IL-PAPA FRANĠISKU

UDJENZA ĠENERALI

Bibljoteka tal-Palazz Appostoliku

L-Erbgħa 20 ta’ Jannar 2021

Katekeżi – It-talb għall-għaqda bejn l-Insara

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

 

F’din il-katekeżi se nieqaf fuq it-talb għall-għaqda bejn l-Insara. Fil-fatt, il-ġimgħa bejn it-18 u l-25 ta’ Jannar hi ddedikata b’mod partikulari lil dan, biex nitolbu mingħand Alla d-don tal-għaqda ħalli negħlbu l-iskandlu tal-firdiet bejn dak li jemmnu f’Ġesù. Wara l-Aħħar Ċena, hu talab għad-dixxipli tiegħu, “biex ikunu lkoll ħaġa waħda” (Ġw 17:21). Din hi t-talba tiegħu qabel il-Passjoni, nistgħu nsejħulha t-testment spiritwali tiegħu. Imma ninnutaw li l-Mulej ma kkmandax mid-dixxipli tiegħu li jaħdmu għall-għaqda. Lanqas għamel xi diskors biex jagħti r-raġunijiet għal kemm hi meħtieġa. Le, talab lill-Missier għalina, biex inkunu ħaġa waħda. Dan ifisser li m’aħniex biżżejjed aħna, bl-isforzi tagħna, biex inġibu l-għaqda. L-għaqda hi qabelxejn don, hija grazzja li rridu nitolbuha fit-talb.

 

Kull wieħed u waħda minna għandu bżonnha. Fil-fatt, nintebħu li bilkemm aħna kapaċi nħarsu l-għaqda fina nfusna. Anki l-Appostlu Pawlu ħass ġewwa fih kunflitt qawwi: jixtieq jagħmel it-tajjeb u fl-istess waqt iħossu miġbud għall-ħażin (ara Rum 7:19). Hekk fehem li l-għeruq ta’ tant firdiet li għandna madwarna – bejn il-persuni, fil-familja, fis-soċjetà, fost il-popli u mqar fost dawk li jemmnu – jinsabu ġo fina. Il-Konċilju Vatikan II jistqarr li “l-ħafna nuqqas ta’ ekwilibriju li jinsab fid-dinja tal-lum huwa magħqud ma’ dak in-nuqqas ta’ ekwilibriju iżjed fundamentali li għandu għeruqu fil-qalb tal-bniedem. Ħafna lmenti li ma jaqblux bejniethom jinsabu sewwasew fil-bniedem. […] Għalhekk fih innifsu jħoss bħal xi ħaġa li taqsmu, li minnha jqum ukoll ħafna tilwim gravi fis-soċjetà” (Gaudium et spes, 10). Għalhekk, is-soluzzjoni għall-firdiet mhix li neħduha kontra xi ħadd, għax in-nuqqas ta’ ftehim iġib iktar nuqqas ta’ ftehim. Ir-rimedju veru jibda billi nitolbu lil Alla jagħtina l-paċi, ir-rikonċiljazzjoni, l-għaqda.

 

Dan jgħodd qabelxejn għall-Insara: l-għaqda tista’ tasal biss bħala frott tat-talb. L-isforzi diplomatiċi u d-djalogi akkademiċi mhumiex biżżejjed. Ġesù dan kien jafu u fetħilna t-triq, billi talab. It-talba tagħna għall-għaqda għalhekk hija parteċipazzjoni umli imma fiduċjuża fit-talba tal-Mulej, hu li wegħedna li kull talba li ssir f’ismu tiġi mismugħa mill-Missier (ara Ġw 15:7). U hawn nistgħu nistaqsu: “Jiena qed nitlob għall-għaqda?”. Hija r-rieda ta’ Ġesù, imma jekk inħarsu ftit lejn il-fehimiet li għalihom nitolbu, aktarx nintebħu li ftit li xejn tlabna, forsi qatt, għall-għaqda tal-Insara. U safrattant minnha tiddependi l-fidi fid-dinja; fil-fatt il-Mulej talab li jkun hemm l-għaqda bejnietna “biex id-dinja temmen” (Ġw 17:21). Id-dinja mhix ħa temmen għax se nikkonvinċuha aħna b’argumenti tajbin, imma jekk inkunu tajna xhieda tal-imħabba li tgħaqqadna u tqarrbina lkoll lejn xulxin.

 

F’dan iż-żmien ta’ taħwid kbir iktar hemm bżonn tat-talb tagħna biex l-għaqda tirbaħ fuq il-firdiet. Huwa urġenti li nwarrbu l-interessi partikulari biex naħdmu b’riżq il-ġid komuni, u għal dan hu fundamentali l-eżempju tajjeb tagħna: hu essenzjali li l-Insara jibqgħu mexjin fit-triq lejn l-għaqda sħiħa, viżibbli. Fl-aħħar għexieren ta’ snin, għall-grazzja ta’ Alla, saru bosta passi ’l quddiem, imma hemm bżonn nipperseveraw fl-imħabba u fit-talb, bla ma naqtgħu qalbna u qatt negħjew. Hija mixja li l-Ispirtu s-Santu qajjem fil-Knisja, fl-Insara u fina lkoll, u li minnha ma nistgħu qatt nerġgħu lura. Dejjem ’il quddiem!

 

Li titlob ifisser tissielet għall-għaqda. Iva, tissielet, għax l-għadu tagħna, ix-xitan, kif jgħid ismu stess, huwa dak li jifred. Ġesù jitlob l-għaqda fl-Ispirtu s-Santu, biex ikun hu li jgħaqqadna. Ix-xitan dejjem jifred, għax jaqbillu li jifred. Huwa jrewwaħ il-firda, kullimkien u b’kull mod, waqt li l-Ispirtu s-Santu dejjem iwassal għall-għaqda. Ix-xitan, normalment, ma jittantaniex dwar it-teoloġija għolja, imma fuq id-dgħufijiet ta’ ħutna. Moħħu jilħaqlu: jonfoħ l-iżbalji u d-difetti ta’ ħaddieħor, jiżra’ t-tilwim, jipprovoka l-kritika u joħloq il-fazzjonijiet. Il-ħajja ta’ Alla hi oħra: jilqagħna kif aħna, iħobbna wisq, imma jħobbna kif aħna u jilqagħna għandu kif aħna; jilqagħna bid-differenzi, jilqagħna midinba, u dejjem iħeġġiġna għall-għaqda. Nistgħu nagħmlu verifika tagħna nfusna u nistaqsu jekk, fil-postijiet fejn ngħixu, aħniex inkabbru l-firdiet jew aħniex nissieltu biex tikber l-għaqda bl-għajnuna tal-istrumenti li tana Alla: it-talb u l-imħabba. Bil-maqlub, inkattru t-tilwim jekk noqogħdu nqassu fuq xulxin, dejjem, meta nitkellmu ħażin fuq xulxin. It-tpaċpiċ fil-vojt fuq l-oħrajn huwa l-arma l-aktar faċli li għandu f’idejh ix-xitan biex jaqsam il-komunità Nisranija, biex jaqsam il-familja, biex jifred il-ħbieb, dejjem biex jaqsam u jifred. L-Ispirtu s-Santu jnebbaħna dejjem għall-għaqda.

 

It-tema ta’ din il-Ġimgħa ta’ talb hi proprju fuq l-imħabba: “Ibqgħu fi mħabbti: tagħmlu ħafna frott” (ara Ġw 15:5-9). L-għerq tal-komunjoni hi l-imħabba ta’ Kristu, li jgħinna negħlbu l-preġudizzji biex l-ieħor narawh bħala ħuna u oħtna li dejjem għandna nħobbu. Allura niskopru li l-Insara ta’ konfessjonijiet oħra, bit-tradizzjonijiet tagħhom, bl-istorja tagħhom, huma doni ta’ Alla, huma doni preżenti fit-territorji tal-komunitajiet djoċesani u parrokkjali tagħna. Nibdew nitolbu għalihom u, meta nistgħu, magħhom ukoll. Hekk nitgħallmu nħobbuhom u napprezzawhom. It-talb, ifakkarna l-Konċilju, huwa r-ruħ tal-moviment ekumeniku kollu (ara Unitatis redintegratio, 8). Ħa jkun mela t-talb il-punt tat-tluq biex ngħinu lil Ġesù jwettaq il-ħolma tiegħu: li nkunu lkoll ħaġa waħda.

  

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard