Laikos

 

VIA CRUCIS 2024

“Fit-talb ma’ Ġesù fit-triq tas-salib”

miktuba mill-Q.T. il-Papa Franġisku

 

Introduzzjoni

 

Mulej Ġesù, inħarsu lejn is-salib tiegħek u nifhmu li int kollox tajt għalina. Aħna noffrulek dan il-ħin. Irridu nqattgħuh qrib tiegħek, li mill-Ġetsemani għall-Kalvarju għaddejtu titlob. Fis-Sena tat-Talb ningħaqdu mal-mixja tiegħek ta’ talb.

 

Mill-Vanġelu skont San Mark (14:32-37)

Waslu f’qasam jismu Ġetsemani […]. U ħa miegħu lil Pietru u lil Ġakbu u lil Ġwanni, u bdew jaħkmuh il-biża’ u d-dwejjaq. Qalilhom: “[…] Ibqgħu hawn u ishru”. Mexa kemxejn ’il quddiem, inxteħet fl-art, u talab […]: “Abba, Missier, kollox jista’ jkun għalik; biegħed minni dan il-kalċi! Iżda mhux li rrid jien, imma li trid int”. Ġie ħdejhom u sabhom reqdin, u qal lil Pietru: “[…] Ma flaħtx tishar siegħa waħda!”.

 

Mulej, int ħejjejt kull ġurnata tiegħek bit-talb u issa fil-Ġetsemani tħejji għall-Għid. Abba, Missier, kollox jista’ jkun għalik – tgħid – għax it-talb hu qabelxejn djalogu u intimità; imma hu wkoll taqbida u petizzjoni: biegħed minni dan il-kalċi! U hu wkoll affidament u don: Iżda mhux li rrid jien, imma li trid int. Hekk, fit-talb, inti għaddejt mill-bieb dejjaq tat-tbatija tagħna u dħalt sa ġewwa nett. Ħassejt “biża’ u dwejjaq” (Mk 14:33); biża’ quddiem il-mewt, dwejjaq taħt it-toqol tad-dnub tagħna li int ħassejtu fuqek, waqt li ġejt maħkum minn diqa kbira. Imma fil-qalba tat-taqbida int bdejt titlob “b’ħerqa akbar” (Lq 22:44): hekk bdilt il-qawwa tat-tbatija f’offerta ta’ mħabba.

 

Ħaġa waħda tlabt minna: li nibqgħu miegħek, nishru. Ma titlobniex l-impossibbli, imma li nibqgħu qrib tiegħek. U safrattant, kemm drabi jien tbegħidt minnek! Kemm drabi, bħad-dixxipli, flok bqajt nishar, irqadt! Kemm drabi ma kellix il-ħin jew ir-rieda li nitlob, għax għajjien, illuppjat mill-kumditajiet, bin-ngħas f’ruħi! Ġesù, tenni lili wkoll, lilna l-Knisja tiegħek: “Qumu u itolbu” (Lq 22:46). Qajjimna, Mulej, qajjimna mir-raqda tal-qalb, għax illum ukoll, fuq kollox illum, inti għandek bżonn tat-talb tagħna.

 

 

1. Ġesù kkundannat għall-mewt

 

Il-qassis il-kbir qam f’nofs il-ġemgħa u staqsa lil Ġesù: “Xejn ma twieġeb? X’inhuma jixhdu dawn kontra tiegħek?”. Iżda hu baqa’ sieket u ma wieġeb xejn. […] Pilatu raġa’ staqsieh: “Ma twieġeb xejn? Ara kemm akkużi qegħdin iġibu kontra tiegħek!”. Imma Ġesù ma wieġeb xejn iżjed, hekk li Pilatu baqa’ mistagħġeb. (Mk 14:60-61; 15:4-5)

 

Ġesù, inti l-ħajja u tiġi kkundannat għall-mewt; int il-verità u jkollok tgħaddi minn proċess qarrieq. Imma għaliex ma tipprotestax? Għaliex ma tgħollix leħnek u ma tfissirx ir-raġunijiet tiegħek? Għaliex ma tikkonfutax lill-għorrief u s-setgħana kif dejjem għamilt b’suċċess? Ir-reazzjoni tiegħek tgħaġġibna, Ġesù: fil-mument deċiżiv int ma tlissinx kelma, tiskot. Għax iktar ma hu b’saħħtu l-ħażen, iktar it-tweġiba tiegħek hi radikali. U t-tweġiba tiegħek hi s-skiet. Imma s-skiet tiegħek iħalli l-frott: hu talba, hu ħlewwa, hu maħfra, hu t-triq li tifdi mill-ħażen, li tibdel dak li qed tbati f’don li toffri. Ġesù, jien nintebaħ kemm ftit nafek, għax ma nafx biżżejjed is-skiet tiegħek; għax fil-ġenn biex niġri u nagħmel, aljenat bl-affarijiet, imbeżża’ li se nispiċċa nperper jew bil-manija li rrid inkun fiċ-ċentru, ma nsibx il-ħin biex nieqaf u nibqa’ miegħek: biex inħalli lilek taħdem, int li int il-Kelma tal-Missier li taħdem fis-skiet. Ġesù, is-skiet tiegħek iregħedni: jgħallimni li t-talb ma jinbitx mix-xufftejn li jitħarrku, imma minn qalb li taf tagħti widen: għax li nitolbu jfisser li nsiru doċli għall-Kelma tiegħek, ifisser li nqimu l-preżenza tiegħek.

 

Nitolbu billi ngħidu: Kellem lill-qalb tiegħi, Ġesù.

 

Int li twieġeb għall-ħażen bit-tajjeb.           Kellem lill-qalb tiegħi, Ġesù.

Int li ssikket l-għagħa bil-ħlewwa.              Kellem lill-qalb tiegħi, Ġesù.

Int li tobgħod it-tqassis u t-tgemgim.          Kellem lill-qalb tiegħi, Ġesù.

Int li taf il-ġewwieni tiegħi.                           Kellem lill-qalb tiegħi, Ġesù.

Inti li tħobbni iktar milli nħobb jien lili nnifsi.       Kellem lill-qalb tiegħi, Ġesù.

 

 

2. Ġesù mgħobbi s-salib

 

Hu tgħabba bi dnubietna

sa fuq is-salib,

biex aħna mmutu għad-dnubiet

u ngħixu għall-ġustizzja.

Bil-ġrieħi tiegħu intom fiqtu. (1 Pt 2:24)

 

Ġesù, aħna wkoll nerfgħu s-slaleb tagħna, xi kultant tqal ħafna: marda, inċident, il-mewt ta’ persuna għażiża, delużjoni fl-imħabba, iben li ntilef, in-nuqqas ta’ xogħol, ġerħa interjuri li ma tfiqx, il-falliment ta’ proġett, xewqa li għal darb’oħra sfat fix-xejn… Ġesù, kif nista’ nitlob f’sitwazzjoni bħal dik? Kif nagħmel, meta nħossni mgħaffeġ mill-ħajja, meta għandi piż itaqqal fuq qalbi, meta ninsab taħt pressjoni u ma għadx fadalli s-saħħa li nirreaġixxi? It-tweġiba tiegħek tagħtihieli fi proposta: “Ejjew għandi, intom ilkoll li tinsabu mħabbtin u mtaqqlin, u jiena nserraħkom” (Mt 11:28). Niġi għandek; imma jien pjuttost ningħalaq fija nnifsi: noqgħod nixtarr, naqla’ l-passat, nibki lili nnifsi, ninfexx fil-vittimiżmu, l-ewwel nieħu fin-negattività. Ejjew għandi: ma kienx biżżejjed għalik li tgħidilna, u allura arak ġej tiltaqa’ magħna u terfa’ s-salib tagħna fuq spallejk, biex tneħħilna t-toqol tiegħu. Inti dan tixtieq: li nixħtu fuqek it-taħbit u t-toqol tagħna, għax int trid li nħossuna ħielsa u maħbuba fik. Grazzi, Ġesù. Ngħaqqad is-salib tiegħi ma’ tiegħek, inwassallek l-għeja tiegħi u l-faqar tiegħi, nixħet fuqek kull piż tal-qalb.

 

Nitolbu billi ngħidu: Jiena niġi għandek, Mulej.

 

Bl-istorja tiegħi.                                            Jiena niġi għandek, Mulej.

Bit-taħbit tiegħi.                                            Jiena niġi għandek, Mulej.

Bil-limiti u d-dgħufijiet tiegħi.                       Jiena niġi għandek, Mulej.

Bil-biżgħat tiegħi.                                         Jiena niġi għandek, Mulej.

Waqt li nqiegħed kull fiduċja fi mħabbtek. Jiena niġi għandek, Mulej.

 

 

3. Ġesù jaqa’ għall-ewwel darba

 

Tassew tassew ngħidilkom, jekk il-ħabba tal-qamħ ma taqax fl-art u tmut, hi tibqa’ weħidha; imma jekk tmut, tagħmel ħafna frott. (Ġw 12:24)

 

Ġesù, int waqajt: fiex qed taħseb, kif titlob b’wiċċek mat-trab tal-art? Imma fuq kollox, x’inhu li jagħtik il-qawwa biex terġa’ tqum? Waqt li int wiċċek imkaħħal mal-art u m’għadekx tista’ tara s-sema, nistħajlek ittenni fil-qalb tiegħek: Missierna, li inti fis-smewwiet. Il-ħarsa ta’ mħabba tal-Missier li tistrieħ fuqek hija l-qawwa tiegħek. Imma nistħajjel ukoll li, int u tbus l-art xotta u kiesħa, qed taħseb fil-bniedem li ġie mill-art, fina, li ninsabu fiċ-ċentru tal-qalb tiegħek; u li ttenni l-kelmiet tat-testment tiegħek: “Dan huwa ġismi, li jingħata għalikom” (Lq 22:19). L-imħabba tal-Missier għalik u tiegħek għalina: l-imħabba, din hi l-molla li terġa’ terfgħek u tibqa’ miexi ’l quddiem. Għax min iħobb ma jibqax mal-art, imma jerġa’ jibda; min iħobb ma jegħjiex, imma jiġri; min ħobb, itir. Ġesù, nitolbok dejjem tant ħwejjeġ, imma waħda biss għandi bżonn tassew: li nkun naf inħobb. Fil-ħajja se naqa’, imma bl-imħabba nista’ nerġa’ nqum u nimxi ’l quddiem, kif għamilt int, li int espert tal-waqgħat. Fil-fatt, f’ħajtek kontinwament waqajt għalina: minn Alla sirt bniedem, minn bniedem sirt qaddej, minn qaddej issallabt, sal-qabar; int waqajt fl-art bħal żerriegħa li tmut, waqajt biex terġa’ terfagħna mill-art u teħodna fis-Sema. Int li terġa’ tqajjem mit-trab u twelled mill-ġdid it-tama, agħtini l-qawwa li nħobb u nerġa’ nibda mill-ġdid.

 

Nitolbu billi ngħidu: Ġesù, agħtini l-qawwa li nħobb u nibda mill-ġdid.

 

Meta terfa’ rasha d-delużjoni.         Ġesù, agħtini l-qawwa li nħobb u nibda mill-ġdid.

Meta l-ġudizzji tal-oħrajn jgħaffġuni.         Ġesù, agħtini l-qawwa li nħobb u nibda mill-ġdid.

Meta l-affarijiet mhux sejrin sew u nitlef sabri.  Ġesù, agħtini l-qawwa li nħobb u nibda mill-ġdid.

Meta naħseb li ma baqagħlix iżjed saħħa.         Ġesù, agħtini l-qawwa li nħobb u nibda mill-ġdid.

Meta jkissirni l-ħsieb li xejn mhu ħa jinbidel.      Ġesù, agħtini l-qawwa li nħobb u nibda mill-ġdid.

 

 

4. Ġesù jiltaqa’ ma’ Ommu

 

Mela kif Ġesù lemaħ lil ommu u lid-dixxiplu li kien iħobb wieqaf ħdejha, qal […] lid-dixxiplu: “Hawn hi ommok”. (Ġw 19:26-27)

 

Ġesù, l-għeżież tiegħek abbandunawk, Ġuda ttradiek, Pietru ċaħdek: bqajt waħdek mas-salib. Imma hawn hi ommok. Ma hemmx bżonn ta’ kliem, biżżejjed għajnejha, li jafu jħarsu f’wiċċ it-tbatija u jitgħabbew biha. Ġesù, fil-ħarsa kollha dmugħ u dawl ta’ Marija int terġa’ tiftakar f’dik il-ħlewwa, fiż-żegħil, fid-dirgħajn kollha mħabba li dejjem laqgħuk u weżnuk. Il-ħarsa tal-omm hi l-ħarsa tal-memorja, li żżommna sodi f’dak li hu tajjeb. Ma nistgħux ngħaddu mingħajr omm li ġġibna fid-dinja, imma lanqas nistgħu ngħaddu mingħajr omm li terġa’ tpoġġina f’postna fid-dinja. Dan inti tafu, u mis-salib tagħtina lill-istess omm tiegħek. Hawn hi ommok, tgħidlu lid-dixxiplu, lil kull wieħed u waħda minna: wara l-Ewkaristija, tagħtina lil Marija, l-aħħar don qabel ma tmut. Ġesù, il-mixja tiegħek kienet imfarrġa mit-tifkira ta’ mħabbitha; anki l-mixja tiegħi għandha bżonn iżżomm wieqfa fuq il-memorja tat-tajjeb. Imma nintebaħ li t-talb tiegħi hu fqir mill-memorja: mħaġġel, ta’ malajr, lista ta’ ħtiġijiet għal-lum u għal għada. Marija, waqqaf il-ġirja tiegħi, għinni niftakar: inħares il-grazzja, niftakar fil-maħfra u fl-għeġubijiet ta’ Alla, u nerġa’ nkebbes fija dik l-ewwel imħabba, biex nerġa’ nduq l-għeġubijiet tal-providenza, biex nibki bi gratitudni.

 

Nitolbu billi ngħidu: Mulej, kebbes fija t-tifkira ta’ mħabbtek.

 

Meta jerġgħu jitfaċċaw il-ġrieħi tal-passat.         Mulej, kebbes fija t-tifkira ta’ mħabbtek.

Meta nitlef is-sens u l-mira tal-affarijiet.    Mulej, kebbes fija t-tifkira ta’ mħabbtek.

Meta ma nibqax nara d-doni li rċivejt.       Mulej, kebbes fija t-tifkira ta’ mħabbtek.

Meta ma nibqax nara r-rigal li huwa jiena.         Mulej, kebbes fija t-tifkira ta’ mħabbtek.

Meta ninsa rroddlok ħajr.                            Mulej, kebbes fija t-tifkira ta’ mħabbtek.

 

 

5. Ġesù megħjun miċ-Ċirinew

 

Huma u sejrin bih, qabdu wieħed, jismu Xmun, minn Ċireni, li kien ġej lura mir-raba’, u għabbewh bis-salib biex iġorru wara Ġesù. (Lq 23:26)

 

Ġesù, kemm drabi, quddiem l-isfidi tal-ħajja, naħsbu li nistgħu naslu waħidna! Kemm hu diffiċli nitolbu daqqa t’id, għax nibżgħu li se nagħtu l-impressjoni li m’aħniex kapaċi biżżejjed, aħna dejjem attenti kif ħa nidhru sew u sbieħ! Mhuwiex faċli li nafdaw, wisq inqas li nafdaw ruħna f’idejn xi ħadd. Imma min jitlob jaf li hu fil-bżonn, u int, Ġesù, imdorri tafda ruħek fit-talb. Hekk int ma tistkerrahx l-għajnuna taċ-Ċirinew. Turi d-dgħufijiet tiegħek lilu, bniedem sempliċi, bidwi ġej lura mir-raba’. Grazzi, għax meta ħallejt lil min jgħinek, ħassart l-immaġni ta’ alla li mhux vulnerabbli u hu mbiegħed. M’intix bla limiti fil-poter, imma mbagħad ħadd ma jirbaħlek fl-imħabba, u tgħallimna li l-imħabba tfisser li taqbeż għall-oħrajn proprju hemm, fid-dgħufijiet li jġagħluhom jistħu minnhom infushom. Allura d-dgħufijiet jinbidlu f’opportunitajiet. Hekk ġralu ċ-Ċirinew: id-dgħufija tiegħek bidlitlu ħajtu u hu jum wieħed għad jintebaħ li għen lill-Feddej tiegħu, li ġie mifdi permezz ta’ dak is-salib li hu ġarr. Biex anki l-ħajja tiegħi tinbidel, nitolbok, Ġesù: għinni nbaxxi l-ħitan tad-difiżi tiegħi u nħalli lilek tħobbni: hemm, fejn l-aktar li nħossni nirgħex minni nnifsi.

 

Nitolbu billi ngħidu: Fejjaqni, Ġesù!

 

Minn kull preżunzjoni ta’ awtosuffiċjenza.          Fejjaqni, Ġesù!

Milli naħseb li nista’ ngħaddi mingħajrek u mingħajr l-oħrajn.                                                                        Fejjaqni, Ġesù!

Mill-maniji tal-perfezzjoniżmu.                    Fejjaqni, Ġesù!

Mill-biża’ li nafdalek il-miżerji tiegħi.          Fejjaqni, Ġesù!

Mill-għaġla quddiem dawk fil-bżonn li magħhom niltaqa’ fi triqti.                                                                        Fejjaqni, Ġesù!

 

 

6. Ġesù jirċievi faraġ mill-Veronika li tixxuttalu wiċċu

 

Imbierek Alla […], Missier il-ħniena u Alla ta’ kull faraġ. Hu jfarraġna fil-hemm kollu tagħna, biex aħna, permezz tal-faraġ li bih Alla jfarraġ lilna, inkunu nistgħu nfarrġu lil dawk kollha li jinsabu f’kull xorta ta’ hemm. Bħalma joktru fina s-sofferenzi ta’ Kristu, hekk ukoll permezz ta’ Kristu, joktor fina l-faraġ. (2 Kor 1:3-5)

 

Ġesù, ħafna jsegwu l-ispettaklu barbaru tal-eżekuzzjoni tiegħek u, bla ma jafuk u bla ma jafu l-verità, jagħmlu ġudizzji u kundanni, u jixħtu fuqek it-tagħjir u l-istmerrija. Dan jiġri llum ukoll, Mulej, u lanqas hemm bżonn ta’ korteo makabru: biżżejjed tastiera biex ngħajru u nxandru s-sentenzi. Imma, waqt li ħafna qed jgħajtu u jiġġudikaw, hemm mara li tgħaddi minn qalb il-folla. Ma titkellimx: taġixxi. Ma tikkundannax: tiġiha ħniena. Tmur kontra l-kurrent: waħidha, bil-kuraġġ tal-kompassjoni, tirriskja għall-imħabba, issib mod kif tgħaddi minn qalb is-suldati biex fuq wiċċek tagħtik il-faraġ ta’ tmellisa. Il-ġest tagħha baqa’ mmarkat fl-istorja u hu ġest ta’ faraġ. Kemm drabi nitolbok tfarraġni, Ġesù! Imma l-Veronika tfakkarni li int ukoll għandek bżonn tal-faraġ: int, Alla qrib tiegħi, titlobni nkun qrib tiegħek; int, dak li tfarraġni, trid tiġi mfarraġ minni. Imħabba mhux maħbuba, illum ukoll qed tfittex qalb il-folla qlub sensibbli għat-tbatija tiegħek, għan-niket tiegħek. Tfittex adoraturi veri, li fl-ispirtu u l-verità (ara Ġw 4:23) jibqgħu miegħek (ara Ġw 15), Imħabba abbandunata. Ġesù, kebbes fija x-xewqa li nkun miegħek, li nadurak u nfarrġek. U agħmel li, f’ismek, jiena nkun faraġ għall-oħrajn.

 

Nitolbu billi ngħidu: Agħmilni xhud tal-faraġ tiegħek.

 

Alla tal-ħniena, qrib ta’ min qalbu maqsuma.    Agħmilni xhud tal-faraġ tiegħek.

Alla tal-ħlewwa, li titqanqal għalina.          Agħmilni xhud tal-faraġ tiegħek.

Alla tal-kompassjoni, li tistmerr l-indifferenza.   Agħmilni xhud tal-faraġ tiegħek.

Int, li titnikket meta nippunta sebgħi lejn l-oħrajn.       Agħmilni xhud tal-faraġ tiegħek.

Int, li ma ġejtx biex tikkundanna imma biex issalva.   Agħmilni xhud tal-faraġ tiegħek.

 

 

7. Ġesù jerġa’ jaqa’ taħt it-toqol tas-salib

 

[L-iben iż-żgħir] daħal fih innifsu u qal: “[…] Ħa nqum u mmur għand missieri, u ngħidlu: ‘Missier, dnibt […]’”. Qam, u telaq għal għand missieru. Iżda kif kien għadu fil-bogħod missieru lemħu u tħassru, u b’ġirja waħda mar inxteħet fuq għonqu u biesu. “Missier”, qallu ibnu, “dnibt […]; ma jistħoqqlix iżjed nissejjaħ ibnek”. Iżda l-missier qal […]: “Dan ibni kien mejjet u raġa’ qam, kien mitluf u nstab!”. (Lq 15:17-18,20-22,24)

 

Ġesù, is-salib huwa tqil: fih it-tagħbija tat-telfa, tal-falliment, tal-umiljazzjoni. Nifhmu dan meta nħossni mgħaffeġ taħt l-affarijiet, ibbumbardjat mill-ħajja u mhux mifhum mill-oħrajn; meta nħoss il-piż żejjed u li jegħjini tar-responsabbiltà u tax-xogħol, meta nħossni magħfus fil-morsa tal-ansjetà, maħbut mill-malinkonija, waqt li ħsieb li jifgani jkompli jtennili: m’initx ħa tinqala’ minn hawn, din id-darba ma terġax tqum. Imma hemm agħar minn hekk. Nintebaħ li qed immiss il-qiegħ meta nerġa’ naqa’: fl-iżbalji tiegħi, fid-dnubiet tiegħi, meta niskandalizza ruħi bl-oħrajn u mbagħad nintebaħ li m’iniex differenti. Ma hemm xejn agħar milli nisfaw delużi bina nfusna, mgħaffġa taħt is-sens ta’ ħtija. Imma int, Ġesù, waqajt iktar minn darba taħt it-toqol tas-salib biex insibek qrib tiegħi meta nerġa’ naqa’. Miegħek it-tama ma tintemm qatt u wara kull waqgħa nerġa’ nqum, għax meta niżbalja int ma taqtax qalbek minni, imma iktar tersaq qrib tiegħi. Grazzi li tistennieni; grazzi li, għalkemm naqa’ tant drabi, int taħfirli kull darba: dejjem. Fakkarni li l-waqgħat jistgħu jsiru mumenti kruċjali tal-mixja, għax iwassluni biex nifhem l-unika ħaġa li tiswa: li għandi bżonnok. Ġesù, naqqaxli f’qalbi l-aktar ċertezza importanti: li nista’ nerġa’ nqum tassew biss meta int terġa’ tqajjimni, meta teħlisni mid-dnubiet. Għax il-ħajja mhux mill-kliem tiegħi terġa’ tibda, imma mill-maħfra tiegħek.

 

Nitolbu billi ngħidu: Erġa’ qajjimni, Ġesù!

 

Meta, ipparalizzat mill-qtigħ ta’ qalb, inħossni mnikket u mdejjaq.                                                                        Erġa’ qajjimni, Ġesù!

Meta nilmaħ kemm m’iniex kapaċi u nħossni bla siwi.         Erġa’ qajjimni, Ġesù!

Meta jerfgħu rashom il-mistħija u l-biża’ li mhux ħa jirnexxili nasal.                                                                        Erġa’ qajjimni, Ġesù!

Meta nħossni ttentat nitlef kull tama.         Erġa’ qajjimni, Ġesù!

Meta ninsa li l-qawwa tiegħi tinsab fil-maħfra tiegħek.         Erġa’ qajjimni, Ġesù!

 

 

8. Ġesù jiltaqa’ man-nisa ta’ Ġerusalemm

 

Kotra kbira ta’ nies kienet miexja warajh; fosthom kien hemm xi nisa li bdew iħabbtu fuq sidirhom u jibkuh. (Lq 23:27)

 

Ġesù, min jimxi warajk sal-aħħar fit-triq tas-salib? Mhux is-setgħana, li qed jistennewk fuq il-Kalvarju, mhux l-ispettaturi li baqgħu ’l bogħod, imma l-persuni sempliċi, kbar f’għajnejk u żgħar f’dawk tad-dinja. Huma n-nisa, li lilhom imlejt bit-tama: ma għandhomx leħen imma jistemgħu. Għinna nagħrfu l-kobor tan-nisa, huma li fl-Għid kienu fidili lejk u qrib tiegħek, imma li sal-lum għadhom jiġu mormija, u jġarrbu tagħjir u vjolenzi. Ġesù, in-nisa li tiltaqa’ magħhom qed iħabbtu fuq sidirhom u jibkuk. Ma joqogħdux jitħassru lilhom infushom, imma jibku għalik, jibku fuq il-ħażen u fuq id-dnub tad-dinja. It-talba tagħhom magħmula minn dmugħ tasal fil-qalb tiegħek. U t-talba tiegħi taf tibki? Nitqanqal quddiemek, mislub għalija, quddiem l-imħabba tiegħek ħelwa u midruba? Nibki l-falzitajiet tiegħi u n-nuqqas ta’ koerenza tiegħi? Quddiem it-traġedji tad-dinja l-qalb tiegħi hi tas-silġ jew tinħall? Kif nirreġixxi għall-bluha tal-gwerra, għal uċuħ ta’ tfal li ma għadhomx jafu jitbissmu, għal ommijiet li jarawhom imċaħħdin min-nutrimenti u l-ikel u ma għadx fadlilhom dmugħ xi jxerrdu? Int, Ġesù, bkejt fuq Ġerusalemm, bkejt fuq l-ebusija tal-qalb tagħna. Regħedni minn ġewwa, agħtini l-grazzja li nibki nitlob u nitlob nibki.

 

Nitolbu billi ngħidu: Ġesù, rattab il-qalb iebsa tiegħi.

 

Int li taf is-sigrieti tal-qalb.                           Ġesù, rattab il-qalb iebsa tiegħi.

Int li ssewwed qalbek quddiem l-ebusija tal-qlub.       Ġesù, rattab il-qalb iebsa tiegħi.

Int li tħobb il-qlub umli u niedma.               Ġesù, rattab il-qalb iebsa tiegħi.

Int li xxuttajt bil-maħfra d-dmugħ ta’ Pietru.       Ġesù, rattab il-qalb iebsa tiegħi.

Int li tibdel il-biki f’għana.                            Ġesù, rattab il-qalb iebsa tiegħi.

 

 

9. Ġesù mneżża’ minn ħwejġu

 

“Mulej, meta rajniek bil-ġuħ u tmajniek, jew bil-għatx u sqejniek? Meta rajniek barrani u lqajniek, jew għeri u libbisniek? Meta rajniek marid jew fil-ħabs u ġejna nżuruk?” […] Iweġibhom u jgħid: “Tassew, ngħidilkom, kulma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi”. (Mt 25:37-40)

 

Ġesù, dawn huma l-kelmiet li għidt qabel il-Passjoni. Issa nifhem din l-insistenza kollha tiegħek li tidentifika ruħek ma’ dawk li huma fil-bżonn: int ġejt mixħut il-ħabs; int barrani, meħud barra mill-belt biex tiġi msallab; int għeri, imneżża’ minn ħwejġek; int, marid u miġruħ; int, bil-għatx fuq is-salib u bil-ġuħ għall-imħabba. Agħmel li jien narak f’dawk li qed ibatu u li fik nara lil dawk li qed ibatu, għax int tinsab hemm, f’min hu mneżża’ mid-dinjità, fil-Kristijiet umiljati mill-prepotenza u mill-inġustizzja, minn gwadanni inġusti minn fuq dahar ħaddieħor fl-indifferenza ġenerali. Inħares lejk, Ġesù, imneżża’ minn ħwejġek, u nifhem li qed tistedinni biex nitneżża’ minn tant ħwejjeġ ta’ barra. Għax int ma tħarisx lejn dak li jidher minn barra, imma lejn il-qalb. U ma tridx talb sterili, imma wieħed li jagħti l-frott fl-imħabba. Alla mneżża’, neżża’ lili wkoll. Għax faċli nitkellem, imma mbagħad jiena nħobbok tassew fil-foqra, il-ġisem miġruħ tiegħek? Nitlob għal min hu mneżża’ mid-dinjità tiegħu? Jew nitlob biex inkopri biss il-bżonnijiet tiegħi u nitgħatta biċ-ċertezzi li jżommuni fiż-żgur? Ġesù, il-ħajja tiegħek tneżżagħni u twassalni biex niffoka fuq dak li jiswa: int mislub u ħuti misluba. Agħtini li dan nifhmu issa, biex ma ninstabx imneżża’ mill-imħabba meta nippreżenta ruħi quddiemek.

 

Nitolbu billi ngħidu: Neżżagħni, Mulej Ġesù!

 

Mir-rabta ma’ dak li jidher.                          Neżżagħni, Mulej Ġesù!

Mill-korazza tal-indifferenza.                      Neżżagħni, Mulej Ġesù!

Mil-ħsieb li mhix biċċa tiegħi li ngħin lil ħaddieħor.     Neżżagħni, Mulej Ġesù!

Minn kult magħmul minn konformiżmu u esterjorità. Neżżagħni, Mulej Ġesù!

Mill-konvinzjoni li l-ħajja sejra sew jekk sejjer sew jien.                                                                        Neżżagħni, Mulej Ġesù!

 

 

10. Ġesù msammar mas-salib

 

Meta waslu fil-post jgħidulu l-Qorriegħa, sallbuhom hemm, lilu u lill-ħatja, wieħed fuq il-lemin tiegħu u l-ieħor fuq ix-xellug. U Ġesù qal: “Missier, aħfrilhom, għax ma jafux x’inhuma jagħmlu”. (Lq 23:33-34)

 

Ġesù, lilek jinfdulek dirgħajk u riġlejk bl-imsiemer li jċarrtulek laħmek u proprju issa, waqt li t-tbatija fiżika hi l-aktar qalila, minn xofftejk tnixxi t-talba impossibbli: taħfer lil min qed ideffislek l-imsiemer fil-polz. U mhux darba biss, imma ħafna, kif ifakkar il-Vanġelu, b’dak il-verb li jindika azzjoni mtennija: qal: “Missier, aħfrilhom”. Allura miegħek, Ġesù, jiena wkoll nista’ nsib il-kuraġġ li nagħżel il-maħfra, li teħles il-qalb u terġa’ trodd il-ħajja. Mulej, mhux biżżejjed li taħfrilna, imma tiġġustifikana wkoll quddiem il-Missier: ma jafux x’inhuma jagħmlu. Tiddefendina, issir avukat tagħna, tidħol għalina. Issa li dirgħajk, li bihom kont tbierek u tfejjaq, huma msammrin, u li riġlejk, li bihom kont twassal bxariet ta’ hena, ma jistgħux jimxu iżjed, issa, xħin ma tista’ tagħmel xejn, turina kemm it-talb jista’ kollox. Fuq il-quċċata tal-Golgota turina l-għoli tat-talb ta’ interċessjoni, li jsalva d-dinja. Ġesù, ħa nitlob mhux biss għalija nnifsi u għall-għeżież tiegħi, imma għal min ma jħobbnix u jagħmilli d-deni; ħa nitlob, skont ix-xewqat tal-qalb tiegħek, għal min hu mbiegħed minnek; biex inpatti u ninterċedi għal dawk li jinjorawk u għalhekk ma jafux x’ferħ hemm f’li jħobbuk u jkunu maħfura miegħek.

 

Nitolbu billi ngħidu: Missier, ħenn għalina u għad-dinja kollha.

 

Għall-passjoni ħarxa ta’ Ġesù.               Missier, ħenn għalina u għad-dinja kollha.

Għall-qawwa tal-pjagi tiegħu.                 Missier, ħenn għalina u għad-dinja kollha.

Għall-maħfra tiegħu fuq is-salib.            Missier, ħenn għalina u għad-dinja kollha.

Għal dawk kollha li jaħfru għal imħabbtek.        Missier, ħenn għalina u għad-dinja kollha.

Għall-interċessjoni ta’ dawk kollha li jemmnu, jaduraw, jittamaw u jħobbuk.                                                    Missier, ħenn għalina u għad-dinja kollha.

 

 

11. Ġesù jgħajjat l-abbandun tiegħu

 

Mis-sitt siegħa ’l quddiem waqgħet dalma kbira fuq il-pajjiż kollu sad-disa’ siegħa. U madwar id-disa’ siegħa Ġesù għajjat b’leħen qawwi u qal: “Eli, Eli, lema sabaqtani?”, jiġifieri, “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?”. (Mt 27:45-46)

 

Ġesù, hawn hi t-talba li qatt ma stennejna: tgħajjat lill-Missier l-abbandun tiegħek. Int, Alla tas-Sema, ma tgħajjatx tweġibiet, imma tistaqsi għaliex! Fil-quċċata tal-Passjoni tħoss id-distanza tal-Missier u lanqas issejjaħlu iktar Missier, bħalma għamilt dejjem, imma Alla, kważi ma għadekx tista’ tagħraf wiċċu. Għaliex dan? Biex togħdos sal-qiegħ nett tal-abbiss tat-tbatija tagħna. Dan int għamiltu għalija, biex jien, meta nara biss dalma, meta nara ċ-ċertezzi jaqgħu u l-ħajja tegħreq, ma nħossnix iżjed waħdi, imma nemmen li int tinsab hemm miegħi: int, Alla tal-komunjoni li ġġarrab l-abbandun biex ma tħallinix iżjed ostaġġ tas-solitudni. Meta int għajjatt l-għaliex tiegħek, dan għamiltu b’Salm: hekk poġġejt f’talba mqar l-eħrex deżolazzjoni. Dan li għandi nagħmel fit-tempesti tal-ħajja: flok niskot u nżomm ġo fija, ngħajjat lilek. Glorja lilek, Mulej Ġesù, għax int ma ħrabtx xħin rajtni mitluf, imma dħalt sal-qiegħ nett tat-telfa tiegħi; ġieħ u glorja lilek li, int u dduq il-bogħod kollu, ġejt qrib ta’ min hu l-iżjed imbiegħed minnek. U jien, fid-dalma tal-ħafna għaliex tiegħi, nerġa’ nsib lilek, Ġesù, dawl fil-lejl. U fil-karba ta’ tant persuni waħidhom u mwarrbin, mifnija u mitluqa għal riħhom, nerġa’ nilmaħ lilek, Alla tiegħi: agħmel li nagħrfek u nħobbok.

 

Nitolbu billi ngħidu: Ġesù, agħmel li nagħrfek u nħobbok.

 

Fit-trabi li ma tweldux u f’dawk abbandunati.    Ġesù, agħmel li nagħrfek u nħobbok.

F’tant żgħażagħ, jistennew lil min jisma’ l-karba tad-dulur tagħhom.                                                                    Ġesù, agħmel li nagħrfek u nħobbok.

F’wisq anzjani mormija.                           Ġesù, agħmel li nagħrfek u nħobbok.

Fil-ħabsin u f’min hu waħdu.                   Ġesù, agħmel li nagħrfek u nħobbok.

Fil-popli l-iżjed sfruttati u minsija.           Ġesù, agħmel li nagħrfek u nħobbok.

 

 

12. Ġesù jmut billi jrodd ruħu lill-Missier u lill-ħalliel it-tajjeb jagħtih il-Ġenna

 

[Wieħed mill-ħallelin imsallbin] qal: “Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-Saltna tiegħek”. U Ġesù wieġbu: “Tassew ngħidlek, illum tkun fil-Ġenna miegħi”. […] Ġesù għajjat għajta kbira u qal: “Missier, f’idejk jien nerħi ruħi”. U kif qal hekk, ħarġet ruħu. (Lq 23:42-43,46)

 

Ġesù, kriminal fil-Ġenna! Jafda ruħu f’idejk u int tafdah flimkien miegħek lill-Missier. Alla tal-impossibbli, int minn ħalliel tagħmel qaddis. U mhux biss: fuq il-Kalvarju int tbiddel ir-rotta tal-istorja. Mis-salib, emblema tat-tortura, tagħmel l-ikona tal-imħabba; mill-ħajt tal-mewt tagħmel pont fuq il-ħajja. Int tibdel id-dlamijiet f’dawl, il-firda f’komunjoni, in-niket fi żfin, u saħansitra l-qabar, l-aħħar stazzjon tal-ħajja, fil-punt tat-tluq tat-tama. Imma dan it-taqlib kollu int tagħmlu magħna, u qatt mingħajrna. Ġesù, ftakar fija: din it-talba sinċiera ħallietek twettaq għeġubijiet fil-ħajja ta’ dak ir-raġel ħażin. X’qawwa bla tarf għandu t-talb! Xi drabi naħseb li t-talb tiegħi mhux mismugħ, meta l-essenzjal hu li jien nippersevera, nibqa’ kostanti, niftakar ngħidlek: “Ġesù, ftakar fija”. Ftakar fija u l-ħażen tiegħi ma jibqax iżjed il-punt tal-wasla, imma tluq mill-ġdid. Ftakar: jiġifieri qegħedni mill-ġdid fil-qalb tiegħek, imqar meta jien nitbiegħed, meta nintilef fir-rota tal-ħajja li qed iddur f’ġenn bla waqfien. Ftakar fija, Ġesù, għax li int tiftakar fina – kif naraw mill-ħalliel it-tajjeb – ifisser li nidħlu l-Ġenna. Fuq kollox, ftakar fija, Ġesù, li t-talba tiegħi tista’ tibdel l-istorja.

 

Nitolbu billi ngħidu: Ġesù, ftakar fija.

 

Meta t-tama tgħib u jsaltan it-taqtigħ il-qalb.      Ġesù, ftakar fija.

Meta m’iniex kapaċi nieħu deċiżjoni.     Ġesù, ftakar fija.

Meta nitlef il-fiduċja fija nnifsi u fl-oħrajn.           Ġesù, ftakar fija.

Meta ma nibqax nara l-kobor ta’ mħabbtek.      Ġesù, ftakar fija.

Meta nibda naħseb li t-talb tiegħi hu bla siwi.    Ġesù, ftakar fija.

 

 

13. Ġesù mniżżel mis-salib f’dirgħajn Marija

 

Xmun […] qal lil ommu Marija: “Ara, dan se jġib il-waqgħa u l-qawmien ta’ ħafna f’Iżrael; se jkun sinjal li jmeruh, – u inti wkoll, sejf jinfidlek ruħek! – biex jinkixfu l-ħsibijiet moħbija fil-qlub ta’ ħafna”. (Lq 2:33-35)

 

Marija, wara l-“iva” tiegħek il-Verb sar laħam fil-ġuf tiegħek; issa mitluq fi ħdanek hemm il-ġisem maqtul tiegħu: dik it-tarbija li żammejt f’dirgħajk hija katavru mbiċċer. U safrattant issa, fil-mument tal-ikbar tbatija, tilma l-offerta tiegħek: sejf jinfidlek ruħek u t-talba tiegħek tkompli ssir “iva” lil Alla. Marija, aħna foqra fl-“iva” u għonja fil-“kieku”: kieku kelli ġenituri aħjar, kieku kont iżjed mifhum u maħbub, kieku l-karriera tiegħi marret aħjar, kieku ma kienx hemm dik il-problema, kieku ma batejtx iżjed, kieku Alla tani widen… Dejjem nistaqsu l-għaliex tal-affarijiet, insibuha bi tqila biex ngħixu l-preżent bi mħabba. Int kont issib ħafna “kieku” x’tgħidlu lil Alla, imma tibqa’ tlissen mill-ġdid “iva”. Qawwija fil-fidi, temmen li d-dulur, minfud bl-imħabba, iġib frott ta’ salvazzjoni; li t-tbatija ma’ Alla ma għandhiex l-aħħar kelma. U waqt li żżomm f’dirgħajk lil Ġesù bla ħajja, jidwu fik l-aħħar kelmiet li qallek: Hawn hu ibnek. Ma, jiena hu dak l-iben! Ilqagħni f’dirgħajk u tbaxxa għal fuq il-ġrieħi tiegħi. Għinni ngħid “iva” lil Alla, “iva” għall-imħabba. Omm tal-ħniena, qed ngħixu fi żmien bla ħniena u għandna bżonn tal-kompassjoni: int, ħelwa u qawwija, idlikna bl-umiltà: ħoll ir-reżistenzi tal-qalb u l-għoqiedi tar-ruħ.

 

Nitolbu billi ngħidu: Aqbadli jdejja, Marija.

 

Meta nċedi għall-akkużar u l-vittimiżmu. Aqbadli jdejja, Marija.

Meta ma nibqax nitqabad u naċċetta li ngħix mal-falzità tiegħi.                                                                    Aqbadli jdejja, Marija.

Meta noqgħod nitlajja u ma nsibx il-kuraġġ ngħid “iva” lil Alla.                                                                    Aqbadli jdejja, Marija.

Meta nkun laxk miegħi nnifsi u riġidu mal-oħrajn.       Aqbadli jdejja, Marija.

Meta rrid li l-Knisja u d-dinja jinbidlu, imma jien ma ninbidilx.                                                                    Aqbadli jdejja, Marija.

 

 

14. Ġesù midfun fil-qabar ta’ Ġużeppi ta’ Arimatija

 

Xħin sar filgħaxija, ġie raġel għani, minn Arimatija, jismu Ġużeppi, li hu wkoll kien sar dixxiplu ta’ Ġesù; mar għand Pilatu u talbu l-ġisem ta’ Ġesù. […] Ġużeppi ħa l-ġisem u keffnu f’liżar nadif, qiegħdu fil-qabar ġdid tiegħu li kien ħaffer fil-blat. (Mt 27:57-60)

 

Ġużeppi: l-isem li flimkien ma’ Marija jinsab fi sbiħ jum il-Milied, jimmarka wkoll l-għabex tal-Għid. Ġużeppi ta’ Nazaret ħolom u bil-kuraġġ ħa lil Ġesù biex isalvah minn Erodi; int, Ġużeppi ta’ Arimatija, tieħu l-ġisem tiegħu, bla ma taf li ħolma impossibbli u tal-għaġeb se sseħħ proprju hemm, fil-qabar li tajt lil Kristu meta ħsibt li hu ma seta’ jagħmel xejn iżjed għalik. Imma hu tassew minnu li kull don li nagħmlu lil Alla jirċievi ħlas wisq ikbar. Ġużeppi ta’ Arimatija, int il-profeta tal-kuraġġ qalbieni. Biex tagħmel id-don tiegħek lil bniedem mejjet int tmur quddiem Pilatu, li minnu kulħadd jitwerwer, u titolbu, biex tista’ tirregala lil Ġesù l-qabar li kont bnejt għalik stess. It-talba hi qalbiena u wara l-kliem jiġu l-fatti. Ġużeppi, fakkarna li t-talb insistenti jġib frott u jgħaddi saħansitra mid-dalma tal-mewt; li l-imħabba ma tibqax mingħajr tweġiba, imma tirregala bidu ġdid. Il-qabar tiegħek li – uniku fl-istorja – sa jkun għajn tal-ħajja, hu ġdid, għadu kemm tħaffer fil-blat. U jien, x’se nagħti ġdid lil Ġesù f’dan l-Għid? Ftit taż-żmien biex noqgħod miegħu? Ftit ta’ mħabba għall-oħrajn? Il-biżgħat u l-miżerji tiegħi midfuna, li Kristu jistenna li noffrilu kif għamilt int bil-qabar tiegħek? Ikun tassew Għid jekk nagħti xi ħaġa minn tiegħi lilu li għalija ta ħajtu: għax meta nagħtu aħna naqilgħu; għax il-ħajja nsibuha meta nitilfuha u niksbuha meta nagħtuha.

 

Nitolbu billi ngħidu: Ikollok ħniena, Mulej.

 

Minni, għażżien biex nikkonverti.           Ikollok ħniena, Mulej.

Minni, li nħobb wisq nirċievi u ftit li xejn nagħti.           Ikollok ħniena, Mulej.

Minni, li m’iniex kapaċi nċedi għal imħabbtek. Ikollok ħniena, Mulej.

Minna, lesti ninqdew bl-affarijiet imma tqal biex naqdu lill-oħrajn.                                                                    Ikollok ħniena, Mulej.

Mid-dinja tagħna, impestasta bl-oqbra tal-egoiżmu.   Ikollok ħniena, Mulej.

 

 

Invokazzjoni konklużiva (l-isem ta’ Ġesù, 14-il darba)

 

Mulej, nitolbuk bħalma jagħmlu fil-Vanġelu dawk li huma fil-bżonn, dgħajfa u morda, li kienu jitolbuk bl-aktar kelma sempliċi u familjari: bl-isem tiegħek.

 

Ġesù, ismek isalva, għax int is-salvazzjoni tagħna.

 

Ġesù, int il-ħajja tiegħi, u biex ma nitlifx ir-rotta fil-mixja tiegħi għandi bżonn tiegħek, li taħfer u terġa’ terfa’, li tfejjaq il-qalb tiegħi u tagħti sens lin-niket tiegħi.

 

Ġesù, int ħadt fuqek il-ħażen tiegħi u mis-salib ma tippuntax sebgħek lejja, imma tgħannaqni: int, li int ta’ qalb ħelwa u umli, fejjaqni mill-korla u mir-rabja, eħlisni mis-suspett u min-nuqqas ta’ fiduċja.

 

Ġesù, inħares lejk fuq is-salib u nara mberrħa quddiem għajnejja l-imħabba, sens ta’ dak li jien u destinazzjoni tat-triq tiegħi: għinni nħobb u naħfer, biex negħleb in-nuqqas ta’ sabar u l-indifferenza, biex ma ngergirx.

 

Ġesù, fuq is-salib int għandek l-għatx, u dan hu għatx għall-imħabba tiegħi u għat-talb tiegħi; għandek bżonn ta’ dawn biex twassal għall-milja tagħhom il-proġetti tiegħek ta’ ġid u ta’ sliem.

 

Ġesù, irroddlok ħajr għal dawk kollha li jwieġbu għas-sejħa tiegħek u għandhom il-perserveranza li jitolbu, il-kuraġġ li jemmnu u d-determinazzjoni li jibqgħu għaddejjin qalb id-diffikultajiet.

 

Ġesù, nippreżentalek ir-ragħajja tal-poplu qaddis tiegħek: ħa jwieżnu l-merħla bit-talb tagħhom; ħa jsibu ħin jintasbu quddiemek, u jwaħħdu qalbhom ma’ tiegħek.

 

Ġesù, inbierkek għan-nisa u rġiel kontemplattivi, li t-talb tagħhom, mistur għad-dinja u mogħġub minnek, iħares lill-Knisja u lill-umanità.

 

Ġesù, inressaq quddiemek il-familji u l-persuni li llejla talbu mid-djar tagħhom, l-anzjani, speċjalment dawk waħidhom, il-morda, ġawhar tal-Knisja li jgħaqqdu t-tbatijiet tagħhom ma’ tiegħek.

 

Ġesù, ħa tilħaq din it-talba ta’ interċessjoni lil ħutna kollha li f’tant irkejjen tad-dinja qed ibatu persekuzzjonijiet minħabba f’ismek; dawk li qed iġarrbu t-traġedja tal-gwerra u dawk li, bil-qawwa li jsibu fik, iġorru slaleb tqal.

 

Ġesù, bis-salib tiegħek int għamilt minna lkoll ħaġa waħda: iġma’ flimkien fil-komunjoni lil dawk kollha li jemmnu, sawwab sentimenti fraterni u ta’ sabar, għinna nikkollaboraw u nimxu flimkien; ħares lill-Knisja u lid-dinja fis-sliem.

 

Ġesù, imħallef qaddis li għad issejjaħli b’ismi, eħlsini mill-ġudizzji fiergħa, mit-tpaċpiċ vojt u mill-kliem vjolenti u li jweġġa’.

 

Ġesù, qabel ma tmut int tgħid: “kollox mitmum”. Jien, li għadni ma temmejtx kollox, ma nistax ngħidu dan; imma nafda fik, għax int it-tama tiegħi, it-tama tal-Knisja u tad-dinja.

 

Ġesù, għad hemm kelma oħra li rrid ngħidlek u nkompli ntennilek: grazzi! Grazzi, Mulej tiegħi u Alla tiegħi.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard