ID-XXXIX-IL JUM DINJI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
Solennità ta’ Sidna Ġesù Kristu Sultan tal-Univers
Il-Ħadd 24 ta’ Novembru 2024
Fi tmiem is-sena liturġika l-Knisja tiċċelebra s-Solennità ta’ Sidna Ġesù Kristu, Sultan tal-Univers. Tistedinna nħarsu lejh, inħarsu lejn il-Mulej, il-bidu u l-milja ta’ kollox (ara Kol 1:16-17), li “saltnatu li ma tinqeridx” (Dan 7:14).
Hija kontemplazzjoni li televa u tħeġġeġ. Imma mbagħad jekk inħarsu madwarna, dak li naraw jidher differenti, u fina jistgħu jitqanqlu mistoqsijiet inkwetanti. X’ngħidu fuq il-gwerer, il-vjolenzi, id-diżastri ekoloġiċi? U x’naħsbu fuq il-problemi li intom ukoll, għeżież żgħażagħ, ikollkom tħabbtu wiċċkom magħhom, meta tħarsu lejn il-futur: il-prekarjetà tax-xogħol, l-inċertezza ekonomika u mhux biss, il-firdiet u d-differenzi li jippolarizzaw is-soċjetà? Għaliex qed jiġri dan kollu? U x’nistgħu nagħmlu biex ma nħalluhomx jgħaffġuna? Huwa minnu, dawn huma mistoqsijiet diffiċli, imma huma mistoqsijiet importanti.
Għalhekk illum, waqt li fil-Knejjes kollha qed niċċelebraw il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, jien nixtieq nipproponi speċjalment lilkom iż-żgħażagħ, fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla, li tirriflettu fuq tliet aspetti, li jistgħu jgħinuna nibqgħu mexjin ’il quddiem bil-kuraġġ fil-mixja tagħna, qalb l-isfidi li niltaqgħu magħhom. U dawn l-aspetti huma: l-akkużi, il-kunsensi u l-verità. L-akkużi, il-kunsensi u l-verità.
L-ewwel: l-akkużi. Il-Vanġelu tal-lum jippreżentalna lil Ġesù fil-pożizzjoni tal-imputat (ara Ġw 18:33-37). Jinsab – kif ngħidu – “fl-iżbarra”, fil-qorti. Hemm jinterrogah Pilatu, ir-rappreżentant tal-Imperu Ruman, li fih nistgħu naraw miġbura l-poteri kollha li tul l-istorja jgħaffġu lill-popli bis-saħħa tal-armi. Pilatu ma jinteressahx minn Ġesù. Imma hu jaf li n-nies tiġri warajh, u żżommu bħala gwida, mgħallem, il-Messija, u l-Prokuratur ma jistax jippermetti li xi ħadd joħloq għagħa u taħwid fil-“paċi militarizzata” tad-distrett tiegħu. Għalhekk jikkuntenta lill-għedewwa potenti ta’ dan il-profeta li ma għandu lil ħadd min jiddefendih: jipproċessah u jhedded li jikkundannah għall-mewt. U Hu, li dejjem ipprietka biss il-ġustizzja, il-ħniena u l-maħfra, ma jibżax, ma jħallix lil min jintimidah, u lanqas jirribella: Ġesù jibqa’ fidil għall-verità li ħabbar, fidil sas-sagrifiċċju ta’ ħajtu.
Għeżież żgħażagħ, forsi xi drabi jista’ jiġri lilkom ukoll li tispiċċaw “taħt akkuża” minħabba l-fatt li intom timxu wara Ġesù. L-iskola, mal-ħbieb, fl-ambjenti li tiffrekwentaw, jista’ jkun hemm min irid iġagħalkom tħossukom fl-iżball għax intom fidili għall-Vanġelu u għall-valuri tiegħu, għax ma tomologizzawx ruħkom, ma tbaxxux raskom biex tagħmlu bħall-oħrajn kollha. Imma intom la tibżgħux mill-“kundanni”, tinkwetawx: illum jew għada l-kritika u l-akkużi foloz jaqgħu u l-valuri superfiċjali li jweżnuhom jinkixfu għal dak li huma, illużjonijiet. Għeżież żgħażagħ, attenti biex ma tħallux l-illużjonijiet isakkrukom. Nitlobkom, kunu konkreti. Ir-realtà hi konkreta. Attenti mill-illużjonijiet.
Dak li jibqa’, kif jgħallimna Kristu, hu ħaġa oħra: huma l-opri tal-imħabba. Dan hu dak li jibqa’ u li jagħmel il-ħajja sabiħa! Il-bqija ma jiswiex. L-imħabba konkreta fl-opri. Għalhekk, intennilkom: la tibżgħux mill-“kundanni” tad-dinja. Komplu ħobbu! Imma ħobbu fid-dawl tal-Mulej, agħtu l-ħajja biex tgħinu lill-oħrajn.
U niġu għat-tieni punt: il-kunsens. Ġesù jafferma: “Is-saltna tiegħi mhijiex ta’ din id-dinja” (Ġw 18:36). Xi jrid jgħid Ġesù b’dan? “Is-saltna tiegħi mhijiex ta’ din id-dinja”? Għaliex ma jagħmel xejn biex jiggarantixxi s-suċċess tiegħu, biex jintgħoġob mas-setgħanin, biex jikseb l-appoġġ għall-programm tiegħu? Għax ma jagħmilx hekk? Kif jista’ jaħseb li ħa jibdel l-affarijiet mill-pożizzjoni ta’ “tellief”? Fir-realtà, Ġesù jġib ruħu hekk għax jirrifjuta kull loġika ta’ poter (ara Mk 10:42-45). Ġesù hu ħieles minn dan kollu!
U intom ukoll, għeżież żgħażagħ, tagħmlu sew issegwu l-eżempju tiegħu, ma tiddakkrux mill-manija – illum tant mifruxa –, il-manija li jarawkom, japprovawkom u jfaħħrukom l-oħrajn. Min iħalli dawn il-fissazzjonijiet jirkbuh, jispiċċa jgħix dejjem b’nifsu maqtugħ. Jirriduċi ruħu għall-“igguffar” biex jgħaddi, jikkompeti, jagħmel tabirrħu xi ħadd ieħor, jinżel għall-kompromessi, ibigħ l-ideali tiegħu biex jikseb imqar ftit approvazzjoni u viżibbiltà. Nitlobkom, attenti għal dan. Id-dinjità tagħkom mhix għall-bejgħ. Ma tinbiegħx! Attenti.
Imma Alla jħobbkom kif intom, mhux kif tidhru: quddiemu l-ħolm safi tagħkom jiswa aktar mis-suċċess u mill-fama – jiswa iktar –, u s-sinċerità tal-intenzjonijiet tagħkom tiswa iktar mill-kunsensi. Tħallux jingannakom min, waqt li jitmagħkom wegħdiet battala, fir-realtà jrid biss jinqeda bikom, jikkundizzjonakom u jużakom għall-interessi tiegħu. Attenti mill-istrumentalizzazzjonijiet. Attenti. Attenti biex ma tiġux ikkundizzjonati. Kunu liberi, imma liberi f’armonija mad-dinjità tagħkom. Tikkuntentawx ruħkom li tkunu “stilel għal ġurnata”, stilel fuq il-mezzi soċjali jew f’kull kuntest ieħor! Jien niftakar, darba waħda, f’art twelidi, żagħżugħa li riedet min jinnotaha – kienet sabiħa. U biex tmur għal festa żebgħet wiċċha kollu. Għaddieli ħsieb: “Wara l-irtokk, x’jibqa’?”. La tirtukkjawx ruħkom, la tirtukkjawx qalbkom; kunu dak li intom: sinċiera, trasparenti. Tkunux “stilel għal ġurnata” fuq il-mezzi soċjali jew f’kull kuntest ieħor. Is-sema li fih intom imsejħa tiddu hu ikbar: huwa s-sema tal-imħabba, huwa s-sema ta’ Alla, l-imħabba infinita tal-Missier riflessa f’tant dwal żgħar: fl-imħabba fidila tal-miżżewġin, fil-ferħ innoċenti tat-tfal, fl-entużjażmu taż-żgħażagħ, fil-kura tal-anzjani, fil-ġenerożità tal-ikkonsagrati, fil-karità mal-foqra, fl-onestà tax-xogħol. Aħsbu f’dawn l-affarijiet, li jsaħħukom, intom iż-żgħażagħ kollha. Dawn id-dwal żgħar: l-imħabba fidila tal-miżżewġin – ħaġa sabiħa –, il-ferħ innoċenti tat-tfal – hu ferħ sabiħ dan! –; l-entużjażmu taż-żgħażagħ – kunu mħeġġa, intom ilkoll! –; il-kura tal-anzjani. Mistoqsija: intom tieħdu ħsiebhom l-anzjani? Tmorru tarawhom lin-nanniet? Kunu ġenerużi fil-ħajja tagħkom u karitatevoli mal-foqra, fl-onestà tax-xogħol. Dan hu s-sema veru, li fih niddu bħal kwiekeb fid-dinja (ara Fil 2:15): u nitlobkom, tagħtux widen lil min jigdeb, għax jgħidilkom il-maqlub! Ma humiex il-kunsensi li ħa jsalvaw id-dinja, jew li jagħmluna ferħana. Dak li jsalva d-dinja hu l-gratwità tal-imħabba. U l-imħabba ma tinxtarax, ma tinbiegħx: hi b’xejn, hi għotja tagħna nfusna.
U għalhekk niġu għat-tielet punt: il-verità. Kristu ġie fid-dinja “biex jixhed għall-verità” (Ġw 18:37), u dan għamlu biex għallimna nħobbu lil Alla u lil ħutna (ara Mt 22:34-40; 1 Ġw 4:6-7). Huwa biss hemm, fil-fatt, fl-imħabba, li ssib id-dawl u s-sens l-eżistenza tagħna (ara 1 Ġw 2:9-11). Inkella nibqgħu lsiera ta’ gidba kbira. U liema hi l-ikbar gidba? Dik tal-“jien” li hu biżżejjed għalija nnifsi (ara Ġen 3:4-5), għajn ta’ kull inġustizzja u diqa. Il-“jien” li jdur fuqu nnifsu – jien, miegħi, dejjem “jien” – u ma hux kapaċi jħares lejn l-oħrajn, jiddjaloga mal-oħrajn. Attenti għal din il-marda tal-“jien” li jdur fuqu nnifsu.
Kristu, li hu triq, verità u ħajja (ara Ġw 14:6), li tneżża’ minn kollox u miet għeri fuq is-salib għas-salvazzjoni tagħna, jgħallimna li fl-imħabba biss nistgħu ngħixu, nikbru u nwarrdu fid-dinjità sħiħa tagħna (ara Efes 4:15-16). Inkella, kif kiteb lil ħabibu l-Beatu Pier Giorgio Frassati – żagħżugħ bħalkom – ma nibqgħux ngħixu iżjed, imma “kemm ngħadduha” (ara Ittra lil Isidoro Bonini, 27 ta’ Frar 1925). Aħna rridu ngħixu, u mhux kemm ngħadduha, u għalhekk nagħmlu l-almu tagħna biex nagħtu xhieda tal-verità fil-karità, billi nħobbu lil xulxin bħalma għallimna Ġesù (ara Ġw 15:12).
Ħuti, mhuwiex minnu, kif jaħsbu xi wħud, li l-ġrajjiet tad-dinja “ħarbu” minn idejn Alla. Mhuwiex minnu li l-istorja jagħmluha l-vjolenti, il-prepotenti, il-kburin. Ħafna ħażen li jħabbatna hu opra tal-bniedem, ingann tal-Ħażin, imma kollox hu mqiegħed, fl-aħħar, għall-ġudizzju ta’ Alla. Dawk li jeqirdu lill-bnedmin, li jagħmlu l-gwerer, x’wiċċ irid ikollhom imbagħad meta jidhru quddiem il-Mulej? “Għaliex għamilt dik il-gwerra? Għaliex qtilt?”. U huma, x’sa jwieġbu? Ejjew naħsbu f’dan, u anki fina nfusna. Aħna m’aħniex nagħmlu l-gwerra, m’aħniex noqtlu, imma għamilt dan, dan, dan… Meta l-Mulej jgħidilna: “Imma għaliex għamilt dan? Għaliex kont inġust f’dan? Għaliex infaqt dawn il-flus fil-vanità tiegħek?”. Lilna lkoll il-Mulej se jitlob dawn il-ħwejjeġ. Il-Mulej iħallina liberi, imma ma jħalliniex waħidna: imqar jekk jikkoreġina meta naqgħu, ma jieqaf qatt iħobbna u, jekk irridu, jerġa’ jerfagħna, biex nistgħu nerġgħu nibdew mexjin.
Fi tmiem din l-Ewkaristija, iż-żgħażagħ Portugiżi se jafdaw is-simboli tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ liż-żgħażagħ Koreani: is-Salib u l-Ikona ta’ Marija Salus Populi Romani. Dan ukoll huwa sinjal: stedina, lilna lkoll, biex ngħixu u nwasslu l-Vanġelu f’kull rokna tal-art, mingħajr ma nieqfu u mingħajr ma naqtgħu qalbna, nerġgħu nqumu wara kull waqgħa u ma nieqfu qatt nittamaw, kif jgħid il-Messaġġ ta’ dan il-Jum: “Dawk li jittamaw fil-Mulej jimxu bla ma jintelqu” (ara Iż 40:31). Intom, żgħażagħ Koreani, ilqgħu dan is-Salib tal-Mulej, Salib tal-ħajja, sinjal ta’ rebħa, imma mhux waħdu: se tirċevuh flimkien mal-Omm. Hi Marija li se sseħibna dejjem lejn Ġesù; hi Marija li fil-mumenti diffiċli tinsab maġenb is-Salib tagħna biex tgħinna, għax hija Omm, hi l-Mamà tagħna. Hi l-Mamà tagħna. Aħsbu f’Marija.
Ejjew inżommu ħarsitna msammra fuq Ġesù, fuq is-Salib tiegħu, u fuq Marija, l-Omm tagħna: hekk, anki fid-diffikultajiet, insibu l-qawwa li nimxu ’l quddiem, bla ma nibżgħu mill-akkużi, bla ħtieġa tal-kunsensi, bid-dinjità proprja tagħna, biċ-ċertezza tagħna li niġu salvati u li niġu msieħba mill-Omm, Marija, bla ma nagħmlu kompromessi, mingħajr irtokk spiritwali. Id-dinjità tagħkom ma għandhiex bżonn ta’ rtokki. Ejjew nibqgħu mexjin ’il quddiem, kuntenti li aħna hemm għal kulħadd, li mexjin fl-imħabba, li aħna xhieda tal-verità. U nitlobkom, la titilfux il-ferħ. Grazzi.
______________________________________
Kliem imlissen mill-Papa waqt il-passaġġ tas-simboli tal-JDŻ
Nixtieq insellem lilkom ilkoll, żgħażagħ hawn preżenti, u ż-żgħażagħ tad-dinja kollha, b’mod partikulari lid-delegazzjoni li ġiet mill-Portugall, fejn inżamm, is-sena l-oħra, il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, u d-delegazzjoni tal-Korea ta’ Isfel, li se torganizza dak li jmiss f’Seoul fl-2027. Minn hawn u ftit tal-mumenti oħra ż-żgħażagħ Portugiżi se jgħaddu s-simboli tal-JDŻ – is-Salib u l-ikona ta’ Maria Salus Populi Romani – liż-żgħażagħ Koreani. Dawn is-simboli kienu ġew fdati liż-żgħażagħ minn San Ġwanni Pawlu II biex jeħduhom fid-dinja kollha.
U intom, għeżież żgħażagħ Koreani, issa jmiss lilkom! Intom u tieħdu s-Salib fl-Asja, tkunu tħabbru lil kulħadd l-imħabba ta’ Kristu. Kuraġġ! Kuraġġ biex tagħtu xhieda tat-tama li llum għandna bżonn iżjed minn qatt qabel. Hemm, mnejn se jgħaddu dawn is-simboli, jistgħu jikbru ċ-ċertezza tal-imħabba invinċibbli ta’ Alla u l-fraternità bejn il-popli. U għaż-żgħażagħ kollha vittmi tal-kunflitti u tal-gwerer, is-Salib tal-Mulej u l-ikona ta’ Marija Santissma, ħa jkunu sostenn u faraġ.
miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard