QUDDIESA U KANONIZZAZZJONI TAL-BEATI:
MANUEL RUIZ LÓPEZ U S-SEBA’ SĦABU U FRANĠISKU, MOOTI U RAFEL MASSABKI, GIUSEPPE ALLAMANO, MARIE-LÉONIE PARADIS U ELENA GUERRA
KAPPELLA PAPALI
OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
Pjazza San Pietru
Id-XXIX Ħadd ta’ Matul is-Sena, 20 ta’ Ottubru 2024
Lil Ġakbu u Ġwanni, Ġesù jistaqsihom: “Xi triduni nagħmlilkom?” (Mk 10:36). U dritt wara jkompli jagħfas: “Għandkom ħila tixorbu l-kalċi li se nixrob jien, u titgħammdu bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien?” (Mk 10:38). Ġesù jagħmel mistoqsijiet u, proprju hekk, jgħinna nagħmlu dixxerniment, għax il-mistoqsijiet jgħinuna niskopru dak li hemm ġo fina, idawlu dak li nġorru fil-qalb tagħna u li xi drabi aħna ma nkunux nafu.
Inħallu l-Kelma ta’ Alla tistaqsina. Nimmaġinaw li qed jistaqsi lilna, lil kull wieħed u waħda minna: “Xi tridni nagħmillek?”; u t-tieni mistoqsija: “Għandek il-ħila tixrob mill-istess kalċi tiegħi?”.
Permezz ta’ dawn il-mistoqsijiet, Ġesù joħroġ ir-rabta u x-xewqat li d-dixxipli għandhom miegħu, bid-dwal u d-dellijiet tipiċi ta’ kull relazzjoni. Fil-fatt, Ġakbu u Ġwanni huma marbutin ma’ Ġesù imma għandhom xi pretensjonijiet. Huma jesprimu x-xewqa li jkunu qrib tiegħu, imma biss biex jokkupaw post ta’ ġieħ, biex ikollhom rwol importanti, biex “joqogħdu wieħed fuq il-lemin tiegħu u l-ieħor fuq ix-xellug fil-glorja tiegħu” (ara Mk 19:37). Evidentement iħarsu lejn Ġesù bħala Messija, rebbieħ, glorjuż, u minnu jistennew li jaqsam il-glorja tiegħu magħhom. F’Ġesù jaraw il-Messija, imma jimmaġinawh skont il-loġika tal-poter.
Ġesù ma jiqafx mal-kliem tad-dixxipli, imma jinżel fil-fond iktar, jisma’ u jaqra l-qalb ta’ kull wieħed minnhom u anki ta’ kull wieħed u waħda minna. U, fid-djalogu, permezz ta’ żewġ mistoqsijiet, ifittex kif joħroġ ix-xewqa li hemm f’dawk it-talbiet.
L-ewwel jistaqsi: “Xi triduni nagħmlilkom?”; u din il-mistoqsija tikxef il-ħsibijiet tal-qalb tagħhom, tixħet dawl fuq ix-xewqat moħbija u l-ħolm ta’ glorja li d-dixxipli jikkultivaw segretement. Bħallikieku Ġesù qed jistaqsihom: “Min tridni nkun għalik?”, u, hekk, jikxef il-maskra ta’ dak li huma jixtiequ tassew: Messija qawwi, Messija rebbieħ li jagħtihom post ta’ ġieħ. U xi drabi fil-Knisja jitfaċċa dan il-ħsieb: il-ġieħ, il-poter…
Imbagħad, bit-tieni mistoqsija tiegħu, Ġesù jwarrab dik ix-xbieha ta’ Messija u b’dan il-mod jgħinhom jibdlu ħarsithom, jiġifieri jikkonvertu: “Għandkom ħila tixorbu l-kalċi li se nixrob jien, u titgħammdu bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien?”. B’dan il-mod, jurihom li hu mhux il-Messija li qed jaħsbu huma; huwa Alla tal-imħabba, li jitbaxxa biex jilħaq lil min jinsab fil-baxx; li jsir dgħajjef biex jerfa’ lid-dgħajfin, li jaħdem għall-paċi u mhux għall-gwerra, li ġie biex jaqdi u mhux biex ikun moqdi. Il-kalċi li l-Mulej se jixrob huwa l-offerta tal-ħajja tiegħu, huwa l-ħajja tiegħu mogħtija għalina bi mħabba, sal-mewt u sal-mewt tas-salib.
U, allura, fuq il-lemin u fuq ix-xellug tiegħu se jkun hemm żewġ ħallelin, imdendla bħalu mas-salib u mhux komdi f’xi postijiet tal-poter; żewġ ħallelin imsammrin ma’ Kristu fit-tbatija u mhux bilqiegħda fil-glorja. Is-Sultan mislub, il-Ġust ikkundannat isir ilsir ta’ kulħadd: dak hu tassew l-Iben ta’ Alla! (ara Mk 15:39). Jirbaħ mhux min jiddomina, imma min jaqdi bi mħabba. Intennu: jirbaħ mhux min jiddomina, imma min jaqdi bi mħabba. Dan fakkrtihulna wkoll l-Ittra lil-Lhud: “Aħna ma għandniex qassis il-kbir li ma jistax jagħder id-dgħufija tagħna, imma għandna wieħed li kien imġarrab bħalna f’kollox” (Lhud 4:15).
U hawn Ġesù jista’ jgħin lid-dixxipli jikkonvertu, jibdlu l-mentalità: “Tafu intom, dawk in-nies, li l-bnedmin jgħodduhom bħala kapijiet tal-pagani, jaħkmu fuqhom, u l-kbarat tagħhom iħaddmu s-setgħa tagħhom fuqhom” (Mk 10:42). Imma ma għandux ikun hekk, għal min jimxi wara Alla li sar qaddej biex jilħaq lil kulħadd bi mħabbtu. Min jimxi wara Kristu, jekk irid ikun kbir għandu jaqdi, jitgħallem minnu.
Ħuti, Ġesù jikxef il-ħsibijiet, jikxef ix-xewqat u dak li tipproġetta qalbna, u xi drabi jikxef il-maskri tal-pretensjonijiet tagħna ta’ glorja, ta’ ħakma, ta’ poter, ta’ vanità. Hu jgħinna naħsbu mhux iżjed skont il-kriterji tad-dinja, imma skont l-istil ta’ Alla, li jmur l-aħħar wieħed biex dawk li huma tal-aħħar jiġu merfugħa u jsiru tal-ewwel. U dawn il-mistoqsijiet ta’ Ġesù, bit-tagħlim tiegħu dwar il-qadi, spiss ma jinftehmux, ma nifhmuhomx aħna kif ma fehmuhomx id-dixxipli. Imma jekk nimxu warajh, jekk nimxu fit-triq tiegħu u nilqgħu d-don ta’ mħabbtu li jibdel il-mod tagħna ta’ kif naħsbu, nistgħu aħna wkoll nitgħallmu l-istil ta’ Alla: l-istil ta’ Alla, il-qadi. Ma ninsewx it-tliet kelmiet li juru l-istil ta’ Alla li jaqdi: qrubija, kompassjoni u ħlewwa. Alla jiġi qrib tagħna biex jaqdina; jagħdirna biex jaqdina; juri ħlewwa u tjieba biex jaqdi. Qrubija, kompassjoni u ħlewwa…
Għal dan irridu nixxennqu: mhux għall-poter, imma għall-qadi. Il-qadi huwa l-istil ta’ ħajja Nisranija. Dan ma jfissirx li jkollna lista ta’ ħwejjeġ x’nagħmlu, biex, ladarba nagħmluhom, nistgħu ngħidu li xogħolna lest; min jaqdi bi mħabba ma jgħidx: “issa jmiss lil xi ħadd ieħor”. Jaħsbuha hekk l-impjegati, mhux ix-xhieda. Il-qadi jinbet mill-imħabba u l-imħabba ma tafx b’konfini, ma tagħmilx kalkoli, tingħata. L-imħabba ma tillimitax ruħha għall-produzzjoni li twassal għar-riżultati, mhijiex xi prestazzjoni okkażjonali, imma hi xi ħaġa li tinbet mill-qalb, qalb imġedda mill-imħabba u fl-imħabba.
Meta nitgħallmu naqdu, kull ġest tagħna ta’ attenzjoni u ta’ għożża, kull espressjoni ta’ ħlewwa, kull opra ta’ ħniena jsiru mera tal-imħabba ta’ Alla. U hekk ilkoll kemm aħna – u kull wieħed u waħda minna – inkomplu l-opra ta’ Ġesù fid-dinja.
F’dan id-dawl nistgħu niftakru fid-dixxipli tal-Vanġelu, li llum qed jiġu kkanonizzati. Matul l-istorja tturmentata tal-umanità, huma kienu qaddejja fidili, irġiel u nisa li qdew fil-martirju u fil-ferħ, bħal Fra Manuel Ruiz Lopez u sħabu. Huma saċerdoti u nisa kkonsagrati mħeġġa, u mħeġġa b’passjoni missjunarja, bħal Dun Giuseppe Allamano, Swor Paradis Marie Leonie u Swor Elena Guerra. Dawn il-qaddisin ġodda għexu l-istil ta’ Ġesù: il-qadi. Il-fidi u l-appostolat li wettqu ma kabbrux fihom xewqat mondani u ossessjonijiet ta’ poter imma, bil-maqlub, huma saru qaddejja tal-aħwa, kreattivi fil-ġid li għamlu, sħaħ fis-saram, ġenerużi sal-aħħar.
Nitolbu fiduċjużi l-interċessjoni tagħhom, biex aħna wkoll nistgħu nimxu wara Kristu, nimxu warajh fil-qadi u nsiru xhieda ta’ tama għad-dinja.
miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard