralu dak it-tifel li baqa’ mejjet u ma ċċaqlaqx, anke wara l-azzjoni tal-qaddej tal-profeta Eliżew, li dwaru titkellem il-liturġija tar-Randan tal-lum? (…) Xi drabi l-mirakli spiritwali ma jseħħux għax l-intenzjoni ma tkunx dejjem safja; forsi għax mhux dejjem infittxu biss il-ġid tal-erwieħ billi nissagrifikaw ruħna għalihom; forsi għax niddependu wisq fuq il-mezzi umani tagħna stess u għalhekk faċilment inkunu distratti, mingħajr ma nkunu qed inserrħu fuq it-talb u s-sagrifiċċju. Għaldaqstant l-imħabba vera għall-erwieħ tfisser li naħdmu kontinwament fuq il-qdusija tagħna. (…) Xi prova ikbar għandna bżonn li mhumiex ir-riżorsi umani li jirbħu l-erwieħ, imma biss il-virtù ta’ Alla, li taħdem permezz ta’ mezzi mimlija ħlewwa tiegħu?

 

Skiet għal meditazzjoni

 

Talba korali

 

MISSIER ta’ kull ħlejqa, inti tajtna don tal-għaġeb

li hija l-ħajja tagħna:

għamilna ġenerużi biex inwieġbu għas-sejħa tiegħek

biex naqsmu ma’ ħutna l-“ħobż” li rċevejna.

 

KRISTU ĠESÙ, ħuna,

Int għamilt lilek innifsek il-ħobż tal-ħajja għalina,

ġedded il-miraklu tat-tkattir tal-ħobż,

u agħmel li l-ħajja tagħna tkun rigal

u ngħixuha b’radd ta’ ħajr għal dejjem.

 

SPIRTU QADDIS,

ħabib fidil fil-vjaġġ tagħna,

għinna bil-qawwa ta’ mħabbtek

biex inħabbru u nagħtu xhieda tas-sbuħija tal-ħajja bħala vokazzjoni.

 

TRINITÀ QADDISA,

Imħabba eterna u infinita, għin lill-komunitajiet tagħna

biex jilqgħu l-Evanġelju tal-Vokazzjoni,

biex jitolbu u jifirħu bil-preżenza taż-żgħażagħ

li huma mexjin lejn is-saċerdozju u l-ħajja kkonsagrata.

Ammen.

(Talba għall-Vokazzjonijiet, Jum Dinji tal-Vokazzjonijiet, 2011)

 

Kant

 

 

 

 

 

Mill-ħajja tal-Papa San Ġwanni XXIII

 

Ftit jiem qabel, kien diġà riesaq lejn tmiem ħajtu, bi tweġiba għal ħafna li kienu talbuh is-sigriet tas-saċerdozju tiegħu, il-Papa Ġwanni, XXIII qal: “Is-sigriet tas-saċerdozju tiegħi jinsab fil-kurċifiss li taraw quddiemi, faċċata tas-sodda tiegħi. Iħares lejja u jien nitkellem miegħu.” Imbagħad żied: “Kelli l-grazzja kbira li nitwieled f’familja nisranija modesta u fqira imma li tibża’ minn Alla, u li rċevejt is-sejħa għas-saċerdozju. Minn mindu kont żgħir ma kont naħseb f’xejn iżjed, ma kont nixtieq xejn iżjed. Il-jiem tiegħi fuq din l-art jinsabu fi tmiemhom, imma Kristu jibqa’ jgħix, il-Knisja tkompli. U x’kelma nista’ ngħidilkom u li hija aktar xierqa, milli nħeġġiġkom biex qatt ma twarrbu għajnejkom minn fuq is-Salib ta’ Ġesù...? Ħarsu lejn is-salib, uliedi għeżież, fit-tbatijiet tagħkom!”

 

Kien hemm numru bla għadd ta’ nies iħarsu ’l fuq lejn il-kamra fit-tielet sular tal-Palazz Appostoliku, fejn kien qed imut Ġwanni XXIII, filwaqt li għajnejn il-Papa, iħarsu fiss lejn il-Kurċifiss: “Din is-sodda hija artal, u l-artal jeħtieġ sagrifiċċju: hawn jien. Jien lest. Noffri ħajti għall-Knisja, għat-tkomplija al-Konċilju Ekumeniku, għall-paċi fid-dinja, għall-għaqda ta’ bejn l-insara. Is-sigriet tas-saċerdozju tiegħi jinsab fil-kurċifiss li xtaqt inpoġġi quddiem sodda tiegħi, hu jħares lejja u jien nitkellem miegħu... Dawk id-dirgħajn miftuħin beraħ qed jgħidu li hu  miet għal kulħadd; ħadd ma hu mċaħħad mill-imħabba tiegħu, mill-maħfra tiegħu...”

 

Dawn huma l-kliem ta’ bniedem li, anke fl-aħħar ħin ta’ ħajtu, żamm id-drawwa li jitkellem ma’ Ġesù, novissima verba ta’ saċerdot, Isqof, u Papa, li dejjem għex fil-preżenza ta’ Alla li jiġbidna lejh, li ħabb lill-familja tiegħu secundum sanguinem, iżda li kien jaf sew li hu jappartjeni għal familja waħda u kbira daqs id-dinja.

 

Skiet għal meditazzjoni

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Adorazzjoni tas-salib bħala att penitenzjali

(jixbaħ lil dak li jsir fil-Ġimgħa l-Kbira)

 

Qassis jew djaknu, akkumpanjat minn żewġ -xemgħat mixgħula, iġorr is-Salib sal-artal. Imbagħad hu, jew oħrajn iżommu s-Salib. Imbagħad il-miġemgħa tersaq f’purċissjoni, isir sinjal ta' qima b’inkin jew b’bewsa. Sadanittant jistgħu jitkantaw innijiet penitenzjali xierqa.

 

Omelija

Wara ħin ta’ skiet kulħadd iqum bilwieqfa

 

 

 

Talba korali:

 

 

Alla tiegħi, tinsinix meta jien ninsa lilek.

Titlaqnix, Mulej, meta jien nitilqek.

Titbiegħedx minni, meta jien nitbiegħed minnek.

 

Sejjaħli meta nitbiegħed minnek,

Iġbidni lejk jekk jekk jien niqaflek, qajjimni jekk naqa’.

Agħtini, Mulej, Alla tiegħi,

qalb li toqgħod għassa

u li ma tħalli ebda ħsieb fieragħ ibiegħdni minnek.

Għatini , Mulej, qalb sinċiera

ħalli l-ebda intenzjoni ħażina ma tqarraq bija.

Qawwili qalbi Mulej, ħalli negħleb kull diffikultà.

Għatini, Mulej, qalb ħielsa

li l-ebda passjoni tad-dinja ma tista’ tegħlibha!

 

Għatini, nitolbok,

rieda biex infittxek,

għerf biex insibek,

ħajja biex nogħġbok,

perseveranza biex nistenniek b’fiduċja

u kunfidenza biex nasal biex nippossedik.

Ammen

(San Tumas ta’ Akwinu)

 

 

 

Barka

 

Ħa tkun, Missier, il-barka tiegħek, fuq dawn uliedek, pellegrini tat-tama,

u jalla l-grazzja ta’ l-Ispirtu s-Santu tkebbes lil qalbhom

imsoffija bl-għemejjel ta’ indiema,

ħalli jinbidlu f’offerta li togħġbok,

u fil-ferħ ta’ ħajja ġdida, jalla jkunu xbieha ta’ Kristu Ibnek.

għat-tifħir tal-glorja tiegħek.

Ammen.

 

U fuqkom ilkoll li tinsabu hawn preżenti, tinżel il-barka ta’ Alla li jista’ kollox,

Il-Missier, u Iben, u Spirtu s-Santu.

Ammen.

 

Kunu ħabbâra tal-ħniena,

ħaddiema tal-ġustizzja, ħmira tal-fraternità.

Morru fil-paċi ta’ Kristu.

Irroddu ħajr lil Alla.

 

Innu tal-għeluq

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

4.  INKUNU XHIEDA

 

Kant

 

Daħla

Fl-isem tal-Missier u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

Ammen

 

Ejjew niftħu qalbna għat-tama li ma tqarraqx bina.

 

Missier li inti fis-smewwiet,

il-fidi li inti tajtna

f’Ibnek Ġesù Kristu, ħuna,

u l-fjamma tal-imħabba

imkebbsa fi qlubna mill-Ispirtu s-Santu,

jerġgħu jqajmu fina t-tama ħienja

tal-miġja tas-Saltna tiegħek.

Jalla l-grazzja tiegħek tibdilna

f’ħaddiema bieżlin li jiżirgħu ż-żerriegħa tal-Evanġelju.

Jalla din iż-żerriegħa tkun il-ħmira li tibdel minn ġewwa lill-umanità u lill-univers,

fl-istennija ħienja ta’ smewwiet ġodda u art ġdida,

meta tidher il-glorja tiegħek għal dejjem,

wara li jkunu megħluba s-setgħat tal-Ħażen.

Jalla l-grazzja ta’ dan il-Ġublew

tagħmel minna Pellegrini tat-Tama,

imxennqin għall-ġid tas-sema.

Jalla din il-grazzja xxerred fuq id-dinja kollha

il-ferħ u s-sliem tal-Feddej tagħna.

Lilek O Alla, int l-Imbierek għal dejjem,

tifħir u glorja għal dejjem.

Ammen.

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Għeżież ħuti,

Filwaqt li nimxu lejn il-ġublew li jmiss bħala pellegrini tat-tama, ejjew nimxu fuq il-passi tal-qaddisin appostli Pietru u Pawlu.

Fil-fraternità saċerdotali, nitolbu maħfra lill-Mulej flimkien, sabiex ikollu ħniena minna u jagħtina saħħa ġdida biex inkunu “dejjem lesti li nagħtu raġuni tat-tama li hemm fina” (ara 1 Pt 3, 8-17)

 

Ħin qasir ta’ skiet

 

Mulej, li fl-ilma u fl-Ispirtu inti ġeddidt fina x-xbieha tiegħek. Kýrie, eléison.

Kýrie, eléison.

 

Kristu, li permezz tal-Ispirtu tiegħek, inti tajtna qalb ġdida, Christe, eléison.

Christe, eléison.

 

Mulej, li fl-Ispirtu s-Santu tgħaqqadna f’ġisem wieħed, Kýrie, eléison.

Kýrie, eléison.

 

Iħenn għalina Alla li jista’ kollox, jaħfrilna dnubietna u jwassalna fil-ħajja ta’ dejjem.

Ammen.

 

Kolletta

 

Nitolbu.

Missier l-aktar ħanin, fil-ħniena tiegħek isma’ t-talb tagħna u ddawwal qlubna bil-grazzja tal-Ispirtu s-Santu, biex b’mod denju niċċelebraw il-misteri tiegħek, naqdu fedelment lill-Knisja tiegħek u jistħoqqilna li nħobbuk għal dejjem. B’Ibnek Ġesù Kristu Sidna, li hu Alla, u li miegħek igħix u jsaltan flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen.

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Galatin                                                     (1,11-20)

 

Dan ngħarrafkom, l-aħwa: l-Evanġelju li ħabbartilkom jien mhuwiex Evanġelju tal-bnedmin. Għaliex jiena mhux mingħand bniedem irċevejtu jew tgħallimtu, imma kien irrivelat lili minn Ġesù Kristu.

 

Intom smajtu bl-imġiba tiegħi meta kont għadni fir-reliġjon Lhudija, kif kont nippersegwita bis-sħiħ il-Knisja ta’ Alla u nfittex li nħarbatha; u kemm kont ’il quddiem fir-reliġjon Lhudija fost il-poplu tiegħi aktar minn sħabi kollha ta’ mpari, imġennen kif kont għat-tradizzjonijiet ta’ missirijieti. Imma meta Dak li għażilni sa minn ġuf ommi, u li sejjaħli permezz tal-grazzja tiegħu, għoġbu jirrivelali lil Ibnu biex inħabbru fost il-ġnus, minnufih, bla ma qgħadt infittex li nieħu parir mingħand bnedmin tad-demm u l-laħam, bla ma tlajt Ġerusalemm għand dawk li kienu appostli qabli, jiena mort fl-Għarabja, u mbagħad erġajt lura lejn Damasku.

 

Imbagħad, tliet snin wara, tlajt Ġerusalemm inżur lil Kefa, u bqajt miegħu ħmistax-il ġurnata; mill-appostli l-oħra ma rajt lil ħadd; iżda rajt lil Ġakbu, ħu l-Mulej. (F’dan li qiegħed niktbilkom, nixhed quddiem Alla, m’iniex nigdeb).

 

Il-Kelma tal-Mulej

Irroddu ħajr lil Alla

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Salm Responsorjali                                                                                                (Salm 37)

 

Inwieġbu flimkien: Minn fomm il-ġust joħroġ kliem il-għerf

 

Afda fil-Mulej, u agħmel it-tajjeb;

għammar fl-art, u tgħix b’moħħok mistrieħ;

qiegħed fil-Mulej l-għaxqa tiegħek,

u jagħtik dak li tixtieq qalbek.  R/.

 

Erħi fil-Mulej it-triq tiegħek,

afda fih, u jagħmel hu.

Hu juri bħad-dawl is-sewwa tiegħek,

u d-dritt tiegħek bħal nofsinhar. R/.

 

Minn fomm il-ġust joħroġ kliem l-għerf,

u lsienu jgħid is-sewwa.

Il-liġi ta’ Alla tiegħu għal qalbu,

ma jitfixkilx fil-mixi tiegħu.  R/.

 

Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pietru Appostlu                                                               (1,16-19)

 

Aħna ma konniex qegħdin nibnu fuq ħrejjef maħluqa minn moħħna meta għarrafniekom dwar il-qawwa ta’ Sidna Ġesù Kristu u dwar il-miġja tiegħu. Rajna b’għajnejna aħna stess il-kobor tiegħu meta hu ħa mingħand Alla l-Missier ġieħ u sebħ, u leħen mit-Tron Glorjuż instama’ jgħid għalih: “Dan hu Ibni, l-għażiż tiegħi, li bih jiena nitgħaxxaq.” Aħna smajnieh dan il-leħen ġej mis-sema meta konna miegħu fuq il-muntanja mqaddsa. U hekk għandna mwettqa aħjar il-kelma tal-profeti. Tagħmlu sewwa jekk toqogħdu attenti għaliha; hi bħal fanal li jagħti d-dawl f’post mudlam, sa ma jibda jbexbex il-jum u f’qalbkom titla’ l-kewkba ta’ filgħodu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

Irroddu ħajr lil Alla

 

Kant għall-Evanġelju

 

Hallelujah, hallelujah

Ibqgħu fl-imħabba tiegħi, jgħid il-Mulej.

Min jibqa’ fija u jiena fih, dan jagħmel ħafna frott.

Hallelujah

 

 

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann                                                             (21,15-19)

 

Wara li kielu xi ħaġa, Ġesù qal lil Xmun Pietru: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni int aktar minn dawn?” “Iva, Mulej,” wieġbu, “int taf li nħobbok.” Qallu: “Irgħa l-ħrief tiegħi.” Staqsieh għat-tieni darba: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni int?” “Iva, Mulej,” wieġbu, “int taf li nħobbok.” Qallu: “Irgħa n-nagħaġ tiegħi.” Għat-tielet darba staqsieh: “Xmun bin Ġwanni, tħobbni?” Pietru ħass għafsa ta’ qalb għax staqsieh għat-tielet darba, ‘Tħobbni?’ u qallu: “Mulej, int taf kollox, inti taf li nħobbok.” Qallu Ġesù: “Irgħa n-nagħaġ tiegħi. Tassew tassew ngħidlek, meta kont żagħżugħ, kont titħażżem waħdek u tmur fejn trid; imma meta tixjieħ, int tiftaħ idejk u ħaddieħor iħażżmek u jieħdok fejn ma tkunx trid!” Dan qalu biex ifisser b’liema mewta kien sejjer jagħti glorja lil Alla. Imbagħad Ġesù ssokta jgħidlu: “Ejja warajja.”

 

Il-Kelma tal-Mulej

Tifħir lilek, Kristu!

 

Ftit ħin ta’ skiet

 

Talba korali

 

Spirtu tal-Mulej,

Inti d-don ta’ dak li qam mill-mewt lill-appostli fil-kamra ta’ fuq,

imla bil-ħeġġa lis-saċerdoti tiegħek.

Imla s-solitudni tagħhom bi ħbiberiji meqjusa.

Għamel li jħobbu d-dinja,

u li jkollhom ħila juru ħniena għad-dgħufijiet kollha tal-ħajja.

Farraġhom bil-gratitudni tan-nies u biż-żejt tal-komunjoni fraterna.

Saħħaħhom fil-għeja,

sabiex ma jsibu ebda rifuġju fl-għeja tagħhom

ħlief fuq spallet l-Imgħallem tagħhom.

Eħlishom mill-biża’ tal-falliment.

Jalla minn għejnejhom tleħħ is-sinċerità.

Jalla minn qalbom joħroġ il-kuraġġ imħallat mat-tjubija.

Jalla minn idejhom toħroġ id-dilka fuq kull ħaġa li jmissu.

Jalla ġisimhom jiddi bil-ferħ.

Libbishom bi lbies ta’ festa.  U ħażżimhom bi ħżiem ta’ dawl.

Sabiex l-għarus ma jiddawwarx ma jiġi - għalihom u għal kulħadd.

Ammen

 

(L-Isqof Tonino Bello)

Innu

 

Minn Udjenza Ġenerali tal-Papa Franġisku                                       (5 April 2017)

 

Nifhmu li din it-tama ma nistgħux tant nagħtu raġuni tagħha fuq livell teoriku, bil-kliem, imma fuq kollox bix-xhieda ta’ ħajjitna, u dan kemm fi ħdan il-komunità Nisranija, u kemm barra minnha. Jekk Kristu hu ħaj u jgħammar fina, fil-qalb tagħna, allura jeħtieġ anki nħalluh jidher, ma naħbuhx, u jaħdem fina. Dan ifisser li l-Mulej Ġesù għandu jsir dejjem iżjed il-mudell tagħna: mudell ta’ ħajja u li aħna għandna nitgħallmu nġibu ruħna kif ġab ruħu hu. Nagħmlu dak li kien jagħmel Ġesù. It-tama li tgħammar fina, għalhekk, ma tistax tibqa’ moħbija fina, fil-qalb tagħna: tkun tama dgħajfa, li m’għandhiex il-kuraġġ toħroġ barra u turi ruħha; imma t-tama tagħna, kif joħroġ mis-Salm 33 ikkwotat minn Pietru, bil-fors trid toħroġ barra, tieħu l-għamla bnina u li ma tistax tifxilha tal-ħlewwa, tar-rispett, tat-tjieba mal-proxxmu, u tasal saħansitra biex taħfer lil min jagħmlilna d-deni. Persuna bla tama ma jirnexxilhiex taħfer, ma jirnexxilhiex tagħti l-faraġ tal-maħfra u ssib il-faraġ li taħfer. Iva, għax hekk għamel Ġesù, u hekk jibqa’ jagħmel permezz ta’ dawk li jagħmlulu wisa’ fil-qalb tagħhom u fil-ħajja tagħhom, għax jafu li l-ħażen ma tistax tirbħu bil-ħażen, imma bl-umiltà, il-ħniena u t-tjieba.

 

Meta nbatu għal xi ħaġa tajba, inkunu f’komunjoni mal-Mulej, li aċċetta li jbati u li jiġi msammar ma’ salib għas-salvazzjoni tagħna. Allura meta aħna wkoll, fl-iktar sitwazzjonijiet ċkejknin jew kbar tal-ħajja tagħna, naċċettaw li nbatu għat-tajjeb, inkunu qisna qed inqassmu madwarna żerriegħa tal-qawmien, żerriegħa tal-ħajja, u fid-dalma nagħmlu jiddi d-dawl tal-Għid.  Hija t-tħabbira tal-imħabba ta’ Alla, imħabba bla qies, li ma tispiċċax, li qatt ma tonqos u li hi l-bażi vera tat-tama tagħna.

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Talba korali

 

Spirtu s-Santu,

nar jaqbad bid-dawl u bis-sħana,

Għatina l-ħeġġa li neħtieġu  biex ikollna intimità profonda mal-Mulej,

biex nibqgħu fl-imħabba tiegħu.

Bħad-dixxipli ta’ Ġesù

li qasmu bejniethom l-aħbar ferrieħa tal-laqgħa tagħhom miegħu,

għati lil kull wieħed minna dik it-trasparenza tal-qalb

biex inkunu nistgħu nirrakkuntaw, bi gratitudni u bi stagħġib,

dak kollu li nafu dwaru, u dak kollu li għexna.

Jalla x-xhieda umli tagħna,

immarkata bl-għażla tas-salib

u mdawla mill-ferħ tal-Għid,

tkun sinjal ta’ frott u opportunità prezzjuża,

biex kulħadd jirrifletti fuq il-vokazzjoni tiegħu

b'sempliċità, fiduċja u disponibbiltà sħiħa.

 

Verġni Marija, Omm il-Knisja, ħares bil-ħlewwa tiegħek

kull xitla żgħira ta’ vokazzjoni;

jalla tikber u ssir siġra kbira,

mimlija frott għall-ġid tal-Knisja u tal-umanità kollha.

Ammen.

 

(Talba għall-vokazzjonijiet, Jum Dinji tal-Vokazzjonijiet 2010)

 

Kant

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Il-Kurat ta’ Ars bħala mudell għas-saċerdoti. Minn diskors tal-Arċisqof ta’ Milan, Mons Giovanni Battista Montini  (San Pawlu VI)

 

Meta tiġi biex titkellem dwar xi Qaddis dejjem hi xi ħaġa diffiċli, jekk ma tridx sempliċiment tagħmel rakkont storiku, li huwa relattivament faċli u, fil-każ tagħna, ikun pjuttost sempliċi wkoll. Il-ħajja ta’ Giovanni Maria Vianney ma fihiex la kwadri kbar u lanqas drammi kbar... Imma l-akbar diffikultà, jidhirli, hija fil-fatt li dan il-Qaddis qed jiġi propost lilna f’aspett doppju: kemm bħala protettur tagħna, tagħna s-saċerdoti u kif ukoll bħala mudell, jiġifieri li għandna nkunu kapaċi nimitawh. U jekk naċċettawh daqshekk bil-qalb bħala protettur u nħossuna mfarrġa minn figura daqshekk ħelwa, daqshekk ġentili, daqshekk umli, daqshekk attent, daqshekk jifhimna kif kien hu fl-aħħar seklu, li jkollna lilu bħala protettur tagħna, li jkollna lilu biex jidħol għalina quddiem il-Mulej, tidher xi ħaġa faċli.  Imma meta niġi biex ngħid: irrid infassal ħajti fuqu, irrid li ħajti tkun tixbaħ lil tiegħu, allura l-affarijiet hawnhekk isiru iżjed diffiċli, għallinqas għalija.

 

L-isforz, l-attentat li nersqu eqreb lejn dan il-qaddis, joħloq problema għalina: dik li nagħrblu lilna nfusna jekk il-kuxjenza saċerdotali tagħna tixbaħx lil dik li kellu l-Kurat ta’ Ars f’ħajtu u fid-dinjità saċerdotali tiegħu. Għandna l-istess ħsibijiet? Naħsbu bl-istess mod? Kif naraw lilna nfusna? U kif kien jara lilu nnifsu l-Kurat d’Ars? Hemm differenza?

 

Ikolli ngħid li fortunatament il-mod kif naraw lilna nfusna u kif kien jara lilu nnifsu l-Kurat t’Ars parzjalment jaqblu. U dik hija waħda mill-isbaħ affarijiet li nistgħu ngħidu dwar il-ħajja ekkleżjastika fi żmienna; dan il-mudell ta’ saċerdozju diġà ħadem fil-Knisja ta’ Alla, kien propost bħala mudell u dan ifisser li għandna nagħmluh tagħna u naċċettawh b’konsolazzjoni u kuraġġ. Imma l-fatt hu li rridu nnaqqsu d-distanza bejn il-mudell u r-realtà tagħna stess u nippruvaw nagħmlu tagħna, kemm jista’ jkun, il-konsiderazzjoni li l-Kurat ta’ Ars kellu tiegħu nnifsu. Jekk nibdew minn hemm, niksbu xi ħaġa.

 

Nistgħu naraw, mill-ewwel, żewġ punti ovvji ħafna: l-ewwel punt mhux xi ħaġa li hi ta’ San Ġwann Marija Vianney biss, imma ngħid li hi tal-Qaddisin kollha... U din hija l-umiltà straordinarja. Il-Qaddisin jintagħrfu minn dan is-sens tax-xejn tagħhom stess, dan is-sens ta’ sproporzjon bejn Alla u Kristu li huma jaduraw u jaqdu, u dak li huma huma. Dan is-sens ta’ sproporzjon tidher ċara fl-iktar ħlejqa qaddisa, il-Madonna. Fil-għanja tal-Magnificat, bħalma hi tiċċelebra l-kobor ta’ Alla, fih innifsu u f’ħajjitha, tgħid ukoll: ‘fecit mihi magna qui potens est’ – il-Mulej għamel miegħi ħwejjeġ kbar għax ħares lejn iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu, l-umiltà.

 

U allura, nistgħu ngħidu li San Ġwann Marija Vianney għandu umiltà ma taqta’ xejn madwaru. Xi kultant dawn l-istqarrijiet ta’ umiltà ifixkluna, għax għalina jidhru esaġerati. Imma rridu nifhmuhom. Mhumiex artifiċjali, jew biex jiġbdu l-attenzjoni fuqhom, lanqas huma biex jiddefendu ruħhom kontra t-tifħir li n-nies jagħtu lil dawk li juru li huma virtużi. Il-Qaddisin veri għandhom dan is-sens tal-vojt tagħhom stess, u jgħixuh, iħabbruh, jistqarruh, u b’hekk, loġikament, jaċċettaw il-konsegwenzi jekk xi ħadd jiddisprezzahom. Jekk xi ħadd jeħodhom bis-serjetà, iħossu bħallikieku li għandhom jirringrazzjaw lil dik il-persuna. Hekk huma magħmulin!

 

Ħa naqralkom sentenza jew tnejn li jistgħu jenfasizzaw dan il-mod ta’ kif kien jara l-affarijiet u dan is-sens li kellu tiegħu nnifsu dan il-Qaddis. Meta lejn l-aħħar ta’ ħajtu tawh saċerdot biex jgħinu, bħala assistent, kien jgħid lil dak l-assistent: “O! meta inti tkun hawn, l-affarijiet isiru, imma meta nkun waħdi, jien ma niswa xejn. Jien bħal ħafna żerijiet li m’għandhom l-ebda valur ħlief meta magħhom ikun hemm numri oħra.” U mbagħad, bi frażi li tidher mill-isbaħ għalija – anke mil-lat letterarju

- esklama f’okkażjoni waħda: “Oh! Jien għadni ma għextx ġurnata sħiħa.”  Tant kien iħoss ix-xejn tiegħu li qal li l-ebda ġurnata f’ħajtu ma kienet kif kellha tkun! U meta n-nies kienu jinnutawh jew jonorawh, kien jiddieħaq bis-sinjali ta’ unur li kienu juruh, u kien jgħid bejnu u bejn ruħu: “Tassew li jien nuri wiċċ b’ieħor, għax jien inqarraq bin-nies u nurihom dak li minix.”

 

Hemm qisu  sens ta’ konflitt ġenwin fil-kuxjenza ta’ dan il-qassis, sens tal-inadegwatezza tiegħu, tax-xejn profond tiegħu. U madankollu, fl-istess ħin, flimkien ma’ din l-umiltà profonda, huwa joħroġ minn ġol-fond ta’ dan l-abbiss, li rnexxielu jħaffer għalih innifsu, u minn hemm joħroġ sens qawwi tad-dinjità tiegħu nnifsu. Irridu nisimgħu l-kliem ta’ dan il-Qaddis, bħal ta’ ħafna oħrajn, imma hawnhekk insibu fis-sempliċità tal-mod kif jesprimi ruħu, onestà li fl-istess ħin tikkonvinċik u tħawdek – dak is-sens tad-dinjità kbira tas-saċerdozju. Kif tafu, il-letteratura kontemporanja titkellem fuq dawn iż-żewġ elementi, l-umiltà tas-saċerdot u s-sens tad-dinjità tiegħu u l-awtorità tiegħu, u b’hekk tagħmel lill-bniedem fqir li qed iġorr ġo fih xi ħaġa kbira immens, ta’ dinjità kbira. (...) Nitgħallmu l-lezzjoni li jgħallimna l-Kurat d’Ars b’din il-psikoloġija doppja tiegħu, irridu nikkoreġu l-mentalità tagħna u nippruvaw nagħmluha kif irid Kristu, għax il-predikazzjoni ta’ dan il-Qaddis mhix differenti minn dak li ppriedka Kristu;  li qal li d-dinjità tagħna hija kbira, li d-dritt tagħna qiegħed hemm, bla dubju. Imma x’inhu dan kollu? Għaliex aħna Saċerdoti?

 

Aħna Saċerdoti biex naqdu; id-dedikazzjoni tagħna hija funzjonali: qui praecessor est, sit sicut ministrator; min hu l-ewwel għandu jkun l-aħħar, min hu l-ewwel għandu jaqdi lill-oħrajn. Aħna neżistu għall-oħrajn, u mhux għalina nfusna u jekk verament irridu li fina jkun hemm l-idea li Kristu tana tas-saċerdot u li l-Kurat t’Ars jurina,  irridu ninsistu ħafna fuq dan il-punt . U naraw, għeżież ħuti, kif aħna kandidati għal ħwejjeġ tal-għaġeb, proprju għax għandna din id-dinjità sublimi.

 

Għandna d-dinjità li nifdu d-dinja, imma l-fidwa trid issir permzz tas-salib. Irridu nifdu lill-oħrajn bit-tbatija tagħna, bħal Kristu, li għalkemm ma kellu ebda dnub, kif jgħid San Pawl, sar dnub għalina. Jiġifieri ħa fuqu l-ħażen kollu tal-bniedem biex ipatti għal dan il-ħażin u jħassru, u dan swielu l-mewt tas-salib. Jekk irridu nkunu Qassisin, jiġifieri jekk irridu nkunu l-mexxejja, u ta’ eżempju għall-oħrajn, irridu nirċievu fuq spallejna dan il-pondus kbir ta’ tpattija għall-oħrajn. “O! Li kieku kont naf” – darba qal il-qaddis – “xi jfisser li tkun saċerdot, forsi kont nibża’ nirċievi din il-grazzja mingħand il-Mulej”. Huwa jħoss ir-responsabbiltà bħalma jħossu ftit oħrajn. Iħossu responsabbli li jpatti għad-dnubiet ta’ ħaddieħor. Jagħmel penitenza minflok il-penitenti tiegħu. Iħossu mgħaffeġ mid-dnubiet tad-dinja ta’ madwaru u jħoss li jrid isir vittma f’din is-sitwazzjoni.

 

Is-Saċerdot huwa fiċ-ċentru ta’ dan il-konfront bejn it-tajjeb u l-ħażin, bejn il-grazzja u d-dnub, bejn ix-xitan u Alla. U dan il-konfront, nafu sew, huwa s-sagrifiċċju, huwa s-salib. Din hija l-kuxjenza saċerdotali tal-Qaddis Kurat ta’ Ars li rridu nippruvaw nagħmlu tagħna.

 

Fit-18 ta’ Novembru 1959, fis-sena ċentinarja

mill-mewt ta’ San Ġwann Marie Vianney,

l-Arċisqof ta’ Milan għamel dan id-diskors dwar il-ħajja u l-ħidma tal-Kurat ta’ Ars.

 

Ħin qasir fis-skiet

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Ċelebrant:

 

Jekk hu minnu li “lil kull wieħed tingħata r-rivelazzjoni tal-Ispirtu għall-ġid ta’ kulħadd” (ara 1 Kor 12,7), dan huwa minnu b’mod speċjali għas-saċerdot. San Pawl fakkar lill-insara ta’ Korintu f’dawn it-termini: “Aħna ambaxxaturi ta’ Kristu, bħallikieku Alla stess qed isejħilkom permezz tagħna” (2 Kor 5, 20). Imma sfortunatament aħna wkoll inżommu dan it-teżor kbir “f’ġarar tal-fuħħar” (2Kor 4,7). Għalhekk inħossu ħtieġa qawwija li nkunu mgħejjunin mill-fidili li aħna msejħin immexxu fit-triq tas-salvazzjoni. Ejjew nitolbu għalina u għall-ministri kollha fil-Knisja:

 

Kulħadd:

 

Mulej, nirringrazzjawk

talli tajtna bniedem u mhux anġlu,

Biex ikun ragħaj ta’ rwieħna.

Dawlu bid-dawl tiegħek, għinu bil-grazzja tiegħek,

Wieżnu bil-qawwa tiegħek.

Tħallix li l-iżbalji jaqtgħulu qalbu jew li bis-suċċess tikbirlu rasu.

Għamilna doċli għall-kelma tiegħu:

Jalla jkun ħabib, għalliem, u tabib għalina.

Għatih ideat ċari, konkreti u prattiċi:

Għatih is-saħħa biex jagħmilhom,

Għamel li nkunu ġenerużi miegħu biex ngħinuh

Biex hu jkun jista’ jmexxina bl-eżempju, bl-imħabba, bil-kelma u bl-għemil

Jalla naraw lilek fih, nirrispettawk u nħobbuk fih,

biex ħadd ma jintilef minn dawk li fdajtlu f’idejh.

U lilna salvana flimkien miegħu!

Ammen

(San Pawl VI)

 

 

Omelija qasira

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Adorazzjoni Ewkaristika

 

Adoro Te devote, latens Deitas,

Quae sub his figuris vere latitas:

Tibi se cor meum totum subiicit,

Quia te contemplans totum deficit.

 

Visus, tactus, gustus in te fallitur,

Sed auditu solo tuto creditur.

Credo quidquid dixit Dei Filius:

Nil hoc verbo Veritatis verius.

 

In cruce latebat sola Deitas,

At hic latet simul et humanitas;

Ambo tamen credens atque confitens,

Peto quod petivit latro paenitens.

 

Plagas, sicut Thomas, non intueor;

Deum tamen meum te confiteor.

Fac me tibi semper magis credere,

In te spem habere, te diligere.

 

O memoriale mortis Domini!

Panis vivus, vitam praestans homini!

Praesta meae menti de te vivere

Et te illi semper dulce sapere.

 

Pie pellicane, Iesu Domine,

Me immundum munda tuo sanguine.

Cuius una stilla salvum facere

Totum mundum quit ab omni scelere.

 

Iesu, quem velatum nunc aspicio,

Oro fiat illud quod tam sitio;

Ut te revelata cernens facie,

Visu sim beatus tuae gloriae.

  Amen.

 

Wara ħin xieraq ta’ silenzju għat-talb personali

 l-liturġija tkompli bl-offerta tal-inċens:

 

 

Ċelebrant:

Quddiem il-Mulej, preżenti fis-sagrament tal-Ewkaristija, għajn u quċċata tal-ħajja tal-Knisja u ta’ kull ministeru mwettaq fi ħdanha, ejjew inroddu ħajr lil Alla l-Missier talli għażilna u sejħilna biex nimxu wara l-Imgħallem Divin. Ejjew nitolbu l-grazzja ta’ l-Ispirtu s-Santu sabiex ħajjitna tkun xhieda vera, u li tidher quddiem kulħadd, li togħla ‘l fuq lejn Alla bħala sagrifiċċju ħelu.

 

Kull qassis jersaq lejn iċt-turibbli -ċensier li jkun jinsab quddiem l-artal

u jpoġġi fih ftit inċens waqt li l-assemblea tkanta innu adattat.

 

Talb tal-komunità

 

Ċelebrant:

Għeżież ħuti, quddiem Kristu li kien l-ewwel li offra lilu nnifsu lill-Missier f’sagrifiċċju jfuħ, ejjew noffru lill-Mulej it-talb u l-intenzjonijiet tagħna, biex jagħmel minna xhieda kredibbli u awtorevoli tal-Vanġelu.

 

Qarrej: Inwieġbu flimkien: Għamel li qalbna tixbaħ lil tiegħek.

 

1.        Mulej Ġesù, Ragħaj it-Tajjeb, għati lill-Papa qalb attenta u ġeneruża fid-dixxerniment tal-leħen tal-Ispirtu, biex b’għerf u kuraġġ imexxi l-merħla tiegħek lejn il-premju etern. Nitolbu.

 

2.        Mulej Ġesu’, Inti l-bieb tan-nagħaġ tal-merħla tiegħek, għamel mill-Knisja tiegħek merħla vera li fiha kulħadd iħossu milqugħ u maħbub, akkumpanjat u mħeġġeġ, biex jimxi fit-toroq tal-Evanġelju. Nitolbu.

 

3          Mulej Ġesù, Inti l-Ħniena tal-Missier, kabbar is-sens ta’ paternità fl-Isqfijiet tagħna biex ikunu ħmira u strumenti ta’ fraternità fost il-ministri kollha tal-Knisja. Nitolbu.

 

4.        Mulej Ġesù, Qassis ta’ dejjem, għati l-ħeġġa fl-appostolat lis-saċerdoti kollha sabiex dawn joffru, b’fedeltà u mħabba, ħajjithom fuq l-artal, flimkien mas-sagrifiċċju tiegħek. Nitolbu.

 

5.        Mulej Ġesù, dawwal lill-familji bil-grazzja tal-Ispirtu biex, mimlijin bil-kelma tiegħek, ikunu jafu jgħixu l-fidi li jistqarru, isiru art fertili għat-tkabbir ta’ vokazzjonijiet ġodda u qaddisa għas-saċerdozju u l-ħajja kkonsagrata. Nitolbu.

 

6.        Mulej Ġesù, Ħobż maqsum għall-ħajja tad-dinja, sawwarna fuq ix-xbieha tiegħek biex aħna, nkunu nistgħu ngħinu lil ħafna persuni oħrajn fit-toroq tal-istorja: sabiex flimkien insiru pellegrini ta’ tama lejn is-Saltna. Nitolbu.

 

7.        Mulej Ġesù, Sultan tal-Ħolqien Kollu, ilqa’ f’Ġerusalemm tas-Sema lil ħutna s-saċerdoti kollha li ddedikaw ħajjithom għax-xhieda tal-Vanġelu u għatihom il-premju mwiegħed lill-qaddejja fidili. Nitolbu.

 

Ċelebrant:

Isma’, Mulej, it-talb umli tagħna, kollna tama fik. M’aħniex qed nitolbu għall-merti tagħna, imma permezz tal-għana tal-imħabba tiegħek. Int li int Alla, u tgħix u ssaltan ma’ Alla l-Missier, flimkien mal-Ispirtu s-Santu, għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen

 

Kulħadd jinżel għarkobbtejh waqt li jitkanta:

 

Tantum èrgo Sacramentum venerèmur cernui:

et antìquum documentum novo cedat rìtui:

praèstet fìdes supplemèntum

sènsuum defectui.

 

Genitori, Genitoque làus et jubilàtio,

salus, honor, vìrtus quòque

sit et benedictio: procedenti ab utroque

compar sit laudatio.

 

 

Ċelebrant:

Nitolbu. O Missier, li f’dan is-Sagrament tal-għaġeb ħallejtilna t-tifkira tal-passjoni tiegħek, għatina nitolbuk li nqimu l-misteru tal-Ġisem u d-Demm tiegħek, hekk li nħossu fina bla heda dak li rebbħitilna l-fidwa tiegħek. Int li tgħix u ssaltan għal dejjem ta’ dejjem.

Ammen

 

Tingħata l-Barka Sagramentali

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

Talb ta’ tifħir lil Alla

 

Ikun imbierek Alla.

Imbierek l-Isem Imqaddes tiegħu.

Imbierek Ġesú Kristu, veru Alla u veru bniedem.

Imbierek l-Isem ta’ Ġesú .

Imbierka l-Qalb Imqaddsa tiegħu.

Imbierek id-Demm għażiż tiegħu.

Imbierek Ġesú fis-Santissmu Sagrament ta’ l-artal.

Imbierek l-Ispirtu s-Santu Paraklitu.

Imbierka l-kbira Omm Alla, Marija Santissma.

Imbierka l-Imqaddsa u Immakulta Kunċizzjoni tagħha.

Imbierek it-Tlugħ glorjuż tagħha fis-sema.

Imbierek l-Isem ta’ Marija, Verġni u Omm.

Imbierek San Ġużepp, għarus kastissmu tagħha.

Imbierek Alla fl-anġli u l-qaddisin kollha tiegħu.

 

 

Wara li l-Ewkaristija titpoġġa lura fit-tabernaklu, ċ-ċelebrant igħid:

 

Hekk kif qed joqrob il-Ġublew tas-Saċerdoti, ejjew nafdaw il-mixja ta’ ħajjitna f’idejn il-Madonna, Omm il-Knisja u mudell ta’ kull vokazzjoni.

 

Taħt il-ħarsien tiegħek nistkennu,

Omm qaddisa ta’ Alla:

la twarrabx minn quddiemek

it-talb li nagħmlulek fi ħtiġijietna,

u eħlisna dejjem minn kull tiġrib,

o Verġni glorjuża u mbierka.

 

Kunu xhieda tal-imħabba ta’ Kristu fid-dinja.

Morru fil-paċi ta’ Kristu.

Irroddu ħajr lil Alla.

 

Kant tal-għeluq

Miġjub għall-Malti minn Fr Roy Galdes

 


[1] Lumen gentium, 9

[2] Gaudium et Spes., 16