VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
FL-INDONEŻJA, PAPUA NEW GUINEA, TIMOR LESTE, U SINGAPORE
(2-13 ta’ Settembru 2024)
QUDDIESA
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU
Stadju “Sir John Guise” (Port Moresby, Papua New Guinea)
Il-Ħadd 8 ta’ Settembru 2024
L-ewwel kelma li llum il-Mulej jgħidilna hi: “Agħmlu l-ħila, la tibżgħux!” (Iż 35:4). Il-profeta Iżaija dan jgħidu lil dawk kollha ta’ qalbhom imbeżżgħa. B’dan il-mod hu jagħmel il-qalb lill-poplu tiegħu u, imqar qalb id-diffikultajiet u t-tbatijiet, jistiednu jerfa’ ħarstu fl-għoli, lejn xefaq ta’ tama u ta’ futur: Alla ġej biex isalvana, hu ġej u, f’dak il-jum, “jinfetħu għajnejn l-għomja, jinfetħu widnejn it-torox” (Iż 35:5).
Din il-profezija sseħħ f’Ġesù. Fir-rakkont ta’ San Mark naraw fuq kollox żewġ affarijiet: il-bogħod tat-trux u mbikkem u l-qrubija ta’ Ġesù. Il-bogħod tat-trux u mbikkem. Dan ir-raġel jinsab f’żona ġeografika li, bil-linwaġġ tal-lum, insejħulha “periferija”. It-territorju tad-Dekapoli jinsab lil hemm mill-Ġordan, bogħod miċ-ċentru reliġjuż li hi Ġerusalemm. Imma dak ir-raġel trux u mbikkem jgħix ukoll għamla oħra ta’ distanza; hu mbiegħed minn Alla, hu mbiegħed mill-bnedmin għax m’għandux il-possibbiltà li jikkomunika: hu trux u għalhekk ma jistax jisma’ lill-oħrajn, hu mbikkem u għalhekk ma jistax jitkellem mal-oħrajn. Dan ir-raġel hu maqtugħ ’il barra mid-dinja, hu iżolat, hu priġuner tat-truxija tiegħu u tat-tbikkim tiegħu u, għalhekk, ma jistax jinfetaħ għall-oħrajn biex jikkomunika.
U allura nistgħu naqraw din il-kundizzjoni ta’ trux u mbikkem anki f’sens ieħor, għax jista’ jiġrilna li niġu maqtugħa barra mill-komunjoni u mill-ħbiberija ma’ Alla u ma’ ħutna meta, iktar milli l-widnejn u l-ilsien, dik li tiġi imblukkata tkun il-qalb. Hemm truxija interjuri u tbikkim tal-qalb li jiddependu minn dak kollu li jagħlaqna fina nfusna, jagħlaqna għal Alla, jagħlaqna għall-oħrajn: l-egoiżmu, l-indifferenza, il-biża’ li nirriskjaw u li nċappsu jdejna, il-korla, il-mibegħda, u l-lista tista’ tkompli. Dan kollu jbegħidna minn Alla, ibegħidna minn ħutna, u anki minna nfusna; u jbegħidna mill-ferħ tal-ħajja.
Għal dan il-bogħod, ħuti, Alla jwieġeb bil-maqlub, bil-qrubija ta’ Ġesù. F’Ibnu, Alla jrid qabelxejn juri dan: li Hu Alla li jinsab qrib, Alla ħanin, li jieħu ħsieb tal-ħajja tagħna, li jegħleb id-distanzi kollha. U fis-silta tal-Vanġelu, fil-fatt, nilmħu lil Ġesù li jmur f’dawk it-territorji periferiċi, joħroġ mil-Lhudija biex imur jiltaqa’ mal-pagani (ara Mk 7:31).
Bil-qrubija tiegħu, Ġesù jfejjaq, ifejjaq it-tbikkim u t-truxija tal-bniedem: meta fil-fatt inħossuna mbiegħda, jew nagħżlu li nżommu d-distanza – id-distanza minn Alla, id-distanza minn ħutna, id-distanza minn min hu differenti minna – allura ningħalqu, ninqaflu fina nfusna u nispiċċaw biex induru biss mal-jien tagħna, torox għall-Kelma ta’ Alla u għall-karba tal-proxxmu u allura ma nibqgħux kapaċi nitkellmu ma’ Alla u mal-proxxmu.
U intom, ħuti, li tgħixu f’din l-art hekk imbiegħda, forsi fl-immaġinazzjoni tagħkom taħsbu li intom mifruda, mifruda mill-Mulej, mifruda mill-bnedmin, u dan mhux sew, le: intom magħqudin, magħqudin fl-Ispirtu s-Santu, magħqudin fil-Mulej! U l-Mulej qed jgħid lil kull wieħed u waħda minnkom: “Infetaħ!”. Din hi l-aktar ħaġa importanti: ninfetħu għal Alla, ninfetħu għal ħutna, ninfetħu għall-Vanġelu u nagħmluh il-boxxla tal-ħajja tagħna.
Illum ukoll lilkom il-Mulej qed jgħidilkom: “Kuraġġ, la tibżax, poplu ta’ Papua New Guinea! Infetaħ! Infetaħ għall-ferħ tal-Vanġelu, infetaħ għal-laqgħa ma’ Alla, infetaħ għall-imħabba tal-aħwa”. Ħadd ma għandu jibqa’ trux u mbikkem quddiem din l-istedina. U f’din il-mixja jseħibkom il-Beatu Giovanni Mazzucconi: qalb tant tbatijiet u ostilità, hu wassal lil Kristu f’nofskom, biex ħadd ma jibqa’ trux quddiem il-Messaġġ hieni tas-salvazzjoni, u kulħadd jista’ jħoll ilsienu biex jgħanni l-imħabba ta’ Alla. Ħa jkun hekk, illum, anki għalikom!
miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard