IT-TIENI SESSJONI TAS-XVI-IL ASSEMBLEA ĠENERALI ORDINARJA
TAS-SINODU TAL-ISQFIJIET
VELJA EKUMENIKA TA’ TALB
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
Pjazza tal-Protomartri Rumani
Il-Ġimgħa 11 ta’ Ottubru 2024
Test ikkonsenjat
“Jiena tajthom l-istess glorja li int tajt lili” (Ġw 17:22). Dawn il-kelmiet tat-talba ta’ Ġesù qabel il-Passjoni jistgħu jirriferu b’mod qawwi għall-martri, igglorifikati minħabba x-xhieda li taw għal Kristu. F’dan il-post niftakru fl-Ewwel Martri tal-Knisja f’Ruma: fuq id-demm tagħhom inbniet din il-bażilika, fuq id-demm tagħhom twaqqfet il-Knisja. Ħa jsaħħu dawn il-Martri ċ-ċertezza tagħna li, waqt li nersqu qrib ta’ Kristu, nersqu qrib ta’ xulxin, imwieżna mit-talba tal-qaddisin kollha tal-Knejjes tagħna, diġà perfettament magħquda flimkien mis-sehem tagħhom fil-Misteru tal-Għid. Kif jgħid id-Digriet Unitatis redintegratio, li tiegħu qed nagħmlu s-sittin anniversarju, iktar ma l-Insara huma qrib ta’ Kristu, iktar huma qrib bejniethom (ara n. 7).
F’dan il-jum, li fih infakkru l-ftuħ tal-Konċilju Vatikan II, li mmarka d-dħul uffiċjali tal-Knisja Kattolika fil-moviment ekumeniku, aħna miġburin flimkien mad-Delegati fraterni, ma’ ħutna tal-Knejjes l-oħra. Għalhekk nagħmel tiegħi l-kliem li San Ġwanni XXIII qal lill-osservaturi fil-ftuħ tal-Konċilju: “Il-preżenza prezzjuża tagħkom hawn, it-tqanqil li jħaddan il-qalb tiegħi ta’ saċerdot, ta’ isqof tal-Knisja ta’ Alla […] jistednuni nafdalkom ix-xenqa ta’ qalbi, li hi mħeġġa mix-xewqa li naħdem u nbati sa ma toqrob is-siegħa li fiha sseħħ għal kulħadd it-talba ta’ Kristu fl-Aħħar Ċena” (13 ta’ Ottubru 1962). Ejjew nidħlu f’din it-talba ta’ Ġesù, nagħmluha tagħna fl-Ispirtu s-Santu, imsieħba minn dik tal-Martri.
L-għaqda tal-Insara u s-sinodalità huma marbutin flimkien. Fil-fatt, “il-mixja tas-sinodalità hija l-mixja li Alla jistenna mill-Knisja tat-tielet millennju” (Dikors fil-50 anniversarju mit-twaqqif tas-Sinodu tal-Isqfijiet, 17 ta’ Ottubru 2015), għandna nimxuha mal-Insara kollha. “Il-mixja tas-sinodalità […] hi u għandha tkun ekumenika, l-istess kif il-mixja ekumenika hi sinodali” (Diskors tal-Qdusija Tiegħu Mar Awa III, 19 ta’ Novembru 2022). Fiż-żewġ proċessi, l-aktar importanti mhux li nibnu xi ħaġa daqskemm li nilqgħu u nagħmlu frott mid-don li diġà rċivejna. U kif jippreżenta ruħu d-don tal-għaqda? L-esperjenza sinodali tgħinna niskopru xi aspetti tiegħu.
L-għaqda hija grazzja, don imprevedibbli. Il-veru protagonista mhuwiex aħna, imma l-Ispirtu s-Santu li jmexxina lejn komunjoni ikbar. Kif ma nafux minn qabel x’sa jkun l-eżitu tas-Sinodu, hekk ma nafux eżattament kif sa tkun l-għaqda li għaliha aħna msejħa. Il-Vanġelu jgħidilna li Ġesù, f’dik it-talba kbira tiegħu, “refa’ għajnejh lejn is-sema”: l-għaqda mhijiex qabelxejn frott tal-art, imma tas-Sema. Hija don li ma nistgħux nipprevedu l-ħinijiet u l-modi tiegħu; jeħtieġ nirċevuh “bla ma nqiegħdu ebda xkiel għall-Providenza u bla ma nippreġudikaw is-suġġerimenti futuri tal-Ispirtu s-Santu”, kif ikompli jgħid id-Digriet tal-Konċilju (UR, 24). Patri Paul Couturier kien iħobb jgħid li l-għaqda tal-Insara għandna nitolbuha “kif irid Kristu” u “bil-mezzi li jrid hu”.
Tagħlima oħra li ġejja mill-proċess sinodali hi li l-għaqda hija mixja: timmatura hi u tiċċaqlaq, tul it-triq. Tikber fis-servizz reċiproku, fid-djalogu tal-ħajja, fil-kollaborazzjoni tal-Insara kollha li “toħroġ iktar fid-dieher il-wiċċ ta’ Kristu qaddej” (UR, 12). Imma rridu nimxu skont l-Ispirtu (ara Gal 5:16-25); jew, kif jgħid San Irinew, bħala tôn adelphôn synodía, “karwana ta’ aħwa”. L-għaqda bejn l-Insara tikber u timmatura fil-pellegrinaġġ komuni “bir-ritmu ta’ Alla”, bħall-pellegrini ta’ Għemmaws imsieħba minn Kristu Rxoxt.
It-tielet tagħlima hi li l-għaqda hi armonija. Is-Sinodu qed jgħinna niskopru mill-ġdid il-ġmiel tal-Knisja fil-firxa wiesgħa ta’ wċuħ tagħha. Hekk l-għaqda mhijiex unformità, lanqas frott ta’ kompromessi jew ta’ ekwilibriżmi. L-għaqda tal-Insara hi armonija fid-diversità tal-kariżmi mqanqla mill-Ispirtu għall-edifikazzjoni tal-Insara kollha (ara UR, 4). L-armonija hija t-triq tal-Ispirtu, għax hu stess, kif jgħid San Bażilju, hu armonija (ara Fuq is-Salm 29, 1). Aħna għandna bżonn nimxu mill-mogħdija tal-għaqda grazzi għall-imħabba tagħna għal Kristu u għall-persuni kollha li aħna msejħin naqdu. Matul din it-triq, ejjew ma nħallu qatt id-diffikultajiet iwaqqfuna! Nafdaw fl-Ispirtu s-Santu, li jħeġġeġ għall-għaqda f’armonija ta’ diversità ta’ bosta lwien.
Fl-aħħar nett, bħas-sinodalità, l-għaqda tal-Insara hi meħtieġa għax-xhieda tagħhom: l-għaqda hi għall-missjoni. “Biex ikunu lkoll ħaġa waħda… ħalli d-dinja temmen” (Ġw 17:21). Din kienet il-konvinzjoni tal-Padri konċiljari meta stqarrew li l-firda ta’ bejnietna “hi ta’ skandlu għad-dinja u tagħmel ħsara lill-aktar kawża qaddisa: il-predikazzjoni tal-Vanġelu lil kull ħlejqa” (UR, 1). Il-moviment ekumeniku nibet mix-xewqa li nagħtu xhieda flimkien, mal-oħrajn u mhux bogħod minn xulxin, jew agħar minn hekk kontra xulxin. F’dan il-post il-Protomartri jfakkruna li llum, f’ħafna partijiet tad-dinja, Insara ta’ diversi tradizzjonijiet qed jagħtu ħajjithom flimkien għall-fidi f’Ġesù Kristu, billi jgħixu l-ekumeniżmu tad-demm. Ix-xhieda tagħhom hi aqwa minn kull kelma, għax l-għaqda tiġi mis-Salib tal-Mulej.
Qabel ma bdejna din l-Assemblea, kellna Ċelebrazzjoni penitenzjali. Illum għadu jġagħalna nistħu wkoll l-iskandlu tal-firda tal-Insara, l-iskandlu li m’aħniex nagħtu xhieda flimkien tal-Mulej Ġesù. Dan is-Sinodu huwa opportunità biex nagħmlu aħjar minn hekk, negħlbu l-ħitan li għadhom jeżistu bejnietna. Nikkonċentraw fuq l-art komuni tal-Magħmudija komuni tagħna, li tħeġġiġna biex insiru dixxipli missjunarji ta’ Kristu, b’missjoni komuni. Id-dinja għandha bżonn ta’ xhieda komuni, id-dinja għandha bżonn li nkunu fidili għall-missjoni komuni tagħna.
Għeżież ħuti, quddiem il-Kurċifiss San Franġisk ta’ Assisi rċieva s-sejħa li jirrestawra l-Knisja. Is-salib ta’ Kristu jmexxi lilna wkoll, ta’ kuljum, fil-mixja lejn l-għaqda sħiħa, fl-armonija bejnietna u mal-ħolqien kollu, għax “hekk Alla għoġbu li tgħammar fih il-milja kollha; bih Alla għoġbu jerġa’ jħabbeb kollox miegħu; bid-demm tiegħu, imxerred fuq is-salib, ġieb is-sliem permezz tiegħu fis-sema u fl-art” (Kol 1:19-20).
miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard