ŻJARA PASTORALI TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU FI TRIESTE
FL-OKKAŻJONI TAL-50 ĠIMGĦA SOĊJALI TAL-KATTOLIĊI FL-ITALJA
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA
Pjazza Unità d’Italia (Trieste)
Il-Ħadd 7 ta’ Lulju 2024
Biex jerġa’ jagħti t-tama lill-qlub maqsuma u jwieżen it-taħbit tal-mixja, Alla dejjem qajjem profeti f’nofs il-poplu tiegħu. Madankollu, kif jirrakkonta l-Ewwel Qari tal-lum meta jagħtina l-ġrajjiet ta’ Eżekjel, huma spiss sabu poplu ribelli, “ġens ta’ nies rashom iebsa” (Eżek 2:4), u ġew irrifjutati.
Anki Ġesù jgħaddi mill-istess esperjenza tal-profeti. Jirritorna Nazaret, f’pajjiżu, qalb in-nies li magħhom kiber, u safrattant ma jagħrfuhx, saħansitra jirrifjutawh: “ġie għand niesu, u niesu ma laqgħuhx” (Ġw 1:11). Il-Vanġelu jgħidilna li “skandalizzaw ruħhom minħabba” f’Ġesù (Mk 6:3), imma l-kelma “skandlu” mhix tirriferi għal xi ħaġa oxxena jew indiċenti skont l-użu li nagħmlu minnha llum; skandlu tfisser “ġebla ta’ xkiel”, jiġifieri ostaklu, impediment, xi ħaġa li timblukkak u żżommok milli timxi iktar. Nistaqsu lilna nfusna: liema hu x-xkiel li qed iżommni milli nemmen f’Ġesù?
Aħna u nisimgħu d-diskorsi tan-nies ta’ pajjiżu, naraw li huma jieqfu biss mal-istorja tiegħu fuq din l-art, mal-familja li minnha kien ġej u, għalhekk, ma jirnexxilhomx jifhmu kif mill-iben ta’ Ġużeppi l-mastrudaxxa, jiġifieri minn persuna komuni, jista’ joħroġ daqshekk għerf u saħansitra l-ħila li jwettaq l-għeġubijiet. Allura l-iskandlu hu l-umanità ta’ Ġesù. Ix-xkiel li jżomm lil dawn il-persuni milli jagħrfu l-preżenza ta’ Alla f’Ġesù huwa l-fatt li hu uman, hu sempliċiment bin Ġużeppi l-mastrudaxxa: kif jista’ Alla, li jista’ kollox, juri lilu nnifsu fid-dgħufija tal-ġisem ta’ bniedem? Kif jista’ Alla li jista’ kollox u b’saħħtu, li ħalaq l-art u ħeles il-poplu tiegħu mill-jasar, kif jista’ jsir dgħajjef sal-punt li jiġi fil-ġisem u jitbaxxa jaħsel riġlejn id-dixxipli? Dan hu l-iskandlu.
Ħuti, fidi mibnija fuq Alla uman, li jitbaxxa lejn l-umanità, li jieħu ħsiebha, li jitqanqal għall-ġrieħi tagħna, li jieħu fuqu t-taħbit tagħna, li jitfarrak bħala ħobż għalina. Alla b’saħħtu u qawwi, li jinsab fuq in-naħa tiegħi u jissodisfani f’kollox, iktar jiġbidni; Alla dgħajjef, Alla li jitla’ fuq is-salib għall-imħabba u jitlob lili wkoll biex negħleb kull egoiżmu u noffri ħajti għas-salvazzjoni tad-dinja: dan, ħuti, huwa skandlu.
Imma, jekk noqogħdu quddiem il-Mulej Ġesù u nixħtu ħarsitna fuq l-isfidi li għandna quddiemna, fuq il-ħafna problemi soċjali u politiċi diskussi wkoll f’din il-Ġimgħa Soċjali, fuq il-ħajja konkreta ta’ niesna u fuq it-taħbit tagħha, nistgħu ngħidu li llum għandna bżonn proprju ta’ dan l-iskandlu. Għandna bżonn tal-iskandlu tal-fidi. Ma għandniex bżonn ta’ reliġjożità magħluqa fiha nfisha, li terfa’ ħarsitha lejn is-sema bla ma tagħti kas ta’ x’inhu jiġri fuq l-art u tiċċelebra liturġiji fit-tempju waqt li tinsa t-trab li hawn jiġri fit-toroq tagħna. Imma għandna bżonn l-iskandlu tal-fidi – għandna bżonn tal-iskandlu tal-fidi –, fidi b’għeruqha f’Alla li sar bniedem, u, għalhekk, fidi umana, fidi tal-laħam, li tidħol fl-istorja, li tmelles il-ħajja tan-nies, li tfejjaq il-qlub maqsuma, li ssir ħmira ta’ tama u żerriegħa ta’ dinja ġdida. Hija fidi li tqanqal il-kuxjenzi rieqda, li tpoġġi s-subgħa tagħha fuq il-pjagi, fil-pjagi tas-soċjetà – li huma ħafna –, fidi li tqanqal mistoqsijiet fuq il-futur tal-bniedem u fuq l-istorja; hija fidi li ma tafx toqgħod kwieta, u aħna għandna bżonn ngħixu ħajja li ma tafx toqgħod bi kwietha, fidi li timxi minn qalb għal qalb, fidi li tirċievi minn barra l-problemi tas-soċjetà, fidi mħassba li tgħinna negħlbu l-medjokrità u t-telqa tal-qalb, li ssir xewka fil-ġisem ta’ soċjetà spiss illuppjata u storduta mill-konsumiżu. U ħa nieqaf ftit fuq dan… Jingħad li s-soċjetà tagħna hija xi ftit illuppjata u storduta mill-konsumiżu: qatt ħsibtu intom jekk il-konsumiżmu daħalx f’qalbkom? Dik l-ansjetà li nġemmgħu għalina, li jkollna ħwejjeġ, li jkollna iżjed, dik l-ansjetà biex nonfqu l-flus. Il-konsumiżmu hu pjaga, hu kankru: imarradlek qalbek, jagħmlek egoista, iġagħlek tħares biss lejk innifsek. Ħuti, fuq kollox, għandna bżonn ta’ fidi li tkeċċi l-kalkoli tal-egoiżmu uman, li tikkundanna l-ħażen, li tipponta subagħha kontra l-inġustizzji, li tħott il-pjanijiet ta’ min, għad-dell tal-poter, jilgħab minn fuq dahar id-dgħajfin. U kemm, kemm – nafuh dan – hemm li jinqdew bil-fidi biex jisfruttaw in-nies. Dik mhix il-fidi.
Poeta ta’ din il-belt, meta f’lirika tiegħu jfisser ir-ritorn tiegħu ta’ kuljum id-dar filgħaxija, jgħid li jgħaddi minn triq xi ftit mudlama, post mitluq fejn il-bnedmin u l-prodotti tal-port huma “borġ ġebel”, jiġifieri skart tal-umanità; imma proprju hawn – jikteb hu – għalhekk, nikkwota: “jiena u għaddej, insib mill-ġdid l-infinit fl-umiltà”, għax il-prostituta u l-baħri, il-mara li qed targumenta u s-suldat, “huma kollha ħlejjaq tal-ħajja u tal-uġigħ; fihom jitqanqal, bħalma jagħmel fija, il-Mulej” (U. Saba, “Belt qadima”, f’Il canzoniere (1900-1954) Edizione definitiva, Torino, Einaudi, 1961). Ma ninsewhx dan: Alla jinħeba fl-irkejjen mudlama tal-ħajja tal-belt tagħna, qatt ħsibtuh dan? Fl-irkejjen mudlama tal-ħajja tal-belt tagħna. Il-preżenza tiegħu tinkixef proprju fl-uċuħ imħaffra mit-tbatija u hemm fejn jidhru jittrijonfaw it-telqa u l-faqar. L-infinit ta’ Alla jinħeba fil-miżerja umana, il-Mulej jitqanqal u jsir preżenti, u jsir preżenza ħabiba proprju fil-ġisem miġruħ ta’ dawk li huma fl-aħħar post, minsija, mormija. Hemm jidher il-Mulej. U aħna, li xi drabi niskandalizzaw ruħna għalxejn b’tant ħwejjeġ żgħar, nagħmlu tajjeb jekk minflok nistaqsu lilna nfusna: għaliex quddiem il-ħażen li qed joktor, il-ħajja li tiġi umiljata, il-problemi tax-xogħol, it-tbatijiet tal-migranti, ma niskandalizzawx ruħna? Għaliex nibqgħu f’apatija u indifferenza quddiem l-inġustizzji tad-dinja? Għaliex ma neħdux għal qalbna s-sitwazzjoni tal-ħabsin, li anki minn din il-belt ta’ Trieste togħla bħal karba ta’ uġigħ? Għaliex ma nikkontemplawx il-miżerji, in-niket, l-iskart ta’ tant persuni fil-belt? Nibżgħu, nibżgħu li nsibu lil Kristu, hemm.
Għeżież, Ġesù għex f’laħmu stess il-profezija tal-ferjalità, daħal fil-ħajja u fl-istejjer ta’ kuljum tal-poplu, wera l-mogħdrija tiegħu fil-ġrajjiet, u wera li hu Alla, li hu jagħder u jħenn. U għalhekk, kien hemm min skandalizza ruħu bih, sar xkiel, sar irrifjutat sal-punt li ġie pproċessat u kkundannat, imma, hu baqa’ fidil lejn il-missjoni tiegħu, ma nħebiex wara l-ambigwità, ma waqax għal pattijiet mal-loġika tal-poter politiku u reliġjuż. Minn ħajtu għamel offerta ta’ mħabba lill-Missier. Hekk aħna l-Insara wkoll: aħna msejħin inkunu profeti, xhieda tas-Saltna ta’ Alla, fis-sitwazzjonijiet kollha li ngħixu, f’kull post li ngħixu fih.
Ħuti, minn din il-belt ta’ Trieste, tħares fuq l-Ewropa, salib it-toroq ta’ popli u kulturi, art ta’ fruntiera, ejjew inseddqu l-ħolma ta’ ċivilità ġdida msejsa fuq il-paċi u fuq il-fraternità; nitlobkom, ejjew ma niskandalizzawx ruħna b’Ġesù, imma bil-maqlub, ħa nirrabjaw minħabba dawk is-sitwazzjonijiet kollha li fihom il-ħajja qed tiġi mirfusa, midruba, maqtula; ħa nġorru l-profezija tal-Vanġelu f’ġisimna stess, bl-għażliet tagħna qabel bil-kliem. Dik il-koerenza bejn l-għażliet u l-kliem. U lil din il-Knisja ta’ Trieste rrid ngħidilha: Ħares ’il quddiem! Ibqa’ miexja! Komplu ħabirku fuq quddiem nett biex ixxerrdu l-Vanġelu tat-tama, speċjalment ma’ dawk li jaslu mir-rotta tal-Balkani u ma’ dawk kollha li, fil-ġisem u fl-ispirtu, għandhom bżonn min jagħmlilhom il-qalb u jfarraġhom. Inħabirku flimkien: biex aħna u niskopru mill-ġdid kemm aħna maħbuba mill-Missier, nistgħu ngħixu bħala aħwa lkoll. Ilkoll aħwa, b’dik it-tbissima tal-akkoljenza u tal-paċi tar-ruħ. Grazzi.
miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard