Qari minn Tony Micallef

 

“Fratelli tutti”, l-enċiklika soċjali tal-Papa Franġisku

 

Il-fraternità u l-ħbiberija soċjali huma t-toroq indikati mill-Papa Franġisku biex nibnu dinja aħjar, iktar ġusta u fil-paċi, bit-tħabrik ta’ kulħadd: poplu u istituzzjonijiet. Itenni b’saħħa l-le għall-gwerra u għall-globalizzazzjoni tal-indifferenza.

 

Liema huma l-ideali l-kbar imma anki t-toroq li konkretement wieħed jista’ jimxi jekk irid jibni dinja iżjed ġusta u fraterna fir-relazzjonijiet tiegħu ta’ kuljum, fis-soċjal, fil-politika, fl-istituzzjonijiet? Din hi l-mistoqsija li tixtieq twieġeb l-ewwel u qabel kollox Fratelli tutti, jew, fi lsienna, Ħuti lkoll: il-Papa jsejħilha “Enċiklika soċjali” (6) li tissellef it-titlu tat-Twissijiet ta’ San Franġisk ta’ Assisi, li uża dawn il-kelmiet “meta indirizza lil ħutu kollha rġiel u nisa u pproponielhom għamla ta’ ħajja li għandha t-togħma tal-Vanġelu” (1).

 

Il-Fqajjar ta’ Assisi “ma kienx jagħmel gwerra djalettika billi jimponi duttrini, imma kien iwassal l-imħabba ta’ Alla”, jikteb il-Papa, u “kien missier għammiel li ta l-ħajja lil ħolma ta’ soċjetà fraterna” (2-4). L-Enċiklika għandha l-għan ewlieni li tippromovi xewqa dinjija għall-fraternità u l-ħbiberija soċjali. Ibda mill-appartenenza komuni għall-familja umana, milli nagħrfu li aħna aħwa għax ulied l-istess Ħallieq, ilkoll fuq l-istess dgħajsa u għalhekk fil-ħtieġa li nagħrfu li f’dinja globalizzata u fejn kollox marbut ma’ xulxin, flimkien biss nistgħu nsalvaw. Motiv li kien ta’ tnebbiħ u hu kkwotat kemm-il darba hu d-Dokument fuq il-fratellanza umana ffirmat minn Franġisku u mill-Imam il-Kbir ta’ Al-Azhar fi Frar 2019.

 

Il-fraternità rridu nippromovuha mhux biss bil-kliem, imma bil-fatti. Fatti li jikkonkretizzaw f’“politika aħjar”, dik li mhix sottomessa għall-interessi tal-finanzi, imma qiegħda għall-qadi tal-ġid komuni, kapaċi tqiegħed fiċ-ċentru d-dinjità ta’ kull bniedem u tiżgura x-xogħol lil kulħadd, biex kulħadd jista’ jiżviluppa l-ħiliet tiegħu. Politika li, bogħod mill-populiżmi, tagħraf issib soluzzjonijiet għal dak li jeħodha kontra d-drittijiet fundamentali tal-bniedem u li timmira biex telimina għalkollox il-ġuħ u t-traffikar uman. Fl-istess ħin, il-Papa Franġisku jisħaq li dinja iżjed ġusta naslu għaliha biss jekk nippromovu l-paċi, li mhijiex biss l-assenza tal-gwerra, imma ħidma vera u proprja ta’ “sengħa” li tinvolvi lil kulħadd.

 

Marbuta mal-verità, il-paċi u r-rikonċiljazzjoni għandhom ikunu “proattivi”, jimmiraw għall-ġustizzja bid-djalogu, f’isem l-iżvilupp reċiproku. Minn hawn tiġi l-kundanna li l-Papa jagħmel lill-gwerra, “ċaħda tad-drittijiet kollha”, u impensabbli mqar f’xi għamla ipotetikament “ġusta”, għax illum l-armi nukleari, kimiċi u bijoloġiċi jħallu effetti enormi fuq ċivili innoċenti. B’saħħtu wkoll il-rifjut tal-piena kapitali, imsejħa “inaċċettabbli”, u ċentrali s-sejħa għall-maħfra, marbuta mal-kunċett tal-memorja u tal-ġustizzja: taħfer ma jfissirx tinsa, jikteb il-Papa, lanqas tibqa’ lura milli tiddefendi d-drittijiet tiegħek biex tħares id-dinjità tiegħek, li hi don ta’ Alla. Fl-isfond tal-Enċiklika hemm il-pandemija tal-Covid-19 li – jiżvela Franġisku – “sewwasew jiena u nikteb din l-ittra, faqqgħet b’mod xejn mistenni”. Imma l-emerġenza sanitarja globali serviet biex turi li “ħadd ma jsalva waħdu” u li waslet tassew is-siegħa li “noħolmu bħala umanità waħda” li fiha aħna “lkoll aħwa” (7-8).

 

Problemi globali jitolbu azzjonijiet gobali; le għall-“kultura tal-ħitan”

B’daħla qasira u mqassma fi tmiem kapitli, l-Enċiklika tiġbor – kif ifisser il-Papa stess – ħafna mir-riflessjonijiet tiegħu fuq il-fraternità u l-ħbiberija soċjali, imma mqiegħda “f’kuntest usa’” u intregrati ma’ “għadd ta’ dokumenti u ittri” mibgħuta lil Franġisku minn “tant persuni u gruppi mid-dinja kollha” (5). Fl-ewwel kapitlu, “Id-dellijiet ta’ dinja magħluqa”, id-dokument jieqaf fuq il-ħafna tagħwiġ ta’ żmienna: il-manipulazzjoni u d-deformazzjoni ta’ kunċetti bħalma huma d-demokrazija, il-libertà, il-ġustizzja; it-telfien tas-sens tas-soċjal u tal-istorja; l-egoiżmu u n-nuqqas ta’ interess fil-ġid komuni; il-prevalenza ta’ loġika tas-suq imsejsa fuq il-profitt u l-kultura tal-iskart; il-qgħad, ir-razziżmu, il-faqar; in-nuqqas ta’ ugwaljanza fid-drittijiet u t-tagħwiġ tagħhom bħall-iskjavitù, it-traffikar uman, in-nisa mjassra u mbagħad imġiegħla jabortixxu, it-traffikar tal-organi (10-24). Huma problemi globali li jesiġu azzjonijiet globali, jisħaq il-Papa, li jwissi wkoll kontra “kultura tal-ħitan” li tiffavorixxi ż-żieda tal-mafja, li jinbnew fuq il-biża’ u s-solitudni (27-28). Barra dan, illum qed naraw l-etika sejra lura (29) u għal dan jikkontribwixxu, b’xi mod, il-midja tal-massa li jmermru r-rispett lejn l-ieħor u jeqirdu kull prudenza, waqt li joħolqu ċrieki virtwali iżolati u awtoreferenzjali, fejn il-libertà hija illużjoni u d-djalogu mhux kostruttiv (42-50).

 

L-imħabba tibni pontijiet: l-eżempju tas-Samaritan it-tajjeb

Madankollu, għal tant dellijiet l-Enċiklika twieġeb b’eżempju mdawwal, ħabbar ta’ tama: dak tas-Samaritan it-tajjeb. Lil din il-figura hu ddedikat it-tieni kapitlu, “Barrani fit-triq”, fejn il-Papa jisħaq li, f’soċjetà marida li tagħti daharha lit-tbatija u li hi “analfabeta” fl-għożża tad-dgħajfin (64-65), ilkoll aħna msejħa – sewwasew bħas-Samaritan it-tajjeb – insiru proxxmu għall-ieħor (81), negħlbu l-preġudizzji, l-interessi personali, il-ħitan storiċi jew kulturali. Fil-fatt, ilkoll aħna korresponsabbli fil-bini ta’ soċjetà li taf tinkludi, tintegra u terfa’ lil min waqa’ jew qed ibati (77). L-imħabba tibni pontijiet u aħna “magħmulin għall-imħabba” (88), iżid il-Papa, waqt li jsejjaħ b’mod partikulari lill-Insara biex jilmħu lil Kristu fil-wiċċ ta’ kull imwarrab (85). Il-prinċipju tal-ħila li nħobbu skont “dimensjoni universali” (83) jerġa’ jaqbdu fit-tielet kapitlu, “Naħsbu u nnisslu dinja miftuħa”: fih, Franġisku jsejħilna biex “noħorġu minna nfusna” ħa nsibu fl-oħrajn “il-maturazzjoni ta’ dak li aħna” (88), billi ninfetħu għall-proxxmu skont id-dinamiżmu tal-karità li jmexxina lejn il-“komunjoni universali” (95). Fl-aħħar mill-aħħar – tfakkarna l-Enċiklika – il-binja spiritwali tal-ħajja umana hi definita mill-imħabba li “għandha dejjem l-ewwel post” u twassalna biex infittxu l-aħjar għall-ħajja tal-oħrajn, bogħod minn kull egoiżmu (92-93).

 

Id-drittijiet m’għandhomx ħitan; meħtieġa etika tar-relazzjonijiet internazzjonali

Għalhekk, soċjetà fraterna tkun dik li tippromovi l-edukazzjoni għad-djalogu biex tegħleb “il-virus tal-individwaliżmu radikali” (105) u biex kulħadd jista’ joffri l-aħjar tiegħu. Ibda mill-ħarsien tal-familja u mir-rispett għall-“missjoni edukattiva primarja u indispensabbli” (114) tagħha. Tnejn, b’mod partikulari, huma l-‘istrumenti’ biex naslu għal din it-tip ta’ soċjetà: il-benevolenza, jiġifieri li konkretement nixtiequ l-ġid tal-ieħor (112), u s-solidarjetà li tieħu ħsieb tad-dgħufija u tesprimi ruħha fil-qadi tal-persuni u tal-ideoloġiji, waqt li tissielet kontra l-faqar u n-nuqqas ta’ ugwaljanza (115). Id-dritt għal ħajja dinjituża ma jista’ jiġi miċħud lil ħadd, jistqarr għal darb’oħra l-Papa, u billi d-drittijiet m’għandhomx fruntieri, ħadd ma jista’ jibqa’ mwarrab għax twieled f’post u mhux f’ieħor (121). F’din l-ottika, il-Papa jsejħilna wkoll biex naħsbu f’“etika tar-relazzjonijiet internazzjonali” (126), għax kull pajjiż hu wkoll tal-barrani u l-ġid tat-territorju ma jistax jiġi mċaħħad lil min għandu bżonn u ġej minn post ieħor. Id-dritt naturali għall-proprjetà privata allura hu sekondarju għall-prinċipju tad-destinazzjoni universali tal-ġid maħluq (120). L-Enċiklika tagħfas ukoll b’mod partikulari fuq il-kwistjoni tad-dejn ma’ pajjiżi oħra: waqt li żżomm il-prinċipju li dan għandu jiġi mħallas, xorta tawgura li dan ma jikkompromettix it-tkabbir u l-għajxien tal-iżjed pajjiżi foqra (126).

 

Migranti: governance globali għal proġetti fit-tul

It-tema tal-migrazzjonijiet għandha ddedikata għaliha parti mit-tieni kif ukoll ir-raba’ kapitlu kollu, “Qalb miftuħa għad-dinja kollha”: bil-“ħajjiet imċarrta” (37) tagħhom, maħruba minn gwerer, persekuzzjonijiet, katastrofi naturali, traffikanti bla skrupli, maqlugħa mill-komunitajiet ta’ oriġni tagħhom, il-migranti għandhom jiġu milqugħa, imħarsa, imwieżna u integrati. Għandna nevitaw il-migrazzjonijiet mhux meħtieġa, jafferma l-Papa, billi noħolqu fil-pajjiżi tal-oriġni possibbiltajiet konkreti ta’ ħajja b’dinjità. Imma fl-istess waqt, irridu nirrispettaw id-dritt li wieħed ifittex ħajja aħjar band’oħra. Fil-pajjiżi destinatarji, il-bilanċ ġust ikun dak bejn il-ħarsien tad-drittijiet taċ-ċittadini u l-garanzija ta’ akkoljenza u għajnuna għall-migranti (38-40). B’mod speċifiku, il-Papa jindika xi “tweġibiet indispensabbli” fuq kollox għal min qed jaħrab minn “kriżijiet umanitarji serji”: jiżdiedu u jiġu ssimplifkati l-konċessjonijiet ta’ visas; jinfetħu kuriduri umanitarji; jiġu żgurati postijiet fejn wieħed joqgħod, is-sigurtà u servizzi essenzjali; jiġu offruti possibbiltajiet ta’ xogħol u formazzjoni; tingħata għajnuna biex il-familji mifruda jerġgħu jingħaqdu; jitħarsu l-minuri; tiġi garantita l-libertà reliġjuża u mħeġġeġ l-inseriment soċjali. Mingħand il-Papa wkoll l-istedina biex, fis-soċjetà, nistabbilixxu l-kunċett ta’ “ċittadinanza sħiħa”, u ma naċċettawx l-użu diskriminatorju tat-terminu “minoranzi” (129-131). Dak li hemm bżonn fuq kollox – naqraw fid-dokument – hija governance globali, kollaborazzjoni internazzjonali għall-migrazzjonijiet li ttellaq proġetti fit-tul, u tmur lil hemm mill-emerġenzi singoli (132), f’isem żvilupp solidali tal-popli kollha msejjes fuq il-prinċipju tal-gratwità. Hekk, il-pajjiżi jistgħu jaħsbu bħala “familja umana” (139-141). L-ieħor li hu differenti minna huwa don u għana għal kulħadd, jikteb Franġisku, għax id-differenzi jirrappreżentaw possibbiltà biex wieħed jikber (133-135). Kultura sana hija kultura li tilqa’ u taf tinfetaħ għall-ieħor, mingħajr ma tiċħad lilha nfisha, billi toffrilu xi ħaġa li hi awtentika. Bħal fi priżma – xbieha għażiża għall-Papa – il-kollox hu aqwa mill-partijiet singoli, imma kull waħda minnhom hi rrispettata fil-valur tagħha (145-146).

 

Il-politika, waħda mill-aktar xejriet prezzjużi ta’ karità

It-tema tal-ħames kapitlu hi “L-aħjar politika”, jew aħjar, dik li tirrappreżenta waħda mill-aktar xejriet prezzjużi tal-karità għax hi għas-servizz tal-ġid komuni (180) u tagħraf l-importanza tal-poplu, bħala kategorija miftuħa, disponibbli għall-konfront u għad-djalogu (160). Dan hu, f’ċertu sens, il-popolariżmu indikat minn Franġisku, li jeħodha kontra dak il-“populiżmu” li jinjora l-leġittimità tal-kunċett ta’ ‘poplu’, u jfittex il-kunsens ta’ ħafna biex jistrumentalizzah għall-fini tiegħu u jrewwaħ egoiżmi biex ikabbar il-popolarità tiegħu (159). Imma l-aħjar politika hi wkoll dik li tħares ix-xogħol, “dimensjoni indispensabbli tal-ħajja soċjali”, u tfittex li tiżgura lil kulħadd il-possibbiltà li jiżviluppa l-ħiliet tiegħu (162). L-aħjar għajnuna lil xi ħadd fqir, ifisser il-Papa, mhijiex biss il-flus, li huma rimedju għal żmien qasir, imma li troddlu ħajja xierqa permezz tax-xogħol. Il-vera strateġija kontra l-faqar ma timmirax sempliċiment li tikkontrolla l-foqra jew iżżommhom inoffensivi, imma hi dik li tippromovihom fl-ottika tas-solidarjetà u tas-sussidjarjetà (187). Barra dan, xogħol il-politika hu li ssib soluzzjoni għal dak kollu li jeħodha kontra d-drittijiet fundamentali umani, bħalma hi l-esklużjoni soċjali; it-traffikar ta’ organi, tessuti, armi u droga; l-isfruttament sesswali; ix-xogħol imġiegħel; it-terroriżmu u l-kriminalità organizzata. Qawwija s-sejħa tal-Papa biex inwaqqfu darba għal dejjem it-traffikar, “tal-mistħija għall-umanità”, u l-ġuħ, għax dan hu att “kriminali” ladarba l-ikel hu “dritt inaljenabbli” (188-189).

 

Is-suq waħdu ma jsolvi xejn; hemm bżonn ta’ riforma fil-Ġnus Magħquda

Il-politika li għandna bżonn, jerġa’ jisħaq il-Papa, hi dik li tgħid le għall-korruzzjoni, għall-ineffiċjenza, għall-użu żbaljat tal-poter, għan-nuqqas ta’ rispett tal-liġijiet (177). Hija politika ċċentrata fuq id-dinjità umana u mhux sottomessa għall-finanzi, għax “is-suq waħdu ma jsolvi xejn”: dan urietu l-“istraġi” li ġabu l-ispekulazzjonijiet finanzjarji (168). Għalhekk, għandhom importanza kbira l-movimenti popolari: “poeti soċjali” veri u “torrenti ta’ enerġija morali”, dawn għandhom ikunu involuti fil-parteċipazzjoni soċjali, politika u ekonomika, imma b’kordinament ikbar bejniethom. Hekk – jistqarr il-Papa – nistgħu ngħaddu minn politika “għall-” foqra għal politika “mal-” u “tal-” foqra (169). Awgurju ieħor preżenti fl-Enċiklika hu dwar ir-riforma tal-Ġnus Magħquda: fil-fatt, f’wiċċ il-ħakma tad-dimensjoni ekonomika li tħassar il-poter tal-Istat singolu, xogħol il-Ġnus Magħquda se jkun dak li jagħti konkretezza lill-kunċett ta’ “familja ta’ nazzjonijiet” li jaħdmu b’risq il-ġid komuni, it-tneħħija tal-faqar u l-ħarsien tad-drittijiet umani. Waqt li tirrikorri bla heda “għan-negozjat, għall-uffiċċji tajba u għall-medjazzjoni” – jistqarr id-dokument pontifiċju – il-Ġnus Magħquda għandha tippromovi l-qawwa tad-dritt fuq id-dritt tal-forza, u tiffavorixxi ftehim multilaterali li jħares bl-aħjar mod anki lill-Istati l-aktar dgħajfa (173-175).

 

Il-miraklu tal-ġentilezza

Mis-sitt kapitlu, “Djalogu u ħbiberija soċjali”, joħroġ fuq kollox il-kunċett tal-ħajja bħala “arti tal-laqgħa” ma’ kulħadd, anki mal-periferiji tad-dinja u mal-popli indiġeni, għax “minn kulħadd tista’ titgħallem xi ħaġa u ħadd mhu bla siwi” (215). Fil-fatt, il-veru djalogu hu dak li jippermetti li nirrispettaw il-fehma tal-ieħor, l-interessi leġittimi tiegħu u, fuq kollox, il-verità tad-dinjità umana. Ir-relattiviżmu mhuwiex soluzzjoni – naqraw fl-Enċiklika – għax mingħajr prinċipji universali u normi morali li jipprojbixxu l-ħażen intrinsiku, il-liġijiet isiru impożizzjonijiet arbitrarji (206). F’din l-ottika, rwol partikulari jmiss lill-midja li, mingħajr ma tisfrutta d-dgħufijiet umani jew toħroġ l-agħar minna, għandha torjenta ruħha għal-laqgħa ġeneruża u għall-qrubija lejn dawk li qegħdin fl-aħħar post, u tippromovi l-qrubija u s-sens ta’ familja umana (205). Imbagħad hi partikulari s-sejħa tal-Papa għall-“miraklu tal-ġentilezza”, attitudni li għandna nerġgħu nirbħu għax hi “kewkba fid-dalma” u “ħelsien mill-kefrija, mill-ansjetà u mill-urġenza distratta” li jipprevalu fi żmienna. Persuna ġentili, jikteb il-Papa, toħloq konvivenza sana u tiftaħ it-toroq hemm fejn ir-rabja tkisser il-pontijiet (222-224).

 

Is-sengħa tal-paċi u l-importanza tal-maħfra

Imbagħad is-seba’ kapitlu, “Mixjiet ta’ laqgħa ġdida”, jirrifletti fuq il-valur tal-promozzjoni tal-paċi; fih il-Papa jisħaq li l-paċi hi marbuta mal-verità, mal-ġustizzja u mal-ħniena. Bogħod mix-xewqa ta’ vendetta, hi “proattiva” u timmira biex issawwar soċjetà mibnija fuq il-qadi tal-oħrajn u fuq il-ħidma b’risq ir-rikonċiljazzjoni u l-iżvilupp reċiproku (227-229). F’soċjetà, kulħadd għandu jħossu “f’daru” – jikteb il-Papa. Għalhekk, il-paċi hija “sengħa” li tinvolvi u tolqot lil kulħadd u li fiha kulħadd għandu jagħmel il-parti tiegħu. Il-ħidma tal-paċi ma tistrieħx u ma tintemm qatt, jissokta l-Papa, u għalhekk irridu nqiegħdu fiċ-ċentru ta’ kull azzjoni lill-persuna umana, id-dinjità tagħha u l-ġid komuni (230-232). Marbuta mal-paċi hemm il-maħfra: irridu nħobbu lil kulħadd, bla eċċezzjonijiet – naqraw fl-Enċiklika – imma li nħobbu oppressur ifisser ngħinuh jinbidel u ma nħalluhx ikompli jifni lill-proxxmu. Anzi: min isofri inġustizzja għandu jiddefendi bil-qawwa d-drittijiet tiegħu biex iħares id-dinjità tiegħu, don ta’ Alla (241-242). Maħfra ma tfissirx impunità, imma ġustizzja u memorja, għax taħfer ma jfissirx tinsa, imma tgħid le għall-qawwa qerrieda tal-ħażen u għax-xewqa ta’ vendetta. Ma rridu qatt ninsew l-“orruri” bħax-Shoah, il-bumbardamenti atomiċi ta’ Hiroshima u Nagasaki, il-persekuzzjonijiet u l-massakri etniċi – jeżorta l-Papa. Dawn għandna niftakru dejjem mill-ġdid fihom, biex ma nilluppjawx ruħna u biex inżommu ħajja l-fjamma tal-kuxjenza kollettiva. Daqstant ieħor importanti li nagħmlu memorja tat-tajjeb, ta’ min għażel il-maħfra u l-fraternità (246-252).

 

Qatt iżjed il-gwerra, falliment tal-umanità!

Parti mis-seba’ kapitlu mbagħad tieqaf fuq il-gwerra: din mhix “fantażma tal-imgħoddi” – jisħaq Franġisku – imma “theddida kostanti” u tirrappreżenta ċ-“ċaħda tad-drittijiet kollha”, “il-falliment tal-politika u tal-umanità”, “iċ-ċediment tal-mistħija għall-qawwiet tal-ħażen” u għall-“abbiss” tagħhom. Barra minn hekk, minħabba fl-armi nukleari, kimiċi u bijoloġiċi li qed jolqtu ħafna ċivili innoċenti, illum ma nistgħux nibqgħu naħsbu, bħal fil-passat, f’possibbiltà ta’ “gwerra ġusta”, imma rridu nistqarru mill-ġdid bil-qawwa kollha “Qatt iżjed il-gwerra!”. U meta tqis li qed ngħixu t-“tielet gwerra dinjija miġġielda f’biċċiet”, għax il-kunflitti kollha huma marbuta bejniethom, it-tneħħija sħiħa tal-armi nukleari hi “imperattiv morali u umanitarju”. Pjuttost – jissuġġerixxi l-Papa – bil-flus li ninvestu fl-armamenti, għandu jitwaqqaf Fond dinji biex neqirdu l-ġuħ (255-262).

 

Piena kapitali hi inaċċettabbli, għandha titneħħa fid-dinja kollha

Pożizzjoni daqshekk ieħor ċara Franġisku jesprimiha dwar il-piena kapitali: hi inaċċettabbli u għandha titneħħa kullimkien mid-dinja. “Il-qattiel ma jitlifx id-dinjità personali tiegħu” – jikteb il-Papa – “Alla hu garanti ta’ dan”. Minn hawn, żewġ eżortazzjonijiet: ma nħarsux lejn il-piena bħala vendetta, imma bħala parti minn proċess ta’ fejqan u ta’ inseriment mill-ġdid fis-soċjetà, u ntejbu l-kundizzjonijiet tal-ħabsijiet, fir-rispett tad-dinjità uman tal-ħabsin, u naħsbu wkoll kif is-sentenza ta’ ħajja priġunerija “hija piena kapitali moħbija” (263-269). Jisħaq fuq il-ħtieġa li nirrispettaw “is-sagralità tal-ħajja” (283) hemm fejn “ċerti partijiet tal-umanità jidhru sagrifikabbli”, bħat-trabi fil-ġuf, il-foqra, il-persuni b’diżabbiltà, l-anzjani (18).

 

Niggarantixxu l-libertà reliġjuża, dritt fundamentali uman

Fit-tmien u l-aħħar kapitlu, il-Papa jieqaf fuq “Ir-reliġjonijiet għas-servizz tal-fraternità fid-dinja” u jisħaq mill-ġdid li l-vjolenza ma ssib ebda bażi fil-konvinzjonijiet reliġjużi, imma biss fid-deformazzjonijiet tagħhom. Allura, atti “abonimabbli” bħal dawk terroristiċi mhumiex ġejjin mir-reliġjon, imma minn interpretazzjonijiet żbaljati tat-testi reliġjużi, kif ukoll minn politika ta’ ġuħ, faqar, inġustizzja, oppressjoni. It-terroriżmu m’għandux jiġi megħjun, u la bil-flus, u la bl-armi, u wisq inqas bil-kopertura medjatika, għax hu att kriminali internazzjonali kontra s-sigurtà u l-paċi dinjija u bħala tali għandu jiġi kkundannat (282-283). Fl-istess ħin, il-Papa jisħaq li mixja ta’ paċi bejn ir-reliġjonijiet hi possibbli u li allura hemm bżonn niggarantixxu l-libertà reliġjuża, dritt fundamentali uman għal dawk kollha li jemmnu (279). Riflessjoni partikulari l-Enċiklika tagħmilha fuq ir-rwol tal-Knisja: hija ma ċċedix il-missjoni tagħha lill-privat – jisħaq – għax mhijiex fit-tarf tas-soċjetà u, imqar jekk ma tagħmilx il-politika hi, madankollu ma tiċħadx id-dimensjoni politika tal-ħajja. Fil-fatt, l-attenzjoni għall-ġid komuni u t-tħassib għall-iżvilupp integrali uman jolqtu l-umanità, u dak kollu li hu uman jinteressa lill-Knisja, skont il-prinċipji evanġeliċi (276-278). Fl-aħħar nett, waqt li jfakkar lill-mexxejja reliġjużi fir-rwol tagħhom ta’ “medjaturi awtentiċi” li jħabirku biex jibnu l-paċi, Franġisku jikkwota d-Dokument fuq il-fratellanza umana għall-paċi fid-dinja u l-konvivenza komuni, iffirmat minnu stess fl-4 ta’ Frar 2019 f’Abu Dhabi, flimkien mal-Imam il-Kbir ta’ Al-Azhar, Ahmad Al-Tayyib: minn dan il-pass deċiżiv fid-djalogu interreliġjuż, il-Papa jerġa’ jaqbad l-appell biex, f’isem il-fratellanza umana, jintgħażlu d-djalogu bħala triq, il-kollaborazzjoni komuni bħala mġiba u l-għarfien reċiproku bħala metodu u kriterju (285).

 

Il-Beatu Charles de Foucauld, “ħuna universali”

L-Enċiklika tagħlaq bit-tifkira ta’ Martin Luther King, Desmond Tutu, Mahatma Gandhi u fuq kollox il-Beatu Charles de Foucauld, mudell għal kulħadd ta’ xi jfisser tidentifika ruħek mal-ifqar fost il-fqar biex issir “ħuhom universali” (286-287). L-aħħar linji tad-dokument huma fdati lil żewġ talbiet: waħda “lill-Ħallieq” u l-oħra “Kristjana ekumenika”, biex fil-qalb tal-bnedmin jgħammar “spirtu ta’ aħwa”.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard