Laikos

 

IS-SENS TAT-TEST BIBLIKU FIT-TRADIZZJONI TAL-KOMUNITà

Minn FR JOSEPH AGIUS OP

1. Ir-Rilettura tat-Test

Meta kien ffurmat kull test li llum jinsab fil-Kotba Mqaddsa it-test kellu tifisra partikulari għall-ewwel nies li qrawh jew semgħuh jinqara, id-destinatarji tat-test. Din it-tifsira nsejħulha s-sens storiku tat-test.[1] Imma għall-komunità li qrat jew semgħet it-test jinqara is-sens tat-test qatt ma kien fiss darba għal dejjem. L-ermenewtika moderna tinsisti fuq li s-sens tat-test ma jiddependix biss mill-intenzjoni tal-awtur li kitbu, imma anki minn dak li jara fit-test min jaqrah jew jisimgħu jinqara. Fi ħdan il-Poplu t’Alla mill-bidunett kien hemm il-konvinzjoni li l-kelma t’Alla hi ħajja, u għandha ddawwal lil dak li jkun f’kull sitwazzjoni tal-ħajja. Għalhekk, mill-bidunett il-komunità fittxet tara fid-dawl tal-fidi tagħha sens fit-test li kien jippermettilha tapplika il-kelma t’Alla għaċ-ċirkustanzi storiċi ta’ żmienha. L-isforz tal-komunità li tara fit-test sens li kien igħodd għal żmienha insejħulu ir-rilettura tat-test. It-tifsira ġdida li l-komunità skopriet fit-test hemm min isejħilha s-sens spiritwali jew anki s-sens sħih – sensus plenior – tat-test.

 

2. Ir-Rilettura tat-Testment il-Qadim

Irrikorriet għal din ir-rilettura kemm it-tradizzzjoni Lhudija, kemm it-tradizzjoni nisranija. Il-komunità Lhudija għamlet rilettura tat-test tat-Testment il-Qadim, u l-komunità nisranija għamlet rilettura kemm tat-Testment il-Qadim u kemm tat Testment il-Ġdid. Ir-rilettura kienet issir miż-żewġ naħat fid-dawl tal-fidi rispettiva tagħhom. It-tradizzjoni Lhudija għamlet din ir-rilettura fid-dawl tal-fidi tagħha fiż-żminijiet bibliċi u aktar tard fid-dawl tal-fidi tagħha iffurmata mit-tradizzjonijiet rabbiniċi. It-tradizzjoni Nisranija għamlet din ir-rilettura fid-dawl tal-fidi ibbażata fuq il-predkazzjoni appostolika fuq il-ġrajjiet ta’ Ġesù kif nafuha mit-tradizzjoni tal-Knisja. Billi l-punt tat-tluq tar-rilettura Lhudija u Nisranija hu differenti iż-żewġ riletturi huma riletturi paralleli, u dak li ssib ir-rilettura Nisranija fit-Testment il-Qadim hu differenti minn dak li ssib it-tradizzjoni Lhudija. Wieħed irid jammetti mankollu li kemm waħda u kemm l-oħra hi possibbli.

Hawnhekk nixtieq nirreferi għal testi minn dokument tal-Pontifiċja Kummissjoni Biblika fuq Il Poplu Ibrajk u l-Iskritturi tiegħu fil-Bibbja Nisranija [2001]. “Fil-ġudajiżmu kien hemm id-drawwa li wieħed jagħmel ċerti riletturi. Kien it-Testment il-Qadim stess li fetaħ din it-triq. Kien hemm, per eżempju, ir-rilettura tal-episodju tal-manna; ma nċaħadtx dak li kien hemm oriġinarjament, imma kien hemm approfondiment tas-sens oriġinali meta l-manna rawha bħala simbolu tal-Kelma t’Alla li biha Alla jnutri kontinwament il-poplu tiegħu (cf. Dt 8,2-3).[2] Il-kotba tal-Kronaki huma rilettura tal-ktieb tal-Ġenesi e taż-żewġ kotba ta’ Samwel u tas-Slaten.” [n. 19].

Ir-rakkont tal-istorja tal-monarkija fil-kotba tal-Kronaki hu parallel għar-rakkont tal-istorja tal-monarkija f’Samwel u Slaten, anzi spiss hu repetizzjoni kelma b’kelma. Biss hemm differenzi. Il-Kronist kellu għad-dispożizzjoni tiegħu ir-rakkont f’Samwel u Slaten u ikkuppjah fix-xogħol tiegħu, imma fix-xogħol tiegħu biddel xi affarijiet li kienu jinsabu fir-rakkont li kellu f’idejh. Il-Kronist kiteb ix-xogħol tiegħu f’nofs is-seklu erbgħa, żmien meta s-Samaritani kienu qed joħolqu ħafna problemi lill-Lhud li kienu għadhom kif ġew lura mill-eżilju tal-Babilonja. Fix-xogħol tiegħu ried juri, fost affarijiet oħra, li s-Samaritani minħabba l-oppożizzjoni tagħhom għal-Lhud kienu tilfu l-istatus tagħhom ta’ membri tal-poplu t’Alla. Fir-rakkont tiegħu jikkonkretizza l-patt li bih Iżrael sar il-poplu t’Alla fil-patt ma’ David. Min-naħa jelimina mir-rakkont tiegħu kull allużjoni li sab fir-rakkont preċedenti għall-elezzjoni ta’ Israel fis-Sinaj [cp. 1 Kr 24,2 ma’ Num 3,4 u 2 Kr 6,39 ma’ 1 Sl 8,51-53] u jirrakkonta l-patt ma’ David [1 Kr 17,1-15]. Wara li rrakkonta kif l-antenati tas-Samaritani ddikjaraw l-indipendenza tagħhom mid-dar ta’ David kif ħa t-tron Robogħam [2 Kr 10], iħalli barra mir-rakkont tiegħu ir-rakkont tas-saltna ta’ Israel li sab fil-ktieb tas-Slaten. Ried jgħid li meta l-antenati tas-Samaritani infirdu mid-dar ta’ David infirdu mill-komunità li Alla kien għamel patt magħha. U biex ma jagħtix l-impressjoni li s-Samaritani kellhom xi ġustifikazzjoni biex jinqatgħu mill-komunità tal-patt jelimina mir-rakkont tiegħu dak kollu li seta’ jitfa dell ikrah fuq il-karattru ta’ David. Ma jgħid xejn li David kien ħalla l-eżerċtu ta’ Sawl [1 Sam 19-20], li man-nies tiegħu fittex kenn politiku għand il-Filistin, l-egħdewwa ta’ Sawl [1 S 27, 5-12] u ma ħax sehem mal-Filistin fil-battalja tal-Filistin ma’ Sawl għax il-Filistin ma fdawhx [1 Sam 29,1-11], li sar sultan fuq Israel kollu wara li ħbieb David qatlu l-aħħar tifel ta’ Sawl [2 Sam 3,22-39; 4,22-39]. Ma jgħid assolutament xejn fuq l-adulterju ta’ David ma’ Batxeba u fuq il-qtil tar-raġel tagħha Urija [2 Sam 11:1-27], u ma jgħid xejn fuq it-taqtiegħa li kien hemm bejn ulied David għat-tron ta’ missierhom, anzi jagħti l-impressjoni li s-suċċessjoni ta’ Salamun kienet paċifika.[3]

Dan hu eżempju ta’ rilettura lhudija fiż-żminijiet bibliċi, imma dan il-metodu il-Lhud baqgħu japplikawh anki fiż-żminijiet ta’ wara fil-letteratura rabbinika tal-ġudaiżmu, u wħud għadhom japplikawh sa żminijietna. Fil-komunità Lhudija ta’ żminijietna hemm numru ta’ Lhud ortodossi li jaraw il-ħolqien tal-istat ta’ Israel fl-1948 bħala realizzazzjoni tal-wegħdiet li kienu għamlu l-profeti tar-ritorn tal-itturfnati mill-eżilju.

It-tradizzjoni Nisranija għamlet rilettura bħal din tat-Testment il-Qadim. “Dak li jispeċifika ir-rilettura nisranija hu li saret – kif appena għidna – fid-dawl ta’ Kristu.

“L-interpretazzjoni l-ġdida ma teliminax is-sens oriġinali. L-appostlu Pawlu jafferma mingħajr ebda ekwivoku li «li l- orakli ta’ Alla kienu fdati» lill-Israelin (Rm 3,2) u jgħodd b’ċert li dawn l-orakli wieħed kellu seta’ jaqrahom u jifhinmhom qabel il-miġja ta’ Kristu. Meta tkellem fuq għama tal-ebrej dwar «il-qari tat-Testment il-Qadim» (2 Cor 3,14), ma kellux f’mohhu jgħid li kienu totalment inkapaċi li jaqraw, imma li kienu inkapaċi li jaqrawh fid-dawl ta’ Kristu.”[4]

Hi b’rilettura fid-dawl ta’ Kristu li l-Kristjaneżimu jara l-wegħdiet li Alla għamel fit-Testment il-Qadim bħala wegħdiet tal-misteru ta’ Kristu. A propositu id-dokument tal-Pontifiċja Kmmissjoni Biblika igħid: “Il-kunċett ta’ kompiment hi kumplessa għall-aħħar, u jista’ jkun falzat jekk wieħed jinststi unilateralment jew fuq il-kontinwità jew fuq id-diskontinwità. Il-fidi nisranija tirrikonoxxi il-kompiment, fi Kristu, tal-Iskritturi u tat-tamiet ta’ Israel, imma ma tifhimx dan il-kompiment bħala s-sempliċi realizzazzjoni ta’ dak li kien miktub. Viżjoni bħal din hi riduttiva. Fil-fatt, fil-misteru ta’ Kristu msallab u rxoxt, il-kompiment iseħħ b’mod imprevedibbli. Jimplika superament. Ġesù ma llimitax ruħu li jaqdi missjoni diġà stabilta bil-quddiem – dik tal-Messia – imma jagħti lill-kunċetti ta’ messija u salvazzjoni tifsira hekk sħiħa li kien impossibbli wieħed jimmaġinaha bil-quddiem; jimliehom b’realtà ġdida; wieħed jista’ jitkellem a propositu fuq «ħolqien ġdid». Ikun żball li wieħed jikkunsidra il-profeziji tat-Testment il-Qadim bħallikieku kienu xi fotografiji antiċipati ta’ ġrajjiet tal-futur. It-testi kollha, inklużi dawk li wara nqraw bħala profeziji messjaniċi, mill-ewwel kellhom valur u tifsira jgħoddu għall-kontemporaneji, qabel ma akkwistaw tifsira aktar sħiħa għal dawk li semgħhom jinqraw fiż-żminijiet futuri. Il messjanismu di Ġesù għandu tifsira ġdida u inedita.

“L-iskop prinċipali tal-profeta kien li jpoġġi n-nies ta’ żmienu f’pożizzjoni li jifhmu il-ġrajjiet ta’ żmienhom skont il-viżjoni ta’ Alla. Aħjar għalhekk li wieħed ma jinsistix iż-żejjed, kif tagħmel ċerta apoloġetika,[5] u jattribwixxi il-valur ta’ prova lill-kompiment tal-profeziji. Din l-insistenza kkontribwiet biex l-insara jagħmlu ġudizzju aktar sever fuq l-ebrej u l-qari tagħhom tat-Testment il-Qadim: aktar ma wieħed isib evidenti ir-riferiment għal Kristu fit-testi veterotestamentarji, aktar wieħed iżomm inġiustifikabbli u stinata l-inkredulità tal-ebrej.”[6]

Bħalma tajt xi eżempji tar-rilettura Lhudija tat-test tat-Testment il-Qadim nagħti xi eżempji żgħar tar-rilettura Nisranija tat-Testment il-Qadim. Wieħed jista’ jgħid li it-tradizzjoni Nisranija għamlet rilettura tat-Testment il-Qadim fit-totalità tiegħu. It-Testment il-Ġdid jippreżenta ’l Ġesù ta’ Nazaret bħala dak li fil-missjoni tiegħu seħħew il-Liġi u l-Profeti [Mt 5,17; Lq 24,25.44-45; Ġw 1,45; 5,39.46], espressjoni li tfisser it-Testment il-Qadim.[7] Imma jagħmel ukoll rilettura ta’ testi partikulari tat-Testment il-Qadim.

Dt 18,15.18 li jitkellem fuq profeta bħal Mosé. It-test tad-Dt ma jitkellimx fuq profeta partikulari, imma jitkellem fuq kategorija ta’ profeti differenti mill-kategorija tal-profeti Kangħanin. Il-profeti Kangħanin kienu jiksbu rivelazzjonijiet permezz tal-użu ta’ mezzi tekniċi, imma bħal Mosé Israel kien se jkollu profeti li bħal Mosé kienu se jiksbu rivelazzjonijiet direttament mingħand Alla, u Israel kellu jirrikorri għand dan it-tip ta’ Profeta. Imma saret rilettura tat-test, speċjalment meta l-Lhud ħassew in-nuqqas tal-profetiżmu [1 Mak 4,46; 9,27; 14,41, u skont din ir-rilettura xi darba kellu jfiġġ profeta bħal Mosé u qabel deher Kristu in-nies kienet qed tistenna dan il-profeta.[8] Skont dan is-sens l-awturi tat-Testment il-Ġdid identifikaw dan il-profeta ma’ Ġesù ta’ Nazaret [cf. Atti 3,22-23; 7,37]. Hoseagħ jitkellem fuq l-eżodu ta’ Iżrael mill-Eġittu u jgħid, “Mill-Eġittu sejjaħt lil ibni” [11,1]. Tant hu hekk li fuq l-iben imsejjaħ jgħid “aktar ma sejjaħtilhom, aktar tbegħdu minni; offrew sagrifiċċji lil Bagħlim u baħħru quddiem l-idoli” [v. 2]. Imma Mattew japplika t-test għar-ritorn ta’ Ġesù mill-Eġittu wara l-mewt ta’ Erodi [2,15]. Iżaija jitkellem fuq it-tnissil u t-twelid tal-Għimmanu-’el minn mara żgħażugħa [Iż 7,14] bħala sinjal lil Aħaz, imma Mattew juża it-traduzzjoni Griega tat-test – is-Septwaġinta – li titkellem fuq twelid minn verġni u japplikah għat-tnissil verġinali ta’ Ġesù [Mt 1,23]. Ġen 14,18 jintroduċi ’l Melkizedek mingħajr il-patronomiku – mingħajr ma jgħid min kien missieru – kif kien isir is-soltu, mingħajr ma jgħid xejn fuq il-bidu u tmiem ħajtu. Ma kellux f’moħħu jgħid li Melkizedek ma kellux ġenejaloġija u li ħajtu kienet bla bidu u bla tmiem. L-awtur tal-ittra lil-Lhud ried iqabbel lil Kristu saċerdot ma’ Melkizedek, u ppreżenta ’l Melkizedek “bla missier, bla omm, bla nisel, qisu la għandu bidu u lanqas tmiem ta’ ħajtu” [Lhud 7,3].[9] It-Testment il-Qadim jitkellem fuq il-wegħda li Alla kien għamel lil Abraham u n-nisel tiegħu [Ġen 12,7; 13,15; 17,7; 22,18; 24,7], u għalkemm it-test juża t-trerminu nisel fis-singular it-terminu għandu jiftiehem f’sens kollettiv, jiġifieri d-dixxendenza kollha ta’ Abraham. Imma S. Pawl jinsisti fuq is-singular u jgħid li t-terminu għandu jiftiehem f’sens individwali, u hekk jidentifika n-nisel ma’ Kristu. Jgħid: “Issa l-wegħdiet saru lil Abraham ‘u lin-nisel’ tiegħu. L-Iskrittura ma tgħidx ‘u lin-nislijiet’ bħallikieku kien ħafna, iżda bħallikieku wieħed: ‘lin-nisel tiegħek’, li hu Kristu” [Gal 3,16]. Skont it-Testment il-Qadim Abraham kellu żewġ nisa, Sara il-mara libera u Ħagar l-iskjava tagħha [Ġen 17,1-22; 21,8-14]. Fit-Testment il-Qadim Sara tirrappreżenta l-poplu t’Alla iffurmat mill-Israelin u Ħagar poplu barrani. S. Pawl jikkunsidra l-istatus taż-żewġ nisa u jgħid li Sara il-libera tirrappreżenta lil dawk li emmnu fi Kristu, u Ħagar l-iskjava tirrapreżenta l-Lhud li m’emmnux fi Kristu [Gal 4,21-31].

Fir-rilettura Nisranija tat-Testment il-Qadim mhux biss it-testi kellhom tifsira kristoloġika, imma anki r-rejaltajiet li jitkellem fuqhom it-test. Per eżempju, Adam isir tip – figura – ta’ Kristu [Rm 5,14], id-dilluvju isir tip tal-maghmudija [1 Pt 3,21], is-sagrifiċċju tal-ħaruf tal-Għid isir tip tas-sagrifiċċju ta’ Kristu [1 Kor 5,7-8], il-manna issir tip tal-Ewkaristija [Ġw 6], is-serp ta’ Mosé isir tip ta’ Kristu fuq is-salib [Ġw 3,13], Ġona isir tip ta’ Kristu li jgħaddi tlett ijiem fil-qabar [Mt 12,39], eċċ.

Illum hemm kurrent Lhudi li jammetti li r-rilettura nisranija li Kristu, l-appostli, u l-Knisja tal-ewwel zminijiet għamlu tat-Testment il-Qadim hi possibbli. It-Testment il-Ġdid jitkellem fuq Nikodemu u Gamaljel li kienu lesti jisimgħu kif Krisu u l-Knisja tal-ewwel żminijiet fehmu it-Testment il-Qadim. Illum hemm grupp żgħir – isejjaħ lilu nnifsu Jews for Jesus – li jemmnu li Ġesù ma ċaħad xejn minn dak li jgħallem it-Testment il-Qadim, u forsi l-aħjar espressjoni ta’ din il-fehma hu x-xogħol ta’ Jacob Nausner, A Rabbi talks with Jesus [Doubleday, New York 1993], imma kuntrarjament għal dak li għamlu l-appostli, Pawlu ta’ Tarsu, Edith Stein u ħafna oħrajn ma jaslux biex jammettu li fil-missjoni ta’ Ġesù seħħew il-wegħdiet li Alla kien għamel fit-Testment il-Qadim. Għalihom il-wegħdiet kellhom tifsira differenti minn dik li kellhom għal Ġesù u l-Knisja nisranija.

Bħalma xi Lhud jammettu li r-rilettura Nisranija tat-Testment il-Qadim hi possibbli, illum l-Insara mħeġġin jammettu li r-rilettura fid-dawl tat-tradizzjonijiet rabbiniċi li jagħmlu l-Lhud hi possibbli wkoll. Nikkwota mill-ġdid it-test tal-PCB: “... l-insara jistgħu u għandhom jammettu li l-lettura ebrajka tal-Bibbja hi lettura possibbli, hi trinsab f’kontinwità mal Kotba Mqaddsa ta’ żmien it-Tieni Tempju u hi analoga għall-lettura nisranija li żviluppat parallelament magħha. Kull waħda miż-żewġ letturi hi marbuta mal-viżjoni rispettiva tal-fidi u hi il-prodott u l-espressjoni tagħha, bir-riżultat li per konsegwenza li huma irriduċibili waħda għall-oħra.”[10]

 

3. Ir-Rilettura tat-Testment il-Ġdid.

Il-metodu ġie applikat wkoll għat-Testment il-Ġdid u naqraw hekk mit-tradizzjoni sanċita mill-Maġisteru ekkleżjastiku. It-Testment il-Ġdid nnifsu jagħmel rilettura ta’ tradizzjonijiet neotestamentarji biex japplikahom għal sitwazzjonijiet suċċessivi tal-komunità nisranija.

Il-parabbola tan-nagħġa l-mitlufa [Mt 18,12-14; Lq 15,1-7] għandha tifsira f’Mattew u tifsira differenti f’Luqa. Skont Luqa hi parabbola fuq il-missjoni ta’ Ġesù, skont Mattew hi parabbola fuq il-missjoni tal-Knisja. Skont Luqa Ġesù rrakkonta l-parabbola biex jiġġustifika l-missjoni tiegħu mal-midinbin. Ġesù rrakkontaha lill-kittieba u l-Fariżej li gemgmu għax kien jindiehes mal-midinbin. Is-sens tal-parabbola skont Luqa: hemm aktar ferħ fis-smewwiet meta midneb jikkonverti milli għal disgħa u disgħin tajba li m’għandhomx bżonn ta’ ndiema; għalhekk jien nilqa’ għandi nies midinba u niekol magħhom. Dan probabbilment kien l-iskop oriġinali li għaliha Ġesù rrakkonta l-parabbola, imma Mattew jtieha tifsira differenti għax meta kiteb il-Vanġelu iċ-ċirkustanzi kienu differenti. Skont Mattew Ġesù rrakkonta l-parabbola lid-dixxippli tiegħu fil-kuntest ta’ diskors fuq il-Knisja, u hi eżortazzjoni lid-dixxipli biex joħorġu jfittxu n-nagħġa mitlufa.

Fil-Vanġeli sinottiċi għandna l-qawl ta’ Ġesù dwar ommu u ħutu: “Ommi u ħuti huma dawk li jisimgħu l-kelma t’Alla u jagħmlu li jġħid hu” [cf. Mt 12,4649; Mk 3,31-35; Lq 8,19-21]. Skont Mattew u Mark Ġesù qal dan fuq dawk li kienu qed jisimgħuh meta marru jfittxuh ommu u ħutu. Skont Mattew meta qal hekk medd idu lejn id-dixxipli tiegħu u skont Mark meta qal hekk dawwar ħarstu fuq dawk li kien hemm madwaru bilqegħda, u qal “Għax kull min jagħmel ir-rieda ta’ Missieri li hu fis-smewwiet, dak huwa ħija, u oħti, u ommi”. Imma fir-rakkont tiegħu Luqa jelimina dak li jgħidu Mattew u Mark fuq dak li għamel u qal Ġesù fuq dawk li kienu qed jisimgħuh, u fir-rakkont ta’ Luqa il-qawl ta’ Ġesù hu paniġierku fuq il-fidi t’ommu u ħutu li marru jfittxuh.

Wara li nkiteb it-Testment il-Ġdid it-tradizzjoni tal-Knisja kompliet bir-rilettura tagħha tat-Testment il-Ġdid. Nikkwota test tal-Pontifiċja Kummissjoni Biblika fuq L’interpretazjoni tal-Bibbja fil-Knisja [1993]: “It-tagħlim patristiku u konċiljari fuq it-Trinità jesprimi s-sens sħiħ tat-Testment il-Ġdid fuq Alla l-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu. Id-definizjoni tad-dnub oriġinali tal-Konċilju ta’ Trentu tagħti s-sens sħiħ tat-tagħlim ta’ Pawlu f’Rum 5,12-21 fuq il-konsegwenzi fuq l-umanità tad-dnub originali ta’ Adam. Imma meta m’hemmx dan it-tip ta’ kontroll – min-naħa ta’ test bibluiku espliċitu jew ta’ tradizzjoni duttrinali awtentika – ir-rikors għal sens sħiħ li wieħed jippretendi fit-test jista’ jwassal għal interpretazzjonijiet suġġettivi nieqsa minn kull validità.”[11] [p. 76].

 

Bħala eżempju tal-mod kif saret rilettura anki tat-Testment il-Ġdid b’dan il-mod nagħmel riferiment għat-testi fejn Ġesù ta’ Nazaret jissejjaħ Bin Alla [Mt 3,17; 4,3.6; 16,16; 17,5; 26,63; Mk 3,11.17; 5,7; 15,39; Lq 1,32; 4,41].[12] L-espressjoni ma tesprimix bilfors filjazzjoni divina fis-sens ta’ divinità. Tista’ tesprimi relazzjoni partikulari bejn Alla u ħlejqa tiegħu. Hu titlu mogħti lill-anġli [Ġob 1,6 eċċ.], lill-poplu magħżul [Eż 4,22; Għerf 18,13; cf. Dt 14,1; Hos 2,1], lis-sultan tad-dinastija ta’ David [2 Sam 7,14; 1 Kron 17,13; S 2,7; 89,27]. Fit-testi fejn Ġesù jissejjaħ Bin Alla m’għandniex naħsbu li l-evanġelisti kellhom f’moħħhom aktar minn rapport partikolari bejn Ġesù u Alla. F’xi testi hu evidenti li Bin Alla tfisser li Ġesù hu l-qaddej ta’Alla li jitkellem fuqu Iżaija – fil-magħmudija [Mt 3,17] u fit-trasfiguirazzjoni [Mt 17,5] – u f’xi testi Bin Alla tfisser li hu il-Messija min-nisel ta’ David. Meta l-profeta Natan wiegħed dinastija lil David qallu li r-rapport bejn Alla u kull membru tad-dinastija se jkun rapport bħal ta’ missier ma’ ibnu: “Jien inkun għalih missier u hu jkun għalija iben” [2 Sam 7,14; 1 Kron 17,13]. Kull darba li membru tad-dinastija kien jieħu t-tron profeta kien jilleġittimah u jiddikjarah Bin Alla, “Ibni int, illum jien nissiltek” [S 2,7]. Fi żmien Kristu il-Messija Bin David kien jissejjaħ ukoll Bin Alla. It-titlu hu użat f’dan is-sens fit-tħabbira tal-anġlu, u jidher li jintuża hekk fl-isTestment il-Qadimarrija ta’ Pietru u fil-mistoqsija tas-Sommu Saċerdot. L-anġlu qal lil Marija, “... jissejjaħ Bin l-Għoli. Il-Mulej Alla jagħtih it-tron ta’ David missieru” [Lq 1,32]. Fl-isqarrija ta’ Pietru u fil-mistoqsija tas-Sommu Saċerdot Bin Alla tintuża biex tikkwalifika – in appositionil-Messija [Mt 16,16; 26,63]. Biss, meta wieħed jaqra dawn it-testi fil-il-kuntest tat-Testment il-Ġdid, speċjalment meta wieħed jikkunsidra testi oħra fejn in-natura divina ta’ Ġesù hi iktar espliċita, per eżempju fejn Ġesù jissejjaħ kyrios, Mulej [Rum 10,9; 1 Kor 12,3; Fil 2,11] u l-formuli trinitarji [Mt 26,19; 2 Kor 13,13; Ef 4,4-6, eċċ.], wieħed ma jridx wisq biex almenu f’xi testi jara l-espressjoni Bin Alla espressjoni miftuħa għal interpretazzjoni ta’ filjazzjoni divina kif nafuha tradizzjonalment.

 

Konklużjoni

1. Ir-reliġjon kattolika mhijiex reliġjon tal-ktieb, imma reliġjon tal-kelma kif jingħad espressament fil-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika: “... il-fidi nisranija mhijiex ‘xi reliġjon tal-ktieb’. Il-Kristjaneżimu huwa reliġjon tal-‘Kelma’ ta’ Alla, kelma li mhijiex xi kelma miktuba u mbikkma, iżda l-kelma [il-Verb] magħmula bniedem u ħajja. Biex il-Kotba Mqaddsa ma jibqgħux ittra mejta, jeħtieġ li Kristu, il-Kelma ta’ dejjem ta’ Alla l-ħaj, permezz tal-Ispirtu s-Santu, jiftħilna moħħna biex nifhmu l-Iskrittura [ara Lq 24,45].”[13] Jingħad l-istess minn Benedittu XVI fl-eżortazzjoni apostolika post-sinodali, Verbum Domini.[14] Il-kelma tippreċedi e tiċċedi l-ktieb. Xandru bil-kelma tal-fomm qabel ma nkitbet il-patrijarki ta’ Iżrael, il-profeti, Ġesù ta’ Nazaret, l-Appostli u dawk li xandru l-Evanġelju fil-Knisja tal-ewwel żminijiet, u wara li nkitbet il-kelma it-tradizzjoni taħt l-impuls tal-Ispirtu s-Santu kompliet tirrifletti fuq is-sens tal-kelma li kienet inkitbet.

2. Meta wieħed jiġi biex jiġġudika l-validità ta’ dak li l-komunità skopriet fir-rilettura tat-test wieħed irid iżomm quddiem għajnejh dak li jgħid S. Pietru fit-tieni ittra tiegħu: “... ebda profezija tal-Iskrittura ma għandu ħadd ifissirha minn rasu. Għax qatt ma kien li xi profezija ġiet mir-rieda tal-bniedem; imma, meta l-bnedmin tkellmu f’isem Alla, dan għamluh għax kienu mqanqlin mill-Ispirtu s-Santu” [2 Pt 1,21]. Bħalma l-kelma inkitbet taħt l-impuls tal-Ispirtu s-Santu kull rilettura tat-test irid ikollha warajha l-awtorità tal-Ispirtu s-Santu. Hemm l-awtorità tal-Ispirtu s-Santu meta r-rilettura jagmilha xi ħadd mnebbaħ mill-Ispirtu s-Santu, jiġifieri l-awturi tal-Kotba Mqaddsa jew il-Knisja fil-Maġisteru tagħha.[15]

3. Meta xi ħadd jitratta t-test bibliku fi kwalinkwe livell – riflessjoni teoloġika, predikazzjoni, eċċ. – irid juri ċar u tond x’inhu s-sens storiku tat-test, u jekk it-tradizzjoni suċċessiva fit-test sabet sens aktar profond – sens spiritwali jew sens aktar sħiħ – hu neċessarju li juri d-differenza bejn is-sens storiku u kull sens ieħor li t-tradizzjoni suċċessiva sabet fit-test. Mhux biss, irid ikun car jekk dak li qed jgħid hux ibbażat fuq is-sens storiku jew fuq dak li sabet it-tradizzjoni suċċessiva. Dan irid isir anki fil-predikazzjoni. Inkella nissugraw li nħawwdu l-imħuħ tal-fidili.

4. Fejn it-tradizzjoni sabet xi sens aktar profond f’dak li jingħad fit-test bibliku, hu neċesssarju wkoll li dak li jkun jispjega meta u kif it-tradizzjoni sabet dak is-sens aktar profond. Meta qed ngħid dan nixitieq li l-metodu storiku jiġi applikat anki għat tradizzjoni kif għal dawn l-aħħar 130 sena kien ġie applikat għat-test bibliku. Meta Père Marie-Joseeph Lagrange waqqaf l’École Biblique, Ġerusalemm, fl-1890 inawgura fil-Knisja Kattolika il-metodu storiku fl-interpretazzjoni tat-test. L-École Biblique nidiet proġett li sejħitlu La Bible dans ses Traditions – Il-Bibbja fit-Tradizzjonijiet tagħha – u l-ideja hi li tispjega kif it-tradizzjoni rċeviet it-test bibliku. U għandi l-impressjoni li wara da il-proġett hemm l-ideja li jiġi applikat il-metodu storiku għat-tradizzjoni.

-----------------------

[1] Dan is-sens jissejjaħ ukoll is-sens litterali tat-test mhux għax wieħed irid jieħdu f’sens litterali imma għax l-awtur jesprimih fil-littera – fil-kliem – li juża fit-test, u l-kliem li juża jista’ jkollhom tifsira litterali jew tifsira metaforika. Biex wieħed jifhem x’inhu dan is-sens wieħed irid janalizza għalhekk il-kliem li juża l-awtur fil-kuntest storiku-kulturali ta’ żmienu.

[2] Din ir-rilettura inqeda biha Ġesù meta kienet ittentat mix-xitan [Mt 4,1-16; Lq 4,1-13].

[3] Hawnhekk it-test oriġinali u r-rilettura tat-test baqgħu jeżistu maġemb xulxin.

[4] Id-dokument tal-Pontifiċja Kummissjoni Biblika fuq Il poplu ibrajk u l-Iskritturi tiegħu fil-Bibbja nisranija [2001], ibid.

[5] E.g. H. Lockyer, All the Messianic Prophecies of the Bible, Pickering, Glasgow-London 1973.

[7] Il-Bibbja Ebrajka fiha tlett partijiet: il-Liġi, il-Profeti, u l-Kitbiet. Fit-Testment il-Ġdid ġeneralment hemm riferiment għall-Bibbja Ebrajka bl-espressjoni Il-Liġi u l-Profeti, u dan għaliex hu jinkiteb it-Testment il-Ġdid l-awturi kienu jafu li jeżisti anki t-tielet grupp imma billi kien għadu mhux definit għal kollox kien għad ma kellux isem. Luqa jalludi għalih b’riferiment għall-ktieb l-aktar importanti ta’dan il-grupp u jsejjaħlu s-Salmi [Lq 24,44-45]

[8] Ara e.g. A. Dupont-Sommer, The Essene Writings from Qumran, tr. By G. Vermes, Blackwell, Oxford 1961, p. 94. Cf. ukoll Ġw 1,21; 6,14; 7,40.

[9] Skont tradizzjoni Lhudija Melkizedek ma kellux missier u ma mietx imma kien imtella’ fis-smewwiet [cf. J. Agius, “Melchizedek”, Dizionario Teologico sul Sangue di Cristo a cura di T. Veglianti, LEV 2007, pp. 872-881.

[10] Id-dokument tal-Kummissjoni Biblika fuq Il poplu ibrajk u l-Iskritturi tiegħu fil-Bibbja nisranija [2001], n. 22.

[11] II, B, 3.

[12] Jissejjaħ hekk fit-tħabbira tal-anġlu [Lq 1,32], fil-magħmudija [Mt 3,17] u fit-trasfiguirazzjoni [Mt 17,5], minn Satana fir-rakkont tat-tentazzjoni fid-deżert [Mt 4,3.6], mill-imxajtna fir-rakkont tal-eżorċiżmu [Mk 3,11; 5,7; Lq 4,41], fl-isTestment il-Qadimarrija ta’ Pietru [Mt 16,16], fil-mistoqsija tas-Sommu Saċerdot [Mt 26,63], miċ-ċenturjun [Mk 15,39; qabbel ma’ Lq 23,47].

[13] Catéchisme de l’èglise Catholique, MAME/PLON, Poitiers 1992, trad. bil-Mati, 1993, n. 108.

[14] “... il-fidi Nisranija mijiex xi ‘reliġjon tal-ktieb’: il-Kristjaneżimu hi ‘reliġjon tal-kelma ta’ Alla’, mhux tal-‘kelma miktuba u mbikkma, imma tal-Kelma [= il-Verb] inkarnata u ħajja. Per konsegwenza l-Iskrittura wieħed għandu jxandarha, jismagħha, jaqraha, jilqagħha, u jkollu l-esperjenza tagħha bħala l-kelma t’Alla, fil-kurrent tat-Tradizzjoni apostolika li hi inseperabbli minnha” [LEV 2010, n. 7].

[15] Għal dak li għandu x’jaqsam mal-awtorità tal-interpretazzjoni hemm differenza bejn l-interpretazzjoni xjentifika tal-eżegeti u l-interpretazzjoni ispirtata tal-awturi bibliċi u tat-tradizzjoni awtentika fil-Maġisteru tal-Knisja.