VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU PAPA FRANĠISKU
FL-INDONEŻJA, PAPUA NEW GUINEA,
TIMOR-LESTE, SINGAPOR
(2-13 Settembru 2024)

LAQGĦA MAL-ISQFIJIET TA’ PAPUA NIEW GUINEA U TAL-GŻEJJER SOLOMON, MAS-SAĊERDOTI, DJAKNI, PERSUNI KONSAGRATI, SEMINARISTI U KATEKISTI

DISKORS TAL-PAPA

Santwarju ta’ Marija Għajnuna tal-Insara (Port Moresby, Papua New Guinea)
Is-Sibt, 7 ta’ Settembru 2024

 

Għeżież ħuti, il-lejla t-tajba!

 

Insellem lilkom ilkoll b’affezzjoni: lilI-isqfijiet, saċerdoti, persuni konsagrati, seminaristi u katekisti. Nirringrazzja lill-President tal-Konferenza Episkopali tal-kliem tiegħu, kif ukoll lil James, Grace, Swor Lorena u Patri Emmanuel għax-xhieda tagħhom.

 

Ninsab hawn bi pjaċir kbir, f’din il-knisja sabiħa Salesjana: is-Salesjani jafu jagħmlu l-affarijiet tajjeb. Nifirħilkom! Dan huwa santwarju djoċesan iddedikat lil Marija Għajnuna tal-Insara – jiena kont tgħammidt fil-parroċċa ta’ Marija Għajnuna tal-Insara fi Buenos Aires – titolu tant għażiż għal San Ġwann Bosco; jew Maria Helpim kif issejħulha intom hawnhekk b’tant affezzjoni. Fl-1844, meta l-Madonna ispirat lil Don Bosco biex jibni knisja għall-ġieħ tagħha ġewwa Turin, għamlitlu din il-wegħda: “Din hi d-dar tiegħi, minn hawn il-glorja tiegħi”. Marija wegħditu li jekk ikollu l-ħila li jibda l-bini tal-knisja, se jkun hemm grazzji kbar. U hekk ġara: il-knisja nbniet – knisja tal-għaġeb – imma ħa ngħidilkom, dik ta’ Buenos Aires hija isbaħ! – u saret ċentru fejn jixxandar l-Evanġelju, ċentru li jifforma ż-żgħażagħ u jwettaq ħidmiet ta’ karità, u hija punt ta’ riferiment għal tant nies.

 

Is-santwarju sabiħ li ninsabu fih issa, li hu ispirat minn dik l-istorja, jista’ jkun simbolu anke  għalina ta’ tliet aspetti tal-mixja nisranija u missjunarja tagħna li ġew enfasizzati fix-xhieda li għadna kemm smajna: il-kuraġġ li nibdew, is-sabiħ li tkun preżenti, u t-tama li nikbru.

 

L-ewwel, il-kuraġġ li nibdew. Il-bennejja ta’ dan is-santwarju bdew il-ħidma tagħhom billi għamlu att kbir ta’ fidi, li ħalliet il-frott. Madankollu dan kien possibbli biss minħabba li dawk ta’ qabilhom ukoll kienu ħadu inizjattivi kuraġġużi. Il-missjunarji waslu f’dan il-pajjiż f’nofs is-seklu dsatax, u l-ewwel passi tal-ministeru tagħhom ma kienux faċli. Tabilħaqq xi tentattivi fallew. Madankollu, ma qatgħux qalbhom; b’fidi kbira, b’ħeġġa appostolika u b’ħafna sagrifiċċji, komplew iħabbru l-Evanġelju u jaqdu lil ħuthom, u kull darba li ma kellhomx suċċess reġgħu bdew mill-ġdid. 

 

It-twieqi tal-ħġieġ ikkulurit li hawn f’dan is-santwarju jfakkruna f’dan – issa ma nistgħux narawhom għax laħaq dalam – id-dawl tax-xemx jitbissem fuqna permezz tal-uċuħ tal-qaddisin u l-beati, nisa u rġiel minn kull sfera tal-ħajja, li huma marbutin mal-istorja tal-komunità tagħkom: Pietru Chanel, Ġwanni Mazzucconi u Pietru To Rot, martri ġewwa New Guinea, imbagħad hemm Tereża ta’ Kalkutta, Ġwanni Pawlu II, Mary McKillop, Maria Goretti, Laura Vicuña, Zeffirino Namuncurà, Franġisk de Sales, Ġwann Bosco, Marija Domenica Mazzarello. Dawn huma kollha aħwa li, b’modi differenti u fi żminijiet differenti bdew inizjattivi u sawru toroq, billi bdew u reġgħu bdew ħafna drabi. Huma taw sehemhom biex iwasslulkom l-Evanġelju, flimkien ma’ tant ġid permezz ta’ kariżmi imnebbħa mill-istess Spirtu u l-istess karità ta’ Kristu (ara 1 Kor 12,4-7; 2 Kor 5,14). Huwa bis-saħħa tagħhom, meta bdew u reġgħu bdew mill-ġdid, – il-missjunarji huma persuni li jibdew l-affarijiet, u jekk ma jkollhomx suċċess allura jerġgħu jibdew mill-ġdid: din hija l-ħajja tal-missjunarju, li jibda u jerġa’ jibda –  huwa bil-ħila tagħhom li ninsabu hawn illum, u li minkejja l-isfidi tal-lum, li mhumiex neqsin, inkomplu nimxu ’l quddiem bla biża’ – ma nafx jekk nagħmlux hekk dejjem – imma nafu li m’aħniex waħedna. Huwa l-Mulej li jaħdem  fina u magħna (ara Gal 2,20), u Hu jagħmilna, bħalhom, strumenti tal-grazzja tiegħu (ara 1 Pt 4,10). Din hi l-vokazzjoni tagħna: li nkunu strumenti.

 

F’dan ir-rigward, u fid-dawl ta’ dak li smajna, nixtieq nissuġġerielkom it-triq minn fejn tistgħu terġgħu “titilqu”; u din hija l-periferiji ta’ dan il-pajjiż. Jiġuni f’moħħi nies  li jgħixu fil-faxex li huma l-aktar fil-bżonn tal-popolazzjonijiet urbani, kif ukoll dawk li jgħixu fl-aktar inħawi ‘il bogħod u abbandunati, fejn xi drabi anke l-ħtiġijiet l-aktar bażiċi huma neqsin. Jiġuni f’moħħi wkoll il-persuni emarġinati u midruba, kemm moralment kif ukoll fiżikament, permezz tal-preġudizzju u s-suppervja, kultant sal-punt li jkollhom jirriskjaw ħajjithom, kif fakkarna James u Swor Lorena. Il-Knisja tixtieq b’mod speċjali li tkun qrib ta’ dawn l-aħwa, għax fihom Ġesù hu preżenti b’mod speċjali (ara Mt 25,31-40). U fejn jinsab hu, ir-ras tagħna, hemm ninsabu aħna, il-membri tiegħu, għax aħna nagħmlu parti mill-istess ġisem, “magħqud ħaġa waħda permezz tal-għekiesi kollha” (Ef 4:16). U jekk jogħġobkom tinsewx: kunu qrib, kunu qrib! Tafu li l-isbaħ tliet attitudnijiet huma li tkunu qrib, il-mogħdrija u l-ħlewwa. Jekk mara konsagrata jew raġel konsagrat, qassis, isqof jew djaknu ma jkunux qrib, ma jurux mogħdrija u ma jurux ħlewwa, ma jkollhomx fihom l-Ispirtu ta’ Ġesù. Tinsewx: qrubija, mogħdrija u ħlewwa.

 

Dan iwassalna għat-tieni aspett: is-sabiħ li tkun preżenti. Dan nistgħu narawh simbolizzat fl-arzell tal-kina, sinjal ta’ prosperità, li jżejjen il-presbiterju ta’ din il-knisja. Ifakkarna li aħna l-isbaħ teżor f’għajnejn il-Missier. Qrib Ġesù u taħt il-mant ta’ Marija, aħna spiritwalment magħqudin ma’ ħutna kollha li l-Mulej afda lilna, u ma’ dawk li ma jistgħux ikunu hawn, imqanqlin mix-xewqa li d-dinja kollha tkun taf l-Evanġelju u jkollha sehem fil-qawwa u d-dawl tiegħu.

 

James staqsa kif nistgħu nwasslu l-entużjażmu għall-missjoni liż-żgħażagħ. Ma naħsibx li hemm xi teknika biex tista’ tagħmlu dan. Imma hemm metodu, li ġa huwa ppruvat, u dan huwa li nikkultivaw u naqsmu magħhom il-ferħ tagħna li nkunu l-Knisja (ara Benedittu XVI, Omelija fil-Quddiesa tal-Inawgurazzjoni tal-Ħames Konferenza Ġenerali tal-Episkopat tal-Amerika Latina u l-Karibew, Aparecida, 13 ta’ Mejju 2007) , bħala dar akkoljenti magħmula minn ġebel ħaj, magħżul u prezzjuż, imqiegħed mill-Mulej ħdejn xulxin u li hu marbut ma’ xulxin mill-imħabba tiegħu (ara 1 Pt 2,4-5). Kif tfakkarna l-esperjenza tas-Sinodu li semmiet Grace, aħna nistgħu nuru lil kull min niltaqgħu miegħu kemm hu sabiħ li nimxu wara Ġesù flimkien u li nxandru l-Evanġelju tiegħu, billi nistmaw u nirrispettaw lil xulxin u npoġġu lilna nfusna għas-servizz ta’ xulxin.

 

Is-sabiħ li tkun preżenti, allura, ikollna l-esperjenza tagħha mhux tant f’avvenimenti kbar u f’mumenti ta’ suċċess, iżda pjuttost fil-fedeltà u fl-imħabba li bihom nistinkaw biex nikbru flimkien kuljum.

 

Issa naslu għat-tielet u l-aħħar aspett: it-tama li nikbru. F’dan is-santwarju nistgħu naraw “katekeżi permezz ta’ xbihat” interessanti li tinkorpora l-qsim tal-Baħar l-Aħmar, u l-figuri ta’ Abraham, Iżakk u Mosè. Dawn huma l-Patrijarki li taw il-frott permezz tal-fidi, li minħabba li huma emmnu, irċevew id-don ta’ nisel kbir (ara Ġen 15, 5; 26, 3-5; Eż 32, 7-14). Din hija xbieha importanti, għax tħeġġiġna wkoll illum sabiex ikollna fiduċja fil-frott li jħalli l-appostolat tagħna, billi nkomplu niżirgħu żerriegħa ċkejkna tal-ġid fir-raddiet tad-dinja. Jistgħu jidhru ċkejkna, bħalma hi z-żerriegħa tal-mustarda, imma jekk nafdaw u ma nieqfux inxerrdu din iż-żerriegħa, għall-grazzja ta’ Alla għad tinbet u tagħti ħsad abbundanti (ara Mt 13,3-9) u jsiru bħal dawk is-siġar kbar fejn jistkennu l-għasafar tal-ajru (ara Mk 4,30-32). San Pawl ifakkarna li dak li aħna niżirgħu, m’aħniex aħna li nkabbruh, imma dak hu xogħol il-Mulej (ara 1 Kor 3,7). Ommna l-Knisja Mqaddsa tgħallimna l-istess ħaġa meta tgħidilna li anke bl-isforzi kollha tagħna, “Alla jrid ikun biex is-saltna tiegħu tiġi fuq l-art” (Konċilju Vatikan II, Digriet Ad Gentes, 42). Ejja nkomplu, għalhekk, nevanġelizzaw bis-sabar, bla ma nħallu lilna nfusna naqtgħu qalbna minn diffikultajiet jew nuqqas ta’ ftehim, anke meta dawn jinqalgħu fejn ma nistennewhomx: fil-familja, pereżempju, kif ġa smajna.

 

Għeżież ħuti, ejjew flimkien nirringrazzjaw lill-Mulej għall-mod kif l-Evanġelju niżżel l-għeruq tiegħu u qed jkompli jinfirex f’ Papua New Guinea u fil-Gżejjer Solomon. Komplu bil-missjoni tagħkom bħala xhieda ta’ qlubija, ta’ sbuħija u ta’ tama! U tinsewx li l-istil ta’ Alla huwa qrubija, mogħdrija u ħlewwa. Dejjem nimxu ʼl quddiem b’dan l-istil tal-Mulej! Nirringrazzjakom ta’ dak li qed tagħmlu, u nberikkom ilkoll minn qalbi. U nitlobkom, jekk jogħġbkom, tinsewx titolbu għalija, għax għandi bżonn. Grazzi!

  

Miġjub għall-Malti minn Fr Roy Galdes