SOLENNITÀ TAL-EPIFANIJA TAL-MULEJ

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika ta’ San Pietru

It-Tnejn 6 ta’ Jannar 2025

 

“Rajna l-kewkba tiegħu tielgħa u ġejna nqimuh” (Mt 2:2). Din hi x-xhieda li taw il-Maġi lin-nies ta’ Ġerusalemm, u hekk ħabbrulhom li kien twieled is-sultan tal-Lhud.

 

Il-Maġi taw xhieda li huma kienu bdew mexjin f’direzzjoni differenti f’ħajjithom għax kienu lemħu dawl ġdid fis-sema. Ejjew nieqfu nirriflettu fuq din ix-xbieha aħna u niċċelebraw l-Epifanija tal-Mulej f’dan il-Ġublew tat-tama. Nixtieq li nħarsu lejn tliet karatteristiċi tal-kewkba li dwarha jitkellem Mattew l-Evanġelista: tiddi, jaraha kulħadd u turi t-triq.

 

L-ewwel nett, il-kewkba tiddi. Ħafna mexxejja ta’ żmien Ġesù kienu jsejħu lilhom infushom “stilel” għax kienu jħossuhom importanti, potenti u famużi. Imma d-dawl li lill-Maġi wriehom l-għaġeb tal-Milied ma kien ebda wieħed minn dawn id-“dwal”. Il-kobor artifiċjali u kiesaħ tagħhom, li kien ġej mill-intriċċi u l-logħbiet tagħhom tal-poter, ma setax jissodisfa l-bżonnijiet tal-Maġi li kienu qed ifittxu dak li hu ġdid u jimla bit-tama. Minflok, l-għatx tagħhom huma qatgħuh b’xorta oħra ta’ dawl, issimbolizzat mill-kewkba, li jdawwal u jsaħħan il-qlub tal-oħrajn billi jħeġġeġ bil-qawwa u jiġi kkonsmat. Il-kewkba tkellimna dwar dak id-dawl waħdieni li jista’ juri lill-bnedmin kollha t-triq tas-salvazzjoni u l-ferħ, jiġifieri dak tal-imħabba. Dan hu l-uniku dawl li jista’ jferraħna.

 

Fuq kollox, dan id-dawl huwa l-imħabba ta’ Alla, li sar bniedem u ngħata għalina billi offra ħajtu. Mela, aħna u nirriflettu, nistgħu naraw li dan id-dawl isejjaħ lilna wkoll biex ningħataw għal xulxin, u nsiru, bl-għajnuna tiegħu, sinjal ta’ tama għal xulxin, imqar qalb l-aktar iljieli mudlama ta’ ħajjitna. Ejjew naħsbu dwar dan: aħna qed niddu bit-tama? Kapaċi nagħtu t-tama lill-oħrajn permezz tad-dawl tal-fidi tagħna?

 

Il-kewkba bid-dija tagħha lill-Maġi wasslithom Betlehem. Aħna wkoll, bl-imħabba tagħna, nistgħu nwasslu lil Ġesù għand in-nies li magħhom niltaqgħu, u hekk ngħinuhom jaraw fl-Iben ta’ Alla magħmul bniedem il-ġmiel tal-wiċċ tal-Missier (ara Iż 60:2) u l-mod ta’ kif huwa jħobb, li hu permezz tal-qrubija, il-mogħdrija u l-ħlewwa. Ejjew ma ninsewh qatt dan: Alla hu qrib tagħna, jagħder u jħenn. Din hi l-imħabba: qrubija, mogħdrija u ħlewwa. Iktar minn hekk, dan nistgħu nagħmluh mingħajr il-ħtieġa ta’ mezzi straordinarji jew metodi sofistikati, imma sempliċiment billi nagħmlu li qlubna jkunu jixegħlu bil-fidi, ħarsitna tkun ġeneruża fl-akkoljenza, il-ġesti u l-kliem tagħna mimlija ħlewwa u tjieba.

 

Hekk, aħna u nirriflettu fuq il-Maġi, li waħħlu ħarsithom fis-sema jfittxu l-kewkba, ejjew nitolbu lill-Mulej li aħna nkunu dwal jiddu li nistgħu nwasslu lil xulxin għal-laqgħa miegħu (ara Mt 5:14-16). Kemm hu ta’ swied il-qalb meta xi ħadd ma jkunx dawl għall-oħrajn.

 

Issa niġu għat-tieni karatteristika tal-kewkba: jista’ jaraha kulħadd. Il-Maġi ma kinux qed isegwu l-ħjiel ta’ xi kodiċi sigriet, imma kewkba li huma raw tiddi fis-sema. Huma u jifluha, oħrajn – bħal Erodi u l-kittieba – lanqas biss kienu konxji mill-preżenza tagħha. Imma l-kewkba tinsab dejjem hemm, aċċessibbli għal dawk li jerfgħu ħarsithom lejn is-sema jfittxu sinjal ta’ tama. Aħna sinjali ta’ tama għall-oħrajn?

 

Dan ukoll għandu messaġġ importanti. Alla ma jurix lilu nnifsu lil gruppi esklussivi jew lil ftit nies ipprivileġġjati. Alla joffri l-ħbiberija u l-gwida tiegħu lil dawk li jfittxuh b’qalb sinċiera (ara Salm 145:18). Tabilħaqq, hu spiss jantiċipa l-mistoqsijiet tagħna, u jiġi jfittixna qabel aħna stess nitolbu (ara Rum 10:20; Iż 65:1). Għal din ir-raġuni, fix-xeni tan-Natività, aħna ndaħħlu l-Maġi bil-karatteristiċi ta’ kull età u razza: żagħżugħ, adult, anzjan, biex jirriflettu d-diversi popli tad-dinja. Dan nagħmluh biex niftakru li Alla jfittex lil kulħadd, dejjem. Alla jfittex lil kulħadd, kulħadd.

 

Nagħmlu sew jekk nimmeditaw fuq dan illum, fi żmien meta individwi u nazzjonijiet huma mgħammra b’mezzi ta’ komunikazzjoni dejjem aktar b’saħħithom, u safrattant donnu għandhom inqas rieda li jifhmu, jaċċettaw u jiltaqgħu mal-oħrajn fid-diversità tagħhom!

 

Il-kewkba, li tiddi fis-sema u toffri d-dawl tagħha lil kulħadd, tfakkarna li l-Iben ta’ Alla ġie fid-dinja biex jiltaqa’ ma’ kull persuna fuq din l-art, huma x’inhuma l-grupp etniku, il-lingwa jew il-poplu li tagħmel parti minnhom (ara Atti 10:34-35; Apok 5:9), u li hu jafdalna f’idejna dik l-istess missjoni universali (ara Iż 60:3). Fi kliem ieħor, Alla jsejħilna biex inwarrbu kull ħaġa li tiddiskrimina, teskludi jew tarmi lill-persuni, u minflok nippromovu, fil-komunitajiet u l-postijiet fejn ngħixu, kultura b’saħħitha ta’ akkoljenza, fejn minflok il-postijiet dojoq ta’ biża’ u kundanna hemm spazji wiesgħa ta’ laqgħa, integrazzjoni u qsim tal-ħajja; spazji siguri fejn kulħadd jista’ jsib is-sħana u l-kenn.

 

Allura l-kewkba tinsab fis-sema mhux biex tibqa’ mbiegħda u inaċċessibbli, imma biex id-dawl tagħha jista’ jarah kulħadd, biex tista’ tilħaq kull dar u taqbeż kull ħajt, u twassal tama fl-aktar irkejjen maqtugħa u minsija tal-pjaneta. Qiegħda fis-sema biex, bid-dawl ħanin tagħha, tista’ tgħid lil kulħadd li Alla ma jirrifjuta jew jinsa lil ħadd (ara Iż 49:15). Għaliex? Għax hu Missier li l-akbar ferħ tiegħu hu li jara lil uliedu jerġgħu lura d-dar, miġmugħa flimkien minn kull rokna tad-dinja (ara Iż 60:4). Hu jifraħ jara lil uliedu jibnu pontijiet, iwittu t-toroq, ifittxu lil dawk li ntilfu u jerfgħu fuq spallejhom lil dawk li qed isibuha bi tqila biex jimxu, biex ħadd ma jitħalla lura u kulħadd jista’ jkollu sehem fil-ferħ tad-dar tal-Missier.

 

Il-kewkba tkellimna dwar il-ħolma ta’ Alla li l-bnedmin kullimkien, fil-firxa wiesgħa u għanja kollha tagħhom, flimkien isawru familja waħda li tista’ tgħix b’armonija fil-prosperità u l-paċi (ara Iż 2:2-5).

 

Dan iwassalna għat-tielet karatteristika tal-kewkba: hi turi t-triq. Dan ukoll hu ħsieb li jista’ jgħinna, speċjalment fil-kuntest tas-Sena Mqaddsa li qed niċċelebraw, fejn wieħed mill-aspetti prinċipali hu l-pellegrinaġġ.

 

Id-dawl tal-kewkba jistedinna nagħmlu vjaġġ interjuri li, kif kiteb San Ġwanni Pawlu II, jeħles lil qlubna minn kulma mhuwiex imħabba, biex nistgħu “nilta  qgħu ma’ Kristu b’mod sħiħ, nistqarru l-fidi tagħna fih u nilqgħu l-kotra tal-ħniena tiegħu” (Ittra dwar il-Pellegrinaġġ lejn l-Imkejjen marbuta mal-Istorja tas-Salvazzjoni, 29 ta’ Ġunju 1999, 12).

 

Li nimxu flimkien hu “tradizzjonalment marbut mat-tiftixa umana għal tifsira fil-ħajja” (ara Spes non confundit, 5). Aħna u nħarsu lejn il-kewkba, nistgħu nġeddu wkoll l-impenn tagħna li nkunu nisa u rġiel tat-“Triq”, kif spiss kienu jirriferu għall-Insara fl-ewwel snin tal-Knisja (ara Atti 9:2).

 

Mela jalla l-Mulej jagħmel minna dwal li mmexxu oħrajn lejh; jagħmilna ġenerużi, bħal Marija, billi nagħtu minna nfusna, nilqgħu u nkunu umli f’li nimxu flimkien, biex nistgħu niltaqgħu miegħu, nagħrfuh u nagħtuh qima. Imġeddin minnu, ħa noħorġu biex inwasslu d-dawl ta’ mħabbtu fid-dinja.

 

 

miġjuba mill-Ingliż għall-Malti minn Francesco Pio Attard