QUDDIESA MAL-KARDINALI ĠODDA U L-KULLEĠĠ TAL-KARDINALI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika ta’ San Pietru

Solennità tat-Tnissil bla Tebgħa tal-Verġni Mqaddsa Marija

Il-Ħadd 8 ta’ Diċembru 2024

 

“Ifraħ, mimlija bil-grazzja” (Lq 1:28). B’din it-tislima, fid-dar fqajra ta’ Nazaret, l-Anġlu jiżvela lil Marija l-misteru tal-Qalb bla tebgħa tagħha, sa mit-tnissil tagħha “ħielsa minn kull tebgħa ta’ dnub oriġinali” (il-Beatu Piju IX, Kostituzzjoni appostolika Ineffabilis Deus, 8 ta’ Diċembru 1854). B’ħafna modi, matul is-sekli, bi kliem u xbihat, l-Insara ppruvaw jirrappreżentaw dan id-don, b’enfasi fuq il-grazzja u l-ħlewwa fil-karatteristiċi tal-“Imbierka fost in-nisa” (ara Lq 1:42), permezz tal-fattizzi fiżiċi u l-kategoriji tal-iktar razez u kulturi differenti.

 

U fil-fatt l-Omm ta’ Alla – kif osserva San Pawlu VI – turina “dak li għandna lkoll f’qiegħ qalbna: ix-xbieha awtentika tal-umanità […] innoċenti, qaddisa, […] għax l-essri tagħha hu kollu armonija, safa, sempliċità – hekk hi Marija: kollha armonija, safa, sempliċità –; kollox fiha hu trasparenza, ġentilezza, perfezzjoni; kollox hu ġmiel” (Omelija fis-Solennità tal-Immakulata Kunċizzjoni, 8 ta’ Diċembru 1963).

 

Mela ejjew nieqfu għal ftit biex nikkontemplawh, dan il-ġmiel, għad-dawl tal-Kelma ta’ Alla, fi tliet aspetti tal-ħajja ta’ Marija li jqarrbuha lejna u jagħmluna iktar ta’ ġewwa magħha. U liema huma dawn it-tliet aspetti? Marija bint, Marija għarusa u Marija omm.

 

Qabelxejn ħa nħarsu lejn l-Immakulata bħala bint. Il-Kotba Mqaddsa ma jgħidulna xejn dwar tfulitha. Imma l-Vanġelu jippreżentahielna, fid-daħla tagħha fix-xena tal-istorja, bħala xebba żagħżugħa għanja fil-fidi, umli u sempliċi. Hija l-“verġni” (ara Lq 1:27), li fil-ħarsa tagħha tilma l-imħabba tal-Missier u fil-Qalb safja tagħha l-gratwità u r-rikonoxxenzza huma l-lewn u l-fwieħa tal-qdusija. Hawn il-Madonna tidher quddiemna sabiħa bħal fjura li kibret fis-satra u fl-aħħar kienet lesta li twarrad fl-għotja tagħha nfisha. Għax il-ħajja ta’ Marija hija għotja kontinwa tagħha nfisha.

 

U dan jeħodna għat-tieni dimensjoni tal-ġmiel tagħha: dik ta’ għarusa, jiġifieri ta’ dik li Alla għażel bħala sieħba fil-pjan tiegħu ta’ salvazzjoni (ara Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika Lumen gentium, 61). Dan jgħidu l-Konċilju: Alla għażel lil Marija, għażel mara bħala sieħba għall-pjan tiegħu ta’ salvazzjoni. Ma hemmx salvazzjoni mingħajr il-mara għax anki l-Knisja hi mara. U hi twieġeb “iva” billi tgħid: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej” (Lq 1:38). “Qaddejja” mhux fis-sens ta’ “mċekkna” u “umiljata”, imma ta’ persuna “fdata”, “stmata”, li lilha l-Mulej jafdalha t-teżori l-aktar għeżież u l-missjonijiet l-aktar importanti. Il-ġmiel tagħha allura, li fih ħafna faċċati bħal ta’ djamant, jikxef wiċċ ġdid: dak tal-fedeltà, tal-lealtà u tal-għożża li jikkaratterizzaw l-imħabba reċiproka tal-miżżewġin. Proprju kif fehem San Ġwanni Pawlu II, meta kiteb li l-Immakulata “aċċettat l-għażla li tkun Omm l-Iben ta’ Alla, imqanqla minn imħabba ta’ għerusija, imħabba li tikkonsagra lil Alla l-bniedem kollu kemm hu” (Ittra enċiklika Redemptoris Mater, 39).

 

U hekk naslu għat-tielet dimensjoni tal-ġmiel. Liema hi din it-tielet dimensjoni tal-ġmiel ta’ Marija? Dik ta’ omm. Huwa l-aktar mod komuni li fih nirraffigurawha: b’Ġesù tarbija f’dirgħajha, jew fil-presepju, qed tmil fuq l-Iben ta’ Alla mimdud fil-maxtura (ara Lq 2:7). Dejjem preżenti qrib Binha fiċ-ċirkustanzi kollha tal-ħajja: qrib fil-kura u moħbija fl-umiltà; bħal f’Kana, fejn taqbeż għall-għarajjes (ara Ġw 2:3-5), jew f’Kafarnahum, fejn hi mfaħħra għas-smigħ tagħha tal-Kelma ta’ Alla (ara Lq 11:27-28), jew fl-aħħar f’riġlejn is-salib – l-omm ta’ kkundannat –, fejn Ġesù nnifsu jagħtihielna bħala omm (ara Ġw 19:25-27). Hawn l-Immakulata hi sabiħa għax għammiela, jiġifieri għax taf tmut biex tagħti l-ħajja, għax tinsa lilha nfisha biex tieħu ħsieb ta’ min, ċkejken u ma għandux min jiddefendih, jersaq għandha.

 

Dan kollu nsibuh miġbur fil-Qalb safja ta’ Marija, ħielsa mid-dnub, doċli għall-azzjoni tal-Ispirtu s-Santu (ara San Ġwanni Pawlu II, Ittra enċiklika Redemptoris Mater, 13), lesta biex, bi mħabba, lil Alla tagħtih “il-qima kollha tal-intellett u tar-rieda” (Konċilju ekumeniku Vatikan II, Kostituzzjoni dommatika Dei Verbum, 5; ara Konċilju Vatikan I, Kostituzzjoni dommatika Dei Filius, 3).

 

Imma r-riskju jkun li naħsbu li dan hu xi ġmiel imbiegħed, ġmiel wisq għoli, li ma nistgħux nilħquh. Mhuwiex hekk. Fil-fatt, aħna wkoll nirċevuh b’don, fil-Magħmudija, meta niġu meħlusa mid-dnub u magħmula wlied Alla. U ma’ dan niġu fdati bis-sejħa li nieħdu ħsiebu, kif għamlet il-Verġni, bi mħabba ta’ wlied, għarajjes u ommijiet, bi gratitudni meta nirċievu u ġenerożità meta nagħtu, irġiel u nisa tal-“grazzi” u tal-“iva”, imlissna bil-kliem, imma fuq kollox bil-ħajja – kemm hu sabiħ tara rġiel u nisa li bil-ħajja tagħhom jgħidu grazzi u jgħidu “iva” –; lesti nagħtu wisa’ lill-Mulej fil-pjanijiet tagħna u nilqgħu bi ħlewwa materna lil dawk l-aħwa kollha li magħhom niltaqgħu tul il-mixja tagħna. Allura l-Immakulata mhijiex mit, duttrina astratta jew ideal impossibbli: hija l-proposta ta’ proġett sabiħ u konkret, il-mudell tal-umanità tagħna mwettaq b’mod sħiħ, li permezz tiegħu, bi grazzja ta’ Alla, nistgħu lkoll nagħtu sehemna biex nibdlu d-dinja tagħna għall-aħjar.

 

B’xorti ħażina, qed naraw madwarna kif il-pretensjoni tal-ewwel dnub, ta’ min ried “ikun bħal Alla” (ara Ġen 3:1-6), qed tkompli tfieri l-umanità, u kif din il-preżunzjoni ta’ awtosuffiċjenza qatt ma tnissel l-imħabba, u lanqas il-ferħ. Fil-fatt, min jeżalta bħala xi kisba r-rifjut ta’ kull rabta stabbli u fit-tul, ma jkunx irodd ħelsien. Min ineħħi r-rispett lejn l-omm u lejn il-missier, min ma jridx ulied, min iqis l-oħrajn bħala oġġett jew bħala fastidju, min il-qsim mal-oħrajn jarah bħala telfa u s-solidarjetà bħala ftaqir, la jxerred ferħ u lanqas futur. Għal xiex jiswew il-flus fil-bank, il-kumdità fl-appartamenti, il-“kuntatti” foloz tad-dinja virtwali, jekk imbagħad il-qlub jibqgħu kiesħa, battala, magħluqa? Għal xiex jiswew il-livelli għoljin ta’ tkabbir finanzjarju tal-pajjiżi pprivileġġjati, jekk imbagħad nofs id-dinja qed tmut bil-ġuħ u fil-gwerra, waqt li l-bqija jibqgħu jħarsu indifferenti? Għal xiex jiswa li nivvjaġġaw mal-pjaneta kollha, jekk imbagħad kull laqgħa tirriduċi ruħha għall-emozzjoni ta’ mument, għal ritratt li ħadd ma jibqa’ jiftakar iżjed wara ftit ġranet jew xhur?

 

Ħuti, illum aħna nħarsu lejn Marija Immakulata, u nitolbuha li l-Qalb tagħha mimlija mħabba tirbaħna għaliha, tibdilna u tagħmel minna komunità li fiha l-filjolanza, l-isponsalità u l-maternità jkunu regola u kriterju tal-ħajja: fejn il-familji jiltaqgħu, il-miżżewġin jaqsmu kollox ma’ xulxin, il-missirijiet u l-ommijiet huma preżenti fiżikament qrib ta’ wliedhom, u l-ulied jieħdu ħsieb tal-ġenituri. Dan hu l-ġmiel li dwaru tkellimna l-Immakulata, dan hu l-“ġmiel li jsalva d-dinja” u li quddiemu rridu nwieġbu aħna wkoll lill-Mulej, bħal Marija: “Hawn jien […], ħa jsir minni skont kelmtek” (Lq 1:38).

 

Qed niċċeleberaw din l-Ewkaristija flimkien mal-Kardinali l-ġodda. Huma aħwa li tlabthom jgħinuni fis-servizz pastorali tal-Knisja universali. Ġejjin minn tant partijiet tad-dinja, messaġġiera ta’ Għerf wieħed b’ħafna wċuħ, biex jgħinu fit-tkabbir u t-tixrid tas-Saltna ta’ Alla. Nafdawhom b’mod partikulari fl-interċessjoni ta’ Omm il-Feddej.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard