ŻJARA PASTORALI TAL-QDUSIJA TIEGĦU
FRANĠISKU FI TRIESTE
FL-OKKAŻJONI TAL-50 ĠIMGĦA SOĊJALI TAL-KATTOLIĊI FL-ITALJA
DISKORS TAL-PAPA
Ċentru tal-Kungressi “Generali Convention Center” ta’ Trieste
Il-Ħadd, 7 ta’ Lulju, 2024
Illustri Awtoritajiet
Għeżież ħuti Isqfijiet,
Sinjuri Kardinali,
ħuti, il-jum it-tajjeb!
Irrodd ħajr lill-Kardinal Zuppi u lill-Monsinjur Baturi talli stednuni biex naqsam magħkom dis-sessjoni tal-aħħar. Insellem lil Mons Reanna u lill-Kumitat Xjentifiku u Organizzatur tal-Ġimgħat Soċjali. F’isem kulħadd nesprimi l-gratitudni lil Mons Trevisi għall-akkoljenza fid-Djoċesi ta’ Trieste.
L-ewwel darba li smajt bi Trieste kien mingħand in-nannu li kien ħa sehem fil-Battalja tal-Piave fl-1914. Hu kien jgħallimna ħafna kanzunetti u waħda minnhom kienet dwar Trieste: “Il-Ġeneral Cadorna kiteb lir-Reġina: ‘Jekk trid tara lil Trieste araha fil-kartolina’”. U dik kienet l-ewwel darba li smajt isem il-belt.
Din kienet il-50 “Ġimgħa Soċjali”. L-istorja ta’ dawn “il-Ġimgħat” tintiseġ mal-istorja tal-Italja, u dan diġà jfisser ħafna: ifisser Knisja sensibbli għat-trasformazzjoni tas-soċjetà u b’idejha miftuħa biex tagħti kontribut lejn il-ġid komuni. Imsaħħin b’din l-esperjenza, ridtu tidħlu fil-fond ta’ suġġett ta’ attwalità kbira: “Fil-qalba tad-demokrazija. Parteċipazzjoni bejn storja u l-ġejjieni”.
Il-Beatu Giuseppe Toniolo, li kien ta bidu għal din l-inizajttiva fl-1907, kien jafferma li d-demokrazija nistgħu niddeskrivuha b’dal-mod: “dak l-ordinament ċivili li fih il-forzi kollha soċjali, ġjuridiċi u tal-ekonomija, fil-milja tal-iżvilupp ġerarkiku tagħhom, jikkoperaw proporzonalment għall-ġid komuni, u li r-riżultat aħħari jkun fuq kollox ta’ vantaġġ għall-klassijiet inferjuri” (1). Hekk kien qal Toniolo. Fid-dawl ta’ din id-definizzjoni, jidher evidenti li fid-dinja tal-lum id-demokrazija, ngħidu l-verità, ma tantx tidher f’saħħitha. Dan hu ta’ interess għalina u jħassibna, għax fin-nofs hemm il-ġid tal-bniedem, u xejn minn dak li hu uman ma jista’ jkun barrani għalina (2).
L-ordinament demokratiku fl-Italja inħema wara t-tieni gwerra dinjija bis-saħħa tal-kontribut determinanti tal-kattoliċi. Wieħed għandu jkun kburi b’din l-istorja, li ħalliet it-timbru tagħha fuq dawn il-Ġimgħat Soċjali; u bla ma noqgħodu nidealizzaw l-imgħoddi, hemm bżonn nitgħallmu minnhom biex nieħdu fuq spallejna r-reponsabbiltà li nibnu xi ħaġa valida fi żmienna. Dan l-atteġġjament jinsab fin-Nota Pastorali li biha fl-1988, l-Episkopat Taljan reġa’ qajjem il-Ġimgħa Soċjali. Se nikkowta l-għanijiet: “Jingħata sens lill-impenn ta’ kulħadd għat-trasformazzjoni tas-soċjetà; tingħata attenzjoni lin-nies li jibqgħu barra minn jew fit-truf tal-proċessi u l-mekkaniżmi ekonomiċi dominanti; is-solidarjetà soċjali fil-forom kollha tagħha ssib l-ispazju li jixirqilha; ikun hemm sostenn biex terġa’ tieħu l-ħajja bl-attenzjoni l-etika tal-ġid komuni (…); jingħata tifsir xieraq lill-iżvilupp tal-pajjiż, mifhum (…) bħala miljorament globali tal-kwalità tal-ħajja, tal-konvivenza kollettiva, tal-parteċipazzjoni demokratika, tal-libertà awtentika” (3).
Dil-viżjoni b’għeruqha fid-Duttrina Soċjali tal-Knisja, tħaddan fiha xi aspetti tal-impenn nisrani u wkoll hi interpretazzjoni evanġelika tal-fenomeni soċjali li ma jgħoddux biss għall-kuntest taljan, imma huma twissija għas-soċjetà umana kollha kemm hi u għall-mixja tal-popli kollha. Infatti, daqskemm il-kriżi tad-demokrazija hi trasversali fid-diversi realtajiet u fost in-nazzjonijiet, bl-istess mod l-atteġġjament tar-responsabbiltà fil-konfront tat-trasformazzjonijiet soċjali hi sejħa għal ‘ribelljoni’ għall-insara kollha, kull fejn jgħixu u joperaw, f’kull rokna tad-dinja.
Hemm tixbiha li tiġbor fiha dan kollu u li intom għażiltuha bħala simbolu ta’ dan l-appuntament: il-qalb. Minn din it-tixbiha jien nixtieq nipproponilkom żewġ riflessjonijiet biex isostnu l-mixja minn hawn ‘il quddiem.
Fl-ewwel waħda nistgħu nimmaġinaw il-kriżi tad-demokrazija bħala qalb miġrugħa. Dak kollu li jillimita l-parteċipazzjoni jinsab taħt għajnejna. Ladarba l-kostruzzjoni u l-intelliġenza qed juruna li l-qalb sofriet “attakk”, għandhom ikunu ta’ tħasib ukoll id-diversi forom ta’ esklużjoni soċjali. Kull darba li xi ħadd jisfa emarġinat, il-ġisem soċjali kollu jsofri. Il-kultura tal-iskart qed tfassal belt fejn mhemmx post għall-foqra, għat-trabi fil-ġuf, għall-persuni fraġli, għall-morda, għat-tfal, għan-nisa, għaż-żgħażagħ, għax-xjuħ. Din hi l-kultura tal-iskart. Is-setgħa ssir awtoreferenzjali – marda kerha din – li m’għandhiex ħila tisma’ u sservi lill-persuna. Aldo Moro kien ifakkar illi “Stat ma jistax ikun verament demokratiku jekk ma jkunx ta’ servizz għall-bniedem, jekk l-għan suprem tiegħu mhux id-dinjità, il-libertà, l-awtonomija tal-persuna umana, jekk ma jirrispettax lil dawk il-formazzjonijiet soċjali li fihom il-persuna umana ma tiżviluppax u li fiha tintegra l-personalità tagħha” (4). L-istess kelma ‘demokrazija’ mhix sempliċiment il-vot tal-poplu; sadattant jien nitħasseb kemm naqas l-għadd ta’ nies li marru jivvutaw. Xi jfisser dan? Mhux il-vot tal-poplu biss, imma jesiġi li jinħolqu l-kundizzjonijiet xierqa sabiex kulħadd ikun jista’ jesprimi ruħu u jieħu sehem. U l-parteċipazzjoni mhix ħaġa tal-mument, ta’ bla ħsieb: tiġi mgħallma minn mindu nkunu tfal, żgħażagħ, u għandha tkun “imħarrġa” wkoll għas-sens kritiku vis-à-vis t-tentazzjonijiet ideoloġiċi u populisti. F’dil-perspettiva, kif fakkart snin ilu meta żort il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Ewropa, importanti jerġa jitqajjem “il-kontribut li l-kristjaneżmu jista’ jagħti llum għall-iżvilupp kulturali u soċjali ewropew fid-dawl ta’ relazzjoni korretta bejn reliġjon u soċjetà” (5), bil-promozzjoni ta’ djalogu fertili mal-komuità ċivili u mal-istituzzjonijiet politiċi sabiex, bid-dawl li nagħtu lil xulxin u meħlusin mill-irmixk tal-ideoloġija, inkunu nistgħu nibdew riflessjoni komuni speċjalment dwar temi marbutin mal-ħajja umana u mad-dinjità tal-persuna.
L-ideoloġiji jsaħħru. Xi ħadd qabbilhom ma’ Hamelin, id-daqqaq tal-flawt; isaħħruk imma jmexxuk lejn l-għarqa.
Għal dan il-għan jibqgħu dejjem għammiela l-prinċipji tas-solidarjetà u s-sussidjarjetà. Infatti, il-poplu jibqa’ magħqud flimkien minħabba r-rabtiet li mibni fuqhom, u r-rabtiet jissaħħu meta kulħadd jingħata l-valur veru tiegħu. Kull persuna għandha valur; kull persuna hija importanti. Id-demokrazija titlob dejjem li mill-partiġġjaniżmu nimxu lejn il-parteċipazzjoni, minflok inkunu ‘supporters’, niddjalogaw. Sakemm “is-sistema ekonomika-soċjali tagħna tibqa’ tipproduċi mqar vittma waħda, qatt ma jista’ jkun hemm fraternità universali. Soċjetà umana u fraterna għandha ħila timpenja ruħha biex tipprovdi b’mod effiċjenti u stabbli sabiex kulħadd ikollu akkumpanjament tul il-medda ta’ ħajtu, mhux biss billi tipprovdilu l-ħtiġijiet primarji, imma biex dak li jkun ikun jista’ jagħti l-aħjar tiegħu, anki jekk dak li jikkontribwixxi ma jkunx l-ideali, anki jekk l-effiċjenza tiegħu ma tantx tkun rilevanti” (6). Kulħadd għandu jħossu sehem mill-proġett tal-komunità; ħadd m’għandu jħossu inutli. Ċerti forom ta’ assistenzjaliżmu li huma bla kont lejn id-dinjità umana… Nieqaf fuq il-kelma assistenzjaliżmu. L’assistenzjaliżmu, bħala tali, hu għadu tad-demokrazija, hu għadu tal-imħabba lejn il-proxxmu. U ċerti forom ta’ assistenzjaliżmu li jinjoraw id-dinjità tal-persuna, huma ipokrisija soċjali. Ma nisewhx dan. U xhinu dak li jżommna bogħod mir-realtà soċjali? Hemm l-indifferenza, u l-indifferenza hi l-kankru tad-demokrazija, nuqqas ta’ parteċipazzjoni.
It-tieni riflessjoni hi inkoraġġiment biex nipparteċipaw ħalli d-demokrazija tkun tixbaħ qalb infejqa. Hija din: jien naħseb li fil-ħajja soċjali hemm bżonn kbir li jitfejqu l-qlub, li l-qlub jitfejqu. Qalb imfejqa. Għal dan hemm bżonn taħriġ fil-kreattività. Jekk inħarsu madwarna, naraw bosta sinjali tal-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu fil-ħajja tal-familji u tal-komunitajiet. Saħansitra fil-qasam tal-ekonomija, tal-ideoloġija, tal-politika, tas-soċjetà. Niftakru f’min fl-attività ekonomika tiegħu għamel il-wisa għall-persuni b’diżabbiltà; fil-ħaddiema li rrinunzjaw għad-drittijiet tagħhom biex sħabhom ma jisfawx bla xogħol; fil-komunitajiet ta’ enerġija rinnovabbli li jippromwovu l-ekoloġija integrali u jidħlu responsabbli wkoll tal-familji foqra mill-enerġija; fl-amministraturi li jiffavorixxu n-natalità, ix-xogħol, l-iskola, is-servizzi edukattivi, djar aċċessibbli, mobbiltà għal kulħadd, l-integrazzjoni tal-migranti. Dan kollu ma jistax iseħħ fin-nuqqas ta’ politika parteċipattiva. Il-qalba tal-politika hi li tistieden il-parteċipazzjoni. U dawn huma l-elementi li jagħmlu l-parteċipazzjoni, il-kura ta’ kollox’ mhux biss il-benefiċjenza, il-kura ta’ xi aspett…., le, il-kura ta’ kollox!
Ir-relazzjonijiet soċjali jiffjorixxu permezz tal-fraternità; u, min-naħa l-oħra, li nieħdu ħsieb xulxin jitlob minna l-kuraġġ li naraw lilna nfusna bħala poplu. Hemm bżonn il-kuraġġ biex inqisu lilna nfusna bħala poplu u mhux ‘jien’, il-kllikka tiegħi, il-familja tiegħi, ħbiebi. Sfortunatament dil-kategorija – “poplu” – spiss hi interpretata b’mod żbaljat u “taf twassal biex telimina l-istess kelma “demokrazija” (“gvern tal-poplu”). Madankollu biex naffermaw li s-soċjetà hi xi ħaġa akbar minn sempliċi numru ta’ individwi, hemm bżonn li nkunu “poplu” (7), li ma jfissirx populiżmu. Le, hu ħaġa oħra: il-poplu. Effettivament “huwa diffiċli ħafna li jinħema xi proġett kbir għat-tul jekk dan ma jiksibx l-appoġġ u jsir ħolma kollettiva” (8). Demokrazija bil-qalb imfejqa tkompli tikkultiva ħolm għall-futur, tirriskja, titlob il-parteċipazzjoni personali u komunitarja. Noħomu l-ġejjieni. Ma nibżgħux.
Ma nħallux is-soluzzjonijiet faċli jqarrqu bina. Minflok, ħa ninteressaw ruħna bil-passjoni għall-ġid komuni. Hu dmirna li ma nimmanipulawx il-kelma demokrazija u lanqas għandna niddeformawha b’titli vojta ta’ kontenut, li jiġġustifikaw kull azzjoni. Id-demokrazija mhix kaxxa vojta, iżda hija marbuta mal-valuri tal-persuna, tal-fraternità u wkoll mal-ekoloġija integrali.
Bħala kattoliċi, f’xenarju bħal dan, ma nistgħux nikkuntentaw ruħna b’fidi marġinali jew privata. Dan ma jfissirx biss li nkunu mismugħin, imma fuq kollox, li jkollna l-kuraġġ nagħmlu proposti ta’ ġustizzja u paċi fid-dibattitu politiku. Għandna xi ħaġa x’ngħidu, imma mhux biex niddefendu l-privileġġi. Le. Għandna nkunu leħen, leħen li jiddenunzja u jipproponi f’soċjetà li spiss hi maħnuqa u li fiha ħafna m’għandhomx leħen. Hemm ħafna u ħafna li m’għandhomx leħen. Ħafna. Din hi l-imħabba politika (9) li ma tikkuntantax biss li tikkura l-effetti imma tfittex li taffronta l-kawżi. Din hi l-imħabba politika. Hi għamla ta’ karità li lill-politika tagħmilha denja tar-responsabbiltà tagħha u toħroġha mill-polarizzazzjoni, dawn il-polarizzazzjonijiet li jġibu l-miżerja u mhumiex għajnuna biex nifhmu u naffrontaw l-isfidi. Il-komunità nisranija kollha kemm hi għandha sejħa għal dil-karità politika, skont il-ministeri u l-kariżmi tagħha. Ejjew nitgħaġnu f’imħabba bħal din, biex inxerrduha f’dinja nieqsa mill-passjoni ċivili. Għandna bżonn nerġgħu nieħdu f’idejna l-passjoni ċivili, tal-politiċi l-kbar li nafu bihom. Ejjew nitgħallmu aktar u aħjar nimxu flimkien bħala poplu t’Alla, biex inkunu ħmira ta’ parteċipazzjoni fost il-poplu li aħna parti minnu. U din hi ħaġa importanti fl-aġir politiku tagħna, u tar-ragħajja tagħna wkoll: inkunu nafu lil-poplu, nersqu qrib il-poplu. Il-politiku jista’ jkun jixbaħ ir-ragħaj li jimxi quddiem il-poplu, qalb il-poplu u wara l-poplu. Quddiem il-poplu biex ftit jew wisq jurih it-triq; qalb il-poplu biex ikollu r-riħa tal-poplu; wara l-poplu biex jgħin li min jaqa’ lura. Il-politiku nieqes mir-riħa tal-poplu huwa teoriku. Nieqes mill-essenzjali.
Giorgio La Pira kien fassal il-protagoniżmu tal-bliet, li m’għandhomx is-setgħa jagħmlu l-gwerer imma li minħabba l-gwerer iħallsu l-akbar prezz. Għalhekk kien immaġina sistema ta’ “pontijiet” bejn il-bliet tad-dinja biex jinħolqu okkażjonijiet ta’ għaqda u djalogu. Fuq l-eżempju ta’ La Pira il-lajkat kattoliku taljan m’għandhiex tonqsu l-ħila li “jorganizza t-tama”. Dan hu xogħolkom, li torganizzaw. Torganizzaw ukoll il-paċi u proġetti ta’ politka sana li jistgħu jinbtu minn isfel. Għaliex m’għandkomx tibdew mill-ġdid, issostnu u tkattru l-isforzi għal formazzjoni soċjali u politika li tibda’ miż-żgħażagħ? Għaliex m’għandkomx taqsmu bejnietkom l-għana tat-tagħlim soċjali tal-Knisja? Nistgħu nippjanaw laqgħat ta’ konfront u djalogu li jiffaċilitaw is-sinerġiji favur il-ġid komuni. Jekk il-proċess sinodali ħarriġna fid-dixxerniment komunitarju, l-orizzont tal-Ġublew għandu jarana attivi, pellegrini tat-tama għall-Italja ta’ għada. Bħala dixxipli tal-Irxoxt m’għandna qatt nieqfu nkebbsu l-fiduċja, għax ċerti li ż-żmien jisboq l-ispazju. Ma ninsewhx dan. Bosta drabi naħsbu li l-ħidma politika tifsser li nokkupaw l-ispazji: le! Hi li nirriskjaw iż-żmien, nibdew proċessi, ma nintrabtux ma’ pożizzjoni. Iż-żmien jisboq l-ispazju u ma ninsewx li aktar għaqli nibdew proċessi milli nintrabtu ma’ xi pożizzjoni. Nirrikkmandalkom li fil-ħajja soċjali tagħkom ikollkom il-kuraġġ tibdew proċessi, dejjem. Hija kreattività li hi wkoll il-liġi tal-ħajja. Meta mara twelled tarbija tkun qed tibda proċess u akkumpanjament. Fil-politika aħna wkoll għandna nagħmlu l-istess.
Dan hu l-irwol tal-Knisja: tinvolvi lill-oħrajan fit-tama, għax mingħajrha nkunu namministraw il-preżent bla ma nibnu l-ġejjieni. Mingħajr it-tama nkunu sempliċi amministraturi, ekwilibristi tal-preżent u mhux profeti u bennejja tal-futur.
Ħuti, irroddikolm ħajr għall-impenn tagħkom. Inberikkom u nawguralkom li tkunu artiġjani tad-demokrazija u xhieda kuntaġġjużi tal-parteċipazzjoni. U, jekk jgħoġobkom, nitlobkom titolbu għalija, għax dax-xogħol mhux ħafif. Grazzi.
Issa nitlobu flimkien u wara ntikom il-barka.
Missierna li inti fis-smewwiet…..
____________________________________________
[1] G. Toniolo, Democrazia cristiana. Concetti e indirizzi, I, Città del Vaticano 1949, 29.
[2] Cfr Conc. Ecum. Vat. II, Cost. past. Gaudium et spes, 1.
[3] Conferenza Episcopale Italiana, Ripristino e rinnovamento delle Settimane Sociali dei cattolici italiani, 20 novembre 1988, n. 4.
[4] A. Moro, Il fine è l’uomo, Edizioni di Comunità, Roma 2018, 25.
[5] Discorso al Consiglio d’Europa, Strasburgo, 25 novembre 2014.
[6] Lett. enc. Fratelli tutti, 110.
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber