FTUĦ TAL-ASSEMBLEA ĠENERALI ORDINARJA TAS-SINODU TAL-ISQFIJIET
L-ANĠLI KUSTODJI MQADDSA – QUDDIESA
KAPPELLA PAPALI
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
Pjazza San Pietru
L-Erbgħa 2 ta’ Ottubru 2024
Illum qed niċċelebraw it-Tifkira liturġika tal-Anġli Kustodji Mqaddsa, u nerġgħu niftħu s-Sessjoni plenarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet. Aħna u nisimgħu dak li tissuġġerilna l-Kelma ta’ Alla, nistgħu allura nieħdu spunt minn tliet xbihat għar-riflessjoni tagħna: il-leħen, il-kenn u t-tfajjel.
L-ewwel, il-leħen. Fil-mixja lejn l-Art imwiegħda, Alla jirrakkomanda lill-poplu li jisma’ “leħen l-anġlu” li hu bagħatlu (ara Eż 23:20-22). Hija xbieha li tmissna mill-qrib, għax anki s-Sinodu huwa mixja, li fiha l-Mulej iqiegħed f’idejna l-istorja, il-ħolm u t-tamiet ta’ Poplu kbir: ta’ aħwa mxerrda f’kull rokna tad-dinja, imqanqla mill-istess fidi tagħna, mill-istess xewqa għall-qdusija, sabiex magħhom u għalihom infittxu li nifhmu liema triq għandna nimxu biex naslu hemm fejn hu jrid jeħodna. Imma kif nistgħu, aħna, nagħtu widen għal “leħen l-anġlu”?
Ċertament triq minnhom hi dik li nersqu b’rispett u attenzjoni, fit-talb u fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla, lejn il-kontributi kollha miġbura f’dawn it-tliet snin ta’ ħidma, ta’ qsim, ta’ konfront u ta’ sforz paċenzjuż ta’ purifikazzjoni tal-moħħ u tal-qalb. Bl-għajnuna tal-Ispirtu s-Santu, nagħtu widen u nifhmu l-ilħna, jiġifieri l-ideat, l-istennijiet, il-proposti, biex niddixxernu flimkien il-leħen ta’ Alla li jkellem lill-Knisja (ara Renato Corti, Quale prete?, Appunti inediti). Kif fakkarna kemm-il darba, din tagħna mhijiex assemblea parlamentari, imma post ta’ smigħ fil-komunjoni, li fih, kif jgħid San Girgor il-Kbir, dak li wieħed għandu fih parzjalment, l-ieħor għandu b’mod sħiħ, u għalkemm xi wħud għandhom doni partikulari, kollox hu tal-aħwa fil-“karità tal-Ispirtu” (ara Omeliji fuq il-Vanġeli, XXXIV).
Biex iseħħ dan hemm kundizzjoni: li ninħelsu minn dak li, fina u bejnietna, jista’ jżomm il-“karità tal-Ispirtu” milli toħloq armonija fid-diversità. Ma jistax jisma’ l-leħen tal-Mulej min b’arroganza jippresumi u jippretendi li għandu l-esklussiva tiegħu (ara Mk 9:38-39). Kull kelma għandha tiġi milqugħa bi gratitudni u b’sempliċità, biex issir eku ta’ dak li Alla ta għall-ġid tal-aħwa (ara Mt 10:7-8). Fil-konkret, naraw li ma nibdlux il-kontributi tagħna f’ebusija tar-ras li rridu niddefendu jew aġendi li rridu nimponu, imma noffruhom bħala doni li rridu naqsmuhom, lesti wkoll li nissagrifikaw dak li hu partikulari, jekk dan jista’ jservi biex inwelldu flimkien xi ħaġa ġdida skont il-proġett ta’ Alla. Inkella nispiċċaw ningħalqu fi djalogi bejn it-torox, fejn kull wieħed ifittex li “jmexxi l-kawża tiegħu” bla ma jisma’ lill-oħrajn, u fuq kollox bla ma jisma’ l-leħen tal-Mulej.
Is-soluzzjonijiet għall-problemi li rridu naffrontaw ma humiex f’idejna, imma għandu Hu (ara Ġw 14:6), u niftakru li fid-deżert ma tiċċajtax: jekk ma noqogħdux attenti għall-gwida, għax nippretendu li waħidna ħa naslu, nistgħu mmutu bil-ġuħ u bil-għatx, u nkaxkru magħna anki lill-oħrajn. Ejjew mela nagħtu widen għal-leħen ta’ Alla u tal-anġlu tiegħu, jekk tassew irridu nimxu fiż-żgur il-mixja tagħna lil hemm mil-limitazzjonijiet u d-diffikultajiet (ara Salm 23:4).
U dan iwassalna għat-tieni xbieha: il-kenn. Is-simbolu hu dak tal-ġwienaħ li jħarsu: “Taħt ġwenħajh tistkenn” (Salm 91:4). Huma strumenti b’saħħithom il-ġwienaħ, li kapaċi jerfgħu ġisem mill-art biċ-ċaqliq b’saħħtu tagħhom. Imma, imqar jekk daqshekk b’saħħithom, jistgħu anki jitbaxxew u jinġabru, u jsiru tarka u bejta li tilqa’ fiha liċ-ċkejknin, dawk fil-bżonn tas-sħana u l-protezzjoni.
Dan huwa simbolu ta’ dak li Alla jagħmel għalina, imma huwa wkoll mudell li nimxu fuqu, b’mod partikulari f’dan il-mument ta’ miġemgħa. Fostna, għeżież ħuti, hemm ħafna persuni b’saħħithom, ippreparati, kapaċi jogħlew fil-għoli bil-movimenti ħajja ta’ riflessjonijiet u intuwizzjonijiet ġenjali. Dan kollu huwa għana, li jistimulana, jimbuttana, xi drabi jġagħalna naħsbu b’mod aktar miftuħ u biex nimxu ’l quddiem b’determinazzjoni, kif ukoll jgħinna nibqgħu sħaħ fil-fidi anki quddiem sfidi u diffikultajiet. Il-qalb miftuħa, il-qalb fi djalogu. Mhijiex tal-Ispirtu tal-Mulej qalb magħluqa fil-konvinzjonijiet tagħha, din mhijiex ġejja mill-Mulej. Huwa don li wieħed jinfetaħ, don li, fiż-żmien opportun, għandu jingħaqad mal-kapaċità li wieħed jirrilassa l-muskoli u jitbaxxa, biex noffru ruħna lil xulxin bħala tħaddina li tilqa’ u post ta’ kenn: biex inkunu, kif qal San Pawlu VI, “dar […] ta’ aħwa, laboratorju ta’ ħidma intensa, ċenaklu ta’ spiritwalità mkebbsa” (Diskors lill-Kunsill tal-Presidenza taċ-CEI, 9 ta’ Mejju 1974).
Kull wieħed, hawn, iħossu liberu li jesprimi ruħu b’mod spontanju u ħieles, daqskemm iżjed iħoss madwaru l-preżenza ta’ ħbieb li jridulu l-ġid u li jirrispettaw, japprezzaw u jixtiequ jisimgħu dak li għandu xi jgħid.
U din għalina mhijiex biss teknika ta’ “faċilitazzjoni” – huwa minnu li fis-Sinodu hemm il-“faċilitaturi”, imma dan biex jgħinuna nibqgħu mexjin tajjeb ’il quddiem –, mhijiex biss teknika ta’ faċilitazzjoni tad-djalogu jew dinamika ta’ komunikazzjoni tal-grupp: li tħaddan, tipproteġi u tieħu ħsieb hija fil-fatt parti min-natura nfisha tal-Knisja. Inħaddnu, nipproteġu u nieħdu ħsieb. Il-Knisja b’vokazzjoni tagħha hi post li jilqa’ u jiġbor flimkien, fejn “il-karità kolleġġjali tesiġi armonija perfetta, li minnha toħroġ il-qawwa morali tagħha, il-ġmiel spiritwali tagħha, l-eżemplarità tagħha” (ibid.). Dik il-kelma hi importanti ħafna, l-“armonija”. Ma hemmx maġġoranza, minoranza: dan jista’ jkun l-ewwel pass. Dak li jiswa, dak li hu fundamentali hu l-armonija, l-armonija li jista’ jġib biss l-Ispirtu s-Santu. Huwa l-imgħallem tal-armonija, li b’tant differenzi kapaċi joħloq vuċi waħda, b’tant ilħna differenti. Ejjew naħsbu fl-għodwa ta’ Għid il-Ħamsin, kif l-Ispirtu ħoloq dik l-armonija fid-differenzi. Il-Knisja għandha bżonn ta’ “postijiet paċifiċi u miftuħa”, li toħloqhom qabelxejn fil-qlub, fejn kulħadd iħossu milqugħ bħala iben f’ħoġor ommu (ara Iż 49:15; 66:13) u bħal tarbija merfugħa ma’ wiċċ missierha (ara Hos 11:4; Salm 103:13).
U niġu hekk għat-tielet xbieha: it-tfajjel. Huwa Ġesù nnifsu, fil-Vanġelu, li “qiegħdu fin-nofs”, urieh lid-dixxipli, u stedinhom jikkonvertu u jiċċekknu bħalu. Huwa kienu staqsewh min kien l-ikbar fis-Saltna tas-smewwiet: hu jwieġeb billi jħeġġiġhom jiċċekknu bħal tfajjel. Imma mhux biss: iżid ukoll li min jilqa’ tfajjel f’ismu jkun jilqa’ lilu (ara Mt 18:1-5).
U għalina dan il-paradoss hu fundamentali. Is-Sinodu, meta tqis l-importanza tiegħu, f’ċertu sens qed jitlobna li nkunu “kbar” – fil-ħsieb, fil-qalb, fil-veduti –, għax huma “kbar” u delikati l-kwistjonijiet x’nittrattaw, u wiesgħa, universali ix-xenarji li fihom jinsabu. Imma proprju għalhekk ma nistgħux nippermettu li naqilgħu għajnejna minn fuq it-tfajjel, li Ġesù jissokta jqiegħed fiċ-ċentru tal-laqgħat tagħna u tal-imwejjed tax-xogħol tagħna, biex ifakkarna li l-unika triq biex inkunu “għall-altezza” li nwettqu l-ħidma li hi fdata f’idejna, hi dik li nitbaxxew, niċċekknu u nilqgħu lil xulxin bħala tali, b’umiltà. L-ogħla fil-Knisja hu dak li jitbaxxa l-iżjed.
Niftakru li proprju billi jiċċekken li Alla “jurina x’inhu l-kobor veru, anzi, xi jfisser tkun Alla” (Benedittu XVI, Omelija fil-Festa tal-Magħmudija tal-Mulej, 11 ta’ Jannar 2009). Mhux ta’ b’xejn Ġesù jgħid li l-anġli tat-tfal “dejjem jaraw wiċċ Missieri li jinsab fis-smewwiet” (Mt 18:10): li huma, allura, bħal “teleskopju” tal-imħabba tal-Missier.
Ħuti, ejjew nerġgħu naqbdu din il-mixja ekkleżjali b’ħarsa fuq id-dinja, għax il-komunità Nisranija dejjem hi għall-qadi tal-umanità, biex inħabbru lil kulħadd il-ferħ tal-Vanġelu. Hemm bżonn tiegħu, aktar u aktar f’din is-siegħa drammatika tal-istorja tagħna, meta l-irjieħ tal-gwerra u n-nirien tal-vjolenza qed ikomplu jħawdu popli u Nazzjonijiet sħaħ.
Biex mill-interċessjoni ta’ Marija Santissma nitolbu d-don tal-paċi, il-Ħadd li ġej se mmur fil-Bażilika ta’ Santa Maria Maggiore fejn ngħid ir-Rużarju mqaddes u nagħmel lill-Verġni talba mqanqla; jekk possibbli, nitlob lilkom ukoll, membri tas-Sinodu, biex tingħaqdu miegħi f’dik l-okkażjoni.
U l-għada, 7 ta’ Ottubru, nitolbu lilkom ilkoll tgħixu jum ta’ talb u ta’ sawm għall-paċi fid-dinja.
Nimxu flimkien. Nagħtu widen għall-Mulej. U nħallu l-fewġa tal-Ispirtu tmexxina.
miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard