VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FL-INDONEŻJA, PAPUA NEW GUINEA, TIMOR LESTE, U SINGAPORE

(2-13 ta’ Settembru 2024)

QUDDIESA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU

Spjanata ta’ Taci Tolu (Dili, Timor Leste)

It-Tlieta 10 ta’ Settembru 2024

 

“Tweldilna tifel, ingħatalna iben” (Iż 9:5).

 

Dawn huma l-kelmiet li bihom il-profeta Iżaija, fl-Ewwel Qari, idur fuq dawk li kienu jgħixu Ġerusalemm, f’mument ta’ risq għall-belt, imma b’xorti ħażina kkaratterizzat ukoll minn dekadenza morali kbira.

 

Hemm tant ġid, imma l-benessri jagħmi lis-setgħana, jimlielhom moħħhom li biżżejjed huma għalihom infushom, li ma għandhomx bżonn tal-Mulej, u l-preżunzjoni tagħhom twassalhom biex ikunu egoisti u inġusti. Għalhekk, anki jekk hemm tant ġid, il-foqra huma mwarrba u jbatu l-ġuħ, l-infedeltà tikber u l-prattika reliġjuża tirriduċi ruħha dejjem iżjed għal formalità u xejn iżjed. U hekk il-faċċata qarrieqa ta’ dinja li mal-ewwel daqqa t’għajn tidher perfetta taħbi warajha realtà ħafna iżjed mudlama, ħafna iżjed iebsa u kiefra, li fiha hemm tant bżonn ta’ konverżjoni, ta’ ħniena u ta’ fejqan.

 

Għalhekk il-profeta jħabbar lill-konċittadini tiegħu xefaq ġdid, li Alla se jiftaħ quddiemhom: futur ta’ tama, futur ta’ ferħ, fejn l-oppressjoni u l-gwerra jitwarrbu darba għal dejjem (ara Iż 9:1-4). Se jagħmel li jfeġġ għalihom dawl kbir (ara v. 1) li jeħlishom mid-dlamijiet tad-dnub li taħthom huma magħkusa, u dan se jagħmlu mhux bil-qawwa tal-eżerċti, tal-armi jew tal-għana, imma bid-don ta’ ibnu (ara vv. 5-6).

 

Ejjew nieqfu u nirriflettu fuq din ix-xbieha: Alla li jdawwal bid-dawl tiegħu li jsalva permezz tad-don ta’ iben.

 

It-twelid ta’ wild ġdid kullimkien hu mument ta’ dawl, mument ta’ ferħ u ta’ festa, u xi drabi jqanqal ukoll fina xewqat tajbin, li niġġeddu fit-tajjeb, li nirritornaw għas-safa u għas-sempliċità. Quddiem tarbija tat-twelid, imqar l-aktar qalb iebsa tirtab u timtela bil-ħlewwa. Id-dgħufija ta’ tarbija twassal dejjem messaġġ hekk qawwi li jmiss imqar lill-qlub l-aktar iebsa, u ġġib magħha ċaqliq u xewqat ta’ armonija u ta’ serenità. Kemm hi ħaġa sabiħa, ħuti, dik li sseħħ mat-twelid ta’ tarbija!

 

Il-qrubija ta’ Alla hi permezz ta’ tarbija. Alla jsir tarbija. U mhux biss biex jgħaġġibna u jqanqlilna qalbna, imma anki biex jiftaħhielna għall-imħabba tal-Missier u nintgħaġnu minnha, biex tista’ tfejjaq il-ġrieħi tagħna, issewwi n-nuqqas ta’ ftehim tagħna, terġa’ ġġib l-ordni fil-ħajja tagħna.

 

F’Timor Leste hawn ħaġa sabiħa ħafna, għax hawn ħafna tfal: intom pajjiż żagħżugħ fejn f’kull rokna tħoss tbaqbaq u tfawwar il-ħajja. U dan hu rigal, don kbir: fil-fatt il-preżenza ta’ tant żgħażagħ u tant tfal iġġedded il-ħin kollu l-enerġija u l-ħajja tagħna. Imma iżjed minn hekk hija sinjal, għax li nagħmlu wisa’ għat-tfal, għaċ-ċkejknin, nilqgħuhom, nieħdu ħsiebhom, u niċċekknu aħna wkoll quddiem Alla u quddiem xulxin, dawn huma sewwasew l-atteġġjamenti li jiftħulna qalbna għall-azzjoni tal-Mulej. Meta nsiru tfal inkunu nħallu lil Alla jaħdem fina.

 

Illum qed inqimu lill-Madonna bħala Sultana, jiġifieri l-omm ta’ Sultan, Ġesù, li ried jitwieled ċkejken, isir ħuna, jitlob l-“iva” ta’ xebba umli u dgħajfa (ara Lq 1:38).

 

Marija dan fehmitu, sal-punt li għażlet li tibqa’ ċkejkna ħajjitha kollha, li ssir dejjem iżjed ċkejkna, taqdi, titlob, twarrab min-nofs biex tagħmel wisa’ għal Ġesù, anki meta dan swielha ħafna.

 

Għalhekk, ħuti, ejjew ma nibżgħux niċċekknu quddiem Alla, u quddiem xulxin, ma nibżgħux nitilfu ħajjitna, nagħtu mill-ħin tagħna, nirrevedu l-pjanijiet tagħna u nirridimensjonaw meta jkun meħtieġ anki l-proġetti tagħna, mhux biex inġibuhom fix-xejn, imma biex nagħmluhom isbaħ milli huma permezz tad-don tagħna nfusna u l-akkoljenza tal-oħrajn.

 

Dan kollu hu ssimbolizzat tajjeb ħafna minn żewġ ġiżirani tradizzjonali sbieħ ħafna ta’ din l-art: il-Kaibauk u l-Belak. It-tnejn li huma magħmula minn metall prezzjuż. Jiġifieri huma importanti!

 

L-ewwel wieħed jissimbolizza l-qarn tal-buflu u d-dawl tax-xemx, u jintlibes fl-għoli, bħala tiżjin tal-ġbin, kif ukoll fil-qċaċet tad-djar. Dan jitkellem fuq qawwa, enerġija u ħeġġa, u jista’ jirrappreżenta l-qawwa ta’ Alla, li jagħti l-ħajja. Imma mhux biss: imqiegħed qrib ir-ras, fil-fatt, u fil-quċċata tad-dar, ifakkarna li, bid-dawl tal-Kelma tal-Mulej u bil-qawwa tal-grazzja tiegħu, aħna wkoll nistgħu nikkoperaw bl-għażliet u l-azzjonijiet tagħna fil-pjan kbir tal-fidwa.

 

It-tieni, imbagħad, il-Belak, li jintlibes fuq is-sider, hu kumplimentari għall-ewwel. Ifakkar fid-dawl bati u delikat tal-qamar, li jirrifletti umilment, tul il-lejl, id-dawl tax-xemx, u jdawwar kull ħaġa bi fluworexxenza ħafifa. Jitkellem fuq il-paċi, il-fertilità, il-ħlewwa, u jissimbolizza l-ħlewwa tal-omm, li bir-riflessi delikati ta’ mħabbitha ddawwal dak kollu li tmiss bl-istess dawl li tirċievi mingħand Alla.

 

Kaibauk u Belak, qawwa u ħlewwa ta’ Missier u ta’ Omm: hekk il-Mulej juri r-regalità tiegħu, li ssir imħabba u ħniena.

 

U allura, f’din l-Ewkaristija, ejjew nitolbu flimkien, kull wieħed u waħda minna, bħala nisa u rġiel, bħala Knisja, bħala soċjetà, li nagħrfu nirriflettu fuq id-dinja d-dawl qawwi, id-dawl ħelu ta’ Alla tal-imħabba, ta’ dak Alla li, kif tlabna fis-Salm Responsorjali, “iqajjem mit-trab l-imsejken, u jerfa’ mill-miżbla l-fqajjar, biex mal-kbarat iqiegħdu […]” (Salm 113:7-8).

 

* * *

 

Għeżież ħuti,

 

Ħsibt fit-tul: liema hi l-aqwa ħaġa li għandu Timor? Is-siġra tas-sandlu? Il-ħawħa? Mhux din l-aqwa ħaġa. L-aqwa ħaġa hi l-poplu tiegħu. Ma nistax ninsa n-nies li rajt fil-ġnub tat-triq, bit-tfal magħhom. Kemm għandkom tfal! Il-poplu, li l-aħjar ħaġa li għandu hi t-tbissima tat-tfal tiegħu. U poplu li jgħallem lit-tfal jitbissmu hu poplu li għandu futur quddiemu.

 

Imma attenti! Għax qaluli li f’xi xtajtiet qed jiġu l-kukkudrilli; il-kukkudrilli jiġu bl-għawm u għandhom gidma iktar b’saħħitha milli nistgħu nifilħu għaliha aħna. Attenti! Attenti għal dawk il-kukkudrilli li jridu jibdlulkom il-kultura, li jridu jibdlulkom l-istorja. Ibqgħu fidili. U tersqux wisq lejn dawk il-kukkudrilli għax jigdmu, u jigdmu ħafna.

 

Nawguralkom il-paċi. Nawguralkom li jibqa’ jkollkom ħafna tfal: li t-tbissima ta’ dan il-poplu jkunu t-tfal tiegħu! Ħudu ħsieb tat-tfal tagħkom; imma ħudu ħsieb ukoll tal-anzjani tagħkom, li huma l-memorja ta’ din l-art.

 

Grazzi, grazzi ħafna tal-imħabba tagħkom, tal-fidi tagħkom. Ibqgħu mexjin fit-tama!

 

U issa nitolbu lill-Mulej iberikna lkoll, u mbagħad inkantaw għanja lill-Verġni Marija.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard