Laikos

 

ĊELEBRAZZJONI TAL-QUDDIESA GĦAT-TIFKIRA TAL-FIDILI MEJTIN KOLLHA

TALBA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

Ċimiterju Lawrentin ta’ Ruma

Is-Sibt 2 ta’ Novembru 2024

 

Fiż-żjara liċ-ċimiterju, post il-mistrieħ ta’ ħutna l-mejtin, inġeddu l-fidi fi Kristu li miet, ġie midfun u qam għas-salvazzjoni tagħna. Anki l-ġisem li jmut għad jerġa’ jqum fl-aħħar jum u dawk li raqdu fil-Mulej jiġu mseħbin miegħu fir-rebħa fuq il-mewt. B’din iċ-ċertezza, ejjew nerfgħu lejn il-Missier it-talba waħda tagħna ta’ suffraġju u ta’ barka.

 

Tkun imbierek, o Alla, Missier Sidna Ġesù Kristu, li fil-ħniena kbira tiegħek nissiltna mill-ġdid fil-qawmien ta’ Ġesù mill-mewt għal tama ħajja, għal wirt li la jitħassar u lanqas jinxef (ara 1:3-4). Agħti widen għat-talb li qed nagħmlulek għall-għeżież kollha tagħna li ħallew din id-dinja. Iftaħ id-dirgħajn tal-ħniena tiegħek u ilqagħhom fil-ġemgħa glorjuża ta’ Ġerusalemm imqaddsa.

 

Farraġ lil dawk qed ibatu minħabba fid-distakk, biċ-ċertezza li l-mejtin jgħixu fik u li anki l-iġsma, fdati lill-art, jum wieħed għad ikollhom sehem fir-rebħa tal-Għid ta’ Ibnek. Int, li fit-triq tal-Knisja qegħidt, bħala sinjal kollu dawl, lill-Imqaddsa Verġni Marija, għall-interċessjoni tagħha wieżen il-fidi tagħna, biex ebda xkiel ma jtellifna t-triq li twassal għandek, int li int il-glorja bla tmiem. Bi Kristu Sidna. Amen.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard