VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

F’LUSSEMBURGU U L-BELĠJU

(26-29 ta’ Settembru 2024)

QUDDIESA U BEATIFIKAZZJONI

TAL-VENERABBLI QADDEJJA TA’ ALLA ANNE DE JÉSUS

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA 

Stadju “Re Baldwinu” (Brussell)

Il-Ħadd 29 ta’ Settembru 2024

 

“Min jagħti skandlu lil wieħed minn dawn iċ-ċkejknin li jemmnu fija, ikun jaqbillu jekk jorbtulu ma’ għonqu ġebla tat-tħin minn dawk li jdawru l-ħmir u jixħtuh fil-baħar” (Mk 9:42). B’dawn il-kelmiet, li qal lid-dixxipli tiegħu, Ġesù jwissihom dwar il-periklu tal-iskandlu, jiġifieri ta’ min ixekkel il-mixja u jfieri l-ħajja taċ-“ċkejknin”. Hi twissija qawwija, twissija severa, li dwarha rridu nieqfu u nirriflettu. Nixtieq nagħmel dan magħkom, fid-dawl ukoll tal-Kitbiet imqaddsa l-oħra, permezz ta’ tliet kelmiet-muftieħ: ftuħ, komunjoni u xhieda.

 

Fil-bidu, il-ftuħ. Ikellmuna dwarha l-Ewwel Qari u l-Vanġelu, li juruna l-azzjoni ħielsa tal-Ispirtu s-Santu li, fir-rakkont tal-eżodu, jimla bid-don tiegħu tal-profezija mhux biss lill-anzjani li marru ma’ Mosè fit-tinda tal-laqgħa, imma anki lil żewġt irġiel li kienu baqgħu fil-kamp.

 

Dan iġagħalna naħsbu, għax, jekk għall-ewwel kien skandaluż in-nuqqas tagħhom fil-grupp tal-magħżulin, wara d-don tal-Ispirtu s-Santu jsir skandaluż li ma jitħallewx iħaddmu l-missjoni li, minkejja dan, huma rċevew. Dan jifhmu tajjeb Mosè, bniedem umli u għaref, li b’noħħ u qalb miftuħa jgħid: “Jalla l-poplu tal-Mulej ikun kollu profeti, u jalla l-Mulej iqiegħed fuqhom l-ispirtu tiegħu!” (Num 11:29). X’awgurju mill-isbaħ!

 

Huma kelmiet ta’ bniedem għaref, li jintroduċuna għal dak li Ġesù jistqarr fil-Vanġelu (ara Mk 9:38-43,45,47-48). Hawn ix-xena sseħħ f’Kafarnahum, u d-dixxipli riedu huma wkoll iżommu lil wieħed raġel milli jkeċċi x-xjaten f’isem l-Imgħallem, għax – jgħidu – “hu mhuwiex wieħed tagħna” (Mk 9:38), jiġifieri “mhux mill-grupp tagħna”. Hekk jaħsbuha huma: “Min mhux miexi magħna, min mhux minn ‘ta’ ġewwa’, ma jistax jagħmel mirakli, m’għandux dritt”. Imma Ġesù jissorprendihom – bħal dejjem, Ġesù dejjem jissorprendina – u dan jissorprendihom u jċanfarhom, u jistedinhom imorru lil hemm mill-iskemi tagħna, biex ma “niskandalizzawx ruħna” bil-libertà ta’ Alla. Jgħidilhom: “La żżommuhx, le […]. Għax min mhuwiex kontra tagħna, huwa magħna” (Mk 9:39-40).

 

Ejjew nosservaw tajjeb dawn iż-żewġ xeni, dik ta’ Mosè u dik ta’ Ġesù, għax jolqtu wkoll lilna u l-ħajja Nisranija tagħna. Fil-fatt, ilkoll kemm aħna, bil-Magħmudija, irċivejna missjoni fil-Knisja. Imma dan hu don, mhux xi titlu biex noqogħdu niftaħru bih. Il-Komunità ta’ dawk li jemmnu mhix xi ċirku ta’ pprivileġġjati, imma hija familja ta’ mifdijin, u aħna ma aħniex mibgħutin biex inwasslu l-Vanġelu fid-dinja b’mertu tagħna, imma bi grazzja ta’ Alla, bil-ħniena tiegħu u bil-fiduċja li, lil hemm mil-limiti u d-dnubiet kollha tagħna, hu jkompli jimliena bl-imħabba ta’ Missier, jara fina dak li aħna stess ma jirnexxilniex nilmħu. Għalhekk hu jsejħilna, jibgħatna u jseħibna bis-sabar jum wara jum.

 

U allura, jekk irridu nikkoperaw, bi mħabba miftuħa u premuruża, mal-azzjoni ħielsa tal-Ispirtu mingħajr ma nkunu ta’ skandlu, ta’ xkiel għal ħadd bil-preżjuzjoni u r-riġidità tagħna, għandna bżonn inwettqu l-missjoni tagħna b’umiltà, gratitudni u ferħ. Ma għandux idejjaqna, imma pjuttost iferraħna l-fatt li anki oħrajn jistgħu jagħmlu dak li nagħmlu aħna, biex tikber is-Saltna ta’ Alla u biex għad inkunu lkoll magħqudin, jum wieħed, f’dirgħajn il-Missier.

 

U dan iwassalna għat-tieni kelma: komunjoni. Dwar din ikellimna San Ġakbu fit-Tieni Qari (ara Ġak 5:1-6) b’żewġ xbihat qawwija: il-ġid li jitħassar (ara v. 3), u l-biki ta’ dawk il-ħassada li jasal f’widnejn il-Mulej tal-eżerċti (ara v. 4). U hekk ifakkarna li l-unika triq tal-ħajja hi dik tal-għotja, tal-imħabba li tgħaqqadna fil-qsim ma’ xulxin. It-triq tal-egoiżmu ġġib biss għeluq, ħitan u ostakli – “skandli”, appuntu – iżżommna marbutin mal-ħwejjeġ u tbegħidna minn Alla u minn ħutna.

 

L-egoiżmu, bħal dak kollu li jżomm lura l-imħabba, hu “skandaluż” għax ikisser liċ-ċkejknin, ibaxxi d-dinjità tal-persuni u jifga l-karba tal-foqra (ara Salm 9:13). U dan kien jgħodd għal żmien San Pawl kif jgħodd għalina llum. Ejjew naħsbu, ngħidu aħna, f’dak li jseħħ meta fil-bażi tal-ħajja tal-individwi u tal-komunitajiet ikun biss il-prinċipji tal-interess u l-loġika tas-suq (ara Eżortazzjoni Appostolika Evangelii gaudium, 54-58). Tinħoloq dinja li fiha ma għadx hemm wisa’ għal min jinsab f’diffikultà, lanqas ħniena għal min jiżbalja, lanqas kompassjoni għal min isofri u mhux jirnexxilu jlaħħaq. Ma hemmx.

 

Ejjew naħsbu x’jiġri meta ċ-ċkejknin jiġu skandalizzati, milquta, abbużati minn dawk li suppost jieħdu ħsiebhom, fil-ġrieħi ta’ tbatija u ta’ impotenza qabelxejn fil-vittmi, imma anki fil-familjari tagħhom u fil-komunità. Bi ħsiebi u qalbi nerġa’ lura għall-ġrajjiet ta’ wħud minn dawk iċ-“ċkejknin” li ltqajt magħhom ilbieraħ tlula. Smajthom, smajt it-tbatija tagħhom ta’ abbużati u qed intenni hawn: fil-Knisja hemm post għal kulħadd, kulħadd, kulħadd, imma lkoll għad inkunu ġġudikati u ma hemmx post għall-abbuż, ma hemmx post għal min jgħatti l-abbuż. Qed nitlob lil kulħadd: la tgħattux abbużi! Nitlob lill-isqfijiet: tgħattux abbużi! Nikkundannaw lil min jabbuża u ngħinuh ifiq minn din il-marda tal-abbuż. Il-ħażen ma għandux jiġi moħbi: il-ħażen għandna nikxfuh, ħa jinkixef, kif għamlu xi wħud minn dawk abbużati u bil-kuraġġ. Ħa jinkixef. U ħa jiġi ġġudikat min abbuża. Ħa jiġi ġġudikat min abbuża, sew jekk lajka, lajk, qassis jew isqof: ħa jiġi ġġudikat.

 

Il-Kelma ta’ Alla hi ċara: tgħid li “l-biki ta’ dawk li ħasdu” u l-“karba tal-foqra” ma jistgħux jiġu injorati, ma jistgħux jiġu kkanċellati, bħallikieku kienu n-nota stunata fil-kunċert perfett tad-dinja tal-benessri, lanqas tista’ titnaqqas mill-gravità tagħhom b’xi xorta ta’ assistenzjaliżmu tal-qoxra. Bil-maqlub, huma leħen ħaj tal-Ispirtu, ifakkarna li aħna – ilkoll aħna midinba foqra, ilkoll, l-ewwel wieħed jien –; u l-persuni abbużati huma lament li jitla’ lejn is-sema, li jmiss ir-ruħ, li jġagħalna nistħu u jsejħilna biex nikkonvertu. Ejjew ma nxekklux il-leħen profetiku tagħhom, billi nsikktuh bl-indifferenza tagħna. Nagħtu widen għal dak li jgħid Ġesù fil-Vanġelu: ħa nbiegħdu minna l-għajn skandaluża, li tara l-fqajjar u titfa’ ħarsitha band’oħra! Inbiegħdu minna l-id skandaluża, li tingħalaq ponn biex taħbi t-teżori tagħha u tixxaħħaħ fil-bwiet tagħha! Imma n-nanna kienet tgħidli: “Ix-xitan jidħol mill-bwiet”. Dik l-id li tolqot biex twettaq abbuż sesswali, abbuż ta’ poter, abbuż ta’ kuxjenza kontra min hu dgħajjef. U kemm każi ta’ abbuż għandna fl-istorja tagħna, fis-soċjetà tagħna! Ħa nbiegħdu minna r-riġel skandaluż, li jiġri mgħaġġel biex ma jersaqx qrib ta’ min qed ibati, imma biex “jgħaddi ’l hemm” u jibqa’ mbiegħed! Inbiegħdu dan kollu: bogħod minna! Xejn tajjeb u f’saħħtu ma jinbena hekk! U mistoqsija li nħobb nagħmel lill-persuni: “Int tagħti karità?” – “Iva, Dun, iva!” – “U għidli, meta tagħti karità, inti tmiss l-id tal-persuna fqira, jew tixħitha hekk u tħares in-naħa l-oħra? Int tħares f’għajnejn il-persuni li qed ibatu?”. Naħsbu ftit f’dan.

 

Jekk irridu niżirgħu għall-futur, anki fuq livell soċjali u ekonomiku, nagħmlu tajjeb nerġgħu lura ħa nqiegħdu fil-bażi tal-għażliet tagħna l-Vanġelu tal-ħniena. Ġesù huwa l-ħniena. Ilkoll kemm aħna, ilkoll, saret ħniena magħna. Mill-bqija, jidhru kemm jidhru imponenti, il-monumenti tal-għana tagħna dejjem se jkunu statwi grandjużi b’riġlejn tat-tafal (ara Dan 2:31-45). Ejjew ma nitqarrqux: mingħajr imħabba xejn ma hu fit-tul, kollox jgħib, kollox jiżżarma, u jħallina lsiera ta’ ħajja li taħarbilna, vojta u bla sens, ta’ dinja inkonsistenti li, lil hemm mill-faċċati, tilfet kull kredibbiltà, għaliex? Għax skandalizzat liċ-ċkejknin.

 

U hekk niġu għat-tielet kelma: xhieda. Nistgħu nieħdu spunt, dwar hekk, mill-ħajja u l-ħidma ta’ Anna ta’ Ġesù, Anna de Lobera, fil-jum tal-Beatifikazzjoni tagħha. Din il-mara kienet fost il-protagonisti, fil-Knisja ta’ żmienha, ta’ moviment kbir ta’ riforma, fuq il-passi ta’ “ġgant tal-ispirtu” – Tereża ta’ Avila –, li tagħha xerrdet l-ideali fi Spanja, fi Franza u anki hawn, fi Brussell, u f’dawk li dak iż-żmien kienu msejħa l-Pajjiżi Baxxi Spanjoli.

 

Fi żmien immarkat minn skandli tal-biża’, fil-komunità Nisranija u anki barra, hi u sħabha, bil-ħajja sempliċi u fqira tagħhom, magħmula minn talb, ħidma u karità, għarfu jerġgħu jġibu l-fidi lil tant persuni, sal-punt li xi ħadd sejjaħ lill-fondazzjoni tagħhom f’din il-belt “kalamita spiritwali”.

 

B’għażla, ma ħallietx kitbiet warajha. Imma ħabirket biex tqiegħed fil-prattika dak li kienet tgħallmet hi (ara 1 Kor 15:3), u bil-mod ta’ ħajja tagħha tat sehem biex terġa’ ġġib il-Knisja fuq saqajha f’mument ta’ diffikultà kbira.

 

Mela ejjew nilqgħu b’rikonoxxenza l-mudell ta’ “qdusija femminili” li ħallitilna (ara Eżortazzjoni Appostolika Gaudete et exsultate, 12), delikata u qawwija, imsawra minn ftuħ, minn komunjoni u minn xhieda. Nirrakkomandaw ruħna fit-talb tagħha, nimitaw il-virtujiet tagħha u nġeddu magħha l-impenn tagħna biex nimxu flimkien fuq il-passi tal-Mulej.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard